IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2024
COM(2024) 582 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati maħsubin għat-tali vetturi, fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u l-utenti vulnerabbli tat-triq
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi fir-rigward tas-sikurezza ġenerali tagħhom u tal-protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u tal-utenti vulnerabbli tat-triq. Għandu l-għan li jnaqqas b’mod sinifikanti l-imwiet u l-korrimenti serji fit-toroq tal-UE billi jintroduċi teknoloġiji tas-sikurezza tal-ogħla livell bħala tagħmir standard tal-vetturi, u li jtejjeb il-kompetittività tal-manifatturi tal-karozzi tal-UE fis-suq globali billi jipprovdi l-ewwel qafas legali tal-UE għall-vetturi awtomatizzati u kompletament awtomatizzati.
Sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu, ir-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati f’għadd ta’ materji elenkati fl-Artikolu 12(2) u soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu, f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE.
2.BAŻI LEGALI
L-Artikolu 4(3) u (6) u l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12.
L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2019/2144 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati dwar il-kwistjonijiet elenkati fih għal perjodu ta’ 5 snin mill-5 ta’ Jannar 2020. Barra minn hekk, huwa jimponi l-obbligu fuq il-Kummissjoni li tħejji rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux iktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 5 snin.
Is-setgħat delegati għandhom jiġu estiżi b’mod taċitu għal perjodu ta’ durata identika, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tista’ tiġi revokata f’kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha u ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ (l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2019/2144).
Ir-Regolament (UE) 2019/2144 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jikkonċernaw il-materji li ġejjin:
a)l-emendar tal-Anness I tar-Regolament sabiex iqis il-progress tekniku u l-iżviluppi regolatorji billi jintroduċi u jaġġorna r-referenzi għar-Regolamenti tan-NU, u s-serje ta’ emendi rilevanti, li japplikaw fuq bażi obbligatorja (l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2019/2144);
b)l-emendar tal-Anness II tar-Regolament sabiex iqis il-progress tekniku u l-iżviluppi regolatorji, b’mod partikolari b’rabta mal-kwistjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 4 kif ukoll dawk imsemmija fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 6(1), l-Artikolu 7(2), (3), (4) u (5), l-Artikolu 9(2), (3) u (5) u l-Artikolu 11(1), u bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza ġenerali tal-vetturi, tas-sistemi, tal-komponenti u tal-unitajiet tekniċi separati, kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni tal-okkupanti tal-vetturi u tal-utenti vulnerabbli tat-triq, billi jiġu introdotti u aġġornati referenzi għar-Regolamenti tan-NU, kif ukoll għal atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni adottati skont ir-Regolament (l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (UE) 2019/2144);
c)l-istipular ta’ regoli dettaljati dwar il-proċeduri ta’ ttestjar speċifiċi u r-rekwiżiti tekniċi għal:
-l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi fir-rigward tas-sistemi avvanzati tal-vetturi li ġejjin: assistenza intelliġenti tal-veloċità, faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol, twissija tal-ħedla u tal-attenzjoni tas-sewwieq, twissija avvanzata tad-distrazzjoni tas-sewwieq, sinjal ta’ waqfien ta’ emerġenza, detezzjoni tat-treġġigħ lura u reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment;
-l-approvazzjoni tat-tip tal-assistenza intelliġenti tal-veloċità, tad-detezzjoni tat-treġġigħ lura u tar-reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment bħala unitajiet tekniċi separati (l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (UE) 2019/2144).
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (l-Artikolu 12(4) tar-Regolament 2019/2144).
Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att delegat, għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (l-Artikolu 12(5) tar-Regolament (UE) 2019/2144).
Skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2019/2144, att delegat adottat skont l-Artikolu 4(3) u (6) u l-Artikolu 6(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
3.EŻEĊIZZJU TAD-DELEGA
3.1.
Atti delegati adottati
Fil-perjodu ta’ referenza, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati billi adottat is-seba’ atti li ġejjin li jkopru il-kwistjonijiet elenkati fit-taqsima 2 hawn fuq:
1)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1958 tat-23 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-proċeduri ta’ ttestjar speċifiċi u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tas-sistemi tagħhom ta’ assistenza intelliġenti tal-veloċità u għall-approvazzjoni tat-tip ta’ dawk is-sistemi bħala unitajiet tekniċi separati u li jemenda l-Anness II ta’ dak ir-Regolament.
2)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1243 tad-19 ta’ April 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-faċilitazzjoni għall-installazzjoni tat-tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol fil-vetturi bil-mutur u li jemenda l-Anness II ta’ dak ir-Regolament.
3)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1341 tat-23 ta’ April 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi ta’ ttestjar u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tas-sistemi tagħhom ta’ twissija tal-ħedla u tal-attenzjoni tas-sewwieq u li jemenda l-Anness II ta’ dak ir-Regolament
.
4)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/545 tas-26 ta’ Jannar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi tal-ittestjar u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tar-reġistratur tagħhom tad-data f’każ ta’ avveniment u għall-approvazzjoni tat-tip ta’ dawk is-sistemi bħala unitajiet tekniċi separati, u li jemenda l-Anness II ta’ dak ir-Regolament.
5)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1398 tat-8 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jitqiesu l-progress tekniku u l-iżviluppi regolatorji li jikkonċernaw l-emendi għar-Regolamenti dwar il-Vetturi adottati fil-kuntest tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti.
6)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2590 tat-13 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi ta’ ttestjar u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ ċerti vetturi bil-mutur fir-rigward tas-sistemi tagħhom ta’ twissija avvanzata tad-distrazzjoni tas-sewwieq u li jemenda dak ir-Regolament.
7)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2220 tas-26 ta’ Lulju 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2144 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi tal-ittestjar u r-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi heavy-duty bil-mutur fir-rigward tar-reġistratur tagħhom tad-data f’każ ta’ avveniment u għall-approvazzjoni tat-tip ta’ dawk is-sistemi bħala unitajiet tekniċi separati, u li jemenda l-Anness II ta’ dak ir-Regolament.
Ir-rekwiżiti tekniċi u r-regoli dettaljati dwar il-proċeduri speċifiċi tal-ittestjar għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi fir-rigward tas-sinjal ta’ waqfien ta’ emerġenza u d-detezzjoni tat-treġġigħ lura huma stabbiliti fir-Regolamenti tan-NU Nru 48 u Nru 158, li ssemmew fl-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2019/2144 kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1398 (elenkati hawn fuq).
L-informazzjoni dwar l-atti delegati kollha hija disponibbli għall-pubbliku fir-Reġistru Interistituzzjonali tal-Atti Delegati.
3.2.Konsultazzjoni qabel l-adozzjoni
Il-Kummissjoni kkonsultat lil esperti nnominati mill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati rilevanti (fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Vetturi bil-Mutur), permezz ta’ laqgħat u konsultazzjonijiet bil-miktub regolari apposta mal-esperti, fit-tħejjija tal-atti delegati. Id-dokumenti rilevanti għal dawn il-konsultazzjonijiet intbagħtu fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-verżjonijiet finali tal-atti delegati ġew approvati mill-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Vetturi bil-Mutur.
3.3.L-ebda oġġezzjoni għall-atti delegati
Skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) 2019/2144, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont l-Artikolu 4(3) u (6) u l-Artikolu 6(6) fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tal-att, li jistgħu jiġu estiżi b’xahrejn oħra fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għall-atti delegati msemmija fit-taqsima 3.1. ta’ hawn fuq, u għalhekk, l-atti ġew ippubblikati u daħlu fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta’ oġġezzjoni.
4.KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni jidhrilha li eżerċitat is-setgħat delegati mogħtija lilha fil-limiti stabbiliti u fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2019/2144.
Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li testendi s-setgħat minħabba li fil-futur huma meħtieġa aktar atti delegati, fost l-oħrajn biex jiġu aġġornati r-referenzi għar-Regolamenti tan-NU fl-Anness I u għall-atti regolatorji elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/2144 kif ukoll biex jiġu riveduti, jekk ikun meħtieġ, ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fl-atti delegati elenkati fit-taqsima 3.1. ta’ hawn fuq. Bħalissa qed jitħejja abbozz ta’ att delegat, li jaġġorna l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) 2019/2144 biex jitqiesu l-iżviluppi regolatorji fir-rigward tal-emendi tar-Regolamenti eżistenti tan-NU u r-Regolamenti l-ġodda tan-NU adottati mill-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-adozzjoni tiegħu hija ppjanata fl-ewwel kwart tal-2025.
B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ rappurtar skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2019/2144. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-Rapport.