IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.1.2024
COM(2024) 1 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022
{SWD(2024) 1 final}
1INTRODUZZJONI
Fl-2024, iż-żgħażagħ Ewropej huma l-aktar ġenerazzjoni edukata, midħla tat-teknoloġija, mobbli, u konnessa sal-lum. Iċ-ċittadini żgħażagħ tal-UE jirrapportaw bħala medja livelli pjuttost għoljin ta’ benesseri soġġettiv. Huma attivi fis-soċjetajiet li jgħixu fihom u l-grupp ta’ età li huwa l-aktar sodisfatt bil-mod kif taħdem id-demokrazija fl-UE. Fl-istess ħin, huma affettwati mill-kriżi finanzjarja globali tal-2008, il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni Russa li għaddejja kontra l-Ukrajna. Il-volatilità, l-inċertezza u l-bidla bla preċedent huma xi ħaġa normali għat-73 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-Unjoni Ewropea, u dawn qed jinfluwenzaw l-opportunitajiet ta’ ħajjithom u s-saħħa mentali tagħhom. Minkejja l-kriżijiet multipli, iż-żgħażagħ tal-lum żviluppaw livell għoli ta’ reżiljenza.
Dan il-kuntest ifforma l-fehmiet, il-ħtiġijiet u l-imġiba taż-żgħażagħ tal-lum.
Filwaqt li ż-żgħażagħ huma eteroġeni, u jesprimu viżjonijiet differenti u xi drabi kunfliġġenti, ħaġa waħda hija ċara: huma joffru perspettiva ġenerazzjonali unika. L-inklużjoni ta’ din il-perspettiva diversa taż-żgħażagħ fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-preżent u l-futur ma hijiex biss ġusta, iżda meħtieġa.
Id-daqs tal-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum jirrikjedi l-involviment ta’ kulħadd. Sabiex nappoġġaw id-demokrazija, niżguraw il-paċi, inkunu sodi fuq il-valuri Ewropej u nagħmlu l-aħjar użu mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, għandna bżonn il-kreattività, l-enerġija u t-talenti diversi taċ-ċittadini kollha, speċjalment taż-żgħażagħ.
Huwa għalhekk li, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea fil-15 ta’ Settembru 2021, il-President von der Leyen pproponiet li l-2022 tiġi nominata bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, bħala rikonoxximent tar-reżiljenza li ż-żgħażagħ urew matul il-pandemija tal-COVID-19 u biex jingħataw is-setgħa li jsawru l-futur tal-Ewropa f’dinja ta’ wara l-pandemija. L-appoġġ għal dimensjoni b’saħħitha taż-żgħażagħ fil-prijoritajiet u fil-politiki tal-UE ġie mtenni fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, kif ukoll permezz ta’ organizzazzjonijiet ewlenin tal-partijiet ikkonċernati bħall-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ.
“Voice your Vision” kien is-slogan tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, sena li kellha l-għan li tagħti liż-żgħażagħ prospetti pożittivi, li tagħti spinta lill-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika, f’konformità mat-Trattat ta’ Liżbona u li tagħtihom vuċi aktar b’saħħitha fit-tfassil tal-politika tal-UE.
L-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin f’Ġunju 2024 ikomplu jamplifikaw l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu involuti fil-proċess demokratiku. Il-Parlament Ewropew li jmiss se jkollu vuċi deċiżiva f’oqsma ta’ tħassib għaż-żgħażagħ – is-saħħa u l-benesseri, l-ambjent u l-klima, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-valuri Ewropej, l-impjiegi u l-inklużjoni. Għalhekk huwa kruċjali li ċ-ċittadini żgħażagħ jieħdu l-opportunità li jesprimu l-għażla tagħhom għall-Ewropa u jiżguraw ir-rappreżentanza ppreferuta tagħhom fl-assemblea eletta direttament tal-UE.
Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tkompli twassal riżultati fir-rigward tal-aspettattivi taż-żgħażagħ sabiex tagħtihom futur aħjar. Dan l-impenn se jiġi solidifikat bl-introduzzjoni ta’ verifika taż-żgħażagħ biex jiġi żgurat li l-effetti tal-politiki tal-UE fuq iż-żgħażagħ jitqiesu sistematikament fit-tfassil tal-politiki, billi jintuża l-potenzjal sħiħ tal-qafas ta’ Regolamentazzjoni Aħjar. Dan għandu l-għan li jiżgura li l-ħtiġijiet u l-vuċijiet taż-żgħażagħ jitqiesu fl-oqsma kollha tal-politika.
Skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022), din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-kisbiet ewlenin tas-Sena u l-azzjonijiet ta’ prijorità, filwaqt li ssostni l-legat tas-Sena taż-Żgħażagħ. Il-Kummissjoni tipproponi dawn il-miżuri f’konformità mal-Artikolu 6(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fejn, fil-qasam taż-żgħażagħ, l-UE għandha l-mandat li twettaq azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni fih ir-rapport sħiħ dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati, u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena.
Din il-Komunikazzjoni u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal, flimkien mar-rapport ta’ evalwazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2019-2027 (mistenni fl-2024), se jgħinu jsawru l-futur tal-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ u jsaħħu l-kontribut taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika tal-UE.
2IS-SENA EWROPEA TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ – KISBIET EWLENIN
Is-suċċess tas-Sena kien ir-riżultat ta’ sforz ta’ kokreazzjoni ta’ diversi partijiet ikkonċernati u f’diversi livelli li jinvolvi l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati taż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ. Kif mitlub mid-Deċiżjoni dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ u biex tiġi żgurata koordinazzjoni ottimali, il-Kummissjoni ħolqot grupp ta’ 29 koordinatur nazzjonali għas-Sena, innominati mill-Istati Membri tal-UE, 6 punti ta’ kuntatt nazzjonali fil-pajjiżi assoċjati mal-Erasmus+ u aktar minn 120 parti ikkonċernata taż-żgħażagħ fil-livell Ewropew.
Il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni kienu kontributuri attivi għall-grupp. Din il-mobilizzazzjoni wiesgħa ta’ atturi diversi fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tas-Sena rriżultat fi sħubijiet ġodda fil-livelli kollha, li se jaffettwaw b’mod pożittiv il-kooperazzjoni taż-żgħażagħ għas-snin li ġejjin.
Is-Sena wasslet b’suċċess għal mobilizzazzjoni u impenn fuq skala kbira fil-livelli kollha. Aktar minn 2 700 parti ikkonċernata madwar l-UE u lil hinn minnha rreġistraw attivitajiet fuq il-mappa tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, u b’hekk ikkontribwixxew għall-erba’ objettivi tas-Sena.
L-attivitajiet bħala parti mis-Sena kienu għaż-żgħażagħ u ġew implimentati magħhom u minnhom. Madwar 92 % tal-koordinaturi nazzjonali u tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali mhux tal-UE kkollaboraw mal-kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ magħmula miż-żgħażagħ. Mit-18-il grupp/network ta’ tmexxija stabbiliti fil-livell nazzjonali, 16 kienu jinkludu kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u 12 kienu jinkludu organizzazzjonijiet oħra taż-żgħażagħ.
Is-Sena ġabet lill-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali eqreb lejn iż-żgħażagħ. Bis-saħħa tas-Sena, għadd akbar ta’ żgħażagħ Ewropej esperjenzaw direttament kif l-UE żżid il-valur ma’ ħajjithom, tappoġġa l-iżvilupp personali tagħhom u tagħtihom riżorsi u ħiliet ewlenin biex isiru ċittadini u aġenti attivi ta’ solidarjetà u ta’ bidla pożittiva. Madwar 83 % tal-attivitajiet matul is-Sena saru wiċċ imbwiċċ. Dan l-isforz ta’ lħuq kien importanti biex iż-żgħażagħ jiġu infurmati, inklużi dawk b’inqas opportunitajiet, dwar bosta opportunitajiet.
L-akbar aspettattiva taż-żgħażagħ tas-Sena kienet li s-soċjetà u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jisimgħu aktar it-talbiet tagħhom u jaġixxu fuqhom. Fil-kuntest tas-Sena, iż-żgħażagħ kienu fiċ-ċentru tal-aġenda politika u kellhom ħafna opportunitajiet biex jesprimu l-viżjoni u l-ideat tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ importanza għalihom. Kważi 90 % tal-partijiet ikkonċernati fis-settur taż-żgħażagħ u 66 % taż-żgħażagħ li pprovdew feedback ikkonfermaw li s-Sena tathom dawn l-opportunitajiet biex isemmgħu leħinhom.
L-integrazzjoni tal-perspettiva taż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika tal-UE kienet objettiv ewlieni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, li ntlaħaq permezz ta’ mobilizzazzjoni vasta bejn id-dipartimenti madwar il-Kummissjoni. Ikkontribwew aktar minn 30 dipartiment, b’aktar minn 130 inizjattiva ta’ politika għaż-żgħażagħ, li ħafna minnhom ġew żviluppati f’kooperazzjoni magħhom. Madwar EUR 140 miljun ġew identifikati fi programmi u fi strumenti rilevanti tal-UE għall-implimentazzjoni tal-objettivi tas-Sena, inkluż permezz ta’ kampanji, avvenimenti u sejħiet għal proposti. Fil-livell nazzjonali, 81 % tal-koordinaturi nazzjonali u tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali rrapportaw li kienu kkollaboraw ma’ ministeri jew ma’ korpi pubbliċi għajr dawk responsabbli għall-politika dwar iż-żgħażagħ. U 69 % stabbilew gruppi/networks ta’ tmexxija għas-Sena (li minnhom il-ministeri/il-korpi pubbliċi mhux speċjalizzati għaż-żgħażagħ iffurmaw 61 %).
L-objettivi ewlenin tas-Sena ta’ parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ u l-inkorporazzjoni tal-perspettiva taż-żgħażagħ fil-firxa tal-politika ntlaħqu b’mod ċar u jridu jiġu appoġġati. Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ kienet storja ta’ suċċess tal-kooperazzjoni Ewropea, u l-legat tagħha jrid jitkompla.
3IT-TRIQ ’IL QUDDIEM
Bħala legat tas-Sena u f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, il-Kummissjoni se tmexxi ’l quddiem l-azzjoni f’żewġ oqsma ewlenin:
·li ż-żgħażagħ jingħataw vuċi aktar b’saħħitha fit-tfassil tal-politika tal-UE u
·li t-tħassib taż-żgħażagħ jiġi indirizzat fl-oqsma kollha ta’ politika.
Dawn l-isforzi se jibnu fuq il-qafas ta’ Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni, li joffri struttura ċara għall-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u għall-valutazzjoni tal-impatti. Il-Kummissjoni se tiżgura kapaċità interna msaħħa biex taħdem maż-żgħażagħ u se tistabbilixxi djalogu b’saħħtu u kontinwu mal-partijiet ikkonċernati matul iċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika.
Ir-riflessjonijiet tal-Kummissjoni ġew infurmati minn varjetà ta’ proposti biex jitmexxew ’il quddiem l-isforzi sabiex tiġi approfondita d-dimensjoni taż-żgħażagħ tal-politiki tal-UE. Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ stabbilixxa suġġerimenti għal Test taż-Żgħażagħ tal-UE. Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-legat tas-Sena talab lill-Kummissjoni tadotta Test taż-Żgħażagħ tal-UE biex tiżgura l-involviment u l-impenn taż-żgħażagħ fit-tħejjija tal-politiki tal-UE. Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-integrazzjoni taż-żgħażagħ, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tuża l-qafas tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar biex tqis l-impatt ta’ politiki ġodda fuq iż-żgħażagħ.
3.1IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JINGĦATAW VUĊI AKTAR B’SAĦĦITHA FIT-TFASSIL TAL-POLITIKA TAL-UE
Kull azzjoni li tieħu l-UE għandha tkun ispirata mis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tħares il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet fid-deċiżjonijiet tagħha biex “[i]nħallu d-dinja post aħjar għall-ġenerazzjoni li jmiss.”. Barra minn hekk, ħafna inizjattivi u deċiżjonijiet ta’ politika tal-UE għandhom impatt dirett fuq il-ħajja tal-ġenerazzjoni kurrenti taż-żgħażagħ, kif muri wkoll fl-għanijiet Ewropej dwar iż-żgħażagħ, li huma parti integrali mill-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Għalhekk, l-“integrazzjoni” taż-żgħażagħ – li tqis id-dimensjoni taż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha – hija prijorità għall-kooperazzjoni tal-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ.
Biex tintegra l-perspettiva taż-żgħażagħ fl-oqsma kollha ta’ politika meta jitfasslu jew jinbidlu l-politiki, il-Kummissjoni għalhekk se tiżgura “verifika taż-żgħażagħ” billi tagħmel użu sħiħ mill-għodod ta’ Regolamentazzjoni Aħjar u ta’ konsultazzjoni. Din il-verifika taż-żgħażagħ ma tibdiex mill-bidu nett, peress li l-Kummissjoni diġà għandha sett ta’ għodod rilevanti ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, li se jiġu kkomplementati b’diversi strumenti speċifiċi għaż-żgħażagħ skont l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027.
3.1.1VERIFIKA TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ: UŻU SĦIĦ TA’ GĦODOD TA’ REGOLAMENTAZZJONI AĦJAR U KONSULTAZZJONI
Il-Kummissjoni se tiżgura li l-għodod eżistenti għal Regolamentazzjoni Aħjar jintużaw sal-potenzjal massimu tagħhom. Is-sett ta’ għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar jidentifika mistoqsijiet ewlenin biex jiġi stabbilit is-sinifikat tal-impatti għaż-żgħażagħ:
·Għodda#31 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, il-Kultura u ż-Żgħażagħ tipprovdi gwida, referenzi u sfond dwar kif għandhom jiġu vvalutati l-impatti fuq iż-żgħażagħ (il-ħajja demokratika, l-involviment ċivili, l-edukazzjoni u l-apprendiment, is-suq tax-xogħol, is-saħħa u l-benesseri, l-inklużjoni u l-ġlieda kontra l-faqar).
·Għodda#29 dwar id-Drittijiet Fundamentali, inkluża l-promozzjoni tal-ugwaljanza, tinkludi referenza espliċita għad-dimensjoni tal-età u d-drittijiet tat-tfal fil-valutazzjoni tal-impatti kif ukoll fil-mitigazzjoni tal-impatti negattivi potenzjali meta d-deċiżjonijiet ta’ politika li jidhru newtrali jista’ jkollhom impatt differenzjali fuq gruppi speċifiċi, anke meta tali impatt la kien maħsub u lanqas previst.
·Għodda#20 dwar il-previżjoni Strateġika tappoġġa l-valutazzjoni ta’ kif il-megatendenzi relatati ta’, pereżempju, it-tibdil demografiku, l-aċċess għal materja prima limitata, li jittrasformaw malajr ir-realtà teknoloġika u soċjoekonomika, jistgħu jaffettwaw liż-żgħażagħ.
L-implimentazzjoni sħiħa tal-għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar se tirriżulta f’verifika taż-żgħażagħ. Il-perspettiva taż-żgħażagħ se tkun inkorporata fit-tfassil tal-politika f’erba’ fażijiet ewlenin:
1.Valutazzjoni tar-rilevanza għaż-żgħażagħ – il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-korrispondenti tagħha għaż-żgħażagħ (ara aktar hawn taħt), u bl-involviment tan-Network taż-Żgħażagħ meta jkun meħtieġ, tivvaluta jekk inizjattiva ppjanata inkluża fl-inizjattivi ta’ prijorità stabbiliti fl-Anness I tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni jkollhiex rilevanza sinifikanti għaż-żgħażagħ. Se jintuża proċess konsistenti biex jiġu identifikati dawn l-inizjattivi prijoritarji ewlenin.
2.Konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ – meta inizjattiva tkun ġiet identifikata bħala partikolarment rilevanti għaż-żgħażagħ, il-Kummissjoni se tqis konsultazzjoni ddedikata għaż-żgħażagħ (stħarriġ immirat, diskussjonijiet maż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet rappreżentattivi taż-żgħażagħ jew il-pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati taż-Żgħażagħ). Barra minn hekk, f’każijiet bħal dawn, sett obbligatorju ta’ mistoqsijiet immirat għaż-żgħażagħ se jiġi inkluż fil-konsultazzjonijiet pubbliċi, bil-possibbiltà li jiġi identifikat il-grupp ta’ età ta’ dawk li jwieġbu. Dan se jgħin biex jistimula ulterjorment il-kontribuzzjonijiet taż-żgħażagħ u jiddeskrivihom fil-valutazzjonijiet tal-impatt. Il-koordinaturi nazzjonali/reġjonali ġodda taż-żgħażagħ (ara aktar hawn taħt) jistgħu jiġu mmobilizzati biex jiffaċilitaw il-konsultazzjonijiet fil-livell nazzjonali.
3.Valutazzjoni tal-impatt – il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-korrispondenti taż-żgħażagħ, twettaq il-valutazzjoni tal-impatt, billi tibbaża fuq l-għodod kollha ta’ Regolamentazzjoni Aħjar meqjusa bħala partikolarment rilevanti għaż-żgħażagħ u tiżgura li l-impatti fuq iż-żgħażagħ jiġu analizzati kif xieraq kull meta jkunu ġew identifikati bħala rilevanti.
4.Skrutinju – il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju jivverifika jekk l-impatti kollha ġewx analizzati kif xieraq, inklużi l-impatti fuq iż-żgħażagħ u l-konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ kull meta jiġu identifikati bħala partikolarment rilevanti għall-inizjattiva.
Biex jinżamm il-momentum politiku tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ għal inizjattivi ġodda u biex jinbnew l-esperjenza u l-għarfien, fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni se tniedi serje ta’ diskussjonijiet madwar mejda ddedikati għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-Istati Membri u istituzzjonijiet oħra tal-UE. Id-diskussjonijiet madwar mejda se jsiru b’rabta mal-pubblikazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni, u se jiżguraw il-monitoraġġ tat-tagħlimiet meħuda mill-verifika taż-żgħażagħ tal-Kummissjoni u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fl-ambitu tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ.
Biex tapprofondixxi l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika, il-Kummissjoni se:
·tinvolvi ruħha wkoll fi djalogu mas-sħab u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti taż-żgħażagħ, filwaqt li tinvolvihom aktar fit-tħejjija ta’ proposti ta’ politika rilevanti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw b’mod attiv u jsemmgħu l-vuċijiet tagħhom f’konsultazzjonijiet pubbliċi u mmirati, djalogi ma’ dawk li jfasslu l-politika u l-panels taċ-ċittadini.
·issegwi d-djalogi ta’ politika b’suċċess mal-Kummissarji, li kienu inizjattiva ewlenija tas-Sena. Iż-żgħażagħ minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha se jkollhom opportunità regolari biex ikollhom skambji mal-Kummissarji dwar suġġetti u inizjattivi ewlenin, b’enfasi fuq il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni.
·tkompli ssaħħaħ il-kapaċità interna tagħha li taħdem maż-żgħażagħ. Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tas-Sena, il-Kummissjoni se tkompli n-Network intern taż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni fejn il-korrispondenti taż-żgħażagħ ikunu l-punti ta’ kuntatt primarji dwar kwistjonijiet taż-żgħażagħ fl-oqsma ta’ politika rispettivi tagħhom, u se tgħin biex jissaħħu l-kooperazzjoni transsettorjali u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ. Dan in-network, animat mill-koordinatur taż-żgħażagħ tal-UE, se jiskambja informazzjoni dwar il-politiki li jkunu qed jitħejjew li jista’ jkollhom impatt potenzjali fuq iż-żgħażagħ, u se jikkoopera mal-grupp ta’ pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati taż-Żgħażagħ.
·Bħala segwitu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa – eżerċizzju mingħajr preċedent fid-demokrazija pan-Ewropea – il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti vuċi aktar b’saħħitha liċ-ċittadini żgħażagħ fit-tfassil tal-politika tal-UE billi tlaqqa’ b’mod regolari panels taċ-ċittadini magħżula b’mod aleatorju – li terz minnhom huma żgħażagħ biex jiddeliberaw dwar ċerti inizjattivi ta’ politika ewlenin. Minn meta ġiet konkluża l-Konferenza, ġew organizzati tliet panels biex jiddeliberaw dwar il-ħela tal-ikel, id-dinjiet virtwali u l-mobbiltà tal-apprendiment. Id-dimensjoni qawwija taż-żgħażagħ għandha tinżamm għall-panels taċ-ċittadini li se jsiru fil-futur.
|
Azzjonijiet ewlenin:
1. L-użu tal-potenzjal sħiħ tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ bħala parti mill-qafas u mis-sett ta’ għodod ta’ Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni, li jirriżulta f’kontroll taż-żgħażagħ
2. It-tkomplija tad-djalogi dwar il-politika taż-żgħażagħ mal-Kummissarji
3. It-tkomplija tal-iżgurar ta’ parteċipazzjoni b’saħħitha taż-żgħażagħ fil-panels taċ-ċittadini
4. Il-mobilizzazzjoni ulterjuri tan-Network intern tal-Kummissjoni għaż-Żgħażagħ tal-korrispondenti taż-żgħażagħ
5. It-tnedija ta’ serje ta’ diskussjonijiet madwar mejda ddedikati għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ
|
3.1.2MOBILIZZAZZJONI TA’ STRUMENTI TA’ DJALOGU U INTEGRAZZJONI Fl-AMBITU TAL-ISTRATEĠIJA TAL-UE GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ 2019-2027
Il-parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ hija l-pedament ta’ kwalunkwe demokrazija li taħdem tajjeb, li tikkontribwixxi għal soċjetà aktar inklużiva u koeżiva, u f’dan is-sens, hija wkoll partikolarment rilevanti għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Bħala parti mill-pakkett dwar id-“Difiża tad-Demokrazija”, Rakkomandazzjoni li tippromwovi standards demokratiċi għoljin dwar l-elezzjonijiet u r-referenda Ewropej u nazzjonali tappoġġa l-parteċipazzjoni wiesgħa ta’ gruppi differenti, inkluża l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet. Jinkludi wkoll Rakkomandazzjoni dwar il-promozzjoni tal-impenn u l-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonjiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-tfassil tal-politika pubblika, li fost l-oħrajn jippromwovu l-parteċipazzjoni sinifikanti, inklużiva u sikura tat-tfal u taż-żgħażagħ, mingħajr diskriminazzjoni tal-ebda tip. F’konformita mar-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom speċifikament biex isaħħu l-parteċipazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ fil-ħajja politika u demokratika fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali inkluż fiż-żoni rurali u remoti.
Il-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u d-demokrazija hija mezz biex jiżdiedu l-ħiliet ewlenin, il-prospetti, is-sens ta’ appartenenza u l-prospetti pożittivi taż-żgħażagħ. L-istħarriġ tal-2022 tal-Ewrobarometru dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija wera involviment dejjem akbar taż-żgħażagħ, peress li 58 % tar-rispondenti żgħażagħ iddikjaraw li kienu attivi fis-soċjetajiet li jgħixu fihom.
Is-Sena rriżultat fi spinta qawwija għal aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw bħala ċittadini attivi u jipparteċipaw fil-ħajja demokratika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Għalhekk, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ħarġet bħala t-tema ewlenija tas-Sena, bl-akbar għadd ta’ attivitajiet (43 %) fuq il-mappa tal-attività tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. “Aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ jinstemgħu fil-livelli kollha” kienet ukoll l-ogħla azzjoni ta’ segwitu, ippreferuta minn 61 % taż-żgħażagħ, 72 % tal-partijiet ikkonċernati u 73 % tal-koordinaturi nazzjonali u tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali fl-istħarriġ. Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jeħtieġ li sseħħ fl-oqsma kollha ta’ politika rilevanti għaż-żgħażagħ. Għalhekk huwa kruċjali li tingħata spinta lill-istrumenti tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Sabiex iżżomm il-momentum tas-Sena għad-djalogu u l-integrazzjoni u tibni fuqu, il-Kummissjoni se:
·issaħħaħ id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, l-istrument ewlieni għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa, billi żżid il-viżibbiltà u l-ilħuq tiegħu, tinvolvi aktar organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ diversi, u ttejjeb it-tixrid, l-adozzjoni u s-segwitu tal-eżiti tad-djalogu fil-livelli kollha, u ssaħħaħ l-isforzi biex jiġu involuti ż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet. Id-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ huwa konverżazzjoni kontinwa maż-żgħażagħ u mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li tinvolvi lil dawk li jfasslu l-politika u jieħdu d-deċiżjonijiet, kif ukoll lill-esperti, lir-riċerkaturi u lil korpi oħra rilevanti tas-soċjetà ċivili. Sabiex jgħin biex jintlaħaq il-livell lokali fil-konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ, dan id-djalogu jista’ jkun marbut aħjar ma’ inizjattivi ewlenin li ġejjin tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tallinja l-fokus tad-djalogu aktar mill-qrib mal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Biex tappoġġa l-proċess tat-tkabbir, il-Kummissjoni se tesplora kif għandha tinvolvi ruħha ulterjorment maż-żgħażagħ minn pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali.
·tiffaċilita l-iskambji u l-konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ dwar inizjattivi ta’ politika li ġejjin, ma’ grupp ġdid tal-pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati taż-Żgħażagħ, li jibni fuq il-grupp tal-partijiet ikkonċernati tas-Sena, bil-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, riċerkaturi taż-żgħażagħ, rappreżentanti tal-Istati Membri u istituzzjonijiet oħra tal-UE. Il-ħidma tal-pjattaforma se ssegwi mill-qrib l-inizjattivi li ġejjin tal-UE.
·tiżviluppa ulterjorment il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ bħala punt uniku ta’ servizz għall-opportunitajiet tal-UE għaż-żgħażagħ li jappoġġaw l-ilħuq, is-sensibilizzazzjoni u l-komunikazzjoni maż-żgħażagħ. L-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni huma prerekwiżiti għal parteċipazzjoni sinifikattiva taż-żgħażagħ, u jsaħħu wkoll is-sens ta’ appartenenza u ta’ prospettiva Ewropej għaż-żgħażagħ.
·tesplora l-fattibbiltà li jiġu pprovduti mikrogħotjiet fil-programm futur Erasmus+. Dawn l-għotjiet ta’ limitu baxx u ta’ valur baxx ġew ittestjati b’suċċess minn xi koordinaturi nazzjonali matul is-Sena. Dawn jipprovdu aċċess faċli għall-finanzjament għaż-żgħażagħ biex jaħdmu fuq proġetti komuni, jiżviluppaw il-ħiliet, il-kapaċità tagħhom għall-azzjoni u l-fiduċja tagħhom, biex jagħmlu differenza pożittiva fil-komunitajiet tagħhom. Barra minn hekk, il-mikrogħotjiet huma mekkaniżmu effiċjenti biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ u l-interess tagħhom fl-opportunitajiet tal-UE għaż-żgħażagħ.
·tressaq lill-UE eqreb lejn iż-żgħażagħ u tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet tal-UE matul il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, mit-12 sad-19 ta’ April 2024, bit-tema tal-parteċipazzjoni demokratika. Il-Ġimgħa hija rilevanti ħafna qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Bħala parti mill-Ġimgħa, se tiġi organizzata t-tieni edizzjoni tal-avveniment LevelUp! kif ittestjat skont is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Parlament. L-għan huwa li jittejbu l-ħiliet ta’ promozzjoni, komunikazzjoni u organizzazzjoni tal-attivisti żgħażagħ u li tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet, inklużi l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024.
·tappoġġa aktar l-involviment taż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE, permezz ta’ strutturi konsultattivi għaż-żgħażagħ fid-Delegazzjonijiet tal-UE, u inizjattivi globali speċifiċi bħall-Inizjattiva Żgħażagħ u Nisa (WYDE) fid-Demokrazija. Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ dan l-involviment istituzzjonali taż-żgħażagħ, billi tgħaqqad iż-żgħażagħ mill-Ewropa u madwar id-dinja, u billi fl-2024 tlaqqa’ flimkien membri tan-networks globali taż-żgħażagħ, bħall-gruppi konsultattivi taż-Żgħażagħ.
·toħloq sinerġiji bejn il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-azzjonijiet ta’ parteċipazzjoni tat-tfal li jwieġbu għad-dritt tat-tfal li jinstemgħu. Tkompli l-implimentazzjoni tal-Pjattaforma l-ġdida tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal li tinvolvi lit-tfal fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u tappoġġa l-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja demokratika minn età bikrija.
·tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistabbilixxu koordinaturi nazzjonali jew reġjonali taż-żgħażagħ, skont l-eżempju tal-koordinatur taż-żgħażagħ tal-UE. Dawn il-koordinaturi jżidu l-kooperazzjoni transsettorjali dwar kwistjonijiet taż-żgħażagħ, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Huma jiġu mistiedna jikkontribwixxu għall-pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati taż-Żgħażagħ u jaħdmu flimkien mal-koordinatur tal-UE għaż-żgħażagħ. F’konformità mal-prijoritajiet imsaħħa għat-tkabbir imħabbra mill-President von der Leyen, il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati u tal-kandidati potenzjali se tiġi mħeġġa wkoll.
Peress li l-integrazzjoni taż-żgħażagħ għadha kunċett relattivament ġdid, l-introduzzjoni ta’ strumenti konkreti ta’ integrazzjoni fil-livelli tal-UE u nazzjonali (inklużi verifiki taż-żgħażagħ, testijiet taż-żgħażagħ jew simili) jeħtieġ li tkun gradwali u akkumpanjata minn sett ta’ miżuri ta’ bini tal-kapaċitajiet, inklużi l-apprendiment bejn il-pari, il-ġbir tal-evidenza, it-taħriġ u r-riżorsi, biex jinbena għarfien dwar x’jaħdem. Dan huwa essenzjali biex jitfassal l-aktar mod effettiv sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ, mingħajr ma jiġi introdott piż amministrattiv mhux meħtieġ. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se:
·tippreżenta fl-2024 rapport analitiku, ibbażat fuq il-kontribut mill-Istati Membri, b’ħarsa ġenerali lejn l-esperjenzi nazzjonali bl-approċċi tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ.
·tiffaċilita l-iskambji ta’ prattiki tajbin u torganizza attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari għall-Istati Membri interessati. Dawn l-attivitajiet jistgħu jiżviluppaw għodod, linji gwida u riżorsi ta’ taħriġ.
·tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OECD, biex tkompli tarrikkixxi l-bażi tal-evidenza u t-tagħlimiet meħuda mill-integrazzjoni tal-politika dwar iż-żgħażagħ.
Is-sejbiet jistgħu wkoll jiddaħħlu fid-diskussjonijiet fir-roundtables dedikati għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ.
Azzjonijiet ewlenin:
1. It-tisħiħ tad-djalogu tal-UE dwar iż-Żgħażagħ
2. L-istabbiliment ta’ grupp ta’ pjattaforma tal-Partijiet Ikkonċernati taż-Żgħażagħ
3. L-iżvilupp ulterjuri tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ bħala punt uniku ta’ servizz għall-opportunitajiet tal-UE
4. Tiġi esplorata l-fattibbiltà tal-mikrogħotjiet fl-ambitu ta’ Erasmus+ futur
5. Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ tal-2024 dwar il-parteċipazzjoni demokratika u l-avveniment LevelUp! għall-attivisti żgħażagħ
6. L-appoġġ lill-involviment taż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE
7. Il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn l-azzjonijiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tat-tfal
8. L-inkoraġġiment lill-Istati Membri biex jistabbilixxu koordinaturi nazzjonali jew reġjonali taż-żgħażagħ
9. Il-bini tal-għarfien u tal-kapaċità dwar l-integrazzjoni taż-żgħażagħ permezz tal-apprendiment bejn il-pari, il-ġbir tal-evidenza, it-taħriġ u r-riżorsi
3.2INDIRIZZAR TAT-TĦASSIB TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ FL-OQSMA KOLLHA TA’ POLITIKA
L-azzjonijiet ta’ integrazzjoni taż-żgħażagħ deskritti hawn fuq huma potenzjalment rilevanti għall-oqsma kollha ta’ politika. Iż-żgħażagħ għandhom ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom fl-oqsma kollha li jikkonċernawhom, u l-ħtiġijiet tagħhom għandhom jitqiesu fid-deċiżjonijiet kollha li jaffettwawhom.
|
Iż-żgħażagħ liema temi ewlenin ħasbu li s-sena Ewropea taż-Żgħażagħ għandha tagħmel enfasi fuqhom?
|
Sors: Stħarriġ tal-Ewrobarometru Flash 502
“Iż-Żgħażagħ u d-demokrazija fis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ”, Mejju 2022
Għalhekk, b’segwitu għas-Sena u b’riflessjoni tat-tħassib ewlieni taż-żgħażagħ, il-Kummissjoni se tmexxi ’l quddiem azzjonijiet fil-ħames oqsma ta’ politika ewlenin ta’ rilevanza għaż-żgħażagħ li ġejjin: is-saħħa u l-benesseri, l-ambjent u l-klima, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-valuri Ewropej, l-impjiegi u l-inklużjoni.
3.2.1SAĦĦA U BENESSERI
Il-pandemija tal-COVID-19 kienet sfida serja għas-saħħa mentali, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, huma jiffaċċaw bosta sfidi minn għodod diġitali inkluża l-media soċjali u dan ipoġġi pressjoni dejjem akbar fuq is-saħħa mentali ta’ ħafna żgħażagħ. Matul il-pandemija tal-COVID-19, is-solitudni akbar u t-tnaqqis fl-interazzjoni soċjali, l-opportunitajiet mitlufa, l-inċertezza dwar il-futur u l-ansjetà kkawżati mill-biża’ u mit-telf ilkoll ħolqu stress.
It-titjib tas-saħħa u l-benesseri mentali u fiżiċi huwa l-prijorità li qed tikber l-aktar malajr għaż-żgħażagħ fl-UE. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali minn Ġunju 2023 kienet l-ewwel pass u pass ewlieni biex jiġi żgurat approċċ transsettorjali ġdid għas-saħħa mentali. Fit-tħejjija tagħha, inġabru kontributi speċifiċi dwar is-saħħa mentali taż-żgħażagħ. Il-Komunikazzjoni dwar is-saħħa mentali tidentifika 20 inizjattiva ewlenija u EUR 1,23 biljun f’appoġġ finanzjarju minn diversi strumenti ta’ finanzjament tal-UE. Il-Kummissjoni se:
·tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Novembru 2022 dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola, li tenfasizza l-benesseri emozzjonali tat-tfal u taż-żgħażagħ bħala fattur ewlieni għat-titjib tal-possibbiltajiet tagħhom li jirnexxu fl-edukazzjoni u fil-ħajja b’mod ġenerali;
·tħejji linji gwida dwar il-benesseri fl-iskejjel, li għandhom jiġu ppubblikati fl-2024 permezz tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar ambjenti ta’ apprendiment ta’ appoġġ;
·bħala prijorità fl-2024, u kif imħabbar fl-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, tippreżenta Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistemi integrati ta’ protezzjoni tat-tfal fl-Istati Membri. Dan se jkun iċċentrat fuq il-ħtiġijiet tat-tfal u se jiżgura użu aħjar tal-għodod eżistenti tal-UE (leġiżlazzjoni, miżuri ta’ politika u finanzjament);
·timplimenta inizjattivi ewlenin skont il-Komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar is-saħħa mentali, bħall-appoġġ għall-ħolqien ta’ network tas-saħħa mentali tat-tfal u taż-żgħażagħ fl-2024, għall-iskambju ta’ informazzjoni, appoġġ reċiproku u għat-twettiq ta’ sensibilizzazzjoni permezz tal-Ambaxxaturi taż-Żgħażagħ, u l-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod ta’ prevenzjoni, li jindirizza r-rabtiet bejn is-saħħa mentali u fiżika u d-determinanti ewlenin tas-saħħa;
·permezz tal-azzjoni “Skrins Tajbin għas-Saħħa, Żgħażagħ f’Saħħithom”, iż-żgħażagħ fl-isfera diġitali, online u fuq il-media soċjali, se jkunu protetti aħjar;
·tappoġġa lill-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq il-benesseri tat-tfal permezz tal-portal Internet Aħjar għat-Tfal (BIK);
·tappoġġa lill-Istati Membri biex itejbu l-benesseri u s-saħħa mentali taż-żgħażagħ fl-ambitu tal-inizjattiva ewlenija tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 2024 dwar is-Saħħa Mentali: Trawwem il-benesseri u s-saħħa mentali u tkompli l-appoġġ skont il-Flagship Youth FIRST biex jissaħħu s-saħħa mentali u l-indukrar ta’ tfal u żgħażagħ vulnerabbli;
·tiżgura spazju diġitali aktar sikur u aktar b’saħħtu għaż-żgħażagħ permezz tal-infurzar tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, li jirrikjedi pjattaformi online aċċessibbli għall-minorenni biex jiġi żgurat livell għoli ta’ privatezza, sikurezza u sigurtà għalihom;
·tippreżenta Pakkett ta’ Prevenzjoni fl-ambitu tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, inklużi:
oabbozz ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kanċers prevenibbli b’vaċċin, li jagħti spinta lill-adozzjoni tat-tilqim kontra l-virus tal-papilloma uman fost bniet u subien preadolexxenti u adolexxenti, u
aġġornament tar-Rakkomandazzjoni tal-2009 tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip, li tipproteġi lin-nies mill-esponiment għad-duħħan u l-aerosols ikkawżati minn persuni oħra u tikkontribwixxi għall-kisba ta’ Ġenerazzjoni mingħajr Tabakk;
·tappoġġa liż-żgħażagħ fir-reġjuni l-aktar imbiegħda biex itejbu l-kwalità tal-ħajja mfassla għar-reġjuni tagħhom permezz tal-iskema ta’ għotjiet ta’ EUR 1 miljun Youth4Outermostregions;
3.2.2AMBJENT U KLIMA
Is-suċċess tal-Patt Ekoloġiku tal-UE jibbaża fuq il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini. Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ ħolqot opportunitajiet għall-involviment u għall-għajnuna fit-tiswir tat-tranżizzjoni ekoloġika. Iż-żgħażagħ għandhom ikunu mgħammra b’ħiliet u b’għarfien rilevanti biex jaġixxu fuq l-isfidi ambjentali u tat-tibdil fil-klima b’soluzzjonijiet kreattivi u innovattivi. Biex tibni fuq dawn l-isforzi, il-Kummissjoni se:
·tappoġġa komunità ta’ Ambaxxaturi żgħażagħ tal-Patt Klimatiku tal-UE biex tippromwovi l-azzjoni klimatika fost iż-żgħażagħ fuq il-post u tappoġġa l-attivitajiet lokali tagħhom;
·tappoġġa l-kontribut taż-żgħażagħ għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri bħala għodda essenzjali għat-tisħiħ tar-reżiljenza għad-diżastri futuri;
·iżżid l-opportunitajiet ta’ volontarjat għaż-żgħażagħ biex jindirizzaw it-tranżizzjoni ekoloġika, billi żżid is-sejħa tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà tal-2024 minn Orizzont Ewropa;
·tħeġġeġ networks ta’ bliet u reġjuni ekoloġiċi (bħall-inizjattiva tal-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi), biex trainees u voluntiera żgħażagħ jinvolvu ruħhom fi proġetti ekoloġiċi lokali;
·tippromwovi aktar proġetti klimatiċi mmexxija miż-żgħażagħ fil-proġett EUTeens4Green taħt il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta;
·tappoġġa lill-Istati Membri hekk kif jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli;
·tippromwovi l-Laboratorju l-ġdid għall-Apprendiment fost iż-Żgħażagħ bħala parti mill-Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima;
·tilħaq liż-żgħażagħ permezz tal-kampanja li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-klima u d-demokrazija qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024;
·tippromwovi l-involviment taż-żgħażagħ mill-Balkani tal-Punent fit-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ Laboratorju taż-Żgħażagħ iddedikat għall-Balkani tal-Punent;
·tespandi l-ilħuq tal-azzjoni Girls Go Circular, mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni, biex tagħti spinta lill-ħiliet diġitali u intraprenditorjali għall-bniet fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari.
·tenfasizza l-ħtieġa li jingħata appoġġ lit-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura, billi ż-żgħażagħ huma sors ta’ ideat ġodda u ta’ enerġija, b’inizjattivi innovattivi, u huma impenjati favur prattiki u tranżizzjoni sostenibbli.
3.2.3EDUKAZZJONI U TAĦRIĠ
It-tema tal-edukazzjoni u t-taħriġ kienet suġġett importanti matul is-Sena, sena li ħabtet maċ-ċelebrazzjoni tal-35 anniversarju tal-programm Erasmus+ u t-tkomplija tal-apprendiment barra mill-pajjiż wara l-pandemija. Il-ħtieġa li dan jiġi ffaċilitat ulterjorment, ġiet enfasizzata f’Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobilità ta’ voluntiera żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea, ir-Rakkomandazzjoni riċenti tal-Kunsill “Ewropa Attiva” u fir-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza tal-2022 dwar il-Futur tal-Ewropa. Il-Kummissjoni se:
·tmexxi ’l quddiem il-ħidma lejn lawrja Ewropea konġunta fl-2024, f’konformità mal-Istrateġija Ewropea għall-Universitajiet, u tgħin biex jinbena sens aktar b’saħħtu ta’ appartenenza Ewropea fost l-istudenti tal-edukazzjoni għolja u l-persunal akkademiku involuti fi programmi akkademiċi tranżnazzjonali. It-tikketta ta’ Lawrja Ewropea konġunta tkun ċertifikat komplementari, ibbażat fuq kriterji komuni Ewropej, għall-kwalifiki miksuba mill-istudenti li jiggradwaw minn programmi konġunti;
·tippromwovi rwol aktar b’saħħtu għaż-żgħażagħ fiċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Diġitali, fir-rieżami tal-2024 tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u f’inizjattivi oħra marbuta mal-fatt li l-edukazzjoni diġitali fl-Ewropa ssir ta’ kwalità għolja, inklużiva u aċċessibbli għal kulħadd inkluż fit-territorji rurali u remoti;
·tikkonsolida l-azzjoni Jean Monnet għall-iskejjel taħt Erasmus+ biex jiġi promoss aktar l-apprendiment dwar l-integrazzjoni u l-valuri tal-UE minn età bikrija;
·tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni, taħriġ, sport, volontarjat u impjieg għaż-żgħażagħ f’żoni rurali u remoti, kif previst fil-pjan ta’ Azzjoni Rurali tal-UE;
·tkompli fl-2024 l-inizjattiva TalentOn tal-UE għal riċerkaturi żgħażagħ b’talent u l-inizjattiva tal-Konkors tal-UE għal Xjenzati Żgħażagħ, bħala parti mill-Belt Ewropea tax-Xjenza ta’ Katowice 2024;
·tindirizza n-nuqqas ta’ rappreżentanza tal-bniet u tan-nisa fl-edukazzjoni u t-taħriġ STEM, inkluż permezz tal-approċċ STEAM, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u l-Istrateġija Ewropea għall-Universitajiet;
·tappoġġa lill-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw riformi mmirati li jiżviluppaw il-ħiliet taż-żgħażagħ, skont l-inizjattiva ewlenija tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 2024 dwar il-Ħiliet: trawwem sistemi għall-iżvilupp tal-ħiliet adattati aħjar għas-suq tax-xogħol. L-appoġġ se jindirizza d-diskrepanzi persistenti fil-ħiliet, in-nuqqas ta’ ħaddiema u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, kif ukoll l-adattament tas-sistemi tal-edukazzjoni.
·tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-universitajiet tal-Balkani tal-Punent skont l-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej;
·tippromwovi l-adozzjoni tal-qafas konġunt ta’ kompetenza finanzjarja UE/OECD-INFE għat-tfal u ż-żgħażagħ fl-UE
, fost l-Istati membri u l-partijiet ikkonċernati.
3.2.4KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI U VALURI EWROPEJ
Bħala r-riżultat ewlieni tad-dimensjoni globali tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, l-UE ppreżentat l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni tagħha għaż-żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE, imfassal flimkien mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u maż-żgħażagħ. Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li jinvolvi, jagħti s-setgħa u jgħaqqad liż-żgħażagħ mill-UE u mill-pajjiżi sħab mir-reġjuni kollha permezz ta’ inizjattivi speċifiċi, filwaqt li jippermettilhom jesprimu l-perspettiva tagħhom u jipparteċipaw bħala sħab fl-azzjoni esterna tal-UE. Il-Kummissjoni se:
·biex iżżid l-involviment tal-UE maż-żgħażagħ fuq livell globali, permezz tal-implimentazzjoni u t-tisħiħ ta’ inizjattivi bħall-Grupp Konsultattiv taż-Żgħażagħ tal-UE għas-Sħubijiet Internazzjonali u l-istabbiliment dejjem akbar ta’ strutturi konsultattivi għaż-żgħażagħ tad-Delegazzjonijiet tal-UE.
·tappoġġa l-kontribut taż-żgħażagħ għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli permezz ta’ għodod essenzjali, riżorsi u ħiliet inklużi inizjattivi bħall-Fond għall-Awtonomizzazzjoni taż-Żgħażagħ u l-Akkademja taż-Żgħażagħ Afrika-Ewropa.
·tistabbilixxi pjattaforma għal djalogu u konsultazzjonijiet regolari mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ madwar id-dinja permezz tal-Pjattaforma tad-Djalogu maż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE, u tiżgura l-inklużjoni taż-żgħażagħ f’diversi proċessi ta’ konsultazzjoni inkluż bħala parti mit-tnedija tal-Istrateġija Global Gateway.
·tipprovdi spazju u kapaċitajiet ta’ appoġġ għall-parteċipazzjoni attiva taż-żagħżagħ fit-tiswir tal-paċi, fir-riforma tas-settur tas-sigurtà u fil-proċessi ta’ medjazzjoni, biex jiġi żgurat li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet speċifiċi taż-żagħżagħ u li jiġi rikonoxxut u appoġġat ir-rwol tagħhom fir-rikostruzzjoni, f’konformità mal-impenn tal-UE għall-Aġenda tan-NU għall-Paċi u s-Sigurtà.
·tiftaħ azzjonijiet ta’ bini tal-kapaċitajiet taż-żgħażagħ u tal-isport tal-Erasmus+ fis-sejħa tal-2024 (permezz ta’ fondi mill-NDICI-Ewropa Globali) għall-parteċipazzjoni minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-isport mill-Ukrajna u minn pajjiżi oħra mir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant, biex tinbena l-kapaċità tagħhom. Dawn l-azzjonijiet diġà huma miftuħa għas-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent. Tesplora l-potenzjal tal-Erasmus+ f’reġjuni oħra, speċjalment fl-oqsma tal-iskambji virtwali u l-bini tal-kapaċitajiet taż-żgħażagħ;
·tappoġġa ulterjorment in-Network ta’ soċjetajiet tal-istudenti tal-Affarijiet Ewropej li nħoloq dan l-aħħar fl-universitajiet kollha tar-Renju Unit. Se titnieda struttura konsultattiva għaż-żgħażagħ fid-Delegazzjoni tal-UE għar-Renju Unit bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE.
·fid-dawl tas-Summit tan-NU tal-Futur, tkompli taħdem flimkien mas-SEAE u mal-Istati Membri tal-UE favur Patt għall-Ġejjieni ambizzjuż u orjentat lejn l-azzjoni, inkluż fuq il-Kapitlu tiegħu li jiffoka speċifikament fuq iż-żagħżagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri, u tiżgura s-segwitu tiegħu.
3.2.5IMPJIEGI U INKLUŻJONI
L-UE tgħin lill-Istati Membri jnaqqsu l-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ, inkluż billi tagħmel enfasi fuq iż-żgħażagħ f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà, bħaż-żgħażagħ b’diżabilità u indirettament billi tinvesti fl-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni kollha tal-UE. L-indirizzar tad-disparitajiet soċjali, ekonomiċi u territorjali huwa rilevanti għaż-żgħażagħ peress li jtejjeb l-aċċess ugwali għall-impjiegi, l-edukazzjoni, is-servizzi tal-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet. L-għan huwa li ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jaċċessaw l-opportunitajiet irrispettivament mill-isfond soċjoekonomiku jew mill-post ta’ residenza tagħhom, u jixprunaw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u t-tkabbir inklużiv ’il quddiem. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa se tkompli tkun għodda essenzjali biex tgħin liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol. Fl-ambitu tan-NextGenerationEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza qed tippromwovi l-investimenti u r-riformi fl-Istati Membri, b’enfasi fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u fuq politiki oħra għat-tfal u ż-żgħażagħ, bħall-edukazzjoni u l-ħiliet.
It-traineeships huma pass importanti għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Minħabba l-benefiċċji distinti tat-traineeships, iż-żgħażagħ talbu kundizzjonijiet aħjar għat-taħriġ fl-UE u ressqu petizzjonijiet għal projbizzjoni għal traineeships mhux imħallsa bħala legat tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2023 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-traineeships ta’ kwalità, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni tiżgura standards minimi ta’ kwalità għat-traineeships, inkluża r-remunerazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se:
·taġġorna l-qafas ta’ kwalità tagħha għat-traineeships fl-2024 biex tindirizza kwistjonijiet inklużi remunerazzjoni ġusta u aċċess għall-protezzjoni soċjali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni beħsiebha ssegwi r-riżoluzzjoni tal-Parlament bi proposta għal att leġiżlattiv, b’rispett sħiħ tal-prinċipji tal-proporzjonalità, tas-sussidjarjetà u tat-tfassil aħjar tal-liġijiet;
·timplimenta ulterjorment l-inizjattiva ALMA (aspira, tgħallem, aħkem, ikseb) biex tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġati ta’ bejn it-18 u d-29 sena jintegraw fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol f’pajjiżi oħra. Wara sejħa fil-livell tal-UE għal proposti ta’ proġetti skont ALMA, huwa mistenni li aktar minn 800 żagħżugħ li ma humiex fl-edukazzjoni, fl-impjieg jew fit-taħriġ se jipparteċipaw f’29 proġett madwar l-UE.
·taħdem ma’ gruppi li l-potenzjal intraprenditorjali mhux sfruttat tagħhom għadu għoli, inklużi ż-żgħażagħ, permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ mentoraġġ u ta’ coaching
;
·tkompli tappoġġa lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-2021-27, inkluż l-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-inklużjoni soċjali, il-kura soċjali u tas-saħħa, it-turiżmu u l-kultura sostenibbli, li minnhom iż-żgħażagħ bħala gruppi fil-mira identifikati se jibbenefikaw skont il-ħtiġijiet identifikati fit-territorji fil-mira;
·tappoġġa r-reġjuni tal-UE affettwati mill-isfidi demografiċi, inkluż mit-tluq tal-popolazzjoni żagħżugħa tagħhom, bil-Mekkaniżmu ta’ Spinta tat-Talent. Il-Mekkaniżmu jappoġġa lir-reġjuni tal-UE biex iħarrġu, iżommu u jattiraw lin-nies, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jindirizzaw l-impatt tat-tranżizzjoni demografika;
·tkompli tappoġġa lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, tirrifletti l-mudell tal-UE u tippromwovi approċċi simili fil-pajjiżi tal-viċinat biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet li jiffaċċaw iż-żgħażagħ li ma humiex fl-edukazzjoni, fl-impjieg jew fit-taħriġ (NEET).
·tkompli tappoġġa lill-Istati Membri tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal bl-għan li jiġu pprevenuti u miġġielda d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali.
·bħala waħda mill-inizjattivi tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, il-Kummissjoni flimkien mal-partijiet ikkonċernati se tiżviluppa l-Pakkett dwar l-Impiegi għall-Persuni b’Diżabilità, sett ta’ linji gwida u prattiki bl-għan li jiffaċilitaw l-impjieg tal-persuni b’diżabilità. Fost l-oħrajn, il-linji gwida se jiffokaw fuq gwida għall-karriera u l-prattiki ta’ reklutaġġ, rilevanti għaż-żgħażagħ b’diżabilità.
·tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ żoni rurali prosperi, aktar b’saħħithom, konnessi u reżiljenti, li se jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ f’konformità mal-Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE.
4INSOSTNU L-IMPENN TAGĦNA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAL-EWROPA
L-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE saħħew l-impenn eżistenti tagħhom għaż-żgħażagħ matul is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, f’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 li tippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u li tintegra l-perspettiva taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika. Huwa kritiku li dan jiġi appoġġat u żviluppat. L-appoġġ għat-tfal u ż-żgħażagħ huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-ġenerazzjoni li jmiss tal-Ewropej tkun mgħammra biex tindirizza l-isfidi tad-dinja tagħna li qed tinbidel malajr u tiffaċċa l-futur b’fiduċja.
Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa ulterjorment liż-żgħażagħ b’azzjonijiet konkreti ta’ segwitu kif stabbilit f’din il-Komunikazzjoni. Ċentrali għal dan l-approċċ huwa l-ispirtu kollaborattiv inkorporat fis-Sena nnifisha. Dan issolidifika fehim kondiviż li l-proġetti mmirati lejn iż-żgħażagħ huma aktar effiċjenti u effettivi meta jinħolqu u jiġu implimentati f’kollaborazzjoni maż-żgħażagħ u mal-partijiet ikkonċernati taż-żgħażagħ. Ir-riżultati huma amplifikati meta l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jkunu miftuħa u ddedikati għall-kooperazzjoni u għad-djalogu kontinwu.
Dan id-djalogu u l-kooperazzjoni se jkunu partikolarment importanti fl-isforzi biex iż-żgħażagħ jiġu involuti fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024. Iżda l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ma tibdiex u tintemm bil-votazzjoni biss. Din tikber minn pass żgħir li jittieħed – kemm jekk huwa volontarjat għal proġett ta’ teatru fil-komunità kif ukoll jekk huwa parteċipazzjoni f’kampanja nazzjonali għat-tindif tal-bajjiet. Forom oħra ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jinkludu li ż-żgħażagħ joħorġu għal kunsill tal-istudenti, iniedu petizzjoni jew jipparteċipaw f’konsultazzjoni fid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, jissieħbu f’NGO internazzjonali taż-żgħażagħ, jattendu għall-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ jew għall-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, jew jipparteċipaw fi proġett immexxi mill-programmi taż-żgħażagħ tal-UE. Dawn kollha jirrappreżentaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-azzjoni.
L-opportunitajiet mogħtija liż-żgħażagħ isawruhom bħala ċittadini u jħallu impatt fuq l-għażliet li jagħmlu u l-perkorsi li se jieħdu fil-ħajja. Dan fl-aħħar mill-aħħar jista’ jiddefinixxi d-direzzjoni li se tieħu l-Ewropa. Din hija r-raġuni għaliex l-Unjoni Ewropea se tagħti liż-żgħażagħ rwol aktar b’saħħtu fil-formulazzjoni u fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE.
L-2022 kienet is-sena tagħhom; il-ġejjieni għandu jkun tagħhom ukoll.