Brussell, 29.11.2024

COM(2024) 548 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL





Rapport Annwali tal-2024 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrumenti ta’ Azzjoni Esterna tal-Unjoni Ewropea fl-2023
















{SWD(2024) 267 final}


Werrej

IMPENJI GLOBALI    

Introduzzjoni    

Ir-rispons tal-UE għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna    

L-UE: attur globali b’saħħtu    

It-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli    

PRIJORITAJIET GLOBALI    

L-iżvilupp tal-bniedem u l-għajnuna umanitarja    

Il-Patt Ekoloġiku    

Id-diġitalizzazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni    

It-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi    

Il-migrazzjoni u l-ispostament furzat    

Il-governanza, il-paċi, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem    

FIRXA GLOBALI    

L-Afrika sub-Saħarjana    

L-Asja u l-Paċifiku    

Il-Kontinent Amerikan u l-Karibew    

Viċinat Ewropew    

Il-Balkani tal-Punent u t-Turkija    

Pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej (PTEE)    



IMPENJI GLOBALI

Introduzzjoni

Dan ir-rapport jenfasizza l-elementi ewlenin tal-politika barranija tal-UE fl-2023, u jiffoka fuq l-appoġġ tagħha permezz tal-istrumenti finanzjarji tagħha għas-sħubijiet internazzjonali, l-għajnuna umanitarja, is-sigurtà u d-difiża, il-politika barranija u t-tkabbir. Jiddeskrivi l-attivitajiet taħt il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għall-2021–2027, b’mod partikolari taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI-Ewropa Globali, Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument – Global Europe), flimkien ma’ strumenti oħra bħall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III, Instrument for Pre-accession Assistance)( 1 ) u l-assistenza umanitarja.

Fl-2023, ix-xenarju tal-politika barranija tal-UE kien ikkaratterizzat minn żewġ kunflitti devastanti li seħħew fil-fruntieri tagħha: il-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna, u, bħala konsegwenza tal-attakki terroristiċi fuq skala kbira mill-Ħamas kontra l-Iżrael fis-7 ta’ Ottubru, is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora tal-Palestinjani f’Gaża minħabba l-intensifikazzjoni kontinwa tal-ostilitajiet u l-operazzjoni militari Iżraeljana konsegwenti. It-tnejn ippreżentaw riskji diretti għas-sigurtà tal-UE, f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi globali li qed jiżdiedu.

Dawn l-iżviluppi dgħajfu serjament il-kooperazzjoni internazzjonali fi żmien meta hija meħtieġa aktar minn qatt qabel, mhux l-inqas biex jiġu indirizzati l-isfidi globali li qed jintensifikaw, inkluż is-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, il-faqar u l-inugwaljanza fl-Afrika sub-Saħarjana u fl-Amerka Latina u l-Karibew (ALK), il-migrazzjoni irregolari, u biex jinkisbu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.

Fl-2023, l-UE kompliet tappoġġa lill-Ukrajna u lill-poplu Ukren, u pprovdiet appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, legali u militari mingħajr preċedent. Kompliet tgħin ukoll lill-pajjiżi sħab madwar id-dinja jindirizzaw il-konsegwenzi globali tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

L-UE kompliet timplimenta l-istrateġija Global Gateway tagħha, u b’mod aktar partikolari t-tliet Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment, biex tgħin biex titnaqqas id-diskrepanza fl-investiment globali, tappoġġa l-irkupru ekonomiku globali u takkumpanja t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali lil hinn mill-fruntieri Ewropej.

L-UE adattat l-isforzi umanitarji tagħha, inkluż il-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew, għax-xenarju li qed jinbidel tal-kriżijiet globali, billi ffukat fuq it-twassil ta’ reazzjonijiet immedjati għal emerġenzi umanitarji li għaddejjin u dawk emerġenti.

F’Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna u mar-Repubblika tal-Moldova( 2 ), jagħti status ta’ kandidat lill-Georgia bil-fehim li jittieħdu l-passi rilevanti, u jiftaħ negozjati tal-adeżjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina ladarba din tissodisfa l-kriterji tas-sħubija.

L-UE kompliet tappoġġa d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, billi bagħtet missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali fin-Niġerja, iż-Żimbabwe, il-Maldivi, il-Gwatemala, il-Paragwaj, il-Liberja u s-Sierra Leone, kif ukoll missjonijiet ta’ esperti elettorali u missjonijiet ta’ segwitu.

L-impenn tal-UE għas-sigurtà u d-difiża globali ntwera wkoll bit-tnedija ta’ missjonijiet ċivili ġodda fl-Armenja, il-Moldova u inizjattiva ċivili-militari fil-Golf tal-Guinea( 3 ), kif ukoll permezz ta’ operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni fil-pajjiżi ġirien, l-Afrika u l-Baħar l-Aħmar.

Ir-rispons tal-UE għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

L-UE kompliet tagħti lill-Ukrajna appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, legali u militari mingħajr preċedent filwaqt li użat sanzjonijiet biex tkompli ddgħajjef il-magna tal-gwerra tar-Russja. F’Diċembru 2023, il-mexxejja tal-UE ddeċidew li jiftħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna.

Fl-2023, il-baġit tal-UE mmobilizza EUR 19,5 biljun f’assistenza lill-Ukrajna. Dan kien jinkludi pakkett ta’ appoġġ mingħajr preċedent ta’ EUR 18-il biljun f’self preferenzjali taħt l-istrument ta’ Assistenza Makrofinanzjarja+ u parti mill-EUR 1 biljun għall-irkupru rapidu. Il-ftehimiet ta’ garanzija għandhom il-kapaċità li jisfruttaw aktar minn EUR 800 miljun f’investimenti mis-settur privat Ukren biex isewwu u jibnu mill-ġdid l-ekonomija tal-pajjiż. L-Istati Membri tal-UE pprovdew ukoll aktar minn EUR 28 biljun ta’ appoġġ militari, inkluż permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

L-assistenza umanitarja u tal-protezzjoni ċivili tal-UE għenet biex tittaffa t-tbatija tal-popolazzjoni Ukrena u għamlitha possibbli li tiġi restawrata l-infrastruttura fiżika vitali. L-UE mmobilizzat EUR 300 miljun f’assistenza umanitarja għall-Ukrajna fl-2023 u EUR 20 miljun għall-Moldova. Kważi 11-il miljun persuna madwar l-Ukrajna( 4 ) rċevew appoġġ umanitarju bis-saħħa tal-UE u donaturi oħra. L-UE kompliet tuża l-akbar, l-itwal u l-aktar operazzjoni kumplessa tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili fl-istorja tagħha u estendiet sa Marzu 2025 id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra. L-UE għamlet disponibbli EUR 17-il biljun biex tospita refuġjati fl-Istati Membri tagħha.

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tistabbilixxi strument ta’ finanzjament apposta — il-Faċilità għall-Ukrajna — li jippermetti lill-UE tipprovdi lill-Ukrajna sa EUR 50 biljun ta’ appoġġ prevedibbli u flessibbli għall-2024–2027 biex tassisti l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tagħha, f’konformità mal-perkors tagħha lejn l-UE.

Il-Kummissjoni mexxiet l-isforzi ta’ koordinazzjoni bejn id-donaturi tal-Ukrajna u stabbiliet il-Pjattaforma b’Diversi Aġenziji għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi tal-G7 f’Jannar 2023 biex tikkoordina l-appoġġ fuq terminu qasir u fit-tul għall-għajnuna u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.

Is-27 Stat Membru tal-UE ħadu azzjoni biex jiżolaw lir-Russja politikament u ekonomikament. Fl-2023, l-UE adottat tliet pakketti addizzjonali ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja u rażżnet iċ-ċirkomvenzjoni. Sa tmiem is-sena, l-UE kienet adottat total ta’ 12-il pakkett ta’ sanzjonijiet, inklużi miżuri individwali kontra aktar minn 1 950 individwu u entità.

Fl-2023, ġew mobilizzati wkoll aktar minn EUR 2 biljun biex jiżdiedu l-Korsiji ta’ Solidarjetà li jippermettu lill-Ukrajna tesporta ċ-ċereali u prodotti agrikoli oħra u timporta l-merkanzija li teħtieġ. L-UE żgurat ukoll trattament mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-esportazzjonijiet Ukreni b’Miżuri Kummerċjali Awtonomi, b’appoġġ għall-ekonomija tal-Ukrajna li jammonta għal EUR 2 biljun fi dħul addizzjonali mill-esportazzjoni. L-UE appoġġat ukoll l-isforzi mmexxija min-NU u dawk tat-Turkija biex tinstab soluzzjoni alternattiva għall-inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali (li r-Russja rtirat minnha f’Lulju 2023). Wara approċċ ta’ “Tim Ewropa”( 5 ), l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw EUR 18-il biljun f’għotjiet għall-2021–2024 biex jappoġġaw is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi sħab, li aktar minn EUR 13,5 biljun minnhom diġà ġew żborżati (EUR 7,5 biljun fl-2022 u EUR 6,1 biljun fl-2023).

Ingħata wkoll appoġġ sinifikanti lill-Ukrajna fil-qafas tal-azzjonijiet internazzjonali tal-programm Erasmus+. Fl-2023, Erasmus+ iffinanzja, permezz tal-istrumenti ta’ azzjoni esterna, aktar minn 3 500 opportunità ta’ mobbiltà għall-istudenti tal-edukazzjoni għolja u l-persunal akkademiku Ukreni biex jiġu fl-Ewropa.

L-UE: attur globali b’saħħtu

Fl-2023, l-UE żiedet l-implimentazzjoni tal-istrateġija Global Gateway( 6 ) tagħha — inklużi l-Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, is-Sħubija tal-Lvant u l-Viċinat tan-Nofsinhar — fil-kontinenti kollha, filwaqt li ppromwoviet konnessjonijiet intelliġenti, nodfa u siguri fis-setturi diġitali, tal-enerġija u tat-trasport, u għenet biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja.

Il-Kunsill approva 225 proġett ewlieni ġdid tal-Global Gateway fl-2023. F’Ottubru, sar l-ewwel Forum tal-Global Gateway, li laqqa’ flimkien 20 kap ta’ Stat u ta’ gvern, aktar minn 70 ministru u kapijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, CEOs ewlenin u rappreżentanti ta’ korpi mhux governattivi. Tnediet l-istruttura ta’ governanza tal-Global Gateway, bl-ewwel laqgħat tal-Grupp Konsultattiv dwar in-Negozju u l-Pjattaforma ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili u tal-Awtoritajiet Lokali. Saru aktar minn tużżana fora tan-negozju tal-Global Gateway f’pajjiżi sħab.

Fil-15 ta’ Novembru 2023, l-UE, l-Istati Membri tagħha, u d-79 Membru tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku ffirmaw il-Ftehim ta’ Samoa, is-suċċessur tal-Ftehim ta’ Cotonou. Dan il-qafas il-ġdid se jsaħħaħ il-kapaċità tal-firmatarji tiegħu li jindirizzaw l-isfidi globali flimkien, mill-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir ekonomiku għad-drittijiet tal-bniedem, il-paċi u s-sigurtà, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u s-saħħa globali.

L-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u t-Tuneżija( 7 ) f’Lulju 2023 u l-impenn li jaħdmu fuq Sħubija Strateġika u Komprensiva mal-Eġittu taw impetu ġdid għall-kooperazzjoni ma’ dawn is-sħab.

Fl-2023, l-UE kompliet tgħin biex l-Ewropa ssir aktar b’saħħitha fid-dinja billi tippromwovi approċċ integrat għar-riforma tas-settur tas-sigurtà, u billi pprovdiet għarfien espert u appoġġ għat-taħriġ u għat-tisħiħ tal-katina kollha tal-ġustizzja kriminali fil-pajjiżi sħab.

L-UE u s-27 Stat Membru tagħha, f’approċċ ta’ “Tim Ewropa”, kollettivament jibqgħu l-akbar fornitur ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA, official development assistance) b’EUR 95,9 biljun fl-2023, li jirrappreżentaw 42 % tal-ODA globali (li jirrapreżentaw 0,57 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-Istati Membri tal-UE) abbażi ta’ data preliminari tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Co-operation and Development).

L-UE baqgħet wieħed mid-donaturi umanitarji globali ewlieni, u pprovdiet assistenza umanitarja f’114-il pajjiż. Il-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew provdiet rispons għal 16-il kriżi li affettwaw 15-il pajjiż u allokat EUR 56 miljun għall-iżvilupp u l-użu tal-kapaċitajiet u s-servizzi tagħha, inklużi l-operazzjonijiet tal-Pont tal-Ajru Umanitarju tal-UE. Total ta’ EUR 42,95 miljun f’finanzjament umanitarju ta’ emerġenza ġie mobilizzat permezz tas-Sett ta’ Għodod ta’ Emerġenza biex iwieġeb għal avvenimenti mhux previsti madwar id-dinja fl-2023.

Fl-2023, iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza kompla jespandi biex isir ċentru operazzjonali uniku 24/7, li jimmaniġġja r-rispons tal-UE għall-kriżijiet transsettorjali kemm lokalment kif ukoll globalment.

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġie estiż biex jinkludi l-Ukrajna u l-Moldova. Minbarra l-Ukrajna, ġie attivat 66 darba madwar id-dinja fl-2023 għal diversi diżastri naturali u għal dawk ikkawżati mill-bniedem, inkluż b’rispons għat-terremoti kbar fit-Turkija u fis-Sirja fi Frar 2023.

F’Diċembru, l-UE organizzat b’mod konġunt il-25 Forum bejn l-Unjoni Ewropea u l-NGOs dwar id-Drittijiet tal-Bniedem flimkien ma’ network ta’ NGOs tad-drittijiet tal-bniedem. L-avveniment laqqa’ flimkien 300 parteċipant biex jiddiskutu t-tema ż-“Żgħażagħ bħala atturi tal-bidla għad-drittijiet tal-bniedem”. Fl-2023, l-UE appoġġat 7 618-il difensur tad-drittijiet tal-bniedem u membri tal-familja permezz tal-fond ta’ emerġenza tagħha u l-programm ewlieni ProtectDefenders.eu.

It-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli

Il-progress ġenerali lejn l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 ġie mfixkel serjament matul dawn l-aħħar ftit snin, inkluż minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Is-Summit dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals) ta’ Settembru 2023 kien opportunità importanti għall-mexxejja dinjija biex jimpenjaw ruħhom mill-ġdid għall-Aġenda 2030 u biex jħaffu l-azzjoni. L-SDGs għadhom fil-qalba tat-tfassil tal-politika tal-UE. L-istrateġija Global Gateway hija l-mezz ewlieni għal dan l-isforz tal-UE fl-azzjoni esterna tagħha, u biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu.

Fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-NU fl-2023, l-UE ppreżentat l-ewwel Rieżami Volontarju tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs( 8 ). Ir-rapport jagħti dettalji dwar kif l-UE tikkontribwixxi għall-progress lejn il-kisba tal-SDGs, u kif il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp tgħin lill-UE timplimenta l-istrateġija tagħha dwar l-SDGs.

Fil-Forum tal-Global Gateway, l-UE u s-sħab iffirmaw ħafna ftehimiet ġodda inkluż, pereżempju, ftehim bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bangladesh b’valur ta’ EUR 395 miljun għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli biex tingħata spinta lill-kapaċità u l-aċċess.



PRIJORITAJIET GLOBALI

L-iżvilupp tal-bniedem u l-għajnuna umanitarja

Il-qerda tal-faqar tibqa’ ċentrali għas-sħubijiet internazzjonali tal-UE. Huwa l-objettiv primarju tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, u l-għan fit-tul għall-investimenti tal-Global Gateway. Żewġ inizjattivi reġjonali ta’ Tim Ewropa (TEI, Team Europe initiatives ) jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanza fl-Afrika sub-Saħarjana u fl-Amerka Latina u l-Karibew (ALK). Fl-2023, l-UE nediet il-Markatur tal-Inugwaljanza, li huwa għodda ġdida li tista’ tintuża biex jiġi segwit l-impatt tat-tnaqqis tal-inugwaljanza tal-azzjoni esterna tal-UE.

L-investimenti tal-UE fl-edukazzjoni ffukaw fuq l-għalliema u l-apprendiment, sistemi edukattivi aktar ekwi u inklużivi, u ħiliet li jippermettu lill-pajjiżi sħab jagħmlu l-aħjar użu mit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi ġusti. L-UE u l-Istati Membri tagħha implimentaw miżuri biex isaħħu l-appoġġ tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ f’madwar 80 pajjiż sieħeb. Barra minn hekk, l-appoġġ umanitarju għall-edukazzjoni f’emerġenzi laħaq EUR 162 miljun fl-2023, li minnu bbenefikaw kważi 1,8 miljun tifel u tifla milquta mill-kriżi u għenhom jaċċessaw b’mod sikur tagħlim ta’ kwalità. F’Diċembru 2023, l-UE ppreżentat wegħda komprensiva dwar l-edukazzjoni fil-Forum Globali dwar ir-Refuġjati.

L-inizjattiva ta’ Taħriġ tal-Għalliema Reġjonali għall-Afrika sub-Saħarjana tnediet fl-2023 bħala waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-edukazzjoni, biex ittejjeb l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema u biex tiżgura li l-iskejjel ikollhom biżżejjed għalliema kwalifikati.

Fl-2023, l-UE kompliet tgħin lill-pajjiżi b’introjtu baxx jaċċessaw miżuri ta’ prevenzjoni tal-mard u ta’ rispons ta’ kwalità permezz ta’ vaċċini, trattament u dijanjostika, li jidderieġu l-finanzjament permezz ta’ inizjattivi tas-saħħa globali bħall-Alleanza Globali għall-Vaċċini u l-Immunizzazzjoni. L-UE skjerat programmi ewlenin tal-Global Gateway, inkluż it-TEI dwar il-manifattura u l-aċċess għall-vaċċini, il-mediċini u t-teknoloġiji tas-saħħa fl-Afrika (MAV+, manufacturing and access to vaccines+). Mil-lat umanitarju, l-għajnuna umanitarja tal-UE għas-saħħa lill-persuni l-aktar vulnerabbli f’kuntesti fraġli laħqet EUR 334 miljun fl-2023.

L-aħħar Rapport Globali dwar il-Kriżijiet tal-Ikel, kofinanzjat mill-UE, juri li aktar minn kwart ta’ biljun persuna f’59 pajjiż iffaċċjaw ġuħ akut fl-2023. L-UE mmobilizzat aktar minn EUR 670 miljun għall-għajnuna umanitarja għall-ikel u n-nutrizzjoni fl-2023.

L-UE tibqa’ donatur umanitarju globali ewlieni, li jipprovdi aktar minn EUR 2,4 biljun f’assistenza umanitarja f’114-il pajjiż matul l-2023.

L-UE adottat impenji ambizzjużi għall-Aġenda ta’ Azzjoni dwar l-Ilma fil-Konferenza tan-NU tal-2023 dwar l-Ilma, inkluż it-titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-baċiri tal-ilma, it-tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali, it-tnaqqis tat-tniġġis mis-sors għall-baħar u li l-ilma jsir l-ixprun ewlieni għall-iżvilupp sostenibbli, it-tranżizzjoni ekoloġika u l-paċi.

Żewġ inizjattivi ewlenin dwar il-ġestjoni transkonfinali tal-ilma fl-Afrika u fl-Asja Ċentrali tnedew fl-2023. Dawn jipprovdu aktar minn EUR 1,1 biljun għal proġetti f’47 pajjiż li jinvolvu 18-il baċir tal-ilma transkonfinali ewlieni.

Il-Patt Ekoloġiku

L-UE ppromwoviet azzjoni klimatika f’allinjament mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Qafas ta’ Sendai dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri u kompliet tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità. Integrat l-għanijiet klimatiċi u ambjentali f’ħafna setturi, inklużi s-sistemi tal-ikel, il-governanza tal-oċeani, l-iżvilupp urban, l-enerġija, u t-trasport, filwaqt li ħadmet mas-sħab madwar id-dinja biex titħaffef tranżizzjoni ekoloġika ġusta. Żiedet l-azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità u tippromwovi l-konservazzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali. Żviluppat pjanijiet direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-ħames Sħubijiet għall-Foresti ffirmati fil-COP27 mal-Mongolja, il-Guyana, l-Uganda, ir-Repubblika tal-Kongo, u ż-Żambja. Ġiet iffirmata Sħubija ġdida għall-Foresti mal-Honduras. Tnediet inizjattiva ta’ Tim Ewropa dwar Ktajjen ta’ Valur Mingħajr Deforestazzjoni fil-COP28 f’Dubai.

Fl-2023, l-oċean sar aspett dejjem aktar importanti tad-diplomazija u l-kooperazzjoni tal-UE fil-kuntest tal-impenn tal-UE li tirdoppja l-finanzjament estern għall-bijodiversità matul l-2021–2027. Ġew adottati tliet programmi relatati mal-oċeani b’valur totali ta’ EUR 115-il miljun, fl-Afrika tal-Punent u fl-Afrika t’Isfel, li jindirizzaw il-governanza tal-oċeani, l-ekonomija blu sostenibbli u l-konservazzjoni tal-baħar, u jsaħħu s-sigurtà marittima fl-Afrika. Taħt l-istrateġija Global Gateway, l-infrastruttura tal-portijiet ġiet iffinanzjata.

Il-proġett tal-interkonnessjoni tal-elettriku bejn l-Italja u t-Tuneżija “ELMED” ġie stabbilit bis-saħħa ta’ għotja ta’ EUR 307,6 miljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li ġiet approvata f’Awwissu 2023, ikkomplementata minn struttura ta’ finanzjament permezz tal-EFSD+ adottata f’Diċembru, li tħallat għotja tal-Kummissjoni Ewropea mas-self tal-BEI, tal-BERŻ u tal-KfW biex taħdem fuq l-infrastrutturi u r-riforma tas-suq tal-elettriku.

Fil-COP28, l-UE u 118-il pajjiż qablu li jittripplaw il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli u jirduppjaw ir-rata annwali globali ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika sal-2030. Kisba ewlenija kienet l-implimentazzjoni tal-inizjattiva għall-Enerġija Ekoloġika bejn l-Arfika u l-UE, li għandha l-għan li tgħin biex jiġi ġġenerat mill-inqas 50 GW ta’ elettriku rinnovabbli, filwaqt li tagħti aċċess għall-elettriku lil aktar minn 100 miljun persuna addizzjonali fl-Afrika sal-2030.

Il-Kummissjoni żborżat 90 % (EUR 450 miljun) mill-EUR 500 miljun allokati fil-forma ta’ appoġġ baġitarju, bħala parti mill-Pakkett ta’ Appoġġ għall-Enerġija għall-Balkani tal-Punent ta’ EUR 1 biljun li jindirizza l-impatt immedjat tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fil-Balkani tal-Punent.

Id-diġitalizzazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni

Mill-2023, 16-il Stat Membru ngħaqdu maċ-Ċentru Diġitali għall-Iżvilupp (D4D, Digital for Development) u l-erba’ fergħat tiegħu: L-Afrika sub-Saħarjana, l-Amerka Latina u l-Karibew, l-Asja u l-Paċifiku, u l-Viċinat. Għaxar gruppi ta’ ħidma tematiċi issa qed jippromwovu l-mudell tal-UE ċċentrat fuq il-bniedem tat-trasformazzjoni diġitali permezz ta’ koordinazzjoni, djalogu u azzjoni konġunta akbar. Id-D4D issa hija l-pjattaforma ewlenija għat-tfassil u l-appoġġ tas-sħubijiet diġitali bejn l-UE u l-Afrika f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Hija wkoll opportunità ewlenija ta’ networking għall-atturi involuti, fil-perspettiva tas-sinerġija tal-inizjattivi kollha dwar il-qasam diġitali, speċjalment għall-inizjattivi ta’ Tim Ewropa. Iċ-Ċentru D4D għandu wkoll rwol dejjem akbar fit-tħejjija jew fl-appoġġ ta’ sħubijiet bilaterali u talbiet diplomatiċi.

F’Lulju 2023, l-UE u l-Unjoni Afrikana adottaw Aġenda għall-Innovazzjoni konġunta.

Il-kooperazzjoni fil-qasam diġitali mxiet ’il quddiem b’mod komprensiv bl-iżvilupp ta’ infrastrutturi diġitali ewlenin bħall-proġett tal-kejbil sottomarin MEDUSA biex tiġi pprovduta konnettività rapida u sigura bejn l-UE u l-Afrika ta’ Fuq.

Fil-Forum tal-Global Gateway f’Ottubru, il-Kummissjoni Ewropea u Finnfund iffirmaw il-Programm Afrika Konnessa, ftehim storiku biex jimmobilizzaw aktar minn EUR 1 biljun f’investiment sostenibbli għall-infrastruttura diġitali u l-pjattaformi tas-servizzi diġitali fl-Afrika sub-Saħarjana.

Fl-2023, l-inizjattiva EU4Digital appoġġat l-introduzzjoni tal-konnettività tal-broadband fiż-żoni rurali, billi kkollegat aktar minn 300 istituzzjoni tar-riċerka u tal-edukazzjoni, u kienet ta’ benefiċċju għal 730 000 student, għalliem u xjenzjat fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

Il-qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent appoġġa l-programm “Naqilbu għal Sistema Diġitali fil-Balkani tal-Punent” li għandu l-għan li jipprovdi aktar minn EUR 177 miljun f’finanzjament preferenzjali lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fir-reġjun għad-diġitalizzazzjoni u l-kompetittività msaħħa.

It-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi

L-UE stabbiliet sħubijiet dwar il-materja prima kritika, filwaqt li kkooperat mas-sħab biex tiżviluppa ktajjen tal-valur reġjonali sostenibbli, u żiedet l-involviment mas-settur privat.

Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar iż-żieda fil-finanzi sostenibbli f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju, b’mandat mill-Kummissjoni bħala korp konsultattiv indipendenti, kompla l-ħidma tiegħu, u ppubblika r-rapport tiegħu dwar is-Sejbiet Preliminari u r-Rakkomandazzjonijiet f’Ġunju( 9 ). Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli se jinfurmaw lill-Kummissjoni għall-istrateġija futura tagħha dwar iż-żieda fil-finanzi sostenibbli fil-pajjiżi sħab tal-UE, filwaqt li ma jikkommettux lill-Kummissjoni u lanqas ma jipprekludu kwalunkwe eżitu ta’ politika.

Fl-2023, l-UE ffirmat Ftehim ta’ Finanzjament ta’ EUR 7 miljun għal “Edukazzjoni u Taħriġ Tekniċi u Vokazzjonali” fis-settur tal-agroforestrija f’Timor Leste biex tippromwovi d-diversifikazzjoni u r-reżiljenza ekonomika ekoloġika u sostenibbli, u biex tgħin liż-żgħażagħ isibu impjiegi.

Il-migrazzjoni u l-ispostament furzat

Fl-2023, l-UE kompliet tiżviluppa l-approċċ strateġiku tagħha għall-migrazzjoni u l-ispostament furzat. Il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib ma’ pajjiżi sħab ewlenin, inklużi pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, biex tiżviluppa Pjanijiet ta’ Azzjoni għal appoġġ tal-UE mfassal apposta li jkopri l-erba’ rotot migratorji ewlenin kollha lejn l-Ewropa. Kienet attiva wkoll internazzjonalment, inkluż permezz tal-Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti mnedija f’Novembru, u fil-Forum Globali dwar ir-Refuġjati tal-2023 f’Diċembru, li fih l-UE wiegħdet madwar EUR 9 biljun.

Fl-Afrika ta’ Fuq, il-pressjoni tal-migrazzjoni żdiedet fuq ir-rotot kollha fl-2023 u bi tweġiba l-UE adottat azzjonijiet ġodda b’valur ta’ EUR 318-il miljun bl-għan li ttejjeb il-kapaċitajiet fl-oqsma tal-protezzjoni u l-koeżjoni soċjali, il-governanza tal-migrazzjoni, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin, it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-iffaċilitar tar-ritorn volontarju, ir-riintegrazzjoni u l-migrazzjoni legali. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, tnedew Sħubijiet ta’ Talent mal-Marokk, it-Tuneżija u l-Eġittu.

Il-pressjoni migratorja fil-Balkani tal-Punent naqset b’31 % fl-2023 meta mqabbla mal-2022, bis-saħħa ta’ azzjoni miftiehma mill-UE u l-Istati Membri tagħha, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent, li parti minnu kien l-iffirmar ta’ ftehimiet ġodda dwar l-istatus mal-Albanija u l-Montenegro, li jippermettu l-istazzjonament tal-Korp Permanenti tal-Frontex biex jappoġġa lill-pajjiżi fil-ġestjoni tal-fruntieri. Fit-Turkija, bejn l-2021 u l-2023, ġew ipprovduti EUR 3 biljun addizzjonali għall-appoġġ tar-refuġjati u tal-komunità ospitanti, u għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.

L-UE kompliet tappoġġa lir-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien kif ukoll lill-persuni spostati internament fis-Sirja. Fl-2023, organizzat żewġ konferenzi ewlenin tad-donaturi (“Flimkien għan-nies fit-Turkija u s-Sirja” f’Marzu wara t-terremoti ta’ Frar kif ukoll s-7 edizzjoni tal-“Konferenza ta’ Brussell dwar l-appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun” f’Ġunju) li ġabru aktar minn EUR 16,6 biljun mill-komunità internazzjonali li minnhom EUR 5,3 biljun ġew imwiegħda mill-UE. Kompliet ukoll tappoġġa lir-refuġjati Palestinjani fir-reġjun.

L-appoġġ għar-refuġjati Ukreni kompla wkoll, inkluż permezz ta’ għajnuna umanitarja u assistenza fi tranżitu, ripatrijazzjoni volontarja u sforzi ta’ riintegrazzjoni. L-appoġġ tal-UE għall-Armenja indirizza l-ħtiġijiet ta’ integrazzjoni ta’ aktar minn 100 000 Armen tal-Karabakh wara l-offensiva militari tal-Ażerbajġan f’Settembru 2023.

Il-kriżi tas-Sudan ġiegħlet jitilqu lil aktar minn 6 miljun persuna, u żiedet mat-3 miljun persuna li diġà ġew spostati fis-Sudan. Sa tmiem l-2023, aktar minn 1,5 miljun persuna kienu ġew spostati lejn pajjiżi ġirien. EUR 30 miljun f’assistenza umanitarja ġew attivati biex jappoġġaw liċ-Chad, lis-Sudan t’Isfel u lill-Etjopja.

Fl-Afrika sub-Saħarjana, l-UE saħħet is-sħubijiet tagħha ma’ pajjiżi ewlenin ta’ oriġini, ta’ tranżitu u ta’ destinazzjoni, u pprovdiet appoġġ dwar l-aspetti kollha tal-migrazzjoni u l-ispostament furzat.

L-UE nediet djalogi dwar il-migrazzjoni mal-Bangladesh u l-Pakistan, biex tgħin fit-trawwim ta’ diskussjonijiet governattivi, ittejjeb id-djalogu interstatali dwar kwistjonijiet ta’ politika dwar il-migrazzjoni, u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-migrazzjoni. Dawn id-djalogi inkludew ukoll it-tnedija ta’ Sħubijiet ta’ Talent.

L-UE żammet ukoll ir-rwol ewlieni tagħha fir-rispons globali għall-kriżi tal-Venezwela. F’Marzu, ikkoorganizzat il-konferenza ta’ Solidarjetà tal-Venezwela, li ġabret EUR 815-il miljun.

Il-governanza, il-paċi, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem

L-UE kompliet tiddefendi u tavvanza d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, bl-użu tal-għodod multilaterali, reġjonali u bilaterali tagħha u billi ħadmet ma’ korpi mhux governattivi.

L-UE għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-Ġeneru III( 10 ), fit-titjib tal-protezzjoni kontra l-vjolenza abbażi ta’ sess, fit-trawwim tal-inklużjoni tan-nisa fis-sigurtà u l-bini tal-paċi, fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u fit-titjib tal-aċċess għall-=edukazzjoni, is-saħħa u l-protezzjoni soċjali ta’ kwalità.

Bħala parti mill-approċċ tagħha ta’ rabta bejn l-aspett umanitarju, l-iżvilupp u l-paċi( 11 ), l-UE applikat approċċ aktar b’saħħtu u aktar iffukat għas-sensittività għall-konflitti, billi, pereżempju, ħadet inizjattivi u appoġġat diversi azzjonijiet għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżmu vjolenti, u r-radikalizzazzjoni.

L-Unjoni Ewropea, fl-impenn umanitarju, tal-iżvilupp, tal-paċi, tas-sigurtà u diplomatiku tagħha, u kollettivament mal-Istati Membri tagħha, hija impenjata li tagħti prijorità lill-protezzjoni, il-benesseri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tat-tfal affettwati minn kunflitt armat, filwaqt li tindirizza l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tagħhom mingħajr diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni.

Fl-2023, l-UE bagħtet 14-il missjoni ċivili tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni fil-Lvant Nofsani, l-Afrika, ix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa u l-Kawkasu tan-Nofsinhar. Kompliet ukoll tappoġġa l-paċi u s-sigurtà fis-Saħel, il-Qarn tal-Afrika, il-Lvant Nofsani, l-Asja Ċentrali, il-Golf, il-Balkani tal-Punent u l-Kawkasu tan-Nofsinhar permezz tal-ħidma ta’ 10 Rappreżentanti Speċjali tal-UE u permezz ta’ programmi ta’ kooperazzjoni.

In-network ta’ koordinazzjoni tal-inizjattiva Globali ta’ Tim Ewropa dwar id-Demokrazija, li jinkludi 14-il Stat Membru u korpi mhux governattivi, ġie inawgurat f’Ġunju 2023. Ġiet stabbilita Inizjattiva Globali dwar l-Impunità biex jitjiebu l-kapaċitajiet u l-koordinazzjoni globali fil-monitoraġġ, id-denunzja, u biex jinstab min hu responsabbli għad-delitti internazzjonali u l-ksur l-aktar gravi tad-drittijiet tal-bniedem.

L-osservazzjoni elettorali tal-UE hija għodda kruċjali għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u r-rispett tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Fl-2023, l-UE bagħtet 15-il missjoni elettorali (missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali, missjonijiet ta’ esperti elettorali, u missjonijiet ta’ segwitu elettorali) u appoġġat korpi mhux governattivi li jimmonitorjaw il-proċessi elettorali.

L-2023 kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE (2022-2027), u poġġiet liż-żgħażagħ fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE bħala parteċipanti għal bidla pożittiva. Ġew stabbiliti aktar minn 30 grupp konsultattiv taż-żgħażagħ fid-Delegazzjonijiet tal-UE.



FIRXA GLOBALI

L-Afrika sub-Saħarjana

L-UE hija s-sieħeb ewlieni tal-Afrika f’ħafna oqsma, mill-kummerċ, l-investiment u s-sigurtà sat-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali. Appoġġat it-talba tal-Unjoni Afrikana għal sħubija permanenti tal-G20, u b’hekk għenitha tintegra bis-sħiħ f’dan il-forum multilaterali.

Fl-Afrika Ċentrali, l-UE bdiet timplimenta l-istrateġija l-ġdida tagħha għal-Lagi l-Kbar, adottata fi Frar 2023, u kompliet tappoġġa l-proċess diffiċli ta’ tranżizzjoni fiċ-Chad. Bagħtet missjoni elettorali ta’ esperti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) waqt l-elezzjonijiet ġenerali f’Diċembru 2023.

Fir-reġjun tal-Afrika t’Isfel u tal-Oċean Indjan, l-UE kompliet tapprofondixxi s-sħubijiet tagħha, billi organizzat laqgħat ministerjali mal-Afrika t’Isfel u l-Angola u ffirmat l-ewwel Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investimenti Sostenibbli mal-Angola fid-dinja.

L-UE nediet ukoll il-proġett tal-Kuritur Lobito tal-Global Gateway li jgħaqqad l-Angola, iż-Żambja u r-RDK, bl-għan li jappoġġa l-investimenti fl-infrastruttura, jimplimenta miżuri kummerċjali u li jiffaċilitaw it-tranżitu, irawwem l-iżvilupp ekonomiku, u joħloq valur miżjud u impjiegi lokali.

Fl-Afrika tal-Lvant, l-UE taħdem fil-qafas tal-Inizjattiva tal-Qarn tal-Afrika, inizjattiva reġjonali mmexxija mill-Ministri tal-Finanzi bl-għan li tippromwovi l-integrazzjoni ekonomika reġjonali bl-appoġġ tas-sħab donaturi( 12 ). Il-kontribuzzjoni tal-UE għal din l-inizjattiva hija ta’ madwar EUR 1 biljun. Barra minn hekk, l-UE ffirmat Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika mal-Kenja biex issaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika, politika u ambjentali.

L-UE nediet inizjattiva ta’ sigurtà u difiża biex tgħin lill-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea jindirizzaw ir-riskji kollaterali mis-Saħel għall-Istati kostali tal-Afrika tal-Punent. L-inizjattiva tiġbor flimkien il-prevenzjoni, l-istabbilizzazzjoni, is-sigurtà, l-iżvilupp ekonomiku u l-assistenza umanitarja f’konformità mal-ħtiġijiet espressi mill-pajjiżi sħab.

L-Asja u l-Paċifiku

Fl-2023, il-pjan ta’ azzjoni UE-ASEAN (Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja) għall-implimentazzjoni tas-sħubija strateġika (2023-2027) għamel progress, u ġie rieżaminat fil-Konferenza post-Ministerjali UE-ASEAN f’Jakarta f’Lulju. L-UE ppreżentat 22 inizjattiva tal-Global Gateway fil-Forum Indo-Paċifiku tal-ASEAN f’Settembru.

In-negozjati dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Indoneżja tħaffu u dawk mat-Tajlandja reġgħu bdew, filwaqt li bdew in-negozjati dwar ftehim ta’ kummerċ diġitali ma’ Singapore.

L-UE ħadmet mill-qrib mal-President tal-ASEAN, l-Indoneżja, biex tindirizza s-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma u kompliet tappoġġa l-Kunsens ta’ Ħames Punti tal-ASEAN biex tiġi indirizzata din il-kriżi.

Fl-Afganistan tnediet reviżjoni tal-ħtiġijiet bażiċi u tal-għajnuna umanitarja, u sett ta’ linji gwida mfassla bi prinċipju ġenerali “għan-nisa min-nisa” li jippermetti lill-UE tkompli l-operazzjonijiet li jappoġġaw il-popolazzjoni Afgana.

F’Ġunju 2023, inħatar l-ewwel RSUE tal-UE għall-Golf u s-27 Kunsill Konġunt UE-GCC (Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf) sar f’Muscat f’Ottubru b’eżiti pożittivi ħafna.

F’Settembru 2023, l-UE adottat żewġ kontribuzzjonijiet għall-inizjattivi reġjonali ta’ Tim Ewropa fl-Asja Ċentrali, rispettivament dwar il-Konnettività Diġitali u dwar l-Ilma, l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima, b’valur ta’ EUR 20 miljun kull wieħed.

F’April 2023, l-UE nediet il-programm Copernicus fil-Filippini, li kkontribwixxa EUR 10 miljun għall-inizjattiva ta’ Tim Ewropa għall-Konnettività Diġitali tal-Filippini.

Il-Kontinent Amerikan u l-Karibew

F’Ġunju 2023, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli adottaw il-Komunikazzjoni Konġunta “Aġenda Ġdida għar-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew”( 13 ), fejn ressqu l-każ għal sħubija aktar b’saħħitha u modernizzata permezz ta’ impenn politiku akbar, b’mod partikolari mal-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELAC).

Is-Summit UE-CELAC li sar fi Brussell f’Lulju laqqa’ flimkien, għall-ewwel darba fi tmien snin, mexxejja tal-pajjiżi kollha miż-żewġ reġjuni li impenjaw ruħhom li jġeddu u jimmodernizzaw is-sħubija bireġjonali. Il-pjan direzzjonali UE-CELAC għall-2023 sal-2025 ġie ppreżentat, u saret laqgħa bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Karibew fil-marġini tas-Summit.

Fis-Summit, l-UE, bħala parti mill-approċċ tagħha ta’ “Tim Ewropa”, ippreżentat ukoll aġenda ta’ investiment tal-Global Gateway għar-reġjun b’valur ta’ EUR 45 biljun sal-2027, li tkopri diversi oqsma inklużi l-enerġiji rinnovabbli, it-trasport, it-trasformazzjoni diġitali u l-innovazzjoni farmaċewtika.

Intlaħaq qbil dwar il-Memoranda ta’ Qbil dwar l-approfondiment tal-kooperazzjoni tal-enerġija mal-Urugwaj u l-Arġentina u dwar il-kooperazzjoni dwar il-materja prima kritika mal-Arġentina u ċ-Ċilì. Il-Ftehim Qafas Avvanzat bejn l-UE u ċ-Ċilì, l-aktar ftehim modern u ambizzjuż sal-lum ma’ pajjiż tal-ALK, ġie ffirmat f’Diċembru wara ħames snin ta’ negozjati.

Il-Ħaiti huwa l-akbar riċevitur tal-assistenza tal-UE fir-reġjun tal-Karibew. Fl-2023, 5,2 miljun Haitjan kienu f’sitwazzjoni umanitarja mwiegħra, b’1,9 miljun minnhom jeħtieġu protezzjoni.

Viċinat Ewropew

Fil-Viċinat tal-Lvant tal-UE, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ddominat l-2023. Madankollu, fl-2023, l-UE approfondiet ukoll ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi sħab, u laħqet il-qofol tagħha f’Diċembru bid-deċiżjoni li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna u mal-Moldova (li għalihom ġie ppreżentat ukoll pakkett ta’ appoġġ biex jiġi indirizzat l-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-Moldova u biex il-pajjiż jinġieb eqreb lejn l-UE), u biex il-Georgia tingħata status ta’ pajjiż kandidat.

Il-Laqgħa ministerjali annwali tal-affarijiet barranin tas-Sħubija tal-Lvant f’Diċembru affermat mill-ġdid il-validità tal-aġenda “irkupru, reżiljenza u riforma” u l-importanza tagħha għall-kooperazzjoni reġjonali.

Minn Diċembru 2023, il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment (EIP, Economic and Investment Plan) għas-Sħubija tal-Lvant kien immobilizza EUR 7,5 biljun f’investimenti fil-ħames oqsma ta’ prijorità tiegħu: l-ekonomija u l-konnettività; l-istat tad-dritt u s-sigurtà; l-ambjent u l-klima; il-qasam diġitali; u soċjetajiet ġusti u inklużivi.

Wara l-operazzjoni militari tal-Ażerbajġan fin-Nagorno-Karabakh f’Settembru 2023, li kkawżat l-ispostament ta’ 100 000 Armen tal-Karabakh li kellhom bżonn jiġu integrati fl-Armenja, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ ta’ emerġenza u fit-tul lill-Armenja, inkluż pakketti ta’ assistenza umanitarja, appoġġ baġitarju, aktar investimenti permezz tal-EIP, u l-għoti ta’ skop ġdid lil programmi bilaterali u reġjonali.

Is-sitwazzjoni fil-Viċinat tan-Nofsinhar baqgħet volatili. L-attakki terroristiċi tal-Ħamas kontra l-Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023 u l-konsegwenzi tagħhom żiedu mal-fraġilitajiet fit-tul tar-reġjun. Minkejja l-kuntest diffiċli, l-UE kompliet turi l-impenn tagħha li tappoġġa lis-sħab tagħha fir-reġjun.

Il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Viċinat tan-Nofsinhar kien immobilizza EUR 23,8 biljun f’investimenti sa Diċembru 2023 fl-oqsma prijoritarji strateġiċi fis-setturi tal-enerġija sostenibbli, l-ilma u l-infrastruttura.

Fil-livell reġjonali, minħabba s-sitwazzjoni wara s-7 ta’ Ottubru, il-laqgħa ministerjali tal-2023 bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Viċinat, inizjalment skedata għas-27 ta’ Novembru, ġiet posposta, filwaqt li t-tmien Forum Reġjonali tal-Unjoni għall-Mediterran (Barċellona, is-27 ta’ Novembru 2023) spiċċa jiffoka fuq is-sitwazzjoni fl-Iżrael u f’Gaża.

L-UE tat għajnuna umanitarja urġenti liċ-ċivili f’Gaża l-aktar fil-bżonn u kkwadruplat l-assistenza umanitarja tagħha fl-2023 għal aktar minn EUR 100 miljun. Pakkett ta’ assistenza ta’ EUR 118,4 miljun ġie adottat f’Diċembru biex jappoġġa lill-Awtorità Palestinjana.

L-UE kollettivament tibqa’ l-akbar donatur ta’ għajnuna umanitarja għas-Sirja. Fl-2023, organizzat żewġ konferenzi ewlenin tad-donaturi( 14 ) li ġabru aktar minn EUR 16,6 biljun.

Il-Balkani tal-Punent u t-Turkija

Il-qafas ta’ politika ewlieni għall-iżborż tal-fondi tal-IPA III huwa l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment (EIP) u l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent.

L-EIP huwa fil-biċċa l-kbira implimentat mill-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent (WBIF, Western Balkans Investment Framework), li jgħaqqad il-fondi tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) ma’ self biex jappoġġa l-konverġenza soċjoekonomika.

Minn Diċembru 2023, il-Bord tad-WBIF approva 59 investiment ewlieni tal-EIP, li jammontaw għal EUR 8,9 biljun, inklużi EUR 2,6 biljun ta’ għotjiet tal-IPA.

F’Novembru, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet pjan ġdid ta’ tkabbir għall-Balkani tal-Punent flimkien mal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir ta’ EUR 6 biljun li għandha l-għan li tħaffef l-integrazzjoni tas-sħab tal-Balkani tal-Punent mal-UE billi toffri xi wħud mill-benefiċċji tas-sħubija fl-UE qabel l-adeżjoni tagħhom u taċċellera r-riformi dwar l-elementi fundamentali tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE.

L-UE kompliet ukoll l-introduzzjoni tal-Pakkett ta’ Appoġġ għall-Enerġija ta’ EUR 1 biljun imħabbar f’Diċembru 2022 biex jittaffew l-effetti immedjati tal-kriżi tal-enerġija u titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija fir-reġjun fuq terminu qasir u medju.

Fl-2023, l-UE u t-Turkija komplew jinvolvu ruħhom mill-ġdid f’oqsma ewlenin ta’ interess reċiproku. F’Novembru 2023, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ppreżentaw il-Komunikazzjoni Konġunta dwar is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u t-Turkija( 15 ), li tipproponi lill-Kunsill Ewropew azzjonijiet speċifiċi biex tingħata spinta lill-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni. Wara t-terremoti devastanti fi Frar 2023, Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi, organizzata mill-Kummissjoni u mill-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-UE, iġġenerat EUR 7 biljun f’wegħdiet. Bl-użu tal-Pjattaforma ta’ Investiment Torka, il-Qafas ta’ Self għar-Rikostruzzjoni wara t-Terremot sar possibbli bis-saħħa tal-garanzija pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Ftehim ta’ self tal-BEI huwa mistenni li jiġġenera madwar EUR 1,55 biljun f’investimenti f’żoni affettwati mit-terremoti.

Pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej (PTEE)

Il-PTEE għandhom rabtiet kostituzzjonali speċjali ma’ tliet Stati Membri tal-UE (id-Danimarka, Franza u n-Netherlands) u għandhom rwol dejjem aktar strateġiku għall-UE bħala ambaxxaturi fir-reġjuni tagħhom. Għandhom ukoll assi sinifikanti, bħal żoni ekonomiċi esklużivi vasti, u jospitaw infrastruttura strateġika.

Fi Greenland, il-mira hija li l-enerġija rinnovabbli fil-forniment tal-elettriku pubbliku tiżdied għal 90 % tat-total fis-snin li ġejjin. Mill-2023, l-UE qed tfittex ukoll li tingħaqad ma’ Greenland fil-qasam tal-materja prima, li hija kritika għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. F’Novembru 2023 ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u Greenland li jistabbilixxi Sħubija dwar Ktajjen tal-Valur Sostenibbli tal-Materja Prima.

L-UE allokat appoġġ finanzjarju ta’ EUR 500 miljun għall-PTEE għall-2021–2027 biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom u biex tgħin fl-indirizzar ta’ sfidi bħat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità.

Fl-2023, l-operazzjoni ta’ appoġġ baġitarju tal-UE, “It-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ biex jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli tal-gżira”, għenet biex tħarreġ 421 żagħżugħ u żagħżugħa f’Saint-Pierre-et-Miquelon, PTEE Franċiż fl-Atlantiku, u tat spinta lill-intraprenditorija u l-impjiegi fost iż-żgħażagħ hemmhekk.

(1)

Għad-dettalji ara l-Parti I tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, Introduzzjoni, li jakkumpanja dan ir-Rapport Annwali.

(2)

Minn hawn ’il quddiem “il-Moldova”.

(3)

Missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK), Missjoni tal-UE fl-Armenja (EUMA, EU Mission in Armenia), Missjoni ta’ Sħubija tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova (EUPM Moldova) u l-inizjattiva tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża tal-Golf tal-Guinea (EUSDI, EU Security and Defence initiative).

(4)

Ħarsa Ġenerali Umanitarja Globali 2023, Aġġornament ta’ Diċembru (Stampa tas-sitwazzjoni mill-31 ta’ Diċembru 2023) OCHA (unocha.org)

(5)

  Approċċ ta’ Tim Ewropa u Inizjattivi ta’ Tim Ewropa | Il-Pjattaforma Capacity4dev (europa.eu)

(6)

  https://international-partnerships.ec.europa.eu/policies/global-gateway_mt  

(7)

Memorandum ta’ Qbil dwar sħubija strateġika u globali bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija”.

(8)

Il-Kummissjoni Ewropea, is-Segretarjat Ġenerali, EU voluntary review on progress in the implementation of the 2030 agenda (Rieżami Volontarju tal-UE dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-2030), L-Uffiċċju tal-Publikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023,  https://data.europa.eu/doi/10.2792/343208

(9)

Sejbiet Preliminari u Rakkomandazzjonijiet , Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar iż-żieda fil-finanzi sostenibbli f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju, Ġunju 2023.

(10)

  Rapport konġunt ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III – Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

(11)

  Ir-Reżiljenza u r-Rabta bejn l-Aspett Umanitarju, l-Iżvilupp u l-Paċi – Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

(12)

 L-UE, il-Bank Dinji, il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, BMZ – il-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi – u l-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin, tal-Commonwealth u tal-Iżvilupp tar-Renju Unit.

(13)

  JOIN(2023) 17 final tas-7 ta’ Ġunju 2023

(14)

 Il-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi “Flimkien għall-poplu fit-Turkija u s-Sirja” (is-16 ta’ Marzu 2023) u s-“7 edizzjoni tal-Konferenza ta’ Brussell dwar l-appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun” (l-14 u l-15 ta’ Ġunju 2023).

(15)

  JOIN(2023) 50 final tad-29 ta’ Novembru 2023 .