Brussell, 2.2.2024

COM(2024) 75 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1896 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluż rieżami tal-Korp Permanenti

{SWD(2024) 75 final}


1.Introduzzjoni

Żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni teħtieġ sett komprensiv ta’ regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) li jiżguraw ġestjoni komuni u effiċjenti ħafna tal-fruntieri esterni komuni tagħna, kif enfasizzat fl-istrateġija ta’ Schengen tal-Kummissjoni tal-2021 1 . Il-missjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) hija li tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġestjoni effettiva u effiċjenti tal-fruntieri esterni u fl-indirizzar tat-theddid u l-isfidi migratorji f’dawk il-fruntieri, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali 2 .

Il-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2023 appella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom fi sforzi konġunti biex jimmobilizzaw l-oqsma ta’ politika rilevanti kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tissaħħaħ is-sigurtà interna, inkluż, fost l-oħrajn, permezz tal-protezzjoni tal-fruntieri esterni, il-ġlieda kontra l-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ persuni u l-kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi terzi 3 . Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluż il-Frontex, għandu jkollha rwol deċiżiv f’dan l-isforz.

F’dawn l-aħħar ftit snin, l-UE ħadet għadd ta’ deċiżjonijiet importanti biex issaħħaħ il-fruntieri esterni tagħha, bl-għan li tibdel il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE f’waħda mis-sistemi bl-ogħla prestazzjoni fid-dinja. Il-mandati tal-aġenziji ewlenin, bħall-Frontex u l-Aġenzija tal-UE għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira (eu-LISA), ġew imsaħħa, tnieda mekkaniżmu ġdid ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen f’Ottubru 2022 4 , qed tiġi implimentata infrastruttura tal-IT ġdida fil-fruntieri esterni, u l-proċess tal-viża se jiġi diġitalizzat sal-2030. F’dan il-kuntest, il-Korp Permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/1896 5 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ir-Regolament EBCG) u li qed jiġi stabbilit progressivament sa tmiem l-2027, huwa eżempju konkret tal-integrazzjoni Ewropea fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Għall-ewwel darba, l-UE għandha s-servizz uniformi tagħha stess. Il-korp Permanenti, magħmul minn 10 000 uffiċjal tal-Frontex u uffiċjal nazzjonali, se jkun disponibbli, f’kull ħin biex jappoġġa lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw sfidi fil-fruntieri esterni komuni u biex jagħmel ir-ritorni aktar effettivi.

Il-Frontex u l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn u r-riintegrazzjoni jikkooperaw fil-qafas tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Sabiex din il-kooperazzjoni ssir kemm jista’ jkun effettiva, ir-Regolament EBCG jinkariga lill-Aġenzija u lill-Istati Membri bl-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri bħala responsabbiltà kondiviża. Bħala parti minn dan l-isforz, fl-14 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li tistabbilixxi l-politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri 6 . Dan ġie kkomplementat mill-Frontex fl-istrateġija teknika u operazzjonali tagħha 7 adottata fl-20 ta’ Settembru 2023.

L-Artikolu 121 tar-Regolament EBCG jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dak ir-Regolament sal-5 ta’ Diċembru 2023 u kull erba’ snin minn hemm ‘il quddiem. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tivvaluta, b’mod partikolari, l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-Frontex. 8 . Il-Kummissjoni hija meħtieġa tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni hija mitluba wkoll twettaq, sal-31 ta’ Diċembru 2023, rieżami tal-Korp Permanenti 9 , inkluż il-kompożizzjoni tiegħu u l-għarfien espert u l-professjonaliżmu tiegħu.

Il-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni u r-rieżami bejn Mejju 2022 u Ottubru 2023. Dawn kienu bbażati fuq eżerċizzju wiesa’ ta’ konsultazzjoni li involva l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Frontex innifisha, u l-aġenziji rilevanti tal-UE, inkluża l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali 10 . Din il-ħidma ġiet appoġġata wkoll minn studju estern 11 .

Dan ir-rapport jistabbilixxi l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni waslet għalihom mill-evalwazzjoni tar-Regolament u mir-rieżami tal-Korp Permanenti, it-tnejn dettaljati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rapport. Madankollu, anki meta jitqies li l-implimentazzjoni tar-Regolament għadha mhix maħsuba li titlesta, l-evalwazzjoni u r-rieżami identifikaw dewmien u lakuni importanti f’xi oqsma. Biex dawn jiġu indirizzati, ir-rapport jipproponi wkoll miżuri, fil-forma ta’ pjan ta’ azzjoni, biex jintlaħqu bis-sħiħ l-objettivi tal-Frontex u tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

2.Riassunt tal-evalwazzjoni

Minkejja sfidi sinifikanti, bħall-pandemija tal-Covid-19, l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-evalwazzjoni tikkonkludi b’valutazzjoni pożittiva tar-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE tar-Regolament EBCG, li jibqa’ bażi suffiċjenti biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri fil-fruntieri esterni tal-UE.

Il-migrazzjoni irregolari għadha sfida importanti, li teħtieġ rispons komuni u kkoordinat mill-UE u l-Istati Membri tagħha internament u esternament, f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi imsieħba. Skont il-premessa 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen; “Il-kontroll fuq il-fruntiera għandu jgħin fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex tkun prevenuta xi theddida għas-sigurtà interna, l-politika pubblika, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri.”. L-implimentazzjoni tar-Regolament EBCG ikkontribwiet għat-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali, u għat-titjib tal-effiċjenza tal-politika ta’ ritorn tal-UE. Ippermettiet ukoll it-tnedija gradwali iżda b’suċċess tal-Korp Permanenti tal-EBCG.

Sa mill-2019, l-Aġenzija żiedet l-appoġġ operazzjonali tagħha lill-Istati Membri f’diversi oqsma tal-mandat tagħha, u b’hekk fil-biċċa l-kbira tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom. L-għadd ta’ operazzjonijiet konġunti mwettqa bejn l-2020 u l-2023 żdied b’mod kostanti. Fl-2023, l-Aġenzija nediet 24 operazzjoni konġunta, meta mqabbla ma’ 15 fl-2020, 19 fl-2021 u 20 fl-2022, u kellha 2,874 membru tal-persunal skjerati f’nofs Ottubru 2023, meta mqabbla ma’ 1 122 fl-2020. Matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni, l-Aġenzija saret dejjem aktar proattiva fil-proposta ta’ appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri abbażi tal-analiżi tagħha stess tal-prijoritajiet operazzjonali.

Il-Frontex kompliet ukoll iżżid l-appoġġ lill-Istati Membri f’attivitajiet relatati mar-ritorn. Fl-2022, l-Aġenzija appoġġat ir-ritorn effettiv ta’ 24 868 ċittadin ta’ pajjiżi terzi, żieda ta’ 36 % meta mqabbel mas-sena preċedenti. Bil-mandat imsaħħaħ fil-qasam tar-ritorn, l-Aġenzija, b’mod parallel, qed taħdem biex tkompli żżid l-iskjeramenti ta’ Uffiċjali ta’ Skorta ta’ Ritorn Furzat u ta’ Appoġġ u fuq it-tisħiħ tal-attivitajiet taħt is-Servizzi Konġunti ta’ Riintegrazzjoni.

Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi msieħba, bħala parti importanti mill-mandat tal-Frontex u f’konformità mal-Istrateġija ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali tagħha, żdiedet gradwalment ukoll. Fl-2022, il-Frontex saħħet l-impenn operazzjonali tagħha f’pajjiżi msieħba billi espandiet iż-żona operazzjonali tagħha u saħħet il-kapaċità operazzjonali tagħha. Minn Ottubru 2023, il-Frontex kellha kważi 600 membru tal-persunal skjerati fuq għaxar operazzjonijiet konġunti fi tmien pajjiżi terzi 12 . Operazzjoni ġdida, JO fil-Maċedonja ta’ Fuq, tnediet fl-2023 abbażi tal-ftehim dwar l-istatus bejn il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Unjoni Ewropea li daħal fis-seħħ f’April 2023.

Barra minn hekk, l-analiżi tar-riskju u l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà tal-Aġenzija saru għodod stabbiliti sew li jikkontribwixxu għall-għarfien tas-sitwazzjoni, li jappoġġaw rispons operazzjonali xieraq. Matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni, l-Aġenzija żviluppat metodoloġiji komprensivi u tejbet b’mod kostanti l-kwalità tal-prodotti tal-analiżi tar-riskju tagħha, li jiffukaw dejjem aktar fuq it-tbassir u l-prevenzjoni, kif ukoll tal-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà tagħha biex tivvaluta u timmonitorja l-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-fruntieri esterni.

Għalkemm il-perjodu ta’ implimentazzjoni għall-operazzjonalizzazzjoni tal-mandat tal-Frontex stabbilit fir-Regolament EBCG għadu għaddej u se jkompli sal-2027, l-evalwazzjoni identifikat għadd ta’ sfidi li bħalissa jillimitaw l-effettività tar-Regolament. Filwaqt li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament setgħu pprovdew aktar ċarezza (eż. dwar id-drittijiet fundamentali), il-biċċa l-kbira tal-isfidi identifikati ma jirriżultawx mir-Regolament innifsu iżda huma r-riżultat ta’ nuqqasijiet organizzattivi, tekniċi jew operazzjonali, l-aktar dewmien, fl-implimentazzjoni tiegħu (eż. nuqqas ta’ struttura ta’ kmand ċara għall-Korp Permanenti, lakuni f’ċerti profili tal-Korp Permanenti). Fl-aħħar nett, sett ieħor ta’ kwistjonijiet li għandhom impatt fuq l-effettività tal-implimentazzjoni jirriżulta minn limitazzjonijiet, eż. in-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-setgħat eżekuttivi mogħtija lill-Korp Permanenti fil-liġi nazzjonali ta’ xi Stati Membri, jew minn dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-UE lil hinn mir-Regolament EBCG innifsu, pereż. fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija.

Sejbiet ewlenin fl-oqsma ewlenin tal-evalwazzjoni

L-analiżi tal-istruttura ta’ governanza tal-Frontex turi li hemm distribuzzjoni ċara tal-kompiti bejn il-Bord tat-Tmexxija u d-Direttur Eżekuttiv. L-istruttura ta’ sorveljanza tal-Aġenzija, li tinvolvi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni hija ċara u effettiva wkoll. Madankollu, l-evalwazzjoni ssib li l-governanza interna tal-Frontex għadha mhijiex kompletament adattata biex tappoġġa b’mod effettiv il-mandat tagħha tal-2019 minħabba responsabbiltajiet li jikkoinċidu u approċċi kunfliġġenti okkażjonali. L-implimentazzjoni tal-istruttura organizzattiva l-ġdida adottata mill-Bord tat-Tmexxija 13 f’Novembru 2023 jenħtieġ li tindirizza din il-kwistjoni. Sejba oħra hija li l-awtoritajiet responsabbli għar-ritorn għadhom mhumiex rappreżentati b’mod adegwat fuq il-Bord tat-Tmexxija. Bħalissa, l-Istati Membri fuq il-Bord tat-Tmexxija għadhom rappreżentati primarjament mill-awtoritajiet nazzjonali tal-ġestjoni tal-fruntieri tagħhom, li spiss ma jkunux responsabbli għar-ritorni.

Meta wieħed iħares lejn l-attivitajiet tal-Frontex, l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-analiżi tar-riskju huma fost l-attivitajiet meqjusa li jżidu l-aktar valur fil-livell tal-UE. Il-Frontex tipproduċi diversi prodotti tal-analiżi tar-riskju li jservu firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, f’konformità mal-objettivi stabbiliti fir-Regolament EBCG, u tipprovdi kopertura wiesgħa ta’ żoni tematiċi u ġeografiċi. Dawn il-prodotti tal-analiżi tar-riskju jintużaw mill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-analiżi fil-livell nazzjonali tagħhom stess u, sa ċertu punt, fl-ippjanar operazzjonali tagħhom. Fl-istess ħin, huma jikkontribwixxu wkoll għall-mekkaniżmi rilevanti tal-UE u huma essenzjali biex jinfurmaw l-attivitajiet operazzjonali tal-Frontex.

L-EUROSUR, il-qafas integrat għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-kooperazzjoni operazzjonali fi ħdan il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, kellha rwol sinifikanti fil-progress tal-Aġenzija biex tipprovdi informazzjoni kompletament aġġornata, affidabbli u azzjonabbli permezz ta’ sorveljanza 24/7 (kważi) f’ħin reali u tal-monitoraġġ tal-kriżijiet. Hija kkontribwiet għall-ħolqien ta’ stampa tas-sitwazzjoni Ewropea, billi pprovdiet qafas komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni, titjib fl-għarfien tas-sitwazzjoni u żieda fil-kapaċitajiet ta’ reazzjoni. Il-volum, il-kwalità, il-fluss u l-veloċità tad-data skambjata żdiedu b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, il-EUROSUR għadha ma tistax tipprovdi għarfien komplut tas-sitwazzjoni u kompletament aġġornat fil-fruntieri esterni tal-UE. Dan huwa primarjament dovut għal problemi ta’ implimentazzjoni, peress li mhux l-Istati Membri kollha li jirrapportaw bl-istess kompletezza jew regolarità l-avvenimenti fil-fruntieri.

Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa parti integrali mill-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. L-evalwazzjoni ssib li l-konformità tal-Aġenzija mad-dritt tal-UE u dak internazzjonali, b’mod partikolari l-qafas tad-drittijiet fundamentali fis-seħħ fil-Frontex, tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-għoti tal-appoġġ lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi. Sa mill-2021, bl-appoġġ qawwi tal-Bord tat-Tmexxija tagħha, il-Frontex żviluppat b’mod attiv u effettiv ir-regoli interni tagħha, il-prattiki u t-taħriġ tal-Korp Permanenti sabiex ittejjeb ir-rispett, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tagħha. Madankollu, l-evalwazzjoni tiġbed l-attenzjoni għall-mistoqsija dwar sa liema punt il-Frontex tista’ tinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tal-Istati Membri u kif l-azzjonijiet tal-Aġenzija jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv biex jiġi żgurat li l-Istati Membri ospitanti jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali matul attivitajiet konġunti, bħal operazzjonijiet konġunti. Hawnhekk, il-qafas tal-Aġenzija jinkludi l-għażla li jintuża l-Artikolu 46 tar-Regolament EBCG, li jippermetti s-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta’ attivitajiet operazzjonali fi Stat Membru. Filwaqt li l-Artikolu 46 jirrappreżenta għodda essenzjali għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija, dan jenħtieġ li jintuża biss bħala l-aħħar rimedju, peress li l-evalwazzjoni tissuġġerixxi li l-preżenza tal-Frontex tista’ tikkontribwixxi b’mod pożittiv għal konformità ġenerali akbar mad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, l-evalwazzjoni tikkonkludi li, f’dan l-istadju, ma hemmx bżonn li jiġi modifikat l-Artikolu 46.

L-attivitajiet operazzjonali tal-Frontex instabu li għandhom valur miżjud ċar għall-Istati Membri, filwaqt li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ politika tal-UE. Il-Frontex tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali estensiva lill-Istati Membri permezz ta’ operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntiera, inkluż assistenza teknika u operazzjonali b’appoġġ għall-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. L-effettività tal-appoġġ operazzjonali pprovdut mill-Aġenzija xi drabi hija kemxejn imxekkla mid-disponibbiltà attwali ta’ ċerti profili tal-Korp Permanenti u tipi ta’ tagħmir mitluba mill-Istati Membri. L-istruttura l-ġdida ta’ kmand tal-Korp Permanenti, li bħalissa qed tiġi żviluppata, se żżid ukoll l-effettività tal-Aġenzija. B’mod ġenerali, l-appoġġ operazzjonali tal-Frontex jidher li kkontribwixxa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta; madankollu, il-kooperazzjoni bejn il-Frontex u l-awtoritajiet nazzjonali tista’ tissaħħaħ biex tiżdied l-effettività tal-iskjeramenti.

Il-kooperazzjoni tal-Frontex ma’ aġenziji oħra tal-UE, bħall-Europol, u ma’ pajjiżi terzi ġiet imxekkla sa ċertu punt minn dewmien fl-implimentazzjoni ta’ qafas xieraq għall-protezzjoni tad-data personali li jippermetti skambju effettiv ta’ informazzjoni. Ir-regoli meħtieġa dwar il-protezzjoni tad-data ġew adottati mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Frontex kmieni fl-2024. Fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-mudell ta’ arranġament ta’ ħidma għal pajjiżi terzi adottat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2021 jinsabu fil-proċess li jiġu rieżaminati. 

Il-Frontex kellha rwol attiv u pożittiv fil-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-aġenziji mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, fil-qafas ta’ arranġament ta’ ħidma tripartitiku.

Il-kooperazzjoni bejn il-Frontex u l-Europol b’mod partikolari jeħtieġ li tiġi intensifikata biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin, biex jintlaħqu l-objettivi tal-proposti riċenti tal-Kummissjoni biex jiġi mmodernizzat il-qafas legali għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti 14 . Il-konklużjoni ta’ arranġament ta’ ħidma bejn iż-żewġ aġenziji, li bħalissa qed jiġi nnegozjat, fost l-oħrajn se tiffaċilita t-trasferiment tad-data għal dan l-għan.

Minbarra l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, ir-Regolament EBCG jinkariga b’mod espliċitu lill-Frontex biex tipprovdi assistenza teknika u operazzjonali fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ ritorn. L-evalwazzjoni tikkonkludi li l-Frontex appoġġat b’mod effettiv lill-Istati Membri fl-aspetti kollha tal-proċess ta’ ritorn, b’mod partikolari fl-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn u appoġġ ieħor relatat mar-ritorn, inkluż ir-riintegrazzjoni. Madankollu, l-evalwazzjoni ssib li hemm lok għal titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-ritorn u l-Kummissjoni Ewropea.

3.Riassunt tar-Rieżami tal-Korp Permanenti

Waħda mill-aktar innovazzjonijiet notevoli fir-Regolament EBCG hija l-ħolqien ta’ Korp Permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-ewwel servizz tal-UE bl-uniformi. Il-korp Permanenti jagħti lill-Frontex għodda unika biex tappoġġa lill-Istati Membri fuq il-post fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-fruntieri esterni, jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera (inkluż il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, it-traffikar ta’ bnedmin, it-terroriżmu u t-theddid ibridu), u jżidu b’mod sinifikanti r-ritorn effettiv u sostenibbli tal-migranti irregolari.

It-twaqqif u l-iskjerament tal-Korp Permanenti għandhom isiru gradwalment skont ir-Regolament. Dan jgħin biex titrawwem kultura komuni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, jikkontribwixxi għar-rispett tad-drittijiet fundamentali u jippromwovi l-ogħla standards fl-implimentazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u l-prattiki tajba.

Il-Korp Permanenti għadu qed jinbena u għandu l-għan li jsir appoġġ saħansitra aktar affidabbli u permanenti għall-Istati Membri.

Ir-rieżami jikkonkludi li x-xejriet migratorji li qed jinbidlu jirrikjedu skjerament flessibbli u aġli ta’ appoġġ lill-Istati Membri, li jnaqqas il-lakuni u jgħin biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet mhux mistennija. F’dan il-kuntest, iż-żieda riċenti fil-migrazzjoni irregolari tenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin jiġu miġġielda b’mod aktar effettiv. Barra minn hekk, l-isfidi għas-sigurtà li jvarjaw mit-terroriżmu sat-theddid ibridu qed jiżdiedu, kif muri fl-aktar attakki riċenti fl-Ewropa. Ġew irrapportati wkoll episodji ta’ strumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni, li jippruvaw jiddestabbilizzaw l-UE u l-Istati Membri tagħha. Fl-istess ħin, l-għadd ta’ qsim awtorizzat tal-fruntieri esterni qed ikompli jikber b’mod kostanti, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat vjaġġar bona-fide bla xkiel għan-negozju, it-turiżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali fost il-globalizzazzjoni li għaddejja. Dan jirrikjedi li l-Aġenzija tħares 'il quddiem u tbassar aħjar ix-xejriet ġodda. L-Istati Membri, min-naħa tagħhom, jeħtieġ li jwieġbu b’mod effettiv għas-sejħiet tal-Aġenzija biex jiġi skjerat il-persunal. Dan jirrikjedi wkoll li l-profili speċifiċi tal-uffiċjali tal-Korp Permanenti, li jiddefinixxu r-rwoli operazzjonali tagħhom, ikunu adattabbli għas-sitwazzjoni li qed tinbidel.

L-għadd globali u l-kompożizzjoni tal-Korp Permanenti;

Minkejja li l-istabbiliment tal-Korp Permanenti għadu fl-istadji bikrija tiegħu, diġà wera l-valur miżjud tiegħu, u l-appoġġ operazzjonali tiegħu huwa apprezzat mill-Istati Membri. Bħalissa għaddej il-bini tal-Korp Permanenti għad-daqs meħtieġ ta’ 10 000 membru sal-2027. Dan in-numru kien oriġinarjament ibbażat fuq il-ħtiġijiet operazzjonali vvalutati fiż-żmien meta ġie propost il-Korp Permanenti, kif ukoll fuq l-iżviluppi fil-fruntieri esterni tal-UE. Huwa ġeneralment proporzjonat għall-kapaċitajiet nazzjonali. Ir-Regolament EBCG jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fil-bini tal-Korp Permanenti 15 fl-interess tal-EBCG kollu. Filwaqt li dan il-proċess jeħtieġ sforzi sinifikanti mill-Aġenzija u mill-Istati Membri, ir-riżultati tar-rieżami, meta titqies ukoll is-sitwazzjoni attwali fil-fruntieri esterni tal-UE, ma jiġġustifikawx aġġustamenti f’dan l-istadju.

Madankollu, il-kompożizzjoni attwali tal-Korp Permanenti teħtieġ irfinar biex jiġi żgurat li tikkorrispondi aħjar għall-ħtiġijiet operazzjonali. Hemm lakuni fid-disponibbiltà ta’ ċerti esperti u profili speċjalizzati. Filwaqt li l-Istati Membri jistennew li jkollhom appoġġ addizzjonali mill-persunal tal-kategorija 1 f’ċerti oqsma speċjalizzati, il-persunal statutorju tal-Aġenzija għadu ma jistax jipprovdi tali għarfien espert speċifiku fl-oqsma kollha fejn dan huwa meħtieġ, u lanqas l-Istati Membri ma għandhom biżżejjed speċjalisti disponibbli. Din is-sitwazzjoni hija mistennija li titjieb maż-żmien billi tiffoka t-taħriġ tal-Korp Permanenti fuq profili li huma l-aktar mitluba.

Barra minn hekk, ċerti limitazzjonijiet li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE 16 li għandhom impatt fuq l-effettività tal-iskjerament tal-kategorija 1 tal-Korp Permanenti, bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-intitolamenti għal benefiċċji, il-klassifikazzjoni mill-ġdid jew ir-regoli dwar l-iskjerament, jeħtieġ li jiġu indirizzati, primarjament permezz tal-adozzjoni ta’ regoli ta’ implimentazzjoni ġodda jew emendati, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, huwa essenzjali li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fid-diversità, speċjalment f’termini ta’ bilanċ nazzjonali għall-persunal tal-kategorija 1 tal-Korp Permanenti. L-istrateġija l-ġdida tar-riżorsi umani tal-Aġenzija 17 jenħtieġ li tippermetti lill-Frontex ittejjeb is-sitwazzjoni attwali, inkluż fir-rigward tal-ġeneru.

Wara dewmien inizjali fir-reklutaġġ ta’ persunal statutorju għall-Korp Permanenti, l-implimentazzjoni issa qed tipproċedi b’veloċità massima. Għall-futur, huwa kruċjali li jiġu żgurati riżorsi adegwati ta’ reklutaġġ u li jiġu stabbiliti proċessi xierqa. Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-Korp Permanenti jiġi skjerat għal kompiti operazzjonali tul il-fruntieri esterni, f’pajjiżi terzi u f’operazzjonijiet ta’ ritorn. Il-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija f’Varsavja jenħtieġ li jkollhom biss numru limitat ħafna ta’ persunal tal-Korp Permanenti assenjat għal rwoli ta’ appoġġ.

L-Aġenzija għamlet progress sinifikanti fir-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-kategorija 1 tal-Korp Permanenti, u żiedet l-għadd ta’ uffiċjali tal-kategorija 1 tal-Korp Permanenti skjerabbli minn 678 18 fi tmiem l-2022 għal 970 f’Settembru 2023 19 . Għalhekk, l-Aġenzija kważi laħqet l-għadd meħtieġ ta’ persunal stazzjonabbli fl-2023 20 . L-Aġenzija rrappurtat ukoll 450 membru tal-persunal issekondat tal-Korp Permanenti tal-kategorija 2 u 3 899 membri tal-persunal nominati mill-Korp Permanenti tal-kategorija 3. Il-mira tal-2023 ta’ 1,500 membru tal-persunal nominat tal-Korp Permanenti tal-kategorija 4 intlaħqet 21 .

Ir-riżerva għal reazzjoni rapida (kategorija 4) ġiet stabbilita biex tindirizza ħtiġijiet mhux mistennija qabel ma l-Korp Permanenti jilħaq massa kritika. Minn issa, ma kienx hemm bżonn li tintuża din ir-riżerva. Sal-2025, kategoriji oħra tal-Korp Permanenti, bħall-persunal statutorju, is-sekondar fit-tul, u l-iskjeramenti għal żmien qasir mill-Istati Membri, se jilħqu livell li jippermetti r-riallokazzjoni tar-riżorsi jekk ikun hemm ħtiġijiet sproporzjonati u mhux mistennija. It-tneħħija gradwali ppjanata tar-riżerva ta’ reazzjoni rapida għadha miexja tajjeb.

Id-daqs tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali jitqies li huwa konformi mal-kapaċitajiet nazzjonali. Il-kontribuzzjonijiet individwali tal-Istati Membri jvarjaw minn 0,14 % sa 1,5 % tal-kapaċitajiet nazzjonali. Il-koeffiċjent tad-distribuzzjoni attwali wera li huwa effettiv. Ġie ddedikat finanzjament sinifikanti tal-UE biex jappoġġa lill-Istati Membri fil-bini tal-kapaċità tagħhom kemm f’termini ta’ persunal kif ukoll ta’ assi tekniċi. Madankollu, l-iżvilupp tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jirrikjedi sforzi importanti mill-Istati Membri wkoll u xi wħud jiffaċċjaw sfidi fil-bini tal-kapaċità tagħhom stess. Il-kontribuzzjonijiet għall-Korp Permanenti kif stabbilit mir-Regolament jidhru li huma biżżejjed b’mod ġenerali biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament EBCG peress li l-Aġenzija setgħet tindirizza kważi t-talbiet urġenti għall-assistenza tal-Istati Membri kollha.

Professjonaliżmu u taħriġ tal-Korp Permanenti

L-Aġenzija bdiet miżuri ta’ taħriġ għall-persunal tal-Korp Permanenti biex tiżgura li dawn jikkonformaw ma’ standards professjonali għoljin u li jkunu jistgħu jiġu skjerati b’mod effettiv. Dan jinkludi l-għarfien u l-konformità tagħhom mal-obbligi u l-istandards rilevanti tad-drittijiet fundamentali , mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. Madankollu, ir-rieżami juri li diversi aspetti tal-kunċett ta’ taħriġ għall-Korp Permanenti jeħtieġ li jiġu żviluppati aktar, sabiex jiġi żgurat li l-ammont, il-kontenut u l-kwalità tat-taħriġ tal-persunal statutorju (kategorija 1) jippermettulhom jipprovdu appoġġ effettiv lill-Istati Membri f’oqsma speċjalizzati. Dan jinkludi wkoll l-aġġornament tal-kurrikuli ta’ taħriġ biex jiġi żgurat taħriġ prattiku suffiċjenti biex il-persunal statutorju jitħejja għall-ħidma tiegħu fil-fruntieri. L-Aġenzija għandha tiżgura riżorsi ta’ taħriġ adegwati.

Is-sistema ta’ taħriġ għandha tiġi aġġornata, filwaqt li titqies l-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, bħala parti mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-kapaċità tal-EBCG, li huwa strument ewlieni fir-Regolament biex jiġi żgurat l-ippjanar integrat tal-kapaċitajiet tal-EBCG. L-Aġenzija qed tiżviluppa l-pjan direzzjonali tal-kapaċità b’kontribut mill-Istati Membri, bl-għan li tikkonverġi l-pjanijiet ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali u l-ippjanar pluriennali tar-riżorsi tal-Aġenzija, sabiex tottimizza l-investimenti fit-tul mill-EBCG kollha. Dan jenħtieġ li jiggwida lill-Istati Membri dwar kif jiżviluppaw il-persunal u l-assi tagħhom, inkluż il-koordinazzjoni mill-qrib fir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal tagħhom, inkluż il-Korp Permanenti.

Minbarra l-kwistjonijiet identifikati dwar it-taħriġ tagħhom, il-persunal statutorju jiffaċċja wkoll diffikultajiet oħra li jżommuh milli juża bis-sħiħ il-ħiliet tiegħu. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati wkoll biex jiġi żgurat li l-Korp Permanenti jaħdem b’mod professjonali u effettiv. Pereżempju, proċeduri għall-aċċess ta’ bażijiet tad-data nazzjonali, problemi relatati mal-lingwa, u dipendenza fuq l-Istat Membru ospitanti f’diversi kwistjonijiet amministrattivi u proċedurali jillimitaw il-kapaċità tal-persunal li jaħdem b’mod indipendenti. Dawn l-isfidi ma jistgħux jiġu indirizzati permezz ta’ soluzzjonijiet rapidi u faċli iżda jeħtieġu l-kooperazzjoni mill-qrib u kontinwa tal-Aġenzija u tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, fl-implimentazzjoni tar-Regolament, qamu diversi kwistjonijiet prattiċi, li jridu jiġu indirizzati mill-Aġenzija biex jiġi żgurat li l-Korp Permanenti jkun jista’ jipprovdi l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Istati Membri filwaqt li jikseb l-ogħla livelli possibbli ta’ professjonaliżmu. Dawn jinkludu l-ħtieġa li jittejbu l-ippjanar, il-ġestjoni, l-organizzazzjoni (inkluż l-iskjeramenti u l-iskjeramenti mill-ġdid), l-arranġamenti amministrattivi, il-ġestjoni tar-riżorsi umani, it-termini tal-impjiegi, il-komunikazzjoni interna, il-loġistika, il-proċeduri operattivi standard u l-koordinazzjoni mal-Istat Membru ospitanti u l-appoġġ għalih.

4. Konklużjonijiet

Minkejja xi dewmien u lakuni elenkati hawn fuq, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kif maħsuba fir-Regolament EBCG qed taħdem tajjeb, filwaqt li tqis l-istat attwali tal-implimentazzjoni. Fil-biċċa l-kbira laħqet l-objettivi tagħha bil-mod li kien mistenni, b’xi attivitajiet ewlenin li għad iridu jiġu implimentati bis-sħiħ. Il-partijiet ikkonċernati jaqblu li l-objettivi tar-Regolament EBCG ma setgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Għalhekk, ir-Regolament EBCG jibqa’ rilevanti fl-indirizzar tas-sitwazzjoni attwali u futura fil-fruntieri esterni tal-UE. Il-migrazzjoni irregolari għadha sfida ewlenija u teħtieġ rispons komuni u kkoordinat mill-Istati Membri kollha għall-futur prevedibbli.

Ir-Regolament jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettiva tal-komponenti kollha tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Għalkemm l-implimentazzjoni tar-Regolament għadha għaddejja, din irriżultat fl-istabbiliment u l-iskjerament tal-ewwel servizz uniformi tal-UE – il-Korp Permanenti tal-EBCG.

Il-korp Permanenti stabbilit fir-Regolament EBCG huwa parti ta’ benefiċċju u meħtieġa mill-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Ġie ppruvat li dan jikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ ġestjoni effettiva tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-UE u żona Schengen sigura. Id-daqs u l-kompożizzjoni tal-Korp Permanenti, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet annwali li għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri, kif stabbilit fl-annessi tar-Regolament EBCG, jibqgħu ġustifikati u proporzjonati.

Madankollu, l-implimentazzjoni tal-Korp Permanenti għadha għaddejja u ffaċċjat diversi sfidi. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jkomplu jiġu mmonitorjati l-iżviluppi f’termini ta’ ħtiġijiet operazzjonali biex jiġi żgurat li l-Korp Permanenti jibqa’ adattat biex jirrispondi għas-sitwazzjoni dejjem tinbidel fil-fruntieri esterni tal-UE. Barra minn hekk, huwa kruċjali li l-Aġenzija u l-Istati Membri jimplimentaw iċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u l-proċess relatat tal-ippjanar integrat għall-operazzjonijiet u l-ippjanar ta’ kontinġenza. Il-korp Permanenti se jikkontribwixxi wkoll għat-titjib tal-kapaċitajiet ta’ rispons fil-fruntieri esterni għad-detezzjoni, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera. Dan jgħin biex jiġu salvati l-ħajjiet tal-migranti u jiżgura l-protezzjoni tagħhom permezz ta’ skjeramenti effettivi u flessibbli u skjeramenti mill-ġdid tal-Korp Permanenti abbażi tal-ħtiġijiet operazzjonali attwali.

Il-Kummissjoni tqis li l-evalwazzjoni tar-Regolament u r-rieżami tal-Korp Permanenti jikkonfermaw li b’mod ġenerali, ma hemm l-ebda ħtieġa immedjata għal reviżjoni tar-Regolament EBCG jew tal-annessi tiegħu. Il-mandat rivedut mogħti lill-Aġenzija fir-Regolament EBCG li ġie adottat fl-2019 għadu qed jiġi implimentat, u l-Kummissjoni tqis li bħalissa l-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet identifikati fl-evalwazzjoni u fir-rieżami għadhom jistgħu jiġu indirizzati fil-perjodu ta’ implimentazzjoni li jifdal.

Sabiex jiġu ssimplifikati l-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn is-sejbiet, u biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tar-Regolament EBCG u jsir kompletament effettiv sal-2027, il-Kummissjoni qed tipproponi pjan ta’ azzjoni li għandu jiġi implimentat mill-Aġenzija, mill-Bord tat-Tmexxija tagħha, mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.

Mid-diversi kwistjonijiet identifikati fl-oqsma evalwati, l-azzjonijiet li ġejjin huma kkunsidrati ta’ importanza partikolari:

L-implimentazzjoni sħiħa tal-istruttura organizzattiva l-ġdida tal-Aġenzija, b’mod partikolari fir-rigward tal-Korp Permanenti, hija meqjusa bħala pass importanti fil-kisba tal-mandat ewlieni tal-Aġenzija, li huwa li tissorvelja l-funzjonament effettiv tal-kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri esterni u li tipprovdi assistenza lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-aspetti operazzjonali tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ struttura ġdida tal-katina tal-kmand b’linji ċari ta’ rappurtar u kanali ta’ komunikazzjoni huma meqjusa kritiċi għat-titjib tal-effettività operazzjonali tal-Korp Permanenti.

Barra minn hekk, huwa kruċjali li jiġu żgurati perspettiva strateġika fit-tul, ippjanar u prevedibbiltà għal investimenti ewlenin fil-kapaċitajiet fl-Aġenzija u fl-Istati Membri. Biex dan isir, hemm ħtieġa ċara li l-pjan direzzjonali tal-kapaċità u l-pjanijiet ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali jiġu żviluppati u aġġornati regolarment. Il-proċess ta’ ppjanar integrat għall-EBCG irid ukoll jiġi żviluppat u implimentat aktar. Dan huwa vitali biex jiġu żgurati skjeramenti rapidi u flessibbli abbażi tal-ħtiġijiet operazzjonali.

L-attivitajiet ta’ ritorn qed isiru parti aktar prominenti mill-mandat il-ġdid tal-Aġenzija. B’riżultat ta’ dan, huwa vitali li l-Bord tat-Tmexxija jiżgura tmexxija strateġika xierqa ta’ kwistjonijiet relatati mar-ritorn, bil-possibbiltà li jiġu kkunsidrati wkoll diskussjonijiet fil-laqgħat tar-Round Table ta’ Livell Għoli. Koordinazzjoni u komunikazzjoni mtejba bejn il-Kummissjoni, b’mod partikolari l-Koordinatur tar-Ritorn, u l-Aġenzija u bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli huma essenzjali biex l-Aġenzija tkun tista’ tipprovdi appoġġ operazzjonali effettiv lill-Istati Membri, inkluż dwar ir-ritorni, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali.

L-objettiv jibqa’ l-bini tal-Korp Permanenti għall-10 000 persunal kompletament operattiv ippjanat sal-2027. L-azzjonijiet li jiżguraw livell sodisfaċenti ta’ taħriġ li jissodisfa l-ħtiġijiet operattivi, b’mod partikolari għall-Kategorija 1 tal-Korp Permanenti u proċessi effiċjenti ta’ reklutaġġ huma partikolarment importanti. Barra minn hekk, huwa meħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat aktar kif għandhom jiġu solvuti ċerti kwistjonijiet li jirriżultaw mir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE, jew mir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, għall-persunal tal-Kategorija 1 tal-Korp Permanenti biex il-persunal statutorju bl-uniformi tal-Aġenzija jsir kompletament operattiv.

Fl-aħħar nett, fil-qasam tal-għarfien tas-sitwazzjoni, se jiġu kkunsidrati miżuri li jipprovdu stampa tas-sitwazzjoni u analiżi tar-riskju preċiżi, kompluti u aġġornati. Dan jista’ jinkiseb billi, pereżempju, tiġi inkluża aħjar id-data tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà fil-prodotti tal-analiżi tar-riskju u permezz tal-iżvilupp ulterjuri tal-EUROSUR. Tali miżuri se jiġu riflessi aktar bl-għan li dawn il-prodotti analitiċi jappoġġaw aħjar it-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali.

Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni anness ma’ dan ir-rapport u tista’ tipproponi kwalunkwe aġġustament, inkluż ta’ natura leġiżlattiva, kif jista’ jkun meħtieġ fil-futur.

(1)

     COM(2021)277 final: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u

“strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ” tal-Kunsill

(2)

     L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019).

(3)

          EUCO 14/23,  20241027-european-council-conclusions.pdf (europa.eu) .

(4)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2012 (ĠU L 160, 15.6.2022).

(5)

     Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019).

(6)

     COM(2023)146 final – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tistabbilixxi l-politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri.

(7)

     Id-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija 30/2023 tal-20 ta’ Settembru 2023 li tadotta l-Istrateġija Teknika u Operazzjonali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri 2023-2027.

(8)

     L-Artikolu 121 jirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta: (a) ir-riżultati miksuba mill-Aġenzija, filwaqt li jitqiesu l-objettivi, il-mandat, ir-riżorsi u l-kompiti tagħha; (b) l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-prestazzjoni tal-Aġenzija u l-prattiki ta’ ħidma tagħha fir-rigward tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha; (c) il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-livell tal-UE, inkluż l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta; (d) il-ħtieġa possibbli li jiġi mmodifikat il-mandat tal-Aġenzija; (e) l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe modifika bħal din; (f) il-funzjonament tal-korp permanenti; u (g) il-livell ta’ taħriġ, għarfien espert speċjalizzat u professjonaliżmu tal-Korp Permanenti.

(9)

     Ir-rieżami (l-Artikolu 59 tar-Regolament) għandu jħares lejn: (a) l-għadd globali u l-kompożizzjoni tal-korp permanenti; (b) id-daqs tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri individwali għall-Korp Permanenti; (c) l-għarfien espert u l-professjonaliżmu tal-Korp Permanenti u t-taħriġ li jirċievi; u (d) il-ħtieġa li tinżamm ir-riżerva għal reazzjoni rapida bħala parti mill-Korp Permanenti.

(10)

     FRA (2023) Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u d-drittijiet fundamentali

(11)

     [Għandu jiġi aġġornat ladarba jiġi ppubblikat l-istudju]

(12)

     L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, il-Kosovo*, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja. *Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(13)

     Id-Deċiżjoni tal-MB 45/2023 tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar l-istruttura organizzattiva l-ġdida tal-Aġenzija.

(14)

     Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u soġġorn mhux awtorizzati fl-Unjoni (COM/2023/755 final) u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin (COM/2023/754 final).

(15)

     perez. l-Artikolu 61 tar-Regolament EBCG.

(16)

     Ir-Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunit à Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU P 045, 14.6.1962, p. 1385).

(17)

     Id-Deċiżjoni tal-MB 44/2023 tat-22 ta’ Novembru 2023 li tadotta l-Istrateġija tal-Frontex għar-Riżorsi Umani 2024-2027.

(18)

     Ir-Rapport ta’ kull tliet xhur dwar il-Kapaċitajiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, Q4/2022.

(19)

     Il-mira ġenerali għall-persunal statutorju tal-kategorija 1 hija stabbilita għal 1 000 u 1 500 uffiċjal għall-2022 u l-2023 rispettivament fl-Anness I tar-Regolament EBCG. Madankollu, dak l-għadd jinkludi persunal statutorju stazzjonat bħala membri tat-tim f’oqsma operazzjonali, persunal responsabbli għall-funzjonament tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u “sa 4 % persunal ta’ appoġġ” f’konformità mal-Artikoli 54(7) u 54(8) tar-Regolament EBCG.

(20)

     Id-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija 20/2022 tas-16 ta’ Marzu 2022 li tadotta l-ippjanar annwali tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għall-2023 u l-ippjanar pluriennali indikattiv tal-profili.

(21)

     Data mir-Rapport tal-Aġenzija dwar il-kapaċitajiet għall-informazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija, 5/9/2023.


Brussell, 2.2.2024

COM(2024) 75 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1896 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluż rieżami tal-Korp Permanenti

{SWD(2024) 75 final}


Anness I

Pjan ta’ azzjoni biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tar-Regolament EBCG

Filwaqt li l-evalwazzjoni tar-Regolament EBCG u r-rieżami tal-Korp Permanenti wrew li r-Regolament wassal għal riżultat tajjeb f’termini tar-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tiegħu, żvelaw ukoll għadd ta’ nuqqasijiet fl-implimentazzjoni li jnaqqsu l-effettività tiegħu.

L-implimentazzjoni tar-Regolament tinsab għaddejja; għalhekk, dan il-pjan ta’ azzjoni jelenka l-aktar lakuni importanti fl-implimentazzjoni identifikati matul l-evalwazzjoni li jridu jiġu indirizzati fil-proċess, kif ukoll it-triq ’il quddiem u l-atturi responsabbli. Il-pjan ta’ azzjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni tal-kompiti tal-Aġenzija skont ir-Regolament EBCG u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Bord tat-Tmexxija (eż. Strateġija tal-ICT). Minflok, l-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, flimkien ma’ kompiti oħra tal-Aġenzija, jenħtieġ li tippermetti li r-Regolament jilħaq l-effettività sħiħa tiegħu sal-2027.

Struttura ta’ governanza u organizzazzjoni tal-Aġenzija

Kwistjoni

Azzjonijiet

Attur responsabbli

1.L-istruttura organizzazzjonali tal-Aġenzija għadha mhijiex allinjata bis-sħiħ mal-mandat tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-Korp Permanenti.

1.1 L-implimentazzjoni sħiħa tal-istruttura organizzattiva l-ġdida, inkluż it-tneħħija gradwali tal-persunal tal-Korp Permanenti mill-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija.

Frontex

Operazzjonijiet

Kwistjoni

Azzjonijiet

Attur responsabbli

2.Iċ-ċiklu ta’ ppjanar operazzjonali tal-Aġenzija huwa kkumplikat u jimxi bil-mod, l-iskjeramenti mhux dejjem jirriflettu l-ħtiġijiet operazzjonali li qed jinbidlu f’sezzjoni tal-fruntiera.

2.1 L-iżvilupp ulterjuri tal-prijoritizzazzjoni fuq terminu qasir, medju u twil tal-iskjeramenti fis-sezzjonijiet tal-fruntiera u l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet relatata sabiex jittejjeb l-ippjanar tal-iskjeramenti.

Frontex

2.2 l-iżvilupp u t-tnedija tal-kunċett operattiv tal-Korp Permanenti biex tittejjeb l-effettività tal-iskjeramenti u biex l-allokazzjoni tar-riżorsi ssir aktar flessibbli.

Frontex

2.3 L-ibbażar tal-ippjanar operazzjonali primarjament fuq l-analiżi tar-riskju u l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà li jiġu aġġornati b’mod kostanti u akkumpanjati minn indikaturi tal-prestazzjoni xierqa biex jappoġġaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali.

Frontex

2.4 Abbażi ta’ proċess ta’ ppjanar integrat, l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ pjanijiet operazzjonali u ta’ kontinġenza li jiżguraw il-kompatibbiltà u l-flessibbiltà biex jiġu ospitati operazzjonijiet konġunti.

Stati Membri

Pajjiżi Assoċjati ta’ (Schengen Schengen Associated Countries, SAC)

3.Il-korp Permanenti għandu strutturi kumplessi u ineffiċjenti ta’ kmand u kontroll, inklużi diversi linji ta’ rappurtar li jillimitaw l-effettività operazzjonali tiegħu.

3.1 L-iżvilupp u t-tnedija ta’ struttura ġdida ta’ katina ta’ kmand li toħloq linji ċari ta’ rappurtar u tippermetti li d-deċiżjonijiet jittieħdu u jiġu implimentati malajr fil-Korp Permanenti.

Frontex

3.2 L-istabiliment ta’ rwoli u kanali ta’ komunikazzjoni ċari bejn il-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija u l-persunal skjerat.

Frontex

4.Ċerti kwistjonijiet prattiċi u loġistiċi (eż. it-trasport tal-armi, l-użu ta’ dwal blu, il-kiri tal-karozzi u l-akkomodazzjoni) joħolqu diffikultajiet sinifikanti għall-persunal stazzjonat tal-Korp Permanenti u għall-użu ta’ tagħmir tekniku (eż. ir-rikonoxximent tal-vetturi tal-Frontex, ir-reġistrazzjoni, il-manutenzjoni).

4.1 L-identifikazzjoni tal-lista ta’ kwistjonijiet prattiċi u loġistiċi fl-Istati Membri/SAC li jfixklu l-iskjerament tal-Korp Permanenti u tat-tagħmir.

Frontex

4.2 Jekk ikun meħtieġ, l-emendar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali biex tiġi permessa l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-Regolament EBCG f’dan il-qasam.

Stati Membri/SAC

4.3 L-istabiliment tal-kapaċità u l-iżvilupp tal-proċessi biex jiġi pprovdut appoġġ loġistiku u tekniku lill-Korp Permanenti u tagħmir tekniku skjerat fil-fruntieri esterni, eż. billi tistabbilixxi uffiċċji antenna.

Frontex

5.Il-persunal stazzjonat tal-Korp Permanenti ma għandux aċċess għall-bażijiet tad-data Ewropej (pereż. SIS) u nazzjonali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ospitanti, li jillimita b’mod sinifikanti l-effettività tal-iskjeramenti (pereż. l-inabbiltà li jwettaq kontrolli fil-fruntieri).

5.1 Il-providement ta’ aċċess għas-SIS lill-persunal tal-Korp Permanenti, sabiex jippermettu x-xogħol tal-ewwel linja tagħhom.

Frontex

5.2 Ir-rieżami u l-eliminazzjoni tal-ostakli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew ta’ natura teknika jew amministrattiva, li jipprevjenu lill-Korp Permanenti milli jaċċessa bażijiet tad-data nazzjonali li huma meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom, kif definit fir-Regolament EBCG u fil-pjanijiet operazzjonali.

Stati Membri/SAC

Ir-ritorn

Kwistjoni

Azzjonijiet

Attur responsabbli

6.Fid-dawl tal-mandat estiż tal-Aġenzija dwar ir-ritorn, il-Bord tat-Tmexxija ma jipprovdix biżżejjed direzzjoni strateġika u segwitu għall-ħidma tar-Round Table ta’ Livell Għoli dwar ir-Ritorn. Il-punti tal-aġenda tal-MB dwar ir-ritorn bħalissa huma ffukati fuq ir-rappurtar dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija biss.

6.1Rieżami tal-membri u l-membri supplenti tal-Bord tat-Tmexxija.

Stati Membri/SAC

6.2 L-iżgurar li d-diskussjonijiet strateġiċi dwar ir-ritorn jiġu skedati regolarment għal-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija.

Bord Maniġerjali

6.3 L-aġġustament taż-żmien u l-frekwenza tal-laqgħat tar-Round Table ta’ Livell Għoli dwar ir-Ritorn, kif ukoll tal-laqgħat tekniċi, biex tippermetti t-tħejjija effettiva tad-diskussjonijiet strateġiċi fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija u s-segwitu tagħhom.

Frontex

Kummissjoni Ewropea

Stati Membri/SAC

7.Hemm koordinazzjoni insuffiċjenti bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija fil-kuntest tal-organizzazzjoni ta’ appoġġ operazzjonali dwar ir-ritorn.

7.1 Koordinazzjoni upstream regolari dwar attivitajiet operazzjonali u dwar għażliet ta’ involviment f’pajjiżi terzi u magħhom biex jiġi żgurat li l-appoġġ operazzjonali tal-Aġenzija jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-UE, inkluż tal-pjan direzzjonali dwar azzjonijiet ta’ ritorn immirati mmexxija mill-Koordinatur tar-Ritorn u tal-Artikolu 25a tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Laqgħat regolari biex jiġi żgurat li l-Aġenzija topera abbażi tal-aħħar informazzjoni dwar l-impenji mal-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi.

Frontex

Il-Kummissjoni Ewropea

8.Il-kompetenzi fil-qasam tar-ritorn huma ta’ spiss mifruxa fost awtoritajiet nazzjonali differenti fl-Istati Membri. Il-komunikazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-ritorn permezz tal-Punt ta’ Kuntatt Fokali Nazzjonali (National Focal Point of Contact, NFPOC) mhux dejjem taħdem mingħajr xkiel.

8.1 L-iffaċilitar ta’ kooperazzjoni u fluss ta’ informazzjoni xierqa bejn l-NFPOC u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-ritorn.

Stati Membri/SAC

8.2 It-tisħiħ tal-governanza nazzjonali tal-EIBM billi jlaqqgħu flimkien l-awtoritajiet nazzjonali kollha responsabbli għar-ritorn f’forum nazzjonali xieraq u jaħtru punti ta’ kuntatt speċifiċi għar-ritorn sabiex jippermettu r-rappreżentanza ta’ pożizzjoni nazzjonali unika fil-laqgħat fil-livell tal-UE.

Stati Membri/SAC

9.Fehim diverġenti ta’ kunċetti ewlenin relatati mar-ritorn (eż. ritorn volontarju, tluq volontarju) iwassal għal fehmiet diverġenti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-Frontex.

9.1 Diskussjonijiet iddedikati fir-Roundtable ta’ Livell Għoli dwar ir-Ritorn dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi tal-Aġenzija biex jappoġġaw ir-ritorn bil-ħsieb li jitnaqqsu d-diverġenzi u tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni operazzjonali tal-mandat tal-Aġenzija fil-qasam tar-ritorn.

Frontex

Kummissjoni Ewropea

Stati Membri/SAC

10.Ir-riżerva ta’ kontrolluri tar-ritorn furzat mhijiex biżżejjed biex timmonitorja l-operazzjonijiet ta’ ritorn rilevanti kollha.

10.1 Iż-żieda fl-għadd u d-disponibbiltà tar-riżerva ta’ kontrolluri tar-ritorn furzat biex tippermetti l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet rilevanti kollha.

Frontex

Stati Membri/SAC

Għarfien tas-sitwazzjoni

Kwistjoni

Azzjonijiet

Attur responsabbli

11.L-istampa tas-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tal-UE li tipprovdi l-EUROSUR mhijiex kompletament preċiża, kompluta u aġġornata. Dan huwa parzjalment dovut għal-livell li jvarja ta’ kooperazzjoni, prattiki ta’ rappurtar u ta’ integrazzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda mill-awtoritajiet nazzjonali.

11.1 L-allinjament tal-informazzjoni u r-rekwiżiti tal-kwalità u l-monitoraġġ tal-konformità sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu informazzjoni kompluta u komparabbli dwar it-taqsimiet tal-fruntieri esterni tagħhom.

Frontex

Stati Membri/SAC

12.Spejjeż għoljin u valur miżjud limitat għat-titjib tan-netwerk ta’ komunikazzjoni tal-EUROSUR għal-livell ta’ klassifikazzjoni CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL, kif previst fir-Regolament EBCG.

12.1 L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet attwali, f’termini tat-tip u l-iskala ta’ informazzjoni li għandha tiġi skambjata, biex jiġi aġġornat l-iskambju ta’ informazzjoni fl-EUROSUR, u sistemi oħra ta’ skambju ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, sal-livell ta’ klassifikazzjoni CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL.

Frontex

Stati Membri/SAC

12.2 L-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ pjan direzzjonali li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni sal-livell ta’ klassifikazzjoni CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL b’investiment finanzjarju u loġistiku aktar limitat.

Frontex

13.L-analiżi tar-riskju ma tkoprix ir-ritorn u l-informazzjoni dwar pajjiżi terzi, minkejja li huma komponenti ewlenin tal-EIBM.

13.1 L-iżvilupp ta’ indikaturi u ħtiġijiet ta’ data li jippermettu lill-Aġenzija twettaq analiżi tar-riskju dwar ir-ritorn u l-flussi migratorji minn pajjiżi terzi.

Frontex

Stati Membri/SAC

14.

13.2 Il-monitoraġġ regolari tal-koerenza tal-informazzjoni dwar ir-ritorn u l-flussi migratorji minn pajjiżi terzi disponibbli fil-Frontex bi statistika Ewropea uffiċjali. Il-ħidma mal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) biex ittejjeb il-koerenza tad-data fejn jeżistu d-differenzi.

Frontex

Stati Membri/SAC

Kummissjoni Ewropea

15.Id-data tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà ma tintużax bis-sħiħ fil-prodotti tal-analiżi tar-riskju, minkejja li huma strumenti ewlenin biex jiġu identifikati vulnerabbiltajiet potenzjali fil-fruntieri esterni tal-UE, u b’hekk titnaqqas il-preċiżjoni tal-analiżi tar-riskju.

14.1 Ir-rieżami u t-tneħħija tal-ostakli għall-użu tad-data tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà fl-analiżi tar-riskju, inkluż ir-rieżami tal-metodoloġiji rispettivi u r-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità.

Frontex

Stati Membri/SAC

16.Il-mekkaniżmu biex jiġu infurzati r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv lill-Istati Membri, abbażi ta’ valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà, mhuwiex sfruttat bis-sħiħ, għalkemm dawk ir-rakkomandazzjonijiet jikkonċernaw vulnerabbiltajiet serji fil-fruntieri esterni li jippreżentaw riskju għall-EIBM.

15.1 Deċiżjonijiet aktar rapidi dwar ir-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv lill-Istati Membri sabiex jiġu eliminati l-vulnerabbiltajiet b’mod aktar effettiv fil-fruntieri esterni tal-UE.

Bord Maniġerjali

Ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri

Kwistjoni

Azzjonijiet

Attur responsabbli

17.L-implimentazzjoni b’suċċess tal-EIBM tiddependi ħafna fuq l-implimentazzjoni effettiva u allinjata taċ-ċiklu ta’ politika pluriennali tal-EIBM fl-istrateġiji nazzjonali għall-EIBM li għadhom fil-proċess li jiġu adattati.

16.1 L-allinjament tal-istrateġiji nazzjonali għall-EIBM mar-rekwiżiti dwar il-15-il komponent tiegħu stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar il-politika strateġika pluriennali tal-EIBM u l-Istrateġija Teknika u Operazzjonali għall-EIBM.

Stati Membri/SAC

Żvilupp ta’ kapaċità

Kwistjoni

Azzjonijiet

Attur responsabbli

18.Nuqqas ta’ viżjoni strateġika fit-tul u prevedibbiltà għal investimenti ewlenin fil-kapaċitajiet, bħar-reklutaġġ, it-taħriġ, it-tagħmir tekniku u r-riċerka u l-iżvilupp, fl-Aġenzija u fl-Istati Membri.

17.1 L-iżvilupp tal-pjan direzzjonali tal-kapaċità u jiġu pprovduti aġġornamenti annwali lill-Bord tat-Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tiegħu sabiex ikompli jiġi żviluppat u implimentat il-proċess ta’ ppjanar integrat għall-EBCG.

Frontex

17.2 L-istabiliment u l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali, f’konformità mal-istrateġija nazzjonali għall-EIBM, inkluż l-evoluzzjoni fuq terminu medju sa twil tal-kapaċitajiet umani u tekniċi nazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn.

Stati Membri/SAC

19.L-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ akkwist tal-Aġenzija għadha lura u dan għandu impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-Aġenzija li tassorbi r-riżorsi finanzjarji disponibbli għal tagħmir tekniku taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali u b’hekk il-kisba tal-objettivi tar-Regolament EBCG.

18.1 L-istabiliment u r-rispett għall-miri ewlenin għall-akkwist jew il-lokazzjoni ta’ tagħmir tekniku.

Frontex

18.2 Ir-rieżami tal-applikazzjoni prattika tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku fl-Aġenzija biex jiġu identifikati u, fejn possibbli, indirizzati l-problemi li jirriżultaw f’għadd kbir ta’ akkwisti li ma rnexxewx.

Frontex

18.3 Il-forniment ta’ struttura ta’ governanza li tippermetti lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib il-progress tal-Aġenzija fil-pjan ta’ implimentazzjoni.

Frontex

Bord Maniġerjali

20.Il-ħtiġijiet tal-Istati Membri għall-appoġġ tal-Aġenzija b’tagħmir tekniku, speċjalment b’tagħmir fuq skala kbira, jaqbżu bil-kbir ir-Riżerva ta’ Tagħmir Tekniku disponibbli għall-Aġenzija; dan għandu impatt negattiv sinifikanti fuq il-kapaċità tal-Aġenzija li tissodisfa l-ħtiġijiet operazzjonali fil-fruntieri esterni tal-UE.

19.1 It-titjib fl-ippjanar fit-tul u l-iżgurar tal-impenn tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għar-Riżerva ta’ Tagħmir Tekniku sabiex ikunu jistgħu jsiru skjeramenti rapidi li jirriflettu l-ħtiġijiet operazzjonali attwali.

Frontex

19.2 Kontribuzzjoni għar-Riżerva ta’ Tagħmir Tekniku f’konformità mal-obbligi legali stabbiliti fir-Regolament EBCG.

Stati Membri/SAC

Kooperazzjoni

Kwistjoni

Azzjonijiet

Attur responsabbli

21. Fl-aħħar snin, l-Aġenzija kkonkludiet jew ġeddet diversi arranġamenti ta’ ħidma ma’ korpi u aġenziji tal-UE. Madankollu, xi aspetti ewlenin tal-kooperazzjoni tagħha (b’mod partikolari mal-Europol) huma bbażati fuq arranġamenti preċedenti għar-Regolament EBCG u għalhekk mhumiex allinjati miegħu.

20.1 Rieżami u, fejn meħtieġ, negożjar mill-ġdid tal-arranġamenti ta’ ħidma sabiex tallinjahom mar-rekwiżiti tar-Regolament EBCG biex tiġi żgurata kooperazzjoni operazzjonali effettiva, inkluż fl-iskambju ta’ informazzjoni.

Frontex

Bord Maniġerjali

22.

20.2 Il-konklużjoni ta’ arranġament ta’ ħidma mġedded bejn l-Europol u l-Frontex biex jiġi ffaċilitat, fost l-oħrajn, it-trasferiment ta’ data għall-fini tal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

Frontex

Europol

23.Is-sinerġiji ma’ aġenziji oħra tal-UE mhumiex sfruttati bis-sħiħ f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari u l-kriminalità transfruntiera relatata, b’mod partikolari l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

21.1 L-iżvilupp ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ aġenziji oħra tal-UE fil-limiti tal-mandati legali tal-aġenziji bil-ħsieb li jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi, l-informazzjoni u l-għarfien espert biex tiżdied il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi biex jiġu indirizzati l-migrazzjoni irregolari u l-kriminalità transfruntiera relatata.

Frontex

Europol

Eurojust

24.L-Aġenzija għandha arranġamenti ta’ ħidma ma’ għadd ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi xi wħud li ġew qabel ir-Regolament EBCG u mhumiex elenkati fih.

22.1 Rieżami tal-arranġamenti ta’ ħidma eżistenti ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u l-allinjament tagħhom mar-Regolament EBCG.

Frontex

Bord Maniġerjali

25.Il-ftehimiet dwar l-istatus jippermettu l-iskjerament tal-Frontex f’pajjiżi terzi bil-ħsieb li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tagħhom. Madankollu, il-ftehimiet dwar l-istatus għadhom ma ġewx konklużi ma’ pajjiżi importanti ta’ oriġini jew ta’ tranżitu tal-migrazzjoni lejn l-UE.

23.1 Jiġu intensifikati l-isforzi biex jiġu negozjati u konklużi ftehimiet dwar l-istatus ma’ pajjiżi terzi prijoritarji, f’konformità mar-relazzjonijiet ġenerali tal-UE ma’ dawn il-pajjiżi, biex jiġi ikun possibbli l-iskjerament tal-Korp Permanenti u ta’ tagħmir tekniku f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali.

Il-Kummissjoni Ewropea

26.L-Aġenzija ma setgħet tikkonkludi l-ebda arranġament ġdid ta’ ħidma ma’ pajjiżi terzi skont ir-Regolament EBCG, peress li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data qies li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali ma kinux biżżejjed fl-arranġament ta’ ħidma mudell tal-Kummissjoni.

24.1 Jiġi aġġornat il-mudell tal-arranġament ta’ ħidma billi jiġu inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tad-data personali f’konformità mal-qafas legali applikabbli tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea

24.2 Jiġu intensifikati l-isforzi biex jiġu konklużi arranġamenti ta’ ħidma ma’ pajjiżi terzi, inkluż dispożizzjonijiet adegwati dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Frontex

Bord Maniġerjali

Drittijiet fundamentali

Kwistjoni

Azzjonijiet

Attur responsabbli

27.L-istrateġija tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali għadha ma ġietx implimentata bis-sħiħ.

25.1 Jiġu implimentati l-komponenti kollha tal-pjan ta’ azzjoni tal-Istrateġija għad-Drittijiet Fundamentali fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija u tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kollha kemm hi, kif applikabbli.

Frontex

L-Istati Membri / SAC

25.2 Ikun hemm rapporti regolari lill-Bord tat-Tmexxija dwar il-progress tal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tiegħu lill-Bord tat-Tmexxija.

Frontex

28.Filwaqt li l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali (Fundamental Rights Officer, FRO) jista’ jinvestiga inċidenti li jseħħu matul operazzjonijiet fejn tipparteċipa l-Aġenzija, il-ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tal-Istati Membri jista’ jiġi segwit biss u eventwalment sanzjonat mill-awtoritajiet nazzjonali. Hemm esperjenza mħallta fl-Istati Membri fir-rigward tal-effettività tas-segwitu għar-rapporti tal-FRO u l-kooperazzjoni mal-FRO.

26.1 Jiġu rieżaminati u, fejn meħtieġ, imsaħħa l-effettività, l-indipendenza u l-puntwalità tal-investigazzjonijiet ta’ ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, inkluż billi jiżviluppa proċeduri ċari u trasparenti.

L-Istati Membri/SAC

26.2 Jiġi żgurat li l-pjanijiet operazzjonali kollha jistipulaw proċeduri u skedi ta’ żmien ċari għall-kooperazzjoni mal-investigazzjonijiet tal-FRO kemm mill-Aġenzija kif ukoll mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti.

Frontex

L-Istati Membri/SAC

29.L-osservaturi tad-drittijiet fundamentali (fundamental rights monitors, FRMs) għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fil-valutazzjoni tal-konformità tal-attivitajiet operazzjonali mad-drittijiet fundamentali. Madankollu, f’xi Stati Membri dawn ma jitħallewx jaċċessaw ċerti żoni operazzjonali li jirrestrinġu l-kapaċità tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom minquxa fir-Regolament EBCG.

27.1 Jiġi żgurat li l-pjanijiet operazzjonali kollha jiggarantixxu l-aċċess tal-FRMs għaż-żoni operazzjonali, inkluż f’żoni ta’ pattulja u intervisti ta’ informazzjoni, kif meħtieġ mir-Regolament EBCG.

Frontex

27.2 Jiġi permess l-aċċess tal-FRMs għaż-żoni operazzjonali kollha, kif meħtieġ mir-Regolament EBCG.

Stati Membri/SAC

30.Il-mekkaniżmu tal-ilmenti u l-mekkaniżmu tar-Rappurtar ta’ Inċidenti Serji (Serious Incident Reporting, SIR) jibbenefikaw minn faċilità akbar ta’ rapportar, protezzjoni għal dawk li jissottomettu rapporti, u sensibilizzazzjoni msaħħa dwar il-mekkaniżmu.

28.1 Jiġi rieżaminat il-mekkaniżmu tal-ilmenti u l-mekkaniżmu SIR, jiġi identifikat, u adottat titjib li jiffaċilita l-aċċess għal ilmentaturi potenzjali, inkluż tfal u persuni vulnerabbli, u eliminati l-ostakli li fadal għar-rappurtar.

Frontex

31.Il-mekkaniżmu fl-Artikolu 46 mhuwiex espliċitu dwar il-passi proċedurali li l-Aġenzija trid tieħu biex tindirizza ksur serju jew persistenti tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru ospitanti.

29.1 Jiġi żgurat li l-pjanijiet operazzjonali kollha jirrikjedu l-valutazzjoni regolari tar-riskji għad-drittijiet fundamentali assoċjati ma’ kull attività operazzjonali tal-Frontex, u l-konformità mad-drittijiet fundamentali tagħha, f’konformità mar-Regolament EBCG.

Frontex

29.2 Jiġu żviluppati u implimentati miżuri ta’ mitigazzjoni fejn jitqiesu meħtieġa abbażi tal-valutazzjoni mwettqa mill-FRO, biex jindirizzaw it-tħassib rilevanti kollu dwar id-drittijiet fundamentali u jipprevjenu l-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-attivitajiet kollha tal-Aġenzija.

Frontex

L-Istati Membri/SAC

Protezzjoni ta’ data personali

Kwistjoni

Azzjonijiet

Attur responsabbli

32.Wara dewmien twil, l-Aġenzija se jkollha fis-seħħ regoli ta’ implimentazzjoni, dik il-mappa u għandha l-għan li tindirizza l-aspetti tal-protezzjoni tad-data personali tal-attivitajiet kollha tagħhom. Madankollu, l-implimentazzjoni rigoruża tad-deċiżjonijiet tal-MB hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-Aġenzija jkunu konformi mal-qafas legali tal-UE.

30.1 L-iżgurar tal-implimentazzjoni rapida tad-deċiżjonijiet tal-MB dwar l-ipproċessar tad-data personali fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija u tipprovdi rapporti regolari lill-Bord tat-Tmexxija dwar il-progress miksub. L-iżgurar tal-kooperazzjoni mill-qrib kontinwa bejn l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Frontex u l-EDPS.

Frontex

30.2 Il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-MB dwar l-ipproċessar tad-data personali.

Bord Maniġerjali

33.L-Uffiċċju tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (Data Protection Officer, UPD) ilu nieqes mill-persunal għalkemm il-protezzjoni tad-data personali trid tiġi żgurata fl-attivitajiet kollha tal-Aġenzija, inkluż fuq il-post.

31.1 Riżorsi umani suffiċjenti jsiru disponibbli għall-uffiċċju tal-UPD sabiex ikun jista’ jwettaq b’mod effettiv il-kompiti tiegħu li jirriżultaw mir-Regolament EBCG.

Frontex

Korp Permanenti

Kwistjoni

Azzjonijiet

Attur responsabbli

34.L-Istati Membri ospitanti mhux dejjem isibu t-taħriġ tal-persunal tal-Korp Permanenti tal-kategorija 1 adegwat biex jindirizza l-ħtiġijiet operazzjonali tagħhom matul l-iskjeramenti.

32.1 Jiġu rieżaminati l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ tal-persunal tal-Korp Permanenti tal-kategorija 1 u żgurata l-valutazzjoni intermedja tal-progress tal-membri tal-persunal fil-ħin qabel tmiem il-perjodu ta’ prova.

Frontex

32.2 Jiġu identifikati n-nuqqasijiet fit-taħriġ tal-persunal tal-kategorija 1 u, fejn meħtieġ, aġġornat il-kurrikuli tat-taħriġ.

Frontex

L-Istati Membri/SAC

35.Id-disponibbiltà ta’ ċerti kategoriji ta’ profili tal-Korp Permanenti ma tikkorrelatax kompletament mal-ħtiġijiet attwali tal-iskjerament. Filwaqt li s-sitwazzjoni tjiebet maż-żmien, hemm domanda għolja għal profili speċifiċi u l-Frontex tirrapporta lakuni kbar (eż. ġesturi tal-klieb, uffiċjali tad-dokumenti f’livell avvanzat).

33.1 Jiġi intensifikat it-taħriġ tal-persunal bi profili speċjalizzati sabiex il-Korp Permanenti jkun jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet operazzjonali fil-fruntieri esterni u f’interventi ta’ ritorn.

Frontex

L-Istati Membri/SAC

33.2 Jiġi intensifikat it-taħriġ biex jiġi żgurat li l-persunal tal-kategorija 1 ikollu profil multiplu biex tiżdied il-flessibbiltà tal-iskjeramenti.

Frontex

36.Hemm diskrepanzi persistenti bejn l-għadd ta’ uffiċjali tal-Kategoriji 2 u 3 tal-Korp Permanenti li ċerti Stati Membri huma meħtieġa jissekondaw jew jinnominaw lill-Aġenzija skont ir-Regolament EBCG. Dawk l-Istati Membri li ma jissodisfawx il-kwota legali jipprevjenu lill-Aġenzija milli twieġeb b’mod effettiv għall-ħtiġijiet operazzjonali fil-fruntieri esterni tal-UE.

34.1 Jittejjeb l-ippjanar fit-tul u jiġi żgurat l-impenn tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-Korp Permanenti biex jippermettu skjeramenti rapidi li jirriflettu l-ħtiġijiet operazzjonali attwali.

Frontex

34.2 Ikun hemm kontribuzzjonijiet għall-kategoriji 2 u 3 tal-Korp Permanenti f’konformità mal-obbligi stabbiliti mar-Regolament EBCG.

Stati Membri/SAC

37.Il-kategorija 1 Il-persunal tal-Korp Permanenti huwa soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE, inkluż dwar il-ħin tax-xogħol, ix-xogħol bix-xift, is-sahra, l-istand-by eċċ. Ir-restrizzjonijiet konsegwenti ma jħalluhomx ikunu membri kompletament operattivi tat-timijiet tal-gwardji tal-fruntieri fil-fruntieri esterni u jillimitaw il-valur operazzjonali tal-iskjerament tagħhom għall-Istati Membri.

35.1 Jiġu speċifikati l-kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex tiżdied l-effettività tal-iskjerament tal-persunal tal-Korp Permanenti tal-kategorija 1, u fil-limiti tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, tesplora l-possibbiltà li tadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa tal-MB u l-atti delegati tal-Kummissjoni għall-ħtiġijiet operazzjonali fil-fruntieri esterni.

Frontex

Bord Maniġerjali

Il-Kummissjoni Ewropea