Brussell, 12.6.2024

COM(2024) 251 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni għall-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

{SWD(2024) 251 final}


Introduzzjoni

Ir-riforma tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil prevista fil-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil 1 tirrappreżenta avvanz storiku. Tipprovdi lill-UE bil-qafas legali u bl-għodod biex tkompli ttejjeb il-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tagħha, biex tistabbilixxi proċeduri rapidi u effiċjenti għall-ażil u r-ritorn, filwaqt li tiżgura salvagwardji b’saħħithom. Tistabbilixxi sistema ġusta u effettiva ta’ solidarjetà u responsabbiltà għall-ġestjoni kollettiva tal-migrazzjoni, fejn l-ebda Stat Membru ma jitħalla waħdu taħt pressjoni.

L-adozzjoni b’suċċess ta’ din ir-riforma tirrifletti wkoll l-impenn kollettiv tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi komuni, b’fiduċja reċiproka msaħħa. Huwa kapitolu ġdid fl-implimentazzjoni tal-approċċ fuq żewġ binarji li tiġi eżerċitata riforma strutturali sostenibbli flimkien ma’ rispons operazzjonali mmirat inkluż permezz ta’ sħubijiet komprensivi ma’ pajjiżi sħab. Dan ippermetta lill-UE iddawwar il-paġna mill-fratturi tal-passat u tikkonsolida approċċ komuni għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri matul l-aħħar erba’ snin 2 .

Issa rridu naħtfu dan il-momentum pożittiv biex minn atti leġiżlattivi l-Patt jissarraf f’realtà operazzjonali. Sentejn mid-dħul fis-seħħ tagħhom fil-11 ta’ Ġunju 2024, l-istrumenti legali li jikkostitwixxu l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil se jsiru applikabbli minn nofs l-2026 3 . Dan il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni se jappoġġa lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex iħejju b’mod effettiv għall-implimentazzjoni tagħhom. Dan se jiżgura li l-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn jintuża b’mod effettiv, filwaqt li jiżgura li jittieħdu l-passi amministrattivi, operazzjonali u legali meħtieġa mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

Il-Kummissjoni hija meħtieġa, skont ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni u r-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil, tippreżenta Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni 4 . Fid-dawl tal-importanza tal-implimentazzjoni kif ukoll tan-natura kumplessa tagħha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tmexxi ’l quddiem l-adozzjoni tagħha minn Settembru għal Ġunju 2024 sabiex l-Istati Membri jkollhom iż-żmien massimu biex iħejju l-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom dovuti sat-12 ta’ Diċembru 2024.

Objettiv u għan tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni

Il-pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni jieħu approċċ prammatiku u jiffoka fuq l-aspetti fundamentali li l-Istati Membri jeħtieġ li jikkunsidraw meta jiżviluppaw il-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom u li jeħtieġ li jkunu fis-seħħ fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali biex jiġi żgurat li l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil isir operazzjonali sa nofs l-2026. Huwa jipprovdi l-qafas għal programm ta’ ħidma konġunt għas-sentejn li ġejjin, inklużi r-riżultati legali u operazzjonali, l-istrutturi għad-diskussjoni, u l-appoġġ operazzjonali u finanzjarju rilevanti.

Ir-raġuni għall-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni hija li huwa komuni: komuni għall-Istati Membri kollha, komuni għall-istrumenti leġiżlattivi kollha tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li jeħtieġ li jiġu implimentati u jfittex li jikseb l-objettiv komuni ta’ sistema mħejjija sew fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

L-ewwel nett, il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni huwa komuni għaliex jiġbor flimkien l-Istati Membri kollha, b’rikonoxximent tal-fatt li f’Unjoni ta’ 27 Stat Membru, il-migrazzjoni hija sfida Ewropea komuni li teħtieġ soluzzjoni Ewropea komuni. Is-suċċess tas-sistema inevitabbilment se jiddependi fuq ir-rieda tal-Istati Membri kollha – bl-azzjonijiet ta’ wieħed ikollhom implikazzjonijiet għal kulħadd. L-għan tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni huwa li jagħmel l-implimentazzjoni tal-Patt maniġġabbli għal kulħadd, u li jimmaniġġjawh flimkien.

Il-Pjan huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, u l-aġenziji rilevanti tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-Konferenza Ministerjali dwar l-Operazzjonalizzazzjoni tal-Patt organizzata mill-Presidenza Belġjana fid-29–30 ta’ April 2024 f’Ghent kif ukoll diversi laqgħat tal-Kumitat Strateġiku tal-Kunsill dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Ażil (SCIFA). Il-Kummissjoni kellha wkoll konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili, inkluż il-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-fehmiet tal-migranti fil-qasam tal-migrazzjoni, l-ażil, u l-integrazzjoni, kif ukoll mal-UNHCR.

It-tieni, il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni huwa komuni minħabba li jinkludi l-istrumenti leġiżlattivi kollha li jiffurmaw il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, li huma interrelatati u ma jistgħux jaħdmu b’mod effettiv separatament. Flimkien, l-istrumenti tal-Patt jiffurmaw sistema integrata, li tirrifletti l-approċċ Ewropew komprensiv u bbilanċjat għall-migrazzjoni, li tiżgura kemm is-solidarjetà kif ukoll ir-responsabbiltà, il-protezzjoni tad-drittijiet, u l-konformità mal-obbligi. Dan l-approċċ komprensiv huwa inkorporat fir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni 5 . B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni għandha tirrifletti l-elementi ewlenin ta’ dan l-approċċ komprensiv fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni.

It-tielet, il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni jsegwi l-objettiv komuni li jkun hemm fis-seħħ sistema mħejjija sew sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, li hija essenzjali biex tinbena l-fiduċja reċiproka meħtieġa għall-approċċ ibbilanċjat il-ġdid għax-xogħol. Tħejjija tajba hija l-kunċett kritiku li jirfed l-obbligi ewlenin skont il-Patt, peress li hija l-linja bażi biex l-Istati Membri jitqiesu taħt pressjoni migratorja jew li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti jew li qed jiffaċċjaw kriżi. Huwa l-kunċett li jippermetti lill-Istati Membri jibbenefikaw minn solidarjetà jew tnaqqis mill-obbligi ta’ solidarjetà. Huwa l-kunċett li jiżgura li l-Patt jaħdem bħala totalità koerenti.

Iżda komuni ma tfissirx “l-istess” għal kulħadd. Il-pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni jipprovdi l-flessibbiltà li l-Istati Membri jeħtieġu biex jadattaw l-obbligi skont il-Patt għas-sistemi nazzjonali tagħhom. Kull Stat Membru għandu sfidi differenti x’jindirizza u jinsab fi stadju differenti ta’ tħejjija, iżda l-ebda wieħed mhu jibda mill-bidu nett. Ħafna mill-innovazzjonijiet fil-Patt jibnu fuq prattiki eżistenti jew iżidu r-rekwiżiti eżistenti. L-Istati Membri huma mħeġġa jisfruttaw l-għarfien u l-esperjenza tagħhom u jikkondividu l-aħjar prattiki.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati tliet elementi biex jiġi stabbilit il-livell it-tajjeb ta’ ambizzjoni matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

L-ewwel nett, filwaqt li fil-prinċipju għandna sentejn biex inħejju għad-dħul fis-seħħ tal-qafas legali l-ġdid, huwa importanti li jiġi enfasizzat li xi elementi diġà se jkollhom ikunu fis-seħħ qabel nofs l-2026. Pereżempju, l-ewwel ċiklu annwali ta’ solidarjetà se jibda f’Ġunju 2025 u l-ewwel Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li se jiddeterminaw l-Istati Membri taħt pressjoni migratorja, f’riskju tagħha, jew dawk li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti se jkollhom jiġu proposti mill-Kummissjoni f’Ottubru 2025.

It-tieni, it-teħid ta’ miżuri sabiex l-elementi essenzjali kollha tas-sistema l-ġdida jkunu fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni huwa kompitu immedjat iżda l-implimentazzjoni sħiħa tal-opportunitajiet kollha offruti mill-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tikkonsisti wkoll f’ħidma fuq terminu medju sa twil. L-implimentazzjoni tal-Patt mhijiex proċess ta’ darba iżda wieħed dinamiku. Se jkunu meħtieġa aktar azzjonijiet fuq terminu medju u twil biex tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali tal-migrazzjoni u l-ażil u jiġu integrati aktar bħala parti minn politika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

Il-viżjoni strateġika u li tħares’ il quddiem se tiġi riflessa fl-ewwel Strateġija Ewropea ta’ ħames snin dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li għandha tinħareġ sal-aħħar tal-2025, li tibni fuq l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali komprensivi dwar il-migrazzjoni u l-ażil li għandhom jiġu trażmessi mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sa Ġunju 2025.

It-tielet, il-ħidma kontinwa fuq id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni tibqa’ kruċjali. Filwaqt li l-azzjonijiet f’dan il-qasam mhumiex marbuta ma’ obbligi legali, se jkun essenzjali li l-Unjoni tkompli tintensifika aktar il-ħidma mal-pajjiżi sħab, b’mod partikolari fi tliet oqsma ewlenin: il-ġlieda kontra l-kuntrabandu l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, ir-ritorni effettivi, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni kif ukoll il-perkorsi legali.

Illustrazzjoni 1: Skeda ta’ żmien tal-istadji importanti ewlenin matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ sentejn


1Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni u l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali

Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni

Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jinkludi sett ta’ 10 atti leġiżlattivi komprensivi. Biex jiffaċilita l-fehim u l-implimentazzjoni ta’ dawn it-testi kumplessi, il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni jiġbor l-obbligi differenti li jirriżultaw mid-diversi atti legali u l-azzjonijiet meħtieġa biex dawn jiġu operazzjonalizzati f’10 elementi kostitwenti. Dan l-approċċ prammatiku jippermetti li r-riżorsi jiġu ffukati fuq l-elementi fundamentali meħtieġa biex is-sistema l-ġdida taħdem.

Ma jistax ikun hemm min jagħżel dik u min jagħżel l-oħra. L-elementi kostitwenti kollha jeħtieġ li jiġu implimentati u huma interdipendenti. Pereżempju, sistema tajba ta’ akkoljenza (element kostitwenti 3) se tkun mgħobbija żżejjed jekk il-proċeduri ma jitwettqux minnufih (element kostitwenti 4); jew jekk benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jibqħu fl-akkomodazzjoni maħsuba għall-applikanti għal wisq żmien (element kostitwenti 10). Is-solidarjetà (element kostitwenti 7) u r-responsabbiltà (element kostitwenti 6) jew is-sistema l-ġdida għall-ġestjoni tal-flussi migratorji fil-fruntiera esterna tal-UE (element kostitwenti 2) mhux se jkunu operattivi sakemm l-Eurodac (element kostitwenti 1) ma tkunx qed taħdem fil-ħin. Ir-rispett għas-salvagwardji u d-drittijiet (element kostitwenti 9) huwa dimensjoni trażversali tal-atti leġiżlattivi kollha u aspett li jeħtieġ li jiġi operazzjonalizzat f’kull wieħed mill-elementi kostitwenti. Filwaqt li jkun possibbli li l-azzjonijiet jiġu prijoritizzati fi ħdan l-elementi kostitwenti, l-implimentazzjoni ta’ kull element kostitwenti se jkollha ssir b’mod parallel.

Illustrazzjoni 2: Għaxar Elementi kostitwenti għall-implimentazzjoni tal-obbligi ewlenin tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.


Kull element kostitwenti jkopri l-obbligi legali u l-konsegwenzi tagħhom għat-tlestija tal-qafas regolatorju, il-proċessi amministrattivi, l-organizzazzjoni, u l-kapaċitajiet umani u infrastrutturali li l-Istati Membri, il-Kummissjoni, u l-Aġenziji tal-UE jridu jimplimentaw.

Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni jispeċifika wkoll kif il-ħidma fil-livell tal-UE se tappoġġa l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali, billi trawwem skambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u “ġemellaġġ” (inkluż billi tidentifika prattiki tajbin u oqsma fejn l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw lil xulxin) u billi tiżviluppa mudelli prattiċi, dokumenti ta’ gwida u listi ta’ kontroll komuni biex tiġi żgurata implimentazzjoni komuni u armonizzata. L-elementi dettaljati ta’ kull element kostitwenti huma ppreżentati f’lista ta’ kontroll fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah.

Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali

Kif previst fir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni u r-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil, kull Stat Membru għandu, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, jistabbilixxi Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali li jistabbilixxi l-azzjonijiet u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom sat-12 ta’ Diċembru 2024 abbażi tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni attwali.

Kull Stat Membru għandu sfidi differenti x’jindirizza u jsib ruħu f’punti ta’ tluq differenti. Għalhekk, il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali ta’ kull Stat Membru għandu għalhekk l-ewwel jimmappja s-sitwazzjoni attwali, inkluż il-kuntest nazzjonali, il-qafas leġiżlattiv attwali u l-prattiki amministrattivi, l-istruttura organizzazzjonali u l-istrutturi fis-seħħ, il-kapaċitajiet eżistenti kif ukoll l-isfidi marbuta maċ-ċirkostanzi ġeografiċi.

Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jistabbilixxu l-elementi fundamentali deskritti għal kull element kostitwenti, li huma meħtieġa għal approċċ komuni u komparabbli fl-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni żviluppat mudell għall-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali li jirrifletti l-istruttura tal-elementi kostitwenti anness ma’ din il-Komunikazzjoni.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu abbażi ta’ task force interministerjali u transsettorjali fil-livell nazzjonali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom. Il-koordinazzjoni effiċjenti se tkun prerekwiżit ewlieni għall-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil sa nofs l-2026.

Biex jiġi żviluppat Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali robust, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi li ġejjin għal kull element kostitwenti:

·Jirrevedu l-oqfsa legali nazzjonali tagħhom u jipproċedu bl-aġġustamenti meħtieġa tar-regoli regolatorji u amministrattivi. Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali għandu jinkludi l-iskeda ta’ żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta’ tali miżuri fil-livell nazzjonali.

·Jirrevedu u jaġġustaw, kif meħtieġ, l-istrutturi organizzazzjonali attwali, inklużi l-istrutturi ta’ koordinazzjoni fi ħdan is-servizzi, bejn is-servizzi u d-dipartimenti ministerjali u fil-livell interministerjali biex jiġi żgurat li jkunu adattati għall-iskop tagħhom. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri se jkollhom jidentifikaw u jippjanaw l-istabbiliment ta’ strutturi ġodda jew ir-riorganizzazzjoni tas-servizzi jew jikkunsidraw sistemi integrati ta’ ġestjoni tal-każijiet. Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali għandu jinkludi deskrizzjoni tal-istrutturi u l-organizzazzjoni attwali (fil-livell nazzjonali iżda wkoll il-kompiti li huma delegati lill-awtoritajiet reġjonali jew lokali), il-bidliet meħtieġa kif ukoll l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom.

·Jirrevedu u jaġġustaw kif meħtieġ il-flussi tax-xogħol amministrattivi, il-proċeduri operattivi standard, u l-protokolli. Dan il-proċess għandu jintuża biex jiġu identifikati l-għodod ta’ informazzjoni attwali disponibbli kif ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati oħrajn ġodda. Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali għandu jinkludi r-riżultati prinċipali li se jkunu meħtieġa f’dan il-qasam u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom.

·Jirrevedu l-kapaċità eżistenti f’termini ta’ riżorsi umani u jidentifikaw il-ħtiġijiet, inkluż ir-reklutaġġ u t-taħriġ. Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali għandu jirrifletti l-għadd attwali ta’ persunal u kwalunkwe żieda meħtieġa għal profili differenti u jipprevedi ppjanar ċar tad-diversi passi biex jiġi konkluż ir-reklutaġġ ta’ kwalunkwe persunal ġdid. Għandu jinkludi wkoll il-ħtiġijiet ta’ taħriġ, inkluż l-ippjanar ta’ tali taħriġ u l-iskeda ta’ żmien prevista għall-implimentazzjoni tiegħu.

·Jidentifikaw liema attivitajiet se jitwettqu mill-partijiet ikkonċernati jew mill-organizzazzjonijiet rilevanti (eż. assoċjazzjonijiet tal-avukati, NGOs, entitajiet privati) u l-ħtiġijiet ta’ kapaċità li jkunu koperti minnhom. Għandu jipprovdi wkoll għall-ippjanar għal tali esternalizzazzjoni u l-mekkaniżmi biex jiġu żgurati l-monitoraġġ u l-kontroll tal-kwalità tal-attivitajiet imwettqa minn dawn il-partijiet ikkonċernati jew organizzazzjonijiet.

·Jirrevedu l-kapaċità eżistenti u jidentifikaw il-ħtiġijiet f’termini ta’ infrastruttura u tagħmir u rekwiżiti loġistiċi possibbli. Dan jinkludi kapaċitajiet f’termini ta’ infrastruttura fiżika għall-akkoljenza u d-detenzjoni fit-territorju u fil-fruntieri kif ukoll l-infrastruttura tal-IT, il-konnettività tal-internet u l-ambjent tas-sigurtà. Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali għandu jinkludi l-livelli ta’ kapaċità attwali relatati ma’ dawn l-elementi u ż-żieda meħtieġa u jipprevedi ppjanar ċar tad-diversi passi għall-konklużjoni tal-akkwist ta’ tagħmir u kostruzzjoni jew rinnovazzjoni.

Fl-elementi kostitwenti kollha, se jkun meħtieġ li l-Istati Membri jevalwaw il-kostijiet biex iqabblu l-ħtiġijiet mar-riżorsi, b’kunsiderazzjoni sħiħa taċ-ċikli baġitarji nazzjonali u d-disponibbiltà tal-fondi tal-UE.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom u jagħmlu użu mis-sħab soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet ikkonċernati oħra, b’mod partikolari r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, permezz ta’ skambji u konsultazzjoni regolari. Dan jgħin biex jiġu identifikati l-isfidi, jittejbu s-soluzzjonijiet ta’ politika u tiġi żgurata sjieda usa’ matul it-tħejjija tal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali u sussegwentement matul l-implimentazzjoni tagħhom, fejn dawn l-istess atturi spiss ikollhom rwoli kritiċi.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jikkondividu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom sa Ottubru 2024 biex jiżguraw djalogu dwar il-ħtiġijiet u r-riżorsi disponibbli għall-finalizzazzjoni f’waqtha sat-12 ta’ Diċembru 2024.

Stadji importanti indikattivi ewlenin li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw fl-ippjanar tagħhom:

Sal-1 ta’ Lulju 2024, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu strutturi nazzjonali ta’ koordinazzjoni u jaħtru l-koordinatur nazzjonali (jekk dan ma sarx diġà).

Sa Ottubru 2024, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-abbozz tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni.

Sat-12 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni.

Sal-ewwel nofs tal-2025, il-Kummissjoni se tadotta d-deċiżjoni li talloka l-fondi taħt il-programmi nazzjonali fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-AMIF u l-BMVI, abbażi ta’ statistika aġġornata li tirrifletti l-koeffiċjent tal-allokazzjoni fl-2021–2023.

Sal-ewwel nofs tal-2025, il-Kummissjoni se talloka parti mill-finanzjament mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP permezz tal-Faċilità Tematika lill-Istati Membri.

Sal-ewwel nofs tal-2025, l-Istati Membri għandhom iniedu akkwist għax-xiri ta’ tagħmir u attivitajiet ta’ bini.

Sal-ewwel nofs tal-2025, l-Istati Membri għandhom iniedu l-proċess ta’ reklutaġġ.

Sa nofs l-2026, l-Istati Membri għandhom ikunu lesti biex japplikaw il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.

2Għaxar Elementi Kostitwenti għall-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

ELEMENT KOSTITWENTI 1

Sistema komuni ta’ informazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil: Eurodac

L-Eurodac hija s-sistema tal-IT fuq skala kbira li, fost l-oħrajn, se tappoġġa l-funzjonament tal-Patt fil-prattika, b’mod partikolari bid-determinazzjoni tar-responsabbiltà u l-monitoraġġ ta’ movimenti sekondarji.

L-Eurodac se taħżen u tipproċessa l-bijometrika, id-data tal-identità u informazzjoni oħra tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, tal-persuni żbarkati wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ kif ukoll tal-persuni maqbuda b’konnessjoni ma’ qsim irregolari tal-fruntiera esterna jew li jinstabu preżenti illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru. B’dan il-mod, is-sistema tgħin biex jitqabblu applikazzjonijiet ġodda għall-protezzjoni internazzjonali ma’ dawk diġà rreġistrati fil-bażi tad-data biex jiġu applikati r-regoli ta’ responsabbiltà skont ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni kif ukoll biex jiġu mmonitorjati movimenti sekondarji u jiġu mmarkati persuni li jistgħu jippreżentaw theddida għas-sigurtà interna.

L-Eurodac il-ġdida hija waħda mis-sisien operazzjonali li jappoġġaw il-qafas legali l-ġdid. L-iżvilupp u d-dħul fis-seħħ f’waqthom tas-sistema riformata tal-Eurodac huma prekundizzjoni kritika għall-implimentazzjoni tal-elementi l-oħra kollha tal-Patt. Dan se jippermetti lill-Istati Membri joperazzjonalizzaw ir-regoli l-ġodda ta’ solidarjetà, kemm jekk ir-rilokazzjoni kif ukoll il-kumpens ta’ solidarjetà. Dan se jkun strumentali wkoll għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà, b’mod partikolari, l-iskedi ta’ żmien il-ġodda għax-xift u l-waqfien tar-responsabbiltà jew ir-raġuni l-ġdida għall-waqfien għad-deċiżjonijiet dwar l-ażil meħuda fil-proċedura fuq il-fruntiera.

Bil-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, l-Eurodac se ssir parti minn sistema interoperabbli u integrata ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri. Ir-rekwiżiti tas-sistema l-ġdida jmorru ferm lil hinn minn sempliċi trasformazzjoni tal-Eurodac attwali. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ħafna usa’ tal-bażi tad-data u l-funzjonalitajiet miżjuda b’mod sinifikanti, is-sistema l-ġdida se jkollha tinbena kompletament mill-bidu nett. Dan huwa minnu kemm għall-bażi tad-data nnifisha li l-eu-LISA se tibni kif ukoll għal kull wieħed mill-komponenti nazzjonali li l-Istati Membri jridu jibnu u li se jkollhom jiġu konnessi mal-bażi tad-data. F’termini tal-mod li bih l-awtoritajiet kompetenti japplikaw ir-Regolament Eurodac, il-bijometrika għandha tittieħed b’rispett sħiħ tad-dinjità u l-integrità fiżika tal-persuna. L-Istati Membri għandhom iqisu fir-rieżami u l-ippjanar tagħhom l-impatt potenzjali fuq l-ammont ta’ xogħol tal-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data.

F’dan il-kuntest, l-atturi kollha għandhom jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin sabiex il-funzjonalitajiet ewlenin tal-Eurodac ikunu disponibbli u s-sistemi tal-Istati Membri jkunu lesti biex jużawhom sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni:

L-Istati Membri

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri se jkollhom jirrieżaminaw l-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom u jaġġustawhom kif meħtieġ biex jiżguraw aċċess legali u operazzjonali għas-sistema għall-awtoritajiet kompetenti kollha, bħall-awtoritajiet tal-ażil jew il-gwardji tal-fruntiera, f’konformità mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri se jkollhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet maħtura u ta’ verifika għall-Eurodac fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tar-regolament.

üL-Eurodac il-ġdida ġġib magħha ħafna funzjonalitajiet ġodda, iżda mhux kollha jistgħu jitqiesu bħala prekundizzjoni kritika biex elementi oħra tal-Patt jiġu implimentati sa nofs l-2026 (eż., il-kategorija l-ġdida ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja). Għalhekk, minħabba l-iskadenza diffiċli, għandu jintlaħaq fehim komuni bejn l-Istati Membri, l-eu-LISA u l-Kummissjoni dwar liema funzjonalitajiet tal-Eurodac għandhom jingħataw prijorità għall-implimentazzjoni tal-Patt. Bl-istess mod, għandu jintlaħaq fehim komuni rigward il-piż relattiv ta’ soluzzjonijiet tekniċi differenti li għandhom jiġu implimentati (soluzzjonijiet ċentralizzati u sistemi nazzjonali, ara hawn taħt).

üL-Istati Membri għandhom jirrevedu l-flussi tax-xogħol interni u l-proċeduri operattivi standard tagħhom biex jiżguraw l-iskambju bla xkiel ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kif ukoll ir-reġistrazzjoni xierqa tal-informazzjoni fl-Eurodac, b’attenzjoni speċifika għar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data tal-UE.

Kapaċitajiet (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üL-Istati Membri se jkollhom jimplimentaw u jittestjaw il-prontezza tal-funzjonalitajiet ewlenin tal-Eurodac fil-livell nazzjonali biex jiżguraw il-ġbir u d-disseminazzjoni xierqa tal-informazzjoni permezz tal-Punti ta’ Aċċess Nazzjonali. Minħabba l-iskadenzi diffiċli, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-għażliet kollha li jistgħu jnaqqsu u jissimplifikaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom, bħall-użu ta’ prodotti kummerċjalment disponibbli. L-għażla ta’ jekk għandux isir żvilupp ta’ sistema aktar ċentrali mill-eu-LISA jew aktar żvilupp tas-sistema nazzjonali għandha titqies ukoll minn kmieni. Minbarra li tissimplifika ħafna l-iżvilupp, tista’ tħaffef it-twassil tal-Eurodac u tiżgura flessibbiltà meta tiġi ffaċċjata bil-ħtieġa ta’ aġġustamenti tal-aħħar minuta.

üL-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom biżżejjed persunal imħarreġ kif xieraq biex iwettaq il-verifiki tal-Eurodac, filwaqt li jqisu r-reklutaġġ u t-taħriġ fl-iskedi ta’ żmien tal-ippjanar tagħhom.

üL-Istati Membri għandhom ukoll jgħammru b’mod adegwat lill-persunal tagħhom biex jiġbor u jtella’ fl-Eurodac l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin (eż., magni tal-Eurodac, tagħmir li jippermetti l-qbid tal-immaġni tal-wiċċ, eċċ.). Dan jista’ jinvolvi t-tnedija ta’ akkwist biex jinxtara l-hardware meħtieġ għall-ġbir tad-data tal-Eurodac u biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-konnettività. L-iskedi ta’ żmien tal-akkwist għandhom jiġu antiċipati u kkunsidrati.

Il-Kummissjoni

Obbligu ġuridiku

üSa Settembru 2024, il-Kummissjoni se tlaqqa’ l-Kumitat Regolatorju tal-Eurodac 6 biex tkun tista’ tadotta l-att ta’ implimentazzjoni previst fir-Regolament Eurodac.

üIl-Kummissjoni se taġġorna disa’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolamenti dwar l-Interoperabbiltà, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u r-Regolament dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) 7 biex ikunu jistgħu jużaw id-data tal-Eurodac. Se tadotta wkoll l-att ta’ implimentazzjoni dwar l-istatistika bejn is-sistemi.

Appoġġ prattiku

üIl-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-eu-LISA biex tiffaċilita d-deċiżjonijiet ewlenin li l-Istati Membri jridu jieħdu.

üIl-Kummissjoni se tikkomplementa l-ħidma teknika mmexxija mill-eu-LISA bl-appoġġ meħtieġ permezz tal-grupp ta’ esperti eżistenti tal-Eurodac (il-“Kumitat ta’ Kuntatt tal-Eurodac”) 8 biex tiffaċilita l-applikazzjoni korretta tar-Regolament (inkluż billi tiċċara t-tifsira ta’ xi dispożizzjonijiet) u tidentifika l-oqsma li jkunu jeħtieġu aktar attenzjoni fil-perjodu ta’ tranżizzjoni.

L-eu-LISA

Obbligu ġuridiku

üSa tmiem l-2024, l-eu-LISA se jkollha tadotta d-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tal-Eurodac (ICD) rivedut fil-livell ċentrali, li jirrifletti l-funzjonalitajiet il-ġodda. Għal dan l-għan, għandu jinstab fehim bikri komuni bejn l-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni u l-eu-LISA dwar is-soluzzjoni teknika għall-implimentazzjoni tad-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tal-Eurodac (ICD) u l-funzjonalitajiet tiegħu, li se jistabbilixxi parametri importanti għall-implimentazzjoni nazzjonali. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni flimkien mal-eu-LISA se tħejji nota kunċettwali għal diskussjoni mal-Istati Membri kemm dwar is-soluzzjonijiet tekniċi għall-bażi tad-data kif ukoll għall-funzjonalitajiet ewlenin li għandhom ikunu fis-seħħ sat-12 ta’ Ġunju 2026.

Appoġġ prattiku

üL-eu-LISA se taġġorna l-Manwal tal-Operatur u tħarreġ lill-utenti tal-Eurodac dwar l-użu tekniku tal-Eurodac.

üL-eu-LISA se tidentifika u tindirizza r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà li jippermettu l-integrazzjoni tal-Eurodac fil-qafas tal-interoperabbiltà.

üL-eu-LISA se tappoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi biex tippermetti appoġġ rilevanti mit-Timijiet tal-Frontex u t-Timijiet ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil tal-EUAA li l-Istati Membri jistgħu jitolbu.

Stadji importanti ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati:

Sal-aħħar ta’ Ġunju 2024, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom jilħqu fehim komuni dwar il-funzjonalitajiet ewlenin tal-Eurodac biex jiżguraw li dawk il-funzjonalitajiet ikunu fis-seħħ sat-12 ta’ Ġunju 2026.

Sal-aħħar ta’ Ġunju 2024, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-eu-LISA għandhom jilħqu fehim komuni dwar it-tip ta’ soluzzjoni teknika li għandha tiġi implimentata (ċentralizzata jew le).

Sa Settembru 2024, il-Kummissjoni għandha tlaqqa’ l-Kumitat Regolatorju tal-Eurodac.

Sat-12 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jilħqu ftehim dwar id-Dokument ta’ Kontroll tal-Interface tal-Eurodac.

Sat-12 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tiżgura ftehim dwar it-testi stabbli tal-atti ta’ implimentazzjoni u delegati meħtieġa għall-funzjonalitajiet ewlenin tal-Eurodac.

Sat-12 ta’ Ġunju 2026, l-Eurodac aġġornata tibda topera.



ELEMENT KOSTITWENTI 2

Sistema ġdida għall-ġestjoni tal-flussi migratorji fil-fruntieri esterni tal-UE

L-implimentazzjoni tal-Patt se toħloq approċċ bla xkiel biex tkompli tissaħħaħ il-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. Dan joffri l-għodod meħtieġa għall-ġestjoni tal-wasla ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għall-istabbiliment ta’ proċeduri rapidi u effiċjenti għall-ażil u r-ritorn b’salvagwardji tal-individwi b’saħħithom. Flimkien, ir-Regolament dwar l-Iskrinjar, ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil u r-Regolament dwar Proċedura ta’ Ritorn fil-Fruntieri jipprevedu approċċ armonizzat.

Il-migranti irregolari kollha se jiġu rreġistrati u soġġetti għal skrinjar tal-identità, ir-riskju għas-sigurtà, il-vulnerabbiltà u s-saħħa tagħhom. Dan jinkludi persuni maqbuda fit-territorju li għadhom ma ġewx soġġetti għal skrinjar jew verifika fuq il-fruntiera. L-istess japplika għall-persuni kollha li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali f’punt ta’ qsim tal-fruntiera. Fit-tieni stadju, se tapplika proċedura obbligatorja fuq il-fruntiera għal dawk li x’aktarx ma jkunux jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, jippreżentaw riskju għas-sigurtà jew jiżgwidaw lill-awtoritajiet. Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar u r-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil fihom ukoll dispożizzjonijiet ġodda biex itejbu l-identifikazzjoni ta’ persuni mingħajr Stat.

L-implimentazzjoni b’suċċess tal-obbligi l-ġodda tirrikjedi li l-iskrinjar u l-proċeduri fuq il-fruntiera għall-ażil u (fejn rilevanti) għar-ritorn jaħdmu flimkien fi proċess bla xkiel, li jiżgura teħid ta’ deċiżjonijiet rigoruż, b’rispett sħiħ tal-garanziji kollha u tad-drittijiet tal-persuni.

Kull Stat Membru huwa meħtieġ li jkollu l-kapaċità li jiskrinja l-wasliet irregolari kollha u li jospita ċertu għadd ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (u persuni ripatrijati) għat-tul tal-proċedura fuq il-fruntiera f’kundizzjonijiet adegwati. Il-“kapaċità adegwata” 9 biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-ażil u r-ritorni fil-fruntiera hija stabbilita għal 30 000 fil-livell tal-Unjoni, bis-sehem individwali tal-Istati Membri minn dik il-kapaċità adegwata kkalkulat kull 3 snin mill-Kummissjoni, f’konformità mal-formula stabbilita fir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil.

Tista’ tiġi applikata proċedura rapida mingħajr ma tiġi mminata l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew id-drittijiet tal-applikanti. Filwaqt li matul l-iskrinjar u l-proċedura fuq il-fruntiera, il-persuni mhumiex awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-UE, huma għandhom id-dritt li jibqgħu fit-territorju. L-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu dawn il-proċeduri f’konformità mas-salvagwardji u l-garanziji previsti skont l-istrumenti leġiżlattivi tal-Patt u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tal-UE, inkluż ir-rispett tal-prinċipju ta’ non-refoulement u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda fil-proċedura fuq il-fruntiera 10 .

Is-sistema l-ġdida għall-fruntiera tibni fuq strutturi u għarfien eżistenti. Ħafna Stati Membri diġà qed jimplimentaw protokolli ta’ skrinjar li fil-biċċa l-kbira ispiraw l-obbligi legali l-ġodda. Barra minn hekk, mill-inqas 14-il Stat Membru diġà japplikaw il-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera jew għandhom xi prattiki tajbin applikati fil-fruntiera.

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-element kostitwenti:

L-Istati Membri

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jadattaw l-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom għad-dispożizzjonijiet il-ġodda u jiżguraw li l-kontrolli fil-fruntieri, l-iskrinjar u l-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn fuq il-fruntiera jiġu organizzati bla xkiel biex jikkonformaw mal-limiti ta’ żmien stretti l-ġodda (7 ijiem għall-iskrinjar, 12-il ġimgħa għall-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera u 12-il ġimgħa għall-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera).

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw il-proċessi amministrattivi tagħhom, billi jibdew bil-flussi tax-xogħol u l-proċeduri operattivi standard tagħhom, kif ukoll l-għodod tagħhom biex jiżguraw il-fluss adegwat ta’ informazzjoni f’kull pass u fost l-awtoritajiet involuti u jikkonformaw mal-limiti ta’ żmien stretti u l-obbligi ta’ rapportar il-ġodda. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jistabbilixxu sistemi integrati ta’ ġestjoni tal-każijiet sabiex l-informazzjoni rilevanti tinġabar u tiġi kondiviża mad-diversi servizzi, kif rilevanti.

üL-Istati Membri se jkollhom jieħdu l-azzjonijiet xierqa biex jiżguraw li l-migranti jibqgħu disponibbli għall-awtoritajiet matul l-iskrinjar u l-proċeduri fuq il-fruntiera (u ma jitħallewx jidħlu b’mod mhux awtorizzat u jkunu limitati milli jiċċaqalqu b’mod mhux awtorizzat 11 ). Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu protokolli li jkopru valutazzjoni ta’ miżuri biex jiġi limitat ir-riskju ta’ ħarba, inklużi alternattivi għad-detenzjoni (li għandhom jiġu definiti mil-liġi), b’mod partikolari għall-familji bit-tfal, u l-użu possibbli tad-detenzjoni.

üL-Istati Membri għandhom jirriflettu l-iskrinjar fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri.

üL-Istati Membri se jkollhom jintegraw il-kontrolli tal-identità, tas-sigurtà, tal-vulnerabbiltà u tas-saħħa meħtieġa għall-iskrinjar fit-territorju fi prattiki nazzjonali ta’ qbid/ritorn diġà eżistenti.

Kapaċitajiet (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üL-Istati Membri se jkollhom bżonn jidentifikaw il-postijiet biex iwettqu l-iskrinjar u l-proċeduri fuq il-fruntiera. Jekk ikun meħtieġ, se jkollhom jespandu jew jibnu l-infrastruttura meħtieġa. L-infrastruttura għandha tinkludi faċilitajiet ta’ skrinjar għal migranti irregolari u applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jridu jikkonformaw mal-istandards tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (fil-każ ta’ migranti irregolari) u r-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (fil-każ ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali). L-infrastruttura għandha tinkludi wkoll ċentri tal-akkoljenza għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (inkluża l-kapaċità xierqa għad-detenzjoni) biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ “kapaċità adegwata” tal-Istat Membru u li jridu jikkonformaw mal-istandards tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza 12 , filwaqt li jitqiesu wkoll ir-rekwiżiti speċifiċi għall-familji bit-tfal 13 . Dan jirrikjedi valutazzjoni bir-reqqa tal-kapaċità eżistenti u l-ippjanar tal-bini jew ir-rinnovazzjoni tal-infrastruttura immedjatament wara li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-kapaċità adegwata li kull Stat Membru jeħtieġ li jistabbilixxi.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw biżżejjed persunal kompetenti 14 biex iwettaq il-proċeduri ta’ skrinjar u ta’ ażil/ritorn fil-fruntiera fl-iskadenzi qosra previsti fil-leġiżlazzjoni b’rispett dovut għas-salvagwardji kollha tad-drittijiet fundamentali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll kapaċità ġudizzjarja suffiċjenti biex jiżguraw li kwalunkwe appell jidħol fl-iskadenza għall-proċeduri fuq il-fruntiera.

üJekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri se jkollhom jakkwistaw it-tagħmir meħtieġ biex iwettqu l-proċeduri tal-iskrinjar u tal-fruntieri (eż., magni tal-Eurodac, tagħmir biex jiġu identifikati dokumenti frodulenti) u jiżguraw konnettività adegwata tal-internet biex jaċċessaw id-diversi bażijiet tad-data.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw ukoll li l-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet tal-iskrinjar ikollu aċċess għall-bażijiet tad-data tal-UE u tal-Interpol, u għad-data tal-Europol.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżviluppaw il-kapaċità tal-ġbir tad-data meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligi ta’ rapportar meta tintlaħaq il-“kapaċità adegwata” jew l-għadd massimu annwali ta’ applikazzjonijiet.

Il-Kummissjoni

Obbligu ġuridiku

üSa Awwissu 2024, (xahrejn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil), il-Kummissjoni se tadotta l-att ta’ implimentazzjoni li jikkalkula l-kapaċità adegwata li kull Stat Membru se jkollu jistabbilixxi għal 3 snin.

Appoġġ prattiku

üIl-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), se jiżviluppaw mudelli għall-proċedura fuq il-fruntiera (inklużi salvagwardji tad-drittijiet fundamentali). Il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll, kif meħtieġ, il-Manwal Prattiku għall-Għassiesa tal-Fruntieri. Sabiex jiġi żgurat fehim komuni bejn il-gwardji tal-fruntiera, l-uffiċjali tal-ażil u l-ħaddiema tal-każijiet tar-ritorn, il-Kummissjoni se torganizza diskussjonijiet iddedikati li jlaqqgħu flimkien dawn it-tliet atturi.

üIl-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż fis-segwitu għall-proċess tal-Artikolu 25a tal-Kodiċi dwar il-Viżi ppreżentat fit-taqsima 5 kif ukoll “azzjonijiet ta’ ritorn immirati” fil-kuntest tal-ħidma tal-Koordinatur tar-Ritorn tal-UE (ara l-element kostitwenti 5) biex tiżgura li l-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera tkun tista’ tiffunzjona b’mod effettiv, filwaqt li tqis in-nazzjonalitajiet li jaqgħu taħt il-proċedura obbligatorja fuq il-fruntiera.

üIl-Kummissjoni se tintegra l-iskrinjar fiċ-ċiklu ta’ politika tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri.

L-Aġenziji tal-UE

Obbligu ġuridiku

üL-EUAA se tiżviluppa gwida dwar alternattivi effettivi għad-detenzjoni.

üIr-“Rapporti ta’ Konverġenza” regolari li jmiss tal-EUAA għandhom jappoġġaw lill-Istati Membri fil-proċess li jiddeterminaw dawk in-nazzjonalitajiet li fil-prinċipju jaqgħu fi ħdan il-proċedura fuq il-fruntiera u jidentifikaw każijiet li għalihom ir-rata ta’ rikonoxximent ta’ 20 % fl-ewwel istanza mhijiex rappreżentattiva minħabba differenzi sinifikanti bejn id-deċiżjonijiet fil-prima istanza u dawk finali.

üL-EUAA se jkollha tagħti attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni tal-proċedura fuq il-fruntiera mill-Istati Membri. Meta l-monitoraġġ tal-EUAA juri li l-kundizzjonijiet biex jiġu akkomodati t-tfal mhumiex fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha obbligu li toħroġ rakkomandazzjoni pubblika biex tissospendi l-proċeduri fuq il-fruntiera għall-familji bit-tfal.

Appoġġ prattiku

üL-EUAA se taġġorna l-moduli u l-linji gwida tat-taħriġ. Eżempji ta’ aġġornamenti meħtieġa jinkludu l-flussi tax-xogħol operazzjonali għall-iskrinjar, is-sett ta’ għodod tal-iskrinjar/tal-vulnerabbiltà, jew l-għodda prattika għall-uffiċjali tal-ewwel kuntatt.

üIl-Frontex se tipprovdi appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri dwar l-iskrinjar, b’mod partikolari t-taħriġ tal-awtoritajiet tal-iskrinjar.

üIl-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex għandu jinkludi l-iskrinjar, bħala għodda ġdida tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni ta’ Schengen, fl-Anness tal-Istrateġija Teknika u Operazzjonali għall-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri (TO-EIBM).

Stadji importanti ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati:

Sat-12 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni għandha tadotta l-att ta’ implimentazzjoni li jikkalkula l-kapaċità adegwata għal kull Stat Membru.

Sat-12 ta’ Diċembru 2024, l-EUAA għandha tadotta linji gwida rigward ir-rekwiżiti għall-persunal fil-proċedura fuq il-fruntiera u l-linji gwida tal-EUAA dwar prattiki differenti fir-rigward ta’ alternattivi għad-detenzjoni fil-kuntest tal-proċedura fuq il-fruntiera.

Sat-12 ta’ April 2026 (jiġifieri, xahrejn qabel id-data meta r-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil isir applikabbli), l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-postijiet għall-proċeduri fuq il-fruntiera.

Sat-12 ta’ Ġunju 2026, l-Istati Membri għandhom ikunu ffinalizzaw l-istabbiliment tal-kapaċità adegwata tagħhom.



ELEMENT KOSTITWENTI 3

L-akkoljenza terġa’ tiġi maħsuba mill-ġdid

Il-kapaċità ta’ akkoljenza tinvolvi l-kapaċità li jiġu pprovduti kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali (akkomodazzjoni, ikel, ħwejjeġ, prodotti tal-iġjene personali u gratifika għall-ispejjeż ta’ kuljum li għandha dejjem tinkludi ammont monetarju) lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-ġeneru, l-età u kwalunkwe ħtieġa ta’ akkoljenza speċjali tagħhom. Dan jinvolvi wkoll il-kapaċità li tiġi pprovduta kura tas-saħħa fiżika u mentali, edukazzjoni għall-minorenni, miżuri ta’ integrazzjoni bikrija u informazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom 15 .

Il-konverġenza lejn standards adegwati ta’ akkoljenza għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali li joħolqu kundizzjonijiet tal-għajxien komparabbli fl-Istati Membri kollha hija essenzjali biex is-sistema Ewropea tal-migrazzjoni u l-ażil tiffunzjona kif suppost, inkluż għal trasferimenti skont ir-regoli ta’ responsabbiltà. L-eżistenza ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati hija element ewlieni meta jiġi deċiż jekk Stat Membru huwiex ippreparat sew. Il-forniment ta’ akkoljenza materjali f’konformità mal-istandards fir-riformulazzjoni tadDirettiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza huwa wkoll fattur kruċjali biex jiġi deċiż jekk il-kapaċità fil-fruntiera tistax titqies bħala “adegwata” 16 .

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qed jiffaċċjaw bosta sfidi dwar l-akkoljenza. Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza mhux biss tkabbar is-sistema attwali, iżda toffri wkoll opportunità biex jiġi maħsub mill-ġdid il-mod kif jiġu organizzati s-sistemi ta’ akkoljenza fil-livell nazzjonali. Tinkludi għodod ġodda importanti fil-ġestjoni tal-akkoljenza li jipprovdu għal aktar flessibbiltà, effiċjenza, u l-prevenzjoni ta’ movimenti sekondarji. Pereżempju, id-Direttiva riformulata dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza toffri l-possibbiltà li l-applikanti jiġu allokati għal akkomodazzjonijiet u żoni ġeografiċi, u b’hekk il-forniment ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali ssir soġġetta għal residenza attwali fl-akkomodazzjoni fejn l-applikanti jkunu ġew allokati jew f’żona speċifika. L-Istati Membri għandhom jieħdu vantaġġ sħiħ minn dawn l-opportunitajiet. Barra minn hekk, l-Istati Membri se jkollhom jipprovdu għal ħtiġijiet bażiċi biss meta l-applikanti ma jkunux fl-Istat Membru fejn suppost ikunu.

Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza tkompli tarmonizza wkoll l-istandards u ssaħħaħ is-salvagwardji għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, inkluż l-aċċess aktar bikri għas-suq tax-xogħol (6 xhur minflok 9 xhur), il-kura tas-saħħa fiżika u mentali u aktar protezzjoni għall-familji, it-tfal, u l-applikanti vulnerabbli 17 .

Minħabba l-għadd kbir ta’ atturi involuti fil-ġestjoni tal-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-ażil, is-sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati ma’ atturi rilevanti spiss urew li huma kritiċi fil-ġestjoni xierqa tas-sistemi ta’ akkoljenza f’xi Stati Membri. Dan jinkludi l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u ekonomiċi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-NGOs, jew l-organizzazzjonijiet immexxija mill-migranti.

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-element kostitwenti:

L-Istati Membri

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri se jkollhom jirrieżaminaw l-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom u jadottaw il-miżuri leġiżlattivi kollha meħtieġa biex jittrasponu r-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza sat-12 ta’ Ġunju 2026 u jikkomunikawhom lill-Kummissjoni. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw is-soluzzjonijiet flessibbli previsti ffir-riformulazzjoni tad-Direttiva, pereżempju fir-rigward tar-residenza u l-allokazzjoni tal-applikanti għal oqsma speċifiċi, dawn il-possibbiltajiet jeħtieġ li jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali. Il-leġiżlazzjoni għandha tipprevedi wkoll alternattivi għad-detenzjoni.

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri se jkollhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

üL-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jirrieżaminaw l-organizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ akkoljenza biex jottimizzaw kif jiġu organizzati. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jikkombinaw iċ-ċentri ta’ akkoljenza ma’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni, servizzi ta’ appoġġ u assistenza fi flus kontanti, skont il-profil tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali, jiġifieri, il-ġeneru, l-età, il-kompożizzjoni tal-familja, il-vulnerabbiltajiet, u l-ħtiġijiet.

üIt-teknoloġiji l-ġodda joffru għodod awtomatizzati, li bħalissa huma neqsin f’ħafna Stati Membri, għal ġestjoni aktar effiċjenti tal-kapaċità tal-akkoljenza. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni tal-każijiet biex jiġbru u jikkondividu b’mod effettiv data u informazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi rilevanti dwar il-livelli ta’ kapaċità tal-akkoljenza. Is-sistema integrata mbagħad tista’ tiffaċilita l-aċċess għas-servizzi mill-atturi rilevanti kollha u tgħin ukoll biex jiġi identifikat il-ħrib.

üL-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi meħtieġa u jiżviluppaw proċeduri biex jirriflettu l-miżuri l-ġodda fir-riformulazzjoni tad-Direttiva biex jitrażżnu l-movimenti sekondarji u l-abbużi (wara t-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali), bħall-obbligu li jiġu koperti biss il-ħtiġijiet bażiċi meta l-applikanti ma jkunux fl-Istat Membru fejn ikunu meħtieġa jkunu preżenti, jew il-possibbiltà li l-applikanti jiġu allokati għal akkomodazzjoni u żoni ġeografiċi speċifiċi, li jagħmlu l-forniment ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali soġġett għar-residenza attwali fl-akkomodazzjoni jew fiż-żoni li għalihom ikunu ġew allokati l-applikanti 18 .

Kapaċitajiet (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw kapaċità ta’ akkoljenza suffiċjenti, inkluż fir-rigward tal-infrastruttura, l-akkomodazzjoni, l-assistenza fi flus, eċċ., (anke fir-rigward ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza 19 , biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet projettati u jiġi pprovdut standard ta’ għajxien adegwat. Din il-kapaċità għandha tinkludi rilokazzjonijiet antiċipati (jekk l-Istat Membru jagħżel din il-miżura ta’ solidarjetà), kapaċità għal skopijiet ta’ tħejjija 20 kif ukoll kapaċità għall-implimentazzjoni ta’ alternattivi effettivi għad-detenzjoni. Dan jeħtieġ valutazzjoni bir-reqqa tal-kapaċità eżistenti u l-ippjanar tal-bidliet meħtieġa.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw il-kapaċità li jipprovdu aċċess suffiċjenti u adattat għall-kura tas-saħħa fiżika u mentali u għal aċċess aktar rapidu u effettiv għal miżuri ta’ integrazzjoni bikrija (pereżempju, l-edukazzjoni, it-taħriġ fil-lingwi, l-aċċess għas-suq tax-xogħol fi żmien sitt xhur mir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, l-appoġġ għall-impjiegi). L-Istati Membri se jkollhom jiżguraw persunal suffiċjenti u mħarreġ b’mod adegwat dwar l-akkoljenza u l-aċċess għas-servizzi (bħal interpreti, tradutturi, ħaddiema soċjali, persunal mediku inkluż għas-saħħa mentali, u uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal). Dan jeħtieġ valutazzjoni bir-reqqa tal-kapaċità eżistenti u l-ippjanar tar-reklutaġġ u t-taħriġ meħtieġ tal-persunal. It-taħriġ għandu jinkludi l-partijiet ewlenin tal-Kurrikulu Ewropew tal-Ażil relatati mal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza kif ukoll l-għodda għall-identifikazzjoni ta’ applikanti bi bżonnijiet ta’ akkoljenza speċjali żviluppata mill-EUAA. Meta l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza, l-Istati Membri se jkollhom jallokawlhom ir-riżorsi meħtieġa.

Il-Kummissjoni

Appoġġ prattiku

üIl-Kummissjoni se tipprovdi l-appoġġ tekniku meħtieġ permezz tal-grupp ta’ esperti dwar l-Akkoljenza (il-“Kumitat ta’ Kuntatt tal-Akkoljenza”) 21 biex tiffaċilita l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva riformulata, inkluż billi tiċċara t-tifsira ta’ xi dispożizzjonijiet, u tidentifika l-oqsma li jkunu jeħtieġu aktar attenzjoni fil-perjodu ta’ tranżizzjoni, inkluż fid-dawl tat-traspożizzjoni tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

L-Aġenziji tal-UE

Obbligu ġuridiku

üL-EUAA se tiżviluppa mudell ta’ informazzjoni standard kif ukoll il-gwida dwar alternattivi għad-detenzjoni.

Appoġġ prattiku

üL-EUAA se tipprovdi appoġġ permezz tan-Network tal-Akkoljenza tagħha u se taġġorna d-dokumenti ta’ gwida, l-għodod u l-materjali ta’ taħriġ eżistenti u se tirrevedi l-istandards u l-indikaturi tagħha għall-akkoljenza u l-vulnerabbiltà. Dan jinkludi b’mod partikolari l-Gwida tal-2024 dwar l-Akkoljenza – Standards u Indikaturi.

Stadji importanti ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati:

Sa tmiem l-2025, l-EUAA se tipprevedi mudell ta’ informazzjoni standard.

Sat-12 ta’ Ġunju 2026, l-Istati Membri għandhom ikunu ttrasponew ir-rekwiżiti tad-Direttiva riformulata dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Sat-12 ta’ Ġunju 2026, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza. Jekk possibbli, l-Istati Membri huma mħeġġa jinnotifikaw aktar kmieni mill-iskadenza legali meħtieġa biex jiffaċilitaw il-kuntatti mal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ implimentazzjoni.



ELEMENT KOSTITWENTI 4

Proċeduri tal-ażil ġusti, effiċjenti u konverġenti

Proċeduri aktar rapidi u aktar armonizzati huma kritiċi biex tinżamm l-integrità tas-sistema ġenerali tal-ażil kif ukoll biex jitnaqqsu l-movimenti sekondarji u jiġu evitati l-abbużi. Ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil u r-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika jissimplifikaw u jrawmu l-konverġenza fil-proċess ta’ valutazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ applikazzjonijiet individwali għall-ażil madwar l-Ewropa u jsaħħu s-salvagwardji, id-drittijiet u l-garanziji għall-applikanti u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li għandhom jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tal-apolidija.

Ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil jissimplifika l-aċċess għall-proċedura tal-ażil u jarmonizza l-iskedi ta’ żmien u b’hekk jipprevedi proċeduri iqsar u aktar effiċjenti. Pereżempju, ir-Regolament jistabbilixxi skadenzi ċari għat-tliet passi tal-proċedura tal-ażil, jiġifieri, l-applikant li jesprimi x-xewqa li jirċievi protezzjoni internazzjonali (“it-tressiq”) u l-akkoljenza konsegwenti mill-awtoritajiet tal-Istat Membru u r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni (“ir-reġistrazzjoni”) u l-applikant li jippreżenta l-applikazzjoni (“il-preżentazzjoni”). Ir-Regolament jiċċara x’jinvolvi kull wieħed mit-tliet passi, x’obbligi għandhom l-applikant u l-awtoritajiet, u x’inhuma l-iskadenzi għal kull pass (5 ijiem għar-reġistrazzjoni, 21 jum għall-preżentazzjoni). Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll l-iskadenzi għall-eżami tal-applikazzjoni (6 xhur għal deċiżjoni fil-proċedura regolari, 3 xhur għall-proċedura aċċellerata u bejn 10 ijiem u xagħrejn għall-kontrolli tal-inammissibbiltà).

L-Istati Membri se jkollhom japplikaw ukoll regoli ġodda li jsiru obbligatorji, bħall-proċeduri aċċellerati obbligatorji (fakultattivi s’issa), kif ukoll ir-reġim obbligatorju aktar strett applikabbli għal applikazzjonijiet sussegwenti (inkluż l-obbligu li l-applikazzjonijiet li jkunu saru wara r-rifjut fi Stat Membru ieħor jitqiesu bħala applikazzjonijiet sussegwenti). Huma se jkollhom ukoll jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa biex jikkunsidraw applikazzjoni bħala rtirata b’mod impliċitu meta l-applikant jonqos milli jikkonforma ma’ ċerti obbligi, bħar-rekwiżit li tiġi pprovduta data bijometrika, jew li japplika l-kunċett il-ġdid ta’ x’jikkostitwixxi “protezzjoni effettiva” biex jindika pajjiżi terzi sikuri u japplika l-kunċett tal-ewwel pajjiż tal-ażil. Barra minn hekk, għall-biċċa l-kbira tat-talbiet abbużivi u l-applikazzjonijiet sussegwenti, l-appell mhux se jkollu effett sospensiv awtomatiku, li jfisser li jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda u l-persuna ma titħallhiex tibqa’ minn qorti, l-awtoritajiet jistgħu jinfurzaw deċiżjoni ta’ ritorn.

L-Istati Membri se jkollhom japplikaw ukoll ir-rekwiżiti l-ġodda previsti fir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika bħall-obbligu li tiġi vvalutata alternattiva ta’ protezzjoni interna u l-obbligu li jiġi rtirat l-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali fejn ikunu twettqu ċerti atti kriminali jew il-persuna b’xi mod ieħor tkun ta’ theddida għas-sigurtà.

Il-bidliet introdotti fir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil u l-aspetti proċedurali tar-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika joffru opportunità għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-isfidi attwali fir-rigward tal-proċeduri twal tal-ażil u x-xogħol b’lura eżistenti. Ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-applikanti u l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mal-Karta u d-drittijiet speċifiċi previsti fiż-żewġ Regolamenti huwa essenzjali għall-implimentazzjoni korretta ta’ dan l-element kostitwenti (ara l-element kostitwenti 9).

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-element kostitwenti:

L-Istati Membri

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw l-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom u jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva taż-żewġ Regolamenti. F’dan is-sens, uħud mill-elementi li se jeħtieġu attenzjoni partikolari huma l-mod kif jiġi organizzat l-aċċess għall-proċedura (jiġifieri, il-passi, l-iskedi ta’ żmien, l-awtoritajiet involuti), l-effett sospensiv mhux awtomatiku għal ċertu tip ta’ deċiżjonijiet u l-mod kif tiġi definita d-deċiżjoni finali. Għal dan tal-aħħar, huwa kruċjali li jiġi żgurat li d-definizzjoni tippermetti applikazzjoni bla xkiel tar-regoli dwar applikazzjonijiet sussegwenti mingħajr ma jinħolqu proċedimenti paralleli bejn l-ewwel applikazzjoni fl-istadju tal-appell u t-tieni waħda fl-istadju amministrattiv.

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri se jkollhom bżonn jassenjaw responsabbiltajiet adattati għall-qafas il-ġdid u l-passi differenzjati b’mod ċar tal-proċedura tal-ażil, jiġifieri, iressqu/jirċievu l-applikazzjonijiet, jirreġistraw l-applikazzjonijiet u jippreżentaw l-applikazzjonijiet.

üL-Istati Membri għandhom jiżviluppaw flussi tax-xogħol interni effiċjenti għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn diversi servizzi (eż., biex jikkonformaw mal-obbligu ta’ informazzjoni meta l-awtorità li tirċievi tkun differenti mill-awtorità li tirreġistra) u ma’ Stati Membri oħra (eż., meta applikazzjoni tkun diġà ġiet irrifjutata fi Stat Membru ieħor).

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jaġġustaw kif meħtieġ il-metodi ta’ ħidma u jekk meħtieġ, jiżviluppaw proċeduri operattivi standard għall-passi differenti tal-proċedura tal-ażil b’rispett sħiħ tal-iskedi ta’ żmien il-ġodda (għal proċeduri regolari u aċċellerati u għall-kontrolli tal-inammissibbiltà) u l-obbligi, inkluż għall-appelli, filwaqt li jipprovdu s-salvagwardji u l-garanziji kollha meħtieġa 22 .

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw l-organizzazzjoni attwali tal-uffiċċji tal-ażil tagħhom, filwaqt li jqisu l-isfidi eżistenti fir-rigward ta’ xogħol b’lura u t-tul medju tal-proċedura tal-ażil.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet dwar l-ażil jinħarġu u jiġu nnotifikati f’konformità mar-rekwiżiti l-ġodda. L-Istati Membri se jkollhom ukoll jinkorporaw fil-proċeduri amministrattivi tagħhom, fejn applikabbli, l-elementi meħtieġa biex japplikaw il-kunċetti tal-pajjiż terz sigur u tal-ewwel pajjiż tal-ażil u b’mod partikolari l-kunċett ta’ “protezzjoni effettiva”. Huma se jkollhom jinkorporaw ukoll l-obbligu li jikkunsidraw applikazzjoni bħala rtirata b’mod impliċitu fil-każijiet previsti fir-Regolament (id-deċiżjoni tkun immedjata, mingħajr perjodu ta’ sospensjoni, sakemm l-Istat Membru ma jipprovdix mod ieħor). Huma ser ikollhom jinkorporaw ukoll fil-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom l-obbligu li jivvalutaw alternattiva ta’ protezzjoni interna u l-obbligu li jirtiraw l-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali fejn ikunu twettqu ċerti atti kriminali jew il-persuna b’xi mod ieħor tkun ta’ theddida għas-sigurtà.

üL-Istati Membri għandhom iqajmu kuxjenza dwar l-Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta’ Oriġini u l-Gwida tal-Pajjiż tal-EUAA u se jkollhom jiżguraw li dawn il-prodotti jitqiesu mill-ħaddiema fil-każ tal-ażil inkluż sabiex jappoġġaw valutazzjoni solida tal-alternattiva obbligatorja għall-protezzjoni interna. L-Istati Membri għandhom iqajmu kuxjenza wkoll fost l-imħallfin dwar l-Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta’ Oriġini u l-Gwida tal-Pajjiż tal-EUAA.

Kapaċitajiet (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw biżżejjed persunal kompetenti (ħaddiema fil-każ tal-ażil, interpreti, eċċ.), filwaqt li jqisu n-nuqqasijiet attwali, ix-xogħol b’lura u t-tul medju tal-proċedura tal-ażil kif ukoll obbligi ġodda. Huma se jkollhom jiżguraw li t-taħriġ mogħti jinkludi partijiet ewlenin tal-Kurrikulu Ewropew tal-Ażil.

üL-Istati membri se jkollhom jiżguraw li l-uffiċċji tal-ażil ikunu mgħammra b’mod adegwat (b’magni tal-Eurodac, eċċ.) biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effiċjenti fl-iskedi ta’ żmien il-ġodda u f’konformità ma’ obbligi ġodda.

Il-Kummissjoni

Obbligu ġuridiku

üIl-Kummissjoni se tirrevedi l-kunċett ta’ pajjiż terz sikur sat-12 ta’ Ġunju 2025 u fejn xieraq tipproponi kwalunkwe emenda mmirata.

Appoġġ prattiku

üIl-Kummissjoni se torganizza laqgħat tal-gruppi ta’ esperti dwar il-Proċessi u l-Kwalifiki fil-qasam tal-Ażil (“il-Kumitat ta’ Kuntatt dwar il-Proċessi tal-Ażil” u l- “Kumitat ta’ Kuntatt tal-Kwalifiki”) 23 biex tiffaċilita l-applikazzjoni korretta tal-qafas legali, inkluż billi tiċċara t-tifsira ta’ xi dispożizzjonijiet, u tidentifika l-oqsma li jkunu jeħtieġu aktar attenzjoni. Il-Kummissjoni se timmira li l-Kumitati ta’ Kuntatt konġunti jkopru l-aspetti proċedurali kollha kemm skont ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil kif ukoll skont ir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika. Il-Kummissjoni se tgħin ukoll fil-koordinazzjoni tal-identifikazzjoni u t-tixrid ta’ prattiki tajbin.

L-Aġenziji tal-UE

Appoġġ prattiku

üL-EUAA se tistabbilixxi network ta’ unitajiet ta’ awtoritajiet nazzjonali responsabbli u se taġġorna l-informazzjoni u l-materjali ta’ taħriġ kollha kif ukoll id-dokumenti ta’ gwida, u jekk ikun meħtieġ, l-indikaturi, li għandhom jiġu kkunsidrati matul il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet (inkluż għall-qrati u t-tribunali).

üL-EUAA se tkompli tipprovdi Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta’ Oriġini (COI) u Gwida dwar il-Pajjiż lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali kollha u taġġusta l-bażijiet tad-data eżistenti bħas-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Tħejjija għall-oqfsa l-ġodda.

üFuq it-talba tal-Kummissjoni, l-EUAA se tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni u analiżi dwar pajjiżi terzi speċifiċi li jistgħu jitqiesu għad-deżinjazzjoni bħala pajjiżi terzi sikuri fil-livell tal-Unjoni.

Stadji importanti ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati:

Sat-12 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-kunċett ta’ pajjiż terz sikur u fejn xieraq tipproponi kwalunkwe emenda mmirata.

Sat-12 ta’ Ġunju 2026, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet responsabbli biex jirċievu l-applikazzjonijiet, jirreġistraw l-applikazzjonijiet u jippreżentaw applikazzjonijiet skont ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil.

Sat-12 ta’ Ġunju 2026, l-Istati Membri għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-finijiet tar-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika u jikkomunikaw l-indirizz tiegħu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.



ELEMENT KOSTITWENTI 5

Proċeduri ta’ ritorn effiċjenti u ġusti

Il-politika tal-migrazzjoni tal-UE tista’ tkun sostenibbli biss jekk dawk li ma għandhomx id-dritt li jibqgħu fl-UE jiġu rritornati b’mod effettiv. Dan l-element kostitwenti jelenka passi ulterjuri lejn sistema komuni tal-UE għar-ritorni, li fiha l-persuni ripatrijati jiġu inċentivati jikkooperaw, jibqgħu disponibbli matul il-proċess u jirritornaw, kull meta jkun possibbli b’mod volontarju. Il-miżuri mmirati biex jinċentivaw ir-ritorn volontarju għandhom jikkomplementaw ritorni furzati kredibbli u li jiffunzjonaw tajjeb. L-Istati Membri għandhom ikunu mgħammra wkoll b’għodod u proċeduri li jippermettu ġestjoni interna effiċjenti u kooperazzjoni msaħħa u kondiviżjoni tal-informazzjoni ma’ Stati Membri oħra bil-ħsieb ta’ proċess ta’ ritorn aktar effettiv.

Biex jingħalqu l-lakuni bejn il-proċedura tal-ażil u tar-ritorn, ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li kull applikant li tkun inħarġitlu deċiżjoni negattiva dwar l-ażil jirċievi wkoll deċiżjoni ta’ ritorn fl-istess ħin jew ftit wara. Iż-żewġ deċiżjonijiet se jkollhom jiġu appellati b’mod konġunt quddiem l-istess qorti jew tribunal, fl-istess proċedimenti ġudizzjarji, u l-istess skedi ta’ żmien jekk id-deċiżjoni ta’ ritorn tittieħed bħala parti mid-deċiżjoni negattiva relatata dwar l-ażil. Jekk id-deċiżjoni ta’ ritorn tinħareġ separatament, din tista’ tiġi appellata separatament iżda fl-istess skedi ta’ żmien 24 . Ir-regoli msaħħa se jkunu applikabbli għal dawk li jippruvaw idewmu l-proċeduri permezz ta’ appelli jew applikazzjonijiet sussegwenti għall-ażil għall-iskop uniku li jfixklu r-ritorn mill-Unjoni.

Filwaqt li xi Stati Membri ċċentralizzaw il-ġestjoni tal-atturi involuti fil-proċess ta’ ritorn taħt awtorità waħda, Stati Membri oħra stabbilew arranġamenti ta’ ħidma bejn atturi u awtoritajiet differenti biex itejbu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-proċess ta’ ritorn.

Hemm 19-il Stat Membru li diġà joħorġu deċiżjonijiet negattivi dwar l-ażil flimkien ma’ deċiżjonijiet ta’ ritorn, xi wħud bħala parti mill-istess att u oħrajn bħala żewġ atti separati iżda xorta waħda fl-istess ħin. Ħames Stati Membri diġà ddiġitalizzaw is-sistemi tal-IT tal-ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn, u 11-il Stat Membru jinsabu fil-proċess li jiżviluppaw waħda bbażata fuq il-mudell ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ta’ Ritorn (RECAMAS) żviluppata mill-Frontex. Is-Sistemi ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ta’ Riammissjoni ffinanzjati mill-UE jiffaċilitaw il-proċeduri ta’ riammissjoni ma’ xi pajjiżi terzi li magħhom huma konnessi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, ħafna atturi fil-livell nazzjonali huma involuti fil-proċess ta’ ritorn u l-kooperazzjoni hija ewlenija għal proċess effiċjenti. L-evalwazzjoni tematika ta’ Schengen li għaddejja fil-qasam tar-ritorn għal sistema effettiva tal-UE għar-ritorni qed tħares b’mod partikolari lejn kif jistgħu jitnaqqsu l-lakuni bejn l-atturi fil-proċess ta’ ritorn. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni (inklużi l-aħjar prattiki) għandhom jitqiesu bħala rilevanti meta jiġu implimentati l-elementi tal-Patt relatati ma’ proċeduri ta’ ritorn aktar effiċjenti u ġusti madwar l-Ewropa 25 .

Ir-ritorn volontarju, sostnut minn ritorn furzat kredibbli, flimkien mar-riintegrazzjoni, jikkostitwixxi l-mod aktar sostenibbli, kosteffettiv u uman/dinjituż biex jitwettqu r-ritorni u għandu jibqa’ jkun ippreferut. Huwa importanti li jissaħħu l-inċentivi għar-ritorn volontarju u li jiġi pprovdut appoġġ koerenti għar-riintegrazzjoni, inkluż bl-użu tal-Programm ta’ Riintegrazzjoni tal-UE mmexxi mill-Frontex. Bħalissa 25 minn 31 Stat Membru u Pajjiż Assoċjat ma’ Schengen qed jipparteċipaw u jużaw il-Programm ta’ Riintegrazzjoni tal-UE tal-Frontex.

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-element kostitwenti:

L-Istati Membri

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jadattaw l-oqfsa regolatorji nazzjonali kif meħtieġ.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li d-deċiżjoni ta’ ritorn tinħareġ bħala parti mid-deċiżjoni negattiva dwar l-ażil jew, jekk tinħareġ bħala att separat, li d-deċiżjoni ta’ ritorn tinħareġ fl-istess ħin tad-deċiżjoni dwar l-ażil jew ftit wara dik id-deċiżjoni.

üL-Istati Membri se jkollhom ukoll jiżguraw li l-appelli kontra deċiżjonijiet negattivi dwar l-ażil u d-deċiżjoni ta’ ritorn jiġu ttrattati b’mod konġunt jew fl-iskedi ta’ żmien previsti fir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti ta’ żmien konġunti għat-tnejn li huma fil-leġiżlazzjoni.

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw il-proċeduri interni tagħhom biex jistabbilixxu proċess u fluss tax-xogħol ċari dwar kif il-każijiet jiġu ġestiti biex jiġi żgurat proċess bla xkiel bejn il-ħruġ ta’ deċiżjoni negattiva dwar l-ażil u d-deċiżjoni ta’ ritorn, li jvarjaw mill-mument li l-persuna ma jkollhiex aktar id-dritt li tibqa’ fl-UE sad-deċiżjoni ta’ ritorn, għal talba ta’ riammissjoni lejn pajjiż terz u mbagħad ir-ritorn volontarju/furzat u l-għoti ta’ appoġġ għar-riintegrazzjoni. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll strutturi li jiggarantixxu li l-appelli kontra deċiżjonijiet negattivi dwar l-ażil u d-deċiżjoni ta’ ritorn jiġu ttrattati b’mod konġunt jew fl-iskedi ta’ żmien previsti fir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil.

üL-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu passi attivi biex jistabbilixxu sistema tal-IT ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn moderna u effettiva li tipprevedi l-ipproċessar tal-informazzjoni u l-kontrolli li jirriflettu l-bidliet leġiżlattivi u amministrattivi u r-rekwiżiti tal-fluss tax-xogħol. L-użu tas-Sistema eżistenti ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ta’ Ritorn u tal-Għodod ta’ Assistenza għar-Riintegrazzjoni għandhom jiġu appoġġati u mwessgħa wkoll.

Kapaċitajiet (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw kemm ir-rekwiżiti tal-infrastruttura kif ukoll il-kapaċità tal-persunal biex ikunu jistgħu jipprevedu miżuri effettivi li jiżguraw id-disponibbiltà tal-persuna ripatrijata matul il-proċedura kollha għall-prevenzjoni tar-riskju ta’ ħarba, inkluż fejn rilevanti permezz tal-applikazzjoni ta’ alternattivi għad-detenzjoni.

üL-Istati Membri għandhom jipprovdu kapaċità biex isaħħu l-konsulenza dwar ir-ritorn biex jiżguraw li dawk li jeħtieġ li jiġu rritornati jkunu akkumpanjati malajr matul il-proċess kollu.

üL-Istati Membri għandhom isaħħu l-inċentivi għar-ritorn volontarju u jissimplifikaw l-appoġġ għar-riintegrazzjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Frontex.

Il-Kummissjoni

Appoġġ prattiku

üIl-Koordinatur tar-Ritorn se jkollu rwol ewlieni fis-segwitu għall-isfidi identifikati speċifikament fil-qasam tar-ritorn u billi jrawwem titjib fl-effiċjenza, koerenza interna, u kooperazzjoni fost l-Istati Membri. Il-Koordinatur tar-Ritorn se jagħmel dan permezz ta’ azzjonijiet ta’ ritorn immirati li jibnu fuq il-ħidma diġà mnedija biex jittejjeb l-ippjanar konġunt tat-titjiriet u l-missjonijiet ta’ identifikazzjoni inkluż biex jiġi ottimizzat l-użu tal-appoġġ tal-Frontex, jiġu skambjati prattiki u esperjenza dwar il-ħruġ konġunt ta’ deċiżjonijiet negattivi dwar l-ażil u deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-kooperazzjoni dwar ir-ritorn ta’ persuni ripatrijati li joħolqu theddida għas-sigurtà. In-Network ta’ Livell Għoli dwar ir-ritorn u l-Frontex se jappoġġaw ukoll dawn l-isforzi.

üIl-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb l-implimentazzjoni prattika tal-approċċ ta’ Tim Ewropa u ssaħħaħ il-kooperazzjoni effettiva tal-pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni, bl-użu tal-ingranaġġi u l-inċentivi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom bħas-segwitu għall-Artikolu 25a tal-mekkaniżmu tal-Kodiċi dwar il-Viżi li jorbot il-kooperazzjoni dwar il-viżi u r-riammissjoni, deskritt fit-taqsima 5 hawn taħt, kif ukoll il-politiki dwar il-kummerċ, il-viża, l-iżvilupp u politiki oħra.

üIl-Kummissjoni se tiżviluppa orjentazzjonijiet ġenerali dwar id-diġitalizzazzjoni tas-sistema ta’ ritorn tal-UE b’approċċ olistiku għall-elementi kollha tal-implimentazzjoni tal-Patt.

L-Aġenziji tal-UE

Appoġġ prattiku

üIl-Frontex, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-Koordinatur tar-Ritorn, se jkollha rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ dan l-element kostitwenti billi tappoġġa lill-Istati Membri fil-fażijiet kollha tal-proċess ta’ ritorn. It-tisħiħ u l-użu sħiħ tal-appoġġ tal-Frontex għall-identifikazzjoni, l-operazzjonijiet ta’ ritorn u l-appoġġ għar-riintegrazzjoni sostenibbli se jkunu kritiċi.

üIs-sistema ta’ koordinazzjoni prevedibbli fi ħdan il-Frontex, ibbażata fuq l-ippjanar konġunt tal-użu mill-Istati Membri tal-appoġġ tal-Frontex, għandha tippermetti akkomunament aħjar tar-riżorsi matul il-fażijiet kollha tar-ritorn. Din is-sistema għandha tibni fuq il-ħidma fuq azzjonijiet ta’ ritorn immirati, filwaqt li tiffoka fuq it-tisħiħ tal-koerenza, il-koordinazzjoni, it-titjib fl-effiċjenza u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn u fi ħdan l-Istati Membri, taħt it-tmexxija tal-Koordinatur tar-Ritorn.

Stadji importanti ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati:

Sa tmiem l-2024, l-Istati Membri kollha għandhom jużaw b’mod attiv il-Programm ta’ Riintegrazzjoni tal-UE tal-Frontex.

Sa Jannar 2025, il-Frontex, b’ħidma mill-qrib mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri, se tistabbilixxi sistema ta’ ppjanar komprensiva, iffukata fuq pajjiżi terzi prijoritarji ewlenin.

Sa Ġunju 2025, il-Koordinatur tar-Ritorn se jiżviluppa manwal bħala “azzjoni mmirata” biex jiggwida lill-atturi involuti fir-ritorn fl-Istati Membri biex jiġu konnessi permezz ta’ fluss tax-xogħol effiċjenti.

Fl-2025, il-Kummissjoni se tistabbilixxi mekkaniżmi biex tappoġġa lil dawk l-Istati Membri li għadhom mhumiex qed joħorġu deċiżjonijiet ta’ ritorn flimkien ma’ deċiżjonijiet negattivi dwar l-ażil biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet biex jagħmlu dan.

Sa nofs l-2026, abbażi tal-analiżi tal-lakuni tal-Frontex, il-Frontex se tassisti lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistema tal-IT ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn.



ELEMENT KOSTITWENTI 6

Sistema ġusta u effiċjenti: niżguraw li r-regoli tar-responsabbiltà l-ġodda jaħdmu

L-istabbiliment ta’ kondiviżjoni tar-responsabbiltà effettiva u stabbli madwar l-Unjoni u t-tnaqqis tal-inċentivi għal movimenti sekondarji huma waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Patt u element essenzjali biex tinbena l-fiduċja fost l-Istati Membri.

Illum, ir-Regolament Dublin III 26 jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat liema Stat Membru huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Jekk l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma jkunux preżenti fl-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tagħhom, huma għandhom jiġu ttrasferiti lejn dak l-Istat Membru. Kien hemm sfidi importanti għall-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin, speċjalment fir-rigward tat-twettiq tat-trasferimenti.

Ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni (AMMR) li għadu kif ġie adottat jirriforma s-sistema ta’ Dublin, billi jintroduċi regoli ta’ responsabbiltà aktar ġusti u aktar effiċjenti. L-applikazzjoni korretta tar-regoli l-ġodda hija fundamentali għall-funzjonament effettiv tas-sistema tal-ażil tal-Ewropa, u biex tiġi żgurata s-solidarjetà fost l-Istati Membri. L-iżgurar ta’ trasferimenti sistematiċi u rapidi lejn l-Istat Membru responsabbli se jgħin biex jiġi indirizzat ix-“shopping għal ażil” u min-naħa tiegħu jiskoraġġixxi l-wasliet irregolari u jnaqqas xi wħud mill-fatturi li jinċentivaw lin-nies biex jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri b’mod mhux awtorizzat.

F’dan il-proċess, se jkun kruċjali li jingħelbu malajr in-nuqqasijiet attwali. Ir-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà huma evoluzzjoni sinifikanti mis-sistema attwali. Pereżempju, ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni jintroduċi kriterju ġdid ta’ responsabbiltà bbażat fuq diplomi u kwalifiki u jagħmel ir-responsabbiltà aktar stabbli billi jtawwal, bħala regola, l-iskedi ta’ żmien għall-bidla u l-waqfien tar-responsabbiltà. Fl-istess ħin, isaħħaħ il-kriterji tal-familja, inkluż bl-introduzzjoni ta’ obbligu ġdid li tingħata prijorità lill-każijiet tal-familja.

Ir-Regolament il-ġdid jagħmel il-proċeduri aktar effiċjenti billi jqassar l-iskadenzi u billi jittrasforma l-proċedura ta’ teħid lura f’notifika. Hemm ukoll obbligi ġodda għall-applikanti biex inaqqsu l-abbużi għas-sistema (bħall-obbligu li japplikaw fl-Istat Membru tal-ewwel dħul) u għall-Istat Membru biex jirreaġixxi f’każ ta’ movimenti sekondarji (bħal obbligu li jiġu koperti biss il-ħtiġijiet bażiċi tal-applikant f’każ ta’ ħarba) jew jekk l-applikant ikun ta’ theddida għas-sigurtà. Dawn huma bbilanċjati b’garanziji ġodda għall-applikanti 27 .

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Il-Pjan Direzzjonali ta’ Dublin fl-azzjoni - It-titjib tal-effettività tar-Regolament ta’ Dublin III: l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajbin fl-Istati Membri” 28 jidentifika prattiki li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jindirizzaw xi wħud mill-isfidi eżistenti tas-sistema attwali, hekk kif qegħdin fit-tranżizzjoni lejn il-waħda l-ġdida.

Biex nimxu b’suċċess mis-sistema ta’ Dublin III għall-istandards legali u operazzjonali tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, għandha tittieħed l-azzjoni li ġejja:

L-Istati Membri

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jaġġustaw kif meħtieġ l-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni. Fost l-oħrajn, l-Istati Membri se jkollhom jagħtu attenzjoni partikolari għar-rimedji effettivi 29 , in-nuqqas ta’ intitolament għall-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza f’każ ta’ ħarba, u l-allinjament mal-iskedi ta’ żmien il-ġodda skont il-proċeduri differenti.

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u fejn meħtieġ jaġġustaw l-istruttura u l-funzjonament tal-unitajiet nazzjonali ta’ Dublin. Dan jinkludi r-rieżami tal-metodi ta’ ħidma tal-unitajiet ta’ Dublin u l-aġġornament tal-proċeduri operattivi standard biex jiġu implimentati l-proċeduri l-ġodda (jiġifieri n-notifiki ta’ teħid lura, ir-rilokazzjonijiet, u l-kumpens għar-responsabbiltà kif ukoll il-kontinwazzjoni tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà fin-nuqqas tal-applikant) u għall-konformità mal-iskedi ta’ żmien iqsar għall-proċeduri kollha.

üL-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strutturi ta’ koordinazzjoni u metodi ta’ ħidma bejn l-unitajiet ta’ Dublin tagħhom u awtoritajiet oħra biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tar-regoli l-ġodda. Dan jinkludi pereżempju l-iżvilupp ta’ metodi speċifiċi ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-iskrinjar u tal-infurzar tal-liġi (eż., biex ikopru l-eżitu tal-kontroll tas-sigurtà matul l-iskrinjar, jew l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għas-sigurtà qabel ma jitwettaq trasferiment) u l-awtoritajiet ta’ akkoljenza (monitoraġġ tal-preżenza fl-akkomodazzjoni, eċċ.).

Għal dawn il-finijiet, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jiżviluppaw jew jaġġornaw is-sistema eżistenti tal-IT tagħhom ta’ ġestjoni tal-każijiet biex jippermettu l-integrazzjoni tal-proċedura riformata ta’ Dublin mal-proċessi l-oħra relatati mal-ażil u l-akkoljenza. Is-sistema integrata ta’ ġestjoni tal-każijiet se tiffaċilita l-konformità mal-obbligi l-ġodda u żżid l-effiċjenza tal-proċeduri eżistenti. Se tiżgura wkoll ħarsa ġenerali aħjar lejn l-istadji differenti tal-proċedura kif ukoll kooperazzjoni u komunikazzjoni aktar effettivi bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (eż., l-ażil, l-akkoljenza, ir-ritorn, il-migrazzjoni, u l-ġestjoni tal-fruntieri). L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll l-awtomatizzazzjoni ta’ ċerti partijiet tal-proċedura, inkluż il-kalkolu awtomatiku tal-iskedi ta’ żmien applikabbli, tfakkiriet dwar skadenzi tal-iskedi ta’ żmien li jkunu qed joqorbu jew suġġerimenti għall-passi li jmiss fil-proċedura.

üL-Istati Membri huma mħeġġa jiżviluppaw inventarju ta’ diplomi u kwalifiki oħra mit-tieni livell tal-Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali għall-Edukazzjoni ’l fuq bl-għan li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva tal-kriterju l-ġdid dwar id-diplomi u l-kwalifiki. Dan l-inventarju jista’ jinkludi wkoll lista ta’ stabbilimenti edukattivi fl-Istati Membri li huma intitolati li joħorġu diplomi u kwalifiki bħal dawn.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw il-prijoritizzazzjoni tal-każijiet relatati mal-familja f’kull stadju tal-proċedura, pereżempju billi jiżviluppaw proċeduri operattivi standard speċifiċi. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet fdati bit-traċċar tal-familja.

Kapaċitajiet (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom ir-riżorsi umani, materjali u finanzjarji meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, inkluż persunal suffiċjenti u mħarreġ b’mod adegwat. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jekk meħtieġ, iżidu l-kapaċità tal-Unitajiet ta’ Dublin nazzjonali biex iwettqu l-kompiti kollha tagħhom fil-limiti ta’ żmien iqsar il-ġodda. L-Istati Membri se jkollhom jiżguraw ukoll kapaċità suffiċjenti biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment billi, pereżempju, jillimitaw il-ħrib 30 , itejbu l-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri, iżidu l-flessibbiltà fl-Istat Membru responsabbli u jappoġġaw lill-Istat Membru li jittrasferixxi 31 . Dan jeħtieġ riżorsi umani u l-loġistika meħtieġa, inkluż pereżempju faċilitajiet iddedikati għat-trasferimenti ta’ Dublin.

üL-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li DubliNet tiġi aġġornata fil-livell nazzjonali sabiex DubliNet tibqa’ operazzjonali u tippermetti l-iskambju tal-informazzjoni kollha meħtieġa skont ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni.

Il-Kummissjoni

Obbligu ġuridiku

üSa Settembru 2024, il-Kummissjoni se tlaqqa’ l-kumitat regolatorju l-ġdid tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni biex jadotta l-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa skont ir-Regolament.

üIl-Kummissjoni se tadotta r-regoli ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-AMMR, li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kummissjoni 1560/2003 (“ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni ta’ Dublin”) 32 .

Appoġġ prattiku

üIl-Kummissjoni, b’ħidma mal-EUAA, se torganizza laqgħat tal-grupp ta’ esperti ta’ Dublin (il-“Kumitat ta’ Kuntatt ta’ Dublin”) biex tiffaċilita l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet il-ġodda (inkluż billi tiċċara t-tifsira ta’ xi dispożizzjonijiet), tidentifika l-oqsma li jkunu jeħtieġu aktar attenzjoni fil-perjodu ta’ tranżizzjoni, u tiżviluppa gwida fejn meħtieġ. Hija se tistinka biex torganizza dawn il-laqgħat eżatt wara n-Network ta’ Dublin tal-EUAA, li jiffoka aktar fuq l-isfidi operazzjonali.

üIl-Kummissjoni, f’ħidma mal-eu-LISA u mal-Istati Membri, tipprevedi aġġornament gradwali ta’ DubliNet biex tadattah għall-qafas legali l-ġdid u għall-ħtiġijiet tal-unitajiet nazzjonali ta’ Dublin.

üIl-Kummissjoni se tappoġġa struttura komuni ta’ inventarji għad-diplomi u kwalifiki oħra u stabbilimenti edukattivi, abbażi ta’ bażijiet tad-data eżistenti tal-UE (bħal http://eter-project/com ) u aktar ħidma fil-kuntest tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u l-Europass 33 dwar l-interoperabbiltà tal-bażijiet tad-data għall-kwalifiki, kif ukoll man-network taċ-ċentri nazzjonali ta’ rikonoxximent akkademiku (in-network ENIC-NARIC).

L-Aġenziji tal-UE

Obbligu ġuridiku

üSa April 2025 (10 xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-AMMR), l-EUAA se tiżviluppa l-mudell għal każijiet relatati mal-familja u linji gwida għat-traċċar u l-identifikazzjoni tal-membri tal-familja.

üL-EUAA, bl-appoġġ tal-Istati Membri, se tiżviluppa wkoll fuljetti ta’ informazzjoni u materjali adattati u komprensivi u tipprovdi gwida dwar it-twettiq ta’ intervisti personali permezz ta’ vidjokonferenza.

Appoġġ prattiku

üL-EUAA se taġġusta l-funzjonament u l-kamp ta’ applikazzjoni tan-network tagħha tal-unitajiet ta’ Dublin biex tirrifletti s-sistema l-ġdida u taġġorna l-linji gwida li jappoġġaw l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar ir-responsabbiltà.

üL-eu-LISA se tkun responsabbli għall-aġġornament tekniku u operazzjonali ta’ DubliNet. L-ewwel fażi (aġġornament prijoritarju) se tibda bejn nofs l-2024 u nofs l-2026 u se tiżgura l-adegwatezza tal-formoli ta’ DubliNet. Se tipprovdi wkoll aġġornamenti teknoloġiċi u ta’ sigurtà ewlenin. It-tieni fażi 2026–2028 se tkompli l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi u l-integrazzjoni sħiħa mas-sistemi nazzjonali.

Stadji importanti ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati:

Sa Settembru 2024, il-Kummissjoni se tlaqqa’ l-Kumitat Regolatorju tal-AMMR.

Sat-12 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni se jkollha l-għan li tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni li jissostitwixxu r-Regoli ta’ Implimentazzjoni ta’ Dublin.

Sat-12 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni se jkollha l-għan li tadotta l-atti delegati meħtieġa mir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni.

Sa Settembru 2024, il-Kummissjoni se toħroġ nota kunċettwali dwar l-aġġornament gradwali ta’ DubliNet.

Sa April 2025, l-EUAA se tiżviluppa l-mudell għal każijiet relatati mal-familja u linji gwida għat-traċċar u l-identifikazzjoni tal-membri tal-familja.

Sat-12 ta’ Marzu 2026, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-obbligi skont ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni. Ftit wara, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista konsolidata ta’ dawn l-awtoritajiet.



ELEMENT KOSTITWENTI 7

Nagħmlu s-solidarjetà taħdem

Is-solidarjetà hija prinċipju fundamentali tal-UE minqux fl-Artikolu 80 tat-TFUE. Għall-ewwel darba, l-Unjoni se jkollha mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti, legalment vinkolanti iżda flessibbli biex tiżgura li l-ebda Stat Membru ma jitħalla waħdu meta jkun taħt pressjoni. Din hija l-kontroparti tar-regoli ta’ responsabbiltà msaħħa deskritti fl-elementi kostitwenti 2 u 6.

Ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni jintroduċi mekkaniżmu ta’ solidarjetà b’limiti minimi ta’ 30 000 rilokazzjoni u EUR 600 miljun ta’ appoġġ finanzjarju fil-livell tal-Unjoni li l-Kummissjoni jeħtiġilha tirrispetta meta tikkalkula l-ħtiġijiet għas-sena. L-Istati Membri kollha se jkollhom bżonn jipparteċipaw iżda se jkunu jistgħu jagħżlu l-miżuri ta’ solidarjetà tagħhom bejn rilokazzjonijiet, solidarjetà finanzjarja, jew miżuri alternattivi (persunal jew appoġġ in natura). Ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni jipprevedi l-istabbiliment tal-Forum ta’ Livell Għoli ta’ Solidarjetà tal-UE ppresedut mill-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Kunsill, fejn għandhom isiru l-wegħdiet, u tal-Forum ta’ Solidarjetà tal-UE fil-Livell Tekniku, ippresedut mill-Koordinatur ta’ Solidarjetà, li se jkun responsabbli għall-operazzjonalizzazzjoni tar-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà stabbilita fl-att ta’ implimentazzjoni annwali tal-Kunsill.

Illustrazzjoni 3: Iċ-ċiklu annwali tal-ġestjoni tal-migrazzjoni

Ħafna mill-azzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni taċ-ċiklu annwali ta’ solidarjetà jeħtieġ li jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se tieħu l-passi korrispondenti li huma meħtieġa għall-ewwel ċiklu annwali tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, u tieħu l-miżuri legali, amministrattivi u operazzjonali kollha meħtieġa biex tiżgura li kull pass taċ-ċiklu annwali jaħdem mingħajr xkiel, inkluż l-operazzjonalizzazzjoni tal-ewwel Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà li l-Kunsill irid jadotta fi tmiem l-2025.

Huma meħtieġa wkoll azzjonijiet fil-livell nazzjonali. Fir-rigward ta’ ħafna mill-elementi kostitwenti preċedenti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jisfruttaw il-prattiki eżistenti, filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza s’issa ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà ad hoc. L-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu ta’ Solidarjetà Volontarja mill-2022 34 , b’mod partikolari, tikkostitwixxi sors ta’ ispirazzjoni għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri fir-rigward tal-prattiki, l-esperjenzi prattiċi u t-tagħlimiet meħuda dwar kif għandu jiġi implimentat il-prinċipju tas-solidarjetà – kemm għar-rilokazzjonijiet tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali kif ukoll għas-solidarjetà finanzjarja. Dawn l-esperjenzi u l-investimenti għandhom jitqiesu meta jiġu operazzjonalizzati l-obbligi taħt dan l-element kostitwenti.

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-element kostitwenti:

L-Istati Membri

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw l-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom u jaġġustawhom kif meħtieġ biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni.

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri se jkollhom jistabbilixxu l-proċeduri u l-istrutturi meħtieġa għat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-parteċipazzjoni fiċ-ċiklu annwali tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, pereżempju billi jaħtru koordinatur nazzjonali u jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni nazzjonali. B’mod partikolari, l-Istati Membri se jkollhom jiddefinixxu l-proċess intern għall-għażla ta’ kif iridu jikkontribwixxu għas-solidarjetà u l-wegħdiet f’waqthom fil-Forum ta’ Livell Għoli tal-UE dwar is-Solidarjetà. Il-konsultazzjoni fil-livell nazzjonali se tikkontribwixxi wkoll għall-proċess ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni li jippreċedi l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għal att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill.

üL-Istati Membri se jeħtieġu wkoll proċessi biex jiġbru u jittrażmettu l-informazzjoni u d-data meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija tar-Rapport Annwali Ewropew dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni fil-limiti ta’ żmien previsti fir-Regolament (rapportar dovut sal-1 ta’ Ġunju u aġġornament sal-1 ta’ Settembru mill-2025 ’il quddiem). Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw il-proċeduri operattivi standard u l-istrutturi ta’ koordinazzjoni meħtieġa.

üL-Istati Membri li jagħżlu jew jibbenefikaw mir-rilokazzjoni se jkollhom jikkonformaw mal-limitu ta’ żmien ta’ xahar u nofs biex itemmu l-proċess ta’ rilokazzjoni (li jiskatta mit-trażmissjoni tal-informazzjoni rilevanti lill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni) stabbilit fir-Regolament. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi standard u flussi tax-xogħol interni. Dawn il-flussi tax-xogħol se jkollhom ikopru l-identifikazzjoni ta’ persuni eliġibbli għar-rilokazzjoni permezz tal-eżami tal-fatturi rilevanti kollha, bħall-eżistenza ta’ rabtiet sinifikanti bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, u informazzjoni dwar il-proċeduri kif ukoll jiżguraw l-aħjar interessi tat-tfal u salvagwardji relatati. Dawn il-proċeduri se jkollhom ikopru wkoll il-kontrolli tas-sigurtà u t-trasferiment ta’ informazzjoni relatata mas-sigurtà mill-Istati Membri benefiċjarji, u fejn rilevanti l-verifika tas-sigurtà mill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

Kapaċitajiet (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üL-Istati Membri u l-Aġenziji tal-UE se jkollhom jiżguraw ir-riżorsi meħtieġa biex jipprovdu kontributi ta’ kwalità u f’waqthom għar-Rapport Annwali Ewropew dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni — rapportar dovut sal-1 ta’ Ġunju u aġġornament sal-1 ta’ Settembru mill-2025 ’il quddiem — inkluża l-parteċipazzjoni fil-laqgħat ewlenin tan-Network tal-Blueprint 35 f’Lulju u f’Settembru mill-2025 ’il quddiem.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżviluppaw il-kapaċità meħtieġa biex jidentifikaw il-ħtiġijiet ta’ solidarjetà u l-azzjonijiet speċifiċi tagħhom għall-appoġġ permezz tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew l-appoġġ in natura, biex jippreżentawhom lill-Forum ta’ Solidarjetà tal-UE ta’ Livell Tekniku u sussegwentement jiżguraw l-assorbiment ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja jew in natura bħal din b’mod effettiv.

üKemm l-Istati Membri benefiċjarji kif ukoll dawk kontribwenti se jkollhom jiżguraw il-kapaċità meħtieġa biex jimplimentaw ir-rilokazzjonijiet (ara wkoll l-element kostitwenti 6 preċedenti) jekk jagħżlu jew jibbenefikaw minn din il-miżura. Dan ifisser l-iżgurar tar-riżorsi meħtieġa u biżżejjed persunal kompetenti, inkluż fl-unitajiet ta’ Dublin u għal kull kontroll tas-sigurtà addizzjonali; il-bini tal-infrastruttura meħtieġa u l-akkwist tat-tagħmir meħtieġ biex jiġu implimentati r-rilokazzjonijiet fil-limiti ta’ żmien meħtieġa. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kopertura permezz ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet kif ukoll kapaċità ta’ trasport u akkoljenza, inklużi ċentri ta’ rilokazzjoni u faċilitajiet ta’ intervista (mill-bogħod).

Il-Kummissjoni

Obbligu ġuridiku

üIl-Kummissjoni se tadotta l-ewwel Rapport Annwali Ewropew dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni sal-15 ta’ Ottubru 2025, abbażi ta’ data u informazzjoni kwantitattivi u kwalitattivi pprovduti mill-Istati Membri u mill-Aġenziji tal-Unjoni. Dan se jibni stampa tas-sitwazzjoni tal-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil u jservi bħala għodda ta’ twissija bikrija u ta’ sensibilizzazzjoni.

üSal-15 ta’ Ottubru 2025, il-Kummissjoni se tadotta wkoll l-ewwel att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistabbilixxi liema Stati Membri huma taħt pressjoni migratorja, f’riskju ta’ pressjoni migratorja jew li qed jiffaċċjaw sitwazzjoni migratorja sinifikanti kif ukoll l-ewwel proposta tal-Kummissjoni għal att ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà.

üIl-Kummissjoni se taħtar l-ewwel Koordinatur tas-Solidarjetà, li se jistabbilixxi u jlaqqa’ l-Forum ta’ Solidarjetà tal-UE ta’ Livell Tekniku. Il-Patt eżistenti dwar il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà se jgħaddi biex isir il-Forum ta’ Solidarjetà ta’ Livell Tekniku.

üIl-Kummissjoni se tlaqqa’ l-Kumitat Regolatorju tal-AMMR (ara l-element kostitwenti 6) u tadotta ż-żewġ atti ta’ implimentazzjoni relatati mal-funzjonament tas-solidarjetà. L-ewwel wieħed huwa dwar il-kundizzjonijiet uniformi għat-tħejjija u s-sottomissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti għall-fini ta’ rilokazzjoni, inkluż dawk relatati mal-kontrolli tas-sigurtà. It-tieni wieħed huwa dwar ir-regoli għall-operat tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji.

üF’kooperazzjoni mal-EUAA, il-Kummissjoni se tipprevedi wkoll għodod biex jiġu identifikati u mqabbla l-persuni li għandhom jiġu rilokati mal-Istat Membru kontribwenti biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu tal-Istat Membru benefiċjarju li jqis l-eżistenza ta’ rabtiet sinifikanti bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, anke fid-dawl tal-preferenzi raġonevoli espressi minn dak l-Istat Membru.

Appoġġ prattiku

üIl-Kummissjoni se twettaq test (sessjoni ta’ prattika) tar-Rapport Annwali Ewropew dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni fl-2024 biex tantiċipa u tindirizza kwalunkwe lakuna possibbli fid-data u l-informazzjoni u nuqqasijiet fil-proċess. Sabiex tiġi żgurata konsolidazzjoni kritika tad-data meħtieġa u l-kondiviżjoni tal-analiżi, il-Kummissjoni se tagħmel użu sħiħ min-Network tal-Blueprint. 

üIl-Kummissjoni, b’ħidma mal-EUAA, se torganizza sensiela ta’ laqgħat tal-esperti tal-Kummissjoni (il-“Kumitat ta’ Kuntatt ta’ Dublin” estiż) biex tiffaċilita l-applikazzjoni korretta (inkluż billi tiċċara t-tifsira ta’ xi dispożizzjonijiet) tas-sistema l-ġdida, tidentifika l-oqsma li jkunu jeħtieġu aktar attenzjoni fil-perjodu ta’ tranżizzjoni, u tikkoordina l-identifikazzjoni u t-tixrid ta’ prattiki tajba.

L-Aġenziji tal-UE

Obbligu ġuridiku

üL-EUAA, il-Frontex, l-Europol u l-FRA se jkollhom jiġbru d-data u l-informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri u jipprovdu l-kontributi tagħhom lill-Kummissjoni għat-tħejjija tar-Rapport Annwali Ewropew dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni fil-limiti ta’ żmien previsti fir-Regolament.

Appoġġ prattiku

üL-EUAA se tħejji mudelli u proċeduri operattivi għall-wegħdiet u l-kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà.

Stadji importanti ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati:

Sat-30 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni se tikkonkludi s-sessjoni ta’ prattika għar-Rapport Annwali Ewropew dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni u tippreżenta r-riżultati lill-mekkaniżmu tal-UE għat-tħejjija u l-ġestjoni ta’ kriżijiet relatati mal-migrazzjoni.

Sal-bidu tal-2025, il-Kummissjoni se taħtar il-Koordinatur ta’ Solidarjetà u tipprevedi r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti b’mod effettiv.

Sal-bidu ta’ Mejju 2025, il-Kummissjoni se titlob lill-Istati Membri u lill-Aġenziji tal-UE l-informazzjoni meħtieġa bil-ħsieb li tibda l-ewwel ċiklu annwali tal-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-1 ta’ Ġunju 2025.

Sat-12 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni se timmira li tadotta ż-żewġ atti ta’ implimentazzjoni previsti fir-rigward tas-solidarjetà (għar-rilokazzjoni u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji rispettivament).



ELEMENT KOSTITWENTI 8

Tħejjija, Ippjanar ta’ Kontinġenza u Rispons għall-Kriżijiet

Biex iwieġeb aħjar għall-isfidi futuri, il-qafas leġiżlattiv il-ġdid jinkludi diversi miżuri ġodda u komplementari biex jiġu żgurati t-tħejjija, l-ippjanar ta’ kontinġenza u r-rispons għall-kriżijiet madwar l-UE. Dan għandu jgħin biex tinbena aktar reżiljenza għall-evoluzzjoni ta’ sitwazzjonijiet migratorji kif ukoll biex jitnaqqsu r-riskji ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

Il-livell ta’ tħejjija u ppjanar ta’ kontinġenza huma elementi importanti biex Stat Membru jitqies bħala “mħejji tajjeb”. Dawn huma marbuta mill-qrib maż-żamma ta’ sistemi ta’ akkoljenza adegwati madwar l-UE (ara l-element kostitwenti 3) u għalhekk essenzjali għall-funzjonament xieraq tal-obbligi ta’ responsabbiltà (ara l-element kostitwenti 6). Stat Membru ma jistax jitqies bħala mħejji sew jekk l-ippjanar ta’ kontinġenza ma jkunx fis-seħħ, li min-naħa tiegħu jista’ jkollu impatt fuq il-possibbiltà li l-Istat Membru jibbenefika minn solidarjetà jew tnaqqis minn kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà (element kostitwenti 7). F’dan is-sens, ir-Rapport Annwali Ewropew dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni, bħala l-ewwel pass taċ-ċiklu annwali tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, se jkollu jinkludi informazzjoni dwar il-livell ta’ tħejjija fl-Unjoni u fl-Istati Membri. It-tħejjija u l-ippjanar ta’ kontinġenza se jappoġġaw ukoll rispons rapidu, effiċjenti u kkoordinat f’każ ta’ kriżi tal-migrazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi, inklużi r-reġjuni tal-fruntiera.

It-tħejjija tinvolvi l-allokazzjoni tar-riżorsi umani, materjali u finanzjarji u tal-infrastruttura meħtieġa biex jiġi ggarantit il-funzjonament tas-sistemi tal-ażil u tal-migrazzjoni, kif ukoll il-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti, fil-livell nazzjonali u tal-UE.

L-ippjanar ta’ kontinġenza skont il-mandat tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza huwa parti mit-tħejjija. Dan l-ippjanar ta’ kontinġenza għandu l-għan li jibni u jżomm sistemi ta’ akkoljenza aktar reżiljenti madwar l-UE li jkunu jistgħu jiffunzjonaw b’mod effiċjenti, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Għal din ir-raġuni, huwa kruċjali li dawn il-pjanijiet ta’ kontinġenza jkopru wkoll il-proċeduri tal-ażil (ara l-element kostitwenti 4). Jekk ma jkun hemm l-ebda miżura ta’ kontinġenza għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil, il-pressjoni fuq is-sistemi ta’ akkoljenza f’sitwazzjonijiet ta’ pressjoni jew kriżi tmur għall-agħar biss. L-inklużjoni tal-proċeduri tal-ażil fil-pjanijiet ta’ kontinġenza għall-akkoljenza meħtieġa skont id-Direttiva riformulata dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza se tiffaċilita wkoll is-sinerġiji bejn l-atturi differenti involuti u tiżgura li l-proċessi jiġu ssimplifikati u li l-miżuri meħtieġa jkunu fis-seħħ. Dawn il-pjanijiet ta’ kontinġenza jridu jiġu vvalutati u rieżaminati regolarment (mill-inqas kull 3 snin).

Fl-istess ħin, filwaqt li jkunu usa’ fl-ambitu tagħhom, l-istrateġiji nazzjonali li għandhom jitħejjew skont ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni għandhom jinkludu l-obbligi introdotti ġodda dwar l-ippjanar ta’ kontinġenza b’mod konsistenti u komplementari mal-obbligi eżistenti dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn (ara l-elementi kostitwenti 2 u 5). 

Operazzjonalment, il-mekkaniżmu tal-UE għat-tħejjija u l-ġestjoni ta’ kriżijiet relatati mal-migrazzjoni (il-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji) fiż-żewġ stadji tiegħu (il-monitoraġġ u t-tħejjija, minn naħa waħda u l-ġestjoni tal-kriżijiet, min-naħa l-oħra) jipprovdi, permezz tan-Network tal-Blueprint, qafas parteċipattiv għall-monitoraġġ u l-antiċipazzjoni tal-flussi migratorji u tas-sitwazzjonijiet tal-migrazzjoni, il-bini tar-reżiljenza kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ rispons koordinat għall-kriżi tal-migrazzjoni. L-aġenziji tal-UE għandhom ukoll rwol ewlieni fl-offerta ta’ appoġġ immirat kif ukoll fil-monitoraġġ tat-tħejjija u l-ippjanar ta’ kontinġenza, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom.

Il-ħidma taħt dan l-element kostitwenti tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta’ approċċ transsettorjali, li jkopri l-perikli kollha u s-soċjetà kollha għat-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet fil-livell tal-UE, abbażi tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2024.

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-element kostitwenti:

L-Istati Membri 

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw l-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom u jaġġustaw kif meħtieġ. L-Istati Membri, b’mod partikolari, se jkollhom jittrasponu d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza relatati mal-ippjanar ta’ kontinġenza.

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri se jkollhom jiżviluppaw sa April 2025 (fi żmien 10 xhur mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva l-ġdida dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza) pjanijiet nazzjonali ta’ kontinġenza dwar l-akkoljenza (u l-ażil), bl-użu tal-mudell tal-EUAA li għadu kif ġie żviluppat.

üL-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti amministrattivi meħtieġa biex jappoġġaw it-tfassil, l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u r-rieżami regolari ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza komprensivi dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Dan jista’ jinkludi l-istabbiliment ta’ strutturi ta’ koordinazzjoni interministerjali li jiġbru flimkien il-linji ta’ ħidma li jkopru pjanijiet ta’ kontinġenza differenti taħt bażi legali differenti (fruntieri, akkoljenza, ażil, eċċ.).

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw ukoll li l-informazzjoni rilevanti dwar it-tħejjija tinġabar u tiġi kondiviża kif rilevanti fil-limiti ta’ żmien tar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni għall-finijiet tat-tħejjija tar-Rapport Annwali Ewropew dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni (ara l-element kostitwenti 7).

Kapaċitajiet (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üL-Istati Membri huma mistiedna jwettqu rieżamijiet sistemiċi biex jappoġġaw it-tħejjija operazzjonali u l-ippjanar ta’ kontinġenza biex ikunu jistgħu jtejbu u jnaqqsu b’mod effettiv il-livelli ta’ kapaċità rilevanti f’każ ta’ bżonn. L-Istati Membri għandhom għalhekk jikkunsidraw ir-riżorsi meħtieġa, pereżempju f’termini ta’ persunal imħarreġ, IT, u tagħmir ieħor, kif ukoll akkoljenza, loġistika u infrastrutturi usa’.

Il-Kummissjoni

Appoġġ Prattiku

üIl-Kummissjoni u l-EUAA se jappoġġaw lill-Istati Membri fl-abbozzar u fir-rieżami tal-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali tagħhom dwar l-akkoljenza u l-ażil, meta jintalbu mill-Istati Membri, u se jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki u għarfien permezz tal-mekkaniżmu tal-UE għat-tħejjija u l-ġestjoni tal-kriżijiet relatati mal-migrazzjoni.

Obbligu Legali

üL-EUAA se tiżviluppa mudell għall-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali dwar l-akkoljenza u l-ażil, attwalment previsti għar-raba’ kwart tal-2024 u tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fl-iżvilupp u r-rieżami tal-pjanijiet ta’ kontinġenza tagħhom, meta jintalbu mill-Istati Membri.

Stadji importanti ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati:

Sa tmiem l-2024, l-EUAA se tiżviluppa mudell għall-pjanijiet ta’ kontinġenza.

Sat-12 ta’ April 2025, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza nazzjonali tagħhom u jinnotifikawhom lill-EUAA.



ELEMENT KOSTITWENTI 9

Salvagwardji ġodda għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u għall-persuni vulnerabbli, u monitoraġġ akbar tad-drittijiet fundamentali

Il-Patt jistabbilixxi u jiċċara aktar salvagwardji u garanziji importanti għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u persuni bi bżonnijiet speċifiċi, b’mod partikolari minorenni u familji bi tfal jew nisa u ommijiet waħedhom. Fl-atti legali ġodda kollha, hemm previsti drittijiet ġodda u msaħħa. Dawn jinġabru flimkien f’dan l-element kostitwenti trażversali.

L-implimentazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, is-salvagwardji u l-garanziji sservi biex tipproteġi d-dinjità tal-bniedem u tiżgura dritt ġenwin u effettiv għall-ażil, inkluż għal dawk l-aktar vulnerabbli, kif ukoll l-aċċess għal rimedji effettivi. Dawn is-salvagwardji u l-garanziji jservu biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali f’konformità mal-Karta tal-UE. Fl-istess ħin, jgħinu wkoll biex jipproteġu l-integrità tal-proċeduri fl-elementi kostitwenti kollha.

Dawn id-drittijiet, salvagwardji u garanziji jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej: 

- Drittijiet għall-informazzjoni ġodda u msaħħa għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fl-atti leġiżlattivi l-ġodda kollha, sabiex l-applikanti jkunu jistgħu jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tagħhom fil-ħin. L-għoti ta’ informazzjoni huwa meħtieġ biex jiġu applikati r-regoli għall-ġlieda kontra l-abbuż mill-applikanti. L-informazzjoni trid tiġi pprovduta filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-profil tal-applikant.

- Dritt ġdid għal konsulenza legali mingħajr ħlas għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fil-fażi amministrattiva tal-proċedura. Dan japplika għall-proċeduri amministrattivi kollha, inklużi l-proċedura fuq il-fruntiera u l-proċedura biex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà tal-Istat Membru għal applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. L-applikanti kollha se jibqa’ jkollhom id-dritt li jkunu assistiti u rappreżentati minn avukat fl-istadju tal-appell.

- Identifikazzjoni aktar bikrija tal-vulnerabbiltajiet u l-ħtiġijiet proċedurali u ta’ akkoljenza speċjali bi skadenzi aktar ċari għall-ewwel valutazzjonijiet u dawk individwali kif ukoll segwitu rapidu għall-vittmi tat-tortura u l-vjolenza.

- Garanziji aktar b’saħħithom biex jiġi żgurat li d-detenzjoni tintuża bħala miżura tal-aħħar istanza, wara valutazzjoni individwalizzata, b’salvagwardji fejn is-saħħa fiżika jew mentali tkun f’riskju serju (fejn id-detenzjoni ta’ applikanti bi bżonnijiet speċjali ta’ akkoljenza tpoġġi s-saħħa fiżika u mentali tagħhom f’riskju serju, dawk l-applikanti ma jistgħux jinżammu f’detenzjoni).

- Garanziji ġodda għall-minorenni: Fl-implimentazzjoni tal-Patt, l-Istati Membri dejjem iridu jiżguraw iċ-ċentralità tal-protezzjoni tat-tfal, b’mod partikolari, li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri 36 .

Barra minn hekk, l-istrumenti tal-Patt jistabbilixxu garanziji ġodda għall-minorenni kif stabbilit hawn taħt.

Għandu jinħatar rappreżentant malajr għall-minorenni mhux akkumpanjati kollha bi standards ta’ taħriġ imsaħħa — biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tal-interessi tat-tfal, inkluż il-benesseri tagħhom (rappreżentant temporanju immedjatament, inkluż għat-teħid tal-marki tas-swaba’ 37 , u wieħed permanenti fi żmien 15-il jum minn meta titressaq l-applikazzjoni bi proporzjon ta’ rappreżentant wieħed għal tletin minorenni mhux akkumpanjati). Jekk il-minorenni mhux akkumpanjat isir benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, japplikaw salvagwardji ulterjuri fir-rigward tal-kustodji (rekwiżiti għall-kustodji, kull kustodju għandu jirrappreżenta għadd proporzjonat u limitat ta’ minorenni mhux akkumpanjati, il-possibbiltà li jressqu lmenti kontra l-kustodju, is-superviżjoni u l-monitoraġġ tal-kustodji).

Il-Patt jinkludi wkoll garanziji msaħħa għal minorenni mhux akkumpanjati fir-rigward tal-proċedura fuq il-fruntiera. Huma awtomatikament esklużi sakemm, għal raġunijiet serji, ma jkunux ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku. Iżda f’dak il-każ, għandhom japplikaw id-drittijiet proċedurali u ta’ akkoljenza kollha għall-minorenni mhux akkumpanjati, inkluż l-effett sospensiv awtomatiku tal-appell fil-każ ta’ applikazzjoni għall-ażil miċħuda.

Għall-minorenni kollha: dispożizzjonijiet ġodda biex jiġi evitat li t-tfal jintilfu (teħid tal-marki tas-swaba’ mill-età ta’ sitt snin) u garanziji aktar b’saħħithom biex jiġu żgurati alternattivi għad-detenzjoni (peress li t-tfal ma għandhomx jiġu detenuti bħala regola), biex titqies il-fehma tat-tfal u biex tiġi pprovduta informazzjoni adattata għat-tfal.

Ġie introdott obbligu għal approċċ multidixxiplinari għall-valutazzjoni tal-età biex jiġi minimizzat l-użu ta’ eżamijiet mediċi intrużivi li għandhom jintużaw biss jekk l-ewwel valutazzjoni multidixxiplinari ma tkunx konklużiva. L-aċċess għall-edukazzjoni għandu jiġi żgurat mill-aktar fis possibbli għat-tfal kollha u sa mhux aktar tard minn xahrejn minn meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-ażil, filwaqt li l-aċċess għall-kura tas-saħħa jrid jaqbel ma’ dak tal-minorenni li huma ċittadini.

Barra minn hekk, meta l-familji bit-tfal ikunu soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera, l-eżami tal-applikazzjonijiet tal-minorenni u tal-membri tal-familja tagħhom irid jingħata prijorità u l-faċilitajiet ta’ akkoljenza għall-minorenni u l-membri tal-familja tagħhom iridu jkunu adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, b’rispett sħiħ għar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

- Id-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju u d-dritt għal rimedju effettiv: Persuna għandha d-dritt li tibqa’ fl-Istati Membri fejn l-applikazzjoni tkun qed tiġi pproċessata matul l-istadju amministrattiv tal-proċedura. L-eċċezzjonijiet għal dan id-dritt huma fformulati b’mod ċar. F’każ ta’ deċiżjoni negattiva, persuna għandha d-dritt għal rimedju effettiv (appell) li jipprevedi eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti tal-liġi tal-inqas quddiem qorti jew tribunal tal-prim’istanza. L-appell jista’ jinvolvi effett sospensiv awtomatiku, li jfisser li l-persuna għandha d-dritt li tibqa’ fit-territorju għal kemm idum l-appell, b’eċċezzjonijiet definiti b’mod ċar. Waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet hija l-proċedura fuq il-fruntiera, fejn bħala regola, l-appelli ma jkollhomx effett sospensiv awtomatiku, iżda l-persuna għandha d-dritt li titlob lil qorti jew tribunal id-dritt li tibqa’ fit-territorju għal kemm idum l-appell.

- Mekkaniżmu indipendenti għall-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali matul il-fażi tal-iskrinjar u l-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jipprevedu mekkaniżmu effettiv biex jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali biex il-vittmi jkunu jistgħu jaċċessaw il-ġustizzja ċivili jew kriminali.

Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti nazzjonali se jkollu jimmonitorja l-konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali, fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura tal-ażil, il-prinċipju ta’ non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal u r-regoli rilevanti dwar id-detenzjoni, matul l-iskrinjar u l-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera. Irid jiżgura li l-allegazzjonijiet sostanzjati ta’ nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali jiġu ttrattati b’mod effettiv u, li l-investigazzjonijiet dwar tali allegazzjonijiet jitwettqu kif meħtieġ.

Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti jrid iwettaq il-kompiti tiegħu abbażi ta’ kontrolli fuq il-post u kontrolli aleatorji u mhux imħabbra, u jgawdi aċċess għall-postijiet rilevanti kollha, inklużi l-faċilitajiet ta’ akkoljenza u detenzjoni. Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ jista’ jinvolvi organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi rilevanti jew, f’każ li tali organizzazzjonijiet ma jkunux involuti, il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti għandu jistabbilixxi u jżomm rabtiet mill-qrib magħhom. Il-korpi ta’ monitoraġġ għandhom is-setgħa li joħorġu rakkomandazzjonijiet annwali lill-Istati Membri u s-sejbiet tagħhom jistgħu jkunu rilevanti għall-proċeduri fil-livell nazzjonali u tal-UE 38 .

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-element kostitwenti:

L-Istati Membri

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw l-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom u jaġġustawhom kif meħtieġ biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tad-drittijiet u l-garanziji l-ġodda. Ir-rieżami tal-Istati Membri tal-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom se jkollu jikkunsidra aġġustamenti biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt il-ġdid għal konsulenza legali mingħajr ħlas għall-applikanti fil-proċeduri kollha (fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-kundizzjonijiet fir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni u r-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil), inkluż il-proċedura fuq il-fruntiera u l-proċedura biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil. Jekk l-Istat Membru diġà qed jipprovdi assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas anke matul il-fażi amministrattiva għall-proċeduri kollha, mhumiex meħtieġa aġġustamenti għas-sistemi tagħhom.

L-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li l-qafas legali nazzjonali jipprevedi alternattivi għad-detenzjoni, salvagwardji rilevanti għall-protezzjoni tat-tfal, inklużi dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-valutazzjoni tal-età multidixxiplinari l-ġdida, kif ukoll il-garanziji msaħħa dwar ir-rappreżentanza u l-kustodja għal minorenni mhux akkumpanjati. 

üL-Istati Membri se jkollhom jipprovdu l-qafas legali għal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti għad-drittijiet fundamentali għall-iskrinjar u l-proċedura fuq il-fruntiera li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament dwar l-Iskrinjar u r-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil. Meta l-Istati Membri diġà jkollhom fis-seħħ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali, il-qafas legali jrid jiżgura l-indipendenza tiegħu u l-kamp ta’ applikazzjoni, il-kompiti u s-setgħat stabbiliti fir-Regolament dwar l-Iskrinjar u r-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet rilevanti skont il-liġi nazzjonali biex jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-iskrinjar u jiżguraw, fejn xieraq, riferiment għall-bidu ta’ proċedimenti tal-ġustizzja ċivili jew kriminali f’każijiet ta’ nuqqas ta’ rispett jew ta’ infurzar tad-drittijiet fundamentali.

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri se jkollhom jiżviluppaw materjal ta’ informazzjoni u jiżguraw li l-applikanti jkunu jistgħu jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom fil-ħin matul il-proċeduri u matul l-akkoljenza. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw jew jekk meħtieġ jiżviluppaw flussi tax-xogħol u proċeduri għall-għoti korrett ta’ informazzjoni. L-għoti ta’ informazzjoni jeħtieġ li jiġi adattat għall-ispeċifiċitajiet tal-profil tal-applikant, bħall-vulnerabbiltajiet, kif ukoll għall-ħtiġijiet proċedurali u ta’ akkoljenza (pereżempju jekk l-applikant ikollu diżabilità speċifika jew ikun tifel jew tifla jew vittma ta’ traffikar jew vjolenza) u li jispjega b’lingwaġġ sempliċi d-drittijiet u l-obbligi tal-applikanti. Il-flussi tax-xogħol għandhom jinkludu konferma tal-informazzjoni riċevuta.

üL-Istati Membri se jkollhom bżonn jirrieżaminaw u jadattaw il-prattiki eżistenti u l-proċeduri operattivi standard kif meħtieġ għall-identifikazzjoni bikrija u s-segwitu għall-ħtiġijiet proċedurali jew ta’ akkoljenza speċifiċi biex jikkonformaw mal-iskadenzi l-ġodda (jiġifieri, il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet speċjali ta’ akkoljenza u tal-ħtiġijiet proċedurali speċjali trid tiġi konkluża fi żmien 30 jum minn meta ssir applikazzjoni).

F’dan il-kuntest, l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw ukoll li l-proċessi amministrattivi meħtieġa (eż. flussi tax-xogħol ta’ informazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet rilevanti) ikunu fis-seħħ biex ma japplikawx jew jieqfu japplikaw il-proċedura fuq il-fruntiera għal applikanti bi ħtiġijiet proċedurali u ta’ akkoljenza speċjali li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-proċedura fuq il-fruntiera, inkluż fejn ġustifikat għal raġunijiet ta’ saħħa.

Fil-każ ta’ familji bit-tfal, il-proċessi amministrattivi se jkollhom jinkludu wkoll l-obbligu li l-familji bit-tfal jiġu deprijoritizzati fil-każijiet previsti fir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil (sakemm ma jitqisux, għal raġunijiet serji, li joħolqu periklu għas-sigurtà nazzjonali u għall-ordni pubbliku ta’ Stat Membru).

üL-Istati Membri għandhom jiżviluppaw struzzjonijiet jew protokolli speċifiċi biex jivvalutaw alternattivi għad-detenzjoni biex jiżguraw li d-detenzjoni ma tintużax awtomatikament, anke billi debitament iwettqu valutazzjonijiet individwalizzati u japplikaw alternattivi effettivi għad-detenzjoni. L-Istati Membri se jkollhom jieħdu l-miżuri legali u organizzazzjonali meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm konformità mal-iskedi ta’ żmien il-ġodda għal rieżami ġudizzjarju kontra deċiżjonijiet ta’ detenzjoni (mhux aktar tard minn 15-il jum jew, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, mhux aktar tard minn 21 jum mill-bidu tad-detenzjoni).

Fir-rigward tat-tfal, ir-regola ġenerali hija li dawn ma għandhomx jinżammu f’detenzjoni. Għalhekk, meta jiżviluppaw l-istruzzjonijiet jew il-protokolli speċifiċi dwar id-detenzjoni, l-Istati Membri jridu jiżguraw li t-tfal jinżammu biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn strettament meħtieġ, bħala miżura tal-aħħar istanza u għall-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli, wara li jkun ġie stabbilit li miżuri alternattivi oħra inqas koerċittivi ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv, u wara li d-detenzjoni tiġi vvalutata li hija fl-aħjar interessi tagħhom.

üL-Istati Membri se jkollhom jirrieżaminaw il-proċeduri eżistenti jew jiżviluppaw oħrajn ġodda biex jiżguraw aċċess għal konsulenza legali mingħajr ħlas (jekk tali konsulenza legali mingħajr ħlas ma tkunx diġà pprovduta mill-Istat Membru) f’konformità mal-kundizzjonijiet għall-aċċess fir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil u r-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni. Jekk l-Istat Membru diġà qed jipprovdi assistenza u rappreżentanza legali mingħajr ħlas matul il-fażi amministrattiva għall-proċeduri kollha, mhumiex meħtieġa aġġustamenti għas-sistemi tagħhom.

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw jew jistabbilixxu l-flussi tax-xogħol, il-protokolli u l-proċessi biex jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tfal huma vvalutati individwalment u jingħataw prijorità fl-istadji kollha tal-proċedura, filwaqt li titqies ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tat-tfal migranti 39 ; b’mod partikolari, biex tiġi żgurata sistema integrata tal-ġestjoni tal-każijiet f’sinerġija mas-servizzi nazzjonali ta’ protezzjoni tat-tfal, organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fl-appoġġ operazzjonali u fil-proċessi ta’ monitoraġġ; biex jiġi żgurat li l-proċedimenti rilevanti u s-sistemi ta’ akkoljenza kollha jqisu l-età, il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet tat-tfal bħala prijorità.

üL-Istati Membri se jkollhom jirrieżaminaw u jaġġustaw il-proċeduri operattivi standard għall-valutazzjoni tal-età biex japplikaw il-valutazzjoni tal-età multidixxiplinari l-ġdida. Il-Gwida Prattika tal-EUAA dwar il-valutazzjoni tal-età 40 tista’ tipprovdi elementi utli għall-iżvilupp ta’ tali proċeduri.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw ukoll li jkun hemm fis-seħħ il-proċessi amministrattivi meħtieġa biex il-minorenni mhux akkumpanjati jiġu esklużi mill-proċedura fuq il-fruntiera (sakemm ma jitqisux, għal raġunijiet serji, li joħolqu periklu għas-sigurtà nazzjonali u għall-ordni pubbliku ta’ Stat Membru).

üL-Istati Membri se jkollhom jirrieżaminaw s-sistemi tagħhom għall-ħatra ta’ rappreżentanti għal minorenni mhux akkumpanjati u l-flussi tax-xogħol u l-proċeduri għall-identifikazzjoni bikrija u l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom, filwaqt li jqisu r-rekwiżiti l-ġodda ta’ kwalità u monitoraġġ għar-rappreżentanti u l-iskadenzi l-ġodda. Huma għandhom jirrieżaminaw ukoll is-sistemi tagħhom għall-ħatra ta’ kustodji, biex jiżguraw li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-ġodda skont ir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika (għarfien espert meħtieġ, regoli ta’ kunfidenzjalità, rekord ivverifikat) u r-rekwiżiti l-ġodda ta’ superviżjoni u monitoraġġ. Se jkollhom jistabbilixxu wkoll (jekk mhux diġà) il-proċeduri u l-istrutturi amministrattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-minorenni mhux akkumpanjati jkunu jistgħu jressqu lmenti fir-rigward tal-kustodju maħtur tagħhom.

Kapaċitajiet (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw kapaċità suffiċjenti biex jidentifikaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-applikanti u biex ikunu jistgħu jindirizzaw dawk il-ħtiġijiet speċifiċi fl-istadji kollha tal-proċedura u fl-akkoljenza. Fir-rigward tal-infrastruttura, dan jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed akkomodazzjoni adattata għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-applikanti. Dan se jirrikjedi wkoll persunal suffiċjenti u mħarreġ b’mod adegwat, inklużi ħaddiema soċjali, interpreti, persunal mediku, uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal, eċċ.

Meta l-familji bit-tfal (jew minorenni mhux akkumpanjat) ikunu soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera, l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li l-faċilitajiet ta’ akkoljenza jkunu xierqa għall-ħtiġijiet tagħhom wara li jivvalutaw l-aħjar interessi tat-tfal, u li jissodisfaw standard tal-għajxien adegwat għall-iżvilupp fiżiku, mentali, spiritwali, morali u soċjali tal-minorenni, b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

üL-Istati Membri għandu jkollhom kapaċità suffiċjenti biex jimplimentaw alternattivi għad-detenzjoni u jimmassimizzaw l-effettività tagħhom.

üL-Istati Membri se jkollhom jistabbilixxu kapaċità għal konsulenza legali mingħajr ħlas fil-proċeduri kollha, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ arranġamenti ta’ servizz ma’ partijiet terzi kwalifikati. Din hija wkoll opportunità biex tiġi identifikata u indirizzata kwalunkwe lakuna fil-kapaċità eżistenti rigward l-assistenza u r-rappreżentanza legali mingħajr ħlas fl-istadju tal-appell.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li jkollhom kapaċità suffiċjenti biex jiżguraw is-salvagwardji kollha għat-tfal, inklużi l-minorenni mhux akkumpanjati. Minħabba ż-żieda sinifikanti fis-salvagwardji inklużi fl-istrumenti kollha tal-Patt, l-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw bir-reqqa l-kapaċitajiet eżistenti u jikkunsidraw serjament it-tisħiħ tas-servizzi nazzjonali tagħhom għall-protezzjoni tat-tfal. Il-persunal suffiċjenti u mħarreġ b’mod adegwat għandu jkun disponibbli kullimkien biex iwettaq il-valutazzjonijiet tal-aħjar interessi tat-tfal u jipprevedi segwitu, filwaqt li jiżgura salvagwardji għall-protezzjoni tat-tfal u appoġġ multidixxiplinari matul il-proċess kollu.

üL-Istati Membri se jeħtieġ li jkollhom kapaċità suffiċjenti biex jiżguraw li t-tfal applikanti kollha jkollhom aċċess għall-edukazzjoni fi żmien xahrejn mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-ażil. Il-faċilitajiet ta’ akkoljenza u l-infrastruttura jista’ jkollhom jiġu adattati kif xieraq.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li jkun hemm biżżejjed professjonisti kwalifikati disponibbli għan-natura multidixxiplinari tal-valutazzjoni tal-età (inklużi pedjatri, psikologi, ħaddiema soċjali, eċċ.). Il-Gwida Prattika tal-EUAA dwar il-valutazzjoni tal-età msemmija hawn fuq tista’ tipprovdi elementi utli biex jiġu identifikati r-rekwiżiti tal-persunal.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li rappreżentanti suffiċjenti u kwalifikati għal minorenni mhux akkumpanjati jkunu jistgħu jinħatru fl-iskadenzi l-ġodda (malajr kemm jista’ jkun u fi żmien 15-il jum minn meta titressaq l-applikazzjoni) u f’konformità mal-proporzjon massimu (rappreżentant wieħed għal kull 30 minorenni mhux akkumpanjat 41 . L-Istat Membru se jkollu jiżgura wkoll għadd adegwat ta’ kustodji fit-tul għal minorenni mhux akkumpanjati li jsiru benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u li dawk il-kustodji jirrappreżentaw għadd proporzjonat u limitat ta’ minorenni mhux akkumpanjati. Sabiex jikkonformaw mal-obbligi l-ġodda rigward ir-rappreżentanza u l-kustodja, l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni bir-reqqa tal-kapaċità u n-nuqqasijiet attwali. Jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ servizzi għal minorenni mhux akkumpanjati fi tranżizzjoni għall-ħajja adulta biex jiġu żgurati appoġġ u servizzi kontinwi, titħejja t-tranżizzjoni mis-sistema ta’ akkoljenza u tingħata għajnuna b’miżuri ta’ integrazzjoni bikrija.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li l-mekkaniżmu indipendenti għall-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali jkollu kapaċità suffiċjenti u mezzi finanzjarji xierqa biex iwettaq il-kompiti tiegħu, inkluż l-ippjanar u l-iżgurar tas-sħubijiet rilevanti, biżżejjed persunal kwalifikat, arranġamenti amministrattivi u kostijiet operazzjonali. Jeħtieġ ukoll li jiżguraw rabtiet mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili f’dan il-proċess kontinwu.

Il-Kummissjoni

üIl-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ sħiħ (inkluż appoġġ finanzjarju) għall-implimentazzjoni ta’ dan l-element kostitwenti, inkluż billi tiżgura skambju adegwat fil-qafas tal-laqgħat tal-esperti tagħha u tgħin fil-koordinazzjoni u l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki fin-networks rilevanti, inkluż in-Network tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, il-laqgħat tal-Koordinaturi tal-Garanziji Ewropej għat-Tfal jew in-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali.

Il-Kummissjoni se torganizza laqgħa ddedikata tal-grupp ta’ esperti dwar it-tfal migranti li ġġib rappreżentanti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali differenti biex jiddiskutu d-dispożizzjonijiet relatati mat-tfal fl-istrumenti kollha tal-Patt.

L-Aġenziji tal-UE

Obbligu ġuridiku

üL-EUAA se tipprovdi gwida dwar alternattivi għad-detenzjoni u mudell għall-għoti ta’ informazzjoni.

üL-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) se tipprovdi gwida dwar il-Monitoraġġ tad-Drittijiet Fundamentali. Din il-ħidma diġà bdiet u se tiġi kondiviża mal-Istati Membri fl-2024.

Appoġġ prattiku 

üL-EUAA se tirrevedi l-Gwida tagħha dwar il-Vulnerabbiltà — Standards u Indikaturi biex tirrifletti l-leġiżlazzjoni l-ġdida u taġġorna l-moduli ta’ taħriġ relatati mal-vulnerabbiltà u l-protezzjoni tal-minorenni.

üL-EUAA se tipprovdi appoġġ operazzjonali għall-konsulenza legali meta tintalab mill-Istati Membri.

üIl-FRA se taġġorna l-gwida tagħha dwar il-minorenni/il-kustodja.

Stadji importanti ewlenin

Sar-raba’ kwart tal-2024, il-FRA se tadotta gwida dwar il-Monitoraġġ tad-Drittijiet Fundamentali.

Sa tmiem l-2025, l-EUAA se tiżviluppa mudelli u materjali għall-għoti ta’ informazzjoni.


ELEMENT KOSTITWENTI 10

Risistemazzjoni, Inklużjoni u Integrazzjoni

Il-Patt jafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li ssaħħaħ perkorsi sikuri u legali għal dawk li jeħtieġu protezzjoni. Biex tipprovdi alternattiva vijabbli għal vjaġġi irregolari u perikolużi u ssaħħaħ is-sħubijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE li jospitaw popolazzjonijiet kbar ta’ refuġjati, l-UE se tkompli tgħin biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet globali dejjem akbar ta’ risistemazzjoni u ttejjeb il-kwalità tal-proċessi ta’ risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja.

Barra minn hekk, l-isforzi tal-Istati Membri għall-integrazzjoni u l-inklużjoni tal-migranti jibqgħu indispensabbli għal politika ta’ suċċess dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Huma wkoll investiment fil-koeżjoni fit-tul tas-soċjetajiet tagħna u l-benesseri ekonomiku tagħna. L-appoġġ għall-integrazzjoni huwa l-aktar effettiv meta jibda fi stadju bikri. Il-ħidma mas-sħab soċjali u ekonomiċi spiss uriet li hija kruċjali biex tavvanza l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Is-simplifikazzjoni u t-tħaffif tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-validazzjoni tal-ħiliet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-Istati Membri, kif irrakkomandat mill-Kummissjoni f’Novembru 2023 42 , jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom.

Ir-Regolament Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja (“ir-Regolament dwar ir-Risistemazzjoni”) jibni fuq l-għarfien espert li l-Istati Membri tal-UE żviluppaw matul l-implimentazzjoni ta’ sitt skemi ad hoc ta’ risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja ffinanzjati mill-UE. Dan ipoġġi l-ħidma tal-UE fuq perkorsi sikuri u legali għall-protezzjoni fuq bażi aktar permanenti, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ in-natura volontarja tal-isforzi tal-Istati Membri.

Ir-Regolament dwar ir-Risistemazzjoni jipprevedi approċċ armonizzat għall-ammissjoni ta’ dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni, inklużi kriterji komuni ta’ eliġibbiltà u raġunijiet ta’ rifjut, u għandu l-għan li jrawwem il-konverġenza dwar l-istatus ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, il-Pjan il-ġdid tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja se jipprovdi dettalji dwar l-għadd ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni li għandhom jiġu ammessi u dwar il-prijoritajiet ġeografiċi għal tali ammissjonijiet, fuq perjodu ta’ sentejn, li jsaħħu l-prevedibbiltà u l-affidabbiltà tal-proċess.

Ir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika jarmonizza u jiċċara aktar id-drittijiet tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jipprovdi lill-Istati Membri b’opportunitajiet ġodda biex jottimizzaw u jippromwovu l-integrazzjoni. L-aċċess effettiv u rapidu għal dawn id-drittijiet huwa ta’ importanza kbira biex jiġi evitat li s-sistemi ta’ akkoljenza jitgħabbew iżżejjed għall-applikanti (ara l-element kostitwenti 3). Huwa importanti wkoll li r-regoli ta’ responsabbiltà jaħdmu (ara l-element kostitwenti 6) biex jiġi żgurat li t-trasferimenti ta’ Dublin ikunu jistgħu jiġu implimentati.

L-awtodipendenza bikrija tal-benefiċjarji hija fattur importanti f’eżiti ta’ integrazzjoni ġenerali aħjar għall-benefiċjarji u l-komunitajiet li jgħixu fihom, u b’hekk jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq l-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jużaw il-Patt bħala opportunità biex jidentifikaw u jindirizzaw kwalunkwe lakuna fl-istrateġiji ta’ integrazzjoni tagħhom u jiżguraw l-għoti effettiv ta’ drittijiet lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali bil-ħsieb ukoll li jimplimentaw l-objettivi u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021–2027. Minbarra l-appoġġ għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-iżgurar tal-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, it-tagħlim tal-lingwi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni huma parti fundamentali minn dan.

Ir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika joffri wkoll opportunitajiet biex jiġu indirizzati movimenti mhux awtorizzati ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri. Ir-regoli l-ġodda jipprevedu li jekk benefiċjarju jinstab fi Stat Membru li ma jkunx dak li jkun ta l-protezzjoni mingħajr dritt li jibqa’ jew ta’ residenza hemmhekk, il-kalkolu tal-perjodu ta’ residenza ta’ 5 snin meħtieġ biex ikun eliġibbli għall-istatus ta’ residenza fit-tul se jerġa’ jibda.

F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-element kostitwenti:

Fir-rigward tar-Regolament Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja:

L-Istati Membri

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw l-oqfsa regolatorji nazzjonali tagħhom u jaġġustawhom kif meħtieġ biex jiżguraw applikazzjoni effettiva tar-Regolament dwar ir-Risistemazzjoni.

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri ser ikollhom jaħtru punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Pjan tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja.

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jaġġustaw il-proċeduri u l-prattiki nazzjonali u jaġġustaw jew jistabbilixxu flussi tax-xogħol biex jirrispettaw l-obbligi stabbiliti fir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċedura ta’ ammissjoni, u l-valutazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u tar-raġunijiet għar-rifjut ta’ ammissjoni.

Kapaċità (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üKull Stat Membru għandu jipprevedi persunal suffiċjenti u infurmat biex jimplimenta l-obbligi stabbiliti fir-Regolament, b’mod partikolari l-proċedura ta’ ammissjoni.

Il-Kummissjoni

Obbligi ġuridiċi

üIl-Kummissjoni se tlaqqa’ l-Kumitat ta’ Livell Għoli dwar ir-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja, li se jiddiskuti u jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar ir-Risistemazzjoni. Il-Kumitat ta’ Livell Għoli se jipprovdi wkoll direzzjoni strateġika biex jiġu identifikati l-prijoritajiet ġeografiċi li minnhom għandhom iseħħu l-ammissjonijiet.

üIl-Kummissjoni se tipproponi l-Pjan tal-Unjoni ta’ sentejn għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja, abbażi tal-eżitu tad-diskussjoni tal-Kumitat ta’ Livell Għoli u l-Ħtiġijiet Globali Projettati ta’ Risistemazzjoni tal-UNHCR. Il-Pjan se jinkludi indikazzjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet volontarji tal-Istati Membri skont ir-Regolament, u indikazzjoni tar-reġjuni minn fejn għandha sseħħ l-ammissjoni. Dan il-Pjan tal-Unjoni se jiġi adottat mill-Kunsill bħala att ta’ implimentazzjoni.

Appoġġ prattiku

üIl-Grupp ta’ Esperti dwar ir-Risistemazzjoni tal-Kummissjoni u n-Network tal-EUAA dwar ir-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja se jipprovdu l-opportunitajiet biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki, jissaħħaħ il-bini tal-kapaċità u jitrawmu skambji operazzjonali fost l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inklużi l-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili.

L-Aġenziji tal-UE

üL-EUAA se jkollha rwol ewlieni fl-għoti ta’ appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja.

Fir-rigward tar-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika:

L-Istati Membri

Leġiżlazzjoni

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jaġġustaw kif meħtieġ l-oqfsa regolatorji tagħhom biex jiżguraw li l-elementi l-ġodda tar-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ permessi ta’ residenza u dokumenti tal-ivvjaġġar, il-libertà tal-moviment tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, l-aċċess għall-edukazzjoni għall-adulti 43 , it-trattament ugwali għal termini ta’ impjieg, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u opportunitajiet edukattivi relatati mal-impjieg għall-adulti, il-validazzjoni tal-ħiliet, il-“benefiċċji bażiċi”, jew il-kundizzjonalità possibbli ta’ ċerti forom ta’ assistenza soċjali għall-parteċipazzjoni effettiva f’miżuri ta’ integrazzjoni.

Organizzazzjoni u proċessi amministrattivi

üL-Istati Membri se jkollhom jaħtru punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika.

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jaġġustaw il-proċeduri nazzjonali kif meħtieġ, b’mod partikolari biex jikkonformaw mal-obbligu li jinħarġu permessi ta’ residenza u dokumenti tal-ivvjaġġar fil-limiti ta’ żmien il-ġodda (il-permessi ta’ residenza jridu jinħarġu fi żmien 90 jum min-notifika tad-deċiżjoni li tagħti protezzjoni internazzjonali) u l-konformità mal-formati u l-istandards uniformi tal-UE 44 . Id-dokumenti tal-ivvjaġġar għandhom ikunu validi għal aktar minn sena. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jkollhom jaġġustaw jekk ikun meħtieġ it-tariffi għall-ħruġ tal-permessi ta’ residenza peress li jridu jkunu mingħajr ħlas jew ma jaqbżux it-tariffi marbuta mad-dokumenti tal-identità għaċ-ċittadini. Se jkollhom ukoll jieħdu l-miżuri amministrattivi (“miżuri proviżorji”) meħtieġa biex jiżguraw li l-benefiċjarji jkollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom jekk il-permess ta’ residenza ma jinħariġx fi żmien 15-il jum mid-deċiżjoni li tagħti l-protezzjoni internazzjonali. Għandhom jieħdu wkoll il-miżuri meħtieġa biex iżommu l-unità tal-familja meta joħorġu permessi ta’ residenza.

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jaġġustaw kif meħtieġ il-proċeduri għad-detezzjoni ta’ movimenti mhux awtorizzati ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u għandhom jiżguraw il-bidu mill-ġdid meħtieġ tal-perjodu ta’ residenza meħtieġ biex ikunu eliġibbli għall-istatus ta’ residenza fit-tul.

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw/jiżviluppaw flussi tax-xogħol għal aċċess f’waqtu għal miżuri ta’ integrazzjoni bikrija u appoġġ għat-tranżizzjoni għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali ladarba jingħataw protezzjoni.

üL-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw u jekk ikun meħtieġ jaġġornaw jew jistabbilixxu l-proċeduri meħtieġa biex jiżguraw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u tal-eżiti tat-tagħlim u tal-esperjenza preċedenti (“validazzjoni tal-ħiliet”) tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. L-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu użu sħiħ mill-azzjonijiet inklużi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi 45 . Jekk l-aċċess għal ċerti forom ta’ assistenza soċjali jkun jiddependi fuq il-parteċipazzjoni effettiva f’miżuri ta’ integrazzjoni, l-Istati Membri se jkollhom ukoll jieħdu l-miżuri amministrattivi meħtieġa biex jiżguraw li dawn il-miżuri ta’ integrazzjoni jkunu aċċessibbli u mingħajr ħlas (sakemm il-benefiċjarju ma jkollux biżżejjed mezzi).

üL-Istati Membri se jkollhom jipprovdu l-informazzjoni inkluża fl-Anness I tar-Regolament.

Kapaċità (riżorsi umani, infrastruttura u tagħmir)

üL-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kapaċità li jiżviluppaw u jxerrdu materjal adattat ta’ komunikazzjoni u informazzjoni lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, f’konformità mal-Anness 1 tar-Regolament inkluża l-informazzjoni dwar il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi.

üL-Istati Membri għandhom jiżguraw biżżejjed persunal u tagħmir biex iwasslu permessi ta’ residenza kif ukoll dokumenti tal-ivvjaġġar skont l-iskedi ta’ żmien u l-istandards il-ġodda (permessi ta’ residenza fi żmien 90 jum min-notifika tad-deċiżjoni li tagħti protezzjoni internazzjonali). L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll kapaċità suffiċjenti (persunal, tagħmir) biex iwasslu miżuri proviżorji (eż. permessi ta’ residenza temporanji) biex jiżguraw aċċess għad-drittijiet jekk il-permessi ta’ residenza ma jinħarġux fi żmien 15-il jum mid-deċiżjoni li tagħti l-protezzjoni internazzjonali.

üL-Istati Membri se jkollhom bżonn jirreżaminaw u jaġġustaw il-kapaċitajiet kif meħtieġ biex jipprovdu aċċess effettiv għad-drittijiet lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali kif stabbilit fir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika. F’dan is-sens, l-Istati Membri jeħtieġ li jkollhom biżżejjed kapaċità biex jipprovdu aċċess effettiv għas-suq tax-xogħol, trattament ugwali għal termini ta’ impjieg, libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u opportunitajiet edukattivi relatati mal-impjieg għall-adulti, is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali (il-“benefiċċji bażiċi” minimi 46 ), il-kura tas-saħħa, il-miżuri ta’ integrazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-validazzjoni tal-ħiliet kif ukoll l-aċċess għall-akkomodazzjoni, filwaqt li jibnu fuq l-isforzi li saru fl-implimentazzjoni tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza.

L-Istati Membri huma mħeġġa jsegwu approċċ b’diversi partijiet ikkonċernati, inkluża l-kooperazzjoni mas-sħab soċjali u ekonomiċi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjoni mmexxija mill-migranti, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

üL-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li japplikaw ir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika jkunu rċevew it-taħriġ meħtieġ u jkunu marbuta bil-prinċipju tal-kunfidenzjalità fir-rigward tal-informazzjoni personali li jkunu kisbu fil-qadi ta’ dmirijiethom (li għandu jiġi stabbilit fil-liġi nazzjonali).

Il-Kummissjoni/l-Aġenziji tal-UE

üIl-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-EUAA, se torganizza sensiela ta’ laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni biex tiffaċilita l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet il-ġodda (inkluż billi tiċċara t-tifsira tad-dispożizzjonijiet il-ġodda). Il-Kummissjoni se tistinka biex torganizza laqgħat konġunti tal-esperti bejn il-Kumitati ta’ Kwalifika u ta’ Kuntatt tal-Akkoljenza biex trawwem sinerġiji ma’ miżuri ta’ integrazzjoni bikrija previsti fir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza u l-miżuri ta’ integrazzjoni u d-drittijiet inklużi fir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika.

üL-EUAA se tiżviluppa fuljetti u materjali ta’ informazzjoni adattati, kif ukoll linji gwida li jappoġġaw l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda.

Stadji importanti ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati:

Sat-tielet kwart tal-2024, il-Kummissjoni se tlaqqa’ Kumitat ta’ Livell Għoli għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja.

Sal-2025, il-Kummissjoni għandha tadotta proposta għall-ewwel Pjan tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja (għall-perjodu 2026–2027).

Sat-12 ta’ Ġunju 2026, l-Istati Membri għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika.



3Appoġġ operazzjonali u finanzjarju għat-twettiq tal-Patt

3.1Appoġġ Operazzjonali

L-Istati Membri jistgħu jiddependu fuq l-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Aġenziji tal-UE biex jiżviluppaw u jimplimentaw il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom.

Biex tipprovdi appoġġ u assistenza individwalizzati, il-Kummissjoni involviet ruħha bilateralment ma’ kull Stat Membru. Fir-rebbiegħa tal-2024, is-servizzi tal-Kummissjoni stabbilew tim għall-pajjiż multidixxiplinari għal kull Stat Membru u Pajjiż Assoċjat ma’ Schengen biex jappoġġaw il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom u jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli. Kull tim jitmexxa minn maniġer superjuri tal-Kummissjoni assistit minn punt fokali tekniku u esperti f’kull wieħed mill-oqsma ta’ politika rilevanti. It-timijiet jinkludu wkoll rappreżentanti tal-Aġenziji rilevanti tal-UE. Il-Kummissjoni diġà bdiet il-proċess tat-twettiq ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet għal kull Stat Membru. Din il-valutazzjoni għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali.

L-Aġenziji tal-UE se jipprovdu primarjament appoġġ orizzontali, bħal taħriġ, għodod, u gwida disponibbli għall-Istati Membri kollha, ikkomplementat minn appoġġ operazzjonali dirett lill-Istati Membri biex jimlew il-lakuni temporanji fil-kapaċità u jappoġġaw il-bini ta’ kapaċitajiet nazzjonali aktar fit-tul.

L-EUAA bħalissa qed tipprovdi appoġġ operazzjonali lil 12-il Stat Membru. L-Aġenzija rċeviet ukoll riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali biex tħejji għad-dħul fis-seħħ tal-Patt.

Il-Frontex se tassisti fil-qasam tat-taħriġ relatat mal-iskrinjar u se tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri esperti/timijiet għat-twettiq tal-iskrinjar. Il-Frontex tipprovdi wkoll appoġġ importanti għall-ġestjoni tal-fruntieri, ir-ritorn, il-ġbir tad-data u l-analiżi tagħha.

L-eu-LISA se tibni bażi tad-data ġdida tal-Eurodac u se tappoġġa lill-Istati Membri biex jibnu l-komponenti nazzjonali meħtieġa biex jikkonnettjaw magħha.

Barra minn hekk, fejn fl-iżvilupp tal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jidentifikaw ħtiġijiet ta’ akkwist komuni, għandhom jitqiesu l-benefiċċji potenzjali tal-proċessi ta’ akkwist komuni pereżempju permezz tal-EUAA jew tal-eu-LISA, kemm f’termini ta’ twaqqit kif ukoll f’termini ta’ ekonomiji ta’ skala.

3.2Ippjanar finanzjarju u appoġġ

Il-kalkolu tal-kost tal-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali huwa fundamentali biex jippermetti l-ibbaġitjar xieraq tal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali, li fih innifsu huwa prekundizzjoni għal implimentazzjoni b’suċċess.

Minbarra l-finanzjament mill-baġits nazzjonali, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jużaw ir-riżorsi eżistenti kif ukoll dawk disponibbli ġodda mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) 47  u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI) 48 , kif ukoll riżorsi oħra disponibbli tal-UE, bħall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, bħala sorsi possibbli ta’ finanzjament biex ikopru l-kostijiet identifikati.

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi nazzjonali skont ir-Regolamenti AMIF u BMVI, u r-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027, jipprovdu riżorsi addizzjonali matul is-snin 2025–2027.

Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Programmi nazzjonali se jkun l-okkażjoni biex jiġu allokati aktar minn EUR 1 biljun għall-AMIF u EUR 600 miljun għall-BMVI. Din l-allokazzjoni se tkun ibbażata fuq il-koeffiċjent tat-tqassim stabbilit fil-leġiżlazzjoni.

Ir-reviżjoni tal-QFP għall-2021–2027 irriżultat f’żieda totali ta’ EUR 2 biljun għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri. Dan huwa maqsum bejn EUR 810 miljun għall-AMIF, EUR 1 biljun għall-BMVI u EUR 190 miljun għall-EUAA. Dawn ir-riżorsi addizzjonali għall-AMIF u l-BMVI se jiżdiedu mal-Faċilità Tematika ta’ dawn il-fondi u minn hemm allokati abbażi tal-ħtiġijiet fl-Istati Membri differenti.

Il-Kummissjoni diġà qed taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex toħloq rabtiet effettivi bejn ir-riprogrammazzjoni li jmiss u l-proċess ta’ tħejjija tal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Komuni u Nazzjonali, sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-lakuni identifikati, u l-passi operazzjonali rilevanti jinbdew permezz tal-programmi nazzjonali. Għas-snin li ġejjin, il-QFP li jmiss se jkun il-mument ewlieni biex jiġi żgurat użu koerenti u effettiv tal-finanzjament tal-UE għall-prijoritajiet tal-UE, inkluż appoġġ lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-lakuni u l-ħtiġijiet identifikati fil-qasam tal-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri. 

Ir-riżorsi addizzjonali mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi u r-reviżjoni tal-QFP mhux se jkopru l-ħtiġijiet mistennija kollha. Għalhekk se jkun meħtieġ li l-finanzjament nazzjonali u tal-UE disponibbli jiġi pprijoritizzat u kkonċentrat fuq l-aktar ħtiġijiet urġenti u intensivi fir-riżorsi, bħal azzjonijiet għall-istabbiliment ta’ kapaċità adegwata għat-twettiq tal-proċedura fuq il-fruntiera, l-għoti ta’ konsulenza legali, it-tisħiħ tas-sistemi tal-ażil u tal-akkoljenza tal-Istati Membri 49 .

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu pereżempju jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Patt b’fondi tal-politika ta’ koeżjoni, li kienu diġà strumentali fl-implimentazzjoni ta’ protezzjoni temporanja għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa fl-Ukrajna. Tabilħaqq, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2024 fakkru fil-potenzjal tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni biex jappoġġaw il-ħtiġijiet relatati mal-migrazzjoni 50 .

Għalhekk, għandhom jinħolqu sinerġiji bejn l-AMIF li jappoġġa miżuri għall-wasla u l-akkoljenza u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, jiġifieri l-Fond Soċjali Ewropew (FSE+) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), li jappoġġaw l-integrazzjoni u l-inklużjoni fit-tul ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Dawn il-komplementarjetajiet huma deskritti aktar fis-Sett ta’ Għodod tal-2021 dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-integrazzjoni ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027 51 .

L-Istati Membri jistgħu jirċievu wkoll appoġġ mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, li taħtu l-Kummissjoni se tniedi sejħa dedikata biex tappoġġja lill-Istati Membri jiżviluppaw il-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku identifika l-appoġġ lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Patt bħala inizjattiva ewlenija għall-2025. L-appoġġ mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jista’ jieħu l-forma ta’ pariri strateġiċi jew tekniċi, studji li jivvalutaw il-ħtiġijiet ta’ riforma jew l-għażliet f’oqsma speċifiċi, taħriġ, jew missjonijiet fil-pajjiż minn esperti. Dan jista’ jintuża biex jappoġġa l-operazzjonalizzazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali, inklużi r-riformi meħtieġa skont il-Patt u jgħin biex jiġi ffaċilitat l-użu tal-fondi rilevanti tal-UE.

Bħala parti mill-iskambji bilaterali bejn it-tim tal-pajjiż multidixxiplinari stabbilit mill-Kummissjoni u l-Istati Membri bi tħejjija għall-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri se jiġu mistiedna jirriflettu dwar l-aħjar mod kif jikkombinaw ir-riżorsi nazzjonali u riżorsi oħra tal-Unjoni biex jindirizzaw il-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-Patt.

4Dimensjoni esterna tal-Migrazzjoni

Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jirrifletti approċċ ta’ gvern sħiħ u ta’ rotta sħiħa għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, li jfittex li jiżgura l-koerenza u l-effettività fost l-azzjonijiet u l-miżuri meħuda mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha internament u esternament.

L-UE segwiet approċċ fuq żewġ binarji, li jakkumpanja l-ħidma leġiżlattiva fil-livell tal-UE b’attivitajiet operazzjonali mal-Istati Membri u s-sħab. L-azzjonijiet dwar id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni mhumiex marbuta mal-elementi kostitwenti speċifiċi fi ħdan il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni. Madankollu, il-kooperazzjoni b’saħħitha tal-UE ma’ pajjiżi terzi sħab ta’ oriġini u ta’ tranżitu, li xi wħud minnhom jospitaw komunitajiet kbar ta’ migranti u refuġjati, se tkun importanti għas-sostenibbiltà tal-Patt.

L-UE żviluppat erba’ Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE li jsegwu approċċ ta’ rotta sħiħa għar-rotot migratorji prinċipali lejn l-UE (ir-rotot tal-Balkani tal-Punent, tal-Mediterran Ċentrali, tal-Atlantiku/tal-Mediterran tal-Punent, u tal-Lvant tal-Mediterran). Dawn jistabbilixxu triq għal miżuri operazzjonali kollettivi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab tul ir-rotot u biex jiżdiedu s-salvagwardji għall-persuni li jiċċaqilqu.

B’ħidma miexja sew, u riżultati b’saħħithom li qed jingħataw, il-Pjanijiet ta’ Azzjoni jistgħu jipprovdu fokus għal attivitajiet mill-UE u mill-Istati Membri li jikkomplementaw l-implimentazzjoni tal-Patt, filwaqt li jżidu l-impatt tar-riżorsi tal-UE u tal-Istati Membri u jimmiraw għas-sensibilizzazzjoni lejn pajjiżi terzi. Dawn il-Pjanijiet ta’ Azzjoni jibbenefikaw mis-sett ta’ għodod li diġà qed jintuża biex tinbena kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni.

4.1Il-migrazzjoni bħala parti mill-approċċ komprensiv u strateġiku mal-pajjiżi sħab

Il-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri f’approċċ ta’ Tim Ewropa biex tapprofondixxi sħubijiet komprensivi bbażati fuq interessi reċiproċi, li l-migrazzjoni ta’ spiss tkun wieħed minnhom. Is-sħubijiet imfassla apposta li jirriflettu għanijiet kondiviżi bhal stabbiltà u sigurtà; l-iżvilupp ekonomiku u r-riformi; l-investiment, il-kummerċ, u l-impjiegi; l-enerġija; it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; u kuntatti bejn il-persuni jistgħu japprofondixxu l-fiduċja u viżjoni strateġika kondiviża.

Dan l-approċċ ippermetta wkoll intensifikazzjoni tal-ħidma operazzjonali mas-sħab li tkopri l-firxa sħiħa ta’ kooperazzjoni relatata mal-migrazzjoni u mal-ispostament — li tindirizza l-kawżi ewlenin, il-protezzjoni tar-refuġjati u l-migranti vulnerabbli u l-isfidi relatati, it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri, il-prevenzjoni tat-tluq irregolari u l-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin jew il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, iż-żieda fir-ritorni, ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni, u l-ħolqien ta’ perkorsi legali. Issa hemm sforz ċar biex jiġu stabbiliti sħubijiet aktar profondi ma’ pajjiżi terzi ewlenin li se jistabbilixxu kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni flimkien ma’ interessi komuni ewlenin oħra. Dan l-approċċ ittieħed pereżempju mat-Tuneżija, mal-Mauritania u mal-Eġittu fi sħubijiet komprensivi u strateġiċi. Fis-sħubijiet kollha tagħha, l-UE hija konsistenti fl-affermazzjoni tal-importanza tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u d-dritt internazzjonali 52 .

Biex jikkomplementaw l-isforzi fil-livell tal-UE u joffru dimensjoni ekstra importanti għal tali sħubijiet strateġiċi u komprensivi, l-Istati Membri huma mħeġġa jippjanaw azzjonijiet li jistgħu jsaħħu dan l-involviment ta’ Tim Ewropa ma’ pajjiżi terzi ewlenin, filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza u r-relazzjonijiet privileġġati tagħhom. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiffukaw fuq il-firxa sħiħa ta’ attivitajiet relatati mal-migrazzjoni, inkluż appoġġ għall-bini tal-kapaċità u t-tagħmir, u jappoġġaw lis-sħab fil-ħidma tagħhom stess dwar il-protezzjoni tar-refuġjati, l-ażil u r-ritorn. It-tlaqqigħ ta’ dawn l-isforzi f’Inizjattivi speċifiċi ta’ Tim Ewropa dwar il-migrazzjoni jista’ jkollu impatt kollettiv qawwi. F’dan l-isforz, huwa importanti li titkompla l-koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali permezz tal-istrutturi ta’ governanza tal-UE, inkluż fil-Kunsill.

Sabiex tiġi appoġġata d-dimensjoni esterna tal-Patt, l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) 53 bħalissa qed jaqbeż il-mira indikattiva ta’ nfiq ta’ 10 % għal azzjonijiet relatati mal-migrazzjoni u l-ispostament furzat fil-perjodu 2021–27. L-appoġġ għall-kooperazzjoni relatata mal-migrazzjoni huwa wkoll tema ewlenija ta’ ħidma taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA).

Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP 2021–2027, biex l-Unjoni tkun tista’ tipprovdi l-appoġġ meħtieġ fost tensjonijiet ġeopolitiċi straordinarji, il-prijoritajiet tal-Intestatura 6 “Viċinat u d-dinja” tal-QFP, bħall-migrazzjoni u l-isfidi esterni, ġew imsaħħa b’EUR 7.6 biljun. Dan il-finanzjament se jgħin biex tinżamm kooperazzjoni effettiva dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi, inkluż appoġġ għar-refuġjati Sirjani fit-Turkija (EUR 2 biljun) u fir-reġjun usa’ (EUR 1,6 biljun), kif ukoll il-kontinwazzjoni tal-azzjonijiet li ttieħdu qabel permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika. Dan se jgħin ukoll biex jiġu appoġġati l-Balkani tal-Punent, il-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Afrika, inklużi sħubijiet u finanzjament għar-rotot migratorji.

L-iżvilupp soċjoekonomiku u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi sostenibbli, li jnaqqsu l-pressjoni fuq il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, huma appoġġati pereżempju permezz ta’ proġetti taħt l-istrateġija Global Gateway.

L-azzjonijiet f’pajjiżi terzi jew b’rabta magħhom iffinanzjati taħt il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà tal-Patt għandhom jiġu implimentati permezz tal-AMIF fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u jkunu koerenti mal-politika esterna tal-UE.

4.2Prijoritajiet għal azzjoni

L-ispettru kollu ta’ appoġġ relatat mal-migrazzjoni lil pajjiżi terzi jista’ jgħin biex jikkomplementa l-Patt. Madankollu, tliet żoni huma ta’ sinifikanza operazzjonali partikolari: il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, ir-ritorni effettivi u r-riammissjoni, u l-perkorsi legali.

Il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jaħdmu flimkien fuq miżuri innovattivi u sostenibbli għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari. Il-Kummissjoni se tibni fuq l-Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti u s-Sejħa għal Azzjoni tagħha.

Qed isiru laqgħat tal-esperti, sejħiet għal proposti għal proġetti u azzjonijiet ġodda għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab 54 u organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-UNODC, inkluż dwar l-indirizzar tad-dimensjoni diġitali tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Diġà sar segwitu fil-livell politiku f’Copenhagen bil-Konferenza dwar is-Sħubijiet dwar il-Migrazzjoni f’Mejju 2024. Il-konferenza internazzjonali li jmiss dwar l-Alleanza Globali hija ppjanata għal Novembru 2024 fi Brussell.

Iż-żarmar ta’ gruppi kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti huwa komponent ewlieni tal-azzjonijiet tal-UE f’pajjiżi sħab. L-UE pprovdiet, u se tkompli tipprovdi, appoġġ sinifikanti lis-sħab tagħna fil-Balkani tal-Punent, fit-Turkija u fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Hija meħtieġa ħidma kontinwa mal-pajjiżi sħab biex jiġu operazzjonalizzati s-Sħubijiet Operazzjonali mfassla apposta kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti 55 .

Il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari b’azzjonijiet imtejba ta’ ġestjoni tal-fruntieri u kapaċitajiet imsaħħa fit-taħriġ u t-tagħmir għall-pajjiżi sħab hija element ewlieni fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u parti mis-Sejħa għal Azzjoni tal-Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti. Dan jinkludi programmi ffinanzjati mill-UE kif ukoll kooperazzjoni msaħħa mal-Frontex f’pajjiżi sħab permezz ta’ ftehimiet dwar l-istatus u arranġamenti ta’ ħidma.

Tali azzjoni operazzjonali biex tittejjeb il-kapaċità tal-UE fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti għandha tiġi kkomplementata minn progress rapidu fin-negozjati dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva ġdida Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti li ssaħħaħ is-sanzjonijiet fuq dawk li jpoġġu l-ħajjiet f’riskju għal gwadann finanzjarju, u r-Regolament propost dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija li jippermetti lill-Europol issir ċentru reali għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin maċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti.

Ritorn, Riammissjoni u riintegrazzjoni sostenibbli

Biex il-Patt jikseb l-impatt sħiħ tiegħu, politika ta’ ritorn u riammissjoni umana u effettiva hija kruċjali. Irid ikun ċar li n-nies mingħajr id-dritt li jibqgħu fl-UE se jintbagħtu lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom b’mod sikur, sostenibbli u dinjituż.

Il-qafas leġiżlattiv il-ġdid se jagħlaq xi wħud mil-lakuni bejn il-proċedura tal-ażil u dik tar-ritorn. Madankollu, il-kooperazzjoni effettiva ma’ pajjiżi terzi hija wkoll kruċjali biex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu internazzjonali ta’ riammissjoni taċ-ċittadini proprji.

L-ingranaġġ tal-politiki, l-istrumenti u l-għodod rilevanti kollha tal-UE, inklużi d-diplomazija, l-iżvilupp, il-kummerċ u l-viżi, kif ukoll l-opportunitajiet għall-migrazzjoni legali jista’ jkollhom rwol fl-inċentivar strateġiku ta’ kooperazzjoni tajba dwar ir-riammissjoni.

Il-politika dwar il-viżi pprovdiet għodod ġodda bl-Artikolu 25a tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Skont din il-leġiżlazzjoni, kull sena l-Kummissjoni tivvaluta l-livell ta’ kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni. Matul l-aħħar erba’ snin, dan il-proċess wera li kien strumentali fl-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-isfidi ma’ pajjiżi terzi u fit-tisħiħ tad-djalogu biex tittejjeb il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni. Eżempji tat-titjib miksub jistgħu jidhru fil-kooperazzjoni mal-Gambja, l-Iraq u l-Bangladesh. Qabel is-sajf, il-Kummissjoni se toħroġ il-ħames rapport ta’ valutazzjoni u l-proposti rilevanti għall-miżuri dwar il-viża.

Sabiex il-proċedura fuq il-fruntiera tal-Patt tirnexxi, il-potenzjal sħiħ ta’ dan il-mekkaniżmu għandu jiġi sfruttat biex tiżdied il-kooperazzjoni ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi li r-rata ta’ rikonoxximent tagħhom għall-applikazzjonijiet għall-ażil taċ-ċittadini tagħhom hija ta’ 20 % jew inqas.

Il-Kummissjoni, il-Frontex u l-Istati Membri għandhom ukoll ikomplu jsaħħu l-isforzi kkombinati tagħhom dwar ir-riintegrazzjoni sostenibbli, joffru konsulenza mfassla apposta dwar ir-ritorn u appoġġ għar-riintegrazzjoni lill-persuni ripatrijati volontarji u furzati (permezz ta’ finanzjament tal-UE jew tal-Istati Membri, b’ħidma mal-aġenziji tan-NU u l-NGOs), kif ukoll jgħinu lis-sħab fil-bini tal-kapaċità u jaħdmu flimkien biex jimmiraw l-appoġġ għall-benefiċċju kemm tal-persuni ripatrijati kif ukoll tal-komunitajiet riċeventi.

Il-Parlament u l-Kunsill għandhom ukoll ilestu malajr ir-reviżjoni li għaddejja tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża li għandu jwassal għal monitoraġġ akbar ta’ pajjiżi mingħajr viża u jindirizza aħjar l-abbużi possibbli ta’ vjaġġar mingħajr viża billi jagħmel il-mekkaniżmu aktar faċli biex jiskatta u aktar effettiv fid-deterrenza tiegħu.

Perkorsi legali

Il-migrazzjoni legali għandha rwol ewlieni u komplementari fl-appoġġ tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-UE 56 , kif ukoll fit-tisħiħ tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, it-trawwim tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, u fl-aħħar mill-aħħar tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari. L-iżvilupp ta’ kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema ma’ pajjiżi terzi sħab, appoġġata minn regoli komuni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali u perkorsi alternattivi għal dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, jipprevedi approċċ ibbilanċjat għall-migrazzjoni.

Il-benefiċċji jiġu mhux biss f’termini ta’ ġestjoni tajba tal-migrazzjoni iżda wkoll permezz ta’ flussi ta’ rimessi u t-trasferiment ta’ ħiliet u għarfien lill-pajjiżi sħab. Il-politika attiva biex isir l-aħjar użu mill-migrazzjoni tal-ħaddiema fl-Istati Membri tagħti kontribut kbir biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol. It-titjib tal-governanza tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, l-edukazzjoni u s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-approċċi konġunti għar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet, huma elementi essenzjali għall-promozzjoni tal-ħiliet bħala mutur għat-tkabbir ekonomiku, għall-benefiċċju reċiproku tal-UE u s-sħab tagħha.

L-UE hija involuta ma’ pajjiżi sħab taħt l-istrateġija Global Gateway, fl-iżvilupp tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari biex tippromwovi l-kapaċità tal-pajjiżi sħab li jinvolvu ruħhom f’oqsma ta’ kooperazzjoni innovattivi mal-UE, bħat-tranżizzjoni ekoloġika u d-diġitalizzazzjoni. It-tisħiħ tal-bażi tal-ħiliet jirrappreżenta opportunità ta’ benefiċċju għal kulħadd biex tinbena integrazzjoni ekonomika u sħubijiet internazzjonali ġodda b’saħħithom.

Sabiex jiġi żgurat approċċ komprensiv għall-migrazzjoni, l-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw Sħubijiet ta’ Talent ma’ pajjiżi terzi ewlenin biex isaħħu l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol ġusta internazzjonali, filwaqt li jevitaw l-impatt negattiv tal-“eżodu ta’ mħuħ”. Il-Kummissjoni s’issa nediet Sħubijiet ta’ Talent mal-Marokk, mat-Tuneżija, mal-Eġittu, mal-Pakistan u mal-Bangladesh. Id-diskussjonijiet madwar mejda ma’ kull wieħed minn dawn il-pajjiżi bl-involviment tal-Istati Membri interessati identifikaw objettivi komuni, kif ukoll setturi u professjonijiet ta’ interess reċiproku li għandhom jiġu mmirati. Biex jirnexxu, l-Istati Membri għandhom jimmobilizzaw u jikkoordinaw aktar l-offerta tagħhom ta’ opportunitajiet ta’ migrazzjoni legali u jżidu l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-Sħubijiet ta’ Talent, pereżempju billi jġibu ftehimiet bilaterali taħt l-umbrella tas-Sħubija ta’ Talent, li jgħin biex jissaħħaħ l-ingranaġġ kollettiv tal-UE. Il-Kummissjoni se tesplora, flimkien mal-Istati Membri, il-possibbiltà li testendi l-firxa tas-Sħubijiet ta’ Talent għal pajjiżi sħab addizzjonali.

Ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE se tikkontribwixxi wkoll għal migrazzjoni ġusta tal-ħaddiema, bħala l-ewwel pjattaforma għall-UE kollha li tiffaċilita r-reklutaġġ internazzjonali b’salvagwardji inkorporati biex jiġu evitati prattiki ta’ sfruttament u inġusti u tinforma lil dawk li qed ifittxu impjieg f’pajjiżi terzi dwar opportunitajiet biex jaħdmu f’xogħlijiet b’nuqqas ta’ ħaddiema fl-UE fil-livelli kollha tal-ħiliet. L-operazzjonalizzazzjoni rapida tal-għodda tiddependi fuq l-adozzjoni rapida tal-qafas legali mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Il-Kummissjoni qed timplimenta wkoll miżuri stabbiliti fil-pakkett dwar il-Mobbiltà tal-Ħiliet u tat-Talenti ta’ Novembru 2023 biex tappoġġa l-validazzjoni tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba barra mill-UE, li jibqa’ ostaklu għar-reklutaġġ tal-migranti u għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi ruħha mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali permezz tal-Pjattaforma tal-Migrazzjoni tal-Ħaddiema, li tiffaċilita diskussjonijiet transsettorjali dwar kwistjonijiet prattiċi.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tippromwovi perkorsi sikuri u legali għall-protezzjoni u taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tirfed l-isforzi tagħhom ta’ risistemazzjoni volontarja u ammissjoni umanitarja. Taħt l-iskema ad hoc 2024–2025 tal-UE għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjonijiet Umanitarji, l-Istati Membri pprovdew b’mod ġenerali aktar minn 60 000 wegħda, li juru impenn sostnut biex jgħinu l-ħtiġijiet globali ta’ risistemazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi perkorsi komplementari innovattivi għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni, bħala alternattiva għall-migrazzjoni irregolari.

5Governanza u Monitoraġġ

L-isforz komuni essenzjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Patt jeħtieġ li jiġi rifless fil-governanza tiegħu. Dan se jgħin il-konsistenza tal-implimentazzjoni, filwaqt li jippreserva l-flessibbiltà meħtieġa li jeħtieġu l-Istati Membri. Dan għandu jiżgura li l-miżuri legali, amministrattivi u operazzjonali kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Patt se jitwettqu fil-ħin u b’mod koerenti u effiċjenti. Għandu jakkomoda n-natura interkonnessa tal-oqsma ta’ ħidma separati, filwaqt li jippermetti wkoll koordinazzjoni effettiva fost l-atturi u l-istituzzjonijiet differenti responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Patt fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

5.1Governanza u Monitoraġġ matul il-fażi ta’ tranżizzjoni

Il-Kummissjoni se timmonitorja l-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni u l-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se żżomm kuntatti regolari ma’ kull Stat Membru, inkluż permezz ta’ żjarat, laqgħat bilaterali regolari u gruppi u networks eżistenti, filwaqt li tevita piż amministrattiv bla bżonn.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem f’koordinazzjoni sħiħa mal-istrutturi fil-Kunsill, u se żżomm kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kunsill infurmati b’mod sħiħ. F’dan il-kuntest, biex tiġi żgurata l-kondiviżjoni effettiva u trasparenti tal-informazzjoni fl-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni se tipprovdi aġġornamenti regolari dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni u tal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Filwaqt li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħmel dan kull 6 xhur, l-aġġornamenti jistgħu jiġu pprovduti aktar ta’ spiss, kif meħtieġ mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Biex tiżgura l-koerenza u l-koordinazzjoni tal-ħidma ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni se żżomm pjattaforma ta’ koordinazzjoni tal-Patt (ta’ natura trażversali) li se titlaqqa’ perjodikament kif meħtieġ u f’komplementarjetà sħiħa mal-laqgħat tal-Kunsill. Il-pjattaforma ta’ koordinazzjoni tal-Patt se tlaqqa’ flimkien is-servizzi tal-Kummissjoni, il-koordinaturi tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Patt fil-livell nazzjonali u l-aġenziji tal-UE biex tiżgura l-ħarsa ġenerali u r-rendikont meħtieġa u regolari tal-implimentazzjoni ta’ livelli u oqsma ta’ ħidma differenti. Il-pjattaforma ta’ koordinazzjoni tal-Patt se żżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet kollha, inkluż kalendarju tal-laqgħat u l-konklużjoni tad-diskussjonijiet u tipprevedi portal virtwali għad-dokumenti rilevanti. Il-Kummissjoni se tassoċja wkoll lill-Parlament Ewropew u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra kif xieraq.

Il-ħidma prinċipali tal-implimentazzjoni tal-Patt se titwettaq fi gruppi u networks eżistenti. Il-Kummissjoni se tissimplifika l-ħidma tal-gruppi u n-networks eżistenti kollha u se tiżgura li l-laqgħat jiġu organizzati abbażi tal-ħtiġijiet u jevitaw id-duplikazzjoni.

Illum diġà jeżistu tliet livelli li se jkollhom rwol importanti fl-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-Patt f’waqtha u konsistenti:

·Il-livell regolatorju, li jinkludi l-kumitati regolatorji rilevanti li għandhom jassistu lill-Kummissjoni meta teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha f’konformità mar-Regolamenti rilevanti. Dawn jikkonsistu minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Hemm tliet kumitati stabbiliti, taħt ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, taħt ir-Regolament Eurodac u taħt ir-Regolament dwar l-Iskrinjar, bil-ħsieb li jiġu adottati l-atti ta’ implimentazzjoni kollha indikati taħt iż-żewġ atti skont il-proċedura ta’ eżami 57 . Il-lista ta’ atti ta’ implimentazzjoni li l-Kummissjoni għandha tadotta tinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament.

·Il-livell ta’ esperti tekniċi, li jinkludi l-gruppi ta’ esperti eżistenti kollha mmexxija mill-Kummissjoni 58 stabbiliti f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301. Il-Kummissjoni se tagħmel użu sħiħ minn dawn il-gruppi ta’ esperti eżistenti biex issaħħaħ fehim komuni u trawwem applikazzjoni koerenti tar-regoli fil-Patt. Il-ħidma ta’ dawn il-gruppi tista’ tikkristallizza f’manwali jew dokumenti ta’ gwida, jew aġġornamenti għal dawk eżistenti. Sabiex jinħolqu sinerġiji bejn il-gruppi ta’ esperti differenti u jiġi evitat piż żejjed fuq l-Istati Membri, il-Kummissjoni se torganizza kemm jista’ jkun laqgħat konġunti tal-gruppi ta’ esperti fejn rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tittrasforma l-Pjattaforma ta’ Solidarjetà attwali fil-Forum ta’ Solidarjetà fil-Livell Tekniku li għandu jiżgura l-operazzjonalizzazzjoni tar-Riżerva Annwali ta’ Solidarjetà. Matul il-fażi ta’ tranżizzjoni, dan il-grupp jista’ jipprovdi pariri għat-tħejjija tar-regoli ta’ implimentazzjoni relatati mas-solidarjetà.

·Il-livell operazzjonali, li jinkludi n-networks tal-aġenziji li jiffukaw fuq aspetti operazzjonali, inkluż l-iżvilupp ta’ dokumenti ta’ gwida u mudelli. Il-Kummissjoni se tikkoordina mal-aġenziji tal-UE biex tiżgura komplementarjetà sħiħa mal-ħidma tal-Kumitati u tal-gruppi ta’ esperti. Pereżempju, in-Network tal-akkoljenza se jikkomplementa l-ħidma tal-Grupp ta’ esperti tal-akkoljenza. Il-ħidma tar-Round Table ta’ Livell Għoli tal-Frontex dwar ir-ritorni se tikkomplementa l-ħidma tal-Grupp ta’ esperti dwar ir-ritorn.

Il-Kummissjoni se tistinka biex torganizza laqgħat eżatt wara xulxin tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u tan-networks operazzjonali tal-aġenziji biex timmassimizza l-komplementarjetà bejn l-interpretazzjoni legali u l-applikazzjoni operazzjonali tal-miżuri l-ġodda (eż., il-Kumitat ta’ Kuntatt ta’ Dublin segwit min-network ta’ Dublin) u tevita l-piż amministrattiv.

5.2Monitoraġġ wara d-dħul fis-seħħ tal-Patt

Ladarba l-Patt isir applikabbli, l-attivitajiet ta’ monitoraġġ previsti taħt il-mekkaniżmi rilevanti, bħall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imwettaq mill-EUAA jew il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen, se jibdew fir-rigward tal-obbligi tal-Patt. Dawn l-attivitajiet ta’ monitoraġġ se jippermettu li tiġi identifikata kwalunkwe applikazzjoni skorretta jew parzjali tal-qafas legali u operazzjonali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju meħtieġa. Il-Kummissjoni tinsab lesta wkoll biex tuża l-proċeduri xierqa, fejn jitqies meħtieġ u ġġustifikat, inklużi proċeduri ta’ ksur biex tagħti sehemha bis-sħiħ bħala gwardjan tat-Trattati.

L-EUAA se tibda l-programm tagħha biex timmonitorja l-applikazzjoni operazzjonali u teknika tas-sistema tal-ażil tal-Ewropa f’nofs l-2026. F’konformità mar-Regolament EUAA, kull Stat Membru għandu jiġi mmonitorjat mill-inqas darba f’5 snin. L-Aġenzija tista’ wkoll tniedi monitoraġġ tematiku għal aspetti speċifiċi. Fejn ikun hemm tħassib serju dwar il-funzjonament tas-sistema tal-ażil jew tal-akkoljenza ta’ Stat Membru, l-EUAA għandha tibda eżerċizzju ta’ monitoraġġ ad hoc fuq inizjattiva proprja tagħha jew fuq it-talba tal-Kummissjoni.

Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen huwa rilevanti sa fejn se jkopri r-Regolament dwar l-Iskrinjar u r-Regolament dwar il-Proċedura ta’ Ritorn fil-Fruntieri peress li dawn l-istrumenti legali tal-Patt huma parti mill-acquis ta’ Schengen. Kull Stat Membru se jiġi evalwat kull 7 snin. Taħt il-mekkaniżmu, jistgħu jitwettqu wkoll evalwazzjonijiet tematiċi u żjarat għal għarrieda. Il-proċedura speċifika bi skadenzi iqsar hija prevista fir-Regolament dwar il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen għal każijiet fejn jiġu identifikati nuqqasijiet serji.

Konklużjoni

Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni huwa l-pjan ta’ azzjoni operazzjonali li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tipproponi li tmexxi ’l quddiem l-implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil flimkien mal-Istati Membri u l-aġenziji rilevanti tal-UE. Dan se jiggwida l-ħidma tagħna biex nilħqu l-objettiv komuni tagħna li jkollna sistema mħejjija sew fis-seħħ sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, f’nofs l-2026. Il-pass importanti li jmiss se jkun it-tħejjija mill-Istati Membri tal-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom sat-12 ta’ Diċembru 2024.

Bl-impenn kondiviż u kkoordinat tagħna, il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil se jsir realtà. L-Istati Membri jistgħu jorbtu fuq il-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE f’kull pass tat-triq, inkluż għall-għoti ta’ appoġġ operazzjonali, tekniku u finanzjarju.

(1)     https://home-affairs.ec.europa.eu/policies/migration-and-asylum/pact-migration-and-asylum/legislative-files-nutshell_mt
(2)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Jintlaħaq bilanċ dwar il-migrazzjoni: approċċ li huwa ġust kif ukoll sod, COM(2024) 126 final.
(3)    Ħlief ir-Regolament (UE) 2024/1350 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147 li sar applikabbli fil-11 ta’ Ġunju 2024.
(4)    L-Artikolu 84, ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni, ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024; l-Artikolu 75, ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024.
(5)

   Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1147 u (UE) 2021/1060 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024.

(6)    Ir-Regolament Eurodac jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 meta teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha meta l-Kummissjoni jkollha bżonn tadotta att ta’ implimentazzjoni f’konformità mar-Regolament. Ara t-taqsima dwar il-governanza.
(7) Ir-Regolament (UE) 2019/817 u r-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar viżi għal soġġorn qasir, viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza.
(8)    Il-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Eurodac huwa grupp ta’ esperti informali eżistenti tal-Kummissjoni stabbilit f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301. F’konformità ma’ dik id-Deċiżjoni, il-grupp ta’ esperti jipprovdi pariri u għarfien espert dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati f’dak ir-rigward, dwar it-tħejjija ta’ proposti leġiżlattivi u inizjattivi ta’ politika u atti delegati u jista’ wkoll jipprovdi pariri u għarfien espert fejn meħtieġ dwar it-tħejjija bikrija tal-atti ta’ implimentazzjoni qabel ma jiġu ppreżentati lill-Kumitat Regolatorju.
(9)    Il-kunċett ta’ “kapaċità adegwata” jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu l-kapaċità ta’ akkoljenza u r-riżorsi umani, inkluż persunal kwalifikat u mħarreġ sew, meħtieġ biex jeżamina fi kwalunkwe mument għadd identifikat ta’ applikazzjonijiet u biex jinforza deċiżjonijiet ta’ ritorn. Meta tintlaħaq il-kapaċità adegwata ta’ Stat Membru partikolari, l-Istat Membru kkonċernat ma jibqax obbligat iqiegħed persuni addizzjonali fil-proċedura fuq il-fruntiera; minflok, l-Istat Membru jista’ jgħaddi l-applikanti lejn il-proċedura aċċellerata fit-territorju. Bl-istess mod, meta l-Istat Membru jkun laħaq il-limitu massimu annwali tal-applikazzjonijiet kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni (kapaċità adegwata mmultiplikata bi tnejn fl-2026, bi tlieta fl-2027, u b’erbgħa fl-2028), l-Istat Membru ma jibqax obbligat japplika l-proċedura fuq il-fruntiera u jista’ jgħaddi l-applikanti għall-proċedura aċċellerata fit-territorju anki jekk il-kapaċità tkun disponibbli għall-proċedura fuq il-fruntiera. Madankollu, l-applikanti li jistgħu jkunu ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali u għall-ordni pubbliku jridu dejjem ikunu soġġetti għall-proċedura fuq il-fruntiera.
(10)    Ara l-element kostitwenti 9.
(11)    Kwalunkwe miżura meħuda mill-Istati Membri biex jipprevjenu dħul mhux awtorizzat trid tkun skont ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza (ara l-element kostitwenti 3).
(12)    Ara l-element kostitwenti 3.
(13)    Ara l-element kostitwenti 9.
(14)    Eż., gwardji tal-fruntiera, uffiċjali tal-ażil, ħaddiema tal-każ tar-ritorn, interpreti, speċjalisti dwar il-kontrolli tal-vulnerabbiltà, persunal mediku għall-kontrolli tas-saħħa, persunal speċjalizzat fil-valutazzjoni tal-età, konsulenti legali, uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal, eċċ.
(15)    Għal obbligi speċifiċi marbuta mar-rekwiżiti l-ġodda għall-applikanti vulnerabbli, inklużi t-tfal, ara l-element kostitwenti 9.
(16)    Ara l-element kostitwenti 2.
(17)    Ara l-element kostitwenti 9.
(18)    Ara l-element kostitwenti 9.
(19)    Ara l-element kostitwenti 9.
(20)    Ara l-element kostitwenti 8.
(21)    Dan huwa grupp ta’ esperti informali eżistenti tal-Kummissjoni stabbilit f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301.
(22)    Ara l-element kostitwenti 9.
(23)    Dawn huma gruppi ta’ esperti informali Komuni eżistenti stabbiliti f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301.
(24)    Meta deċiżjoni ta’ ritorn tinħareġ bħala att separat, din tista’ tiġi appellata fi proċedimenti ġudizzjarji separati u l-iskedi ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-appell iridu jkunu bejn 5 u 10 ijiem għall-proċedura fuq il-fruntiera, il-proċedura aċċellerata, il-verifiki tal-inammissibbiltà u l-irtirar impliċitu. L-iskedi ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-appell fil-każijiet l-oħra kollha jridu jkunu bejn ġimagħtejn u xahar.
(25)    Il-Kummissjoni se tadotta r-rapport u l-proposta għal rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fl-ewwel kwart tal-2025.
(26)    Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat (riformulazzjoni).
(27)    Ara l-element kostitwenti 9.
(28)    Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Previżjoni fit-tul tal-influssi u l-flussi ta’ ħruġ tal-baġit tal-UE (2024–2028) COM/2023/390 final.
(29)    Ara wkoll l-element kostitwenti 9.
(30)    Pereżempju, billi jkun hemm aktar persunal li jimmonitorja l-preżenza fiċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni, billi joħloq ċentri ta’ akkomodazzjoni għal skopijiet ta’ trasferimenti ta’ Dublin. Għal aktar eżempji, ara SWD (2023) 390 final.
(31)    Pereżempju, billi juru flessibbiltà dwar l-għadd ta’ trasferimenti li jistgħu jaċċettaw kuljum/kull xahar, fis-sigħat fejn jistgħu jseħħu t-trasferimenti, filwaqt li jagħtu aktar jiem alternattivi għat-twettiq tat-trasferimenti, li jippermettu t-trasferimenti ta’ Dublin f’punti differenti ta’ qsim tal-fruntiera. Għal aktar eżempji, ara SWD (2023) 390 final.
(32)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz.
(33) https://europass.europa.eu/mt.
(34)    https://home-affairs.ec.europa.eu/policies/migration-and-asylum/migration-management/relocation-eu-solidarity-practice_en; Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2022. (2022, Ġunju 22). L-ewwel pass fl-implimentazzjoni gradwali tal-Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil: modus operandi ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà volontarja.
(35) ()    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar mekkaniżmu tal-UE għat-tħejjija u l-ġestjoni tal-kriżijiet relatati mal-migrazzjoni (Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji).
(36)    F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistema integrata għall-protezzjoni tat-tfal fl-interessi superjuri tat-tfal, C(2024) 2680 final.
(37)    Il-minorenni mhux akkumpanjat għandu jkun akkumpanjat minn rappreżentant jew, fejn rappreżentant ma jkunx ġie maħtur, minn persuna mħarrġa biex tissalvagwardja l-aħjar interessi tat-tfal u l-benesseri ġenerali tagħhom, matul iż-żmien kollu li fih tittieħed id-data bijometrika tiegħu jew tagħha. Tali persuna mħarrġa ma għandhiex tkun l-uffiċjal responsabbli għat-teħid tad-data bijometrika, għandha taġixxi b’mod indipendenti u ma għandhiex tirċievi ordnijiet la mill-uffiċjal u lanqas mis-servizz responsabbli għat-teħid tad-data bijometrika.
(38)    L-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar l-Iskrinjar.
(39)    C(2024) 2680 final.
(40) Gwida prattika dwar il-valutazzjoni tal-età | Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (europa.eu) .
(41)    Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tan-Network Ewropew tal-Kustodja tista’ tgħin biex jiġi kondiviż l-għarfien espert u jiġu identifikati prattiki tajbin.
(42)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15.11.2023 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, C(2023) 7700 final.
(43)    Jekk l-Istati Membri jagħżlu l-possibbiltà li jirrifjutaw għotjiet u self relatati mal-edukazzjoni lill-adulti, dan għandu jiġi inkluż fil-liġi nazzjonali.
(44)    Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 għall-permessi ta’ residenza u r-Regolament (KE) Nru 2252/2004 għad-dokumenti tal-ivvjaġġar.
(45)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15.11.2023 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, C(2023) 7700 final.
(46)    Appoġġ għad-dħul, assistenza għall-mard/għat-tqala, assistenza għall-ġenituri/għall-indukrar tat-tfal, u benefiċċji għall-akkomodazzjoni jekk ipprovduti liċ-ċittadini tal-Istati Membri skont il-liġi nazzjonali.
(47)    Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, ĠU L 251, 15/07/2021, p. 1.
(48)    Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi, ĠU L 251, 15.7.2021, p. 48
(49)    Il-Premessa 72 u l-Artikolu 21(8) tar-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-ażil u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024; il-Premessa 11 u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxu proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassru d-Direttiva 2013/32/UE, ĠU L, 2024/1348, 22.5.2024.
(50)    Kunsill Ewropew, Konklużjonijiet, 1 ta’ Frar 2024, EUCO 2/24.
(51)    Sett ta’ għodod dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-integrazzjoni ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027, il-Kummissjoni Ewropea, Novembru 2021.
(52)    COM (2024) 126 final, IV.1 Paradigma ġdida bbażata fuq sħubijiet komprensivi.
(53)

   Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009, ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.

(54)    Bħalissa hemm Sejħa għal Proposti għal proġetti ta’ Sħubija Operazzjonali Komuni għal EUR 12 miljun fil- Portal tal-UE għall-Offerti ta’ Finanzjament (europa.eu) .
(55)    Fl-2022 tnedew Sħubijiet Operazzjonali kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti mal-Marokk, man-Niġer (sospiża) u l-Balkani tal-Punent u fl-2023 mat-Tuneżija.
(56)    Ara l-Pjan ta’ Azzjoni dwar in-Nuqqas ta’ Ħaddiema u ta’ Ħiliet fl-UE, COM(2024) 131.
(57)    Għal xi atti ta’ implimentazzjoni, ir-Regolamenti jipprevedu li l-Kummissjoni mhux se tkun assistita mill-Kumitat. Dan huwa pereżempju l-każ tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-kapaċità adegwata ta’ kull Stat Membru.
(58)    Dawn jinkludu l-Kumitat ta’ Kuntatt ta’ Dublin, il-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Kwalifiki, il-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Eurodac, il-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Akkoljenza, il-Kumitat ta’ Kuntatt dwar il-Proċeduri tal-Ażil, il-Grupp ta’ Kuntatt dwar id-Direttiva dwar ir-Ritorn, il-Grupp ta’ Esperti dwar ir-Riammissjoni, il-grupp ta’ esperti dwar il-Ġestjoni tal-Fruntieri Esterni, il-grupp ta’ esperti dwar ir-Risistemazzjoni u n-Network Ewropew għall-Integrazzjoni, il-mekkaniżmu tal-UE għat-tħejjija u l-ġestjoni ta’ kriżijiet. It-termini ta’ referenza għal dawn il-gruppi ta’ esperti jista’ jkollhom bżonn jiġu riveduti u adattati biex jiġi żgurat li issa jirreferu għall-istrumenti tal-Patt (minflok l-istrumenti l-qodma).

Brussell, 12.6.2024

COM(2024) 251 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni għall-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil






{SWD(2024) 251 final}


Mudell għall-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Implimentazzjoni

I.Ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni u l-lakuni ewlenin

(Deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni matul l-aħħar snin, valutazzjoni ta’ fejn jinsabu l-oqsma ewlenin ta’ tħassib)

II.Elementi Kostitwenti

1.Eurodac

·Is-sitwazzjoni attwali: ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet ta’ referenza, l-atturi amministrattivi/l-awtoritajiet kompetenti ewlenin.

·Definizzjoni tal-miri

·Rekwiżiti: a) arranġamenti leġiżlattivi/regolatorji b) organizzazzjoni/proċessi amministrattivi c) persunal (persunal u taħriġ) d) infrastruttura e) ħtiġijiet tal-IT f) spejjeż u tal-akkwist

·Stadji importanti: 6 xhur, 12-il xahar, 18-il xahar

2.Proċedura fuq il-fruntiera/Skrinjar

·Is-sitwazzjoni attwali: ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet ta’ referenza, l-atturi amministrattivi/l-awtoritajiet kompetenti ewlenin.

·Definizzjoni tal-miri

·Rekwiżiti: a) arranġamenti leġiżlattivi/regolatorji b) organizzazzjoni/proċessi amministrattivi c) persunal (persunal u taħriġ) d) infrastruttura e) ħtiġijiet tal-IT f) spejjeż u tal-akkwist

·Stadji importanti: 6 xhur, 12-il xahar, 18-il xahar

3.Akkoljenza (biex tinkludi miżuri ta’ qabel l-integrazzjoni; detenzjoni/alternattivi għad-detenzjoni)

·Is-sitwazzjoni attwali: ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet ta’ referenza, l-atturi amministrattivi/l-awtoritajiet kompetenti ewlenin.

·Definizzjoni tal-miri

·Rekwiżiti: a) arranġamenti leġiżlattivi/regolatorji b) organizzazzjoni/proċessi amministrattivi c) persunal (persunal u taħriġ) d) infrastruttura e) ħtiġijiet tal-IT f) spejjeż u tal-akkwist

·Stadji importanti: 6 xhur, 12-il xahar, 18-il xahar

4.Proċedura tal-Ażil

·Is-sitwazzjoni attwali: ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet ta’ referenza, l-atturi amministrattivi/l-awtoritajiet kompetenti ewlenin.

·Definizzjoni tal-miri

·Rekwiżiti: a) arranġamenti leġiżlattivi/regolatorji b) organizzazzjoni/proċessi amministrattivi c) persunal (persunal u taħriġ) d) infrastruttura e) ħtiġijiet tal-IT f) spejjeż u tal-akkwist

·Stadji importanti: 6 xhur, 12-il xahar, 18-il xahar

5.Ir-ritorn

·Is-sitwazzjoni attwali: ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet ta’ referenza, l-atturi amministrattivi/l-awtoritajiet kompetenti ewlenin.

·Definizzjoni tal-miri

·Rekwiżiti: a) arranġamenti leġiżlattivi/regolatorji b) organizzazzjoni/proċessi amministrattivi c) persunal (persunal u taħriġ) d) infrastruttura e) ħtiġijiet tal-IT f) spejjeż u tal-akkwist

·Stadji importanti: 6 xhur, 12-il xahar, 18-il xahar

6.Responsabbiltà

·Is-sitwazzjoni attwali: ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet ta’ referenza, l-atturi amministrattivi/l-awtoritajiet kompetenti ewlenin.

·Definizzjoni tal-miri

·Rekwiżiti: a) arranġamenti leġiżlattivi/regolatorji b) organizzazzjoni/proċessi amministrattivi c) persunal (persunal u taħriġ) d) infrastruttura e) ħtiġijiet tal-IT f) spejjeż u tal-akkwist

·Stadji importanti: 6 xhur, 12-il xahar, 18-il xahar

7.Solidarjetà

·Is-sitwazzjoni attwali: ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet ta’ referenza, l-atturi amministrattivi/l-awtoritajiet kompetenti ewlenin.

·Definizzjoni tal-miri

·Rekwiżiti: a) arranġamenti leġiżlattivi/regolatorji b) organizzazzjoni/proċessi amministrattivi c) persunal (persunal u taħriġ) d) infrastruttura e) ħtiġijiet tal-IT f) spejjeż u tal-akkwist

·Stadji importanti: 6 xhur, 12-il xahar, 18-il xahar

8.Kontinġenza/Kriżi

·Is-sitwazzjoni attwali: ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet ta’ referenza, l-atturi amministrattivi/l-awtoritajiet kompetenti ewlenin.

·Definizzjoni tal-miri

·Rekwiżiti: a) arranġamenti leġiżlattivi/regolatorji b) organizzazzjoni/proċessi amministrattivi c) persunal (persunal u taħriġ) d) infrastruttura e) ħtiġijiet tal-IT f) spejjeż u tal-akkwist

·Stadji importanti: 6 xhur, 12-il xahar, 18-il xahar

9.Orizzontali: Salvagwardji Legali/Għajnuna Legali/Kwistjonijiet ta’ Vulnerabbiltà/monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali

·Is-sitwazzjoni attwali: ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet ta’ referenza, l-atturi amministrattivi/l-awtoritajiet kompetenti ewlenin.

·Definizzjoni tal-miri

·Rekwiżiti: a) arranġamenti leġiżlattivi/regolatorji b) organizzazzjoni/proċessi amministrattivi c) persunal (persunal u taħriġ) d) infrastruttura e) ħtiġijiet tal-IT f) spejjeż u tal-akkwist

·Stadji importanti: 6 xhur, 12-il xahar, 18-il xahar

10.Risistemazzjoni, Inklużjoni u Integrazzjoni

·Is-sitwazzjoni attwali: ħarsa ġenerali lejn il-kapaċitajiet ta’ referenza, l-atturi amministrattivi/l-awtoritajiet kompetenti ewlenin.

·Definizzjoni tal-miri

·Rekwiżiti: a) arranġamenti leġiżlattivi/regolatorji b) organizzazzjoni/proċessi amministrattivi c) persunal (persunal u taħriġ) d) infrastruttura e) ħtiġijiet tal-IT f) spejjeż u tal-akkwist

·Stadji importanti: 6 xhur, 12-il xahar, 18-il xahar

III.Koordinazzjoni/Governanza

·Mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni

·Monitoraġġ u ġbir tad-data

IV.Konklużjoni

Sommarju tar-rekwiżiti inklużi sorsi ta’ finanzjament indikattivi (fondi nazzjonali, tal-UE), b’mod partikolari liema elementi għandhom jiġu koperti fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi għall-Affarijiet Interni u permezz tal-allokazzjonijiet iddedikati li jirriżultaw mir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali.