Brussell, 25.4.2024

COM(2024) 175 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar id-delega tas-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE


1.Introduzzjoni

Sabiex jiġu appoġġati l-isforzi ta’ diġitalizzazzjoni tas-settur marittimu, ir-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE 1 (ir-Regolament EMSWe) jinkludi sett ta’ miżuri biex jinkisbu l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni fir-rapportar marittimu. Ir-Regolament EMSWe daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Awwissu 2019 iżda d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom japplikaw biss mill-15 ta’ Awwissu 2025.

Ir-Regolament EMSWe jistabbilixxi punt ta’ dħul uniku f’kull Stat Membru biex jiġu ssodisfati l-obbligi kollha ta’ rapportar marbuta ma’ waqfa f’port. L-għan tar-Regolament huwa li jippermetti skambju kompletament diġitali bejn in-negozji u l-gvern tal-informazzjoni meħtieġa mill-vapuri meta jidħlu f’port fl-UE. Sabiex jiġu żgurati kostijiet minimi u jiġu protetti l-investimenti preċedenti, l-ambjent ta’ rapportar il-ġdid huwa mibni fil-biċċa l-kbira fuq is-sistemi miruta eżistenti ta’ Single Windows Nazzjonali marittimi stabbiliti bid-Direttiva 2010/65/UE.

Il-pedamenti tar-Regolament EMSWe huma l-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet u l-formati tad-data, u l-miżuri biex jittejbu l-flussi tad-data għal aktar effiċjenza. Għal dan l-għan, l-Artikolu 3 tar-Regolament EMSWe jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex temenda l-Anness tar-Regolament għall-fini tal-introduzzjoni, it-tħassir jew l-adattament ta’ referenzi għal-leġiżlazzjoni jew ir-rekwiżiti nazzjonali, l-atti legali tal-Unjoni jew internazzjonali, u biex tistabbilixxi u temenda s-sett ta’ data EMSWe. Fost l-oħrajn, is-sett ta’ data EMSWe jirrikjedi wkoll aġġornamenti regolari, biex jiġi ggarantit l-allinjament tiegħu mar-rekwiżiti tad-data doganali stabbiliti fl-Anness B tar-Regolament (UE) 2015/2446 2 u fl-Anness B tar-Regolament (UE) 2015/2447 3 u l-Mudell tad-Data Doganali tal-UE relatat, u mal-Kompendju FAL tal-OMI 4 skont il-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali, li jiffaċilita l-interoperabbiltà bejn awtoritajiet differenti.

Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament EMSWe hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 4 snin mill-14 ta’ Awwissu 2019. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ żmien identiċi sakemm il-Parlament jew il-Kunsill ma jopponix tali estensjoni mhux aktar tard minn 3 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

F’konformità mal-Artikolu 23(2), il-Kummissjoni hija meħtieġa tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat. Dan ir-rapport ikopri dan l-obbligu.

2.Eżerċizzju ta’ setgħat delegati

Minn meta r-Regolament (UE) 2019/1239 daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Awwissu 2019 sal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati darba waħda. Fis-7 ta’ Novembru 2022, hija adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/205 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment tas-sett tad-data tas-sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jemenda l-Anness tiegħu 5 (ir-Regolament Delegat).

Ir-Regolament Delegat ġie adottat wara l-iskadenza tal-15 ta’ Awwissu 2021 stabbilita fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament EMSWe. Ir-raġunijiet għad-dewmien fl-adozzjoni tar-Regolament Delegat kienu relatati mal-kumplessità tal-attivitajiet ta’ mmudellar tad-data li jirriżultaw minn għadd kbir ta’ bażijiet ġuridiċi u, fl-istess ħin, id-diffikultà biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jissottomettu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq il-lista tal-obbligi ta’ rapportar nazzjonali bl-elementi tad-data korrispondenti mitluba mid-dikjaranti fil-portijiet tagħhom. Il-kriżi tal-COVID-19 kellha wkoll impatt fuq il-proċess tal-ġbir tad-data, peress li l-awtoritajiet tal-Istati Membri fis-settur tat-trasport marittimu kienu involuti f’diversi sitwazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u għalhekk kellhom jagħtu prijorità lil kwistjonijiet relatati mas-saħħa.

Ir-Regolament Delegat stabbilixxa s-sett ta’ data EMSWe, jiġifieri l-lista sħiħa ta’ elementi ta’ data li jirriżultaw mill-obbligi ta’ rapportar elenkati fl-Anness tar-Regolament EMSWe. Is-sett tad-data huwa estensiv u komprensiv, maqsum f’92 grupp ta’ data, li kull wieħed minnhom fih element tad-data wieħed jew aktar. B’kollox, is-sett tad-data jelenka aktar minn 1120 element tad-data inkluż l-identifikatur, l-isem, id-deskrizzjoni u l-format tagħhom. Barra minn hekk, kull element tad-data għandu referenza għall-immappjar tal-Mudell tad-Data Doganali tal-UE u għall-Kompendju tal-OMI (fejn rilevanti), u għal kwalunkwe lista ta’ kodiċijiet rilevanti jew regola tan-negozju applikabbli.

Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat għamel emendi għall-Anness tar-Regolament EMSWe li jagħtu dettalji dwar l-obbligi ta’ rapportar. Il-ħtieġa għal dawn il-bidliet irriżultat minn aġġornamenti fil-leġiżlazzjoni sottostanti, inklużi l-emenda jew is-sostituzzjoni tal-liġijiet eżistenti tal-UE, nazzjonali u internazzjonali, u l-inklużjoni ta’ referenzi aktar speċifiċi għat-testi leġiżlattivi attwali. Minħabba l-bidliet multipli, l-Anness ġie sostitwit integralment b’mod komprensiv.

F’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 6 , qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni trid tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru. Fit-tħejjija tar-Regolament Delegat, il-Kummissjoni kkonsultat lill-esperti tal-Istati Membri u lill-operaturi tas-settur tan-negozju marittimu li pparteċipaw fis-sottogrupp ta’ esperti tal-EMSWe tal-Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli għall-Governanza tas-Sistema u s-Servizzi Marittimi Diġitali 7 , li appoġġa d-dispożizzjonijiet inklużi fl-att delegat.

Matul il-proċess proċedurali u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni żgurat it-trażmissjoni xierqa tad-dokumenti rilevanti kemm lill-Parlament kif ukoll lill-Kunsill. Il-Parlament u l-Kunsill ma oġġezzjonawx għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat.

Sabiex jiġi żgurat aġġornament rapidu tal-lista ta’ obbligi rilevanti elenkati fl-Anness għar-Regolament EMSWe u tas-sett ta’ data EMSWe, il-Kummissjoni tqis li s-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lilha mir-Regolament EMSWe għandha tinżamm fis-seħħ sakemm ir-Regolament EMSWe jibqa’ applikabbli. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tistenna li l-emenda tas-sett ta’ data EMSWe tkun attività rikorrenti meħtieġa, meta jitqiesu d-dipendenzi qawwija mal-evoluzzjoni kostanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE, il-konvenzjonijiet internazzjonali, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Is-setgħa li jiġu adottati jew emendati atti delegati għalhekk se tibqa’ meħtieġa biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-funzjonament xierqa tas-sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea. F’dan ir-rigward, is-servizzi tal-Kummissjoni, bl-assistenza tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, diġà qed jiddiskutu mal-esperti tal-Istati Membri l-ħtieġa għal regolament delegat ġdid tal-Kummissjoni fl-2024 biex jiġi emendat is-sett ta’ data EMSWe u tiġi aġġustata l-lista ta’ obbligi ta’ rapportar rilevanti skont ir-Regolament EMSWe.

3.Konklużjoni

B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligu tagħha li tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-użu tagħha tas-setgħat delegati skont l-Artikolu 23 tar-Regolament EMSWe. Il-Kummissjoni tippreżenta dan ir-rapport dwar l-użu tas-setgħat delegati tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament EMSWe.

Il-Kummissjoni eżerċitat b’mod attiv u xieraq is-setgħat delegati mogħtija lilha mir-Regolament EMSWe. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tqis li estensjoni ta’ din id-delega ta’ setgħa biex jiġu adottati atti delegati kienet u tibqa’ xierqa, f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament EMSWe (estensjoni taċita). Tali estensjoni se tippermetti lill-Kummissjoni tkompli tissupplimenta r-Regolament EMSWe u taġġorna perjodikament il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament EMSWe u s-sett ta’ data EMSWe, li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak li jiġi rrapportat f’kull Single Window Nazzjonali marittima, filwaqt li tiżgura implimentazzjoni armonizzata tar-Regolament EMSWe.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64.

(2)

 ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1. Link għall-aħħar verżjoni konsolidata: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2446/2023-03-14

(3)

ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558. Link għall-aħħar verżjoni konsolidata: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/2023-03-15

(4)

  https://imocompendium.imo.org/public/IMO-Compendium/Current/index.htm .

(5)

ĠU L 33, 3.2.2023, p. 24.

(6)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(7)

  https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupID=3450 .