IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.10.2024
COM(2024) 445 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Strument ta' Appoġġ Tekniku - Rapport Annwali 2023
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.10.2024
COM(2024) 445 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Strument ta' Appoġġ Tekniku - Rapport Annwali 2023
Daħla
Kuntenta li qiegħda nippreżenta dan ir-rapport li jkopri ċ-ċiklu tal-2023 tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI, Technical Support Instrument). Fit-tielet rikorrenza tiegħu, it-TSI jikkonferma li huwa strument ta’ politika ta’ suċċess li huwa ta’ benefiċċju tanġibbli għall-Istati Membri. Għal darba oħra, l-għadd ta’ talbiet għal appoġġ mill-awtoritajiet nazzjonali kien konsiderevolment akbar mill-għadd ta’ talbiet li d-DĠ REFORM seta’ jaqdi.
L-evidenza li nippreżentaw f’dan ir-rapport turi li t-TSI jgħin lill-Istati Membri jtejbu l-kapaċità amministrattiva tagħhom biex ifasslu, jiżviluppaw u jimplimentaw riformi, u jikkontribwixxi għall-kisba ta’ tkabbir sostenibbli u jiffaċilita t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Mingħajr allokazzjoni minn qabel ta’ fondi abbażi ta’ fatturi ġeografiċi jew tematiċi, it-TSI jibqa’ strument flessibbli u ggwidat mid-domanda li jippermetti l-adattament għall-ħtiġijiet emerġenti u għal ambjenti li jinbidlu malajr.
B’mod notevoli, l-interess tal-Istati Membri li jieħdu sehem fi proġetti multinazzjonali kompla jiżdied, b’34 proġett ta’ din ix-xorta fil-qafas tat-TSI 2023. L-Istati Membri wrew ukoll l-interess tagħhom fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-livell reġjonali permezz ta’ 10 proġetti multireġjonali. Bl-istess mod, kien hemm adozzjoni qawwija mill-Istati Membri tat-12-il proġett ewlieni għall-appoġġ tekniku li ntgħażlu abbażi tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri u marbuta mal-ogħla prijoritajiet tal-UE.
Fl-2023, il-maġġoranza tar-riformi appoġġati mit-TSI kienu marbuta mal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-prijorità politika tal-Kummissjoni li taċċellera l-proċess ta’ integrazzjoni u adeżjoni, it-TSI meraħ lil hinn mill-konfini tal-UE u nieda proġett pilota mal-pajjiżi tat-tkabbir bħala osservaturi ta’ proġetti ta’ appoġġ tekniku magħżula.
Stadju importanti ieħor fl-2023 kien l-adozzjoni tal- Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct) , li pproponiet azzjonijiet konkreti biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġu mgħejuna jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nies u tan-negozji madwar l-Ewropa. B’rabta mal-ComPAct, l-Iskambju ta’ Kooperazzjoni fl-Amministrazzjoni Pubblika (PACE, Public Administration Cooperation Exchange) tnieda wkoll fl-2023 bħala proġett ewlieni tat-TSI. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tippromwovi t-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-impjegati taċ-ċivil ta’ Stati Membri differenti biex jissaħħu l-kapaċità amministrattiva, it-tfassil tal-politika u l-ħiliet ta’ implimentazzjoni. PACE ra adozzjoni sinifikanti b’aktar minn 300 impjegat taċ-ċivil li ħadu sehem f’70 skambju bejn l-Istati Membri.
B’dan ir-rapport aħna nenfasizzaw ukoll il-kontribut sinifikanti tat-TSI għall-kompetittività, prijorità ewlenija tal-UE. Din il-ħarsa ġenerali lejn l-appoġġ tat-TSI lill-Istati Membri dwar il-kompetittività matul l-2023 hija strutturata skont id-disa’ muturi tal-kompetittività identifikati fil- Komunikazzjoni “It-30 Sena mis-Suq Uniku” u fir- rapport annwali dwar is-suq uniku u l-kompetittività għall-2024 . Ir-rapport jippreżenta każijiet konkreti li fihom it-TSI appoġġa lin-negozji Ewropej biex jixprunaw l-ekonomiji tal-Istati Membri biex joħolqu l-impjiegi, il-koeżjoni, l-innovazzjoni u l-prosperità.
Ninsab fiduċjuża li t-TSI se jkompli jappoġġa t-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi f’konformità mal-politiki u l-prijoritajiet ewlenin tal-UE, filwaqt li jindirizza l-isfidi nazzjonali u transnazzjonali, u b’hekk ikollu impatt pożittiv ċar fl-UE kollha fis-snin li ġejjin.
Judit RÓZSA
Aġent Direttur Ġenerali DĠ REFORM
Werrej
Foreword
The Technical Support Instrument
The TSI in 2023
I. Highlights
Public administration and governance
II. The TSI 2023 cycle - facts and figures
Launch of the TSI 2023 cycle
TSI 2023 requests for support
TSI 2023 projects
Flagship projects
RRP support
Pilot for enlargement countries as observers
III. Project execution
IV. Cooperation and support plans
V. Communication on the TSI
VI. Evaluation of the TSI
The TSI as a key instrument to support EU competitiveness
I. Functioning single market
II. Access to private capital
III. Public investment and infrastructure
IV. Research and innovation
V. Energy
VI. Circularity
VII. Digitalisation
VIII. Education and skills
IX. Trade and open strategic autonomy
Conclusion
Annex 1 – The TSI annual cycle
Annex 2 – 2023 TSI general call: requests by Member State
L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku
Mill-2021 ’l hawn, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 1 (TSI, Technical Support Instrument) huwa l-programm tal-UE li jipprovdi għarfien espert tekniku mfassal apposta lill-Istati Membri biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jfasslu u jimplimentaw l-aġenda ta’ riforma tagħhom, inkluż permezz tal-pjanijiet nazzjonali tagħhom ta’ reżiljenza u rkupru. L-objettiv ġenerali tiegħu huwa li jippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE billi jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa biex jiksbu l-irkupru ekonomiku u soċjali, ir-reżiljenza u l-konverġenza ekonomika u soċjali ’l fuq.
Ġestit mid-DĠ REFORM tal-Kummissjoni Ewropea, it-TSI huwa disponibbli għal kwalunkwe Stat Membru li qed jiffaċċja sfidi fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi. Dan jinkludi riformi li għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-prijoritajiet ta’ politika tal-UE jew ir-riformi mwettqa fuq inizjattiva proprja ta’ Stat Membru. It-TSI ma jallokax fondi minn qabel skont l-Istat Membru jew il-qasam ta’ politika.
It-TSI ma jeħtieġx kofinanzjament mill-Istati Membri. Il-baġit globali tiegħu għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021–2027 huwa ta’ EUR 864,4 miljun. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jitolbu appoġġ tekniku addizzjonali permezz ta’ kontribuzzjoni diretta jew bħala parti mill-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.
|
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
Totali |
|
116,4 |
118,7 |
121,1 |
123,5 |
126,0 |
128,5 |
130,4 |
864,4 |
Illustrazzjoni 1- Programmazzjoni tal-baġit tat-TSI għall-perjodu 2021–2027 (f’miljuni ta’ EUR)
It-TSI joffri lill-awtoritajiet benefiċjarji fl-Istati Membri aċċess uniku bbażat fuq il-proġetti għal għarfien espert tekniku u opportunitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari biex jgħinuhom jindirizzaw l-isfidi tar-riforma. Huwa strument xprunat mid-domandi tal-Istati Membri u huwa organizzat f’ċikli annwali, kif deskritt fl-Anness 1. L-appoġġ tat-TSI jkopri l-forniment ta’ għarfien espert u esperti b’rabta ma’ pariri dwar il-politika, bidla fil-politika, formulazzjoni ta’ strateġiji u pjanijiet direzzjonali ta’ riforma u appoġġ għal riformi leġiżlattivi, istituzzjonali, strutturali u amministrattivi. Ikopri wkoll il-bini tal-kapaċità istituzzjonali, amministrattiva jew settorjali, seminars, konferenzi u workshops, skambji tal-aħjar prattiki u azzjonijiet ta’ taħriġ, l-iżvilupp ta’ metodoloġiji komuni, il-bini tal-kapaċità tal-IT u t-twettiq ta’ studji.
It-TSI għalhekk isaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva tal-Istati Membri tal-UE. L-appoġġ huwa mfassal għall-ħtiġijiet ta’ riforma u d-dotazzjoni tal-kapaċità ta’ kull awtorità benefiċjarja. Kull proġett jirċievi taħlita unika ta’ għarfien espert ipprovdut mill-esperti interni tal-Kummissjoni Ewropea (minn hawn’ il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”), u esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE (eż. permezz tal-istrument ta’ Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni tal-Kummissjoni, TAIEX 2 ), organizzazzjonijiet internazzjonali jew is-settur privat. Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tikkuntratta f’għarfien espert estern permezz ta’ ġestjoni diretta (prinċipalment is-settur privat) jew ġestjoni indiretta 3 (prinċipalment organizzazzjonijiet internazzjonali). Il-persunal tad-DĠ REFORM huwa involut bis-sħiħ matul il-proċess tal-implimentazzjoni ta’ kull proġett.
It-TSI fl-2023
I.Punti ewlenin
Bħal fis-snin preċedenti, fl-2023 it-TSI pprovda appoġġ tekniku lill-Istati Membri kollha f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika wara t-talbiet sottomessi mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn kienu jinkludu l-amministrazzjoni pubblika u l-governanza, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, il-kompetittività, is-saħħa u l-kura fit-tul, l-amministrazzjoni tad-dħul u d-dwana, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-integrità u l-akkwist pubbliku, is-suq tax-xogħol u l-ħiliet tal-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-migrazzjoni.
Illustrazzjoni 2 - TSI 2023: Kontribuzzjoni għall-prijoritajiet ta’ politika
Il-proġetti tat-TSI 2023 appoġġaw ferm ukoll l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza 4 (RRPs, recovery and resilience plans). It-TSI kompla jappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tar-riformi għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Sabiex tissaħħaħ is-solidarjetà mal-Ukrajna, it-TSI appoġġa wkoll lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra r-Russja. U f’konformità mas-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023, it-TSI appoġġa lil diversi Stati Membri fil-bini tal-istrateġija nazzjonali tal-ħiliet tagħhom biex jegħlbu n-nuqqas ta’ ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet.
Fil-livell interistituzzjonali, fis-7 ta’ Novembru 2023, il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, iltaqgħet mal-Kumitat għall-Baġits u mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-Parlament Ewropew għal skambju ta’ fehmiet dwar l-implimentazzjoni tat-TSI.
L-amministrazzjoni pubblika u l-governanza
Fil-25 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni ġdida dwar It-tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct) , li pproponiet azzjonijiet konkreti biex tgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nies u tan-negozji madwar l-Ewropa. Fis-7 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissarju Ferreira ppreżentat il-ComPAct fil- Kunsill Kompetittività (Suq intern u industrija).
Il-ComPAct kien reazzjoni għas-sejħiet mill-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni lill-Kummissjoni biex irawmu l-kooperazzjoni u d-djalogu politiku kif ukoll biex jgħinu fit-titjib tal-kapaċità u l-kwalità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali fl-UE. Il-ComPAct jindirizza wkoll l-aspettattivi tal-Ewropej kif espressi fl- istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar ir-riformi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi mniedi fir-rebbiegħa tal-2023 mid-DĠ REFORM. Permezz ta’ dan l-istħarriġ, iċ-ċittadini appellaw biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jsiru inqas burokratiċi, aktar rapidi fl-għoti tas-servizzi, aktar trasparenti u eqreb lejn in-nies. ComPAct huwa l-ewwel sett komprensiv ta’ azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tappoġġa l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u biex issaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħhom bejn il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi komuni flimkien.
L-għan tal-ComPAct huwa li jrawwem il-kooperazzjoni u d-djalogu politiku kif ukoll li jgħin fit-titjib tal-kapaċità u l-kwalità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali fl-UE. Huwa jipproponi sett strateġiku ta’ azzjonijiet biex jissaħħaħ l-Ispazju Amministrattiv Ewropew billi tippromwovi sett komuni ta’ prinċipji ġenerali li jirfdu l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-modernizzazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri.
Marbuta mal-ComPAct, inizjattiva ewlenija speċifika ġdida tat-TSI — l-Iskambju ta’ Kooperazzjoni fl-Amministrazzjoni Pubblika (PACE) — tnediet fl-2023. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tippromwovi t-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-impjegati taċ-ċivil ta’ Stati Membri differenti biex jissaħħu l-kapaċità amministrattiva, it-tfassil tal-politika u l-ħiliet ta’ implimentazzjoni. L-allinjament mill-qrib bejn il-ComPAct u t-TSI jgħin biex tinżamm enfasi politika qawwija fuq it-titjib tal-kapaċità operazzjonali u l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri.
II.Iċ-ċiklu tat-TSI 2023 - fatti u ċifri
It-tnedija taċ-ċiklu tat-TSI 2023
Iċ-ċiklu tat-TSI 2023 tnieda matul il- konferenza annwali tat-TSI “Il-Bini tar-Reżiljenza tal-Istati Membri”, li saret online fil-5 ta’ Mejju 2022. Il-Konferenza wriet kif it-TSI jista’ jappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ riformi li jsaħħu r-reżiljenza, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kriżijiet reċenti (il-pandemija tal-COVID-19, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja). Hija ppreżentat ukoll il-prijoritajiet ewlenin għat-TSI fl-2023, b’mod partikolari:
·l-għoti ta’ appoġġ kontinwu għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs);
·l-iffukar tal-appoġġ fuq prijoritajiet magħżula tal-UE, permezz tal-kunċett innovattiv ta’ proġetti ewlenin tad-DĠ REFORM, li huma kunċetti ta’ proġetti proposti b’mod proattiv mill-Kummissjoni lill-Istati Membri; u
·l-inkoraġġiment tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti multinazzjonali u multireġjonali.
Il-konferenza pprovdiet ukoll l-opportunità li jiġu ppreżentati 12-il idea ta’ proġetti ta’ appoġġ tekniku “ewlenin”, imressqa minħabba li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ riforma f’diversi Stati Membri u huma marbuta mal-ogħla prijoritajiet tal-UE li l-Istati Membri huma fil-proċess li jimplimentaw. Bħala tali, huma għandhom l-għan li jappoġġaw lill-Istati Membri fil-kisba tar-reżiljenza u r-riformi li jsaħħu t-tkabbir.
Barra minn hekk, l-inizjattiva ewlenija tat-TSI 2022 “ Akkademja Superviżorja tal-Finanzi Diġitali tal-UE biex jittejbu l-ħiliet tal-awtoritajiet superviżorji finanzjarji ” reġgħet ġiet proposta għaċ-ċiklu tat-TSI 2023.
Proġetti ewlenin ta’ appoġġ tekniku tat-TSI 2023
· L-aċċellerazzjoni tal-permessi għall-enerġija rinnovabbli
· Appoġġ għall-Adattament għat-Tibdil fil-Klima
· Il-Ġestjoni tar-Riskju tal-ESG għas-Settur Finanzjarju
· Appoġġ għall-ekosistemi industrijali
· Il-Migrazzjoni u l-Attrazzjoni tat-Talent
· Lejn kura integrata ċċentrata fuq il-persuna
· PACE – L-Iskambju ta’ Kooperazzjoni fl-Amministrazzjoni Pubblika
· Professjonalizzazzjoni tal-persunal tal-akkwist pubbliku: it-trawwim ta’ metodoloġiji strateġiċi, integrità u trasparenza
· It-trasformazzjoni diġitali għall-amministrazzjonijiet pubbliċi reġjonali u lokali
Talbiet għal appoġġ tat-TSI 2023
Sal-31 ta’ Ottubru 2022, 27 Stat Membru kienu ppreżentaw 530 talba għal appoġġ tekniku bi tweġiba għas-sejħa ġenerali tat-TSI 2023, għal ammont totali ta’ EUR 256 miljun, aktar mid-doppju tal-ammont ta’ finanzjament disponibbli. Filwaqt li t-talbiet kollha sottomessi tqiesu eliġibbli 5 , sebgħa ġew irtirati mill-Istati Membri rikjedenti matul il-fażi ta’ valutazzjoni. B’riżultat ta’ dan, ġew ivvalutati 523 talba għall-għażla.
Id-DĠ REFORM żgura permezz ta’ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet definit sew (ara l-Anness 1) li l-proġetti jintgħażlu abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni definiti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament dwar it-TSI. It-talbiet huma analizzati abbażi tal-urġenza, il-firxa u l-profondità tal-isfidi identifikati, il-ħtiġijiet ta’ appoġġ fir-rigward tal-oqsma ta’ politika kkonċernati, kif ukoll l-analiżi tal-indikaturi soċjoekonomiċi u l-kapaċità amministrattiva istituzzjonali u ġenerali tal-Istati Membri kkonċernati. Permezz ta’ skrinjar tal-eliġibbiltà, id-DĠ REFORM jiżgura wkoll li l-azzjonijiet ikunu eliġibbli f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-TSI.
Il-Kummissjoni tista’ tappoġġa lill-Istati Membri b’miżuri speċjali f’każ ta’ ħtiġijiet urġenti. Tabilħaqq, skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament tat-TSI, id-DĠ REFORM jista’ jadotta wkoll miżuri speċjali f’konformità mal-objettivi u l-azzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tat-TSI biex jipprovdi appoġġ tekniku lill-awtoritajiet nazzjonali fl-indirizzar tal-ħtiġijiet urġenti. Tali miżuri speċjali huma ta’ natura temporanja u marbuta maċ-ċirkostanzi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 9(3), (fost l-oħrajn, it-tħejjija jew l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, riformi fil-kuntest tal-proċess ta’ governanza ekonomika bħas-CSRs, l-implimentazzjoni ta’ Programmi ta’ aġġustament ekonomiku). Fl-2023, id-DĠ REFORM ma appoġġa l-ebda miżura speċjali.
Id-DĠ REFORM ikkonsulta lid-dipartimenti/Direttorati Ġenerali l-oħra tal-Kummissjoni biex jiżgura li l-appoġġ tekniku pprovdut fil-qafas tat-TSI 2023 kien allinjat mal-politiki tal-UE, ma dduplikax azzjonijiet u finanzjament oħra tal-UE, u kkomplementa u bena fuq programmi oħra tal-UE.
B’mod aktar ġenerali, it-talbiet ippreżentati indirizzaw il-ħtiġijiet ta’ appoġġ għal riformi identifikati f’ċirkostanzi differenti, inklużi l-prijoritajiet ta’ riforma tal-Istati Membri stess kif ukoll riformi biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati permezz tal-proċess ta’ governanza ekonomika tal-UE, kif ukoll dawk marbuta mal-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE.
Illustrazzjoni 3 - TSI 2023: Iċ-ċirkostanzi tat-talbiet tal-Istati Membri
Wara l-proċess ta’ valutazzjoni u għażla deskritt fl-Anness 1, intgħażlu 231 talba li jkopru l-prijoritajiet ewlenin tal-UE għal EUR 119,7 miljun taħt is-sejħa ġenerali tat-TSI 2023, inklużi 6 :
·90 talba relatati mal-implimentazzjoni tal-RRPs nazzjonali;
·69 talba relatati mat-tranżizzjoni diġitali;
·83 talba relatati mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
·34 talba relatati mal-ugwaljanza: appoġġ għan-nisa, għall-persuni b’diżabilità, għall-komunità Rom, għall-migranti, għall-persuni akbar fl-età u għall-komunità LGBTIQ+.
L-appoġġ tat-TSI 2023 kopra miżuri fl-Istati Membri kollha.
Proġetti tat-TSI 2023
Wara l- adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament u l-programm ta’ ħidma annwali fil-21 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tat-TSI 2023 7 , il-231 talba magħżula ġew issimplifikati f’151 proġett, peress li talbiet multipli xi drabi ngħaqdu fi proġett wieħed biex jittieħed vantaġġ mill-ekonomiji ta’ skala, jiġu promossi s-sinerġiji u jiġu ffaċilitati l-opportunitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari. Min-naħa tagħhom, dawk il-151 proġett appoġġaw is-27 Stat Membru fit-tħejjija, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ 326 riforma mill-aktar avvanzata 8 .
Illustrazzjoni 4 - TSI 2023: Għadd ta’ riformi appoġġati f’kull Stat Membru
L-interess tal-Istati Membri li jieħdu sehem fi proġetti multinazzjonali kompla jiżdied fl-2023, u dan wassal għal żieda qawwija minn żewġ proġetti multinazzjonali fil-qafas tat-TSI 2021 għal 21 fil-qafas tat-TSI 2022 u 34 proġetti multinazzjonali fil-qafas tat-TSI 2023. L-Istati Membri wrew ukoll l-interess tagħhom fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-livell reġjonali permezz ta’ 10 proġetti multireġjonali.
Il-proġett multinazzjonali ewlieni ta’ skambju ta’ kooperazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika (PACE) — immirat lejn il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-iskambji transfruntiera fost l-Istati Membri biex tinbena l-kapaċità amministrattiva u titħejja l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ dawk li jfasslu l-politika fl-Unjoni Ewropea — ra adozzjoni sinifikanti bl-objettiv li jiġu implimentati 70 skambju madwar 17-il Stat Membru għal aktar minn 300 parteċipant.
Illustrazzjoni 5 - TSI 2021–2023: Bidla fl-għadd ta’ proġetti multinazzjonali
Il-proġetti tat-TSI 2023 kienu jinkludu żewġ proġetti multinazzjonali li jappoġġaw l-ekosistemi industrijali tal-Istati Membri (EL, ES, FI, PT u SE) u li jgħinuhom jaċċelleraw il-ħruġ ta’ permessi għall-enerġija rinnovabbli (LT u NL), biż-żewġ proġetti jikkontribwixxu għat-trawwim tal-kompetittività tal-ekonomija tal-UE. Huma inkludew ukoll il-proġett multinazzjonali Kejl tas-Sodisfazzjon taċ-Ċittadini ma’ Servizzi tal-Gvern Ewlenin għal Prestazzjoni Aħjar u Fiduċja Msaħħa (AT, BE, EE, EL, ES, FI, HR, IE, LT, LV u SI), u l-proġett Qafas ta’ ġestjoni tar-riskju ESG għas-settur finanzjarju (BG, CY, EL, FI, FR, HR, IE, IT, LV, RO u SI) biex tissaħħaħ il-kapaċità tas-superviżuri finanzjarji li jirreaġixxu għall-isfidi assoċjati mar-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG, environmental, social and governance), u proġett dwar It-tisħiħ tal-kwalità u l-użu tal-informazzjoni dwar it-taxxa skambjata bejn l-Istati Membri fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC, Directive on Administrative Cooperation) fil-Kroazja u fl-Irlanda.
Illustrazzjoni 6 - TSI 2021–2023: L-evoluzzjoni tal-għadd ta’ proġetti b’dimensjoni reġjonali/lokali
Matul is-snin, sehem dejjem akbar tal-proġetti tat-TSI appoġġaw lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ riformi fil-livell reġjonali u lokali f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE. Pereżempju, fl-2023, it-TSI appoġġat 10 reġjun f’ 5 Stati Membri fit- tisħiħ tal-ekosistemi reġjonali tal-estrazzjoni minerarja tal-UE biex tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u tiżgura l-provvista ta’ materja prima minerali .
Proġetti ewlenin
It-TSI 2023 ukoll wera adozzjoni qawwija ta’ proġetti ewlenin meta mqabbel mat-TSI 2022 meta l-kunċett ġie introdott għall-ewwel darba. Mill-151 proġett tat-TSI 2023, 50 kienu marbuta ma’ proġetti ewlenin, inkluż fl-oqsma ekoloġiċi, diġitali, tal-enerġija, tal-amministrazzjoni pubblika, tal-finanzi pubbliċi, tal-integrazzjoni tal-migranti u tal-kura tas-saħħa.
Is-sejħa tat-TSI 2023 tat ukoll lil tmien awtoritajiet benefiċjarji ġodda mill-Istati Membri l-opportunità li jissieħbu fl- Akkademja Superviżorja tal-Finanzi Diġitali tal-UE , oriġinarjament imfassla fil-qafas tat-TSI 2022, u b’hekk it-total tela’ għal 32 awtorità minn 25 Stat Membru.
Appoġġ għall-RRP
It-TSI ilu jappoġġa l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti inklużi fl-RRPs, fl-oqsma ta’ politika kollha tal-governanza u l-amministrazzjoni pubblika, il-qasam diġitali, it-tkabbir sostenibbli u l-ambjent tan-negozju, is-suq tax-xogħol, is-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, l-amministrazzjoni tad-dħul u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, kif ukoll fis-settur finanzjarju.
Fl-2023, 66 % tal-proġetti tat-TSI 2023 kienu direttament jew indirettament marbuta mal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, li għenu lill-Istati Membri jkomplu jżidu l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw l-RRPs, inklużi l-metodi ta’ monitoraġġ u ġestjoni tal-proġetti tal-RRP, il-mekkaniżmi ta’ rapportar, l-oqfsa ta’ awditjar u kontroll, l-istrateġija ta’ komunikazzjoni, l-istrutturi ta’ governanza, is-sistemi tal-IT u l-applikazzjoni tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”.
LENTI FUQ IL-PROĠETTI TAT-TSI B’RABTA DIRETTA MAL-RRPs
Fil-qafas tat-TSI 2023, id-DĠ REFORM appoġġa proġetti ta’ riforma marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-RRPs.
·10 Stati Membri (BE, BG, CY, ES, IE, LV, PT, RO, NL u SI) irċevew appoġġ ġenerali għall-RRP tagħhom. Proġett multinazzjonali dwar il-komunikazzjoni tal-impatt tal-RRPs lill-pubbliku ġenerali tnieda uffiċjalment fis-27 ta’ Novembru 2023 b’rappreżentanti minn tmien Stati Membri benefiċjarji (BE, BG, CY, ES, LV, NL, PT, u RO), mid-DĠ REFORM, mid-DĠ COMM, minn SG RECOVER, mid-DĠ ECFIN u l-Uffiċjali tas-Semestru Ewropew mill-Istati Membri parteċipanti kollha. Dan kellu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Istati Membri u jipprovdilhom miżuri ta’ appoġġ tekniku speċifiċi għall-pajjiż biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom dwar il-benefiċċji tal-RRP tagħhom. It-tfassil tal-proġett kien ibbażat fuq żewġ proġetti ta’ komunikazzjoni tal-RRP ta’ suċċess implimentati fis-Slovakkja u fiċ-Ċekja.
·16-il Stat Membru (BE, BG, CY, CZ, DK, EE, EL, HR, HU, IT, LV, MT, PL, PT, RO u SK) irċevew appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti speċifiċi inklużi fl-RRPs tagħhom. Eżempji jinkludu appoġġ għall-istituzzjonalizzazzjoni tal-qafas il-ġdid tal-karrieri akkademiċi fil-Latvja, appoġġ lin-negozji biex jiksbu livell ogħla ta’ diġitalizzazzjoni fiċ-Ċekja, u appoġġ għall-ottimizzazzjoni tal-pjanijiet strateġiċi biex tiġi żviluppata aktar is-saħħa elettronika fil-Polonja.
L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility) 9 tenfasizza li: “Il-koerenza bejn l-RRF u t-TSI hija dovuta għal sinerġiji inkorporati bejn iż-żewġ strumenti u l-allinjament tal-kriterji ta’ valutazzjoni tagħhom. Ir-Regolament RRF jippromwovi b’mod attiv sinerġiji bejn l-RRF u t-TSI billi jippermetti lill-Istati Membri jallokaw sa 4 % tal-allokazzjoni totali tagħhom għall-appoġġ tekniku fl-implimentazzjoni tal-RRP, għażla użata minn erba’ Stati Membri. L-allinjament tal-kriterji ta’ valutazzjoni tal-RRF u tat-TSIs jenfasizza li ż-żewġ strumenti għandhom l-istess objettivi ta’ politika u li l-prijoritajiet tagħhom huma allinjati. Pereżempju, ir-rilevanza tas-CSRs hija waħda mill-kriterji ta’ valutazzjoni użati kemm għall-għażla tal-proġetti tat-TSI kif ukoll għall-approvazzjoni tal-RRPs. Il-koerenza taż-żewġ strumenti hija evidenti fil-fatt li aktar minn 400 proġetti approvat fil-qafas tat-TSI huma marbuta mat-tħejjija jew l-implimentazzjoni tal-RRPs tal-Istati Membri, u dan jenfasizza r-rwol kruċjali tat-TSIs fil-Faċilità.”.
Proġett pilota għall-pajjiżi tat-tkabbir bħala osservaturi
Fil-kuntest tal-prijorità politika tal-Kummissjoni li taċċellera l-proċess ta’ integrazzjoni u adeżjoni għall-pajjiżi tat-tkabbir 10 , id-DĠ REFORM u d-DĠ NEAR żviluppaw proġett pilota tat-TSI biex il-pajjiżi tat-tkabbir ikunu “osservaturi” ta’ proġetti tat-TSI magħżula fl-2023. Dan sar bil-qbil tal-awtoritajiet benefiċjarji rispettivi fl-Istati Membri u mingħajr ma t-TSI jiffinanzja l-involviment tagħhom.
Il-proġett pilota beda fit-13 ta’ Settembru 2023 bil-parteċipazzjoni ta’ tmien pajjiżi tat-tkabbir, jiġifieri l-Bożnija-Ħerzegovina, il-Moldova, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Albanija, is-Serbja, it-Turkija, il-Georgia u l-Kosovo 11 . Il-proġetti magħżula mill-pajjiżi tat-tkabbir kienu primarjament proġetti tat-TSI multinazzjonali. L-amministrazzjonijiet pubbliċi involuti kemm fil-pajjiżi tat-tkabbir kif ukoll fl-Istati Membri laqgħu l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni offruti permezz tal-proġett pilota.
III.Eżekuzzjoni tal-proġett
It-TSI jeħtieġ l-involviment kostanti tad-DĠ REFORM, mill-fażi tat-tfassil tal-proġett sal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġett.
Id-DĠ REFORM huwa attiv mill-istadji bikrija tal-identifikazzjoni tal-proġetti, b’attivitajiet estensivi ta’ sensibilizzazzjoni indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali, interazzjoni kostanti bejn il-koordinaturi tal-pajjiżi tad-DĠ REFORM u l-awtoritajiet ta’ koordinazzjoni korrispondenti u laqgħat bejn il-maniġers superjuri tad-DĠ REFORM u l-awtoritajiet nazzjonali f’kull Stat Membru.
Ladarba ntgħażlu t-talbiet tat-TSI 2023 u l-metodi ta’ implimentazzjoni tagħhom ġew deċiżi, l-uffiċjali tal-politika fid-DĠ REFORM ikkollaboraw regolarment mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeterminaw l-outputs tal-proġetti u jsawru l-attivitajiet u l-pjanijiet ta’ ħidma relatati. Huma kienu involuti bħala membri fit-timijiet tal-proġett relatati kollha, flimkien mal-fornituri magħżula, u kkooperaw fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-proġett. Huma żguraw ukoll komunikazzjoni bla xkiel bejn il-fornituri u l-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li ppromwovew fehim reċiproku biex jiġi ssalvagwardjat is-suċċess tal-proġetti.
Id-DĠ REFORM ikkoordina wkoll il-ħidma ma’ dipartimenti oħra tal-Kummissjoni permezz ta’ network permanenti ta’ rappreżentanti ta’ Direttorati Ġenerali oħra. Dan biex jiġi żgurat li l-appoġġ tekniku pprovdut mat-TSI kien allinjat mal-politiki tal-UE, ma dduplikax proġetti oħra, u kkomplementa u bena fuq programmi oħra tal-UE (inkluż billi jiffaċilita l-aċċess għall-għarfien espert tekniku disponibbli fi ħdan il-Kummissjoni jew immobilizzat faċilment minn programmi oħra tal-UE).
Fl-aħħar nett, membru tal-persunal tad-DĠ REFORM ġie inkluż f’kull kumitat ta’ tmexxija tal-proġett, flimkien ma’ uffiċjali għolja mill-awtoritajiet nazzjonali, biex jiġi żgurat li l-proġetti jkomplu jallinjaw mal-prijoritajiet nazzjonali u adattati għax-xenarju li qed jinbidel, jekk ikun meħtieġ. L-għan kien li jingħata kontribut għall-aġendi nazzjonali ta’ riforma filwaqt li jsir sforz favur valur miżjud tal-UE.
IV.Pjanijiet ta’ kooperazzjoni u appoġġ
Il-pjanijiet ta’ kooperazzjoni u appoġġ 12 ġew konklużi mas-27 Stat Membru kollha fl-2023 biex jiġu stabbiliti l-prinċipji ta’ gwida u l-metodi ta’ ħidma għall-appoġġ ipprovdut mit-TSI. Dawn ġew kondiviżi mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew f’Settembru 2023. Kull pjan jiddeskrivi l-oqsma ta’ politika koperti u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ li għandhom jiġu implimentati għall-Istat Membru, kif ukoll l-iskedi ta’ żmien indikattivi u l-baġits stmati. Għalhekk jagħti lil kull Stat Membru ħarsa ġenerali strateġika lejn l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ tat-TSI fil-livelli nazzjonali u reġjonali.
Fl-2023, dawn il-pjanijiet inkludew ukoll proposta għall-mandat tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ koordinazzjoni tat-TSI, li tiddeskrivi r-rwol tagħhom f’kull pass taċ-ċiklu tat-TSI, inkluż l-involviment potenzjali fl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u evalwazzjoni, u l-parteċipazzjoni tagħhom f’network tal-awtoritajiet ta’ koordinazzjoni li huwa ppresedut mid-DĠ REFORM. Fl-2023, dan in-network iltaqa’ ħames darbiet (erba’ darbiet online u darba personalment fit-12 ta’ Settembru 2023 f’Madrid). Il-laqgħa fiżika b’mod partikolari kienet opportunità biex tiġi enfasizzata l-importanza tar-rwol tal-awtoritajiet ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri għal TSI li tiffunzjona tajjeb u biex jiġi diskuss kif l-aħjar jinġabru u jiġu kkoordinati l-ideat u l-partijiet ikkonċernati biex jinbnew talbiet multinazzjonali għat-TSI.
V.Komunikazzjoni dwar l-TSI
L-istrument ta’ Appoġġ Tekniku huwa uniku fit-tfassil u l-flessibbiltà tiegħu. Huwa jaħdem mal-amministrazzjonijiet nazzjonali biex jappoġġa t-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi tagħhom għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji tagħhom. Sabiex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-UE, id-DĠ REFORM jippromwovi l-ħidma tat-TSI u l-proġetti tat-TSI relatati u r-riżultati tagħhom f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet benefiċjarji, il-fornituri ta’ appoġġ u l-uffiċċji ta’ rappreżentanza kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kummissjoni f’kull Stat Membru. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni permezz ta’ kanali ddedikati (is-sit web ta’ appoġġ għar-Riforma, il-media soċjali, il-pubblikazzjonijiet, l-avvenimenti, eċċ.) jipprovdu informazzjoni mmirata lil diversi udjenzi, inklużi l-media u l-pubbliku.
Fl-2023, l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni relatati mat-TSI u mat-tfassil tal-politika dwar l-amministrazzjoni pubblika u l-governanza saru aktar orjentati lejn ir-riżultati. F’termini konkreti, id-DĠ REFORM organizza l- konferenza stampa annwali tat-TSI 2023 fl-21 ta’ Marzu 2023 biex jimmarka l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma tat-TSI 2023. Id-DĠ REFORM organizza wkoll il- Konferenza annwali tat-TSI dwar “ Amministrazzjoni Pubblika lesta għall-futur u adattabbli għall-bidla ” li saret fil-25 ta’ Mejju 2023. Din il-konferenza mmarkat it-tnedija taċ-ċiklu tat-TSI tal-2024. Il-format tat-TV tagħha żamm lill-1600 parteċipant online involuti matul l-avveniment kollu.
Id-DĠ REFORM organizza b’mod konġunt u/jew ipparteċipa f’ avvenimenti pubbliċi , kemm lokalment kif ukoll online, sabiex juri stejjer ta’ suċċess u jxerred informazzjoni dwar ir-riżultati tat-TSI. Dawn kienu jinkludu:
·Id-DĠ REFORM fil-Forum Ekonomiku ta’ Delphi VIII, 26-29 ta’ April 2023
·Appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet permezz ta’ riformi, 25 ta’ Mejju 2023
·Il-kondiviżjoni tad-data dwar it-turiżmu, il-governanza u l-integrazzjoni, 27-28 ta’ Settembru 2023
·Ix-xjenza għall-politika fl-Ewropa, 10-11 ta’ Ottubru 2023
·Finanzi sostenibbli - avveniment sekondarju tal-COP 28, 4 ta’ Diċembru 2023.
Filwaqt li tbiegħed mill-approċċ orjentat lejn il-proġetti tas-snin bikrija tat-TSI u ffoka aktar fuq ir-riformi u l-impatt tagħhom fuq il-ħajja tan-nies, id-DĠ REFORM żied ukoll l-attivitajiet tal-istampa tiegħu permezz ta’ intervisti u avvenimenti għall-istampa.
Is- sit web tal-Appoġġ għar-Riforma , ibbrawżjat minn aktar minn 160 000 viżitatur uniku fl-2023, ingħata wkoll format aktar faċli għall-utent biex jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar ir-riformi u l-proġetti ta’ riforma skont il-qasam ta’ politika u skont il-pajjiż . Sal-aħħar ta’ Diċembru 2023, aktar minn 350 deskrizzjoni tal-proġetti kienu online.
F’konformità mar-rekwiżit ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament TSI, is-sit web ta’ appoġġ għar-Riforma jospita repożitorju pubbliku online uniku ta’ studji jew rapporti finali prodotti bħala parti mill-proġetti ta’ appoġġ tat-TSI. Ir-repożitorju jista’ jitfittex skont is-sena, is-suġġett u l-Istat Membru, biex jgħin fit-tixrid tal-pubblikazzjonijiet differenti lil udjenza wiesgħa. Fl-aħħar ta’ Diċembru 2023, 45 % tal-proġetti magħluqa tat-TSI diġà kellhom studju finali disponibbli online.
Id-DĠ REFORM baqa’ attiv fuq il-media soċjali, b’ 3 500 segwaċi fuq il-kont X (li qabel kien Twitter) @EU_reforms tiegħu filwaqt li, fl-istess ħin, irreveda l- kanal YouTube tiegħu tad-DĠ REFORM b’kontenut ġdid u prodotti awdjoviżivi oriġinali. Id-DĠ REFORM żied ukoll il-kapaċità interna tiegħu tal-produzzjoni tal-vidjo fl-2023 u pproduċa diversi vidjos biex jappoġġa s- serje Project in the spotlight .
Il-kampanji u r-rapporti ta’ komunikazzjoni madwar l-UE kollha spiss jirreferu wkoll għat-TSI bħala sors importanti ta’ appoġġ għall-Istati Membri biex jiksbu l-aġenda ta’ riforma tagħhom, f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE. It-TSI ssemma f’dan il-kuntest seba’ darbiet fir- Rapport Ġenerali tal-UE tal-2023 , b’referenzi speċifiċi għall-ħidma li saret biex jiġu appoġġati l-RRPs, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, ir-REPowerEU, l-edukazzjoni u s-saħħa. Dan ir-rapport inkluda wkoll żewġ referenzi għall-komunikazzjoni ComPAct.
VI.Evalwazzjoni tat-TSI
Id-DĠ REFORM jivvaluta l-appoġġ li jipprovdi lill-Istati Membri kemm fil-livell tal-programm kif ukoll fil-livell tal-proġetti. L-evalwazzjoni tal-programm u tal-proġetti tat-TSI tipprovdi evidenza tal-kisbiet għall-Istati Membri u għan-nies fuq il-post. Huwa importanti li dawk ir-riżultati jiġu kondiviżi mal-partijiet ikkonċernati tagħna u mal-pubbliku ġenerali biex jintwera li l-azzjoni tal-UE ġġib bidla pożittiva.
L- evalwazzjoni ex post tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP, Structural Reform Support Programme, ex post), il-predeċessur tat-TSI, ġiet ippubblikata f’Ottubru 2023. Din l-evalwazzjoni pprovdiet għarfien ewlieni dwar it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-effetti tal-proġetti ta’ appoġġ tekniku implimentati mid-DĠ REFORM (u s-Servizz ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali). Skont ir-rapport, l-objettiv ġenerali tal-SRSP li jappoġġa r-riformi strutturali istituzzjonali, amministrattivi u li jsostnu t-tkabbir fl-Istati Membri nkiseb b’suċċess. Instab li l-SRSP kien strument rilevanti ħafna mfassal tajjeb biex itejjeb il-kapaċitajiet amministrattivi tal-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw ir-riformi u jindirizzaw l-isfidi. Fatturi ewlenin kienu jinkludu l-involviment qawwi tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u s-sjieda tagħhom tal-proġetti.
Fl-2023, id-DĠ REFORM beda t-tħejjijiet għall-varar tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tat-TSI, f’konformità mal-Artikolu 16 tar- Regolament dwar it-TSI. Din l-evalwazzjoni se titwettaq sa Frar 2025 u hija mistennija li jkollha rwol importanti fit-tfassil tal-futur tal-programm għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. Minbarra li tivvaluta l-implimentazzjoni bikrija tat-TSI tul il-ħames kriterji obbligatorji ta’ evalwazzjoni tar-regolamentazzjoni aħjar (l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE), l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu se tanalizza wkoll l-effetti fit-tul u s-sostenibbiltà tal-programm predeċessur, l-SRSP.
Minbarra l-evalwazzjoni fil-livell tal-programm, id-DĠ REFORM stabbilixxa proċedura f’żewġ stadji biex jiġbor data tal-evalwazzjoni dwar il-proġetti kollha ta’ appoġġ tekniku tat-TSI. L-ewwel stadju, li jibda ftit wara l-għeluq tal-proġett, se jivvaluta l-livell ta’ sodisfazzjon tal-partijiet ikkonċernati ewlenin involuti fit-tfassil u t-twettiq tal-proġett. It-tieni stadju, mill-inqas sena wara l-għeluq tal-proġett, se jivvaluta l-punt sa fejn il-proġett ikun kiseb l-eżiti mistennija tiegħu.
Matul l-2023, id-DĠ REFORM irċieva kwestjonarji ta’ sodisfazzjon mimlija mill-awtoritajiet benefiċjarji għal 94 proġett tat-TSI, jiġifieri rata ta’ rispons ta’ 72 %. Ir-rispons mill-awtoritajiet benefiċjarji jindika klassifikazzjoni medja ta’ sodisfazzjon ta’ 9 minn 10 għall-appoġġ ipprovdut mid-DĠ REFORM u 8.7 minn 10 għas-suċċess tal-proġetti. Filwaqt li t-tul ta’ żmien tal-proġett jista’ jvarja, jeħtieġ medja ta’ 24 xahar biex jitlesta proġett tat-TSI. Bħala tali, għadu kmieni wisq biex tiġi pprovduta valutazzjoni tal-kisbiet tal-proġetti fil-prattika.
It-TSI bħala strument ewlieni għall-appoġġ tal-kompetittività tal-UE
In-negozji Ewropej jixprunaw l-ekonomiji tal-Istati Membri, joħolqu l-impjiegi, il-koeżjoni, l-innovazzjoni u l-prosperità. Madankollu, it-tfixkil fil-katina tal-provvista u l-inflazzjoni għolja wara l-kriżijiet suċċessivi reċenti komplew jenfasizzaw it-tħassib li ilu jeżisti dwar produttività u kompetittività dgħajfa fl-UE. Il-Kummissjoni wieġbet għal dawn l-isfidi, fost l-oħrajn, bl- Istrateġija industrijali Ewropea , il- pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku , Komunikazzjoni dwar il-kompetittività fit-tul u inizjattivi biex tissaħħaħ is-sigurtà ekonomika tal-UE . Kif enfasizzat il-President fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni , “l-Ewropa se tagħmel ‘kulma hu meħtieġ’ biex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha.”
Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali tal-appoġġ ta’ DG REFORM lill-Istati Membri dwar il-kompetittività matul l-2023, hija strutturata skont id-disa’ muturi tal-kompetittività identifikati fil- Komunikazzjoni “It-30 Sena mis-Suq Uniku” u fir- rapport annwali dwar is-suq uniku u l-kompetittività għall-2024 (ara Illustrazzjoni 3). Biex jipprovdi appoġġ effettiv lill-Istati Membri allinjati mal-prijoritajiet tal-UE, id-DĠ REFORM ikkollabora mill-qrib dwar il-proġetti ta’ appoġġ mad-Direttorati Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni, inklużi CLIMA, CNECT, COMP, DIGIT, EAC, ENER, ENV, ECFIN, EMPL, ESTAT, FISMA, GROW, HOME, JRC, MOVE, REGIO, RTD, SG RECOVER, SG, TAXUD u TRADE.
Illustrazzjoni 7 - Eżempji ta’ Appoġġ tat-TSI 2023 dwar id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività
I.Funzjonament tas-suq uniku
L-appoġġ tad-DĠ REFORM lill-Istati Membri jgħinhom iżidu l-kapaċità tagħhom li jwettqu riformi għal suq uniku li jiffunzjona u kompetittività. L-appoġġ ikopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, li jvarjaw mill-industrija u l-innovazzjoni għat-trasport u t-tranżizzjoni diġitali.
|
ENFASI FUQ INIZJATTIVI EWLENIN Fl-2023, id-DĠ REFORM involva ruħu f’żewġ inizjattivi ewlenin fil-qasam tas-suq uniku u l-kompetittività: ·Seba’ Stati Membri (HR, EL, IT, MT, PT, SI u ES) irċevew appoġġ fil-qafas tal- inizjattiva ewlenija tat-TSI 2022 dwar ekosistema tat-turiżmu aktar sostenibbli, reżiljenti u diġitali . Bħala parti minn dawn il-proġetti, id-DĠ REFORM u d-DĠ GROW organizzaw workshop ta’ esperti ta’ jumejn dwar il-kondiviżjoni tad-data dwar it-turiżmu, il-governanza u l-integrazzjoni f’Settembru 2023, li ġabar madwar 300 parteċipant minn tliet kontinenti. ·11-il Stat Membru (CY, DK, FI, GR, LV, PT, RO, SK, SI, ES u SE) irċevew appoġġ fil-qafas tal- inizjattiva ewlenija tat-TSI 2023 dwar it-tisħiħ tal-ekosistemi industrijali tal-UE li tiffoka fuq l-istrateġiji industrijali, is-sorveljanza tas-suq nazzjonali u s-sistemi tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll fuq it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol industrijali. |
Fl-2023, id-DĠ REFORM ipprovda appoġġ lil 26 Stat Membru (AT, BE, BG, CY, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, HR, HU, IE, IT, LT, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SI u SK), inkluż fil-qafas tal-proġetti ewlenin tat-TSI, biex: (i) jiżviluppaw l-istrateġiji industrijali tagħhom u jtejbu s-sorveljanza tas-suq nazzjonali u s-sistemi tal-proprjetà intellettwali tagħhom; (ii) jippromwovu ekosistema tat-turiżmu sostenibbli, reżiljenti u diġitali; u (iii) jaċċelleraw it-tranżizzjoni diġitali.
|
KISBIET Eżempji speċifiċi ta’ riformi u bini tal-kapaċità fil-qasam tas-suq uniku u l-kompetittività fl-2023 bl-appoġġ tat-TSI jinkludu dawn li ġejjin: ·Il-Kroazja waqqfet pjattaforma diġitali għat-Test tal-SMEs u adottat leġiżlazzjoni ġdida għall-valutazzjoni tal-impatt regolatorju. ·Il-Provinċja Awtonoma ta’ Trento (l-Italja) approvat leġiżlazzjoni ġdida li tadotta l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-proċeduri amministrattivi, inklużi l-ispezzjonijiet. ·Is-Slovenja tejbet is-sistema ta’ riċerka u innovazzjoni tagħha billi stabbiliet mudell ġdid ta’ governanza, inkluż bord ta’ programmi interministerjali għal inizjattivi strateġiċi. ·Ir-Rumanija adottat leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida biex tallinja aħjar il-qafas tagħha dwar il-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-Istat mal-linji gwida tal-OECD. |
II.Aċċess għall-kapital privat
L-appoġġ tad-DĠ REFORM jgħin biex jittejbu l-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex iwettqu riformi li jiffaċilitaw l-aċċess għal kapital privat tant meħtieġ biex jixprunaw trasformazzjonijiet diġitali u sostenibbli. L-appoġġ kopra firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, inklużi l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Unjoni Bankarja u l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-finanzi diġitali u l-qafas ta’ finanzi sostenibbli tal-UE.
|
ENFASI FUQ INIZJATTIVI EWLENIN Fl-2023, id-DĠ REFORM involva ruħu f’żewġ inizjattivi ewlenin dwar l-aċċess għall-kapital privat: ·12-il awtorità superviżorja nazzjonali minn 11-il Stat Membru (BG, HR, CY, FI, FR, EL, IE, IT, LV, RO u SI) irċevew appoġġ fil-qafas tal- inizjattiva ewlenija tat-TSI 2023 dwar il-ġestjoni tar-riskju tal-governanza soċjali ambjentali (ESG) għas-settur finanzjarju , biex jindirizzaw il-ħtieġa għal superviżjoni effettiva tal-ESG u jgħinu biex il-kapital jiġi ggwidat lejn l-ekonomija ekoloġika. ·34 awtorità superviżorja finanzjarja minn 25 Stat Membru rċevew appoġġ permezz tal- inizjattiva ewlenija TSI 2022 dwar l-Akkademja Superviżorja tal-Finanzi Diġitali tal-UE biex itejbu l-kapaċità superviżorja tagħhom fil-qasam tal-finanzi diġitali, f’konformità mal-istrateġija għall-finanzi diġitali. |
Fl-2023, id-DĠ REFORM għen lis-27 Stat Membru kollha jespandu l-opportunitajiet ta’ investiment tagħhom u jibnu sistema finanzjarja aktar stabbli, reżiljenti u kompetittiva, meħtieġa biex jiżdied l-investiment privat. Id-DĠ REFORM ipprovda rakkomandazzjonijiet u għen lill-Istati Membri jistabbilixxu approċċ strateġiku dwar l-iżvilupp tas-swieq kapitali lokali. Dan kien jikkonsisti fl-iżvilupp ta’ politiki biex issir it-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli, l-immodernizzar tal-oqfsa ta’ insolvenza, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet superviżorji tal-awtoritajiet nazzjonali permezz tad-diġitalizzazzjoni, il-konverġenza superviżorja, l-appoġġ għall-iżvilupp kemm tal-bażijiet tal-investituri privati kif ukoll dawk pubbliċi u t-titjib tal-litteriżmu finanzjarju tan-nies u tan-negozji.
|
KISBIET Eżempji speċifiċi ta’ riformi u bini tal-kapaċità dwar l-aċċess għall-kapital privat fl-2023 bl-appoġġ tat-TSI jinkludu dawn li ġejjin: ·Ir-Rumanija, il-Kroazja, il-Polonja u Malta tejbu l-kapaċità tas-superviżuri tas-settur finanzjarju tagħhom u kisbu konverġenza billi ħadmu flimkien biex jiżviluppaw prattiki u arranġamenti ta’ superviżjoni tad-divulgazzjoni għar-rapportar dwar ir-rekwiżiti ta’ finanzjament sostenibbli. L-għan ta’ din il-kollaborazzjoni kien li jinħoloq ambjent aktar stabbli u prevedibbli għal investimenti sostenibbli minn kumpaniji tas-settur privat. ·Il-Bulgarija u l-Greċja żviluppaw analiżijiet u rakkomandazzjonijiet dettaljati immirati lejn l-iżvilupp tas-swieq kapitali tagħhom. L-għan kien li tittejjeb l-effiċjenza tas-suq, titrawwem il-fiduċja tal-investituri u jiġi ffaċilitat aċċess usa’ għall-finanzjament għan-negozji. ·L-Estonja u l-Latvja żviluppaw b’mod konġunt l-approċċ tagħhom għall-implimentazzjoni tat-tassonomija tal-UE u l-istrateġija ta’ finanzjament sostenibbli, filwaqt li allinjaw is-setturi finanzjarji u mhux finanzjarji tagħhom aktar mill-qrib mal-għanijiet ta’ investiment sostenibbli u għat-tisħiħ tas-suq tal-finanzi ekoloġiċi fiż-żewġ pajjiżi. ·Il-Greċja, il-Polonja u l-Portugall żviluppaw l-istrateġiji ta’ edukazzjoni finanzjarja tagħhom biex jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-investimenti tagħhom. |
III.L-investiment pubbliku u l-infrastruttura
L-appoġġ tad-DĠ REFORM lill-Istati Membri jgħinhom jagħtu spinta lill-kapaċità tagħhom li jwettqu riformi dwar il-ġestjoni tal-investiment pubbliku u l-governanza tal-infrastruttura. L-appoġġ ikopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, b’perspettiva kemm trasversali kif ukoll speċifika għas-settur, mill-ottimizzazzjoni tal-prattiki ta’ ġestjoni tal-investiment pubbliku sat-titjib tal-ippjanar tal-infrastruttura biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
|
ENFASI FUQ INIZJATTIVI EWLENIN Fl-2023, id-DĠ REFORM involva ruħu f’żewġ inizjattivi ewlenin dwar l-investiment pubbliku u l-infrastruttura: ·Tmien Stati Membri (AT, BE, HU, IT, LV, SK, SI u ES) irċevew appoġġ fil-qafas tal- inizjattiva ewlenija tat-TSI 2023 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju DNSH għal investimenti pubbliċi minn fondi u programmi tal-UE u nazzjonali, inkluż mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Tliet Stati Membri oħra (FI, CZ u PL) irċevew tali appoġġ fil-qafas tat-TSI 2022. ·Seba’ Stati Membri (IT, EL, NL, MT, BE, PL u SK) irċevew appoġġ fil-qafas tal- inizjattiva ewlenija tat-TSI 2022 għall-promozzjoni tal-mobbiltà urbana sostenibbli , inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ mobbiltà urbana sostenibbli. |
Fl-2023, id-DĠ REFORM ipprovda appoġġ lil 20 Stat Membru (AT, BE, BG, CZ, DE, EL, ES, FI, HU, IE, IT, LT, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SK u SI), inkluż taħt l-inizjattivi ewlenin tat-TSI, biex: (i) jottimizzaw l-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi; (ii) jiżguraw l-użu effiċjenti u l-allinjament tagħhom mal-objettivi ta’ politika ġenerali tal-UE u nazzjonali, bħall-Patt Ekoloġiku; (iii) isaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali tal-Istati Membri fl-ippjanar, l-eżekuzzjoni u l-evalwazzjoni tal-proġetti; u (iv) jiżviluppaw u jtejbu l-infrastruttura pubblika f’oqsma bħall-enerġija, it-trasport u l-konnettività diġitali. Permezz ta’ dan l-appoġġ, id-DĠ REFORM kellu l-għan li jgħolli l-kwalità u l-impatt tal-investimenti pubbliċi għat-tkabbir sostenibbli u r-reżiljenza fl-UE.
|
KISBIET Eżempji speċifiċi ta’ riformi dwar l-investimenti pubbliċi u l-infrastruttura li tlestew fl-2023 bl-appoġġ tat-TSI jinkludu dawn li ġejjin: ·L-Irlanda rrevediet il-linji gwida għall-valutazzjoni tal-kapital tagħha biex tħaffef it-twettiq tal-pjan ta’ żvilupp nazzjonali tagħha. ·Il-Greċja tejbet is-sistema tal-IT u l-mekkaniżmi ta’ rappurtar tagħha bl-għan li tissimplifika l-monitoraġġ tal-baġit għall-investiment pubbliku. Ħejjiet ukoll qafas leġiżlattiv rivedut b’mod estensiv biex jiġi ppreżentat lill-Parlament fl-2024. ·Is-Slovakkja nediet riforma tal-ġestjoni tal-investiment bl-għan li żżid il-valur ekonomiku ta’ proġetti ta’ investiment li għadhom kif ġew implimentati u tikseb redditu ogħla fuq kull euro. ·Il-Belġju waqqaf Kumitat ta’ Studju dwar l-Investimenti Pubbliċi biex iħejji rapporti u opinjonijiet dwar ix-xejriet, il-ħtiġijiet, l-implimentazzjoni u l-konsegwenzi tal-investiment pubbliku u t-TSI qed jappoġġa l-operazzjonalizzazzjoni tiegħu. ·Ir-Rumanija ppubblikat linji gwida dwar sħubijiet pubbliċi-privati biex tappoġġa lill-awtoritajiet lokali u nazzjonali biex iniedu u jimplimentaw b’suċċess proġetti ta’ investiment. ·Il-Greċja adottat strateġija u pjan direzzjonali għall-introduzzjoni tal-immudellar tal-informazzjoni dwar il-bini (BIM) fi proġetti ta’ infrastruttura pubblika. Dan se jwassal għal iffrankar sinifikanti fl-ispejjeż u użu aħjar tar-riżorsi. ·Il-port ta’ Antwerp tal-Belġju adotta miżuri biex itejjeb il-kundizzjonijiet tan-navigazzjoni interna u tat-traffiku fiż-żona tal-port ta’ Antwerp bl-appoġġ tat-TSI. |
IV.Riċerka u innovazzjoni
L-appoġġ tad-DĠ REFORM lill-Istati Membri jagħti spinta lill-kapaċità tagħhom li jwettqu riformi għal riċerka u innovazzjoni msaħħa. Għenhom ukoll jiksbu l-objettivi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Żona ta’ Riċerka ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 13 u tal-Istrateġija Ewropea għall-Universitajiet 14 . L-appoġġ ikopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, li jvarjaw mid-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni għad-demografija. Dan jinkludi l-promozzjoni ta’ strateġiji, politiki u għodod għall-promozzjoni ta’ għarfien ġdid u innovazzjoni rivoluzzjonarja li se jixprunaw it-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Jinkludi wkoll ir-riinġenerija ta’ istituzzjonijiet nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Fl-2023, id-DĠ REFORM ipprovda appoġġ lil 16-il Stat Membru (BG, CY, CZ, DE, EE, ES, FR, HR, HU, IT, LV, NL, PL, PT, SI u SK) dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, li ħolqu opportunitajiet għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tingħata spinta lill-iskambju tal-għarfien bejn l-universitajiet, ir-riċerka u n-negozji. It-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza ssaħħaħ ukoll permezz tal-iffaċilitar tat-tagħlim bejn il-pari, is-sħubijiet u l-esperimentazzjoni tal-politika. Dan għen biex potenzjalment jinħolqu benefiċċji fit-tul fil-qasam tal-kompetittività, il-progress soċjali u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli.
|
KISBIET Eżempji speċifiċi ta’ riformi u bini tal-kapaċità dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-2023 bl-appoġġ tat-TSI jinkludu dawn li ġejjin: ·Il-Latvja żviluppat mudell ġdid ta’ karriera akkademika f’konformità mal-prattika tajba internazzjonali u bħalissa qed tirċievi għajnuna fl-implimentazzjoni tiegħu. ·L-Italja ħolqot qafas dinamiku u robust għall-iskambju tal-għarfien u l-kooperazzjoni. ·L-Ungerija għamlet is-sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità tagħha għall-edukazzjoni għolja aktar adattata għall-era diġitali. ·Spanja tejbet l-ambitu, il-kwalità u l-effiċjenza tal-iskambju tal-għarfien bejn l-universitajiet, l-istituti tar-riċerka u n-negozji. ·Il-Kroazja vvalutat it-tħejjija diġitali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. ·Is-Slovenja tejbet is-sistema tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħha billi stabbiliet mudell ġdid ta’ governanza li jħeġġeġ il-kollaborazzjoni fost l-amministrazzjonijiet rilevanti responsabbli għall-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni biex jallinjaw aħjar il-pjanijiet tagħhom. ·Ċipru tejjeb il-kapaċità tal-Uffiċċju ta’ Kompetenza fil-Broadband tiegħu fi ħdan is-Sottoministeru tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Politika Diġitali u ħoloq skema ta’ vawċers u speċifikazzjonijiet tekniċi għas-sejħiet għall-offerti ta’ investimenti. |
V.L-enerġija
L-appoġġ tad-DĠ REFORM lill-Istati Membri jagħti spinta lill-kapaċità tagħhom li jwettqu riformi fl-enerġija. L-appoġġ ikopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, li jvarjaw mill-akkwist tal-enerġija rinnovabbli sat-Tranżizzjoni Ġusta u l-effiċjenza enerġetika.
|
ENFASI FUQ INIZJATTIVI EWLENIN Fl-2023, id-DĠ REFORM involva ruħu fi tliet inizjattivi ewlenin dwar is-suq uniku u l-kompetittività: ·Sitt Stati Membri (CY, SK, FI, NL, LT u IE) irċevew appoġġ fil-qafas tal- inizjattiva ewlenija tat-TSI 2023 dwar l-aċċellerazzjoni tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli . Id-DĠ REFORM ħadem biex joħloq proċessi aktar ċari, aktar rapidi u aktar trasparenti għall-applikazzjoni u l-għoti ta’ permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli, f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE u l-inizjattivi futuri tal-UE. ·Ħames Stati Membri (IT, SE, HR, HU u SK) irċevew appoġġ fil-qafas tal- inizjattiva ewlenija tat-TSI 2022 biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ Tranżizzjoni Ġusta . Id-DĠ REFORM għen lill-Istati Membri jindirizzaw sfidi speċifiċi fir-reġjuni u s-setturi affettwati mit-tranżizzjoni. ·Tmien Stati Membri (BE, CY, EE, HU, IE, LT, MT u SK) irċevew appoġġ fil-qafas tal- inizjattiva ewlenija tat-TSI 2022 biex jappoġġaw il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni . Id-DĠ REFORM għen lill-Istati Membri jindirizzaw xi wħud mill-ostakli ewlenin għar-rinnovazzjoni tal-bini. |
Fl-2023, id-DĠ REFORM ipprovda appoġġ lil 23 Stat Membru (AT, BE, BG, CZ, DK, EE, FI, FR, EL, HR, HU, IE, LV, LT, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SI, ES u SE), inkluż fil-qafas tal-inizjattivi ewlenin tat-TSI, biex jaċċellera l-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli; l-appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Tranżizzjoni Ġusta; u biex tiġi appoġġata l-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni.
|
KISBIET Eżempji speċifiċi ta’ riformi u bini tal-kapaċità fis-suq uniku u l-kompetittività fl-2023 bl-appoġġ tat-TSI jinkludu dawn li ġejjin: ·Immedjatament wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, it-TSI appoġġa 17-il Stat Membru (BE, BG, CY, CZ, EE, EL, ES, FI, HR, HU, IE, IT, PL, PT, RO, SI u SK) fl-identifikazzjoni ta’ riformi u investimenti biex jitnaqqsu d-dipendenzi fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja u jiġi implimentat il-pjan REPowerEU. ·Is-Slovenja adottat liġi dwar l-użu ta’ installazzjonijiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. ·Ir-Rumanija approvat l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għall-Idroġenu għall-2030. ·Ir-Rumanija ppreżentat l-abbozz tal-istrateġija fit-tul tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-konsultazzjoni pubblika. ·Il-Litwanja approvat liġi dwar id-dazju tas-sisa li tintroduċi taxxa fuq il-karbonju fuq il-fjuwils li jniġġsu. |
VI.Iċ-Ċirkolarità
L-appoġġ tad-DĠ REFORM lill-Istati Membri jagħti spinta lill-kapaċità tagħhom li jwettqu riformi biex jimxu lejn ekonomija aktar ċirkolari u kompetittiva. L-appoġġ ikopri, fost l-oħrajn, il-ġestjoni tal-iskart u l-materja prima kritika.
Fl-2023, id-DĠ REFORM ipprovda appoġġ lil 11-il Stat Membru (AT, CZ, DK, EL, ES, FI, HU, IT, PT, RO u SE), inkluż fil-qafas ta’ inizjattiva ewlenija tat-TSI, biex: (i) jiżviluppaw strateġiji nazzjonali tal-ekonomija ċirkolari, pjanijiet ta’ azzjoni u mekkaniżmi ta’ monitoraġġ; (ii) jibnu bażi ta’ għarfien għat-tranżizzjoni tal-SMEs; (iii) jintroduċu regolamenti għall-immaniġġjar tal-iskart; (iv) joħolqu sett ta’ data u għodda ta’ ppjanar għall-flussi u l-istokkijiet tal-materja prima; u (v) isaħħu ċ-ċirkolarità tal-estrazzjoni minerarja.
|
KISBIET Eżempji speċifiċi ta’ riformi u bini tal-kapaċità dwar iċ-ċirkolarità fl-2023 bl-appoġġ tat-TSI jinkludu dawn li ġejjin: ·Ir-Rumanija adottat strateġija għal ekonomija ċirkolari, pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari u pjan ta’ monitoraġġ korrispondenti. Barra minn hekk, ir-Rumanija għaddiet leġiżlazzjoni sekondarja ġdida dwar il-kalkolu tat-tariffi tal-iskart sabiex tinċentiva aktar ċirkolarità. ·Spanja pprovdiet lill-muniċipalitajiet b’materjali ta’ komunikazzjoni u għodod għall-bini tal-kapaċità biex tittejjeb iċ-ċirkolarità tal-ġestjoni tal-iskart. |
VII.Diġitalizzazzjoni
L-appoġġ tad-DĠ REFORM lill-Istati Membri jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni diġitali tagħhom, filwaqt li jallinja mal-prijorità tal-Kummissjoni ta’ Ewropa lesta għall-era diġitali u l-ilħuq tal-miri tad-Deċennju Diġitali. Id-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika hija essenzjali biex l-individwi u n-negozji jwittu t-triq għal ekonomija kompetittiva tal-UE. L-appoġġ ikopri firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, li jvarjaw mill-interoperabbiltà, l-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-inġinerija mill-ġdid tal-proċessi tan-negozju u t-teħid tad-deċiżjonijiet ibbażat fuq id-data sal-ħiliet diġitali.
|
ENFASI FUQ INIZJATTIVI EWLENIN Fl-2023, id-DĠ REFORM involva ruħu f’żewġ inizjattivi ewlenin dwar it-trasformazzjoni diġitali: ·Disa’ Stati Membri (DK, IT, EL, LV, PT, SK, CY, IE u NL) irċevew appoġġ taħt l- inizjattivi ewlenin tat-TSI 2022 dwar l-iżvilupp ta’ servizzi tal-gvern diġitali reżiljenti, innovattivi u ċċentrati fuq il-bniedem . Il-proġetti jgħinu biex jiġu stabbiliti strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni li se jgħinu biex tinkiseb it-tranżizzjoni diġitali tas-settur pubbliku tal-UE. ·Erba’ Stati Membri (PT, ES, DK u RO) irċevew appoġġ taħt l- inizjattiva ewlenija TSI 2023 dwar it-trasformazzjoni diġitali għall-amministrazzjonijiet pubbliċi reġjonali u lokali . Pereżempju, id-Danimarka rċeviet appoġġ dwar l-iżvilupp ta’ għodod għall-valutazzjoni tar-riskji fi proġetti tal-IA mwettqa mill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. Dan jinvolvi l-bini ta’ repożitorju ta’ każijiet eżistenti ta’ użu tal-IA fi ħdan l-amministrazzjoni Daniża, bl-għan li titrawwem il-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-kuntest Ewropew. |
Fl-2023, id-DĠ REFORM ipprovda appoġġ lill-Istati Membri kollha, inkluż fil-qafas ta’ inizjattivi ewlenin tat-TSI, biex jagħmlu progress fid-diġitalizzazzjoni tagħhom u jtejbu t-twassil tas-servizzi diġitali, il-ġestjoni tad-data, l-użu tal-IA u l-iżgurar tal-interoperabbiltà tas-sistema.
|
KISBIET Eżempji speċifiċi ta’ riformi u bini tal-kapaċità dwar id-diġitalizzazzjoni fl-2023 bl-appoġġ tat-TSI jinkludu dawn li ġejjin: ·Is-Slovakkja ħadet approċċ komprensiv għat-tisħiħ tas-servizzi diġitali tal-gvern billi integrat l-AI u l-qafas tal-eIDAS għall-identifikazzjoni diġitali. Hija adottat strateġiji għall-governanza tad-data, leġiżlazzjoni u disinn istituzzjonali lesti għad-diġitali, inklużi kunsiderazzjonijiet għar-riżorsi umani u t-teknoloġiji, is-sigurtà u l-impatti finanzjarji kemm tal-leġiżlazzjoni diġitali tal-UE kif ukoll dik nazzjonali. ·Il-Finlandja ottimizzat l-isforzi biex tiddiġitalizza l-ġudikatura u ttejjeb l-effiċjenza operazzjonali billi timplimenta strateġija ta’ governanza tal-ICT. ·L-Italja stabbiliet struttura organizzattiva ġdida u adattat il-proċessi tan-negozju fil-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi bl-għajnuna ta’ miżuri ta’ appoġġ komprensivi li jiffukaw fuq il-ġestjoni tal-bidla u l-bidla fil-kultura. ·Il-Portugall żviluppa, bl-involviment ta’ aktar minn 400 parti kkonċernata, Strateġija Nazzjonali għal Bliet Intelliġenti taħt il-“Pjan ta’ Azzjoni għat-Tranżizzjoni Diġitali” tal-pajjiż. |
VIII.Edukazzjoni u ħiliet
L-appoġġ tad-DĠ REFORM lill-Istati Membri kkontribwixxa biex tingħata spinta lill-politiki tagħhom dwar l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-attrazzjoni tat-talent immirati biex jiżguraw forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati. L-appoġġ saħħaħ il-kapaċità tagħhom li jfasslu u jimplimentaw riformi biex jistabbilixxu l-pedamenti għall-iżvilupp inklużiv tal-ħiliet minn età bikrija u biex jipprovdu opportunitajiet sistematiċi ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, inkluż għal gruppi żvantaġġati. Riformi addizzjonali kellhom ukoll l-għan li jattiraw talent minn barra l-UE.
|
Fl-2023, id-DĠ REFORM nieda żewġ inizjattivi ewlenin dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet: ·10 Stati Membri (AT, CY, CZ, ES, FI, IE, LV, PL, PT u SI) irċevew appoġġ fil-qafas tal- inizjattiva ewlenija tat-TSI 2023 “Iż-Żgħażagħ L-EWWEL ” li għandha l-għan li tirfed ir-riformi li jtejbu l-eżiti edukattivi, tas-saħħa u soċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ. L-appoġġ ikopri oqsma ewlenin għall-forza tax-xogħol Ewropea futura, bħall-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ inklużivi u ta’ kwalità u appoġġ għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. ·Seba’ Stati Membri (BE, CY, DK, ES, MT, NL u SE) irċevew appoġġ fil-qafas tal- inizjattiva ewlenija tat-TSI 2023 “Integrazzjoni tal-migranti u attrazzjoni tat-talenti” mmirata lejn l-Istati Membri li jixtiequ jibbenefikaw mill- kisbiet soċjali u ekonomiċi ta’ integrazzjoni mtejba, parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u mobbiltà tal-forza tax-xogħol għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’kuntest ta’ nuqqas ta’ ħiliet dejjem akbar u kompetizzjoni globali dejjem tikber għat-talent. |
Fl-2023, id-DĠ REFORM ipprovda appoġġ lis-27 Stat Membru kollha permezz ta’ proġetti ewlenin individwali, multinazzjonali u tat-TSI biex itejjeb il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni għall-adulti, kif ukoll sistemi għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet, biex jiżgura kwalità għolja fil-forza tax-xogħol tat-tagħlim, biex iżomm u jattira ħaddiema tas-sengħa minn barra l-UE, biex jaċċellera r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki barranin u biex jiffaċilita l-aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jaħdmu barra mid-dar.
|
KISBIET Eżempji speċifiċi ta’ riformi u bini tal-kapaċità biex tiżdied il-kompetittività permezz ta’ investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet fl-2023 bl-appoġġ tat-TSI jinkludu dawn li ġejjin: ·Franza implimentat ġenerazzjoni ġdida ta’ campuses ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali b’enfasi fuq it-titjib tar-rilevanza għas-suq tax-xogħol, bl-użu ta’ gwida żviluppata permezz ta’ proġett tat-TSI. ·Fil-Belġju, il-gvern ta’ Wallonia żviluppa sħubijiet ta’ titjib tal-ħiliet fost il-fornituri tat-taħriġ għall-adulti li jfittxu li jiżviluppaw korsijiet ta’ taħriġ u arranġamenti ta’ kooperazzjoni konġunti. ·Malta aġġornat il-qafas tagħha ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tal-iskejjel, bl-użu ta’ sett rivedut ta’ standards li jikkombinaw l-awtovalutazzjoni tal-iskejjel ma’ spezzjoni esterna. ·L-Estonja integrat is-sistemi tagħha ta’ edukazzjoni formali u tagħlim mhux formali (inklużi attivitajiet taż-żgħażagħ) biex tippermetti liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet permezz ta’ perkorsi ta’ tagħlim aktar flessibbli. ·Spanja bdiet tiżviluppa strateġija biex tiffaċilita l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol u l-attrazzjoni għal persuni minn pajjiżi oħra, inkluż permezz tal-użu ta’ pjattaforma diġitali. |
IX.Il-kummerċ u l-awtonomija strateġika miftuħa
L-appoġġ tad-DĠ REFORM lill-Istati Membri jagħti spinta lill-kapaċità tagħhom li jwettqu riformi għall-kummerċ u l-awtonomija strateġika miftuħa. L-appoġġ f’dan il-qasam jinkludi l-iżvilupp ta’ strateġiji, politiki u għodod biex jiġu ffaċilitati l-investimenti barranin, jitnaqqsu d-dipendenzi, tiġi promossa l-kompetizzjoni u jissaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza ekonomika.
Fl-2023, id-DĠ REFORM ipprovda appoġġ lil tmien Stati Membri (EL, ES, FI, LV, PL, PT, RO u SE) biex jiżviluppaw u jsaħħu r-reżiljenza tal-ekosistemi industrijali tagħhom, itaffu d-dipendenza fuq ir-riżorsi essenzjali u jippromwovu ktajjen tal-provvista aktar reżiljenti.
|
KISBIET Eżempji speċifiċi ta’ riformi u bini tal-kapaċità dwar il-kummerċ u l-awtonomija strateġika fl-2023 bl-appoġġ tat-TSI jinkludu dawn li ġejjin: ·Spanja ħolqot grupp ta’ ħidma permanenti dwar il-kriżi tal-provvista strateġika fis-sistema tas-sigurtà nazzjonali tagħha. ·Il-Kroazja saħħet il-qafas strateġiku għall-promozzjoni u l-faċilitazzjoni tal-Investiment Dirett Barrani. |
B’mod ġenerali, fl-2023, id-DĠ REFORM appoġġa b’mod effettiv lill-Istati Membri f’riformi ewlenin u fil-bini tal-kapaċità rigward il-kompetittività. Madankollu, fil-futur, l-Istati Membri se jkomplu jiffaċċjaw sfidi sinifikanti fil-bini ta’ bażi ekonomika aktar kompetittiva u reżiljenti li tkun adattata għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Konklużjoni
Fl-2023, id-DĠ REFORM żied l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tiegħu biex jagħmel lill-awtoritajiet nazzjonali konxji tal-opportunitajiet disponibbli fil-qafas tat-TSI u jkompli jżid ir-responsabbiltà tal-appoġġ ipprovdut permezz ta’ dan l-istrument. Dan wassal għall-wasla ta’ 530 talba ta’ kwalità għolja għal appoġġ fiċ-ċiklu tat-TSI 2023, total li reġa’ qabeż il-kapaċità tal-programm u kien xhieda tal-interess tal-awtoritajiet nazzjonali fl-opportunitajiet offruti minn dan l-istrument.
Wara l-proċess ta’ valutazzjoni u għażla, intgħażlu 231 talba għal EUR 119,7 miljun taħt is-sejħa ġenerali tat-TSI 2023, li wasslet għat-tfassil ta’ 151 proġett biex jappoġġaw 326 riforma mill-aktar avvanzata fl-Istati Membri kollha. 30 % tal-231 talba magħżula kienu relatati mat-tranżizzjoni diġitali, u 35 % kienu relatati mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Barra minn hekk, 66 % tal-151 proġett tat-TSI 2023 huma direttament jew indirettament marbuta mal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.
Iż-żieda qawwija fi proġetti multinazzjonali matul l-aħħar 3 snin hija indikatur tal-kapaċità tat-TSI li jġib aktar “valur miżjud tal-UE” u li jiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin u opportunitajiet ta’ tagħlim reċiproku fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali. It-TSI 2023 wera wkoll adozzjoni qawwija tal-proġetti ewlenin tat-TSI meta mqabbla mat-TSI tal-2022 meta l-kunċett ġie introdott għall-ewwel darba.
Id-DĠ REFORM appoġġa lill-Istati Membri bl-implimentazzjoni tal-proġetti tat-TSI, inklużi dawk minn ċikli preċedenti, filwaqt li żgura li dawn kienu ta’ suċċess u li l-outputs tagħhom baqgħu konformi mal-objettivi tal-Istati Membri. Il-proġetti koprew firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, f’konformità mat-talbiet mill-awtoritajiet nazzjonali. Qasam wieħed, enfasizzat f’dan ir-rapport, kien il-kompetittività, li għaliha s-27 Stat Membru kollha rċevew appoġġ, li jvarja minn appoġġ għal suq uniku li jiffunzjona sal-investiment pubbliku u l-infrastruttura, id-diġitalizzazzjoni u l-edukazzjoni u l-ħiliet.
L-adozzjoni f’Ottubru 2023 tal- Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct) , li tipproponi azzjonijiet konkreti biex tgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nies u tan-negozji madwar l-Ewropa, issaħħaħ ir-rwol li t-TSI jista’ jkollu biex jgħin lill-amministrazzjonijiet nazzjonali jibnu l-kapaċità biex ifasslu u jimplimentaw ir-riformi u biex jiskambjaw l-aħjar prattiki, b’mod partikolari permezz tal-proġett ewlieni PACE tat-TSI.
Abbażi tal-feedback riċevut mill-awtoritajiet benefiċjarji fil-livell tal-proġetti u mill-awtoritajiet ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-pajjiżi, l-Istati Membri apprezzaw l-appoġġ ipprovdut permezz tat-TSI, b’mod partikolari r-rwol attiv li jista’ jkollhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti u l-komunikazzjoni effettiva mid-DĠ REFORM.
Anness 1 – Iċ-ċiklu annwali tat-TSI
Anness 2 – Sejħa ġenerali tal-2023 tat-TSI: talbiet skont l-Istat Membru
Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku, ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1–16 (ir-“Regolament dwar it-TSI”).
https://neighbourhood-enlargement.ec.europa.eu/funding-and-technical-assistance/taiex_en.
Il-lista ta’ entitajiet li jimplimentaw il-fondi tal-UE b’ġestjoni indiretta għall-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku hija pprovduta fuq is- sit web tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku .
Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17-75 (ir-“ Regolament” dwar l-RRF, l-Artikolu 7.2).
L-eliġibbiltà tat-talbiet tiġi vverifikata abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament dwar it-TSI, jiġifieri fl-Artikoli 8 u 9. L-eliġibbiltà tal-benefiċjarji potenzjali tiġi vverifikata wkoll abbażi tal-kriterji stabbiliti fir-Regolament tat-TSI, jiġifieri fl-Artikolu 2.
Talba waħda għal appoġġ tekniku tista’ tikkontribwixxi għal diversi prijoritajiet tal-UE.
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023)1 786 tal-20.3.2023 dwar il-finanzjament tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-2023.
L-għadd totali ta’ riformi appoġġati għat-TSI 2023 huwa ogħla mill-għadd totali ta’ proġetti appoġġati u l-għadd totali ta’ talbiet magħżula bħala proġetti multinazzjonali u talbiet għal diversi pajjiżi kien jikkorrispondi għal riformi multipli fi Stati Membri differenti fil-qafas tat-TSI 2023.
Dokument ta’ ħidma tal-persunal - Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (paġna 62).
Il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Moldova, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Albanija, is-Serbja, it-Turkija, l-Ukrajna, il-Georgia u l-Kosovo.
Il-Montenegro u l-Ukrajna ma pparteċipawx fil-proġett pilota minħabba kapaċità amministrattiva limitata iżda esprimew interess qawwi li jipparteċipaw fil-futur.
Kif imsemmi fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament tat-TSI.
COM(2020) 628 final.
COM(2022) 16 final.