Brussell, 12.3.2024

COM(2024) 126 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL

Jintlaħaq bilanċ dwar il-migrazzjoni: approċċ li huwa ġust kif ukoll sod


I.    INTRODUZZJONI

Il-migrazzjoni hija sfida Ewropea li teħtieġ rispons Ewropew. Din hija tagħlima li l-Ewropa kisbet bi tbatija. Il-kriżi tar-refuġjati tal-2015 u sfidi oħra ffaċċjati fi fruntieri esterni differenti tal-UE żvelaw in-nuqqasijiet tal-liġijiet antiki u mhux kompluti tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Huma esponew ukoll il-kumplessità tal-ġestjoni ta’ sitwazzjoni li taffettwa lill-Istati Membri b’modi differenti, u fejn azzjonijiet minn Stat Membru wieħed ikollhom implikazzjonijiet għall-oħrajn. Dawn l-isfidi wrew ukoll li l-migrazzjoni hija realtà globali li tista’ tiġi ġestita b’mod effettiv biss billi naħdmu b’mod miftiehem mas-sħab tagħna madwar id-dinja.

Malli ħadet il-kariga, il-Kummissjoni von der Leyen stabbiliet għaliha nnifisha missjoni biex tistabbilixxi qafas Ewropew ġdid u dejjiemi għall-ġestjoni tal-migrazzjoni: wieħed li jiflaħ l-interdipendenza bejn l-Istati Membri, joffri rispons xieraq u jagħmel mezz li l-Ewropej jafdaw li l-migrazzjoni tkun ġestita b’mod effettiv u uman, f’konformità mal-valuri tagħna.

Din kienet l-intenzjoni wara l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil - sett vast ta’ riformi leġiżlattivi. Erba’ snin wara, il-ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar dawn ir-riformi jwitti t-triq għal ġestjoni tal-migrazzjoni ġusta, effiċjenti u sostenibbli fit-tul. Sistema fejn kull Stat Membru tal-UE għandu l-flessibbiltà li jindirizza l-isfidi tiegħu filwaqt li l-ebda wieħed ma jitħalla waħdu taħt pressjoni.

Dan huwa stadju importanti. Madankollu, f’dawn l-aħħar erba’ snin, sensiela ta’ sfidi ġodda u rikorrenti kienu qed jaffettwaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha. Dan iż-żmien kien ikkaratterizzat minn sforz kostanti biex jiġu indirizzati mingħajr dewmien il-ħtiġijiet immedjati permezz ta’ azzjoni operazzjonali u mmirata. Minkejja l-pressjoni kontinwa u saħansitra dejjem tikber fuq diversi rotot migratorji, l-UE rnexxielha turi l-aġilità meħtieġa biex tiffaċċja u tinnaviga sfidi kumplessi. B’mod partikolari, l-UE kienet b’saħħitha u magħquda fid-difiża tal-fruntieri esterni tagħha kontra l-istrumentalizzazzjoni tan-nies mir-reġimi Belarussi u Russi. Hija għamlet dan filwaqt li ħadet approċċ uman u bi prinċipji għal dawk li qed jaħarbu mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll fir-rigward tal-għadd kbir ta’ evakwazzjonijiet ta’ ċittadini Afgani lejn l-Istati Membri u sforzi sostnuti ta’ risistemazzjoni, li jagħtu prova tal-affidabbiltà tagħha bħala kontinent fejn il-protezzjoni hija garantita għal dawk fil-bżonn u assumiet ir-rwol tagħha bħala attur globali.

Dan l-approċċ fuq żewġ binarji li jsegwi riforma strutturali sostenibbli flimkien ma’ rispons operazzjonali mmirat huwa dak li ppermetta lill-Ewropa taqleb il-paġna dwar ksur fil-passat u tikkonsolida approċċ komuni għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri. Minn issa ’l quddiem, jenħtieġ li ż-żewġ binarji jkomplu jimxu id f’id: il-migrazzjoni mhijiex fenomenu li se jgħaddi, u kollox jindika l-fatt li se tkompli tkun preżenti ħafna u tiddomina l-aġendi politiċi fil-futur. Il-migrazzjoni legali ġestita tajjeb u ordnata tista’ tkun opportunità għas-soċjetajiet u ekonomiji Ewropej, inkluż billi tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema, filwaqt li taġixxi wkoll bħala deterrent għall-migrazzjoni irregolari.

Filwaqt li r-riformi leġiżlattivi se jkollhom impatt trasformattiv, dan mhux se jkun immedjat, u s-sistema qatt ma tista’ tkun kompletament protetta minn sfidi potenzjali. Id-differenza kruċjali, madankollu, hija li l-UE issa kkonsolidat approċċ dinamiku u komuni tal-UE għall-migrazzjoni. Ir-riżultat huwa li l-Istati Membri tal-UE issa huma mgħammra aħjar minn qatt qabel biex jiffaċċjaw sfidi kumplessi u li qed jevolvu b’mod kostanti, filwaqt li jaġixxu flimkien b’ġustizzja u b’mod sod.

Din il-Komunikazzjoni tħares lura lejn il-kisbiet u l-avvanzi ta’ dawn l-aħħar erba’ snin. Tidentifika prijoritajiet immedjati għall-operazzjonalizzazzjoni ta’ dak li ġie miftiehem u tħares lejn oqsma fejn hija meħtieġa aktar ħidma biex tikkomplementa s-sistema l-ġdida.

II.    Qafas ġuridiku ġdid

Il-ftehim politiku storiku dwar il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ibiddel kollox. Dan se jgħammar lill-UE b’bażi ġuridika b’saħħitha biex timmaniġġja l-migrazzjoni b’mod komprensiv u integrat. Il-ħdax-il liġi 1 interkonnessa se jiżguraw approċċ kollettiv biex il-fruntieri esterni tagħna jiġu protetti aħjar, sistema ġusta u aktar effettiva ta’ solidarjetà u responsabbiltà kif ukoll proċeduri tal-ażil effiċjenti bi protezzjoni aħjar ta’ dawk fil-bżonn.

1.Il-bidliet li se jġib miegħu l-Patt

Fruntieri esterni aktar siguri

Il-migranti irregolari kollha se jiġu rreġistrati u soġġetti għal skrinjar ta’ identità, sigurtà u saħħa. Wara l-iskrinjar, il-proċedura fuq il-fruntiera se tkun obbligatorja għal dawk li x’aktarx ma jeħtiġux protezzjoni, ma jippreżentawx riskju għas-sigurtà jew ma jqarrqux bl-awtoritajiet. Kull Stat Membru se jkun meħtieġ li jkollu l-kapaċità li jospita ċertu numru ta’ persuni li jfittxu l-ażil għat-tul tal-proċeduri f’kundizzjonijiet adegwati. Se japplikaw salvagwardji ġuridiċi b’saħħithom u l-minorenni mhux akkumpanjati se jiġu eżentati mill-proċedura fuq il-fruntiera sakemm ma jkunux ta’ theddida għas-sigurtà. L-Istati Membri kollha se jkollhom jiżguraw monitoraġġ indipendenti tad-drittijiet fundamentali fil-fruntiera.

Permezz tas-sigurtà tal-fruntieri esterni biex jiġu kkontrollati l-wasliet ta’ migranti irregolari, aħna nillimitaw kwalunkwe moviment sekondarju ulterjuri u niggarantixxu wieħed mid-drittijiet l-aktar għeżież taċ-ċittadini tal-UE, jiġifieri d-dritt ta’ moviment liberu fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Billi niżguraw ritorn rapidu ta’ dawk miċħuda fil-proċedura fuq il-fruntiera, aħna nibagħtu messaġġ ċar li s-sistema Ewropea l-ġdida mhux se tittollera abbuż.

Fl-aħħar nett, l-UE se jkollha fis-seħħ qafas ġuridiku speċifiku għat-trattament ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi, inkluża l-istrumentalizzazzjoni: strument ġuridiku ġdid se jipprevedi qafas stabbli u prevedibbli fil-livell tal-Unjoni għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi, b’komponent ta’ solidarjetà msaħħaħ li jiżgura li l-ħtiġijiet kollha tal-Istat Membru kkonċernat jiġu ssodisfati. Id-derogi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika tal-istrumentalizzazzjoni se jipprovdu lill-Istati Membri b’mezzi robusti u mmirati biex jipproteġu l-fruntieri esterni tagħna filwaqt li jippreservaw l-aċċess għall-ażil u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.

Proċeduri rapidi u effiċjenti għall-ażil u r-ritorn b’salvagwardji individwali aktar b’saħħithom

Ir-regoli l-ġodda se jistabbilixxu proċeduri tal-ażil aktar effettivi b’limiti ta’ żmien iqsar u regoli aktar stretti għal applikazzjonijiet abbużivi jew sussegwenti. L-UE se jkollha l-possibbiltà li żżomm listi ta’ pajjiżi terzi sikuri u ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu, li se jintużaw flimkien ma’ listi nazzjonali. Dawn ir-regoli aktar stretti huma bbilanċjati kontra garanziji importanti għad-drittijiet tal-individwi inkluż konsulenza ġuridika mingħajr ħlas matul il-proċeduri kollha, b’attenzjoni partikolari għall-gruppi vulnerabbli, inklużi l-minorenni mhux akkumpanjati kif ukoll il-familji bit-tfal. Obbligi ġodda fl-atti ġuridiċi kollha se jiżguraw li t-tfal mhux akkumpanjati jkollhom rappreżentant maħtur mingħajr dewmien biex jieħu ħsieb l-aħjar interessi tagħhom.

Ir-regoli l-ġodda se jżidu l-konverġenza fost l-Istati Membri dwar min jikkwalifika għall-istatus ta’ rifuġjat jew fir-rigward tal-kwalità tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza. L-istandards madwar l-UE kollha għall-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza se jinkludu aċċess aktar bikri għas-suq tax-xogħol, aċċess aħjar għall-edukazzjoni għat-tfal migranti u l-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli. Fl-istess ħin, it-tħejjija tal-Istati Membri fil-ġestjoni effettiva tas-sistemi ta’ akkoljenza tagħhom se tiżdied. Ġew maqbula wkoll kriterji komuni aktar armonizzati għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, li jiċċaraw id-drittijiet u l-obbligi tal-benefiċjarji. L-Aġenzija tal-UE għall-Ażil għandha għodod ġodda biex tappoġġa lill-Istati Membri biex iġibu konverġenza akbar fil-prattiki tal-ażil u tal-akkoljenza. Il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ il-ġdid tal-Aġenzija se jippermettilha timmonitorja l-applikazzjoni operazzjonali u teknika tal-qafas ġuridiku l-ġdid.

Sistema ġusta u aktar effettiva ta’ solidarjetà u responsabbiltà

Għall-ewwel darba, l-Unjoni se jkollha fis-seħħ mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti, li jiżgura li l-ebda Stat Membru taħt pressjoni ma jitħalla waħdu u li kulħadd jikkontribwixxi. L-Istati Membri se jappoġġaw lil xulxin b’solidarjetà fir-rigward tal-persuni (rilokazzjoni jew tpaċija f’każ ta’ movimenti sekondarji), appoġġ operazzjonali u kontribuzzjonijiet finanzjarji, inkluż għal proġetti f’pajjiżi terzi. L-Istati Membri jagħżlu t-tip ta’ solidarjetà li jixtiequ jipprovdu abbażi ta’ skema ta’ distribuzzjoni obbligatorja. Il-kontribuzzjonijiet ta’ solidarjetà jistgħu jiġu allokati għall-Istati Membri li jiffaċċjaw għadd sinifikanti ta’ wasliet wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ.

Ir-regoli li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli biex jittratta talba għall-ażil ġew imsaħħa: ġie miżjud kriterju ġdid ta’ responsabbiltà għad-diplomi u ġew imsaħħa l-kriterji relatati mal-familja. Regoli ġodda dwar il-waqfien se joħolqu responsabbiltà aktar ibbilanċjata għall-applikazzjonijiet ipproċessati mill-Istat Membru tal-ewwel dħul fil-proċedura fuq il-fruntiera. Fil-każ ta’ movimenti sekondarji, it-trasferiment ta’ persuni lura lejn l-Istat Membru responsabbli se jkun ukoll aktar effiċjenti.

Is-sistema se tinkludi regoli effettivi għad-detezzjoni u l-prevenzjoni ta’ movimenti sekondarji, bħall-fatt li l-firxa sħiħa ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali se tiġi pprovduta biss fl-Istat Membru responsabbli. Ir-regoli l-ġodda jillimitaw ukoll il-possibbiltà ta’ waqfien jew trasferiment tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, u b’hekk jipprevjenu lill-applikant milli jagħżel liema Stat Membru jsir responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni.

Il-bażi tad-data komuni tal-Eurodac aġġornata se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-politiki l-ġodda dwar l-ażil, ir-risistemazzjoni, il-protezzjoni temporanja u r-ritorn. Il-bażi tad-data se tgħin ukoll lill-Istati Membri jidentifikaw u jindirizzaw movimenti sekondarji.

2.Nagħmlu l-Patt realtà

Dan il-qafas ġuridiku ġdid se jkun effettiv biss daqs l-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu. Dan jinvolvi t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida, infrastruttura ġdida jew aġġornata, sistemi ġodda, u programmazzjoni finanzjarja msaħħa. Il-Kummissjoni se tappoġġa t-tħejjijiet tal-Istati Membri b’fondi, analiżi tal-lakuni, monitoraġġ u appoġġ ulterjuri tal-aġenziji tal-UE. Huwa essenzjali li s-sentejn sakemm jidħol fis-seħħ il-Patt jintużaw sew.

Il-Kummissjoni bdiet tħejjijiet għall-implimentazzjoni u l-operazzjonalizzazzjoni tal-Patt. Sa Ġunju 2024, il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni li se jistabbilixxi t-triq ’il quddiem bi pjan direzzjonali, skeda ta’ żmien u stadji importanti għall-azzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali. Il-Pjan se jidentifika l-lakuni u l-passi operazzjonali meħtieġa biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu l-kapaċitajiet ġuridiċi u operazzjonali meħtieġa biex jibdew japplikaw b’suċċess il-leġiżlazzjoni l-ġdida sal-2026.

F’konformità mal-loġika tal-Patt, kull Stat Membru għandu jinkwadra din il-ħidma fi ħdan approċċ strateġiku għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri kollha se jkollhom jieħdu miżuri biex ikunu lesti għall-implimentazzjoni tal-Patt, iżda mhux kollha qed jiffaċċjaw l-istess sfidi. Il-Pjan ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni se jinkludi analiżijiet tal-lakuni speċifiċi għall-pajjiż li jistgħu jservu bħala bażi għall-Istati Membri biex jiżviluppaw il-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tagħhom stess. L-Istati Membri se jkollhom jiżviluppaw ukoll strateġiji nazzjonali, li mbagħad jiffurmaw il-bażi ta’ Strateġija Ewropea ta’ Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni ta’ ħames snin, li għandha titfassal mill-Kummissjoni fi żmien 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda.

It-twettiq effettiv ta’ tranżizzjoni ta’ suċċess se jkun prijorità komuni ewlenija għas-sentejn li ġejjin. L-appoġġ tal-UE se jinkludi appoġġ tekniku, operazzjonali u finanzjarju pprovdut mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tal-UE. F’termini ta’ finanzjament, huwa disponibbli pakkett sinifikanti, ikkomplementat mill-finanzjament disponibbli li jirriżulta mir-rieżami ta’ nofs it-terminu li jmiss tal-programmi eżistenti tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u tal-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (BMVI), kif ukoll iż-EUR 2 biljun addizzjonali mir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali allokati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Patt.

III.    RIŻOLUZZJONI OPERAZZJONALI MMIRATA

Fl-istess ħin li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri fittxew li jkunu l-periti ta’ dan il-qafas ġuridiku ġdid, huma kienu qed jaħdmu wkoll bħala ħaddiema tat-tifi tan-nar biex jindirizzaw sensiela ta’ sfidi ġodda u rikorrenti.

B’dan il-mod, l-UE espandiet il-firxa ta’ għodod tagħha biex tiskoraġġixxi u tipprevjeni movimenti irregolari u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, iżda wkoll biex twieġeb għal xejriet li qed jinbidlu ta’ attività migratorja hekk kif jinqalgħu. Bosta titjib f’dawn l-aħħar ftit snin wassal biex l-UE tkun mgħammra u mħejjija aħjar biex tittratta l-ġestjoni ta’ kuljum tal-migrazzjoni kif ukoll tiffaċċja sfidi eċċezzjonali u mhux mistennija.

1.Approċċ ta’ rotta sħiħa

Waħda mill-innovazzjonijiet ewlenin f’dawn l-aħħar snin kienet li l-enfasi tinbidel lejn approċċ ta’ rotta sħiħa biex jiġu indirizzati l-movimenti mħallta ta’ refuġjati u migranti, filwaqt li titqies il-firxa sħiħa ta’ sitwazzjonijiet li n-nies jistgħu jsibu ruħhom fihom, u jiġu indirizzati flimkien mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu.

Il-Kummissjoni żviluppat erba’ Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE - li jiffukaw fuq ir-rotot tal-Balkani tal-Punent, tal-Mediterran Ċentrali, tal-Atlantiku/tal-Mediterran tal-Punent, u tal-Mediterran tal-Lvant - biex jiġi stabbilit perkors għal azzjoni kollettiva u operazzjonali fuq dawn ir-rotot. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni fihom sensiela ta’ azzjonijiet li llum diġà tlestew jew qed jiġu implimentati bis-sħiħ. Dan l-approċċ aktar immirat u kkoordinat żied ir-reattività u l-aġilità tal-Unjoni fid-dawl tal-isfidi li qed jevolvu, permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri fuq terminu qasir u medju.

Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE jirrispettaw l-ispeċifiċitajiet ta’ kull rotta u jsaħħu l-appoġġ tal-UE lill-Istati Membri taħt pressjoni migratorja u lill-pajjiżi sħab, anke permezz tal-ħidma tal-aġenziji tal-UE, b’azzjonijiet biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari u mhux sikura.

Il-valur miżjud uniku ta’ dan l-approċċ kien li l-ħidma tiġi ffukata fuq miżuri ta’ prijorità u jiġi żgurat is-segwitu konsistenti tagħhom, filwaqt li wieħed jagħmel użu mill-firxa sħiħa ta’ għodod ta’ politika u operazzjonali għad-dispożizzjoni tal-UE.

Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Mediterran Ċentrali adottat f’Novembru 2022 jipproponi 20 miżura, inkluż it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni f’pajjiżi ewlenin tal-Afrika ta’ Fuq, b’mod partikolari t-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja, l-espansjoni tal-impronta tal-Aġenziji tal-UE fir-reġjun, u l-operazzjonalizzazzjoni tal-Inizjattiva ta’ Tim Ewropa għar-rotta tal-Mediterran Ċentrali. Dan il-Pjan ġie kkomplementat ukoll minn Pjan ta’ 10 punti ddedikat għal Lampedusa f’Settembru 2023.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent adottat f’Diċembru 2022 jidentifika 20 miżura operazzjonali strutturati taħt ħames pilastri: (1) it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri tul ir-rotot; (2) proċeduri rapidi tal-ażil u appoġġ għall-kapaċità ta’ akkoljenza; (3) il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti; (4) it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u r-ritorni; kif ukoll (5) il-kisba ta’ allinjament tal-politika dwar il-viżi. Il-Pjan ta’ Azzjoni saħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri mas-sħab tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għar-rotot tal-Mediterran tal-Punent u tal-Atlantiku adottat f’Ġunju 2023 jiffoka fuq it-tisħiħ tal-miżuri operazzjonali dwar it-tiftix u s-salvataġġ, il-prevenzjoni ta’ tluq irregolari, il-protezzjoni tal-fruntieri, u l-proċeduri ta’ ritorn, kif ukoll il-migrazzjoni tal-ħaddiema. L-approċċ tar-rotta kollha tiegħu kompla jsaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Marokk, il-Mauritania, is-Senegal, il-Kosta tal-Avorju, u l-Gambja. L-enfasi tinkludi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-tisħiħ tal-attivitajiet kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-protezzjoni, u l-migrazzjoni tal-ħaddiema, u l-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minn kwistjonijiet ta’ sigurtà fis-Saħel.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għar-rotta tal-Lvant tal-Mediterran adottat f’Ottubru 2023 jiffoka fuq il-prevenzjoni tat-tluq irregolari, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, u l-għoti ta’ perkorsi ta’ migrazzjoni legali. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu fl-Asja u l-Afrika. Attivitajiet li jsaħħu l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri tul ir-rotta kienu jinkludu l-appoġġ tal-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri fil-fruntieri tal-Lvant tat-Turkija, kif ukoll il-fruntieri esterni tal-art u tal-baħar tal-UE. L-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija u tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija tibqa’ essenzjali.

2.Ġestjoni msaħħa tal-fruntieri esterni

L-UE qed taħdem b’mod diliġenti, pass pass biex ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. L-avvanzi teknoloġiċi ġew akkumpanjati minn bidla radikali fil-mod kif l-Istati Membri tal-UE jaqsmu l-informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri.

Biex ittejjeb il-fehim tal-isfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà li qed jevolvu fil-fruntieri, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri u l-Aġenziji biex tiżviluppa għarfien komuni tas-sitwazzjoni tal-UE. Mill-2021, is-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) aġġornata tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali bi stampa aġġornata u eżawrjenti tas-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tal-UE. Dan jippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin, mal-Frontex u mal-pajjiżi ġirien.

B’reazzjoni għaż-żieda fil-wasliet irregolari, il-ħidma tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kriżijiet tal-Migrazzjoni ġiet intensifikata biex jittejbu d-detezzjoni bikrija u l-monitoraġġ tax-xejriet migratorji, filwaqt li jiġu mmirati oqsma ta’ tħassib għall-Istati Membri b’analiżi dettaljata u skambju ta’ informazzjoni biex jgħinu fl-antiċipazzjoni ta’ pressjonijiet ġodda fuq il-fruntiera esterna.

Iżda l-ħolqien ta’ għarfien tas-sitwazzjoni komprensiv u effiċjenti ma jiqafx fil-fruntieri esterni tal-UE. Huwa fundamentali li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u sħubija mal-pajjiżi ġirien u sħab. Inkiseb ħafna matul dan il-mandat, inklużi 17-il arranġament ta’ ħidma attiv tal-Frontex u 5 ftehimiet dwar l-istatus. Is-salvagwardji tad-drittijiet fundamentali huma inklużi b’mod sistematiku. Bħalissa hemm aktar minn 500 Uffiċjal ta’ Kollegament f’pajjiżi terzi li jaġixxu taħt Network komuni tal-UE. Ir-rwol tagħhom huwa li jiġbru u jikkondividu informazzjoni li hija essenzjali biex tinbena stampa komuni tas-sitwazzjoni fil-livell Ewropew.

Standard ogħli ġdid ta’ ġestjoni tal-fruntieri

L-UE kompliet bl-isforzi tagħha biex tistabbilixxi l-aktar sistema ta’ ġestjoni tal-fruntieri teknoloġikament avvanzata fid-dinja. Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża aġġornata se tagħlaq il-lakuni ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà permezz ta’ skambju aħjar ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri. Minn Marzu 2023, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen imġedda tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali b’informazzjoni aktar kompluta u affidabbli dwar in-nies biex jissaħħu s-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri.

Din is-sena se tkun ukoll pass importanti għat-tnedija tal-qafas tal-interoperabbiltà, li se jippermetti li s-sistemi ta’ informazzjoni ewlenin kollha jiġu konnessi. Dan huwa essenzjali biex tingħalaq kwalunkwe lakuna eżistenti li tista’ tiġi sfruttata mill-kriminali li jaħarbu mid-detezzjoni bl-użu ta’ identitajiet frodulenti. L-ewwel element kostitwenti, is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ għar-reġistrazzjoni ta’ vjaġġaturi minn pajjiżi terzi, se tibda fil-ħarifa. Se tiġi segwita ftit wara mill-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS għal vjaġġaturi eżentati mill-viża. Flimkien mal-bażi tad-data l-ġdida tal-Eurodac, se jkollna sorveljanza sħiħa fuq min jidħol fl-UE. Jekk tiġi identifikata theddida għas-sigurtà, il-persuna tinżamm taħt detenzjoni jew tiġi rritornata lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

Żieda fil-kapaċità operazzjonali fil-fruntieri esterni

Matul l-aħħar għaxar snin, il-fruntieri esterni tal-UE ġew imsaħħa progressivament permezz tal-iskjerament ta’ persunal mill-Aġenziji tal-UE biex jappoġġaw lill-Istati Membri. Bil-mandat imsaħħaħ tagħha, il-Frontex kienet kapaċi tappoġġa aħjar lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħhom f’konformità mal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri.

Illum, 2650 gwardja tal-fruntiera u tal-kosta fil-Korp Permanenti huma skjerati biex jappoġġaw lill-Istati Membri fil-kontrolli fil-fruntieri, operazzjonijiet ta’ ritorn, u sorveljanza tal-fruntieri. Huwa essenzjali li tkompli tiġi appoġġata l-Aġenzija biex tiżgura li tkun tista’ timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha, inkluż li jkollha 10 000 gwardja tal-fruntiera u tal-kosta fil-Korp Permanenti sal-2027. Biex jinkiseb dan, issa huwa kruċjali li l-Frontex, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni li akkumpanja l-evalwazzjoni tar-Regolament EBCG. Esperti mill-aġenziji tal-UE, bħall-EUAA, il-Europol, il-Frontex u l-Eurojust, huma skjerati f’punti ta’ dħul ewlenin biex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw persuni li jidħlu fl-Unjoni.

Proġetti pilota ġodda fil-fruntieri esterni ewlenin (il-Bulgarija mat-Turkija, ir-Rumanija mas-Serbja) taw spinta lill-ġestjoni tal-fruntieri esterni, saħħew il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u żguraw proċeduri rapidi tal-ażil u tar-ritorn. Dawn diġà qed iġibu riżultati tanġibbli — il-Bulgarija, pereżempju, irduppjat il-kapaċità tagħha li tospita uffiċjali tal-Korp Permanenti tal-Frontex minn 124 għal 264. Bl-istess mod, minn Marzu 2023 ’l hawn saru aktar minn 400 missjoni konġunta ta’ pattulja bejn ir-Rumanija u s-Serbja, li kkontribwew għall-ġestjoni b’suċċess tal-fruntiera esterna tar-Rumanija mas-Serbja. Iż-żewġ proġetti ġew estiżi lil hinn mill-perjodu inizjali ta’ implimentazzjoni (Marzu-Ottubru 2023). Filwaqt li jibnu fuq dan, il-Bulgarija u r-Rumanija se jiżviluppaw din il-ħidma f’kooperazzjoni fit-tul biex jagħtu spinta lill-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni u ffirmaw Oqfsa ta’ Kooperazzjoni għal dan l-għan. Din l-esperjenza ta’ suċċess tista’ sservi bħala bażi għal oqfsa kooperattivi usa’, inkluż fil-livell reġjonali.

It-titjib tal-kooperazzjoni fil-fruntieri tal-baħar

Mill-inqas min-nofs is-snin 1990, eluf ta’ persuni qasmu l-Mediterran kull sena bid-dgħajsa biex jippruvaw ifittxu ażil jew biex jemigraw lejn l-Ewropa, bir-riżultat li l-Baħar Mediterran sar sit ta’ għadd dejjem jikber ta’ mwiet ta’ migranti f’dawn l-aħħar snin. Il-ġestjoni ta’ din il-kosta twila 46 000 km teħtieġ aktar kooperazzjoni bejn l-atturi kollha biex jiġi żgurat li jiġu salvati l-ħajjiet.

L-Istati Membri tal-UE jwettqu operazzjonijiet ta’ salvataġġ estensivi biex jipprevjenu t-telf ta’ ħajjiet fuq il-baħar, appoġġati matul is-snin minn sensiela ta’ operazzjonijiet marittimi tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Madankollu, l-iżbarki kontinwi ta’ migranti salvati f’xi pajjiżi kostali tal-UE, li jirriżultaw kemm minn operazzjonijiet nazzjonali kif ukoll privati, għandhom impatt sinifikanti fuq is-sistemi tagħhom tal-ażil, tal-migrazzjoni u tal-ġestjoni tal-fruntieri.

L-għoti ta’ assistenza lil kwalunkwe persuna li tinsab f’diffikultà fuq il-baħar huwa obbligu skont id-dritt internazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea ma għandha l-ebda rwol formali fil-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ jew fid-determinazzjoni ta’ post ta’ sikurezza għall-iżbark ta’ persuni assistiti, peress li din hija kompetenza nazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni tkompli tippromwovi aktar kooperazzjoni strutturali f’dan il-qasam, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Kuntatt Ewropew dwar it-Tiftix u s-Salvataġġ, stabbilit fl-2021 bħala pjattaforma għal djalogu strutturat fost l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku u l-prattika li qed tevolvi tat-tiftix u s-salvataġġ.

L-Istati Membri tal-UE mhumiex l-uniċi li jmissu mal-Mediterran u l-isforzi ġew intensifikati biex jinvolvu pajjiżi terzi fuq in-naħa tal-Afrika ta’ Fuq biex jerfgħu parti mir-responsabbiltà għall-prevenzjoni tat-telf ta’ ħajjiet fuq il-baħar. Il-finanzjament tal-UE appoġġa l-għoti ta’ għarfien espert, tagħmir u taħriġ, kif ukoll il-bini tal-kapaċità ta’ korpi ewlenin bħaċ-Ċentru mobbli ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Marittimu fil-Libja. Il-bastimenti tat-tiftix u s-salvataġġ twasslu fil-Libja, filwaqt li l-magni u l-ispare parts ipprovduti lit-Tuneżija għenu biex jinżammu 17-il dgħajsa użati mill-gwardja tal-kosta, flimkien mal-forniment ta’ radar u sistemi ta’ komunikazzjoni. It-tagħmir huwa kkomplementat b’taħriġ: dan jinkludi l-użu tal-kunċett ta’ “ġestjoni umanitarja tal-fruntieri” tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni biex jitrawwem approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-ġestjoni tal-fruntieri fl-Eġittu, u taħriġ u monitoraġġ dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-Ministeru tal-Intern u l-gwardji tal-fruntiera tal-Libja. Il-ħidma li jmiss tinkludi akkademja ta’ taħriġ fil-Libja u l-iżvilupp ta’ kurrikulu għall-persunal Tuneżin. Il-programmi kollha relatati mal-migrazzjoni ffinanzjati mill-UE huma mmonitorjati mill-qrib inkluż permezz ta’ evalwazzjoni esterna, u s-sistema ta’ monitoraġġ indipendenti li diġà hija fis-seħħ għal-Libja se tissaħħaħ aktar xi mkien ieħor fl-Afrika ta’ Fuq, biex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni inkluża l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem.

Il-biċċa l-kbira tal-azzjoni tal-UE biex tindirizza l-qsim bil-baħar kienet li taħdem fuq il-prevenzjoni tat-tluq irregolari - permezz ta’ taħlita ta’ ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, kampanji ta’ informazzjoni estensivi biex jinfurmaw dwar ir-riskji fatali involuti fil-qsim bid-dgħajjes u l-forniment ta’ alternattivi kredibbli għal possibbiltajiet ta’ migrazzjoni legali. Sistema mtejba ta’ ritorn u kooperazzjoni akbar dwar ir-riammissjoni ma’ pajjiżi terzi jaġixxu wkoll bħala deterrent qawwi li jiskoraġġixxi l-qsim irregolari bil-baħar.

Il-Patt se jipprovdi parti oħra mis-soluzzjoni. L-ispeċifiċità tal-wasliet wara operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ hija indirizzata sew mil-leġiżlazzjoni l-ġdida. B’mod partikolari, il-qafas il-ġdid ta’ solidarjetà se jiżgura li l-pressjoni mill-wasliet ta’ tiftix u salvataġġ ma tinġarrx b’mod sproporzjonat mill-Istati tal-Mediterran waħedhom. Madankollu, l-indirizzar tar-realtajiet kumplessi tal-Mediterran jeħtieġ sforz kontinwu mill-atturi kollha, kemm biex jitnaqqas l-ispazju li fih joperaw il-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin kif ukoll biex jintemm it-telf ta’ ħajjiet bla bżonn.

3.L-immirar tan-networks kriminali li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ migranti

Aktar minn 90 % tal-migranti irregolari jaslu fl-UE bl-għajnuna ta’ persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ migranti. L-organizzazzjonijiet kriminali jagħmlu profitti kbar meta jpoġġu l-ħajjiet ta’ oħrajn f’riskju waqt vjaġġi perikolużi. Il-migranti irregolari mbagħad jiffaċċjaw il-prospett ta’ eżistenza prekarja u r-riskju ta’ sfruttament ulterjuri. Fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2023, il-President von der Leyen appellat għat-tisħiħ tal-għodod kollha għad-dispożizzjoni tal-UE biex tiġi miġġielda b’mod effettiv il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

Fil-pakkett kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin 2 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni pproponiet li taġġorna l-qafas ġuridiku ta’ 20 sena, li jiddefinixxi r-reat tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u jżid il-penali. Il-proposti tagħha jsaħħu wkoll il-governanza tal-UE dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni, filwaqt li jsaħħu r-rwol tal-Europol u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Ċentru Ewropew Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti msaħħaħ b’uffiċjali ta’ kollegament stazzjonati b’mod permanenti inkluż mill-Eurojust iġib bidla gradwali fil-kapaċità tal-Europol li tappoġġa l-operazzjonijiet u l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri fuq il-post.

B’mod parallel, tnediet Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti b’Sejħa għal Azzjoni. Il-linji ta’ ħidma ewlenin tagħha qed jipprevjenu lin-nies milli jisfaw vittmi tal-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin permezz ta’ ġestjoni msaħħa tal-fruntieri, kampanji ta’ informazzjoni u enfasi ġdida fuq l-aspetti diġitali tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin; ir-rispons għall-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin b’infurzar ikkoordinat tal-liġi u l-iżgurar li l-profitti kriminali jiġu sekwestrati; u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, billi jiġi appoġġat l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità, il-ħolqien ta’ opportunitajiet ekonomiċi sostenibbli u impjiegi deċenti kif ukoll billi jiġu pprovduti aktar alternattivi legali biex jiġi diżinċentivat it-tluq irregolari. Matul l-2024 se jsiru laqgħat dedikati tal-esperti dwar dawn il-kwistjonijiet.

Din il-ħidma tibni fuq il-Pjan ta’ Azzjoni mġedded kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti (2021–2025), li fetaħ toroq ġodda ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab f’dan il-qasam, permezz ta’ Sħubijiet Operazzjonali ddedikati u mfassla apposta kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin. Dawn jikkomplementaw il-ħidma li diġà għaddejja permezz tat-Task Forces Operazzjonali tal-Europol, b’mod partikolari tul ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali.

Sħubijiet Operazzjonali ddedikati u mfassla apposta kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ma’ pajjiżi sħab, Stati Membri u aġenziji tan-NU jindirizzaw il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin f’postijiet ewlenin. L-ewwel Sħubija tnediet mal-Marokk f’Lulju 2022, u fetħet il-bieb għal kooperazzjoni aktar profonda mal-Frontex u l-Europol, li tista’ tinkludi ftehim dwar arranġament ta’ ħidma kif ukoll l-iskjerament ta’ uffiċjal ta’ kollegament. Is-Sħubija Operazzjonali mat-Tuneżija maqbula f’April 2023 tkopri negozjati għal arranġament ta’ ħidma mal-Europol u aktar kooperazzjoni mas-CEPOL u se tiġi kkomplementata bi programm ta’ EUR 18-il miljun għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ persuni fit-Tuneżija. F’Novembru 2022 tnediet Sħubija Operazzjonali Reġjonali mal-Balkani tal-Punent u ġiet segwita minn programm reġjonali kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ EUR 36 miljun f’Ġunju 2023. Billi ffokat fuq l-appoġġ tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja kontra n-networks kriminali u billi użat il-finanzjament tal-UE u l-għarfien espert tal-aġenziji tal-UE biex tiżdied il-kapaċità tal-ġestjoni tal-fruntieri, diġà wasslet għal żieda fl-investigazzjonijiet, l-arresti u l-prosekuzzjonijiet.

Lil hinn mis-Sħubijiet Operazzjonali Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin, il-Kummissjoni qed taħdem permezz ta’ kooperazzjoni operazzjonali bilaterali u reġjonali kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti fl-Afrika u fl-Asja. Din il-kooperazzjoni tinkludi appoġġ għall-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-bini tal-kapaċità fil-ġestjoni tal-fruntieri tal-art u marittimi, kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni. Fir-rebbiegħa tal-2023 tnedew kampanji ta’ informazzjoni ffinanzjati mill-UE biex iwissu lill-migranti dwar il-perikli li jaċċettaw l-għajnuna mill-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin, li jimmiraw lejn il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu tul ir-rotot migratorji ewlenin, inklużi n-Niġerja, it-Tuneżija, il-Marokk, is-Senegal, il-Gambja, il-Pakistan, l-Iraq.

Il-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti spiss tista’ tisfrutta rotot tal-ivvjaġġar internazzjonali stabbiliti. Sett ta’ għodod li jindirizza l-użu ta’ mezzi kummerċjali tat-trasport biex tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni irregolari lejn l-UE ġie adottat mill-Kummissjoni f’Ġunju 2023. Dan jinkludi sett ta’ miżuri operazzjonali u diplomatiċi biex jiġi indirizzat l-użu ħażin dejjem akbar tat-trasport kummerċjali minn networks kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Is-sett ta’ għodod ġie attivat biex jinkwadra diskussjonijiet ma’ pajjiżi sħab (it-Turkija, il-Pakistan), u kkontribwixxa għat-tnaqqis tal-wasliet irregolari fl-UE, b’mod partikolari, f’Ċipru.

Il-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-migranti tista’ ssir aktar faċli wkoll meta n-nies ikunu jistgħu l-ewwel joqorbu lejn l-UE billi jisfruttaw ir-reġimi legali mingħajr viża fil-ġirien tal-UE. L-allinjament mar-reġimi mingħajr viża tal-UE jista’ jgħin biex jitnaqqsu dawn l-opportunitajiet għall-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ migranti. Inizjattiva miftiehma li tenfasizza l-interess reċiproku tal-allinjament tal-politika dwar il-viżi mal-UE mwettqa mill-Kummissjoni u l-Istati Membri ġabet riżultati sinifikanti fil-Balkani tal-Punent fl-2022 u l-2023. Biex tkompli ttaffi din il-vulnerabbiltà, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ l-għażliet għal azzjoni f’dan il-qasam, billi temenda l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża biex jinkludi n-nuqqas ta’ allinjament tal-politika dwar il-viżi bħala raġuni ġdida għas-sospensjoni tal-ivvjaġġar mingħajr viża. 

It-tlestija tas-sett ta’ għodod leġiżlattivi dwar il-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-migranti propost mill-Kummissjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin se tkun essenzjali fix-xhur u s-snin li ġejjin. Dan jinkludi l-proposti li jippermettu l-insegwiment u l-prosekuzzjoni aktar effettivi tal-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Is-segwitu kollettiv għas-sejħa għal azzjoni għal Alleanza Globali għall-Ġlieda Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti se jkun ukoll fokus ewlieni. L-ewwel grupp tematiku ta’ esperti li jiffoka fuq il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin diġitali huwa ppjanat għal April 2024 u se jiffoka fuq l-involviment ma’ fornituri ta’ servizzi online u kumpaniji privati biex tiġi indirizzata d-dimensjoni online tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Id-Danimarka qed tospita Konferenza dwar is-sħubijiet reċiproċi f’Mejju, opportunità importanti biex jittieħed kont u ssir ħidma fuq il-passi li jmiss. Kooperazzjoni prattika msaħħa bejn l-aġenziji tal-UE, l-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u s-sħab esterni se tkun il-bażi għal azzjoni kontra l-gruppi kriminali wara l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

4.Aktar assertività fir-ritorni

Ir-ritorni aktar effettivi huma parti importanti mir-rispons tal-UE għall-migrazzjoni irregolari u jnaqqsu wkoll l-inċentivi għal dawk li jikkunsidraw dħul mhux awtorizzat. L-istabbiliment ta’ sistema effettiva u komuni tal-UE għar-ritorni huwa pilastru ċentrali tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, affermat mill-ġdid ukoll mill-Istrateġija tal-UE għar-Ritorni Volontarji u r-Riintegrazzjoni.

Dan jirrikjedi, l-ewwel nett, sistemi effettivi fl-Istati Membri biex jimplimentaw deċiżjonijiet ta’ ritorn. L-UE ilha tappoġġa lill-Istati Membri f’dan il-proċess kemm permezz ta’ finanzjament kif ukoll permezz ta’ appoġġ operazzjonali mill-Aġenziji rilevanti tal-UE. Madankollu, il-proporzjon attwali ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn li huma implimentati b’mod effettiv għadu taħt wieħed minn kull ħamsa.

It-tisħiħ tal-azzjonijiet ta’ ritorn u r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn

L-istrutturi ddedikati issa qed jiffunzjonaw biex iwasslu appoġġ immirat lill-Istati Membri. Il-Koordinatur tar-Ritorn tal-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib man-Network ta’ Livell Għoli għar-Ritorn, jaħdem biex itejjeb il-prestazzjoni f’dan il-qasam.

F’dan il-kuntest, il-Pjan Direzzjonali għar-Ritorn stabbilit reċentement jipprovdi qafas flessibbli, li bħalissa jiffoka fuq ħames azzjonijiet ewlenin: azzjonijiet konġunti ta’ identifikazzjoni li jwasslu għall-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar appoġġati mill-Frontex fir-rigward ta’ seba’ destinazzjonijiet ta’ prijorità (l-Iraq, il-Bangladesh, il-Pakistan, it-Tuneżija, in-Niġerja, is-Senegal u l-Gambja); ritorn volontarju assistit, riintegrazzjoni sostenibbli u operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn mal-Frontex; il-ħruġ ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn fl-istess ħin ta’ deċiżjonijiet negattivi dwar l-ażil; rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u infurzar ta’ segwitu; u l-prijoritizzazzjoni tar-ritorni ta’ migranti irregolari li joħolqu theddida għas-sigurtà.

L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pjan Direzzjonali tiddependi fuq il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba u qed jiġu żviluppati workshops apposta għal dan l-għan, ospitati minn Ċipru, in-Netherlands, u l-Belġju. Il-Frontex se jħejji laqgħat ta’ koordinazzjoni fl-ewwel nofs tal-2024 għal kull pajjiż terz prijoritarju biex jgħin lill-Istati Membri jimmaniġġjaw il-każijiet ta’ ritorn tagħhom.

Għodda oħra biex tittejjeb l-effiċjenza tal-UE kollha kemm hi dwar ir-ritorni hija r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn. Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2023 irriżultaw f’użu akbar tal-allerti ta’ ritorn tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mill-Istati Membri: aktar minn 200 000 allert ġdid dwar ir-ritorn ġew introdotti mill-Istati Membri f’sitt xhur. Issa li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jaraw jekk persuna li tinqabad fit-territorju tagħhom tkunx diġà nħarġitilha deċiżjoni ta’ ritorn fi Stat Membru ieħor, din l-informazzjoni tista’ tintuża biex jitħaffef ir-ritorn. Bħalissa għaddejjin kuntatti esperti biex isir l-aħjar użu minn din l-opportunità. 3  

Opportunità mitlufa waħda hija r-riforma tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, proposta għall-ewwel darba fl-2018 u li għadha mhix miftiehma skont il-Patt. Ir-riforma ġġib titjib ewlieni fil-ġestjoni tal-politika ta’ ritorn. Din tgħin tipprevjeni u tnaqqas il-persuni milli jaħarbu u l-movimenti mhux awtorizzati, bi kriterju komuni biex jiġi vvalutat kull każ u l-possibbiltà li tintuża d-detenzjoni għal tħassib dwar l-ordni pubbliku u s-sigurtà.

Appoġġ għar-ritorn u r-riintegrazzjoni

Il-finanzjament tal-UE u l-appoġġ mill-Frontex jgħinu t-tnejn li huma l-Istati Membri fir-ritorn u r-riintegrazzjoni, inkluż billi jinkoraġġixxu r-ritorn volontarju u billi jżommu lill-persuni rimpatrijati potenzjali involuti fil-proċess ta’ ritorn. Dan jinkludi għajnuna prattika bħall-prenotazzjoni ta’ titjiriet, il-ħlas ta’ skorti tar-ritorn furzat, u l-ħidma mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) dwar ir-riintegrazzjoni.

Ir-ritorni mill-UE huma appoġġati kemm minn programmi bilaterali tal-Istati Membri kif ukoll mis-Servizzi Konġunti ta’ Riintegrazzjoni tal-Frontex, li joffru appoġġ għar-riintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati f’aktar minn 35 pajjiż terz (li għandhom jiġu estiżi għal madwar 50 pajjiż fil-futur qrib). Minn meta tnieda s-Servizz f’April 2022, ġew appoġġati aktar minn 5 500 benefiċjarju, b’aċċellerazzjoni fl-2023. 24 Stat Membru u Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen użaw is-Servizz, u koprew il-pajjiżi terzi kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. L-għoti regolari ta’ appoġġ għar-riintegrazzjoni, speċjalment għal każijiet ta’ ritorn sfurzat, intlaqa’ tajjeb mill-pajjiżi sħab, u kkontribwixxa għall-iffaċilitar tat-twettiq u l-aċċettazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn. Eżempju ta’ dan huwa l-appoġġ ta’ EUR 13-il miljun għar-riintegrazzjoni sostenibbli għall-persuni rimpatrijati mill-UE fil-Marokk, l-Eġittu u t-Tuneżija, kemm l-appoġġ dirett għall-persuni rimpatrijati nfushom kif ukoll l-appoġġ strutturali lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli

L-appoġġ għar-ritorn volontarju assistit minn pajjiżi sħab u r-riintegrazzjoni sostenibbli fil-pajjiżi ta’ oriġini huwa objettiv ewlieni ieħor. Mill-2021, l-UE ddedikat kważi EUR 400 miljun biex tappoġġa r-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni ta’ persuni rimpatrijati minn pajjiżi ta’ tranżitu fl-Afrika sub-Saħarjana. Bejn Awwissu 2022 u Jannar 2024, l-UE appoġġat aktar minn 17 000 migrant b’ritorn volontarju u miżuri sostanzjali ta’ riintegrazzjoni taħt dan il-programm.  Taħt programm ta’ EUR 68 miljun għar-ritorni volontarji mit-Tramuntana tal-Afrika, l-għadd ta’ migranti rritornati fis-sena kważi ttrippla bejn l-2020 u l-2023 (filwaqt li laħaq aktar minn 13 000 fl-2023), b’appoġġ sinifikanti għall-protezzjoni qabel ir-ritorn.

It-tisħiħ tar-ritorni huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent. Programm reġjonali ġdid ta’ ritorn ta’ EUR 13-il miljun se jkompli jappoġġa lis-sħab tal-Balkani tal-Punent biex joperazzjonalizzaw sistemi ta’ ġestjoni tar-ritorn effettivi u bbażati fuq id-drittijiet, inkluż kemm ir-ritorn volontarju kif ukoll dak mhux volontarju. Proġett pilota implimentat mill-IOM mal-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina appoġġa wkoll ir-ritorn mhux volontarju ta’ migranti irregolari, primarjament lejn il-Bangladesh u t-Turkija.

5. Rispons għal ħtiġijiet u kriżijiet akuti

L-UE intensifikat il-ħidma biex twieġeb għal varjetà ta’ pressjonijiet u kriżijiet mhux antiċipati li tfaċċaw matul l-aħħar erba’ snin. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ripetutament uriet kif l-appoġġ tal-UE jista’ jwassal għajnuna lill-Istati Membri esposti għal pressjoni migratorja partikolari fil-fruntiera esterna jew li jsofru minn żieda partikolari fil-wasliet irregolari. Billi tikkombina l-appoġġ mill-aġenziji - l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil, il-Europol u l-Frontex - il-finanzjament u l-appoġġ operazzjonali, l-UE tista’ timmira l-għajnuna malajr biex tindirizza ħtiġijiet speċifiċi.

Appoġġ immirat lill-Istati Membri taħt pressjoni

F’Ċipru, l-appoġġ huwa bbażat fuq Memorandum ta’ Qbil miftiehem ma’ Ċipru fi Frar 2022. Dan ikopri l-aspetti kollha tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, inkluż finanzjament sostanzjali biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza. Dan ta spinta lill-kapaċitajiet ta’ Ċipru għall-ġestjoni tal-fruntieri u għenitu jagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet taħt il-Mekkaniżmu ta’ Solidarjetà Volontarja, kif ukoll il-kapaċità ta’ ritorn tiegħu.

Fil-Greċja, il-Kummissjoni Ewropea ilha tappoġġa t-tisħiħ tas-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni, b’enfasi fuq it-titjib tal-faċilitajiet ta’ akkoljenza u fuq proċeduri tal-ażil u tar-ritorn aktar effiċjenti. Appoġġ finanzjarju, operazzjonali u tekniku sinifikanti għen lill-awtoritajiet nazzjonali f’dawn l-oqsma, tejjeb sostanzjalment il-kapaċità u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ akkoljenza, issimplifika l-proċeduri tal-ażil, u ta spinta kemm lir-rilokazzjonijiet kif ukoll lir-ritorni.

Meta waslu kważi 10 000 elf migrant f’Lampedusa fi żmien 72 siegħa f’Settembru 2023, l-UE pprovdiet appoġġ immedjat. Il-pjan ta’ 10 punti stabbilit mill-President von der Leyen mexa ’l quddiem b’mod effettiv. Minbarra l-appoġġ finanzjarju, l-aġenziji intbagħtu biex jgħinu fir-reġistrazzjoni tal-wasliet u fir-riferiment lill-awtoritajiet xierqa, kif ukoll b’persunal addizzjonali u b’assi ta’ sorveljanza. It-trasferimenti bl-ajru mill-gżira, iffinanzjati mill-assistenza ta’ emerġenza tal-UE, ikkontribwew ukoll biex tittaffa l-pressjoni. Din il-ħidma fuq il-post ġiet ikkomplementata minn sforzi mġedda biex jiġu indirizzati n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u l-isforzi diplomatiċi mat-Tuneżija u mal-pajjiżi ta’ oriġini kellhom impatt rapidu fuq it-tnaqqis tal-wasliet irregolari.

L-UE qed tappoġġa wkoll lil Spanja, kemm permezz ta’ appoġġ finanzjarju kif ukoll operazzjonali għal ġestjoni mtejba tal-fruntieri u faċilitajiet u proċeduri ta’ akkoljenza msaħħa fil-Gżejjer Kanarji, kif ukoll fuq il-kontinent. Dan jinkludi Operazzjonijiet Konġunti speċifiċi tal-Frontex biex jappoġġaw il-kapaċità ta’ Spanja li tiġġestixxi l-fruntieri esterni tagħha b’mod sikur u effettiv kemm il-fruntieri tal-baħar kif ukoll il-fruntieri tal-ajru.

Il-ġlieda kontra l-istrumentalizzazzjoni

Filwaqt li dawk li jiġġestixxu l-fruntiera esterna dejjem iridu jkunu mgħammra u mħejjija biex jittrattaw xejriet ta’ moviment li qed jinbidlu hekk kif ir-rotot u l-prattika mill-faċilitaturi ta’ dħul klandestin ta’ migranti jevolvu, f’dawn l-aħħar snin l-UE ffaċċjat sfidi ġodda b’għadd dejjem jikber ta’ inċidenti fejn il-migranti ġew strumentalizzati għal skopijiet politiċi.

L-UE aġixxiet mingħajr dewmien biex tipproteġi kemm l-individwi kkonċernati, kif ukoll il-fruntieri esterni tal-Unjoni. Meta r-reġim Belarussu strumentalizza lin-nies fit-tieni nofs tal-2021, l-UE ħadmet mill-qrib mal-awtoritajiet Litwani, Pollakki u Latvjani biex toffri protezzjoni tal-fruntieri msaħħa u finanzjament sod biex tappoġġa l-kapaċità tal-ażil u tal-akkoljenza. Sensibilizzazzjoni diplomatika intensifikata għenet biex jiġi evitat aktar sfruttament ta’ individwi u ffaċilitat ir-ritorn dinjituż tagħhom.

Sabiex tiġi evitata l-ħtieġa li wieħed jirrikorri għal miżuri ad hoc f’sitwazzjonijiet futuri ta’ strumentalizzazzjoni tal-migranti, il-Patt jipprovdi definizzjoni u qafas stabbli skont ir-regoli tal-UE dwar l-ażil u r-ritorn biex jiġi ċċarat kif l-Istati Membri jistgħu jiġġestixxu sitwazzjonijiet bħal dawn b’rispett sħiħ tad-dritt tal-UE, id-drittijiet fundamentali u l-obbligi internazzjonali.

Appoġġ lill-persuni li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna

Wieħed mill-aktar passi sinifikanti fil-politika tal-UE dwar l-ażil u l-migrazzjoni matul l-aħħar erba’ snin kien l-attivazzjoni, fuq proposta mill-Kummissjoni, tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, f’Marzu 2022, li s’issa kienet ta’ benefiċċju għal aktar minn erba’ miljun persuna li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Minkejja għadd kbir bla preċedent ta’ wasliet fi żmien qasir, l-UE għenet biex jiġi żgurat li kemm dawk li qed jaħarbu lejn l-UE kif ukoll l-Istati Membri li jirċevuhom ikunu appoġġati sew. Taħt il-Protezzjoni Temporanja, il-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra ngħataw akkomodazzjoni, aċċess għas-suq tax-xogħol, kura medika u edukazzjoni għat-tfal; b’hekk ġiet evitata ukoll pressjoni mhux maniġġabbli fuq is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri.

L-għodod ta’ koordinazzjoni biex jingħaqdu l-isforzi nazzjonali għandhom rwol ewlieni fit-twettiq konġunt. Biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, il-Kummissjoni stabbiliet il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà “Ukrajna”  4 biex tlaqqa’ flimkien l-atturi ewlenin kollha f’dan il-kuntest. Il-pjattaforma ta’ Solidarjetà mmonitorjat il-ħtiġijiet emerġenti ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fl-UE, u appoġġat il-koordinazzjoni ta’ rispons operazzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni waqqfet il-Pjattaforma għar-Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni Temporanja bħala mod kif l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni f’ħin reali dwar il-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u protezzjoni xierqa skont il-liġi nazzjonali.

Il-finanzjament tal-UE kkalibrat mill-ġdid kien kruċjali biex jiġu sostnuti l-isforzi tal-Istati Membri u tas-soċjetà ċivili, kif ukoll il-ħafna komunitajiet u individwi Ewropej li jappoġġaw lil dawk fil-bżonn. Il-Kummissjoni pproponiet l-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) f’Marzu 2022 li aktar tard ġiet imsaħħa b’CARE (+) li tappoġġa l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-aċċess għall-impjiegi, l-appoġġ mediku, soċjali u psikoloġiku. Dan minbarra l-appoġġ stabbilit għall-integrazzjoni permezz tal-finanzjament tal-UE. L-aġenziji tal-UE taw ukoll appoġġ dirett fuq il-post lill-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna u lill-Moldova. Id-Deċiżjoni li tiġi estiża aktar l-applikazzjoni tar-reġim ta’ protezzjoni temporanja sa Marzu 2025 turi l-impenn sod tal-UE għall-appoġġ lill-Ukrajna.

It-tnaqqis tal-movimenti sekondarji u t-turija ta’ solidarjetà

Matul l-aħħar erba’ snin, saru sforzi konsiderevoli biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri taħt pressjoni, jew minn wasliet fil-fruntieri esterni jew minn movimenti mhux awtorizzati fl-UE. Dan serva biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-sistema attwali ta’ Dublin sakemm jiġi implimentat il-Patt.

Sabiex jiġu appoġġati l-Istati Membri taħt pressjoni, b’mod partikolari mill-wasliet fuq il-baħar, ġie stabbilit il-Mekkaniżmu ta’ Solidarjetà Volontarja. Il-Kummissjoni tikkoordina dan il-mekkaniżmu, b’appoġġ mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil filwaqt li tivvaluta l-ħtiġijiet tal-Istati Membri tal-ewwel dħul u tagħmel monitoraġġ rigward ir-rispett tal-impenji magħmula, kemm għar-rilokazzjoni kif ukoll għas-solidarjetà finanzjarja. Minbarra aktar minn 4 000 rilokazzjoni li saru sal-lum, dan il-mekkaniżmu temporanju pprovda esperjenza siewja għall-kontribuzzjoni tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti, strutturat u prevedibbli li għandu jiġi stabbilit skont il-Patt, meta r-rilokazzjoni hija forma waħda possibbli ta’ appoġġ lill-Istati Membri taħt pressjoni.

Biex tgħin fl-indirizzar ta’ movimenti sekondarji, il-Kummissjoni ppreżentat prattiki tajbin dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali ta’ Dublin, bl-għan li tittejjeb il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri, tiżdied il-konformità mad-dritt tal-UE, u jiġi llimitat in-numru ta’ ħarbiet. L-għan ġenerali huwa li jittejjeb il-livell tat-trasferimenti ta’ Dublin u b’hekk jiġu limitati l-movimenti mhux awtorizzati bejn l-Istati Membri. Il-kisba tal-għanijiet u l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali ta’ Dublin tirrikjedi li l-Istati Membri jkomplu jimplimentawh bħala prijorità u jallokaw ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa lill-unitajiet ta’ Dublin. L-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali tibqa’ kruċjali, mhux biss biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali, iżda wkoll biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-Patt. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fil-kisba tal-objettivi kollha stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali ta’ Dublin.

IV.    Id-dimensjoni esterna: naħdmu ma’ pajjiżi sħab

L-Ewropa hija kontinent li l-istorja tiegħu ssawret minn ħafna popli. Il-migrazzjoni mhijiex fenomenu ġdid, u lanqas huwa wieħed li jaffettwa lill-Ewropa biss. Il-vjaġġi tal-migrazzjoni dejjem ikollhom bidu u tmiem u l-pajjiżi madwar id-dinja jiffaċċjaw ħafna mill-istess sfidi tagħna. Kwalunkwe politika Ewropea dwar il-migrazzjoni għandha tkun integrata bis-sħiħ fil-politika barranija tagħna. Politiki dwar il-migrazzjoni li jaħdmu sew huma fl-interess tal-pajjiżi sħab, tal-UE, kif ukoll fl-interess tar-refuġjati u tal-migranti stess.

1.Paradigma ġdida bbażata fuq sħubijiet komprensivi

Hekk kif ħadet il-kariga, il-Kummissjoni von der Leyen impenjat ruħha li tagħti ħarsa mill-ġdid lejn il-prijoritajiet tagħha, l-ewwel f’termini tal-post tal-migrazzjoni fir-relazzjonijiet esterni tagħha u politiki oħra, u mbagħad f’termini ta’ xi jfisser dan għar-relazzjonijiet ġenerali tagħna ma’ sħab speċifiċi.

Bħala prijorità ewlenija għall-UE kif ukoll bħala kwistjoni ta’ politika ewlenija għas-sħab, il-migrazzjoni hija parti integrali tal-approfondiment fir-relazzjonijiet li l-UE għandha mas-sħab madwar id-dinja. Bħalissa hemm sforz ċar biex jiġu stabbiliti sħubijiet aktar fil-fond ma’ pajjiżi terzi ewlenin li se jistabbilixxu kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni flimkien ma’ interessi ewlenin oħra.

Is-sħubijiet komprensivi li jinkorporaw il-migrazzjoni wrew li kienu ta’ suċċess fil-kisba ta’ riżultati ta’ benefiċċju reċiproku. Dan l-approċċ jeħtieġ ukoll li jitwessa’ u jikber b’aktar sħab. L-UE se jkollha bżonn ukoll tlesti l-bidla lejn mod aktar prammatiku u assertiv biex jiġi żgurat li l-interessi tagħna stess ikunu riflessi fis-sħubijiet li nżommu, mingħajr ma noqogħdu lura milli nużaw inċentivi, kemm pożittivi kif ukoll negattivi.

Il-migrazzjoni fi ħdan relazzjonijiet usa’ ma’ sħab tal-Afrika ta’ Fuq u ma’ sħab oħra

Is-sena li għaddiet rat sforz kbir biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni fil-Mediterran u fl-Atlantiku bħala parti mill-approfondiment tar-relazzjonijiet ġenerali mal-Afrika ta’ Fuq u ma’ sħab oħra. Il-Kummissjoni mexxiet missjonijiet ta’ Tim Ewropa mal-mexxejja tal-Istati Membri fit-Tuneżija f’Lulju 2023, il-Mauritania fi Frar 2024, u l-Eġittu f’Marzu 2024 biex tenfasizza l-impenn tal-UE li tiżviluppa sħubijiet komprensivi u ta’ benefiċċju reċiproku li fihom il-migrazzjoni hija element ewlieni, flimkien ma’ kwistjonijiet oħra importanti bħall-istabbiltà reġjonali u l-potenzjal enormi għall-iżvilupp ekonomiku f’oqsma bħall-enerġija rinnovabbli.

Dawn kienu temi ewlenin fil-Memorandum ta’ Qbil li ntlaħaq mat-Tuneżija f’Lulju 2023, li jħares lejn l-istabbiltà makroekonomika, l-ekonomija u l-kummerċ, l-enerġija ekoloġika u l-kuntatti bejn il-persuni. Taqsima dwar il-migrazzjoni tmexxiet ’il quddiem flimkien mal-prijoritajiet l-oħra u rat tnaqqis kbir fit-tluq mit-Tuneżija mill-ħarifa tal-2023. Sħubija komprensiva ġdida mal-Eġittu se tiffoka fuq l-istabbiltà ekonomika, l-investiment, il-kummerċ, kif ukoll il-migrazzjoni u l-mobbiltà, is-sigurtà u l-iżvilupp tal-kapital uman.

Mal-Mauritania, l-UE pproponiet li tapprofondixxi l-kooperazzjoni f’ħafna oqsma, b’enfasi fuq it-tranżizzjoni ekoloġika. Dikjarazzjoni Konġunta speċifika dwar sħubija dwar il-migrazzjoni ffirmata f’Marzu 2024 se tkun akkumpanjata minn assistenza u kooperazzjoni, flimkien ma’ opportunitajiet soċjoekonomiċi aħjar għaż-żgħażagħ fil-Mawritanja, appoġġ għall-akkoljenza tar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti li jilqgħuhom, għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

L-indirizzar tal-kawżi ewlenin

L-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien jibqgħu l-akbar fornitur ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp fid-dinja. L-istrateġija ta’ investiment tal-UE b’appoġġ għall-investimenti fl-infrastruttura sostenibbli, Global Gateway, se timmobilizza sa EUR 300 biljun sal-2027 sabiex tingħata spinta lill-konnettività u jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Aktar minn nofs l-ammont totali se jiġi investit fl-Afrika, filwaqt li EUR 77 biljun se jkunu ddedikati għall-Pjanijiet Ekonomiċi u ta’ Investiment għas-Sħubija tal-Lvant, il-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Balkani tal-Punent.

Minbarra l-impatt ġenerali ta’ dan l-impenn massiv għall-iżvilupp ekonomiku, l-azzjoni tal-UE hija ffukata b’mod aktar speċifiku fuq l-appoġġ tas-sħab fil-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari billi jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha. L-opportunitajiet ekonomiċi sostenibbli, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, is-servizzi soċjali, l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u aċċess akbar għall-finanzi jista’ jkollhom effett importanti fuq it-tnaqqis tal-pressjoni għall-migrazzjoni irregolari. L-investimenti tad-dijaspora fil-pajjiżi ta’ oriġini jistgħu jgħinu wkoll biex titnaqqas din il-pressjoni, filwaqt li r-rimessi jistgħu jiġu użati favur l-iżvilupp. L-UE taħdem mas-sħab biex tindirizza l-kawżi differenti tal-migrazzjoni u tal-ispostament furzat, inkluż il-faqar u l-governanza ħażina, id-diżastri, l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, il-kunflitti, u l-instabbiltà kemm fil-pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll f’dawk ta’ tranżitu.

Naħdmu flimkien fuq il-post

L-UE tinvesti f’firxa wiesgħa ta’ djalogi mas-sħab biex tgħin lill-pajjiżi terzi jtejbu u/jew jiżviluppaw il-politiki u s-sistemi tagħhom stess dwar il-migrazzjoni u l-ażil, biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom għall-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, biex jipprovdu protezzjoni internazzjonali, u biex jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi bħar-riintegrazzjoni effettiva wara r-ritorn.

Id-djalogi dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi sħab prijoritarji jirriflettu dan l-approċċ komprensiv għall-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni. Pereżempju, id-Djalogu dwar il-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu jkopri l-ġestjoni tal-fruntieri, ir-ritorni u r-riintegrazzjoni, il-protezzjoni, u l-migrazzjoni tal-ħaddiema, u l-għoti ta’ appoġġ għar-refuġjati Sudaniżi meqjus prijorità importanti. It-tieni Djalogu ta’ Livell Għoli dwar il-Migrazzjoni mat-Turkija f’Novembru 2023 ikkonferma r-rieda taż-żewġ naħat li jsaħħu l-kooperazzjoni bilaterali. L-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija u tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija jibqgħu ċentrali għall-kooperazzjoni: minbarra l-ospitar ta’ refuġjati mis-Sirja, fost il-ħidma ewlenija nsibu l-għajnuna biex jiġu evitati d-dħul irregolari fil-pajjiż u t-tluq minnu u l-ġlieda kontra n-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin. F’Marzu 2023, fl-Asja, il-Kummissjoni nediet żewġ Djalogi komprensivi dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità mal-Bangladesh u l-Pakistan. Il-ħidma li għaddejja ma’ sħab oħra bħan-Niġerja, l-Iraq, it-Tuneżija, il-Marokk u l-Mawritanja tippermetti li jinstemgħu l-interessi ta’ kull sieħeb fil-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet.

Il-bini tal-kapaċitajiet fil-Balkani tal-Punent jinkludi wkoll it-tħejjija leġiżlattiva tal-pajjiżi kandidati għar-responsabbiltajiet futuri tagħhom dwar il-migrazzjoni u l-ażil bħala Stati Membri. Temi ewlenin oħra jinkludu l-kapaċitajiet ta’ akkoljenza, u l-appoġġ operazzjonali mill-aġenziji tal-UE u l-finanzjament biex jgħinu lis-sħab tal-Balkani tal-Punent itejbu s-sistemi ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri tagħhom. L-iskjerament ta’ gwardji tal-fruntiera mill-Frontex u ta’ pattulji konġunti biex jappoġġaw il-ġestjoni tal-fruntieri ġie estiż permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda dwar l-istatus (ara hawn taħt).

Din il-kooperazzjoni hija permessa bis-saħħa ta’ kontribuzzjoni kbira mill-finanzjament tal-UE. B’10 % tal-programm NDICI-Ewropa Globali (Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali) allokat għall-migrazzjoni u azzjonijiet relatati mal-ispostament furzat, għaddejjin aktar minn 190 proġett, b’valur ta’ madwar EUR 5,3 biljun. Dan pereżempju jfisser li EUR 691 miljun ġew iddedikati għal azzjonijiet fl-Afrika ta’ Fuq fl-2021-23, bi kważi żewġ terzi ta’ dan iddedikat għat-tisħiħ tal-governanza u l-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil. L-indirizzar tal-migrazzjoni u l-isfidi esterni fil-Viċinat tan-Nofsinhar b’mod komprensiv se jissaħħaħ aktar bid-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill Ewropew biex jirrinforza aktar il-finanzjament tal-migrazzjoni. 5

Il-finanzjament tal-UE huwa kkomplementat u amplifikat ukoll minn appoġġ ipprovdut mill-Istati Membri tal-UE u sħab oħra fl-Inizjattivi ta’ Tim Ewropa. Dawn jiffukaw fuq il-ħidma rigward prijoritajiet kritiċi dwar il-migrazzjoni f’pajjiż jew reġjun partikolari, fejn sforz koordinat u koerenti jista’ jkollu impatt trasformattiv. L-inizjattivi ta’ Tim Ewropa fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u għar-rotot tal-Atlantiku u tal-Mediterran tal-Punent tnedew it-tnejn fil-livell politiku f’Diċembru 2022, biex jiġu appoġġati attivitajiet tul ir-rotot ewlenin lejn l-UE kif ukoll jiġu identifikati lakuni u duplikazzjonijiet, tisaħħaħ il-koordinazzjoni lokali u jiġu pprijoritizzati azzjonijiet konġunti, filwaqt li Inizjattiva oħra ta’ Tim Ewropa tindirizza s-sitwazzjoni ta’ spostament reġjonali Afgan.

Appoġġ għall-protezzjoni madwar id-dinja

Kull sena, miljuni ta’ persuni jiġu mġiegħla jitilqu minn djarhom minħabba kunflitt, vjolenza, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, persekuzzjoni, diżastri, u l-impatti tat-tibdil fil-klima. L-għadd ta’ persuni spostati bil-forza laħaq livelli mingħajr preċedent fl-2023 u bħalissa huwa ta’ 110 miljun persuna spostata madwar id-dinja. Il-maġġoranza vasta tagħhom qed jiġu ospitati f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-UE se żżomm l-impenn tagħha li tgħinhom.

L-UE u l-Istati Membri tagħha, flimkien, huma d-donatur ewlieni fid-dinja b’appoġġ għar-refuġjati, u jikkontribwixxu għal 42 % tal-finanzjament globali 6 . Fl-2022, l-UE waħedha pprovdiet EUR 2,4 biljun għal appoġġ umanitarju, għall-iżvilupp u għall-paċi għall-benefiċċju tar-refuġjati u l-ospitanti tagħhom. Matul dawn l-aħħar ftit snin, madwar 80 % tal-baġit umanitarju tal-UE ġie allokat kull sena għal proġetti li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ persuni spostati b’mod furzat u l-komunitajiet ospitanti tagħhom madwar id-dinja.

Dan jinkludi appoġġ kbir tal-UE lit-Turkija, li tospita aktar minn 4 miljun refuġjat u affrontat sfida enormi mill-kriżi Sirjana, b’appoġġ ta’ EUR 10 biljun mill-2011. L-UE appoġġat ukoll lill-Ġordan, lil-Libanu u lill-Iraq biex jindirizzaw l-impatt tal-kriżi Sirjana, kif ukoll biex jaqdu rwol sinifikanti fil-mobilizzazzjoni tal-għajnuna minn donaturi oħra.

Bejn l-2021 u l-2023, kważi EUR 150 miljun ġew allokati għal azzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni fil-Libja, it-Tuneżija, il-Marokk u l-Eġittu, pereżempju l-iżgurar ta’ aċċessibbiltà u kura akbar fil-livell lokali għall-migranti f’sitwazzjonijiet vulnerabbli ħafna, l-iffaċilitar tal-aċċess għal servizzi bażiċi, it-titjib fil-kwalittà tal-għajxien, u fil-każ tal-Libja, li jippermettu t-trasferiment miċ-ċentri ta’ detenzjoni ta’ refuġjati rreġistrati u persuni li jfittxu asil għal ambjenti urbani.

L-UE kkontribwiet ukoll finanzjament umanitarju sostanzjali fl-Afganistan, fl-Iran u fil-Pakistan li jammonta għal aktar minn EUR 665 miljun mill-2019, filwaqt li impenjat ukoll aktar minn EUR 400 miljun biex tgħin fl-indirizzar tal-ispostament tar-Rohingya, prinċipalment fil-Bangladesh. Appoġġ umanitarju u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp huwa pprovdut ukoll lil pajjiżi ospitanti oħra fl-Asja, fl-Afrika u fl-Amerika Latina li qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet sinifikanti ta’ spostament, pereżempju, il-Kolombja, l-Uganda, iċ-Chad u l-Mozambique.

Impenn multilaterali

Il-kooperazzjoni tal-UE mal-aġenziji tan-NU għadha ta’ valur kbir għaż-żewġ naħat. Is-sħubija multidimensjonali u mill-qrib mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) tkopri l-aspetti kollha tal-migrazzjoni u l-ispostament furzat u kompliet tapprofondixxi permezz tar-rispons għall-kriżi tal-ispostament ikkawżata mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Flimkien, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi għall-IOM u t-tieni l-akbar għall-UNHCR. Il-kooperazzjoni ġiet estiża wkoll fir-rigward tal-għarfien tas-sitwazzjoni u t-tħejjija, bl-UNHCR u l-IOM issa jipparteċipaw fin-Network tal-Mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni. Il-kriżi tal-ispostament tal-Ukrajna saħħet ukoll il-kooperazzjoni tal-UE mal-UNICEF dwar l-assistenza lit-tfal 7 . L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) huwa sieħeb mill-qrib tal-UE wara s-Sejħa għal Azzjoni fil-kuntest tal-Alleanza Globali kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

L-UE tappoġġa għadd ta’ proċessi reġjonali għall-promozzjoni tal-approċċ ta’ rotta sħiħa: id-djalogu Ewro-Afrikan dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp (il-Proċess ta’ Rabat), l-Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika (il-Proċess ta’ Khartoum), is-Sħubija tar-Rotot tal-Ħarir għall-Migrazzjoni (il-Proċess ta’ Budapest), u l-Proċess ta’ Praga (il-Balkani tal-Punent, il-Viċinat tal-Lvant u l-Asja Ċentrali). Sa mill-2018, l-UE appoġġat ukoll il-proċess ta’ Niamey fl-Afrika tal-Punent u ta’ Fuq għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti u t-Traffikar tal-Bnedmin.

Il-Ftehim ta’ Samoa l-ġdid iffirmat mill-UE u l-Istati Membri tagħha f’Novembru 2023 mal-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, li jipprovdi qafas legali għar-relazzjonijiet fl-għoxrin sena li ġejjin, jinkludi taqsima msaħħa dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà.

Il-ħidma tat-Task Force Tripartitika konġunta UA-UE-NU biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi tal-migrazzjoni li qed tiffaċċja l-Libja tkompli fuq il-post. Il-prijoritajiet maqbula 8 jinkludu l-ħidma lejn it-tmiem tad-detenzjoni arbitrarja tal-migranti fil-Libja u l-iżvilupp ta’ alternattivi għad-detenzjoni, u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin.

Flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha, l-UE qed tappoġġa l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Ruma għall-Iżvilupp u l-Migrazzjoni fir-reġjun tal-Mediterran, il-Lvant Nofsani u l-Afrika mniedi f’Lulju 2023 u l-proċess kontinwu ta’ Ruma, li jsegwi approċċ komprensiv biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari, minn investimenti ekonomiċi għal rotot legali, u minn protezzjoni għal miżuri kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin.

2.Il-promozzjoni ta’ rotot legali bħala alternattiva għall-migrazzjoni irregolari

Il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni legali hija wieħed mill-elementi ta’ sħubijiet imfassla apposta u ta’ benefiċċju reċiproku li jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati sfidi kondiviżi u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi ta’ riammissjoni.

Sħubiji ta’ Talent

Is-sħubijiet ta’ Talent imħabbra fil-Patt isaħħu r-rotot legali lejn l-UE filwaqt li jinvolvu lill-pajjiżi sħab b’mod strateġiku dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni, b’mod partikolari billi jgħinu biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari u jinċentivaw lis-sħab biex jikkooperaw dwar ir-ritorn u r-riammissjoni. Il-programmi tal-Kummissjoni li jġibu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi sħab biex jistudjaw, jitħarrġu jew jaħdmu fl-UE jikkontribwixxu għal dawn is-sħubijiet, flimkien mal-finanzjament u l-assistenza għall-bini tal-kapaċità f’oqsma bħall-informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol u l-iżvilupp tal-ħiliet, it-tisħiħ tal-governanza tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Kull wieħed minnhom huwa mfassal apposta bi prijoritajiet definiti mill-UE, l-Istati Membri u l-pajjiż sieħeb. Sabiex il-potenzjal ta’ din l-għodda jintlaħaq bis-sħiħ, l-involviment tal-Istati Membri fil-livell tal-UE se jkun essenzjali biex jiġi massimizzat l-effett ta’ ingranaġġ li l-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema jista’ jkollha fuq ir-riammissjoni.

Sa issa, il-Kummissjoni pprijorattizat it-tnedija ta’ sħubijiet bħal dawn mal-Marokk, mat-Tuneżija, mal-Eġittu, mal-Pakistan u mal-Bangladesh. Huma previsti wkoll Sħubijiet ta’ Talent man-Niġerja u mas-Senegal, skont kooperazzjoni mtejba dwar il-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet ta’ migrazzjoni. Wara l-ewwel diskussjonijiet madwar mejda tas-Sħubija ta’ Talent ma’ kull pajjiż sieħeb fl-2023, fl-ewwel nofs tal-2024 qed issir sensiela ġdida ta’ skambji ta’ diskussjonijiet.

L-attirar tat-Talent

It-tkabbir ekonomiku tal-UE qed jiġi mfixkel minn nuqqasijiet serji ta’ ħaddiema li jaffettwaw bosta setturi fl-Istati Membri. Filwaqt li l-miżuri biex jiġi massimizzat il-potenzjal tal-forza tax-xogħol domestika tal-UE huma l-ewwel prijorità, il-migrazzjoni tal-ħaddiema hija parti neċessarja mis-soluzzjoni. Biex tibqa’ kompetittiva, l-UE jeħtiġilha tattira l-ħiliet u t-talent, filwaqt li tibni aktar fuq il-miżuri li diġà ttieħdu inklużi d-Direttiva riveduta dwar il-Karta Blu tal-UE u d-Direttiva dwar il-Permess Uniku. Se tkun meħtieġa aktar ħidma biex titlesta r-riforma tad-Direttiva dwar ir-Residenti fit-Tul biex ikun aktar faċli li jinkiseb status ta’ residenza fit-tul billi jiġu ssimplifikati l-proċeduri. F’Novembru 2023, il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi Riżerva ta’ Talent tal-UE, l-ewwel pjattaforma għall-UE kollha biex tiffaċilita r-reklutaġġ internazzjonali f’setturi li qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ ħaddiema. L-iżvilupp ta’ dan se jkun qasam ewlieni ta’ ħidma fis-snin li ġejjin, flimkien ma’ miżuri ta’ integrazzjoni biex jiġi żgurat li l-migranti jkunu jistgħu jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom fis-suq tax-xogħol.

Kontribut għall-isforzi globali ta’ risistemazzjoni

Il-programmi ta’ risistemazzjoni tal-UE ppermettew lir-refuġjati l-aktar vulnerabbli jaslu fl-Ewropa mingħajr ma jkollhom jirrikorru għal networks kriminali ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin jew jipperikolaw ħajjithom billi jieħdu rotot perikolużi. L-UE tibqa’ impenjata li tipprovdi rotot sikuri u legali għal dawk li jeħtieġu protezzjoni. Bil-Qafas il-ġdid tal-UE għar-Risistemazzjoni skont il-Patt, l-UE se jkollha sistema permanenti li ssaħħaħ ir-rekord tal-UE li tikkontribwixxi għall-isforzi globali ta’ risistemazzjoni. Għall-2024–25, l-Istati Membri wiegħdu li jilqgħu aktar minn 60 000 persuna permezz tal-iskema ta’ risistemazzjoni u ammissjoni umanitarja tal-UE. Matul dawn l-aħħar tliet snin, il-finanzjament tal-UE biex jappoġġa lill-Istati Membri laħaq aktar minn EUR 318 miljun. L-UE tkompli wkoll tappoġġa l-evakwazzjoni umanitarja ta’ persuni mil-Libja għal Mekkaniżmi ta’ Tranżitu ta’ Emerġenza fin-Niġer u fir-Rwanda għal risistemazzjoni ulterjuri biex tgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli jaħarbu minn ċirkostanzi ddisprati.

3.L-użu ta’ ingranaġġ kollettiv għar-riammissjoni

Biex ir-ritorn u r-riammissjoni jiffunzjonaw b’mod effettiv, il-pajjiżi ta’ oriġini jridu jikkooperaw fl-identifikazzjoni taċ-ċittadini tagħhom, joħorġu dokumenti tal-ivvjaġġar u jaċċettaw operazzjonijiet ta’ ritorn. Dan huwa obbligu skont id-dritt internazzjonali, kif ukoll taħt għadd ta’ strumenti multilaterali u ftehimiet u arranġamenti bilaterali ta’ riammissjoni. Madankollu, fil-prattika, il-kooperazzjoni spiss ma tkunx biżżejjed u jeħtieġ li tkun appoġġata b’mod strateġiku minn involviment fil-livelli kollha, permezz ta’ approċċ ta’ Tim Ewropa u l-użu strateġiku tal-politiki u l-għodod rilevanti kollha.

Il-Kummissjoni u s-SEAE saħħew l-użu tad-diplomazija u l-piż kollettiv tal-UE biex jisfruttaw il-politiki tal-UE biex tiġi appoġġata azzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni. Il-politika dwar il-viżi pprovdiet għodod ġodda għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni f’dan il-qasam.

Skont l-Artikolu 25a tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Kummissjoni tivvaluta regolarment il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni u tirrapporta lill-Kunsill. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u b’kont meħud tar-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tipproponi miżuri restrittivi dwar il-viża. Dan il-proċess kien strumentali fl-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-isfidi u wassal għal djalogu msaħħaħ dwar ir-riammissjoni ma’ diversi sħab, bi djalogu u kooperazzjoni mtejba mas-sħab inklużi l-Iraq, il-Bangladesh u l-Gambja. Ir-raba’ rapport ġie ppreżentat f’Lulju 2023, u ġiet adottata proposta ġdida għal miżuri restrittivi tal-viża għall-Etjopja, flimkien ma’ proposta biex jiġu rtirati parzjalment il-miżuri restrittivi fis-seħħ għall-Gambja.

Il-mekkaniżmu tal-Artikolu 25a ikopri biss il-pajjiżi li jeħtieġu viża. Għall-64 pajjiż li magħhom l-UE għandha fis-seħħ reġim mingħajr viża, il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża huwa salvagwardja kontra l-abbuż tal-ivvjaġġar mingħajr viża li jista’ jirriżulta f’migrazzjoni irregolari. Filwaqt li dan il-mekkaniżmu jista’ jaġixxi bħala deterrent qawwi, ġie attivat darba biss. Il-konklużjoni tar-riforma ta’ dan il-mekkaniżmu se tkun essenzjali biex tagħmilha aktar faċli biex tintuża kif ukoll biex tiġi indirizzata firxa akbar ta’ abbużi tal-ivvjaġġar mingħajr viża, bħaż-żieda fil-wasliet irregolari minħabba n-nuqqas ta’ allinjament mal-politika tal-UE dwar il-viżi, l-iskemi taċ-ċittadinanza tal-investituri f’pajjiżi mingħajr viża, jew theddid ibridu, bħall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorizzat mill-Istat. Ir-riforma tinkorpora wkoll regoli aktar stretti għall-abbużi relatati ma’ talbiet għall-ażil bla bażi (fl-2023, 23 % tal-applikazzjonijiet kollha għall-ażil fl-UE ġew minn pajjiżi mingħajr viża).

Għodda potenzjali oħra biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni tista’ tkun is-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi riveduta (ir-Regolament SĠP). Il-Kummissjoni pproponiet dispożizzjoni ġdida fir-regolament, li tintroduċi kriterju ġdid għall-irtirar ta’ trattament tariffarju preferenzjali mogħti unilateralment mill-UE, dak ta’ nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ riammissjoni taċ-ċittadini proprji. Dan iżid l-inċentiv għall-pajjiżi terzi biex jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom u jrawmu ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni. Bħalissa dan ir-regolament qed jiġi nnegozjat.

Il-bidla fil-paradigma li l-UE kisbet fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi diġà qed turi riżultati b’saħħithom u din se tkompli tkun tema dominanti tal-ħidma tal-UE għas-snin li ġejjin. Inċentivi pożittivi – inkluż fl-oqsma tal-kummerċ, l-iżvilupp, il-migrazzjoni legali – jeħtieġ li jintużaw b’mod strateġiku u koerenti sabiex ikunu ta’ benefiċċju għall-kooperazzjoni dinamika pożittiva tagħhom dwar ir-riammissjoni.

V.    APPOĠĠ MILL-AĠENZIJI TAL-UE

Karatteristika importanti biex il-politiki tal-migrazzjoni tal-UE u dawk nazzjonali jiġu fdati hija l-konsistenza tal-implimentazzjoni, li tirrekjedi monitoraġġ u appoġġ operazzjonali msaħħa min-naħa tal-Aġenziji tal-UE. Matul l-aħħar għaxar snin, l-espansjoni operazzjonali tal-mandati tal-aġenziji tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni tal-UE ppermettitilhom iżidu l-livell ta’ appoġġ tagħhom lill-Istati Membri u jiskjeraw il-persunal u l-esperti tagħhom f’oqsma bħall-kontroll tal-fruntieri, ir-ritorni u l-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil.

Il-Frontex

Bil-mandat imsaħħaħ tagħha, il-Frontex żiedet l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni, tipprovdi servizzi, informazzjoni, tagħmir u aċċess għal għodod u għarfien espert li jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi migratorji fl-Istati Membri. Kif stabbilit hawn fuq, dan jinkludi rwol dejjem akbar fil-qasam tar-ritorni. L-istabbiliment progressiv tal-Korp Permanenti jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq il-mira ta’ 10 000 sal-2027, bl-għan li jkun mgħammar u mħarreġ bis-sħiħ biex jipprovdi appoġġ sostanzjali għall-kontroll tal-fruntieri u r-ritorn. Madankollu, dan parzjalment jiddependi li l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jipprovdu persunal kemm permezz ta’ sekondar fit-tul kif ukoll permezz ta’ skjeramenti għal żmien qasir.

Il-Frontex żiedet ukoll l-aġilità tagħha biex tindirizza aħjar il-bżonnijiet għal għarrieda u t-theddid ibridu, kif intwera fil-Finlandja bir-rispons rapidu tagħha, fi tmiem l-2023. Minbarra l-appoġġ operazzjonali, il-Frontex għandha rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri.

Il-Frontex tappoġġa wkoll il-bini tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-fruntieri ta’ pajjiżi terzi sħab. Ġenerazzjoni ġdida ta’ Ftehimiet dwar l-Istatus bejn l-UE u pajjiżi terzi tippermetti l-iskjerament tal-Korp Permanenti tal-Frontex b’setgħat eżekuttivi bejn żewġ pajjiżi mhux tal-UE, li jippermettu ħidma konġunta ta’ kontroll tal-fruntieri fl-ajru, il-baħar u l-art. Dawn ġew iffirmati s’issa bejn l-UE u l-Albanija, il-Moldova, il-Montenegro u l-Maċedonja ta’ Fuq. Dalwaqt għandu jiġi ffirmat ftehim mas-Serbja, u fit-12 ta’ Frar kien hemm qbil uffiċjali li n-negozjati għandhom jibdew mal-Bosnja-Ħerzegovina.

Il-Frontex għandha wkoll arranġamenti ta’ ħidma li jippermettu kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi f’oqsma li jinkludu l-iskambju ta’ informazzjoni, il-bini tal-kapaċitajiet u l-analiżi tar-riskju. Bħalissa jeżistu arranġamenti bħal dawn mal-Albanija, il-Georgia, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo 9*, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Ażerbajġan, it-Turkija, l-Armenja, in-Niġerja, Cape Verde, il-Kanada, il-Montenegro, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Moldova, l-Ukrajna u r-Renju Unit 10 . L-Aġenzija bħalissa qed tinnegozja 16-il arranġament ta’ ħidma ieħor, inkluż mas-sħab tal-Afrika tat-Tramuntana u tal-Punent, filwaqt li taġġorna l-arranġamenti eżistenti ma’ sħab oħra.

Għal dawn il-kompiti l-ġodda kollha, il-Frontex adottat u implimentat Strateġija għad-Drittijiet Fundamentali, li tiżgura l-konformità tal-Aġenzija mad-dritt tal-UE u dak internazzjonali, inkluż il-prinċipju ta’ non-refoulement.

Skjeramenti tal-Frontex

Fil-bidu tal-2024, il-Frontex għandha 22 attività operazzjonali għaddejjin, li jappoġġaw lill-Istati Membri u lill-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen fil-kontroll tal-fruntieri u r-ritorn, kif ukoll ma’ pajjiżi sħab. Bħalissa, l-Aġenzija għandha aktar minn 2 700 membru tal-korp permanenti skjerati. L-operazzjonijiet jipprovdu appoġġ għas-sorveljanza tal-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ajru. Fost kompiti oħra, huma jappoġġaw il-verifiki fuq il-fruntieri fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ ritorn.

Iċ-ċifri ta’ hawn fuq jinkludu l-operazzjonijiet tal-Frontex f’pajjiżi terzi. Fil-bidu tal-2024, il-Frontex kellha aktar minn 500 uffiċjal fil-Balkani tal-Punent, fl-Albanija, fil-Montenegro, fil-Maċedonja ta’ Fuq u fis-Serbja, kif ukoll fil-Moldova, li jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġestjoni tal-fruntieri, is-sorveljanza, l-identifikazzjoni ta’ dokumenti ffalsifikati u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, kif ukoll ġew skjerati vetturi rilevanti.

Aġenzija tal-UE għall-Ażil

F’Jannar 2022, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) sar l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil (EUAA), aġenzija sħiħa b’aktar għodod biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-ażil u tal-akkoljenza. Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ, li l-metodoloġija tiegħu tħejjiet fl-2023, se jissorvelja l-applikazzjoni operazzjonali u teknika tal-obbligi legali tal-UE u b’hekk jikkontribwixxi għal sistema tal-ażil tal-UE aktar armonizzata. Minbarra li tgħin fil-ħidma tal-Istati Membri direttament, il-ħidma tal-EUAA biex tuża standards operazzjonali, gwida u taħriġ biex tallinja l-prattiki tal-ażil u tal-akkoljenza tal-Istati Membri tippromwovi konverġenza akbar u tgħin biex jitnaqqsu l-movimenti sekondarji.

L-EUAA appoġġat il-ħidma tal-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri taħt pressjoni migratorja fil-bini ta’ governanza b’saħħitha tal-ażil b’assistenza operazzjonali u teknika lill-Istati Membri dwar is-sistemi tal-ażil u tal-akkoljenza tagħhom.

L-EUAA tipprovdi wkoll appoġġ għall-bini tal-kapaċità lil xi pajjiżi terzi, b’enfasi fuq il-pajjiżi kandidati. L-Aġenzija qablet b’mod partikolari dwar Pjanijiet Direzzjonali bilaterali mas-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent biex tgħin fl-allinjament mal-acquis tal-UE u tfasslet għall-ħtiġijiet speċifiċi fuq il-post.

Skjeramenti tal-EUAA

It-timijiet ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil tal-EUAA madwar l-UE jipprovdu appoġġ lill- l-Awtoritajiet Nazzjonali responsabbli mill-ażil u l-Akkoljenza fil-governanza, l-ippjanar strateġiku, il-kwalità, u l-proċeduri.

Mit-3 ta’ Marzu 2024, l-EUAA kellha 1,141 skjerament fi 12-il Stat Membru.

Il-Europol

L-iskjerament ta’ persunal fl-Istati Membri, kif ukoll f’pajjiżi sħab, huwa element ewlieni tal-ħidma tal-Europol fl-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-appoġġ għall-investigazzjonijiet. Dan jinkludi l-iskjerament ta’ esperti u uffiċjali mistiedna biex jappoġġaw lill-awtoritajiet lokali tal-infurzar tal-liġi fi 12-il Stat Membru u pajjiżi sħab. Fil-ħidma operazzjonali, l-Europol qed tibni n-network tagħha abbażi ta’ 20 ftehim li jippermettu l-iskambju ta’ data personali ma’ pajjiżi terzi dwar il-kriminalità organizzata serja u t-terroriżmu. 11 Dawn se jkunu essenzjali għat-twettiq effettiv tal-mandat il-ġdid dwar il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u ċ-Ċentru Ewropew Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti.

Skjeramenti tal-Europol

Mill-4 ta’ Marzu 2024, l-Europol għandha 79 skjerament fi 11-il Stat Membru u l-Moldova.

Dawn it-timijiet, magħmula minn speċjalisti tal-Europol u uffiċjali mistiedna, jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali b’kontrolli u investigazzjonijiet ta’ sigurtà sekondarji. Huma jiġbru wkoll informazzjoni fil-qasam, li tintuża biex jiġu żviluppati valutazzjonijiet ta’ theddid kriminali fil-livell Ewropew u biex jiġu appoġġati l-investigazzjonijiet.

l-eu-LISA

l-eu-LISA hija l-aġenzija tal-UE responsabbli għal firxa wiesgħa ta’ sistemi ewlenin tal-IT użati fil-politiki tal-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-UE. Il-ħidma tagħha se tkun ċentrali għall-applikazzjoni tal-għodod tal-IT kritiċi għall-ġestjoni tal-fruntieri li diġà qed jintużaw jew li qed jiġu implimentati, kif ukoll għall-interoperabbiltà tagħhom. Din irnexxiela tintroduċi network ta’ sistemi fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u b’hekk huwa possibbli li jkun hemm ħarsa ġenerali sħiħa lejn min qed jidħol fl-UE.

Il-Eurojust

Il-Eurojust, l-aġenzija tal-Unjoni għall-kooperazzjoni fil-ġustizzja kriminali, hija attur ewlieni fir-rispons għall-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Din tappoġġa każijiet transfruntiera kumplessi li jeħtieġu koordinazzjoni ġudizzjarja u Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta li jsegwu lit-traffikanti kriminali tal-migranti, u torganizza Grupp Fokali dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti biex tlaqqa’ flimkien atturi ġudizzjarji mill-Istati Membri biex janalizzaw it-tattiki li qed jinbidlu tal-gruppi tal-kriminalità organizzata f’dan il-qasam u jaqsmu l-aħjar prattika fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dawn il-każijiet.

 

VI.    KONKLUŻJONI

Permezz ta’ ħidma konġunta, l-UE wriet li tista’ u se twassal politika verament komuni dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li għadu kif intlaħaq jistabbilixxi l-approċċ minn tarf sa tarf meħtieġ biex il-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-Ewropa tkun ġusta, effiċjenti u sostenibbli. Din hija l-aktar riforma rivoluzzjonarja unika tar-regoli tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri sa mill-bidu taż-żona Schengen u tas-suq uniku. U huwa dan li se jippermetti lill-ġenerazzjonijiet ta’ Ewropej ikomplu jibbenefikaw minn dawn il-libertajiet uniċi u kummerċjali Ewropej.

Għall-ġejjieni, irridu npoġġu enfasi bla waqfien fuq l-implimentazzjoni biex niżguraw li l-Istati Membri kollha jkollhom sistema mħejjija sew bħala prerekwiżit għall-bini tal-fiduċja reċiproka meħtieġa biex jaħdem l-approċċ ibbilanċjat il-ġdid tal-Patt. Il-Kummissjoni se tmexxi l-ħidma kollettiva dwar dan, billi tibda bi Pjan ta’ Implimentazzjoni Komuni, u se takkumpanja lill-Istati Membri f’kull stadju b’appoġġ finanzjarju, tekniku u operazzjonali, inkluż mill-Aġenziji tal-UE. Il-ħidma trid tkompli wkoll biex jitlesta dan is-sett ta’ għodod leġiżlattivi bl-elementi neqsin dwar ir-ritorn u r-residenti fit-tul kif ukoll l-inizjattivi komplementari dwar il-kuntrabandu, il-mezzi kummerċjali tat-trasport u l-viżi.

Il-Patt se jġib bidla radikali fil-mod kif l-Ewropa tiġġestixxi l-migrazzjoni, iżda ma jistax jopera f’vakwu. Biex tagħmel suċċess, l-Ewropa dejjem ikollha tiddependi fuq approċċ doppju li jirrikjedi riformi strutturali, flimkien ma’ sforzi kontinwi biex tiġi indirizzata l-ġestjoni ta’ kuljum ta’ pressjonijiet u kriżijiet akuti. Bħalma sar f’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni se tkompli timplimenta passi operazzjonali biex ittejjeb ir-rispons tal-UE għall-isfidi kondiviżi, filwaqt li tiżgura li l-mumenti ta’ kriżi jiġu ġestiti mingħajr dewmien, b’appoġġ komprensiv għall-Istati Membri u ġustizzja mal-migranti, bl-użu tar-riżorsi finanzjarji disponibbli u l-appoġġ tal-aġenziji tal-UE.

Fl-aħħar nett, it-tfittxija għal soluzzjonijiet għal sfidi ġodda u antiki li jiffaċċjaw l-Istati Membri se jkun sforz fit-tul. L-UE kollha kemm hi se jkollha bżonn tkompli tfittex modi prattiċi biex tindirizza wħud mill-kwistjonijiet l-aktar kumplessi relatati mal-migrazzjoni, konxja li l-prevenzjoni ta’ vjaġġi li jpoġġu l-ħajjiet f’riskju hija responsabbiltà globali. Id-dimensjoni esterna tal-politika dwar il-migrazzjoni hija kritika għas-suċċess, u soluzzjonijiet fit-tul se jeħtieġu sforzi kontinwi biex il-migrazzjoni ssir prijorità fi sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku.

Filwaqt li ankrat l-azzjonijiet tagħna fil-valuri tagħna u taġixxi b’mod ġust u sod, l-UE wriet li kapaċi tikseb riżultati fir-rigward tal-migrazzjoni. Dawn huma l-karatteristiċi distintivi li jenħtieġ li jkomplu jiggwidaw l-azzjoni futura tagħna.

(1)

   Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar u r-Regolament emendatorju biex jiġi ffaċilitat l-iskrinjar (ECRIS-TCN), ir-Regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni, ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil (il-proċedura ta’ ritorn fuq il-fruntiera tmexxiet għal strument leġiżlattiv awtonomu), ir-Regolament li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil (li jinkorpora dispożizzjonijiet dwar l-istrumentalizzazzjoni), ir-Regolament Eurodac, id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza, ir-Regolament dwar il-Kwalifika, ir-Regolament Qafas dwar ir-Risistemazzjoni, ir-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, id-Direttiva dwar il-Permess Uniku, id-Direttiva dwar il-Karta Blu.

(2)

   Miġbura fil-qosor fl-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti fl-UE (europa.eu)

(3)

   Fis-7 ta’ Marzu 2024, saret laqgħa ta’ esperti dwar ir-ritorn u tas-SIS biex tittejjeb il-kooperazzjoni prattika u jsir użu sħiħ mill-potenzjal tal-allerti ta’ ritorn tas-SIS biex jiġi appoġġat proċess ta’ ritorn aktar effiċjenti.

(4)

Il-pjattaforma tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri, il-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil, il-Frontex u l-Europol, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR), kif ukoll l-Ukrajna, il-Moldova u s-sħab internazzjonali, b’mod partikolari l-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit.

(5)

Kunsill Ewropew Straordinarju tal-1 ta’ Frar 2024

(6)

Stħarriġ tal-2022 tal-OECD-DAC

(7)

Aġenziji oħra tan-NU bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-Organizzazzjoni Industrijali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNIDO) u l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti (UNOPS) jimplimentaw programmi ffinanzjati mill-UE fuq il-post.

(8)

      L-UE, l-UA u n-NU jinsistu għal azzjoni urġenti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti tal-migranti u r-refuġjati fil-Libja — Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

(9)

*     Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u tikkonforma mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

(10)

L-attivitajiet skont arranġamenti mar-Russja u l-Belarussja ġew sospiżi.

(11)

L-Europol għandha wkoll 16-il arranġament ta’ ħidma u ftehimiet strateġiċi li jipprovdu għal kooperazzjoni strutturata mingħajr skambju ta’ data personali.