1.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/15


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2023/C 272/07)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Vit färsksaltad Östgötagurka”

Nru tal-UE: PGI-SE-02824 — 14.12.2021

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet

“Vit färsksaltad Östgötagurka”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Iżvezja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” hija ħjara bajda mkabbra fis-serer u ppreżervata fis-salmura u l-ħwawar. Jintużaw l-ingredjenti li ġejjin: Melħ (NaCl), ħwawar, xibt, preżervattivi (benżoat tas-sodju, sorbat tal-potassju) u aċidu ċitriku. Bl-eċċezzjoni taż-żieda obbligatorja tax-xibt, il-kompożizzjoni tal-ħwawar tista’ tvarja. Il-proporzjon ta’ melħ għal ilma għas-salmura tradizzjonalment jiġi ddeterminat mill-produtturi.

Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” hija prodott frisk li jitħassar. Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” tinbiegħ sħiħa jew imqatta’.

Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” għandha l-karatteristiċi li ġejjin.

Karatteristiċi fiżiċi:

 

Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” sħiħa:

 

Tul: 120–150 mm

 

Dijametru: 30–50 mm

 

Piż: 50–90 gramma

 

Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” imqatta’:

 

Dijametru: 30–50 mm

 

Ħxuna: 5–7 mm

 

Wiċċ: imqabbeż

Dan li ġej japplika kemm għall-“Vit färsksaltad Östgötagurka” sħiħa kif ukoll imqatta’:

 

Karatteristiċi kimiċi:

 

Kontenut ta’ melħ: 10–15 %

 

Karatteristiċi organolettiċi:

 

Kulur:

 

Qoxra: Bajda tagħti fl-isfar bi ħjiel ħodor (NSC S0520-G60Y għal S0520-G50Y).

 

Parti ta’ ġewwa: Kulur uniformi fuq l-istess skala ta’ kuluri bħan-naħa ta’ barra tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka”. Il-laħma tal-ħjara hija safra lewn il-ġir, filwaqt li l-qalba hija ta’ lewn aħdar kemxejn aktar skur mill-qoxra.

 

Togħma: Togħma mielħa ħafna bbilanċjata bil-ħlewwa inerenti tal-ħjara bajda. It-togħma għandha wkoll ċerta rikkezza li tfakkar fix-xibt u fil-karwija.

 

Finitura: Mielħa bi ħjiel tax-xibt u tal-piżelli ħodor friski.

 

Aroma: Taħlita profonda ta’ aromi bi ħjiel tal-ħamrija / tal-kantina ta’ taħt l-art kif ukoll tar-rimjiet tal-piżella u tal-alkoħol distillat mhux imħawwar.

 

Konsistenza: Iebsa u tqarmeċ, bil-qalba kemxejn inqas iebsa.

 

Sensazzjoni fil-ħalq: Struttura pjaċevoli u iebsa meta tingidem. Il-kwalitajiet mielħa ħafna u partikolarment krokkanti żammet ħafna mill-freskezza karatteristika tal-ħjara bajda li tikber fis-serer li tkun għadha kif inqatgħet.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Materja prima: Ħjar abjad li jikber fis-serer tal-varjetà Lilla Delikatessen. Il-ħjara bajda li tikber fis-serer għandha tul ta’ 120–150 mm u għandha dijametru ta’ 30–50 mm. Il-ħjara li tkun għadha kif inqatgħet tkun tagħti fl-abjad, b’finitura tleqq tagħti fl-aħdar ċar. Il-qoxra għandha boċoċ żgħar imqabbżin u hija relattivament iebsa. Il-laħma tal-ħjara bajda li tikber fis-serer hija safra lewn il-ġir, filwaqt li l-qalba relattivament żgħira għandha kulur jagħti fl-aħdar.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċess sħiħ ta’ produzzjoni – mill-kultivazzjoni tal-ħjara bajda sal-preservazzjoni fis-salmura tal-ħjara bajda mkabbra fis-serer – irid isir fiż-żona ġeografika indikata taħt il-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

-

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

-

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka” tikkonsisti mill-provinċja ta’ Östergötland.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn il-karatteristiċi tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-fatturi umani assoċjati maż-żona ġeografika.

Karatteristiċi speċjali tal-prodott:

Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” għandha l-istess lewn abjad jagħti fl-isfar sfumat fuq in-naħa ta’ barra, bil-laħma safra lewn il-ġir u l-qalba li tagħti fl-aħdar bħall-ħjara bajda mkabbra fis-serer li tkun għadha kif inqatgħet. It-togħma u l-aroma huma kkaratterizzati mill-freskezza tipika tal-ħjara bajda li tkun għadha kif inqatgħet.

Minħabba l-qoxra relattivament iebsa u l-qalba żgħira tagħha, il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” tqarmeċ ħafna aktar mill-ħjar aħdar li jkun għadu kif ġie mmellaħ. Il-konsistenza iebsa u tqarmeċ tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka” tagħtiha l-ebusija pjaċevoli meta tingidem.

Fil-“Vit färsksaltad Östgötagurka”, il-ħlewwa inerenti tal-ħjara bajda hija bbilanċjata bl-imluħa qawwija. L-aroma hija kumplessa, bi ħjiel tal-ħamrija, tar-rimjiet tal-piżella friska u tal-alkoħol distillat.

Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” hija differenti mit-tipi l-oħra ta’ ħjar immellaħ li normalment jinbiegħ, għax is-salmura mħawwra li tintuża għall-preservazzjoni ma fiha l-ebda zokkor jew ħall miżjud. Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” tvarja wkoll mill-“ättiksgurka”, il-ħjara morra preservata li hija ħafna aktar komuni fl-Iżvezja u li għandha togħma distinta ħelwa u morra ta’ ħall, zokkor u mustarda.

Fatturi umani assoċjati maż-żona ġeografika:

Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” hija speċjalità tipika ħafna ta’ Östergötland. F’Östergötland, il-ħjar ippreservat huwa tradizzjonalment abjad u jiġi mħejji fis-salmura, filwaqt li l-bqija tal-Iżvediżi jippreferu l-ħjar aħdar ippreservat f’soluzzjoni ta’ ħall, zokkor u melħ.

L-Akkademja ta’ Hagdahl tat premju lill-produtturi tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka” għall-ħidma tagħhom biex jippreservaw din it-tradizzjoni kulinari ta’ Östergötland.

L-oriġini tal-preferenzja reġjonali għall-“Vit färsksaltad Östgötagurka” f’Östergötland mhix magħrufa, iżda fl-aħħar tas-seklu 19 ġie skopert li l-ħjara bajda kellha karatteristiċi (qoxra aktar iebsa u qalba iżgħar) li pproduċew ħjara mmelħa tqarmeċ aktar mill-ħjara ħadra, diment li tiġi manipulata kif suppost waqt il-proċess tal-preservazzjoni.

Il-ħjara bajda tradizzjonalment ikkultivata għall-produzzjoni tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka” hija tat-tip Lilla Delikatessen. Il-ħjara Lilla Delikatessen titkabbar fis-serer f’Östergötland u tinqata’ bejn Marzu u Ottubru. Il-“Vit färsksaltad Östgötagurka” għalhekk hija prodott staġonali li jiġi prodott biss bejn Marzu u Ottubru.

Il-kultivazzjoni tal-Lilla Delikatessen tirrikjedi sforzi partikolari min-naħa tal-kultivatur. Għall-kuntrarju tal-ħjar aħdar, pereżempju, il-Lilla Delikatessen ma ddakkarx lilha nnifisha. Sabiex il-ħjara trendi l-frott, teħtieġ l-għajnuna tal-kultivatur bid-dakkir, li min-naħa tiegħu jfisser li l-pjanti tal-ħjara jridu jinżabru u jiġu mħarrġa biex jippermettu lill-kultivatur idakkar il-fjuri.

Il-kultivaturi jħejju ż-żerriegħa għall-produzzjoni tas-sena ta’ wara tal-Lilla Delikatessen mir-razzett innifsu billi jagħżlu għadd ta’ pjanti tal-ħjar biex jipproduċu n-nebbieta. L-għażla tkun ibbażata fuq il-ħila tal-pjanta li tipproduċi ħsad tajjeb ta’ ħjar abjad li jkollu l-karatteristiċi kwalitattivi (il-kulur tal-ħjara, il-laħma u l-qalba kif ukoll l-ebusija tal-qoxra u d-daqs tal-qalba) meħtieġa għall-produzzjoni tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka”.

Il-ħila tal-produttur li jippreserva l-kulur, it-tqarmiċ u l-freskezza li huma tipiċi tal-ħjara bajda mkabbra fis-serer li tkun għadha kif inqatgħet waqt il-preservazzjoni hija essenzjali għall-karatteristiċi assoċjati mal-“Vit färsksaltad Östgötagurka”.

Għall-produzzjoni tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka”, il-ħjar abjad irid ikun għadu kif inqata’. Il-ħjara bajda għalhekk tinqata’ kuljum. Sabiex il-ħjara bajda tissodisfa r-rekwiżiti ta’ kwalità għall-“Vit färsksaltad Östgötagurka”, il-ħjara li tkun għadha kif inqatgħet irid ikollha tul ta’ minn 12-il cm sa 15-il cm u dijametru ta’ minn 3 cm sa 5 cm.

Il-ħjar abjad li jkun għadu kif inqata’ jinħasel fl-ilma, jintmesaħ u jittaqqab sabiex is-salmura tiġi assorbita aktar faċilment mill-ħjara kollha kemm hi. Imbagħad, għall-produzzjoni tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka” sħiħa, il-ħjar abjad jintgħażel u jsirlu il-kontroll tal-kwalità qabel ma jitqiegħed sħiħ fis-soluzzjoni ta’ salmura, xibt u ħwawar.

Għall-produzzjoni tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka” imqatta’, il-ħjara bajda maħsula titqatta’ f’biċċiet twal tal-wisa’ madwar 6 millimetri permezz ta’ skieken li jħallu wiċċ imqabbeż, u wara, il-biċċiet twal jitqiegħdu fis-soluzzjoni ta’ salmura, xibt u ħwawar.

Fil-produzzjoni tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka”, il-produtturi jeħtiġilhom iqiegħdu l-ħjar abjad li jkun għadu kif inqata’ fis-salmura fi żmien jum sa jumejn sabiex jippreservaw il-kulur u t-tqarmiċ karatteristiċi tal-ħjara bajda. Jekk il-ħjara bajda tinħażen għal żmien itwal, tirtab u ssir ta’ lewn isfar.

Kull produttur tal-“Vit färsksaltad Östgötagurka” juża r-riċetta tiegħu meta jħejji s-salmura. Is-salmura tradizzjonalment irid ikollha biżżejjed melħ biex bajda ta’ tiġieġa tibqa’ fil-wiċċ. Madankollu, il-parti tal-bajda li tibqa’ fuq wiċċ l-ilma ma kinitx permessa li tkun akbar minn munita ta’ 25 öre. Is-salmura dejjem ikun fiha x-xibt, iżda l-kompożizzjoni eżatta tal-ħwawar hija fakultattiva u bbażata fuq riċetti antiki li spiss ingħaddew minn ġenerazzjoni għal oħra.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.livsmedelsverket.se/globalassets/foretag-regler-kontroll/livsmedelsinformation-markning-halsopastaenden/skyddade-beteckningar/produktbeskrivning_vit_farsksaltad-ostgotagurka_23-02-08.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.