Brussell, 5.3.2024

COM(2024) 102 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U LILL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

Rapport Konġunt dwar l-iżviluppi fis-suq tal-UE għas-servizzi tal-awditjar statutorju lil entitajiet ta’ interess pubbliku mill-2019 sal-2021


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U LILL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

Rapport Konġunt dwar l-iżviluppi fis-suq tal-UE għas-servizzi tal-awditjar statutorju lil entitajiet ta’ interess pubbliku mill-2019 sal-2021

1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport konġunt jivvaluta l-iżviluppi fis-suq tal-UE għat-twettiq ta’ awditi statutorji fuq entitajiet ta’ interess pubbliku (PIE, public-interest entity) mill-2019 sal-2021. Jiffoka fuq:

-il-konċentrazzjonijiet tas-suq;

-ir-riskji li jirriżultaw minn nuqqasijiet fil-kwalità tal-awditjar; u

-il-prestazzjoni tal-kumitati tal-awditjar.

Huwa t-tielet rapport imfassal skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 537/2014( 1 ) (“ir-Regolament”). L-ewwel rapport ta’ monitoraġġ tas-suq( 2 ) kopra l-iżviluppi mill-2014 sal-2015, u t-tieni rapport( 3 ) kopra l-iżviluppi mill-2016 sal-2018.

Il-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB, Committee of European Auditing Oversight Bodies) ħejja dan ir-rapport. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, ir-rapporti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għas-sorveljanza tal-awditjar (ANK) huma s-sors ewlieni tad-data. Id-data tirreferi l-aktar għall-2020 u l-2021, u nġabret fl-2022.

Għall-ewwel darba, ir-rapport jinkludi data miġbura min-Norveġja. Din tintuża fil-paragrafu 2.1 dwar “ħarsa ġenerali lejn s-suq” u l-paragrafu 2.2 dwar “konċentrazzjoni tas-suq”. Ma nġabret l-ebda data għar-Renju Unit. Meta jiġu inklużi paraguni mal-2018 f’dan ir-rapport, u sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-data tar-Renju Unit hija inkluża fiċ-ċifri tal-2018.

2.L-iżviluppi fis-suq tal-UE għall-awditjar statutorju tal-PIEs

2.1.Ħarsa ġenerali lejn is-suq

Fl-2021, kien hemm 200 484 awditur statutorju u 22 427 ditta tal-awditjar irreġistrati fl-UE u fin-Norveġja. It-Tabella 1 turi ċ-ċifri kemm għall-2021 kif ukoll għall-2018 (mingħajr ir-Renju Unit). L-għadd ta’ prattikanti tal-awditjar (li jagħtu servizz lill-klijenti PIE u mhux PIE) naqas b’6 % mill-2018 u l-għadd ta’ ditti tal-awditjar irreġistrati naqas bi 11 %. Id-ditti tal-awditjar li jawditjaw il-PIEs jirrappreżentaw kważi 4 % tad-ditti tal-awditjar irreġistrati kollha, li huwa konsistenti mas-sehem fl-2018.

L-għadd ta’ awdituri statutorji impjegati mid-ditti tal-awditjar u assoċjati magħhom (bħala sħab jew mod ieħor) żdied b’7 %.

Tabella 1:    Awdituri statutorji u ditti tal-awditjar irreġistrati fl-UE (2018-2021)( 4 )

 

2018

2021

Bidla

Awdituri statutorji

213 299

200 484

-6 %

Awdituri statutorji impjegati minn ditta tal-awditjar
jew assoċjati magħha jew mod ieħor

47 944

51 388

7 %

Ditti tal-awditjar

25 110

22 427

-11 %

Li minnhom, ditti tal-awditjar li jawditjaw il-PIEs

1 090

1 008

-8 %

L-għadd ta’ awditi statutorji ta’ PIEs żdied bi 11 % bejn l-2018 u l-2021 (Illustrazzjoni 1). Il-kumpaniji elenkati kienu l-akbar kategorija ta’ PIEs madwar l-Istati Membri fl-2021, li jirrappreżentaw 37 % tat-total (44 % fl-2018).

L-awditi konġunti tal-PIEs jirrappreżentaw 16 % tal-awditi statutorji tal-PIEs. Mit-13-il Stat Membru li rrapportaw awditi konġunti( 5 ), Franza reġa’ kellha l-aktar (87 % tal-EU‑27 u n-Norveġja flimkien). Il-Belġju, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Kroazja u l-Polonja rrapportaw awditi konġunti fl-2021, filwaqt li ma kien ġie rrapportat l-ebda awditu konġunt f’dawk il-ħames pajjiżi fl-2018.

Illustrazzjoni 1:    PIEs u awditi statutorji ta’ PIEs (2018-2021)( 6 )

Il-fatturat tad-ditti tal-awditjar fl-EU‑25( 7 ) u fin-Norveġja li jawditjaw lill-PIEs kien ta’ madwar EUR 30 biljun( 8 ) fl-2021. Id-data għall-10 ditti ewlenin tal-awditjar (10KAP, 10 key audit firms( 9 )) tappoġġja stima ta’ dħul għall-EU‑25 u għan-Norveġja ta’ madwar EUR 28 biljun.

Iċ-ċifri tal-fatturat skont l-Istat Membru jvarjaw ħafna, filwaqt li l-Ġermanja u Franza huma l-akbar żewġ swieq (li jammontaw għal 47 % tal-fatturat tal-UE tad-ditti tal-awditjar fl-UE)( 10 ).

Id-dħul minn servizzi mhux tal-awditjar (servizzi mhux tal-awditjar permessi lil entitajiet awditjati) iġġenera 11 % tal-fatturat tad-ditti tal-awditjar li jawditjaw il-PIEs, irrapportat minn ditta jew fil-livell tan-network, u s-servizzi mhux tal-awditjar lil entitajiet oħra ġġeneraw 56 %.

Id-dħul mill-awditi statutorji tal-PIEs u entitajiet li jappartjenu għal grupp ta’ impriżi li l-impriża omm tagħhom hija PIE ġġenera 10 % tal-fatturat totali tad-ditti tal-awditjar li jawditjaw il-PIEs fl-UE (żieda minn 9 % fl-2018). Id-dħul mill-awditi statutorji ta’ entitajiet oħra ġġenera 23 % tal-fatturat totali (Illustrazzjoni 2)(26 % fl-2018). Madankollu, dan is-sehem ivarja minn Stat Membru għal ieħor: f’seba’ pajjiżi aktar minn 50 % tad-dħul kien iġġenerat minn servizzi tal-awditjar statutorju iżda f’sitt pajjiżi, inqas minn terz tad-dħul kien iġġenerat minn awditi statutorji( 11 ).

Illustrazzjoni 2:    Diżaggregazzjoni tad-dħul mill-fatturat tal-UE tad-ditti tal-awditjar li jawditjaw PIEs (2021)

Kien hemm 21 minn 24 ANK min-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni li rrapportaw li fil-perjodu mill-2019 sal-2021 ma wettqux inkjesta settorjali fis-suq tal-awditjar u lanqas ma rrapportaw ebda attività antitrust jew ta’ infurzar f’dan is-settur. Żewġ ANK semmew li analizzaw il-livell ta’ konċentrazzjoni fis-suq tal-awditjar. ANK waħda semmiet investigazzjoni antitrust li saret matul dan il-perjodu( 12 ).

2.2.Konċentrazzjoni tas-suq

Dan ir-rapport jippreżenta data tas-suq( 13 ) għall-awditi statutorji tal-PIEs mill-“Erbgħa l-Kbar” (Deloitte, EY, KPMG u PwC), mis-“CR4” (l-akbar erba’ ditti tal-awditjar f’kull pajjiż) u mit-10KAP.

L-Erbgħa l-Kbar jirrappreżentaw aktar minn 80 % tas-sehem mis-suq fi 11-il Stat Membru( 14 ) (meta mqabbel ma’ 13 fl-2018) u medja tas-sehem mis-suq tal-UE ta’ 59 % (tnaqqis minn 70 % fl-2018) tal-awditi statutorji kollha tal-PIEs.

Fi 13-il Stat Membru (żieda minn sebgħa fl-2018), l-Erbgħa l-Kbar mhumiex l-akbar erba’ ditti tal-awditjar( 15 ) f’termini tal-għadd totali ta’ opinjonijiet tal-awditjar statutorju tal-PIEs. Is-sehem mis-suq medju għas-CR4 huwa ta’ 70 % u 81 % għat-10KAP.

Illustrazzjoni 3:    Sehem mis-suq tad-ditti tal-awditjar f’għadd ta’ awditi statutorji tal-PIEs (2021)

L-Erbgħa l-Kbar għadhom dominanti f’termini ta’ dħul mill-awditi statutorji tal-PIEs. Fil-livell tal-UE, l-Erbgħa l-Kbar kienu jirrappreżentaw 86 % tad-dħul mill-awditi statutorji tal-PIEs, u 71 % tad-dħul mill-awditi statutorji ta’ entitajiet oħra (Illustrazzjoni 4).

Illustrazzjoni 4:    % tal-awditi statutorji tal-PIEs, % tad-dħul mill-awditi statutorji tal-PIEs u % tad-dħul mill-awditi ta’ entitajiet oħra, skont l-Istat Membru [l-Erbgħa l-Kbar] (2021)

F’termini tal-fatturat totali tad-ditti tal-awditjar, l-Erbgħa l-Kbar irrappreżentaw madwar 80 % tat-total tal-UE, li huwa konsistenti maċ-ċifri tal-2018. Kif jidher fl-Illustrazzjoni 5, individwalment l-Erbgħa l-Kbar huma l-akbar ditti f’termini ta’ sehem mis-suq tal-għadd ta’ awditi statutorji tal-PIEs, li kollettivament jirrappreżentaw 59 % tas-suq għall-awditi statutorji tal-PIEs. Mazars hija l-ħames l-akbar ditta, b’7 % tas-sehem mis-suq, segwita minn BDO b’5 % tas-sehem mis-suq.

Illustrazzjoni 5:    Sehem mis-suq tat-10KAP ta’ għadd ta’ awditi statutorji tal-PIEs (2021)

Għalkemm il-prevalenza tagħhom f’termini ta’ għadd ta’ awditi tal-PIEs qed tonqos, l-Erbgħa l-Kbar għadhom jiddominaw is-suq tal-awditjar statutorju tal-PIEs, b’86 % tad-dħul għall-awditi statutorji tal-PIEs (Illustrazzjoni 6). Dan huwa inqas mit-92 % tad-dħul fl-2018, li huwa parzjalment spjegat mill-fatt li d-ditti tal-awditjar tar-Renju Unit ma għadhomx inklużi fit-total tal-UE, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

Fis-suq tal-awditi statutorji ta’ entitajiet oħra, l-Erbgħa l-Kbar għandhom sehem ta’ 71 % tad-dħul, li huwa żieda żgħira minn 68 % fl-2018.

L-Erbgħa l-Kbar jiġġeneraw proporzjon sinifikanti (madwar 82-84 %) tad-dħul mis-servizzi mhux tal-awditjar( ( 16 )) minn klijenti tal-awditjar u mhux tal-awditjar. Is-sitwazzjoni tvarja madwar l-Istati Membri.

L-istruttura tad-dħul stmat tal-UE turi li l-Erbgħa l-Kbar jiddominaw is-suq kemm f’awditi statutorji kif ukoll f’servizzi mhux tal-awditjar ipprovduti minn awdituri statutorji. L-ogħla proporzjon ta’ dħul ta’ ditti tal-awditjar oħra (mhux l-Erbgħa l-Kbar) ġej minn awditi statutorji ta’ entitajiet oħra (15 % għat-10KAP li jifdal u 14 % għad-ditti l-oħra kollha) u minn servizzi mhux tal-awditjar lil entitajiet oħra (13 % għat-10KAP li jifdal u 5 % għad-ditti l-oħra kollha). It-10KAP li jifdal żiedu s-sehem tagħhom tad-dħul mill-awditi statutorji tal-PIEs (minn 5 % fl-2018 għal 9 % fl-2021).

Illustrazzjoni 6:    Ishma mis-suq tal-UE tad-ditti tal-awditjar li jawditjaw lill-PIEs, skont id-dħul (2021)

L-istruttura tad-dħul stmat tal-UE skont id-ditta fl-Illustrazzjoni 7 turi li l-Erbgħa l-Kbar jiġġeneraw persentaġġ ogħla tad-dħul totali tagħhom mill-awditi statutorji tal-PIEs mit-10KAP li jifdal (5 %) u mid-ditti l-oħra kollha (7 %). Madankollu, l-Erbgħa l-Kbar jiġġeneraw sehem aktar baxx ta’ dħul mill-awditi statutorji ta’ entitajiet oħra tad-dħul totali mit-10KAP li jifdal (45 %) u mid-ditti l-oħra kollha (26 %).

Illustrazzjoni 7:    Struttura tad-dħul skont id-ditta (2021)

2.3.Riskji li jirriżultaw minn nuqqasijiet fil-kwalità

B’kollox, l-ANK irrieżaminaw 737 fajl tal-awditjar tal-PIEs, l-aktar relatati ma’ ċikli ta’ spezzjoni annwali, imwettqa fl-2021( 17 ). Bħala medja, ir-rieżamijiet wasslu għal medja ta’ 2,6 sejbiet tal-ispezzjonijiet( 18 ) għal kull fajl tal-awditjar tal-PIEs. Il-proċeduri mifruxa mad-ditta kollha mwettqa fuq 361 ditta tal-awditjar/prattikanti uniċi li jawditjaw il-PIEs wasslu għal medja ta’ 3,5 sejbiet għal kull ditta tal-awditjar.

Il-valutazzjoni kwalitattiva ta’ hawn taħt tkopri l-qasam tal-mitigazzjoni u l-analiżi tar-riskju sistemiku.

Fis-snin preċedenti, is-sejbiet kienu relatati l-aktar ma’ nuqqasijiet fis-sistemi interni ta’ kontroll tal-kwalità tad-ditti tal-awditjar, iżda s-sejbiet reċenti( 19 ) juru li l-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet instabu fil-fajls tal-inkarigu tal-awditjar tal-PIEs. Żewġ terzi tal-ANK indikaw li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom biex jiġu stabbiliti miżuri ta’ mitigazzjoni u rimedji biex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet kienu ġew implimentati b’mod sodisfaċenti.

Hawn taħt hawn l-aktar oqsma komunement irrapportati għall-mitigazzjoni u l-analiżi tar-riskju (fejn ġew osservati sejbiet ripetuti, jiġifieri l-istess sejbiet ġew identifikati fl-istess ditta tal-awditjar/prattikanti f’ċikli ta’ spezzjoni preċedenti).

·Metodoloġija:

otwettiq tal-proċeduri tal-awditjar u/jew ksib tal-evidenza insuffiċjenti;

onuqqas ta’ konformità mal-Istandard Internazzjonali tal-Awditjar (ISA, International Standard on Auditing) 500 Audit Evidence, l-ISA 530 Audit Sampling, l-ISA 540 Auditing Accounting Estimates and Related Disclosures, jew l-ISA 230 Audit Documentation;

oħtieġa li jittejbu l-mudelli ta’ metodoloġija/dokumentazzjoni tal-awditjar biex tinkiseb konformità mal-leġiżlazzjoni/ISAs.

·eżami tal-kontroll tal-kwalità tal-inkarigu – EQCR (Engagement quality control review):

onuqqas ta’ twettiq f’waqtu tal-EQCR u/jew dokumentazzjoni inadegwata;

omonitoraġġ intern ineffettiv fuq l-EQCRs imwettaq mis-sħab tal-awditjar;

onuqqas ta’ kunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni u r-remunerazzjoni tas-sħab, tan-nuqqasijiet identifikati fir-rigward tal-prestazzjoni tal-EQCR.

·Etika u indipendenza:

oforniment ta’ servizzi mhux tal-awditjar lill-klijenti tal-awditjar ivvalutat b’mod insuffiċjenti għall-oqsma li ġejjin:

§kunsiderazzjoni jekk issirx konsultazzjoni mas-sieħeb tal-ġestjoni tar-riskju jekk jinqalgħu theddid ta’ indipendenza jew kunflitti ta’ interess;

§ksib u dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tal-kumitat tal-awditjar qabel ma jingħataw servizzi mhux tal-awditjar;

§twettiq b’mod kritiku u dokumentazzjoni b’mod adegwat tal-proċess ta’ aċċettazzjoni, speċjalment meta jistgħu jinqalgħu riskji ta’ awtorieżami jew kunflitti ta’ interess.

·Dokumentazzjoni tal-awditjar u sigurtà tad-data:

otitjib meħtieġ fl-arkivjar tal-fajls tal-awditjar;

oħtieġa li tittejjeb id-dokumentazzjoni tal-awditjar.

·Valutazzjoni tar-riskju u ttestjar tal-kontroll intern:

ovalutazzjoni tar-riskju insuffiċjenti mill-awditur;

oidentifikazzjoni mhux xierqa tal-kontrolli ġenerali interni fi ħdan l-entità awditjata;

onuqqas ta’ ttestjar tal-kontrolli interni.

F’ħames każijiet, l-ANK iddiskutew ma’ kulleġġi regolatorji u fi ħdan is-sottogrupp ta’ Spezzjoni tas-CEAOB jekk nuqqasijiet partikolari, prinċipalment relatati mal-kwalità ġenerali tas-sistemi ta’ kontroll intern tad-ditti tal-awditjar, għandhomx jikkwalifikaw bħala riskji sistemiċi. Għalkemm l-eżitu kien negattiv f’kull każ, id-diskussjonijiet kienu importanti biex tittejjeb il-kwalità tal-awditjar fost id-ditti tal-awditjar.

2.4.Prestazzjoni tal-kumitati tal-awditjar  

L-Artikolu 39 tad-Direttiva dwar l-Awditjar( 20 ) jistabbilixxi r-rekwiżiti ewlenin għall-kumitati tal-awditjar, il-kompożizzjoni, il-kompiti u l-interazzjoni tagħhom mal-korp amministrattiv jew superviżorju. Dan ir-rapport jivvaluta l-prestazzjoni tal-kumitati tal-awditjar. Fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa bbażat fuq il-kontribut mill-kumitati tal-awditjar infushom. L-ANK stiednu 1 506 kumitati tal-awditjar madwar l-Istati Membri biex iwieġbu għal kwestjonarju tas-CEAOB( 21 ) u madwar 60 % tal-kumitati tal-awditjar (fi 23 Stat Membru) wieġbu.

Interazzjoni mal-korp amministrattiv jew superviżorju

It-tweġibiet juru li l-interazzjoni tal-kumitati tal-awditjar mal-korp amministrattiv jew superviżorju hija adegwata u tindika fehim suffiċjenti tar-rekwiżiti f’dan il-qasam. Aktar minn nofs il-kumitati tal-awditjar kienu ltaqgħu mal-korp amministrattiv jew superviżorju mill-inqas tliet darbiet biex jikkomunikaw dwar l-attivitajiet, il-kwistjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet relatati tiegħu wara l-awditu statutorju. Xi drabi l-maniġment tal-entità awditjata kien preżenti.

Madwar 77 % tal-kumitati tal-awditjar qattgħu bejn 10 % u 50 % tal-ħin tal-laqgħat tagħhom fuq kwistjonijiet relatati mal-eżitu u l-monitoraġġ tal-awditu meta ltaqgħu mal-korp amministrattiv jew superviżorju (ara l-Illustrazzjoni 8).

Illustrazzjoni 8:    Ħin imqatta’ mill-kumitati tal-awditjar fuq kwistjonijiet relatati mal-eżitu u l-monitoraġġ tal-awditu

Indipendenza, inklużi servizzi mhux tal-awditjar permessi u limitu massimu tat-tariffi

Il-kumitati tal-awditjar huma responsabbli għar-rieżami tal-indipendenza tal-awdituri statutorji jew tad-ditti tal-awditjar, inkluża l-approvazzjoni tas-servizzi mhux tal-awditjar permessi( 22 ). F’66 % tal-każijiet, il-kumitati tal-awditjar kienu rċevew rappreżentazzjonijiet bil-miktub mill-awdituri. Fi 32 % tal-każijiet, il-kumitati tal-awditjar kienu qajmu aktar mistoqsijiet. F’24 % tal-każijiet, il-kumitati tal-awditjar kienu rrapportaw diskussjonijiet formali ma’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar dwar ir-riskji għall-indipendenza tal-awditur u s-salvagwardji applikati għall-mitigazzjoni ta’ dawk ir-riskji. Kien hemm 2 % tal-kumitati tal-awditjar li ma kienu wettqu l-ebda miżura biex jagħmlu monitoraġġ tal-indipendenza tal-awdituri.

Illustrazzjoni 9:    Monitoraġġ tal-indipendenza tal-awdituri

Kien hemm 24 % tal-kumitati tal-awditjar li kienu stabbilew kriterji ulterjuri li jillimitaw is-servizzi mhux tal-awditjar li jkunu permissibbli skont ir-Regolament jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Kien hemm 65 % tal-kumitati tal-awditjar (2018: madwar 50 %) li kkonfermaw li l-awditur statutorju (jew kwalunkwe membru tan-network tiegħu) kien ippreżenta proposti biex jipprovdi servizzi mhux tal-awditjar matul il-perjodu ta’ referenza( 23 ).

Kien hemm 37 % tal-kumitati tal-awditjar li semmew li ma kinux eżaminaw talbiet għall-forniment ta’ servizzi mhux tal-awditjar skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament, li huwa tnaqqis sinifikanti minn 80 % fl-2018. Nofshom iddikjaraw li ma kinux eżaminaw it-talbiet minħabba li s-servizzi mhux tal-awditjar kienu fuq lista approvata minn qabel (36 %) jew ma kinux permessi mill-entità (14 %).

Meta l-kumitati tal-awditjar kienu involuti fl-approvazzjoni tas-servizzi mhux tal-awditjar, il-kumitati tal-awditjar kienu żammew l-approvazzjoni fi 2 % tal-każijiet. Ir-raġunijiet imsemmija għaż-żamma tal-approvazzjoni tal-forniment tas-servizzi mhux tal-awditjar kienu riskju għall-indipendenza tal-awditur statutorju, servizzi mhux tal-awditjar ipprojbiti skont ir-Regolament jew skont il-liġi nazzjonali, jew l-objettiv tal-kumitat tal-awditjar li jtejjeb il-kompetizzjoni bejn id-ditti tal-awditjar. L-ebda wieħed mill-kumitati tal-awditjar ma identifika l-limitu massimu tat-tariffi bħala raġuni għal dik id-deċiżjoni.

Kien hemm 12 % tal-kumitati tal-awditjar li ma eżaminawx is-servizzi mhux tal-awditjar ipprovduti, li jfisser li ma vverifikawx li l-maniġment tal-entità kien żgura li s-servizzi mhux tal-awditjar ipprovduti kienu konsistenti mas-servizzi mhux tal-awditjar approvati (in-natura u t-tariffi).

Il-maġġoranza l-kbira tal-kumitati tal-awditjar (87 %) ma stabbilewx limitu massimu tat-tariffi għas-servizzi mhux tal-awditjar ta’ inqas minn 70 %( 24 ) għall-monitoraġġ. Madwar terz biss irrieżamina l-kalkolu li għamlet l-entità fir-rigward tal-limitu massimu permess tat-tariffa għas-servizzi mhux tal-awditjar ta’ 70 %. Il-metodi ta’ kalkolu jvarjaw minn kumitat tal-awditjar għal ieħor, bi kważi 50 % mwettqa fil-livell ta’ grupp għall-PIE fil-livell tal-grupp. Entitajiet oħra jikkalkulaw il-limitu massimu tat-tariffi fil-livell tas-sussidjarji (20 %), fil-livell tal-grupp għall-PIEs kollha fil-grupp (16 %) jew, meta ma jkun hemm l-ebda struttura ta’ grupp, fil-livell tal-kumpanija (16 %). Il-limitu massimu tat-tariffi għas-servizzi mhux tal-awditjar ta’ 70 % nqabeż skont 1 % tal-kumitati tal-awditjar.

Il-proċess tal-għażla tal-awditur

Il-kumitati tal-awditjar huma responsabbli għall-proċedura tal-għażla tal-awditur statutorju. Aktar minn 95 % (2018: 87 %) irrapportaw li kienu inkarigati mill-proċess tas-sejħiet għall-offerti, għalkemm għal xi kumitati tal-awditjar dan għadu problematiku.

Kien hemm 19 % tal-kumitati tal-awditjar li semmew il-ħatra ta’ awditur statutorju (jew ditta tal-awditjar) ġdid. Għal żewġ terzi, l-awditur kien ilu stabbilit sa 10 snin qabel ma nħatar awditur statutorju ġdid. Kien hemm 18 % tal-każijiet li kellhom l-istess awditur għal aktar minn 20 sena.

Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament dwar l-Awditjar, 90 % tal-PIEs li pproċedew għall-offerti kienu stiednu mill-inqas żewġ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar (6 % aktar mill-2018).

Illustrazzjoni 10:    Awdituri statutorji/ditti tal-awditjar mistiedna jipparteċipaw fl-offerta

Kien hemm 35 % tal-kumitati tal-awditjar li ma taw l-ebda kunsiderazzjoni speċifika għar-rekwiżit li l-proċess tal-offerti ma jridx jipprevjeni lid-ditti li rċevew inqas minn 15 % tat-tariffi totali tagħhom mill-PIEs fl-Istat Membru fis-sena kalendarja preċedenti milli jipparteċipaw fil-proċedura tal-għażla( 25 ).

Rigward it-tħabbira jew id-divulgazzjoni tal-proċess tal-offerti, 76 % ma segwewx il-linji gwida tas-CEAOB “Appointment of statutory auditors or audit firms by public-interest entities”, li jħeġġu lill-PIEs jagħmlu t-talba għall-offerti pubblika biex jippermettu lill-awdituri statutorji (jew ditti tal-awditjar) mhux mistiedna jipparteċipaw.

Id-dokumentazzjoni tal-offerti tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (13 %) jew intbagħtet lil ditti tal-awditjar magħżula (87 %, li 25 % minnhom marru għand id-ditti tal-awditjar li jagħmlu parti mill-Erbgħa l-Kbar biss).

L-għadd ta’ awdituri statutorji (jew ditti tal-awditjar) li ppreżentaw offerta jidhru fiċ-ċart ta’ hawn taħt:

Illustrazzjoni 11:    Għadd ta’ awdituri statutorji/ditti tal-awditjar li ppreżentaw offerta

Kien hemm 73 % tal-kumitati tal-awditjar li vverifikaw jekk l-entità awditjata, jekk tintalab, tkunx tista’ turi lill-awtorità kompetenti li l-proċedura tal-għażla kienet twettqet b’mod ġust.

Kien hemm 51 % tal-kumitati tal-awditjar li kienu biddlu l-awdituri li indikaw li kien kmieni wisq biex jiġi evalwat l-impatt tar-rotazzjoni tal-awdituri, jew li ma kienet saret l-ebda valutazzjoni fiż-żmien tal-kwestjonarju. Kien hemm 22 % tal-kumitati tal-awditjar li kklassifikaw l-impatt tar-rotazzjoni tal-awdituri bħala newtrali u 12 % kklassifikaw l-impatt bħala pożittiv.

Monitoraġġ tal-awditu statutorju

Il-kumitati tal-awditjar huma responsabbli wkoll għall-monitoraġġ tal-awditi statutorji. Kien hemm 77 % tal-kumitati tal-awditjar li ltaqgħu mal-awdituri statutorji (jew mad-ditta tal-awditjar) aktar minn darba u mal-maniġment preżenti (36 % għamlu dan mingħajr il-preżenza tal-maniġment). Kien hemm 36 % tal-kumitati tal-awditjar li vvalutaw il-kwalità tal-awditjar bi kriterji/metriċi bħall-kwalità tal-komunikazzjoni, it-tim tal-inkarigu tal-awditjar (inkluż l-għarfien espert tekniku muri), il-grad ta’ sfida tal-awditur, u l-ammont ta’ żmien imqatta’ fuq l-awditu statutorju mis-sieħeb/mill-maniġment superjuri tal-awditjar.

Il-kumitati tal-awditjar ftit li xejn għamlu użu (17 %) mir-rapporti/mis-sejbiet tal-ispezzjonijiet tal-ANK mill-aħħar spezzjoni tal-awditur statutorju fil-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-awditu statutorju. Aktar minn nofs il-kumitati tal-awditjar iddikjaraw li l-ebda rapport ta’ sejbiet ma kien disponibbli jew ma li kellhomx aċċess għalihom, filwaqt li 30 % tal-kumitati tal-awditjar ma kinux staqsew jekk is-sejbiet kinux disponibbli.

3.Sejbiet ewlenin

Is-sejbiet ewlenin li rriżultaw mill-istħarriġ tas-CEAOB huma kif ġej:

1.It-tnaqqis fl-għadd ta’ awdituri u ditti tal-awditjar individwali osservat fl-aħħar rapport kompla.

Impatti bħall-istruttura tal-età tal-professjoni tal-awditjar, il-kapaċità tagħha li tattira professjonisti ġodda u ż-żieda fir-raggruppament tal-professjonisti fi strutturi akbar jista’ jkollhom konsegwenzi kemm pożittivi kif ukoll negattivi fuq il-kwalità tal-awditjar imwettaq, u jrid isir monitoraġġ tagħhom matul il-perjodu li jmiss.

2.Bħala medja, id-ditti tal-awditjar tal-PIEs jiksbu 67 % tad-dħul tagħhom minn servizzi mhux tal-awditjar. Dan huwa tnaqqis ta’ madwar 2 % meta mqabbel mal-perjodu preċedenti. Dan juri li l-enfasi tad-ditti tal-awditjar tkompli tmur lil hinn mix-xogħol tal-awditjar statutorju.

Huwa tħassib potenzjali għar-regolaturi li l-forniment ta’ servizzi mhux tal-awditjar jista’ jaffettwa l-indipendenza u l-kwalità tal-awditjar. Għalhekk huwa importanti li jibqa’ jsir monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi tas-suq, b’mod partikolari filwaqt li d-ditti tal-awditjar jikkompetu għal kompiti ġodda, bħala riżultat tal-leġiżlazzjoni reċenti tal-UE bħad-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà( 26 ) li tirrikjedi l-aċċertament tar-rapporti dwar is-sostenibbiltà, u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali( 27 ) li jirrikjedi valutazzjoni tal-konformità mal-obbligi għal pjattaformi online u magni tat-tiftix kbar ħafna deżinjati.

3.Ġiet innotata bidla żgħira fis-suq tal-awditjar Ewropew, fejn l-Erbgħa l-Kbar irrinunzjaw porzjon mis-sehem mis-suq tagħhom favur l-10 Atturi Ewlenin tal-Awditjar li jifdal, għalkemm iżommu livell għoli ta’ konċentrazzjoni tas-suq.

Id-distribuzzjoni tal-awditi tal-PIEs fost l-atturi nbidlet, bi proporzjon akbar ta’ xogħol imwettaq minn atturi tas-suq oħra għajr l-Erbgħa l-Kbar. Madankollu, il-bidliet fl-istruttura tas-suq f’termini ta’ dħul huma inqas importanti mill-għadd ta’ impenji.

Instabet żieda żgħira fil-frekwenza tal-awditi konġunti f’diversi Stati Membri tal-UE. Madankollu, l-awditi konġunti għadhom jitwettqu primarjament fi Franza.

4.Filwaqt li ma ġie identifikat l-ebda “riskju sistemiku”, l-ANK komplew jidentifikaw frekwenza għolja ta’ nuqqasijiet fl-ispezzjonijiet tagħhom. Ħafna drabi, iżda mhux dejjem, dawn ivvalutaw il-livell ta’ rispons tad-ditti tal-awditjar biex jittrattaw is-sejbiet tal-ispezzjonijiet bħala suffiċjenti.

Minn naħa waħda, dan jirrifletti s-sejħa għal aktar trasparenza tar-riżultati tal-ispezzjonijiet mill-pubbliku, jew tal-inqas mill-kumitati tal-awditjar, biex tiġi pprovduta responsabbiltà akbar u fehim aħjar tal-livell tal-kwalità tal-awditjar fil-livell tad-ditti. Min-naħa l-oħra, huwa importanti li l-ANK ikomplu jagħmlu pressjoni fuq id-ditti tal-awditjar biex jagħmlu titjib permezz tas-CEAOB u l-kulleġġi Ewropej tar-regolaturi, sabiex jistabbilixxu aktar miżuri interni preventivi biex jevitaw nuqqasijiet fl-awditjar.

5.B’mod ġenerali, il-kumitati tal-awditjar tejbu l-prestazzjoni tar-responsabbiltajiet superviżorji tagħhom mill-aħħar perjodu ta’ rapportar.

Il-biċċa l-kbira tal-kumitati tal-awditjar jagħmlu monitoraġġ b’mod attiv tal-indipendenza tal-awdituri u jipparteċipaw fl-għażla ta’ awdituri jew ditti ġodda, kif ukoll tal-approvazzjoni ta’ servizzi mhux tal-awditjar. Hemm aktar sorveljanza u skrutinju tas-servizzi mhux tal-awditjar. Diversi awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar huma mistiedna jipparteċipaw fil-biċċa l-kbira tal-offerti, u dan iwassal għal żieda fl-għadd ta’ offerti għal kull offerta.

Minħabba r-rwol sinifikanti tal-kumitati tal-awditjar fl-iżgurar tal-kwalità tal-awditjar, huma meħtieġa aktar diskussjonijiet bejn il-kumitati tal-awditjar u l-ANK. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tas-sorveljanza tal-kumitati tal-awditjar mill-ANK.

6.L-effetti tal-pressjonijiet inflazzjonarji, iż-żieda fir-rati tal-imgħax, l-instabbiltà ġeopolitika, u l-użu dejjem akbar tal-għodod tal-analiżi tad-data u l-intelliġenza artifiċjali fil-qasam tal-awditjar jistgħu joħolqu sfidi għas-settur tal-awditjar matul is-snin li ġejjin. Jenħtieġ li jsir monitoraġġ tal-impatti ta’ dawn il-bidliet.

Minħabba n-natura transnazzjonali ta’ dawn il-bidliet, it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni Ewropea u l-iżgurar tal-koerenza bejn ir-regolamenti u l-għodod ta’ kooperazzjoni se jiffaċilitaw dan il-proċess ta’ monitoraġġ. Jenħtieġ li jitqiesu l-ispezzjonijiet konġunti bejn l-ANK u permezz tas-CEAOB għat-titjib tas-sorveljanza tad-ditti tal-awditjar u tan-networks li joperaw madwar l-UE.

(1) ()    Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).
(2) ()     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52017DC0464 .
(3) ()     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52021DC0029 .
(4) ()    In-Norveġja hija inkluża fiċ-ċifri tal-2021, iżda mhux fl-2018. Ir-Renju Unit mhuwiex inkluż fiċ-ċifri tal-2021 u lanqas tal-2018.
(5) ()    L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Greċja, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, il-Kroazja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, Spanja u l-Iżvezja rrapportaw awditi konġunti fl-2021.
(6) ()    In-Norveġja hija inkluża fiċ-ċifri tal-2021, iżda mhux tal-2018. Ir-Renju Unit mhuwiex inkluż fiċ-ċifri tal-2021 u lanqas tal-2018.
(7) ()    L-ebda data mill-Belġju u l-Iżvezja.
(8) ()    Id-data miġbura f’muniti nazzjonali ġiet ikkonvertita f’euro bl-użu tar-rati tal-kambju tal-31/12/2021. Sors: Bloomberg.
(9) ()    Baker Tilly, BDO, Deloitte, EY, Grant Thornton, KPMG, Mazars, Nexia, RSM u PwC. L-akbar ditti tal-awditjar fl-UE kif identifikati mis-CEAOB abbażi tal-Istħarriġ tal-2021.
(10) ()    Id-data għal 25 Stat Membru u n-Norveġja (l-ebda data mill-Belġju u l-Iżvezja).
(11) ()    L-ebda data mill-Belġju u l-Iżvezja.
(12) ()    Żewġ ANK: id-Danimarka u Spanja u ANK waħda: in-Netherlands.
(13) ()    Il-biċċa l-kbira tal-ANK ibbażaw il-fatturat fuq ditti tal-awditjar (kif definit fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/43/KE) għall-kuntrarju tan-network tal-awditjar (kif definit fl-Artikolu 2(7)). Id-data ppreżentata hija approssimattiva minħabba perjodi ta’ referenza differenti.
(14) ()    L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, in-Norveġja u l-Iżvezja.
(15) ()    Il-Bulgarija, Franza, il-Greċja, il-Kroazja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja.
(16) ()    Xi ANK irrapportaw diffikultà biex ikejlu s-servizzi mhux tal-awditjar lil entitajiet oħra, billi dawn huma servizzi barra mid-ditta tal-awditjar.
(17) ()    Tmien ANK irrapportaw data li tirreferi għaċ‑ċikli ta’ spezzjoni ta’ tliet snin.
(18) ()    Is-sejbiet tal-ispezzjoni huma nuqqasijiet fil-proċeduri tal-awditjar li jindikaw li d-ditta tal-awditjar ma kisbitx biżżejjed evidenza għall-awditjar xierqa biex issostni l-opinjoni tagħha, iżda mhux neċessarjament jimplikaw li dawn ir-rapporti finanzjarji huma wkoll dikjarazzjoni skorretta materjalment.
(19) ()    Din l-analiżi hija bbażata fuq is-sejbiet tal-ispezzjoni tal-awditjar, kif irrapportat mill-Istati Membri fl-2020/2021, fil-bażi tad-data ġestita mis-Sottogrupp ta’ Spezzjoni tas-CEAOB. Is-CEAOB analizza l-bażi tad-data biex jidentifika temi li jiffaċilitaw id-djalogu bejn id-ditti tal-awditjar/dawk li jistabbilixxu l‑istandards u s-CEAOB u biex iwissi lill-ispetturi dwar oqsma ta’ riskju għoli. L-analiżi ffokat fuq l-inċidenza tas-sejbiet mill-ISAs, il-kontroll tal-kwalità u l-etika.
(20) ()    Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).
(21) ()    L-għan tal-kwestjonarju kien li jivvaluta l-konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar l-awditjar u jrawwem ir-relazzjoni bejn l-ANK u l-kumitati tal-awditjar. Fl-2018, il-kwestjonarju ntbagħat lil 2 770 kumitat tal-awditjar f’26 Stat Membru b’rata ta’ rispons simili ta’ madwar 60 %.
(22) ()    L-Artikolu 4(2) u 6(2)(b) tar-Regolament, l-Artikolu 39(6)(e) tad-Direttiva 2006/43EC.
(23) ()    L-Artikolu 5(4) tar-Regolament.
(24) ()    L-Artikolu 4(2) tar-Regolament.
(25) ()    L-Artikolu 16(3)(a) tar-Regolament.
(26) ()    Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà.
(27) ()    Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE.