Brussell, 3.6.2024

COM(2024) 228 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar id-deskrizzjonijiet kummerċjali u l-klassifikazzjoni tal-karkassi fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż


Werrej

1    Introduzzjoni    

2    Approċċ u għodod    

3    Analiżi tal-qafas regolatorju    

3.1    Klassifikazzjoni tal-karkassi    

3.1.1    Anteċedenti    

3.1.2    Is-sitwazzjoni attwali    

3.2    Deskrizzjoni kummerċjali    

3.3    Informazzjoni dwar is-suq    

4    Il-fehmiet tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati    

4.1    Il-valutazzjoni tar-rispondenti dwar il-klassifikazzjoni tal-karkassi    

4.2    Il-valutazzjoni ta’ dawk li wieġbu dwar id-deskrizzjoni kummerċjali    

4.3    Kummenti addizzjonali ta’ dawk li wieġbu    

5    Konklużjonijiet    



1Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 225(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (ir-Regolament dwar l-OKS) 1 , il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sat-30 ta’ Ġunju 2024, rapport dwar id-deskrizzjonijiet kummerċjali u l-klassifikazzjoni tal-karkassi fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

L-objettivi ta’ dan ir-rapport huma:

li jirrieżamina r-regoli eżistenti dwar il-klassifikazzjoni tal-karkassi u d-deskrizzjoni kummerċjali għas-settur tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż; u

li tiġi aċċertata l-ħtieġa jew le ta’ regolamentazzjoni ulterjuri dwar din il-kwistjoni.

2Approċċ u għodod

Sabiex jinġabru l-fehmiet esperti dwar l-implimentazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-karkassi u l-użu tad-deskrizzjoni kummerċjali fis-setturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż, il-Kummissjoni ħejjiet żewġ stħarriġiet fi Frar 2023. Wieħed kien indirizzat lill-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Esperti għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, u t-tieni wieħed lill-membri tal-partijiet ikkonċernati tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar il-Produzzjoni tal-Annimali.

Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati kemm dwar l-għan kif ukoll dwar l-iskeda tal-konsultazzjoni qabel it-tnedija tagħha u sussegwentement fakkrithom dwar il-ħtieġa li jipparteċipaw fl-istħarriġ. Il-Kummissjoni rċeviet kontributi minn 26 Stat Membru (kollha ħlief Franza), u minn erba’ partijiet ikkonċernati biss li jappartjenu għal organizzazzjonijiet minn Spanja, l-Awstrija u l-Portugall.

Barra minn hekk, dan ir-rapport huwa appoġġat minn:

analiżi tal-leġiżlazzjoni attwali u preċedenti rilevanti għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapport.

sejbiet minn rapporti, evalwazzjonijiet, u awditi mwettqa mill-Kummissjoni.

data statistika disponibbli għall-prodotti agrikoli, u

kontribuzzjonijiet minn esperti tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Klassifikazzjoni tal-Karkassi, u partijiet ikkonċernati tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar is-suq tan-nagħaġ u l-mogħoż.

3Analiżi tal-qafas regolatorju

3.1Klassifikazzjoni tal-karkassi

3.1.1Anteċedenti

Mill-introduzzjoni tagħhom fl-1992 2 , kemm il-klassifikazzjoni kif ukoll ir-rappurtar tal-prezz skont l-iskala Komunitarja għall-klassifikazzjoni tal-karkassi kienu volontarji għall-annimali ovini. Dan huwa differenti mis-setturi taċ-ċanga u tal-laħam tal-majjal, fejn l-iskala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi hija obbligatorja, b’derogi għal biċċeriji żgħar, skont l-implimentazzjoni tal-Istati Membri.

Fl-1993 ġew stabbiliti regoli dettaljati addizzjonali, inklużi deskrizzjonijiet aktar speċifiċi tal-kategoriji u l-klassijiet tax-xaħam 3 . L-iskala Komunitarja daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Marzu 1993 b’dispożizzjonijiet għar-rappurtar tal-prezzijiet ibbażati fuq il-klassifikazzjoni b’effett għall-ewwel darba sa mhux aktar tard mit-8 ta’ April 1993. Abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fil-bidu tal-1995, l-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ppubblika fuljetti, fil-biċċa l-kbira tal-lingwi tal-Unjoni, maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea li jispjegaw il-grilji tal-iskali għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tan-nagħaġ.

Inizjalment, wieħed mill-objettivi fit-tul għall-iskala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi kien li tiġi pprovduta l-bażi għal definizzjoni ġdida tal-istandard ta’ kwalità tal-karkassi tan-nagħaġ ibbażata fuq grilja tal-Unjoni għad-determinazzjoni tal-prezzijiet u għall-kalkolu tal-primjum. L-iskala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi kienet maħsuba li ssir kontroll tal-kwalità għat-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn il-produtturi tan-nagħaġ u l-proċessuri tal-laħam. Għall-karkassi eħfef tal-ħaruf, il-punteġġ tal-konformazzjoni ma kienx ikkunsidrat li jevalwahom b’mod ekwu. Dan għaliex dan kien jippenalizza sistematikament il-morfoloġija fqira b’mod naturali tagħhom (razez b’saqajn twal) u l-proporzjon imnaqqas tax-xaħam taħt il-ġilda/intern flimkien ma’ piż baxx. Għalhekk, ġiet żviluppata sistema differenti għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-ħaruf li jiżnu inqas minn 13 kg.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/92 kien jirrikjedi li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 9, tippreżenta rapport lill-Kunsill biex tevalwa l-possibbiltà li tiġi implimentata klassifikazzjoni obbligatorja tal-karkassi tan-nagħaġ. Fir-rapport tagħha ppubblikat fl-1997 4 , il-Kummissjoni nnotat l-użu limitat ħafna tal-grilja tal-klassifikazzjoni tal-karkassi li sar mill-operaturi u kkonkludiet li l-klassifikazzjoni tal-karkassi tan-nagħaġ jenħtieġ li tkompli tiġi applikata mill-Istati Membri fuq bażi volontarja.

Ir-riforma stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2529/2001 5 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż biddlet il-mod kif kien jiġi kkalkulat il-primjum annwali tan-nagħaġ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħarġet it-tieni rapport lill-Kunsill fl-2002 6 , biex terġa’ tanalizza l-użu obbligatorju possibbli tal-iskala tal-Unjoni għan-nagħaġ. F’dan it-tieni rapport, il-Kummissjoni kompliet tirrakkomanda l-użu tal-grilja fuq bażi mhux obbligatorja minħabba nuqqas ta’ progress fl-implimentazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-karkassi f’ħafna Stati Membri.

Il-grupp Komunitarju preċedenti għall-ispezzjoni tal-grilja ta’ klassifikazzjoni għall-karkassi tal-laħam tan-nagħaġ, previst fir-Regolament (KEE) Nru 2137/92, wettaq żjarat ta’ spezzjoni f’diversi Stati Membri fil-perjodu 1993–2000, bil-ħsieb li inizjalment jiġu allinjati l-istandards tal-klassifikazzjoni fost l-esperti nazzjonali, u biex jiġi żgurat li dawn l-istandards ikunu ġew osservati fil-biċċeriji miżjura.

Il-grupp sab li l-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati ma kinux konvinti li japplikaw u jħallsu l-laħam tan-nagħaġ abbażi tal-iskala ta’ klassifikazzjoni; kien biss fi Franza, il-Finlandja u l-Iżvezja li ġiet żviluppata b’mod sinifikanti l-iskala tal-Unjoni. Il-biċċa l-kbira tal-produtturi kienu jbigħu n-nagħaġ fuq bażi ta’ piż ħaj direttament lill-biċċeriji, u, fejn kienet ipprattikata l-klassifikazzjoni, dan kien isir prinċipalment biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-biċċerija jew tal-klijenti.

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ preżentazzjonijiet differenti tal-karkassi dgħajfet it-trasparenza, li l-grilja kienet indikata biex tippromwovi, u l-ħrief kienu jinbiegħu bl-istess prezz bażiku irrispettivament mill-kompożizzjoni jew il-grad tal-karkassa. Mill-perspettiva tal-produttur, it-tqabbil tal-prezzijiet ikkwotati fuq il-bażi tal-piż tal-karkassa kien joħloq konfużjoni u jiżgwida.

3.1.2Is-sitwazzjoni attwali

Id-dispożizzjonijiet attwali għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tan-nagħaġ huma stabbiliti fil-punt C.III tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (ir-Regolament dwar l-OKS), fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 7 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1184 8 .

Jeżistu żewġ skemi differenti għall-klassifikazzjoni volontarja tal-karkassi tan-nagħaġ, kif ġej.

Waħda minnhom hija għall-karkassi tan-nagħaġ li jiżnu 13 kg jew aktar, ġeneralment imsejħa l-“grilja SEUROP”, fejn il-karkassi huma kklassifikati viżwalment abbażi tal-konformazzjoni u l-grad tal-kisja tax-xaħam tagħhom. Fir-rigward tal-bovini, il-klassijiet ta’ konformazzjoni (S, E, U, R, O u P) jiddeskrivu l-iżvilupp tal-profili tal-karkassa, speċjalment il-partijiet ta’ valur għoli (ir-robbu ta’ wara, id-dahar, l-ispalla), u jindikaw is-somma tal-muskoli u tax-xaħam fir-rigward tal-għadam. Il-klassi tax-xaħam (minn wieħed sa ħamsa) tiddeskrivi l-ammont ta’ xaħam viżibbli fuq in-naħa ta’ barra tal-karkassa.

It-tieni waħda hija għall-karkassi tal-ħaruf li jiżnu inqas minn 13 kg, li tiddeskrivi l-piż, il-kulur tal-laħam u l-kisja tax-xaħam, ġeneralment imsejħa “grilja A”. Għalhekk, il-piż (tliet kategoriji: <7,0 kg piż tal-karkassa (cw, carcass weight); 7,1–10 kg cw; u 10,1–13 kg cw), il-kulur tal-laħam u l-klassi tal-kisja tax-xaħam biss huma kkunsidrati.

Ma teżisti l-ebda dispożizzjoni legali dwar il-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-mogħoż.

Illum il-ġurnata, minħabba volum aktar baxx ta’ produzzjoni, il-klassifikazzjoni tal-karkassi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-Unjoni għadha taqdi rwol sekondarju meta mqabbla ma’ dik tal-bovini u tal-majjali. Il-Bulgarija, Franza, il-Kroazja, il-Finlandja u l-Iżvezja biss ikkonfermaw, fil-grupp ta’ esperti dwar il-klassifikazzjoni tal-karkassi li ltaqa’ fil-11 ta’ Ottubru 2023, l-użu tal-klassifikazzjoni tan-nagħaġ skont l-iskala tal-Unjoni fit-territorji tagħhom. F’dawn l-Istati Membri, matul l-2022, 277 biċċerija kklassifikaw 4 420 782 karkassa tan-nagħaġ, li minnhom 602 018 kienu adulti (jiġifieri, nagħaġ li għandhom aktar minn 12-il xahar) u 3 818 764 kienu ħrief (jiġifieri, nagħaġ iżgħar minn 12-il xahar). Madankollu, dan kien jirrappreżenta inqas minn 12 % tal-produzzjoni totali tan-nagħaġ għall-Unjoni kollha kemm hi. Il-klassifikazzjoni kienet aktar rilevanti fil-kategorija tal-ħaruf tqil milli fil-kategorija tal-ħaruf ħafif, fejn 111 130 karkassa biss ġew ikklassifikati mit-totalitá tal-Unjoni fl-2022 ta’ aktar minn 13,8 miljun karkassa. Bħalissa ma huwa awtorizzat l-ebda metodu ta’ gradazzjoni awtomatizzat fl-UE.

Barra minn hekk, l-iskala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi ma għandhiex rwol sinifikanti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri meta jirrapportaw il-prezzijiet tal-ħaruf. Fl-2022, 103 biċċeriji tan-nagħaġ biss minn dawk li japplikaw l-iskala tal-Unjoni rrapportaw kwotazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom abbażi tar-riżultati tal-klassifikazzjoni. Fil-Kroazja, il-prezzijiet irrapportati mill-grilja ta’ klassifikazzjoni ammontaw għal 40,8 % tat-tbiċċir annwali nazzjonali. Ir-reġistrazzjoni tal-prezzijiet minn Stati Membri produtturi ewlenin - il-Greċja, Spanja, l-Italja, il-Portugall, u r-Rumanija - tiġi b’mod sinifikanti mill-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-ħaruf fis-swieq tal-annimali ħajjin jew tal-irkant. B’paragun ma’ dan, ix-xiri mill-biċċeriji huwa predominanti fil-Belġju, fl-Irlanda, fi Franza, fil-Latvja, fis-Slovakkja, fil-Finlandja u fl-Iżvezja. Il-biċċa l-kbira tal-kwotazzjonijiet tal-ħaruf irrappurtati lill-awtoritajiet huma kkalkulati minn lottijiet ta’ ħrief mibjugħa fuq bażi tal-piż tar-ras, il-piż ħaj jew il-piż tal-karkassa.

L-estensjoni tal-użu tal-iskala tal-Unjoni għall-karkassi tal-mogħoż ma tidhirx fattibbli. Ikun diffiċli li jiġi stabbilit standard ta’ kwalità abbażi tal-grilji tal-UE għall-karkassi tan-nagħaġ peress li d-definizzjonijiet ibbażati fuq il-kriterji tal-età, il-piż u x-xaħam u t-tip ta’ produzzjoni jvarjaw b’mod sostanzjali. Fil-fatt, meta mqabbla mal-karkassi tan-nagħaġ tal-istess età u sess, il-karkassi tal-mogħoż huma iżgħar u għandhom ammont aktar baxx ta’ xaħam tal-kisi. Il-produzzjoni tal-karkassa għandha t-tendenza li tkun inqas, prinċipalment minħabba tnaqqis fil-kontenut tax-xaħam tal-karkassa peress li t-tismin iseħħ ħafna aktar tard fil-proċess tat-tkabbir filwaqt li t-telf tal-indewwa u f’taqtir xi drabi jista’ jkun pjuttost għoli (sa 8 %).

Barra minn hekk, karatteristika ewlenija tal-karkassi tal-mogħoż hija li kważi l-partijiet kollha tal-karkassa jiġu kkunsmati f’xi pajjiżi, u peress li, f’ħafna każijiet, ir-ras ma titneħħiex, dan jagħmel l-użu prattiku ta’ preżentazzjoni ta’ referenza diffiċli biex tiġi stabbilita.

3.2Deskrizzjoni kummerċjali

Il-prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż ma humiex koperti mid-dispożizzjonijiet dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tar-Regolament dwar l-OKS.

Madankollu, filwaqt li l-laħam tal-mogħoż ma huwiex differenzjat f’kategoriji differenti, id-distinzjoni tal-kategoriji tan-nagħaġ hija stabbilita sew. Fl-Anness I tar-Regolament dwar l-OKS, il-Parti XVIII tkopri l-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż u n-nagħaġ u l-mogħoż ħajjin, li taħtha l-ħrief huma definiti bħala nagħaġ li għandhom sa sena. B’kuntrast ma’ dan, il-Parti C tal-Anness IV tiddefinixxi l-kategoriji tal-karkassi tan-nagħaġ ikklassifikati bl-użu tal-ittra A għan-nagħaġ taħt it-12-il xahar u l-ittra B għal nagħaġ oħra. Fil-fatt, it-terminu “ħaruf” jissemma wkoll fir-rigward tas-setgħat delegati previsti fl-Artikolu 19(6)(c) tar-Regolament dwar l-OKS għall-klassifikazzjoni ta’ ħrief ħfief, filwaqt li fl-Artikolu 21 tar-Regolament dwar l-OKS dwar setgħat oħra ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tawtorizza lill-Istati Membri jużaw kriterji speċifikati għall-klassifikazzjoni ta’ ħrief ta’ inqas minn 13 kg ta’ piż tal-karkassa.

Barra minn hekk, fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182, it-terminu “ħrief” jidher fil-premessa 6, fl-Artikoli 3 (2) u 21 u fl-Anness III. Skont l-Artikolu 13, il-parti (a) il-punt (iv), l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrapportaw il-prezzijiet tas-suq għall-karkassi tan-nagħaġ ta’ inqas minn 12-il xahar. Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1184, il-prezzijiet tas-suq għandhom jiġu rreġistrati għall-karkassi tan-nagħaġ taħt żewġ kategoriji ta’ piż iddefiniti bħala “ħrief ħfief” (piż tal-karkassa ta’ inqas minn 13 kg) u “ħrief tqal” (piż tal-karkassa ta’ 13 kg jew aktar). Ma teżisti l-ebda dispożizzjoni legali oħra tal-Unjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-prezzijiet tas-suq għal karkassi oħra tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

Lil hinn mir-Regolament dwar l-OKS, it-termini għal-laħam tal-ħaruf u tal-gidi jidhru li huma ddifferenzjati b’mod espliċitu minn kategoriji oħra ta’ laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż fin-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni tal-2022 9 . F’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, il-ħrief huma definiti bħala annimali li għandhom sa sena għall-Kapitoli 1, 2, 4, 15, 16, 41, 43, u 51 rispettivament, filwaqt li t-terminu “gidi” jissemma fin-nota 1(c) tal-Kapitolu 41 (ġlud), fl-intestatura 4106 u fil-linja 4113 10 00. Barra minn hekk, fl-Artikolu 31(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1988 10 fir-rigward tal-kwoti tariffarji ta’ min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel, it-terminu “gidi” huwa definit bħala mogħża sa sena.

Fl-Anness I tar-Regolament Nru 1165/2008 11 li jikkonċerna l-istatistika dwar il-bhejjem u l-laħam, fil-punt 2 dwar id-definizzjonijiet għal kategoriji ta’ nagħaġ, it-terminu ħaruf jindika nagħaġ maskili jew femminili taħt l-età ta’ 12-il xahar.

3.3Informazzjoni dwar is-suq

Għal-laħam tan-nagħaġ, il-Kummissjoni stabbiliet dispożizzjonijiet għar-rappurtar tal-prezzijiet tal-karkassi tal-ħaruf, peress li d-domanda għal-laħam minn annimali maqtula f’età żgħira hija ta’ aktar rappreżentanza għal skopijiet ta’ trasprarenza.tas-suq.

Skont l-Artikolu 25(2)(c) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull sena n-numru totali ta’ nagħaġ maqtula fis-sena kalendarja preċedenti mqassma skont il-kategorija tal-piż.

Għal-laħam tal-mogħoż, darbtejn fis-sena l-Kummissjoni tiġbor informazzjoni dwar il-prezzijiet medji abbażi ta’ stħarriġ mibgħut lill-esperti tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar il-Produzzjoni tal-Annimali.

Il-Kummissjoni organizzat forum dwar il-laħam tan-nagħaġ li laqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Istati Membri bi produzzjoni sinifikanti, kif ukoll produtturi, proċessuri u negozjanti, biex jesploraw l-isfidi attwali u futuri tas-settur tal-laħam tan-nagħaġ tal-Unjoni. Wara dan, f’Ottubru 2016, il-Kummissjoni ressqet dashboard għan-nagħaġ u l-mogħoż biex tipprovdi informazzjoni ta’ kull ġimgħa dwar il-prezzijiet tas-suq, il-produzzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni u f’pajjiżi mhux tal-UE.

4Il-fehmiet tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati

4.1Il-valutazzjoni tar-rispondenti dwar il-klassifikazzjoni tal-karkassi

Ħames Stati Membri kkonfermaw li huma japplikaw l-iskala ta’ klassifikazzjoni tal-UE għall-karkassi tal-ħaruf, b’erbgħa minnhom jużawha wkoll għan-nagħaġ adulti (jiġifieri, nagħaġ li għandhom aktar minn 12-il xahar). F’żewġ Stati Membri biss hija obbligatorja għall-operaturi kollha, filwaqt li fit-tnejn l-oħra, il-klassifikazzjoni tan-nagħaġ issir minn numru żgħir biss ta’ biċċeriji fuq bażi volontarja. Il-Kroazja kienet l-uniku Stat Membru li kkonferma li kien qed japplika klassifikazzjoni obbligatorja tal-karkassi għall-mogħoż, kemm għall-annimali żgħar kif ukoll għall-annimali adulti.

Minkejja li l-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu għarfu l-valur tal-klassifikazzjoni tal-karkassi għat-titjib tat-trasparenza tas-suq, iż-żieda tal-valur tas-suq għall-prodotti, u t-titjib tar-rispons tal-fornituri għad-domandi tas-suq, il-kostijiet żejda tal-klassifikazzjoni ssemmew bħala waħda mid-diffikultajiet ewlenin biex l-użu tagħha jsir obbligatorju. Erba’ Stati Membri biss wieġbu b’mod favorevoli dwar l-introduzzjoni ta’ klassifikazzjoni obbligatorja għan-nagħaġ fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri kkonfermaw in-nuqqas ta’ kwalunkwe talba mill-operaturi domestiċi biex jimmodifikaw il-bażi volontarja attwali tal-iskala tal-Unjoni. Il-frammentazzjoni u/jew id-daqs żgħir tas-swieq domestiċi tagħhom ġew indikati mir-rispondenti bħala ostakli serji li jimponu l-applikazzjoni obbligatorja.

Barra minn hekk, erba’ Stati Membri biss xtaqu l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika dwar il-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-mogħoż. Ħafna mir-rispondenti indikaw ukoll li l-introduzzjoni tal-klassifikazzjoni għall-karkassi tal-mogħoż ma toħloqx valur miżjud, minħabba li l-produzzjoni hija tant marġinali, u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tirrappreżenta prodotti sekondarji tal-ħalib. Huma kkonkludew li kwalunkwe benefiċċju li jiġi impost minn kwalunkwe tip ta’ klassifikazzjoni tal-karkassi jkun sproporzjonat meta mqabbel mal-ispejjeż addizzjonali għall-implimentazzjoni tagħha.

Għall-informazzjoni tas-suq, il-biċċa l-kbira tar-rispondenti kkonfermaw li l-klassifikazzjoni tal-karkassi għandha rwol minuri fix-xiri tal-laħam tan-nagħaġ/tal-mogħoż. Erba’ Stati Membri mir-rispondenti u parti kkonċernata waħda biss esprimew xi interess li jestendu r-rappurtar tal-prezzijiet għal kategoriji oħra ta’ karkassi tan-nagħaġ. Bl-istess mod, żewġ Stati Membri mir-rispondenti u parti kkonċernata waħda biss esprimew li riedu rapportar tal-prezzijiet għall-karkassi tal-mogħoż. It-tweġibiet ikkonfermaw li, fil-biċċa l-kbira tas-swieq tal-UE, ix-xiri ta’ prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż jiġi miftiehem jew abbażi ta’ pagamenti b’rata fissa, jew għal kull ras, jew għal kull kg ta’ piż ħaj jew tal-karkassa, jew saħansitra fuq id-daqs tal-annimali.

Barra minn hekk, dawk li wieġbu indikaw l-importanza relattiva tal-kummerċ tan-nagħaġ fil-Bulgarija, fl-Estonja, fil-Greċja, fi Spanja, fl-Ungerija, fir-Rumanija u fl-Iżvezja. Madankollu, dawk li wieġbu indikaw li, anke meta jsir kummerċ ta’ annimali ħajjin bejn l-Istati Membri, ix-xiri bbażat fuq il-klassifikazzjoni tal-karkassi mhuwiex sinifikanti.

4.2Il-valutazzjoni ta’ dawk li wieġbu dwar id-deskrizzjoni kummerċjali

Sabiex tiġi evitata kwalunkwe żieda fil-piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-operaturi u l-awtoritajiet, il-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li wieġbu ma wrewx interess fl-impożizzjoni ta’ aktar leġiżlazzjoni ġdida fil-livell tal-UE dwar id-deskrizzjoni kummerċjali. Ħames u żewġ Stati Membri biss, rispettivament għan-nagħaġ u l-mogħoż, appoġġaw leġiżlazzjoni aktar speċifika dwar id-deskrizzjoni kummerċjali fil-livell tal-UE.

Stat Membru wieħed biss irrapporta talba mill-partijiet ikkonċernati domestiċi tiegħu għal leġiżlazzjoni speċifika fil-livell tal-UE dwar id-deskrizzjoni kummerċjali għan-nagħaġ, filwaqt li kien ukoll rispondent wieħed mill-partijiet ikkonċernati appoġġa din il-pożizzjoni. Fl-istħarriġ, Stat Membru wieħed biss enfasizza l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn aktar kategoriji ta’ ħrief, u waħda mill-partijiet ikkonċernati indikat informazzjoni tas-suq insuffiċjenti għal-laħam tal-mogħoż.

4.3Kummenti addizzjonali ta’ dawk li wieġbu

Mit-tweġibiet ta’ dawk li wieġbu, jirriżulta li l-kummerċjalizzazzjoni u t-tqattigħ tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż isiru l-aktar skont l-ispeċifikazzjonijiet tax-xerrej u jinvolvu pproċessar aktar baxx milli f’laħam ta’ speċijiet oħra. Uħud minn dawk li rrispondew irrikonoxxew l-importanza ta’ biċċeriji żgħar u ta’ tbiċċir fl-irziezet fl-Istati Membri tagħhom meta l-industrija tal-ipproċessar tiġi pprovduta b’laħam tan-nagħaġ u laħam tal-mogħoż. Fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, il-laħam jinbiegħ prinċipalment f’konformità mad-domandi tal-klijenti jew f’pakketti preimballati.

Barra minn hekk, dawk li wieġbu indikaw l-eżistenza ta’ diversi marki ta’ kwalità differenzjati għal-laħam tan-nagħaġ fil-Belġju, fid-Danimarka, fl-Estonja, fl-Irlanda, fil-Greċja, fi Spanja, fil-Kroazja, fl-Italja, fil-Portugall, fis-Slovenja u fis-Slovakkja, u għal-laħam tal-mogħoż fil-Greċja, fi Spanja, fil-Kroazja, fil-Portugall u fis-Slovenja. Madankollu, l-ishma mis-suq tagħhom għandhom it-tendenza li jkunu pjuttost żgħar meta mqabbla mal-volum domestiku totali.

B’mod ġenerali, l-istima tas-sehem mis-suq għall-komoditajiet differenti ma kinitx disponibbli fil-biċċa l-kbira tal-kwestjonarji.

5Konklużjonijiet

Il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-istħarriġ kienet baxxa ħafna, f’konformità mal-ħsieb li aktar leġiżlazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-karkassi u d-deskrizzjoni kummerċjali mhijiex prijorità għas-settur. Barra minn hekk, ftit li xejn kien hemm interess fost l-Istati Membri jew il-partijiet ikkonċernati fl-introduzzjoni ta’ klassifikazzjoni obbligatorja tal-karkassi tan-nagħaġ, u lanqas li tiġi introdotta sistema ta’ klassifikazzjoni tal-karkassi għall-mogħoż jew li ssir leġiżlazzjoni ulterjuri dwar il-prodotti mil-laħam tan-nagħaġ u mil-laħam tal-mogħoż. Bl-istess mod, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2018 dwar is-sitwazzjoni kurrenti u l-prospetti futuri għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE 12 ma talbet l-ebda leġiżlazzjoni speċifika dwar il-klassifikazzjoni tal-karkassi jew id-deskrizzjoni kummerċjali.

Għalhekk, il-klassifikazzjoni tal-karkassi tan-nagħaġ jenħtieġ li tibqa’ għodda volontarja fil-livell tal-Unjoni li għandha tintuża meta jkollha benefiċċji li jipprovdu valur miżjud reali biex tiġġustifika kwalunkwe żieda fil-kostijiet u fil-piż. L-evalwazzjoni kkonfermat in-nuqqas ta’ raġunijiet validi għall-introduzzjoni ta’ klassifikazzjoni obbligatorja tal-karkassi tan-nagħaġ fil-livell tal-Unjoni. Ma kienx hemm żviluppi sinifikanti fl-estensjoni tal-użu tal-iskala ta’ klassifikazzjoni fost il-produtturi ewlenin tal-Unjoni. Għalhekk, il-kostijiet u l-piż amministrattiv biex il-klassifikazzjoni ssir obbligatorja ma jkunux ġustifikati. Il-biċċeriji jkunu meħtieġa jorganizzaw u jwettqu klassifikazzjoni tal-karkassi, ikollhom persunal dedikat imħarreġ, u jirreġistraw u jirrapportaw ir-riżultati u l-prezzijiet. Awtorità kompetenti jkollha twettaq spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mar-regoli tal-Unjoni, bi ħtiġijiet konsegwenti għal riżorsi addizzjonali.

Il-klassifikazzjoni tal-karkassi tista’ tkun għodda għall-ktajjen tal-provvista tan-nagħaġ fit-titjib tal-effiċjenza, it-trasparenza tal-prezz u kummerċjalizzazzjoni aħjar. Madankollu, filwaqt li l-klassifikazzjoni obbligatorja tal-karkassi tan-nagħaġ tista’ tiffaċilita t-trażmissjoni tal-informazzjoni permezz tal-katina tal-provvista u fil-prinċipju tista’ twassal għal tranżazzjonijiet aktar ġusti u aktar effiċjenti ekonomikament, ħafna operaturi għadhom ma jarawx benefiċċji kbar, u l-biċċa l-kbira tal-fornituri li jikkummerċjaw in-nagħaġ ma jarawx ħtieġa għall-klassifikazzjoni tal-karkassi.

Ma hemmx bżonn li l-iskala tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tiġi estiża għall-mogħoż, minħabba n-natura limitata ħafna ta’ din il-produzzjoni tal-laħam f’ħafna Stati Membri, u l-karatteristiċi speċifiċi tal-karkassi u tal-qatgħat tal-laħam.

Dwar id-deskrizzjoni kummerċjali, fil-kwestjonarji ma ġiet irrappurtata l-ebda diffikultà sistematika, jew problemi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż, u l-istħarriġ wera li l-biċċa l-kbira tal-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti ma jimponux aktar obbligi leġiżlattivi fuq din il-kwistjoni. Minflok, huma ffavorixxew approċċ simplifikat ibbażat fuq is-sussidjarjetà u tnaqqis fil-piż amministrattiv. Barra minn hekk, filwaqt li l-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż għandu klassifikazzjonijiet kummerċjali differenti, li jiddependu mill-età tal-annimal meta jinqatel, id-diversità wiesgħa tas-sistemi ta’ produzzjoni u tar-razez awtoktoni tagħmel lil dawn is-setturi ferm eteroġeni, u l-preferenzi tal-konsumaturi huma marbuta ma’ sfond kulturali. Għalhekk, id-diversi dimensjonijiet li jikkostitwixxu l-kwalità tal-laħam jistgħu jkunu soġġetti għal tensjoni jew kunflitt kieku l-leġiżlaturi kellhom jintroduċu deskrizzjoni speċifika kummerċjali.

Il-konklużjoni ġenerali hija li ma hija meħtieġa l-ebda proposta leġiżlattiva ġdida dwar id-deskrizzjoni kummerċjali jew il-klassifikazzjoni tal-karkassi fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż.

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671,  http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj ) .

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 li jikkonċerna l-iskala tal-Komunità għall-klassifika tal-karkassi tan-nagħaġ u li jistabbilixxi l-livell ta’ kwalità Komunitarja tal-karkassi tan-nagħaġ friski jew imkessħa u li jestendi r-Regolament (KEE) Nru 338/91 (ĠU L 214, 30.7.1992, p. 1–5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1992/2137/oj ).

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 461/93 tas-26 ta’ Frar 1993 li jistipula regoli dettaljati għall-iskala Komunitarja għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi ta’ annimali ovini (ĠU L 49, 27.2.1993, p. 70–74, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1993/461/oj ).

(4)

Ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/92 li jikkonċerna l-iskala tal-Komunità għall-klassifika tal-karkassi tan-nagħaġ u li jistabbilixxi l-livell ta’ kwalità Komunitarja tal-karkassi tan-nagħaġ friski jew imkessħa u li jestendi r-Regolament (KEE) Nru 338/91, COM/97/0250 final.

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2529/2001 tad-19 ta’ Diċembru 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż (ĠU L 341, 22.12.2001, p. 3–14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/2529/oj ).

(6)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/92 li jikkonċerna l-iskala tal-Komunità għall-klassifika tal-karkassi tan-nagħaġ, COM/2002/0295 final.

(7)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta’ ċerti kategoriji ta’ karkassi u annimali ħajjin (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 74–99, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1182/oj .

(8)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1184 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta’ ċerti kategoriji ta’ karkassi u annimali ħajjin (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 103–112, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1184/oj ).

(9)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1832 tat-12 ta’ Ottubru 2021 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana

(ĠU L 385, 29.10.2021, p. 1–1091, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1832/oj ).

(10)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1988 tal-11 ta’ Novembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni f’konformità mal-prinċipju ta’ “min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel” (ĠU L 422, 14.12.2020, p. 4–136, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1988/oj ).

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 1165/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 li jikkonċerna l-istatistika dwar il-bhejjem u l-laħam u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE). (OJ L 321, 1.12.2008, p. 1–13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1165/oj ) .

(12)

Rapport A8-0064/2018.