IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.1.2024
COM(2024) 27 final
WHITE PAPER
dwar għażliet għat-tisħiħ tal-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.1.2024
COM(2024) 27 final
WHITE PAPER
dwar għażliet għat-tisħiħ tal-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju
White Paper dwar għażliet għat-tisħiħ tal-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju
Din il-White Paper għandha l-għan li tvara konsultazzjoni pubblika dwar l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) fil-livell tal-UE li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju. F’dan ir-rigward, tirrieżamina l-programmi ta’ finanzjament rilevanti attwali tal-UE u tivvaluta jekk dan l-appoġġ għadux adegwat u strateġiku fid-dawl tal-isfidi ġeopolitiċi eżistenti u emerġenti deskritti fl-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika. Imbagħad tissuġġerixxi għażliet għall-futur b’mod miftuħ bħala bażi għal dibattitu fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika.
Għall-fini ta’ din il-White Paper, “użu doppju” tintuża fil-kuntest tal-appoġġ għar-R&Ż fir-rigward tas-software u t-teknoloġija li għandha l-potenzjal li tintuża kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll militari 1 . L-ambitu tal-appoġġ għar-R&Ż li jinvolvi teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju għandu l-għan li jindirizza d-distakk bejn l-attivitajiet tar-R&Ż esklussivament ċivili u dawk esklussivament tad-difiża, b’mod partikolari dwar it-teknoloġiji kritiċi u emerġenti.
1.Introduzzjoni
L-importanza u l-potenzjal li jiġu esplorati modi biex jissaħħaħ l-appoġġ għar-R&Ż li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju ġew diskussi fis-snin preċedenti. Fil-proposta tagħha għar-Regolament dwar Orizzont Ewropa f’Ġunju 2018 2 , il-Kummissjoni pproponiet li l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa taħt Orizzont Ewropa għandhom jiffokaw (iżda mhux esklużivament) fuq l-applikazzjoni ċivili, filwaqt li r-riċerka mwettqa fl-ambitu tal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) għandha tiffoka esklużivament fuq l-applikazzjonijiet tad-difiża. Matul in-negozjati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill emendaw id-dispożizzjonijiet legali, u ddikjaraw li l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni taħt il-Programm Speċifiku Orizzont Ewropa 3 u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) 4 għandhom jiffokaw esklużivament fuq l-applikazzjonijiet ċivili. Fl-istess ħin, il-koleġiżlaturi żammew dispożizzjonijiet dwar l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp tad-difiża mwettqa taħt l-EDF li jiffokaw esklussivament fuq applikazzjonijiet tad-difiża 5 filwaqt li indikaw il-potenzjal għal sinerġiji ta’ difiża ċivili. Huma ċċaraw ukoll li d-duplikazzjoni bla bżonn għandha tiġi evitata. Dan jimplika li kien hemm għażla politika espliċita mill-koleġiżlaturi biex l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ċivili u tad-difiża jiġu ttrattati bħala oqsma kompletament separati, li jimmiraw b’mod sostanzjali lejn komunitajiet ta’ partijiet ikkonċernati differenti, b’regoli differenti, skopijiet differenti u applikazzjonijiet differenti tas-suq.
Filwaqt li tirrikonoxxi n-nuqqas ta’ strumenti xierqa biex jiffaċilitaw l-arrikkiment reċiproku bejn l-attivitajiet tar-R&Ż ċivili u tad-difiża, il-Kummissjoni nediet diversi azzjonijiet mill-2021 biex ittejjeb is-sinerġiji bejn il-programmi tal-UE u tippromwovi approċċ mifrux mal-UE kollha għat-teknoloġiji kritiċi billi tagħmel l-aħjar użu mill-programmi tar-R&Ż tal-UE.
|
Inizjattivi tal-UE li jappoġġaw l-arrikkiment reċiproku bejn l-attivitajiet tar-R&Ż ċivili, tad-difiża u tal-ispazju Fi Frar 2021, il-pjan ta’ azzjoni dwar is-sinerġiji bejn l-industrija ċivili, l-industrija tad-difiża u l-industrija tal-ispazju 6 identifika fost l-objettivi tiegħu l-ħtieġa li tittejjeb il-komplementarjetà bejn il-programmi u l-istrumenti rilevanti tal-UE sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-investiment u l-effettività tar-riżultati. L-ewwel rapport ta’ progress tagħha adottat f’Novembru 2022 irrikonoxxa l-ħtieġa li “titwettaq analiżi tal-lakuni fl-appoġġ mill-istrumenti tal-UE fil-perkors mir-R&Ż, sal-varar, sakemm issir l-adozzjoni mis-suq jew l-akkwist pubbliku, bl-għan li wieħed jara kif strument wieħed jista’ jgħin fejn l-ieħor ma jistax. Ir-riżultat ta’ din l-analiżi jista’ jikkontribwixxi għall-ippjanar tal-[qafas finanzjarju pluriennali] li jmiss.” 7 Fi Frar 2022, il-Komunikazzjoni “Il-pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża” 8 irrikonoxxiet li ma hemm l-ebda qafas għal appoġġ dirett għall-attivitajiet b’użu doppju taħt il-programmi u l-istrumenti eżistenti u ħabbret li “fl-2023, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-istrumenti eżistenti tal-UE u tipproponi modi ulterjuri biex tħeġġeġ l-użu doppju tar-RTDI fil-livell tal-UE”. Il-Kummissjoni analizzat ukoll l-opportunitajiet u r-restrizzjonijiet għat-tisħiħ tal-appoġġ għat-teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju permezz tal-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża (EUDIS), imħabbra f’din il-Komunikazzjoni u mnedija f’Mejju 2022 bħala parti mill-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF). F’Mejju 2022, il-Komunikazzjoni Konġunta “Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur” 9 , ħabbret “bidliet possibbli fil-qafas għar-riċerka u innovazzjoni fil-qasam tal-oġġetti b’użu doppju, biex toħloq sinerġiji aħjar bejn l-istrumenti ċivili u tad-difiża”. Fl-istess Komunikazzjoni Konġunta, il-“[ħidma] fuq miżuri oħrajn (bħal sejħiet koordinati fost l-istrumenti tal-UE u s-self mill-BEI) insostenn ta’ teknoloġija kritika u kapaċità industrijali bl-iżvilupp ta’ proġetti strateġiċi” ġiet deskritta kif meħtieġ. F’Lulju 2022, il-Kummissjoni adottat Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni Ġdida 10 . Fost il-kundizzjonijiet qafas għall-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, l-aġenda tenfasizza li “l-ingranaġġ tar-rwol tas-settur pubbliku bħala klijent ewlieni” jista’ jaċċellera l-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u jsaħħaħ il-kompetittività industrijali tal-UE fuq livell globali. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni fetħet sejħiet biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali li jagħtu spinta lill-akkwist tal-innovazzjoni, u qed ittejjeb ukoll il-ġbir tad-data dwar l-akkwist tal-innovazzjoni fis-setturi ċivili u tad-difiża. Peress li ħafna teknoloġiji kritiċi b’potenzjal ta’ użu doppju jinsabu fis-settur diġitali, huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li r-Rapport tal-Kummissjoni tal-2023 dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali 11 jirrakkomanda li l-Istati Membri għandhom “joħolqu pjanijiet ta’ azzjoni b’appoġġ għall-akkwist tal-innovazzjoni u jagħmlu aktar sforzi biex iżidu l-investimenti fl-akkwist pubbliku fl-iżvilupp, l-ittestjar u l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali innovattivi”. F’Marzu 2023, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli adottaw l-Istrateġija Spazjali tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża 12 . Din tisħaq li “is-sistemi u s-servizzi spazjali għandhom rwol dejjem akbar fl-appoġġ tad-difiża u s-sigurtà. Is-servizzi b’użu doppju pprovduti mill-programmi spazjali tal-UE u minn entitajiet kummerċjali, inkluż l-Ispazju Ġdid, se jkomplu jiġu żviluppati biex tiżdied l-awtonomija strateġika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha” u li “meta tkun qed tħejji l-iżvilupp futur tal-programmi spazjali tal-UE, il-Kummissjoni se tikkunsidra r-rekwiżiti fit-tul għall-utenti tad-difiża u tas-sigurtà (orizzont ta’ żmien 2035), b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Se tikkunsidra l-interoperabbiltà tas-sistema u għażliet ta’ tagħbija utli ta’ appoġġ għad-difiża kif ukoll għas-sigurtà fuq sistemi spazjali eżistenti jew futuri. Għal dan l-għan, “se jiġu mħeġġin sinerġiji permezz tal-EDF, sabiex ir-riċerka u l-iżvilupp tad-difiża jkunu jistgħu jaċċelleraw l-użu ta’ tagħbijiet utli li jippermettu servizzi għad-difiża. Barra minn hekk, is-servizzi governattivi diversi ffaċilitati mill-programmi spazjali tal-UE se jitħaddmu u jintużaw b’mod konsistenti.”. F’Ġunju 2023, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Pjattaforma Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) biex jinżamm vantaġġ Ewropew fuq teknoloġiji kritiċi u emerġenti rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali: minn teknoloġiji relatati mal-informatika, inklużi l-mikroelettronika, il-kompjuting kwantistiku u l-intelliġenza artifiċjali, sal-bijoteknoloġija u l-bijomanifattura, u teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. Barra minn hekk, biex iżid l-EDF, STEP se ssaħħaħ il-kofinanzjament mill-istrumenti tal-UE taħt il-Politika ta’ Koeżjoni b’appoġġ għall-iżvilupp jew għall-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, li ħafna minnhom għandhom potenzjal ta’ użu doppju. |
Il-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika 13 adottata fl-20 ta’ Ġunju 2023 ipproponiet approċċ Ewropew komuni għas-sigurtà ekonomika, inkluż billi jitneħħew ir-riskji u jiġi promoss vantaġġ teknoloġiku f’setturi kritiċi. L-istrateġija tistabbilixxi tliet prijoritajiet: il-promozzjoni tal-kompetittività tal-UE nfisha; il-protezzjoni tagħha mir-riskji għas-sigurtà ekonomika; u sħubija mal-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ pajjiżi li jikkondividu t-tħassib jew l-interessi tal-UE fis-sigurtà ekonomika. Din għandha l-għan li tibni s-sigurtà ekonomika tal-UE u tagħmel l-ekonomija tagħha aktar reżiljenti, inkluż billi żżomm u tkabbar il-vantaġġ teknoloġiku tagħna fuq it-teknoloġiji li huma kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-UE. Dawn it-teknoloġiji spiss ikollhom potenzjal ta’ użu doppju: jirfdu t-teknoloġiji rilevanti għal ħafna oqsma kemm fil-qasam ċivili kif ukoll f’dak tad-difiża. F’Ottubru 2023, il-Kummissjoni ppreżentat ir-Rakkomandazzjoni tagħha 14 dwar oqsma kritiċi tat-teknoloġija u nediet valutazzjoni tar-riskju konġunta mal-Istati Membri.
Fil-Komunikazzjoni Konġunta, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrapporta dwar għażliet biex tiżgura appoġġ għar-R&Ż li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju, wara li tkun irrieżaminat l-ambitu tal-istrumenti eżistenti. It-tfassil ta’ parametri fil-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-UE għar-R&Ż li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju għandu jippermetti l-adozzjoni aktar malajr tagħhom mis-suq fl-UE, kemm għal skopijiet kummerċjali, għall-ħtiġijiet tal-gvernijiet tal-Istati Membri (ċivili jew ta’ difiża), jew għal infrastrutturi fil-livell tal-UE.
Għalhekk, l-UE jista’ jkollha rwol importanti x’taqdi fl-għoti ta’ appoġġ immirat għall-użu doppju, fil-perkors mir-R&Ż sal-varar, sakemm issir l-adozzjoni mis-suq jew sakemm isir l-akkwist pubbliku. Il-miżuri ta’ appoġġ jistgħu jibnu ulterjorment fuq il-potenzjal ta’ sinerġiji taħt STEP u koordinazzjoni msaħħa ma’ programmi b’użu doppju ta’ organizzazzjonijiet oħra tal-UE bħall-Inizjattiva Strateġika għas-Sigurtà Ewropea (SESI) tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) 15 , filwaqt li jaraw kif bl-aħjar mod strument Ewropew partikolari jista’ jgħin fejn ma jistax l-ieħor u jimmiraw li jappoġġaw teknoloġiji kritiċi u kapaċitajiet industrijali billi jiżviluppaw proġetti strateġiċi.
F’Novembru 2023, il-President von der Leyen talbet li jiġi mmassimizzat il-potenzjal ta’ użu doppju tal-UE: “Filwaqt li nsaħħu r-riċerka u l-iżvilupp speċifiċi għad-difiża tagħna, għandna wkoll nintegraw aħjar it-teknoloġiji ċivili fil-bażi industrijali tad-difiża tagħna... Hemm innovazzjoni tant vitali b’applikazzjonijiet tad-difiża li toħroġ minn attivitajiet ċivili. Issa huwa importanti li ngħaqqdu l-punti. U għal dan, il-Kummissjoni se tistabbilixxi għażliet f’White Paper dwar ir-riċerka b’użu doppju.” (traduzzjoni għall-Malti mid-diskors oriġinali bl-Ingliż imsemmi hawn taħt) 16
2.Opportunitajiet u sfidi
Id-dibattitu dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għat-tisħiħ tal-appoġġ dirett għar-R&Ż li jinvolvi teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju fil-programmi tal-UE kiseb momentum f’dawn l-aħħar snin. Dan jista’ jirrappreżenta opportunità biex jissaħħu u jittejbu ulterjorment il-kompetittività u r-reżiljenza tal-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi Ewropej. Barra minn hekk, għandu jagħti spinta lin-negozji ġodda u lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) involuti fl-innovazzjoni teknoloġika. Is-sinerġiji bejn il-qasam ċivili u dak tad-difiża għandhom il-potenzjal li joħolqu opportunitajiet ġodda fis-suq għall-kumpaniji li jaħdmu f’diversi ekosistemi industrijali u jsaħħu l-ekonomija b’mod ġenerali.
Il-pjan ta’ azzjoni dwar is-sinerġiji bejn l-industrija ċivili, l-industrija tad-difiża u l-industrija tal-ispazju 17 rrikonoxxa li f’ħafna każijiet ikun diffiċli li tinqata’ linja ċara bejn ir-R&Ż ċivili u tad-difiża. Filwaqt li fir-riċerka fundamentali (Livelli baxxi ta’ Tħejjija Teknoloġika (TRLs)) l-oqsma futuri tal-applikazzjoni tar-riżultati tar-riċerka mhux dejjem ikunu magħrufa fil-bidu tal-proġett (“anjostika għall-applikazzjoni”), ir-R&Ż ta’ TRL medji u għoljin jistgħu jiżviluppaw teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju immedjatament, b’adattamenti mhux sostanzjali jew aktar sostanzjali, anke jekk dawn it-teknoloġiji jkunu oriġinarjament maħsuba għal applikazzjonijiet purament ċivili jew ta’ difiża. Għall-kuntrarju, ir-R&Ż tad-difiża jista’ jkollhom applikazzjonijiet ċivili, anki b’adattamenti fejn meħtieġ. Għalhekk hemm potenzjal ċar ta’ arrikkiment reċiproku bejn ir-R&Ż ċivili u tad-difiża.
2.1.Definizzjoni tal-problema
It-teknoloġiji użati fil-kuntest tal-kapaċitajiet tas-sigurtà u tad-difiża qed joriġinaw dejjem aktar fil-qasam ċivili, fejn l-investimenti tas-settur privat huma akbar, il-kostijiet indiretti huma aktar baxxi u ċ-ċikli tar-R&Ż huma aktar veloċi. Fl-UE, għandhom jiġu segwiti ulterjorment is-sinerġiji bejn l-istrumenti u l-programmi tal-UE biex issir elaborazzjoni fuq potenzjal mhux sfruttat għal spin-out mir-R&Ż ċivili biex jitwasslu applikazzjonijiet tad-difiża u mir-R&Ż tad-difiża biex jiġu ġġenerati applikazzjonijiet ċivili.
Sfida importanti hija n-nuqqas ta’ definizzjoni kunċettwalizzata komuni ta’ “użu doppju” fil-kuntest tal-appoġġ għar-R&Ż, jew fuq livell internazzjonali jew fuq livell tal-UE. Dan in-nuqqas ta’ definizzjoni joħloq problemi. Pereżempju, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) juża definizzjoni 18 li żviluppa għal skopijiet bankarji, fejn il-maġġoranza tad-dħul mistenni tal-promotur jiġi minn applikazzjonijiet ċivili. Min-naħa tagħha, l-UE ma ddefinitx il-kunċett ta’ “teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju” fil-programmi ta’ finanzjament tagħha. B’riżultat ta’ dan, irriżulta diffiċli li jkun hemm ambitu ta’ referenza komuni mal-BEI biex jitħejjew investimenti konġunti ffukati fuq teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju.
Ir-Regolament dwar il-kontroll tal-esportazzjoni 19 ta’ oġġetti b’użu doppju jipprovdi definizzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju u jinkludi lista ta’ diversi mijiet ta’ oġġetti b’użu doppju (u speċifikazzjonijiet tekniċi) li tkopri mhux biss oġġetti tanġibbli iżda wkoll oġġetti intanġibbli bħal software jew teknoloġija fil-forma ta’ data teknika jew assistenza teknika. Din il-lista tirrifletti ftehim fi ħdan ir-reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjoni u tiġi aġġornata kull sena. Barra minn hekk, dan il-qafas jistgħu jikkomplementawh miżuri nazzjonali għal oġġetti b’użu doppju mhux elenkati minħabba tħassib dwar is-sigurtà pubblika jew id-drittijiet tal-bniedem. Din id-definizzjoni tfasslet fil-kuntest tal-kontroll tal-esportazzjoni u l-għan speċifiku tagħha huwa li jiġi evitat li t-teknoloġija ċivili tintuża ħażin jew tiġi ddevjata għal skopijiet militari minn pajjiżi, gvernijiet jew korpi mhux governattivi biex jimminaw il-paċi jew is-sigurtà jew b’rabta mar-repressjoni interna jew ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali. Għalhekk, din id-definizzjoni tista’ tiġi adattata biex tiddefinixxi l-ambitu tal-attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-UE. Il-Kummissjoni tista’ twettaq aktar ħidma, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-grupp tal-BEI u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra biex tiġi elaborata definizzjoni komuni ta’ “użu doppju”.
Fid-dawl tan-natura konsultattiva ta’ dan id-Dokument, il-Kummissjoni tistieden lir-rispondenti biex jikkondividu l-fehmiet tagħhom dwar liema elementi jistgħu jikkostitwixxu l-blokok ta’ bini ta’ definizzjoni ta’ teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju, li jistgħu jkunu utli sabiex tiġi promossa inter alia t-trasferibbiltà minn ċivili għad-difiża u viċi-versa kif ukoll investimenti konġunti ma’ sħab oħra, bħall-Grupp tal-BEI.
Barra minn hekk, l-UE tkompli titħabat biex tiżgura l-isfruttament rapidu u l-adozzjoni mis-suq tar-riżultati tal-investimenti fir-R&Ż fl-UE, inkluż f’teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju. L-innovazzjonijiet b’potenzjal kbir ta’ spiss jiġu sfruttati f’partijiet oħra tad-dinja fejn it-tfittxija għal innovazzjoni radikali saret prijorità urġenti, li twassal għall-iżvilupp ta’ organizzazzjonijiet u duttrini stabbiliti biex jisfruttaw b’mod espliċitu l-potenzjal ta’ użu doppju għall-benefiċċju tad-difiża. Għall-kuntrarju, fl-Ewropa, ir-riżultati tal-innovazzjoni b’użu doppju, jiġifieri t-trasformazzjoni tal-ideat u l-għarfien fi prodotti, proċessi u servizzi ġodda jew imtejba għal użu militari u kummerċjali, ħafna drabi ma jilħqux kummerċjalizzazzjoni ta’ suċċess għal raġunijiet differenti, inkluż in-nuqqas tal-ewwel klijenti speċjalment fis-settur pubbliku, u l-ħtieġa għal R&Ż aktar immirati. Fost fatturi oħra, in-nuqqas ta’ investiment fl-akkwist tal-innovazzjoni jfixkel mhux biss il-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi Ewropej b’kapaċitajiet ġodda pprovduti minn teknoloġiji innovattivi, iżda wkoll joħnoq il-kompetittività tal-industrija Ewropea 20 . L-akkwist tal-innovazzjoni huwa pertinenti ħafna għal teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju, li jeħtieġu suq domestiku vibranti li jippermetti l-adozzjoni tagħhom f’sistemi u prodotti fis-setturi ċivili u tad-difiża.
2.2.Objettivi
L-objettiv ġenerali ta’ din il-White Paper huwa li jiġu esplorati għażliet biex jittejbu l-integrazzjoni u l-arrikkiment reċiproku tat-teknoloġiji ċivili u tad-difiża fl-industrija Ewropea. Se tagħmel dan billi ssegwi l-użu u l-isfruttament aħjar tar-riżultati tal-proġetti u tidentifika azzjonijiet li jippermettu, meta applikabbli, riżultati b’użu doppju minn attivitajiet tar-R&Ż ċivili għal applikazzjonijiet tad-difiża u minn attivitajiet tar-R&Ż tad-difiża għal applikazzjonijiet ċivili.
3.Linjabażi: il-qafas leġiżlattiv attwali
Skont l-Artikolu 182 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet kollha ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam teknoloġiku tal-UE huma stabbiliti fi programm qafas pluriennali. Filwaqt li l-Programm Speċifiku Orizzont Ewropa 21 jiffoka esklużivament fuq l-applikazzjonijiet ċivili 22 , l-attivitajiet ta’ riċerka tad-difiża jitwettqu fil-qafas ta’ programm speċifiku ieħor ta’ Orizzont Ewropa b’enfasi esklużiva fuq ir-R&Ż tad-difiża bir-regoli ta’ parteċipazzjoni, il-baġit, il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u l-governanza tiegħu stabbiliti fir-Regolament dwar l-EDF 23 .
Ir-Regolament dwar Orizzont Ewropa jirreferi għal sinerġiji potenzjali mal-EDF li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għar-riċerka ċivili u tad-difiża, filwaqt li jiġu evitati duplikazzjonijiet bla bżonn. Fl-istess ħin, ir-Regolament dwar l-EDF jiddikjara b’mod espliċitu li “jista’ wkoll ikunu mistennija effetti kollaterali pożittivi fis-settur ċivili, jekk ikun applikabbli” 24 u li “l-Kummissjoni ser tqis attivitajiet oħra ffinanzjati permezz ta’ Orizzont Ewropa [...] sabiex tevita duplikazzjoni bla bżonn u tiżgura skambju ta’ ideat u sinerġiji bejn ir-riċerka ċivili u dik tad-difiża” 25 .
3.1.R&Ż ċivili b’potenzjal ta’ użu doppju
Filwaqt li l-Programm Speċifiku Orizzont Ewropa jista’ jappoġġa attivitajiet ta’ R&Ż b’enfasi esklużiva fuq applikazzjonijiet ċivili, ir-riżultati jista’ jkollhom potenzjal ta’ użu doppju, pereżempju f’oqsma bħal dak diġitali, taċ-ċibersigurtà, tal-enerġija, tal-mobbiltà, tas-saħħa, tal-materjali, tal-ispazju, u għalhekk ta’ applikazzjonijiet potenzjali fil-qasam tad-difiża. Madankollu, l-għażla tal-proġetti hija ristretta għal dawk il-proġetti li, filwaqt li jiżviluppaw teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju, huma mmirati biss lejn applikazzjonijiet ċivili. Hekk kif proposta tinkludi applikazzjoni ta’ difiża, din ma għandhiex tiġi ffinanzjata skont ir-rekwiżiti tal-Programm Speċifiku Orizzont Ewropa 26 .
B’konsegwenza ta’ dan, il-partijiet ikkonċernati tal-industrija tad-difiża ma jistgħux jaċċessaw il-kapital u s-servizzi pprovduti permezz ta’ Orizzont Ewropa għal kwalunkwe attività li jkollha applikazzjoni għad-difiża (b’mod partikolari permezz tal-programm ta’ finanzjament tal-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni) u l-ministeri jew l-aġenziji tad-difiża ma jistgħux japplikaw għall-finanzjament tal-akkwist tal-innovazzjoni pprovdut minn Orizzont Ewropa għal attivitajiet bħal dawn. Għalkemm il-partijiet ikkonċernati mis-settur tad-difiża mhumiex awtomatikament esklużi mill-finanzjament mill-Programm Speċifiku Orizzont Ewropa, il-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk l-attivitajiet tagħhom tar-R&Ż fi proġett jiffukaw esklużivament fuq applikazzjonijiet ċivili.
3.2.R&Ż tad-difiża b’potenzjal ta’ użu doppju
L-EDF jipprovdi finanzjament għal proġetti kollaborattivi tar-R&Ż għal applikazzjonijiet tad-difiża. L-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’enfasi esklużiva fuq l-applikazzjonijiet militari futuri jvarja minn teknoloġiji b’enfasi ċivili peress li huma mmirati lejn il-ħtiġijiet militari operazzjonali, u l-klijenti finali huma ministeri tad-difiża. Ir-riżultati tal-proġetti spiss ikunu soġġetti għall-kontroll tal-esportazzjoni u għall-klassifikazzjoni tal-informazzjoni matul l-implimentazzjoni tal-proġett, meta xieraq. Madankollu, diġà hemm diversi eżempji ta’ azzjonijiet iffinanzjati li għandhom potenzjal ċar ta’ applikazzjoni fis-settur ċivili u jistgħu jgħinu biex jissaħħu l-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tas-settur ċivili. Filwaqt li jkunu ffukati esklużivament fuq id-difiża, il-proġetti appoġġati mill-Fond Ewropew għad-Difiża jista’ jkollhom ukoll applikazzjonijiet ċivili rilevanti (għalhekk dimensjoni b’użu doppju).
Il-proġetti ffinanzjati mill-EDF kif ukoll il-proġetti fir-riċerka dwar is-sigurtà ċivili jew l-ispazju taħt il-Programm Speċifiku Orizzont Ewropa jinkludu informazzjoni parzjalment klassifikata u għandhom kundizzjonijiet speċifiċi ta’ eliġibbiltà bbażati fuq is-sigurtà fil-livell tal-entitajiet u r-regoli biex jiġi evitat żvelar tat-teknoloġija. In-natura strateġika u sensittiva tat-teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju u l-applikazzjoni tagħhom tappella għal attenzjoni akbar għar-rekwiżiti tas-sigurtà, inkluż l-għażla tal-proġetti u tal-parteċipanti, id-domanda għal proċeduri ta’ skrutinju tas-sigurtà u l-klassifikazzjoni possibbli tar-riżultati tar-riċerka. Minħabba raġunijiet ta’ konsistenza fi proġetti u programmi differenti ffinanzjati mill-UE u inizjattivi ta’ kooperazzjoni internazzjonali, l-istess rekwiżiti relatati mas-sigurtà għandhom bla dubju japplikaw meta jiġu appoġġati teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju.
3.3.Rieżami tal-ambitu tal-istrumenti eżistenti
Il-pjan ta’ azzjoni dwar is-sinerġiji bejn l-industrija ċivili, l-industrija tad-difiża u l-industrija tal-ispazju 27 ppropona t-tnedija ta’ “inkubatur tal-innovazzjoni b’użu doppju” biex jiffoka fuq l-inkoraġġiment ta’ sinerġiji, proposti ta’ skrinjar u riżultati, u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni kmieni kemm jista’ jkun biex jiġu identifikati applikazzjonijiet possibbli, inkluż f’oqsma oħra għajr dawk maħsuba oriġinarjament.
It-teknoloġiji li huma żviluppati minn konsorzji taħt il-Pathfinder tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) għandhom TRLs baxxi u spiss ikunu “anjostiċi għall-applikazzjoni”. L-Aċċelleratur tal-EIC jappoġġa u jinvesti f’SMEs individwali f’TRLs ogħla biex jimla l-lakuna fil-finanzjament fl-istadju tal-innovazzjoni u jgħinhom jespandu b’suċċess. L-appoġġ jinkludi komponent ta’ għotja u komponent ta’ ekwità. Il-komponent tal-ekwità jiġi deċiż mill-Fond tal-EIC wara deċiżjoni ta’ għotja mill-Kummissjoni. L-Aċċelleratur tal-EIC appoġġa lill-SMEs u lin-negozji ġodda b’teknoloġiji promettenti u innovazzjoni b’potenzjal ta’ użu doppju, bħad-droni, il-vetturi mingħajr bdot abbord, iċ-ċibersigurtà u l-IA, b’enfasi esklużiva fuq l-applikazzjonijiet ċivili. Mill-2023, l-aċċess għall-Iskema ta’ Tranżizzjoni tal-EIC (li tipprovdi appoġġ ta’ segwitu għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet kummerċjali mir-riżultati tar-riċerka) infetaħ għal proposti li jsegwu r-riżultati miksuba permezz tal-attivitajiet tar-R&Ż (jiġifieri fil-kuntest tal-EDF), bil-kundizzjoni li dawn il-proposti jimmiraw esklussivament lejn applikazzjonijiet ċivili. Id-daqs tal-portafoll ta’ proġetti b’użu doppju u l-potenzjal ta’ proġetti spin-off mir-riċerka dwar id-difiża ffinanzjata mill-UE f’applikazzjonijiet ċivili għadu pjuttost mhux esplorat għalissa, peress li r-riċerka dwar id-difiża ffinanzjata mill-UE bdiet biss dan l-aħħar.
Il-Kummissjoni analizzat ukoll l-opportunitajiet għat-tisħiħ tal-appoġġ għal teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju permezz tal-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Difiża, imħabbra fil-Komunikazzjoni “Pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża” ta’ Frar 2022 28 u varata f’Mejju 2022 bħala parti mill-FEŻ. L-EUDIS toffri lill-SMEs, lin-negozji ġodda, u lil atturi oħra mhux tradizzjonali tal-industrija tad-difiża aktar opportunitajiet biex jaċċessaw u jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għad-Difiża.
L-EUDIS issa hija kompletament operazzjonali u twassal ir-riżultati f’dak li huwa l-isforz tal-Kummissjoni biex tgħaqqad aħjar l-atturi/it-teknoloġiji ċivili u tad-difiża u tikkapitalizza fuq ir-rekord mixhud bi prova tal-Kummissjoni fl-istimulazzjoni tal-innovazzjoni. Għall-2023, is-sejħiet b’appoġġ għall-innovazzjoni fid-difiża taħt l-EUDIS ammontaw għal EUR 224 miljun. Is-sejħiet spin-in kienu ta’ suċċess kbir u s-servizzi tal-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża qed jikkooperaw biex ikomplu jiskennjaw b’mod sistematiku r-riżultati minn programmi ċivili sabiex jivvalutaw il-potenzjal tad-difiża għall-adozzjoni futura. Ġie rreġistrat interess partikolarment kbir f’sejħiet mhux tematiċi mmirati lejn l-SMEs u t-teknoloġiji fixkiela fejn l-applikazzjonijiet żdiedu b’aktar mid-doppju meta mqabbla mal-2022. Dan l-interess kbir f’sejħiet miftuħa esklużivament għal konsorzji tal-SMEs u dawk li jiffukaw fuq teknoloġiji fixkiela jikkonferma li l-EDF għadu attraenti ħafna għal kumpaniji iżgħar u għal parteċipanti ġodda fis-settur tad-difiża.
Il-Kummissjoni se tespandi l-EUDIS ulterjorment fil-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fit-Task Force apposta għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Difiża, b’enfasi fuq l-adozzjoni tal-innovazzjoni ċivili għad-difiża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha l-għan li tiffinanzja l-aċċelleratur tan-negozju tal-EUDIS, tiżviluppa servizzi ta’ tlaqqigħ u żżid il-coaching kummerċjali għall-SMEs kollha li jipparteċipaw fl-EDF mill-2024; notevolment biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tagħhom fis-suq tad-difiża. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi esplorat kif jista’ jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-riżultati miksuba permezz ta’ attivitajiet ta’ R&Ż sabiex tingħata spinta lill-investimenti ċivili potenzjali ta’ segwitu fir-R&Ż.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ffinanzjat proġetti ta’ akkwist ta’ innovazzjoni li kellhom suċċess fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa u l-programmi preċedenti tiegħu Orizzont 2020 u FP7. L-akkwisti prekummerċjali huma eżentati minn ftehimiet internazzjonali dwar l-akkwist pubbliku u jista’ jkun fihom kundizzjonijiet li jankraw l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ soluzzjonijiet fl-Ewropa. Pereżempju, dawn jistgħu jkunu limitati meta meħtieġ għal kumpaniji stabbiliti fl-Ewropa u kkontrollati minn ġo fiha, jew jistgħu jispeċifikaw li l-varar tal-ewwel lott ta’ soluzzjonijiet innovattivi fis-settur tad-difiża jew tas-sigurtà ċivili huwa limitat għall-kuntratturi li pparteċipaw fl-akkwist prekummerċjali preċedenti.
Id-dispożizzjonijiet legali tal-EDF jinkludu l-possibbiltà li jiġu appoġġati l-akkwisti prekummerċjali permezz ta’ għotja għall-awtoritajiet kuntrattwali biex jakkwistaw b’mod konġunt servizzi tar-R&Ż. Madankollu, s’issa din l-għażla għadha ma ntużatx. Taħt l-EDF ma huwiex possibbli li wieħed imur lil hinn mill-fażi tar-R&Ż, u għalhekk l-enfasi hija fuq l-akkwist konġunt għas-servizzi tar-R&Ż. Madankollu, il-possibbiltajiet ta’ akkwisti prekummerċjali għal servizzi tar-R&Ż jistgħu jiġu esplorati ulterjorment taħt iż-żewġ programmi. B’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni tista’ tesplora kif tiffaċilita tranżizzjoni bla xkiel għall-innovazzjonijiet żviluppati f’wieħed jew ieħor mill-programmi li għandhom jiġu adottati minn akkwirenti li jkunu qed jużaw innovazzjonijiet fis-swieq ċivili jew tad-difiża sabiex jisfruttaw aħjar il-potenzjal ta’ użu doppju.
3.4.Sinerġiji ma’ programmi u politiki oħra tal-UE
Anke jekk ma humiex qed jiffinanzjaw direttament attivitajiet ta’ R&Ż, programmi oħra tal-UE għandhom ukoll rwol x’jaqdu f’termini ta’ applikazzjonijiet ċivili jew ta’ difiża, b’mod partikolari meta jiffinanzjaw l-użu tat-teknoloġiji. Is-sinerġiji bejn il-programmi li jiffinanzjaw direttament il-proġetti tar-R&Ż (Orizzont Ewropa u l-EDF) u programmi oħra tal-UE għandhom l-għan li jappoġġaw l-adozzjoni u t-tixrid tal-għarfien u s-soluzzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti ta’ Orizzont Ewropa u tal-EDF biex jintlaħqu l-objettivi ta’ programmi oħra tal-UE (pereżempju, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 29 , il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali, InvestEU, il-Fond għas-Sigurtà Interna, l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, il-Programm Spazjali). STEP hija mistennija li ttejjeb ukoll il-kofinanzjament mill-istrumenti tal-UE taħt il-Politika ta’ Koeżjoni b’appoġġ għall-iżvilupp jew għall-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, li ħafna minnhom għandhom potenzjal ta’ użu doppju. Analiżi tal-bażijiet ġuridiċi ta’ programmi u ta’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE turi li dawn ma humiex imfassla biex jappoġġaw direttament l-użu ta’ teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju.
4.Għażliet possibbli għall-futur
B’segwitu għall-inizjattivi relatati mad-difiża tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli minn dawn l-aħħar ftit snin, speċjalment wara l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u filwaqt li tibni fuqhom, din il-White Paper tikkonferma l-ħtieġa kontinwa ta’ appoġġ aktar adegwat għat-tisħiħ tar-R&Ż li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ difiża tal-ogħla livell fl-UE. Fl-istess waqt, l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda żviluppati permezz tal-finanzjament tad-difiża fis-settur ċivili għadha limitata, u l-potenzjal tagħha għadu fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat. L-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jesploraw kontinwament l-għażliet possibbli biex isaħħu dan l-arrikkiment reċiproku fil-kuntest tal-appoġġ għar-R&Ż li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju, filwaqt li jqisu d-differenzi fundamentali bejn l-isferi ċivili u militari.
Il-kuntest ġeopolitiku wera wkoll li l-kapaċitajiet ta’ difiża jridu jkunu akkumpanjati minn miżuri b’saħħithom dwar is-sigurtà ċivili biex tiġi protetta r-reżiljenza tal-UE, b’mod partikolari biex jiġu protetti l-infrastrutturi kritiċi ċivili, jiġi skoraġġut it-theddid għas-sigurtà relatat mal-fruntieri, jiġu restawrati s-servizzi essenzjali fi żminijiet ta’ kriżi, u jiġu indirizzati r-riskji ta’ inkwiet soċjali wara kampanji ta’ diżinformazzjoni jew attakki ċibernetiċi. B’riżultat ta’ dan, iż-żieda tar-reżiljenza tal-UE hija prijorità kemm għall-ħtiġijiet tad-difiża kif ukoll għas-sigurtà interna.
Biex tegħleb dawn l-isfidi, il-Kummissjoni identifikat tliet għażliet possibbli għall-futur li huma ppreżentati hawn taħt. L-Għażla 1 tippreżenta x’jista’ jsir aktar abbażi tal-istruttura kurrenti – peress li jistgħu jiġu implimentati miżuri possibbli mingħajr ma jinbidlu l-bażijiet ġuridiċi eżistenti. L-Għażliet 2 u 3 se jirrikjedu bażijiet ġuridiċi differenti fil-futur.
Fil-każ tal-Għażliet 2 u 3, tenħtieġ aktar analiżi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamentazzjoni Aħjar (eż. valutazzjoni tal-impatt, konsultazzjoni mal-partijiet interessati, eċċ.) sabiex jiġu mistħarrġa l-effetti u l-valur miżjud tagħhom, inkluż fir-rigward ta’: komplementarijiet ma’ prijoritajiet nazzjonali; l-attrazzjoni potenzjali ta’ benefiċjarji ġodda; il-kriterji u l-proċessi tal-evalwazzjoni u l-eliġibbiltà; ir-regoli tal-parteċipazzjoni; id-disponibbiltà tal-programmi għal pajjiżi terzi, inkluż b’mod speċifiku fir-rigward ta’ dawk assoċjati ma’ Orizzont Ewropea; u d-deċiżjonijiet dwar id-delega (jew le) tas-setgħat lill-aġenziji eżekuttivi u l-allokkazzjonijiet u l-profili tal-personal korrespondenti.
Kundizzjonijiet speċifiċi ta’ eliġibbiltà japplikaw biss għall-fini li jiġu appoġġati l-attivitajiet ta’ R&Ż b’użu doppju. Dawn ikunu soġġetti għal approċċ aktar restrittiv f’dak li huwa l-użu tas-salvagwardji għas-sigurtà tar-riċerka, filwaqt li l-bqija tal-programm jibqa’ fil-biċċa l-kbira miftuħ. Għalhekk, settijiet aktar delineati ta’ kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq is-sigurtà jistgħu jiġu ddefiniti biss għal attivitajiet speċifiċi ta’ R&Ż b’użu doppju. L-għażliet kollha għandhom jitfasslu biex ikunu komplementari għall-programmi speċifiċi ddedikati għar-R&Ż għal applikazzjonijiet ċivili u tad-difiża taħt il-programm qafas li jmiss għar-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li jaqblu mal-enfasi tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika fuq il-ħtieġa ta’ aktar investiment fir-R&Ż f’dawk li huma teknoloġiji strateġiċi emerġenti biex jiġu żgurati t-tmexxija u l-kompetittività tal-UE. Kull għażla trid tiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet u mal-proċeduri stabbiliti mill-miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE 30 , kif ukoll ma’ rekwiżiti regolatorji oħra għat-teknoloġiji emerġenti u l-obbligi internazzjonali.
4.1.Għażla 1: Azzjoni ulterjuri abbażi tal-istruttura kurrenti
Din l-għażla tibni fuq l-approċċ kurrenti stabbilit s’issa taħt il-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti, filwaqt li tintroduċi titjib inkrementali u tikkapitalizza fuq il-miżuri diġà implimentati li għad iridu jipproduċu l-effetti maħsuba tagħhom. Hija l-unika waħda li diġà tista’ tiġi ttestjata fil-programmi ta’ finanzjament kurrenti tal-UE, fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.
Il-miżuri jibnu fuq xi approċċi u azzjonijiet rilevanti li diġà bdew, bħall-Iskema ta’ Tranżizzjoni tal-EIC, il-fergħat differenti tal-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża (EUDIS) taħt l-EDF bħal sejħiet spin-in, il-possibbiltà li jiġu appoġġati l-kumpaniji b’użu doppju b’InvestEU u l-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ sfruttament addizzjonali fl-Ewropa għar-riżultati ta’ azzjonijiet dwar teknoloġiji kritiċi bħal fil-każ tas-sejħiet tal-COVID-19 taħt Orizzont Ewropa. Bl-istess mod, dan ix-xenarju jibni fuq l-isfruttament tar-riżultati miksuba permezz tar-riċerka dwar id-difiża għall-benefiċċju tal-applikazzjonijiet ċivili, pereżempju permezz ta’ sejħiet spin-out.
Ftehim dwar definizzjoni komuni ta’ “teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju” bejn il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, inkluż il-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment, jista’ possibbilment jippromwovi investimenti konġunti f’teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju għall-mobbiltà militari, it-tranżizzjoni ekoloġika, ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika inkluż il-komunikazzjoni kritika, it-teknoloġiji emerġenti jew fixkiela u l-innovazzjoni fid-difiża, kif ukoll l-ispazju. Tali ftehim għandu jitfittex bħala parti minn reviżjoni ġenerali tal-politika ta’ esklużjoni tad-difiża tal-BEI, li tfixkel il-potenzjal għall-investimenti konġunti tal-Grupp. Il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI għandhom ikomplu jorganizzaw skambji regolari biex jiddiskutu l-opportunitajiet offruti minn inizjattivi ġodda tal-UE għal azzjoni konġunta possibbli f’ambitu maqbul b’mod komuni.
Meta meħtieġ, jistgħu jiġu implimentati miżuri permezz ta’ parametri ta’ implimentazzjoni modifikati fid-dispożizzjonijiet legali tal-programmi eżistenti, mingħajr ma jitqiegħed piż żejjed fuq il-Kummissjoni/l-aġenziji eżekuttivi u l-applikanti/il-benefiċjarji. Tali parametri, li diġà jistgħu jiġu implimentati skont id-dispożizzjonijiet legali kurrenti u jistgħu jintużaw ulterjorment ukoll fid-dawl ta’ għażliet ulterjuri jistgħu jinkludu:
ØL-isfruttament tal-proġetti u r-riżultati tar-R&Ż biex jittejbu f’applikazzjonijiet b’użu doppju (kemm fir-R&Ż ċivili kif ukoll tad-difiża) billi tintuża l-informazzjoni eżistenti disponibbli fil-bażijiet tad-data tal-UE biex issir tfittxija għal riżultati bħal dawn u billi jiġu mmonitorjati l-proġetti ta’ R&Ż li jkunu għaddejjin;
ØL-iżvilupp ta’ sinerġiji ulterjuri, bħall-iskambju upstream ta’ informazzjoni u koordinazzjoni aħjar tal-programmi ta’ ħidma (jew partijiet minnhom) bejn ir-R&Ż ċivili u tad-difiża, inkluż il-possibbiltajiet li jiġi appoġġat l-akkwist prekummerċjali ta’ servizzi tar-R&Ż fost il-programmi, aċċess imtejjeb għar-riżultati tal-proġetti u r-rappurtar tal-proġetti, u skambji apposta speċifiċi għas-suġġetti li jinvolvu kemm il-komunitajiet ċivili kif ukoll tad-difiża;
ØIl-kunsiderazzjoni tal-introduzzjoni ta’ obbligu addizzjonali biex jiġu sfruttati r-riżultati fl-UE (abbażi tal-Artikolu 39 tar-Regolament 2021/695 dwar Orizzont Ewropa) fil-partijiet rilevanti tal-programm ta’ ħidma u s-sejħiet li jindirizzaw l-oqsma kritiċi tat-teknoloġija identifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2023, abbażi tar-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju kollettiva mnedija taħt ir-Rakkomandazzjoni;
ØL-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ mmarkar ta’ oġġetti b’użu doppju (eż. tag fil-livell tas-sejħa jew tikketta fil-livell ta’ proġett) biex jiġi indikat il-potenzjal addizzjonali ta’ użu doppju kif ukoll is-sejħiet spin-in/spin-out ibbażati fuq il-prattika diġà segwita għas-suġġetti tal-programm ta’ ħidma taħt il-programmi speċifiċi ta’ Orizzont Ewropa;
ØIl-forniment, kif xieraq, ta’ gwida u appoġġ ulterjuri lill-benefiċjarji li jittrattaw teknoloġiji li għandhom potenzjal ta’ użu doppju. F’dan ir-rigward, issir referenza għal-linji gwida tal-UE għar-riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju, biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka 31 jqisu r-riskji b’mod effettiv, kif ukoll għall-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tar-riċerka.
Għażla 1 hija fattibbli taħt il-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti. Madankollu, approċċ simplifikat b’mekkaniżmi miftiehma jeħtieġ li jiġi żviluppat ulterjorment biex isir tiftix b’mod sistematiku għal sinerġiji u fertilizzazzjoni inkroċjata bejn iċ-ċivili u d-difiża. Koordinazzjoni aħjar bejn l-ipprogrammar relatat, pereżempju bil-kondiviżjoni tal-pjanijiet direzzjonali tat-teknoloġija rispettivi, tkun meħtieġa wkoll bil-ħsieb li jitrawmu inizjattivi li jimmiraw li jtejbu l-iżvilupp tat-teknoloġiji ċivili u militari filwaqt li jiġu kondiviżi l-mogħdijiet sa ċertu punt u sa punt xieraq.
4.2.Għażla 2: Tneħija tal-fokus fuq l-esklussività għal applikazzjonijiet ċivili f’partijiet magħżula tal-programmi suċċessuri ta’ Orizzont Ewropa
Din l-għażla tipprovdi direzzjoni ġdida fil-kontenut u l-implimentazzjoni ta’ partijiet magħżula tal-programm qafas pluriennali futur għar-riċerka u l-innovazzjoni.
Din tista’ tiġi implimentata billi l-“enfażi esklużiva” tiġi sostitwita b’“enfasi” biss għal partijiet magħżula tal-programm suċċessur ta’ Orizzont Ewropa, pereżempju fejn it-teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju huma l-aktar prominenti. Il-partijiet kollha li jifdal tal-programm iżommu enfasi esklużiva fuq l-applikazzjonijiet ċivili. B’riżultat ta’ dan, din l-għażla tipprovdi l-opportunità taħt il-programm suċċessur ta’ Orizzont Ewropa biex jinżammu l-karatteristiċi ta’ politika ewlenin ta’ Orizzont Ewropa, bħall-ftuħ fit-tul tal-Programmi Qafas għal pajjiżi terzi f’oqsma ta’ interess reċiproku filwaqt li tippermetti restrizzjonijiet possibbli fil-partijiet magħżula li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju.
Din l-għażla tippermetti li t-teknoloġiji emerġenti strateġiċi jiġu appoġġati indipendentement mill-qasam ta’ applikazzjoni f’partijiet magħżula tal-programm, u dan jevita li jiġu skartati proposti eċċellenti li ma jkunux immirati esklużivament lejn applikazzjonijiet ċivili.
F’termini ta’ delineazzjoni ma’ azzjonijiet futuri ta’ innovazzjoni fil-qasam tad-difiża taħt il-programm suċċessur tal-EDF, din l-għażla tippermetti l-ipprogrammar ta’ sejħiet spin-in li jinvolvu riżultati ta’ proġetti relatati mad-difiża direttament fil-programm suċċessur ta’ Orizzont Ewropa, filwaqt li min-naħa tiegħu, il-programm suċċessur għall-EDF jipprovdi finanzjament ta’ segwitu għall-iżvilupp tal-kapaċità tad-difiża tal-aktar riżultati promettenti tal-proġett relatat mal-qasam ċivili. Dan l-approċċ x’aktarx li jattira aktar partijiet ikkonċernati tal-industrija bħala parteċipanti potenzjali fil-proġetti tar-R&Ż, u dan jikkontribwixxi għall-arrikkiment reċiproku tal-industriji ċivili u tad-difiża.
Min-naħa l-oħra, il-komunità tal-partijiet ikkonċernati attiva fil-qasam ċivili jista’ jkollha tħassib fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom f’sejħiet taħt il-parti magħżula tal-Programm, fejn ma jkunx hemm enfasi esklużiva fuq l-applikazzjonijiet ċivili.
Taħt dan l-approċċ il-ġdid, l-impatt possibbli fuq programmi oħra jkun jeħtieġ li jiġi vvalutat, skont l-oqsma magħżula. Barra minn hekk, hemm parametri bażiċi li jistgħu diġà jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari dawk relatati mal-kundizzjonijiet ibbażati fuq is-sigurtà, matul it-tħejjija tal-proposti tal-Kummissjoni u bbażati fuq l-esperjenza miksuba minn programmi oħra tal-UE. Parametri bħal dawn jinkludu:
Øl-ippjanar u l-ipprogrammar tal-prijoritajiet tal-programmi matul l-implimentazzjoni abbażi ta’ mekkaniżmi sodi ispirati minn, pereżempju, il-modi ta’ governanza ta’ Orizzont Ewropa u tal-EDF;
Øl-identifikazzjoni ta’ oqsma b’potenzjal ta’ użu doppju;
Øil-kundizzjonijiet tad-distribuzzjoni tal-baġit għall-prijoritizzazzjoni fost is-sejħiet u s-suġġetti;
Øit-tipi ta’ interlokuturi fil-livell tal-gvern nazzjonali, inklużi l-ministeri nazzjonali u awtoritajiet oħra;
Øil-komplementarjetajiet mal-prijoritajiet nazzjonali li jistgħu jiġu estiżi biex ir-riżultati mill-azzjonijiet tal-UE jmorru oltre;
Øil-popolazzjoni ta’ benefiċjarji potenzjali (ġodda) abbażi tal-kapaċitajiet tagħhom biex iwettqu diversi tipi ta’ riċerka;
Øit-trattament ta’ informazzjoni sensittiva u klassifikata sottomessa mill-applikanti u ġġenerata mill-benefiċjarji;
Øl-evalwazzjoni tal-għotjiet u l-kriterji u l-proċessi tal-eliġibbiltà, l-etika u r-rieżamijiet tas-sigurtà;
Øil-kontroll estern tal-entitajiet eliġibbli u l-kontroll fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
Øl-eliġibbiltà u l-kategoriji tal-kostijiet u r-rimborż tagħhom;
Øl-istrutturi ta’ konsorzji, b’għażliet magħmula dwar in-nazzjonalità tal-parteċipanti u l-koordinaturi, it-tipi ta’ parteċipanti u l-ftehimiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet tagħhom;
Øid-drittijiet tal-parteċipanti, inkluż dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, ix-xjenza miftuħa u l-libertà akkademika;
Øir-regoli dwar l-akkwist pubbliku bi kriterji speċifiċi ta’ eliġibbiltà u għażla;
Øil-modi ta’ governanza;
Øis-salvagwardji biex jiġi evitat l-iżvelar ta’ teknoloġiji sensittivi lejn destinazzjonijiet ta’ tħassib;
Øil-mod ta’ implimentazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar id-delega (jew le) tas-setgħat lill-aġenziji eżekuttivi għal kompiti marbuta mal-programmi u d-deċiżjonijiet korrispondenti dwar l-allokazzjonijiet u l-profili tal-persunal.
Għażla 2 hija reċiprokament esklużiva għal għażla 3.
4.3.Għażla 3: Il-ħolqien ta’ strument dedikat b’enfażi speċifiku fuq ir-R&Ż b’potenzjal ta’ użu doppju
Din l-għażla tista’ timmaterjalizza permezz ta’ diversi forom, bħal:
Østrument speċifiku ddedikat għar-riċerka b’potenzjal ta’ użu doppju bil-baġit tiegħu stess, ir-regoli tiegħu stess dwar il-parteċipazzjoni u t-tixrid tar-riżultati, id-dispożizzjonijiet tal-komitoloġija/governanza, il-kriterji ta’ evalwazzjoni u eliġibbiltà, l-istruttura tal-konsorzji, eċċ.;
Øżieda fl-appoġġ għall-adozzjoni mis-suq tal-UE ta’ teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju permezz ta’ mekkaniżmu jew struttura apposta (bħal fl-aġenziji eżekuttivi jew Impriża Konġunta apposta), jew permezz ta’ akkwist pubbliku minn utenti finali bbażati fl-UE marbut mal-ħtiġijiet tal-akkwist tal-UE (eż. IRIS2) jew strumenti ta’ appoġġ għall-akkwist (eż. għal tagħmir doganali jew tagħmir ta’ sorveljanza tal-fruntieri). Jistgħu jiġu previsti diversi għażliet sekondarji skont jekk is-sid/l-utent finali (“min jidħol l-ewwel”) huwiex korp tal-UE, korp governattiv nazzjonali, jew korp kummerċjali. Il-valur miżjud tal-UE jkollu jiġi kkunsidrat għal miżuri li fihom l-utent finali jkun fil-livell nazzjonali (eż. l-iffaċilitar tal-akkwist konġunt).
Øl-ippjanar ta’ proġetti ewlenin ta’ “użu doppju mid-disinn” 32 li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji kritiċi, jibnu fuq sinerġiji ma’ politiki u strumenti oħrajn tal-UE u, meta possibbli, jiġu implimentati f’koordinazzjoni mal-programm ta’ użu doppju tal-BEI. Proġetti bħal dawn jibnu fuq ir-riżultati tal-ħidma preparatorja fil-Kummissjoni jew b’mod konġunt mal-Istati Membri u jpoġġu lill-UE bħala l-klijent ewlieni għas-servizzi ta’ interess pubbliku fil-qasam tad-difiża u dak ċivili. Eżempji jistgħu jinkludu teknoloġiji għall-ġenerazzjonijiet futuri tas-sistemi spazjali tal-UE (b’appoġġ għall-politiki tad-difiża, tas-sigurtà u tal-ambjent), vetturi awtonomi tal-UE (b’appoġġ għad-difiża u l-kontroll tal-fruntieri, politiki ta’ infrastruttura marittima jew kritika) jew proġetti oħra ta’ interess Ewropew komuni. Minħabba li l-ħtiġijiet tal-utent finali jistgħu jkunu pjuttost differenti skont ir-rekwiżiti operazzjonali, huwa ta’ importanza kbira li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu involuti mill-bidu nett.
Din l-għażla żżid b’mod sinifikanti l-viżibbiltà tar-R&Ż b’użu doppju per se, iżda tirriskja li żżid il-kumplessità għal ambjent ta’ appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp li diġà huwa ffullat. Meta mqabbla mal-għażla 2, id-distribuzzjoni tal-baġit bejn l-attivitajiet tar-R&Ż b’użu doppju u l-attivitajiet tar-R&Ż esklużivament ċivili tkun aktar ċara, peress li tista’ tiġi stabbilita fl-att bażiku li jistabbilixxi l-programm suċċessur ta’ Orizzont Ewropa. Madankollu, dan ikollu kost ta’ riġidità fl-allokazzjoni tar-riżorsi matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Barra minn hekk, ikun hemm riskju ta’ duplikazzjoni li jkollha impatt fuq l-ippjanar u fuq l-ipprogrammar tal-prijoritajiet bejn attivitajiet ta’ R&Ż b’użu doppju u attivitajiet ta’ R&Ż esklussivament ċivili, kif ukoll ma’ dawk l-attivitajiet imwettqa esklussivament għall-applikazzjonijiet tad-difiża taħt is-suċċessur tal-EDF. Probabbilment ikun hemm ukoll ftit każijiet fejn l-użu doppju skont id-disinn jista’ jkun applikabbli mingħajr ma jkollu impatt fuq l-adozzjoni mis-suq tal-prodott finali mis-settur ċivili jew tad-difiża, li tipikament jispeċifikaw rekwiżiti pjuttost differenti (ara t-taqsima 2). B’mod ġenerali, huwa probabbli li din l-għażla ġġib livell addizzjonali ta’ kumplessità, kemm għall-applikanti - li jkollhom japplikaw għal mekkaniżmu/programm ieħor b’rekwiżiti differenti - u l-Kummissjoni - li tikkoordina bejn attivitajiet ta’ R&Ż b’użu doppju u sejħiet oħra, b’dispożizzjonijiet ta’ komitoloġija u governanza differenti.
Għażla 3 hija reċiprokament esklużiva għal għażla 2.
5.Konklużjonijiet
It-tisħiħ tal-appoġġ għar-R&Ż li jinvolvi teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju fil-livell tal-UE joffri kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi. L-ottimizzazzjoni tas-sinerġiji bejn il-qasam ċivili u tad-difiża tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-industrija Ewropea u tista’ taċċellera l-adozzjoni tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-ekonomija. Fl-istess ħin, huwa diffiċli li wieħed ibassar il-potenzjal ta’ użu doppju tar-R&Ż, anke meta jkun maħsub esklużivament għal applikazzjonijiet ċivili jew ta’ difiża. L-UE għandha tagħmel sforzi biex tippromwovi l-arrikkiment reċiproku bejn is-settur ċivili u s-settur tad-difiża filwaqt li tqis il-karatteristiċi distintivi tagħhom.
Fil-kuntest tad-dimensjoni “promozzjoni” tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika, l-UE tfittex li żżomm vantaġġ kompetittiv fit-teknoloġiji kritiċi u emerġenti rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, inkluż billi tagħmel użu mir-riżultati tal-proġetti tar-R&Ż iffinanzjati mill-UE, u tisfruttahom, kemm jekk fil-qasam ċivili kif ukoll f’dak tad-difiża, filwaqt li ssaħħaħ id-dimensjonijiet “protezzjoni” u “sħubija”.
B’din il-White Paper, il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni wiesgħa mal-awtoritajiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili, l-industrija u l-akkademja dwar għażliet għal appoġġ strateġiku għal teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju. Hija tqis il-qafas leġiżlattiv kurrenti li huwa kkaratterizzat minn enfażi reċiprokament esklużiv fuq applikazzjonijiet ċivili jew ta’ difiża kif ukoll in-nuqqas ta’ definizzjoni kunċettwalizzata maqbula b’mod komuni, u tidentifika possibbiltajiet taħt il-programmi ta’ finanzjament kurrenti jew futuri tal-UE kif ukoll parametri ewlenin li jirrikjedu analiżi ulterjuri. Din il-konsultazzjoni se tippermetti djalogu komprensiv mal-partijiet kollha kkonċernati, li se jinfluwenza l-passi li jmiss tal-Kummissjoni.
|
Il-Kummissjoni tistieden li jsiru kummenti dwar l-għażliet stabbiliti f’dan id-dokument permezz ta’ konsultazzjoni pubblika miftuħa disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say_mt. Il-konsultazzjoni hija miftuħa għall-kummenti sat-30 ta’ April 2024. Hija prattika standard li l-Kummissjoni tippubblika s-sottomissjonijiet li tirċievi b’rispons għal konsultazzjoni pubblika. Madankollu, huwa possibbli li jintalab li s-sottomissjonijiet, jew partijiet minnhom, jibqgħu kunfidenzjali. Jekk dan huwa l-każ, jekk jogħġbok indika b’mod ċar fuq il-paġna ta’ quddiem tas-sottomissjoni tiegħek li din ma għandhiex issir pubblika u ibgħat ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni tiegħek lill-Kummissjoni għall-pubblikazzjoni. |
Din id-definizzjoni hija konsistenti mad-definizzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju fir-Regolament (UE) 2021/821 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju: “Oġġetti b’użu doppju” tfisser oġġetti, inklużi software u teknoloġija, li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll għal skopijiet militari.
Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu, COM(2018) 435 final, 7.6.2018.
Id-Deċiżjoni (UE) 2021/764 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa – il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni.
Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni)
Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.
COM(2021) 70, 22.2.2021.
SWD(2022) 362, 10.11.2022.
COM(2022) 61, 15.2.2022.
JOIN(2022) 24, 18.5.2022.
COM(2022) 332, 5.7.2022.
https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/2023-report-state-digital-decade
Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża”, JOIN (2023) 9 final.
Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar “Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika”, JOIN (2023) 20 final.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C (2023) 6689 tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar oqsma kritiċi tat-teknoloġija għas-sigurtà ekonomika tal-UE għal valutazzjoni tar-riskju ulterjuri mal-Istati Membri.
Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14-15 ta’ Diċembru 2023 li jappellaw “għal rwol imsaħħaħ tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment b’appoġġ għas-sigurtà u d-difiża Ewropea, li jibni fuq l-Inizjattiva Strateġika għas-Sigurtà Ewropea tal-bank”.
Diskors ewlieni mill-President von der Leyen fil-Konferenza Annwali tal-EDA 2023: Powering up European Defence, 30.11.2023. https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/SPEECH_23_6207
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali, COM (2021) 70, 22.2.2021.
Disponibbli hawn: Strategic European Security Initiative (eib.org)
Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju.
Ara r-riżultati tal-valutazzjoni komparattiva tal-Kummissjoni tal-investimenti fl-akkwist tal-innovazzjoni u l-oqfsa ta’ politika madwar l-Ewropa, Marzu 2023 (https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/library/benchmarking-innovation-procurement-investments-and-policy-frameworks-across-europe)
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE.
L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.
Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092.
Il-premessa 35 tar-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092.
Il-premessa 33 tar-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092.
Il-proposti li jiffukaw fuq l-applikazzjonijiet tad-difiża jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-EDF, skont ir-regoli ta’ dan il-programm.
COM(2021) 70, 22.2.2021.
COM(2022) 61, 15.2.2022.
Jekk il-proġett isegwi kompletament jew f’parti prevalenti l-għan li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet u jikkontribwixxi għall-koeżjoni soċjali tal-UE, huwa kopert mill-Artikolu 174 tat-TUE, anke jekk jinkludi investimenti li jkunu ta’ benefiċċju għall-attivitajiet ta’ sigurtà jew ta’ difiża.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni trid tiżgura l-konformità ta’ kwalunkwe għażla mal-miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-għoti ta’ finanzjament lil partijiet terzi. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni trid dejjem tfittex soluzzjonijiet li ma jiksrux il-miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea.
Dawn il-proġetti jistgħu jibnu wkoll fuq teknoloġiji kritiċi u jiġu ppjanati f’koordinazzjoni mal-BEI, filwaqt li jimplimentaw it-tħabbira mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni “Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investiment fid-Difiża”: “Il-Kummissjoni se taħdem fuq miżuri oħrajn (fost l-oħrajn sejħiet koordinati fost l-istrumenti tal-UE u s-self mill-BEI) insostenn ta’ teknoloġija kritika u kapaċità industrijali bl-iżvilupp ta’ proġetti strateġiċi”.