27.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/1


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ AT. 40735 – Distribuzzjoni tal-biljetti ferrovjarji online fi Spanja

(2023/C 224/01)

1.   Introduzzjoni

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi – f’dawk il-każijiet fejn ikollha l-intenzjoni li tadotta deċiżjoni li tobbliga li ksur jinġieb fi tmiemu u l-partijiet ikkonċernati joffru impenji li jkunu jissodisfaw it-tħassib indikat lilhom mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari tagħha – li dawk l-impenji jagħmluhom vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni ta’ dan it-tip tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u għandha tikkonkludi li ma jkunx għad hemm raġuni għal azzjoni mil-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom sal-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   Sommarju tal-Każ

(2)

Fit-28 ta’ April 2023, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 kontra Renfe-Operadora, E.P.E u Renfe Viajeros, S.M.E., S.A. (minn hawn ’il quddiem imsejħa flimkien “Renfe”) dwar allegat ksur tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Dakinhar stess, il-Kummissjoni adottat valutazzjoni preliminari skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(3)

Il-valutazzjoni preliminari tistabbilixxi t-tħassib tal-Kummissjoni li Renfe setgħet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha billi rrifjutat li tipprovdi l-kontenut kollu tagħha u d-data f’ħin reali lill-pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi (2) attivi fi Spanja. Il-kontenut jirreferi għat-tipi kollha ta’ biljetti, skontijiet u funzjonalitajiet (eż. il-possibbiltà li jiġu pproċessati t-talbiet għal rimborż tal-klijenti). Id-data f’ħin reali tirreferi għall-informazzjoni relatata mas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri operati minn Renfe, u tista’ tkun ta’ qabel il-vjaġġ (eż. in-numru tal-pjattaforma), ta’ waqt il-vjaġġ (eż. interruzzjonijiet) jew ta’ wara l-vjaġġ (eż., informazzjoni dwar dewmien li hija meħtieġa biex titressaq talba għal kumpens).

(4)

Skont il-valutazzjoni preliminari, Renfe hija dominanti (i) fis-suq upstream għall-forniment ta’ servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fi Spanja, fejn Renfe topera bħala trasportatur ferrovjarju tal-passiġġieri, u (ii) fis-suq downstream għad-distribuzzjoni online ta’ biljetti ferrovjarji tal-passiġġieri fi Spanja, fejn Renfe topera permezz tas-sit web ta’ Renfe, l-apps ta’ Renfe u l-pjattaforma tal-mobbiltà ta’ Renfe “dōcō”. F’dan is-suq downstream, Renfe tikkompeti ma’ pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi (jiġifieri, aġenziji tal-ivvjaġġar online jew kumpaniji tal-ġestjoni tal-ivvjaġġar).

(5)

Fil-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni qieset li Renfe setgħet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, bi ksur tal-Artikolu 102 tat-Trattat, billi rrifjutat li tagħti lill-pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi l-aċċess mitlub għall-kontenut sħiħ u għad-data f’ħin reali li huma disponibbli fuq il-kanali ta’ distribuzzjoni online ta’ Renfe stess, li setgħu xekklu l-kapaċità tagħhom li joħolqu l-prodott tagħhom, li jinnovaw, u li jeżerċitaw kompetizzjoni effettiva fis-suq downstream għas-servizzi tal-qtugħ tal-biljetti ferrovjarji online fi Spanja.

3.   Il-Kontenut Ewlieni tal-Impenji Offruti

(6)

Renfe ma tirrikonoxxi l-ebda ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u ma taqbilx mat-tħassib preliminari mqajjem mill-Kummissjoni fil-Valutazzjoni Preliminari, iżda madankollu offriet impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, biex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni.

(7)

L-elementi ewlenin tal-impenji offruti minn Renfe huma kif ġej:

a)

Renfe timpenja ruħha li tagħmel disponibbli għall-pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi l-kontenut kollu u d-data f’ħin reali (3) li hija disponibbli fid-Data Effettiva (4) jew li tista’ ssir disponibbli fuq kwalunkwe wieħed mill-kanali online tagħha stess, inkluża l-pjattaforma tal-mobbiltà tagħha, wara d-Data Effettiva. L-impenji ta’ Renfe għalhekk ikunu dinamiċi, u mhux limitati għal kontenut jew data f’ħin reali diġà pprovduta minn Renfe permezz tal-kanali online tagħha stess.

b)

Biex timplimenta l-impenji, Renfe timpenja ruħha li tagħmel disponibbli għall-pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi kull kontenut ta’ Renfe jew data f’ħin reali disponibbli fuq il-kanali online ta’ Renfe stess u/jew fuq il-pjattaforma ta’ mobbiltà ta’ Renfe (bħal dōcō) fid-Data Effettiva, sa mhux aktar tard mid-29 ta’ Frar 2024. Bħala eċċezzjoni, għall-kontenut jew id-data f’ħin reali li teħtieġ it-tnedija ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti biex jingħata aċċess lill-pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi, Renfe timpenja ruħha li tagħti aċċess għal tali kontenut jew data f’ħin reali sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2024; madankollu (i) l-informazzjoni f’ħin reali dwar l-inċidenzi skedati li jaffettwaw il-biljetti li diġà nbiegħu se tkun disponibbli sat-30 ta’ Novembru 2024, u (ii) il-biljetti għat-Treni Turistiċi ta’ Lussu u għat-Treni Turistiċi ta’ Rikreazzjoni se jkunu disponibbli sal-31 ta’ Diċembru 2024.

c)

Fir-rigward tal-kontenut ta’ Renfe jew id-data f’ħin reali li tista’ ssir disponibbli għall-pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi wara d-Data Effettiva, biex il-pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi jkunu jistgħu jħejju s-sistemi tal-IT tagħhom, Renfe timpenja ruħha li tħabbar fl-istess ħin lill-pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi u dōcō, l-inklużjoni ta’ kwalunkwe kontenut ġdid ta’ Renfe jew data f’ħin reali 4 xhur bil-quddiem, u se tikkomunika wkoll fl-istess ħin lit-tnejn, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex jadattaw is-sistemi tagħhom xahar bil-quddiem sal-31 ta’ Diċembru 2024 u xahrejn bil-quddiem wara l-31 ta’ Diċembru 2024. L-iskadenza ta’ xahar għall-avviż bil-quddiem għandha l-għan li tiżgura l-konformità mal-impenji deskritti f’b) relatati mal-aċċess għall-kontenut u d-data f’ħin reali disponibbli fuq il-kanali online ta’ Renfe stess iżda li għadha mhijiex disponibbli fuq pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi fid-Data Effettiva. L-iskadenza ta’ xahrejn tkun tapplika għall-kontenut futur u għad-data f’ħin reali (il-kontenut u d-data f’ħin reali mhux disponibbli fuq il-kanali online ta’ Renfe stess fid-Data Effettiva).

d)

Renfe timpenja ruħha li ma teħtieġx minn pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi proporzjon medju massimu għal kull xahar ta’ min ifittex ma’ min jipprenota (Look-to-Book ratio - “L2B”) (5) ta’ inqas minn 140. Il-valur minimu għall-medja massima fix-xahar L2B jiġi rieżaminat perjodikament u jista’ jiġi mmodifikat mill-Kummissjoni b’reazzjoni għal talba mingħand Renfe. F’każijiet ġustifikati, jekk pjattaforma tal-qtugħ tal-biljetti ta’ parti terza tkun qabżet il-proporzjon L2B, Renfe tista’ tissospendi l-aċċess tal-pjattaforma għas-sistema tal-IT tagħha.

e)

Renfe timpenja ruħha għal Rata ta’ Żball (6) massima ta’ 14,23 %. Dak il-valur massimu jiġi rieżaminat perjodikament u jista’ jiġi mmodifikat mill-Kummissjoni b’reazzjoni għal talba mingħand Renfe. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-Rata ta’ Żball massima, Renfe timpenja ruħha li tagħmel l-isforzi meħtieġa biex tanalizza l-kawżi u timplimenta l-miżuri tekniċi meħtieġa biex issolvihom malajr kemm jista’ jkun.

f)

Renfe timpenja ruħha li taħtar Fiduċjarju tal-Monitoraġġ li jimmonitorja u jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-impenji għal perjodu ta’ għaxar snin.

g)

Renfe timpenja ruħha li bl-ebda mod ma tevita jew tipprova tevita l-impenji direttament jew indirettament permezz ta’ kwalunkwe azzjoni jew ommissjoni.

h)

L-impenji għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu indefinit li jibda mid-Data Effettiva.

(8)

Ir-rabtiet jiġu ppubblikati bis-sħiħ bl-Ingliż fis-sit tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni fl-indirizz:

 

https://ec.europa.eu/competition-policy/index_en

4.   Stedina għall-Kummenti

(9)

Wara li jsir l-ittestjar tas-suq, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 li fiha tiddikjara li l-impenji mniżżlin fil-qosor hawn fuq u ppubblikati fuq l-internet fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni huma vinkolanti.

(10)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-impenji proposti. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-partijiet terzi interessati huma wkoll mistiedna jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, li fiha kull informazzjoni li jiddikjaraw li hija sigriet kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra għandha titħassar u tiġi ssostitwita kif meħtieġ b’sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti kummerċjali” jew “kunfidenzjali”.

(11)

It-tweġibiet u l-kummenti għandhom preferibbilment ikunu motivati u għandhom jippreżentaw il-fatti rilevanti. Jekk tidentifika problema fi kwalunkwe parti tal-impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek ukoll biex tissuġġerixxi soluzzjoni possibbli.

(12)

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni, bin-numru ta’ referenza AT.40735 Distribuzzjoni tal-biljetti ferrovjarji online fi Spanja, jew bil-posta elettronika fl-indirizz (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu) jew inkella bil-posta fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-finijiet ta’ dan l-avviż, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE jenħtieġ li jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE meta jkun applikabbli.

(2)  Il-pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi huma definiti fl-impenji offruti bħala kwalunkwe impriża li tqassam biljetti ferrovjarji lil klijenti individwali u/jew korporattivi fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ ħwienet tal-applikazzjonijiet tas-software (eż. Apple App Store jew Google Play Store) jew permezz ta’ sit web. L-impriżi li ma joffrux funzjonalitajiet ta’ prenotazzjoni u ta’ ħlas lill-klijenti (jiġifieri metasearch li tirridderieġi l-klijenti lejn is-sit web ta’ Renfe) ma jitqisux bħala pjattaformi tal-qtugħ tal-biljetti ta’ partijiet terzi u għalhekk mhumiex koperti mill-impenji offruti.

(3)  Il-kontenut u d-data f’ħin reali ta’ Renfe huma definiti fit-Taqsima A tal-impenji.

(4)  Id-Data Effettiva hija d-data meta Renfe tirċievi notifika formali tad-Deċiżjoni dwar l-Impenji.

(5)  Il-proporzjon L2B huwa l-proporzjon bejn l-għadd ta’ talbiet għall-informazzjoni (“look”) relatati mal-bejgħ tal-biljetti li jkunu saru lis-sistema tal-bejgħ tal-biljetti ta’ Renfe u l-għadd ta’ bejgħ reali (“book”) li jsir matul perjodu ta’ żmien partikolari.

(6)  Ir-Rata ta’ Żball hija l-proporzjon bejn l-għadd ta’ talbiet ta’ prenotazzjoni li ma rnexxewx u l-għadd totali ta’ talbiet ta’ prenotazzjoni li saru lis-sistema tal-bejgħ tal-biljetti ta’ Renfe matul perjodu ta’ żmien partikolari.