|
28.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 342/15 |
Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33
(2023/C 342/10)
Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
“Campo de Borja”
PDO-ES-A0180-AM03
Data tal-komunikazzjoni: 10.7.2023
DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA
1. Emenda għall-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed bojod, rożè u ħomor
Deskrizzjoni
Il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed bojod, rożè u ħomor ġiet emendata f’konformità mal-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li tippermetti li l-qawwa alkoħolika totali massima taqbeż il-volum ta’ 15 % għall-inbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta prodotti mingħajr arrikkiment.
Din l-emenda tikkonċerna l-punt 2(a) “Karatteristiċi analitiċi tal-prodott” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 4 “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed” tad-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard peress li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).
Raġuni
Il-kundizzjonijiet klimatiċi kurrenti jwasslu biex il-maturazzjoni fenolika tal-għeneb isseħħ aktar tard mill-maturazzjoni alkoħolika. Illum il-ġurnata, il-kantini tal-inbid spiss jagħmlu l-inbejjed tagħhom minn għeneb li jkun laħaq maturazzjoni fenolika. B’riżultat ta’ dan, il-ħsad isir xi ftit aktar tard u għalhekk l-għeneb fih kwantità ogħla ta’ zokkor u, konsegwentement, l-inbid jilħaq qawwa alkoħolika ogħla.
2. Emenda tal-karatteristiċi organolettiċi tal-inbid spumanti ta’ kwalità
Deskrizzjoni
Ġiet miżjuda deskrizzjoni tal-kulur tal-inbejjed spumanti ta’ kwalità rożè.
Din l-emenda trid titqies bħala rettifika, peress li l-punt 3(c) tal-Ispeċifikazzjoni tad-DOP, “Produzzjoni tad-diversi tipi ta’ nbid”, jgħid li l-inbid spumanti ta’ kwalità jista’ jkun abjad jew rożè. Madankollu, bi żball, ma stipulax l-isfumatura tar-rożè.
Din l-emenda tikkonċerna l-punt 2(b) “Karatteristiċi organolettiċi” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 4 “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed” tad-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard peress li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).
Raġuni
Huwa neċessarju li d-deskrizzjoni tad-dehra tal-inbid spumanti ta’ kwalità rożè titlesta.
3. Żieda fir-rendiment mill-estrazzjoni.
Deskrizzjoni
Ir-rendiment mill-estrazzjoni ġie emendat. Ma għandux jaqbeż l-74 litru ta’ nbid għal kull 100 kilogramma ta’ għeneb.
Din l-emenda tikkonċerna l-punt 3 “Prattiki speċifiċi ta’ kultivazzjoni” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 5.1 “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid” tad-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard peress li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).
Raġuni
L-evoluzzjoni tad-diversi kloni tal-varjetajiet ta’ dwieli permessi taħt id-DOP Campo de Borja kkawżat żieda fil-produttività medja, f’termini ta’ nbid għal kull kilo ta’ frott artab, matul l-aħħar 20 sena, li rriżultat f’rendiment proprju mill-estrazzjoni ogħla. Barra minn hekk, saru avvanzi teknoloġiċi importanti fl-istadju tal-għasir. Meta mqabbla mal-preses użati qabel, il-preses pnewmatiċi u idrawliċi użati llum jippermettu li jinkisbu frazzjonijiet akbar ta’ most u nbid għal kull kilogramma ta’ għeneb, mingħajr ma tinbidel il-kwalità tal-prodott finali.
4. Emenda tar-rendimenti massimi tal-inbid għal kull ettaru.
Deskrizzjoni
Ir-rendimenti massimi tal-inbid għal kull ettaru żdiedu għal 59,2 ettolitru għall-inbejjed magħmula mill-varjetajiet tal-għeneb ħomor u għal 74 ettolitru għall-inbejjed magħmula mill-varjetajiet tal-għeneb bojod.
Din l-emenda tikkonċerna l-punt 5 “Rendimenti massimi” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 5.2 tad-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard peress li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).
Raġuni
L-emenda tar-rendiment mill-għasir, deskritta fil-punt ta’ qabel, tirrikjedi emenda fir-rendiment massimu tal-inbid għal kull ettaru.
5. Emenda tar-rekwiżiti tal-limitu tal-produzzjoni addizzjonali.
Deskrizzjoni
Il-kriterju tekniku ġie emendat biex jippermetti li l-produzzjoni massima tal-għeneb għal kull ettaru tiżdied b’mod eċċezzjonali. Il-kwantità ta’ preċipitazzjoni fiż-żona ġeografika tad-DOP għandha tiddetermina jekk tapplikax id-deroga. Għaldaqstant, meta x-xita annwali taqbeż b’10 % l-ammont medju akkumulat matul l-aħħar 15-il sena fiż-żona, fil-perjodu minn Novembru sa Ġunju, il-Bord Regolatorju jista’ jaqbel li, b’mod eċċezzjonali għal dak il-ħsad, il-limitu massimu tal-produzzjoni stabbilit għall-inbejjed koperti mid-DOP jista’ jinqabeż, iżda qatt b’aktar minn 25 %.
Din l-emenda tikkonċerna l-punt 8(b)(i) “Rekwiżiti oħra applikabbli” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Ma taffettwax id-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard peress li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).
Raġuni
L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kurrenti tipprevedi l-possibbiltà li jiżdiedu l-limiti tal-produzzjoni (kilogrammi ta’ għeneb għal kull ettaru) f’dawk is-snin li fihom, skont il-kontrolli mwettqa, il-frott li jifforma jista’ jitqies li kien eċċezzjonali.
Il-kriterju tekniku applikat, ibbażat fuq frott li jifforma eċċezzjonali, ġie stabbilit meta nħolqot id-denominazzjoni ta’ oriġini Campo de Borja, meta l-maġġoranza vasta tal-vinji kienu tal-varjetà Grenache, li hija sensittiva ħafna għat-twaqqigħ taż-żahar meta jifforma l-frott, bis-snin fejn jifforma frott eċċezzjonali ma jkunux frekwenti.
Attwalment, hemm diversità akbar fil-varjetajiet imkabbra fiż-żona tal-vinji koperta mid-DOP, għalkemm il-varjetà predominanti għadha l-Grenache. Il-pjantaġġuni l-ġodda ta’ din il-varjetà huma bbażati fuq kloni li ntgħażlu minħabba s-sensittività aktar baxxa tagħhom għat-twaqqigħ taż-żahar. Il-varjetajiet l-oħra ma humiex suxxettibbli għat-twaqqigħ taż-żahar, għalhekk l-ifformar tal-frott tagħhom dejjem ikun ottimali.
Madankollu, ġie osservat li l-kundizzjonijiet klimatiċi, u b’mod partikolari l-ħafna xita, jistgħu jkunu assoċjati ma’ żidiet fil-produzzjoni tal-għeneb għal kull ettaru; dan huwa l-“effett tal-vendemmja”. Wara li ġiet analizzata d-data rreġistrata fiż-żona tad-DOP, instab li s-snin bl-akbar ammont ta’ xita normalment ikunu s-snin bl-akbar produzzjoni.
Għaldaqstant, jidher li huwa xieraq u ġġustifikat li jiġi emendat il-kriterju tekniku biex tiġi permessa, bħala eċċezzjoni, żieda fir-rendiment tal-produzzjoni billi dan jintrabat mal-ammont ta’ xita minflok mal-ifformar tal-frott.
6. Tħassir tar-rekwiżiti tal-produzzjoni addizzjonali.
Deskrizzjoni
Ir-rekwiżiti stabbiliti attwalment fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott biex jippermettu żieda fir-rendiment mill-estrazzjoni għal massimu ta’ 74 litru ta’ nbid għal kull 100 kg ta’ għeneb għal dawk is-snin li fihom, skont il-kontrolli mwettqa, il-frott li jifforma jista’ jitqies li kien eċċezzjonali, tħassru.
Din l-emenda tikkonċerna l-punt 8(b) “Rekwiżiti oħra applikabbli” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Ma taffettwax id-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard peress li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).
RAĠUNI
Ma għadx hemm bżonn li tinżamm l-eċċezzjoni peress li r-rendiment mill-estrazzjoni stabbilit fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-DOP ġie emendat sabiex ikun jista’ jilħaq l-74 litru ta’ nbid għal kull 100 kg ta’ għeneb, kif huwa deskritt u spjegat fil-punt 3.5.,
7. Aġġornament tar-referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Deskrizzjoni
Ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ċitati f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġew aġġornati peress li ġew sostitwiti permezz tal-approvazzjoni tal-emenda preċedenti.
Din l-emenda tikkonċerna l-punt 8 “Rekwiżiti applikabbli. Qafas legali” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Ma taffettwax id-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard peress li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).
Spjegazzjoni
L-emenda tipprovdi opportunità biex jiġu aġġornati r-referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Intgħażlet formulazzjoni li tikkwota r-regola qafas minflok id-dispożizzjonijiet li japprovaw l-emendi li qed jiġu pproċessati, sabiex ir-referenzi ma jsirux irrilevanti biż-żmien.
8. Rieżami tar-rekwiżiti addizzjonali tat-tikkettar.
Deskrizzjoni
Il-possibbiltà li jintuża l-akronimu “DO” fit-tikkettar tal-inbejjed koperti mid-DOP Campo de Borja bħala forma mqassra tat-terminu tradizzjonali “Denominazzjoni ta’ oriġini” tneħħiet.
Tħassret ukoll is-sentenza li ġejja: “Dan il-kliem se jintuża fuq l-inbejjed li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2 u 3”.
Din l-emenda tikkonċerna l-punt 8(b) “Rekwiżiti oħra applikabbli” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-punt 9 “Rekwiżiti oħra applikabbli tat-tikkettar” tad-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard peress li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).
Raġuni
Tqies li huwa aktar xieraq li jintuża t-terminu “denominazzjoni ta’ oriġini” fuq it-tikkettar tal-inbejjed, u li ma tintużax il-forma mqassra “DO”.
Min-naħa l-oħra, is-sentenza indikata titħassar peress li ma hijiex meqjusa meħtieġa.
9. Rieżami tal-proċeduri ta’ kontroll.
Deskrizzjoni
Fir-rigward tal-awditi mwettqa mill-korp ta’ kontroll biex tiġi ċċekkjata l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ġie stabbilit li għandhom jittieħdu kampjuni minn kantini tal-inbid li jibbottiljaw l-inbid, filwaqt li tneħħa t-teħid ta’ kampjuni mill-kantini tal-inbid li jipproduċuh.
Din l-emenda tikkonċerna l-punt 9(b) “Verifiki tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Ma taffettwax id-Dokument Uniku.
Din hija emenda standard peress li ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (OKS unika).
RAĠUNI
Il-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni ġew rieżaminati sabiex jiġu allinjati mal-istandard UNE EN ISO/IEC 17065:2012. L-inbid miksub fl-istadju tal-produzzjoni ma jistax jiġi kklassifikat, peress li jkun għad irid jgħaddi minn proċessi enoloġiċi oħra qabel l-ibbottiljar, bħall-filtrazzjoni, l-istabbilizzazzjoni jew it-tqaddim. Għalhekk għandhom jittieħdu kampjuni mill-kantini tal-inbid li jibbottiljaw l-inbid, filwaqt li tneħħa t-teħid ta’ kampjuni mill-kantini tal-inbid li jipproduċu l-inbid.
DOKUMENT UNIKU
1. Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni
“Campo de Borja”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
|
3. |
Inbid likur |
|
5. |
Inbid spumanti ta’ kwalità |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
1. Inbejjed bojod u rożè
Deskrizzjoni qasira
Inbid abjad:
|
|
Dehra viżiva: ċara, kristallina, safra li tagħti fl-aħdar. Riħa: ta’ fjuri, ta’ frott, qawwija. Togħma: friska, aċiduża. |
Inbid rożè:
|
|
Dehra viżiva: ċara, kristallina, roża (skur). Riħa: ta’ frott, ta’ fjuri. Togħma: friska, aċiduża, ta’ frott.
|
||||||||||||||||||
2. Inbejjed ħomor
Deskrizzjoni qasira
Dehra viżiva: ċara, kristallina, ħamra (lewn iċ-ċirasa).
Riħa: ta’ frott, misjura, ta’ fjuri.
Togħma: iddum, pjaċevoli, strutturata tajjeb, imlaħħma, voluminuża.
|
— |
Massimu ta’ diossidu tal-kubrit: 200 mg/l jekk il-kontenut taz-zokkor ikun ≥ 5 g/l. |
|
— |
Qawwa alkoħolika totali skont il-volum: Tista’ taqbeż il-volum ta’ 15 % fl-inbejjed prodotti mingħajr arrikkiment. |
|
— |
Il-parametri analitiċi mhux stabbiliti f’dan id-dokument għandhom jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ.
|
||||||||||||
3. Inbid spumanti ta’ kwalità
Deskrizzjoni qasira
Dehra viżiva: ċara, kristallina, safra jew roża (skont jekk l-inbid ikunx abjad jew rożè).
Riħa: tal-frott u/jew tal-fjuri.
Togħma: aċiduża, ibbilanċjata, friska.
|
— |
Il-parametri analitiċi mhux stabbiliti f’dan id-dokument għandhom jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ.
|
||||||||||||
4. Inbejjed “ħelwin naturali”
Deskrizzjoni qasira
Dehra viżiva: abbażi tal-cuvée tagħhom (irrispettivament minn jekk humiex bojod, rożè jew ħomor), dawn se jippreżentaw sfumaturi ħodor, vjola jew ħomor.
Riħa: mingħajr ma tvarja mill-aroma tal-cuvée tagħhom, b’aromi nodfa, aktar qawwija.
Togħma: qawwija, pjaċevoli fil-palat u b’ċerta ħlewwa, karatteristika tal-livelli taz-zokkor tagħhom, b’noti ta’ konfettura jew frott imnixxef.
|
— |
Massimu ta’ diossidu tal-kubrit ta’ 200 mg/l fil-bojod u fir-rożè u 150 mg/l fil-ħomor jekk il-kontenut taz-zokkor ikun < 5 g/l. |
|
— |
Massimu ta’ diossidu tal-kubrit ta’ 250 mg/l fil-bojod u fir-rożè u 200 mg/l fil-ħomor jekk il-kontenut taz-zokkor ikun ≥ 5 g/l. |
|
— |
Il-parametri analitiċi mhux stabbiliti f’dan id-dokument għandhom jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ.
|
||||||||||||
5. Inbejjed “ta’ ħsad tardiv”
Deskrizzjoni qasira
Dehra viżiva: abbażi tal-cuvée tagħhom (irrispettivament minn jekk humiex bojod, rożè jew ħomor), dawn se jippreżentaw sfumaturi ħodor, vjola jew ħomor.
Riħa: mingħajr ma tvarja mill-aroma tal-cuvée tagħhom, b’aromi nodfa, aktar qawwija.
Togħma: qawwija, pjaċevoli fil-palat u b’ċerta ħlewwa, karatteristika tal-livelli taz-zokkor tagħhom, b’noti ta’ konfettura jew frott imnixxef.
|
— |
Massimu ta’ diossidu tal-kubrit ta’ 200 mg/l fil-bojod u fir-rożè u 150 mg/l fil-ħomor jekk il-kontenut taz-zokkor ikun < 5 g/l. |
|
— |
Massimu ta’ diossidu tal-kubrit ta’ 250 mg/l fil-bojod u fir-rożè u 200 mg/l fil-ħomor jekk il-kontenut taz-zokkor ikun ≥ 5 g/l. |
|
— |
Il-parametri analitiċi mhux stabbiliti f’dan id-dokument għandhom jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ.
|
||||||||||||
6. Inbejjed likuri
Deskrizzjoni qasira
Dehra viżiva: abbażi tal-cuvée tagħhom (irrispettivament minn jekk humiex bojod, rożè jew ħomor), dawn se jippreżentaw sfumaturi ħodor, vjola jew ħomor.
Riħa: mingħajr ma tvarja mill-aroma tal-cuvée tagħhom, b’aromi nodfa, aktar qawwija.
Togħma: qawwija, pjaċevoli fil-palat u b’ċerta ħlewwa, karatteristika tal-livelli taz-zokkor tagħhom, b’noti ta’ konfettura jew frott imnixxef.
|
— |
Id-diossidu tal-kubrit huwa ta’ 200 mg/litru jekk il-kontenut taz-zokkor ikun ≥ 5 g/litru |
|
— |
Il-parametri analitiċi mhux stabbiliti f’dan id-dokument għandhom jikkonformaw mar-regoli fis-seħħ.
|
||||||||||||
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
5.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom
Id-densità tat-tħawwil se tkun minimu ta’ 1 500 pjanta għal kull ettaru u massimu ta’ 4 000 pjanta għal kull ettaru, imqassma b’mod uniformi maż-żona kollha tat-tħawwil tad-dwieli.
Meta jsir il-ħsad, l-għeneb b’saħħtu li jkun misjur biżżejjed, u li jkollu kontenut ta’ zokkor ta’ 170 g/l jew aktar, biss għandu jintuża għall-produzzjoni tal-inbejjed protetti. L-għeneb mhux f’kundizzjoni perfetta jitwarrab.
Huwa neċessarju li tiġi applikata biżżejjed pressjoni biex il-most jew l-inbid jiġu estratti u sseparati mill-karfa tal-għeneb magħsur, sabiex ir-rendiment ma jkunx ta’ aktar minn 74 litru inbid għal kull 100 kilogramma għeneb.
5.2. Rendimenti massimi għal kull ettaru
|
1. |
Varjetajiet tal-għeneb aħmar 8 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru 59,2 ettolitru għal kull ettaru |
|
2. |
Varjetajiet tal-għeneb abjad 10 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru 74 ettolitru għal kull ettaru |
6. Żona ġeografika demarkata
Iż-żona ġeografika tad-DOP Campo de Borja hija magħmula minn artijiet li jinsabu fil-muniċipalitajiet li ġejjin tal-provinċja ta’ Zaragoza fil-Komunità Awtonoma ta’ Aragon: Agón, Ainzón, Alberite, Albeta, Ambel, Bisimbre, Borja, Bulbuente, Bureta, El Buste, Fuendejalón, Magallón, Maleján, Pozuelo de Aragón, Tabuenca, u Vera de Moncayo, kif ukoll il-poligoni katastali 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11 tal-muniċipalità ta’ Mallén, u l-poligoni katastali 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10, 11, 12, 13, 14 u 19 tal-muniċipalità ta’ Fréscano.
7. Varjetajiet jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed
|
|
CHARDONNAY |
|
|
GARNACHA BLANCA |
|
|
GARNACHA TINTA |
|
|
GARNACHA TINTORERA |
|
|
MACABEO – VIURA |
|
|
MAZUELA |
|
|
MOSCATEL DE ALEJANDRÍA |
|
|
MOSCATEL DE GRANO MENUDO (MUSCAT TAL-ĦABB IMFARRAK) |
|
|
SYRAH |
|
|
TEMPRANILLO |
|
|
VERDEJO |
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
Inbid
Ir-rabta maż-żona ġeografika hija bbażata fuq tradizzjoni storika li tmur lura għal qabel l-1 203. Il-Monasteru ta’ Veruela influwenza ħafna l-iżvilupp tal-vitikultura, billi għen biex tiġi ppreservata, żviluppata u msaħħa tradizzjoni li għadha teżisti sal-lum. Ix-xita skarsa, ir-riħ magħruf bħala Cierzo u l-bidliet f’daqqa fit-temperatura jaffettwaw il-kwalitajiet organolettiċi tal-inbejjed. Ir-riħ Cierzo jipproduċi traspirazzjoni intensa li tillimita l-umdità fil-ħamrija, u tikkawża stress permanenti fl-ilma li jdgħajjef id-dwieli. Konsegwentement, il-maturazzjoni fenolika ddum ħafna, u dan iwassal għal aromi notevoli u sfumaturi ta’ kuluri qawwija fl-inbejjed.
Inbid likur
L-inbejjed likuri tradizzjonali tad-DOP Campo de Borja jmorru lura għal diversi sekli. Il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi taż-żona jipprovdu livell għoli ħafna ta’ maturazzjoni u, flimkien ma’ produzzjoni baxxa u ħsad tardiv fil-vinji, jagħtu karattru distint li fih jispikkaw l-aromi ta’ frott misjur ħafna jew anke misjur iżżejjed, li huma kwalitajiet ferm xierqa għall-inbejjed likuri.
Inbid spumanti ta’ kwalità
L-inbejjed spumanti ta’ kwalità huma influwenzati mill-kundizzjonijiet naturali tal-ħamrija, tal-klima u tal-produzzjoni tal-inbid fiż-żona li tagħtihom il-karatteristiċi speċifiċi viżivi, tax-xamm u tat-togħma. Minħabba li jsiru skont il-metodu tradizzjonali, dawn l-inbejjed spumanti huma rotob u kremużi b’aromi u b’togħmiet li huma tipiċi tal-inbejjed prodotti fiż-żona ġeografika. Il-fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun u t-tqaddim fuq in-naqal tal-fermentazzjoni jagħtuhom bżieżaq fini li jdumu, kif ukoll aroma ta’ frott u eleganti.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)
Qafas legali
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit ieħor
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit
It-tikketti kummerċjali ta’ kull kumpanija reġistrata għandhom jiġu kkomunikati lill-Bord Regolatorju sabiex jiġu rreġistrati fir-reġistru tat-tikketti, soġġett għal kontrolli għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
It-tikketti għandu jkollhom il-kliem li ġej: Denominación de Origen “Campo de Borja” [Denominazzjoni ta’ Oriġini Campo de Borja]. Il-prodotti maħsuba għall-konsum irid ikollhom siġilli ta’ garanzija, li jkunu nnumerati u maħruġin mill-Bord Regolatorju. Dawn iridu jitwaħħlu fil-fabbrika tal-inbid irreġistrata b’tali mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.
It-termini tradizzjonali li jistgħu jintużaw għall-inbejjed koperti mid-DOP Campo de Borja huma:
It-termini tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 112(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013: Denominación de Origen [Denominazzjoni ta’ Oriġini]
It-termini tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 112(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013: “Crianza”, “Reserva”, “Gran Reserva”, “Añejo”, “Noble”, “Clásico”, “Rancio”, “Superior” u “Viejo”.
Il-kliem addizzjonali li jista’ jintuża fuq it-tikkettar skont il-metodu ta’ produzzjoni: “Naturalmente dulce” (naturalment ħelu), “Vendimia tardía” (ħsad tardiv), “Maceración carbónica” (maċerazzjoni karbonika), “Roble” (ballut), u “Fermentado en barrica” (iffermentat fil-btieti).
Qafas legali
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit ieħor
L-imballaġġ fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tar-rekwiżit
L-ippakkjar għandu jsir fiż-żona ġeografika demarkata deskritta fil-punt 4 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, li se jiggarantixxi l-oriġini tal-prodott.
It-trasport u l-ibbottiljar tal-inbid barra miż-żona fejn isir l-inbid jistgħu jipperikolaw il-kwalità, peress li l-inbid jista’ jiġi espost għal tnaqqis fl-ossidazzjoni, varjazzjonijiet fit-temperatura u influwenzi oħra. Aktar ma l-inbid jivvjaġġa, aktar ikun kbir ir-riskju. L-ibbottiljar fiż-żona tal-oriġini jippermetti li jinżammu l-karatteristiċi u l-kwalità tal-prodott.
L-ibbottiljar huwa operazzjoni importanti li, jekk ma jsirx f’konformità mar-rekwiżiti rigorużi, jista’ jdgħajjef serjament il-kwalità tal-prodott u jibdel il-karatteristiċi tal-inbid.
Dan, flimkien mal-esperjenza u l-għarfien profond tal-karattru speċifiku tal-inbejjed iffurmat matul is-snin mill-kantini tal-inbid tad-DOP Campo de Borja, jagħmel neċessarju li l-ibbottiljar isir fiż-żona tal-oriġini sabiex jiġu ppreservati l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi kollha ta’ dawn l-inbejjed.
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://www.aragon.es/documents/20127/60698009/PLIEGO_CONDICIONES_DOP_Campo_Borja_cambios.pdf/c542144a-db1e-c608-8cc2-b6f7784385a3?t=1688112722069