30.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 306/5


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, għal Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2023/C 306/04)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA, LI MA HIJIEX MINURI, FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-Artikolu 53(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“Marchfeldspargel”

Nru tal-UE: PGI-AT-1462-AM04 – 25.5.2022

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Verein Marchfeldspargel g.g.A.

c/o Mag. Gerhard Sulzmann

2304 Mannsdorf/Donau, Kirchengasse 1

ÖSTERREICH

Tel. +43 6641308521

Email: office@marchfeldspargel.at

Rappreżentant/persuna ta’ kuntatt: Mag. Gerhard Sulzmann

L-applikant huwa s-suċċessur legali tal-assoċjazzjoni li oriġinarjament ressqet l-applikazzjoni u jirrappreżenta l-produtturi attwali kollha tal-IĠP “Marchfeldspargel”. Għalhekk għandha d-dritt li tressaq l-applikazzjoni.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Awstrija

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta maż-żona ġeografika

Tikkettar

Oħrajn [isem l-assoċjazzjoni applikanti, il-kompiti u l-indirizz il-ġdid tal-korp ta’ kontroll, it-tip ta’ prodott, ir-rekwiżit nazzjonali]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkunx ġie ppubblikat Dokument Uniku (jew ekwivalenti) li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/i

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali, li tinkludi diversi dokumenti separati (speċifikazzjoni qasira, bosta annessi), ngħaqdet, ġiet riveduta u aġġornata f’dokument wieħed sabiex tagħti deskrizzjoni aktar ċara tar-rekwiżiti, b’mod partikolari dwar il-proċess ta’ produzzjoni u l-prova tal-oriġini. L-annessi li jifdal imsemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jservu biss bħala dokumentazzjoni addizzjonali.

L-esperjenza fl-imgħoddi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali fil-prattika tirrikjedi wkoll li jsiru bidliet fil-kundizzjonijiet għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ispraġ, iżda wkoll li ssir kjarifika fir-rigward tal-istadji tal-produzzjoni (it-tqaxxir tal-ispraġ) li jridu jitwettqu fiż-żona ġeografika. L-emendi kollha jikkontribwixxu għaż-żamma tal-kwalità tal-IĠP “Marchfeldspargel”.

Ir-referenza ripetuta fit-testi attwali għall-“Bund der Marchfelder Spargelgüter” tirreferi għall-predeċessur legali tal-assoċjazzjoni applikanti attwali; din il-bidla diġà ġiet approvata mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/255 tat-13 ta’ Frar 2015 iżda għadha ma ġietx riflessa fit-testi tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Sussegwentement dan l-isem reġa’ nbidel għal “Verein Marchfeldspargel g.g.A”.

B’mod aktar speċifiku:

Deskrizzjoni tal-prodott

Il-punt 5b tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali

“Iz-zkuk tal-ispraġ huma r-rimjiet tal-varjetajiet imkabbra mill-pjanti tal-ispraġ (Asparagus Officinalis L.) għall-kunsinna meta jkunu friski. Huma kklassifikati f’erba’ gruppi skont il-kulur: abjad, vjola, vjola fl-aħdar, aħdar. Il-‘Marchfeldspargel’ għandu aroma fina tipika tal-ispraġ.”

u l-Anness 2 sa fejn jirreferi għall-punt 5b tad-deskrizzjoni, jiġifieri t-taqsimiet

“Deskrizzjoni tad-dehra

Iz-zkuk tal-ispraġ huma r-rimjiet żgħar tal-varjetajiet imkabbra mill-pjanti tal-ispraġ (Asparagus Officinalis L.) għall-kunsinna meta jkunu friski.

Fil-klassijiet kollha, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali għal kull klassi u t-tolleranzi permessi, ir-rimjiet għandhom ikunu:

sħaħ

f’kundizzjoni tajba; il-prodotti li tant ikun tħassru jew iddeterjoraw li ma jibqgħux tajbin għall-konsum jiġu esklużi,

ħielsa minn ħsara kkawżata minn ħasil mhux xieraq (ir-rimjiet jistgħu jinħaslu iżda ma jistgħux jiġu mgħaddsa fl-ilma),

nodfa u prattikament ħielsa minn kwalunkwe materjal barrani viżibbli,

ta’ dehra u riħa friski,

prattikament ħielsa minn pesti,

ħielsa minn ħsara minn rodituri jew insetti,

prattikament ħielsa minn tgħaffiġ u tbenġil,

mingħajr umdità esterna mhux normali, jiġifieri ‘mnixxfa’ kif xieraq jekk ikunu nħaslu jew tkessħu b’ilma kiesaħ,

ħielsa minn kwalunkwe riħa u/jew togħma barranija.

Il-qasma f’qiegħ iz-zkuk għandha tkun nadifa kemm jista’ jkun.

Barra dan, ir-rimjiet għandhom ikunu la vojta minn ġewwa, la maqsuma, la mqaxxra u lanqas miksura. Madankollu, huma permessi xquq żgħar li jiffurmaw wara li jinbtu r-rimjiet, dment li ma jiksrux it-‘tolleranzi tal-kwalità’ ta’ kull klassi.

Il-kundizzjoni tal-ispraġ trid tkun tali li tagħmlu kapaċi:

jiflaħ għat-trasport u t-tqandil, u

jasal fid-destinazzjoni f’kundizzjoni sodisfaċenti.

Dispożizzjonijiet dwar il-preżentazzjoni:

a)

Uniformità:

Il-kontenut ta’ kull pakkett jew qatgħa f’pakkett irid ikun uniformi u jkun fih biss spraġ tal-istess oriġini, kwalità, grupp ta’ kulur u, fejn ikun meħtieġ il-kejl tad-daqs, id-daqs. Il-parti tal-kontenut tal-pakkett jew qatgħa li tkun tidher għandha tkun rappreżentattiva tat-total.

b)

L-ispraġ jista’ jiġi ppreżentat bil-modi li ġejjin:

i)

fi qtiegħi marbutin sewwa

Iz-zkuk tal-ispraġ fuq in-naħa ta’ barra tal-qatgħa jridu jikkorrispondu fid-dehra u d-dijametru mal-medja tal-qatgħa kollha. Ir-rimjiet iridu jkunu tal-istess tul. Il-qtiegħi iridu jiġu rranġati regolarment fil-pakkett u jkunu ta’ piż u tul ugwali; kull qatgħa tista’ tkun protetta bil-karta.

ii)

f’pakketti individwali, jew irranġati iżda mhux miġbura flimkien fi qtiegħi fil-pakkett

c)

Ippakkjar:

L-ispraġ irid jiġi ppakkjat b’tali mod li tkun żgurata protezzjoni adegwata għall-prodott.

Deskrizzjoni dwar il-karatteristiċi tiegħu

Togħma: Il-‘Marchfeldspargel’ għandu aroma fina tipika tal-ispraġ. Din hija t-togħma fina u delikata tal-ispraġ frisk, li tvarja skont il-varjetà u l-ħamrija. Ma għandhiex tkun morra jew tal-injam. Fil-prinċipju, l-ispraġ abjad għandu l-ifjen aroma fost l-ispraġ. Iktar ma l-ispraġ ikun minn vjola sa aħdar, iktar tkun qawwija l-aroma tal-ispraġ. Minbarra l-freskezza tal-ispraġ, huwa ċar li l-preparazzjoni għandha wkoll influwenza kbira fuq it-togħma.

Ir-rimjiet tal-ispraġ huma kklassifikati f’erba’ gruppi skont il-kulur:

1)

spraġ abjad;

2)

spraġ vjola: it-truf irid ikollhom kulur bejn roża u vjola u jrid ikollhom zokk parzjalment abjad;

3)

spraġ vjola fl-aħdar: Spraġ b’kulur parzjalment vjola u aħdar;

4)

spraġ aħdar: it-truf u l-biċċa l-kbira taz-zokk iridu jkunu ħodor.

It-tul tar-rimjiet għandu jkun:

aktar minn 17-il cm għall-ispraġ twil,

12-17-il cm għall-ispraġ qasir (= it-truf tal-ispraġ),

12-22 cm għall-ispraġ tal-klassi II irranġat, iżda mhux miġbur flimkien fi qtiegħi, f’pakketti,

taħt it-12-il cm għat-truf tal-ispraġ.

L-ispraġ abjad u vjola ma għandux jaqbeż it-22 cm, u l-ispraġ vjola fl-aħdar u aħdar ma għandux jaqbeż il-25 cm fit-tul.

Id-daqs skont id-dijametru

Id-dijametru tar-rimjiet għandu jitkejjel fin-nofs tat-tul tagħhom. Id-dijametru u d-daqs minimi għandhom ikunu:

Grupp tal-kulur

Dijametru minimu

 

Daqs

a)

Klassi ‘Extra’:

 

 

 

abjad u vjola

12-il mm

12–16-il mm

16-il mm+ b’varjazzjoni massima ta’ 8 mm għal kull pakkett

Spraġ vjola fl-aħdar u aħdar

10 mm

10–16-il mm

16-il mm+ b’varjazzjoni massima ta’ 8 mm għal kull pakkett

b)

Klassi I:

 

 

 

abjad u vjola

10 mm

10–16-il mm

16-il mm+ b’varjazzjoni massima ta’ 10 mm għal kull pakkett

Spraġ vjola fl-aħdar u aħdar

6 mm

6–12 mm

12-il mm+ b’varjazzjoni massima ta’ 8 mm għal kull pakkett

c)

Klassi II:

 

 

 

abjad u vjola

8 mm

 

L-ebda dispożizzjoni dwar l-uniformità

Spraġ vjola fl-aħdar u aħdar

6 mm

 

L-ebda dispożizzjoni dwar l-uniformità

Deskrizzjoni dwar il-materja prima tiegħu

Minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi (= l-estensjoni tal-Punent tal-klima Pannonjana) u t-tipi speċjali ta’ ħamrija (ħamrija tax-xatt tax-xmara, chernozem, kolluvjali u alluvjali, ilkoll b’kontenut għoli ta’ ħumus u proporzjonijiet differenti ta’ ramel u loess), il-‘Bund der Marchfelder Spargelgüter’ tirrakkomanda biss varjetajiet tal-ispraġ li huma partikolarment adattati għal din iż-żona ta’ tkabbir.

Bħalissa qed jintużaw jew jiġu rrakkomandati l-varjetajiet tal-ispraġ li ġejjin:

 

Ġermaniżi:

Ruhm von Braunschweig, Schwetzinger Meisterschuß, Huchels Auslese, Lukullus, Vulkan, Presto, Merkur, Hermes, Eposs, Ravel, Ramos

Varjetajiet ta’ spraġ aħdar (= ħielsa mill-antoċjanini): Spaganiva, Schneewittchen, Schneekopf.

 

Netherlandiżi:

Venlim, Carlim, Gijnlim, Boonlim, Backlim, Thielim, Horlim, Prelim, Grolim.

 

Franċiżi:

Larac, Cito, Aneto, Desto, Selection ‘Darbonne n°4’, Selection ‘Darbonne n°3’, Jacq. Ma. 2001, Jacq. Ma. 2002, Andreas, Dariana, Cipres, Viola,

 

Amerikani:

Mary Washington.

Deskrizzjoni tal-karatteristiċi li jiddistingwu l-prodott minn prodotti komparabbli:

 

f’termini tat-togħma:

Il-‘Marchfeldspargel’ huwa kkaratterizzat mill-aroma partikolarment tipika tiegħu tal-ispraġ. Minħabba li jintużaw biss varjetajiet ta’ spraġ li huma adattati tajjeb għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-ħamrija fir-reġjun ta’ Marchfeld, il-‘Marchfeldspargel’ fih inqas sustanzi morri.

Għandu wkoll inqas togħma ta’ injam. Raġuni: Aktar ma z-zkuk tal-ispraġ jinqatgħu twal matul il-ħsad, aktar wieħed joqrob lejn is-salvaġġ għudi. Il-‘Marchfeldspargel’ huwa iqsar mill-prodotti komparabbli.

 

f’termini tat-tul tar-rimjiet tal-ispraġ:

L-ispraġ vjola fl-aħdar u l-ispraġ aħdar ma għandux jaqbeż it-tul ta’ 25 cm. Il-prodotti simili huma 27 cm.

 

f’termini tal-produzzjoni:

Il-kundizzjonijiet favorevoli tal-produzzjoni jagħmel l-konformità mal-istandards ekoloġiċi faċli. Il-membri kollha tal-‘Bund der Marchfelder Spargelgüter’ joperaw skont il-Linji Gwida Integrati għall-Produzzjoni (Linji Gwida għall-produzzjoni integrata tal-ħxejjex fl-Awstrija) jew b’mod organiku. Il-produzzjoni ssir f’postijiet li jinsabu f’ċerta distanza minn xulxin sabiex ikunu jistgħu jiġu evitati infestazzjonijiet epidemjoloġiċi ta’ mard u pesti.

 

f’termini tad-distribuzzjoni:

Il-membri tal-‘Bund der Marchfelder Spargelgüter’ jistgħu jipprovdu prodotti friski tal-ispraġ kuljum lill-klijenti fl-Awstrija kollha permezz ta’ sistemi speċjali tat-trasport. Il-‘Marchfeldspargel’ huwa disponibbli kullimkien fl-Awstrija fi żmien 24 siegħa mill-ħsad.”

ġew issostitwiti bit-test li ġej:

“4.2.   Deskrizzjoni:

1.1.1.   Ġenerali

Iz-zkuk tal-ispraġ huma r-rimjiet tal-pjanta tal-ispraġ ‘Asparagus Officinalis L.’ u l-varjetajiet li ġew ikkultivati minnha. Il-‘Marchfeldspargel’ għandu aroma fina tipika tal-ispraġ. Id-denominazzjoni ‘Marchfeldspargel’ tirreferi għall-ispraġ frisk, imqaxxar jew mhux imqaxxar, bħala zkuk sħaħ jew fil-forma ta’ spraġ maqsum jew biċċiet ta’ spraġ.

1.1.2.   Karatteristiċi organolettiċi

Fil-klassijiet kollha, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali għal kull klassi u t-tolleranzi permessi, ir-rimjiet għandhom ikunu:

sħaħ (ħlief fil-każ tal-ispraġ maqsum jew il-biċċiet tal-ispraġ)

f’kundizzjoni tajba; il-prodotti li tant ikun tħassru jew iddeterjoraw li ma jibqgħux tajbin għall-konsum jiġu esklużi,

ħielsa minn ħsara kkawżata minn ħasil mhux xieraq (ir-rimjiet jistgħu jkunu nħaslu iżda mhux mgħaddsa fl-ilma),

nodfa, prattikament ħielsa minn kwalunkwe materjal barrani viżibbli,

jidhru friski,

ħielsa minn riħa jew togħma barranija

prattikament ħielsa minn pesti,

ħielsa minn ħsara minn rodituri jew insetti,

prattikament ħielsa minn tgħaffiġ u tbenġil,

mingħajr umdità esterna mhux normali, jiġifieri ‘mnixxfa’ kif xieraq jekk ikunu nħaslu jew tkessħu b’ilma kiesaħ,

Il-qasma f’qiegħ iz-zkuk għandha tkun nadifa.

Iz-zkuk tal-ispraġ ma għandhomx ikunu vojta minn ġewwa, maqsuma min-nofs, bil-qoxra tagħhom imneħħija (ħlief fejn l-ispraġ ikun se jiġi kkummerċjalizzat bħala mqaxxar) jew maqsuma (ħlief fejn ikun se jiġi kkummerċjalizzat bħala spraġ maqsum jew biċċiet tal-ispraġ).

It-togħma fina u delikata tal-ispraġ frisk tvarja skont il-varjetà u l-ħamrija. L-ispraġ abjad għandu l-ifjen aroma fost l-ispraġ. Aktar ma jkun qawwi l-kulur vjola sa aħdar tal-ispraġ, aktar tkun qawwija l-aroma tal-ispraġ.

Ir-rimjiet tal-ispraġ huma kklassifikati f’erba’ gruppi skont il-kulur:

1)

spraġ abjad;

2)

spraġ vjola: truf ta’ kulur bejn roża u vjola u zokk parzjalment abjad;

3)

spraġ vjola fl-aħdar: Spraġ b’kulur parzjalment vjola u aħdar;

4)

spraġ aħdar: it-truf u l-biċċa l-kbira taz-zokk huma ħodor.

1.1.3.   Id-daqs tal-ispraġ

It-tul tar-rimjiet għandu jkun:

aktar minn 17-il cm għall-ispraġ twil,

12-17-il cm għall-ispraġ qasir (= truf tal-ispraġ),

12-22 cm għall-ispraġ tal-klassi II irranġat, iżda mhux miġbur flimkien fi qtiegħi, f’pakketti,

anqas minn 12-il cm għall-irjus tal-ispraġ u għall-ispraġ maqsum jew għall-biċċiet tal-ispraġ

L-ispraġ abjad u vjola ma għandux jaqbeż it-22 cm, u l-ispraġ vjola fl-aħdar u aħdar ma għandux jaqbeż il-25 cm fit-tul. Hija permessa devjazzjoni massima fit-tul ta’ 1 cm għal 10 % tar-rimjiet tal-ispraġ fil-pakkett.

Id-dijametru u d-daqs minimi huma kif ġej:

Grupp tal-kulur

Dijametru minimu

Issortjar minimu

Daqs

a)

Klassi ‘Extra’:

 

 

 

abjad u vjola

12-il mm

12–16-il mm

16-il mm+ b’varjazzjoni massima ta’ 8 mm għal kull pakkett

spraġ vjola fl-aħdar u aħdar

10 mm

10–16-il mm

16-il mm+ b’varjazzjoni massima ta’ 8 mm għal kull pakkett

b)

Klassi I:

 

 

 

abjad u vjola

10 mm

10–16-il mm

16-il mm+ b’varjazzjoni massima ta’ 10 mm għal kull pakkett

Spraġ vjola fl-aħdar u aħdar

6 mm

6–12-il mm

12-il mm+ b’varjazzjoni massima ta’ 8 mm għal kull pakkett

c)

Klassi II:

 

 

 

abjad u vjola

8 mm

 

l-ebda dispożizzjoni dwar l-uniformità

spraġ vjola fl-aħdar u aħdar

6 mm

 

l-ebda dispożizzjoni dwar l-uniformità

Id-dijametru tar-rimjiet għandu jitkejjel fin-nofs tat-tul tagħhom.”

Dokument Uniku:

Is-sentenzi “Il-‘Marchfeldspargel’ jiġi kkummerċjalizzat frisk, imqaxxar jew mhux imqaxxar bħala zkuk sħaħ jew bħala spraġ maqsum jew biċċiet tal-ispraġ.” u “Iz-zkuk tal-ispraġ ma għandhomx ikunu vojta minn ġewwa, maqsuma min-nofs, bil-qoxra tagħhom imneħħija (ħlief fejn l-ispraġ ikun se jiġi kkummerċjalizzat bħala mqaxxar) jew maqsuma (ħlief fejn ikun se jiġi kkummerċjalizzat bħala spraġ maqsum jew biċċiet tal-ispraġ).” iddaħħlu wkoll fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku. Ir-referenza għall-fatt li z-zkuk tal-ispraġ iridu jkunu “sħaħ” tħassret.

Raġunijiet:

Il-parametri eżistenti ġew miġbura fil-qosor u inkorporati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott bħala l-varjanti l-ġodda tal-prodott “spraġ maqsum/biċċiet tal-ispraġ” u “Marchfeldspargel imqaxxar” fid-dawl tal-fatt li hemm domanda għal dawn il-prodotti fis-suq u li l-biċċiet tal-ispraġ mingħajr truf sa issa ma kinux imsemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, li jwassal għal inċertezzi fil-proċess ta’ kontroll. F’dan ir-rigward, ara r-raġunijiet għall-emendi fil-punt 4.5.

L-informazzjoni li tinsab fl-Anness 2 attwali li tiddeskrivi l-preżentazzjoni tal-ispraġ u dwar id-distribuzzjoni ġiet imċaqalqa mingħajr emenda għall-punt 4.5.3.3, u d-deskrizzjoni tal-materja prima fir-rigward tal-lista tal-varjetajiet u tal-varjetajiet ikkultivati ġiet imċaqalqa għall-punt 4.5. Id-deskrizzjoni tad-differenzi fil-metodi tal-produzzjoni fil-futur se tkun tinsab fil-punt 4.5.3. Id-deskrizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima tinsab fil-punt 4.6.

Żona ġeografika

Il-punt 5c tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

“c)

Żona ġeografika L-isem Marchfeld jirreferi għall-pjanura fertili fil-Lvant ta’ Vjenna bejn ix-xmajjar tad-Danubju u ta’ March. Hija demarkata fin-Nofsinhar mid-Danubju, fil-Lvant mill-March, fit-Tramuntana mill-Weinviertler Hügelland, u fil-Punent mill-perimetru tal-belt ta’ Vjenna.”

u l-Anness 2 , sa fejn jirreferi għall-punt 5c (“Żona ġeografika”),

“L-ispeċifikazzjoni taż-żona ġeografika fi kliem:

 

Il-Marchfeld:

L-isem ‘Marchfeld’ huwa wieħed qadim; jinsab f’dokument li jmur lura sal-1058 (Becker, Heimatkunde von Niederösterreich, H.II, p. 52). Jirreferi għall-pjanura fil-Lvant ta’ Vjenna bejn ix-xmajjar tad-Danubju u ta’ March.

Id-demarkazzjoni biż-żoni muniċipali hija kif ġej:

lejn il-Lvant:

il-March von Mannersdorf sal-estwarju (= il-fruntiera tal-istat);

lejn in-Nofsinhar:

id-Danubju minn Vjenna sal-estwarju ta’ March;

lejn il-Punent:

il-konfini tal-belt ta’ Vjenna, iżda l-irħajjel fil-periferija ta’ Eßling, Breitenlee, Süßenbrunn u Stammersdorf jappartjenu għall-Marchfeld, sa fejn għadu possibbli l-użu agrikolu hemmhekk;

lejn it-Tramuntana:

il-konfini tal-Weinviertler Hügelland. Minħabba li ż-żoni muniċipali fil-periferija tat-Tramuntana jappartjenu kemm għall-pjanura kif ukoll għall-għolja, il-post tal-irħajjel f’qiegħ it-tarf tal-għola huwa deċiżiv. Il-muniċipalitajiet li ġejjin fit-tarf tat-Tramuntana huma inklużi f’Marchfeld: Hagenbrunn, Königsbrunn, Enzersfeld, Großebersdorf, Eibesbrunn, Wolkersdorf, Obersdorf, Pillichsdorf, Großengersdorf, Bockfließ, Auersthal, Raggendorf, Matzen, Prottes, Ollersdorf u Mannersdorf/March.

It-tqassim skont l-unitajiet amministrattivi huwa kif ġej:

Provinċja:

Distrett:

Erja:

Il-popolazzjoni residenzjali:

Muniċipalitajiet:

L-Awstrija t’Isfel:

Gänserndorf

672 km2

39 655 abitant

44

L-Awstrija t’Isfel:

Mistelbach

96 km2

8 882 abitant

7

L-Awstrija t’Isfel:

Il-periferija ta’ Vjenna

186 km2

11 741 abitant

18

Vjenna:

(id-distretti li fil-passat kienu jinsabu barra)

43 km2

11 803 abitant

4

Total

 

997 km2

72 081 abitant

73  muniċipalità.

Mappa tal-Awstrija

Mappa dettaljata tal-konfini amministrattivi attwali (1955)”

ġew irriformulata b’dan il-mod:

“4.3   Żona ġeografika

L-isem ‘Marchfeld’ huwa wieħed qadim; jidher f’dokument li jmur lura sal-1058. Marchfeld jkopri żona ta’ madwar 1 041 km2 u jirreferi għall-pjanura fertili fil-Lvant ta’ Vjenna bejn ix-xmajjar tad-Danubju u ta’ March. Huwa demarkat fin-Nofsinhar mid-Danubju, fil-Lvant mill-March, fil-Punent mill-konfini tal-belt ta’ Vjenna (bl-eċċezzjoni tal-muniċipalitajiet katastali ta’ Vjenna ta’ Essling, Breitenlee, Süssenbrunn u Stammersdorf, li wkoll jiffurmaw parti mill-Marchfeld), u fit-Tramuntana mill-konfini tal-Punent u/jew tat-Tramuntana tal-muniċipalitajiet ta’ Hagenbrunn, Enzersfeld im Weinviertel, Großebersdorf, Wolkersdorf im Weinviertel, Auersthal, Matzen-Raggendorf, Prottes u Angern an der March.”

Dokument Uniku

Id-delimitazzjoni l-ġdida tal-Marchfeld ġiet adottata wkoll f’konformità mal-punt 4 tad-Dokument Uniku.

Raġunijiet:

Id-demarkazzjoni attwali tal-Marchfeld kienet saret kontradittorja u soġġetta għal interpretazzjoni bħala riżultat ta’ distinzjoni ambigwa bejn it-tipi differenti ta’ muniċipalitajiet (muniċipalitajiet katastali u lokali), is-separazzjoni tad-distrett fl-Awstrija t’Isfel ta’ Wien-Umgebung (il-periferija ta’ Vjenna) fl-2016, bidliet minuri oħra fil-fruntieri amministrattivi, u definizzjoni spazjali ġeneruża wisq tad-demarkazzjoni tat-Tramuntana. Il-formulazzjoni l-ġdida tevita dawn il-kontradizzjonijiet u tiddefinixxi ż-żona tat-tkabbir b’mod aktar preċiż, mingħajr ma tespandiha jew tillimitaha.

Id-differenza meta mqabbla maċ-ċifra attwali għaż-żona totali ta’ Marchfeld tista’ għalhekk tiġi spjegata mill-fatt li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott oriġinali tfasslet bl-użu ta’ valur imsemmi fil-letteratura li huwa differenti minn dak ikkalkulat fuq il-bażi tad-data individwali attwali tal-Provinċja tal-Awstrija t’Isfel, il-Belt ta’ Vjenna u Statistik Österreich.

L-inklużjoni ta’ data aġġornata dwar iż-żona u l-popolazzjoni residenzjali tal-unitajiet amministrattivi individwali ġiet abbandunata minħabba l-irrilevanza ta’ din id-data għad-demarkazzjoni taż-żona.

Prova tal-oriġini

It-test tal-punt 5d (“Prova tal-oriġini”) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali

“Marchfeld ilu sa mis-seklu 19 importanti għat-tkabbir tal-ispraġ; xi rziezet kienu jservu l-Palazz Irjali ta’ Vjenna. Il-Bund der Marchfelder Spargelgüter ilu jeżisti mill-1980. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Marchfeldspargel ilu jiġu kkummerċjalizzat b’tikketta uniformi.”

ġie mċaqlaq f’forma riveduta għall-punt 4.6. (“Rabta maż-żona ġeografika”). Issa ġie ssostitwit b’dispożizzjonijiet immirati biex jiżguraw it-traċċabbiltà:

“4.4.   Prova tal-oriġini

L-assoċjazzjoni applikanti żżomm lista ta’ rziezet li fiha huwa elenkat kull produttur/proċessur tal-IĠP ‘Marchfeldspargel’ fiż-żona ġeografika.

Il-lista tinkludi l-azjendi kollha li jipproduċu u jippakkjaw l-IĠP ‘Marchfeldspargel’ f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-Ispeċifikazzjoni, flimkien mad-dettalji li ġejjin:

Nru tar-Razzett

Isem tal-kumpanija

Indirizz tas-sit.

Sabiex jiġi rintraċċat il-fluss mill-ħsad u l-ipproċessar sal-bejgħ tal-IĠP ‘Marchfeldspargel’, kull razzett irid iżomm rekords/dokumenti preċiżi:

1.

Żoni taħt kultivazzjoni; Applikazzjoni multipla attwali tal-AMA mir-razzett bl-identifikazzjoni taż-żoni tal-ispraġ. Tintuża biex tipprova l-oqsma li huma koperti mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

2.

Produzzjoni maħsuda: Kull razzett irid iżomm rekords preċiżi tal-kwantitajiet maħsuda għal kull roqgħa art. Fi tmiem il-perjodu tal-ħsad, iridu jiġu indikati l-ħsad totali ta’ kull roqgħa art u fir-razzett u r-rendiment medju/ettaru.

3.

Volum tal-bejgħ: Kull razzett irid iżomm rekords preċiżi tal-kwantitajiet mibjugħa. Prova ta’ dan hija pprovduta permezz ta’ noti tal-kunsinna, fatturi, eċċ.; Irid ikun possibbli li dawn id-dokumenti jiġu kkonsultati/iċċekkjati f’kull mument. In-noti tal-kunsinna, fatturi, eċċ., u t-tikketta ta’ kull unità kkonsenjata għandhom jindikaw ir-razzett u numru tal-lott jew ir-razzett u data. Fi tmiem l-istaġun, irid jiġi ddeterminat il-fluss tal-prodott, li juri l-kwantitajiet maħsuda u mibjugħa.

4.

Xiri ta’ prodotti tal-IĠP: Jekk il-prodotti IĠP jinxtraw minn razzett ieħor, iridu jkunu ddokumentati b’mod preċiż b’noti tal-kunsinna, fatturi, eċċ., u għandu jkun possibbli li dawn jiġu kkonsultati/iċċekkjati f’kull mument.

5.

Ħtieġa li ssir distinzjoni bejn prodotti tal-IĠP u prodotti mhux tal-IĠP: Jekk prodotti mhux tal-IĠP ukoll jinħażnu, jiġu pproċessati jew jiġu ppakkjati fl-istabbiliment, iridu jiġu identifikati b’mod ċar u/jew ipproċessati jew ippakkjati separatament f’termini ta’ spazju u żmien. Irid ikun possibbli li tiġi kkonsultata/iċċekkjata d-dokumentazzjoni preċiża tax-xiri (in-nota tal-kunsinna, il-fattura, eċċ.) u tal-bejgħ (in-nota tal-kunsinna, il-fattura, eċċ.) f’kull mument.”

Raġunijiet:

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar it-traċċabbiltà fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali, issa qed jiġu stabbiliti r-rekwiżiti li jridu jiġu rispettati mill-azjendi agrikoli kollha li jipproduċu l-“Marchfeldspargel” f’konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott biex jiġi żgurat li l-fluss u r-rintraċċabbiltà tal-produttur ta’ kull unità tal-ippakkjar ikunu jistgħu jiġu vverifikati.

Metodu tal-produzzjoni

Il-punt 5e (“Metodu ta’ produzzjoni”) fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali

“Fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-klima/tal-ħamrija partikolari, jitkabbru biss varjetajiet magħżula. L-ispraġ, li jinħasad bir-reqqa bl-idejn, jitkessaħ immedjatament u jintgħażel b’mod preċiż, jiġi kkummerċjalizzat fl-Awstrija kollha fi żmien 24 siegħa.”

u l-Anness 2 , sa fejn jirreferi għall-punt 5e (“Metodu ta’ produzzjoni”),

“Il-produzzjoni tal-materja prima:

Minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi (= l-estensjoni tal-Punent tal-klima Pannonjana), it-tipi speċjali ta’ ħamrija (ħamrija tax-xatt tax-xmara, chernozem, kolluvjali u alluvjali, ilkoll b’kontenut għoli ta’ ħumus u proporzjonijiet differenti ta’ ramel u loess), u l-varjetajiet tal-ispraġ adattati (= rakkomandati) biss għal dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi, il-kundizzjonijiet tat-tkabbir joffru vantaġġi fuq żoni oħra tat-tkabbir.

Dan huwa wkoll minħabba li, fil-każ ta’ pjantaġġuni ġodda tal-ispraġ, jitqiesu l-karatteristiċi tas-sit. (= attenzjoni għall-kwalità tal-ħamrija, ventilazzjoni tajba tal-ħażniet, nuqqas ta’ akkumulazzjoni ta’ ċpar, pjantaġġuni ġodda orjentati skont il-kundizzjonijiet tar-riħ, eċċ., jiġifieri produzzjoni integrata).

In-newba tal-għelejjel ma toħloq l-ebda problema minħabba li ż-żona tal-produzzjoni għall-ispraġ (105 ettari fl-1995) hija negliġibbli meta mqabbla maż-żona totali tar-reġjun ta’ Marchfeld (997 km2). Għalhekk, l-ebda dekontaminazzjoni kimika tal-ħamrija, kif ipprattikata f’żoni ta’ produzzjoni intensiva, ma hija permessa. Lanqas ma huwa permess li titħawwel art li fuqha jiġi kkultivat l-ispraġ fejn ma jkunx possibbli li jiġi żgurat perjodu ta’ żmien suffiċjenti qabel ma titħawwel l-għalla li jmiss, jew fejn il-proċedura deskritta hawn fuq għal Marchfeld tidher li hija inutli.

Fil-prinċipju, l-art għandha titħalla mistrieħa b’kopertura veġetali għal sena jew sentejn qabel ma titħawwel għalla ġdida. Bħala regola ġenerali, it-tfannid isir qabel it-tħawwil.

In-nebbieta jinxtraw esklużivament minn negozji rikonoxxuti tat-tnissil tal-ispraġ, sakemm ma jiġux prodotti mir-razzett innifsu. It-tħawwil isir biss jekk il-kundizzjonijiet tal-ħamrija jkunu tajbin.

Linji gwida tal-produzzjoni għall-kultivazzjoni integrata tal-ispraġ: (= il-membri kollha tal-Bund der Marchfelder Spargelgüter joperaw il-produzzjoni tal-PI)

1.

Il-ġestjoni tal-ħamrija u n-newba tal-għelejjel - fejn jerġa’ jitħawwel l-ispraġ, irid jiġi osservat perjodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 10 snin.

2.

Provvista tan-nutrijenti

 

Nitroġenu

f’termini ta’ Nmin — valuri fil-mira

Bilanċ ta’ Nmin fit-tmiem tal-veġetazzjoni ta’ mass. ta’ 80 kg/ettaru f’0-90 cm.

L-ebda użu ta’ fertilizzant tan-nitroġenu fi pjantaġġuni produttivi qabel ma jitlesta t-tħaffir.

 

Fertilizzant tal-fosfru u tal-potassa

għall-klassijiet tal-kontenut tan-nutrijenti B u C, wara t-tneħħija mill-għalqa.

għall-kontenut tan-nutrijenti D, fertilizzazzjoni mnaqqsa.

għall-kontenut tan-nutrijenti E, l-ebda fertilizzazzjoni.

3.

Protezzjoni tal-għelejjel

Għandha tingħata preċedenza lill-varjetajiet li jittolleraw il-mard tal-weraq.

Iż-żona tal-għeruq ma għandhiex tinfaqa’ bl-ilma.

It-twissijiet reġjonali u l-kontrolli tal-ħażniet għandhom jiġu rrispettati.

Għandha tingħata preċedenza lill-applikazzjoni tal-miżuri bijotekniċi.

Għandha tingħata preċedenza lill-użu tal-metodi li jipproteġu l-organiżmi ta’ benefiċċju u li jaħdmu b’mod selettiv.

4.

Il-ħsad u l-ħżin — ipproċessar f’konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq.

Deskrizzjoni tal-proċess tal-manifattura/ipproċessar:

Fil-każ ta’ pjantaġġuni żviluppati sew, it-tħaffir (ħsad) jista’ jsir fuq medda ta’ 10 ijiem sa 14-il jum fit-tieni sena. Normalment, il-ħsad jibda biss fit-tielet sena u għandu jdum biss sal-1 ta’ Ġunju. Mir-raba’ sena ’l quddiem, it-tħaffir jista’ jibqa’ għaddej sal-24 ta’ Ġunju. B’kollox, madankollu, pjantaġġun ma għandux jinħasad għal aktar minn 8 snin.

Il-ħsad tal-ispraġ huwa impenjattiv ħafna. Kull zokk għandu jinqala’ mill-art manwalment u jinqata’ b’sikkina tal-ispraġ, u l-art imbagħad għandha terġa’ timtela, għal darba oħra bl-idejn. Dan jispjega wkoll il-prezz għoli ta’ din il-ħaxixa prezzjuża.

L-ispraġ jittieħed fir-razzett immedjatament wara l-ħsad u jitkessaħ bl-ilma bis-silġ (1–2 °C), jinqata’ (skont it-tul) u jintgħażel (skont id-dijametru), imbagħad jitqiegħed f’ħażna kiesħa (1–2 °C).

It-tul taz-zkuk tal-ispraġ ma għandux jaqbeż it-22 cm għall-grupp tal-kulur abjad u vjola, 25 cm għall-grupp tal-kulur aħdar fil-vjola u għall-ispraġ aħdar (normalment 27 cm). Dan jipprevjeni jew inaqqas l-kwalità tal-injam.

Imbagħad jinbiegħ mir-razzett jew jiġi ppakkjat fl-istess jum u jintbagħat madwar l-Awstrija għal skopijiet ta’ catering jew għall-kummerċ tal-ħxejjex.

Il-membri tal-Bund der Marchfelder Spargelgüter jistgħu jipprovdu prodotti friski tal-ispraġ kuljum lill-klijenti fl-Awstrija kollha permezz ta’ sistemi speċjali tat-trasport. Il-‘Marchfeldspargel’ huwa disponibbli kullimkien fl-Awstrija fi żmien 24 siegħa mill-ħsad.

L-ippakkjar tal-‘Marchfeldspargel’ isir biss b’materjali li jħarsu mill-umdità u mid-dawl, u li jistgħu jiġu ssiġillati.”

huma mqassra u emendati kif ġej:

“4.5.   Metodu tal-produzzjoni

4.5.1.   Know-how — Rekwiżiti tas-Sit/tal-Ħamrija

Il-kultivazzjoni tal-ispraġ issir f’postijiet li jinsabu f’ċerta distanza minn xulxin sabiex ikunu jistgħu jiġu evitati infestazzjonijiet epidemjoloġiċi ta’ mard u pesti.

Fil-każ ta’ pjantaġġuni ġodda, għandhom jitqiesu l-karatteristiċi tas-sit. Minbarra l-kwalità tal-ħamrija, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-possibbiltà ta’ ventilazzjoni tajba tal-ħażniet u l-kundizzjonijiet prevalenti tar-riħ.

Fejn jerġa’ jitħawwel l-ispraġ, irid jiġi osservat perjodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas 10 snin. Billi ż-żona tal-produzzjoni tal-‘Marchfeldspargel’ hija negliġibbli meta mqabbla mal-erja totali tar-reġjun ta’ Marchfeld, din in-newba tal-għelejjel ma toħloq l-ebda problema. Għalhekk, id-dekontaminazzjoni kimika tal-ħamrija, kif ipprattikata f’żoni ta’ produzzjoni intensiva, ma hijiex meħtieġa u lanqas ma hija permessa.

Sena jew sentejn qabel it-tħawwil ta’ għalla ġdida tal-ispraġ, tista’ tinżera’ għalla li tittiekel mhux misjura fl-għalqa. Jekk meħtieġ, it-tfannid isir qabel it-tħawwil.

4.5.2.   Varjetajiet

L-għażla tal-varjetajiet ma hijiex ristretta; madankollu, il-grupp applikanti jirrakkomanda li jiġu kkultivati biss dawk il-varjetajiet tal-ispraġ li huma partikolarment adattati għall-kultivazzjoni skont il-kundizzjonijiet klimatiċi partikolari prevalenti fir-reġjun ta’ Marchfeld (jiġifieri l-estensjoni tal-Punent tal-klima Pannonjana) jew fit-tipi speċjali ta’ ħamrija disponibbli (jiġifieri ħamrija tax-xatt tax-xmara, chernozem, kolluvjali u alluvjali b’livelli għoljin ta’ ħumus u livelli li jvarjaw ta’ ramel u loess).

Jintużaw il-varjetajiet tal-ispraġ li ġejjin, jew fi kwalunkwe każ huma rakkomandati:

Ġermaniżi: Ruhm von Braunschweig, Schwetzinger Meisterschuß, Huchels Auslese, Lukullus, Vulkan, Presto, Merkur, Hermes, Eposs, Ravel, Ramos, Ramires, Huchels Alpha, Hannibal, Mondeo, Rapsody, Ramada, Raffaelo, Violetta 1192

Varjetajiet speċifiċi Ġermaniżi ta’ spraġ aħdar (= ħielsa mill-antoċjanini): Spaganiva, Schneewittchen, Schneekopf, Viridas, Primaverde, Ariane, Steiniva, Steineo

Netherlandiżi: Venlim, Carlim, Gijnlim, Boonlim, Backlim, Thielim, Horlim, Prelim, Grolim, Vitalim, Herkolim, Avalim, Cumulus, Magnus, Tallems, Fortems, Primems, Cygnus, Bejo 2827, Portlim, Frühlim, Terralim, Cychus, Prius, Finalus, Sunlim, Erasmus, Atticus, Maxlim, Starlim, Aspalim

Varjetajiet speċifiċi Netherlandiżi ta’ spraġ aħdar (= ħielsa mill-antoċjanini): Xenolim, Vegalim, Bacchus

Franċiżi: Larac, Cito, Aneto, Desto, Selection ‘Darbonne n°4’, Selection ‘Darbonne n°3’, Jacq.Ma.2001, Jacq.Ma.2002, Viola, Andreas, Dariana, Cipres, Darsiane, Darlise, Voltaire, Obelisk, Burgundine

Varjetajiet Spanjoli: Placosesp, Dazilla, Darbella

Varjetajiet Taljani: Ercole, Franco, Eros, Giove, Violetto di Albegna

Varjetajiet tal-Istati Uniti tal-Amerka: Mary Washington

Varjetajiet Kanadiżi: Guelph Millenium

Kwalunkwe lista aġġornata ta’ varjetajiet tista’ tinkiseb mill-assoċjazzjoni li tamministra l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Jekk ma jiġix prodott mir-razzett innifsu, l-istokk tat-tħawwil irid jinkiseb esklużivament minn stabbilimenti rikonoxxuti tat-tnissil tal-ispraġ irreġistrati bħala tali fi Stat Membru tal-UE.

4.5.3.   Produzzjoni

Il-produzzjoni organika (farms b’ċertifikazzjoni BIO) jew ir-rekwiżiti definiti fil-punt 4.5.3.1. iridu jiġu rrispettati mill-farms kollha.

4.5.3.1.   Provvista tan-nutrijenti u protezzjoni tal-pjanti

Il-valuri li ġejjin iridu jiġu rrispettati bħala alternattiva għar-rekwiżiti għall-kisba ta’ ċertifikazzjoni organika:

 

Provvista tan-nutrijenti

 

Nitroġenu

f’termini ta’ Nmin — valuri fil-mira

Bilanċ ta’ Nmin fit-tmiem tal-veġetazzjoni ta’ mass. ta’ 80 kg/ettaru f’0-90 cm

L-ebda użu ta’ fertilizzant tan-nitroġenu fi pjantaġġuni produttivi qabel ma jitlesta t-tħaffir

 

Fertilizzant tal-fosfru u tal-potassa

għall-klassijiet tal-kontenut tan-nutrijenti B u C, wara t-tneħħija mill-għalqa

għall-kontenut tan-nutrijenti D, fertilizzazzjoni mnaqqsa.

għall-kontenut tan-nutrijenti E, l-ebda fertilizzazzjoni.

 

Protezzjoni tal-għelejjel

Sabiex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet għall-kultivazzjoni tal-Marchfeldspargel, għandhom jiġu osservati l-parametri li ġejjin:

Għandha tingħata preċedenza lill-varjetajiet li jittolleraw il-mard tal-weraq

iż-żona tal-għeruq ma għandhiex tinfaqa’ bl-ilma.

it-twissijiet reġjonali u l-kontrolli tal-ħażniet għandhom jiġu rrispettati

għandha tingħata preċedenza lill-applikazzjoni tal-miżuri bijotekniċi.

għandha tingħata preċedenza lill-użu tal-metodi li jipproteġu l-organiżmi ta’ benefiċċju u li jaħdmu b’mod selettiv.

4.5.3.2.   Il-ħsad/l-ipproċessar:

Fil-każ ta’ pjantaġġuni żviluppati sew, it-tħaffir (ħsad) jista’ jsir fuq medda ta’ 10 ijiem sa 14-il jum fit-tieni sena. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-ħsad jibda biss fit-tielet sena u jrid idum biss sal-1 ta’ Ġunju. Mir-raba’ sena ’l quddiem, it-tħaffir jista’ jibqa’ għaddej sal-24 ta’ Ġunju. Pjantaġġun ma għandux jinħasad għal aktar minn 8 snin b’kollox.

Il-ħsad tal-ispraġ huwa impenjattiv ħafna. Kull zokk individwali jrid jinqala’ mill-art u jinqata’ b’sikkina tal-ispraġ. Imbagħad l-art għandha terġa’ timtela bl-idejn.

L-ispraġ jittieħed fir-razzett immedjatament wara l-ħsad u jitkessaħ bl-ilma kiesaħ (1–8 °C), jinqata’ (skont it-tul) u jintgħażel (skont id-dijametru), imbagħad jitqiegħed f’ħażna kiesħa (1–8 °C).

Fil-każ tal-Marchfeldspargel imqaxxar, iz-zkuk li jkunu għadhom kif inħasdu jitqaxxru f’direzzjoni ’l isfel minn madwar 2–3 cm taħt ir-ras tal-ispraġ bl-użu ta’ tagħmir tat-tqaxxir/sikkina. L-ebda fdal viżibbli tal-qoxra ma għandu jitħalla fuq iz-zokk tal-ispraġ.

Iz-zkuk maqsuma tal-ispraġ jistgħu jiġu ppreżentati wkoll għall-bejgħ bħala spraġ maqsum imqaxxar jew biċċiet tal-ispraġ imqaxxar.

Il-produtturi tal-IĠP ‘Marchfeldspargel’ irid ikollhom ċertifikat GRASP validu (livell ta’ konformità: konformi bis-sħiħ) sabiex ibigħu jew jikkummerċjalizzaw l-IĠP ‘Marchfeldspargel’.

4.5.3.3.   Imballaġġ u preżentazzjoni

L-IĠP ‘Marchfeldspargel’ tinbiegħ jew friska mir-razzett jew tiġi ppakkjata u tintbagħat fl-istess jum; l-istadji kollha tal-produzzjoni (inkluż it-tqaxxir) u l-ippakkjar sussegwenti jridu jsiru fiż-żona ġeografika. L-ippakkjar tal-‘Marchfeldspargel’ (mhux imqaxxar, imqaxxar u maqsum/f’biċċiet) isir biss b’materjali li jħarsu mill-umdità u mid-dawl, u li jistgħu jiġu ssiġillati. Madankollu, varjazzjonijiet f’konformità max-xewqat tal-klijent huma permissibbli.

Il-kontenut ta’ kull pakkett jew qatgħa f’pakkett irid ikun uniformi u jkun fih biss spraġ tal-istess oriġini, kwalità, grupp ta’ kulur u, fejn ikun meħtieġ il-kejl tad-daqs, daqs. Il-parti tal-kontenut tal-pakkett jew qatgħa li tkun tidher għandha tkun rappreżentattiva tat-total.

Ir-rimjiet fuq in-naħa ta’ barra tal-qatgħa jridu jikkorrispondu fid-dehra u d-dijametru mal-medja tal-qatgħa kollha. Ir-rimjiet iridu jkunu tal-istess tul. Il-qtiegħi iridu jiġu rranġati regolarment fil-pakkett u jkunu ta’ piż u tul ugwali; kull qatgħa tista’ tkun protetta bil-karta.

Is-sistemi speċjali tat-trasport jiżguraw li l-‘Marchfeldspargel’ huwa disponibbli kullimkien fl-Awstrija fi żmien 24 siegħa mill-ħsad.”

Dokument Uniku:

Is-sentenzi “L-għażla tal-varjetajiet ma hijiex ristretta, iżda l-grupp applikanti jirrakkomanda li jiġu kkultivati biss il-varjetajiet tal-ispraġ li wrew li huma adattati għall-kundizzjonijiet prevalenti f’Marchfeld. Il-varjetajiet tal-ispraġ li ġejjin jintużaw, jew fi kwalunkwe każ huma rakkomandati:” ġew miżjuda mal-punt 3.2 tad-Dokument Uniku taħt is-sottopunt “Varjetajiet:”. Fl-istess ħin, il-lista eżistenti tal-varjetajiet rakkomandati ġiet sostitwita bil-lista aġġornata fil-punt 4.5.2. tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Jiddaħħlu r-rekwiżiti li ġejjin, ukoll f’konformità mal-punt 3.2.:

“jekk ma jiġix prodott mill-bidwi nnifsu, l-istokk tat-tħawwil irid jinkiseb esklużivament minn stabbilimenti rikonoxxuti tat-tnissil tal-ispraġ, li jridu jkunu rreġistrati bħala tali fi Stat Membru tal-UE.

il-kriterji għall-produzzjoni organika jew, alternattivament, il-kriterji tal-provvista tan-nutrijenti u tal-protezzjoni tal-pjanti definiti fil-punt 4.5.3.1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iridu jiġu rrispettati, u

l-produtturi tal-IĠP ‘Marchfeldspargel’ irid ikollhom ċertifikat GRASP validu (livell ta’ konformità: konformi bis-sħiħ) sabiex ibigħu jew jikkummerċjalizzaw l-IĠP ‘Marchfeldspargel’.”

Il-punt 3.4 tad-Dokument Uniku jiddikjara li l-istadji kollha tal-produzzjoni, inkluż kwalunkwe tqaxxir tal-ispraġ, iridu jsiru fiż-żona ġeografika.

Fl-ewwel paragrafu tal-punt 3.5 tad-Dokument Uniku attwali, is-sentenza

“L-IĠP ‘Marchfeldspargel’ tinbiegħ jew friska mir-razzett jew tiġi ppakkjata u tintbagħat fl-istess jum; fid-dawl ta’ dawn l-iskedi ta’ żmien, u sabiex tinżamm il-kwalità tal-ispraġ, b’mod partikolari l-freskezza u t-tenerezza tiegħu, l-ippakkjar irid isir fiż-żona ġeografika.”

hija ssupplimentata u l-aħħar sentenza

“L-ispraġ jista’ jiġi ppakkjat b’materjali li jħarsu mill-umdità u mid-dawl, u li jistgħu jiġu ssiġillati.”

hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-ispraġ irid jiġi ppakkjat b’materjali li jħarsu mill-umdità u mid-dawl, u li jistgħu jiġu ssiġillati. Madankollu, varjazzjonijiet f’konformità max-xewqat tal-klijent huma permissibbli.”

Raġunijiet:

It-test attwali fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fl-Anness 2, sa fejn jirrigwarda l-proċess ta’ produzzjoni, ġie mqassar u ristrutturat. It-test fl-Anness 2 relatat mal-punt 5b (“Deskrizzjoni li tikkonċerna d-differenzi fil-metodi tal-produzzjoni”) dwar l-uniformità u l-preżentazzjoni u dwar id-distribuzzjoni wkoll jiddaħħal hawnhekk. Ma saret l-ebda bidla fis-sustanza, ħlief fir-rigward tal-punti li ġejjin:

Varjetajiet ittollerati: Fil-verżjoni attwali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, il-varjetajiet permessi ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti iżda sempliċiment bħala lista ta’ varjetajiet rakkomandati minħabba li huma adattati għaż-żona u jiżguraw li tingħata t-tenerezza u n-nuqqas ta’ mrar mixtieqa. Madankollu, il-formulazzjoni tad-diversi partijiet tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’dan ir-rigward ripetutament tat lok għal interpretazzjonijiet differenti. Fil-fatt, fil-prattika dawn il-varjetajiet biss kienu mkabbra. Għal finijiet ta’ ċarezza fit-twettiq tal-kontrolli, din il-lista ġiet issupplimentata fl-2002 u issa għandha terġa’ tiġi adattata. Dawn li ġejjin huma elenkati bħala varjetajiet ġodda:

Ramires, Huchels Alpha, Hannibal, Mondeo, Rapsody, Ramada, Raffaelo, Violetta 1192, Viridas, Primaverde, Ariane, Steiniva, Steineo, Vitalim, Herkolim, Avalim, Cumulus, Magnus, Tallems, Fortems, Primems, Cygnus, Bejo 2827, Portlim, Frühlim, Terralim, Cychus, Prius, Finalus, Sunlim, Erasmus, Atticus, Maxlim, Starlim, Aspalim, Xenolim, Vegalim, Bacchus, Darsiane, Darlise, Voltaire, Obelisk, Burgundine, Placosesp, Dazilla, Darbella, Ercole, Franco, Eros, Giove, Violetto di Albegna u Guelph Millenium.

Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-objettivi tat-tnissil għall-varjetajiet il-ġodda kollha mill-aħħar tas-snin disgħin ’l hawn kienu ffukati fuq it-tenerezza u fuq ammont inqas ta’ sustanzi morri, għandu fl-istess ħin jiġi speċifikat li l-għażla tal-varjetajiet ma hijiex limitata għal dik il-lista ta’ varjetajiet, iżda hija miftuħa. Din il-lista fiha varjetajiet rakkomandati mill-grupp applikant fuq il-bażi tal-esperjenza prattika, iżda ma teskludix l-użu ta’ varjetajiet oħra. Dan mhux mistenni li jirriżulta f’deterjorament fil-kwalità tal-prodott f’termini tas-sensittività u l-livell ta’ sustanzi morri. L-għażla ta’ varjetajiet xierqa hija f’idejn il-produttur. Qabel ma jitqiegħed fis-suq, l-ispraġ jiġi ċċekkjat mill-korp ta’ kontroll u jista’ jkollu l-isem protett tal-IĠP “Marchfeldspargel” biss jekk jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità ddikjarati. Barra minn hekk, minħabba li l-ispraġ huwa għalla pluriennali li ma tistax tinħasad qabel it-tielet sena, ir-riskju li l-produtturi jaċċettaw b’mod intenzjonat tnaqqis fil-kwalità li jista’ jżommhom milli jikkummerċjalizzaw il-prodott tagħhom taħt l-isem protett għal diversi snin jista’ jitqies li huwa baxx.

Il-linji gwida tal-produzzjoni għall-kultivazzjoni integrata (PI) tal-ispraġ ġew issostitwiti bir-Regolament Speċjali dwar il-programm Awstrijak għall-agrikoltura li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent (ÖPUL). Konsegwentement, il-PI ma għadhomx validi. Għalhekk kien neċessarju li titħassar ir-referenza għall-IPs. Billi r-rekwiżiti tal-PI dwar il-provvista tan-nutrijenti u l-fertilizzazzjoni bil-fosfru u l-potassa għadhom iridu jiġu rrispettati bħala alternattiva għar-rekwiżiti għall-produzzjoni organika, dawn issa ġew inklużi separatament fil-punt 4.5.3.1. tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Il-konformità mal-kriterji għall-produzzjoni organika jew dawk definiti ulterjorment fil-punt 4.5.3.1 fir-rigward tal-provvista tan-nutrijenti u l-protezzjoni tal-pjanti tiggarantixxi lill-konsumaturi mhux biss l-aqwa kwalità iżda wkoll produzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.

Forom ġodda tas-suq: Bħala riżultat tal-bidliet fid-domanda tal-konsumaturi, l-IĠP “Marchfeldspargel” tista’ tiġi kkummerċjalizzata wkoll bħala spraġ maqsum jew biċċiet tal-ispraġ (jiġifieri frammenti bir-ras tal-ispraġ jew mingħajrha) u f’forma mqaxxra (iz-zkuk sħaħ u l-biċċiet jistgħu jitqaxxru). Il-karatteristiċi assoċjati mad-denominazzjoni “Marchfeldspargel” f’għajnejn il-konsumaturi jibqgħu mhux affettwati mit-tqaxxir jew mill-fatt li z-zkuk jinqasmu. Għal xi platti, il-prodotti tal-ispraġ offruti bi prezzijiet orħos huma mitluba speċifikament. L-inklużjoni ta’ dawn il-biċċiet taħt l-indikazzjoni tal-oriġini protetta żżid iċ-ċertezza għall-konsumaturi li huma fil-fatt qed jingħataw spraġ ta’ kwalità għolja f’dan is-segment tal-prodott ukoll, u tippermetti lill-produtturi jbigħu proporzjon akbar mill-ħsad tagħhom taħt kundizzjonijiet ikkontrollati.

Il-produtturi tal-IĠP “Marchfeldspargel” huma konxji mir-responsabbiltà tagħhom lejn il-klijenti u l-impjegati u għar-reputazzjoni tal-prodott. Għal din ir-raġuni, kif ukoll f’konformità max-xewqat tal-konsumaturi, il-benesseri u d-drittijiet tal-impjegati (il-ħaddiema permanenti u dawk staġunali) huma ggarantiti permezz taċ-ċertifikazzjoni GRASP (GlobalGAP Risk Assessment on Social Practice). Il-GRASP hija modulu addizzjonali ta’ ċertifikazzjoni li jivvaluta r-riskju għall-benesseri tal-ħaddiema.

Ippakkjar: Ir-rekwiżiti f’dan ir-rigward huma ċċarati mingħajr ma huma imposti rekwiżiti addizzjonali. Ir-restrizzjoni stretta attwali dwar l-użu ta’ materjali ta’ ppakkjar li jħarsu mill-umdità u mid-dawl, u li jistgħu jiġu ssiġillati, tneħħiet (tħassir tal-kelma “esklużivament”), u għandha tkun permessa devjazzjoni minn dan fil-futur.

Fil-futur se jkun stipulat l-użu ta’ ilma kiesaħ f’temperatura ta’ 1–8 °C għat-tkessiħ tal-ispraġ wara l-ħsad minflok tal-ilma bis-silġ (1-2 °C). L-ilma bis-silġ jisħon relattivament malajr ladarba l-ispraġ sħun jitqiegħed fih u jibqa’ hemm għal perjodu itwal. Konsegwentement, ġiet stabbilita medda ta’ tolleranza għat-temperatura tal-ilma għal raġunijiet prattiċi. Dan għandu wkoll impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-Marchfeldspargel, peress li jistgħu jifformaw qasmiet fl-ispraġ, li jkollhom impatt negattiv fuq id-dehra tiegħu, jekk dan jitħalla għal ħin twil wisq f’temperatura kiesħa. Għall-istess raġunijiet, it-temperatura fil-maħżen imkessaħ inbidlet minn 1–2 °C għal 1–8 °C.

L-implimentazzjoni tal-istadji tal-produzzjoni fiż-żona ġeografika biss isservi biex tinżamm il-kwalità u tiġi żgurata l-oriġini reġjonali. Sabiex tkun żgurata l-kwalità tal-ispraġ, l-umidifikazzjoni permanenti għandha tkun żgurata waqt l-ipproċessar. Dan ma jistax jibqa’ jiġi garantit fil-każ ta’ ħinijiet ta’ vvjaġġar twal. Huwa għalhekk essenzjali li t-tkessiħ u l-ippakkjar isiru fiż-żona ġeografika. Jekk ir-rotot tat-trasport ikunu twal wisq, jiġifieri lil hinn miż-żona ddefinita, il-prodott inevitabbilment ikun aktar imnixxef. Dan jirriżulta f’telf ta’ kwalità f’termini tad-dehra friska tipika tal-ispraġ frisk maħsud u l-aroma tipika tal-ispraġ. Il-freskezza tal-prodott tipprevjeni wkoll it-telf tal-vitamini.

Rabta maż-żona ġeografika

Il-punt 5f tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

“Ir-reġjun ta’ Marchfeld jinsab fl-estensjoni tal-Punent tal-klima tal-isteppa Pannonjana. Dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi, flimkien mat-tipi speċifiċi ta’ ħamrija (tax-xatt tax-xmara, chernozem, kolluvjali u alluvjali b’livelli għoljin ta’ ħumus u livelli li jvarjaw ta’ trab ġulġlieni u loess) jiffurmaw il-kombinazzjoni perfetta għall-kultivazzjoni tal-ispraġ.”

u l-Anness 2 , sa fejn jirreferi għall-punt 5f (“Rabta maż-żona ġeografika”),

“L-influwenza tal-ħamrija, il-klima u l-esperjenza twila tal-bdiewa reġjonali tal-ispraġ fuq il-prodott ta’ ‘Marchfeldspargel’:

Kif diġà ssemma, ir-reġjun ta’ Marchfeld għandu kundizzjonijiet speċifiċi tal-ħamrija, bil-preżenza, b’mod partikolari, ta’ ħamrija tax-xatt tax-xmara, chernozem, kolluvjali u alluvjali li lkoll għandhom livelli għoljin ta’ ħumus u livelli li jvarjaw ta’ ramel u loess.

Ir-reġjun huwa kkaratterizzat ukoll minn kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi, billi Marchfeld hija parti mill-estensjoni tal-Punent tal-klima Pannonjana. Flimkien max-Xlokk ta’ Steiermark, dan ir-reġjun għandu l-ogħla numru ta’ sigħat ta’ xemx fl-Awstrija kollha. Barra minn hekk, Marchfeld huwa wieħed mir-reġjuni l-aktar sħan tal-Awstrija. It-temperaturi medji għoljin, b’umdità ġeneralment suffiċjenti, jagħtu lok għal kundizzjoni favorevoli ħafna għall-produzzjoni tal-għelejjel, speċjalment peress li l-istaġun tat-tkabbir f’Marchfeld huwa wieħed mill-itwal fl-Awstrija.

Il-fatt li dawn il-kundizzjonijiet huma ideali għall-pjanti tal-ispraġ huwa muri wkoll mill-fatt li l-ispraġ selvaġġ huwa nattiv hawnhekk.

Minbarra dawn il-kundizzjonijiet ideali tat-tkabbir, huma l-kultivaturi tal-ispraġ tar-reġjun li ‘jarrikkixxu’ l-prodott f’‘Marchfeldspargel’.

Abbażi tal-esperjenza twila (= provi tal-kultivazzjoni), huma rakkomandati biss il-varjetajiet li huma l-aktar adattati għal dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi tat-tkabbir (ara d-deskrizzjoni għall-materja prima).

Il-membri kollha tal-Bund der Marchfelder Spargelgüter jipproduċu l-ispraġ f'konformità mal-linji gwida għall-produzzjoni PI u/jew il-produzzjoni organika. Dan jiggarantixxi li l-prodott maħsud jkun tal-aħjar kwalità interna.

Il-‘Marchfeldspargel’ huwa kkaratterizzat mill-aroma partikolarment tipika tiegħu tal-ispraġ.

Fih inqas sustanzi morri u huwa partikolarment tari.

Immedjatament wara l-ħsad, l-ispraġ jitkessaħ bl-ilma tas-silġ, jintgħażel u jinħażen fil-maħżen imkessaħ.

L-għażla speċifika personalizzata (eż. Marchfelder Solospargel, iddisinjat għall-industrija tal-catering, b’dijametru minimu ta’ 20 mm u devjazzjoni massima ta’ 6 mm għal kull pakkett; ara r-rapporti fil-media) u d-distribuzzjoni madwar l-Awstrija kollha fi żmien 24 siegħa jikkonkludu s-suċċess tal-‘Marchfeldspargel’ (ara r-rapporti fil-media).

Il-fatt li l-‘Marchfeldspargel’ issa huwa assoċjat ma’ ċerta tradizzjoni huwa wkoll evidenti minn diversi riċetti għat-torti, ix-xorb u l-prodotti moħmija, eċċ., li fihom il-‘Marchfeldspargel’ (ara r-rapporti fil-media).

Il-ftuħ tal-istaġun tal-‘Marchfeldspargel’ mill-President Federali, l-inkoronazzjoni tar-Reġina tal-‘Marchfeldspargel’ mill-Kanċillier Federali, il-Kampjonat Dinji tal-Ispraġ f’Marchfeld, il-festival tal-ispraġ u, l-aħħar iżda mhux l-inqas, il-ġimgħat tal-ispraġ organizzati fir-ristoranti (madwar l-Awstrija kollha) juru li l-‘Marchfeldspargel’ sar kunċett uniku (ara r-rapporti fil-media).”

ġew sostitwiti bi:

“4.6   Rabta maż-żona ġeografika

Il-Marchfeld għandu kundizzjonijiet speċifiċi tal-ħamrija li huma ideali għat-tkabbir tal-ispraġ. B’mod partikolari, il-ħamrija chernozem, kolluvjali u alluvjali, li lkoll għandhom livelli għoljin ta’ ħumus u livelli li jvarjaw ta’ ramel u loess, huma preżenti fir-reġjun. Il-kundizzjonijiet klimatiċi tiegħu wkoll huma distintivi. Ir-reġjun ta’ Marchfeld huwa kkaratterizzat mis-sitwazzjoni tiegħu fl-estensjoni tal-Punent tal-klima Pannonjana u, flimkien max-Xlokk ta’ Steiermark, għandu l-ogħla numru ta’ sigħat ta’ xemx fl-Awstrija kollha. Barra minn hekk, Marchfeld huwa waħda miż-żoni l-aktar sħan tal-Awstrija. It-temperaturi medji għoljin, b’umdità ġeneralment suffiċjenti, jagħtu lok għal kundizzjoni favorevoli ħafna għall-produzzjoni tal-għelejjel, speċjalment peress li l-istaġun tat-tkabbir f’Marchfeld huwa wieħed mill-itwal fl-Awstrija.

Il-fatt li dawn il-kundizzjonijiet tal-klima u tal-ħamrija huma ideali għall-pjanti tal-ispraġ huwa muri wkoll mill-fatt li l-ispraġ selvaġġ huwa nattiv hawnhekk.

Minbarra dawn il-kundizzjonijiet tat-tkabbir favorevoli, huma l-kultivaturi tal-ispraġ tar-reġjun li ‘jarrikkixxu’ l-prodott f’‘Marchfeldspargel’. Abbażi tal-esperjenza twila (provi tal-kultivazzjoni), huma rakkomandati biss il-varjetajiet l-aktar adattati għal dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni li, bħala riżultat tal-kultivazzjoni tagħhom u l-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima, ftit jiżviluppaw sustanzi morri. Il-kultivaturi tal-ispraġ qablu wkoll fuq tul iqsar taz-zkuk tal-ispraġ, u deliberatament qegħdin jaqtgħuhom aktar ’il bogħod mis-salvaġġ, li jikkontribwixxi għal karatteristika ta’ njam komparattivament aktar baxxa. Il-‘Marchfeldspargel’ huwa magħruf ħafna għat-tenerezza partikolari tiegħu.

‘Marchfeld ilu sa mis-seklu 19 importanti ħafna għat-tkabbir tal-ispraġ; xi rziezet kienu jservu l-Palazz Irjali ta’ Vjenna. Firxa wiesgħa ta’ riċetti varji għat-torti, ix-xorb u l-prodotti moħmija, eċċ., li fihom il-‘Marchfeldspargel’ turi t-tradizzjoni twila tal-prodott.

Bosta avvenimenti soċjali, bħall-ftuħ tal-istaġun tal-‘Marchfeldspargel’ mill-President Federali, l-inkurunazzjoni tar-Reġina tal-‘Marchfeldspargel’ mill-Kanċillier Federali, il-Kampjonat Dinji tal-Ispraġ f’Marchfeld, il-festival tal-ispraġ u, l-aħħar iżda mhux l-inqas, il-ġimgħat tal-ispraġ organizzati fir-restoranti (madwar l-Awstrija kollha) li jesebixxu l-IĠP ‘Marchfeldspargel’ juru li l-IĠP ‘Marchfeldspargel’ hija kunċett uniku b’reputazzjoni estensiva u sinifikanza sentimentali ewlenija.”

Dokument Uniku:

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku jibda bi kjarifika tal-fatturi li huma essenzjali għar-rabta; imbagħad is-sentenzi

“L-esperjenza twila tal-bdiewa tal-‘Marchfeldspargel’ tgħin biex jiġi żgurat li jiġu kkultivati biss il-varjetajiet l-aktar adattati għall-kundizzjonijiet tal-produzzjoni. Minħabba li l-varjetajiet ta’ spraġ li jintużaw huma adattati tajjeb għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-ħamrija fir-reġjun ta’ Marchfeld, il-‘Marchfeldspargel’ fih inqas sustanzi morri.”

huma sostitwiti b’dan li ġej:

“L-esperjenza twila tal-bdiewa tal-‘Marchfeldspargel’ tgħin biex tiżgura li jkunu rakkomandati biss il-varjetajiet l-aktar adattati għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni u li, bħala riżultat tal-kultivazzjoni tagħhom u l-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima, ftit jiżviluppaw sustanzi morri.”

L-ispjegazzjonijiet dwar ir-reputazzjoni tal-“Marchfeldspargel” huma ssupplimentati.

Raġunijiet:

Ir-referenzi storiċi li oriġinarjament kienu jinsabu fil-punt 5d (“Prova tal-oriġini”) issa ġew inkorporati fil-punt 4.6. (“Rabta maż-żona ġeografika”) u ngħaqdu mat-test attwali dwar il-kundizzjonijiet rilevanti tal-klima u tal-ħamrija tar-reġjun ta’ Marchfeld u l-fatturi umani li jaffettwaw il-kwalità tal-prodott f’test wieħed. Dan ma jinvolvi l-ebda bidla fis-sustanza. Ir-referenza għall-prattika li z-zkuk tal-ispraġ jinqatgħu aktar ’il bogħod mis-salvaġġ għudi jew li jinqatgħu iqsar milli hu normali għall-prodotti komparabbli ttieħdet mill-Anness 2 għall-punt 5b (jiġifieri t-test li jiddeskrivi l-karatteristiċi li jiddistingwu l-“Marchfeldspargel” minn prodotti komparabbli).

Tikkettar

Il-verżjoni oriġinali tal-punt 5h tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tgħid hekk:

“Id-denominazzjoni protetta ‘Marchfeldspargel’, l-isem tal-manifattur, l-indirizz, il-grupp tal-kulur, il-klassi, l-għażla, il-piż”

Dan ġie ssostitwit b’dan li ġej:

“5.   Tikkettar

Minbarra l-marki obbligatorji meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, kull unità ppakkjata lesta għall-bejgħ għandu jkollha fuqha, b’mod li jinqara b’mod ċar u li ma jitħassarx, l-isem u l-indirizz tal-produttur, il-grupp tal-kulur, il-klassi, il-gradazzjoni u l-piż, minbarra n-numru tal-lott jew id-data.”

Dokument Uniku:

L-istruzzjonijiet dettaljati dwar it-tikkettar ġew inklużi wkoll fil-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

Raġunijiet:

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u għat-titjib tal-informazzjoni dwar il-klijenti, huwa stipulat b’mod espliċitu li l-informazzjoni addizzjonali trid tkun ċara u tinqara b’mod ċar u titqiegħed f’post prominenti għall-klijenti fuq kull unità lesta għall-bejgħ.

Oħrajn

L-isem tal-grupp applikant inbidel għal “Verein Marchfeldspargel g.g.A”.

Fil-punt 6 (“Korp ta’ kontroll”), l-indirizz tal-korp ta’ kontroll huwa kkoreġut u l-kompiti tiegħu huma ddefiniti kif ġej:

“Verifika tal-karatteristiċi tal-prodott u d-dokumenti u l-evidenza tal-plawżibbiltà u l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fil-punt 4.4 (“Prova tal-oriġini”).

Tip ta’ prodott

Ir-referenza għall-“ħxejjex” fil-punt 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali (“Tip ta’ prodott”) ġiet issostitwita bit-test li ġej li jikkorrispondi għan-nomenklatura fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014:

“4.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati.”

Għalhekk, bidla fil-prodott hija xierqa biss sa fejn il-“Marchfeldspargel” issa jinbiegħ parzjalment f’forma mqaxxra.

Ir-referenza għall-Kodiċi Alimentarius Austriacus fil-punt attwali dwar ir-“Rekwiżiti nazzjonali” tneħħiet peress li ġeneralment għandha tiġi rrispettata irrispettivament minn jekk hijiex imsemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, speċjalment fid-dawl tal-fatt li dan il-punt ma għadux jitqies bħala kontenut meħtieġ fi Speċifikazzjoni tal-Prodott.

DOKUMENT UNIKU

“Marchfeldspargel”

Nru tal-UE: PGI-AT-1462-AM04 – 25.5.2022

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/ismijiet

“Marchfeldspargel”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Awstrija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Marchfeldspargel” huwa spraġ ikkummerċjalizzat frisk, imqaxxar jew mhux imqaxxar, bħala zkuk sħaħ jew fil-forma ta’ spraġ maqsum jew biċċiet ta’ spraġ. Iz-zkuk tal-ispraġ (= rimjiet żgħar tal-ispeċi tal-ispraġ “Asparagus Officinalis L.”) għandhom ikunu f’saħħithom, mingħajr ħsara minn ħasil mhux xieraq, nodfa, jidhru u jinxtammu friski, ħielsa minn pesti u mingħajr ħsara mir-rodituri jew l-insetti, prattikament ħielsa minn tgħaffiġ, tbenġil jew umdità esterna anormali, u mingħajr irwejjaħ u/jew togħmiet barranin. Il-qasma f’qiegħ iz-zkuk għandha tkun nadifa kemm jista’ jkun. Iz-zkuk tal-ispraġ ma għandhomx ikunu vojta minn ġewwa, maqsuma min-nofs, bil-qoxra tagħhom imneħħija (ħlief fejn l-ispraġ ikun se jiġi kkummerċjalizzat bħala mqaxxar) jew maqsuma (ħlief fejn ikun se jiġi kkummerċjalizzat bħala spraġ maqsum jew biċċiet tal-ispraġ). Huma permessi qasmiet żgħar, fi kwantità limitata, li jkunu seħħew wara l-ħsad. Il-“Marchfeldspargel” għandu aroma tal-ispraġ tipika u fina, bi ftit sustanzi morri. It-togħma tiegħu ma tistax tkun morra wisq jew wisq tal-injam.

L-ispraġ huwa mqassam f’erba’ kategoriji skont il-kulur:

spraġ abjad;

spraġ vjola: truf ta’ kulur bejn roża u vjola u zokk parzjalment abjad;

spraġ vjola fl-aħdar: kulur parzjalment vjola u aħdar;

spraġ aħdar: it-truf u l-biċċa l-kbira taz-zokk iridu jkunu ħodor.

L-ispraġ abjad u vjola ma għandux jaqbeż it-22 cm, u l-ispraġ vjola fl-aħdar u aħdar ma għandux jaqbeż il-25 cm fit-tul.

Varjetajiet:

L-għażla tal-varjetajiet ma hijiex ristretta, iżda l-grupp applikanti jirrakkomanda li jiġu kkultivati biss il-varjetajiet tal-ispraġ li wrew li huma adattati għall-kundizzjonijiet prevalenti f’Marchfeld. Jintużaw il-varjetajiet tal-ispraġ li ġejjin, jew fi kwalunkwe każ huma rakkomandati:

Ġermaniżi: Ruhm von Braunschweig, Schwetzinger Meisterschuß, Huchels Auslese, Lukullus, Vulkan, Presto, Merkur, Hermes, Eposs, Ravel, Ramos, Ramires, Huchels Alpha, Hannibal, Mondeo, Rapsody, Ramada, Raffaelo, Violetta 1192

Schneekopf, Viridas, Primaverde, Ariane, Steiniva, Steineo — Varjetajiet speċifiċi Ġermaniżi ta’ spraġ aħdar (= ħielsa mill-antoċjanini): Spaganiva, Schneewittchen,

Netherlandiżi: Venlim, Carlim, Gijnlim, Boonlim, Backlim, Thielim, Horlim, Prelim, Grolim, Vitalim, Herkolim, Avalim, Cumulus, Magnus, Tallems, Fortems, Primems, Cygnus, Bejo 2827, Portlim, Frühlim, Terralim, Cychus, Prius, Finalus, Sunlim, Erasmus, Atticus, Maxlim, Starlim, Aspalim

Varjetajiet speċifiċi Netherlandiżi ta’ spraġ aħdar (= ħielsa mill-antoċjanini): Xenolim, Vegalim, Bacchus

Varjetajiet Franċiżi: Larac, Cito, Aneto, Desto, Selection “Darbonne n°4”, Selection “Darbonne n°3”, Jacq.Ma.2001, Jacq.Ma.2002, Viola, Andreas, Dariana, Cipres, Darsiane, Darlise, Voltaire, Obelisk, Burgundine

Varjetajiet Spanjoli: Placosesp, Dazilla, Darbella

Varjetajiet Taljani: Ercole, Franco, Eros, Giove, Violetto di Albegna

Varjetajiet tal-Istati Uniti tal-Amerka: Mary Washington

Varjetajiet Kanadiżi: Guelph Millenium.

Jekk ma jiġix prodott mir-razzett innifsu, l-istokk tat-tħawwil jinkiseb esklużivament minn stabbilimenti rikonoxxuti tat-tnissil tal-ispraġ irreġistrati bħala tali fi Stat Membru tal-UE.

Il-kriterji għall-produzzjoni organika jew, alternattivament, il-kriterji tal-provvista tan-nutrijenti u tal-protezzjoni tal-pjanti definiti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iridu jiġu rrispettati.

Il-produtturi tal-Marchfeldspargel irid ikollhom ċertifikat GRASP validu (livell ta’ konformità: konformi bis-sħiħ) sabiex ibigħu jew jikkummerċjalizzaw l-IĠP “Marchfeldspargel”.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni, inkluż kwalunkwe tqaxxir tal-ispraġ, iridu jsiru fiż-żona ġeografika definita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-IĠP “Marchfeldspargel” tinbiegħ jew friska mir-razzett jew tiġi ppakkjata u tintbagħat fl-istess jum; fid-dawl ta’ dawn l-iskedi ta’ żmien, u sabiex tinżamm il-kwalità tal-ispraġ, b’mod partikolari l-freskezza u t-tarija tiegħu, l-ippakkjar irid isir fiż-żona ġeografika. Il-“Marchfeldspargel” jiġi kkummerċjalizzat f’qatgħat marbutin issikkati, stivati f’kaxxi, jew f’pakketti żgħar. L-ispraġ jintgħażel skont id-daqs abbażi tad-dijametri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-kontenut ta’ kull pakkett jew qatgħa għandu jkun uniformi u jrid ikun fih biss spraġ tal-istess oriġini, kategorija tal-prodott u kategorija tal-kulur. L-ispraġ jista’ jiġi ppakkjat b’materjali li jħarsu mill-umdità u mid-dawl, u li jistgħu jiġu ssiġillati. Madankollu, varjazzjonijiet f’konformità max-xewqat tal-klijent huma permissibbli.

Sistema speċjali tat-trasport tiggarantixxi li l-ispraġ frisk ta’ dak il-jum ikun disponibbli fl-Awstrija kollha fi żmien 24 siegħa.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Minbarra l-marki obbligatorji meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, kull unità ppakkjata lesta għall-bejgħ għandu jkollha fuqha, b’mod li jinqara b’mod ċar u li ma jitħassarx, l-isem u l-indirizz tal-produttur, il-grupp tal-kulur, il-klassi, il-gradazzjoni u l-piż, minbarra n-numru tal-lott jew id-data.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Marchfeld: Il-pjanura fil-Lvant ta’ Vjenna bejn ix-xmajjar tad-Danubju u ta’ March. Huwa demarkat fin-Nofsinhar mid-Danubju, fil-Lvant mill-March, fil-Punent mill-konfini tal-belt ta’ Vjenna (bl-eċċezzjoni tal-muniċipalitajiet katastali ta’ Vjenna ta’ Essling, Breitenlee, Süssenbrunn u Stammersdorf, li wkoll jiffurmaw parti mill-Marchfeld), u fit-Tramuntana mill-konfini tal-Punent u/jew tat-Tramuntana tal-muniċipalitajiet ta’ Hagenbrunn, Enzersfeld im Weinviertel, Großebersdorf, Wolkersdorf im Weinviertel, Auersthal, Matzen-Raggendorf, Prottes u Angern an der March.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-istatus tal-IĠP ta’ “Marchfeldspargel” huwa bbażat l-ewwel nett fuq il-kwalità tiegħu, minħabba t-taħlita tal-fatturi naturali u umani, u t-tieni nett fuq ir-reputazzjoni u l-valur speċjali tiegħu bħala prodott tal-ogħla livell.

Ir-reġjun ta’ Marchfeld huwa influwenzat mill-klima tal-estensjoni tal-Punent tal-Isteppi tal-Pannonja u għandu tipi ta’ ħamrija partikolari (ħamrija tax-xatt tax-xmara, chernozem, kolluvjali u alluvjali b’livelli għoljin ta’ ħumus u livelli li jvarjaw ta’ trab ġulġlieni u loess). Flimkien max-Xlokk ta’ Steiermark, għandu l-ogħla numru ta’ sigħat ta’ xemx fis-sena minn kwalunkwe reġjun fl-Awstrija u huwa wieħed mill-postijiet l-aktar sħan fil-pajjiż kollu. Sa mis-seklu 19, ir-reġjun ta’ Marchfeld kellu rwol influwenti fil-produzzjoni tal-ispraġ (fi żmien il-monarkija Awstro-Ungeriża, kien hemm farms individwali li kienu jfornu lill-Palazz Irjali ta’ Vjenna), għalhekk il-bdiewa tal-“Marchfeldspargel” għandhom esperjenza kbira fil-kultivazzjoni tal-ispraġ. Il-kundizzjonijiet favorevoli tal-produzzjoni jagħmel il-konformità mal-istandards ekoloġiċi faċli.

Il-“Marchfeldspargel” huwa kkaratterizzat mill-aroma partikolarment speċifika tiegħu tal-ispraġ; fih anqas sustanzi morri mill-prodotti komparabbli u huwa impressjonanti minħabba t-tenerezza partikolari tiegħu.

Il-kundizzjonijiet klimatiċi flimkien mat-tipi speċifiċi ta’ ħamrija jipprovdu l-bażi perfetta għall-kultivazzjoni tal-ispraġ. It-temperaturi medji għoljin u l-umdità suffiċjenti jfissru li l-kundizzjonijiet huma adattati ħafna għall-kultivazzjoni tal-għelejjel. Il-forma selvaġġa tal-ispraġ hija għalhekk indiġena għar-reġjun ta’ Marchfeld. L-esperjenza twila tal-bdiewa tal-ispraġ “Marchfeldspargel” tgħin tiżgura li huma rakkomandati biss il-varjetajiet l-aktar adattati għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni u li, bħala riżultat tal-kultivazzjoni tagħhom u l-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima, ftit jiżviluppaw sustanzi morri. Barra minn hekk, ir-rimjiet tal-“Marchfeldspargel” jinqatgħu iqsar mal-ħsad mill-prodotti komparabbli, u għalhekk għandhom inqas togħma ta’ njam.

Il-“Marchfeldspargel” igawdi wkoll reputazzjoni tajba. Ir-reġjun ta’ Marchfeld huwa magħruf bħala l-“basket tal-ħobż” u l-“ġnien tal-ħxejjex” tal-Awstrija. Il-“Marchfeldspargel”, ir-“re” ta’ Marchfeld, huwa l-“marka li tagħti lir-reġjun kollu l-identità tiegħu” (ara l-intervista fuq is-sit web unserespezialitaeten.at/der-marchfeldspargel li fiha l-bidwi tal-biedja organika lokali Markus Brandenstein jgħid: “Illum meta n-nies jitkellmu dwar Marchfeld, jaħsbu fil-‘Marchfeldspargel’).” Li “tipprova l-ispraġ ta’ Marchfeld li jkun għadu kif inħasad” hija waħda mill-“għaxar affarijiet li għandek tagħmel meta żżur Marchfeld” (ara r-riżultati meta tfittex din il-keyword).

Il-bidu u l-progress tal-istaġun tal-ispraġ jiġi rrappurtat dwarhom b’mod estensiv fil-media lokali u fuq l-Internet (eż. il-blog “AbHof” - “Asparagus is finally back: the Marchfeld”; Entrata fil-blogg GOURMET tat-12.4.2020 - “Earthed! Our asparagus from the Marchfeld”; Ögreissler - “Asparagus - the royal vegetable from the Marchfeld”; Rapport minn Stefan Havranek fir-rivista NÖN, 27.3.2020, dwar il-kampanja bit-titolu “Marchfeld asparagus is a YouTube star” - bosta rappreżentazzjonijiet fil-films bil-keyword “Marchfeldspargel”; Artiklu fil-gazzetta Wiener Zeitung tal-20.4.2018 bit-titolu “Cheap sham asparagus - Austrian farmers complain that imported asparagus is being sold as ‘Marchfeldspargel’”; Artiklu fir-rivista Kurier minn Ute Brühl u Julia Schrenk, 23.4.2021, intitolat “The taste of spring”, u ħafna aktar).

Bosta avvenimenti bħall-ftuħ gala tal-istaġun tal-ispraġ ta’ Marchfeld, l-inkurunazzjoni tar-“reġina tal-ispraġ” u l-ġimgħat speċjali tal-Marchfeldspargel fir-restoranti madwar l-Awstrija juru li l-IĠP “Marchfeldspargel” hija prodott uniku b’reputazzjoni estensiva u sinifikanza sentimentali ewlenija (ara l-għadd kbir ta’ riżultati fuq l-Internet għall-keywords “Marchfeld asparagus season”, “Marchfeld asparagus queen” jew “Marchfeld asparagus gala”).

Diversi riċetti, pereżempju għal torti tal-ispraġ ta’ Marchfeld, prodotti moħmija, frejjeġ jew risotto, biex insemmu biss ftit, juru t-tradizzjoni twila tal-użu tal-“Marchfeldspargel” fil-kċina Awstrijaka (ara wkoll il-ktieb tal-1997 ta’ Ingrid Haslinger bit-titolu “Der Marchfeldspargel Das Kaisergemüse” [L-ispraġ ta’ Marchfeld - il-ħaxixa imperjali], ippubblikat minn Verlag Pichler, li jidħol f’dettall kbir dwar l-istorja u l-metodi tat-tkabbir, u fih diversi riċetti, jew il-ktieb tal-2006 “So kocht Österreich” [L-Awstrija hekk issajjar], li fih l-aqwa 150 riċetta mill-aqwa koki fl-Awstrija, ippubblikat minn Residenz-Verlag. L-istqarrija għall-istampa OTS0010 tad-19.6.2006 tgħid li: “Mhux l-awwista, il-kavjar jew il-barbun imperjali iżda pjuttost it-trota, il-ħaruf jew il-‘Marchfeldspargel’ huma l-‘istilel’ ta’ dan il-ktieb prezzjuż tar-riċetti”).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.patentamt.at/herkunftsangaben/marchfeldspargel/ u tista’ tiġi aċċessata wkoll direttament permezz tas-sit web tal-Uffiċċju tal-Privattivi tal-Awstrija (www.patentamt.at) billi wieħed jinnaviga għal: Trademarks/Apply for Trademarks/Geographical indications. It-test jidher taħt l-isem tad-denominazzjoni tal-kwalità.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.