IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 26.11.2024
COM(2024) 715 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Finlandja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 26.11.2024
COM(2024) 715 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Finlandja
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju tal-Finlandja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,
Billi:
KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI
(1)Qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE riformat daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva ta’ politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 2 , u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3 huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-għan tal-qafas hu li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u aktar koerenti tar-regoli.
(2)Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Il-pjanijiet huma li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta 4 , li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri 4 jew 5 snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru se jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inklużi dawk li jappartjenu għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (MIP, Macroeconomic Imbalances Procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru se jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta’ 4 snin, li jista’ jiġi estiż sa 3 snin jekk l-Istat Membru jimpenja ruħu li jwettaq sett ta’ riformi u investimenti rilevanti li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.
(3)Wara s-sottomissjoni tal-pjan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(4)Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru konċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali.
KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI TA’ TERMINU MEDJU TAL-FINLANDJA
(5)Fl-10 ta’ Ottubru 2024, il-Finlandja ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tagħha ta’ terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif miftiehem mal-Kummissjoni.
Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan
(6)Fil-21 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja 5 lill-Finlandja. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fl-10 ta’ Ottubru 2024 6 . It-trajettorja referenzjarja hija bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta’ aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli ’l isfel jew jibqa’ f’livelli prudenti fuq terminu medju, u d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta’ 10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ aġġustament. F’konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u s-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tal-Finlandja tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni u jekk wieħed jassumi perjodu ta’ aġġustament ta’ 7 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b’aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 1,5 % matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2031) u ta’ 1,5 % matul il-perjodu kopert mill-pjan (2025-2028).
Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lill-Finlandja fil-21 ta’ Ġunju 2024
|
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2029 |
2030 |
2031 |
Medja 2025-2028 |
Medja 2025-2031 |
|
|
Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %) |
1,4 |
1,5 |
1,4 |
1,5 |
1,5 |
1,6 |
1,7 |
1,5 |
1,5 |
Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.
(7)F’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Finlandja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku minn Ġunju sa Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mill-Finlandja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tagħha, is-sett previst ta’ impenji ta’ riforma u investiment biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament inklużi riformi u investimenti (bħar-riforma komprensiva tas-sigurtà soċjali u l-mudell ta’ benefiċċju uniku u r-riforma komprensiva tal-assistenza soċjali), kif ukoll it-twettiq previst ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.
(8)F’Ottubru 2024, f’konformità mal-Artikolu 11(3) u 36(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja fil-pjan tagħha, il-Finlandja kienet involuta fi proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-Kunsill Ekonomiku tal-Finlandja. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Finlandja fil-pjan tagħha, il-pjan ġie diskuss mill-Kunsill Ekonomiku fit-2 ta’ Ottubru 2024. Is-soċjetà ċivili ġiet mistiedna għal seduta miftuħa fit-3 ta’ Ottubru 2024.
(9)Il-pjan ġie ppreżentat lill-parlament nazzjonali fit-2 ta’ Ottubru 2024.
Proċessi oħra relatati
(10)Fl-10 ta’ Ottubru 2024, il-Finlandja ppreżentat l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju fis-[26 ta’ Novembru 2024] 7 .
(11)Fil-21 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lill-Finlandja serje ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs, Country-Specific Recommendations) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 8 .
SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TA’ DAN MILL-KUMMISSJONI
(12)Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:
Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali
(13)L-attività ekonomika fil-Finlandja naqset b’1,2 % fl-2023, hekk kif iż-żidiet fil-prezzijiet tal-konsumatur u r-rati tal-imgħax ħallew impatt fuq il-konsum u l-investiment, b’mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija li tonqos b’0,3 % fl-2024, bħala riżultat tal-konsum staġnat u t-tnaqqis fl-investiment fl-ewwel nofs tas-sena. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b’1,5 %, peress li l-konsum u l-investiment privat huma projettati li jirkupraw bis-saħħa ta’ żidiet fil-pagi reali u kostijiet ta’ finanzjament aktar baxxi, filwaqt li t-tkabbir fl-esportazzjoni huwa projettat li jerġa’ jiżdied f’konformità mad-domanda barranija li qed tiżdied. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b’1,6 %, hekk kif li l-irkupru fuq bażi wiesgħa huwa projettat li jkompli. Matul il-perjodu ta’ tbassir (jiġifieri, 2024-2026), il-PDG potenzjali fil-Finlandja huwa mistenni li jiżdied b’medja ta’ 0,6 % kull sena mill-2024 sal-2026, xprunat minn akkumulazzjoni ta’ kapital u żidiet fil-produttività totali tal-fatturi. Ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 7,2 % fl-2023 u hija projettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 8,2 % fl-2024, 7,9 % fl-2025 u 7,5 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur PDG) hija projettata li tonqos minn 3,9 % fl-2023 għal 1,4 % fl-2024, u li tilħaq 2,1 % fl-2025 u 1,9 % fl-2026.
(14)Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tal-Finlandja ammonta għal 3,0 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq 3,7 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos għal 3,0 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta’ ebda bidla fil-politika, għal 2,5 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit tal-Finlandja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f’Settembru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 77,1 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 82,6 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Dan huwa mistenni li jkompli jiżdied għal 84,7 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 85,3 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta’ politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm dawn ikunu sostnuti minn miżuri ta’ politika konkreti mħabbra b’mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.
Perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan
(15)Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tal-Finlandja fuq terminu medju jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq perjodu ta’ 7 snin.
(16)Il-pjan fih l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(17)Il-pjan jagħti impenn għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għat-tkabbir medju fin-nefqa netta ta’ 2,2 % matul is-snin 2025-2028. Barra minn hekk, il-Finlandja tagħti impenn għal sett ta’ riformi u investimenti bil-għan li testendi l-perjodu ta’ aġġustament għal 7 snin (2025-2031), li matulhom it-tkabbir nett medju fin-nefqa huwa ppjanat li jkun ta’ 2,4 %. It-tkabbir medju fin-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta’ aġġustament (2025-2031) huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja li ntbagħtet mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Ġunju 2024. Il-pjan jassumi tkabbir tal-PDG potenzjali regolari ta’ 0,9 % għal kull sena tal-perjodu ta’ aġġustament. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta’ tkabbir tad-deflatur PDG tiżdied minn 1,7 % fl-2024 għal 2,1 % fl-2025 u gradwalment tiżdied għal 2,4 % sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament.
Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tal-Finlandja
|
Estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament |
||||||||||
|
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2029 |
2030 |
2031 |
Medja matul il-perjodu ta’ validità tal-pjan 2025-2028 |
Medja matul il-perjodu ta’ aġġustament 2025 – 2031 |
|
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
3,7 |
1,6 |
1,9 |
2,6 |
2,6 |
2,8 |
2,8 |
2,9 |
2,2 |
2,4 |
|
Tkabbir fin-nefqa netta
|
3,7 |
5,3 |
7,4 |
10,1 |
13,0 |
16,1 |
19,4 |
22,8 |
mhux applikabbli |
mhux applikabbli |
|
Tkabbir potenzjali tal-PDG (%) |
1,1 |
0,9 |
0,9 |
0,9 |
0,9 |
0,9 |
0,9 |
0,9 |
0,9 |
0,9 |
|
Inflazzjoni (Tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%) |
1,7 |
2,1 |
2,2 |
2,2 |
2,3 |
2,3 |
2,4 |
2,4 |
2,2 |
2,3 |
Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tal-Finlandja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż
(18)Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos minn 81,7 % fl-2024 għal 78,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament fl-2031, skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2041), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli jonqos skont il-pjan, billi jonqos taħt is-60 % tal-PDG fl-2039 u jilħaq 52,7 % fl-2041.
Tabella 3: Dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tal-Finlandja
|
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2029 |
2030 |
2031 |
2041 |
|
|
Id-dejn tal-gvern (% tal-PDG) |
76,6 |
81,7 |
83,2 |
83,9 |
83,6 |
82,9 |
81,4 |
79,7 |
78,2 |
52,7 |
|
Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG) |
-2,9 |
-3,7 |
-2,9 |
-2,0 |
-1,4 |
-0,9 |
-0,4 |
0,0 |
0,3 |
1,6 |
Sors: Il-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju tal-Finlandja.
Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jinġieb taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Dan huwa plawżibbli peress li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, id-dejn ikun projettat li jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG sal-2041 skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż
(19)Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos taħt it-3 % tal-PDG fl-ewwel sena tal-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri l-2025) u jkompli jonqos wara dan, filwaqt li jinbidel f’surplus fl-2031. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta’ aġġustament (2031). Barra minn hekk, fl-10 snin ta’ wara l-perjodu ta’ aġġustament (jiġifieri sal-2041), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali
(20)Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, huwa antiċipat, meta mqabbel mal-perkors lineari msemmi bħala regola skont l-Artikolu 6, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Dan huwa dovut għal konsolidazzjoni fiskali akbar li seħħet fl-2025, u għar-reġistrazzjoni fil-kontijiet nazzjonali tal-akkwist fil-qasam tad-difiża fl-2025 u fl-2027 li twassal għal aktar devjazzjonijiet mill-profil lineari. B’riżultat ta’ dan, l-aġġustament fiskali matul l-ewwel 4 snin tal-pjan huwa aktar minn proporzjonali għall-isforz ta’ aġġustament totali. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mal-prinċipju ta’ ebda posponiment stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan tal-Finlandja
|
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
2029 |
2030 |
2031 |
|
|
Bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG) |
-0,34 |
-0,37 |
0,44 |
1,10 |
1,42 |
1,78 |
2,06 |
2,34 |
2,62 |
|
Bidla fil-bilanċ primarju strutturali (punti perċentwali) |
mhux applikabbli |
-0,04 |
0,82 |
0,66 |
0,32 |
0,36 |
0,28 |
0,28 |
0,28 |
Sors: Il-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju tal-Finlandja
Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit
(21)Jekk is-suppożizzjonijiet u l-impenji tal-pjan jimmaterjalizzaw, id-defiċit strutturali jibqa’ taħt il-1,5 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-marġni ta’ reżiljenza komuni msemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263 se jkompli jiġi rispettat, u għalhekk it-titjib addizzjonali fil-bilanċ primarju strutturali msemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263 ma huwiex meħtieġ.
Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn
(22)F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern estiż se jkun bejn 60 % u 90 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn huwa meħtieġ li jonqos b’medja ta’ mill-inqas 0,5 punti perċentwali fis-sena sakemm jaqa’ taħt is-60 %. Dan it-tnaqqis medju huwa kkalkolat matul il-perjodu 2024-2031 u jammonta għal 0,5 punti perċentwali fil-pjan. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta’ politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta ppreżentat fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn.
Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan
(23)Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta’ suppożizzjonijiet li jvarjaw mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni trażmessi lill-Finlandja fil-21 ta’ Ġunju 2024. B’mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għall-pożizzjoni inizjali fl-2024, it-tkabbir potenzjali tal-PDG u l-aġġustamenti bejn l-istokk u l-flussi. Barra minn hekk, l-aġġustament fiskali huwa frontloaded. Hija meħtieġa valutazzjoni bir-reqqa ta’ dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet, speċjalment peress li t-tkabbir medju tan-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla minn dak fit-trajettorja referenzjarja. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma’ valutazzjoni ta’ kull differenza fis-suppożizzjonijiet meqjusa waħedhom.
·Il-pjan juża tkabbir tal-output potenzjali regolari matul il-perjodu 2024-2041. Meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, dan iżid it-tkabbir potenzjali matul il-perjodu ta’ aġġustament u għalhekk jikkontribwixxi għal tkabbir medju ogħla fin-nefqa netta. Dan iseħħ kemm permezz ta’ effett dirett kif ukoll minħabba li tkabbir ogħla tal-PDG jinvolvi tnaqqis aktar mgħaġġel fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG, li jirrikjedi aġġustament fiskali aktar baxx biex tiġi ssodisfata s-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn. Il-possibbiltà li jintużaw suppożizzjonijiet alternattivi ta’ tkabbir potenzjali hija konformi mal-Artikolu 36, il-paragrafu (1), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2024/1263, dment li t-tkabbir kumulattiv matul il-perjodu ta’ projezzjoni (jiġifieri sal-2041) ikun ġeneralment konformi mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, li huwa l-każ fil-pjan. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
·Il-pjan jippreżenta aġġustament fiskali bil-quddiem. Meta mqabbel mas-suppożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ aġġustament lineari, dan iwassal għal tnaqqis aktar rapidu fid-dejn u jnaqqas in-nefqa fuq l-imgħax. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju ogħla fin-nefqa netta matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan minn dak skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-frontloading tal-aġġustament fiskali huwa konformi mal-Artikolu 6(c) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
·Il-pjan jassumi aġġustamenti aktar baxxi bejn l-istokk u l-flussi mill-2025 sal-2030, bħala medja ta’ 1,3 % tal-PDG, meta mqabbel ma’ 1,6 % tal-PDG fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju ogħla fin-nefqa netta matul il-perjodu ta’ aġġustament fil-pjan minn dak skont is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan jirrifletti l-finanzjament u l-konsenja ta’ tagħmir tas-sigurtà u tad-difiża kif ukoll investimenti ffinanzjati mir-rikavati mill-bejgħ tal-assi pubbliċi. Konsegwentement, din is-suppożizzjoni titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.
Id-differenza li jifdal fis-suppożizzjoni hija relatata mal-pożizzjoni inizjali riveduta fl-2024 u tikkorrispondi għal defiċit primarju strutturali kemxejn iżgħar minn dak mistenni fir-rebbiegħa. Dan ma għandux impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju fin-nefqa netta meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod ġenerali, id-differenza bejn il-perkors tan-nefqa netta fil-pjan u t-trajettorja referenzjarja hija spjegata minn differenzi fis-suppożizzjonijiet li huma ġġustifikati kif xieraq, f’konformità mal-Artikolu 13(b) tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħuda flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja. Il-Kummissjoni se tqis il-valutazzjoni ta’ hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f’valutazzjonijiet futuri tal-konformità mal-perkors tan-nefqa netta.
Strateġija fiskali tal-pjan
(24)Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji dwar in-nefqa netta se jitwettqu kemm permezz ta’ trażżin tan-nefqa kif ukoll permezz ta’ żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Il-gvern qed jimplimenta żewġ pakketti ta’ miżuri li huma stmati li għandhom rendiment fiskali ta’ EUR 9 biljun (3,8 % tal-PDG). Dawn huma ġeneralment maqsuma fi 3,5 biljun (1,5 % tal-PDG) ta’ dħul ogħla (jiġifieri dħul dirett minn rata tal-VAT miżjuda u dħul indirett minn żieda fit-taxxa fuq l-introjtu u kontribuzzjonijiet soċjali minħabba impjieg ogħla kkawżat minn miżuri oħra) u 5,5 biljun (2,3 % tal-PDG) minn nefqa aktar baxxa (jiġifieri ffrankar li ġej mill-kontej tas-servizz tal-benesseri, tnaqqis fil-benefiċċji soċjali, u tnaqqis f’infiq ieħor). Il-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ politika li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn iż-żewġ pakketti ta’ konsolidazzjoni diġà ġew adottati, filwaqt li oħrajn għandhom jiġu kkonfermati jew aġġustati u kkwantifikati fil-baġits annwali. Diġà ġew adottati diversi miżuri kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll tan-nefqa b’impatt imdaqqas fl-2025. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw mill-possibbiltà ta’ ffrankar aktar baxx milli mistenni mwettaq minn miżuri mmirati lejn il-kontej tas-servizzi tal-benesseri u effetti tal-impjiegi aktar baxxi milli mistennija tar-riformi tas-suq tax-xogħol tal-gvern. Barra minn hekk, l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju 2024 għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta’ politika li permezz tagħhom se jintlaħaq l-impenn tan-nefqa netta għall-2025 9 .
Sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment fil-pjan biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali
(25)Fil-pjan, il-Finlandja timpenja ruħha għal sett ta’ riformi u investimenti, li jimmiraw li jtejbu t-tkabbir potenzjali u s-sostenibbiltà fiskali, biex jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali minn 4 snin għal 7 snin. Is-sett ta’ riformi u investimenti huwa magħmul minn għadd ta’ impenji mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP, Recovery and Resilience Plan ); impenn wieħed mill-RRP bi speċifikazzjonijiet addizzjonali biex jiġi limitat il-qbiż tal-baġit; kif ukoll żewġ riformi ġodda. Dan jinkludi l-miżuri li ġejjin:
·L-introduzzjoni tal-mudell Nordiku tas-servizzi tal-impjiegi. Ir-riforma taġġorna l-funzjonament tas-servizzi tal-impjiegi fil-Finlandja, billi żżid ir-riżorsi disponibbli għas-servizzi tal-impjiegi, ittejjeb l-appoġġ offrut lill-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg u tirrestrinġi l-obbligi tat-tfittix ta’ impjieg għall-persuni qiegħda li jkunu rreġistrati mas-servizzi tal-impjiegi. Is-sistema ta’ informazzjoni li tappoġġa s-servizzi tal-impjiegi qed tiġi mmodernizzata sabiex jittejjeb il-proċess tat-tfittix ta’ impjieg. Ir-riforma hija impenn skont l-RRP (P3C1R1), u l-mira ewlenija kienet li jitwettqu 2 miljun intervista bejn Jannar 2023 u Marzu 2024. Skont il-pjan, huwa stmat li l-miżura tista’ żżid l-impjiegi b’madwar 9,500-10,000 ħaddiem, li se tibda fl-2025.
·Tneħħija ta’ jiem addizzjonali tal-benefiċċju tal-qgħad. Ir-riforma gradwalment tneħħi jiem addizzjonali tal-benefiċċju tal-qgħad li persuni li jkollhom aktar minn ċertu limitu ta’ età jistgħu jitolbu wara li jkun skada l-perjodu regolari tal-benefiċċju tal-qgħad. L-età minima meħtieġa biex jinkiseb aċċess għal jiem addizzjonali tal-benefiċċji tal-qgħad għandha tiżdied b’sena/grupp ta’ età mit-twelid mill-1963 ’il quddiem u l-possibbiltà ta’ jum addizzjonali għandha titneħħa kompletament għal dawk li twieldu fl-1965 u wara. Ir-riforma hija impenn skont l-RRP (P3C1R2) li għandu jiġi implimentat sat-tieni trimestru tal-2023. Il-jiem addizzjonali tal-benefiċċji tal-qgħad għandhom jitneħħew gradwalment sal-2029. Skont il-pjan, huwa stmat li l-miżura tista’ żżid l-impjiegi b’madwar 9 100 ħaddiem, li se tibda fl-2025.
·L-implimentazzjoni tar-riforma nazzjonali tas-servizzi tas-saħħa u soċjali b’appoġġ għall-avvanz tal-garanzija tal-kura statutorja. Ir-riforma kienet tikkonsisti fil-leġiżlazzjoni dwar l-istabbiliment ta’ 21 kontea tas-servizzi tal-benesseri, li mill-1 ta’ Jannar 2023 ’il quddiem huma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa, tal-benesseri soċjali, u tas-servizzi ta’ salvataġġ. Barra minn hekk, il-muniċipalità ta’ Helsinki torganizza dawn is-servizzi. Barra minn hekk, l-awtorità konġunta għal Helsinki u Uusimaa, l-hekk imsejjaħ Grupp HUS, hija responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ kura medika speċjalizzata fir-reġjun ta’ Uusimaa. Ir-riforma hija impenn skont l-RRP (P4C1R1).
·L-introduzzjoni tal-innovazzjoni diġitali fil-qasam soċjali u tal-kura tas-saħħa. Ir-riforma għandha l-għan li żżid is-sehem tal-popolazzjoni (ta’ 20 sena u aktar) permezz ta’ servizzi elettroniċi tal-kura tas-saħħa u tal-assistenza soċjali minn 26 % (linja bażi tal-2020) għal 35 %. Għandhom jiġu implimentati servizzi diġitali ġodda biex tintlaħaq il-mira. Ir-riforma hija impenn skont l-RRP (P4C1I4) u hija mistennija li titlesta sal-aħħar tal-2025.
·Investimenti fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjonijiet kif ukoll fit-tranżizzjoni nadifa. Din il-miżura tinkludi diversi investimenti f’teknoloġiji nodfa inklużi fl-RRP (P1C1I2, P1C2I1, P1C2I3, P3C3I1, P1C1I1).
·It-tiġdid tad-dmirijiet statutorji u tal-proċeduri amministrattivi tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri. Fid-dawl tad-defiċits sinifikanti mġarrba mill-kontej tas-servizzi tal-benesseri, il-gvern qed jinkludi fil-pjan aktar miżuri biex jikkoreġi s-sitwazzjoni u jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba. Eżempji ta’ miżuri bħal dawn jinkludu l-aġġustament tal-livelli minimi ta’ persunal fil-kura residenzjali għall-anzjani, l-aġġustament tat-tariffi tal-klijenti, ir-razzjonalizzazzjoni tal-użu tal-bini, it-titjib tal-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku, u l-introduzzjoni ta’ mezzi ta’ servizz diġitali, fost l-oħrajn. Abbażi tal-Programm tal-Gvern u tal-Pjan fiskali tal-Gvern Estiż (2025-2028), il-gvern jistma li dawn l-aġġustamenti l-ġodda jistgħu jġibu madwar EUR 1,56 biljun f’iffrankar sal-2028. Dan jinkludi kemm miżuri statutorji kif ukoll miżuri ta’ konsolidazzjoni proprji tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri. Dawn il-miżuri jirrappreżentaw speċifikazzjoni addizzjonali tal-impenn skont l-RRP deskritt hawn fuq (P4C1R1).
·Riforma komprensiva tal-assistenza soċjali. L-għan tar-riforma huwa li ssaħħaħ ir-rwol tal-assistenza soċjali bħala l-aħħar għażla u forma ta’ benefiċċju għal żmien qasir, billi jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet fis-sistema ta’ sanzjonijiet li ppermettew li l-assistenza soċjali tikkumpensa bis-sħiħ għall-benefiċċji tal-qgħad mitlufa meta l-benefiċjarji ma jikkonformawx mal-obbligi ta’ tfittix ta’ impjieg. Il-gvern jistma li r-riforma tista’ twassal biex jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta’ persuni li jeħtieġu assistenza soċjali u tista’ ġġib EUR 100 miljun f’iffrankar fiskali kull sena. Wara l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, il-proposta tal-gvern hija mistennija li tiġi kondiviża mal-Parlament fil-ħarifa tal-2025 u li tidħol fis-seħħ fit-tieni trimestru tal-2026.
·Riforma komprensiva tas-sigurtà soċjali u l-introduzzjoni ta’ mudell ta’ benefiċċju uniku. Aspett wieħed tar-riforma huwa li tissimplifika s-sigurtà soċjali billi tippermetti aċċess għal benefiċċji differenti permezz ta’ applikazzjoni amministrattiva waħda. Wara l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, ir-riforma hija mistennija li tiġi kondiviża mal-Parlament fil-ħarifa tal-2025 u li tidħol fis-seħħ fit-tieni trimestru tal-2026.
(26)Il-miżuri li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament li huma parti mill-RRP (inkluża l-ispeċifikazzjoni addizzjonali għat-tiġdid tad-dmirijiet statutorji u l-proċeduri amministrattivi tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri) huma konformi mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2024/1263 peress li huma dettaljati biżżejjed, bil-quddiem, marbuta biż-żmien u verifikabbli. Iż-żewġ miżuri dwar ir-riforma komprensiva tal-assistenza soċjali u r-riforma komprensiva tas-sigurtà soċjali u l-introduzzjoni ta’ mudell ta’ benefiċċju uniku għad iridu jiġu lleġiżlati, u għalhekk f’dan l-istadju ma humiex spjegati fid-dettall. Il-pjan jipprovdi skeda ta’ żmien indikattiva għall-adozzjoni tagħhom u indikaturi fil-mira kwalitattiva biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tagħhom.
(27)L-impenji tal-RRP li jirfdu l-estensjoni jinkludu riformi u investimenti sinifikanti mmirati lejn it-titjib tas-sostenibbiltà fiskali u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija. Barra minn hekk, il-Finlandja timpenja ruħha li tkompli l-isforz ta’ riforma matul il-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju u li żżomm il-livelli ta’ investiment iffinanzjati fil-livell nazzjonali realizzati matul il-perjodu kopert mill-RRP (ara hawn taħt, it-Tabella 5). L-impenji se jiġu mmonitorjati matul l-implimentazzjoni tal-pjan. Għaldaqstant, l-impenji skont l-RRP jistgħu jitqiesu għall-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament kif previst mill-Artikolu 36(1), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
(28)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa mistenni li jtejjeb il-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija tal-Finlandja b’mod sostenibbli, kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-miżuri huma mistennija jtejbu l-funzjonament tas-suq tax-xogħol, jappoġġaw l-innovazzjoni, itejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-benesseri soċjali, u jimmodernizzaw is-sigurtà soċjali, u b’hekk itejbu l-potenzjal tat-tkabbir u tar-reżiljenza tal-ekonomija Finlandiża. Ir-riformi mressqa relatati mas-suq tax-xogħol huma mistennija jappoġġaw lill-persuni qiegħda biex isibu impjieg u jżidu r-rati ta’ attività fost il-ħaddiema akbar fl-età. Il-pjan jistma li ż-żewġ miżuri jistgħu joħolqu madwar 20,000 impjieg fl-2025-2029. L-investimenti fir-R&Ż li jinsabu fl-RRP huma mistennija jtejbu kemm il-potenzjal tat-tkabbir kif ukoll ir-reżiljenza tal-Finlandja, billi jżidu l-produttività (il-pjan jistma b’mod konservattiv li żieda ta’ 1 % fl-investiment fir-R&Ż iżżid il-produttività b’0,02 %), jinkludu investiment privat, u jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u d-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Skont il-gvern Finlandiż, l-istabbiliment tal-kontej tas-servizz tal-benesseri u l-iżvilupp tas-servizzi tas-saħħa elettronika huma mistennija jtejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa, li huwa partikolarment importanti peress li l-ħtiġijiet mhux issodisfati għall-kura medika huma ogħla mill-medja tal-UE u l-Finlandja hija soċjetà li qed tixjieħ malajr. Ir-riformi biex jiġi introdott il-mudell ta’ benefiċċju uniku u r-riforma tal-assistenza soċjali huma maħsuba biex jottimizzaw il-politika soċjali, inaqqsu l-kostijiet amministrattivi, jagħmlu s-sigurtà soċjali aktar ġusta, u jżidu l-inċentivi għax-xogħol, u b’hekk jappoġġaw l-impjiegi. L-effetti fuq il-koeżjoni soċjali jeħtieġ li jiġu mmonitorjati. Barra minn hekk, l-impatti fuq l-impjiegi tar-riforma tas-suq tax-xogħol, jew iż-żieda fil-produttività wara l-investimenti fir-R&Ż għad iridu jimmaterjalizzaw. Barra minn hekk, il-kontej tas-servizzi tal-benesseri qed jiffaċċjaw diversi diffikultajiet fl-ewwel snin tal-operat tagħhom, u l-gvern ressaq fil-pjan speċifikazzjonijiet addizzjonali għal impenn wieħed tal-RRP biex jiġġeddu d-dmirijiet statutorji u l-proċeduri amministrattivi tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri sabiex jitnaqqas id-defiċit tagħhom. B’mod ġenerali, is-suppożizzjonijiet rigward l-impatt tat-tkabbir tar-riformi u l-investimenti li jirfdu l-estensjoni, meħuda flimkien, jidhru li huma plawżibbli, iżda huwa meħtieġ monitoraġġ bir-reqqa tal-iżviluppi futuri u tal-impatt preċiż. Dan jitlob ukoll konsultazzjonijiet sinifikattivi mal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili, u valutazzjoni tal-effetti distributtivi u kumulattivi tal-miżuri.
(29)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni huwa mistenni li jappoġġa s-sostenibbiltà fiskali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Dawn il-miżuri huma komplementari għall-pakketti ta’ konsolidazzjoni fiskali diġà ppromulgati, kif imsemmi hawn fuq meta tiġi ppreżentata l-istrateġija fiskali. L-effett dirett ewlieni ta’ dawn il-miżuri addizzjonali huwa mistenni mill-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jitnaqqas id-defiċit tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri, li ammonta għal EUR 1,4 biljun fl-2023, billi jiġġeddu d-dmirijiet statutorji u l-proċeduri amministrattivi tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri. B’mod aktar speċifiku, il-gvern qed jippromulga miżuri biex inaqqas in-nefqa tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri b’EUR 685 miljun fl-2025-2028, filwaqt li l-kontej tas-servizzi tal-benesseri nfushom għandhom l-għan li jimplimentaw miżuri biex inaqqsu l-ispejjeż tagħhom b’EUR 874 miljun sal-2028. Barra minn hekk, il-gvern jistenna li jikseb EUR 100 miljun f’iffrankar annwali mir-riforma tal-assistenza soċjali. Iffrankar dirett ieħor jista’ joriġina mill-kost amministrattiv aktar baxx għal kull applikazzjoni ta’ benefiċċju derivata mill-adozzjoni tal-mudell ta’ benefiċċju uniku, u mill-pagamenti aktar baxxi relatati mat-tneħħija ta’ jiem addizzjonali tal-benefiċċju tal-qgħad. L-iffrankar fiskali indirett huwa prinċipalment marbut mal-impatt pożittiv mistenni fuq l-impjiegi tar-riformi tas-suq tax-xogħol (jiġifieri l-introduzzjoni tal-mudell Nordiku tas-servizzi tal-impjiegi u t-tneħħija ta’ jiem addizzjonali tal-benefiċċji tal-qgħad), li jżidu t-tkabbir potenzjali u jiġġeneraw dħul mit-taxxa. Ir-riforma komprensiva tas-sigurtà soċjali u tal-mudell ta’ benefiċċju uniku u r-riforma komprensiva tal-assistenza soċjali jista’ jkollhom ukoll impatt fuq l-impjiegi billi jżidu l-inċentivi għax-xogħol, u b’hekk ikollhom impatt fiskali pożittiv indirett. Filwaqt li l-iffrankar irrealizzat mill-miżuri jista’ jkun aktar baxx minn dak mistenni, l-iffrankar fiskali li jirriżulta mill-ispeċifikazzjoni addizzjonali tal-RRP li jiġġeddu d-dmirijiet statutorji u l-proċeduri amministrattivi tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri x’aktarx li ma jkunx negliġibbli, minħabba d-daqs tal-istimi tal-iffrankar (jiġifieri EUR 1,6 biljun). B’mod ġenerali, ir-realizzazzjoni tal-iffrankar indirett tiddependi b’mod kruċjali mill-impatt fuq l-impjiegi tar-riformi tas-suq tax-xogħol.
(30)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-UE kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Ir-riformi tas-sigurtà soċjali u tas-suq tax-xogħol jikkontribwixxu għar-reżiljenza soċjali b’mod partikolari billi jikkonformaw mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħall-appoġġ attiv għall-impjiegi, il-protezzjoni soċjali u l-benefiċċji tal-qgħad. L-investimenti tal-RRP fir-R&Ż għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi huma mistennija li jżidu l-innovazzjoni fit-teknoloġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u fl-infrastruttura tal-enerġija, u b’hekk jikkontribwixxu għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta u biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija. L-introduzzjoni tal-innovazzjoni diġitali fil-qasam soċjali u l-kura tas-saħħa tikkontribwixxi għal tranżizzjoni diġitali ġusta billi żżid id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. Il-prijorità komuni l-oħra tal-UE, jiġifieri t-tisħiħ tal-mezzi ta’ difiża, ma hijiex indirizzata mis-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu estensjoni.
(31)Is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza s-CSRs rilevanti 10 maħruġa bħala parti mis-Semestru Ewropew kif meħtieġ mill-Artikolu 14(2), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’mod partikolari, is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni jindirizza s-CSRs li ġejjin li huma mmirati lejn:
·politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inċentivi għax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol (is-CSRs maħruġa fl-2019 u fl-2020), permezz tal-introduzzjoni tal-mudell Nordiku tas-servizzi tal-impjiegi u t-tneħħija ta’ jiem addizzjonali tal-benefiċċji tal-qgħad;
·il-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u l-qafas baġitarju u l-governanza fiskali (is-CSRs maħruġa fl-2019 u fl-2020), permezz tar-riforma tal-kontej tas-servizz tal-benesseri u l-introduzzjoni tal-innovazzjoni diġitali fil-kura tas-saħħa;
·l-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura u n-networks tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp reġjonali u s-servizzi pubbliċi lokali u l-ambjent tan-negozju (inklużi l-politiki tal-SMEs) (is-CSRs maħruġa fl-2019, fl-2020, fl-2022 u fl-2023) permezz tal-investimenti differenti tal-RRP fit-teknoloġiji u fl-infrastrutturi tal-enerġija, idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-qbid u l-użu tad-diossidu tal-karbonju, ir-riċiklaġġ ta’ materjali ewlenin u finanzjament ieħor tar-RŻI;
·il-faqar, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali (is-CSR maħruġa fl-2024) permezz tar-riforma tas-sigurtà soċjali u l-mudell ta’ benefiċċju uniku u tal-assistenza soċjali.
(32)Il-pjan jiżgura li jinżamm il-livell ġenerali ppjanat ta’ investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali realizzat bħala medja matul il-perjodu kopert mill-RRP, kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263.
Tabella 5: Investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali skont il-pjan (% tal-PDG)
|
Livell medju matul il-perjodu kopert mill-RRP (2022 sa 2026) ( 11 ) |
T+1 |
T+2 |
T+3 |
T+4 |
Medja matul id-durata tal-pjan |
|
4,4 |
4,7 |
4,5 |
4,6 |
4,4 |
4,6 |
Sors: Il-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju tal-Finlandja
(33)Fl-aħħar nett, is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment li jirfdu estensjoni jista’ jitqies bħala konsistenti mal-impenji fl-RRP u l-Ftehim ta’ Sħubija miftiehem skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif meħtieġ mill-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2024/1263. L-introduzzjoni tal-mudell ta’ benefiċċju uniku u r-riforma tal-assistenza soċjali ma jmorrux kontra l-impenji fl-RRP, filwaqt li l-miżuri l-oħra jirriżultaw direttament mill-impenji meħuda skont l-RRP.
(34)Bħala konklużjoni, is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament huwa vvalutat bħala li jissodisfa, meta jittieħdu kollha flimkien, il-kriterji fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2024/1263. B’riżultat ta’ dan, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż minn 4 sa 7 snin, kif ippreżentat fil-pjan.
Intenzjonijiet oħra ta’ riforma u investiment fil-pjan li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni
(35)Minbarra s-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta’ politika li jikkonċernaw riformi u investimenti oħrajn biex jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, u biex jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 10 riformi u investimenti.
(36)Fir-rigward tal-prijorità komuni ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi riforma biex l-infiq fuq ir-R&Z jiżdied għal 4 % tal-PDG sal-2030, b’terz tal-finanzjament ikun minn sorsi pubbliċi, li jirriżulta f’żieda ta’ madwar EUR 280 miljun fis-sena sal-2030. L-iffinanzjar addizzjonali għar-R&Ż pubbliċi se jiġu allokati għall-appoġġ tar-R&Ż korporattivi, għall-kooperazzjoni bejn in-negozji u r-riċerkaturi, għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka u għall-infrastrutturi tar-riċerka, fost affarijiet oħra. Il-miżura tindirizza s-CSRs tal-2019 u l-2020 relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni u hija konsistenti mal-Kumpass Diġitali tal-Finlandja u mal-Pjan Direzzjonali Strateġiku Nazzjonali għad-Deċennju Diġitali tal-pajjiż.
(37)Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi miżuri biex jitnaqqsu l-benefiċċji li joħolqu diżinċentivi għax-xogħol (eż. bidliet fil-benefiċċji tal-qgħad mistennija li jżidu l-impjiegi b’40 000 ħaddiem matul it-terminu tal-gvern, u tnaqqis fl-indiċi fil-benefiċċji tas-sigurtà soċjali mistennija li jżidu l-impjiegi bi 18 600 ħaddiem fl-istess perjodu), miżuri biex jiġi mmitigat in-nuqqas ta’ ħiliet (eż. żidiet kemm fil-finanzjament kif ukoll fil-postijiet disponibbli fl-oqsma li jkunu qed jesperjenzaw nuqqas ta’ ħaddiema bħall-mediċina), u miżuri biex itejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa u jnaqqsu l-listi ta’ stennija (eż. billi jiżdied il-finanzjament għar-rimborż tan-nefqa fuq il-kura tas-saħħa privata). Il-miżuri jindirizzaw is-CSRs tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 relatati ma’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inċentivi għax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, u l-edukazzjoni.
(38)Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan ma jinkludix riformi u investimenti oħrajn.
(39)Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-mezzi ta’ difiża, il-pjan ma jinkludix riformi u investimenti oħrajn.
(40)Il-pjan ma jiddeskrivix riformi u investimenti oħrajn biex jiġu indirizzati s-CSRs (li għalihom ma sar l-ebda progress sostanzjali skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni) dwar il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-apprendiment għall-adulti, it-trasport, il-kura fit-tul, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (is-CSRs maħruġa fl-2019, l-2020 u l-2023).
(41)Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u mal-RRP tal-Finlandja. Il-pjan jagħmel referenza xierqa għall-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2024 tal-Finlandja, li jiddeskrivi sinerġiji u komplementarjetà mal-politika ta’ koeżjoni u l-RRP.
(42)Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku tal-Finlandja relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa ta’ investimenti fl-enerġija nadifa biex titnaqqas id-dipendenza mill-fjuwils fossili, u f’teknoloġiji fixkiela bħall-intelliġenza artifiċjali biex tkompli tissaħħaħ it-tranżizzjoni ekoloġika. Fir-rigward tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa ta’ investiment relatat maż-żieda fil-livell edukattiv u mat-tagħlim kontinwu. Fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa ta’ investiment immirat lejn it-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE minn pajjiżi terzi. Fir-rigward tat-tisħiħ tal-mezzi ta’ difiża, il-pjan jenfasizza l-ħtieġa ta’ investimenti biex jissaħħu l-mezzi ta’ difiża tal-Finlandja, f’konformità mal-impenji tan-NATO.
Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni
(43)B’mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tal-Finlandja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.
KONKLUŻJONI ĠENERALI
(44)F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lill-Finlandja u s-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għal 7 snin għandu jiġi approvat.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja
(1)Jiżgura/Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.
(2)Timplimenta s-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament fiskali għal 7 snin, kif stabbilit fl-Anness II ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, sal-iskadenzi indikati.
Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden lill-Finlandja tiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti oħra li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fis-CSRs, u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.
ANNESS I
Rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta
(rati ta’ tkabbir annwali u kumulattivi, f’termini nominali)
Il-Finlandja
|
Snin |
2025 |
2026 |
2027 |
2028 |
|
|
Rati ta’ tkabbir (%) |
Annwali |
1,6 |
1,9 |
2,6 |
2,6 |
|
Kumulattiv (*) |
5,3 |
7,4 |
10,1 |
13,0 |
|
(*) Ir-rati ta’ tkabbir kumulattivi jiġu kkalkolati b’referenza għas-sena bażi tal-2023.
ANNESS II
Sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għal 7 snin
Il-Finlandja
|
Objettiv ewlieni |
Deskrizzjoni u twaqqit tal-passi ewlenin 12 |
Indikatur(i) ta’ monitoraġġ |
|
|
L-introduzzjoni tal-mudell Nordiku tas-servizzi tal-impjiegi (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P3C1R1) |
L-objettiv tal-miżura huwa li tirriforma l-proċess tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. |
1.Sat-tieni trimestru tal-2022: Id-dħul fis-seħħ tal-Att dwar l-Impjiegi pubbliċi u s-Servizzi tan-Negozju li jirregola l-mudell Nordiku tas-servizzi tal-impjiegi għall-proċess tas-servizzi tal-persuni li qed ifittxu impjieg, kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 77 2.Sar-raba’ trimestru tal-2023: Żieda fl-għadd annwali ta’ intervisti għat-tiftix ta’ impjieg imwettqa f’konformità mal-mudell Nordiku tas-servizzi tal-impjiegi, minn 783 070 għal 2 000 000, kif imsemmi fil-Mira 78 3.Sar-raba’ trimestru tal-2023: Il-ħames funzjonalitajiet diġitali kollha meħtieġa mill-mudell tas-servizz tal-impjieg Nordiku huma integrati fis-sistema ta’ informazzjoni tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (TE-PES) u huma operattivi, kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 79 |
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti 77, 78, 79 tal-RRP |
|
It-tneħħija ta’ jiem addizzjonali tal-benefiċċju tal-qgħad (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P3C1R2) |
L-objettiv tar-riforma huwa li trawwem l-impjiegi billi tneħħi d-diżinċentivi għax-xogħol għall-anzjani u tnaqqas l-immirar tas-sensji fuq impjegati akbar fl-età. |
1.Sat-tieni trimestru tal-2023: Id-dħul fis-seħħ ta’ emendi għall-Att dwar is-Sigurtà tal-Qgħad li jikkonċernaw it-tneħħija gradwali ta’ jiem addizzjonali tas-sigurtà tal-qgħad, kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 80. |
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettiv intermedju 80 tal-RRP |
|
It-tħejjija tar-riforma tal-benesseri soċjali u tal-kura tas-saħħa b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-garanzija tal-kura (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P4C1R1) |
Bħala parti mit-tħejjija tar-riforma soċjali u tal-kura tas-saħħa, l-objettiv ta’ din il-miżura huwa li ttejjeb l-aċċessibbiltà tas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali billi tippromwovi l-implimentazzjoni tal-garanzija tal-kura. |
1.Sat-tielet trimestru tal-2021: Id-dħul fis-seħħ tal-qafas legali inizjali li jistabbilixxi żoni ta’ benesseri (kontej tas-servizzi tal-benesseri) u r-riforma tas-servizzi tal-kura soċjali u tas-saħħa u tas-salvataġġ, kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 133. 2.Sal-ewwel trimestru tal-2023: Id-dħul fis-seħħ tal-qafas legali addizzjonali li jlesti l-istabbiliment ta’ żoni ta’ benesseri (kontej tas-servizzi tal-benesseri) u r-riforma tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa u tas-salvataġġ, kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 134 3.Sat-tieni trimestru tal-2023: L-operazzjonalizzazzjoni ta’ żoni ta’ benesseri reġjonali (kontej tas-servizzi tal-benesseri) bil-kapaċità li jieħdu r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni ta’ servizzi soċjali, tas-saħħa u tas-salvataġġ kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 134 |
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji rilevanti 133 u 134 tal-RRP |
|
L-introduzzjoni tal-innovazzjoni diġitali fil-qasam soċjali u tal-kura tas-saħħa (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P4C1I4) |
L-objettiv ta’ dan l-investiment huwa li jipprovdi soluzzjonijiet diġitali li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa u li jippromwovi l-implimentazzjoni tal-garanzija tal-kura. |
1.Sar-raba’ trimestru tal-2025: Iż-żieda fis-sehem tal-popolazzjoni li tuża servizzi elettroniċi tal-benesseri soċjali u tal-kura tas-saħħa minn 26 % (linja bażi tal-2020) għal 35 % kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 139 |
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettiv intermedju rilevanti 139 tal-RRP |
|
Investimenti f’teknoloġija ġdida tal-enerġija (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P1C1I2) |
Il-kontribut għall-għan tal-Finlandja li tikseb in-newtralità tal-karbonju sal-2035 billi tistimula l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji nodfa ġodda għall-produzzjoni u l-użu tal-enerġija. |
1.Sar-raba’ trimestru tal-2021: Il-pubblikazzjoni tal-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet għal investimenti f’teknoloġiji ġodda tal-enerġija kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 6 2.Sar-raba’ trimestru tal-2023: L-għoti tal-għotjiet kollha għall-investimenti fit-teknoloġija tal-enerġija kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 7 3.Sat-tieni trimestru tal-2026: It-tlestija ta’ mill-inqas erba’ proġetti appoġġati kif imsemmi fil-Mira 8 |
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti 6,7 u 8 tal-RRP |
|
L-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-qbid u l-użu tal-karbonju (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P1C2I1) |
L-investiment għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp tal-produzzjoni u l-ħżin tal-idroġenu nadif fuq skala kummerċjali. |
1.Sar-raba’ trimestru tal-2021: Il-pubblikazzjoni tal-ewwel sejħa nazzjonali għal applikazzjonijiet għall-produzzjoni u l-użu ta’ idroġenu b’emissjonijiet baxxi kif ukoll għall-qbid u l-użu tad-diossidu tal-karbonju kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju M16 2.Sar-raba’ trimestru tal-2025: Ftehim ta’ Implimentazzjoni 3.Sat-tieni trimestru tal-2026: Il-Ministeru lesta l-investiment kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 17 4.Sat-tieni trimestru tal-2026: Ftehimiet legali ffirmati mal-benefiċjarji finali kif imsemmija fil-Mira 18 5.Sat-tieni trimestru tal-2026: It-trasferiment ta’ EUR 127 000 000 lil Business Finlandas imsemmi fl-Objettiv Intermedju 18a |
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u l-miri rilevanti 16, 17, 18, 18a tal-RRP. |
|
L-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ materjali ewlenin u flussi sekondarji industrijali (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P1C2I3) |
Il-miżura għandha l-għan li tippromwovi ekonomija ċirkolari li tuża mill-ġdid u tirriċikla n-naħa industrijali u l-flussi tal-iskart u materjali ewlenin oħra bħall-materjali tal-batteriji, il-plastik, it-tessuti, l-imballaġġ, it-tagħmir elettriku u elettroniku, il-materjali tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ. |
1.Sar-raba’ trimestru tal-2021: Il-pubblikazzjoni tal-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet għal proġetti ta’ investiment li jippromwovu l-użu mill-ġdid ta’ materjali tal-iskart u flussi sekondarji, kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 22 2.Sar-raba’ trimestru tal-2023: L-għoti tal-għotjiet kollha lill-proġetti ta’ użu mill-ġdid u riċiklaġġ kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 23 3.Sat-tieni trimestru tal-2026: It-tlestija ta’ 10 proġetti appoġġati kif imsemmi fil-Mira 24 |
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti 22, 23, 24 tal-RRP. |
|
Pakkett ta’ finanzjament RŻI li jippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika – Kumpaniji ewlenin (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P3C3I1) |
L-objettiv tal-investiment huwa li jappoġġa - (permezz ta’ skema ġestita minn Business Finland) sħubijiet u ekosistemi bejn kumpaniji u organizzazzjonijiet oħrajn tar-riċerka li jsaħħu l-kompetittività tan-negozju u jtejbu l-effettività tal-attivitajiet ta’ Riċerka & Żvilupp. |
1.Sat-tieni trimestru tal-2022: Il-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal applikazzjonijiet għal proġetti ta’ kumpaniji ewlenin kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 100 2.Sar-raba’ trimestru tal-2023: L-għoti ta’ ħames għotjiet għal proġetti ta’ kumpaniji ewlenin kif imsemmi fil-Mira 101 3.Sar-raba’ trimestru tal-2025: It-tlestija ta’ 90 % tal-proġetti minn kumpaniji ewlenin kif imsemmi fil-Mira 102 |
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti 100, 101, u 102 tal-RRP. |
|
Investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija (Miżura eżistenti tal-RRP: Referenza fl-RRP tal-Finlandja - P1C1I1) |
L-objettiv tal-investiment huwa li jsaħħaħ l-kundizzjonijiet ta’ qafas biex jiġi attirat l-investiment fl-enerġija nadifa, b’enfasi fuq l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, il-ħżin tal-enerġija u t-trasport. L-investiment għandu jappoġġa proġetti li jippromwovu l-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija bl-enfasi li ġejja: I) grilji tal-elettriku u kapaċità ta’ trażmissjoni tal-elettriku; II) investimenti biex jiġu integrati s-sistemi tal-enerġija u tiġi prodotta, trażmessa u utilizzata s-sħana żejda u mitlufa fin-networks tat-tisħin distrettwali; III) it-trasport ta’ gassijiet b’livell baxx ta’ karbonju, inklużi l-idroġenu, il-bijogass u l-bijometan. |
1.Sar-raba’ trimestru tal-2021: Il-pubblikazzjoni tal-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet għal proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 3 2.Sar-raba’ trimestru tal-2024: L-għoti tal-għotjiet kollha għall-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija kif imsemmi fl-Objettiv Intermedju 4 3.Sat-tieni trimestru tal-2026: It-tlestija ta’ mill-inqas erba’ proġetti appoġġati kif imsemmija fil-Mira 5] |
It-twettiq sodisfaċenti tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti 3, 4, u 5 tal-RRP. |
|
L-aġġustamenti għall-funzjonijiet u l-proċeduri tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri stabbiliti (Ir-riforma tal-RRP P4C1R1 ta’ akkumpanjament) |
Dawn il-miżuri għandhom jiżguraw il-forniment xieraq tas-servizzi filwaqt li jissalvagwardjaw ġestjoni finanzjarja tajba |
1.Sat-tieni trimestru tal-2024: Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati dwar miżuri rilevanti li jippermettu b’mod partikolari: i) aġġustamenti fil-livelli tal-persunal fil-kura residenzjali u bidliet fl-ispeċjalizzazzjoni tal-persunal; ii) aġġustamenti fit-tariffi tal-klijenti għall-kura tas-saħħa, u iii) kjarifika dwar l-ambitu u l-valutazzjoni tal-impatt tal-Att dwar is-Servizzi tad-Diżabilità; 2.Sar-raba’ trimestru tal-2025: L-istabbiliment ta’ pjanijiet minn kull kontea tas-servizzi tal-benesseri, inklużi: i) użu aħjar tal-binjiet u tan-network tas-servizzi; ii) użu usa’ ta’ akkwisti ċentralizzati; iii) titjib tal-kompetizzjoni fl-akkwisti pubbliċi. 3.Sar-raba’ trimestru tal-2025: Id-dħul fis-seħħ ta’ emendi leġiżlattivi rilevanti dwar id-dmirijiet tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri, bħal ·livelli minimi ta’ persunal fil-kura residenzjali u bidliet fl-ispeċjalizzazzjoni tal-persunal ·tariffi għall-klijenti għall-kura tas-saħħa 4.Sar-raba’ trimestru tal-2026: i) il-korrezzjoni tad-defiċits tal-kontej tas-servizzi tal-benesseri akkumulati mill-2023, u ii) iż-żieda fl-effettività tas-servizzi billi tiġi ssimplifikata l-firxa ta’ servizzi f’kura medika speċjalizzata. |
Passi 1, 2 u 4 i):Rapportar mill-awtoritajiet Passi 3 u 4 ii): Id-dħul fis-seħħ tal-emendi leġiżlattivi rilevanti. |
|
Riforma komprensiva tal-assistenza soċjali (miżura ġdida) |
Il-miżura għandha ttejjeb l-inċentivi għax-xogħol billi tiċċara l-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi assistenza soċjali u taġġusta d-daqs tagħha abbażi ta’ ċirkostanzi oġġettivi rigward ir-riċevitur tal-assistenza soċjali. |
1.Sat-tielet trimestru tal-2025: It-tlestija tal-valutazzjoni tal-impatt. 2.Sat-tielet trimestru tal-2025: It-tlestija tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. 3.Sar-raba’ trimestru tal-2025: Il-votazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni |
Passi 1 u 2: Rapportar mill-awtoritajiet Pass 3: Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tiċċara l-għoti ta’ assistenza soċjali. |
|
Riforma komprensiva tas-sigurtà soċjali u l-mudell ta’ benefiċċju uniku (miżura ġdida) |
Il-miżura għandha tintroduċi sistema bbażata fuq benefiċċju soċjali uniku bħala mod kif tiġi ċċarata u ssimplifikata s-sistema tal-benefiċċji soċjali u jiġu identifikati aħjar il-persuni li jikkwalifikaw għall-appoġġ. |
1.Sat-tielet trimestru tal-2025: It-tlestija tal-valutazzjoni tal-impatt. 2.Sat-tielet trimestru tal-2025: It-tlestija tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. 3.Sar-raba’ trimestru tal-2025: Il-votazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni |
Passi 1 u 2: Rapportar mill-awtoritajiet Pass 3: Id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-benefiċċju soċjali uniku |
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Kunsill
Il-President