European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4669

9.8.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

L-ebda post għall-mibegħda: Ewropa magħquda kontra l-mibegħda

(JOIN(2023) 51 – final)

(C/2024/4669)

Relatur:

Cristian PÎRVULESCU

Korelatur:

Milena ANGELOVA

Konsulenti

Claudiu CRACIUN (għall-korelatur, Grupp III)

Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA (għall-korelatur, Grupp I)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

31.5.2024

Konsultazzjoni

28.2.2024

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

23.5.2024

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

31.5.2024

Sessjoni plenarja Nru

588

Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)

144/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Komunikazzjoni (1) u jirrikonoxxi l-importanza u l-urġenza li niġġieldu kull tip ta’ mibegħda, irrispettivament mir-raġunijiet li jwasslu għaliha u l-forom li tieħu. Jimpenja ruħu li jeqred kwalunkwe forma ta’ mibegħda, u jenfasizzaa li din hija kawża Ewropea, li tirriżulta mill-pedamenti demokratiċi tal-UE: “Ispirat[a] mill-wirt kulturali, religjuż u umanista tal-Ewropa” (2), “[l]-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel” (3).

1.2.

Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jiġi enfasizzat. Minkejja li l-Komunikazzjoni tindika diversi inizjattivi u programmi li jinvolvu organizzazzjonijiet komunitarji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, dan għadu ’l bogħod mis-sħubija komprensiva meħtieġa. Għandhom ikunu disponibbli aktar riżorsi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu ma’ individwi, gruppi u komunitajiet esposti b’mod estensiv għall-mibegħda, speċjalment permezz tal-volontarjat. Ir-riżorsi għandhom jiġu ggwidati lejn l-iffaċilitar tar-rappurtar ta’ inċidenti, il-medjazzjoni mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-assistenza legali u l-assistenza fl-indirizzar tal-effetti tal-mibegħda.

1.3.

Il-ġlieda kontra l-mibegħda hija imperattiv eżistenzjali, u l-istituzzjonijiet kollha jridu jieħdu azzjoni koordinata. Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni (4), l-interferenza minn barranin, u l-finanzjament barrani moħbi u malizzjuż ta’ organizzazzjonijiet li jnisslu u jxerrdu l-mibegħda għandhom ikunu prijoritajiet għall-UE u l-Istati Membri. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni b’firxa wiesgħa li jagħmlu parti minn sforz orkestrat biex tinqered kwalunkwe forma ta’ mibegħda u jappella għall-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti biex titwettaq minnufih din il-kawża importanti.

1.4.

Għandhom jiżdiedu l-isforzi biex jiġu identifikati u miġġielda l-“ekosistemi” tal-mibegħda offline u online. Dawn l-ekosistemi diġà qed ikollhom effetti politiċi u elettorali sinifikanti fl-Ewropa. Dan għandu jkun prijorità tal-Parlament Ewropew il-ġdid u tal-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jiġu assistiti fil-ħolqien ta’ spazji online sikuri għall-espressjoni ta’ ideat u preferenzi ħielsa mill-mibegħda u d-diżinformazzjoni.

1.5.

Il-KESE jinnota bi tħassib serju li l-lingwaġġ tad-diskriminazzjoni u l-mibegħda qed jiġu promossi f’ċerti każijiet minn atturi politiċi u governattivi, u mhux biss minn gruppi u organizzazzjonijiet marġinali. Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni politika la hija skuża għat-tixrid tal-mibegħda, u lanqas ma tagħmilha permissibbli, iżda hija responsabbiltà addizzjonali ewlenija.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-forom kollha ta’ mibegħda li jaffettwaw l-ispazji pubbliċi u edukattivi, in-negozji u l-postijiet tax-xogħol. Il-KESE jinnota li hemm retorika dejjem tikber kontra l-immigranti u kontra r-refuġjati li hija diretta kontra nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li jgħixu, jistudjaw u jaħdmu fl-UE. Mingħajr il-protezzjoni taċ-ċittadinanza, dawn il-persuni huma vulnerabbli ħafna għall-attakki u d-diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar biex joħorġu fid-dieher u jżommu fil-mira tagħhom il-mibegħda u r-reati ta’ mibegħda kontrihom.

1.7.

Apparti li tindirizza l-mibegħda li tiffoka fuq ir-razza, ir-reliġjon u l-oriġini etnika, huwa kruċjali li l-UE tadotta approċċ komprensiv u tiġġieled il-mibegħda abbażi ta’ kwalunkwe karatteristika protetta tal-bniedem, inklużi s-sess, il-ġeneru, l-età, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali. Għalhekk, il-KESE japprova u jenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni effettiva tad-diversi strateġiji u inizjattivi li jippromovu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni (5). Huwa jenfasizza li l-approċċ għall-ġlieda kontra l-mibegħda għandu primarjament ikun l-istess, irrispettivament mill-karatteristika inkwistjoni.

1.8.

Il-KESE jappella għal sforzi serji mill-Istati Membri biex jindirizzaw it-tixrid tal-mibegħda u jieħdu passi kontra r-reati ta’ mibegħda, jinfurmaw bis-sħiħ lill-pubbliku dwar id-definizzjoni ta’ mibegħda u jħeġġuhom jirrapportaw kwalunkwe każ kriminali lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Il-KESE jenfasizza li l-libertà tal-espressjoni trid tiġi ppreservata u ssalvagwardjata iżda qatt ma għandha tiġi aċċettata bħala ġustifikazzjoni għall-mibegħda u d-diskriminazzjoni. L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri għandhom ikunu mħarrġa bis-sħiħ biex jirrikonoxxu u jittrattaw każijiet bħal dawn b’mod adegwat, b’rispett dovut għall-vulnerabbiltajiet u d-drittijiet fundamentali tal-vittmi. Neħtieġu aktar appoġġ mill-UE, inkluż appoġġ finanzjarju, f’dan il-qasam, speċjalment għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li diġà jaħdmu f’dan il-qasam.

1.9.

Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi li l-pjattaformi online huma partikolarment suxxettibbli biex ixerrdu l-mibegħda. Skont l-Att Diġitali, l-UE ħadet passi biex tirregola l-pjattaformi u toħloq proċeduri għar-rappurtar u t-tneħħija rapida tal-kontenut, inklużi sinjalaturi fdati u strutturi speċjalizzati korporattivi. Waqt li huwa żvilupp pożittiv, l-ispinta kontra l-mibegħda mhijiex żviluppata biżżejjed fir-rigward tal-iskala u l-impatt. Ir-rwol u l-għarfien espert tas-sinjalaturi għandhom jiġu estiżi biex ikopru b’mod konsistenti t-tipi kollha ta’ preġudizzji ta’ mibegħda online. Il-fatt li hemm proċeduri rapidi għat-tneħħija ta’ ċerti tipi ta’ kontenut, bħal kontenut li jinċita t-terroriżmu, juri li azzjoni rapida hija possibbli. Il-litteriżmu medjatiku u l-kompetenza diġitali (6) għandhom jittejbu biex jiġi żgurat li x-xhieda kollha tad-diskors ta’ mibegħda online jkunu jistgħu jirrapportawh lill-pjattaformi.

1.10.

Il-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda għandha tiffunzjona aħjar. Għandna nsaħħu l-isforzi biex niżviluppaw it-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet biex l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tar-reati ta’ mibegħda, u bl-istess mod għandna nsaħħu l-isforzi biex inħarrġu l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, biex intejbu r-reġistrazzjoni tar-reati ta’ mibegħda u l-ġbir komprensiv tad-data, u biex inħeġġu lill-vittmi jirrapportaw ir-reati ta’ mibegħda. Dawn l-isforzi għandhom ikunu soġġetti għal rappurtar u valutazzjoni komparattiva biex jiġi identifikat il-progress fil-livell nazzjonali.

1.11.

Ir-rappurtar ta’ reati ta’ mibegħda mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-vittmi potenzjali għandu jiġi standardizzat u istituzzjonalizzat ukoll fil-livell tal-UE. Il-mekkaniżmi ta’ rappurtar iridu jkunu disponibbli u aċċessibbli għall-vittmi kollha. Waqt li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi huma responsabbli għar-reġistrazzjoni u l-investigazzjoni tar-reati ta’ mibegħda, hemm kwistjonijiet sinifikanti fir-rappurtar u l-kompilazzjoni ta’ statistika affidabbli fl-UE kollha. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq pjattaforma online għal rappurtar rapidu mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta’ inċidenti b’rabta mal-mibegħda.

1.12.

Il-Kummissjoni għandha torganizza rieżami komprensiv tal-ħidma ta’ dawk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu b’mod attiv biex jipprevjenu d-diskors ta’ mibegħda u tas-sinjalaturi fdati, u tipproponi miżuri biex xogħolhom isir aktar effettiv u allinjat aħjar mal-kwistjonijiet attwali. Il-Kummissjoni għandha tiffinanzja aħjar is-sinjalaturi fdati u tidderieġi aktar riżorsi fil-proċess, u fl-istess ħin ma tpoġġix piż fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet bi proċeduri diffiċli. L-UE għandha tinsisti li l-pjattaformi online l-kbar jipprevjenu l-algoritmi tagħhom milli jamplifikaw il-mibegħda. Min-naħa l-oħra, għandha tħeġġeġ lill-pjattaformi jadottaw politiki ta’ detezzjoni u moderazzjoni trasparenti u effettivi, imfassla bl-għajnuna tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.

1.13.

Għandhom jiġu pprovduti aktar riżorsi għall-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-ekosistemi ta’ mibegħda online mill-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (programm CERV) u Orizzont Ewropa, li jippermettu li l-kapaċitajiet edukattivi u ta’ riċerka eżistenti jikkontribwixxu għal dan l-objettiv. Il-finanzjament għandu jmur għall-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet sabiex jifhmu sitwazzjonijiet lokali u nazzjonali speċifiċi. Fl-istess ħin, il-finanzjament f’Erasmus+ iffukat fuq l-edukazzjoni ċivika għandu jiżdied, biex jappoġġja lill-istudenti biex jifhmu s-sinjali ta’ diskors ta’ mibegħda, l-implikazzjonijiet, il-kuntest u l-mod li bih jistgħu jipproteġu lilhom infushom u fl-istess ħin jipprevjenu wkoll li dan jibqa’ jseħħ.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Il-KESE jikkondividi wkoll it-tħassib serju tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE dwar iż-żieda inaċċettabbli ta’ inċidenti u sentimenti negattivi b’rabta mar-reliġjon, is-sess, il-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali (7). Huwa totalment inaċċettabbli li waħda minn kull tliet nisa tesperjenza xi tip ta’ vjolenza – dan irid jintemm, peress li l-UE hija d-dar ta’ kull persuna li tgħix fil-konfini tagħha, u n-nies kollha jridu jiġu protetti mill-mibegħda u r-reati ta’ mibegħda.

2.2.

It-tixrid u l-inċitament tal-mibegħda huma għodda użata minn diversi atturi u Stati biex jikkompromettu d-demokrazija, id-drittijiet fundamentali, u l-fiduċja fl-UE u fl-Istati Membri tagħha. Fil-livell individwali, il-mibegħda għandha rabta mill-qrib mas-saħħa mentali (8), il-benesseri u s-sikurezza fiżika. Il-mibegħda tħalli impatt ukoll fuq is-settur tal-edukazzjoni, peress li l-impatt fuq saħħet l-istudenti u l-azzjonijiet diskriminatorji kontrihom jistgħu jfixklu l-aċċess tagħhom għall-perkorsi edukattivi individwali tagħhom, il-progress fihom u l-ikkompletar tagħhom. Għalhekk, l-involviment taż-żgħażagħ huwa partikolarment vitali f’dan il-kuntest.

2.3.

Minbarra li hija kwistjoni ta’ drittijiet tal-bniedem, atmosfera tas-soċjetà u benesseri individwali, il-mibegħda fid-diversi forom tagħha hija wkoll kwistjoni ekonomika. Hija ddgħajjef l-ambjent tan-negozju u tal-investiment billi żżid l-inċertezza u l-instabbiltà. Tista’ tirrestrinġi wkoll id-disponibbiltà tal-forza tax-xogħol billi toħloq ostakli għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u tat-talent. Tista’ tintuża wkoll minn atturi barranin bħala għodda biex joħolqu diviżjoni biex jippromovu l-interessi ġeoekonomiċi tagħhom.

2.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-qafas legali internazzjonali sod kontra l-mibegħda. L-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa jipprovdu lill-UE b’għodod vinkolanti, komplementari u ambizzjużi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-mibegħda. Dawn għandhom jiġu ssemplifikati u appoġġjati bir-riżorsi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.

2.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-forom kollha ta’ mibegħda li jaffettwaw l-ispazji pubbliċi u edukattivi, in-negozji, il-postijiet tax-xogħol u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jinnota li hemm retorika dejjem tikber kontra l-immigranti fir-rigward ta’ persuni ta’ pajjiżi terzi li jgħixu, jistudjaw u jaħdmu fl-UE. Mingħajr il-protezzjoni taċ-ċittadinanza, dawn il-persuni huma vulnerabbli ħafna għall-attakki u d-diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar biex joħorġu fid-dieher u jżommu fil-mira tagħhom il-mibegħda u r-reati ta’ mibegħda li dawn il-persuni jisfaw vittmi tagħhom.

2.6.

Il-KESE jinnota wkoll iż-żieda fil-vjolenza motivata mill-preġudizzju kontra l-persuni LGBTIQ+ u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu b’mod aktar deċiżiv biex jipproteġuhom.

2.7.

Fil-każ ta’ persuni b’diżabilità, għandu jsir aktar xogħol biex l-abbuż jiġi pprevenut u biex il-mibegħda u d-diskriminazzjoni jinħarġu fid-dieher, peress li ħafna drabi jiġu injorati mill-awtoritajiet u mhumiex rappurtati biżżejjed. Huwa essenzjali wkoll li l-Istati Membri jindirizzaw il-motivazzjoni ta’ preġudizzju bbażat fuq id-diżabilità fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar ir-reati ta’ mibegħda.

2.8.

Meta nqisu li l-vjolenza kontra l-professjonisti tal-kura tas-saħħa żdiedet, is-salvagwardja tal-benesseri u s-sigurtà tagħhom hija essenzjali biex tinżamm l-integrità tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u jinżammu l-valuri fundamentali għall-pazjenti u għas-soċjetà kollha kemm hi. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri robusti biex jipprevjenu u jindirizzaw il-vjolenza kontrihom billi jipprovdu strutturi u riżorsi ta’ appoġġ kif ukoll leġiżlazzjoni li tippromovi din il-kawża.

2.9.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-aspett territorjali u spazjali tad-diskriminazzjoni u l-mibegħda. F’ħafna każijiet, il-persuni u l-komunitajiet żvantaġġati huma kkonċentrati f’ċerti żoni, li ħafna drabi ma jkollhomx akkomodazzjoni u infrastrutturi soċjali adegwati. Huwa importanti li l-ippjanar urban tal-awtoritajiet lokali u ċentrali jkun konxju tal-ħtieġa li l-gruppi vulnerabbli u emarġinati jkollhom aċċess għall-prodotti urbani.

2.10.

Il-KESE jtenni, b’segwitu għad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li għalkemm jirrikonoxxi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, dan m’għandux jintuża bħala ġustifikazzjoni għat-tixrid tal-mibegħda (9) u viċi versa.

2.11.

Il-KESE jappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, li tistabbilixxi qafas tal-liġi kriminali biex tiżgura li manifestazzjonijiet serji ta’ razziżmu u ksenofobija jkunu punibbli. Id-Deċiżjoni Qafas tirrikjedi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw id-diskors ta’ mibegħda – l-inċitament pubbliku għall-vjolenza jew il-mibegħda għal raġunijiet ta’ razza, kulur, reliġjon, dixxendenza jew oriġini nazzjonali jew etnika – u jqisu b’mod adegwat ir-raġunijiet razzisti meta l-awturi tar-reati jingħataw il-piena.

2.12.

Għalhekk il-KESE jqis ġustifikat it-tnedija ta’ proċedimenti ta’ ksur kontra 13-il Stat Membru minn Ottubru 2020 ’l hawn bil-ħsieb li d-Deċiżjoni Qafas tiġi trasposta. Dawn il-proċedimenti wasslu għal azzjoni minn 10 Stati Membri. Dan juri li neħtieġu strumenti legali tal-UE b’saħħithom, insegwu b’mod attiv it-traspożizzjoni mill-Kummissjoni u sforzi addizzjonali biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jaġixxu.

2.13.

Il-KESE jtenni l-pożizzjoni tiegħu li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ reati rikonoxxuti mill-UE, u jistieden lill-Kunsill jagħmel dan, u b’hekk jippermetti l-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u pieni f’dan il-qasam ta’ kriminalità (10).

2.14.

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta’ network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi speċjalizzati f’investigazzjonijiet kriminali ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni ma’ attivitajiet fil-livell tal-UE bħal taħt il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, l-appoġġ transfruntier għall-investigazzjonijiet, u l-iskambju ta’ għodod u prattiki tajbin. Il-Kummissjoni għandha tagħmel aktar biex tiżgura li l-punti ta’ kuntatt ikollhom biżżejjed persunal u jitqiegħdu fi ħdan il-qafas tal-infurzar tal-liġi u li jaħdmu b’mod effettiv fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali.

2.15.

Il-KESE jittama li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw mingħajr dewmien id-Direttiva riveduta dwar id-Drittijiet tal-Vittmi proposta mill-Kummissjoni f’Lulju 2023. Din iżżid il-protezzjoni tal-vittmi vulnerabbli bħall-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda u tipprevedi identifikazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda, kif indikat fil-Komunikazzjoni.

2.16.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-“piramida tal-mibegħda”, li turi l-livelli u l-iżvilupp tal-mibegħda, li tibda minn diskors motivat mill-preġudizzju u d-diskriminazzjoni u li testendi għall-vjolenza fiżika u anke t-terroriżmu u l-gwerra. Il-mibegħda tinżera’ f’persuna sa mit-tfulija, u jekk dawk l-għeruq tossiċi ma jinqerdux, jissawru fi frott velenuż li jikber maż-żmien. Dan jenfasizza l-importanza ta’ intervent rapidu fi kwalunkwe manifestazzjoni ta’ mibegħda, kif ukoll it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nies bil-kompetenzi ewlenin għall-fehim u anke l-identifikazzjoni tal-mikroaggressjonijiet.

2.17.

Il-KESE jappella għal sforz orkestrat għall-eradikazzjoni u l-prevenzjoni tal-mibegħda, permezz ta’ approċċ koordinat u magħqud kontra l-mibegħda li jkun integrat b’mod sod fl-edukazzjoni, il-kultura, il-media u l-isport bħala oqsma tal-ħajja fejn għandna nipprevjenu u neliminaw il-mibegħda. Min-naħa l-oħra, dawn huma oqsma tal-ħajja li jistgħu jintużaw bħala għodod u mezzi għall-ġlieda kontra l-mibegħda permezz tas-sensibilizzazzjoni u l-fehim u b’hekk in-nies ta’ kull età jkunu jistgħu jadottaw u jippromovu attitudnijiet u mġiba ħielsa mill-mibegħda fl-oqsma kollha tal-ħajja. Għandha tingħata attenzjoni speċifika lit-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni u l-ħiliet ta’ professjonisti influwenti ħafna, bħall-għalliema, l-isportivi, il-mexxejja tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti. Barra minn hekk, għandha tingħata wkoll attenzjoni lill-edukazzjoni ċivika, li ħafna drabi tiffoka fuq it-trażmissjoni tal-għarfien aktar milli fuq l-apprendiment esperjenzjali fejn l-istudenti jinternalizzaw imġiba demokratika u tolleranti. L-impenji kollha fil-Komunikazzjoni huma milqugħa u għandhom jiġu segwiti. Il-KESE jenfasizza wkoll il-fatt li l-politiċi għandhom responsabbiltà ewlenija għas-sistema ġenerali tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u jistieden lill-mexxejja politiċi u l-partiti kollha jaġixxu b’mod responsabbli, fil-qafas u fl-ispirtu ta’ demokrazija inklużiva.

2.18.

Waqt li jiġu rikonoxxuti u kkomunikati l-impatti umani, soċjetali u ekonomiċi serji tal-mibegħda, huwa importanti wkoll li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-varjetà wiesgħa ta’ benefiċċji tad-diversità u l-ugwaljanza. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jinkludu dan l-approċċ fi kwalunkwe inizjattiva u programm rilevanti.

2.19.

Il-KESE jqis ukoll li huwa importanti li l-UE tgħin fil-ġlieda kontra l-mibegħda permezz tar-relazzjonijiet esterni tagħha, inkluż permezz ta’ diplomazija attiva u sħubijiet li jkunu tabilħaqq ta’ benefiċċju reċiproku li jagħtu spinta lill-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali fil-pajjiżi msieħba, li jippromovu l-ugwaljanza u s-solidarjetà bejn il-popli u li jnaqqsu l-fatturi ewlenin tal-mibegħda.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.

Il-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda għandha titħaddem aħjar. L-isforzi biex jiġu żviluppati t-taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet għall-infurzar tal-liġi, jittejbu r-reġistrazzjoni tar-reati ta’ mibegħda u l-ġbir komprensiv tad-data, u biex il-vittmi jiġu mħeġġa jirrapportaw ir-reati ta’ mibegħda għandhom ikunu soġġetti għal rappurtar u valutazzjoni komparattiva biex jiġi identifikat il-progress fil-livell nazzjonali.

3.2.

Il-monitoraġġ tal-mibegħda online għandu jiġi istituzzjonalizzat. Il-proġett iffinanzjat mill-UE, l-Osservatorju Ewropew tal-Mibegħda Online, analizza tmien miljun messaġġ online fl-UE u kkonkluda li t-tossiċità tal-mibegħda żdiedet bi 30 % mill-bidu tal-2023 ’l hawn. Dan il-proġett kien appoġġjat mill-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza tal-Kummissjoni Ewropea, iżda l-ħtieġa li tiġi mmonitorjata l-mibegħda online hija kostanti. Għalhekk, il-Kummissjoni u l-aġenziji tagħha, bħall-FRA, għandhom jimplimentaw programm ta’ monitoraġġ permanenti.

3.3.

Il-KESE jappoġġja l-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi u l-użu tal-Fond għas-Sigurtà Interna, speċjalment biex jiġu protetti l-postijiet ta’ qima. Il-komunitajiet Lhud u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kellhom jagħmlu investimenti sinifikanti fil-miżuri ta’ sigurtà tagħhom minħabba attakki anti-Semitiċi. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-ispazji ta’ qima u tal-komunità jkunu protetti.

3.4.

Il-Kummissjoni għandha ġġedded l-isforzi tagħha u tipprovdi appoġġ adegwat biex tattira aktar organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem lejn il-proċess ta’ sinjalaturi fdati tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Il-KESE ħa nota tas-sejħa ta’ 21 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili biex jitneħħew l-obbligi estensivi ta’ rappurtar u l-istatus mogħti mill-Kummissjoni indipendentement mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-Istati Membri (11).

3.5.

Id-DSA jirrikjedi li l-pjattaformi online kbar ħafna jivvalutaw l-impatt tal-amplifikazzjoni algoritmika fuq is-sistemi tagħhom u jieħdu miżuri biex itaffu r-riskji possibbli ta’ effetti negattivi fuq il-proċessi demokratiċi, id-diskors ċiviku u l-proċessi elettorali, kif ukoll is-sigurtà pubblika (12). Dawn l-isforzi għandhom jiġu identifikati b’mod ċar u kkomunikati pubblikament. Il-KESE jemmen li l-UE għandha tmur lil hinn u tinsisti li l-pjattaformi online kbar jipprevjenu l-algoritmi tagħhom milli jamplifikaw il-mibegħda.

3.6.

Għandhom jiġu pprovduti aktar riżorsi għall-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-ekosistemi ta’ mibegħda online mill-programm CERV, Orizzont Ewropa u Erasmus+, li jippermettu li l-kapaċitajiet edukattivi u ta’ riċerka eżistenti jikkontribwixxu għal dan l-objettiv. Il-finanzjament għandu jmur għall-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet mill-Istati Membri kollha u dawk li joperaw f’livell pan-Ewropew, sabiex jifhmu sitwazzjonijiet lokali u nazzjonali speċifiċi fir-rigward tal-mibegħda.

3.7.

Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ l-isforzi ta’ komunikazzjoni strateġika man-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), kif jissemma fil-Komunikazzjoni. Fl-istess ħin, l-appoġġ għar-RAN għandu jiżdied, u l-Kummissjoni għandha tgħin lir-RAN jikkollabora aħjar mal-Istati Membri, peress li l-għarfien espert tiegħu jista’ jinfluwenza b’mod dirett it-tfassil tal-politika.

3.8.

Il-KESE jilqa’ l-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni msaħħaħ, li jimpenja lill-firmatarji tiegħu, inklużi l-pjattaformi online ewlenin kollha, jirreaġixxu b’mod rapidu għar-riskji f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, inklużi l-inizjattivi fil-livell taċ-ċittadini u l-awtoritajiet. Jeħtieġ li tiżdied ukoll il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, bl-appoġġ dovut għall-verifikaturi indipendenti tal-fatti, li għandhom rwol sinifikanti fir-rispons għad-diżinformazzjoni.

3.9.

Il-KESE jikkoopera b’mod attiv fis-segwitu għall-Komunikazzjoni, inkluża l-pożizzjoni attiva tiegħu fil-ħidma tal-Panel taċ-Ċittadini Ewropej biex jiddiskuti l-Indirizzar tal-Mibegħda fis-Soċjetà (13). Il-KESE jemmen li l-ġlieda kontra l-mibegħda hija suġġett fejn il-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini hija tabilħaqq ġustifikata, bħala komplement għal djalogu sinifikanti mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata.

Brussell, il-31 ta’ Mejju 2024

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Oliver RÖPKE


(1)  JOIN(2023) 51 – final.

(2)  Preambola, TUE.

(3)  Artikolu 2 tat-TUE.

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Nissalvagwardjaw id-Demokrazija kontra d-Diżinformazzjoni (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) ( ĠU C, C/2024/4052, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4052/oj ).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Intejbu l-ugwaljanza fl-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 75, 28.2.2023, p. 56), Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Intejbu l-ugwaljanza fl-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 443, 22.11.2022, p. 93), Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — SOC/798 Il-vjolenza kontra n-nisa bħala l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem: is-sitwazzjoni attwali tal-miżuri fl-UE kollha (għadha għaddejja).

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għas-suċċess tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali” (COM(2023) 205 final – 2023/0099 (NLE)), “Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-forniment tal-ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ” (COM(2023) 206 final – 2023/0100 (NLE)) u “Modi ġodda biex tinkiseb inklużjoni diġitali” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Belġjana) (ĠU C, C/2024/885, 6.2.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/885/oj?locale=mt).

(7)  Dan l-iżvilupp huwa ksur tal-Artikolu 2 tat-TUE.

(8)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Miżuri għat-titjib tas-saħħa mentali” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Spanjola) (ĠU C 349, 29.9.2023, p. 100).

(9)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta’ reati fl-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda” (COM (2021) 777 final) (ĠU C 323, 26.8.2022, p. 83).

(10)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta’ reati fl-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda” (COM (2021) 777 final) (ĠU C 323, 26.8.2022, p. 83).

(11)  Media Diversity Institute, Media Statement from Trusted Flaggers on the Digital Services Act negotiations, 1 ta’ April, 2022.

(12)  Ir-rapport tal-Istitut għad-Djalogu Strateġiku (ISD) dwar TikTok sab li l-pjattaforma tintuża biex tippromovi teoriji ta’ kospirazzjoni suprematista tar-razza bajda, tipproduċi pariri dwar il-manifattura tal-armi, tigglorifika l-estremisti, it-terroristi, il-faxxisti u d-dittaturi, torjenta l-fastidju mmirat kontra l-minoranzi u tipproduċi kontenut li jiċħad li avvenimenti vjolenti bħall-ġenoċidji seħħew tabilħaqq. (Ciarán O’Connor. 2021. Hatescape: An In-Depth Analysis of Extremism and Hate Speech on TikTok, p. 4).

(13)   Panel taċ-Ċittadini Ewropej.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4669/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)