Brussell, 13.3.2024

COM(2024) 123 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tat-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali

{SWD(2024) 60 final}


1.    INTRODUZZJONI    

2.    PROGRESS LEJN L-OBJETTIVI PRIJORITARJI    

2.1Tnaqqis rapidu u prevedibbli tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tisħiħ tal-bjar tal-karbonju naturali

2.2It-tisħiħ u l-integrazzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, inklużi l-approċċi marbuta mal-ekosistemi

2.3Ekonomija ċirkolari u nadifa

2.4Tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi

2.5Il-protezzjoni, iż-żamma u r-restawr tal-bijodiversità

2.6It-tnaqqis tal-pressjoni ambjentali u klimatika mill-produzzjoni u l-konsum

3.    PROGRESS FIL-KUNDIZZJONIJIET ABILITANTI MAGĦŻULA    

3.1Implimentazzjoni, infurzar u stat tad-dritt ambjentali

3.2Finanzjament tat-tranżizzjoni

3.3Governanza għat-tfassil tal-politika integrat

3.4Mudelli ta’ negozju sostenibbli għal ekonomija reżiljenti

3.5Tranżizzjoni ġusta u ekwità ambjentali

3.6Ir-rabta bejn l-ambjent u s-saħħa

3.7Diġitalizzazzjoni

3.8Adozzjoni globali

4.    KEJL TAL-PROGRESS    

5.    KONKLUŻJONIJIET    



1.INTRODUZZJONI

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrikonoxxi s-severità tal-isfida ġenerazzjonali tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali, li x-xjenzjati u dejjem aktar l-ekonomisti qed iwissu li jistgħu jaslu fil-punt tal-ebda ritorn 1 . Poġġa lill-UE fi triqitha biex issir l-ewwel “kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050, kontinent effiċjenti fir-riżorsi li ma jħalli lil ħadd u l-ebda spazju lura” 2 . Huwa jistabbilixxi aġenda trasformattiva biex l-UE ssir ekonomija moderna u kompetittiva li tkun reżiljenti għal xokkijiet esterni u li tippermetti lin-nies jgħixu ħajja ġusta u prospera f’ambjent b’saħħtu.

Filwaqt li jibbaża fuq il-Patt Ekoloġiku, it-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali 3 jistabbilixxi qafas għal azzjoni rigward il-politika dwar l-ambjent u l-klima sal-2030 li għandu sitt objettivi prijoritarji tematiċi għall-2030 u objettiv prijoritarju fit-tul għall-2050 ta’ għajxien tajjeb fi ħdan il-limiti planetarji. Huwa jidentifika l-kundizzjonijiet abilitanti għas-setturi kollha biex jiġu ssodisfati dawn l-objettivi b’mod koerenti. L-implimentazzjoni ta’ dan il-programm hija fundamentali biex jintlaħqu l-objettivi ambjentali u klimatiċi skont l-Aġenda 2030 tan-NU, l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs, sustainable development goals) tagħha u ftehimiet ambjentali u klimatiċi multilaterali.

F’konformità mal-Artikolu 5(1) tat-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali, dan ir-rapport jippreżenta rieżami ta’ nofs it-terminu 4 tal-progress fl-issodisfar tal-objettivi prijoritarji tematiċi tal-programm. Huwa jħares lejn l-istatus tal-kundizzjonijiet abilitanti, u lejn il-progress li jkun sar biex tiġi mmonitorjata u vvalutata l-bidla sistemika. Huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal li jipprovdi għarfien aktar profond dwar kull objettiv prijoritarju, il-qafas ta’ abilitazzjoni u l-monitoraġġ, kif ukoll il-viżjoni tal-programm għall-2050.

Dan ir-rieżami ta’ nofs it-terminu jibbaża fuq ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA, European Environmental Agency) dwar il-progress li sar fir-rigward tal-objettivi tal-programm 5 , li huwa bbażat fuq il-qafas ta’ monitoraġġ tat-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali 6 . Huwa jqis ukoll id-diskussjonijiet mal-esperti tal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, il-feedback li wasal b’rispons għas-sejħa għal evidenza 7 u sejbiet relatati oħra.

B’mod ġenerali, il-miżuri ambizzjużi meħuda mill-UE wasslu għal progress, b’mod partikolari fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, fit-titjib tal-kwalità tal-arja u fil-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għat-tranżizzjoni ekoloġika. L-ilħuq tal-objettivi għall-2030 huwa possibbli jekk l-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom li jimplimentaw il-politiki u l-liġijiet.

Madankollu, huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex issir bidla lejn produzzjoni u konsum sostenibbli. Dan ikun jeħtieġ, fost affarijiet oħra, li flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu esplorati alternattivi xierqa fis-setturi ekonomiċi ewlenin, li jistgħu jiżguraw, fl-istess ħin, il-kompetittività tal-UE. Il-konsum tal-UE jwassal għal impatti li għadhom qed jaqbżu ċerti limiti planetarji. Barra minn hekk, filwaqt li saru kisbiet konsiderevoli matul dawn l-aħħar ftit snin, inkluż ħafna użu tal-enerġija rinnovabbli u inqas dipendenza fuq il-fjuwils fossili, l-UE tista’ tkompli tnaqqas l-użu tal-materja prima u tar-riżorsi fossili. Dan jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-livelli tat-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, it-telf tal-bijodiversità, u b’hekk itaffi l-pressjoni fuq l-ekosistemi u fuq il-ktajjen tal-valur.

Għalhekk huwa kruċjali li jiġu adottati u implimentati bis-sħiħ l-azzjonijiet ambizzjużi meħuda skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew kif rifless fit-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali biex jinkisbu impatti reali fil-prattika u r-reżiljenza fit-tul tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-UE.

2.PROGRESS LEJN L-OBJETTIVI PRIJORITARJI

2.1Tnaqqis rapidu u prevedibbli tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tisħiħ tal-bjar tal-karbonju naturali

It-tibdil fil-klima qed jaċċellera u qed ikollu impatti aggravanti fuq in-nies, fuq in-natura u fuq l-ekonomiji, kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja kollha.

L-UE għamlet progress tajjeb lejn il-mira li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra. Iżda jeħtieġ tagħmel aktar sforz biex tilħaq il-mira għall-assorbimenti netti ta’ gassijiet serra permezz tal-bjar tal-karbonju mis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (LULUCF, land-use, land-use change and forestry). Ix-xejriet minn dan is-settur huma negattivi fl-UE, li qed titlef il-bjar tal-karbonju, bis-settur tal-użu tal-art ta’ xi Stati Membri qed jipproduċi emissjonijiet minflok assorbimenti.

B’mod ġenerali, id-data tal-2022 turi li l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra domestiċi tal-UE (minbarra l-avjazzjoni internazzjonali) qed jonqsu b’mod kostanti, bi tnaqqis ta’ 32,5 % (meta mqabbel mal-1990) fl-2022 8 . Madankollu, biex tintlaħaq il-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għall-2030 (mill-inqas –55 % meta mqabbla mal-1990) u biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, il-pass tat-tnaqqis tal-emissjonijiet jeħtieġ jaċċellera biex jilħaq kważi t-triplu tar-rata ta’ tnaqqis annwali medja miksuba matul l-aħħar 10 snin. Meta mqabbel mal-isforzi ta’ mitigazzjoni tal-passat, it-tnaqqis l-aktar sinifikanti fl-emissjonijiet huwa meħtieġ fil-bini u fit-trasport, fejn il-pass tad-dekarbonizzazzjoni huwa kajman jew saħansitra miexi fid-direzzjoni opposta.

Sabiex tintlaħaq il-mira għall-assorbimenti netti ta’ gassijiet serra permezz tal-bjar tal-karbonju mil-LULUCF, hija essenzjali spinta sinifikanti fl-assorbimenti tal-karbonju.

Fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima 9 , adottata mill-UE fl-2021, l-UE stabbiliet għaliha nnifisha objettiv legalment vinkolanti li sal-2050 tikseb newtralità klimatika u reżiljenza fl-ekonomija kollha. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tistabbilixxi wkoll mira interim ta’ tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Il-pakkett ta’ miżuri “Lesti għall-mira ta’ 55 %” 10  iqiegħed lill-UE fi triqitha biex tilħaq il-miri klimatiċi tagħha b’mod ġust, kosteffettiv u kompetittiv. L-UE adottat il-biċċa l-kbira tal-proposti ewlenin fil-pakkett 11 li, jekk jiġu implimentati bis-sħiħ, se jiżguraw li l-UE tilħaq il-mira aġġornata tagħha għall-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra għall-2030. Is-Sistema riveduta tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet hija issa aktar ambizzjuża u se tnaqqas l-emissjonijiet bi 62 % fl-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-2005, u ġiet estiża biex tkopri t-trasport marittimu internazzjonali. Se tkun tapplika sistema ġdida u separata għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-kombustjoni tal-fjuwil fit-trasport bit-triq u fil-bini u fis-setturi b’emissjonijiet żgħar (ETS2) 12 bi tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ 42 % fl-2030 meta mqabbel mal-2005.

L-UE ddeċidiet li żżid il-mira ġenerali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet stabbilita skont ir-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi (ESR, Effort Sharing Regulation), 13 li jkopri l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport domestiku (minbarra s-CO2 mill-avjazzjoni), mill-bini, mill-agrikoltura, mill-industrija żgħira u mill-iskart, minn 29 % għal 40 % sal-2030, meta mqabbla mal-2005, b’miri riveduti għall-2030 għal kull Stat Membru.

Ir-Regolament il-ġdid dwar l-LULUCF 14 jistabbilixxi objettiv ġenerali fil-livell tal-UE li fl-2030 jinkisbu 310 Mt ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ assorbimenti netti bbażati fuq l-art.

Fl-2022 u fl-2023, il-Kummissjoni għamlet proposti addizzjonali biex tħaffef it-tranżizzjoni ġusta u inklużiva lejn in-newtralità klimatika. Pereżempju, il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim dwar ir-Regolament rivedut dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra (gassijiet F), 15 li se jkompli jnaqqas l-emissjonijiet minn dawk il-gassijiet serra qawwijin ħafna. Il-Kummissjoni pproponiet miri aktar ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-vetturi heavy-duty 16 . Hija ressqet ukoll il-pjan REPowerEU 17 b’miżuri speċifiċi biex titnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi, u biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew b’azzjonijiet ġodda, abbażi tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. Sabiex issaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa u l-kompetittività tal-UE u tagħti spinta lill-innovazzjoni, b’mod partikolari fit-teknoloġiji ekoloġiċi, u tiżgura tranżizzjoni klimatika mingħajr xkiel, il-Kummissjoni ressqet pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku. L-Att dwar l-industrija b’emissjonijiet żero netti u l-Att dwar il-materja prima kritika 18 huma l-biċċiet prinċipali tal-leġiżlazzjoni biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

L-assorbimenti tal-karbonju se jkunu meħtieġa biex l-UE tilħaq in-newtralità klimatika fl-2050 u biex minn hemm ’il quddiem timxi lejn l-emissjonijiet negattivi sabiex jiġi minimizzat il-baġit kumulattiv tal-UE għall-gassijiet serra 19 . Sabiex tiżgura assorbimenti tal-karbonju ċċertifikati mill-UE ta’ kwalità għolja, il-Kummissjoni pproponiet qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju 20 . L-għan huwa li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza trasparenti u kredibbli, inkluż għall-iżvilupp ta’ metodoloġiji ta’ ċertifikazzjoni, li jħeġġeġ aktar investimenti fl-attivitajiet tal-assorbiment tal-karbonju u jżid l-użu tagħhom. Fi Frar 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni dwar il-ġestjoni industrijali tal-karbonju biex tappoġġa l-azzjoni tal-UE għall-ilħuq tan-newtralità klimatika sal-2050 u tal-emissjonijiet negattivi minn hemm ’il quddiem.

Bl-istrateġiji għall-bijodiversità, għall-ħamrija u għall-foresti, l-UE stabbiliet miri ambizzjużi biex tipproteġi l-ekosistemi, speċjalment l-ekosistemi b’livell għoli ta’ karbonju. Il-Liġi dwar ir-restawr tan-natura 21 se tgħin biex jiġu restawrati l-ekosistemi degradati, b’mod partikolari dawk b’potenzjal għoli li jaqbdu u jaħżnu l-karbonju, bħall-foresti, it-torbieri u l-artijiet mistagħdra. L-impenn tal-UE li tħawwel mill-inqas tliet biljun siġra addizzjonali sal-2030 se jappoġġa wkoll l-azzjoni ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Billi jiżgura li l-konsum u l-produzzjoni tal-UE ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni, ir-Regolament dwar il-prodotti li ma jikkontribwux għad-deforestazzjoni 22 huwa għodda importanti oħra fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità.

L-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u l-mobilizzazzjoni ta’ investimenti adegwati (ara t-Taqsima 3.2) huma kruċjali. Għal xi Stati Membri, il-progress mhuwiex konsistenti mal-livell ta’ azzjoni meħtieġ biex jintlaħqu l-miri klimatiċi fit-tul.

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali aġġornati għall-enerġija u l-klima (NECPs, national energy and climate plans), sal-2030, l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra fl-2030 huma stmati li jkunu 51 % inqas milli fl-1990, 23 erba’ punti perċentwali inqas mill-mira ta’ 55 % stabbilita fil-Liġi dwar il-Klima. Din l-istima tuża l-limitu massimu impost fuq il-kontribut tas-settur tal-LULUCF għall-objettiv “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li huwa stabbilit għal 225 Mt ta’ ekwivalenti ta’ CO2. Iż-żieda tal-kontribut tas-settur tal-LULUCF ’il fuq minn dan il-limitu massimu twassal għal tnaqqis totali tal-emissjonijiet ta’ 51.7 %. It-trajettorja identifikata fl-abbozz tal-NECPs aġġornati tipprevedi li l-UE mhijiex se tilħaq in-newtralità klimatika fl-2050. 24 Għalkemm l-emissjonijiet fl-UE naqsu bi 32,5 % 25 mill-1990, l-analiżi tal-emissjonijiet projettati fl-abbozz tal-NECPs aġġornati tenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-pass. L-abbozz tal-NECPs aġġornati jqarribna lejn l-ilħuq tal-miri tal-UE għall-2030, madankollu hemm ħtieġa ċara għal sforzi addizzjonali biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni miftiehma “Lesti għall-mira ta’ 55 %”. L-Istati Membri issa jinsabu fil-proċess li jaġġornaw il-pjanijiet tagħhom sa Ġunju 2024 u qed jikkunsidraw kif jistgħu jtejbu l-politiki u l-investimenti biex jilħqu l-mira għall-2030 ta’ tnaqqis nett tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ mill-inqas 55 %.

Fi Frar 2024, kif mitlub skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni u valutazzjoni tal-impatt dettaljata dwar il-mira klimatika tal-UE għall-2040, biex tistabbilixxi t-triq mill-mira intermedja miftiehma għall-2030 għall-emissjonijiet żero netti sal-2050. Il-mira għall-2040 se tipprovdi prevedibbiltà għad-deċiżuri u l-investituri biex l-UE tibqa’ miexja fit-triq it-tajba lejn in-newtralità klimatika u biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-miri għall-2030. Se tibgħat ukoll sinjal qawwi lis-sħab tal-UE madwar id-dinja dwar il-ħtieġa li tiżdied l-azzjoni klimatika globali.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tniedi djalogu mal-partijiet ikkonċernati dwar il-perkors lejn l-2040. Il-proposta leġiżlattiva biex tiġi emendata l-Liġi Ewropea dwar il-Klima ħalli tkun tinkludi din il-mira, kif ukoll il-qafas ta’ politika ta’ wara l-2030, se jkunu f’idejn il-Kummissjoni li jmiss. Il-mira miftiehma se tkun il-bażi għall-kontribut il-ġdid tal-UE ddeterminat fil-livell nazzjonali, li l-partijiet kollha għall-Ftehim ta’ Pariġi jridu jippreżentaw fl-2025.

2.2It-tisħiħ u l-integrazzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, inklużi l-approċċi marbuta mal-ekosistemi

Ir-rapporti ta’ valutazzjoni l-aktar riċenti tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima jipprojettaw li l-avvenimenti estremi relatati mat-temp u l-klima bħall-għargħar, in-nixfiet u l-mewġiet ta’ sħana se jsiru aktar frekwenti u severi. Dan se jseħħ anke fl-aħjar xenarju possibbli ta’ tnaqqis globali rapidu u qawwi fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

L-effetti tat-tibdil fil-klima fuq l-ekosistemi, is-setturi soċjoekonomiċi u s-saħħa u l-benessri tan-nies diġà qed jinħassu.

L-avvenimenti relatati mat-temp u l-klima fl-Ewropa kkawżaw għadd kbir ta’ mwiet fost il-bnedmin, stmati bejn il-85 000 u l-145 000 bejn l-1980 u l-2020 26 , l-aktar minħabba l-mewġiet ta’ sħana. Fl-2022 il-mewġiet ta’ sħana kienu stmati li kkawżaw aktar minn 60 000 mewta eċċessiva, ċifra maqbuża biss mill-mewġiet ta’ sħana tal-2003, li kkawżaw 70 000 mewta 27 . Ir-reġjuni u l-kategoriji soċjoekonomiċi kollha huma affettwati mill-effetti tat-tibdil fil-klima, iżda mhux bl-istess mod, peress li l-unitajiet domestiċi vulnerabbli huma esposti b’mod sproporzjonat għat-theddid imsemmi hawn fuq.

It-telfiet ekonomiċi minħabba l-avvenimenti estremi relatati mat-temp u l-klima qed jiżdiedu, u laħqu t-EUR 52,3 biljun fl-2022. L-għargħar kellu l-ogħla impatti (40 %).

Il-firxa taż-żoni milquta min-nixfa żdiedet fl-UE bejn l-2000 u l-2022 28 . Iż-żona fejn il-produttività tal-veġetazzjoni sofriet żdiedet b’ħames darbiet fl-2022 meta mqabbla mal-medja matul dan il-perjodu. Pereżempju, aktar minn 50 % taż-żona veġetata kienet affettwata min-nixfa fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fis-Slovenja dik is-sena, meta mqabbla mal-medja fit-tul ta’ inqas minn 10 %. Fl-estrem l-ieħor, l-Irlanda ma rat l-ebda impatt identifikabbli. L-istress kawża tan-nixfa jxekkel il-kapaċità tal-ekosistemi li jaħżnu l-karbonju, jimmaniġġjaw l-impatt ta’ għargħar sussegwenti, jikkontribwixxu għall-produzzjoni tal-ikel u jipprovdu firxa wiesgħa ta’ benefiċċji oħra. Il-mewġiet ta’ sħana huma projettati li jiżdiedu fil-futur u r-reġjuni kontinentali u tal-Mediterran huma mistennija li jaraw inqas xita fis-sajf. Dan jagħmel dejjem aktar urġenti l-bini tar-reżiljenza permezz ta’ prattiki ta’ ġestjoni tal-art.

L-istrateġija tal-2021 tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima 29 tistabbilixxi l-viżjoni biex tinkiseb UE reżiljenti għall-klima sal-2050, li tkun imħejjija bis-sħiħ biex timmaniġġja l-impatti inevitabbli u diġà viżibbli tat-tibdil fil-klima.

Il-Liġi tal-UE dwar il-Klima tistabbilixxi obbligu għall-UE u l-Istati Membri tagħha biex jagħmlu progress kontinwu fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għall-impatti klimatiċi, fiż-żieda tar-reżiljenza u fil-bini tal-kapaċità tal-adattament. Il-Kummissjoni ħarġet valutazzjoni skont il-Liġi tal-UE dwar il-Klima f’Diċembru 2023. Kważi l-Istati Membri kollha tal-UE wettqu valutazzjonijiet tar-riskju klimatiku, għalkemm ftit biss jipprovdu valutazzjonijiet tar-riskju klimatiku komprensivi u robusti f’aktar minn ħames setturi. Is-saħħa, l-agrikoltura, il-forestrija, il-bijodiversità, l-enerġija u l-ġestjoni tal-ilma huma rrapportati li huma l-oqsma/is-setturi ta’ politika l-aktar affettwati mit-theddid klimatiku fl-Ewropa. L-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ strateġiji u/jew pjanijiet nazzjonali ta’ adattament. Il-Kummissjoni ħarġet sett ġdid ta’ linji gwida biex tassisti lill-Istati Membri fl-aġġornament u l-implimentazzjoni tagħhom.

Tmien Stati Membri inkorporaw elementi tal-politika ta’ adattament tagħhom fl-oqfsa legali domestiċi tagħhom. Il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, ta’ rappurtar u ta’ evalwazzjoni huma neqsin f’bosta Stati Membri. Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma inklużi biss sa ċertu punt fil-livell strateġiku u permezz tad-dokumenti ta’ politika, speċjalment fl-istrateġiji u l-pjanijiet settorjali. Il-valutazzjoni tal-kostijiet tal-adattament tibqa’ sfida għal ħafna Stati Membri u l-pjanijiet u l-istrateġiji tagħhom spiss ma jkollhomx baġits iddedikati jew flussi ta’ finanzjament biex jimplimentaw il-pjanijiet.

B’mod parallel, tinsab għaddejja azzjoni mifruxa biex tiġi implimentata l-istrateġija ta’ adattament tal-UE għall-2021. Il-koerenza tal-politiki tjiebet permezz tal-ħidma biex l-adattament jiġi integrat f’politiki oħra tal-UE, pereżempju l-politiki tas-saħħa. B’mod aktar ġenerali, sar progress fis-sensibilizzazzjoni dwar l-impatti klimatiċi u dwar il-ħtieġa li ssir tħejjija għalihom 30 .

F’Marzu 2024, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi tal-UE, wara evidenza pprovduta f’rapport xjentifiku Ewropew dwar il-valutazzjoni tar-riskju klimatiku u minn sorsi oħra. Il-komunikazzjoni ressqet oqsma ta’ azzjoni fejn hija meħtieġa bidla radikali sabiex iċ-ċittadini u l-ekonomiji tagħna jiġu protetti b’mod effettiv. Enfasizzat ukoll il-valur miżjud Ewropew tal-azzjoni ta’ appoġġ fil-livelli nazzjonali u privati tal-kompetenza u tas-sjieda tar-riskju.

2.3Ekonomija ċirkolari u nadifa

L-ekonomija ċirkolari għandha l-potenzjal li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju, il-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali u l-bijodiversità, u tnaqqas it-tniġġis. Tista’ tgħin lill-Ewropa tagħti spinta lill-produttività tar-riżorsi b’sa 3 % fis-sena u tilħaq l-għan tan-newtralità klimatika għall-2050. Il-mudelli tal-ekonomija ċirkolari jistgħu jixprunaw ukoll il-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-UE, iżidu r-reżiljenza tagħha u jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista 31 .

L-UE issa għandha qafas leġiżlattiv sod biex taċċellera l-bidla lejn ekonomija ċirkolari. Madankollu, il-leġiżlazzjoni tieħu ż-żmien biex tidħol fis-seħħ. Hija meħtieġa azzjoni konċertata għall-introduzzjoni ta’ dan il-qafas biex jiġu indirizzati l-impatti ambjentali negattivi tal-konsum tal-materjali u x-xejriet mhux sostenibbli fil-ġenerazzjoni tal-iskart li ġew osservati matul l-aħħar 10 snin fl-UE. Iż-żieda fl-azzjoni fil-livelli u s-setturi kollha se tkun essenzjali biex it-tkabbir jiġi diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi naturali, biex jiġi żgurat użu sostenibbli tal-materjali u biex tingħata spinta lir-reżiljenza u lis-sigurtà tal-provvista.

L-impronta tal-materjali tal-UE kienet ta’ 14,8 il tunnellata per capita fl-2022, żieda ta’ 6 % matul l-aħħar 10 snin. Il-biċċa l-kbira tal-materjali huma minerali mhux metalliċi, xprunati minn attivitajiet tal-kostruzzjoni, li raw l-ogħla żieda fl-użu tal-materjali (+22 %). 32

Il-ġenerazzjoni totali tal-iskart tal-UE mill-attivitajiet ekonomiċi u mill-unitajiet domestiċi kollha naqset bi kważi 3 % matul l-aħħar 10 snin biex laħqet l-4,8 tunnellati per capita fl-2020, u dan juri diżakkoppjament żgħir mill-PDG. Madankollu, l-iskart mill-imballaġġ, b’mod partikolari mill-imballaġġ tal-plastik, żdied b’aktar minn 20 % fl-aħħar 10 snin fl-UE u laħaq is-36 kg ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik għal kull persuna fl-2021 33 . Aktar skart qed jiġi riċiklat u rkuprat fl-UE, iżda kien biss volum limitat ta’ materjali (madwar 11,5 %) li reġa’ daħal fl-ekonomija bħala materjali riċiklati fl-2022 34 .

Bis-saħħa ta’ żieda fil-produttività tar-riżorsi ta’ madwar 35 % mill-2000 35 , l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE mill-produzzjoni naqsu b’madwar 25 % mill-2008–2021, u dan juri li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari taqdi rwol importanti fit-triq lejn in-newtralità klimatika. 36

Il- pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari 37  tal-2020 għandu l-għan li jiddiżakkoppja t-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi, inaqqas l-impronta tal-konsum tagħna, jirdoppja r-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari, inaqqas b’mod sinifikanti l-volumi ġenerali tal-iskart u jnaqqas bin-nofs il-volum tal-iskart muniċipali residwu (mhux riċiklat).

Il-Kummissjoni ressqet il-35 miżura li ġew imħabbra fil-pjan ta’ azzjoni. Inizjattiva rivoluzzjonarja ta’ politika għall-prodotti li tibbaża fuq l-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja tad-Direttiva dwar l-ekodisinn, ir-Regolament dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, 38 tespandi l-qafas biex jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ prestazzjoni u ta’ informazzjoni, inkluż passaport diġitali tal-prodotti għal firxa wiesgħa ta’ prodotti. Se jkun essenzjali li dan ir-Regolament jiġi implimentat matul is-snin li ġejjin biex jiġi żgurat li l-prodotti ċirkolari u sostenibbli jsiru n-norma. Id-Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi 39 u l-proposta għal direttiva dwar l-asserzjonijiet ekoloġiċi 40 se jgħinu fl-għażla tal-konsumatur billi jippermettu lill-konsumaturi jidentifikaw il-prodotti sostenibbli għax-xiri mingħajr ma jiġu mqarrqa.

Tnedew ukoll inizjattivi ġodda biex jiġi indirizzat it-tħassib ambjentali marbut mal-produzzjoni u l-konsum tat-tessuti, iggwidati mill-istrateġija tal-UE għal tessuti sostenibbli u ċirkolari. Ir-Regolament dwar il-batteriji 41 l-ġdid u l-proposti għal Regolament dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ 42 u dwar id-disinn u l-ġestjoni ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw 43 huma inizjattivi revoluzzjonarji oħra.

Il-Kummissjoni rrevediet biċċiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, inkluż ir-Regolament dwar vjeġġi ta’ skart 44 u aġġornament tal-limiti għall-pollutanti organiċi persistenti fl-iskart 45 . Il-Kummissjoni pproponiet ukoll reviżjoni mmirata tad-Direttiva Qafas dwar l-iskart biex jiġi indirizzat l-iskart tal-ikel u tat-tessuti 46 , b’enfasi partikolari fuq il-prevenzjoni tal-iskart u fuq l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

Il-Kummissjoni nediet inizjattivi biex jitnaqqas it-tniġġis mill-plastik, inklużi miżuri għall-prevenzjoni tar-rilaxx tal-mikroplastik 47 fl-ambjent, b’mod partikolari proposta biex jiġi indirizzat it-tniġġis mit-telf tal-pellets u restrizzjoni fuq mikroplastik miżjud intenzjonalment. Ressqet ukoll qafas ta’ politika ġdid għall-plastik bijodegradabbli u kompostabbli b’bażi bijoloġika 48  u għamlet progress fl-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jitnaqqas il-plastik li jintuża darba biss. Fil-livell internazzjonali, għaddejjin negozjati rigward trattat globali ġdid dwar it-tniġġis mill-plastik.

Il-prinċipji taċ-ċirkolarità huma integrati fil-politiki tal-UE bħall-pjan ta’ azzjoni soċjali Ewropew, il-mewġa ta’ rinnovazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Iċ-ċirkolarità hija wkoll pedament tal-Att dwar il-materja prima kritika 49 , li jikkontribwixxi għall-pjan industrijali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Tinsab ukoll fil-qalba tal-perkorsi ta’ tranżizzjoni li huma speċifiċi għas-settur għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija Ewropea, u hija fattur ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi ta’ objettivi prijoritarji oħra fil-qafas tat-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali.

Matul l-aħħar 10 snin, dawk li jfasslu l-politika, in-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi u l-membri tal-pubbliku impenjaw ruħhom f’inizjattivi dwar l-ekonomija ċirkolari permezz tal-pjattaforma Ewropea tal-partijiet interessati tal-ekonomija ċirkolari. Sa issa, 23 Stat Membru adottaw strateġiji, pjanijiet ta’ azzjoni jew pjanijiet direzzjonali għall-ekonomija ċirkolari.

L-UE nediet u appoġġat l-alleanza globali għall-ekonomija ċirkolari u l-effiċjenza fir-riżorsi biex taċċellera t-tranżizzjoni globali.

Azzjonijiet bħall-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi fil-produzzjoni, l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti, jew is-sostituzzjoni tal-materja prima primarja b’materjali riċiklati b’intensità inqas qawwija ta’ karbonju huma stmati li potenzjalment jikkontribwixxu b’20–25 % għall-għanijiet klimatiċi tal-UE sal-2050. Għaddejja wkoll azzjoni biex jiġu esplorati s-sinerġiji bejn l-ekonomija ċirkolari u bijoekonomija sostenibbli.

L-ottimizzazzjoni tal-użu tal-materjali tnaqqas b’mod sinifikanti d-dipendenza fuq il-materjali importati. Fl-UE, madwar 23 % tal-materjali jiġu importati 50 , il-biċċa l-kbira minnhom materjali tal-enerġija fossili, inkluż il-plastik (71 % tal-importazzjonijiet), u materja prima kritika (bħall-kobalt u s-siliċju) meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. 51

Il-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika jirrikjedi sħubijiet b’saħħithom mal-Istati Membri u man-negozji, xprunati mill-parametri referenzjarji tal-UE u minn investimenti mmirati tajjeb, bit-tassonomija tal-UE tkun punt ta’ referenza essenzjali biex jiġi mobilizzat u ggwidat il-finanzjament sostenibbli. L-użu ulterjuri ta’ strumenti bbażati fuq is-suq u tal-akkwist pubbliku ekoloġiku fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali jista’ jgħin biex il-prodotti sostenibbli jsiru n-norma.

Qed jitfaċċaw gradwalment fehim u aġenda kondiviżi globalment dwar l-ekonomija ċirkolari. Peress li mekkaniżmu multilaterali kieku jħaffef it-tranżizzjoni globali, l-UE se tkompli tappoġġa l-approċċ olistiku għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli tan-NU.

2.4Tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi

It-tniġġis huwa fost il-kawżi prinċipali tal-mard mentali u fiżiku u jwassal ukoll għal imwiet prematuri. It-tniġġis huwa theddida għall-benessri u s-saħħa tan-nies u jiġġenera kostijiet ekonomiċi għas-soċjetà. Huwa wkoll wieħed mill-ħames fatturi prinċipali tat-telf tal-bijodiversità, li jnaqqas il-kapaċità tal-ekosistemi li jipprovdu servizzi bħas-sekwestru u d-dekontaminazzjoni tal-karbonju.

Tqiegħdu l-pedamenti biex jintlaħqu l-miri tat-tniġġis żero għall-2030, iżda l-ilħuq tal-objettivi jirrikjedi progress kostanti f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, mit-tniġġis tal-arja, fejn il-progress huwa inkoraġġanti, sat-tniġġis tal-ilma, tal-baħar u tal-ħamrija, fejn hija meħtieġa azzjoni ulterjuri. Il-projezzjonijiet l-aktar riċenti li saru mill-EEA 52 jindikaw li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-2030 li tnaqqas l-imwiet prematuri minħabba materji partikolati fini b’55 %, iżda mhux il-mira għall-2030 li tnaqqas l-esponiment għall-istorbju mit-trasport bi 30 %. Se jkun diffiċli li tintlaħaq il-mira li jitnaqqas it-telf tan-nutrijenti fl-ilma ta’ taħt l-art b’mill-inqas 50 %. L-iskart tal-plastik fil-baħar jibqa’ wkoll problema kbira u multidimensjonali.

Fl-2021, 253 000 mewta prematura fl-UE kienu attribwibbli għall-materja partikolata fina, tnaqqis ta’ 41 % mill-2005 ’l hawn 53 . Matul il-perjodu 2016-2019 54 , 14.1 % tal-istazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art fl-UE kienu mniġġsin min-nitrati, b’konċentrazzjoni medja annwali li kienet taqbeż il-limitu ta’ 50 mg NO/l, kważi punt perċentwali wieħed aktar mill-perjodu preċedenti.

Madwar żewġ terzi tal-ħamrija agrikola fiż-żona tal-UE huma affettwati mill-erożjoni, mit-telf tal-karbonju organiku, mill-qbiż tal-bilanċ tan-nutrijenti (nitroġenu), mill-kompattazzjoni jew mis-salinizzazzjoni sekondarja 55 . B’mod ġenerali, filwaqt li l-bejgħ tal-pestiċidi mhux qed jonqos, ir-riskju assoċjat mal-użu tagħhom qed jonqos u l-bejgħ tal-pestiċidi aktar perikolużi (kandidati għas-sostituzzjoni) qed jonqos maż-żmien 56 .

L-għan li jinkiseb it-tniġġis żero għal ambjent mhux tossiku nbidel mill-indirizzar ta’ sorsi lokalizzati tat-tniġġis għal approċċ sistemiku dwar il-pressjoni ambjentali, b’rabtiet ċari mal-industrija u ma’ setturi oħra tal-ekonomija.

Għall-ewwel darba, l-UE għandha pjan ta’ azzjoni integrat u komprensiv għal tniġġis żero 57  biex tnaqqas it-tniġġis fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija għal livelli li ma jkunux aktar ta’ ħsara għas-saħħa u għall-ekosistemi naturali.

Sa issa, il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi u tal-azzjonijiet ewlenin (aktar minn 75 %) li tħabbru fil-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero tlestew jew jinsabu fi stadju avvanzat ta’ implimentazzjoni 58 . Il-liġijiet tal-UE ġew riveduti biex tiżdied l-ambizzjoni billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom biex ikopru aktar attivitajiet li jniġġsu, bħal-leġiżlazzjoni riveduta li tirregola l-emissjonijiet industrijali 59 u t-trattament tal-ilma urban mormi 60 , jew biex ir-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja 61 u s-sustanzi li jniġġsu l-ilma 62  jiġu adattati għal-livelli preskritti mix-xjenza. Għall-ewwel darba, il-ħamrija 63 se jkollha livell simili ta’ protezzjoni bħal ekosistemi oħra, permezz tal-proposta tal-Kummissjoni għal liġi dwar il-monitoraġġ tal-ħamrija.

Filwaqt li tikkomplementa l-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero, l-istrateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà 64 tistabbilixxi ġerarkija ċara li tiddikjara li l-prevenzjoni tat-tniġġis għandha dejjem tkun il-prijorità. Għal dan l-għan, ġiet adottata rakkomandazzjoni biex is-sustanzi kimiċi jkunu sikuri u sostenibbli sa mit-tfassil, u r-Regolament rivedut dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ 65 se jagħmel l-ittikkettar ta’ sustanzi kimiċi perikolużi aktar ċar, anke għall-bejgħ online. Il-Kummissjoni pproponiet li tissimplifika l-proċessi għat-trattament ta’ sustanzi kimiċi biex jiġi implimentat l-impenn ta’ sustanza waħda, valutazzjoni waħda li sar fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku 66 . Ipproponiet ukoll li jiġi rivedut ir-Regolament dwar il-merkurju  67 biex ikomplu jiġu ristretti l-użi li jifdal tal-merkurju fl-UE: fi Frar 2023 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku proviżorju 68 .

Il-koerenza tal-politiki tjiebet bl-inklużjoni ta’ azzjoni għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis fi strateġiji oħra tal-Patt Ekoloġiku u bit-titjib tal-qafas ta’ abilitazzjoni. Iż-żidiet l-aktar riċenti għat-tassonomija tal-UE, li saru applikabbli mill-bidu tal-2024, jinkludu attivitajiet għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għat-tnaqqis tat-tniġġis permezz ta’ investimenti sostenibbli fl-ilma, flimkien ma’ attivitajiet oħra għall-objettivi ambjentali tar-Regolament dwar it-tassonomija 69 . L-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE jappoġġaw l-azzjonijiet ta’ tniġġis żero f’ħafna oqsma. L-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika fil-baġit pluriennali tal-UE u l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza għenu biex jiżdied l-appoġġ għall-miżuri biex tittejjeb il-kwalità tal-arja. Biex ittejjeb il-bażi tal-għarfien, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport ta’ monitoraġġ u ta’ prospettiva ta’ Tniġġis Żero u l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni relatati fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa.

L-implimentazzjoni rapida ta’ miżuri eżistenti jew proposti fil-livelli lokali, nazzjonali, transfruntiera u globali hija importanti biex jintlaħqu l-objettivi għall-2030. L-għan tat-tniġġis żero jista’ jintlaħaq biss flimkien mal-għanijiet tal-UE li tilħaq in-newtralità klimatika, li tipproteġi l-bijodiversità u li tagħmel it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u nadifa. L-integrazzjoni tat-tniġġis żero f’oqsma oħra ta’ politika hija importanti wkoll. L-esponiment tar-rabtiet bejn it-tniġġis, is-saħħa tal-bniedem u l-inugwaljanzi huwa kruċjali biex jissawwar appoġġ pubbliku għal reazzjonijiet ta’ politika sabiex jiġu indirizzati l-kawżi tat-tniġġis. Huwa essenzjali li jiġi applikat il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas f’politiki oħra speċifiċi għas-settur għal politiki ġusti u effettivi, li jibbażaw fuq l-esperjenza b’miżuri li jaħdmu tajjeb, bħall-bidla riċenti biex tiġi inkluża r-responsabbiltà estiża tal-produttur fid-Direttiva riveduta dwar it-trattament tal-ilma urban mormi 70 .

L-implimentazzjoni effettiva tal-liġijiet tirrikjedi aktar integrazzjoni tal-analitika tad-data bejn id-data dwar l-ambjent u s-saħħa pubblika, u viżwalizzazzjoni integrata u ġeolokalizzata tal-impatti tat-tniġġis 71 . Dawn għandhom jiġu akkoppjati ma’ azzjoni ta’ abilitazzjoni, b’mod partikolari investimenti u sinjali tal-prezzijiet, u azzjoni biex jiġu promossi l-ħiliet, ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni li jiffukaw fuq soluzzjonijiet għal tniġġis żero. L-inizjattivi emblematiċi fil-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero, b’mod partikolari dawk relatati mal-politiki urbani u reġjonali, diġà bdew jintegraw l-analitika tad-data u jistgħu jiġu żviluppati aktar. Il-Kummissjoni, flimkien mal-EEA, se taħdem fuq it-titjib tal-kondiviżjoni u tal-użu tad-data disponibbli l-aktar riċenti fil-monitoraġġ ta’ tniġġis żero li jmiss u fir-rapport ta’ prospettiva, li huwa mistenni li jiġi ppubblikat sa tmiem l-2024.

2.5Il-protezzjoni, iż-żamma u r-restawr tal-bijodiversità

It-telf kontinwu tan-natura u tal-bijodiversità joħloq riskji kbar għas-servizzi tal-ekosistema li kollha kemm aħna niddependu fuqhom. In-natura tipprovdi ikel, ilma nadif, tgħin biex jiġi evitat l-għargħar, tippurifika l-arja, iddakkar l-għelejjel, taħżen id-diossidu tal-karbonju u tgħinna nadattaw għal klima li qed tinbidel.

L-ewwel valutazzjoni tal-ekosistemi tal-UE 72 żvelat li l-ekosistemi tal-Ewropa jsofru minn pressjoni kontinwa mill-użu intensiv tal-art u tal-baħar, minn tibdil fil-klima, minn tniġġis, minn sfruttament żejjed u minn speċijiet aljeni invażivi. Sar xi progress biex jiġu deżinjati żoni protetti għal żoni tal-art u tal-baħar. Il-livell tal-konnettività tal-foresti ma żdiedx, u l-popolazzjonijiet tal-għasafar komuni qed ikomplu jonqsu fl-UE. Għalkemm il-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-foresti żdiedu, il-popolazzjonijiet tal-għasafar tar-raba’ qed ikomplu jonqsu drastikament.

L-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 73 tistabbilixxi miri ambizzjużi għall-2030 biex tiġi protetta u restawrata n-natura. Tappella għal azzjoni biex jiġu indirizzati l-ħames fatturi prinċipali tat-telf tal-bijodiversità: il-bidliet fl-użu tal-art u tal-baħar, l-isfruttament żejjed, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis u l-ispeċijiet aljeni invażivi.

Il-liġi dwar ir-restawr tan-natura tistabbilixxi miri biex jiġu restawrati l-ekosistemi degradati u jitreġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità. L-UE adottat strateġiji dwar il-ħamrija u l-foresti, u qed jiġu nnegozjati żewġ proposti leġiżlattivi biex tingħata spinta lir-reżiljenza ta’ dawn l-ekosistemi ewlenin 74 . Tnedew miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tal-pollinaturi 75 . Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tnaqqas il-pressjonijiet tat-tniġġis fuq il-bijodiversità, b’mod partikolari fil-qafas tal-istrateġija tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà u l-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero, b’inizjattivi ġodda dwar it-trattament tal-ilma urban mormi u l-emissjonijiet industrijali 76 .

Sar ukoll progress fl-integrazzjoni tal-objettivi tal-bijodiversità fil-politiki relatati tal-UE, b’mod partikolari fil-politika dwar il-forestrija u l-agrikoltura, permezz tal-istrateġija dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-iżvilupp tal-produzzjoni organika 77 u tal-istrateġija mill-għalqa sal-platt, fil-politika dwar is-sajd permezz tal-pjan ta’ azzjoni għall-baħar 78 u fis-settur tal-enerġija (eż. permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għall-infrastrutturi tal-enerġija u miri akbar għall-enerġija rinnovabbli). Tjiebet ukoll l-integrazzjoni fil-kummerċ, fil-kooperazzjoni internazzjonali, fil-konsum u l-produzzjoni, fit-tnaqqis tat-tniġġis (b’mod partikolari n-nutrijenti) u fis-saħħa.

Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura qed jiġu integrati dejjem aktar f’politiki oħra u jintużaw fil-prattika, bħal miżuri tal-assorbiment tal-karbonju (ara t-Taqsima 2.1) u t-tnaqqis tar-riskju ta’ għargħar. Peress li t-tibdil fil-klima u t-tniġġis tal-arja huma tnejn mill-fatturi prinċipali tat-telf tal-bijodiversità, is-sostituzzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija mill-fjuwils fossili b’sorsi rinnovabbli tista’ tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-bijodiversità b’mod ġenerali.

L-implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-qafas legali tal-UE hija prijorità, inkluża l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-għasafar, il-ħabitats, l-ispeċijiet aljeni invażivi, l-ilma, id-Direttiva Qafas dwar l-istrateġija marina u l-liġi dwar ir-restawr tan-natura. Il-liġijiet il-ġodda proposti dwar il-monitoraġġ tal-ħamrija jew tal-foresti, ladarba jsiru liġi tal-UE, se jikkontribwixxu biex ireġġgħu lura x-xejriet negattivi. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva ta’ strateġiji jew pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u trażversali dwar il-bijodiversità mill-Istati Membri kollha huma pass kruċjali lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-bijodiversità.

Id-djalogu strateġiku li tnieda dan l-aħħar dwar il-futur tal-agrikoltura se jikkontribwixxi għar-riflessjoni dwar kif għandu jiġi appoġġat l-għajxien vijabbli, filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet u tiġi żgurata produzzjoni tal-ikel kompetittiva u sostenibbli fil-futur 79 . In-negozji u s-settur finanzjarju qed ikomplu jqisu dejjem aktar id-dipendenza tal-ekonomija u l-impatti tagħha fuq in-natura u l-bijodiversità, u r-riskji kummerċjali u finanzjarji assoċjati mit-telf tal-bijodiversità. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali issa jqisu li d-degradazzjoni tan-natura u l-valutazzjoni tar-riskju relatat mat-telf tal-bijodiversità jaqgħu direttament fil-mandat tagħhom peress li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji huma dipendenti ħafna fuq is-servizzi tal-ekosistema 80 , bħall-ilma nadif, id-dakkir u r-regolamentazzjoni tal-klima. Avvanzi ulterjuri fil-kontabbiltà tal-kapital naturali għandhom itejbu l-proċess tal-integrazzjoni tal-valuri multipli li n-natura tipprovdi fid-deċiżjonijiet ta’ politika u ta’ investiment.

Il-baġit pluriennali tal-UE għall-2021-27 jinkludi għall-ewwel darba l-miri ta’ finanzjament tal-bijodiversità (ara t-Taqsima 3.2). L-istimi tal-impenji nazzjonali jindikaw li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta’ finanzjament tal-bijodiversità ta’ 7,5 % li ġiet stabbilita għall-2024. Madankollu, il-mira ta’ finanzjament tal-bijodiversità ta’ 10 % li ġiet stabbilita għall-2026 u għall-2027 jaf ma tintlaħaqx. Huwa meħtieġ aktar investiment fin-natura, kemm minn sorsi tas-settur pubbliku kif ukoll minn sorsi tas-settur privat, inklużi inċentivi għal impatti pożittivi fuq in-natura bħar-restawr tan-natura, soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli fl-ekosistemi tal-art, tal-forestrija, tal-ilma ħelu u tal-baħar, fost l-oħrajn.

Fil-livell internazzjonali, il-Qafas Globali tal-Bijodiversità  ta’ Kunming-Montreal iġib sett komprensiv ta’ miri u azzjonijiet ambizzjużi biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità. Il-Kummissjoni qed tħejji s-sottomissjoni tal-miri tal-UE biex timplimenta l-Qafas Globali tal-Bijodiversità, li se jkopri l-impenji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni u l-politiki eżistenti u proposti. Is-sottomissjoni se tindika wkoll il-livell ta’ allinjament bejn il-miri tal-UE u dawk tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-livell ta’ allinjament tal-UE mal-Qafas Globali tal-Bijodiversità tindika li l-inizjattivi ta’ politika attwali u l-leġiżlazzjoni proposta dan l-aħħar (li għadhom iridu jiġu adottati) ikopru l-biċċa l-kbira tal-miri. Għaddejja wkoll ħidma biex jiġi ffinalizzat qafas ta’ monitoraġġ robust ħalli jiġi segwit il-progress li sar fil-miri kollha, jittejbu l-flussi tad-data eżistenti u jiġu żviluppati mudelli u xenarji biex jirfdu l-ħidma ħalli jiġu żviluppati għażliet u miżuri ta’ politika għal wara l-2030.

L-aġenda tal-governanza internazzjonali tal-oċeani tal-UE tinkorpora l-impenn għal sett ambizzjuż ta’ miri għall-bijodiversità tal-baħar. Il-konklużjoni b’suċċess tal-ftehim dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar ta’ żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali hija kisba kbira għat-tindif mit-tniġġis tal-ibħra internazzjonali u għar-restawr tal-ħajja tal-baħar fl-oċean globali. Il-Kummissjoni wiegħdet li tirdoppja l-finanzjament internazzjonali għall-bijodiversità bħala kontribuzzjoni lejn il-mira ta’ USD 20 biljun sal-2025. Il-mira ta’ USD 30 biljun sal-2030 se tirrikjedi aktar riżorsi u sforzi, anke fil-livell globali.

2.6 It-tnaqqis tal-pressjoni ambjentali u klimatika mill-produzzjoni u l-konsum

L-UE bdiet trasformazzjoni profonda tal-mudelli tal-konsum u tal-produzzjoni tagħha billi bniet ekonomija ċirkolari newtrali għall-klima u effiċjenti fir-riżorsi li hija reżiljenti għax-xokkijiet fil-provvista, u b’hekk issaħħaħ il-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-UE.

L-impronta tal-konsum tal-UE qabżet il-limiti planetarji u żdiedet b’4 % bejn l-2010 u l-2021. Dan huwa xprunat fil-biċċa l-kbira mill-mudelli tal-konsum attwali fl-oqsma tal-ikel, tal-akkomodazzjoni u tat-trasport 81 . L-iskarsezza tal-ilma 82 taffettwa kważi terz taż-żoni fl-UE u hija waħda mit-theddidiet l-aktar perikolużi għas-soċjetà. Il-pressjoni fuq it-teħid tal-art 83 ma naqsitx.

Il-konsum tal-enerġija naqas bis-saħħa tal-effiċjenza fl-enerġija 84 , u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli żdiedu b’aktar mid-doppju matul l-aħħar 17-il sena 85 . L-industrija żiedet ftit l-użu ta’ materjali sekondarji u naqqset ftit l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. L-agrikoltura qed timxi bil-mod lejn il-biedja organika, iżda s-settur għadu jemetti volumi sinifikanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja. Il-bejgħ tal-antimikrobiċi fl-UE għall-annimali tar-razzett naqas, iżda l-volum tal-iskart tal-ikel mhux qed jonqos. Fit-trasport, is-sehem tat-trasport pubbliku (karozzi tal-linja u ferroviji) naqas fl-2020 minħabba l-pandemija tal-COVID-19, iżda issa qed jirkupra u s-sehem tal-vetturi b’emissjonijiet żero żdied b’mod konsiderevoli matul l-aħħar 5 snin.

Issa l-UE għandha strateġiji integrati għal sistemi ta’ produzzjoni ewlenin biex tingħata spinta lill-bidla sistemika: l-Unjoni tal-Enerġija, il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, l-istrateġija għal mobilità intelliġenti u sostenibbli, il-mewġa ta’ rinnovazzjoni, l-istrateġija dwar il-bijoekonomija u l-istrateġija mill-għalqa sal-platt (għad-dettalji ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż). L-istrateġija tal-kompetittività fit-tul tal-UE 86 tissottolinja li ninsabu f’punt kritiku biex nirnexxu fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u nibqgħu post attraenti għan-negozju.

L-istrateġiji klimatiċi u ambjentali tal-UE, bħall-pjanijiet ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero u dwar l-ekonomija ċirkolari, jinkludu miżuri f’setturi ewlenin biex jintlaħqu l-miri. L-istess jagħmel il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, li jindirizza wkoll it-tibdil fl-użu tal-art. L-inizjattivi tal-UE dwar ir-restawr tan-natura u tal-ħamrija jinkludu miżuri ambizzjużi biex jitreġġa’ lura t-teħid tal-art u tittejjeb il-kapaċità tal-art li twettaq funzjonijiet ekoloġiċi siewja (eż. il-ħżin tal-karbonju u l-protezzjoni tal-art mill-għargħar, il-prevenzjoni tal-għargħar, id-dakkir). It-tassonomija tal-UE tipprovdi l-inċentivi biex jiġi allokat kapital privat għall-ilħuq ta’ dawn l-objettivi. Is-Semestru Ewropew ikompli jipprovdi gwida dwar ir-riformi u l-investimenti li l-Istati Membri għandhom iwettqu biex jilħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali tal-UE.

L-ilma huwa riżorsa vitali li diġà qiegħda taħt pressjoni f’ħafna partijiet tal-Ewropa minħabba ġestjoni strutturali ħażina, użu mhux sostenibbli tal-art, bidliet idromorfoloġiċi, u tniġġis. It-tibdil fil-klima qed jaggrava dawn il-pressjonijiet u qed iżid ir-riskji relatati mal-ilma fil-forma ta’ nixfiet fit-tul jew aktar frekwenti jew ta’ preċipitazzjoni estrema, kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar ir-riskji klimatiċi. Il-protezzjoni u r-restawr taċ-ċiklu tal-ilma, il-promozzjoni ta’ ekonomija tal-UE intelliġenti fl-użu tal-ilma u s-salvagwardja tal-aċċess għal ilma ħelu nadif għal kulħadd huma kruċjali biex niżguraw li jkollna Ewropa reżiljenti għall-ilma.

L-applikazzjoni bis-sħiħ tal-approċċi tal-ekonomija ċirkolari għal setturi industrijali addizzjonali, b’mod partikolari l-azzar, is-siment, il-plastik u l-aluminju, tista’ tnaqqas l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra minn materjali ewlenin tal-industrija b’40 % sal-2050, skont l-istimi. Huwa partikolarment importanti li jiżdiedu l-assorbimenti tal-karbonju, inklużi l-bjar tal-karbonju naturali, f’dawn is-setturi li diffiċli jitrażżnu biex tintlaħaq in-newtralità klimatika. Il-Fond għall-Innovazzjoni tal-EU ETS u l-aġġornament tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali (IED, Industrial Emissions Directive) 87 se jgħinu t-trasformazzjoni ekoloġika tal-industrija tal-UE u jappoġġaw l-innovazzjoni. Filwaqt li d-Direttiva riveduta dwar l-enerġija rinnovabbli 88 saħħet il-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-bijoenerġija, inklużi żoni pprojbiti għall-bijomassa forestali.

Il-kostruzzjoni, il-bini u l-infrastruttura għadhom is-settur l-aktar intensiv fl-enerġija u fil-materjali fl-UE u fattur għat-teħid tal-art u l-issiġillar tal-ħamrija. Ir-rapport dwar l-istat tal-enerġija tal-2023 ikkonkluda li s-settur tal-bini jrid jaċċellera b’mod sinifikanti l-bidla lejn prattiki sostenibbli. L-użu tal-materjal għall-bini jista’ potenzjalment jonqos bi 30 % jekk jintuża b’mod aktar effiċjenti, b’mod partikolari billi jiġi estiż it-tul tal-ħajja tal-bini eżistenti u titnaqqas id-domanda għal bini ġdid. Il-Fond Soċjali għall-Klima 89 jappoġġa r-rinnovazzjonijiet tal-akkomodazzjoni, li jipprovdu opportunitajiet ta’ benefiċċju reċiproku għall-objettivi klimatiċi, soċjali u tal-enerġija, b’attenzjoni partikolari għall-gruppi l-aktar vulnerabbli.

Fis-settur tal-ikel, se jkun kruċjali li l-bdiewa, is-sajjieda u l-forestiera jiġu appoġġati biex kollettivament jilħqu l-objettivi ambizzjużi. Għodod ta’ finanzjament innovattivi, bħall-approċċi agrikoli bbażati fuq il-karbonju u l-bijodiversità, jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku billi jippremjaw lill-bdiewa talli jippreservaw jew iżidu l-kwalità tal-ħamrija u l-fertilità tagħha, kif ukoll il-kwalità u d-disponibbiltà tal-ilma. Il-miri legalment vinkolanti li ġew proposti għall-2030 dwar l-iskart tal-ikel 90 huma mfassla biex jgħinu fit-tnaqqis tal-impatti ambjentali u klimatiċi. Il-qafas ta’ politika tal-UE fir-rigward tar-riċerka u tal-innovazzjoni jappoġġa b’mod sostanzjali t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli, tajbin għas-saħħa u inklużivi.

Jeħtieġ li l-UE timmonitorja aħjar u timminimizza l-impatti ambjentali potenzjalment negattivi li huma assoċjati mal-kummerċ. Fl-2021 l-UE daħħlet regoli dwar l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-vjeġġi intra-UE ta’ skart tal-plastik, abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Basel. L-esportazzjonijiet tal-iskart tal-plastik lejn pajjiżi mhux tal-OECD mill-UE naqsu minn madwar miljun tunnellata fl-2020 għal madwar 0,5 miljun tunnellata fl-2022. Bir-Regolament dwar il-vjeġġi ta’ skart 91 , li ġie adottat dan l-aħħar, l-UE ħadet pass ewlieni ieħor f’din id-direzzjoni. L-evalwazzjoni kontinwa tar-Regolament ta’ Kunsens Infurmat Minn Qabel 92 se tgħin biex jitfasslu miżuri sabiex jiġi żgurat li s-sustanzi kimiċi perikolużi li huma pprojbiti fl-Unjoni Ewropea ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni.

3.PROGRESS FIL-KUNDIZZJONIJIET ABILITANTI MAGĦŻULA

Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu, il-Kummissjoni analizzat il-progress li sar fl-użu ta’ kundizzjonijiet abilitanti raggruppati madwar l-isfidi ewlenin. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż jipprovdi aktar dettalji dwar il-kundizzjonijiet abilitanti l-oħra msemmija fit-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali.

3.1Implimentazzjoni, infurzar u stat tad-dritt ambjentali

 L-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija ċ-ċavetta biex jiġi ġġenerat impatt fil-prattika, b’mod partikolari għall-miżuri ambizzjużi adottati skont il-qafas leġiżlattiv tal-Patt Ekoloġiku. L-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-liġijiet ambjentali tal-UE tista’ tiffranka lill-ekonomija tal-UE madwar EUR 55 biljun kull sena f’kostijiet tas-saħħa u kostijiet diretti għall-ambjent 93 . Ir-rieżami tal-implimentazzjoni ambjentali tal-2022 ikkonferma li sar progress tajjeb f’xi oqsma, iżda xorta waħda għadu mhuwiex biżżejjed. Mill-każijiet kollha ta’ ksur li ġew ittrattati mill-Kummissjoni, 20 % għadhom relatati mal-politika ambjentali. Il-konformità mal-istat tad-dritt hija wkoll kwistjoni ta’ fiduċja pubblika fil-proċess politiku. Ir-Regolament ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-ġustizzja 94 jtejjeb l-iskrutinju pubbliku tal-atti tal-UE mis-soċjetà ċivili. Id-Direttiva dwar ir-reati ambjentali 95 li għadha kif ġiet maqbula tipprovdi l-bażi għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali ambjentali ġodda u għall-ħruġ ta’ pieni armonizzati, abbażi ta’ kriterji komuni. 

It-tnaqqis tad-distakk fl-implimentazzjoni se jirrikjedi sforzi sinifikanti billi tinbena kapaċità amministrattiva akbar u mekkaniżmi ta’ governanza aktar b’saħħithom. Il-livell ta’ infurzar tad-drittijiet individwali u kollettivi relatati ma’ kwistjonijiet ambjentali mhuwiex uniformi fl-UE kollha.

Il-ħidma mal-Istati Membri se tibqa’ kruċjali biex jittejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-ħidma ta’ implimentazzjoni 96 . Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri, inkluż dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi permezz tal-istrument ta’ appoġġ tekniku.

3.2Finanzjament tat-tranżizzjoni

Il-Patt Ekoloġiku bena momentum biex jimmobilizza l-finanzjament tas-settur pubbliku 97 u privat għat-tranżizzjoni.

Il-baġit pluriennali tal-UE għall-2021–2027 jirfed l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, b’mod partikolari billi jistabbilixxi mira klimatika ambizzjuża ta’ 30 %, li f’dan l-istadju x’aktarx tinqabeż (projezzjoni ta’ 32,6 %). Teżisti wkoll mira klimatika ta’ 37 % għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-istrument ewlieni fil-qafas ta’ NextGenerationEU, li timmobilizza finanzjament addizzjonali ta’ aktar minn 42 % tal-investimenti totali allokati għall-investimenti klimatiċi u ambjentali. Dan ħoloq sinerġiji sinifikanti mill-investiment fl-ekonomija ċirkolari għall-klima u l-bijodiversità, u fl-investimenti fil-bijodiversità għall-adattament għat-tibdil fil-klima jew għal tniġġis żero.

Il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” huwa strumentali biex jiġi żgurat li l-investimenti tal-UE jkunu validi fil-futur. Il-Kummissjoni ħarġet gwida dwar kif għandu jiġi applikat dan il-prinċipju għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u bħalissa qed taħdem fuq approċċ koerenti biex tapplikah għal strumenti ta’ finanzjament oħra tal-UE (bħall-Fond Soċjali għall-Klima, il-Politika ta’ Koeżjoni, InvestEU) u għar-Regolament Finanzjarju rivedut 98 , u biex tagħmel dan il-prinċipju applikabbli fil-baġit kollu tal-UE.

It-trasparenza maħluqa mill-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE inkluż it-tassonomija tal-UE għenet biex jiġu riallokati l-flussi privati tal-kapital u jitnaqqsu l-kostijiet tal-kapital għal attivitajiet u investimenti sostenibbli. L-integrazzjoni ulterjuri tas-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet kif ukoll ir-riskji finanzjarji tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni tan-natura23 se tippermetti lis-swieq finanzjarji jaqdu r-rwol sħiħ tagħhom biex jgħinu fil-finanzjament tat-tranżizzjoni. B’mod ġenerali, l-evidenza l-aktar riċenti tal-impatti tal-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE hija inkoraġġanti 99 , u dan ġie kkonfermat ukoll, pereżempju, miż-żieda qawwija fil-bonds ekoloġiċi: minn 0,6 % fl-2014 għal 8,9 % fl-2022 fil-bonds kollha. Madankollu, għadha meħtieġa azzjoni ulterjuri kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-mira għall-2040 100 .

Hemm il-potenzjal li tittieħed azzjoni ulterjuri biex min iniġġes iħallas. Pereżempju, il-Kummissjoni pproponiet l-inklużjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà estiża tal-produttur fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi. Hemm ukoll impenji ġodda li saru u interess fi strumenti bbażati fuq is-suq speċjalment fil-livell nazzjonali biex l-investimenti jiġu diretti lejn objettivi ekoloġiċi u klimatiċi.

Dan jista’ jgħin biex jitreġġa’ lura t-tnaqqis fis-sehem tat-taxxi ambjentali fid-dħul totali mit-taxxa (minn 6,0 % fl-2010 għal 5,5 % fl-2021), minħabba diffikultajiet politiċi biex jiġu implimentati bidliet fis-sistema tat-taxxa u sfidi soċjali u ekonomiċi assoċjati 101 . Inqas minn 4 % tat-taxxi ambjentali kollha huma marbuta mat-tniġġis u mal-użu tar-riżorsi verġni, filwaqt li aktar minn 96 % minnhom huma relatati mal-enerġija u mat-trasport.

Il-Patt Ekoloġiku jrawwem użu akbar ta’ għodod ta’ bbaġitjar ekoloġiku biex l-investiment pubbliku, il-konsum u t-tassazzjoni jiġu diretti mill-ġdid lejn il-prijoritajiet ekoloġiċi u lil hinn minn sussidji li jagħmlu l-ħsara. Ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku qed isiru dejjem aktar obbligatorji (eż. fil-qafas tal-inizjattivi riċenti dwar il-batteriji, ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija 102 , il-prodotti għall-bini 103 u l-prodotti sostenibbli). Minkejja din il-ħidma, is-sussidji fuq il-fjuwils fossili baqgħu bejn wieħed u ieħor l-istess, madwar EUR 56 biljun (prezzijiet tal-2022), matul il-perjodu 2015–2021, fejn kważi nofshom intużaw biex jissussidjaw iż-żejt u aktar minn kwart biex jissussidjaw il-gass naturali.

Is-sussidji fuq il-fjuwils fossili żdiedu bi kważi 120 % bejn l-2021 u l-2022 b’reazzjoni għall-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija. Skont ir-Regolament dwar il-governanza 104 , l-Istati Membri jirrappurtaw dwar is-sussidji kollha tal-enerġija. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa wkoll metodoloġija għar-rappurtar ta’ sussidji mhux tal-enerġija li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

L-ipprezzar tal-karbonju, bħall-EU ETS, qed inaqqas l-emissjonijiet. Dan jiġġenera dħul għall-Istati Membri biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u biex jappoġġaw l-innovazzjoni industrijali u l-unitajiet domestiċi għal tranżizzjoni ġusta. Fl-ewwel tliet ċikli, il-Fond għall-Innovazzjoni tal-EU ETS alloka EUR 6,5 biljun lil madwar 100 proġett pilota u impjant ta’ dimostrazzjoni għal teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Għalkemm il-livell ta’ investimenti ekoloġiċi fis-settur pubbliku u privat żdied b’mod konsiderevoli, għad hemm diskrepanza sostanzjali fl-investiment ambjentali fl-UE kollha li tammonta għal bejn EUR 95 biljun u EUR 145 biljun fis-sena sal-2030 105 .

3.3Governanza għat-tfassil tal-politika integrat

Firxa wiesgħa ta’ inizjattivi ambizzjużi ta’ governanza tal-UE jippromwovu soluzzjonijiet integrati għall-isfidi soċjetali, ambjentali u klimatiċi fl-Istati Membri. Pereżempju, l-integrazzjoni taċ-ċirkolarità fil-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima u l-istrateġija tal-kompetittività tal-UE, l-iżgurar tal-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fl-istrateġiji nazzjonali dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-pjanijiet ta’ ekoloġizzazzjoni urbana, inkluż l-ambjent mibni, l-infrastruttura ekoloġika u l-istrateġiji/il-pjanijiet tal-użu tal-art.

Iċ-ċiklu annwali tal-UE tal-qafas ta’ governanza makroekonomika, is-Semestru Ewropew, issa jinkorpora l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u d-dashboard tar-reżiljenza tal-UE. Huwa strutturat madwar il-qafas ta’ sostenibbiltà kompetittiva, li jkopri t-tranżizzjonijiet tal-industriji ewlenin (l-industrija tal-enerġija, l-industrija tal-mobilità, l-industrija agroalimentari, l-industrija tal-ambjent mibni) għal mudelli ekonomiċi ċirkolari u għan-newtralità karbonika. Ikopri wkoll il-protezzjoni tan-natura, ir-reżiljenza tal-ilma, id-diskrepanza fl-investiment ambjentali, l-aspetti soċjali u tal-impjieg ta’ tranżizzjoni ġusta u inklużiva, l-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, inklużi t-taxxi. Dan huwa rifless fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2023, li jagħmlu enfasi qawwija fuq it-tranżizzjoni ekoloġika, speċjalment it-tranżizzjoni tal-enerġija u l-ħiliet ekoloġiċi u l-ambjent industrijali u mibni għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. L-enfasi fuq prijoritajiet ambjentali oħra tista’ tissaħħaħ aktar ukoll.

3.4Mudelli ta’ negozju sostenibbli għal ekonomija reżiljenti

Ekosistemi sani jiffurmaw is-sisien tal-ekonomija tagħna. In-negozji jiddependu ħafna fuq ir-riżorsi naturali: 72 % tal-4,2 miljun kumpanija fiż-żona tal-euro jiddependu ħafna fuq mill-inqas servizz wieħed relatat man-natura bħad-dakkir, l-ilma nadif, il-ħamrija sana, jew l-injam. 106

It-tnedija tal-leġiżlazzjoni tal-Patt Ekoloġiku hija mistennija li żżid l-impjieg u l-valur miżjud gross fis-setturi tal-ekonomija ekoloġika, u b’hekk tagħti spinta lill-kompetittività tal-UE. Dawn is-setturi wrew reżiljenza konsiderevoli matul kriżijiet suċċessivi, u kellhom prestazzjoni aqwa mill-ekonomija usa’. Madankollu, l-ekonomija ekoloġika għadha tirrappreżenta inqas minn 3 % tal-ekonomija fl-UE. 107

Għad hemm tendenza li l-kontribut u l-valur tan-natura jiġu injorati f’wisq deċiżjonijiet kummerċjali u ta’ investiment. Sabiex dan jiġi rimedjat, se jkunu meħtieġa sħubijiet b’saħħithom man-negozji, li jkunu mirfuda mill-parametri referenzjarji ewlenin stabbiliti skont ir-regoli tal-UE. L-inizjattiva riċenti dwar l-“asserzjonijiet ekoloġiċi” tindirizza r-riskju ta’ greenwashing, li jista’ jingħeleb bl-użu ta’ metodoloġiji standardizzati. Id-Direttiva dwar ir-rappurtar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (CSRD, Corporate Sustainable Reporting Directive) 108 u d-Direttiva proposta dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva 109 jappoġġaw imġiba korporattiva responsabbli tul il-ktajjen tal-valur u jipprevjenu, jimmitigaw u jindirizzaw l-impatti soċjali, klimatiċi u ambjentali negattivi tal-attivitajiet kummerċjali kemm mill-kumpaniji tal-UE kif ukoll minn dawk mhux tal-UE li joperaw fl-UE. Iż-żieda fl-adozzjoni ta’ metodoloġiji kontabilistiċi ġodda tal-ġestjoni tal-kapital naturali korporattiv tipprovdi data siewja għad-divulgazzjonijiet tal-kumpaniji, pereżempju fil-qafas tas-CSRD. Hija meħtieġa aktar azzjoni biex tgħin lill-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar tagħhom.

It-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għan-negozji ġodda u għan-negozji li qed jespandu tal-UE, il-promozzjoni tar-riċerka u tal-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-provvediment tal-materja prima kritika meħtieġa huma daqstant importanti biex jiġu appoġġati mudelli ta’ negozju sostenibbli.

3.5Tranżizzjoni ġusta u ekwità ambjentali

L-impatti tad-degradazzjoni ambjentali u tat-tniġġis fuq iċ-ċittadini tal-UE mhumiex imqassma b’mod uniformi fi ħdan u fost l-Istati Membri tal-UE. Il-gruppi vulnerabbli — kemm jekk vulnerabbli għal raġunijiet soċjoekonomiċi, ta’ saħħa, ta’ età, ta’ ġeneru jew minħabba li jappartjenu għal minoranza — huma affettwati b’mod sproporzjonat mit-tibdil fil-klima, mill-perikli ambjentali u mir-riskji għas-saħħa relatati u mill-bidliet fis-suq tax-xogħol. Dan idgħajjef il-koeżjoni soċjali, filwaqt li jimmina l-fiduċja fil-gvernijiet u b’hekk il-vijabbiltà tat-tranżizzjoni.

L-aġenda għal tranżizzjoni ġusta tal-UE għandha l-għan li tikseb bidla li tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd. Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta huwa fond biex jappoġġa lill-ħaddiema u liċ-ċittadini li jgħixu fir-reġjuni li huma l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni (il-fond huwa mogħni b’mill-inqas EUR 100 biljun). Is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) tnaqqas l-emissjonijiet u tiġġenera dħul għall-Istati Membri biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Il-Fond Soċjali għall-Klima ffinanzjat mill-ETS se jimmobilizza EUR 87 biljun biex jappoġġa lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli, lill-utenti tat-trasport u lill-mikrointrapriżi. L-ewwel valutazzjoni 110 tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika 111 wriet li l-Istati Membri qed jibdew jimplimentaw miżuri għal tranżizzjoni ġusta, b’differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi u b’lok għal titjib. 

L-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-perjodu 2020–2025 u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u l-inugwaljanzi kumulattivi f’dan il-proċess 112 . L-aġenda għall-ħiliet tal-UE tappoġġa lill-istudenti ta’ kull età u lill-ħaddiema biex jaċċessaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja.

Il-bażi tal-evidenza għar-rabta ambjentali u soċjali għadha fil-biċċa l-kbira sottożviluppata, bi ftit eċċezzjonijiet. L-inugwaljanzi fit-tniġġis tal-arja ma tjibux mill-2007 sal-2020. L-ifqar reġjuni (bl-inqas rata tkun ta’ 20 % tal-PDG għal kull persuna) għandhom livelli ta’ PM2.5 li huma konsistentement madwar terz ogħla mill-medja, bi prospetti baxxi għal titjib rapidu. Il-persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali għandhom inqas aċċess għal ilma tax-xorb u faċilitajiet sanitarji ta’ kwalità 113 .

Sensibilizzazzjoni akbar fir-rigward tal-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika biex jinħolqu l-impjiegi tista’ żżid l-appoġġ pubbliku. Fl-2021, 4,3 miljun persuna kellhom impjiegi fl-ekonomija ċirkolari, żieda ta’ 11 % fuq l-2015 114 , filwaqt li l-valur miżjud relatat żdied b’27 % u laħaq madwar EUR 299 biljun 115 . Is-settur tal-ilma nadif, tal-iskart u tar-rimedju waħdu jimpjega madwar miljun persuna u l-investimenti f’teknoloġiji nodfa qed ikomplu jixprunaw il-ħolqien tal-impjiegi.

Kien hemm żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu protetti l-gruppi vulnerabbli (pereżempju, fil-qafas tad-Direttiva proposta dwar il-kwalità tal-arja u d-Direttiva dwar l-ilma urban mormi) u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjalidwar l-aċċess għall-ilma. Dawn il-bidliet huma opportunità biex tiżdied l-azzjoni dwar l-ekwità ambjentali. Fil-livell globali, l-UE nediet sħubijiet għal tranżizzjoni tal-enerġija ġusta mal-Afrika t’Isfel, mal-Indoneżja, mal-Vjetnam, mas-Senegal u mal-Indja. Il-Programm ta’ Ħidma għal Tranżizzjoni Ġusta li ġie stabbilit fil-COP28 se jippermetti skambji dwar il-perkorsi ta’ tranżizzjoni ġusta.

3.6Ir-rabta bejn l-ambjent u s-saħħa 

Żdiedet is-sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol tan-natura u tal-bijodiversità għas-saħħa u l-benessri tal-bniedem. L-Osservatorju Ewropew dwar il-Klima u s-Saħħa ilu mill-2021 jappoġġa l-kooperazzjoni dwar kif it-tibdil fil-klima għandu impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u l-Atlas tal-Ambjent u tas-Saħħa tal-EEA jipprovdi mapep biex jiġu viżwalizzati l-impatti ambjentali.

Waħda minn kull għaxar imwiet prematuri fl-Ewropa tista’ tiġi marbuta mat-tniġġis, li jaffettwa aktar lill-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli tal-popolazzjoni. Il-kawżi ambjentali huma maħsuba li huma r-raġuni ta’ aktar minn kwart ta’ miljun mewta mill-kanċer fl-Ewropa kull sena u t-tniġġis għandu effett partikolarment ta’ ħsara fuq it-tfal żgħar 116 . Il-Komunikazzjoni dwar approċċ komprensiv lejn is-saħħa mentali 117 tissottolinja l-impatti fuq is-saħħa mentali tal-esponiment tal-pubbliku għat-tniġġis tal-arja jew għal sustanzi kimiċi tossiċi, u l-effett pożittiv ta’ ambjent nadif kemm fuq is-saħħa fiżika kif ukoll fuq dik mentali.

Ix-xjenzjati huma dejjem aktar imħassba dwar l-impatt potenzjali tal-mikroplastik fuq is-saħħa tal-bniedem, u jwissu li l-esponiment għal sustanzi kimiċi jista’ jwassal għal problemi tas-saħħa riproduttiva u tal-iżvilupp inklużi l-infertilità, il-korrimenti, l-iżvilupp anormali tal-fetu u l-pubertà bikrija.

L-“approċċ Saħħa Waħda” jirrikonoxxi li s-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali domestiċi u selvaġġi, tal-pjanti, u tal-ambjent usa’ huma interdipendenti. Dan l-approċċ huwa inkluż f’inizjattivi tal-UE bħall-istrateġija mill-għalqa sal-platt u dik farmaċewtika, li jinkludu azzjoni biex jitnaqqas l-użu ġenerali tal-antimikrobiċi, inkluż fit-trobbija tal-annimali, għall-prevenzjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi.

Fil-livell globali, l-UE kienet ta’ appoġġ mill-bidu nett għall-approċċ “Saħħa Waħda” fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Alleanza Kwadripartitika (FAO, UNEP, WHO u WOAH). Id-Dikjarazzjoni dwar il-Klima u s-Saħħa tal-COP28 118 timpenja lill-partijiet biex jindirizzaw l-impatti fuq is-saħħa li huma relatati mal-klima u biex jippromwovu l-kollaborazzjoni dwar Saħħa Waħda.

3.7Diġitalizzazzjoni

It-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni għandha potenzjal mhux sfruttat biex taċċellera t-tranżizzjoni.

L-implimentazzjoni tal-inizjattiva dwar l-ispazju tad-data ekoloġika u r-rieżami tar-regoli dwar il-kondiviżjoni tad-data ġeospazjali ambjentali (“GreenData4All”) għandhom l-għan li jagħmlu disponibbli d-data ambjentali rilevanti biex isaħħu t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika bbażati fuq l-evidenza.

Eżempju speċifiku wieħed huwa l-Passaport Diġitali tal-Prodotti l-ġdid, li huwa riżultat tanġibbli tal-istrateġija “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali” tal-UE. Il-passaport tal-prodotti se jgħin biex jintużaw inqas materjali u inqas enerġija, jitnaqqsu l-emissjonijiet, jiġi minimizzat l-iskart u saħansitra tiġi promossa d-dematerjalizzazzjoni.

Hija meħtieġa azzjoni ulterjuri dwar id-diġitalizzazzjoni biex ikun aktar faċli għall-Istati Membri u n-negozji li jirrappurtaw dwar il-klima u l-prestazzjoni ambjentali.

L-azzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tista’ mhux biss tgħin lill-gvernijiet iżda wkoll tagħti s-setgħa lill-membri tal-pubbliku biex jgħinu fil-monitoraġġ tal-istat tal-ambjent. L-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-ġbir u l-analiżi tad-data moderni (inkluż permezz tas-satelliti ta’ Copernicus) se jsaħħaħ il-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar fil-qafas tat-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali. L-użu tal-metodi ta’ xjenza taċ-ċittadini jista’ jżid is-sensibilizzazzjoni, jagħmel pressjoni pubblika fuq il-gvernijiet u jikkontribwixxi għall-prospettiva ambjentali.

Peress li l-impatti ambjentali tad-diġitalizzazzjoni qed jikbru malajr, se jkun kruċjali li jiġu indirizzati l-iżvantaġġi ambjentali potenzjali (minħabba ż-żieda relatata fl-użu tal-enerġija u l-produzzjoni, il-konsum u r-rimi ta’ apparati elettroniċi).

3.8Adozzjoni globali

Il-fatturi tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma globali, u ħafna forom ta’ tniġġis huma transfruntiera. L-UE ma tistax tilħaq l-objettivi klimatiċi u ambjentali tagħha waħidha.

Il-Patt Ekoloġiku ta spinta ġdida lill-azzjoni ekoloġika u klimatika globali tal-UE. Id-diplomazija dwar il-Patt Ekoloġiku ppromwoviet l-adozzjoni globali tal-objettivi klimatiċi, tal-enerġija u ambjentali u, wara l-pandemija tal-COVID-19, is-sostenibbiltà fl-irkupru ekonomiku globali. L-UE nediet alleanzi ekoloġiċi mal-Ġappun, man-Norveġja u mal-Kanada u sħubijiet ekoloġiċi mal-Korea u mal-Marokk. L-UE tejbet ukoll il-kollaborazzjoni tagħha ma’ donaturi tal-istess fehma u nediet sħubijiet għal tranżizzjoni tal-enerġija ġusta mal-Afrika t’Isfel, mal-Vjetnam, mal-Indoneżja u mas-Senegal, filwaqt li saħħet l-involviment ma’ bosta pajjiżi u raggruppamenti reġjonali oħra. Fil-livell multilaterali, l-adozzjoni tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal fil-15-il Konferenza tal-Partijiet (COP15) tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-adozzjoni tat-Trattat dwar il-bijodiversità taż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali kienu stadji importanti ewlenin fil-kooperazzjoni internazzjonali. Sar progress fil-konferenzi tan-NU dwar il-klima COP27 u COP28, inklużi l-impenji ta’ Rendikont Globali biex tiġi rduppjata l-effiċjenza fl-enerġija u triplikata l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli u l-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan li tkopri s-setturi tal-enerġija, tal-iskart u tal-agrikoltura. Il-qafas globali tan-NU dwar is-sustanzi kimiċi, il-Konferenza tan-NU dwar l-ilma tal-2023 u t-tnedija ta’ negozjati dwar mekkaniżmu intergovernattiv biex jintemm it-tniġġis mill-plastik kienu kisbiet importanti ulterjuri. Il-Patt Ekoloġiku rriżulta wkoll f’leġiżlazzjoni ġdida tal-UE (dwar id-deforestazzjoni, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, eċċ.) li għandha l-għan li jkun hemm ktajjen tal-provvista aktar sostenibbli u li twassal għal involviment aktar b’saħħtu fil-livell internazzjonali dwar kwistjonijiet speċifiċi, inkluż fil-kuntest tal-politika kummerċjali tal-UE. L-ewwel rieżami volontarju tal-UE għall-2023 tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli juri li l-UE hija impenjata bis-sħiħ biex tilħaq is-17-il SDG u għamlet progress lejhom 119 .

Minħabba l-isfidi attwali għall-multilateraliżmu kawża tar-relazzjonijiet ġeopolitiċi li qed jiddeterjoraw, huwa kruċjali li jiġu mobilizzati l-pajjiżi terzi biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali kondiviżi. L-UE trid tibbaża fuq in-networks diplomatiċi, l-influwenza politika, l-għarfien espert teknoloġiku, id-dispożizzjonijiet tat-taħriġ u r-riżorsi finanzjarji tagħha biex tinvolvi ruħha mal-gvernijiet u man-negozji u tgħin biex tinbena reżiljenza globali ħalli jiġu evitati l-instabbiltà, l-insigurtà tal-ikel, l-ispostament tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni furzata u ħalli jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli globali fid-dimensjonijiet kollha tiegħu. Huwa wkoll imperattiv li t-tranżizzjoni ġusta tiġi kofinanzjata fil-livell globali. 

4.KEJL TAL-PROGRESS

Sabiex tivvaluta l-progress u tiffaċilita komunikazzjoni politika strateġika ta’ livell għoli, il-Kummissjoni ppreżentat it-tmien qafas ta’ monitoraġġ tal-pjan ta’ azzjoni ambjentali, wara konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati 120 . Dan jinkludi 28 indikatur ewlieni, li jipprovdu approċċ strateġiku biex tiġi traċċata l-bidla sistemika fil-prattika, f’konformità sħiħa ma’ għodod ta’ monitoraġġ klimatiċi u ambjentali speċifiċi għas-settur. Abbażi tal-indikaturi ewlenin magħżula, l-EEA se tippubblika rapporti annwali ta’ monitoraġġ.

Kif meħtieġ skont it-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali, il-qafas ta’ monitoraġġ għandu jibqa’ stabbli biex tiġi żgurata l-akkontabbiltà. Dan ġie adottat fl-2022 u l-indikaturi ewlenin li jinsabu fih għadhom adatti għall-iskop tagħhom. Madankollu, għaddejja ħidma biex jittejbu l-indikaturi attwali u jiġu żviluppati oħrajn ġodda (ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż), u fil-futur jista’ jiġi kkunsidrat aġġornament tal-qafas ta’ monitoraġġ.

Matul l-aħħar ftit snin, il-Kummissjoni żviluppat bosta oqfsa ta’ monitoraġġ trażversali ġodda biex tkejjel il-progress li sar fil-bidla sistemika, inkluż il-progress li sar fl-SDGs u fir-reżiljenza. Fl-iżvilupp ta’ dawn l-oqfsa, il-Kummissjoni użat indikaturi klimatiċi u ambjentali minn oqfsa ta’ monitoraġġ tematiċi attwali, inkluż it-tmien qafas ta’ monitoraġġ tal-programm ta’ azzjoni ambjentali. Dawn l-indikaturi jintużaw ukoll fis-Semestru Ewropew. Għaddejja ħidma biex jiġi żviluppat qafas biex jitkejjel il-progress “lil hinn mill-PDG”, lejn dashboard tal-benessri sostenibbli u inklużiv.

5.KONKLUŻJONIJIET

L-UE stabbiliet miri, inizjattivi u liġijiet qafas ambizzjużi fit-tul fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku u f’konformità mat-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali. Dan poġġa lill-UE fit-trajettorja it-tajba biex tilħaq ekonomija b’emissjonijiet żero netti, nadifa, b’impatti pożittivi fuq in-natura u ċirkolari. Issa għandha qafas legali solidu li jistabbilixxi objettivi klimatiċi u ambjentali u leġiżlazzjoni transsettorjali biex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni f’setturi ewlenin tal-ekonomija bħall-enerġija, l-industrija u t-trasport. Il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi għad iridu jiġu implimentati bis-sħiħ. Għalhekk għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt sħiħ tagħhom fuq l-ambjent.

Il-Patt Ekoloġiku jindika t-triq tal-UE lejn futur sostenibbli b’mod li jevita li jintlaħqu punti kritiċi soċjali, klimatiċi u ambjentali, li jagħmlu ħsara lill-ekonomija u lis-soċjetà. Din hija strateġija sistemika, imwettqa f’koerenza sħiħa mal-objettivi prijoritarji u mal-kundizzjonijiet abilitanti tat-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali. Tibbaża fuq sinerġiji bejn l-objettivi klimatiċi, ambjentali, soċjali, industrijali u tal-kompetittività, bi progress f’qasam wieħed li joħloq effett ta’ ingranaġġ f’oħrajn.

L-ekonomija ċirkolari u l-inizjattivi dwar it-tniġġis żero se jiskattaw bidliet pożittivi li se jgħinu biex jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima u tiġi salvagwardjata l-bijodiversità. Is-salvagwardja tan-natura tiġġenera kobenefiċċji għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima. Ekonomija effiċjenti fir-riżorsi tnaqqas il-pressjoni fuq l-ekosistemi, tgħin biex tinżamm il-kompetittività fit-tul u tibni reżiljenza għal xokkijiet esterni. Il-viżjoni għall-2050 tat-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali hija fil-qalba ta’ tranżizzjoni ekoloġika ġusta u ekwa fl-UE u lil hinn minnha, iggwidata mir-responsabbiltà interġenerazzjonali.

Se jkunu meħtieġa sforzi mill-awtoritajiet fil-livelli kollha u mis-settur privat biex jiġi żgurat li l-liġijiet ikollhom effetti fil-prattika, u jaċċelleraw il-pass tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet nodfa u ċirkolari. Is-simplifikazzjoni, il-modernizzazzjoni, u d-diġitalizzazzjoni, u finanzjament adegwat se jkunu kruċjali biex il-qafas ta’ politika u dak regolatorju jiġi implimentat b’suċċess. Huwa essenzjali wkoll li nifhmu u negħlbu l-isfidi tal-implimentazzjoni biex il-qafas legali jiġi stabbilit, jipproduċi effetti u jikseb qbil minn kull min hu kkonċernat. Jeħtieġ li s-setturi u l-gruppi kollha jaraw il-benefiċċju li ġġib magħha t-tranżizzjoni ekoloġika għalihom.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati kollha. Id-djalogi ma’ atturi ekonomiċi u mas-sħab soċjali kif ukoll il-panels taċ-ċittadini 121 huma eżempji ta’ kif din il-ħidma tappoġġa gruppi ewlenin biex jifhmu r-riskji klimatiċi u ambjentali, u jżidu l-appoġġ tagħhom għall-miżuri meħtieġa biex tinbena r-reżiljenza u s-sostenibbiltà fit-tul f’kull segment tal-ispettru soċjoekonomiku.

Huwa meħtieġ investiment sostanzjali biex tingħata spinta lit-tranżizzjoni ekoloġika fl-UE u biex jintlaħaq l-għan tan-newtralità klimatika. Il-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika huwa essenzjali biex jiġi evitat il-kost tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali, li jeqred is-servizzi tal-ekosistema li jikkontribwixxu għall-ekonomija u għas-soċjetà. Sabiex titnaqqas id-diskrepanza fil-finanzjament, huma meħtieġa investimenti fis-settur pubbliku u privat u s-sussidji fuq il-fjuwils fossili u sussidji oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent għandhom jiġu eliminati gradwalment.

L-investituri u l-industrija qed jinvolvu ruħhom dejjem aktar, qed jifhmu xi tfisser is-sostenibbiltà għall-futur tal-mudelli ta’ negozju tagħhom u x’deċiżjonijiet strateġiċi jeħtieġ li jieħdu fuq terminu twil. Sabiex isseħħ it-tranżizzjoni ekoloġika, jeħtieġ li din tiġi integrata aħjar fil-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni ekonomika bħall-koordinazzjoni makroekonomika u s-Semestru Ewropew.

Fl-aħħar nett, l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima u l-objettivi ambjentali hija ewlenija. L-UE wittiet it-triq billi poġġiet it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u dan l-aħħar it-tniġġis mill-plastik u r-reżiljenza tal-ilma fil-qalba tal-aġenda internazzjonali. Hija qed timmobilizza l-komunità internazzjonali biex tikseb il-viżjoni ta’ għajxien tajjeb tat-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali fi ħdan il-limiti planetarji.

(1)

  https://www3.weforum.org/docs/WEF_The_Global_Risks_Report_2024.pdf . Ir-Rapport tal-2024 dwar ir-Riskji Globali maħruġ mill-Forum Ekonomiku Dinji jindika r-riskji tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali bħala l-akbar riskji fl-immedjat u fit-tul.

(2)

COM(2019) 640 final.

(3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/591.

(4)

 L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/591.

(5)

  https://www.eea.europa.eu/publications/european-union-8th-environment-action-programme .

(6)

COM(2022) 357 final.

(7)

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/14080-It-Tmien-Programm-ta-Azzjoni-Ambjentali-Riezami-ta-Nofs-it-Terminu_mt .

(8)

COM(2023) 653 final.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2021/1119.

(10)

COM(2021) 550 final.

(11)

 Din tinkludi d-Direttiva riveduta dwar is-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS, EU Emissions Trading System), sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ġdida għall-bini, għat-trasport bit-triq u għall-fjuwils, ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq, ir-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi, l-istandards tas-CO₂ għall-karozzi u l-vannijiet, ir-Regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri, l-istabbiliment tal-Fond Soċjali għall-Klima, l-inizjattiva FuelEU Maritime, ir-Regolament dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (AFIR, Alternative Fuel Infrastructure Regulation), ir-Regolament ReFuel EU Aviation, id-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija u d-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli. Id-Direttiva riveduta proposta dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija biss għadha qed tistenna li jintlaħaq ftehim dwarha.

(12)

Id-Direttiva (UE) 2023/959 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE.

(13)

Ir-Regolament (UE) 2023/857.

(14)

Ir-Regolament (UE) 2023/839.

(15)

COM/2022/150 final.

(16)

COM(2023) 88 final.

(17)

 COM(2022) 230 final.

(18)

Għal aktar informazzjoni, ara r-Rapport tal-2023 dwar il-Progress tal-Azzjoni Klimatika.

(19)

ESABCC (2023), “Scientific advice for the determination of an EU-wide 2040 climate target and a greenhouse gas budget for 2030-2050”, DOI: 10.2800/609405.

(20)

COM(2022) 672 final.

(21)

COM(2022) 304 final.

(22)

Ir-Regolament (UE) 2023/1115.

(23)

It-total tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra, inkluż is-settur tal-LULUCF u minbarra t-trasport internazzjonali.

(24)

Ir-rapport tal-2023 dwar il-progress tal-azzjoni klimatika jistma li l-Istati Membri tal-UE għad iridu jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni addizzjonali biex jiksbu n-newtralità klimatika sal-2050 biex inaqqsu madwar 1 600 miljun tunnellata ekwivalenti ta’ CO2 (jew 34 punt perċentwali). Id-data pprovduta fl-NECPs hija f’konformità ma’ din is-sejba.

(25)

Ir-Rapport tal-2023 dwar il-progress tal-azzjoni klimatika, COM(2023) 653 final.

(26)

Skont is-sorsi tad-data (NatCatSERVICE u CATDAT). Ara https://www.eea.europa.eu/publications/economic-losses-and-fatalities-from .

(27)

  Heat-related mortality in Europe during the summer of 2022 | Nature Medicine

(28)

EEA, 04-Drought impact on ecosystems in Europe-indicator — European Environment Agency (europa.eu)

(29)

COM(2021) 82 final.

(30)

Ara, pereżempju, l-atlas Ewropew dwar ir-riskju ta’ nixfiet u l-bażi tad-data Ewropea dwar l-impatt tan-nixfiet, l-istrument magħruf bħala “Floods viewer” u d-dokument bit-titolu “Sendai framework for disaster risk reduction – Midterm review 2023”, fuq: https://data.europa.eu/doi/10.2795/151300 .

(31)

“Growth Within: A Circular Economy Vision for a Competitive Europe”; McKinsey Centre for Business and Environment & Ellen Macarthur Foundation; Ġunju 2015. Skont “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, COM(2023) 168 final.

(32)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( cei_pc020 )

(33)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( cei_pc050 )

(34)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( cei_srm030 )

(35)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( cei_pc030 )

(36)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( cei_gsr011 )

(37)

COM(2020) 98 final.

(38)

COM(2022) 142 final.

(39)

COM(2022) 143 final.

(40)

COM(2023) 166 final.

(41)

Ir-Regolament (UE) 2023/1542.

(42)

COM(2022) 677 final.

(43)

COM(2023) 451 final.

(44)

COM(2021)709 final

(45)

Ir-Regolament (UE) 2022/2400 dwar il-pollutanti organiċi persistenti

(46)

COM(2023) 420 final.

(47)

COM(2023) 645 final u l-att tal-Kummissjoni C(2023) 6419.

(48)

COM(2022) 682 final.

(49)

COM(2023) 160.

(50)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( cei_gsr030 )

(51)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( cei_gsr020 )

(52)

EEA 07-Premature deaths due to exposure to fine particulate matter in Europe-indicator — European Environment Agency (europa.eu) u COM(2022) 674.

(53)

EEA: 07-Premature deaths due to exposure to fine particulate matter in Europe-indicator — European Environment Agency (europa.eu)

(54)

COM(2021) 1000 final.

(55)

COM(2023)416 final.

(56)

  Sors: Statistika | Eurostat (europa.eu); Xejriet fl-UE - Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

(57)

COM(2021) 400 final.

(58)

  Tracker tal-azzjoni għal tniġġis żero

(59)

COM/2022/156 final/3.

(60)

COM(2022) 541 final.

(61)

COM/2022/542 final.

(62)

COM(2022) 540.

(63)

COM(2023) 416 final.

(64)

COM(2020) 667 final.

(65)

COM(2022) 748 final.

(66)

Dan kien jinvolvi tliet proposti leġiżlattivi dwar il-flussi tad-data tas-sustanzi kimiċi (COM(2023) 779), dwar ir-riallokazzjoni tax-xogħol fuq is-sustanzi kimiċi fl-aġenziji tal-UE (COM(2023) 783), u dwar l-emendar tad-Direttiva dwar ir-restrizzjoni ta’ sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (COM(2023) 781).

(67)

COM(2023) 395 final.

(68)

  Stqarrija għall-istampa

(69)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2486.

(70)

COM(2022) 541 final.

(71)

Inklużi s-servizzi ta’ Copernicus.

(72)

  https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC123783

(73)

COM(2020) 380 final.

(74)

COM(2023) 416 final u COM(2023) 728 final.

(75)

COM(2023) 35 final.

(76)

COM(2022) 156 final/2, COM(2022) 541 final.

(77)

COM(2021) 141 final/2.

(78)

COM(2023) 102 final.

(79)

  Djalogu strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE - Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

(80)

  The Network for Greening the Financial System (NGFS) acknowledges that nature-related risks could have significant macroeconomic and financial implications ; COM(2023) 376 final.

(81)

  https://eplca.jrc.ec.europa.eu/ConsumptionFootprintPlatform.html  

(82)

Sors: EEA, https://www.eea.europa.eu/publications/european-union-8th-environment-action-programme/indicators/24-water-scarcity-conditions-in/view

(83)

Sors: EEA, https://www.eea.europa.eu/publications/european-union-8th-environment-action-programme/indicators/23-land-take-net-land/view  

(84)

Inkluż ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass.

(85)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( nrg_cb )

(86)

COM(2023) 168 final.

(87)

Id-Direttiva (UE) 2010/75.

(88)

Id-Direttiva (UE) 2023/2413.

(89)

Ir-Regolament (UE) 2023/955.

(90)

COM(2023) 420 final.

(91)

  https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2024-0087_MT.html

(92)

Ir-Regolament (UE) Nru 649/2012, L 201/60.

(93)

Studju The costs of not implementing EU environmental law study - L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (europa.eu)

(94)

Ir-Regolament (UE) 2021/1767.

(95)

COM(2021) 851 final.

(96)

Ara SWD(2023) 254 final dwar kif il-Kummissjoni timmonitorja l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE.

(97)

Il-finanzjament pubbliku mill-Istati Membri jrid ikun f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li japplikaw ukoll għall-fondi tal-UE b’ġestjoni kondiviża.

(98)

Ir-Regolament (UE) 2022/2434.

(99)

Ara eż. l- Rapport tal-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli dwar kompendju tal-prattiki tas-suq - Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

(100)

COM(2024) 63 final

(101)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( ten00141 )

(102)

COM(2021) 802 final.

(103)

COM(2022) 144 final.

(104)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999.

(105)

Dment li l-investimenti ta’ referenza rilevanti, jiġifieri l-enerġija, it-trasport, l-industrija jew l-agrikoltura, jiġu implimentati u jwasslu l-kobenefiċċji meħtieġa għall-ambjent.

(106)

COM(2023) 376 final.

(107)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( env_ac_egss2 )

(108)

Id-Direttiva (UE) 2022/2464.

(109)

COM(2022) 71 final.

(110)

Messaġġi ewlenin mingħand il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill rigward l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika pdf (europa.eu) .

(111)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika 2022/C 243/04.

(112)

Ara l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2023 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE, European Institute for Gender Equality) għal rabtiet bejn il-ġeneru u l-ambjent.

(113)

Ara: Il-Kummissjoni Ewropea, Access to Essential Services (European Pillar of Social rights): Evidence from EU Member States, Final Synthesis Report, 2023.

(114)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( cei_cie011 )

(115)

Sett ta’ data tal-Eurostat ( cei_cie012 )

(116)

COM(2021) 44 final.

(117)

COM(2023) 398 final.

(118)

  Enfasi fuq is-saħħa fil-COP 28 (who.int)

(119)

COM(2023) 700 final.

(120)

COM(2019) 640 final.

(121)

  Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini- Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)