21.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 64/17


Konklużjonijiet tal-Kunsill

dwar il-lista riveduta tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa

(2023/C 64/06)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

1.   

JISSOTTOLINJA l-importanza tal-promozzjoni u t-tisħiħ ta’ standards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, inkluż fil-qasam tat-tassazzjoni ġusta, u t-trasparenza tat-taxxa, u tal-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dinji;

2.   

JAPPREZZA l-kooperazzjoni produttiva kontinwa dwar kwistjonijiet ta’ taxxa bejn il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi (’’Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta’’) u l-biċċa l-kbira tal-ġuriżdizzjonijiet madwar id-dinja;

3.   

JILQA’ B’SODISFAZZJON l-progress fil-ġuriżdizzjonijiet rilevanti permezz tal-passi attivi meħuda mill-iskadenzi miftiehma u l-impenji ġodda li ttieħdu biex jissolvew in-nuqqasijiet identifikati mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta;

4.   

JILQA’ l-aġġornament tal-kriterju 1.1 dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji u l-impenji meħuda mill-ġuriżdizzjonijiet involuti fi djalogu mal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta fil-qafas ta’ dan l-aġġornament; JIDDISPJAĊIH li xi ġuriżdizzjonijiet naqsu milli jieħdu impenn lejn il-Grupp sal-iskadenza stabbilita, li rriżulta fl-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, jew ġew imnaqqsa fil-grad mill-Forum Globali fir-rigward tal-klassifikazzjoni tagħhom dwar l-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba;

5.   

JIDDISPJAĊIH li xi ġuriżdizzjonijiet jibqgħu ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa u li għadd ta’ ġuriżdizzjonijiet naqsu milli jissodisfaw l-impenji tagħhom lejn il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ sustanza ekonomika skont il-kriterju 2.2 jew ir-riforma ta’ reġimi tat-taxxa dannużi skont il-kriterju 2.1; JISTIEDEN lil dawn il-ġuriżdizzjonijiet jikkollaboraw mal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta sabiex il-kwistjonijiet pendenti jiġu solvuti;

6.   

JAPPROVA l-valutazzjoni li saret mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta tar-reġim emendat tal-Kumpaniji Kummerċjali Internazzjonali tal-Federazzjoni Russa kontra l-kriterji tekniċi tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi fil-kuntest tal-lista tal-UE, b’mod partikolari l-valutazzjoni tat-trattament tal-introjtu mill-proprjetà intellettwali u d-dispożizzjonijiet ta’ anterjorità, u JIKKUNSIDRA li l-Federazzjoni Russa ma ssodisfatx l-impenn tagħha li temenda r-reġim tat-taxxa preferenzjali dannuż tagħha u għalhekk għandha tiġi inkluża fil-lista tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa; JISSOTTOLINJA li l-aggressjoni militari mhux provokata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, li l-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa f’diversi okkażjonijiet (1), tipprevjeni lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta milli jżomm djalogu mal-awtoritajiet Russi;

7.   

JIDDISPJAĊIH li t-Turkija ma għamlet l-ebda progress ma’ Stat Membru wieħed dwar l-iskambju awtomatiku effettiv ta’ informazzjoni; ITENNI l-appell tiegħu lit-Turkija biex tibda r-relazzjonijiet ta’ skambju ta’ informazzjoni pendenti ma’ Stat Membru wieħed u biex tikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti mogħtija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin tat-22 ta’ Frar 2021, il-5 ta’ Ottubru 2021, l-24 ta’ Frar 2022 u l-4 ta’ Ottubru 2022; ITENNI li l-iskambju effettiv awtomatiku ta’ informazzjoni mal-Istati Membri kollha huwa kondizzjoni biex it-Turkija tissodisfa l-kriterju 1.1 tal-lista tal-UE; JISTIEDEN lill-Grupp biex jgħarraf lill-Kunsill dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward u jkompli jindirizza l-kwistjonijiet pendenti fejn ma sar ebda progress;

8.   

JAPPROVA r-Rapport tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta kif jinsab fid-dokument 5922/23;

9.   

JAPPROVA għalhekk il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa (“Lista tal-UE”) kif tinsab fl-Anness I;

10.   

JAPPROVA s-sitwazzjoni attwali kif tinsab fl-Anness II fir-rigward tal-impenji meħuda minn ġuriżdizzjonijiet li jikkooperaw biex jiġu implimentati standards ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.


(1)  EUCO 18/22, EUCO 1/22,21/22, 31/22. 34/22, kif ukoll ST 9873/22.


ANNESS I

Il-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa

1.   Samoa Amerikana

Is-Samoa Amerikana ma tapplika l-ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni finanzjarja, ma ffirmatx u ma rratifikatx, inkluż permezz tal-ġuriżdizzjoni li huma dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, ma ħaditx l-impenn li tapplika l-istandards minimi dwar l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti (standards minimi tal-BEPS) u ma ħaditx l-impenn li tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

2.   Anguilla

Anguilla tiffaċilita strutturi u arranġamenti offshore maħsuba biex jattiraw profitti mingħajr sustanza ekonomika reali billi tonqos milli tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti ta' sustanza skont il-kriterju 2.2.

Anguilla qed tistenna rieżami supplimentari mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal skopijiet ta' taxxa (“Forum Globali”) fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni fuq talba (kriterju 1.2).

3.   Bahamas

Il-Bahamas jiffaċilitaw strutturi u arranġamenti offshore maħsuba biex jattiraw profitti mingħajr sustanza ekonomika reali billi jonqsu milli jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti ta' sustanza skont il-kriterju 2.2.

4.   Gżejjer Verġni Brittaniċi

Il-Gżejjer Verġni Brittaniċi ma għandhomx klassifikazzjoni ta' mill-inqas “Fil-Biċċa l-Kbira Konformi” mill-Forum Globali għall-iskambju ta' informazzjoni fuq talba.

5.   Costa Rica

Il-Costa Rica għandha reġim ta' eżenzjoni ta' dħul minn sorsi barranin dannuż u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

Il-Costa Rica impenjat ruħha li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Forum Globali fir-rigward tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni (kriterju 1.1) fi żmien debitu, sabiex tikseb determinazzjonijiet ta' mill-inqas “Fil-post, iżda huwa meħtieġ titjib” (“In place, but needs improvement”) dwar ir-rekwiżiti ewlenin 1 u 2 fir-rapport ta' evalwazzjoni bejn il-pari tal-Forum Globali fil-ħarifa tal-2024.

6.   Fiġi

Fiġi mhumiex membru tal-Forum Globali, ma ffirmawx u ma rratifikawx il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandhom reġimi preferenzjali ta' taxxa dannużi (Kumpaniji tal-Esportazzjoni, Inċentiv tat-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fuq id-Dħul (ICT), Rata konċessjonarja ta' taxxa għal kwartieri ġenerali reġjonali jew globali), la saru membru tal-Qafas Inklużiv dwar il-BEPS u lanqas implimentaw l-istandards minimi tal-BEPS, u għadhom ma solvewx dawn il-kwistjonijiet.

7.   Guam

Guam ma japplika ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni finanzjarja, ma ffirmax u ma rratifikax, inkluż permezz tal-ġuriżdizzjoni li hu dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, ma ħax l-impenn li japplika l-istandards minimi tal-BEPS u ma ħax l-impenn li jindirizza dawn il-kwistjonijiet.

8.   Gżejjer Marshall

Il-Gżejjer Marshall jiffaċilitaw strutturi u arranġamenti offshore maħsuba biex jattiraw profitti mingħajr sustanza ekonomika reali billi jonqsu milli jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti ta' sustanza skont il-kriterju 2.2.

9.   Palau

Palau ma tapplika ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni finanzjarja, ma ffirmatx u ma rratifikatx il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, u għadha ma solvietx dawn il-kwistjonijiet.

10.   Panama

Il-Panama mhix ikklassifikata tal-inqas fil-livell ta' “Fil-Biċċa l-Kbira Konformi” mill-Forum Globali għall-iskambju ta' informazzjoni fuq talba, għandha reġim ta' eżenzjoni ta' dħul minn sorsi barranin dannuż u għadha ma solvietx dawn il-kwistjonijiet.

Il-Panama impenjat ruħha li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas Inklużiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kriterju 3.2 dwar is-CbCR fi żmien debitu, sabiex dan ikun rifless fir-rapport ta' evalwazzjoni bejn il-pari tal-Azzjoni 13 tal-Qafas Inklużiv fil-ħarifa tal-2023.

11.   Federazzjoni Russa

Il-Federazzjoni Russa għandha reġim preferenzjali ta' taxxa dannuż (Kumpaniji Holding Internazzjonali) u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

12.   Samoa

Samoa għandha reġim preferenzjali ta' taxxa dannuż (Kumpanija Offshore) u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

13.   Trinidad u Tobago

Trinidad u Tobago ma japplikaw ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni finanzjarja, ma għandhomx klassifikazzjoni ta' mill-inqas ''Fil-Biċċa l-Kbira Konformi'' mill-Forum Globali għall-iskambju ta' informazzjoni fuq talba, ma ffirmawx u ma rratifikawx il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandhom reġimi preferenzjali tat-taxxa dannużi (Żoni Liberi), u għadhom ma solvewx dawn il-kwistjonijiet.

Trinidad u Tobago impenjaw ruħhom li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas Inklużiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kriterju 3.2 dwar is-CbCR fi żmien debitu, sabiex dan ikun rifless fir-rapport ta' evalwazzjoni bejn il-pari tal-Azzjoni 13 tal-Qafas Inklużiv fil-ħarifa tal-2023.

Trinidad u Tobago impenjaw ruħhom ukoll li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Forum Globali fir-rigward tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni (kriterju 1.1) fi żmien debitu, sabiex jiksbu determinazzjonijiet ta' mill-inqas “Fil-post, iżda huwa meħtieġ titjib” dwar ir-rekwiżiti ewlenin 1 u 2 fir-rapport ta' evalwazzjoni bejn il-pari tal-Forum Globali fil-ħarifa tal-2024.

14.   Gżejjer Turks u Caicos

Il-Gżejjer Turks u Caicos jiffaċilitaw strutturi u arranġamenti offshore maħsuba biex jattiraw profitti mingħajr sustanza ekonomika reali billi jonqsu milli jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti ta' sustanza skont il-kriterju 2.2.

15.   Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti

Il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti ma japplikaw ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni finanzjarja, ma ffirmawx u ma rratifikawx, inkluż permezz tal-ġuriżdizzjoni li huma dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandhom reġimi preferenzjali ta' taxxa dannużi (Programm ta' Żvilupp Ekonomiku, Kumpaniji Eżentati, Att Regolatorju dwar Ċentru Bankarju Internazzjonali), ma ħadux l-impenn li japplikaw l-istandards minimi tal-BEPS u ma ħadux l-impenn li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

16.   Vanuatu

Vanuatu jiffaċilita strutturi u arranġamenti offshore li għandhom l-għan li jattiraw profitti mingħajr sustanza ekonomika reali u għadu ma solviex din il-kwistjoni.

Vanuatu qed jistenna rieżami supplimentari mill-Forum Globali fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni fuq talba.


ANNESS II

Is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni mal-UE fir-rigward tal-impenji meħuda minn ġuriżdizzjonijiet li jikkooperaw biex jiġu implimentati l-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa

1.   Trasparenza

1.1.   Skambju awtomatiku ta’ informazzjoni

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja hija mistennija tagħmel skambju ta' informazzjoni b'mod effettiv mas-27 Stat Membru kollha skont l-iskeda ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 6 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Frar 2021, il-paragrafu 4 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ottubru 2021, il-paragrafu 4 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Frar 2022 u l-paragrafu 4 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Ottubru 2022.

Turkija

Il-ġuriżdizzjonijiet li ġejjin impenjaw ruħhom li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Forum Globali fir-rigward tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni fi żmien debitu, sabiex tikseb determinazzjonijiet ta' mill-inqas “Fil-post, iżda huwa meħtieġ titjib” dwar ir-rekwiżiti ewlenin 1 u 2 fir-rapport ta' evalwazzjoni bejn il-pari tal-Forum Globali fil-ħarifa tal-2024.

Aruba, Belize, Curaçao u Iżrael

1.2.   Sħubija fil-Forum Globali u klassifikazzjoni sodisfaċenti fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba

Il-ġuriżdizzjonijiet li ġejjin qed jistennew reviżjoni supplimentari mill-Forum Globali:

Botswana, Dominica u Seychelles

2.   Tassazzjoni Ġusta

2.1.   L-eżistenza ta’ reġimi ta’ taxxa dannużi

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja, li impenjat ruħha li temenda jew tabolixxi r-reġim tagħha ta' eżenzjoni ta' dħul minn sorsi barranin dannużi sa tmiem l-2022, iffaċċjat restrizzjonijiet ta' riforma kostituzzjonali u wriet progress tanġibbli fl-2022, ingħatat sal-31 ta' Marzu 2023 biex tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha fir-rigward tar-regoli kontra l-abbuż u r-rekwiżiti tas-sustanza ekonomika. Din il-ġuriżdizzjoni impenjat ruħha li tapplika l-leġiżlazzjoni emendata b'effett mill-1 ta' Jannar 2023:

Qatar

Il-ġuriżdizzjonijiet li ġejjin, li impenjaw ruħhom li jemendaw jew jabolixxu r-reġimi dannużi tagħhom ta' eżenzjoni ta' dħul minn sorsi barranin sa tmiem l-2022 u wrew progress tanġibbli b'dawn ir-riformi fl-2022, ingħataw sa tmiem l-2023 biex jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom fir-rigward tat-trattament tal-gwadanji kapitali:

Hong Kong u l-Malażja

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja, li impenjat ruħha li temenda jew tabolixxi r-reġimi tat-taxxa preferenzjali fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Forum dwar Prattiki ta' Taxxa Dannużi (FHTP) sal-31 ta' Diċembru 2022, ingħatat sal-aħħar ta' April 2023 biex tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha:

Ġordan (żona ekonomika speċjali ta' Aqaba)

Il-ġuriżdizzjonijiet li ġejjin impenjaw ruħhom li jemendaw jew jabolixxu r-reġimi tat-taxxa preferenzjali fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Forum dwar Prattiki ta' Taxxa Dannużi (FHTP), sal-31 ta' Diċembru 2023:

Albanija (Inċentivi Industrijali), Armenja (Żoni ekonomiċi ħielsa u proġetti tat-teknoloġija tal-informazzjoni) u Eswatini (Żona ekonomika speċjali)

3.   Prevenzjoni tal-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitti

3.2.   Implimentazzjoni tal-istandard minimu tas-CbCR (Azzjoni 13 tal-BEPS)

Il-ġuriżdizzjonijiet li ġejjin impenjaw ruħhom li jimplimentaw l-istandard minimu tas-CbCR billi jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qafas Inklużiv fi żmien debitu, sabiex dan ikun rifless fir-rapport ta' evalwazzjoni bejn il-pari tal-Azzjoni 13 tal-Qafas Inklużiv fil-ħarifa tal-2023 u/jew jattivaw ir-relazzjonijiet ta' skambju tas-CbCR mal-Istati Membri kollha tal-UE skont l-iskadenza maqbula:

Belize, Iżrael, Montserrat, Tajlandja, Vjetnam