Brussell, 23.4.2024

COM(2024) 176 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Li jimplimenta l-projbizzjoni tal-prattiki kummerċjali inġusti biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa u tal-operaturi fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari – Is-sitwazzjoni attwali

{SWD(2024) 106 final}


Werrej

1.    Introduzzjoni    

1.1.    Sfond    

1.2.    Objettiv u ambitu ta’ dan ir-Rapport    

2.    Ħarsa ġenerali lejn it-traspożizzjoni    

3.    Punti speċifiċi ta’ analiżi    

3.1.    Kamp ta’ applikazzjoni u daqs tan-negozju (l-Artikolu 1)    

3.1.1.    Operaturi tal-katina u relazzjonijiet tal-provvista    

3.2.    UTPs ipprojbiti (l-Artikolu 3)    

3.3.    Mekkaniżmi ta’ infurzar (l-Artikoli 4–8)    

3.3.1.    Ħatra tal-awtoritajiet tal-infurzar (l-Artikolu 4)    

3.3.2.    Ilmenti u kunfidenzjalità (l-Artikolu 5)    

3.3.3.    Setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar maħtura (l-Artikolu 6)    

3.3.4.    Miżuri ta’ infurzar u sanzjonijiet (l-Artikolu 6)    

3.3.5.    Infurzar amministrattiv u ġudizzjarju u soluzzjoni alternattiva għat-tilwim    

3.3.6.    Kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar (l-Artikolu 8)    

3.3.7.    Pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar (l-Artikolu 10)    

3.4.    Regoli nazzjonali aktar stretti (l-Artikolu 9)    

3.5.    Enfasi fuq l-infurzar transfruntier    

4.    Evalwazzjoni tad-Direttiva (l-Artikolu 12)    

5.    Konklużjonijiet    



1.Introduzzjoni

1.1.Sfond 

Fis-17 ta’ April 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva (UE) 2019/633 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (“id-Direttiva”) 1 .

Id-Direttiva hija vinkolanti fuq kull wieħed mis-27 Stat Membru. Tipprevedi livell minimu ta’ armonizzazzjoni billi tistabbilixxi lista ta’ prattiki kummerċjali inġusti (“UTPs”, unfair trading practices) ipprojbiti bejn ix-xerrejja u l-fornituri fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari. Tistabbilixxi wkoll regoli minimi dwar l-infurzar ta’ dawk il-projbizzjonijiet u dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali li jmorru lil hinn mill-UTPs elenkati fid-Direttiva dment li dawn ikunu kompatibbli mar-regoli dwar il-funzjonament tas-suq intern.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-valur tad-Direttiva dwar il-UTP bħala għodda ta’ politika ewlenija għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-produtturi primarji fil-katina tal-provvista alimentari. Dan ir-rapport huwa wieħed mill-miżuri immedjati elenkati fid-dokument ta’ riflessjoni indirizzat lill-koleġiżlatur fil-15 ta’ Marzu 2024 2 bl-għan li jwieġeb għall-isfidi attwali fis-settur agrikolu u għat-tħassib imqajjem mill-bdiewa. Fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul, il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll miżuri oħra li jiffurmaw pakkett, inkluż it-tnedija ta’ osservatorju tal-kostijiet, tal-marġnijiet u tal-prattiki kummerċjali fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari biex tiżdied it-trasparenza, emendi mmirati għar-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq 3 (“OKS”), regoli ġodda dwar l-infurzar transfruntier tal-UTPs u evalwazzjoni tad-Direttiva sal-2025.

1.2.Objettiv u ambitu ta’ dan ir-Rapport

Fis-27 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar l-istat tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tad-Direttiva skont l-Artikolu 12 tagħha, li jkopri l-15-il Stat Membru li kienu nnotifikaw traspożizzjoni sħiħa sal-31 ta’ Lulju 2021, kif ukoll lil Franza li kienet innotifikat traspożizzjoni parzjali 4 .

Dan ir-rapport issa jkopri informazzjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni f’kull wieħed mis-27 Stat Membru u jipprovdi ħarsa ġenerali lejn ġabra ta’ għażliet ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri. Jirreferi esklużivament għal dispożizzjonijiet li jinsabu fil-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva dwar il-UTP.

Meta jitqies li l-kontroll tal-konformità — li jikkonsisti mil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 5 — għadu għaddej, dan ir-rapport ma jipprovdix valutazzjoni definittiva tal-miżuri ta’ traspożizzjoni. Barra minn hekk, diversi liġijiet nazzjonali għadhom kif ġew immodifikati, u dan ir-rapport ikopri l-modifiki għal-liġijiet ta’ traspożizzjoni nnotifikati uffiċjalment sal-1 ta’ Marzu 2024.

Jenħtieġ li jiġi nnotat ukoll li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jżommu jew jintroduċu regoli aktar stretti minn dawk stabbiliti mid-Direttiva dwar il-UTP mhumiex ivvalutati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kontroll tal-konformità. Dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu soġġetti għal talba għal informazzjoni jew għal aktar investigazzjoni.

Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li jipprovdi aktar dettalji, b’mod partikolari dwar l-għażliet ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri.

2.Ħarsa ġenerali lejn it-traspożizzjoni

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom sal-1 ta’ Mejju 2021. Sa Diċembru 2022 l-Istati Membri kollha kienu nnotifikaw it-traspożizzjoni sħiħa lill-Kummissjoni 6 .

3.Punti speċifiċi ta’ analiżi

3.1.Kamp ta’ applikazzjoni u daqs tan-negozju (l-Artikolu 1)

Sitt Stati Membri għażlu applikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni irrispettivament mid-daqs tan-negozju 7 tal-fornituri jew tax-xerrejja. L-Istati Membri l-oħra kollha jirreferu, sa ċertu punt, għad-daqs tan-negozju mkejjel fil-fatturat annwali bħala indikatur għas-setgħa ta’ negozjar tal-operaturi li għandhom jiġu protetti, u b’hekk jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata jew ta’ xi partijiet minnha, kif previst mid-Direttiva.

3.1.1.Operaturi tal-katina u relazzjonijiet tal-provvista

Fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-fornituri u x-xerrejja ta’ prodotti agrikoli u alimentari, il-maġġoranza tal-Istati Membri ddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni settorjali u personali kif definit fid-Direttiva 8 .

Il-Latvja wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni biex tinkludi r-relazzjonijiet bejn il-fornituri u l-bejjiegħa bl-imnut (biss) ta’ prodotti mhux tal-ikel. Is-Slovakkja inkludiet taħt id-definizzjoni tax-xerrej u tal-fornitur, persuni ġuridiċi li mhumiex operaturi ta’ negozju. Spanja għażlet il-protezzjoni tal-operaturi kollha tul il-katina (inklużi x-xerrejja).

3.2.UTPs ipprojbiti (l-Artikolu 3)

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jipprojbixxu lista ta’ UTPs, billi jaqsmuhom f’żewġ gruppi ta’ projbizzjonijiet: (i) projbizzjonijiet per se jew projbizzjonijiet mhux ikkundizzjonati (“lista sewda”) u (ii) projbizzjonijiet ikkundizzjonati (“lista griża”), jiġifieri prattiki kummerċjali li huma pprojbiti sakemm ma jkunux ġew maqbula minn qabel f’termini ċari u mhux ambigwi fil-ftehim ta’ forniment jew f’xi ftehim sussegwenti bejn il-fornitur u x-xerrej (l-Artikolu 3(2)). Kull prattika hija definita b’mod speċifiku fid-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali li jmorru lil hinn mill-UTPs elenkati fid-Direttiva dment li dawn ikunu kompatibbli mar-regoli dwar il-funzjonament tas-suq intern. Filwaqt li jikkonforma mar-rekwiżiti preskritti, Stat Membru jista’ barra minn hekk:

·juża klawżoli ġenerali sabiex iwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjonijiet għal prattiki li mhumiex elenkati speċifikament;

·iżid prattiki oħra fil-listi;

·jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjonijiet elenkati jew jagħmilhom aktar stretti;

·iċaqlaq il-prattiki mil-“lista griża” għal-“lista sewda”.

Id-dettalji dwar l-għażliet ta’ traspożizzjoni mill-Istati Membri inklużi l-prattiki individwali huma disponibbli fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal. Żewġ prattiki inklużi fil-“lista sewda” jistħoqqilhom attenzjoni speċjali peress li huwa possibbli għall-Istati Membri li jipprovdu varjazzjonijiet f’ċerti limiti:

·Dewmien fil-pagamenti: 16 9 mis-27 Stat Membru qed japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jiddistingwu bejn il-bejgħ ta’ prodotti li jitħassru (terminu ta’ pagament ta’ 30 jum) u l-bejgħ ta’ prodotti li ma jitħassrux (terminu ta’ 60 jum), filwaqt li 11-il Stat Membru 10 japplikaw dewmien aktar strett fil-pagamenti.

L-Istati Membri kollha, ħlief il-Belġju, l-Estonja, l-Ungerija, l-Iżvezja u s-Slovakkja, inkorporaw id-definizzjoni tad-Direttiva ta’ prodotti li jitħassru fil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tagħhom. Franza għandha definizzjonijiet differenti għall-prodotti “li jitħassru” u “li jitħassru malajr”. Il-Kroazja u s-Slovenja żiedu mal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tagħhom lista ta’ prodotti li jitħassru, filwaqt li l-Litwanja tat is-setgħa lil istituzzjoni, awtorizzata mill-Gvern, li tapprova lista ta’ prodotti li jitħassru.

·Kanċellazzjoni ta’ ordnijiet fi żmien qasir: L-Istati Membri kollha jinkludu l-perjodu ta’ 30 jum bħala standard minimu għall-kanċellazzjoni, minbarra l-Estonja, l-Ungerija u s-Slovakkja. Sitt Stati Membri jipprevedu l-possibbiltà li jiġu stabbiliti perjodi ta’ inqas minn 30 jum għal setturi speċifiċi f’każijiet debitament ġustifikati (eż. oġġetti li jitħassru malajr ħafna) 11 .

3.3.Mekkaniżmi ta’ infurzar (l-Artikoli 4–8)

3.3.1.Ħatra tal-awtoritajiet tal-infurzar (l-Artikolu 4)

Is-27 Stat Membru ħatru awtorità waħda jew aktar (“awtoritajiet tal-infurzar”) biex jinfurzaw il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-livell nazzjonali. Id-dettalji ta’ kuntatt u s-siti web tal-awtoritajiet huma disponibbli fuq sit web apposta 12 .

L-Istati Membri kollha għażlu l-awtoritajiet amministrattivi u l-biċċa l-kbira minnhom għażlu li jassenjawlhom is-setgħat ewlenin ta’ infurzar: ħdax-il Stat Membru assenjawhom lil awtorità tal-kompetizzjoni 13 ; sitta lil awtorità tas-suq tal-ikel 14 ; ħamsa lill-Ministeru tal-Agrikoltura tagħhom 15 ; tnejn lil awtorità inkarigata mill-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali fis-settur agroalimentari 16 ; tnejn lil korp tal-gvern fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi 17 ; u wieħed lil awtorità għall-konsumaturi u għas-swieq 18 . Uħud taw lil Qorti xi wħud mis-setgħat ta’ infurzar regolati fid-Direttiva 19 .

Tliet Stati Membri (il-Greċja, il-Litwanja 20 u r-Rumanija) ħatru żewġ awtoritajiet, it-tieni waħda hija l-awtorità tal-kompetizzjoni.

3.3.2.Ilmenti u kunfidenzjalità (l-Artikolu 5)

Skont l-istrumenti kollha ta’ traspożizzjoni nnotifikati lill-Kummissjoni, mhux biss il-fornituri uniċi, iżda wkoll l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew organizzazzjonijiet oħra ta’ fornituri u assoċjazzjonijiet ta’ tali organizzazzjonijiet għandhom id-dritt li jressqu lment lill-awtorità tal-infurzar maħtura.

Maġġoranza kbira tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri pprevedew mezzi biex jissalvagwardjaw il-kunfidenzjalità tal-identità tal-ilmentatur, li d-divulgazzjoni tagħha tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi tagħhom jew għal dawk tal-membri jew tal-fornituri tagħhom 21 . Jenħtieġ li dawn is-salvagwardji normalment jiġu adottati fuq talba tal-fornitur 22 ; madankollu, xi miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni jipprevedu wkoll inizjattiva ta’ awtorità f’dan ir-rigward 23 . Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-ilmentaturi huma mitluba jidentifikaw l-informazzjoni li għaliha jitolbu l-kunfidenzjalità 24 . B’kuntrast ma’ dan, skont id-dritt Pollakk, l-identità u l-informazzjoni tal-ilmentatur, li d-divulgazzjoni tagħhom tista’ tkun ta’ detriment għall-ilmentatur, dejjem jinżammu kunfidenzjali sakemm l-ilmentatur ma jippermettix id-divulgazzjoni bil-miktub. Fi Spanja, il-liġi tipprevedi l-protezzjoni tal-identità tal-ilmentatur anke matul il-proċedimenti ġudizzjarji. F’xi Stati Membri, l-istrumenti ta’ traspożizzjoni jinkludu l-possibbiltà li jitwaqqfu l-proċedimenti fejn il-kontinwazzjoni tagħhom tkun twassal biex tiġi ddivulgata informazzjoni kunfidenzjali 25 . Fil-Litwanja, l-awtorità tal-infurzar għandha d-diskrezzjoni li tirrifjuta talba ta’ kunfidenzjalità jekk l-informazzjoni speċifika jkollha valur evidenzjarju fl-istabbiliment tal-ksur. Madankollu, l-ilmenti anonimi huma indirizzati b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni tagħhom.

3.3.3.Setgħat tal-awtoritajiet tal-infurzar maħtura (l-Artikolu 6)

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jassenjaw lill-awtoritajiet tal-infurzar maħtura s-setgħat preskritti mill-Artikolu 6, jiġifieri:

·setgħat investigattivi u ta’ monitoraġġ 26 ;

·is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet meta jkun seħħ ksur tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3  27 ;

·is-setgħa li jirrikjedu lix-xerrej itemm il-prattika kummerċjali pprojbita 28 ;

·is-setgħa li jimponu, jew li jagħtu bidu għal proċedimenti biex jiġu imposti multi u penali oħra ugwalment effettivi 29 u miżuri interim indirizzati lill-awtur tal-ksur, f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri nazzjonali 30 u

·is-setgħa li jippubblikaw id-deċiżjonijiet meħuda 31 .

F’disa’ Stati Membri, l-awtorità tal-infurzar għandha wkoll is-setgħa li tivvalida l-impenji li għandhom jittieħdu mill-kontraventur 32 , jew li toħroġ twissijiet 33 jew rakkomandazzjonijiet jekk iseħħ ksur 34 .

3.3.4.Miżuri ta’ infurzar u sanzjonijiet (l-Artikolu 6)

Il-miżuri ta’ infurzar jinkludu firxa wiesgħa ta’ strumenti, inklużi sanzjonijiet, rimedji u impenji. L-aktar miżuri komuni disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar huma sanzjonijiet finanzjarji (multi jew penali oħra ugwalment effettivi), li huma previsti fis-27 Stat Membru.

3.3.5.Infurzar amministrattiv u ġudizzjarju u soluzzjoni alternattiva għat-tilwim 

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri u l-mekkaniżmi ta’ infurzar jistgħu jitqiesu bħala infurzar amministrattiv.

Xi atti ta’ traspożizzjoni ta’ xi Stati Membri jirreferu b’mod espliċitu kemm għall-infurzar amministrattiv kif ukoll għal dak ġudizzjarju. Il-leġiżlazzjonijiet Awstrijaċi u Finlandiżi stabbilew li ċerti setgħat (eż. penali) huma riżervati għall-qorti, filwaqt li (fil-Finlandja) miżuri oħra (bħal mandati ta’ inibizzjoni) jistgħu jiġu adottati kemm mill-awtorità amministrattiva kif ukoll mill-awtorità ġudizzjarja. Fi Franza, l-awtorità amministrattiva tista’ toħroġ mandati ta’ inibizzjoni u multi amministrattivi, filwaqt li l-qorti tista’ tadotta mandati ta’ inibizzjoni, miżuri korrettivi u penali ċivili (amendes civiles). Il-leġiżlazzjoni Bulgara tistipula li l-istituzzjoni responsabbli għal proċedimenti speċifiċi skont il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni ma tridx tipprevjeni lil parti fi ftehim ta’ forniment milli tfittex rimedju permezz ta’ proċedura stabbilita oħra, filwaqt li tirrikonoxxi b’mod impliċitu r-rwol ta’ infurzaturi oħra, inklużi l-qrati. Il-leġiżlazzjoni Latvjana tistipula li, fl-istess ħin mal-Kunsill tal-Kompetizzjoni, skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġi dwar il-proċedura ċivili, qorti tista’ tistabbilixxi wkoll jekk sarx ksur tal-liġi tat-traspożizzjoni jew le.

Xi Stati Membri jużaw sistema ta’ rimedji paralleli mingħajr, madankollu, ma jipprevedu regoli speċifiċi ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji.

3.3.6.Kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar (l-Artikolu 8) 

Skont l-Artikolu 8(3), il-Kummissjoni stabbiliet sit web pubbliku 35 , li jipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u links għas-siti web rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet forum diġitali biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni. 

Wara li akkumpanjat mill-qrib lill-Istati Membri fil-proċess ta’ traspożizzjoni rispettiv tagħhom permezz ta’ laqgħat regolari, billi pprovdiet tweġibiet għall-mistoqsijiet ta’ implimentazzjoni, u aktar minn 50 tweġiba individwali bil-miktub dwar l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni ffaċilitat l-istabbiliment tan-Network tal-Infurzar tal-UTP (“in-Network”). Magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar, in-Network jieħu sehem f’diskussjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva abbażi tar-rapporti annwali tal-Istati Membri (l-Artikolu 10(2)). Għandu l-għan li jiżgura approċċ komuni dwar l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fid-Direttiva u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin, ta’ żviluppi ġodda u ta’ għodod ġodda ta’ infurzar. Barra minn hekk, jista’ joħroġ rakkomandazzjonijiet bħala parti mill-isforzi kollaborattivi tiegħu fit-tisħiħ tal-qafas ta’ infurzar.

Sa mill-bidu tiegħu f’Ġunju 2022, in-Network iltaqa’ darbtejn fil-livell tal-kapijiet tal-awtoritajiet tal-infurzar u darbtejn fil-livell tekniku. Barra minn hekk, iltaqa’ f’laqgħat fokali għal diskussjonijiet fil-fond dwar suġġetti speċifiċi ta’ natura teknika. Mill-2022 ’l hawn saru ħames laqgħat fokali bħal dawn. It-temi diskussi kienu pereżempju l-kalkolu tal-limiti tal-fatturat, l-infurzar transfruntier, u l-alleanzi tax-xiri. Id-diskussjoni dwar l-infurzar transfruntier ippermettiet li jiġu identifikati oqsma possibbli ta’ titjib dettaljati fit-taqsima 3.5.

3.3.7.Pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar (l-Artikolu 10)

Biex ittejjeb l-aċċessibbiltà għar-rapporti annwali kif ippubblikati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar fuq is-siti web tagħhom (l-Artikolu 10(1)), fl-2024 il-Kummissjoni beħsiebha tippubblika ħarsa ġenerali konsolidata tal-links għalihom fuq il-paġna web tal-UTP 36 .

Meta jitqies li l-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni għal ftehimiet ġodda bdiet fl-1 ta’ Novembru 2021, u mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-liġijiet għal kuntratti eżistenti, jistgħu jiġu osservati skedi ta’ żmien differenti għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri. Din id-diverġenza wasslet għal varjazzjonijiet fl-għadd ta’ każijiet ta’ infurzar irrapportati sa issa 37 . Xi Stati Membri jiffukaw fuq l-għoti ta’ gwida lill-fornituri u lix-xerrejja biex jiżguraw il-konformità mar-regoli, filwaqt li oħrajn wettqu inkjesti fis-settur agroalimentari jew fetħu għadd ta’ investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja (jiġifieri investigazzjonijiet mhux ibbażati fuq xi lment jew ħjiel). Fl-2023 madwar 75 % tal-każijiet u tal-investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja kienu minn Spanja minħabba l-esperjenza tal-infurzar tal-passat u r-riżorsi disponibbli. Instabu 269 każ ta’ ksur (madwar 27 % tal-investigazzjonijiet magħluqa), u dan wassal għal sanzjoni finanzjarja kumplessiva ta’ aktar minn EUR 22 miljun. Il-livell ta’ sanzjonijiet finanzjarji jvarja fl-UE.

L-aktar UTPs identifikati ta’ spiss kienu pagamenti tard għal prodotti agrikoli u alimentari li jitħassru (wara 30 jum) jew li ma jitħassrux (wara 60 jum) (50 % u 13 %), pagamenti mhux relatati ma’ tranżazzjoni speċifika (7 %), pagamenti mitluba mill-fornitur għal azzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni (7 %) kif ukoll għall-istokkjar, għall-wiri u għall-elenkar (7 %). Madwar 41 % tal-UTPs identifikati kienu ġew identifikati fil-livell tal-bejgħ bl-imnut (47 % fl-2022), 36 % fil-livell tal-ipproċessar (27 % fl-2022) u 22 % fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa (25 % fl-2022).

Ħarsa ġenerali lejn id-data aggregata dwar l-attivitajiet ta’ infurzar tal-Istati Membri fl-2022 u parzjalment għall-2023 38 hija disponibbli fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal.

F’dan il-kuntest ta’ min jissottolinja li l-għadd ta’ attivitajiet ta’ infurzar imwettqa jiddependi fuq id-disponibbiltà tar-riżorsi umani fl-awtoritajiet rispettivi li l-allokazzjoni primarja tagħhom għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-UTP tvarja bejn l-Istati Membri 39 .

3.4.Regoli nazzjonali aktar stretti (l-Artikolu 9)

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu regoli aktar stretti biex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni, sakemm dawn ikunu kompatibbli mar-regoli dwar il-funzjonament tas-suq intern. Dan jista’ jikkonċerna kamp ta’ applikazzjoni aktar strett, kif imsemmi hawn fuq, jew prattiki mhux imsemmija fid-Direttiva, bħal pereżempju l-projbizzjoni tal-bejgħ jew tax-xiri bi prezz aktar baxx mill-kostijiet tal-produzzjoni, tal-bejgħ mill-ġdid b’telf jew bi prezz aktar baxx mill-prezz tax-xiri jew kwalunkwe obbligu ieħor li jiġi rrispettat ċertu livell tal-prezzijiet.

“Bejgħ jew xiri bi prezz aktar baxx mill-kost” u “bejgħ mill-ġdid b’telf” mhumiex speċifikament irregolati mid-Direttiva jew mir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq. Filwaqt li erba’ Stati Membri introduċew dispożizzjoni dwar “bejgħ jew xiri bi prezz aktar baxx mill-kost tal-produzzjoni” 40 , tliet Stati Membri għamlu dan għal dispożizzjoni dwar “bejgħ mill-ġdid b’telf” 41 u tnejn għamlu dan għal obbligu ieħor li jirrispettaw ċertu livell tal-prezzijiet 42 . 

3.5.Enfasi fuq l-infurzar transfruntier

Fl-2019, 17 % tal-prodotti agrikoli tal-UE kkunsmati fi Stat Membru oriġinaw fi Stat Membru ieħor 43 . L-iskambji ta’ informazzjoni dwar approċċi ġenerali ta’ infurzar fin-Network huma meqjusa ta’ benefiċċju u suċċess tad-Direttiva. Id-diskussjonijiet fost l-awtoritajiet tal-infurzar fin-Network jissuġġerixxu li l-obbligu ġenerali fl-Artikolu 8 li jipprovdu lil xulxin b’assistenza reċiproka f’investigazzjonijiet transfruntiera mhux dejjem jista’ jipprovdi bażi legali suffiċjenti biex jiġu żgurati kooperazzjoni u infurzar effettivi u effiċjenti. Dan huwa speċjalment il-każ għal każijiet transfruntiera fejn ix-xerrejja involuti fi prattiki kummerċjali jkunu jinsabu fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikun ibbażat il-fornitur. Sitwazzjonijiet bħal dawn jirrikjedu l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali, l-adozzjoni possibbli ta’ miżuri ta’ infurzar kontra xerrej stabbilit fi Stat Membru ieħor għajr dak tal-awtorità tal-infurzar tal-fornitur, jew ir-riallokazzjoni tal-każijiet fin-network kollu tal-awtoritajiet tal-infurzar, kif ukoll il-ġbir tal-multi. Dan jista’ jinvolvi wkoll kwistjonijiet relatati mal-lingwi użati fl-iskambji. Diffikultajiet bħal dawn jistgħu jiġu affettwati wkoll mill-għażliet differenti li jikkonċernaw it-tipi ta’ awtoritajiet tal-infurzar maħtura mill-Istati Membri (eż., l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom għodod legali disponibbli li jippermettulhom jikkollaboraw flimkien b’mod aktar faċli milli ma’ awtoritajiet oħra tal-infurzar). Barra minn hekk, ix-xerrejja ta’ prodotti agrikoli u alimentari jistgħu jiksbu prodotti f’diversi Stati Membri u dan jissuġġerixxi ħtieġa għal azzjoni koordinata tal-awtoritajiet tal-infurzar. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li jistgħu jsiru meħtieġa regoli ġodda dwar l-infurzar transfruntier kontra prattiki kummerċjali inġusti 44 . Dawn ir-regoli l-ġodda jkollhom l-għan li jtejbu l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar jew li jipprevedu l-possibbiltà ta’ azzjonijiet koordinati kontra x-xerrejja f’kuntest transfruntier.

Parti mid-diskussjonijiet fin-Network iffukat ukoll fuq in-natura transfruntiera fit-trattament tal-ilmenti dwar il-UTP fir-rigward tal-alleanzi tax-xiri 45 . Filwaqt li ta’ min jinnota li l-alleanzi tax-xiri huma soġġetti għad-Direttiva dwar il-UTP bħal kwalunkwe xerrej ieħor u għalhekk ma hemm l-ebda raġuni partikolari biex dawn jiġu ttrattati b’mod differenti, fl-iskambji tiegħu n-network enfasizza l-isfidi relatati mal-post fejn jinsabu, f’xi każijiet barra mill-UE u l-pressjoni eżerċitata fuq ir-riżorsi tal-awtorità tal-infurzar.

Rapport tal-JRC 46 ta’ Mejju 2020 47 jiddikjara li l-alleanzi tax-xiri nazzjonali u Ewropej jista’ jkollhom rwol fit-trawwim tal-kompetizzjoni fil-katina tal-provvista alimentari u jkollhom impatt pożittiv fuq il-prezzijiet għall-konsumatur 48 . Fl-istess ħin, jikkonkludi wkoll li r-rwol tal-alleanzi tax-xiri fuq atturi upstream, bħall-bdiewa, mhuwiex ċar u jirrikjedi investigazzjoni ulterjuri. Il-Kummissjoni beħsiebha taġġorna dawn ir-riżultati matul l-2024.

4. Evalwazzjoni tad-Direttiva (l-Artikolu 12)

Id-Direttiva tistipula li sal-1 ta’ Novembru 2025, il-Kummissjoni għandha twettaq l-ewwel evalwazzjoni 49 tad-Direttiva. L-evalwazzjoni se tkun ibbażata fuq l-eżitu ta’ studju ta’ appoġġ, li fil-qafas tiegħu se jiġu organizzati konsultazzjonijiet immirati xierqa mal-partijiet ikkonċernati kollha involuti, mal-fornituri u max-xerrejja.

Biex tikkontribwixxi għal din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda twettaq, fost l-oħrajn, stħarriġiet annwali fil-pajjiżi kollha tal-UE, u bdiet bi stħarriġ ta’ referenza fl-2020 50 .

Barra minn hekk, xi Stati Membri diġà wettqu l-ewwel evalwazzjonijiet tagħhom stess, bħall-Ġermanja 51 u l-Iżvezja 52 .

5.Konklużjonijiet

Id-Direttiva dwar il-UTP għandha l-għan li tindirizza permezz ta’ armonizzazzjoni minima fil-livell tal-UE x-xenarju preċedenti ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali frammentati. Sa Diċembru 2022, l-Istati Membri kollha kienu ttrasponew din id-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Maġġoranza kbira tal-Istati Membri adottaw livell ta’ protezzjoni lil hinn mil-livell minimu stabbilit mid-Direttiva. Regoli nazzjonali aktar stretti minn dawk tad-Direttiva huma possibbli, dment li jirrispettaw ir-regoli tas-suq intern tal-UE. L-Istati Membri ġeneralment isegwu l-approċċ settorjali u japplikaw id-Direttiva biss fil-katina agroalimentari. F’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni, aktar minn nofs l-Istati Membri jitbiegħdu mill-kategoriji tal-fatturat kif definit fid-Direttiva, xi wħud japplikaw ir-regoli irrispettivament mill-fatturat tal-operaturi kkonċernati. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri wessgħu l-lista ta’ UTPs billi għamlu l-projbizzjonijiet tad-Direttiva aktar stretti pereżempju billi biddlu l-prattiki “griżi” fi prattiki “suwed” jew billi żiedu aktar projbizzjonijiet ta’ prattiki kummerċjali minn dawk fid-Direttiva. B’kuntrast ma’ dan, l-Istati Membri li ma kellhomx leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel id-Direttiva ġeneralment allinjat mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, il-kontroll tal-konformità li jivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali mad-Direttiva għadu ma ġiex iffinalizzat.

In-network tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar, f’sensiela ta’ laqgħat, ikkollabora, skambja l-aħjar prattiki dwar l-infurzar ta’ din id-Direttiva l-ġdida u ħadem fuq modi kif isaħħaħ il-kollaborazzjoni f’xi oqsma bħall-infurzar transfruntier. It-tnedija tal-osservatorju l-ġdid tal-kostijiet tal-produzzjoni, tal-marġnijiet u tal-prattiki kummerċjali fil-katina tal-provvista agroalimentari se tkompli tikkontribwixxi biex jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja.

It-titjib tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista alimentari, l-appoġġ għall-introjtu tagħhom u l-iżgurar ta’ remunerazzjoni ġusta huma objettivi ta’ politika importanti bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-kompetittività, is-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-settur agrikolu. L-inugwaljanzi u t-tħassib perċepiti dwar il-vijabbiltà tal-attività agrikola relatata, fost l-oħrajn, mal-iżbilanċi possibbli fis-setgħa tan-negozjar għad-detriment tal-bdiewa, xprunaw il-protesti reċenti tal-bdiewa. Il-miżuri koperti mid-dokument ta’ riflessjoni msemmi hawn fuq juru s-sinifikat li l-Kummissjoni tagħti lit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista alimentari.

Filwaqt li hija strument reċenti, id-Direttiva dwar il-UTP tipprovdi tweġiba għal xi tħassib minn dan, billi tippermetti lill-bdiewa u lill-fornituri relattivament aktar dgħajfa fil-katina tal-provvista alimentari joperaw b’mod aktar sigur u effiċjenti bis-saħħa ta’ prattiki kummerċjali aktar ġusti, u jesprimu lilhom infushom u jilmentaw b’mod aktar faċli. L-infurzar qed jaqbad sew u se jikkontribwixxi għal livell dejjem akbar ta’ protezzjoni tal-bdiewa u tal-fornituri aktar dgħajfa. L-evalwazzjoni skedata għall-2025 se tkun il-mument ta’ riflessjoni dwar il-ħtieġa possibbli li d-Direttiva nnifisha u l-parametri tagħha jiġu aġġustati f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni jew prattiki involuti.

(1) Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari, ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59.
(2) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_24_1493
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A32013R1308 .
(4)   Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-istat tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari .
(5)

Strumenti għal regolamentazzjoni aħjar (2023).

(6)   Direttiva - 2019/633 - MT - EUR-Lex (europa.eu) .
(7) Ċipru, l-Estonja, Spanja, Franza, l-Italja u s-Slovakkja. Filwaqt li tinżamm l-applikazzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni, irrispettivament mid-daqs tan-negozju, xi wħud minn dawn l-Istati Membri rreferew għad-daqs tan-negozju biex jipprevedu xi eċċezzjonijiet jew varjazzjonijiet. Eż., f’Ċipru l-iskadenzi tal-pagamenti jvarjaw abbażi tad-daqs tan-negozju fil-każ ta’ prodotti kkonsenjati fuq bażi regolari mill-fornituri tal-għeneb għall-produzzjoni tal-inbid lix-xerrejja b’fatturat annwali ta’ inqas minn EUR 2 000 000; Il-leġiżlazzjoni Spanjola ma tapplikax għal negozji ta’ lukandi, ta’ ristoranti u tal-catering b’fatturat ta’ inqas minn EUR 10 miljun; u negozji involuti f’servizzi tal-akkomodazzjoni b’fatturat ta’ inqas minn EUR 50 miljun.
(8)  L-esklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ xerrejja (eż. kooperattivi) minn xi Stati Membri hija soġġetta għall-kontroll tal-konformità kontinwu.
(9) L-Awstrija, Ċipru, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Latvja, Malta, in-Netherlands, il-Polonja u s-Slovenja.
(10)

Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Iżvezja u s-Slovakkja.

(11) Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, l-Italja u l-Iżvezja.
(12)

https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/key-policies/common-agricultural-policy/market-measures/agri-food- supply-chain/unfair-trading-practices_mt .

(13) L-Awstrija, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, il-Latvja, il-Polonja, l-Iżvezja u s-Slovenja.
(14) Il-Ġermanja (l-Uffiċċju Federali għall-Agrikoltura u l-Ikel, maħtur mill-Ministeru Federali), Spanja (l-Aġenzija tal-Informazzjoni u l-Kontroll tal-Ikel), il-Finlandja (l-Ombudsman għas-Suq tal-Ikel), l-Ungerija (l-Uffiċċju tas-Sikurezza tal-Katina Alimentari, maħtur mill-Gvern), il-Litwanja (l-Aġenzija għall-Iżvilupp tan-Negozju u tas-Swieq Rurali) u l-Portugall (l-Awtorità Ekonomika u tas-Sigurtà tal-Ikel (ASAE - Autoridade de Segurança Alimentar e Económica)).
(15)  Ċipru, l-Irlanda, l-Italja (diviżjoni interna tal-Ministeru), ir-Rumanija u s-Slovakkja.
(16) Il-Greċja u Malta.
(17) Għal Franza, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kontroll tal-Frodi; għall-Belġju, id-DĠ għall-Ispezzjoni Ekonomika tas-servizz pubbliku federali fil-qasam tal-ekonomija.
(18) In-Netherlands.
(19)  Għalhekk, b’mod partikolari, għas-setgħa li jiġu imposti sanzjonijiet (l-Awstrija, il-Finlandja u Franza). 
(20) It-tieni awtorità tal-infurzar hija biss kompetenti fir-rigward ta’ prattiki użati mill-bejjiegħa bl-imnut b’saħħa sinifikanti fis-suq.
(21) Madankollu, f’xi Stati Membri (eż., il-Latvja, il-Portugall u l-Iżvezja) il-kunfidenzjalità hija żgurata għall-identità biss iżda mhux għal informazzjoni sensittiva oħra.
(22) L-Istati Membri kollha ħlief l-Awstrija, il-Finlandja, Franza, il-Latvja, il-Polonja u l-Iżvezja. Fost dawn, il-liġi tal-Bulgarija tistabbilixxi li l-identità tal-ilmentatur trid dejjem tibqa’ kunfidenzjali.
(23) eż. l-Ungerija.
(24) Il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u s-Slovenja.
(25) L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Italja, Malta u l-Portugall.
(26)  L-Istati Membri kollha.
(27) L-Istati Membri kollha ħlief l-Estonja, Spanja, il-Finlandja, is-Slovenja u s-Slovakkja.
(28) L-Istati Membri kollha ħlief l-Awstrija u l-Ungerija.
(29)  L-Istati Membri kollha (għall-Awstrija: is-setgħa tal-Qorti tal-Akkordji; għall-Finlandja: is-setgħa tal-Qorti).
(30) Previsti speċifikament fil-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni fil-Bulgarija, fid-Danimarka, fil-Greċja, fil-Finlandja, fi Franza, fi Spanja, fl-Irlanda, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fil-Latvja, fin-Netherlands, fil-Portugall u fir-Rumanija.
(31) L-Istati Membri kollha ħlief iċ-Ċekja, il-Latvja u l-Portugall.
(32) Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Kroazja, l-Ungerija u l-Polonja.
(33) Il-Belġju, il-Finlandja u l-Latvja.
(34) Il-Greċja.
(35)   https://agriculture.ec.europa.eu/common-agricultural-policy/agri-food-supply-chain/unfair-trading-practices_mt .
(36)   https://agriculture.ec.europa.eu/common-agricultural-policy/agri-food-supply-chain/unfair-trading-practices_mt .
(37) Ir-rapportar tal-għadd ta’ każijiet jista’ jiddependi wkoll mir-regoli interni tal-awtoritajiet tal-infurzar u għalhekk jista’ jwassal għal dikjarazzjoni insuffiċjenti jew eċċessiva tal-każijiet.
(38) Sal-iskadenza tal-15 ta’ Marzu 2024, 18-il Stat Membru biss kienu bagħtu r-rapport annwali tagħhom lill-Kummissjoni.
(39) Pereżempju, skont ir-Rapport ta’ Evalwazzjoni Ġermaniż, riżorsi limitati tal-persunal flimkien ma’ sforzi investigattivi estensivi joħolqu sfidi għall-ħidma tal-awtorità tal-infurzar.  https://www.bmel.de/SharedDocs/Downloads/DE/_Internationales/aussenwirtschaftspolitik/evaluierungsbericht-agrarolkg.html .
(40)

 Spanja, il-Kroazja, l-Ungerija u l-Italja.

(41) Spanja, l-Ungerija u r-Rumanija.
(42)  Spanja u l-Italja.
(43)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=comnat:SWD_2021_0317_FIN (p. 17, figura 7).
(44)   Miżuri addizzjonali tal-Kummissjoni biex tappoġġa lill-bdiewa tal-UE (europa.eu) .
(45) Erba’ awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar (iċ-Ċekja, Franza, l-Italja u l-Iżvezja) investigaw jew bħalissa qed jinvestigaw ċentri tax-xiri jew alleanzi tax-xiri fil-livell Ewropew.
(46)   Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar l-alleanzi tax-xiri talbet lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond dwar il-firxa u l-effetti tal-alleanzi tax-xiri nazzjonali u internazzjonali, u din wasslet għar-rapport tal-JRC imsemmi.
(47)   Repożitorju tal-Pubblikazzjonijiet tal-JRC - Alleanzi tal-bejgħ bl-imnut fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (europa.eu) .
(48)  Fl-2023, il-Kummissjoni għalqet l-investigazzjonijiet dwar żewġ alleanzi internazzjonali tal-bejgħ bl-imnut. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza ta’ effetti antikompetittivi u minflok sabet li r-ribassi miksuba mill-alleanzi kkontribwew għall-istrateġiji tal-ipprezzar kumplessivi tal-bejjiegħa bl-imnut, u dan jippermettilhom ibaxxu l-prezzijiet bl-imnut biex ikunu daqs il-prezzijiet tal-kompetituri jew aktar baxxi minnhom, ara: “Antitrust: Il-Kummissjoni tagħlaq l-investigazzjonijiet antitrust dwar AgeCore u Coopernic” MEX/23/3847 (Brussell, it-13 ta’ Lulju 2023).
(49)   Katina tal-provvista agrikola u tal-ikel – il-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali inġusti (europa.eu) .
(50)   Prattiki Kummerċjali Inġusti (europa.eu) .
(51)     Evalwazzjoni tal-Ġermanja .
(52)

  Evalwazzjoni tal-l-Iżvezja .