Brussell, 19.6.2024

COM(2024) 603 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji taċ-Ċekja

{SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 603 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji taċ-Ċekja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(2)Ir-Regolament REPowerEU 3 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Iċ-Ċekja żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

(3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 4 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ qafas biex jiżdied it-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 5 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar x’inhu sod u x’jista’ jitjieb fil-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.

(4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali tal-2024 dwar it-Tkabbir Sostenibbli 6 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport tal-2024 dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx liċ-Ċekja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

(5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Huwa jinkludi wkoll ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 7 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Huwa jippromwovi s-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali attiv ta’ terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru perjodu ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 8 fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju jenħtieġ li jkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jibqa’ fuq perkors plawżibbli ’l isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew biex jibqa’ f’livelli prudenti taħt 60 % tal-PDG, u biex id-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt 3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investiment f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustament fiskali (trajettorji referenzjarji u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħra, kif xieraq.

(6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(7)Fl-1 ta’ Ġunju 2021, iċ-Ċekja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-8 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għaċ-Ċekja 9 , li ġiet emendata fis-16 ta’ Ottubru 2023 għall-konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241 għall-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, kif ukoll biex jiġi inkluż il-kapitolu REPowerEU 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li ċ-Ċekja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-ilħuq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(8)Fl-24 ta’ April 2024, iċ-Ċekja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2024 u, fit-30 ta’ April 2024, il-Programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2024, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali taċ-Ċekja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għaċ-Ċekja 11 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Huwa vvaluta l-progress taċ-Ċekja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023, u qies l-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza taċ-Ċekja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress taċ-Ċekja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(10)Fuq il-bażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 12 , id-defiċit tal-gvern estiż taċ-Ċekja żdied minn 3,2 % tal-PDG fl-2022 għal 3,7 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 44,2 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 44,0 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-gwida tal-politika fiskali għall-2024 13 , il-Kummissjoni qed tieħu l-ewwel pass għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 14 . Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja taċ-Ċekja, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni mhux se tipproponi li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv għaċ-Ċekja f’Lulju.

(11)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 15 li ċ-Ċekja tieħu azzjoni biex fl-2023 tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali 16 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Iċ-Ċekja ġiet irrakkomandata tkun lesta taġġusta l-infiq kurrenti għas-sitwazzjoni li qiegħda tevolvi. Iċ-Ċekja ġiet irrakkomandata wkoll tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Skont l-estimi tal-Kummissjoni, fl-2023 il-pożizzjoni fiskali 17 kienet restrittiva, b’0,9 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja (netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) iffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,7 % tal-PDG. Dan jinkludi l-kost imnaqqas tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza mmirat għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija b’0,1 % tal-PDG. Dan jinkludi wkoll kostijiet iktar baxxi biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (b’0,1 % tal-PDG). Fil-qosor, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kien konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE tammonta għal 1,1 % tal-PDG fl-2023. L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali jammonta għal 4,4 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,5 punti perċentwali mqabbla mal-2022. Iċ-Ċekja ffinanzjat investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE. Iċ-Ċekja ffinanzjat investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħar-rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika u l-installazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, il-modernizzazzjoni u ż-żieda fis-sikurezza tal-ferroviji u t-tħejjija tal-proġett ta’ elettrifikazzjoni, il-protezzjoni mill-għargħar u ż-żamma tal-ilma tal-artijiet u l-muniċipalitajiet, proġetti ta’ kumpaniji Ċeki bl-għan li jnaqqsu l-konsum tal-ilma u li japplikaw soluzzjonijiet ċirkolari għan-negozji, sħubijiet pubbliċi-privati fir-riċerka u l-innovazzjoni, jew il-provvista ta’ apparati diġitali għall-iskejjel, li huwa parzjalment iffinanzjat mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(12)Il-proġezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġezzjonijiet baġitarji jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,4 % fl-2024 u 2,6 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tal-HICP ta’ 2,7 % fl-2024 u 2,4 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 2,3 % tal-PDG fl-2024 u se jkun ta’ 2,1 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 45,5 % sa tmiem l-2024 u 46,4 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pproġettat li jonqos b’mod gradwali għal 1,6 % tal-PDG fl-2026, u 1,2 % fl-2027. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa’ taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % matul il-perjodu tal-programm. Imbagħad, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pproġettat li jiżdied għal 47,1 % fl-2026 u jistabbilizza fl-2027.

(13)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1,2 % fl-2024 u 2,8 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 2,5 % fl-2024 u 2,2 % fl-2025.

(14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 45,2 % sa tmiem l-2024. It-tnaqqis fid-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment l-irtirar ta’ miżuri li jtaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija, u l-implimentazzjoni ta’ pakkett ta’ konsolidazzjoni. Fuq il-bażi tal-estimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun restrittiva bi 2,3 % tal-PDG fl-2024.

(15)In-nefqa li tammonta għal 0,5 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,4 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ tal-gvern estiż u d-dejn taċ-Ċekja. Nefqa li tammonta għal 0,1 % tal-PDG hija mistennija li tkun appoġġata minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni.

(16)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 18 li ċ-Ċekja tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 19 fl-2024 għal mhux aktar minn 6,0 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-baġits tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali taċ-Ċekja hija pproġettata li tonqos b’1,1 % fl-2024, li hija taħt ir-rata ta’ tkabbir massima rakkomandata. Dan huwa konformi ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill.

(17)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li ċ-Ċekja tieħu azzjoni biex telimina b’mod gradwali l-miżuri fis-seħħ ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija, u tuża l-iffrankar relatat biex tnaqqas id-defiċit tal-gvern, kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li jekk, minħabba żidiet mill-ġdid fil-prezzijiet tal-enerġija, ikun hemm bżonn li jitkomplew il-miżuri ta’ appoġġ jew li jkun hemm miżuri ġodda ta’ appoġġ, jenħtieġ li ċ-Ċekja tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, ikunu fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 20 tal-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huwa stmat fil-livell ta’ 1,2 % tal-PDG fl-2023, u pproġettat fil-livell ta’ -0,2 % fl-2024 u 0,0 % fl-2025. B’mod partikolari, huwa preżunt li t-taxxa fuq profitti straordinarji mhux mistennija tibqa’ fis-seħħ fl-2024 u fl-2025 21 . Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex inaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-proġezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 1,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali 22 tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 2,2 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija huma pproġettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Dan huwa konformi ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-iffrankar relatat huwa pproġettat li jintuża bis-sħiħ biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan huwa wkoll konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li ċ-Ċekja tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari għat-trawwim tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali huwa pproġettat li jonqos għal 4,2 % tal-PDG fl-2024 minn 4,4 % tal-PDG fl-2023. Dan it-tnaqqis huwa xprunat minn tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-UE, li għalihom il-fondi kienu disponibbli sal-2023. Meta jiġi kkunsidrat dan il-fattur addizzjonali, l-investiment pubbliku fl-2024 huwa vvalutat bħala li jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Imbagħad, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, hija mistennija li tonqos għal 1,0 % tal-PDG fl-2024 minn 1,1 % tal-PDG fl-2023. Dan it-tnaqqis huwa xprunat minn tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tal-fondi strutturali tal-UE, li għalihom il-fondi kienu disponibbli sal-2023.

(19)Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 1,9 % tal-PDG fl-2025. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 45,5 % sa tmiem l-2025. Iż-żieda tal-proporzjon tad-dejn mal-PDG fl-2025 tirrifletti prinċipalment il-bilanċ nominali negattiv, li hu parzjalment ikkumpensat mit-tkabbir tal-PDG nominali.

(20)Il-bilanċ strutturali taċ-Ċekja naqas minn qrib il-bilanċ fuq medja matul 2014-2019, għal -2,9 % fl-2023. Dan kien dovut għal miżuri permanenti, bħat-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu personali, u ż-żieda fil-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, inkluż l-indiċjar awtomatiku tal-pensjonijiet għall-inflazzjoni, li ma kinux iffinanzjati minn tkabbir fid-dħul korrispondenti. Hemm pressjoni addizzjonali fuq is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju sa twil, dovuta għal żieda fil-kost tat-tixjiħ. Fl-2023, iċ-Ċekja emendat l-ewwel pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet, inkluż tnaqqis fl-indiċjar tal-pensjonijiet u rtirar bikri iktar strett. Madankollu, mingħajr bidliet addizzjonali, hi mistennija żieda fin-nefqa fuq il-pensjonijiet ta’ madwar 3 punti perċentwali sal-2060 dovuta għall-irduppjar previst tal-proporzjon tad-dipendenza fix-xjuħija 23 , għal-limitu massimu tal-età tal-irtirar , kif ukoll għal numru li għadu għoli ta’ persuni li jirtiraw kmieni. Sakemm ma tiġix iffinanzjata minn tkabbir fid-dħul korrispondenti, iż-żieda pproġettata fl-infiq relatat mal-età tista’ żżid ir-riskji tas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju u twil. Il-gvern jipproponi li jorbot l-età statutorja tal-irtirar mad-durata taċ-ċiklu tal-ħajja, u li jnaqqas it-tkabbir ta’ pensjonijiet ġodda. Jekk jiġu implimentati, dawn il-bidliet għandhom itejbu s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-pensjonijiet. Miżuri possibbli oħra biex tiġi indirizzata s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu twil jinkludu ż-żieda fil-provvista ta’ ħaddiema billi jiġu pprovduti inċentivi li jżidu r-rati ta’ parteċipazzjoni ta’ persuni li jaqbżu l-età tal-irtirar.

(21)Il-kompetittività u l-produttività qed jinżammu lura min-nuqqas ta’ ħaddiema. L-impjieg tal-ommijiet jista’ jiżdied, kif jidher mir-rata baxxa ta’ impjiegi fost in-nisa għal diversi snin wara l-ħlas. Flimkien man-nuqqas ta’ servizzi disponibbli għall-indukrar tat-tfal, is-sistema ta’ taxxa u benefiċċji tiskoraġġixxi lill-ġenitur li jaqla’ inqas, b’mod partikolari lill-ommijiet, milli jerġa’ jibda jaħdem. Perjodu ta’ tliet snin ta’ liv tal-ġenituri, tnaqqis kbir mit-taxxa għall-konjuġi li ma jaħdmux u benefiċċji tal-familja li jinċetivaw lill-ġenitur li jaqla’ inqas biex jieħu perjodi itwal ta’ liv jiskoraġġixxu lill-ġenituri, b’mod partikolari lill-ommijiet milli jaħdmu jew ifittxu xogħol. It-tassazzjoni fuq il-qligħ mix-xogħol għall-ħaddiema li huma t-tieni sors ta’ dħul kienet ogħla mill-medja tal-UE fl-2022, u ogħla mill-feles ta’ taxxa għall-persuni waħedhom li jaqilgħu l-istess livell ta’ paga. L-inkoraġġiment tal-ġenitur li jaqla’ inqas biex jaħdem jew ifittex xogħol jappoġġa wkoll dħul ogħla għas-sistema tal-pensjonijiet.

(22)Id-dħul mit-taxxa globali taċ-Ċekja fir-rigward tal-PDG hu b’mod konsiderevoli taħt il-medja tal-UE fl-2022 (35,3 % meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 40,2 %). It-twessigħ tal-bażi tat-taxxa bl-espansjoni tas-sehem ta’ taxxi li huma inqas detrimentali għat-tkabbir hu opzjoni biex jiġu appoġġati t-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà fiskali. It-taxxi fuq il-proprjetà rikorrenti huma fost l-inqas taxxi detrimentali għat-tkabbir, iżda d-dħul mit-tassazzjoni fuq il-proprjetà rikorrenti hu baxx ħafna fil-livell ta’ 0,2 % tal-PDG meta mqabbel ma’ 1,0 % tal-PDG, li hu l-medja tal-UE (mill-2022). Minkejja ż-żieda fit-taxxi fuq il-proprjetà rikorrenti fl-2024, is-sistema tat-tassazzjoni fuq il-proprjetà rikorrenti ta’ binjiet u unitajiet hija bbażata fuq l-erja tal-proprjetajiet, li twassal għal tassazzjoni mhux ugwali fuq proprjetajiet tal-istess valur u ma tirreaġixxix għall-bidliet fil-valuri tal-proprjetà. L-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ valwazzjoni tal-proprjetà li tagħżel il-valuri tal-proprjetà bħala l-bażi tat-taxxa, tallinja l-valuri tal-proprjetà mal-valuri tas-suq u tippermetti aġġornamenti regolari tal-valuri tal-proprjetà, iżżid l-effikaċja tat-taxxa bħala għodda biex ittaffi ż-żidiet fil-prezzijiet tal-proprjetà, u tpoġġi l-istokk ta’ akkomodazzjoni eżistenti għall-aktar użu produttiv tiegħu. Imbagħad, din iżżid l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u l-abbiltà tan-nies li jiċċaqalqu għax-xogħol, tappoġġa t-tkabbir ekonomiku u żżid id-dħul mit-taxxi fuq il-proprjetà rikorrenti.

(23)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan inkluż il-kapitolu REPowerEU hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul taċ-Ċekja permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, hu essenzjali li ċ-Ċekja tkompli l-implimentazzjoni tar-riformi u taċċellera l-investimenti billi tindirizza dewmien emerġenti filwaqt li ssaħħaħ il-kapaċità ta’ assorbiment. L-assorbiment ta’ fondi ta’ rkupru u reżiljenza hu partikolarment ristrett minn limitazzjonijiet ta’ kapaċità amministrattiva f’xi wħud mill-korpi ta’ implimentazzjoni. Dan hu partikolarment viżibbli f’oqsma li jirrikjedu aktar għarfien espert, bħat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

(24)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, iċ-Ċekja hi meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluża f’kull programm. Iċ-Ċekja għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iżda għad hemm sfidi u disparitajiet reġjonali sinifikanti. Severozápad u, sa ċertu punt, Moravskoslezko jinsabu maqbuda f’nassa tal-iżvilupp. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni abbinata mat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, speċjalment f’dawn ir-reġjuni, hi kruċjali. Il-prijoritajiet maqbula fil-programmi għadhom rilevanti. B’mod partikolari, l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva tar-reġjuni, it-titjib tas-sħubija bejniethom, u t-tisħiħ tas-sjieda tagħhom huma meħtieġa biex jiżdied l-assorbiment tal-fondi tal-UE minn muniċipalitajiet żgħar, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u organizzazzjonijiet nongovernattivi lokali. L-investimenti li jappoġġaw trasport urban u reġjonali sostenibbli u infrastruttura għal fjuwils alternattivi jeħtieġ li jiġu implimentati biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni ekoloġika, flimkien ma’ żieda fl-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll investimenti fl-effiċjenza enerġetika u l-ekonomija ċirkolari. Hu importanti li jitlestew l-azzjonijiet ippjanati għall-adattament għat-tibdil fil-klima, b’fokus fuq miżuri għaż-żamma naturali tal-ilma. Prijorità oħra hi li tiżdied l-integrazzjoni tal-persuni spostati mill-Ukrajna taħt protezzjoni temporanja, inkluż fis-suq tax-xogħol skont il-ħiliet tagħhom. Għadu rilevanti li jkun hemm fokus fuq l-impatt ta’ miżuri relatati ma’ gruppi żvantaġġati, bħar-Rom.

(25)Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, il-potenzjal li jiġu mobilizzati aktar riżorsi tas-settur privat, speċjalment permezz ta’ użu usa’ ta’ strumenti finanzjarji kkombinati ma’ għotjiet jistħoqqlu aktar attenzjoni. Tali strumenti innovattivi jistgħu jużaw aktar investiment privat speċjalment għall-effiċjenza enerġetika, is-soluzzjonijiet għal enerġija nadifa u l-iżvilupp tan-negozju. Jenħtieġ li l-kapaċitajiet tal-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp jintużaw b’mod aktar effettiv biex jiġu implimentati strumenti finanzjarji fi programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Meta titqies l-ambizzjoni taċ-Ċekja li timxi ’l fuq mil-livell ta’ innovatur moderat, il-pajjiż jista’ juża wkoll l-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa fl-oqsma tal-innovazzjoni tat-teknoloġija diġitali u t-teknoloġija profonda, it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, u l-bijoteknoloġiji u fejn rilevanti skont l-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti nazzjonali biex tiġi appoġġata t-trasformazzjoni tal-industrija.

(26)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, iċ-Ċekja qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-amministrazzjoni pubblika u l-kompetittività.

(27)Hemm pressjoni fuq l-attrattività tal-amministrazzjoni pubblika taċ-Ċekja bħala impjegatur u fuq l-abbiltajiet tas-servizz ċivili li jżomm it-talent. Dan hu partikolarment il-każ għal xogħlijiet b’ħiliet esperti, maniġerjali u tal-IT. L-emendi tal-Att dwar is-Servizz Ċivili li daħlu fis-seħħ fl-2023, ġabu magħhom mandati stabbiliti għall-uffiċjali għolja taċ-ċivil, proċessi ta’ reklutaġġ aktar rapidi u opzjonijiet usa’ biex jiġu attirati applikanti esterni. Madankollu, il-frammentazzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi umani ixxekkel approċċ aktar sistemiku għall-ġestjoni tat-talenti. Id-daqs tal-amministrazzjoni pubblika taċ-Ċekja hu taħt il-medja tal-UE kemm fl-infiq kif ukoll fl-għadd ta’ impjegati. Iżda l-pagi huma iktar baxxi milli fis-settur privat għal livelli komparabbli ta’ edukazzjoni u naqqsu f’termini reali b’iktar minn 10 % mqabbla mal-2004, li jkompli jnaqqas l-attrattività tas-servizz ċivili. It-tisħiħ tal-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika taċ-Ċekja biex tattira, iżżomm u tiżviluppa t-talent hu kruċjali biex ittejjeb aktar l-effettività u l-kwalità tas-servizzi tagħha.

(28)L-amministrazzjoni pubblika taċ-Ċekja għandha rwol essenzjali fiż-żamma tal-kompetittività tal-ekonomija peress li ssawwar l-ambjent regolatorju u l-investiment pubbliku, speċjalment fir-rigward tat-tranżizzjoni doppja. Il-prestazzjoni tas-settur pubbliku u l-effettività tal-gvern taċ-Ċekja baqgħu stabbli u qrib il-medja tal-UE fl-2022. Madankollu, hemm sfidi li għadhom jippersistu fit-tmexxija strateġika u fit-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza. Dan jitlob tnaqqis fid-dipartimentaliżmu u tisħiħ fil-kapaċitajiet tat-tmexxija strateġika biex tittejjeb il-konsistenza tal-istrateġiji, u l-implimentazzjoni tagħhom fil-politiki kollha. Il-kapaċità amministrattiva lokali frammentata taċ-Ċekja hi fattur sinifikanti li jipprevjeni, fost affarijiet oħra, lill-benefiċjarji żgħar milli jużaw il-fondi tal-UE b’mod effiċjenti. L-assorbiment minn muniċipalitajiet żgħar, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u organizzazzjonijiet nongovernattivi lokali, jittejjeb minn appoġġ li jingħata lill-applikanti, pereżempju, billi jinħatru maniġers tal-proġetti konġunti u billi tingħata informazzjoni komprensiva dwar kif jistgħu japplikaw għall-finanzjament tal-UE f’post wieħed. Il-prijorità f’dan ir-rigward hu l-iżvilupp ta’ appoġġ immirat biex tingħata spinta lill-kapaċità amministrattiva lokali f’reġjuni affettwati b’mod strutturali bħal Severozápad u Moravskoslezsko. L-eżempju tajjeb mogħti mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta juri li r-reġjuni jkunu iktar attivi jekk ikollhom rwol iktar b’saħħtu fid-determinazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

(29)Il-prestazzjoni tal-innovazzjoni taċ-Ċekja għadha qed tinżamm lura minħabba teknoloġija u trasferiment tal-għarfien ineffettivi u minn rabtiet dgħajfin bejn l-akkademja u s-settur industrijali. L-infiq pubbliku fuq ir-R&Ż iffinanzjat min-negozji għadu madwar nofs tal-medja tal-UE (0,023 % tal-PDG, kontra 0,045 %), u f’dawn l-aħħar snin kellu tendenza ta’ tnaqqis, li juri l-livell baxx ta’ kooperazzjoni bejn l-akkademja u n-negozji (u n-nuqqs ta’ inċentivi għaliha). Dan hu ta’ piż kbir fuq it-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka fl-ekonomija u qed jillimita l-kapaċità ta’ innovazzjoni taċ-Ċekja, kif jidher, pereżempju, min-numru limitat ta’ applikazzjonijiet għal privattivi, li għadu ferm taħt il-medja tal-UE (0,83 punti perċentwali għal kull biljun tal-PDG fl-2020, imqabbel ma’ 3,4 punti perċentwali). Il-miżuri biex itejbu u jsaħħu b’mod strutturali t-trasferiment tat-teknoloġija fiċ-Ċekja, u maħsuba b’mod speċifiku biex isaħħu l-effiċjenza tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ kumpaniji spin-off, jistgħu jgħinu jindirizzaw din l-isfida. Proġett tal-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Politiki ta’ Orizzont li se jibda fid-9 ta’ Ġunju 2024 hu mistenni li jipprovdi appoġġ konkret u rakkomandazzjonijiet ta’ politika liċ-Ċekja fir-rigward taż-żieda fir-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozji.

(30)Il-parteċipazzjoni u l-kisbiet fl-edukazzjoni għolja qed jonqsu, u dan jaggrava n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa. Il-kisba fl-edukazzjoni terzjarja fost dawk bejn 25 u 34 sena ilha turi tendenza ’l isfel mill-2021 u hi r-raba’ l-iktar baxxa fl-UE (33,7 % imqabbla mal-medja tal-UE ta’ 43,1 %), ’il bogħod mill-mira tal-UE ta’ 45 %. Bejn l-2016 u l-2021, l-għadd ta’ studenti rreġistrati naqas bi 11,6 % u r-rati tat-tluq huma għolja b’mod persistenti. L-appoġġ finanzjarju għall-istudenti hu baxx b’mod konsistenti (2,5 % tan-nefqa pubblika mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 18,8 %), minkejja evidenza empirika li turi riżultati ta’ produttività għoljin mill-investiment fl-edukazzjoni għolja.

(31)In-nuqqas tal-ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet għadhom sfida urġenti, li jxekklu l-kompetittività tal-ekonomija taċ-Ċekja. Dawn jistgħu jittejbu b’miżuri bħal riformi tal-professjonijiet regolati u żieda fl-involviment ta’ kunsilli settorjali ta’ esperti fl-indirizzar fit-tul ta’ nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa. Barra minn hekk, iċ-Ċekja rċeviet l-ogħla influss tal-UE per capita ta’ persuni spostati mill-Ukrajna taħt protezzjoni temporanja. Madankollu, aktar minn 50 % minnhom jinsabu f’pożizzjonijiet inqas kwalifikati milli kien il-każ fl-Ukrajna, u ġie rrappurtat li l-lingwa hi ostakolu ċar. Barra minn hekk, bejn wieħed u ieħor 30 % qalu li r-rikonoxximent tal-kwalifiki hu wkoll ostakolu biex isibu xogħol aħjar. Is-simplifikazzjoni tar-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi sottorappreżentati inklużi l-persuni spostati mill-Ukrajna taħt protezzjoni temporanja, jistgħu jtaffu r-riġidità tas-suq tax-xogħol.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li ċ-Ċekja tieħu azzjoni fl-2024 u fl-2025 biex:

1.Tippreżenta l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 24 fl-2025 għal rata konsistenti maż-żamma tad-defiċit tal-gvern estiż taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG u li d-dejn tal-gvern estiż jinżamm f’livell prudenti fuq terminu medju. Tieħu miżuri biex tiżgura s-sostenibbiltà fiskali tas-sistema tal-pensjonijiet fit-terminu twil. Tnaqqas id-diżinċentivi tat-taxxa u tal-benefiċċji biex il-ġenituri jirritornaw għax-xogħol biex tiġi promossa parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Ittejjeb l-inċentivi għall-persuni qrib l-età tal-irtirar biex ikomplu jaħdmu. Tieħu passi biex iżżid id-dħul mit-taxxi fuq il-proprjetà rikorrenti.

2.Issaħħaħ il-kapaċità amministrattiva biex timmaniġġja l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, taċċellera l-investimenti u żżomm ir-ritmu fl-implimentazzjoni tar-riformi. Tindirizza d-dewmien emerġenti biex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa, rapida u effettiva tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, u tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026. Taċċellera l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, tieħu azzjoni biex timmobilizza aħjar ir-riżorsi tas-settur privat, inkluż permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, filwaqt li tikkunsidra l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.

3.Issaħħaħ il-kapaċità tal-amministrazzjoni pubblika taċ-Ċekja biex tattira, iżżomm u tiżviluppa t-talent, partikolarment dawk b’ħiliet analitiċi, maniġerjali u fl-IT. Tnaqqas id-dipartimentalizzazzjoni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ tmexxija strateġika biex ittejjeb il-konsistenza fil-politiki kollha. Tappoġġa l-kooperazzjoni fost l-amministrazzjonijiet muniċipali, inkluż billi tipprovdi appoġġ għall-bini tal-kapaċità amministrattiva mmirat lejn reġjuni affettwati b’mod strutturali.

4.Issaħħaħ l-innovazzjoni billi ttejjeb it-trasferiment tat-teknoloġija mill-akkademja għan-negozji, tappoġġa l-ħolqien ta’ kumpaniji spin-off u ġodda, u żżid il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja. Issaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija billi tindirizza l-ispariġġi fil-ħiliet, tissimplifika r-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin, u billi żżid il-parteċipazzjoni tal-gruppi sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj
(3)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj
(4)    COM(2023) 168 final.
(5)    COM(2024) 77 final.
(6)    COM(2023) 901 final.
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
(8)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024/1263, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). Nefqa netta tfisser in-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għaċ-Ċekja (11047/2021).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tat-8 ta’ Settembru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għaċ-Ċekja (13383/2023).
(11)    SWD(2024) 603 final.
(12)    Eurostat-Euro Indicators, 22.4.2024.
(13)    COM(2023) 141 final.
(14)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 19.6.2024, COM(2024)598 final.
(15)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 taċ-Ċekja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 taċ-Ċekja ĠU C 334, 1.9.2022, p. 19.
(16)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju taċ-Ċekja fl-2023, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat għal 10,5 % f’termini nominali, fuq il-bażi tar-rata ta’ tkabbir potenzjali reali medja ta’ 10 snin u d-deflatur tal-PDG tal-2023.
(17)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fit-terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali (u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma taċ-Ċekja tal-2023 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza taċ-Ċekja għall-2023 ĠU C 312, 1.9.2023, p. 22.
(19)    In-nefqa primarja netta hija ddefinita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
(20)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispiża baġitarja annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa u, meta jkun applikabbli, nett mid-dħul mit-taxxi fuq profitti straordinarji mhux mistennija tal-fornituri tal-enerġija.
(21)    Il-miżuri li, skont iċ-Ċekja, jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2024, fil-prinċipju, huma preżunti fit-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni bħala li għandhom impatt baġitarju wkoll fl-2025. 
(22)    Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali ta’ miżuri tad-dħul diskrezzjonarji, (ii) miżuri ta’ darba, (iii) nefqa ċiklika fuq il-qgħad, u (iv) nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mar-rata medja ta’ tkabbir potenzjali tal-PDG fit terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon għall-PDG nominali.
(23)    Skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 maħruġ mill-Kummissjoni f’April 2024.
(24)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263, “nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.