Brussell, 24.1.2024

COM(2024) 22 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tmexxija ’l quddiem tas-sigurtà ekonomika Ewropea: l-introduzzjoni ta’ ħames inizjattivi ġodda


1.Introduzzjoni

Kuntest

   

Fl-20 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà adottaw Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika 1 . Abbażi tal-kunċett li l-UE tiffjorixxi f’dinja miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, l-istrateġija enfasizzat li qed jitfaċċaw riskji ġodda għas-sigurtà ekonomika bħala riżultat tat-tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu, tal-frammentazzjoni ġeoekonomika u tal-bidliet teknoloġiċi profondi.

L-istrateġija stabbiliet approċċ komprensiv għas-sigurtà ekonomika Ewropea. B’mod partikolari, tipprovdi qafas għall-valutazzjoni u l-indirizzar - b’mod proporzjonat, preċiż u mmirat - tar-riskji għas-sigurtà ekonomika tal-UE, filwaqt li tiżgura li l-UE tibqa’ waħda mid-destinazzjonijiet l-aktar miftuħa u attraenti għan-negozju u l-investiment. B’rispett sħiħ għall-prerogattivi tal-Istati Membri, l-istrateġija ssottolinjat il-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ komuni tal-UE aktar koeżiv u li jħalli impatt.

Filwaqt li tirrikonoxxi li r-riskji għall-isfidi tas-sigurtà ekonomika tagħna jinbidlu tul iż-żmien u huma marbutin ma’ kuntest ġeopolitiku u ġeoekonomiku usa’, l-istrateġija identifikat erba’ kategoriji ta’ riskju li għandhom jiġu indirizzati għax huma prijorità, jiġifieri r-riskji għar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista; ir-riskji għas-sigurtà fiżika u ċibernetika tal-infrastruttura kritika; ir-riskju għas-sigurtà tat-teknoloġija u għall-ħrib tat-teknoloġija; u r-riskju li d-dipendenzi ekonomiċi jintużaw bħala arma jew għall-koerċizzjoni ekonomika.

Biex tindirizza dawn ir-riskji, l-istrateġija hija mibnija fuq tliet pilastri:

·Il-promozzjoni tal-kompetittività u t-tkabbir tal-UE, it-tisħiħ tas-Suq Uniku, l-appoġġ għal ekonomija b’saħħitha u reżiljenti, u t-tisħiħ tal-bażi xjentifika, teknoloġika u industrijali tal-UE.

·Il-protezzjoni tas-sigurtà ekonomika tal-UE permezz ta’ firxa ta’ politiki u għodod, inkluż bi strumenti ġodda mmirati fejn meħtieġ.

·Is-sħubija u t-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi fid-dinja kollha li huma mħassbin bħalna u ma’ dawk li għandhom l-istess interessi ta’ sigurtà ekonomika.

Bħala parti mit-tnedija tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika, din il-Komunikazzjoni tippreżenta ħames inizjattivi biex is-sigurtà ekonomika tal-UE tissaħħaħ, filwaqt li tqis il-progress li sar f’fergħat ta’ ħidma oħra.

2.Il-pakkett

L-inizjattivi proposti llum għandhom l-għan li:

(1)itejbu l-leġiżlazzjoni eżistenti (proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar l-iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani);

(2)irawmu aktar diskussjonijiet fl-UE dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni tat-teknoloġiji b’użu doppju li jħallu impatt fuq is-sigurtà tagħna (White Paper dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni);

(3)l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jiġu kkonsultati dwar ir-riskji potenzjali li jirriżultaw minn investimenti ’l barra, b’enfasi f’dan l-istadju fuq l-azzjonijiet meħtieġa li jippermettu identifikazzjoni aħjar ta’ dawn ir-riskji (White Paper dwar l-Investiment ’l Barra);

(4)jippromwovu aktar diskussjonijiet fl-UE dwar kif jistgħu jiġu promossi aħjar ir-riċerka u l-iżvilupp li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju (White Paper dwar l-opzjonijiet għat-tisħiħ tal-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju);

(5)jipproponu li l-Kunsill jirrakkomanda miżuri mmirati biex is-sigurtà tar-riċerka tissaħħaħ fil-livell nazzjonali u settorjali (Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-Sigurtà tar-Riċerka).

L-azzjonijiet futuri tal-UE se jkomplu abbażi ta’ informazzjoni mill-valutazzjonijiet tar-riskju li għaddejjin bħalissa u mill-koordinazzjoni strateġika kontinwa mal-Istati Membri biex jintlaħaq fehim komuni tar-riskji li qed tiffaċċja l-Ewropa u tal-azzjonijiet xierqa - taħt it-tliet pilastri tal-promozzjoni, il-protezzjoni u s-sħubija - biex dawn jiġu indirizzati.

a.Inizjattivi ġodda relatati mal-investiment u l-kummerċ

Proposta għal regolament ġdid dwar l-iskrinjar tal-investimenti barranin

Ir-Regolament 2019/452 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-UE (“ir-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI”) ilu fis-seħħ għal ftit aktar minn tliet snin. Ir-Regolament stabbilixxa mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni li ppermetta li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiskambjaw informazzjoni dwar aktar minn 1 200 tranżazzjoni u biex jindikaw tħassib dwar investimenti diretti barranin (FDI, foreign direct investments) fis-suq uniku li jippreżentaw riskji potenzjali għas-sigurtà u l-ordni pubbliku tagħhom. Dan ippermetta li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jidentifikaw, jivvalutaw u jaġixxu fuq it-theddid li jirriżulta minn ċerti investituri u vulnerabbiltajiet transfruntieri. Peress li kwalunkwe restrizzjoni hija bbażata fuq xi eċċezzjoni limitata u mmirata ġġustifikata minn tħassib dwar is-sigurtà jew l-ordni pubbliku, ir-regolament ikkonferma l-ftuħ tal-UE b’mod ġenerali għall-FDI.

Il-proposta leġiżlattiva ppreżentata mill-Kummissjoni llum għandha l-għan li tirrevedi dan il-qafas, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-regolament 2 . Hija tibni fuq l-esperjenza tal-ewwel tliet snin ta’ operat, kif ukoll fuq valutazzjoni li saret mill-esperti tal-OECD f’Novembru 2022 3 , u s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ rapport speċjali maħruġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fis-6 ta’ Diċembru 2023 4 .

Ir-Regolament propost se jtejjeb l-effettività tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-FDI billi jindirizza n-nuqqasijiet tal-mekkaniżmu attwali. Għandu l-għan li jiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom fis-seħħ sistema ta’ skrinjar sabiex jiġu evitati lakuni fl-iskrinjar ta’ tranżazzjonijiet riskjużi, biex jiffokaw fuq il-każijiet li jippreżentaw l-ogħla riskji u jiżguraw li jkun hemm akkontabilità akbar fis-sistema fir-rigward tat-tħassib dwar is-sigurtà jew l-ordni pubbliku espress mill-Istati Membri u/jew mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tippromwovi effiċjenza akbar fil-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni billi tiffaċilita l-konverġenza tas-sistemi nazzjonali. Ir-regolament propost jestendi wkoll il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni għal tranżazzjonijiet fl-UE fejn l-investitur ikun ikkontrollat minn kumpanija barranija. Għaldaqstant dan jimla l-lakuni li jistgħu jimminaw il-kapaċità tal-UE li tipproteġi s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tagħha.

White Paper dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni

Ir-reġim Multilaterali għall-Kontroll tal-Esportazzjoni jibqa’ fil-qalba tal-kontroll tat-teknoloġiji b’użu doppju fl-UE. Hekk kif antiċipat l-Istrateġija ta’ Sigurtà Ekonomika, it-tensjonijiet ġeopolitiċi u l-pass tal-bidla teknoloġika urew li hemm bżonn ta’ azzjoni aktar ikkoordinata fil-livell tal-UE. Għaldaqstant l-UE għandha tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet skont ir-Regolament dwar l-Użu Doppju. Il-multiplikazzjoni tal-kontrolli nazzjonali mill-Istati Membri tirriskja li timmina l-effettività tal-qafas tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE, tal-kontrolli tal-Istati Membri nfushom, u tal-integrità tas-Suq Uniku. Dan ir-riskju huwa aktar evidenti fl-ambjent attwali, fejn approċċi diverġenti tal-Istati Membri għal teknoloġiji speċifiċi jistgħu jdgħajfu s-sigurtà tal-UE kollha kemm hi.

Il-koordinazzjoni mtejba tal-kontrolli tal-esportazzjoni fil-livell tal-UE żżid il-kapaċità tal-UE u tal-Istati Membri li jaġixxu b’mod effettiv f’kuntest ġeopolitiku, pereżempju billi jieħdu t-tmexxija fid-definizzjoni ta’ aġenda kondiviża ma’ sħab. Dan isaħħaħ ukoll il-kapaċità tal-UE li tiffaċċja azzjonijiet unilaterali possibbli minn pajjiżi terzi li jfittxu li jimponu kontrolli ġodda tal-esportazzjoni, inkluż fuq teknoloġiji emerġenti, jew li timmaniġġja każijiet ta’ pressjoni (fuq l-UE jew Stati Membri speċifiċi) minn pajjiżi terzi b’reazzjoni għal tali kontrolli.

Minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar l-Użu Doppju fl-2021, il-kuntest globali dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni nbidel b’mod fundamentali. Għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna nħarġu malajr sanzjonijiet, inkluż fil-forma ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju u sensittivi. Fl-istess ħin, il-kapaċità tar-reġimi multilaterali għall-kontroll tal-esportazzjoni biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar oġġetti ġodda li għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli u li jżommu mal-pass tal-iżviluppi teknoloġiċi, ġiet imxekkla peress li xi wħud mill-membri tagħhom qed jimblukkaw il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, għadha ma ġietx ċċarata biżżejjed vuċi waħda tal-UE għall-iżvilupp ta’ kontrolli futuri fuq teknoloġiji speċifiċi. Għal dawn ir-raġunijiet, hemm bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li taġixxi internazzjonalment b’mod effettiv.

Il-White Paper dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni tipproponi azzjonijiet kemm fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll fuq perjodu ta’ żmien medju biex jiġi indirizzat dan it-tħassib. Il-Kummissjoni, fuq żmien qasir, anke biex tissalvagwardja l-ħidma teknika importanti mwettqa fir-reġimi multilaterali, se tagħmel proposta biex tintroduċi kontrolli uniformi tal-UE għal dawk l-oġġetti li kieku kienu jiġu adottati fir-reġimi multilaterali li kieku ma kienx għall-imblukkar tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’dawn ir-reġimi stess. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jinħoloq forum għall-koordinazzjoni politika, li jippermetti diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’livell għoli xieraq biex jitrawmu pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni.

Sas-sajf tal-2024, il-Kummissjoni se tadotta Rakkomandazzjoni biex ittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar kwalunkwe Lista ta’ Kontroll Nazzjonali ġdida prevista minn Stat Membru qabel l-adozzjoni, biex tippermetti kummenti dwar l-effetti potenzjali lil hinn mill-fruntieri ta’ dak l-Istat Membru. Dan itejjeb il-kapaċità tal-UE biex tidentifika r-riskji marbuta ma’ oġġetti li għadhom mhumiex ikkontrollati fil-livell multilaterali.

Fuq terminu medju, il-Kummissjoni se tavvanza l-evalwazzjoni tar-Regolament dwar l-Użu Doppju għall-ewwel trimestru tal-2025 biex tivvaluta u, sussegwentement, potenzjalment tagħmel proposti biex tirrimedja kwalunkwe nuqqas fl-effettività u l-effiċjenza tiegħu. Din l-evalwazzjoni se tkun appoġġata minn studju komprensiv fl-2024 u se tibbaża wkoll fuq ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju tal-oqsma teknoloġiċi kritiċi deskritti hawn fuq.

Jenħtieġ li l-White Paper tagħti wkoll bidu għal dibattitu usa’ dwar it-tip ta’ kontrolli tal-esportazzjoni meħtieġa u dwar kif l-aħjar li sseħħ il-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri.

White Paper dwar l-Investiment ’l Barra 

Il-komunikazzjoni Konġunta ta’ Ġunju dwar l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika tirrikonoxxi l-importanza ta’ swieq globali miftuħa għas-suċċess u s-sigurtà ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Hija tirrikonoxxi wkoll it-tħassib dejjem jikber rigward l-investimenti ’l barra f’sett limitat ta’ teknoloġiji avvanzati li jistgħu jsaħħu l-kapaċitajiet militari u ta’ intelligence tal-atturi li jistgħu jużaw dawn il-kapaċitajiet biex jheddu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Filwaqt li l-UE u l-Istati Membri tagħha diġà jiskrinjaw l-investimenti diretti barranin fl-UE u jikkontrollaw l-esportazzjonijiet ta’ teknoloġiji b’użu doppju barra mill-UE, bħalissa ma hemm l-ebda skrutinju tal-investimenti li joħorġu ’l barra mill-UE lejn pajjiżi terzi.

F’Lulju 2023, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta’ Esperti dwar l-investimenti ’l barra mal-Istati Membri biex tavvanza d-diskussjoni dwar dawn il-kwistjonijiet. Il-valutazzjoni preliminari tiegħu hija li huma meħtieġa aktar ħidma u analiżi biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiddeterminaw xi rispons politiku meħtieġ għal dan it-tħassib li dejjem qed jikber.

Il-Kummissjoni issa qed tfittex li twessa’ u tistruttura din id-diskussjoni fuq il-bażi ta’ White Paper biex tifhem aħjar l-investimenti ’l barra f’ċerti setturi strateġiċi u kwalunkwe riskju potenzjali relatat. Il-Kummissjoni tipprevedi li tirrakkomanda li dan ikun appoġġat mill-monitoraġġ u l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali mill-Istati Membri. Abbażi ta’ dan il-monitoraġġ fuq perjodu ta’ 12-il xahar, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tista’ twettaq valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-UE, ibbażata fuq metodoloġija komuni, biex tistabbilixxi jekk u liema miżuri ta’ mitigazzjoni jistgħu jkunu meħtieġa.

b.Inizjattivi ġodda relatati mal-investiment u l-kummerċ


Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar is-Sigurtà tar-Riċerka

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta għandha l-għan li tappoġġa aħjar u tagħti s-setgħa lill-Istati Membri kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u lil organizzazzjonijiet pubbliċi u privati oħra li jwettqu r-riċerka fl-Ewropa biex jidentifikaw u jindirizzaw ir-riskji għas-sigurtà tar-riċerka. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni ma jintużawx ħażin b’modi li jaffettwaw is-sigurtà tal-UE jew jiksru n-normi etiċi.

Filwaqt li l-gvernijiet nazzjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jappoġġaw is-settur tar-R&I, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE huma meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Filwaqt li tibni fuq il-ħidma li diġà saret u f’konformità mal-prinċipju tal-libertà akkademika, ir-Rakkomandazzjoni proposta għandha l-għan li timmobilizza lill-Istati Membri kollha biex joħolqu sensibilizzazzjoni u jsaħħu r-reżiljenza fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni. L-Istati Membri huma rrakkomandati li jistabbilixxu qafas ta’ politika għas-sigurtà tar-riċerka bbażat fuq approċċ ta’ gvern sħiħ, joħolqu strutturi ta’ appoġġ, jintroduċu salvagwardji permezz ta’ organizzazzjonijiet ta’ finanzjament, jinċentivaw universitajiet u organizzazzjonijiet pubbliċi u privati oħra li jwettqu riċerka biex jaħtru konsulenti tas-sigurtà tar-riċerka u jintroduċu l-proċessi ta’ diliġenza dovuta u l-ġestjoni tar-riskju.

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri jenħtieġ li jkunu proporzjonati, b’enfasi fuq l-awtogovernanza tas-settur f’konformità mal-libertà akkademika u l-awtonomija istituzzjonali. L-approċċ ġenerali jenħtieġ li jkun ibbażat fuq ir-riskju u jevita kull forma ta’ diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni.

Biex tikkomplementa dawn l-isforzi, l-UE tappoġġa t-tagħlim tal-politika, il-koordinazzjoni u l-konsistenza fost l-Istati Membri, permezz ta’ strutturi eżistenti ta’ governanza taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-istabbiliment ta’ Ċentru Ewropew ta’ Għarfien Espert dwar is-Sigurtà tar-Riċerka.

Il-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni bħala parti mir-rapportar biennali dwar l-Approċċ Globali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u tista’, filwaqt li tqis l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ġeopolitika, tipproponi aktar azzjonijiet.

White Paper għat-tisħiħ tal-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp li jinvolvu teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju 

Ħafna teknoloġiji li huma kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-UE għandhom potenzjal ta’ użu doppju: dawn it-teknoloġiji huma rilevanti għal ħafna oqsma kemm fil-qasam ċivili kif ukoll f’dak tad-difiża u jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-industrija Ewropea u għal ekonomija usa’. Fid-dawl tal-isfidi ġeopolitiċi, l-appoġġ għar-R&Ż li jinvolvi t-teknoloġiji b’potenzjal ta’ użu doppju huwa dejjem aktar rilevanti.

Il-White Paper adottata llum tirrieżamina l-appoġġ offrut taħt il-programmi ta’ finanzjament attwali tal-UE u tidentifika l-opzjonijiet potenzjali għat-titjib tagħhom. Pereżempju, programmi bħall-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża (EUDIS, EU Defence Innovation Scheme) taħt il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF, European Defence Fund) għandhom l-għan li jidentifikaw teknoloġiji promettenti fil-qasam ċivili u jippromwovu l-adozzjoni tagħhom fil-qasam tad-difiża.

Il-White Paper tipproponi tliet opzjonijiet possibbli għall-futur: (1) inkomplu nimxu ’l quddiem abbażi tal-istruttura attwali u nsaħħuha, (2) inneħħu l-enfasi esklużiva fuq l-applikazzjonijiet ċivili f’partijiet magħżula tal-programm suċċessur ta’ Orizzont Ewropa, u (3) noħolqu strument apposta b’enfasi speċifika fuq l-R&Ż ta’ użu doppju. Permezz tal-White Paper, il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni wiesgħa mal-awtoritajiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili, l-industrija u d-dinja akkademika dwar l-opzjonijiet għall-appoġġ strateġiku għall-iżvilupp tat-teknoloġija b’użu doppju. Din il-konsultazzjoni se tippermetti djalogu komprensiv mal-partijiet kollha kkonċernati u se tkun ta’ informazzjoni biex il-Kummissjoni tieħu l-passi li jmiss.

3.Progress fuq xogħol ieħor relatat mas-Sigurtà Ekonomika 

Sa mill-adozzjoni tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Ekonomika f’Ġunju li għadda, kompliet il-ħidma intensiva fuq id-dimensjonijiet ewlenin tas-sigurtà ekonomika tal-UE.

Valutazzjonijiet tar-riskju

Fit-3 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni għall-Istati Membri li tidentifika għaxar oqsma tat-teknoloġija bħala kritiċi għas-sigurtà ekonomika tal-UE. Erbgħa minn dawn it-teknoloġiji ġew rakkomandati għal valutazzjoni tar-riskju konġunta urġenti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri 5 : It-teknoloġiji Avvanzati tas-Semikondutturi, it-Teknoloġiji tal-Intelliġenza Artifiċjali, it-Teknoloġiji Kwantistiċi u l-Bijoteknoloġiji.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri bħalissa qed jaħdmu fuq dawn il-valutazzjonijiet tar-riskju, abbażi tal-kontributi mill-partijiet ikkonċernati, inkluż permezz tal-Forum Industrijali, bil-ħsieb li jsir ir-rapportar fi Frar. Il-ħidma fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju, li tiffoka b’mod partikolari fuq ir-riskji għas-sigurtà tat-teknoloġija u l-ħrib tat-teknoloġija, hija komplementari għall-ħidma tal-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi mmexxi mill-Kummissjoni, li jipprovdi monitoraġġ u analiżi regolari tat-teknoloġiji kritiċi tad-difiża, tal-ispazju u tal-ktajjen tal-valur ċivili relatati tal-UE.

Il-Kummissjoni qed tkompli taħdem ukoll fuq it-tliet valutazzjonijiet tar-riskju l-oħra li ġew identifikati fl-Istrateġija (jiġifieri r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista; is-sigurtà fiżika u ċibernetika tal-infrastruttura kritika u l-użu tad-dipendenza ekonomika jew il-koerċizzjoni ekonomika bħala arma).

Pereżempju, ir-riskji għall-katina tal-provvista jiġu mmonitorjati permezz tal-analiżi tan-Notifika ta’ Twissija tal-Katina tal-Provvista “SCAN” biex jiġu vvalutati d-dipendenzi strateġiċi u d-diffikultajiet fil-katina tal-provvista 6 . Din il-valutazzjoni tar-riskju hija bbażata fuq metodoloġiji mmexxija mid-data biex jiġu identifikati d-dipendenzi strateġiċi tal-UE f’ekosistemi industrijali sensittivi (jiġifieri relatati ma’ oqsma bħas-sigurtà u s-sikurezza, is-saħħa tal-Ewropej, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali), kif ukoll dawk id-dipendenzi li jistgħu jirrappreżentaw vulnerabbiltajiet għas-sigurtà ekonomika tal-UE. L-approċċ immexxi mid-data huwa kkomplementat b’valutazzjoni kwalitattiva bbażata fuq l-intelligence sabiex jiġu mifhuma l-implikazzjonijiet ta’ effetti li jfixklu lill-katina tal-provvista li jaffettwaw oġġetti u ekosistemi partikolari.


Fir-rigward tas-sigurtà fiżika u diġitali tal-infrastruttura kritika, id-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar 2023 tipprevedi li l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju sas-17 ta’ Jannar 2026 dwar is-servizzi essenzjali. Id-Direttiva NIS 2 7 tipprevedi l-qafas għal valutazzjoni tar-riskju kkoordinata dwar iċ-ċibersigurtà tal-infrastruttura kritika. Dawn il-valutazzjonijiet tar-riskju se jiggwidaw ukoll l-azzjonijiet stabbiliti skont l-Att dwar is-Solidarjetà Ċibernetika, propost mill-Kummissjoni f’April 2023, u b’mod partikolari l-ittestjar ikkoordinat tat-tħejjija.

Diġà twettqu diversi valutazzjonijiet u xi wħud għadhom għaddejjin: pereżempju, il-valutazzjoni dwar il-5G 8 u dwar l-implikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà tan-Networks ta’ Aċċess Miftuħ bir-Radju (OpenRAN) 9 li fis-snin li ġejjin se jipprovdu mod ieħor kif tiġi varata l-parti tal-aċċess għar-radju tan-networks tal-5G abbażi ta’ interfaċċi miftuħa. Fir-rigward tal-infrastrutturi kritiċi, miżuri effettivi biex jissaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastrutturi tal-kejbils sottomarini huma wkoll kruċjali.

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mal-Istati Membri biex tivvaluta l-livelli ta’ riskju li d-dipendenzi ekonomiċi potenzjalment jintużaw bħala arma jew għall-koerċizzjoni ekonomika, u l-oqsma potenzjali tagħhom. Din il-valutazzjoni tħares lejn l-impatti potenzjali u l-probabbiltà ta’ tali prattiki immirati kontra l-UE. Hija tqis diversi azzjonijiet li jistgħu jfittxu li jinterferixxu mal-għażliet sovrani leġittimi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha jew inkella jużaw id-dipendenzi ekonomiċi bħala arma fir-relazzjonijiet mal-UE.

Il-valutazzjonijiet tar-riskju se jikkontribwixxu biex jittieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjojni dwar jekk hijiex meħtieġa azzjoni ulterjuri. Fejn dawn jitqiesu meħtieġa, il-Kummissjoni, meta jkun xieraq, f’koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, se tipproponi azzjonijiet addizzjonali li għandhom jittieħdu biex jittaffew ir-riskji permezz tal-promozzjoni, il-protezzjoni jew il-miżuri bi sħubija.

Is-sigurtà tar-riċerka fil-programmi ta’ finanzjament attwali tal-UE


Peress li l-UE hija waħda mill-akbar finanzjaturi tar-riċerka tal-Ewropa, il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tagħti spinta lis-sigurtà tar-riċerka, billi ssaħħaħ l-applikazzjoni tas-salvagwardji eżistenti biex tiżgura s-sigurtà tar-riċerka, abbażi ta’ approċċ strett ibbażat fuq ir-riskju. Dawn is-salvagwardji għandhom l-għan li jipproteġu l-assi strateġiċi, l-interessi, l-awtonomija jew is-sigurtà tal-Unjoni skont ir-Regolamenti ta’ Orizzont Ewropa u Euratom 10 . L-UE adottat ukoll linji gwida għar-riċerka li jinvolvu oġġetti b’użu doppju, biex tiżgura li r-riskji jiġu identifikati, ġestiti u mitigati b’mod effettiv mill-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka 11 .

L-implimentazzjoni ta’ dawn is-salvagwardji qed tissaħħaħ aktar fil-qafas tar-Regolament dwar Orizzont Ewropa. B’mod konkret, 31 azzjoni taħt il-programm ta’ ħidma 2023-2024 (3,5 % tat-total) irrestrinġew l-eliġibbiltà skont l-Artikolu 22.5 tar-Regolament, jiġifieri entitajiet ibbażati f’ċerti pajjiżi terzi, li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom ma jistgħux jipparteċipaw f’dawn l-azzjonijiet. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni rigward azzjonijiet ta’ innovazzjoni ma’ entitajiet ibbażati fiċ-Ċina ġiet eskluża skont l-Artikolu 22.6 tar-Regolament. Il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali mir-Russja u mill-Belarussja fis-suġġetti kollha taħt Orizzont Ewropa ġiet eskluża f’konformità mar-reġim ta’ sanzjonijiet tal-UE 12 .

Il-Kummissjoni saħħet is-sistema ta’ monitoraġġ tagħha għall-każijiet ta’ trasferiment tas-sjieda li jirriżultaw minn proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE mogħtija lil pajjiżi terzi mhux assoċjati. Qed taħdem ukoll flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali biex tiddetermina jekk il-proġetti ta’ Orizzont Ewropa u tal-Euratom jikkonformawx mar-regoli tas-sigurtà applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tas-sensittività tal-informazzjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni introduċiet salvagwardji tal-investiment permezz tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, li għandhom jiġu inklużi f’investimenti f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u negozji ġodda li jiżviluppaw teknoloġiji u innovazzjonijiet li jistgħu joħolqu riskji għas-sigurtà ekonomika, jekk jinkisbu minn pajjiżi terzi mhux assoċjati. Din l-esperjenza kollha kkontribwiet għat-tħejjija tal-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq, ippreżentata llum.

Il-promozzjoni u s-sħubija

Bħala parti mill-pilastru “promozzjoni” tal-Istrateġija u fil-kuntest usa’ tal-aġenda tal-kompetittività tal-UE, il-Kummissjoni saħħet is-Suq Uniku u l-bażi ekonomika tal-Unjoni. Ittieħdu diversi passi importanti biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE u l-kompetittività tal-ekonomija u l-industrija tal-Ewropa, inkluż billi jittejjeb l-aċċess għall-finanzi, jiġu implimentati inizjattivi soċjali importanti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tingħata spinta lill-investimenti u r-riformi permezz tal-introduzzjoni tan-NextGeneration EU u l-Fondi ta’ Koeżjoni. Xi wħud minn dawn il-passi li jikkontribwixxu għas-sigurtà ekonomika tal-UE huma deskritti fl-eżempji (mhux eżawrjenti) ta’ hawn taħt.

L-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku, ladarba jiġi adottat mill-koleġiżlaturi, se jqiegħed lill-UE f’pożizzjoni aħjar biex timmonitorja l-oġġetti u s-servizzi essenzjali f’kuntest ta’ kriżi u jiżgura qafas ta’ governanza għal reazzjoni kollettiva rapida. L-Att dwar il-Materja Prima Kritika jiżgura l-aċċess tal-UE għal provvista sigura, diversifikata, affordabbli u sostenibbli ta’ materja prima kritika. L-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti se jrawwem il-kompetittività tal-industrija tagħna u jiffaċilita t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti. L-AggregateEU se jgħin biex jiġu diversifikati s-sorsi tal-importazzjoni tal-enerġija, filwaqt li r-riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE se taċċellera ż-żieda fl-enerġija rinnovabbli, u b’hekk tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija u tillimita d-dipendenzi.

L-Inizjattiva tal-Materjali Avvanzati għat-Tmexxija Industrijali li jmiss se trawwem il-produzzjoni u l-użu ta’ materjali innovattivi u sostenibbli fl-UE. L-inizjattiva tal-UE dwar il-Bijoteknoloġija u l-Bijomanifattura li jmiss se tippromwovi l-kompetittività f’din it-teknoloġija kritika. Hija se tqis, fost l-oħrajn, ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju konġunta msemmija hawn fuq. Ir-riforma tal-Unjoni Doganali tal-UE, proposta f’Mejju 2023 se tiżgura li l-awtoritajiet doganali jkollhom l-għodod u r-riżorsi biex jivvalutaw kif xieraq l-esportazzjonijiet u jwaqqfu l-importazzjonijiet li huma illegali jew li joħolqu riskji reali għas-sigurtà tal-UE, għaċ-ċittadini tagħha u għall-ekonomija tagħha.

Qed isir ukoll progress fil-promozzjoni ta’ oqsma kritiċi tat-teknoloġija. Il-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali 13 stabbilixxa l-qafas għat-trawwim tal-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji u s-servizzi diġitali strateġiċi Ewropej. L-Att tal-UE dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika se jiżgura li l-prodotti tal-hardware u s-software, bħal apparati mingħajr fili u bil-fili, ikunu aktar siguri ċibernetikament għall-utenti kummerċjali u l-konsumaturi fl-Unjoni kollha u se jippożizzjonaw aħjar l-industrija tal-UE permezz ta’ tmexxija fl-istandards relatati.

Għaddejjin negozjati politiċi dwar il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform). Ladarba tiġi adottata, din se tingrana u tidderieġi l-istrumenti eżistenti tal-UE biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-manifattura tat-teknoloġiji kritiċi fl-Unjoni. L-Impriża Konġunta dwar iċ-Ċipep, inawgurata fl-aħħar ta’ Novembru 2023, tnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-użu, b’mod partikolari permezz ta’ finanzjament ta’ EUR 1,67 biljun mill-UE għal erba’ linji pilota.

L-Att tal-UE dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, li ġie maqbul politikament f’Diċembru 2023 se jagħti spinta lill-investiment u l-innovazzjoni fl-UE kollha billi jipprovdi lin-negozji b’ċertezza legali u jagħti fiduċja lill-konsumaturi u lin-negozji li jużaw l-IA. Dalwaqt se jiġi kkomplementat minn inizjattiva tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn in-negozji ġodda tal-AI u l-kapaċità li dejjem qed tikber tal-UE tas-superkompjuters, u biex tiġi żviluppata l-ekosistema tal-innovazzjoni tal-AI tal-UE. Barra minn hekk, EUR 1,2 biljun ta’ għajnuna minn seba’ Stati Membri ġew approvati għal Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni biex jiġu appoġġati r-riċerka, l-iżvilupp u l-ewwel użu industrijali tat-teknoloġiji avvanzati tal-cloud u tal-edge computing fl-Ewropa. L-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti, li saret operazzjonali fl-2022, trawwem l-allinjament mal-Istati Membri dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni tas-6G, u l-użu ta’ networks tal-5G avvanzati.

Bħala parti mill-pilastru “sieħeb”, l-UE kompliet issaħħaħ l-impenn tagħha mas-sħab internazzjonali biex tavvanza l-interessi tas-sigurtà ekonomika komuni. Din il-kooperazzjoni tvarja mill-iżgurar tal-aċċess għall-materja prima, għall-fehim tal-ktajjen tal-provvista kritiċi, l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni dwar it-teknoloġiji emerġenti f’oqsma ewlenin, u r-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Fl-2023, l-UE ffirmat ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ma’ New Zealand, iċ-Ċilì u l-Kenja, kif ukoll l-ewwel Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli (SIFA, Sustainable Investment Facilitation Agreement ) li qatt sar mal-Angola, u ffinalizzat in-negozjati dwar ftehim mal-Ġappun rigward il-flussi transfruntieri tad-data.

Kompliet il-ħidma fi ħdan il-Pjattaforma ta’ Koordinazzjoni tal-G7 dwar il-Koerċizzjoni Ekonomika biex tiġi kondiviża l-informazzjoni u jiġu kkoordinati aħjar l-azzjonijiet kontra l-użu tal-kummerċ u l-koerċizzjoni ekonomika bħala arma. Il-Grupp ta’ Ħidma tal-G7 dwar is-Sigurtà u l-Integrità tal-Ekosistema tar-Riċerka Globali ppubblika f’Novembru 2023 l-aħjar prattiki u waqqaf Akkademja Virtwali biex tispira aktar attivitajiet. Is-sħubija għal Titjib f’Katina tal-Provvista Reżiljenti u Inklużiva (RISE, Resilient and Inclusive Supply-Chain Enhancement) mibdija mill-G7 għandha l-għan li tappoġġa lill-pajjiżi b’introjtu baxx u medju biex jaqdu rwoli akbar fl-industriji tal-minerali u tal-manifattura dinjija b’enerġija nadifa.

L-eżitu tas-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti ta’ Ottubru 2023 jenfasizza l-interess kondiviż biex jitnaqqsu d-dipendenzi eċċessivi, jiġu indirizzati l-prattiki mhux tas-suq, tiġi indirizzata l-koerċizzjoni ekonomika, jiġu indirizzati r-riskji li jirriżultaw minn investimenti ’l ġewwa u ’l barra kif ukoll tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista, u dawn għandhom jitmexxew ’il quddiem permezz tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija. L-UE u l-Kanada qablu wkoll fis-Summit tagħhom ta’ Novembru 2023 li jkollhom djalogi regolari dwar is-sigurtà ekonomika. Bl-istess mod, l-UE u r-Repubblika tal-Korea qablu f’Mejju 2023 li jsaħħu d-djalogu dwar is-sigurtà ekonomika. Qed isseħħ ukoll kooperazzjoni mill-qrib dwar is-sigurtà ekonomika mal-Ġappun u l-Indja.

Ir-riflessjonijiet dwar kif jistgħu jittejbu s-sigurtà ekonomika u r-reżiljenza tal-UE u tas-sħab tagħha ġew integrati wkoll fit-tnedija tal-Global Gateway, li qed timmobilizza sa EUR 300 biljun f’investiment ta’ benefiċċju reċiproku għall-iżvilupp sostenibbli fis-swieq emerġenti u fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw. Is-sħubijiet sostenibbli dwar il-materja prima kritika ma’ seba’ pajjiżi fi tliet kontinenti, inkluż iċ-Ċilì, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-Każakistan u l-pakketti għal ekonomija diġitali mal-Kolombja, in-Niġerja, il-Kenja, u l-Filippini huma eżempji ta’ sħubijiet li l-UE diġà lestiet fil-kuntest tal-Global Gateway. Dawn jikkontribwixxu għas-sigurtà ekonomika tas-sħab filwaqt li javvanzaw ukoll l-interessi strateġiċi tal-UE.

L-UE tkompli tappoġġa bil-qawwa r-riforma wiesgħa tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali biex tindirizza b’mod aktar effettiv l-iżviluppi fil-kummerċ internazzjonali.

14 L-UE qed tissieħeb ukoll ma’ firxa wiesgħa ta’ pajjiżi dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari billi tiffaċilita djalogu multilaterali dwar il-valuri u l-prinċipji għall-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza, li dwarha se tospita konferenza ministerjali internazzjonali fi Frar 2024. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll id-djalogi rigward it-tħassib dwar is-sigurtà ekonomika ma’ pajjiżi terzi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa, , bħar-Renju Unit, il-Kanada jew New Zealand.

4.Konklużjoni

Il-pakkett ta’ proposti u inizjattivi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni jirrappreżentaw pass ieħor fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika.

Il-pakkett jippreżenta approċċ komprensiv biex jissaħħaħ is-sett ta’ għodod tal-UE biex jittaffew ir-riskji marbuta ma’ investimenti barranin fl-UE, ma’ investimenti ’l barra, ma’ oġġetti b’użu doppju u biex tissaħħaħ is-sigurtà tar-riċerka. Dan it-tisħiħ huwa essenzjali biex l-UE u l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw b’mod sistematiku r-riskji identifikati fil-valutazzjonijiet tar-riskju li għaddejjin bħalissa relatati mal-ktajjen tal-provvista, mat-teknoloġiji, mal-infrastrutturi u mal-koerċizzjoni ekonomika.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jikkunsidraw dawn il-proposti u l-inizjattivi, u biex jagħtuhom is-segwitu xieraq, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni. Minħabba l-ambjent ġeopolitiku, u l-opportunitajiet u r-riskji li joħloq, se jkun meħtieġ li wieħed jipproċedi b’pass kostanti.

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika hija proċess kontinwu, ibbażat fuq analiżi tar-riskju bir-reqqa, li jwassal għall-adozzjoni ta’ miżuri mmirati biex jindirizzaw ir-riskji, filwaqt li titqies in-natura li qed tevolvi tal-ambjent tar-riskju. Għalhekk, il-Kummissjoni se tipproponi fi żmien debitu u, fejn xieraq, f’koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli, aktar inizjattivi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija.

(1)

Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà: L-Istrateġija ta’ Sigurtà Ekonomika Ewropea, 26.06.2023, JOIN (2023) 20 final

(2)

Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal bħala parti mill-pakkett adottat ma’ din il-Komunikazzjoni.

(3)

  https://www.oecd.org/daf/inv/investment-policy/oecd-eu-fdi-screening-assessment.pdf

(4)

  https://www.eca.europa.eu/en/publications/SR-2023-27

(5)

C(2023) 6689 final

(6)

Għal aktar dettalji ara SWD(2021) 352 final u Arjona et al. (2023)

(7)

Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà fl-Unjoni kollha

(8)

Rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju kkoordinata tal-UE tal-5G (europa.eu)

(9)

  Cybersecurity of Open Radio Access Networks | Shaping Europe’s digital future (europa.eu)

(10)

Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, jistipula r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013.

(11)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1700 tal-15 ta’ Settembru 2021dwar programmi interni ta’ konformità għall-kontrolli tar-riċerka li tirrigwarda oġġetti b’użu doppju skont ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju.

(12)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1986 tal-15 ta’ Novembru 2021

(13)

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali

(14) Bħalissa 19-il pajjiż terz huma assoċjati ma’ Orizzont Ewropa, bir-Renju Unit, New Zealand, u l-Kanada l-aktar sħab reċenti. Dawn l-assoċjazzjonijiet jipprovdu, kemm jista’ jkun possibbli, l-istess drittijiet u obbligi lill-entitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi bħal dawk mogħtija lill-entitajiet tal-Istati Membri tal-UE.