27.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/43


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda ta’ Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2023/C 224/11)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

TALBA GĦAL EMENDA FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

Bairrada

PDO-PT-A1537-AM01

Data tal-applikazzjoni: 2.3.2017

1.   Regoli applikabbli għall-emenda

L-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Modifika mhux minuri

2.   Deskrizzjoni u raġunijiet għall-emenda

2.1.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli – aġġornament

Deskrizzjoni:

Il-kategorija tal-prodott “Inbid spumanti” inbidlet f’“Inbid spumanti ta’ kwalità”.

Raġunijiet:

Il-kategorija tal-prodott hija adattata għall-perjodu stabbilit fil-leġiżlazzjoni.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) Ir-referenzi kollha li qabel kien hemm għall-kategorija tal-prodott “Inbid spumanti” japplikaw għall-kategorija attwali “Inbid spumanti ta’ kwalità”.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) Ir-referenzi kollha li qabel kien hemm għall-kategorija tal-prodott “Inbid spumanti” japplikaw għall-kategorija attwali “Inbid spumanti ta’ kwalità”.

2.2.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli – kategorija ta’ prodott tad-dwieli ġdida

Deskrizzjoni:

Tiżdied il-kategorija “Inbid likur”.

Raġunijiet:

Biex tgħin biex jiżdied il-valur ekonomiku ta’ prodott li diġà jeżisti fir-reġjun, billi jiġi rikonoxxut bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini.

Dan it-tip ta’ prodott diġà qiegħed isir mill-produtturi f’konformità mal-prattiki tradizzjonali li jintużaw fir-reġjun, bi kwalità distintiva u karatteristiċi tipiċi. B’dan il-mod l-inklużjoni ta’ dan il-prodott ġdid fid-DOP Bairrada hija rikonoxximent tal-importanza u l-kwalità tiegħu u valur miżjud għall-produtturi tiegħu.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) “Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli”, “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed”, “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid”, “Definizzjoni tar-rabta/rabtiet” u “Rekwiżiti oħra applikabbli”.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) “Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli”, “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed”, “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid”, “Rabta maż-żona ġeografika.” u “Rekwiżiti oħra”.

2.3.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed – il-kategoriji tal-inbid u tal-inbid spumanti ta’ kwalità

Deskrizzjoni:

Id-deskrizzjoni tal-kategoriji tal-inbid u tal-inbid spumanti ta’ kwalità ttejbet u ġiet adattata.

Raġunijiet:

Id-deskrizzjoni preċedenti ġiet identifikata bħala ġenerali u mhux speċifika biżżejjed, għalhekk ġiet adattata biex tinkludi l-karatteristiċi assoċjati mal-prodotti koperti mid-DOP Bairrada. Dan kien neċessarju biex jiġi żgurat li d-Dokument Uniku u l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed – il-kategoriji tal-inbid u tal-inbid spumanti ta’ kwalità”

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed – il-kategoriji tal-inbid u tal-inbid spumanti ta’ kwalità”

2.4.   Rendiment massimu – Inbid u inbid spumanti ta’ kwalità

Deskrizzjoni:

 

Emenda tar-rendimenti massimi għal:

 

Inbejjed bojod u rożè: 100 hl

 

Inbid aħmar: 80 hl

 

Inbid spumanti ta’ kwalità: 120 hl

Raġunijiet:

Ir-rendiment massimu żdied sabiex dawn il-valuri jiġu allinjati mal-livelli tal-produzzjoni attwali fir-reġjun, mingħajr ma jiġu kompromessi l-karatteristiċi distintivi tagħhom.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid”

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid”

2.5.   Varjetajiet tad-dwieli ewlenin – varjetajiet ġodda

Deskrizzjoni:

Emenda/aġġornament tal-lista tal-varjetajiet. Ġiet introdotta l-varjetà Viognier.

Raġunijiet:

Il-ħtieġa li jiġu adattati u aġġornati l-varjetajiet iddefiniti għall-produzzjoni tal-inbejjed fir-reġjun għall-qafas legali l-ġdid tal-lista nazzjonali tal-varjetajiet adattati għall-produzzjoni tal-inbid fil-Portugall, inkluża varjetà ġdida rilevanti għall-karatterizzazzjoni tal-inbejjed tar-reġjun. Din il-varjetà hija parti mill-mappa tradizzjonali tal-varjetajiet taż-żona ġeografika, għalhekk l-inklużjoni tagħha tottimizza aktar milli tibdel il-karattru distintiv tal-inbejjed tad-DOP Bairrada.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) “Varjetajiet jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed”

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) “Varjetajiet ewlenin tad-dwieli”

2.6.   Rabta maż-żona ġeografika

Deskrizzjoni:

Id-deskrizzjoni tar-rabta maż-żona ġeografika ġiet adattata u mtejba. L-informazzjoni dwar iż-żona ġeografika, id-dettalji tal-prodott u r-rabta kawżali tiegħu ġiet riveduta, kemm għall-kategoriji ta’ prodotti eżistenti kif ukoll għal dawk ġodda.

Raġunijiet:

Minħabba li, minn naħa, id-deskrizzjoni preċedenti tar-rabta kienet ikkunsidrata ġenerali u mhux speċifika biżżejjed u, min-naħa l-oħra, kellha tiżdied id-deskrizzjoni tar-rabta għall-kategorija l-ġdida tal-prodotti (inbid likur), il-kontenut ta’ dan il-punt ġie rivedut biex jinkludi l-kategoriji tal-prodotti kollha. Dan jagħmel il-kontenut aktar oġġettiv, peress li r-rabta stabbilita maż-żona ġeografika tapplika fil-kategoriji kollha.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) “Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet”

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) “Rabta maż-żona ġeografika”

2.7.   Inbejjed – id-denominazzjoni “Clássico”

Deskrizzjoni:

L-introduzzjoni tar-rekwiżiti għall-użu tad-denominazzjoni “Clássico” fuq it-tikketta.

Raġunijiet:

Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għall-użu tad-denominazzjoni “Clássico” fuq it-tikkettar tal-inbejjed.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) “Rekwiżiti oħra applikabbli – Rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar”

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) “Rekwiżiti oħra – Rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar”

2.8.   Informazzjoni li tikkonċerna l-applikant

Deskrizzjoni:

Aġġornament tal-informazzjoni li tikkonċerna l-applikant

Raġunijiet:

L-informazzjoni hija skaduta u għalhekk hemm bżonn ta’ aġġornament. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli u biex tiġi ċċarata d-deskrizzjoni preċedenti pprovduta.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) Din l-emenda ma tinvolvi l-ebda bidla fid-Dokument Uniku.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) “Informazzjoni oħra – Dettalji tal-applikant”

2.9.   Informazzjoni dwar il-partijiet ikkonċernati

Deskrizzjoni:

Tħassir tal-informazzjoni li tikkonċerna l-partijiet ikkonċernati.

Raġunijiet:

Minħabba nuqqas ta’ ftehim, id-dettalji tal-applikant bi żball kienu ddaħħlu f’dan il-qasam. Din l-informazzjoni issa tħassret. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli u biex tiġi ċċarata d-deskrizzjoni preċedenti pprovduta.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) Din l-emenda ma tinvolvi l-ebda bidla fid-Dokument Uniku.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) “Informazzjoni oħra – Dettalji tal-partijiet ikkonċernati”

2.10.   Informazzjoni dwar il-korpi ta’ kontroll

Deskrizzjoni:

Aġġornament għall-informazzjoni dwar il-korpi ta’ kontroll.

Raġunijiet:

L-informazzjoni hija skaduta u għalhekk hemm bżonn ta’ aġġornament. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli u biex tiġi ċċarata d-deskrizzjoni preċedenti pprovduta.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) Din l-emenda ma tinvolvi l-ebda bidla fid-Dokument Uniku.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) “Informazzjoni oħra – Informazzjoni dwar il-korpi ta’ kontroll”

2.11.   Informazzjoni dwar l-awtoritajiet superviżorji kompetenti

Deskrizzjoni:

Aġġornament tal-informazzjoni li tikkonċerna l-awtoritajiet superviżorji kompetenti.

Raġunijiet:

L-informazzjoni hija skaduta u għalhekk hemm bżonn ta’ aġġornament. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tikkonforma mal-leġiżlazzjoni applikabbli u biex tiġi ċċarata d-deskrizzjoni preċedenti pprovduta.

Id-Dokument Uniku (it-taqsimiet mibdula) Din l-emenda ma tinvolvi l-ebda bidla fid-Dokument Uniku.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (it-taqsimiet mibdula) “Informazzjoni oħra – Informazzjoni dwar l-awtoritajiet superviżorji kompetenti”

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Bairrada

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

3.

Inbid likur

5.

Inbid spumanti ta’ kwalità

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

4.1.   Inbid (abjad, aħmar u rożè)

DESKRIZZJONI QASIRA

Bojod: Għandhom togħma friska u kulur il-kwarz isfar ċar bi sfumaturi ta’ kultant ħadranin jew kemxejn dehbin meta jiġu ffermentati fi btieti tal-injam ġodda. Għandhom aromi delikati ta’ fjuri u/jew ta’ frott li xi kultant jiksbu noti tropikali u tal-butir aktar qawwija. Huma nbejjed strutturati b’bilanċ naturali tajjeb bejn l-aċidità u l-alkoħol u freskezza eċċellenti.

Ħomor: Huma ta’ kulur aħmar qawwi, kultant bi sfumaturi jagħtu fil-blu, aromi ta’ frott tat-tut tal-għollieq, tal-bergamott u tal-ħwawar; struttura tannika u aċidità sodi. Meta jitqaddmu, jiżviluppaw aromi terzjarji ta’ frott artab selvaġġ, reżini, ħwawar, għasel u aromi affumikati, u struttura tajba, garantita minn bilanċ tajjeb bejn l-alkoħol, l-aċidu u t-tannini, u juru lonġevità kbira.

Rożè: Għandhom kulur minn oranġjo għal aħmar, b’aromi ta’ frott aħmar. Fil-palat għandhom aċidità moderatament għolja u huma friski ħafna fil-ħalq.

Għall-parametri l-analitiċi l-oħra, japplikaw il-valuri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

11

Aċidità totali minima

f’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

4.2.   Inbid spumanti ta’ kwalità (abjad, aħmar u rożè)

DESKRIZZJONI QASIRA

Bojod: kulur il-kwarz isfar ċar bi sfumaturi kemxejn dehbin. L-aromi huma ta’ fjuri u ta’ frott, b’aromi ta’ frott bil-polpa bajda. L-inbejjed bojod imqaddmin għal aktar fit-tul ikollhom aromi qawwija u ta’ nkaljar. Għandhom togħma qawwija, b’volum armonjuż fil-ħalq u freskezza u ragħwa eċċellenti fil-palat.

Ħomor: Għandhom kulur ħamrani, xi kultant b’intensità, freskezza u ragħwa eċċellenti fil-palat. L-aromi huma ta’ fjuri u ta’ frott. L-inbejjed bojod imqaddmin għal aktar fit-tul ikollhom aromi qawwija u ta’ nkaljar. Fil-ħalq huma robusti minħabba t-tannini, ibbilanċjati, bi bżieżaq fini u persistenti.

Rożè: Għandhom kulur minn oranġjo għal roża. L-aromi huma ta’ fjuri u ta’ frott, b’aromi ta’ frott aħmar (bħaċ-ċirasa, it-tut tal-għollieq u l-frawli), jew aktar imqaddmin, b’aromi ta’ nkaljar u qawwija. Huma delikati fil-ħalq, b’aċidità bbilanċjata, freskezza u ragħwa eċċellenti fil-palat.

Għall-parametri l-analitiċi l-oħra, japplikaw il-valuri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

11

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

4.3.   Inbid likur (abjad u aħmar)

DESKRIZZJONI QASIRA

Bojod: Għandhom kulur kemxejn dehbi, xi kultant bi sfumaturi lewn il-qastan, li huwa l-effett tat-tqaddim fl-injam. Kultant ikollhom aroma ta’ frott taċ-ċitru b’noti ta’ ġewż u ħjiel żgħir ta’ ossidazzjoni. It-togħma hija moderatament ħelwa b’alkoħol perċettibbli. Hija strutturata, b’aċidità soda li tagħtiha freskezza, li hija l-impressjoni ġenerali dominanti.

Ħomor: Il-kulur jista’ jvarja minn moderatament ħamrani għal aħmar aktar skur u jista’ jkollu wkoll sfumaturi sofor, oranġjo u kif ukoll ta’ lewn il-qastan mit-tqaddim fl-injam. L-aromi huma ta’ frott imqadded u frott aħmar ħelu u frisk ħafna, bħaċ-ċirasa qarsa, kif ukoll ta’ ossidazzjoni. Jista’ jkun hemm ukoll noti żgħar ta’ għasel u/jew ta’ tin. L-inbejjed likuri ħomor għandhom togħma strutturata b’aċidità soda, li tipprovdi freskezza, u li tiddomina b’mod ġenerali, għalkemm il-ħlewwa moderata tagħhom hija evidenti wkoll. Is-sensazzjoni tat-togħma tista’ turi xi viskożità meta l-inbejjed ikunu ġew immaturati fi btieti tal-ballut.

Għall-parametri l-analitiċi l-oħra, japplikaw il-valuri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

16

Aċidità totali minima

fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom

5.1.   Inbid spumanti ta’ kwalità – metodu

Prattika enoloġika speċifika

Meta jiġu prodotti nbejjed spumanti ta’ kwalità intitolati li jużaw id-DOP Bairrada, it-teknoloġija li għandha tintuża hija l-metodu klassiku tal-fermentazzjoni fil-fliexken, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

5.2.   Inbid, inbejjed spumanti ta’ kwalità u nbid likur — qawwa alkoħolika naturali skont il-volum

Restrizzjoni rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbejjed

Il-most użat għall-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid tad-DOP Bairrada jrid ikollu qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’:

Inbid abjad, aħmar u rożè — 11 % vol.;

Inbid spumanti ta’ kwalità — 9,5 % vol.;

Inbid likur — 12 % vol.

5.3.   Inbid spumanti ta’ kwalità — tqaddim

Prattika enoloġika speċifika

L-inbid spumanti ta’ kwalità intitolat li juża d-DOP Bairrada huwa meħtieġ li jibqa’ fil-bini tal-bottiljatur għal perjodu minimu ta’ 9 xhur wara d-data tal-ibbottiljar tiegħu għat-tqegħid fis-suq.

5.4.   Inbid likur – produzzjoni

Restrizzjoni rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbejjed

L-inbid likur intitolat li juża d-DOP Bairrada huwa magħmul minn most ta’ għeneb adattat biex isiru l-prodotti tad-DOP Bairrada, fl-istadju bikri tal-fermentazzjoni, li miegħu jiżdied distillat tal-inbid b’qawwa alkoħolika proprja ta’ mhux inqas minn 52 % u mhux aktar minn 86 % skont il-volum, sakemm jiġu osservati l-karatteristiċi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

5.5.   Inbejjed, inbejjed spumanti ta’ kwalità u nbejjed likuri – metodi ta’ kultivazzjoni, taħriġ tad-dwieli u ħamrija

Metodi tal-kultivazzjoni

Il-metodi tal-kultivazzjoni fil-vinji maħsuba għall-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid intitolati li jużaw id-DOP Bairrada jridu jkunu dawk tradizzjonali fir-reġjun jew dawk irrakkomandati mill-korp ta’ ċertifikazzjoni.

Id-dwieli jridu jkunu semiliberi jew imħarrġa bis-sistema tal-cordon, u d-densità tat-tħawwil trid tkun aktar minn 3 000 pjanta/ha.

Id-dwieli maħsuba għall-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid intitolati li jużaw id-DOP Bairrada jridu jitħawlu jew ikunu diġà qegħdin jikbru fil-ħamrija bil-karatteristiċi li ġejjin:

a)

ħamrija kalkarja kannella jew ħamra;

b)

shales litoliċi umiċi jew mhux umiċi

c)

podzols ta’ materjali ramlin mhux ikkonsolidati.

Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.

Inbid (bojod u rożè)

100 ettolitru għal kull ettaru

2.

Inbid (aħmar)

80 ettolitru għal kull ettaru

3.

Inbid spumanti ta’ kwalità

120 ettolitru għal kull ettaru

4.

Inbid likur

100 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika demarkata

Iż-żona ġeografika li tikkoinċidi mad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Bairrada tinkludi:

a)

il-muniċipalitajiet ta’ Anadia, Mealhada u Oliveira do Bairro;

b)

fil-muniċipalità ta’ Águeda, l-União das freguesias de Recardães e Espinhel, l-União das freguesias de Águeda e Borralha, l-União das freguesias de Barrô e Aguada de Baixo, fl-União das freguesias de Travassô e Óis da Ribeira, biss il-parroċċa ta’ Óis da Ribeira, fl-União das freguesias de Belazaima do Chão, Castanheira do Vouga e Agadão, biss il-parroċċa ta’ Belazaima do Chão, u l-parroċċi ta’ Aguada de Cima, Fermentelos u Valongo do Vouga;

c)

fil-muniċipalità ta’ Aveiro, fl-União das freguesias de Requeixo, Nossa Senhora de Fátima e Nariz, il-parroċċa ta’ Nariz biss;

d)

fil-muniċipalità ta’ Cantanhede, l-União das freguesias de Sepins e Bolhoa, l-União das freguesias de Vilamar e Corticeiro de Cima, l-União das freguesias de Covões e Camarneira, l-União das freguesias de Portunhos u Outil, l-União das freguesias de Cantanhede e Pocariça, u l-parroċċi ta’ Ançã, Cadima, Cordinhã, Febres, Murtede, Ourentã, Sanguinheira u São Caetano;

e)

fil-muniċipalità ta’ Coimbra, l-União das freguesias de Souselas e Botão, l-União das freguesias de Trouxemil e Torre de Vilela, fl-União das freguesias de Antuzede e Vil de Matos, il-parroċċa ta’ Vil de Matos biss;

f)

fil-muniċipalità ta’ Vagos, fl-União das freguesias de Fonte de Angeão e Covão do Lobo, biss il-parroċċa ta’ Covão do Lobo, fl-União das freguesias de Ponte de Vagos e Santa Catarina, il-parroċċa ta’ Santa Catarina biss, u l-parroċċi ta’ Ouca u Sosa.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

 

Alfrocheiro — Tinta-Bastardinha

 

Aragonez — Tinta-Roriz; Tempranillo

 

Arinto — Pedernã

 

Baga

 

Bastardo — Graciosa

 

Bical — Borrado-das-Moscas

 

Cabernet-Sauvignon

 

Camarate

 

Castelão — João-de-Santarém(1); Periquita

 

Cercial — Cercial-da-Bairrada

 

Chardonnay

 

Fernão-Pires — Maria-Gomes

 

Jaen — Mencía

 

Merlot

 

Petit-Verdot

 

Pinot-Blanc

 

Pinot-Noir

 

Rabo-de-Ovelha

 

Rufete — Tinta-Pinheira

 

Sauvignon — Sauvignon-Blanc

 

Sercialinho

 

Syrah — Shiraz

 

Tinta -Barroca

 

Tinto-Cão

 

Touriga-Franca

 

Touriga-Nacional

 

Verdelho

 

Viognier

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Inbid, inbid spumanti ta’ kwalità u nbid likur

Dettalji taż-żona ġeografika rilevanti għar-rabta

Fatturi naturali: Iż-żona ġeografika hija delimitata fit-Tramuntana mix-xmara Vouga u fin-Nofsinhar mix-xmara Mondego, fil-Lvant mis-sriebet tal-muntanji Bussaco u Caramulo, u fil-Punent mill-Oċean Atlantiku.

Huwa reġjun fil-biċċa l-kbira ċatt b’għoljiet baxxi b’għoli li jvarja, f’altitudnijiet li rarament jaqbżu l-250 m ’il fuq mil-livell tal-baħar.

Iż-żona tad-DOP Bairrada testendi fuq pjanura jew plateau, dejjem qrib l-Atlantiku, ħaġa li tinfluwenza ħafna l-klima tar-reġjun.

Il-klima Mediterranja għandha influwenza Atlantika qawwija, bi xtiewi twal u kesħin b’temperaturi medji moderati iżda b’ammont abbundanti ta’ xita. Is-sjuf sħan huma mrażżna mill-irjieħ tal-Atlantiku. Il-ġranet huma sħan u l-iljieli huma kesħin, b’firxa ta’ temperaturi sinifikanti.

Il-ħamrija hija minerali u ġiet iffurmata fi żminijiet ġeoloġiċi differenti. L-art hija ġeneralment fqira, u tvarja minn ħamrija ramlija għal ħamrija taflija, b’xi trab ġulġlieni ramli wkoll. Id-dwieli jitkabbru prinċipalment fil-ħamrija taflija u kalkarja taflija.

Fatturi umani: Il-vitikultura fir-reġjun ta’ Bairrada ilha parti mill-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun sa mill-Medjuevu.

L-inbejjed tar-reġjun kienu diġà magħrufa u l-kwalità tagħhom rikonoxxuta lura fis-seklu 19, meta ġie rikonoxxut il-potenzjal tar-reġjun għall-produzzjoni tal-inbejjed spumanti. Kien f’dan ir-reġjun li fl-1890 ġew prodotti għall-ewwel darba nbejjed spumanti kummerċjali fil-Portugall.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti assoċjati maż-żona ġeografika:

L-inbejjed, l-inbejjed spumanti ta’ kwalità u l-inbejjed likuri tad-DOP Bairrada għandhom karatteristiċi distintivi. Huma karatterizzati mir-rikkezza aromatika u l-freskezza enfasizzata tagħhom, notevoli għall-istruttura tajba u l-aċidità bbilanċjata u impressjonanti (riflessjoni tal-aċidità fissa qawwija).

Rabta maż-żona ġeografika:

L-altitudnijiet moderati u l-influwenza Atlantika qawwija huma fatturi ewlenin fl-ammont għoli ta’ xita li r-reġjun huwa magħruf għalih. Dawn il-karatteristiċi jiffavorixxu l-produzzjoni ta’ għeneb b’sajran ibbilanċjat, li jipproduċi nbejjed b’aċidità notevoli u rikki fil-prekursuri aromatiċi.

L-influwenza tal-Atlantiku, li hija notevoli fiż-żona ġeografika kollha, flimkien mal-ammont kbir ta’ xita, tikkontribwixxi wkoll għall-freskezza li tista’ tiġi identifikata fl-inbejjed tiegħu. Din hija essenzjalment derivata mill-aċidità naturali tal-għeneb imkabbar f’dawn il-kundizzjonijiet.

Il-ħamrija taż-żona ġeografika toriġina mill-blat sedimentarju. Id-dwieli jitkabbru f’siti b’ħamrija kalkarja mill-Ġurassiku, blat ramli mit-Triassiku jew konglomerati mill-perjodi Kretaċej.

Iż-żona ġeografika għalhekk tipprovdi kundizzjonijiet eċċellenti għall-kultivazzjoni tad-dwieli, b’mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà tal-ilma ta’ dawn it-tipi ta’ ħamrija u l-karatteristiċi tagħhom tal-permeabbiltà u ż-żamma tal-ilma fix-xhur fejn tagħmel l-iżjed xita. Dan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-karatteristiċi tal-inbejjed mill-għeneb prodott hawnhekk, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċidità fissa notevoli tagħhom, li hija essenzjali għall-freskezza tal-inbejjed.

Il-fattur uman, li jippreżerva prattiki u tradizzjonijiet li ilhom eluf ta’ snin u huwa rifless fl-għażla ta’ varjetajiet li adattaw l-aħjar għall-kundizzjonijiet fiż-żona ġeografika, huwa ta’ importanza deċiżiva fil-produzzjoni tal-għeneb li jagħtu lill-inbejjed, l-inbejjed spumanti ta’ kwalità u l-inbejjed likuri tad-DOP Bairrada l-karatteristiċi distintivi tagħhom.

Il-prattiki u l-għażliet tekniċi (f’termini tal-ħsad, il-fermentazzjoni, il-maċerazzjoni u t-tqaddim), li għandhom l-għeruq tagħhom f’fatturi umani marbuta mat-tradizzjoni tar-reġjun, għandhom impatt ukoll fuq il-karatteristiċi ġenerali tal-prodotti tal-inbid tad-DOP Bairrada.

Ir-rabta bejn il-ħamrija u l-fatturi klimatiċi, il-varjetajiet tad-dwieli tar-reġjun u l-għarfien prattiku tradizzjonali jwasslu għal inbejjed b’karatteristiċi distintivi, ikkaratterizzati mill-mineralità, l-aċidità u l-freskezza tal-prodotti tal-inbid intitolati li jużaw id-DOP Bairrada.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Inbid, inbid spumanti ta’ kwalità u nbid likur

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Valutazzjoni tat-tikkettar qabel it-tqegħid fis-suq.

Il-marka hija indikazzjoni obbligatorja fuq it-tikketta.

Inbid — l-użu tad-denominazzjoni “Clássico”

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-użu tad-denominazzjoni “Clássico” fuq it-tikkettar tal-inbejjed bid-DOP Bairrada jrid jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

Mil-lista tal-varjetajiet fir-reġjun, jistgħu jintużaw dawn li ġejjin biex isiru nbejjed intitolati li jużaw it-terminu “Clássico”:

 

Arinto (Pedernã)

 

Bical (Borrado-das-Moscas)

 

Cercial (Cercial-da-Bairrada)

 

Fernão-Pires (Maria-Gomes)

 

Rabo-de-Ovelha

 

Alfrocheiro (Tinta-Bastardinha)

 

Baga

 

Camarate

 

Castelão

 

Jaen (Mencia)

 

Touriga-Nacional

b)

Ir-rendiment massimu għal kull ettaru ta’ vinji maħsuba għall-produzzjoni tal-inbejjed intitolati li jużaw it-terminu “Clássico” għandu jkun ta’ 55 ettolitru għal kull ettaru.

c)

L-inbejjed intitolati għad-deskrizzjoni “Clássico” jrid ikollhom qawwa alkoħolika proprja minima skont il-volum ta’:

 

Inbid abjad — 12 % vol.

 

Inbid aħmar — 12,5 % vol.

d)

Il-most maħsub għall-produzzjoni tal-inbejjed intitolati għad-deskrizzjoni “Clássico” jrid ikollu qawwa alkoħolika naturali minima ta’:

 

Inbid abjad — 12 % vol.

 

Inbid aħmar — 12,5 % vol.

e)

Il-perjodi minimi tat-tqaddim għall-inbejjed intitolati li jużaw it-terminu “Clássico” huma kif ġej:

 

Inbid aħmar — jista’ jiġi bbottiljat biss wara perjodu minimu ta’ tqaddim ta’ 30 xahar, li 12 minnhom iridu jkunu fil-flixkun.

 

Inbid abjad — jista’ jiġi bbottiljat biss wara perjodu minimu ta’ tqaddim ta’ 12-il xahar, li 6 minnhom iridu jkunu fil-flixkun.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.ivv.gov.pt/np4/8617.html


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.