Strasburgu, 17.12.2024

COM(2024) 700 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

Semestru Ewropew 2025 - Pakkett tal-Ħarifa


1.Introduzzjoni

F’dawn l-aħħar snin, l-UE għaddiet minn adattamenti kbar, u aġġustat il-prijoritajiet tal-politika tagħha biex twieġeb għall-isfidi emerġenti. Permezz ta’ sforzi kollettivi, l-UE rnexxielha tegħleb diversi kriżijiet u tejbet ir-reżiljenza tal-Istati Membri tagħha. L-attività ekonomika hija mistennija tirkupra gradwalment, bl-impjiegi jibqgħu f’livell għoli rekord u b’titjib fil-kapaċità tal-akkwist hekk kif l-inflazzjoni terġa’ lura għall-objettiv fil-mira. Madankollu, biex tiġi żgurata l-prosperità sostenibbli kontinwa tagħna, jeħtieġ li l-UE tindirizza urġentement l-ostakli għat-tkabbir u l-kompetittività. Dan jitlob aġenda politika konsistenti u ambizzjuża.

L-UE hija ddeterminata li tiżgura l-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tagħha filwaqt li ssaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq tagħha u tissalvagwardja s-sovranità, is-sigurtà ekonomika u l-influwenza globali tagħha, kif enfasizzat mill-Mexxejja tal-UE fid-Dikjarazzjoni ta’ Budapest u fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen 1 . Ir-rapporti Ferm aktar minn suq ta’ Enrico Letta 2 u Il-futur tal-kompetittività Ewropea ta’ Mario Draghi 3 enfasizzaw l-ostakli strutturali li jżommu lura t-tkabbir ekonomiku u l-produttività tal-UE u jipperikolaw il-prosperità futura tagħna. Waħda mill-ewwel inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida li se tiġi ppubblikata f’Jannar se tkun boxxla għall-kompetittività, mibnija fuq it-tliet pilastri tar-rapport ta’ Draghi: (i) it-tnaqqis tad-distakk fl-innovazzjoni mal-Istati Uniti u ċ-Ċina; (ii) pjan konġunt għad-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività biex titħaffef it-tranżizzjoni u jitnaqqas il-kost tal-enerġija; u (iii) iż-żieda fis-sigurtà u t-tnaqqis tad-dipendenzi. Il-progress f’dawn il-pilastri se jiddependi wkoll fuq faċilitaturi tal-kompetittività u tat-tkabbir inklużiv – trasversali u interkonnessi: l-approfondiment tas-Suq Uniku, is-simplifikazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjiegi ta’ kwalità, il-finanzjament tal-investimenti u t-titjib tal-koordinazzjoni.

Bħala mekkaniżmu ċentrali għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-Istati Membri, is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas biex jiġu avvanzati l-investimenti u r-riformi meħtieġa. Is-Semestru Ewropew se jkompli jidentifika l-isfidi soċjoekonomiċi u jipprovdi gwida dwar l-azzjoni ta’ politika meħtieġa biex dawn jiġu indirizzati, bil-għan li jittejbu l-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-ġustizzja soċjali tal-UE.

2. Is-Semestru Ewropew 2025

Iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2025 tnieda bil-pubblikazzjoni tal-Pakkett tal-Ħarifa. Fis-26 ta’ Novembru, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel parti tal-pakkett, li nediet l-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Dan kien jikkonsisti fil-valutazzjoni tal-pjanijiet fiskali strutturali ta’ terminu medju għal 21 Stat Membru, l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji għall-2025 ta’ 17-il Stat Membru taż-żona tal-euro, kif ukoll il-passi fl-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv għal 8 Stati Membri. Ladarba jiġu adottati mill-Kunsill, ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-pjanijiet ta’ terminu medju se joffru ankra ta’ politika koerenti għall-imġiba ekonomika u fiskali tal-Istati Membri għas-snin li ġejjin u jgħinu biex l-UE ssir aktar kompetittiva u mħejjija aħjar għall-isfidi futuri billi jappoġġaw il-progress lejn ekonomija ekoloġika, diġitali, inklużiva u reżiljenti. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ terminu medju se tiġi mmonitorjata permezz tas-Semestru Ewropew u tibda’ diġà fir-rebbiegħa tal-2025 bil-preżentazzjoni tal-ewwel rapporti ta’ progress annwali mill-Istati Membri.

Il-pakkett tal-lum jikkompleta l-bidu taċ-ċiklu tal-2025 tas-Semestru Ewropew. Fih ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija fl-ambitu tal-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi.

Ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro tappella lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jaġixxu individwalment u kollettivament fil-Grupp tal-Euro biex itejbu l-kompetittività u jrawmu l-produttività. Dan jirrikjedi t-tisħiħ tal-innovazzjoni, inkluż f’teknoloġiji kritiċi, it-tisħiħ tal-aċċess għall-finanzjament għan-negozji, inklużi l-SMEs, it-titjib tal-ambjent tan-negozju billi jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-kumplessità regolatorja, it-tneħħija tal-ostakli għall-investiment u l-appoġġ għall-investiment pubbliku u privat f’oqsma ta’ prijoritajiet komuni, bħat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-akkumulazzjoni tal-kapaċitajiet tad-difiża, u l-iżvilupp ulterjuri tal-ħiliet fil-forza tax-xogħol. Ir-rakkomandazzjoni tenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jiġu promossi impjiegi ta’ kwalità, jissaħħu l-inċentivi għax-xogħol u jiġu evitati diverġenzi fil-kompetittività. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri taż-żona tal-euro għandhom jiżguraw il-konformità mal-qafas fiskali l-ġdid, itejbu s-sostenibbiltà tad-dejn u jimmonitorjaw ir-riskji għall-istabbiltà makrofinanzjarja. Ir-rakkomandazzjoni hija appoġġata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li janalizza l-isfidi ekonomiċi relatati mal-kompetittività, ir-reżiljenza u l-istabbiltà makroekonomika.

Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija jidentifika 10 Stati Membri li għalihom għandhom jitwettqu analiżijiet fil-fond biex jiġi vvalutat jekk humiex affettwati minn żbilanċi. Ir-rapport jibda ċ-ċiklu annwali ta’ implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku, li għandha l-għan li tidentifika, tipprevjeni u tikkoreġi l-iżbilanċi li qed jaffettwaw b’mod negattiv, jew li għandhom il-potenzjal li jaffettwaw b’mod negattiv, il-funzjonament xieraq tal-ekonomija ta’ Stat Membru, jew tal-UE kollha kemm hi. Abbażi tal-qari ekonomiku tat-tabella ta’ valutazzjoni, ir-rapport jidentifika l-Istati Membri li huwa jqis li jistgħu jiġu affettwati minn żbilanċi jew li jistgħu jkunu f’riskju li jiġu affettwati minnhom. L-analiżijiet fil-fond se jitħejjew għal dawn l-Istati Membri fir-rebbiegħa li ġejja. Dan huwa l-każ għall-Greċja, Ċipru, l-Italja, l-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Rumanija, in-Netherlands, l-Iżvezja u l-Ġermanja bħala segwitu għall-iżbilanċi jew l-iżbilanċi eċċessivi identifikati fid-19 ta’ Ġunju 2024 4 , filwaqt li fil-każ tal-Estonja l-analiżi fil-fond se tivvaluta r-riskju ta’ żbilanċi emerġenti ġodda.

Ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi, u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Ir-rapport jipprovdi aġġornament dwar il-progress fil-kisba tal-miri ewlenin u nazzjonali tal-UE għall-2030 dwar (i) l-impjiegi, (ii) it-tisħiħ tal-ħiliet u (iii) it-tnaqqis tal-faqar. Ir-rapport juri li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-ewwel mira, filwaqt li huma meħtieġa aktar sforzi sinifikanti fuq dawn it-tnejn tal-aħħar. Bħal fiċ-ċiklu preċedenti, ir-rapport janalizza wkoll ir-riskji potenzjali għall-konverġenza soċjali ’l fuq abbażi tal-prinċipji tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 5 . Minkejja xi titjib, ir-riskji għal konverġenza ’l fuq jippersistu fil-livell tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp tal-ħiliet. Dan jista’ jaggrava l-isfidi relatati mal-kompetittività u n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet. Filwaqt li s-swieq tax-xogħol ikomplu jaħdmu b’mod robust b’livelli rekord ta’ impjiegi u b’qgħad storikament baxx, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ ċerti gruppi tal-popolazzjoni għadha lura. Il-proporzjon ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas bi ftit fl-2023, iżda baqa’ ogħla mil-livelli ta’ qabel il-kriżi.

Is-Semestru Ewropew se jkompli jixpruna l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE, filwaqt li jiżgura l-konsistenza bejn id-dimensjonijiet tal-UE, nazzjonali u reġjonali. Biex jinkisbu l-prijoritajiet tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE u biex jiġu indirizzati l-isfidi nazzjonali, se tkun meħtieġa azzjoni sinifikanti mill-Istati Membri – fil-livell nazzjonali u reġjonali. Il-pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew se jipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs), ibbażati fuq l-identifikazzjoni tal-isfidi ewlenin speċifiċi għall-pajjiżi fir-Rapporti tal-Pajjiżi. Is-sjieda se tissaħħaħ permezz ta’ użu mtejjeb ta’ djalogi strutturati mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati oħra, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili. Id-djalogi se jinkludu diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet eżistenti, dwar azzjoni ta’ politika attwali jew futura biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati, kif ukoll dwar opportunitajiet għal aktar tkabbir ekonomiku u progress soċjali. Għal dan il-għan, is-servizzi tal-Kummissjoni se jwettqu l-missjonijiet tas-Semestru Ewropew kmieni fil-proċess u jsegwu l-iskambji qabel il-finalizzazzjoni tar-Rapporti tal-Pajjiżi biex isaħħu l-analiżi tagħhom. Id-djalogu interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill se jibqa’ kruċjali biex jiġu żgurati r-responsabbiltà demokratika, it-trasparenza u l-kollaborazzjoni matul il-proċess tas-Semestru.

Is-CSRs tal-2025 se jipprovdu gwida politika komprensiva u koerenti. Bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) li se tintemm fl-2026, iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2025 se jara bidla gradwali lejn sett aktar komprensiv ta’ CSRs u jelimina gradwalment l-approċċ għas-CSRs introdotti matul il-fażijiet preċedenti tal-implimentazzjoni tal-RRF. L-iżvilupp progressiv ta’ tali gwida politika komprensiva għal kull Stat Membru se jgħin biex jintlaħqu l-objettivi miftiehma b’mod komuni, fid-dawl tat-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Is-Semestru 2025 se jaġixxi bħala pont għall-iżvilupp, abbażi ta’ analiżi mtejba biex jiġu identifikati l-isfidi strutturali rilevanti u tiġi pprovduta gwida dwar il-prijoritajiet ta’ riforma u investiment f’kull Stat Membru.

(1)

  Linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024-2029 .

(2)

  Enrico Letta, Much more than a market (April 2024) .

(3)

  EU competitiveness: Looking ahead - European Commission .

(4)

  2024 European Semester: Spring Package Communication

(5)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1263.