Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 621 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Polonja

{SWD(2024) 100 final} - {SWD(2024) 621 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Polonja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Il-Polonja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2024 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih ma identifikatx lill-Polonja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Jinkludi wkoll emendi għar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u għad-Direttiva 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Kull Stat Membru jenħtieġ li jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru orizzont ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 8 fil-pjanijiet fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263, inklużi r-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt 60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fl-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji referenzjarji u informazzjoni teknika fejn applikabbli). L-Istati Membri jenħtieġ li jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.

(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Fit-3 ta’ Mejju 2021, il-Polonja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fis-17 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja 9 , li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 b’segwitu għall-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 dwar l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll sabiex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Polonja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Polonja 11 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress tal-Polonja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Polonja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Polonja biex timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tikseb il-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(9)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Polonja żdied minn 3,4 % tal-PDG fl-2022 għal 5,1 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied minn 49,2 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 49,6 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-gwida tal-politika fiskali għall-2024 13 , il-Kummissjoni qed tieħu l-ewwel pass għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 14 . Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Polonja, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f’Lulju li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv kontra l-Polonja, billi tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta Deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.

(10)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 15 li l-Polonja tieħu azzjoni biex tiżgura li fl-2023 iż-żieda fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment tkun konformi mal-pożizzjoni politika li kollox ma’ kollox tkun newtrali 16 , b’kont meħud tal-appoġġ kontinwu temporanju u mmirat għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti li huma l-iktar milquta miż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qegħdin jaħarbu mill-Ukrajna. Fl-istess ħin, il-Polonja ġiet irrakkomandata tkun lesta taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Il-Polonja ġiet irrakkomandata wkoll tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 17 kienet espansjonarja, b’0,8 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni pjuttost newtrali għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,0 % tal-PDG u kien konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pjuttost newtrali tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali kienet dovuta għat-tnaqqis fil-kostijiet tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza (immirati u mhux immirati) għall-unitajiet domestiċi u għad-ditti b’reazzjoni għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija (b’1,2 punti perċentwali tal-PDG). L-ixprunaturi ewlenin tat-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netti mill-miżuri ta’ dħul) kienu żidiet fil-pagi u l-pensjonijiet pubbliċi. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE kienet tammonta għal 1,5 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali ammonta għal 3,8 % tal-PDG fl-2023, b’żieda annwali ta’ 0,8 punti perċentwali mill-2022. Il-Polonja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE u żammet l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Il-Polonja ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-appoġġ għall-grilji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, għall-impjanti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u għar-rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija tal-bini u l-mobbiltà ekoloġika u intelliġenti, li huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(11)It-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber b’2,8 % fl-2024 u 3,4 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 4,3 % fl-2024 u 4,2 % fl-2025.

(12)It-tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 5,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni jiżdied għal 53,7 % sa tmiem l-2024. Iż-żieda tad-defiċit fl-2024 tirrifletti prinċipalment infiq għoli fuq id-difiża, żidiet fis-salarji fis-settur pubbliku u benefiċċji soċjali ġodda. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja b’2,4 % tal-PDG, fl-2024.

(13)In-nefqa li tammonta għal 1,0 % tal-PDG se tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,1 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Polonja. Nefqa li tammonta għal 0,9 % tal-PDG hija mistennija li tkun appoġġata minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

(14)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda li l-Polonja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 18 fl-2024 għal mhux aktar minn 7,8 %. Waqt l-eżekuzzjoni tal-baġits tagħhom għall-2023 u t-tħejjija tal-baġits tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Polonja hija projettata li tiżdied b’12,8 % fl-2024, li hija ogħla mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Dan l-infiq eċċessiv fuq ir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata fin-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment jikkorrispondi għal 2,0 % tal-PDG fl-2024. Hemm ir-riskju li dan ma jkunx konformi ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.

(15)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Polonja tieħu azzjoni biex telimina b’mod gradwali l-miżuri fis-seħħ ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija, u tuża’ l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Polonja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreżervaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 19 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat għal 0,6 % tal-PDG fl-2023 u pprojettat għal 0,5 % fl-2024, u inqas minn 0,1 % fl-2025. B’mod partikolari, l-iskemi ta’ ffriżar tal-prezzijiet għall-elettriku u l-gass huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ sa Ġunju 2024, filwaqt li l-limiti massimi tal-prezzijiet huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2024 għall-elettriku u l-gass u sa Ġunju 2025 għat-tisħin distrettwali 20 . Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif rakkomandat mill-Kunsill, dawn il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2024, billi n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 21 tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 2,0 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ emerġenza ta’ appoġġ għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Hemm ir-riskju li dan ma jkunx konformi ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-iffrankar relatat mhuwiex ipprojettat li jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan iwassal ukoll għal riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2024 (0,2 % tal-PDG fl-2023) li kollha jżommu s-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija.

(16)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda 22 wkoll li l-Polonja tippreżerva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pprojettat li jiżdied għal 4,0 % tal-PDG fl-2024 minn 3,8 % tal-PDG fl-2023. Dan huwa konformi ma’ dak li kien rakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa l-oħra, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tiżdied għal 1,9 % tal-PDG fl-2024 minn 1,5 % tal-PDG fl-2023.

(17)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 4,6 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment titjib ċikliku u l-iskadenza tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jiżdied għal 57,7 % sa tmiem l-2025. Minbarra d-defiċits għoljin, iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn mal-PDG hija xprunata minn prepagamenti kbar fi flus għal investimenti f’tagħmir militari.

(18)Il-benefiċċji soċjali għadhom fil-biċċa l-kbira mhux immirati u mingħajr ittestjar tal-mezzi fil-livell tal-unitajiet domestiċi. Dan jirriżulta f’sistema ta’ protezzjoni soċjali b’potenza ridistributtiva limitata. Fl-2023, il-benefiċċji universali tat-tfal żdiedu b’mod sinifikanti, u t-13-il pensjoni nżammet. Fid-dokumenti baġitarji, it-trasparenza rigward l-investimenti li għaddejjin u dawk ippjanati tista’ titjieb. Ma hemmx ħarsa ġenerali integrata u komprensiva lejn l-investimenti li għaddejjin u s-sorsi ta’ finanzjament tagħhom, inklużi l-fondi ekstrabaġitarji u l-intrapriżi tal-istat. Filwaqt li hija disponibbli fi gradi differenti, tali informazzjoni hija mifruxa ma’ dokumenti differenti, bħal programmi ta’ investiment pluriennali u pjanijiet finanzjarji ta’ intrapriżi tal-istat jew ta’ fondi ekstrabaġitarji. Il-proċeduri għall-valutazzjoni u għall-għażla ta’ proġetti ta’ investiment pubbliku u t-twettiq ta’ rieżamijiet ex post huma dgħajfa. Metodoloġiji standardizzati ta’ valutazzjoni tal-proġetti jeżistu biss għall-investimenti ffinanzjati mill-UE iżda jistgħu jiġu applikati għall-investimenti ewlenin kollha ffinanzjati millgvern. Il-proċeduri tal-għażla tal-proġetti jvarjaw bejn il-ministeri u huma bbażati fuq it-tip ta’ proġett u s-sors ta’ finanzjament. Ma hemmx kriterju standard għall-għażla u l-prijoritizzazzjoni tal-proġetti fil-livell tal-gvern ċentrali.

(19)Il-Polonja hija waħda mill-aktar pajjiżi li qegħdin jixjieħu malajr fl-UE u x-xejriet demografiċi fuq terminu twil se jkollhom impatt fuq is-sistema tal-pensjonijiet. Żieda kontinwa fl-età effettiva tal-irtirar billi tiġi żgurata parteċipazzjoni akbar ta’ ħaddiema akbar fl-età fis-suq tax-xogħol hija kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u l-adegwatezza tal-pensjonijiet futuri. Il-projezzjonijiet tar-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 għall-Polonja jimplikaw it-tieni l-akbar tnaqqis fl-adegwatezza, imkejjel bħala l-proporzjon tal-pensjoni medja mal-paga grossa medja mal-irtirar. Jekk il-proporzjon tal-adegwatezza jinżamm qrib il-livell attwali, in-nefqa pubblika tiżdied b’4,6 punti perċentwali tal-PDG sal-2070. Il-benefiċċji tal-pensjoni għall-bdiewa huma fil-biċċa l-kbira sussidjati mill-istat u ammontaw għal 0,6 % tal-PDG fl-2023, u l-metodu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni miġbura ma jħeġġiġx bidla lejn l-iskema ġenerali tal-pensjoni, xi ħaġa li tfixkel il-mobbiltà intersettorjali tal-forza tax-xogħol. Filwaqt li l-Polonja implimentat miżura mmirata waħda fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha biex tippromwovi l-ħidma lil hinn mill-età statutorja tal-irtirar, ikunu meħtieġa aktar sforzi biex tiġi indirizzata l-isfida relatata mal-adegwatezza u s-sostenibbiltà futuri tal-pensjonijiet.

(20)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Polonja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Polonja tkompli l-implimentazzjoni tar-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza d-dewmien emerġenti filwaqt li tiżgura kapaċità amministrattiva b’saħħitha. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata responsabbiltà wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(21)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Polonja teħtieġ tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluża f’kull programm. Il-Polonja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi, filwaqt li d-disparitajiet reġjonali bejn ir-reġjuni tal-Lvant u l-bqija tal-pajjiż baqgħu jikbru. Huwa kruċjali li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-prijoritajiet miftiehma fil-programmi jibqgħu rilevanti. Huwa importanti għall-Polonja li tinvesti fi trasformazzjoni ekonomika innovattiva u intelliġenti u li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u n-negozju. It-tħaffif tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-bidla mill-faħam jirrikjedu azzjoni inkluża l-espansjoni tal-produzzjoni tal-enerġija nadifa, iż-żieda fl-investimenti fil-manifattura tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja. Huwa importanti li jsir investiment fil-ħiliet diġitali u ekoloġiċi. Għadha prijorità li jispiċċaw id-differenzi territorjali fl-aċċess għal kura tat-tfal ta’ kwalità u affordabbli. Meta jitwettaq ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, ta’ min jagħti aktar attenzjoni lill-investimenti fis-sistema ta’ appoġġ għal min mhux ċittadin tal-UE u l-opportunitajiet li jappoġġaw l-integrazzjoni tagħhom b’mod komprensiv, peress li l-Polonja esperjenzat influss bla preċedent ta’ refuġjati mill-Ukrajna. Il-Polonja tista’ tagħmel użu mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tappoġġa t-trasformazzjoni tal-ekonomija tagħha, speċjalment f’termini ta’ teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi.

(22)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Polonja qiegħda tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati man-nuqqas ta’ ħaddiema, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji, l-akkwist pubbliku, it-tisħin distrettwali, u l-ġestjoni tal-ilma.

(23)In-nuqqas ta’ ħaddiema jhedded il-kompetittività tal-ekonomija tal-Polonja. Fl-2023, 66 % tal-impjegaturi Pollakki rrapportaw diffikultà biex jimlew pożizzjonijiet battala, filwaqt li 75 % irrappurtaw diffikultà biex isibu t-talent li kellhom bżonn. Din hija r-raġuni għaliex huwa kruċjali li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol mill-gruppi bl-aktar rati baxxi ta’ impjieg, bħall-persuni b’diżabilità (id-diskrepanza fl-impjiegi ta’ persuni b’diżabilità kienet ta’ 31,3 punti perċentwali fl-2022, ferm ogħla mill-medja tal-UE ta’ 21,4 punti perċentwali) jew in-nisa (fl-2023, id-differenza fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa fil-Polonja kienet ta’ 11,8 punti perċentwali bħala medja u 23,3 punti perċentwali għall-persuni fl-età ta’ 5564 sena). Il-Polonja ma tilħaqx il-mira tal-UE għall-2030 ta’ parteċipazzjoni ta’ 51,7 % fit-tagħlim għall-adulti, li bħalissa hija ta’ 20,3 % u dan jimpedixxi t-tranżizzjoni f’setturi b’domanda għall-ħaddiema permezz ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet. Fl-istess ħin, is-sistema tal-kura fit-tul hija sottożviluppata u għadha tiddependi fuq il-familji, b’mod partikolari fuq in-nisa, u fuq persuni oħra li jindukraw b’mod informali. Il-kopertura tal-kura fi djar formali hija baxxa bi 13 % ta’ dawk li għandhom 65 sena u aktar li jeħtieġu kura bħal din, ferm inqas mill-medja tal-UE (30 % fl-2022), filwaqt li l-ħtiġijiet qegħdin jiżdiedu malajr minħabba li l-popolazzjoni qiegħda tixjieħ. Is-sehem mill-popolazzjoni ta’ dawk li għandhom 65 sena u aktar huwa mistenni li jilħaq 21,9 % fl-2030 u 29,1 % fl-2050. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tista’ tiżdied billi titrawwem attività ekonomika akbar tal-indukraturi informali, l-aktar in-nisa, billi jitjieb l-aċċess għal kura formali fit-tul bbażata fiddar u bbażata fil-komunità.

(24)Is-sistema tal-akkwist pubbliku għadha tbati minn għadd baxx ta’ kumpaniji li jissottomettu offerti. Dan jirriżulta f’sehem għoli ta’ offerti uniċi, li baqa’ f’livell eċċezzjonalment għoli għal ħafna snin (54 % fl-2023 u aktar minn 50 % matul l-aħħar 5 snin). Minkejja l-aspettattivi, il-liġi dwar l-akkwist pubbliku li daħlet fis-seħħ f’Jannar 2021 ma indirizzatx immedjatament id-dgħufijiet ewlenin. Dan jitlob analiżi qawwija u komprensiva tal-kawżi ewlenin tal-problema persistenti, u li qiegħda tiddeterjora, ta’ kompetizzjoni baxxa fl-akkwist pubbliku. It-tisħiħ ulterjuri tad-diġitalizzazzjoni tal-proċess tal-akkwist pubbliku u l-iżvilupp tal-offerta ta’ taħriġ għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.

(25)Il-Polonja għandha fejn ittejjeb il-prestazzjoni tagħha fit-tranżizzjoni diġitali u fejn iżżid il-kontribut tagħha biex jintlaħqu l-miri tad-Deċennju Diġitali tal-UE. Filwaqt li sar progress fid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, il-Polonja għadha lura fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni tan-negozju. Is-sehem tal-SMEs Pollakki li għandhom mill-inqas livell bażiku ta’ intensità diġitali huwa ta’ 61 %, li huwa taħt il-medja tal-UE ta’ 69 % (bil-mira tal-UE għall-2030 tkun ta’ 90 %). Huma biss 18 % tal-kumpaniji li jipprovdu taħriġ iddedikat fl-ICT lill-impjegati tagħhom, li minħabba f’hekk għandhom livelli baxxi ta’ ħiliet diġitali. Sabiex issaħħaħ il-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija tagħha u tistimula l-investimenti privati, il-Polonja jenħtieġ li tiffaċilita l-aċċess għat-teknoloġiji avvanzati, speċjalment għallSMEs, u tinċentiva l-ekosistemi tan-negozji ġodda billi ttejjeb l-aċċess għat-taħriġ, tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju u tinkoraġġixxi t-trasferiment tal-għarfien.

(26)F’dawn l-aħħar għaxar snin, il-konsum finali tal-enerġija fil-Polonja kien qiegħed jiżdied. Fl-2022, kien 14,5 % ogħla milli kien fl-2013, filwaqt li fl-UE kollha kemm hi dan il-konsum naqas b’5,5 %. Jekk it-trajettorja ta’ dawn l-aħħar 6 snin tkompli, il-Polonja taqbeż il-mira tagħha tal-effiċjenza enerġetika bi 28 %. B’mod partikolari, is-sistemi tat-tisħin distrettwali jipprovdu s-sħana għal 42 % tal-popolazzjoni iżda għadhom dipendenti ħafna fuq il-faħam, filwaqt li għad irid jiġi propost perkors ċar ta’ dekarbonizzazzjoni b’perspettiva b’saħħitha tal-effiċjenza enerġetika. Filwaqt li l-politiki attwali jipprevedu bidla lejn il-gass naturali u l-bijomassa, jeħtieġ li jiġi sġjegat fid-dettall perkors ta’ dekarbonizzazzjoni li jipprijoritizza l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta’ sħana rinnovabbli sostenibbli u l-użu tas-sħana mormija. Il-Polonja implimentat sett ta’ politiki nazzjonali biex tippromwovi r-rinnovazzjonijiet tal-bini residenzjali, inklużi skemi kbar ta’ sussidju ffinanzjati skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Madankollu, dawn il-politiki jeħtieġ li jissaħħu aktar u jiġu allinjati mal-objettivi klimatiċi tal-UE għall-2030. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni mmirata biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju mill-bini, b’enfasi partikolari fuq it-titjib fl-effiċjenza enerġetika u d-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin distrettwali.

(27)Il-Polonja qed tiffaċċja sfidi relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima, pereżempju fir-rigward tar-riskji ta’ nixfa u għargħar. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri biex tittejjeb iż-żamma tal-ilma fiż-żoni rurali, iżda politiki nazzjonali oħra fl-agrikoltura, il-forestrija u l-ġestjoni tal-ilma għadhom mhumiex adattati biex jindirizzaw ir-riskji u l-impatti klimatiċi. Koerenza politika aħjar tista’ tinkiseb permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet differenti inkarigati mill-politiki rilevanti. Dan jista’ jgħin biex jiġu implimentati soluzzjonijiet sostenibbli bħal soluzzjonijiet ta’ adattament ibbażati fuq in-natura biex jiżdiedu l-provvisti tal-ilma u jadattaw għat-tibdil fil-klima filwaqt li jkunu ta’ benefiċċju għas-sostenibbiltà fit-tul tal-agrikoltura u setturi oħra li jiddependu fuq is-servizzi tal-ekosistema.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:

1.Jissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 23 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG u żżomm id-dejn tal-gvern estiż f’livell prudenti fuq terminu medju. Ittejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, inkluż permezz ta’ mmirar aħjar tal-benefiċċji soċjali kif ukoll aktar trasparenza fl-ippjanar tal-investiment u tuża aktar il-proċeduri standardizzati għall-valutazzjoni u l-għażla tal-proġetti. Tiżgura l-adegwatezza tal-benefiċċji futuri tal-pensjonijiet u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet fost l-oħrajn billi tieħu miżuri biex tiżdied l-età effettiva tal-irtirar u tirriforma l-iskemi preferenzjali tal-pensjonijiet.

2.Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-ġestjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, taċċellera l-investimenti u żżomm il-momentum fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza d-dewmien emerġenti biex tippermetti implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula filwaqt li tieħu azzjoni biex tappoġġa u tintegra aħjar iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex ittejjeb il-kompetittività.

3.Tieħu passi biex iżżid il-parteċipazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, inkluż billi ttejjeb il-kwalità tal-kura formali fit-tul bbażata fid-dar u fil-komunità u l-aċċess għaliha. Trawwem il-kompetizzjoni fil-proċessi tal-akkwist pubbliku, u b’hekk dawn isiru aktar effiċjenti u inqas ikkumplikati, speċjalment għall-SMEs. Tappoġġa l-investimenti privati billi trawwem id-diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji.

4.Tieħu miżuri biex taċċellera l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili fis-settur tat-tisħin distrettwali billi taqleb lejn l-enerġija rinnovabbli. Ittejjeb il-politiki relatati mal-protezzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma biex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tas-setturi li jiddependu fuq is-servizzi tal-ekosistema.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2024/1263, 30.4.2024 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17) ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj .
(3)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1) ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj .
(4)    COM(2023) 168 final.
(5)    COM(2024) 77 final.
(6)    COM(2023) 901 final.
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
(8)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024,/1263, 30.4.2024. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). Nefqa netta tfisser nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji, (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (9728/22).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Polonja (15835/23).
(11)    SWD(2024) 621 final.
(12)    Eurostat-Euro Indicators, 22.4.2024.
(13)    COM(2023) 141 final.
(14)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 19.6.2024, COM(2024) 598 final.
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Polonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tal-Polonja, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 171.
(16)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju tal-Polonja fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 14,5 % f’termini nominali, abbażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja fuq 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(17)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali (u esklużi l-miżuri ta’ emerġenza temporanji relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u bl-inklużjoni tan-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni. Sinjal negattiv (pożittiv) tal-indikatur jindika politika fiskali espansjonarja (restrittiva).
(18)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji, (ii) in-nefqa fuq l-imgħax, (iii) in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) u l-miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(19)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-kost baġitarju annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq il-profitti mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(20)    Il-miżuri li, skont l-Polonja, jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2024, fil-prinċipju, huma preżunti fit-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni bħala li għandhom impatt baġitarju wkoll fl-2025. 
(21)    Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali ta’ miżuri diskrezzjonarji tad-dħul, (ii) il-miżuri ta’ darba, (iii) in-nefqa tal-qgħad ċiklika u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mar-rata medja ta’ tkabbir potenzjali nominali tal-PDG fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
(22)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Polonja tal-2023 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 tal-Polonja, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 197.
(23)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser nefqa tal-gvern netta min-nefqa fuq l-imgħax, miżuri diskrezzjonarji tad-dħul, nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.