Brussell, 4.9.2024

COM(2024) 703 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringa u l-laċċa kaħla fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawn l-istokkijiet, u dwar id-delega tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni minn dan il-Pjan Pluriennali

{SWD(2024) 703 final}


KONKLUŻJONIJIET

Kemm l-ambjent tal-baħar tal-Baħar Baltiku kif ukoll l-istokkijiet tal-ħut tal-Baħar Baltiku komplew jiddeterjoraw mill-ewwel rapport. 1 L-implimentazzjoni tal-pjan pluriennali għall-Baħar Baltiku (minn hawn ’il quddiem il-“MAP”) 2 ikkontribwiet għal tnaqqis fil-pressjoni tas-sajd. Madankollu, skont il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES – International Council for the Exploration of the Sea), fatturi ta’ mortalità minbarra s-sajd saru predominanti għal ċerti stokkijiet, b’mod partikolari għaż-żewġ stokkijiet tal-bakkaljaw li għadhom f’livelli ta’ bijomassa storikament baxxi. Diversi stokkijiet ta’ aringi jinsabu wkoll fi stat problematiku.

Il-valutazzjoni ġenerali mill-partijiet ikkonċernati kkonsultati u mill-Istati Membri turi opinjonijiet diverġenti dwar il-MAP. Il-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Baltiku (BSAC, The Baltic Sea Advisory Council) 3 jara valur fil-MAP iżda huwa diżappuntat dwar ir-riżultati. L-industrija hija fil-biċċa l-kbira negattiva fuq il-MAP għalkemm xi wħud għandhom fehma newtrali. L-NGOs huma maqsuma bejn fehmiet negattivi u pożittivi, bħat-tliet Stati Membri li wieġbu.

Il-Kummissjoni tkompli tqis li l-MAP wera li huwa għodda utli għall-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd (PKS) 4 , b’mod partikolari għall-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd. Kif imsemmi fl-ewwel rapport, il-MAP jipprovdi regoli għal ġestjoni tas-sajd adattata reġjonalment. Għall-istokkijiet tal-ħut b’valutazzjoni rikka fid-data (jew tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY, maximum sustainable yield)), il-MAP jippermetti l-użu ta’ limiti massimi meta jiġu stabbiliti l-qabdiet totali permissibbli (TACs), filwaqt li jippermetti flessibbiltà għal stokkijiet aktar b’saħħithom. Għall-istokkijiet li l-bijomassa tagħhom hija taħt il-livelli minimi, il-MAP joħloq xibka ta’ sikurezza. Ix-xibka ta’ sikurezza tiżgura li, għal dawn l-istokkijiet, il-kwoti jitnaqqsu kemm jista’ jkun u jittieħdu miżuri ta’ rimedju addizzjonali biex jerġgħu jinbnew.

Il-Kummissjoni tqis li ċerti deċiżjonijiet diffiċli meħuda mill-Kunsill dwar l-istokkijiet tal-Baltiku kien possibbli jsiru bis-saħħa tal-qafas stabbilit mill-MAP, li jgħaqqad kemm xibka ta’ sikurezza kif ukoll flessibbiltajiet. Mingħajr il-MAP seta’ kien diffiċli għall-Kunsill li jaqbel dwar rimedji biex jgħin stokkijiet dgħajfa jirkupraw, u l-kwoti x’aktarx kienu jiġu stabbiliti f’livell ogħla. Min-naħa l-oħra, il-MAP ippermetta wkoll flessibbiltà għal stokkijiet aktar b’saħħithom billi ppermetta l-użu tal-ogħla medda tal-FMSY f’ċerti kundizzjonijiet. Il-MAP żgura li llum is-sajd kollu jew jiġi ġestit f’konformità mal-MSY jew inkella jkun soġġett għal miżuri biex jinġieb lura għall-MSY. L-istokkijiet b’saħħithom huma l-unika bażi għall-profittabbiltà fit-tul tal-industrija tas-sajd u tas-setturi anċillari.

Madankollu, minkejja l-istabbiliment tat-TACs fil-livell ta’ FMSY jew inqas fil-mument tal-istabbiliment tagħhom, id-daqs ta’ ħafna stokkijiet tal-ħut naqas u l-istruttura tad-daqs għall-età tagħhom marret għall-agħar. Dan kellu impatt negattiv fuq is-sajd relatat. Barra minn hekk, qed isir dejjem aktar diffiċli li jiġu applikati r-regoli tal-MAP u li jsir sforz biex jiġu ġestiti l-istokkijiet kollha fl-FMSY f’kuntest ta’ sajd imħallat b’għadd dejjem akbar ta’ stokkijiet dgħajfa. Id-deterjorament tal-istokkijiet tal-ħut seħħ fil-kuntest tal-ekosistema tal-Baħar Baltiku li għaddejja minn bidla fundamentali u li mhijiex f’bilanċ. Barra minn hekk, hemm indikazzjonijiet ta’ rappurtar ħażin sostanzjali ta’ qabdiet ta’ speċijiet pelaġiċi, li jistgħu: (i) idgħajfu l-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-valutazzjonijiet tal-istokkijiet pelaġiċi; u (ii) jikkontribwixxu għas-sajd eċċessiv. Fl-aħħar nett, ir-Russja tistabbilixxi t-TACs tagħha b’mod awtonomu li mhumiex konformi mal-MSY u ma jirrispettawx l-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

Madankollu, il-Kummissjoni tkompli tikkonkludi li l-MAP jipprovdi strument stabbli fit-tul għall-implimentazzjoni tal-PKS fil-Baħar Baltiku. Il-MAP: (i) joffri inqas inċertezza għall-iffissar tal-kwoti; (ii) jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju għall-istokkijiet taħt pressjoni (inkluż fil-każ ta’ għeluq tas-sajd); (iii) jagħmel il-proċess tal-iffissar tal-kwoti aktar trasparenti għall-partijiet ikkonċernati u għall-Istati Membri; u (iv) jippermetti lill-industrija tas-sajd tippjana aħjar is-sajd tagħha.



1.Introduzzjoni

Il-MAP jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati u l-impatt tal-MAP fuq l-istokkijiet u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-objettivi tiegħu. L-ewwel rapport ġie ppubblikat fl-2020, u dan it-tieni rapport jiffoka fuq l-iżviluppi rilevanti minn dak iż-żmien ’l hawn. Ikopri wkoll l-obbligu ta’ rapportar skont l-Artikolu 16(2) tal-MAP dwar id-delega tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni.

L-objettivi tal-MAP huma li: (i) jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-PKS; (ii) jimmira li jiżgura li s-sajd ireġġa’ lura u jżomm l-istokkijiet tal-ħut ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY; (iii) jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-qabdiet skartati billi jevita u jnaqqas il-qabdiet mhux mixtieqa, u għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art għall-ispeċijiet rilevanti; u (v) jimplimenta approċċ ibbażat fuq l-ekosistema biex jimminimizza l-effetti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ambjent. Il-MAP għandu regoli għall-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut b’valutazzjoni tal-MSY. Fih ukoll regoli speċifiċi dwar il-kontroll u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati dwar: (i) ċerti stokkijiet ta’ qabdiet aċċessorji; (ii) eżenzjonijiet mill-obbligu ta’ ħatt l-art; u (iii) xi miżuri tekniċi.

Il-MAP ikopri: (i) il-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċa kaħla bħala speċi fil-mira; u (ii) il-qabdiet aċċessorji tal-barbun tat-tbajja’, tal-barbun, tal-barbun imperjali u tal-barbun lixx. 5 L-ispeċijiet fil-mira jirrappreżentaw madwar 95 % tal-qabdiet totali fil-Baħar Baltiku. 6 Ir-regolamenti annwali tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku jistabbilixxu TACs u kwoti għall-istokkijiet fil-mira, kif ukoll għall-barbun tat-tbajja’ u s-salamun.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq (i) l-aħħar parir tal-ICES għall-istokkijiet rilevanti fil-Baħar Baltiku; 7 ; (ii) il-ħarsiet ġenerali tal-ekosistema 8 u tas-sajd tagħha 9 ; (iii) l-analiżi magħmula mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd(STECF) tal-Kummissjoni tar-rapporti nazzjonali tal-2021 kemm dwar l-obbligu ta’ ħatt l-art 10 kif ukoll dwar ir-Rapport Ekonomiku Annwali tal-2023 11 ; u (iv) informazzjoni miżmuma mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ġew ikkonsultati l-grupp tal-Istati Membri tal-Baħar Baltiku 12 , il-BSAC u l-membri rispettivi tagħhom. 13 Finally, the first Fl-aħħar nett, ġew kkunsidrati wkoll l-ewwel u t-tieni rapport 14  on the implementation of the Technical Measures Regulation (EU) 2019/1241 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1241 15 w dwar il-Miżuri Tekniċi.

2.Żviluppi fl-oqsma rilevanti

Dan ir-rapport jippreżenta l-iżviluppi fl-implimentazzjoni tal-MAP mill-2020 fil-ħames oqsma li ġejjin: il-livelli tas-sajd, il-qabdiet skartati, l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, il-kooperazzjoni reġjonali, u l-aspetti soċjoekonomiċi.

2.1.L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti mill-2020

Mill-2014 ma kinitx disponibbli valutazzjoni tal-MSY għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant; jew għall-aringi fil-Golf ta’ Botnja meta tiġi stabbilita t-TAC għall-2021, jew għall-bakkaljaw tal-Punent għall-2024.

Fl-erba’ eżerċizzji ta’ stabbiliment tat-TAC għas-snin tas-sajd mill-2021 sal-2024, kellhom jiġu stabbiliti total ta’ 32 TAC koperti mill-MAP. Minn dawn, 18-il każ ma jeħtiġux kummenti speċifiċi filwaqt li 14 jeħtieġu. 16

Għall-ewwel sett ta’ 18-il każ, il-Kummissjoni pproponiet TACs fil-punt tal-FMSY jew taħtu fi 17-il każ. Minħabba li ż-żewġ stokkijiet tal-bakkaljaw jinsabu f’sitwazzjoni terribbli u huma qabda aċċessorja inevitabbli fis-sajd għall-pixxiċatt, il-Kummissjoni sistematikament ipproponiet TACs għall-barbun tat-tbajja’ fil-medda aktar baxxa tal-FMSY, għall-2024 saħansitra taħt il-parir tal-ICES. Għall-aringa tal-Golf ta’ Riga għall-2024, il-Kummissjoni pproponiet, f’konformità mal-MAP u minħabba l-proposta tagħha li jingħalaq is-sajd immirat għall-aringa tal-Baltiku Ċentrali, TAC li l-Kummissjoni qieset li hija fil-medda superjuri tal-FMSY. Mit-18-il każ imsemmi hawn fuq, il-Kunsill segwa l-proposta tal-Kummissjoni f’9 każijiet. Fid-9 każijiet l-oħra żied it-TAC fil-meded tal-FMSY applikabbli tal-MAP (l-aringa tal-Baltiku Ċentrali għall-2022 u l-2023, l-aringa tal-Golf ta’ Riga għall-2024 17 , il-barbun tat-tbajja’ għall-2021 u l-2022, u l-laċċa kaħla kull sena).

L-14-il każ li jippreżentaw kuntest partikolari huma l-aringa tal-Baltiku tal-Punent u kemm l-istokkijiet tal-bakkaljaw matul il-perjodu kollu, u l-aringa tal-Baltiku Ċentrali u tal-Botnja għall-2024.

2.1.1.Aringi tal-Baltiku tal-Punent

Mill-2018 ’l hawn, l-ICES jistma li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv tal-aringi tal-Baltiku tal-Punent hija taħt il-punt ta’ referenza Blim, li huwa l-aktar punt baxx ta’ sikurezza li taħtu l-istokk jista’ jsibha diffiċli li jirkupra fil-ħin, u li taħtu l-kapaċità riproduttiva tiegħu tista’ titnaqqas b’tali mod li ma tirkuprax ’il fuq minn dak il-livell fis-sena ta’ wara. Għalhekk l-ICES ta parir li jieqaf is-sajd kollu tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent. It-TAC tnaqqset sostanzjalment fl-2019 u fl-2020 (total ta’ -82 % meta mqabbel mat-TAC tal-2018). Billi l-bijomassa kienet biss madwar nofs il-valur minimu ta’ referenza, il-Kummissjoni pproponiet li għall-2021 jitnaqqas bin-nofs il-livell tat-TAC, li l-Kunsill qabel miegħu. Minħabba li s-sitwazzjoni bilkemm tjiebet, għall-2022 il-Kummissjoni pproponiet li tagħlaq is-sajd immirat u li tistabbilixxi TAC aktar baxxa (50 % tat-TAC tal-2021) għal qabdiet aċċessorji inevitabbli f’sajd ieħor. Il-Kunsill qabel filwaqt li introduċa deroga għal ċerti sajjieda kostali ta’ skala żgħira. Għall-2023, il-Kunsill qabel dwar it-tiġdid propost tar-regoli tal-2022. Għall-2024, minħabba l-istat kritiku tal-istokk, il-Kummissjoni pproponiet li titwaqqaf id-deroga għas-sajjieda fuq skala żgħira u li tiġi stabbilita TAC aktar baxxa għall-qabdiet aċċessorji. Madankollu, il-Kunsill iddeċieda dwar tiġdid sħiħ, u b’hekk żamm id-deroga.

2.1.2.Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant

Sa mill-2019, l-ICES stima li l-bijomassa tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant hija taħt il-Blim u għalhekk ta parir biex jitwaqqaf is-sajd kollu tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant. Mis-sena tas-sajd 2020, il-Kunsill qabel li jagħlaq is-sajd immirat għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant. It-TAC għal qabdiet aċċessorji inevitabbli f’sajd ieħor ukoll baqgħet l-istess mill-2021, jiġifieri 595 tunnellata. Barra minn hekk, is-sajd rikreattiv fiż-żona ta’ distribuzzjoni ewlenija ġie pprojbit, u kien hemm għeluq ta’ 4 xhur fiż-żmien riproduttiv tas-sajf b’deroga għal ċerti sajjieda kostali ta’ skala żgħira, estiża mill-Kunsill mill-2021 għal ċertu sajd pelaġiku. Minħabba din is-sitwazzjoni severa, il-MAP u dak li qabel kien il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ġew emendati fl-2020 biex isaħħu ċerti miżuri ta’ ġestjoni u biex joffru lill-operaturi biex jiddekummissjonaw il-bastimenti tagħhom. 18

2.1.3.Bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent

Mill-2020, il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent kien ikkaratterizzat minn inċertezza dejjem akbar tal-valutazzjoni tal-istokk. Dan finalment irriżulta fit-tnaqqis fil-grad tal-parir għall-2024. Barra minn hekk, mill-2021 l-ICES ma baqax f’pożizzjoni li jipprovdi pariri separati għall-qabdiet kummerċjali u rikreattivi.

Għall-2021, il-Kummissjoni pproponiet TAC (-11 %) fil-medda tal-FMSY aktar baxxa minħabba li (i) il-bijomassa ta’ stokk riproduttiv ġiet stmata li għadha ma rkupratx aktar mill-punt ta’ referenza MSY Btrigger, li huwa punt ta’ sikurezza li taħtu trid tittieħed azzjoni ta’ ġestjoni xierqa; u (ii) biex tiġi evitata r-rilokazzjoni lejn is-subdiviżjonijiet 22–23 tal-isforz tas-sajd tas-subdiviżjoni 24, fejn ġie introdott għeluq fiż-żmien riproduttiv għas-sajd immirat għall-bakkaljaw fis-sajf minħabba l-abbundanza għolja tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant f’dik iż-żona. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li żżomm l-istess limitu tal-qbid rikreattiv u l-għeluq fiż-żmien riproduttiv tar-rebbiegħa fis-subdiviżjonijiet 22–23, u li testendi l-għeluq fiż-żmien riproduttiv tas-sajf fis-sottodiviżjoni 24 b’xahrejn sabiex tallinjah mal-għeluq taż-żmien riproduttiv tas-sajf fis-subdiviżjonijiet 25–26. Il-Kunsill qabel iżda żied it-TAC b’+ 5 % (4 000 tunnellata), estenda l-għeluq fiż-żmien riproduttiv tas-sajf fis-suddiviżjoni 24 b’xahar biss, u introduċa deroga mill-għeluq fiż-żmien riproduttiv fis-subdiviżjonijiet 22–24 għal ċertu sajd pelaġiku.

Għall-2022, u minn dak iż-żmien ’l hawn, l-ICES stima li d-daqs tal-istokk kien fil-fatt inqas minn Blim għal aktar minn 10 snin. Għalhekk, l-ICES naqqas il-parir tiegħu dwar il-qbid. Barra minn hekk, l-ICES ma kienx għadu jista’ jipprovdi pariri separati dwar il-qabdiet kummerċjali u rikreattivi. Il-Kummissjoni pproponiet li tagħlaq is-sajd immirat għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent u li tistabbilixxi TAC aktar baxxa (-92 %) għal qabdiet aċċessorji inevitabbli f’sajd ieħor. Barra minn hekk, ipproponiet li: (i) iżżid ġimagħtejn mal-għeluq fiż-żmien riproduttiv tar-rebbiegħa; (ii) tapplikah ukoll għas-sajjieda rikreattivi; (iii) tnaqqas il-limitu tal-qbid rikreattiv barra minn dan l-għeluq għal bakkaljaw wieħed kuljum; u (iv) tipprojbixxi ċerti tekniki rikreattivi ta’ qbid u rilaxx. Il-Kunsill segwa l-Kummissjoni iżda llimita t-tnaqqis fit-TAC għal -88 % (489 tunnellata), estenda d-deroga mill-għeluq fiż-żmien riproduttiv tar-rebbiegħa għal ċerti gangmi għall-molluski bivalvi, u ma rregolax it-tekniki rikreattivi ta’ qbid u rilaxx.

Għall-2023, l-ICES żied il-parir tiegħu dwar il-qabdiet filwaqt li stima li l-bijomassa tal-istokk kienet f’livell baxx storiku u enfasizza li t-tbassir tiegħu fuq terminu qasir kien inċert ħafna. Il-Kunsill qabel mat-tiġdid sħiħ propost tat-TAC għall-2022 u l-miżuri ta’ akkumpanjament.

Għall-2024, l-ICES naqqas il-grad tal-parir tiegħu għal parir ta’ prekawzjoni. Il-parir dwar il-qbid kien ta’ 24 tunnellata biss, li ma kienx biżżejjed biex ikopri l-qabdiet aċċessorji ta’ sajd ieħor. Il-Kummissjoni pproponiet li tipprojbixxi s-sajd rikreattiv kollu tal-bakkaljaw u li tnaqqas it-TAC tal-qabdiet aċċessorji (-72 %). Il-Kunsill qabel mal-projbizzjoni iżda llimita t-tnaqqis fit-TAC għal -30 % (136 tunnellata).

2.1.4.Aringi tal-Botnja u tal-Baltiku Ċentrali għall-2024

Għall-2024, l-ICES stima li l-bijomassa tal-aringa tal-Botnja kienet niżlet taħt il-Btrigger u dik tal-aringa tal-Baltiku Ċentrali saħansitra taħt il-Blim. Barra minn hekk, l-ICES iddikjara li, anki mingħajr qabdiet, il-probabbiltà li l-bijomassa taż-żewġ stokkijiet taqa’/tibqa’ taħt il-Blim kienet akbar minn 5 %. Abbażi tal-Artikolu 4(6) tal-MAP, il-Kummissjoni pproponiet li tagħlaq is-sajd immirat għaż-żewġ stokkijiet u li tistabbilixxi TAC għall-qabdiet aċċessorji inevitabbli f’sajd ieħor. Il-Kunsill iddeċieda li jżomm is-sajd immirat miftuħ, li jistabbilixxi t-TAC fil-medda l-aktar baxxa tal-FMSY (-31 % u -43 % rispettivament), u li jintroduċi għeluq fiż-żmien riproduttiv ta’ xahar għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir pelaġiku fiż-żona ta’ ġestjoni tal-aringa tal-Baltiku ċentrali.

2.1.5.Sommarju

Matul il-perjodu kollu, it-TACs għall-istokkijiet li għandhom valutazzjoni tal-MSY (jiġifieri l-istokkijiet kollha ħlief il-bakkaljaw tal-Punent għall-2024, u l-bakkaljaw tal-Lvant) ġew stabbiliti f’konformità mal-FMSY fil-mument tal-istabbiliment tat-TAC, ħlief għall-aringa tal-Punent. Madankollu, il-volumi tal-qabdiet relatati naqsu kważi bin-nofs mill-2017, u ċertu sajd ingħalaq mill-2020 (bakkaljaw tal-Lvant) jew mill-2022 (bakkaljaw tal-Punent u aringi tal-Punent).

Il-BSAC u l-membri tiegħu jesprimu l-istess opinjonijiet negattivi dwar ir-rwol tal-MAP fir-rigward tal-istabbiliment tat-TAC bħal fl-ewwel rapport. Żewġ membri jesprimu tħassib li l-punti ta’ referenza tal-MSY huma żbaljati u/jew baxxi wisq. It-tliet Stati Membri li wieġbu huma maqsuma bejn valutazzjonijiet pożittivi u negattivi. Barra minn hekk, xi wħud jindikaw li (i) aspetti mhux relatati mas-sajd jidhru li mhumiex ikkunsidrati biżżejjed fl-approċċ tal-MSY; (ii) għandhom jiġu kkunsidrati r-relazzjonijiet bejn l-ispeċijiet; u (iii) tkun meħtieġa aktar flessibbiltà.

Il-Kummissjoni tibqa’ tal-fehma li mingħajr l-MAP kien ikun aktar diffiċli li jintlaħaq qbil dwar TACs li huma koerenti u konformi mal-objettivi tal-PKS.

2.2.L-obbligu ta’ ħatt l-art u l-qabdiet skartati

Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-PKS riformata hu li timplimenta l-obbligu ta’ ħatt l-art u li telimina gradwalment il-qabdiet skartati billi tevita u tnaqqas il-qabdiet mhux mixtieqa. L-obbligu ta’ ħatt l-art japplika għall-ispeċijiet ġestiti b’TAC. Fil-Baħar Baltiku, l-obbligu ta’ ħatt l-art daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015 għall-bakkaljaw, l-aringi, il-laċċa kaħla u s-salamun, u fl-1 ta’ Jannar 2017 għall-barbun tat-tbajja’. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tiegħu, l-Artikolu 7 tal-MAP jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati dwar ċerti eżenzjonijiet. F’Novembru 2020, żdiedet bażi legali fil-MAP għall-adozzjoni ta’ eżenzjonijiet ta’ saħħa għolja għas-salamun tal-Baltiku. 19  

L-ICES jistma 20 li l-prattiki tal-iskartar ftit li xejn inbidlu mid-dħul fis-seħħ tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Il-qabdiet skartati ta’ speċijiet pelaġiċi għadhom baxxi ħafna, u l-qabdiet skartati irrappurtati uffiċjalment għas-sajd l-ieħor tnaqqsu b’mod sostanzjali għalkemm l-iskartar illegali għadu għaddej. Fl-evalwazzjoni tiegħu tar-rapporti annwali tal-2021 tal-Istati Membri dwar l-obbligu ta’ ħatt l-art 21 , l-STEFC indika li l-implimentazzjoni b’mod ġenerali baqgħet dgħajfa u li r-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità fl-2021 baqa’ għoli jew għoli ħafna għal diversi tipi ta’ sajd fil-Baħar Baltiku. Ta’ min jinnota li d-deroga mir-regola ġenerali tal-“marġni ta’ tolleranza” stabbilita mill-Artikolu 13 tal-MAP għall-iżbark mhux magħżul se titneħħa gradwalment sa Jannar 2028. 22  

Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati li jesprimu opinjoni għandhom fehmiet diverġenti dwar l-iskartar. Stat Membru wieħed li qed iwieġeb ma għandu l-ebda opinjoni, u t-tnejn l-oħra u xi membri tal-industrija ma jqisux li din hija problema. Partijiet oħra tal-industrija u l-NGOs jikkondividu l-fehma tal-ICES u tal-STECF. Kważi l-partijiet ikkonċernati kkonsultati kollha huma tal-fehma li l-MAP ma għenx biex jitnaqqas l-iskartar, u li l-MAP ma jippermettix li titqies is-sitwazzjoni tas-sajd imħallat. Il-BSAC iżid li l-prattiki tal-iskartar ma ġewx ikkontrollati kif xieraq.

Il-Kummissjoni tibqa’ tal-fehma li l-problema kontinwa tal-iskartar hija primarjament kwistjoni ta’ kontroll u infurzar li għandha tiġi indirizzata fi ħdan is-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-UE.

2.3.Approċċ ibbażat fuq l-ekosistema

Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Bażiku tal-PKS, il-PKS trid timplimenta l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd biex jitnaqqsu l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. L-Artikolu 3(3) tal-MAP jiddikjara li l-MAP irid ikun koerenti mal-liġi ambjentali tal-UE u b’mod partikolari mal-objettiv li jinkiseb status ambjentali tajjeb sal-2020, kif meħtieġ mid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD). 23  

L-MSFD tipprovdi 11-il deskrittur kwalitattiv għad-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb. Il-MAP għandu l-għan li jiżgura li l-kundizzjonijiet tad-deskrittur 3 (l-aktar rilevanti għall-ġestjoni tas-sajd) jiġu ssodisfati, u li jikkontribwixxi għall-issodisfar ta’ deskritturi rilevanti oħra b’mod proporzjonat mar-rwol relattiv tas-sajd. 24 Id-Deskrittur 3 huwa marbut direttament mal-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd. 25 L-ewwel kriterju tiegħu huwa relatat mal-pressjoni tas-sajd, it-tieni wieħed mal-bijomassa u t-tielet wieħed mad-distribuzzjoni skont id-daqs u l-età. L-ewwel żewġ kriterji huma koperti mir-regoli tal-iffissar tat-TAC tal-MAP. Dwar it-tielet kriterju, l-ICES ippubblika parir speċjali fi Frar 2024 li jidentifika indikaturi iżda ma setax jipprovdi limiti minimi u lanqas jissuġġerixxi għażliet ta’ ġestjoni. 26

L-impatt li l-attivitajiet tas-sajd għandhom fuq il-popolazzjoni tad-dniefel suwed fil-Baħar Baltiku, li huma elenkati bħala f’periklu kritiku 27 , għadu kawża ta’ tħassib. Wara żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti minn BaltFish, ġiet adottata leġiżlazzjoni 28 biex tipproteġi d-dniefel suwed , iżda l-Kummissjoni tqis li hija meħtieġa azzjoni addizzjonali.

L-ICES jikkonferma li l-ekosistema tal-Baħar Baltiku għaddejja minn tibdil fundamentali u mhijiex f’bilanċ. Ħafna speċijiet u ħabitats tal-Baħar Baltiku mhumiex fi status ambjentali tajjeb minħabba l-influwenza tal-bniedem fuq l-ambjent tal-baħar. 29 L-aktar ħames pressjonijiet sinifikanti fuq il-Baħar Baltiku huma: (i) l-arrikkiment tan-nutrijenti u dak organiku; (ii) is-sajd; (iii) l-introduzzjoni ta’ komposti kontaminanti; (iv) l-introduzzjoni ta’ speċijiet mhux indiġeni; u (v) telf tal-brix u tas-sottostrat.

Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati jqisu, għalkemm ħafna drabi għal raġunijiet differenti ħafna, li l-MAP ma kkontribwixxiex, jew saħansitra kien kontroproduttiv, għall-implimentazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd. Madankollu, xi wħud jenfasizzaw li l-MAP għandu l-potenzjal li jagħmel dan jekk jiġi implimentat (kif suppost). Il-partijiet ikkonċernati kollha jaqblu li l-ekosistema għandha impatt sinifikanti fuq l-istokkijiet tal-ħut.

2.4.Il-kooperazzjoni reġjonali

Kif stabbilit fl-ewwel rapport, l-għodod ewlenin tar-reġjonalizzazzjoni taħt il-PKS attwali huma: (i) il-kunsilli konsultattivi reġjonali istituzzjonalizzati, li jridu jiġu kkonsultati dwar diversi suġġetti u jistgħu jadottaw rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe suġġett; u (ii) l-adozzjoni mill-Istati Membri rilevanti ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti biex il-Kummissjoni tadotta atti delegati.

Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati għadhom mhumiex konvinti mill-valur miżjud tal-MAP fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali, ħlief għal 2 mit-3 Stati Membri rispondenti. Il-BSAC isemmi b’mod partikolari nuqqas ta’ riżorsi.

Il-Kummissjoni tkompli tqis li l-MAP jipprovdi l-qafas legali meħtieġ għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa b’mod partikolari permezz ta’ proposti konġunti u konsultazzjoni mal-kunsilli konsultattivi u partijiet ikkonċernati oħra dwar kwistjonijiet li jinfluwenzaw il-Baħar Baltiku. Pereżempju, BaltFish jista’ jkollu diskussjonijiet aktar dettaljati mal-partijiet ikkonċernati fit-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet konġunti.

Ta’ min jinnota li l-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringa ċentrali, il-laċċa kaħla u s-salamun huma kondiviżi mar-Russja. Fl-2009, l-UE u r-Russja qablu li jikkooperaw fil-qasam tal-ġestjoni tal-istokk tal-ħut permezz ta’ kumitat konġunt. 30 Dan il-kumitat ilu ma ltaqa’ mill-2019 minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna. Kull parti tistabbilixxi t-TACs tagħha b’mod awtonomu, peress li ma kienx possibbli li jintlaħaq qbil dwar arranġament ta’ kondiviżjoni. L-UE tapplika l-ishma ta’ dik li qabel kienet il-Kummissjoni Internazzjonali tas-Sajd fil-Baħar Baltiku 31 filwaqt li r-Russja ilha tistabbilixxi t-TACs tagħha ħafna ogħla għal ħafna snin. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-parir tal-ICES, ir-Russja tkompli timmira għall-bakkaljaw, għalkemm f’livelli aktar baxxi milli fil-passat, u bilkemm naqqset it-TAC tagħha għall-aringa tal-Baltiku Ċentrali. Ir-Russja ma bagħtet l-ebda data lill-ICES mill-2022.

2.5.L-iżviluppi soċjoekonomiċi

B’mod ġenerali, is-sajd tal-Baltiku kien profittabbli matul il-perjodu 2013–2021. Madankollu, matul dan il-perjodu għadd ta’ segmenti tal-flotta tal-Baltiku, b’mod partikolari flotot kostali fuq skala żgħira, ma setgħux ikopru l-kostijiet operazzjonali u l-biċċa l-kbira tal-indikaturi soċjoekonomiċi kellhom it-tendenza li jonqsu, spiss b’mod sostanzjali. 32 Id-data dwar l-iżviluppi mill-2021 għadha ma ġietx irrapportata, iżda s-sitwazzjoni ambjentali, il-fatt li l-istokkijiet tal-barbun tat-tbajja’ u l-aringa ta’ Riga biss qed imorru tajjeb, u d-diversi riperkussjonijiet negattivi tal-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna ċertament kellhom impatt negattiv.

Bl-eċċezzjoni ta’ rispondent wieħed, il-partijiet ikkonċernati jaqblu li l-iżviluppi soċjoekonomiċi kienu negattivi, għalkemm b’differenzi sinifikanti bejn is-setturi skont il-biċċa l-kbira tar-rispondenti. Il-BSAC u l-membri tiegħu jkomplu jsostnu li hemm rabta kawżali mal-MAP minħabba l-evoluzzjoni negattiva tal-istokkijiet li għalihom huwa akkużat il-MAP. It-tliet Stati Membri li wieġbu ma jidentifikawx tali rabta kawżali.

Il-Kummissjoni tibqa’ tal-fehma li t-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut u fis-sajd mhuwiex dovut għall-implimentazzjoni tal-MAP iżda minħabba bidliet fl-ekosistema usa’. L-ICES jirreferi għal rappurtar ħażin tal-ispeċijiet li għaddej li jista’ jkollu wkoll effetti negattivi. Ekosistema b’saħħitha u sajd sostenibbli biss jistgħu jiżguraw komunitajiet tas-sajd b’saħħithom fit-tul.

3.Delega tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-MAP

Il-MAP jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati għal miżuri ta’ konservazzjoni għall-ispeċijiet ta’ qabdiet aċċessorji (l-Artikolu 6), l-obbligu ta’ ħatt l-art (l-Artikolu 7) u l-miżuri tekniċi (l-Artikolu 8) sa fejn dawn ma jkunux koperti mir-Regolament dwar il-Miżuri Tekniċi.

L-għoti tas-setgħa tal-Artikolu 6 qatt ma ntuża. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-Artikolu 7 intuża darbtejn biex tinżamm eżenzjoni għolja mal-kapaċità ta’ sopravivenza għas-salamun tal-Baltiku; 33 L-Artikolu 8 ma ntużax, minħabba li s-sustanza tiegħu fil-biċċa l-kbira ġiet sostitwita minn Awwissu 2019 mis-setgħa mogħtija mir-Regolament dwar il-Miżuri Tekniċi aktar speċifiku. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li l-Istati Membri kkonċernati s’issa għadhom ma pprovdewx l-informazzjoni meħtieġa biex sa tmiem l-2020 tiġi vvalutata mill-ġdid eżenzjoni mogħtija għall-barbun tat-tbajja’. 34

(1)

     COM (2020) 494 final tal-14.9.2020.

(2)

     Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).

(3)

      http://www.bsac.dk/BSAC/About-the-BSAC .

(4)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).    

(5)

     Għas-salamun tal-Baltiku, il-Kummissjoni pproponiet (COM(2011) 470 final tat-12.8.2011) u mbagħad irtirat pjan pluriennali (2020/C 321/03, ĠU C 321, 29.9.2020, p. 37) wara valutazzjoni negattiva mill-ICES (ICES Advice 2020 – sr.2020.02 ( https://doi.org/10.17895/ices.advice.6008 ).

(6)

     ICES Advice 2022 – Baltic Sea Ecoregion Fisheries Overview, verżjoni 2 tas-6 ta’ Frar 2023, p. 5 (https://doi.org/10.17895/ices.advice.21646934 ).

(7)

      https://www.ices.dk/advice/Pages/Latest-Advice.aspx .

(8)

     ICES Advice 2022 – Baltic Sea Ecoregion Ecosystem Overview tal-15 ta’ Diċembru 2022 ( https://doi.org/10.17895/ices.advice.21725438 ).

(9)

     Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(10)

     Ir-rapport tad-69 laqgħa plenarja tal-STECF (PLEN-22–01), il-punt 6.1, pp. 16–31; Rapport ad hoc dwar il-kuntratt “Evaluation of Member States’ Annual Reports on the Landing Obligation (for 2021), March 2022”, dokument ta’ sfond għar-rapport tal-laqgħa plenarja.

(11)

     STECF 23-07, The Annual Economic Report of the EU Fishing Fleet.

(12)

     Memorandum of Understanding on the Principles and working methods of the Baltic Sea Fisheries Forum tat-13 ta’ Diċembru 2013, http://www.bsac.dk/BSAC-Resources/Documents-section/BALTFISH , minn hawn ’il quddiem “BaltFish”.

(13)

     Il-kwestjonarju u t-tweġibiet jinsabu fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SWD(2024) 703 li jakkumpanja dan ir-rapport. 

(14)

   COM(2021) 583 final tat-23.9.2021 u COM(2024) 349 final tat-30.7.2024.

(15)

   Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

(16)

     Tabella dettaljata hija pprovduta fl-Anness tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport. 

(17)

     Peress li l-Kunsill iddeċieda li jżomm miftuħ is-sajd immirat għall-aringa ċentrali, il-kwistjoni dwar il-metodoloġija tal-kalkolu għal din it-TAC saret irrilevanti.

(18)

     Ir-Regolament (UE) 2020/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1139 fir-rigward ta’ tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd fil-Baħar Baltiku, u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward tal-waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd għall-flotot li jistadu għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, il-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent u l-aringi tal-Baltiku tal-Punent (ĠU L 400, 30.11.2020, p. 1).

(19)

     Ir-Regolament (UE) 2020/1781, l-Artiklu 1(1); ara n-nota f’qiegħ il-paġna18.

(20)

     Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna, p. 8, u n-nota 8 f’qiegħ il-paġna, p. 8.

(21)

     Ara n-nota 10 f’qiegħ il-paġna.

(22)

     Ir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u (KE) Nru 1005/2008 u r-Regolamenti (UE) 2016/1139, (UE) 2017/2403 u (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (ĠU L, 2023/2842, 20.12.2023).

(23)

     Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (ĠU 164, 25.6.2008, p. 19).

(24)

     L-attivitajiet tas-sajd għandhom ukoll impatt fuq id-deskritturi relatati ma’: id-diversità bijoloġika (1); ix-xibka alimentari (4); l-integrità ta’ qiegħ il-baħar (6); u l-iskart fil-baħar (10). Il-kontribut tas-sajd għad-deskritturi l-oħra huwa, fl-aħjar każ, indirett u/jew mhux sostanzjali: l-introduzzjoni ta’ speċijiet mhux indiġeni (2), l-ewtrofikazzjoni indotta mill-bniedem (5), il-kundizzjonijiet idrografiċi (7), il-livell ta’ kontaminanti fil-baħar (8), il-livell ta’ kontaminanti fil-ħut u fil-frott tal-baħar (9), l-introduzzjoni ta’ enerġija inkluż l-istorbju taħt l-ilma (11).

(25)

     Dan jaqra “Il-popolazzjonijiet tal-ħut u tal-frott tal-baħar kollu sfruttat kummerċjalment huma fi ħdan limiti bijoloġiċi sikuri, u juru distribuzzjoni tal-popolazzjoni skont l-età u d-daqs li hija indikattiva ta’ stokk b’saħħtu.”

(26)

     ICES Advice 2024 – sr.2024.01 ( https://doi.org/10.17895/ices.advice.25265284 ).

(27)

     Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna, p. 19.

(28)

     Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/303 tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 fir-rigward tal-miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-popolazzjoni residenti tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali (Phocoena phocoena) fil-Baħar Baltiku (ĠU L 46, 25.2.2022, p. 67).

(29)

     Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna, p. 1, u n-nota 8 f’qiegħ il-paġna, p. 3.

(30)

     Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa dwar il-kooperazzjoni fis-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fil-Baħar Baltiku (ĠU L 129, 28.5.2009, p. 2), b’mod partikolari l-Artikolu 14.

(31)

     Din kienet l-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-Baħar Baltiku.

(32)

   Ara n-nota f’qiegħ il-paġna11, pp. 103–109, 112–115. Ta’ min jinnota li r-rapport ikopri s-sajd kollu, mhux biss is-sajd għall-istokkijiet koperti mill-MAP, li madankollu jirrappreżentaw madwar 95 % tal-qabdiet kollha fil-Baħar Baltiku.

(33)

     Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1417 tat-22 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1139 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward tas-salamun fil-Baħar Baltiku għall-perjodu 2021-2023(ĠU L 305, 31.8.2021, p. 3); Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1296 tat-28 ta’ Frar 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward tas-salamun fil-Baħar Baltiku għall-perjodu 2024-2026 (ĠU L 2024,/1296, 7.5.2024).

(34)

     L-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/306 tat-18 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward tal-bakkaljaw u l-barbun tat-tbajja’ fis-sajd fil-Baħar Baltiku (ĠU L 60, 2.3.2018, p. 1).