Brussell, 1.10.2024

COM(2024) 425 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni finali tal-Programm għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (COSME) 2014–2020

{SWD(2024) 226 final}


1INTRODUZZJONI

Il-fini tar-rapport huwa li jippreżenta s-sejbiet tal-evalwazzjoni finali tal-programm COSME. Skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament COSME, 1 il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta’ evalwazzjoni finali dwar l-impatti fit-tul u sostenibbiltà tal-effetti tal-miżuri.

Il-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (COSME) taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014–2020 stabbilit mir-Regolament COSME ffoka fuq l-indirizzar tal-isfidi u l-ostakli għall-kompetittività, it-tkabbir u l-intraprenditorija tal-SMEs. Kien ukoll maħsub biex jikkontribwixxi għall-għanijiet li jinħolqu aktar impjiegi (u impjiegi aħjar) u li jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-investiment fl-UE.

Il-programm COSME fittex li jindirizza għadd ta’ fallimenti tas-suq u kwistjonijiet li kienu qed jaffettwaw is-sopravivenza tal-SMEs u r-ritorn għat-tkabbir fis-snin wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, kif deskritt fil-valutazzjoni tal-impatt. Dawn il-kwistjonijiet kienu jinkludu kostijiet għoljin tas-self u diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament (parzjalment minħabba asimmetriji fl-informazzjoni li wasslu għal nuqqas ta’ rieda minn istituzzjonijiet finanzjarji privati li jsellfu lill-SMEs jew jinvestu fihom), sfidi għall-aċċess tal-klijenti u s-swieq internazzjonali, u dgħufijiet fil-kultura intraprenditorjali.

Il-programm COSME bbenefika mir-riżultati tal-Programm għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni (EIP) li kien għaddej matul is-snin 2007–2013. Dan ġie stabbilit fil-kuntest usa’ tal-appoġġ politiku tal-UE għall-SMEs, b’mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020 u s-“Small Business Act” għall-Ewropa 2 . L-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa 2020 “Politika Industrijali għall-era tal-gobalizzazzjoni” enfasizzat l-importanza tal-promozzjoni tal-ħolqien u t-tkabbir tal-SMEs. Il-programm COSME kien wieħed mill-11-il azzjoni mressqa biex tiġi implimentata din l-inizjattiva ewlenija. Inizjattivi ewlenin oħra li kienu għaddejjin fl-istess perjodu bħall-COSME kienu jinkludu l-programm Orizzont 2020 li appoġġa l-innovazzjoni u l-programm Ewropa Diġitali li inkludew enfasi fuq l-għajnuna lill-SMEs biex igawdu mill-benefiċċji tat-teknoloġiji diġitali.

L-objettiv ewlieni tal-COSME kien li jsaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs. F’konformità mal-valutazzjoni tal-impatt, l-erba’ objettivi speċifiċi tal-COSME kienu:

·It-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs fil-forma ta’ ekwità u dejn (SO1)

·L-appoġġ għall-aċċess tal-SMEs għas-suq u l-internazzjonalizzazzjoni (SO2)

·Il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-intrapriżi u l-appoġġ għall-kompetittività tagħhom (SO3)

·Il-promozzjoni tal-intraprenditorija (SO4)

B’mod kumplessiv, il-Programm wera impatti pożittivi fuq il-benefiċjarji finali tal-SMEs fl-objettivi kollha.

2SFOND U SITWAZZJONI ATTWALI

Il-benefiċjarji finali tal-programm COSME kienu l-SMEs. Ħafna azzjonijiet taħt il-programm operaw permezz ta’ organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għan-negozju u intermedjarji oħrajn li pprovdew servizzi ta’ konsulenza u appoġġ u finanzjament biex jgħinu lill-SMEs jagħtu spinta lill-kompetittività u s-sostenibbiltà tagħhom.

L-implimentazzjoni ta’ xi azzjonijiet għadha għaddejja. L-istrumenti finanzjarji tal-COSME tfasslu biex jaħdmu fuq perjodu itwal. 3  

L-evalwazzjoni kopriet l-objettivi speċifiċi kollha tal-programm. Is-sejbiet kienu appoġġati minn studju estern 4 , f’konformità mal-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar. Il-metodoloġija għal din l-evalwazzjoni kienet tinkludi analiżi tad-data ta’ monitoraġġ u statistika pprovduta mill-Kummissjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs (EISMEA) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), analiżi ta’ studji ta’ evalwazzjoni relatati, analiżi tal-kuntest makroekonomiku, analiżi kontrofattwali, ġbir ta’ data permezz ta’ konsultazzjoni mmirata (stħarriġ u 73 intervista mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, b’enfasi fuq mistoqsijiet ewlenin ta’ evalwazzjoni u mistoqsijiet sekondarji relatati), u trijangolazzjoni tas-sejbiet minn dawn is-sorsi differenti.

Kien hemm diversi sfidi għat-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni, b’mod partikolari l-firxa wiesgħa ta’ interventi (kumplessità, mitigati mill-immappjar u l-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet), il-livelli differenti ta’ dettall fid-data ta’ monitoraġġ disponibbli, ir-rispons inizjali bil-mod għal konsultazzjonijiet immirati u l-għeja tal-partijiet ikkonċernati (mitigati minn promozzjoni ulterjuri tal-istħarriġ, estensjonijiet għall-iskadenzi tal-istħarriġ u intervisti addizzjonali).

Fir-rigward tar-robustezza tal-konsultazzjonijiet, l-istudju ta’ evalwazzjoni jikkonkludi li, b’mod kumplessiv, dawn ipprovdew l-evidenza meħtieġa ladarba kienu ttieħdu l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni . Inqalgħu wkoll sfidi għall-bini ta’ grupp ta’ kontroll kbir u robust biżżejjed għall-analiżi kontrofattwali għall-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (LGF) minħabba n-numru kbir ta’ SMEs appoġġati minn din il-faċilità (865 387 SME distinta).

Il-COSME ġie implimentat permezz ta’ Programmi ta’ Ħidma Annwali (AWP, Annual Work Programmes), imfassla skont il-prijoritajiet ta’ politika tal-Kummissjoni, il-ħtiġijiet tal-SMEs li qed jevolvu u l-lakuni ta’ appoġġ u f’kooperazzjoni mal-unitajiet ta’ politika rilevanti tad-DG GROW. Il-kumitat tal-programm magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri approva l-programmi ta’ ħidma.

It-tabella ta’ hawn taħt telenka l-azzjonijiet taħt kull objettiv speċifiku. Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni, l-azzjonijiet ġew raggruppati wkoll skont sett ta’ oqsma tematiċi.

Tabella 1 Lista ta’ azzjonijiet COSME

Oqsma tematiċi

Isem l-azzjoni u kif din ikkontribwiet għall-objettiv speċifiku

SO1 Titjib fl-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs fil-forma ta’ dejn u ekwità

Aċċess għall-finanzjament

·Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir (EFG): Din tipprovdi appoġġ ta’ ekwità permezz ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju biex jiġi appoġġat l-iżvilupp fl-istadju tat-tkabbir u l-espansjoni tal-SMEs.

·Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (LGF): li tinkludi l-Inizjattiva għall-SMEs: Din tipprovdi garanziji u kontrogaranziji lill-intermedjarji finanzjarji li min-naħa tagħhom jappoġġaw il-finanzjament tad-dejn (eż. self, garanziji, kirjiet) għall-SMEs

SO2 Titjib fl-aċċess għas-swieq għall-SMEs

Networks u servizzi ta’ appoġġ għan-negozji

·In-Network Enterprise Europe (EEN): L-EEN għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess tal-SMEs għas-swieq billi jipprovdi servizzi integrati bħal pariri u informazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE, is-suq intern u l-internazzjonalizzazzjoni lil hinn mis-suq tal-UE, inklużi s-servizzi ta’ sħubija internazzjonali

·Ċentru għall-kooperazzjoni industrijali UE-Ġappun

·Helpdesks internazzjonali dwar il-proprjeta intelletwali tal-SMEs (DPI)

·Il-portal tan-negozju Your Europe

·Gateway diġitali unika

Akkwist pubbliku

·Appoġġ lill-SMEs Ewropej biex jipparteċipaw f’akkwist pubbliku barra mill-UE

·Kofinanzjament tal-akkwist pubbliku ta’ konsorzji tal-innovazzjoni

·Il-ħolqien ta’ rabtiet għall-faċilitazzjoni tal-akkwist pubbliku tal-innovazzjoni

·Taħriġ għal politiki favur l-SMEs f’korpi ċentrali għall-akkwisti

SO3 Titjib tal-kundizzjonijiet qafas u tal-kompetittività

Internazzjonalizzazzjoni

·Clusters Go International: Din appoġġat il-kollaborazzjoni bejn ir-raggruppamenti u n-network tan-negozju bejn il-fruntieri u l-konfini tas-settur u l-istabbiliment ta’ Sħubijiet Strateġiċi Ewropej tar-Raggruppamenti biex imexxu l-kooperazzjoni internazzjonali tar-raggruppamenti f’oqsma ta’ interess strateġiku lejn pajjiżi terzi lil hinn mill-Ewropa.

·Clusters Go international fis-settur tad-difiża u s-sigurtà: ara hawn fuq — din kienet azzjoni separata ddedikata għas-settur tad-difiża u s-sigurtà

Kompetittività

·Il-Programm Ewropew għall-Eċċellenza tar-Raggruppamenti: dan kellu l-għan li jtejjeb l-appoġġ speċjalizzat u personalizzat għan-negozji billi jsaħħaħ l-eċċellenza fil-ġestjoni tar-raggruppamenti u jiffaċilita l-iskambji u s-sħubija strateġika bejn ir-raggruppamenti u l-ekosistemi speċjalizzati madwar l-Ewropa.

·Ħiliet diġitali għall-kompetittività u l-innovazzjoni

·Alleanzi strateġiċi għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati mill-SMEs

·L-Early Warning Europe Mentor Academy

·Voucher tal-Proprjetà Intellettwali (magħruf ukoll bħala fond għall-SMEs): Dan jappoġġa lill-SMEs bil-protezzjoni tal-PI tagħhom, sabiex iżommu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom 5  

·L-iżvilupp tal-Indikatur Ewropew tal-Prezzijiet tal-Ikel

·Proġett ta’ Sħubija WORTH: programm ta’ aċċellerazzjoni li jipprovdi mentoraġġ, coaching u viżibbiltà lil sħubijiet kummerċjali bejn id-disinjaturi, il-manifatturi/nies tas-sengħa u l-fornituri tat-teknoloġija biex jiġu żviluppati ideat kummerċjali ġodda u innovattivi.

Turiżmu

·It-tisħiħ tal-kompetittività u s-sostenibbiltà tat-turiżmu Ewropew

·Il-Kapitali Ewropea għat-Turiżmu Intelliġenti

·L-adozzjoni tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fis-settur tat-turiżmu

Kundizzjonijiet qafas

·Rieżami tal-prestazzjoni tal-SMEs: rieżami komprensiv tal-prestazzjoni tal-SMEs u kwistjonijiet li jaffettwaw l-ambjent tan-negozju. Użat biex jappoġġa t-tfassil tal-politika tal-SMEs.

·Is-segwitu u l-monitoraġġ tas-“Small Business Act” inkluż in-Network ta’ Rappreżentanti tal-SMEs: COSME ffinanzja l-laqgħat tar-Rappreżentanti tal-SMEs (grupp konsultattiv dwar il-politika tal-SMEs li jappoġġa l-ħidma tal-Kummissjoni biex tagħmel ir-regolamenti u l-politiki aktar favorevoli għall-SMEs).

·Premjijiet Ewropej għall-Intrapriża: kompetizzjoni annwali biex jiġu rikonoxxuti l-aktar promoturi ta’ suċċess tal-intraprenditorija madwar l-Ewropa u l-aqwa prattiki intraprenditorjali.

·Is-“Small Business Act” li jinkludi għodod ta’ implimentazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni bħal Business Planet

·Il-pjattaforma EU REFIT: COSME appoġġa l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ diversi għodod tal-IT għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati biex tiġi appoġġata l-ħidma tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar

SO4 Promozzjoni tal-intraprenditorija u l-kultura intraprenditorjali

Intraprenditorija

·Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (EYE): L-EYE huwa programm ta’ skambju transfruntier li jagħti lill-imprendituri ġodda jew aspiranti l-opportunità li jitgħallmu minn imprendituri ta’ esperjenza li jmexxu negozji żgħar f’pajjiżi parteċipanti oħrajn tal-COSME. L-iskambju ta’ esperjenza jseħħ matul żjara mal-intraprenditur tal-esperjenza, li jgħin lill-intraprenditur il-ġdid jikseb il-ħiliet meħtieġa biex jibda u jmexxi kumpanija żgħira.

·Network Ewropew ta’ Nisa tal-Intraprenditorija u pjattaforma elettronika online, network Ewropew ta’ mentors għal imprendituri nisa

·Appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika tal-intraprenditorija

·Għodda tal-IT għall-EYE: L-għodda tal-IT li tappoġġa l-proċess ta’ tqabbil u l-ġestjoni tal-azzjoni tal-EYE

Ekonomija Soċjali

·Promozzjoni tal-ekonomija soċjali fl-Ewropa

• Il-Missjonijiet Ewropej għall-Ekonomija Soċjali għall-iżvilupp ta’ kollaborazzjoni interreġjonali, il-kondiviżjoni/ir-replika tal-aħjar prattiki, u t-tagħlim interreġjonali fil-qasam tal-ekonomija soċjali.

Sors:

i) Oqsma tematiċi u azzjonijiet: elaborazzjoni bbażata fuq l-istudju ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni tal-COSME

ii) Kontribuzzjoni tal-azzjoni għall-objettiv speċifiku: analiżi mill-istudju ta’ appoġġ u informazzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni Ewropea.

3 BAĠIT U BENEFIĊJARJI

Il-baġit totali implimentat tal-programm COSME għall-perjodu ta’ 7 snin kien ta’ EUR 2,4 biljun. Meta wieħed iżomm f’moħħu dan il-baġit kumplessiv relattivament limitat, il-programm COSME laħaq għadd relattivament kbir ta’ SMEs 6 . Aktar minn 800 000 SME bbenefikaw mill-istrumenti finanzjarji, aktar minn 2,9 miljun mis-servizzi fil-fond ipprovduti taħt dan il-programm 7 , u 21 miljun SME bbenefikaw mis-servizzi diġitali tal-COSME.

Minbarra s-27 8 Stat Membru, il-pajjiżi terzi li ġejjin ipparteċipaw fil-COSME: L-Albanija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Iżlanda, il-Kosovo* 9 , il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna.

4IMPATT

4.1Impatti fuq in-negozji u l-partijiet ikkonċernati

L-istrumenti finanzjarji tal-COSME (il-Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (LGF) u l-Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir (EFG)) iffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għal aktar minn 800 000 SME. Il-mikrointrapriżi, li għandhom it-tendenza li jitħabtu biex juru l-affidabbiltà kreditizja tagħhom, kienu l-grupp benefiċjarju ewlieni.

L-analiżi kontrofattwali 10 wriet li l-LGF kellha impatt pożittiv u sinifikanti fuq l-għadd ta’ impjegati u r-rati ta’ sopravivenza tar-riċevituri finali tal-SMEs.

Għall-EFG 11 , ir-riċevituri finali tal-SMEs esperjenzaw titjib fil-prestazzjoni ekonomika tagħhom fis-snin wara li rċevew finanzjament permezz ta’ din l-iskema.

In-Network Enterprise Europe (EEN) ipprovda servizzi integrati ta’ konsulenza u appoġġ biex jgħin lill-SMEs jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ta’ negozju fi swieq ġodda kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha u appoġġa l-kooperazzjoni kummerċjali transfruntiera u t-trasferiment tal-għarfien. Is-servizzi tan-network wasslu għall-miri kollha jew qabżu l-miri kollha, u l-konsultazzjonijiet immirati jipprovdu evidenza tal-impatti pożittivi tas-servizzi tal-EEN fuq il-kompetittività tal-klijenti tal-SMEs (inkluż l-aċċess għas-swieq, it-tkabbir jew iż-żamma tal-impjiegi, u l-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda).

L-azzjonijiet ta’ raggruppament ippromwovew il-kooperazzjoni internazzjonali tal-SMEs, tejbu l-kapaċità ta’ innovazzjoni u l-eċċellenza tagħhom, u l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi. Il-programm appoġġa 130 inizjattiva ta’ raggruppamenti b’EUR 51 miljun. Ir-raggruppamenti wasslu għal xi eżiti utli bħat-titjib tal-ħiliet tal-ġestjoni tar-raggruppamenti, it-titjib tal-fehim tal-maniġers tar-raggruppamenti dwar il-proċess ta’ internazzjonalizzazzjoni, u wasslu għal aktar kooperazzjoni, networking, u l-iżvilupp ta’ strateġiji konġunti.

L-iskambji tal-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (EYE) kellhom l-għan li jgħinu lil imprendituri ġodda u ta’ esperjenza jitgħallmu minn xulxin biex jippromwovu l-intraprenditorija u kultura intraprenditorjali. L-EYE tejbet l-intraprenditorija u l-ħiliet kummerċjali internazzjonali tal-imprendituri parteċipanti.

Għalkemm id-deskrizzjonijiet tal-azzjonijiet fil-programmi ta’ ħidma annwali tjiebu fl-aħħar snin tal-programm 12 , fattur ewlieni li jinfluwenza b’mod negattiv il-prestazzjoni tal-COSME, jinsab fil-frammentazzjoni ta’ azzjonijiet iżgħar li ma kellhomx rabta tematika b’saħħitha ma’ inizjattivi oħrajn tal-COSME u l-objettivi ġenerali tiegħu. Waħda mill-kawżi ewlenin kienet l-ambitu wiesa’ tal-objettivi.

4.2Impatti speċifiċi fuq il-kompetittività

Il-programm kellu impatt fuq diversi dimensjonijiet tal-kompetittività tal-SMEs: jgħin lin-negozji jiksbu vantaġġ fis-suq billi jnaqqas il-kostijiet, iżid il-produttività, jinnova, jintroduċi prodotti ġodda, u jespandi fi swieq ġodda.

L-erba’ objettivi speċifiċi kollha tal-programm ikkontribwew għal dan l-għan. Hemm evidenza aktar b’saħħitha tal-kontribut tal-SO1 u l-SO2 għall-kompetittività tal-SMEs. L-azzjonijiet tal-SO3 ikkontribwew kemm direttament (raggruppamenti) kif ukoll indirettament (rieżami tal-prestazzjoni tal-SME/Rappreżentanti tal-SME) għat-tisħiħ tal-elementi tal-kompetittività tal-SME bħat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Taħt dan l-objettiv, il-programm COSME appoġġa l-kampanja tal-Ħiliet Diġitali għall-Impjiegi fl-2015–2016 biex jimtlew in-nuqqasijiet, il-lakuni u d-diskrepanzi fil-ħiliet diġitali. L-azzjonijiet tal-SO4 ikkontribwew primarjament għat-titjib tal-ħiliet. L-istħarriġiet tal-imprendituri mwettqa mill-Kummissjoni ftit wara l-iskambji tal-EYE tagħhom jipprovdu evidenza fi stadju bikri tal-impatt pożittiv tal-EYE fuq il-ħolqien tal-intrapriżi. Madankollu, ma kien hemm l-ebda stħarriġ lonġitudinali biex jiġu kkonfermati l-impatti sħaħ fit-tul għall-COSME. Is-suċċessur tiegħu, il-Programm tas-Suq Uniku qed jintroduċi stħarriġiet bħal dawn għall-monitoraġġ tal-karrieri tal-imprendituri.

Tabella 2 Impatti ta’ objettivi u azzjonijiet speċifiċi fuq il-kompetittività tal-SMEs

S01 Titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs fil-forma ta’ dejn u ekwità

Strumenti finanzjarji:

·Faċilità ta’ Garanzija ta’ Self (LGF)

·Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir (EFG)

·Appoġġaw operazzjonijiet ta’ kuljum ta’ SMEs aktar riskjużi li jippermettulhom jibqgħu kompetittivi u jibqgħu għaddejin, self estiż lill-SMEs, ipprovdew finanzjament lill-SMEs b’termini u kundizzjonijiet ta’ kreditu aħjar, u għenu lill-SMEs jillimitaw il-kostijiet tagħhom (eżitu)

·Ippermettew lill-SMEs jiżviluppaw u jinvestu fl-innovazzjoni (inkluż l-investiment fl-enerġija u l-ambjent) (eżitu)

SO2

Titjib fl-aċċess għas-swieq għall-SMEs

Network Enterprise Europe

·Titjib fl-aċċess għas-swieq, għen lill-SMEs jintroduċu prodotti ġodda

SO3 Titjib tal-kundizzjonijiet qafas u tal-kompetittività

Internazzjonalizzazzjoni tar-Raggruppamenti

Eċċellenza tar-raggruppamenti

Rieżami tal-Prestazzjoni tal-SMEs, u l-ħidma tar-Rappreżentanti tal-SMEs

·Ħiliet ta’ internazzjonalizzazzjoni mtejba tar-raggruppamenti (fehim aħjar tal-kwistjonijiet ta’ internazzjonalizzazzjoni) (eżitu)

·Ħiliet ta’ ġestjoni mtejba tar-raggruppamenti (eżitu)

·It-tikketta ta’ kwalità ntużat mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ finanzjament bħala kriterju għall-allokazzjoni tal-finanzjament nazzjonali lir-raggruppamenti. Din għenet biex jiġi żgurat li l-finanzjament nazzjonali jiġi allokat lir-raggruppamenti li jistgħu jipprovdu appoġġ ta’ kwalità aħjar lin-negozji.

·Ikkontribwiet għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Fost l-oħrajn sar progress tajjeb fit-tnaqqis taż-żmien u l-kostijiet tar-reġistrazzjoni ta’ negozju (żewġ indikaturi tal-impatt ekonomiku relatati fir-Regolament COSME).

·Dawn l-azzjonijiet ikkontribwew għall-ħidma tal-Kummissjoni biex isir monitoraġġ tal-azzjonijiet u r-riformi mill-Istati Membri għat-titjib tal-ambjent tan-negozju. (is-Semestru Ewropew, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u feedback dwar il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma)

SO4 Promozzjoni tal-intraprenditorija u l-kultura intraprenditorjali

Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ (EYE)

·Ħiliet imtejba ta’ negozju u internazzjonalizzazzjoni kemm ta’ imprendituri ġodda kif ukoll ta’ dawk ospitanti (eżitu)

·Id-data dwar l-“impatt potenzjali” hija disponibbli, jiġifieri l-perċentwal ta’ imprendituri li “beħsiebhom” jistabbilixxu negozju wara li jipparteċipaw fi skambju tal-EYE:

·Fil-perjodu mill-1 ta’ Frar 2015 sal-31 ta’ Jannar 2023, 95 % tal-imprendituri ġodda (8016-il tweġiba) appoġġati mill-EYE taħt il-programm COSME qalu li l-parteċipazzjoni tagħhom kienet ikkontribwiet għall-ambizzjoni tagħhom li jibdew in-negozju tagħhom stess (b’mod sinifikanti: 64 % jew sa ċertu punt: 31 %). (Sors, stħarriġ tal-parteċipanti fl-EYE, il-Kummissjoni Ewropea).

·Ikun meħtieġ stħarriġ addizzjonali fi stadju aktar tard biex jiġi vverifikat kemm fil-fatt inħolqu negozji.

Sors: Elaborazzjoni bbażata fuq l-istudju ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni tal-COSME

4.3Kontribuzzjoni għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv

Il-programm COSME ffinanzja studji, u laqgħat mal-partijiet ikkonċernati li għenu biex jiġu indirizzati l-piżijiet amministrattivi fil-politiki tal-UE u dawk nazzjonali u biex jinstabu soluzzjonijiet biex l-SMEs jiġu megħjuna jindirizzaw il-kwistjonijiet emerġenti. Eżempji:

   Il-Kummissjoni użat ir-Rieżami tal-Prestazzjoni tal-SMEs biex tinforma lis-Semestru Ewropew u l-azzjonijiet ta’ politika relatati mal-SMEs, inkluż it-tfassil tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

   COSME ffinanzja l-laqgħat tar-Rappreżentanti tal-SMEs u l-Assemblea tal-SMEs li jipprovdu pariri u feedback dwar kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw l-SMEs, inklużi l-piżijiet amministrattivi. In-Network ta’ Rappreżentanti tal-SMEs ipprovda informazzjoni aġġornata dwar l-ostakli/il-piżijiet amministrattivi u l-miżuri ta’ appoġġ nazzjonali għall-SMEs. Dan ippermetta lis-servizzi tal-Istati Membri għall-SMEs jitgħallmu minn xulxin u jikkoordinaw miżuri ta’ appoġġ.

   COSME pprovda wkoll appoġġ annwali għall-azzjoni “L-involviment tal-SMEs u tal-Partijiet Ikkonċernati fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika/it-tisħiħ tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar”. L-edizzjoni tal-2019 ta’ din l-azzjoni appoġġat id-definizzjoni tar-rekwiżiti tan-negozju ta’ “sejħa għal evidenza”. Il-programm ta’ ħidma tal-2020 appoġġa l-ħidma biex jiġu definiti r-rekwiżiti u jiġi żviluppat kalkolatur intern tal-Kummissjoni skont il-prinċipju ta’ “one in, one out”.

Il-piż amministrattiv fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-COSME ma kienx meqjus bħala konsiderevoli. 84 % tal-SMEs li jużaw in-Network Enterprise Europe irrapportaw li ma ġarrbu l-ebda kostijiet diretti jew indiretti marbutin mas-servizzi tal-EEN. Il-maġġoranza tal-benefiċjarji finali tal-LGF (62 %) ma esperjenzawx piż amministrattiv kbir. Inqas minn nofs (46 %) l-intermedjarji finanzjarji tal-LGF mistħarrġa rrapportaw piż amministrattiv addizzjonali assoċjat mar-rapportar. Madankollu, il-perċezzjoni ta’ dan il-piż varjat b’mod konsiderevoli fl-istrumenti finanzjarji. Il-maniġers tal-fondi tal-EFG intervistati ma rrappurtaw l-ebda piż amministrattiv assoċjat mal-COSME. Għall-biċċa l-kbira tal-imprendituri tal-EYE (64 %) ir-rekwiżiti amministrattivi u l-obbligi ta’ rappurtar kienu, fl-agħar każ, kemxejn ta’ piż.

4.4Sensibilizzazzjoni ġeografika

Il-COSME kiseb firxa wiesgħa f’termini ta’ għadd, tip, distribuzzjoni ġeografika u settorjali tal-benefiċjarji tiegħu. Kif mistenni, hemm għadd akbar ta’ benefiċjarji fl-akbar Stati Membri, jiġifieri l-Italja, Franza u Spanja fejn l-istrumenti finanzjarji kienu ta’ benefiċċju partikolari għall-SMEs. L-impatti ta’ xi azzjonijiet jistgħu jiġu spjegati wkoll mid-differenzi fl-ekosistemi finanzjarji reġjonali u l-istrutturi bankarji, fejn il-pajjiżi bi swieq finanzjarji storikament żviluppati bħall-Ġermanja, Franza, l-Italja u n-Netherlands jistgħu jibbenefikaw l-aktar. Barra minn hekk, ir-reġjuni b’rabtiet kummerċjali internazzjonali aktar b’saħħithom jew pożizzjonijiet strateġiċi bbenefikaw aktar mill-appoġġ tal-EEN għall-internazzjonalizzazzjoni. Minħabba li l-kultura intraprenditorjali tvarja wkoll madwar l-Ewropa, ir-reġjuni b’ekosistemi intraprenditorjali robusti, networks ta’ appoġġ, u istituzzjonijiet edukattivi jistgħu jaraw impatti aktar b’saħħithom. Pajjiżi bħal-Litwanja u Ċipru kienu fost il-benefiċjarji ewlenin tal-programm EYE meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni, filwaqt li Franza u l-Ġermanja rreġistraw relattivament l-inqas għadd ta’ skambji.  

4.5Kontribuzzjoni għal objettivi ta’ politika usa’

Fil-livell ta’ politika, il-programm allinjat mal-prijoritajiet ta’ politika ewlenin bħall-“Small Business Act” 13 , l-Istrateġija tas-Suq Uniku 14 , u l-Inizjattiva favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu. 15 Il-programm kellu rwol kruċjali fil-kisba tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni għat-tkabbir u l-impjiegi billi tejjeb l-aċċess għall-finanzjament, iffaċilita n-networking u l-kooperazzjoni bejn in-negozji, qasam l-informazzjoni u l-aħjar prattika, u espanda l-opportunitajiet tas-suq għall-SMEs tal-UE 16 .

COSME kien apprezzat ħafna mill-partijiet ikkonċernati għall-enfasi fuq it-trawwim tat-tkabbir ekonomiku u l-opportunitajiet ta’ impjieg u l-iffaċilitar tat-tkabbir sostenibbli. Il-kontribut tiegħu f’oqsma lil hinn mill-isfera ekonomika u l-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà u t-tkabbir inklużiv u sostenibbli huwa diffiċli li jiġi vvalutat fil-livell tal-programm minħabba l-evidenza miġbura. Madankollu, jistgħu jsiru xi kunsiderazzjonijiet fil-livell ta’ sottoprogramm bħal fil-każ ta’ azzjonijiet tal-ekonomija soċjali jew tat-turiżmu.

Fi ħdan l-objettiv usa’ tal-kompetittività, diversi azzjonijiet qiesu sfidi relatati mal-klima, bħall-użu tal-innovazzjoni, biex issir kostruzzjoni aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija jew sostenibbli. B’mod kumplessiv, il-kontribuzzjoni tal-COSME għall-objettiv tal-integrazzjoni tal-klima, stabbilita għall-programmi kollha tal-Kummissjoni (b’mod kumplessiv 20 % tal-baġit tal-UE 2014–2020), hija stmata għal EUR 25,6 miljun. 17  

Pereżempju, l-EFG iffaċilita investiment ta’ aktar minn EUR 62 miljun f’SMEs fis-settur tal-enerġija u l-ambjent. 18 Aktar minn 200 konsulent espert tan-negozju tal-EEN jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet relatati mal-klima. Taħt Clusters Go International, 6 proġetti minn 12 enfasizzaw speċifikament fuq l-għajnuna lill-SMEs biex itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi tagħhom u jimplimentaw it-tranżizzjoni ekoloġika fl-2020. 19 Diversi studji pprovdew evidenza għal miżuri ta’ politika dwar kwistjonijiet klimatiċi, u b’mod partikolari t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kompetittività tal-Industrija Newtrali għall-Klima Ewropea (CIndECS) infurmat il-ħidma ta’ politika relatata mal-Osservatorju tat-Teknoloġiji tal-Enerġija Nadifa u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti. 20

L-azzjonijiet tat-turiżmu, l-azzjonijiet li jappoġġaw l-intraprenditorija tan-nisa u l-missjonijiet tal-ekonomija soċjali kellhom fil-biċċa l-kbira eżiti ta’ suċċess u wrew ir-rwol li l-SMEs jista’ jkollhom fil-koeżjoni territorjali u soċjali. Wieħed mill-oqsma ta’ prijorità tal-missjonijiet tal-ekonomija soċjali kien il-miżuri lokali jew reġjonali li jindirizzaw il-qgħad. Fis-settur tat-turiżmu, is-sessonijiet ta’ ħidma u r-rapporti żviluppaw suġġetti bħas-sostenibbiltà, id-diġitalizzazzjoni, u r-reżiljenza u kkontribwew evidenza u esperjenza għall-Perkors ta’ Tranżizzjoni għat-Turiżmu 21 ppubblikat mill-Kummissjoni fi Frar 2022. 22  

Azzjonijiet oħra fil-qasam tal-ekonomija soċjali appoġġaw it-tagħlim interreġjonali u l-kollaborazzjoni għal tkabbir aktar sostenibbli. Bħala eżempju, il-Missjonijiet Ewropej tal-Ekonomija Soċjali tal-2020 23 involvew firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet umbrella ffukati fuq l-ekonomija soċjali.

Barra minn hekk, ir-Rieżami tal-Prestazzjoni tal-SMEs u l-azzjonijiet li jindirizzaw il-kundizzjonijiet qafas ipprovdew evidenza solida biex jappoġġaw it-tfassil tal-politika u l-materjali ppubblikati li ġġeneraw viżibbiltà addizzjonali għall-Programm. Ir-rapporti tar-Rieżami tal-Prestazzjoni tal-SMEs kienu utli għall-approfondiment tal-fehim tax-xejriet tas-suq permezz ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u għall-appoġġ tal-iżviluppi tal-politika nazzjonali. Inizjattivi oħrajn kienu ta’ għajnuna għall-appoġġ tat-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza u l-isforzi ta’ riforma nazzjonali. 24

5X’KIEN IL-VALUR MIŻJUD TAL-UE TAL-PROGRAMM

Il-COSME offra valur miżjud tal-UE billi appoġġa azzjonijiet li jmorru lil hinn mill-ambitu u l-profondità tal-azzjonijiet appoġġati fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Is-servizzi ta’ konsulenza u l-proġetti ta’ għotjiet ġabu magħhom addizzjonalità konsiderevoli billi għaqqdu l-għarfien espert minn ħafna pajjiżi. Dan ma setax jinkiseb minn xi programm nazzjonali jew reġjonali. L-għadd ta’ negozji li jirċievu finanzjament u/jew servizzi ta’ konsulenza kien lil hinn mill-kapaċità ta’ kwalunkwe skema ta’ appoġġ nazzjonali jew reġjonali.

Għal-LGF, il-COSME pprovda valur miżjud tal-UE billi offra kundizzjonijiet aħjar għall-SMEs mill-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali u reġjonali. Żgura wkoll id-disponibbiltà ta’ finanzjament għal negozji aktar riskjużi li ma kellhomx kollateral. L-EFG ipprovdiet addizzjonalità parzjali billi pprovdiet ambitu jew firxa ta’ appoġġ usa’ minn skemi ta’ ekwità nazzjonali jew reġjonali. Hija kellha rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-ekosistema Ewropea tal-ekwità bis-saħħa tal-perspettiva pan-Ewropea tagħha li għenet biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq tal-ekwità Ewropew. Ipprovdiet ukoll ammonti akbar ta’ kapital lil SMEs individwali (daqs akbar tat-tranżazzjonijiet) mill-medja tal-UE.

COSME appoġġa firxa ta’ servizzi ta’ konsulenza fil-fond għall-SMEs fuq skala kbira u internazzjonali. Il-komponent internazzjonali ta’ dawn is-servizzi ma kienx disponibbli permezz ta’ servizzi nazzjonali u skemi ta’ appoġġ f’għadd kbir ta’ Stati Membri, u għalhekk ma kienx disponibbli għal parti kbira tal-SMEs tal-UE. B’mod partikolari, l-EEN offra addizzjonalità sħiħa u valur miżjud Ewropew billi appoġġa n-networking u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-konsulenti tal-EEN madwar l-UE. Il-helpdesks internazzjonali tal-PI pprovdew ukoll addizzjonalità sħiħa billi għenu lill-SMEs jiksbu risponsi mfassla apposta b’input kumpless minn diversi pajjiżi differenti.

L-istudju ta’ evalwazzjoni tal-2021 dwar l-Inizjattivi tar-Raggruppamenti taħt COSME, Orizzont 2020 &FPI 25 sab li l-organizzazzjonijiet tar-raggruppamenti li pparteċipaw f’Clusters Go International qiesu s-sħubijiet tar-raggruppamenti appoġġati bħala uniċi f’termini tal-iżvilupp tal-aċċess għas-suq għall-SMEs f’pajjiżi terzi.

L-EYE offra addizzjonalità u valur miżjud qawwi tal-UE billi pprovda possibbiltajiet ta’ mobbiltà transnazzjonali għall-imprendituri li mhumiex disponibbli mod ieħor. Filwaqt li l-Istati Membri joffru firxa wiesgħa ta’ appoġġ għall-imprendituri, hemm ftit, jekk ikun hemm, każijiet ta’ programmi nazzjonali li jappoġġaw il-mobbiltà transnazzjonali u ċertament l-ebda wieħed bl-iskala u l-profil internazzjonali tal-EYE.

Il-marka tal-UE u l-ambitu tal-COSME madwar l-UE kollha taw valur miżjud tal-UE fil-forma ta’ profil internazzjonali akbar għall-Programm. Xi azzjonijiet tal-COSME bħall-EEN jew l-EYE issa qed jiġu rikonoxxuti b’mod wiesa’ fil-komunità tal-SMEs kollha. L-immarkar tal-EEN jintuża b’mod wiesa’ u r-rwol tiegħu għall-appoġġ relatat mal-UE huwa rikonoxxut, iżda hemm lok biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-SMEs li s-servizzi tal-EEN huma kofinanzjati mill-UE 26 .

6EFFIĊJENZA

Il-valutazzjoni tal-effiċjenza tal-programm COSME tkopri l-istrutturi baġitarji u ta’ implimentazzjoni u l-governanza, il-proporzjonalità tal-kostijiet u l-benefiċċji, u l-kostijiet amministrattivi għall-applikanti u għall-benefiċjarji. Hija bbażata fuq data tal-programm dwar metriċi ewlenin, b’mod partikolari “Żmien għall-informazzjoni” (TTI) u “Żmien għall-għotja” (TTG) fir-rigward ta’ sejħiet miftuħin 27 . Hija tuża wkoll is-sejbiet tal-evalwazzjoni interim tal-COSME li tkopri l-implimentazzjoni fl-2014–2016, u l-evidenza miġbura fl-intervisti u fl-istħarriġiet immirati.

Kien hemm rata għolja ta’ eżekuzzjoni tal-baġit tal-programm f’kull sena tal-implimentazzjoni tal-programm, minkejja li sena wara sena kien hemm żieda kostanti fil-baġit annwali. Ir-rata ta’ eżekuzzjoni varjat minn 94 % fl-2016 għal 99 % (fl-2014, fl-2015 u fl-2020) u r-rata medja matul il-ħajja tal-programm kienet ta’ 98 %. 28  

L-azzjonijiet tal-COSME pprovdew diversità ta’ benefiċċji kwantifikabbli għall-parteċipanti u l-benefiċjarji, kif ukoll għall-UE b’mod aktar ġenerali.

Tabella 3 Benefiċċji ewlenin kwantifikabbli ta’ azzjonijiet speċifiċi tal-COSME

Azzjoni

Indikatur (indikatur tal-benefiċċji)

Tip ta’ indikatur

Valur tal-indikatur

EYE

Numru ta’ imprendituri ospitanti/ġodda

Output

15 096

Għadd ta’ organizzazzjonijiet intermedjarji

Output

360

Għadd ta’ skambji tal-EYE

Eżitu

7 548

EEN

Għadd ta’ SMEs li jirċievu servizzi tal-EEN

Eżitu

1 957 822

Għadd ta’ SMEs li jużaw is-servizzi diġitali

Eżitu

21,5 miljun
(2020–21)

Għadd ta’ ftehimiet ta’ sħubija transfruntiera ffirmati

Eżitu

18 701

Raggruppamenti

Għadd ta’ inizjattivi u avvenimenti ta’ raggruppament

Eżitu

132

Għadd ta’ organizzazzjonijiet tar-raggruppamenti involuti

Output

392

Għadd ta’ SMEs li jibbenefikaw mill-azzjonijiet

Eżitu

> 4 055 SME

Għadd ta’ setturi koperti mill-inizjattivi ta’ raggruppament

Eżitu

61

LGF

Total tal-impenji tal-UE għall-finanzjament tad-dejn

Output

EUR 1,2 biljun

Għadd ta’ intermedjarji appoġġati

Output

128

Il-valur totali tas-self ipprovdut abbażi tal-LGF kif appoġġat mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)

Output

EUR 54 biljun

Għadd ta’ SMEs li jirċievu self garantit

Eżitu

865 387

Għadd ta’ impjiegi miżmuma jew maħluqa fl-SMEs jew fis-settur

Impatt

233 146 29

EFG

Kontribuzzjoni totali tal-UE imwettqa mid-DG GROW

EUR 378,1 miljun

Għadd ta’ intermedjarji finanzjarji appoġġati

Output

23

Finanzjament totali katalizzat skont l-istrument

Eżitu

EUR 3,9 biljun

Għadd ta’ impjiegi miżmuma jew maħluqa fl-SMEs jew fis-settur

Impatt

1 604 30

Sors: Elaborazzjoni bbażata fuq l-istudju ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni tal-COSME

7RILEVANZA

L-objettivi tal-COSME huwa maħsuba biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin għall-SMEs Ewropej, u l-programm adattat għall-ħtiġijiet emerġenti. Saru bidliet fl-allokazzjoni tal-baġit matul l-implimentazzjoni tal-programm biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet li qed jinbidlu. Il-flessibbiltà ssemmiet fil-feedback ipprovdut mill-partijiet ikkonċernati li jibbenefikaw mill-akkwist pubbliku, l-ekonomija soċjali, u l-azzjonijiet tat-turiżmu.. 31 Id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni qiesu ż-żieda fl-interess fis-sostenibbiltà, fit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, u fl-intraprenditorija tan-nisa. 

Hekk kif l-implimentazzjoni tal-programm imxiet ’il quddiem matul il-perjodu tal-programm, saret aktar enfasi fuq l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Inizjattivi ta’ politika ġodda tal-UE approvati fl-aħħar snin tal-programm kienu jinkludu l-proposta tal-2018 għall-Programm Ewropa Diġitali 32 biex jissaħħu l-kapaċitajiet diġitali tal-UE.

Fil-perjodu 2014–2020, ingħatat ukoll attenzjoni partikolari lis-sostenibbiltà u lit-tranżizzjoni ekoloġika. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (2019) 33 sar qafas ta’ politika ċentrali bl-għan li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050. Il-COSME għen lill-intrapriżi u r-raggruppamenti jiżviluppaw prodotti ekoloġiċi u sostenibbli, u parti mill-appoġġ finanzjarju tal-COSME ġie allokat lill-SMEs li għamlu investimenti ekoloġiċi.

8KOERENZA

L-aktar azzjonijiet koerenti internament huma l-istrumenti finanzjarji, l-EEN, l-azzjonijiet ta’ internazzjonalizzazzjoni tar-raggruppamenti, il-helpdesks tal-PI, u ċ-ċentru UE-Ġappun.

L-istudju ta’ appoġġ isib li sar progress (sinerġiji addizzjonali, l-ingranaġġ tal-kumplimentarjetajiet u l-minimizzazzjoni tat-trikkib) matul il-perjodu minn meta saret l-evalwazzjoni interim, li sabet li s-sinerġiji fi ħdan il-programm COSME f’dak iż-żmien ma kinux b’saħħithom 34 . Madankollu, l-istudju ta’ appoġġ jissuġġerixxi wkoll il-ħtieġa għal approċċ aktar sistematiku għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tas-sinerġiji, u għal interazzjoni aħjar bejn l-għodod ta’ komunikazzjoni għal azzjonijiet differenti.

Tabella 4 Sinerġiji, komplementarjetajiet u/jew kooperazzjoni ma’ programmi oħrajn jew servizzi ta’ appoġġ

Tip jew isem tal-programm jew tal-azzjonijiet

Azzjonijiet tal-COSME li juru sinerġiji, komplementarjetajiet, jew kooperazzjoni

Trikkib

Orizzont 2020

EEN, LGF, EFG

FSIE

EFG, EEN

LGF: xi trikkib, iżda d-domanda tal-SMEs għall-kreditu kienet b’saħħitha biżżejjed biex tiżgura li kemm il-finanzjament reġjonali kif ukoll dak tal-LGF jintużaw bis-sħiħ.

Ara l-kolonna tan-nofs

FEIS

LGF (komplementarjetà u kooperazzjoni)

EFG

Helpdesks tal-PI taħt diversi programmi tal-UE

Helpdesks internazzjonali tal-PI

Ċentru UE-Ġappun

Miżuri ta’ appoġġ nazzjonali u/jew reġjonali

Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali 35

EYE: komplementari għall-azzjonijiet tal-intraprenditorija u tal-ħiliet

LGF u EFG: komplementari għall-istrumenti finanzjarji reġjonali

EEN:

-għamel progress tajjeb fl-integrazzjoni reġjonali

-Ikkoopera maċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali

Sors: Elaborazzjoni bbażata fuq l-istudju ta’ appoġġ għall-evalwazzjoni tal-COSME

9KONKLUŻJONIJIET U TAGĦLIMIET

Il-programm issejjes fuq ir-riżultati tal-Programm preċedenti għall-Intraprenditorija u l-Innovazzjoni (EIP) (2007–2013). Ħafna mill-azzjonijiet appoġġati taħt l-EIP tkomplew fil-COSME. Filwaqt li rrikonoxxa l-importanza tal-innovazzjoni fl-interventi tiegħu, il-COSME ffoka fuq il-kompetittività. Il-programm għamel progress sinifikanti lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tiegħu, filwaqt li fl-istess ħin indirizza b’suċċess firxa ta’ kwistjonijiet kumplessi, abbażi tal-analiżi ta’ data fattwali disponibbli u l-feedback mill-istħarriġ.

Il-programm appoġġa lill-SMEs fl-aċċess għall-finanzjament, fil-fehim ta’ kif joperaw fi swieq ġodda u fil-katini tal-valur globali u fil-kollaborazzjoni bejn il-fruntieri u fi ħdan ir-raggruppamenti. B’mod aktar ġenerali, ippromwova l-intraprenditorija u l-ħolqien tan-negozju u ambjent aktar favorevoli għan-negozju.

9.1Abbiltajiet ewlenin tal-COSME

·l-użu ta’ intermedjarji li fehmu l-ħtiġijiet tal-SMEs f’setturi u ekosistemi speċifiċi;

·il-flessibbiltà tal-Programm;

·rekord b’saħħtu dwar l-implimentazzjoni finanzjarja u monitoraġġ baġitarju sod li ppermetta r-riallokazzjonijiet baġitarji meta meħtieġ;

·effetti pożittivi fuq il-benefiċjarji finali tal-SMEs fl-objettivi kollha;

·rilevanti ħafna u baqa’ rilevanti matul id-durata tiegħu, li juri l-kapaċità li jgħin lill-SMEs jindirizzaw kwistjonijiet ġodda.

L-LGF uriet impatt tajjeb fuq ir-rati ta’ sopravivenza, iżda l-ebda prova kawżali tal-impatt fuq l-impjiegi, il-fatturat u l-assi totali. L-EFG kellha impatt tajjeb fuq ir-rati ta’ sopravivenza, l-impjiegi u l-prestazzjoni ekonomika b’mod ġenerali. 36

L-EEN kien effettiv. Il-programm għen lil kważi 2,9 miljun SME jiksbu servizzi ta’ konsulenza kruċjali, informazzjoni biex joperaw fi swieq ġodda u appoġġ biex jinstabu sħab. L-evidenza mill-istħarriġ tindika li s-servizzi tal-EEN għenu lill-SMEs jibqgħu għaddejjin, iżommu u jżidu l-forza tax-xogħol tagħhom, jespandu fi swieq ġodda, kif ukoll iżommu jew isostnu l-fatturat tagħhom. L-EYE wkoll wera xi impatti pożittivi ħafna, b’mod partikolari fuq il-ħiliet.

9.2Dgħufijiet ewlenin tal-COSME

·sistema ta’ monitoraġġ u rappurtar mhux kompluta b’indikaturi li jistgħu jitkejlu li ma jkoprux bis-sħiħ l-interventi kollha;

·il-monitoraġġ ta’ interventi iżgħar iffoka primarjament fuq l-implimentazzjoni finanzjarja, ir-riżultati tanġibbli, u l-indirizzar ta’ kwalunkwe kwistjoni li wieħed jiltaqa’ magħha;

·l-istruttura ta’ governanza tal-programm u b’mod partikolari, l-involviment ta’ diversi korpi intermedjarji, ikkontribwew għall-isfidi għall-ġbir tad-data dwar l-impatti finali.

L-evalwazzjoni sabet li dgħufija fl-ippjanar ta’ programm hija sistema ta’ monitoraġġ mhux kompluta li tispjega kif l-azzjonijiet kollha, speċjalment iż-żgħar, huma maħsuba biex jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi u fallimenti tas-suq b’mod koerenti u jikkontribwixxu għall-objettivi kumplessivi tal-programm u l-prijoritajiet ta’ politika usa’ tal-UE.

Xi azzjonijiet iżgħar kienu aktar ta’ suċċess minn oħrajn. Ftit azzjonijiet iffaċċjaw kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u prestazzjoni li ġew immonitorjati mill-qrib mill-Kummissjoni.

9.3Tagħlimiet għall-futur

Il-COSME ppreżenta diversi abbiltajiet ewlenin. Il-Programm kellu effetti pożittivi fuq il-benefiċjarji finali tal-SMEs, kien rilevanti u baqa’ rilevanti matul il-perjodu kollu, ippreżenta rekord b’saħħtu fl-implimentazzjoni u kkonferma l-validità tal-intermedjarji bħala mod effettiv ta’ implimentazzjoni. Madankollu, jistgħu jiġu proposti wkoll għadd ta’ suġġerimenti ewlenin biex ikun hemm titjib fil-futur:

·Jiġi żviluppat qafas aktar sempliċi u loġiku għall-monitoraġġ li jiffaċilita l-valutazzjoni tal-programm u jiżgura li l-azzjonijiet kollha jippreservaw rilevanza qawwija.

·Tingħata aktar attenzjoni lir-riżultati u lill-impatti tal-programm, anke fit-tul, u lill-kejl tal-indikaturi stabbiliti fir-regolament tal-COSME u fid-dokumenti ta’ programmazzjoni sussegwenti għall-azzjonijiet kollha.

·Titjieb il-koerenza ta’ azzjonijiet iżgħar. L-identifikazzjoni u l-attivazzjoni tas-sinerġiji għandhom ikomplu jiġu segwiti fuq bażi regolari.

Qasam fejn jista’ jsir titjib huwa l-iżvilupp ta’ sistema aktar sempliċi ta’ monitoraġġ u rappurtar b’indikaturi li jistgħu jitkejlu. Għalkemm ħafna aspetti tar-rappurtar dwar azzjonijiet iżgħar tjiebu fl-aħħar snin tal-programm COSME, l-analiżi ma sabitx data ta’ monitoraġġ u informazzjoni granulari biżżejjed dwar ir-riżultati tagħhom u kif dawn ikkontribwew għall-objettivi ġenerali tal-Programm.

L-istudju identifika wkoll il-ħtieġa għal titjib fil-ġbir tad-data dwar il-benefiċjarji finali tal-programm, fir-rigward tar-riżultati tagħhom u kif dawn ikkontribwew għall-objettivi ġenerali tal-programm. Jenħtieġ li l-ħtieġa għal data ta’ monitoraġġ aktar kompluta ma tfissirx sejħa għal piż addizzjonali ta’ rappurtar. Qed jiġu esplorati soluzzjonijiet, inkluż l-awtomatizzazzjoni u l-użu ta’ data eżistenti, biex jiġi żgurat l-għoti ta’ informazzjoni filwaqt li ma jiżdiedx il-piż amministrattiv.

L-istrumenti finanzjarji wrew koerenza interna għolja, billi l-garanzija tas-self u l-finanzjament tal-ekwità qed jipprovdu appoġġ reċiproku. Azzjonijiet akbar bħall-EEN, l-istrumenti finanzjarji, u azzjonijiet bħall-Helpdesks internazzjonali tal-PI għall-SMEs bnew sinerġiji ma’ azzjonijiet appoġġati taħt fondi u programmi oħra tal-UE bħal Orizzont 2020. Għalkemm ħafna azzjonijiet iżgħar taw kontribut siewi għall-għanijiet tal-programm u kisbu impatti tajbin, xi wħud kienu inqas koerenti.

L-azzjonijiet ewlenin tal-COSME bħan-Network Enterprise Europe jistgħu jibbenefikaw ukoll minn viżibbiltà akbar fost il-komunità tal-SMEs. Il-promozzjoni tal-marka fl-UE kollha għandha l-potenzjal li ttejjeb il-profil internazzjonali tal-Programm, tkompli ttejjeb l-użu tal-azzjonijiet mill-SMEs kif ukoll toħloq opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni.

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1287/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (COSME) (2014–2020) u jħassar id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE. (Test b’rilevanza għaż-ŻEE).
(2) Is-“Small Business Act” għall-Ewropa adottat fl-2008 u aġġornat fl-2011 ipprovda qafas komprensiv għall-politika tal-UE dwar l-SMEs, li jenfasizza l-aċċess għall-finanzjament, is-swieq u l-intraprenditorija.
(3) Pereżempju, l-aħħar operazzjonijiet għall-Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir għandhom jiġu stralċjati sal-31 ta’ Diċembru 2034.
(4) Studju għall-evalwazzjoni finali tal-COSME (CSES) 2024
(5) Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-COSME 2020.
(6) L-għadd ta’ SMEs milħuqa jikkompara b’mod favorevoli mal-objettiv tal-kompetittività tal-SMEs tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) li bbenefika minn ammont ferm ogħla ta’ finanzjament tal-UE (EUR 26,5 biljun mill-FEŻR). Sors: Studju ta’ evalwazzjoni għall-evalwazzjoni ex post tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni 2014–2020 iffinanzjati mill-FEŻR.
(7) Inkluż l-appoġġ fil-fond mill-EEN, l-EYE u l-helpdesks tal-PI għall-SMEs
(8) Ir-Renju Unit ma baqax Stat Membru tal-UE mill-31 ta’ Jannar 2020. Il-benefiċjarji tar-Renju Unit li pparteċipaw fl-azzjonijiet tal-COSME ffinanzjati mill-baġit tal-UE tal-2019 jew minn snin preċedenti komplew jipparteċipaw sa tmiem dawk l-azzjonijiet, u tħallew jipparteċipaw fil-COSME sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (31 ta’ Diċembru 2020).
(9)  *Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(10) L-analiżi kontrofattwali twettqet fi ħdan l-istudju ta’ appoġġ, u użat data mill-bażi tad-data Orbis, Bureau van Dijk.
(11)

 Skont id-data minn Orbis, għadu kmieni wisq biex tiġi pprovata formalment rabta kawżali. Madankollu, l-evidenza minn studji oħrajn dwar skemi ta’ ekwità simili appoġġati taħt programmi preċedenti tal-UE tissuġġerixxi li l-impatti pożittivi tal-EFG fuq l-impjiegi, il-fatturat, u l-assi totali osservati bid-data ta’ Orbis ikunu validi wkoll jekk jiġi replikat xenarju kontrofattwali ladarba d-data kollha tal-kumpanija meħtieġa għall-analiżi kontrofattwali ssir disponibbli.

(12) Kif innutat fil-punt 4.1.1.1 tal-istudju ta’ appoġġ.
(13) Il-Kummissjoni Ewropea. 2008. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (COM (2008) 394 Final) — “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa.
(14) Disponibbli fuq: Il-Kummissjoni Ewropea. 2023. L-Istrateġija tas-Suq Uniku.
(15) Disponibbli fuq: Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. 2016. Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-inizjattiva favur in-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu.
(16) Fost l-oħrajn, l-evidenza hija pprovduta fl-analiżi tal-effettività għall-istrumenti finanzjarji u l-EEN.
(17) Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-COSME 2020.
(18) FEI. 2022. Aġġornament ta’ Implimentazzjoni tal-Faċilità ta’ Ekwità għat-Tkabbir tal-Programm COSME https://www.eif.org/what_we_do/equity/single_eu_equity_instrument/cosme_efg/cosme-efg-implementation-update.pdf .
(19)

Sejħa għas-“setturi kollha” tal-Clusters Go International (GRO/SME/20/C/02).

(20) Ir-Rapport ta’ Monitoraġġ tal-COSME 2020.
(21)

https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/ip_22_850

(22)

 Skeda informattiva ta’ monitoraġġ. GRO/SME/20/C/081.

(23)

Dawn kellhom l-għan li jikkontribwixxu għal impjiegi aħjar u ta’ kwalità għolja, it-tranżizzjoni ekoloġika, soċjali u diġitali fil-livell lokali, u l-adozzjoni ta’ mudelli ta’ negozju reżiljenti u sostenibbli. Skeda informattiva ta’ monitoraġġ. GRO/SME/20/D/01 — Il-Missjonijiet Ewropej tal-Ekonomija Soċjali.

(24)

Pereżempju, l-Inizjattiva għal Ambjent Mibni, ipproduċiet għodda ta’ monitoraġġ biex tappoġġa t-tfassil u l-monitoraġġ ta’ miżuri relatati mal-kostruzzjoni fil-kuntest ta’ skeda informattiva ta’ Monitoraġġ tal-NRRP nazzjonali. GRO/SME/20/F/103.

(25) Evaluation Study of & Potential Follow-Up to Cluster Initiatives under COSME, H2020 & FPI: https://www.ideaconsult.be/en/projects/evaluation-study-of--potential-follow-up-to-cluster-initiatives-under-cosme-h2020--fpi .
(26) Xi wħud mill-membri tal-EEN intervistati rrapportaw li l-SMEs primarjament jirrikonoxxu l-isem tal-organizzazzjoni membru tal-EEN.
(27)

 TTI tirreferi għaż-żmien mill-iskadenza tas-sejħa sal-istedina għall-iffirmar tal-kuntratt, filwaqt li TTG tirreferi għaż-żmien li jgħaddi bejn l-għeluq ta’ sejħa u l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Għotja, li tipikament jimmarka l-bidu tal-proġett.

(28)

 Sors: rapporti annwali ta’ monitoraġġ prodotti mill-Kummissjoni Ewropea

(29) Din iċ-ċifra hija bbażata fuq il-COSME LGF — Rapport dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi 31.12.2019.
(30) Din iċ-ċifra hija bbażata fuq il-COSME EFG — Rapport dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi 31.12.2019.
(31) Feedback miġbur mill-intervisti dwar is-suġġett għall-istudju.
(32) https://commission.europa.eu/funding-tenders/find-funding/eu-funding-programmes/digital-europe-programme_en
(33) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52019DC0640
(34)

L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ evalwazzjoni interim hija pprovduta fl-Anness VI A tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Aktar informazzjoni dwar dawn is-sinerġiji tingħata fir-Rapporti ta’ Monitoraġġ tal-2019 u l-2020.

(35) Dawn bdew bħala inizjattivi nazzjonali/reġjonali. Mill-2023, l-EDIH saru operazzjonali. 
(36) Abbażi ta’ analiżi kontrofattwali. Għalkemm l-EFG ma setgħetx turi benefiċċji ekonomiċi statistikament sinifikanti u pożittivi, l-aktar minħabba d-daqs żgħir ħafna tal-kampjun finali, l-analiżi turi li maż-żmien, ir-riċevituri finali tal-EFG mhux biss urew rati għoljin ta’ sopravivenza, iżda esperjenzaw ukoll xejriet pożittivi sinifikanti fil-prestazzjoni ekonomika tagħhom, eż. żieda fil-fatturat u fl-assi.