9.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/53


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ emenda, li ma hijiex minuri, għal Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2023/C 202/13)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA, LI MA HIJIEX MINURI, FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-Artikolu 53(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“Parmigiano Reggiano”

Nru tal-UE: PDO-IT-0016-AM06 — 2.12.2021

DOP (X) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio del Formaggio Parmigiano-Reggiano [Konsorzju tal-Ġobon “Parmigiano Reggiano”]

Uffiċċju prinċipali: Via J.F. Kennedy, 18

42124 Reggio Emilia (RE)

L-ITALJA

Tel. + 39 0522307741

Fax + 39 0522307748

Email: staff@parmigianoreggiano.it

Il-Konsorzju tal-Ġobon “Parmigiano Reggiano” huwa magħmul minn produtturi tal-ġobon “Parmigiano Reggiano”. Huwa intitolat jippreżenta applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Nru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013 tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: imballaġġ, Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti)

5.   Emenda/i

L-Istandard tal-Produzzjoni tal-Ġobon inqasam f’artikoli biex isir aktar strutturat u biex tiġi ffaċilitata l-konsultazzjoni tiegħu, kif ukoll biex jiġi allinjat mar-Regoli dwar il-Marki tal-Identità u r-Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar, li diġà kienu strutturati f’artikoli.

L-intestatura “Deskrizzjoni tal-prodott”

L-Istandard tal-Produzzjoni tal-Ġobon

-   Artikolu 1

Fl-ewwel paragrafu, il-kelma Taljana għal “xkumat” inbidlet minn scremato għal decremato.

Din l-emenda ġiet inkluża fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.

It-terminu li kien użat qabel, parzialmente scremato, ifisser “semixkumat”, li jista’ jissuġġerixxi li huwa meħtieġ ċertu perċentwal ta’ kontenut ta’ xaħam, filwaqt li l-proċess tal-ixkumar tal-krema mill-ħalib biex isir il-ġobon “Parmigiano Reggiano” huwa bbażat fuq l-esperjenza u t-teknika artiġjanali, aktar milli fuq valur speċifiku.

Ir-referenza għall-“baqar” fl-ewwel paragrafu nbidlet għal “baqar tal-ħalib”.

Din l-emenda ġiet inkluża fil-punt 3.2 u 3.3 tad-Dokument Uniku.

Hawnhekk, l-għan kien li t-terminoloġija tiġi allinjata mal-Artikolu 1 tar-Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar, li jirreferi għall-merħla tal-ħalib bħala li tinkludi l-baqar kollha li jinħalbu, il-baqar xotti u l-erieħ mis-6 xahar tal-ġestazzjoni ’l quddiem.

Is-sentenza li ġejja mill-ewwel paragrafu: Il-ħalib ma jrid isirlu l-ebda trattament bis-sħana u ma jistgħux jintużaw addittivi.

ġiet emendata biex taqra:

Il-ħalib ma jrid isirlu l-ebda trattament bis-sħana jew trattament fiżiku jew mekkaniku bħaċ-ċentrifugazzjoni, il-battofugazzjoni jew il-mikrofiltrazzjoni, u ma jistgħux jintużaw addittivi.

Din l-emenda ġiet inkluża parzjalment fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.

Din il-bidla għandha l-għan li tagħmilha ċara li l-ħalib ma jistax ikun soġġett għal xi trattament bis-sħana, trattament fiżiku jew trattament mekkaniku billi ssemmi b’mod espliċitu t-trattamenti fiżiċi u mekkaniċi wkoll, u tagħti xi eżempji ta’ proċessi pprojbiti, biex tenfasizza li l-ħalib ma jridx ikun ipproċessat u ttrattat meta jintuża.

-   Artikolu 4

Fl-ewwel paragrafu:

Is-sentenza li ġejja: Il-“Parmigiano Reggiano” għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

ġiet emendata biex taqra:

Il-“Parmigiano Reggiano” ma jistax ikun soġġett għal kwalunkwe trattament li jxekkel il-karatteristiċi kimiċi/fiżiċi jew organolettiċi tiegħu u għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

Din l-emenda ġiet inkluża fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.

Ir-referenzi verbali jew grafiċi għad-DOP “Parmigiano Reggiano” jew għall-isem protett “Parmesan” (il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kawża C-132/05, is-26 ta’ Frar 2008) jistgħu jinstabu fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni jew fir-reklamar ta’ ħafna ikel ippakkjat minn qabel kompost, ippreparat u pproċessat li attwalment jinsab fis-suq, b’mod partikolari fi ħdan l-UE. L-użu ta’ dawn ir-referenzi żdied b’mod sinifikanti, kemm minħabba r-reputazzjoni tal-isem “Parmigiano Reggiano” (jew “Parmesan”) kif ukoll minħabba li l-ġobon “Parmigiano Reggiano” huwa ingredjent tant versatili li jista’ jintuża f’ħafna preparazzjonijiet tal-ikel. Dawn il-prodotti spiss jippreżentaw bosta problemi, b’mod partikolari minħabba li l-ingredjent imsejjaħ “Parmigiano Reggiano” jew “Parmesan” ma huwiex fil-fatt il-“Parmigiano Reggiano”, iżda pjuttost prodott nofsu lest magħmul mill-“Parmigiano Reggiano”, iżda li ma jkunx għad għandu l-karatteristiċi meħtieġa mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott minħabba li l-ġobon ikun ġie soġġett għal trattamenti speċifiċi bħad-deidratazzjoni jew il-lijofilizzazzjoni, jew ikun tħallat ma’ ingredjenti oħra.

Jeħtieġ li jiġi evitat li r-reputazzjoni tal-“Parmigiano Reggiano” tiġi sfruttata permezz tal-użu tad-denominazzjoni għall-iskop uniku li jiżdied il-valur ma’ oġġett tal-ikel finali li jkun fih prodott nofsu lest magħmul mill-“Parmigiano Reggiano”. Madankollu, taħt ir-regoli attwalment fis-seħħ, instabu diffikultajiet fis-suq tal-UE fit-tentattiv biex jitwaqqaf dan l-użu tad-DOP “Parmigiano Reggiano” jew tal-isem protett “Parmesan” għal prodotti li, minkejja li jkunu magħmula mill-“Parmigiano Reggiano”, ma għadhomx konformi mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Għaldaqstant, it-test issa jiddikjara speċifikament li l-“Parmigiano Reggiano” ma jistax ikun soġġett għal kwalunkwe trattament li jxekkel il-karatteristiċi kimiċi/fiżiċi jew organolettiċi tiegħu, bil-għan li jagħmilha ċara li kwalunkwe prodott miksub bl-użu ta’ dawn it-trattamenti ma jistax jibqa’ jissejjaħ bid-DOP “Parmigiano Reggiano”.

Din l-emenda saret minħabba diffikultajiet speċifiċi identifikati biex jissolvew il-problemi deskritti hawn fuq, minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ċara fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-DOP “Parmigiano Reggiano”. L-emenda hija meħtieġa minħabba l-għadd kbir ta’ użi illegali tad-DOP “Parmigiano Reggiano” li qed iseħħu fis-suq tal-UE bħala riżultat tar-reputazzjoni tal-prodott. Għalhekk, l-għan ta’ din l-emenda huwa li tgħin biex jiġi żgurat li l-awtentiċità u r-reputazzjoni tad-DOP “Parmigiano Reggiano” jkunu protetti fis-suq tal-UE.

Fl-ewwel paragrafu, saru emendi għall-karatteristiċi tal-ġobon “Parmigiano Reggiano”:

Is-sentenza li ġejja: ir-roti għandhom dijametru ta’ 35-45 cm tul l-uċuħ ċatti u għoli ta’ 20-26 cm;

ġiet emendata biex taqra:

ir-roti għandhom dijametru ta’ 35-43 cm tul l-uċuħ ċatti u għoli ta’ 20-26 cm;

Is-sentenza li ġejja: dehra esterna: qoxra lewn it-tiben naturali;

ġiet emendata biex taqra:

il-kulur tal-qoxra: lewn it-tiben naturali, li jista’ jinbidel maż-żmien;

Dawn l-emendi ġew inklużi fil-punt 3.2 tad-Dokument Uniku.

Għal ħafna snin, ir-roti tal-ġobon prodotti kienu jiżnu medja ta’ madwar 40 kg, li jikkorrispondu għal dijametru ta’ 40 cm tul l-uċuħ ċatti, u l-valuri rarament kienu jaslu saħansitra qrib il-limitu massimu. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin, kien hemm tendenza gradwali lejn il-produzzjoni ta’ ġobnijiet dejjem akbar, f’xi każijiet qrib id-dijametru massimu permess ta’ 45 cm. Filwaqt li huma fi ħdan il-limiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, b’dawn il-qisien massimi l-ġobnijiet jistgħu jiżnu madwar 50 kg, u dan joħloq problemi serji biex jiġu mċaqalqa, imnaddfa u maqsuma, peress li l-makkinarju użat għal dawn il-proċessi normalment ikun iddisinjat għall-qisien medji. Għalhekk, id-dijametru massimu tal-uċuħ ċatti tnaqqas minn 45 għal 43 cm sabiex jiġu evitati l-problemi f’operazzjonijiet bħal dawn bħala riżultat li l-ġobnijiet jiġu prodotti b’dijametru qrib il-massimu permess attwalment mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Din l-emenda se tnaqqas il-piż ta’ rota tal-“Parmigiano Reggiano” b’madwar 4 kg, mingħajr ma tikkomprometti l-karatteristiċi tal-kwalità tagħha, u tnaqqas il-piż totali għal madwar 46 kg.

Filwaqt li l-qoxra normalment tkun lewn it-tiben naturali, il-varjazzjonijiet fil-kundizzjonijiet ambjentali matul il-maturazzjoni (l-umdità, it-temperatura) u t-tekniki użati biex jitnaddfu l-ġobnijiet u l-frekwenza tat-tindif jistgħu jikkawżaw li l-kulur tal-qoxra jvarja matul il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni ta’ 12-il xahar. Dan ifisser li l-kulur jista’ ma jkunx uniformi u jista’ jkollu xi varjazzjoni minħabba kawżi naturali, u l-emenda saret biex dan ikun ċar.

Żdied dan li ġej bħala paragrafu ieħor: Għall-karatteristiċi tas-sawra tal-ġobon, għandha ssir referenza għall-kategoriji tal-prodotti definiti fir-Regoli dwar il-Marki tal-Identità.

Sabiex jiġi żgurat qari aktar sistematiku tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, it-test issa jispeċifika li, minbarra l-karatteristiċi tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” deskritti u elenkati fl-Artikolu 5 tal-Istandard tal-Produzzjoni tal-Ġobon, iridu jitqiesu wkoll il-karatteristiċi tas-sawra (flimkien ma’ kwalunkwe difett permess) iddefiniti u kkategorizzati fit-taqsima tar-Regoli dwar il-Marki tal-Identità tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, u b’mod aktar speċifiku fl-anness Kategoriji tal-Prodott.

-   Artikolu 5

L-ewwel paragrafu: Il-“Parmigiano Reggiano” maħkuk u l-porzjonijiet (bil-qoxra jew mingħajrha) iridu jiġu ppakkjati fiż-żona ta’ oriġini sabiex jiġu ggarantiti l-kwalità, it-traċċabbiltà u l-kontroll.

ġie emendat biex jaqra:

It-taħkik, il-qtugħ f’porzjonijiet u l-ippakkjar sussegwenti tal-“Parmigiano Reggiano” u l-porzjonijiet (bil-qoxra jew mingħajrha) iridu jsiru fiż-żona ta’ oriġini sabiex jiġu ggarantiti l-kwalità, it-traċċabbiltà u l-kontroll.

Dan il-paragrafu ġie emendat biex jaqbel mat-termini diġà użati fit-tieni paragrafu tal-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.

It-tielet paragrafu: Kif diġà huwa stabbilit mid-Digriet tal-Prim Ministru tal-4 ta’ Novembru 1991, id-denominazzjoni ta’ oriġini “Parmigiano Reggiano” tista’ tintuża wkoll għall-ġobon maħkuk miksub esklussivament minn ġobna sħiħa eliġibbli għal dik id-denominazzjoni ta’ oriġini, sakemm it-taħkik isir fiż-żona tal-produzzjoni tal-ġobon u l-ġobon maħkuk imbagħad jiġi ppakkjat immedjatament, mingħajr l-ebda trattament u mingħajr iż-żieda tal-ebda sustanza li tista’ tbiddel il-ħajja fuq l-ixkaffa jew il-karatteristiċi organolettiċi oriġinali tiegħu.

ġie emendat biex jaqra:

Kif diġà huwa stabbilit mid-Digriet tal-Prim Ministru tal-4 ta’ Novembru 1991, id-denominazzjoni ta’ oriġini “Parmigiano Reggiano” tista’ tintuża wkoll għall-ġobon maħkuk miksub esklussivament minn ġobna sħiħa eliġibbli għal dik id-denominazzjoni ta’ oriġini, sakemm it-taħkik isir fiż-żona tal-produzzjoni tal-ġobon u l-ġobon maħkuk imbagħad jiġi ppakkjat immedjatament, mingħajr l-ebda trattament u mingħajr iż-żieda tal-ebda sustanza.

Din l-emenda ġiet inkluża fil-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.

Fit-test li jirreferi għall-ippakkjar tal-“Parmigiano Reggiano” maħkuk, il-frażi “mingħajr iż-żieda tal-ebda sustanza li tista’ tbiddel il-ħajja fuq l-ixkaffa jew il-karatteristiċi organolettiċi oriġinali tiegħu” nbidlet għal “mingħajr iż-żieda tal-ebda sustanza”. L-għan ta’ din ir-riformulazzjoni huwa li tagħmilha ċara mingħajr ambigwità li l-projbizzjoni fuq iż-żieda ta’ sustanzi tapplika għas-sustanzi kollha.

Żdied paragafu ġdid, ifformulat kif ġej: Madankollu, l-użu ta’ “trimmings” huwa permess ukoll skont il-kundizzjonijiet stabbiliti hawn fuq.

Din l-emenda ġiet inkluża fil-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.

Il-possibbiltà li jintużaw it-“trimmings”, kif ukoll ġobnijiet sħaħ, għall-Parmigiano Reggiano maħkuk issa hija ddikjarata b’mod espliċitu.

Matul is-snin, is-suq evolva f’konformità mar-rekwiżiti differenti tal-konsumatur, li jfisser li issa hemm ħafna aktar formati u tipi ta’ “Parmigiano Reggiano” maqtugħ f’porzjonijiet disponibbli fis-suq. B’mod partikolari, filwaqt li l-1 kg kien kważi l-uniku daqs ta’ porzjon disponibbli, id-drawwiet tal-konsumaturi li qed jinbidlu jfissru li issa hemm domanda għal formati dejjem iżgħar (piż fiss ta’ 150/200 g, porzjonijiet żgħar mingħajr qoxra għat-tnaqqir, eċċ.). Il-kisba ta’ dawn il-formati mill-ġobnijiet “Parmigiano Reggiano” tirriżulta f’ħafna aktar fdalijiet mill-qtugħ (pereżempju, l-uċuħ ċatti tar-roti tal-ġobon, il-porzjon tal-qalba miċ-ċentru tar-rota, jew porzjonijiet li huma ogħla jew inqas mill-piż fiss) li ma kinux jinħolqu fit-tħejjija ta’ formati kbar.

Dawn il-qatgħat, magħrufa bħala “trimmings”, ma jiġux ippakkjati bħala porzjonijiet iżda minflok jintużaw mill-ġdid minn operaturi fi ħdan is-sistema ta’ kontroll biex jitħejjew formati oħra, b’mod partikolari l-“Parmigiano Reggiano” maħkuk skont l-Artikolu 8. L-għan ta’ din l-emenda għalhekk kien li jagħmilha ċara li l-ġobon maħkuk jista’ jinkiseb minn “trimmings” kif ukoll minn ġobnijiet sħaħ.

Fil-ħames paragrafu, saru emendi għall-karatteristiċi tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” maħkuk:

Is-sentenza li ġejja: kontenut ta’ qoxra ta’ mhux aktar minn 18 %;

ġiet emendata biex taqra:

kontenut ta’ qoxra ta’ mhux aktar minn 18 % skont il-piż;

Is-sentenza li ġejja: dehra omoġenja, mhux ta’ trab, bil-proporzjon tal-partikoli jkun ta’ dijametru ta’ inqas minn 0,5 mm u li ma jaqbiżx il-25 %.

ġiet emendata biex taqra:

dehra omoġenja, mhux ta’ trab, bil-proporzjon tal-partikoli jkun ta’ dijametru ta’ inqas minn 0,5 mm u li ma jaqbiżx il-35 %.

L-ewwel waħda minn dawn l-emendi saret fil-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.

L-intenzjoni wara ż-żieda tal-espressjoni “skont il-piż” hija li jiġi ddefinit kif għandu jiġi kkalkulat dan il-perċentwal.

Minflok parametru tal-kwalità tal-prodott, dan il-limitu fuq il-kwantità ta’ partikoli “fini” fil-ġobon maħkuk ġie introdott oriġinarjament, snin ilu, minħabba r-riskju li l-operaturi jippreparaw il-ġobon tad-DOP “Parmigiano Reggiano” maħkuk magħmul parzjalment jew kompletament minn ġobon imnixxef (min-natura tiegħu fin u forma ta’ trab). Għalhekk, ġie stabbilit limitu għall-partikoli ta’ dijametru ta’ inqas minn 0,5 mm.

Id-daqs tal-partikoli huwa influwenzat minn għadd ta’ fatturi (l-indewwa, il-maturazzjoni, it-tip ta’ ħakkieka, il-pressjoni tat-taħkik) u għalhekk ivarja ħafna.

Is-suq u t-teknoloġija tal-produzzjoni evolvew matul dawn l-aħħar snin. Hemm domanda dejjem tikber mill-operaturi għal ġobon maħkuk aktar fin u omoġenju, speċjalment meta dan ikun se jitħallat ma’ ingredjenti oħra. Barra minn hekk, il-ġobon aktar matur (ta’ 30 xahar u aktar) u l-formati żgħar (kubi ta’ daqs ta’ gidma u porzjonijiet żgħar) qegħdin isiru dejjem aktar popolari. It-tħejjija ta’ dawn il-formati żgħar tipproduċi ħafna biċċiet tal-ġobon li jifdal mill-qtugħ (inklużi biċċiet ta’ daqs żgħir), li huma aktar suxxettibbli li jinxfu, u meta l-ġobon li jkun qed jiġi maħkuk ikun matur ħafna, dan jagħmlu saħansitra aktar reżistenti, li jfisser li l-applikazzjoni tal-istess ammont ta’ pressjoni fuq il-ġobon tagħti daqs tal-partikoli maħkuk iżgħar. Din hija r-raġuni għaliex il-perċentwal tal-partikoli ta’ dijametru ta’ inqas minn 0,5 mm qed jinbidel minn minimu ta’ 25 % għal minimu ta’ 35 %, li huwa riflessjoni aktar preċiża tal-“Parmigiano Reggiano” maħkuk li qed jiġi prodott attwalment, mingħajr ma jiġu kompromessi l-karatteristiċi tal-kwalità tiegħu.

-   Artikolu 7

Żdied paragafu ġdid, ifformulat kif ġej: Il-biċċiet tal-“Parmigiano Reggiano” li jifdal mill-qtugħ, li għandhom jintużaw minn operaturi fi ħdan is-sistema ta’ kontroll biex jitħejjew formati oħra, jissejħu “trimmings”.

Din l-aħħar emenda ġiet inkluża fil-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.

Kif diġà ntqal għall-Artikolu 5, u għall-istess raġunijiet, il-kunċett ta’ “trimmings” ġie spjegat.

L-intestatura “Metodu ta’ produzzjoni”

L-Istandard tal-Produzzjoni tal-Ġobon

-   Artikolu 3

Ir-regola li ġejja tneħħiet mit-tielet paragrafu: Il-ħalib ma jistax ikun soġġett għal proċessi ta’ ċentrifugazzjoni. Dan għaliex ġiet imċaqalqa għall-Artikolu 1 u riformulata biex taqra: Il-ħalib ma jrid isirlu l-ebda trattament bis-sħana jew trattament fiżiku jew mekkaniku bħaċ-ċentrifugazzjoni [...]. Ir-raġunijiet għal din l-emenda huma dawk mogħtija għall-emenda għall-Artikolu 1 taħt l-intestatura Deskrizzjoni tal-prodott.

Il-ħames paragrafu: Il-ħalib ta’ filgħaxija jiġi parzjalment xkumat [jintuża t-terminu Taljan scremato] billi l-krema titħalla togħla b’mod naturali fil-wiċċ f’tankijiet tal-azzar bil-wiċċ miftuħ. Mal-kunsinna fil-maħleb tal-ġobon, il-ħalib ta’ filgħodu jitħallat mal-ħalib parzjalment xkumat [scremato] mil-lejl ta’ qabel. Jista’ wkoll jiġi parzjalment xkumat [scrematura] billi l-krema titħalla togħla b’mod naturali fil-wiċċ.

ġie emendat biex jaqra:

Il-ħalib ta’ filgħaxija huwa parzjalment xkumat [jintuża t-terminu Taljan decremato] billi l-krema titħalla togħla b’mod naturali fil-wiċċ f’tankijiet tal-azzar miftuħa u vventilati b’mod naturali. Mal-kunsinna fil-maħleb tal-ġobon, il-ħalib ta’ filgħodu jitħallat mal-ħalib parzjalment xkumat [decremato] mil-lejl ta’ qabel. Jista’ wkoll jiġi parzjalment xkumat [decrematura] billi l-krema titħalla togħla b’mod naturali fil-wiċċ.

Fil-punt 3.4 tad-Dokument Uniku, il-frażi “ta’ qabel” iddaħħlet wara “tal-lejl” fl-interess taċ-ċarezza.

Tradizzjonalment, it-tankijiet kienu btieti miftuħin li fihom il-ħalib kien jitħalla joqgħod sabiex il-krema titla’ fil-wiċċ. Matul is-snin ġew żviluppati teknoloġiji ġodda, kemm biex inaqqsu l-ispazju kif ukoll biex jagħmlu l-impjanti aktar nodfa u effiċjenti, u dawk it-tankijiet ġew sostitwiti b’installazzjonijiet f’diversi livelli b’għotjien li jistgħu jinfetħu, u għalhekk id-deskrizzjoni tat-tankijiet tal-azzar bħala “bil-wiċċ miftuħ” inbidlet għal “miftuħa u vventilati b’mod naturali”.

It-termini Taljani għall-ħalib xkumat u l-proċess tax-xkumar, scremato u scrematura, inbidlu għal decremato u decrematura, f’konformità mal-emenda għall-Artikolu 1 taħt l-intestatura Deskrizzjoni tal-prodott.

Din l-aħħar emenda ġiet inkluża fil-punt 3.4 tad-Dokument Uniku.

Is-sitt paragrafu: Il-proporzjon ta’ xaħam-kaseina tal-ħalib fil-btieti tat-tisħin, ikkalkulat bħala l-medja ppeżata tal-lottijiet tal-btieti kollha fil-produzzjoni ta’ ġurnata partikolari, ma jistax jaqbeż 1,1 + 12 %.

ġie emendat biex jaqra:

Il-proporzjon ta’ xaħam-kaseina tal-ħalib fil-btieti tat-tisħin, ikkalkulat bħala l-medja ppeżata tal-lottijiet tal-btieti kollha fil-produzzjoni ta’ ġurnata partikolari, ma jistax jaqbeż 1,10 + 10 %.

Din l-aħħar emenda ġiet inkluża fil-punt 3.4 tad-Dokument Uniku.

Il-proporzjon ta’ xaħam-kaseina ġie rivedut, u t-tolleranza tnaqqset minn 12 % għal 10 %, u “1,1” inbidlet għal “1,10” għall-fini taċ-ċarezza.

Abbażi ta’ diversi statistiċi u studji xjentifiċi, il-valur medju ta’ referenza għall-proporzjon ta’ xaħam-kaseina fil-“Parmigiano Reggiano” nstab li kien madwar 1,1, u peress li t-tekniki artiġjanali tal-produzzjoni tal-ġobon użati biex isir dan il-ġobon u d-differenzi fil-kontenut tax-xaħam tal-ħalib użat, influwenzati kemm mill-istaġun kif ukoll mit-teknika tal-biedja, jistgħu jikkawżaw xi fluttwazzjoni f’dan il-proporzjon, ġiet stabbilita tolleranza, inizjalment stmata għal madwar 10 %.

Ġie miżjud 2 % addizzjonali (minn 10 għal 12 %) biex jitqiesu l-inċertezza tal-kejl u tat-teħid tal-kampjuni, kif ukoll il-fluttwazzjonijiet imsemmija hawn fuq, u huwa għalhekk li ġie propost proporzjon ta’ 1,1 + 12 % meta ġiet approvata emenda minuri għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (ĠU C 132, 13.4.2018, p. 7).

Wara dik l-approvazzjoni, meta kien qed ifassal il-pjan ta’ kontroll, il-korp ta’ kontroll awtorizzat (OCQPR Soc. Coop.) bagħat lill-Ministeru għall-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija talba għal kjarifika dwar il-proporzjon ta’ xaħam-kaseina meħtieġ għall-“Parmigiano Reggiano” fit-23 ta’ Mejju 2018, fejn staqsa jekk ir-rekwiżit li “l-proporzjon ta’ xaħam-kaseina tal-ħalib fil-btieti tat-tisħin [...] ma jistax jaqbeż 1,1 + 12 %”, kif huwa ddikjarat fit-test, kienx jinkludi l-inċertezza tal-kejl.

It-tweġiba mill-Ministeru għall-Politika Agrikola, Alimentari u tal-Forestrija kienet li dan il-valur ta’ 1,1 + 12 % fih innifsu ma jkoprix l-inċertezza tal-kejl, u għalhekk it-tolleranza jeħtieġ li titnaqqas b’2 punti perċentwali sabiex ir-regola fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi allinjata mal-prinċipju sottostanti tad-deċiżjoni oriġinali.

Is-seba’ paragrafu: Sa 15 % tal-ħalib ta’ filgħodu jista’ jitwarrab għall-produzzjoni tal-ġobon tal-għada. Dan il-ħalib, li jrid jinżamm fil-maħleb f’kontenituri xierqa tal-azzar f’temperatura ta’ mhux inqas minn 10 °C, irid jitħalla joqgħod fit-tankijiet tal-ixkumar, flimkien mal-ħalib ta’ filgħaxija, sabiex il-krema tkun tista’ titla’ fil-wiċċ.

ġie emendat biex jaqra:

Sa 15 % tal-ħalib ta’ filgħodu jista’ jitwarrab għall-produzzjoni tal-ġobon tal-għada. Jista’ jitwarrab aktar minn 15 % sakemm din il-kwantità tippermetti li ma ssirx aktar minn rota waħda ta’ ġobon. Dan il-ħalib, li jrid jinżamm fil-maħleb f’kontenituri tal-azzar f’temperatura ta’ mhux inqas minn 10 °C, irid jitħalla joqgħod fit-tankijiet tal-ixkumar, flimkien mal-ħalib ta’ filgħaxija, sabiex il-krema tkun tista’ titla’ fil-wiċċ.

It-test issa jippermetti li jitwarrab aktar minn 15 % tal-ħalib ta’ filgħodu għall-produzzjoni tal-ġobon tal-għada, dment li jkun meħtieġ perċentwal akbar biex issir mhux aktar minn rota waħda ta’ ġobon. Din iż-żieda mat-test għandha tippermetti li l-imħaleb żgħar tal-ġobon ikollhom biżżejjed ħalib fil-btieti tat-tisħin f’ċerti żminijiet tas-sena biex issir ġobna sħiħa.

It-tmien paragrafu: Mal-ħalib jiżdied starter kontinwu tax-xorrox, kultura naturali ta’ fermenti lattiċi miksuba billi x-xorrox li jkun fadal mill-produzzjoni tal-ġobon tal-ġurnata ta’ qabel jitħalla jsir qares b’mod spontanju.

ġie emendat biex jaqra:

Mal-ħalib jiżdied starter kontinwu tax-xorrox, kultura naturali ta’ batterji tal-aċidu lattiku miksuba billi x-xorrox “ħelu” li jkun fadal minn operazzjonijiet preċedenti ta’ produzzjoni tal-ġobon jitħalla jiffermenta spontanjament f’kundizzjonijiet ta’ temperatura kkontrollata.

L-istess emenda ġiet inkluża fil-punt 3.4 tad-Dokument Uniku.

Żdied dan li ġej mal-istess paragrafu: La l-kulturi tal-batterji tal-aċidu lattiku għall-aġġustament jew it-tisħiħ u lanqas is-supplimenti nutrizzjonali li jippromwovu l-iżvilupp tal-flora lattika ma jistgħu jiżdiedu mal-istarter kontinwu tax-xorrox. Hija permessa biss iż-żieda ta’ porzjon wieħed ta’ ħalib.

Fid-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-istarter kontinwu tax-xorrox, “fermenti lattiċi” nbidlet għat-terminu aktar korrett teknikament “batterji tal-aċidu lattiku”. Il-projbizzjoni ta’ ċerti prattiki – iż-żieda ta’ kulturi ta’ batterji tal-aċidu lattiku jew supplimenti nutrizzjonali li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ batterji naturali tal-aċidu lattiku – saret espliċita wkoll. Din il-bidla għandha l-għan li tagħmilha ċara li l-istarter kontinwu tax-xorrox huwa ingredjent naturali u tenfasizza r-rwol li għandu fil-produzzjoni tal-ġobon “Parmigiano Reggiano”: ir-rabta qawwija bejn it-territorju u l-prodott. Din hija r-raġuni għaliex l-istarter kontinwu tax-xorrox jista’ jinkiseb biss mill-fermentazzjoni tax-xorrox ħelu li jifdal minn operazzjonijiet preċedenti ta’ produzzjoni tal-ġobon. Il-kelma “ġurnata” tneħħiet bil-għan li l-produtturi tal-ġobon jingħataw il-possibbiltà li jżidu wkoll, b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi kimiċi, fiżiċi u mikrobijoloġiċi tal-ħalib, kwantitajiet żgħar ta’ starter kontinwu tax-xorrox – l-istess starter li jkun se jiżdied mal-ħalib fil-btieti tat-tisħin l-għada – mal-ħalib ta’ filgħaxija li jibqa’ fit-tankijiet sabiex il-krema tkun tista’ titla’ fil-wiċċ. L-għan ta’ din il-prattika huwa li tikkontribwixxi flora lattika u tagħmel il-ħalib kemxejn qares matul il-lejl, li jagħmlu aktar adatt għall-produzzjoni tal-ġobon l-għada filgħodu.

Fl-aħħar nett, ġie ċċarat b’mod espliċitu li huwa possibbli li jiżdied porzjon wieħed tal-ħalib tal-maħleb, prattika lokali awtentika u li ma tvarjax li diġà kienet tradizzjoni stabbilita. Din il-prattika tagħmilha possibbli li l-batterji tal-aċidu lattiku fl-istarter tax-xorrox jiġu pprovduti b’nutrijenti li jippromwovu t-tkabbir.

Is-sentenza li ġejja żdiedet fi tmiem it-13-il paragrafu: Il-ġobnijiet jistgħu jiġu mmaturati fuq xkafef tal-injam.

Din l-emenda ġiet inkluża parzjalment fil-punt 3.4 tad-Dokument Uniku.

Fl-interess tat-trasparenza, ġiet iċċarata l-possibbiltà li l-ġobnijiet jiġu mmaturati fuq xkafef tal-injam, peress li l-użu tal-injam fil-kantini tal-“Parmigiano Reggiano” huwa tradizzjoni stabbilita u b’bażi soda li ma tistax tinbidel. Minħabba li tqajmu kwistjonijiet potenzjali ta’ saħħa jew iġjene relatati mal-użu tal-injam f’xi swieq barranin (b’mod partikolari fl-Istati Uniti) f’dawn l-aħħar snin, huwa meqjus importanti li fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jiġi ċċarat li l-injam huwa materjal essenzjali u li – preċiżament bħala riżultat tal-fatt li jifforma parti minn tradizzjoni stabbilita – qatt ma kkawża problemi tas-saħħa.

L-intestatura “Tikkettar”

L-Istandard tal-Produzzjoni tal-Ġobon

-   Artikolu 8

Żdied il-paragrafu li ġej:

Ħlief meta jintużaw bħala “trimmings”, il-biċċiet li jifdal mill-qtugħ mill-uċuħ u l-ġnub tar-roti tal-ġobon (biċċiet b’aktar minn 18 % qoxra) ma jistgħux ikollhom l-isem “Parmigiano Reggiano”.

L-istess emenda ġiet inkluża fil-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

Il-karatteristiċi tal-kwalità tal-“Parmigiano Reggiano” huma definiti sew fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, u jinkludu referenzi speċifiċi għall-pejst tal-ġobon:

l-aroma u t-togħma karatteristiċi tal-pejst: ifuħu, delikati u b’togħma rikka mingħajr ma tkun qawwija wisq;

is-sawra tal-pejst: fina u titfarrak.

Barra minn hekk, l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ilha tillimita l-ammont tal-qoxra preżenti fil-ġobon maħkuk għal 18 % mill-1991 (id-Digriet tal-Prim Ministru tal-4 ta’ Novembru 1991). Iż-żieda ta’ dan ir-rekwiżit kienet tikkonċerna biss il-ġobon maħkuk, peress li l-komponent tal-qoxra dejjem ikun inqas minn 18 % fil-formati bil-qoxra (ġobnijiet sħaħ u maqtugħin f’porzjonijiet bil-qoxra). Kif ġie deskritt qabel fir-rigward tat-“trimmings”, biċċiet li jifdal mill-qtugħ mill-uċuħ u l-ġnub tar-roti tal-ġobon (biċċiet b’aktar minn 18 % qoxra) jibqgħu mill-preparazzjoni tal-formati għall-bejgħ. Jekk dawn il-biċċiet li jifdal mill-qtugħ ma għandhomx jintużaw fil-preparazzjoni tal-“Parmigiano Reggiano” maħkuk, f’liema każ iż-żieda tal-pejst tal-ġobon tikkoreġi l-bilanċ bejn il-pejst u l-qoxra, dawn jistgħu jinbiegħu. Madankollu, dawn il-biċċiet li jifdal mill-qtugħ jinkludu ammont kbir ta’ qoxra, u għalhekk ma fihomx biżżejjed pejst tal-ġobon proprju biex jikkonformaw mad-definizzjoni tal-karatteristiċi tipiċi tal-“Parmigiano Reggiano”. Għaldaqstant, peress li ma jibqgħux konformi mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ma jistgħux jibqgħu jinbiegħu bħala “Parmigiano Reggiano”.

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, kif ukoll biex il-konsumaturi jiġu pprovduti b’informazzjoni preċiża u biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi, sakemm ma jintużawx bħala “trimmings”, il-biċċiet li jifdal mill-uċuħ u l-ġnub tar-roti tal-ġobon (biċċiet b’aktar minn 18 % qoxra) ma jistgħux jużaw l-isem tad-DOP “Parmigiano Reggiano”.

-   Artikolu 9

Dan li ġej mill-ewwel paragrafu: [...] il-logo muri hawn taħt, li juri porzjon u rota tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” u sikkina żgħira fuq il-kliem “PARMIGIANO REGGIANO”, irid jintwera fuq kull pakkett. Dan il-logo irid ikun stampat f’CMYK skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-ftehim tal-Konsorzju rilevanti.

Image 1

ġie emendat biex jaqra:

[...] il-logo muri hawn taħt, li fih stampa stilizzata ta’ porzjon u rota tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” fuq il-kliem “PARMIGIANO REGGIANO”, irid jintwera fuq kull pakkett. Dan il-logo irid ikun stampat bil-kulur skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-Ftehim tal-Konsorzju rilevanti.

Image 2

Din l-emenda ġiet inkluża parzjalment fil-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

Il-logo nbidel biex isir stilistikament aktar modern u kurrenti. Ġie inkluż ukoll fil-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

It-tieni paragrafu: Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jsiru jafu kemm huwa matur il-“Parmigiano Reggiano”, iż-żmien minimu tal-maturazzjoni jrid jiġi ddikjarat fuq it-tikkettar tal-porzjonijiet kollha ppakkjati minn qabel ta’ aktar minn 15-il g imqiegħda fis-suq.

ġie emendat biex jaqra:

Sabiex ikun possibbli li wieħed isir jaf kemm huwa matur il-“Parmigiano Reggiano”, iż-żmien minimu tal-maturazzjoni jrid jiġi ddikjarat fuq it-tikkettar tal-porzjonijiet kollha ppakkjati minn qabel ta’ aktar minn 15-il g imqiegħda fis-suq.

L-istess emenda ġiet inkluża fil-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

Ir-referenza għall-“konsumaturi” tħassret, peress li l-obbligu li tiġi ddikjarata l-maturità minima tal-ġobon għandu japplika għall-ġobon kollu ppakkjat minn qabel f’porzjonijiet ta’ aktar minn 15-il g, inkluż meta dan jinbiegħ lill-operaturi kummerċjali (kumpaniji tal-ipproċessar, negozji tal-forniment tal-ikel tal-massa bħal ristoranti, eċċ.) u mhux biss lill-konsumaturi aħħarija. Din l-emenda għandha l-għan li tiċċara dan. Fuq il-bażi tad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(i) u (j) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, “tikkettar” inbidlet għal “tikketta” minħabba li ż-żmien minimu ta’ maturazzjoni jrid jiġi ddikjarat fuq il-pakkett jew il-kontenitur, u ma jistax jiġi ddikjarat fid-dokumenti.

Żdied dan li ġej bħala t-tielet paragrafu:

Peress li l-aroma u t-togħma tal-pejst tal-“Parmigiano Reggiano” jevolvu matul il-proċess tal-maturazzjoni, sabiex jitwasslu l-karatteristiċi organolettiċi, jistgħu jintużaw l-aġġettivi deskrittivi li ġejjin fuq it-tikketta, kif ukoll il-ħin tal-maturazzjoni, għal ċerti klassijiet ta’ maturità:

delicato [delikat] (12-19-il xahar);

armonico [armonjuż] (bejn wieħed u ieħor 20-26 xahar);

aromatico [aromatiku] (bejn wieħed u ieħor 27-34 xahar);

intenso [intens] (bejn wieħed u ieħor 35-45 xahar).

L-istess emenda ġiet inkluża fil-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

L-introduzzjoni tar-rekwiżit li tiġi ddikjarata l-maturità minima tal-“Parmigiano Reggiano” mqiegħed fis-suq f’porzjonijiet ta’ aktar minn 15-il g wasslet għall-ħtieġa li tiġi espressa valutazzjoni organolettika bl-użu ta’ aġġettivi “deskrittivi” li jvarjaw skont il-maturità. Minħabba li l-“Parmigiano Reggiano” jiġi mmaturat għal żmien twil, minn 12-il xahar sa aktar minn 40 xahar, l-aromi u t-togħmiet tiegħu jevolvu, u huwa għalhekk li ġiet miżjuda l-possibbiltà li jintużaw aġġettivi “deskrittivi” fuq it-tikketti, biex jgħinu lill-konsumaturi fl-għażla tagħhom tal-prodott.

Ir-raba’ paragrafu: Id-dikjarazzjoni tan-numru ta’ reġistrazzjoni jew l-isem tal-maħleb fuq it-tikketta hija obbligatorja biss fil-każ ta’ ġobon maħkuk jew ta’ porzjonijiet li joriġinaw minn ġobnijiet immarkati bħala “Premium” skont l-Artikolu 15 tar-“Regoli dwar il-Marki tal-Identità”.

ġie emendat biex jaqra:

Id-dikjarazzjoni tan-numru tar-reġistrazzjoni jew l-isem tal-maħleb fuq it-tikketta hija obbligatorja biss fil-każ ta’ ġobon maħkuk jew f’porzjonijiet li joriġinaw minn ġobnijiet immarkati bħala “Premium” skont l-Artikolu 15 tar-“Regoli dwar il-Marki tal-Identità”.

Fuq il-bażi tad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2)(i) u (j) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, “tikkettar” inbidlet għal “tikketta” minħabba li n-numru tar-reġistrazzjoni jew l-isem tal-maħleb irid jiġi ddikjarat fuq il-pakkett jew il-kontenitur, u ma jistax jiġi ddikjarat fid-dokumenti.

Regoli dwar il-Marki tal-Identità

-   Artikolu 1: “Il-marki”

It-tieni paragrafu: 2. Kull maħleb irid jimmarka l-ġobnijiet tiegħu bl-informazzjoni dwar l-oriġini billi:

(a)

iwaħħal diska tal-kaseina ma’ kull rota tal-ġobon bil-kodiċijiet li jidentifikawh;

(b)

jistampa l-kliem “Parmigiano-Reggiano” b’ittri bit-tikek (ara l-Immaġni 1), in-numru tar-reġistrazzjoni tal-maħleb u s-sena u x-xahar tal-produzzjoni madwar il-ġnub tar-rota bl-użu ta’ strixxi ta’ stensils.

ġie emendat biex jaqra:

2.

Kull maħleb irid jimmarka l-ġobnijiet tiegħu bl-informazzjoni dwar l-oriġini billi:

(a)

iwaħħal diska tal-kaseina ma’ kull rota tal-ġobon jew billi juża sistema ekwivalenti li tiżgura l-identifikazzjoni unika ta’ kull ġobon (minn hawn ’il quddiem “diska” jew “diski”);

(b)

jistampa l-kliem “Parmigiano-Reggiano” b’ittri bit-tikek (ara l-Immaġni 1 u l-Immaġni 1-bis), in-numru tar-reġistrazzjoni tal-maħleb, is-sena u x-xahar tal-produzzjoni u l-akronimu “DOP” madwar il-ġnub tar-rota bl-użu ta’ strixxi ta’ stensils.

Dawn l-emendi ġew inklużi fil-punt 3.6 tad-Dokument Uniku.

Peress li l-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu joħolqu modi oħra ta’ identifikazzjoni unika tal-ġobnijiet “Parmigiano Reggiano” fil-futur, it-test issa jiddikjara l-possibbiltà li jintużaw sistemi oħra għajr id-diski tal-kaseina.

Żdiedet referenza għall-“Immaġni 1-bis”, li żdiedet mat-taqsima “Kampjuni ta’ Immaġnijiet”.

It-test issa jiddikjara li l-istrixxi ta’ stensils użati biex jiġu stampati l-marki tal-oriġini fil-ġobnijiet iridu jinkludu wkoll l-akronimu DOP, peress li dan l-akronimu diġà jinsab fuq l-istensils użati llum.

It-tielet paragrafu: 3. Il-marki tal-għażla jsiru mill-Konsorzju tal-Ġobon “Parmigiano Reggiano” f’konformità mal-Art. 4, 5, 6, 7 u 8 hawn taħt, ladarba l-kontrolli jkunu twettqu mill-korp ta’ kontroll awtorizzat.

ġie emendat biex jaqra:

3.

Il-marki tal-għażla jsiru mill-Konsorzju tal-Ġobon “Parmigiano Reggiano”, kif huwa stabbilit fl-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 8 hawn taħt, ladarba l-kontrolli jkunu twettqu mill-korp ta’ kontroll awtorizzat.

Il-kelma “Artikoli” miktuba bis-sħiħ ħadet post l-abbrevjazzjoni “Art.”.

-   Artikolu 3: “Obbligi tal-imħaleb”

L-ewwel paragrafu: 1. Mill-inqas 4 xhur qabel il-bidu tal-attività, l-imħaleb li jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu l-ġobon “Parmigiano Reggiano” iridu japplikaw mal-Konsorzju, fejn jiddikjaraw li ġew inklużi fis-sistema ta’ kontroll, sabiex jiġu allokati numru tar-reġistrazzjoni u jitolbu strixxi ta’ stensils u diski tal-kaseina għall-marki tal-oriġini.

ġie emendat biex jaqra:

1.

Qabel ma jibdew l-attività, l-imħaleb li jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu l-ġobon “Parmigiano Reggiano” iridu japplikaw mal-Konsorzju, fejn jiddikjaraw li ġew inklużi fis-sistema ta’ kontroll, sabiex jiġu allokati numru tar- reġistrazzjoni u jitolbu strixxi ta’ stensils u diski għall-marki tal-oriġini.

Ir-referenza għal “4 xhur” tneħħiet peress li dan tqies li huwa perjodu ta’ żmien twil wisq. Il-kelma “kaseina” tħassret f’konformità mal-emenda għall-Artikolu 1.

It-tieni paragrafu: 2. L-imħaleb huma responsabbli għall-użu u l-preżervazzjoni xierqa ta’ strixxi ta’ stensils u diski tal-kaseina, li jiġu fornuti lilhom fuq il-bażi ta’ fiduċja.

ġie emendat biex jaqra:

2.

L-imħaleb huma responsabbli għall-preżervazzjoni u l-użu xieraq ta’ strixxi ta’ stensils u diski, li jiġu fornuti lilhom fuq il-bażi ta’ fiduċja.

Din l-emenda tikkonsisti mir-riformulazzjoni tas-sentenza dwar il-preżervazzjoni u l-użu xieraq ta’ strixxi ta’ stensils u diski f’ordni aktar loġika.

Il-ħames paragrafu: 5. [...] F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-Konsorzju għandu jordna l-irtirar ta’ strixxi ta’ stensils u diski u/jew l-impożizzjoni ta’ penali, skont il-proċeduri stabbiliti fil-pjan ta’ kontroll.

ġie emendat biex jaqra:

6.

[...] F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-Konsorzju għandu jordna l-irtirar ta’ strixxi ta’ stensils u diski u/jew l-impożizzjoni ta’ penali, f’konformità mal-leġiżlazzjoni attwali.

Huwa ċċarat li kwalunkwe rtirar ta’ strixxi ta’ stensils jew diski u/jew l-impożizzjoni ta’ penali mill-Konsorzju jrid isir f’konformità mal-leġiżlazzjoni attwali.

-   Artikolu 6: “Klassifikazzjoni tal-ġobon”

It-tieni paragrafu: 2. Sabiex il-proċess tal-ispezzjoni tal-kwalità jkun magħmul kemm jista’ jkun oġġettiv, il-panels tal-ispezzjoni jridu jaqtgħu mill-inqas rota waħda ta’ ġobon għal kull lott, u qatt inqas minn ġobna waħda minn kull elf jew parti minnha, sabiex jivvalutaw il-karatteristiċi tas-sawra u organolettiċi. [...]

ġie emendat biex jaqra:

2.

Biex jgħinu lill-ispetturi fil-valutazzjoni tagħhom tal-ġobnijiet, il-panels tal-ispezzjoni jridu jaqtgħu mill-inqas rota waħda ta’ ġobon għal kull lott, u fi kwalunkwe każ kemm hemm bżonn ġobnijiet sabiex jivvalutaw il-karatteristiċi tas-sawra u organolettiċi. [...]

L-attività tal-ispetturi fil-valutazzjoni tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” issa hija deskritta b’mod aktar korrett billi jiġi speċifikat li l-għan tal-qtugħ tal-ġobnijiet huwa li jgħinhom fil-proċess tal-valutazzjoni tal-kwalità. Barra minn hekk, minflok ma jirreferi għall-għadd minimu ta’ ġobnijiet li l-panels tal-ispezzjoni jridu jaqtgħu, it-test issa jeħtieġ li huma jaqtgħu kemm hemm bżonn ġobnijiet għall-aħjar valutazzjoni tal-karatteristiċi tas-sawra u organolettiċi tal-pejst tal-ġobon, u b’hekk itejbu l-valutazzjoni tagħhom.

-   Artikolu 7: “Ittimbrar bil-linka”

L-ewwel paragrafu: Matul l-ispezzjonijiet tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 6, il-ġobnijiet għandhom jiġu ttimbrati b’linka li ma titħassarx b’marka provviżorja li tassenja waħda mill-kategoriji li ġejjin kif definiti fl-Anness:

ġie emendat biex jaqra:

Matul l-ispezzjonijiet tal-kwalità msemmija fl-Artikolu 6, il-ġobnijiet għandhom jiġu ttimbrati b’linka li ma titħassarx, jew bl-użu ta’ sistema ekwivalenti, b’marka provviżorja li tassenja waħda mill-kategoriji li ġejjin kif definiti fl-Anness:

Wara l-ispezzjoni tal-kwalità u l-klassifikazzjoni, hija prattika attwali li l-ispetturi jimmarkaw il-ġobnijiet b’timbru tal-linka fejn jimmarkahom b’mod provviżorju bil-kategorija tal-kwalità li jkunu ġew assenjati – l-ewwel, it-tieni jew it-tielet – sakemm il-ġobnijiet jgħaddu mill-proċess ta’ mmarkar sussegwenti, li jista’ jseħħ b’effett minn 7 ijiem wara l-ispezzjoni, kif ordnat mill-korp ta’ kontroll. Peress li t-teknoloġija qed tevolvi, din l-emenda għandha l-għan li tagħmilha possibbli li jintużaw mekkaniżmi differenti għal din l-identifikazzjoni temporanja tal-ġobnijiet.

-   Artikolu 9: “Ikkanċellar ta’ marki”

Il-paragrafu li ġej: Il-marki għandhom jitneħħew minn ġobnijiet tal-kategorija tlieta […] mill-persunal tal-Konsorzju […].

ġie emendat biex jaqra:

Il-marki tal-oriġini għandhom jitneħħew minn madwar il-ġnub tal-ġobnijiet tal-kategorija tlieta […] mill-persunal tal-Konsorzju […].

Il-marki tal-oriġini fuq il-ġobnijiet huma: il-kliem “Parmigiano Reggiano” b’ittri bit-tikek (kif ukoll in-numru tar-reġistrazzjoni tal-maħleb li pproduċieh, is-sena u x-xahar tal-produzzjoni u l-abbrevjazzjoni DOP)”, stampat madwar il-ġnub tar-rota tal-ġobon bl-użu ta’ strixxa ta’ stensil; u d-diska tal-kaseina għal skopijiet ta’ traċċabbiltà, li normalment tkun imwaħħla mal-wiċċ ċatt tar-rota. Meta ġobna ma tissodisfax ir-rekwiżiti biex tintuża d-DOP, il-marki tal-oriġini madwar il-ġnub, inklużi l-kliem “Parmigiano-Reggiano” b’ittri bit-tikek, jitneħħew sabiex il-ġobon ma jibqax jiġi ppreżentat lill-konsumaturi bħala “Parmigiano Reggiano”, filwaqt li d-diska tal-kaseina, li normalment tkun fuq wieħed mill-uċuħ ċatti tar-rota tal-ġobon u jeħtieġ li tibqa’ f’postha biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà, titħalla mwaħħla. L-għan tal-emenda huwa li jagħmilha aktar ċara li l-marki tal-ikkanċellar tal-oriġini jikkonċernaw biss dawk madwar il-ġenb tar-rota tal-ġobon.

-   Artikolu 11: “Appelli”

L-ewwel paragrafu: 1. L-imħaleb jistgħu jappellaw il-verdett ta’ spezzjoni tal-kwalità billi jikkuntattjaw bil-miktub permezz ta’ ittra reġistrata lill-Konsorzju mhux aktar tard minn 4 ijiem wara t-tmiem ta’ kull sessjoni individwali ta’ spezzjoni tal-kwalità.

ġie emendat biex jaqra:

1.

L-imħaleb jistgħu jappellaw il-verdett ta’ spezzjoni tal-kwalità billi jikkuntattjaw bil-miktub lill-Konsorzju sa jumejn (2) wara t-tmiem ta’ kull sessjoni individwali ta’ spezzjoni tal-kwalità.

Il-perjodu ta’ żmien li fih jista’ jiġi appellat il-verdett ta’ spezzjoni tal-kwalità tnaqqas minn 4 ijiem għal jumejn. Sabiex jiġi ssimplifikat il-proċess amministrattiv, it-test issa jiddikjara li l-appelli jridu jiġu ppreżentati bil-miktub, u mhux neċessarjament mibgħuta permezz ta’ ittra rreġistrata.

-   Artikolu 12: “Talba għall-korrezzjoni tal-marki tal-oriġini”

Dan l-artikolu, li attwalment jaqra: Jekk għandu jsir xogħol fuq il-parti tal-qoxra fejn tinsab id-diska biex jiġu kkoreġuti d-difetti li żviluppaw matul il-maturazzjoni, il-maħleb għandu jitlob lill-Konsorzju biex jissostitwixxi d-diska b’timbru li ma jitħassarx. L-imħaleb iridu jżommu d-diski mneħħija u jgħadduhom lill-Konsorzju.

ġie emendat biex jaqra:

1.

Jekk diska ma tibqax teħel kif suppost mal-ġobon wara l-maturazzjoni, jew ikun irid isir xogħol fuq il-parti tal-qoxra fejn tkun tinsab id-diska biex jiġu kkoreġuti d-difetti li jkunu żviluppaw matul il-maturazzjoni, il-maħleb għandu minnufih jitlob lill-Konsorzju biex jissostitwixxi d-diska b’timbru li ma jitħassarx. L-imħaleb iridu jżommu d-diski mneħħija u jgħadduhom lill-Konsorzju.

It-test issa jeħtieġ ukoll li l-imħaleb jitolbu lill-Konsorzju jissostitwixxi d-diski b’timbri li ma jitħassrux meta d-diska ma tibqax teħel sew mal-ġobon, u jispeċifika li din it-talba trid issir fil-pront.

-   Artikolu 13: “Talba għall-ikkanċellar tal-marki tal-oriġini”

Dan l-artikolu, li attwalment jaqra: Jekk jiżviluppaw difetti waqt il-maturazzjoni li jkunu tant serji li l-proċess ta’ maturazzjoni ma jkunx jista’ jitkompla, l-imħaleb huma intitolati li jitolbu, qabel l-ispezzjoni tal-kwalità, li l-Konsorzju jikkanċella l-marki tal-oriġini tal-ġobon affettwat jew li l-ġobon jiġi mgħoddi lilu f’konformità mal-Artikolu 9.

ġie emendat biex jaqra:

Jekk jiżviluppaw difetti waqt il-maturazzjoni li jkunu tant serji li l-proċess minimu ta’ maturazzjoni ma jkunx jista’ jitkompla, l-imħaleb huma intitolati li jitolbu, qabel l-ispezzjoni tal-kwalità, li l-Konsorzju jikkanċella l-marki tal-oriġini madwar il-ġnub tal-ġobon affettwat jew li l-ġobon jiġi mgħoddi lilu f’konformità mal-Artikolu 9.

Il-kelma “Minimu” żdiedet biex jiġi magħmul ċar li l-imħaleb jistgħu jitolbu l-ikkanċellar tal-marki matul il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni ta’ 12-il xahar. Barra minn hekk, skont l-emenda tal-Artikolu 9 u d-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu, huwa speċifikat li l-ikkanċellar tal-marki tal-oriġini jikkonċerna biss dawk li jinstabu madwar il-ġnub tar-rota tal-ġobon.

-   Artikolu 16: “Kostijiet”

It-tielet paragrafu: L-imħaleb għandhom ikunu meħtieġa jkopru l-kost tas-sostituzzjoni tal-istrixxi ta’ stensils li jkunu ttieklu bl-użu qabel il-waqt jew li b’xi mod ieħor ikunu ġarrbu ħsara.

ġie emendat biex jaqra:

L-imħaleb jistgħu jkunu meħtieġa jkopru l-kost tas-sostituzzjoni tal-istrixxi ta’ stensils li jkunu ttieklu bl-użu qabel il-waqt jew li b’xi mod ieħor ikunu ġarrbu ħsara.

“Għandhom” inbidlet għal “jistgħu” minħabba li t-talba għall-ħlas ta’ dawn il-kostijiet hija għażla, mhux obbligu.

Anness

“Kategoriji ta’ Prodotti”

Fil-punt 3, dwar il-“Parmigiano Reggiano”mezzano [medju], il-frażi li ġejja: korrezzjonijiet imwettqa sew li jkunu saru fil-ġnub jew l-uċuħ ċatti tar-rota li jkunu minimi biżżejjed biex jevitaw li jxekklu b’mod sinifikanti d-dehra esterna tal-ġobon, mingħajr l-ebda difett fir-riħa.

ġie emendat biex jaqra:

korrezzjonijiet magħmula fil-ġnub jew l-uċuħ ċatti tar-rota li jkunu minimi biżżejjed biex jevitaw li jxekklu b’mod sinifikanti d-dehra esterna tal-ġobon, mingħajr l-ebda difett fir-riħa.

Fl-applikazzjoni tad-drawwiet u l-prattiki rilevanti għad-definizzjoni tal-kategoriji kummerċjali tal-ġobon “Parmigiano Reggiano”, kif huwa msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regoli dwar il-Marki tal-Identità, u b’mod aktar speċifiku fil-punt (b) (Kategoriji tal-għażla tas-suq 0-1) tal-intestatura Klassifikazzjoni tal-ġobon fi ħdan ir-raba’ taqsima (Il-Ġobon Parmigiano-Reggiano) tal-Kompendju Provinċjali tad-Drawwiet tal-Kamra tal-Kummerċ, is-Sengħat Artiġjanali u l-Agrikoltura tar-Reggio Emilia tal-1990, il-ġobon tal-“kategorija 0” jista’ jkollu “ċerti korrezzjonijiet minuri eżegwiti sew jew kwistjonijiet minuri li jkunu qed jistennew li jiġu kkoreġuti li ma jirriżultawx fid-deformazzjoni tar-rota tal-ġobon”. Dan il-kunċett ta’ “korrezzjoni” jinkludi kemm id-difetti estetiċi li jkunu għadhom preżenti fuq il-qoxra ta’ ġobna, li jvarjaw f’termini tad-daqs, il-fond u possibbilment il-kontenut ta’ ndewwa (“kwistjoni li tkun qed tistenna li tiġi kkoreġuta”), kif ukoll ir-riżultat tal-korrezzjoni ta’ difett estetiku, normalment permezz ta’ kawterizzazzjoni, biex tiġi solvuta jew imnaqqsa l-problema jew titneħħa l-indewwa (“korrezzjoni mwettqa”).

Fl-anness Kategoriji tal-Prodott tar-Regoli dwar il-Marki tal-Identità, il-punt 2 (Parmigiano Reggiano tal-kategorija 0 u l-kategorija 1), il-punt (a) (il-kategorija 0) ma jiddistingwix bejn “korrezzjonijiet imwettqa” jew “kwistjonijiet li jkunu qed jistennew li jiġu kkoreġuti”, iżda jirreferi biss għall-fatt li kwalunkwe korrezzjoni trid tkun żgħira fid-daqs u ma tikkawżax li l-ġobon jiġi deformat.

Illum il-ġurnata hija prattika komuni li l-imħaleb jissottomettu “kwistjonijiet li jkunu qed jistennew li jiġu kkoreġuti” lill-panel ta’ spezzjoni tal-kwalità, f’liema każ il-ġobnijiet jiġu assenjati l-kategorija tal-prodott ix-xierqa skont l-estent tad-difett.

Peress li l-inklużjoni tal-kliem “imwettqa sew” kienet tfisser li din is-silta kienet tkopri biss il-“korrezzjonijiet imwettqa”, dan il-kliem tneħħa, biex b’hekk baqgħet il-possibbiltà li jiġu sottomessi għal spezzjoni ġobnijiet tal-kategorija 2 kemm b’“korrezzjonijiet imwettqa” kif ukoll bi “kwistjonijiet li jkunu qed jistennew li jiġu kkoreġuti”.

KAMPJUNI TA’ IMMAĠNIJIET

Ġiet inkluża immaġni tal-kliem “Parmigiano-Reggiano” b’ittri bit-tikek madwar il-ġenb ta’ rota tal-“Parmigiano Reggiano” għal skopijiet illustrattivi.

L-intestatura “Oħrajn”

Is-subintestatura “Ippakkjar”

L-Istandard tal-Produzzjoni tal-Ġobon

-   Artikolu 6

Dan il-paragrafu: Il-porzjonijiet tal-“Parmigiano Reggiano” jistgħu jiġu ppakkjati għall-bejgħ immedjat wiċċ imbwiċċ fl-istess negozju li jkun qata’ l-porzjon.

ġie emendat biex jaqra:

It-taħkik, il-qtugħ f’porzjonijiet, u l-ippakkjar minn qabel għall-bejgħ dirett jistgħu jitwettqu fil-ħanut tal-bejgħ bl-imnut biss għall-fini tal-bejgħ lill-konsumatur aħħari.

Din l-emenda ġiet inkluża fil-punt 3.5 tad-Dokument Uniku.

Il-verżjoni attwali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tipprevedi l-possibbiltà ta’ qtugħ f’porzjonijiet u ppakkjar tal-“Parmigiano Reggiano” għall-bejgħ immedjat wiċċ imbwiċċ fil-ħanut tal-bejgħ bl-imnut li fih isir il-qtugħ f’porzjonijiet. Din il-possibbiltà ġiet inkluża fuq il-bażi tal-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-punt 62 tas-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003 fil-Kawża C-469/00). Dan jagħmilha possibbli wkoll li n-negozji jipprovdu servizz lill-konsumaturi aħħarija, peress li l-qtugħ ta’ porzjonijiet mir-roti jew partijiet mir-roti tal-ġobon huwa proċess li jieħu ħafna ħin u jkun diffiċli ħafna għall-punti tal-bejgħ – b’mod partikolari meta jkunu okkupati ħafna – jekk il-porzjonijiet ikunu jistgħu jitqattgħu biss fuq talba mill-konsumatur.

Billi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi wkoll il-proċess tat-taħkik, din l-emenda tinkludi l-possibbiltà espliċita li t-taħkik u l-ippakkjar isiru wkoll fil-ħanut tal-bejgħ bl-imnut għall-bejgħ dirett lill-konsumatur aħħari, għall-istess raġunijiet mogħtija hawn fuq. Din il-kjarifika hija meħtieġa wkoll minħabba l-oġġezzjonijiet frekwenti li tqajmu f’dawn l-aħħar snin mill-korpi responsabbli għall-kontrolli fir-rigward tal-possibbiltà ta’ taħkik u ppakkjar tal-“Parmigiano Reggian”” fi ħwienet tal-bejgħ bl-imnut għall-bejgħ dirett.

L-intestatura “Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar”

Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar

-   Artikolu 1: “Ambitu”

Żdiedu t-tieni, it-tielet u r-raba’ paragrafi mal-Artikolu 1.

It-tieni paragrafu jaqra:

Il-ħalib irid jiġi prodott f’irziezet li jinsabu fiż-żona ta’ oriġini u li huma inklużi fis-sistema ta’ kontroll.

Din is-sentenza ddaħħlet fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku, u tħasser dan li ġej: is-sentenza mill-punt 3.3 li taqra Il-ħalib jiġi minn baqar imrobbija fiż-żona ġeografika ddefinita; is-sentenzi mill-punt 3.4 li taqra “L-irziezet li jrabbu l-baqar tal-ħalib li l-ħalib tagħhom se jiġi pproċessat f’“Parmigiano Reggiano” iridu jkunu jinsabu fiż-żona ġeografika ddefinita; u r-referenza għall-ħalib li qed jiġi “prodott” mill-punt 3.4 tad-Dokument Uniku.

Ġie ċċarat li l-ħalib tal-baqra użat bħala materja prima jrid jiġi prodott fiż-żona ġeografika ddefinita f’azjendi agrikoli li huma soġġetti għal kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-tielet paragrafu jaqra:

It-trobbija ta’ baqar tal-ħalib ta’ sostituzzjoni (“stokkjar mill-ġdid”) trid titwettaq fiż-żona ta’ oriġini u għandha tiġi inkluża fis-sistema ta’ kontroll bħala attività speċifika ta’ razzett li jipproduċi l-ħalib. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 9 japplikaw għall-bhejjem li joriġinaw minn setturi oħra tal-produzzjoni.

Din l-emenda ġiet inkluża fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

It-test issa jinkludi referenza espliċita għat-trobbija tal-baqar tal-ħalib ta’ sostituzzjoni (“stokkjar mill-ġdid”), jiġifieri t-trobbija ta’ għoġġiela nisa u erieħ li se jingħaqdu mal-merħla tal-ħalib fil-futur, flimkien mar-referenza meħtieġa li din hija attività speċifika ta’ razzett tal-ħalib. Minħabba din ir-rabta strutturali u funzjonali mat-trobbija tal-annimali tal-ħalib, it-test issa jeħtieġ li l-istokkjar mill-ġdid isir fiż-żona ġeografika ddefinita u li jkun soġġett għal kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Fl-aħħar nett, qed issir referenza għall-Artikolu 9 tar-Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar, li jirregola d-dħul tal-bhejjem minn ktajjen tal-produzzjoni għajr il-katina “Parmigiano Reggiano” f’imħaleb jew f’unitajiet ta’ stokkjar mill-ġdid.

Ir-raba’ paragrafu jaqra:

L-imħaleb li kellhom attivitajiet ta’ stokkjar mill-ġdid barra miż-żona ta’ oriġini fil-5 ta’ Jannar 2021 jistgħu jkomplu jwettqu din l-attività barra miż-żona ta’ oriġini sakemm din tkun inkluża fis-sistema ta’ kontroll.

Din l-emenda ġiet inkluża fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

L-emenda tqis ir-rappreżentazzjonijiet magħmula minn ċerti negozji involuti fit-trobbija tal-bhejjem u fil-produzzjoni tal-ħalib biex isir il-ġobon “Parmigiano Reggiano”, li – kif tippermetti l-verżjoni attwali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott – ilhom żmien twil jiġġestixxu ċ-ċikli tal-produzzjoni tagħhom stess bl-użu ta’ unità ta’ stokkjar mill-ġdid li tinsab barra ż-żona ġeografika ddefinita. L-uniku għan ta’ din l-attività huwa li jitrabbew għoġġiela nisa u erieħ żgħar li, ladarba jimmaturaw, jissostitwixxu l-baqar tal-ħalib fl-imħaleb tal-istess negozji fiż-żona ġeografika ddefinita. Għalhekk, din l-emenda tagħmilha possibbli li tiġi żgurata l-kontinwità ta’ mudell kummerċjali organizzat b’dan il-mod, għalkemm dan qiegħed jiġi kkontrobilanċjat billi l-attivitajiet ta’ stokkjar mill-ġdid ta’ dawk l-intrapriżi li jinsabu barra miż-żona ġeografika ddefinita jsiru soġġetti għar-rekwiżiti bażiċi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 9 tar-Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar u l-kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, diment li dawk l-attivitajiet kienu diġà fis-seħħ meta l-applikazzjoni għal emenda ġiet ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana.

-   Artikolu 4: “Foraġġ permess”

It-tieni punt tal-ewwel paragrafu: Il-baqar tal-ħalib jistgħu jiġu mitmugħa:

[...]

foraġġ tas-sikrana, foraġġ tas-segala, foraġġ tal-ħafur, foraġġ tax-xgħir, foraġġ tal-qamħ, foraġġ tal-qamħirrum [...];

ġie emendat biex jaqra:

Il-baqar tal-ħalib jistgħu jiġu mitmugħa:

[...]

foraġġ tas-sikrana, foraġġ tas-segala, foraġġ tal-ħafur, foraġġ tax-xgħir, foraġġ tal-qamħ, foraġ tal-qamħ tritikal, foraġġ tal-qamħirrum [...];

Il-foraġġ tal-qamħ tritikal, li għandu karatteristiċi simili għall-foraġġ ta’ għelejjel oħra diġà permessi (ix-xgħir, il-qamħ, is-segala, eċċ.), ġie inkluż fil-lista ta’ foraġġ permess. Peress li l-użu tal-foraġġ tal-qamħ tritikal, frisk jew imnixxef, jista’ jkun ta’ interess partikolari fil-partijiet l-aktar għoljin taż-żona ġeografika ddefinita, fejn dan huwa partikolarment prevalenti, it-test issa espressament jinkludi l-possibbiltà li dan jintuża sabiex tiġi massimizzata l-possibbiltà li jintuża l-foraġġ miż-żona lokali.

-   Artikolu 5: “Foraġġ u prodotti sekondarji pprojbiti”

L-ewwel żewġ paragrafi:

Sabiex jiġi evitat li l-ambjent tal-maqjel tal-ifrat fejn jitrabbew l-għoġġiela nisa, l-erieħ sas-6 xahar tal-ġestazzjoni u l-baqar tal-ħalib jitkabbru mingħajr kontaminazzjoni bis-silaġġ – inkluża l-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni mill-ħamrija u l-foraġġ – l-użu u l-pussess ta’ silaġġ ta’ kwalunkwe tip huma pprojbiti.

Il-farms li fihom jitrabbew il-baqar tal-ħalib iridu jiżguraw li jintużaw żoni kompletament separati għal kwalunkwe attività ta’ biedja minn ktajjen oħra tal-produzzjoni (bhejjem taċ-ċanga, diġesturi, eċċ.). Iċ-ċereali insilati u l-prodotti sekondarji jistgħu jinżammu u jintużaw għal dawn l-attivitajiet ta’ biedja oħra.

ġew emendati biex jaqraw:

Sabiex jiġi evitat li l-ambjent tal-maqjel tal-ifrat jiġi kkontaminat bis-silaġġ – inkluża l-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni mill-ħamrija u l-foraġġ – u biex ir-rumens tal-annimali jkunu jistgħu jadattaw fiżjoloġikament għal dieta mingħajr silaġġ, l-imħaleb u l-unitajiet ta’ stokkjar mill-ġdid huma pprojbiti milli jużaw u jippossjedu silaġġ ta’ kwalunkwe tip.

Il-farms li fihom jitrabbew il-baqar tal-ħalib u l-unitajiet ta’ stokkjar mill-ġdid iridu jiżguraw li jintużaw żoni kompletament separati għal kwalunkwe attività ta’ biedja minn ktajjen oħra tal-produzzjoni (bhejjem taċ-ċanga, diġesturi, eċċ.). Iċ-ċereali insilati u l-prodotti sekondarji jistgħu jinżammu u jintużaw għal dawn l-attivitajiet ta’ biedja oħra.

L-emenda għall-ewwel paragrafu saret fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

L-għan ta’ din l-emenda huwa l-ewwel nett li tadatta l-Artikolu biex jirrifletti l-emendi għall-Artikolu 1 tar-Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar, inkluża l-armonizzazzjoni tat-terminoloġija użata, billi tistabbilixxi li, kif diġà kien il-każ għall-imħaleb li jipproduċu l-ħalib, l-unitajiet ta’ stokkjar mill-ġdid huma pprojbiti wkoll milli jużaw u jippossjedu kwalunkwe tip ta’ silaġġ. It-tieni, l-emenda tinkludi b’mod espliċitu t-tieni raġuni fundamentali għall-projbizzjoni tal-pussess u l-użu tas-silaġġ, minbarra l-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni tal-ambjent tal-maqjel: il-ħtieġa li jkun permess l-adattament fiżjoloġiku tar-rumens tal-annimali għal dieta mingħajr silaġġ (minn età żgħira). Għal dan it-tieni aspett, jekk jogħġbok irreferi għar-raġunijiet mogħtija għall-emendi għall-Artikolu 9 tar-Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar.

Bl-istess mod, l-emenda għat-tieni paragrafu għandha l-għan ukoll li tallinja l-artikolu mal-emendi magħmula għall-Artikolu 1 tar-Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar.

Ir-referenza għall-melassa f’forma likwida (ħlief fejn l-użu huwa permess skont l-Artikolu 6), li qabel kienet is-sitt inċiż taħt il-punt (b) tar-raba’ paragrafu, tħassret.

Il-projbizzjoni assoluta fuq l-użu tal-melassa, li oriġinarjament ġiet introdotta minħabba l-karatteristiċi frekwenti dgħajfa u varjabbli ħafna ta’ dan il-prodott, tneħħiet (għalkemm l-użu tagħha għadu rregolat mill-Artikolu 6) minħabba li dan il-prodott issa huwa kompletament affidabbli bis-saħħa tat-teknoloġija moderna tal-produzzjoni, li l-użu tagħha huwa meħtieġ mil-liġi. L-użu tal-melassa huwa saħansitra rrakkomandat f’ċerti razzjonijiet, bħal razzjonijiet ibbażati fuq il-ħuxlief, li għandhom inqas zokkor mill-ħaxix frisk minħabba li l-fermentazzjoni ħafifa li tibdel il-ħaxix f’ħuxlief tikkawża t-telf ta’ xi kontenut ta’ zokkor.

Illum il-ġurnata, il-maqjel tal-ifrat jiġi ġestit b’mod differenti ħafna, li jfisser li r-riskju li l-ħwat u t-tagħmir tar-razzett jitħammġu – oriġinarjament waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex kienet irrakkomandata kawtela estrema fl-użu tal-melassa ġewwa l-maqjel – issa jista’ jiġi ġestit faċilment.

-   Artikolu 6: “Materja prima f’għalf li ma huwiex foraġġ”

Il-paragrafi li ġejjin: Dawn li ġejjin jistgħu jintużaw ukoll f’għalf kompost komplementari:

ħarrub sa kwantità massima ta’ 3 %;

melassa sa kwantità massima ta’ 3 %.

L-għoti ta’ għalf fil-forma ta’ blokok tal-melassa, inkluż f’forma mfarrka, huwa permess sa massimu ta’ 1 kg għal kull annimal kuljum. Madankollu, l-użu ta’ blokok tal-melassa ma huwiex kompatibbli mal-użu ta’ għalf li fih il-melassa.

Prodotti bbażati fuq iz-zokkor u/jew prodotti bbażati fuq il-glikol propileniku u l-gliċerol huma permessi wkoll, jew f’forma likwida jew imħallta mal-għalf, sa massimu ta’ 300 g għal kull annimal kuljum.

ġew emendati biex jaqraw:

Il-melassa tal-ħarrub, tal-pitravi u tal-kannamieli, l-estratt tax-xgħir, il-glikol propileniku u l-gliċerol jistgħu jintużaw ukoll f’għalf kompost komplementari sa kwantità totali massima ta’ 6 %.

L-użu ta’ prodotti bbażati fuq iz-zokkor, inklużi dawk f’forma likwida jew f’forma bbażata fuq il-melassa (melassa tal-kannamieli jew tal-pitravi), l-estratt tax-xgħir, il-glikol propileniku u l-gliċerol, fid-dieti tal-baqar tal-ħalib, kemm jekk mogħtija lil baqar individwali kif ukoll jekk miżjuda mar-razzjon imħallat totali, huwa limitat għal 800 g għal kull annimal kuljum. Dawn il-prodotti ma jistgħux jingħataw mal-ilma tax-xorb.

L-artikolu sempliċement jgħaqqad il-limiti fuq il-ħarrub u l-melassa (u prodotti simili oħra taz-zokkor), li qabel kienu maqsuma fi 3 % melassa + 3 % ħarrub, f’limitu globali wieħed ta’ 6 %.

L-użu tal-prodotti taz-zokkor, inklużi l-melassi li qabel kienu pprojbiti mill-Artikolu 5, ġie estiż minn blokok tal-melassa biss għal grupp usa’ ta’ prodotti simili u regolat bl-iffissar ta’ limitu massimu ta’ kuljum li huwa kkunsidrat xieraq biex jissupplimenta r-razzjonjiet b’fibra għolja li huma tipiċi tal-katina tal-produzzjoni tal-“Parmigiano Reggiano”.

L-użu ta’ dawn il-prodotti huwa partikolarment adatt illum meta mqabbel ma’ meta ġiet abbozzata l-verżjoni preċedenti tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, minħabba li r-razzjon imħallat totali issa qiegħed jintuża b’mod mifrux, u dawn jistgħu jwettqu funzjoni utli: huma jgħaqqdu r-razzjon u jagħmluh inqas qisu trab, li jirriżulta f’taħlita aktar omoġenja u f’ambjent tal-maqjel aktar iġjeniku.

Il-ħames paragrafu: Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, prodotti u għalf oħra permessi mil-leġiżlazzjoni attwali għall-użu fil-baqar tal-ħalib jistgħu jintużaw ukoll diment li dawn jiġu ttestjati mill-Konsorzju tal-Ġobon “Parmigiano Reggiano”, li għandu jinnotifika lill-korpi kompetenti ladarba jkun ivverifika l-kompatibbiltà ta’ dawn il-prodotti u għalf.

issa huwa r-raba’ paragrafu u ġie emendat biex jaqra:

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, prodotti u għalf oħra permessi mil-leġiżlazzjoni attwali għall-użu fil-baqar tal-ħalib jistgħu jintużaw ukoll diment li dawn jiġu vvalutati mill-Konsorzju tal-Ġobon “Parmigiano Reggiano”, li għandu jinnotifika lill-korpi kompetenti ladarba jkun ivverifika l-kompatibbiltà ta’ dawn il-prodotti u għalf mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2.

Fir-rigward tal-projbizzjoni tal-użu ta’ ċerta materja prima f’għalf u prodotti mhux tal-foraġġ għat-tmigħ tal-baqar tal-ħalib, it-terminu “ittestjar” inbidel għal “valutazzjoni”. Issa huwa speċifikat li l-kompatibbiltà għandha tiġi vverifikata skont il-“Prinċipji ġenerali li jirregolaw l-għalf” stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar.

-   Artikolu 7: “L-użu ta’ għalf komplementari sempliċi u kompost, arrikkit u mhux arrikkit”

Ir-raba’ paragrafu tħassar. Dan kien jaqra: Il-kwantità totali ta’ xaħam mhux raffinat minn prodotti u prodotti sekondarji tas-sojja, il-kittien, il-ġirasol, ir-raħs tal-qamħirrum u r-raħs tal-qamħ ma tridx taqbeż it-300 g għal kull annimal kuljum.

Mingħajr ma jinbidel ir-raġunament sottostanti għal dan ir-rekwiżit speċifiku jew l-approċċ ġenerali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għall-użu tax-xaħmijiet – li jridu jiġu regolati b’mod strett – il-metodu ta’ hawn fuq biex tiġi kkwantifikata l-kontribuzzjoni tax-xaħam ta’ ċerti ingredjenti użati biex isir l-għalf mhux għall-foraġġ ġie sostitwit bil-metodu deskritt fl-aħħar paragrafu sabiex il-verifiki jsiru aktar fattibbli, peress li huwa estremament diffiċli li ssir distinzjoni bejn ix-xaħmijiet ipprovduti minn “prodotti u prodotti sekondarji tas-sojja, tal-kittien, tal-ġirasol, tar-raħs tal-qamħirrum u tar-raħs tal-qamħ” waħedhom, u ħafna aktar faċli li tiġi ċċekkjata l-kwantità tax-xaħam totali amministrata, kemm f’termini ta’ dokumenti (abbażi ta’ skedi ta’ informazzjoni dwar l-għalf jew l-ingredjenti mqiegħda fil-mikser TMR) kif ukoll minn perspettiva analitika.

Dan li ġej, li qabel kien it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8, tmexxa hawnhekk biex sar ir-raba’ paragrafu: Il-baqar tal-ħalib ma jistgħux jiġu mitmugħin sapun jew xaħam li joriġina mill-annimali jew mill-ħxejjex (żejt, xaħam tad-dam, xaħam, butir), la direttament u lanqas bħala ingredjent fl-għalf.

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 8: Jistgħu jintużaw lipidi ta’ oriġini veġetali biex iġorru u jipproteġu l-mikronutrijenti, sa kwantità massima ta’ 100 g għal kull annimal kuljum.

issa huwa l-ħames paragrafu tal-Artikolu 7 u ġie emendat kif ġej:

Iż-żjut veġetali u xaħmijiet ta’ kwalunkwe tip jew forma jistgħu jintużaw biss bħala trasportaturi tat-taħlita lesta u għall-protezzjoni tal-aċidi amminiċi, il-vitamini, il-minerali u nutrijenti oħra sa kwantità massima ta’ 50 g għal kull annimal kuljum.

Il-bidliet fit-test li kienu fl-Artikolu 8 jikkonsistu mill-bidla ta’ “lipidi ta’ oriġini veġetali” u “mikronutrijenti” għal “żjut u xaħmijiet veġetali” u “aċidi amminiċi, vitamini, minerali u nutrijenti oħra” rispettivament, peress li huma termini aktar eżawrjenti.

Il-limitu taż-żjut veġetali u x-xaħmijiet miżjudin “kif inhuma” fi kwalunkwe tip jew forma jitnaqqas minn 100 g għal 50 g għal kull annimal kuljum minħabba li dawn is-sustanzi jrid ikollhom il-funzjoni unika li jipproteġu l-aċidi amminiċi, il-vitamini, il-minerali u nutrijenti oħra, minflok ma jintużaw bħala mod kif jiżdiedu bil-moħbi xaħmijiet li normalment huma pprojbiti, prattika li ssir inutli bit-tnaqqis tal-kwantità globali, filwaqt li jinżamm l-użu tagħhom bħala trasportatur għall-aċidi amminiċi bħall-metijonina jew vitamini bħall-kolina.

Żdied dan li ġej bħala s-sitt paragrafu: Sabiex tiġi evitata l-interferenza negattiva mal-fermentazzjoni ruminali u d-deterjorament tal-kwalità tal-ħalib, l-ammont ta’ kuljum ta’ lipidi (stmati bħala estratt tal-etere) mogħti lill-baqar tal-ħalib:

ma jridx ikun aktar minn 4,0 % tal-materja niexfa totali;

ma jridx jaqbeż is-700 g f’termini tal-kwantità amministrata permezz ta’ għalf mhux għall-foraġġ kif definit fl-Artikolu 2 ta’ dawn ir-Regoli.

Il-limitu massimu ta’ kuljum tal-lipidi li jistgħu jiġu amministrati lill-baqar tal-ħalib permezz tal-prodotti permessi ġie stabbilit għal 4 % tal-materja niexfa totali fir-razzjon. Dan il-limitu globali jintlaħaq permezz tal-limitu fuq ix-xaħam amministrat permezz ta’ għalf mhux għall-foraġġ. Minflok limitu ta’ 300 g fuq ix-xaħam li jista’ jiġi amministrat permezz ta’ żrieragħ taż-żejt (is-sojja, il-kittien, il-ġirasol, ir-raħs tal-qamħirrum u r-raħs tal-qamħ), li kien diffiċli ħafna li jiġi vverifikat, dan ġie sostitwit b’limitu ta’ 700 g ta’ xaħmijiet li jistgħu jiġu amministrati f’għalf mhux għall-foraġġ permezz tax-xaħmijiet preżenti b’mod naturali fil-materjali tal-għalf kollha (għalhekk inkluż ukoll il-qamħirrum, pereżempju).

-   Artikolu 8: “Materjali tal-għalf ipprojbiti u prodotti pprojbiti”

Dan li ġej mill-ewwel punt tal-ewwel paragrafu: l-ikel kollu li joriġina mill-annimali: frakass tal-fdal tal-ħut, laħam, demm, plażma, rix, prodotti sekondarji mixxellanji għall-qatla u prodotti sekondarji mnixxfa mill-ipproċessar tal-ħalib u tal-bajd;

ġie emendat biex jaqra:

l-ikel kollu li joriġina mill-annimali: frakass tal-fdal tal-ħut, laħam, demm, plażma, rix, prodotti sekondarji mixxellanji għall-qatla kif ukoll prodotti sekondarji mnixxfa mill-ipproċessar tal-ħalib u tal-bajd;

It-test ġie riformulat bis-sostituzzjoni tal-konġunzjoni u b’kif ukoll.

Fit-tmien punt tal-ewwel paragrafu, alka mrobbija nbidlet għal alka biss, peress li l-oriġini tagħha ma tistax tiġi vverifikata u minħabba li l-prodotti attwalment fis-suq u għalhekk soġġetti għar-regoli fis-seħħ jiggarantixxu livelli suffiċjenti ta’ sikurezza ġenerali.

Dan li ġej mit-tieni punt tar-raba’ paragrafu: l-antiossidanti idrossianiżol butilat, idrossitoluwen butilat u etossikina.

issa huwa t-tieni punt tat-tieni paragrafu u ġie emendat biex jaqra:

l-antiossidanti idrossianiżol butilat, idrossitoluwen butilat u etossikina, sakemm ma jingħatawx ma’ vitamini għal skopijiet teknoloġiċi bħala aġenti stabilizzanti.

L-espressjoni “sakemm ma jingħatawx ma’ vitamini għal skopijiet teknoloġiċi bħala aġenti stabbilizzanti” ġiet miżjuda minħabba li l-antiossidanti elenkati fil-fatt dejjem intużaw fl-għalf b’dan il-mod, peress li jinsabu fit-taħlitiet lesti tal-vitamini li jużaw l-imtieħen tal-għalf biex jipproduċu l-għalf, sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-kwalità tal-vitamini li jinħallu fix-xaħam, bħall-vitamina A (li hija ossidizzata faċilment u għalhekk ma tistax tintuża mingħajr aġenti stabilizzanti). Madankollu, emendi reċenti għal-leġiżlazzjoni jfissru li l-ingredjenti għandhom jiġu elenkati fuq il-prodott aħħari, li jfisser li jistgħu jidhru fuq fuljetti ta’ tagħrif, li jwasslu għal nuqqas ta’ konformità apparenti anki jekk is-sitwazzjoni fil-fatt ma tkunx inbidlet.

Għalhekk, it-test ġie adattat biex jirrifletti l-fatt li l-liġi tirrikjedi li dawn il-prodotti jiġu elenkati fil-fuljetti ta’ tagħrif meta jintużaw f’taħlitiet lesti. Madankollu, tibqa’ l-projbizzjoni fuq dawn il-prodotti bħala ingredjenti awtonomi fl-għalf, peress li l-intenzjoni wara dik ir-regola hija li dawn ma jitħallewx jintużaw bħala soluzzjoni għall-problemi li jirriżultaw mill-użu ta’ materjali tal-għalf ta’ kwalità baxxa.

-   Artikolu 9: “Bhejjem li joriġinaw minn setturi oħra tal-produzzjoni”

L-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 9:

Il-baqar tal-ħalib minn ktajjen tal-produzzjoni għajr il-katina “Parmigiano Reggiano” ma jistgħux jiġu introdotti fl-ambjenti li fihom jinżammu l-baqar tal-ħalib u l-baqar xotti sa mill-inqas 4 xhur wara l-wasla tagħhom fl-azjenda.

Matul dan il-perjodu, il-baqar tal-ħalib iridu jiġu mitmugħin f’konformità ma’ dawn ir-Regoli u kwalunkwe ħalib li jipproduċu ma jistax jiġi kkonsenjat lill-imħaleb tal-ġobon.

ġew emendati biex jaqraw:

L-introduzzjoni tal-bhejjem minn ktajjen tal-produzzjoni għajr il-katina tal-“Parmigiano Reggiano”, u għalhekk mhux inklużi fis-sistema tal-kontroll, f’imħaleb jew f’unitajiet ta’ stokkjar mill-ġdid trid isseħħ mhux aktar tard mill-jum li fih l-annimal jagħlaq 10 xhur.

Din l-emenda ġiet inkluża fil-punt 3.3 tad-Dokument Uniku.

L-elementi ewlenin li jagħmlu l-ġobon “Parmigiano Reggiano” uniku jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

It-territorju: dan għandu jinftiehem f’termini ta’ ħamrija, arja u ilma u huwa essenzjali għall-kapaċità tiegħu li jiġġenera l-għalf għall-bhejjem u jżomm attiva l-mikroflora “tajba” li hija kruċjali għall-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobon. B’mod partikolari, il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ silaġġ ta’ kwalunkwe tip għall-baqar tal-ħalib u r-rwol tal-foraġġ minn mergħat bħal bwar permanenti u temporanji huma rikonoxxuti bħala elementi ewlenin għall-preżervazzjoni ta’ dan it-territorju. Il-bilanċ mikrobijoloġiku delikat meħtieġ għall-produzzjoni tal-ġobon jista’ jiġi ppreżervat biss permezz ta’ ġestjoni bir-reqqa tal-ħamrija, tal-maqjel tal-ifrat u tal-imħaleb tal-ġobon.

Il-bhejjem: il-ġestjoni tal-bhejjem, b’mod partikolari n-nutrizzjoni xierqa, tgħin lill-annimali jiżviluppaw il-kapaċità li jittrasformaw ir-razzjonjiet li jiġu mitmugħa f’ħalib, ir-rispons produttiv tagħhom, is-saħħa u l-lonġevità. Għalhekk jagħmel sens li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tinkoraġġixxi aktar enfasi fuq dawn il-kwistjonijiet, inkluż meta ssir disponibbli informazzjoni ġdida.

Mikroorganiżmi “tajbin” għall-produzzjoni tal-ġobon: dawn minn dejjem kienu meqjusa li għandhom rwol essenzjali biex jagħmlu l-ġobon “Parmigiano Reggiano” uniku.

Ir-regoli kollha tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali huma mfassla biex jippromwovu ħabitat mikrobijoloġiku favorevoli mill-għalqa sal-farm sal-maħleb. B’mod partikolari, il-projbizzjoni tas-silaġġ ta’ kull tip fit-trobbija tal-għoġġiela nisa, l-erieħ sas-6 xahar tal-ġestazzjoni u l-baqar tal-ħalib, flimkien ma’ dieta bbażata fuq il-ħuxlief, jiffurmaw il-pedamenti ta’ approċċ għall-għażla tal-flora speċifika għaż-żona tal-produzzjoni “Parmigiano Reggiano”, f’termini kemm tal-flora “tajba” kif ukoll ta’ dik “ħażina”.

Abbażi ta’ dawn il-prinċipji fundamentali qosra, huwa kkunsidrat importanti li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tevolvi u tistabbilixxi regoli dwar il-ġestjoni tal-għoġġiela u l-erieħ nisa li, ladarba jimmaturaw, jipproduċu ħalib biex isir ġobon. Għal żmien twil, ir-regoli dwar id-dieta mitmugħa lill-baqar tal-ħalib fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ilhom japplikaw ukoll għall-baqar xotti u l-erieħ mis-6 xahar tal-ġestazzjoni ’l quddiem. Dawn ir-regoli ma humiex immirati biss lejn il-prevenzjoni ta’ kwalunkwe deterjorament fil-karatteristiċi tal-kwalità tal-ħalib, peress li dawn l-aħħar żewġ kategoriji ma jipproduċux ħalib, iżda wkoll (u fuq kollox) biex jiggwidaw lill-produtturi lejn mudell tal-biedja li jkun konsistenti mal-pedamenti bażiċi: il-projbizzjoni fuq l-użu tas-silaġġ, razzjonjiet ibbażati fuq il-ħuxlief, l-abbiltà ruminali tal-ipproċessar tal-fibra u l-enfasi fuq l-ifrat kollha fir-razzett. Kif diġà ssemma, l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali testendi l-projbizzjoni fuq l-użu u l-pussess taa-silaġġ ta’ kull tip għat-trobbija ta’ għoġġiela u erieħ nisa sas-6 xahar tal-ġestazzjoni.

L-għan ewlieni wara t-talba ta’ emenda li permezz tagħha l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe bhima minn ktajjen oħra tal-produzzjoni f’razzett li jipproduċi l-ħalib, jew fl-unitajiet, elenkati fis-sistema ta’ kontroll, li fuqhom jitwettqu l-attivitajiet speċifiċi ta’ stokkjar mill-ġdid ta’ razzett li jipproduċi l-ħalib, għandha sseħħ sal-età ta’ 10 xhur biex ittejjeb u żżid il-kapaċità tal-baqra li tadatta għal ħajjitha kollha għad-dieta tipika tal-azjendi inklużi fis-sistema ta’ kontroll tad-DOP “Parmigiano Reggiano” u li diġà tiġi mitmugħa lill-baqar imrobbija direttament fiż-żona tal-produzzjoni, bl-użu tal-foraġġ u l-projbizzjoni tat-tagħlif bis-silaġġ.

Filwaqt li teoretikament dawn l-annimali għandhom idealment jiddaħħlu fl-azjendi agrikoli hekk kif jinfatmu sabiex ikunu jistgħu jadattaw għal ħajjithom kollha għad-dieta tipika tal-farms inklużi fis-sistema ta’ kontroll għad-DOP “Parmigiano Reggiano”, l-età ta’ 10 xhur hija kkunsidrata kmieni biżżejjed biex jinkiseb titjib ċar fis-sitwazzjoni skont l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali. Din il-proposta tirrappreżenta kompromess ġust, li jevita li jimponi piż ekonomiku kbir fuq dawk li bħalissa qegħdin irabbu bhejjem żgħar barra mill-katina tal-produzzjoni tad-DOP “Parmigiano Reggiano”.

Barra minn hekk, fid-dawl tat-tendenza ġenerali li l-erieħ jittaqqlu f’età dejjem aktar bikrija, f’xi każijiet qrib it-12-il xahar, ir-rekwiżit li l-annimali jiġu introdotti sal-età ta’ 10 xhur jiżgura li l-fertilizzazzjoni sseħħ fil-farms fil-katina tal-produzzjoni tad-DOP bil-għan ta’ titjib ġenetiku.

Ir-rekwiżit li l-ifrat jingħataw dieta mingħajr silaġġ mill-10 xahar tal-ħajja tagħhom għandu l-għan li jiżgura li r-rumens tagħhom jiżviluppaw bil-ħuxlief, li jfisser li jistgħu jkunu mistennija li jiżviluppaw karatteristiċi anatomiċi u istoloġiċi li huma aktar adatti għall-istadju sussegwenti tal-produzzjoni tal-ħalib, li jfisser li l-baqar se jiffunzjonaw aħjar b’dak it-tip ta’ dieta. Huwa maħsub b’mod mifrux li t-tmigħ tal-għoġġiela nisa u l-erieħ ta’ dieta bbażata fuq l-użu predominanti tal-foraġġ niexef, minflok is-silaġġ, għandu influwenza pożittiva fuq l-iżvilupp morfoloġiku tagħhom, u jirriżulta f’fond addominali akbar u f’kapaċità ta’ inġestjoni akbar, u tnaqqis fir-riskju ta’ kopertura ta’ xaħam eċċessiva (xi ħaġa li l-użu ħażin tas-silaġġ tal-qamħirrum huwa partikolarment suxxettibbli li jikkawża).

Riċerka reċenti sabet li t-tmigħ tal-ħuxlief lill-erieħ iġib miegħu benefiċċji f’termini tal-konsum tal-materja niexfa u t-tkabbir, u li l-konsum tal-ħuxlief aktar milli tas-silaġġ għandu impatt pożittiv fuq il-kapaċità tal-utilizzazzjoni tal-foraġġ tal-annimal, aktarx bħala riżultat ta’ żvilupp morfofunzjonali aħjar tar-rumen tal-erieħ li jkunu qed jikbru. Għandu jingħad ukoll li l-użu ta’ razzjonjiet li huma aċidoġeniċi minħabba żbilanċ qawwi favur il-lamtu huwa pprojbit, peress li r-razzjonjiet ibbażati fuq is-silaġġ taċ-ċereali (u b’mod partikolari fuq is-silaġġ tal-qamħirrum) tipikament għandhom tendenza li jistgħu jikkawżaw ħsara fit-tessuti fil-mukuża ruminali (erożjoni) u fil-fwied (axxessi). Din il-ħsara, li hija irriversibbli, tagħmel lill-annimali aktar suxxettibbli għal mard ieħor u inqas effiċjenti fl-ipproċessar tar-razzjonjiet ibbażati fuq foraġġ imdaqqas b’ammont kbir ta’ fibra, bħar-razzjonjiet ibbażati fuq il-ħuxlief li huma tipiċi tal-irziezet inklużi fis-sistema ta’ kontroll tad-DOP “Parmigiano Reggiano”. Din il-ħsara hija rari ħafna f’annimali li d-dieta tagħhom hija bbażata fuq foraġġ mhux insilat, b’mod partikolari l-ħuxlief.

Meta mqabbel mal-użu tas-silaġġ, it-tmigħ tal-erieħ b’foraġġ frisk u ħuxlief inaqqas ukoll b’mod drastiku r-riskju li jibilgħu mikotossini, li l-effetti potenzjali tagħhom jinkludu indeboliment fis-sistema immunitarja tal-annimal, li tagħmlu aktar suxxettibbli għall-mard u b’hekk tnaqqas il-lonġevità tiegħu.

Din l-emenda tfittex ukoll li ttejjeb il-kontrolli fis-sistema tal-produzzjoni ċċertifikata tal-ġobon Parmigiano Reggiano, u tagħti lill-konsumatur aħħari assigurazzjoni akbar li l-prodott jikkonforma mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwalment tipprojbixxi l-użu u l-pussess ta’ silaġġ ta’ kwalunkwe tip fit-trobbija ta’ għoġġiela nisa, erieħ sas-6 xahar tal-ġestazzjoni, u baqar tal-ħalib. Ir-rekwiżit tal-“kwarantina” stipulat fl-Artikolu 9 tar-Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali huwa mmirat speċifikament biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-ispori fl-ambjent li fih jinżammu l-baqar tal-ħalib li l-ħalib tagħhom jintuża biex isir il-“Parmigiano Reggiano”, u huwa għalhekk li matul dan il-perjodu ta’ “kwarantina” l-operaturi huma meħtieġa jisseparaw b’mod xieraq il-baqar minn ktajjen tal-produzzjoni għajr il-katina tal-“Parmigiano Reggiano”, iżommu l-ħalib tagħhom separat u jżommu r-rekords tal-irziezet rilevanti.

Maż-żmien, il-kontrolli mwettqa biex jiġi żgurat li r-regoli tal-“kwarantina” qed jiġu segwiti f’konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali wrew bosta nuqqasijiet fir-rispett tar-rekwiżit tal-“kwarantina” fit-termini stabbiliti fil-pjan ta’ kontroll għad-DOP “Parmigiano Reggiano”.

B’mod aktar speċifiku, il-korp ta’ kontroll awtorizzat tad-DOP “Parmigiano Reggiano” sab 12-il każ ta’ “nuqqas ta’ konformità maġġuri” fil-kontrolli tal-konformità mar-rekwiżit tal-“kwarantina” bejn l-2012 u l-2017. Dawn il-każijiet ta’ “nuqqas ta’ konformità maġġuri” wasslu għall-konsegwenzi stabbiliti fit-“tabella ta’ kontroll” marbuta mal-ġestjoni tal-materja prima u, b’mod partikolari, mal-esklużjoni tal-prodott mid-DOP, kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju mill-operaturi affettwati sabiex jiġu eliminati l-kawża jew il-kawżi. Fl-istess perjodu, il-korp ta’ kontroll awtorizzat sab 639 każ ta’ “nuqqas ta’ konformità minuri” li wasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju mill-operaturi affettwati sabiex jiġu eliminati l-kawża jew il-kawżi.

Barra minn hekk, il-każijiet ta’ “nuqqas ta’ konformità maġġuri” rreġistrati fl-2018 (5) u fl-2019 (4) juru żieda proporzjonali fuq il-perjodu preċedenti (2012-2017), li jimplika li dan qed isir aktar komuni.

Ir-rekwiżit li l-baqar jiddaħħlu fil-katina sal-età ta’ 10 xhur ikun, l-ewwel nett, ħafna aktar faċli għall-korp ta’ kontroll awtorizzat biex jivverifika dan, peress li l-età tal-annimal (mit-twelid) tista’ tinstab faċilment mill-bażijiet tad-data, filwaqt li l-kontrolli attwali tal-“kwarantina” jiffokaw fuq stadju fil-ħajja tal-baqra (is-6 xahar tal-ġestazzjoni, il-perjodu tal-ħlib jew il-perjodu xott) li jvarja skont meta tkun bdiet it-tqala.

Barra minn hekk, il-“kwarantina” kif inhi mifhuma attwalment ma tibqax meħtieġa peress li, kif diġà ssemma, mill-età ta’ 10 xhur il-baqra jkollha biżżejjed żmien biex tadatta għad-dieta tipika (minħabba li, bħala medja, ikun għad fadal madwar 12 sa 14-il xahar oħra qabel ma tibda tipproduċi l-ħalib) u ma jkun hemm l-ebda riskju li l-operatur jimmaniġġa ħażin is-segregazzjoni tal-annimali fi “kwarantina” u l-flussi tal-ħalib tagħhom li jistgħu jikkawżaw problemi bil-ġobon (xi ħaġa li tista’ sseħħ bħalissa jekk baqra tkun diġà qed tredda’ meta tiddaħħal fil-farm).

-   Artikolu 10: “Dħul ta’ rziezet ġodda fil-katina tal-produzzjoni”

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 9: L-azjendi agrikoli li ma jappartjenux għall-katina tal-produzzjoni tal-“Parmigiano Reggiano” ma humiex awtorizzati jipprovdu l-ħalib sa mill-inqas 4 xhur wara ż-żjara tal-ispezzjoni.

issa huwa l-Artikolu 10, intitolat “Dħul ta’ farms ġodda fil-katina tal-produzzjoni” u ġie emendat kif ġej:

L-azjendi agrikoli li ma jappartjenux għas-sistema tal-produzzjoni tal-“Parmigiano Reggiano” ma humiex awtorizzati jipprovdu l-ħalib sa mill-inqas 4 xhur wara l-ispezzjoni mill-korp ta’ kontroll awtorizzat.

It-test issa jispeċifika li l-parti responsabbli mill-kontroll tal-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti hija l-korp ta’ kontroll.

-   Artikolu 11

L-Artikolu 10 issa huwa l-Artikolu 11, li jżomm it-titolu “Għalf b’razzjon imħallat totali”.

-   Artikolu 12: “Prodotti u teknoloġija ġodda”

Artikolu 11: Kwalunkwe użu ta’ oġġetti tal-ikel mhux koperti minn dawn ir-Regoli, varjazzjonijiet fil-kwantitajiet preskritti jew l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ preparazzjoni u amministrazzjoni mhux stabbiliti hawnhekk huma soġġetti għal riżultat pożittiv fit-testijiet u l-istudji vvalutati mill-Konsorzju “Parmigiano-Reggiano”. Jekk ir-riżultat ikun pożittiv, tista’ ssir applikazzjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li għandha tiġi emendata skont dan.

issa huwa l-Artikolu 12 u ġie emendat kif ġej:

Kwalunkwe użu ta’ oġġetti tal-ikel mhux koperti minn dawn ir-Regoli, varjazzjonijiet fil-kwantitajiet preskritti jew l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ preparazzjoni u amministrazzjoni mhux stabbiliti hawnhekk huma soġġetti għal riżultat pożittiv fit-testijiet u l-istudji vvalutati mill-Konsorzju tal-Ġobon “Parmigiano-Reggiano”. Jekk ir-riżultat ikun pożittiv, kif ukoll jekk jiġi adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, dan irid jiżdied mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott meta jerġa’ jiġi emendat.

Huwa speċifikat li kwalunkwe użu ta’ għalf u teknoloġija tal-annimali mhux koperti mir-Regoli dwar it-Tmigħ tal-Baqar, varjazzjonijiet fil-kwantitajiet preskritti jew l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ preparazzjoni u amministrazzjoni jrid l-ewwel ikollu riżultat pożittiv fit-testijiet u l-istudji vvalutati mill-Konsorzju. Jekk ir-riżultat ikun pożittiv, kif ukoll jekk jiġi adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, dawn iridu (mhux aktar “jistgħu”) jiżdiedu mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fil-ħin li jkun imiss li tiġi emendata.

Fl-aħħar nett, iddaħħlet il-kelma “Ġobon” biex jingħata l-isem proprju tal-Konsorzju.

DOKUMENT UNIKU

“Parmigiano Reggiano”

Nru tal-UE: PDO-IT-0016-AM06 — 2.12.2021

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/ismijiet

“Parmigiano Reggiano”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Parmigiano Reggiano” huwa ġobon iebes, magħmul minn baqta msajra, u mmaturat bil-mod, li huwa magħmul minn ħalib tal-baqar mhux ipproċessat, li jiġi parzjalment xkumat billi l-krema titħalla titla’ fil-wiċċ. Il-ħalib ma jrid isirlu l-ebda trattament bis-sħana jew trattament fiżiku jew mekkaniku u jrid jiġi minn baqar tal-ħalib mitmugħa primarjament foraġġ miż-żona ta’ oriġini. Il-ġobon irid jiġi mmaturat għal mill-inqas 12-il xahar. Il-“Parmigiano Reggiano” jista’ jinbiegħ f’roti sħaħ, maqtugħ f’porzjonijiet jew maħkuk.

Il-“Parmigiano Reggiano” ma jistax ikun soġġett għal kwalunkwe trattament li jxekkel il-karatteristiċi kimiċi/fiżiċi jew organolettiċi tiegħu u għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

roti tal-ġobon bi ġnub kemxejn konvessi jew kważi dritti b’tarf kemxejn imqabbeż fuq l-uċuħ ċatti;

qisien: ir-roti għandhom dijametru ta’ 35-43 cm tul l-uċuħ ċatti u għoli ta’ 20-26 cm;

piż minimu: 30 kg għal kull rota;

il-kulur tal-qoxra: lewn it-tiben naturali, li jista’ jinbidel maż-żmien;

il-ħxuna tal-qoxra: madwar 6 mm;

il-kulur tal-pejst tal-ġobon: minn lewn it-tiben ċar sa lewn it-tiben;

l-aroma u t-togħma karatteristiċi tal-pejst: ifuħu, delikati u b’togħma rikka mingħajr ma tkun qawwija wisq;

is-sawra tal-pejst: fina u titfarrak;

il-kontenut minimu ta’ xaħam fil-materja niexfa: 32 %;

l-ebda addittivi;

il-proporzjon ta’ aċidi xaħmin taċ-ċiklopropan: inqas minn 22 mg għal kull 100 g ta’ xaħam (li diġà jqsiu l-inċertezza tal-kejl, iddeterminata mill-kromatografija b’fażi gassuża/spettrometrija tal-massa [CG-MS]).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

It-trobbija ta’ baqar tal-ħalib ta’ sostituzzjoni (“stokkjar mill-ġdid”) trid titwettaq fiż-żona ġeografika ddefinita u għandha tiġi inkluża fis-sistema ta’ kontroll bħala attività speċifika ta’ maħleb. L-użu u l-pussess ta’ silaġġ ta’ kull tip huma pprojbiti.

L-introduzzjoni tal-bhejjem minn ktajjen tal-produzzjoni għajr il-katina tal-“Parmigiano Reggiano”, u għalhekk mhux inklużi fis-sistema tal-kontroll, f’imħaleb jew f’farms ta’ stokkjar mill-ġdid trid isseħħ mhux aktar tard mill-jum li fih l-annimal jagħlaq 10 xhur.

L-irziezet li jipproduċu l-ħalib li kellhom attivitajiet ta’ stokkjar barra ż-żona ġeografika ddefinita fil-5 ta’ Jannar 2021 jistgħu jkomplu jwettqu din l-attività barra miż-żona ta’ oriġini sakemm din tkun inkluża fis-sistema ta’ kontroll.

Id-dieta tal-baqar tal-ħalib hija bbażata fuq foraġġ miż-żona ġeografika ddefinita u hija speċifikata skont il-kwantità u l-kwalità.

Tal-anqas 75 % tal-foraġġ niexef irid ikun ġie prodott fiż-żona ġeografika.

L-għalf mhux għall-foraġġ ma jistax jikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-materja niexfa tar-razzjon.

L-użu u l-pussess ta’ silaġġ ta’ kwalunkwe tip huma pprojbiti.

Ħalib tal-baqar, melħ, tames tal-għoġol.

Il-ħalib irid jiġi prodott f’irziezet li jinsabu fiż-żona ġeografika ddefinita u li huma inklużi fis-sistema ta’ kontroll.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-ħalib irid jiġi magħmul f’ġobon fiż-żona ġeografika ddefinita. Il-ħalib mit-taħlib ta’ filgħaxija u ta’ filgħodu jintbagħat lill-maħleb mhux ipproċessat u mhux ittrattat, skont l-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott. Il-ħalib mit-taħlib ta’ filgħodu jitqiegħed fi btieti tar-ram u jitħallat mal-ħalib tal-lejl ta’ qabel, parzjalment xkumat billi l-krema titħalla titla’ fil-wiċċ. Il-proporzjon ta’ xaħam-kaseina tal-ħalib fil-btieti tat-tisħin, ikkalkulat bħala l-medja ppeżata tal-lottijiet tal-btieti kollha fil-produzzjoni ta’ ġurnata partikolari, ma jistax jaqbeż 1,10 + 10 %. Mal-ħalib jiżdied starter kontinwu tax-xorrox, kultura naturali ta’ batterji tal-aċidu lattiku miksuba billi x-xorrox “ħelu” li jkun fadal minn operazzjonijiet preċedenti ta’ produzzjoni tal-ġobon jitħalla jiffermenta spontanjament f’kundizzjonijiet ta’ temperatura kkontrollata. L-użu ta’ kulturi starter kummerċjali ma huwiex permess. Wara l-koagulazzjoni, li għaliha jista’ jintuża biss it-tames tal-għoġol, il-baqta tinqasam u tinstamat. Wara s-sedimentazzjoni tal-massa tal-ġobon din tiġi ttrasferita f’forom. Il-ġobon imbagħad jiġi mmarkat. Wara ftit jiem, jibda l-proċess tal-preżervazzjoni fis-salmura u mbagħad tal-maturazzjoni li għandha ddum tal-anqas 12-il xahar. Il-ġobnijiet jistgħu jiġu mmaturati fuq xkafef tal-injam.

Il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni ta’ 12-il xahar irid iseħħ fiż-żona ġeografika ddefinita.

Wara l-perjodu minimu ta’ maturazzjoni, issir spezzjoni tal-kwalità biex tiġi ċċekkjata l-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-“Parmigiano Reggiano” jista’ jinbiegħ f’roti sħaħ, maqtugħ f’porzjonijiet jew maħkuk.

Fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur, sabiex tiġi ggarantita l-awtentiċità tal-“Parmigiano Reggiano” li jitqiegħed fis-suq ippakkjat minn qabel, maħkuk jew f’porzjonijiet, it-taħkik, it-tqattigħ f’porzjonijiet u l-imballaġġ suċċessiv iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita. Dan huwa meħtieġ minħabba li l-marki li jidentifikaw ġobna sħiħa bħala “Parmigiano Reggiano” jintilfu jew ma jkunux viżibbli fuq il-ġobon maħkuk jew maqtugħ f’porzjonijiet, u għalhekk hemm bżonn li tkun garantita l-oriġini tal-prodott ippakkjat minn qabel. Dan huwa meħtieġ ukoll minħabba li l-ġobon jeħtieġ li jiġi ppakkjat malajr wara li jinqata’ f’biċċiet u bl-użu ta’ proċeduri li ma jħalluhx jinxef jew jiġi ossidizzat, jew milli jitlef il-karatteristiċi organolettiċi oriġinali tiegħu tal-“Parmigiano Reggiano”. Il-ftuħ u t-tqattigħ ta’ forma ta’ ġobon iċaħħdu l-ġobon mill-protezzjoni naturali mogħtija mill-qoxra, li – minħabba li hija stess tkun deidratata sew – tiżola tajjeb ħafna l-ġobon mill-ambjent tal-madwar.

It-taħkik jista’ jsir biss fuq ġobnijiet sħaħ bid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Parmigiano Reggiano”. Irid jiġi ppakkjat immedjatament wara t-taħkik u ma jistax ikun soġġett għal xi pproċessar jew ikollu xi sustanza miżjuda miegħu. Madankollu, l-użu ta’ “trimmings” huwa permess ukoll skont il-kundizzjonijiet stabbiliti hawn fuq. Il-kontenut tal-qoxra fil-ġobon Parmigiano Reggiano maħkuk ma jridx ikun aktar minn 18 % skont il-piż.

Il-biċċiet tal-“Parmigiano Reggiano” li jifdal mill-qtugħ, li għandhom jintużaw minn operaturi fi ħdan is-sistema ta’ kontroll biex jitħejjew formati oħra, jissejħu “trimmings”.

It-taħkik, il-qtugħ f’porzjonijiet, u l-ippakkjar minn qabel għall-bejgħ dirett jistgħu jitwettqu fil-ħanut tal-bejgħ bl-imnut biss għall-fini tal-bejgħ lill-konsumatur aħħari.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-marki tal-identità li jinstabu fuq kull ġobna “Parmigiano Reggiano” huma l-kliem “Parmigiano Reggiano” b’ittri bit-tikek, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni tal-maħleb li pproduċih, is-sena u x-xahar tal-produzzjoni u l-abbrevjazzjoni DOP, stampati madwar il-ġnub tar-rota tal-ġobon bl-użu ta’ strixxa ta’ stensil, timbru ovali bil-kliem “Parmigiano Reggiano Consorzio Tutela” (“Konsorzju għall-Protezzjoni tal-‘Parmigiano Reggiano’”), diska tal-kaseina jew sistema ekwivalenti li tiżgura l-identifikazzjoni unika ta’ kull ġobna u t-timbru tat-tieni kategorija għall-ġobnijiet ta’ dik il-kategorija.

Il-ġobon “Parmigiano Reggiano” ppakkjat minn qabel, maħkuk u maqtugħ f’porzjonijiet imqiegħed fis-suq huwa identifikat b’logo li fih stampa stilizzata ta’ porzjon u rota tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” fuq il-kliem “PARMIGIANO REGGIANO”.

Image 3

Dan il-logo, li huwa parti obbligatorja tat-tikketta, irid ikun stampat bil-kulur skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-Ftehim tal-Konsorzju rilevanti.

Sabiex ikun possibbli li wieħed isir jaf kemm huwa matur il-“Parmigiano Reggiano”, iż-żmien minimu tal-maturazzjoni jrid jiġi ddikjarat fuq it-tikkettar tal-porzjonijiet kollha ppakkjati minn qabel ta’ aktar minn 15-il g imqiegħda fis-suq.

Peress li l-aroma u t-togħma tal-pejst tal-“Parmigiano Reggiano” jevolvu matul il-proċess tal-maturazzjoni, sabiex jitwasslu l-karatteristiċi organolettiċi, jistgħu jintużaw l-aġġettivi deskrittivi li ġejjin fuq it-tikketta, kif ukoll il-ħin tal-maturazzjoni, għal ċerti klassijiet ta’ maturità:

delicato [delikat] (12-19-il xahar);

armonico [armonjuż] (bejn wieħed u ieħor 20-26 xahar);

aromatico [aromatiku] (bejn wieħed u ieħor 27-34 xahar);

intenso [intens] (bejn wieħed u ieħor 35-45 xahar).

Ħlief meta jintużaw bħala “trimmings”, il-biċċiet li jifdal mill-qtugħ mill-uċuħ u l-ġnub tar-roti tal-ġobon (biċċiet b’aktar minn 18 % qoxra) ma jistgħux ikollhom l-isem “Parmigiano Reggiano”.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika ddefinita tinkludi l-parti tal-provinċja ta’ Bologna fuq in-naħa tax-xellug tax-xmara Reno, il-parti tal-provinċja ta’ Mantua fuq il-lemin tax-xmara Po, u l-provinċji ta’ Modena, Parma u Reggio Emilia.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Fost l-aktar fatturi naturali importanti hemm il-karatteristiċi tal-ħamrija li tinsab fiż-żona ġeografika ddefinita – li testendi mill-katina tal-muntanji tal-Appennini sax-xmara Po – flimkien mal-kundizzjonijiet klimatiċi li jinfluwenzaw direttament kemm il-kompożizzjoni tal-flora naturali kif ukoll il-fermentazzjoni fil-prodott. Fir-rigward tal-fatturi umani, kif ukoll l-importanza storika tal-ġobon għall-ekonomija lokali, għandu jiġi nnotat li l-operazzjonijiet kumplessi li jsiru fuq il-ġobon “Parmigiano Reggiano” ġew żviluppati tul sekli ta’ prattiki tradizzjonali tal-produzzjoni tal-ġobon fi ħdan iż-żona tal-produzzjoni, li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra b’rispett lejn id-drawwiet lokali awtentiċi u kostanti.

Il-karatteristiċi distintivi tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” huma sawra fina u tiftarrak, aroma tfuħ, togħma delikata – togħma rikka iżda mimgħajr ma tkun qawwija wisq – b’solubbilità u diġestibbiltà għoljin.

Dawn il-karatteristiċi jirriflettu l-kwalitajiet uniċi tal-ħalib li jintuża għall-produzzjoni tal-ġobon – il-ħalib mhux ipproċessat jiġi pproċessat kuljum fi btieti tar-ram u jiġi koagulat bl-użu ta’ tames tal-għoġġiela b’kontenut għoli ta’ kimożona – u l-kriterji li jintużaw biex jintagħżel, kif ukoll il-prattika ta’ preżervazzjoni tal-ġobnijiet f’salmura saturata u l-perjodu estiż ta’ maturazzjoni.

Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u mikrobijoloġiċi speċifiċi tal-ħalib li jiggarantixxu l-karatteristiċi speċifiċi u l-kwalità tal-ġobon “Parmigiano Reggiano” huma bażikament ir-riżultat tad-dieta tal-baqar tal-ħalib, ibbażata fuq foraġġ miż-żona tal-oriġini u bi projbizzjoni stretta fuq l-użu ta’ kull tip ta’ silaġġ. Il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni ta’ 12-il xahar, li – minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi preżenti – irid isir fiż-żona ġeografika ddefinita, huwa stadju neċessarju sabiex iseħħu l-proċessi enżimatiċi speċifiċi li permezz tagħhom il-prodott li jinkiseb mill-ipproċessar tal-ħalib jikseb il-karatteristiċi uniċi tal-“Parmigiano Reggiano”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.