|
3.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 156/31 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2023/C 156/06)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Sidra da Madeira”
Nru tal-UE: PGI-PT-02641 — 14.10.2020
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Sidra da Madeira”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Il-Portugall
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Is-“Sidra da Madeira” hija x-xarba li tinkiseb permezz tal-fermentazzjoni tal-meraq naturali ppressat mill-frott frisk ta’ varjetajiet tradizzjonali u ta’ varjetajiet oħrajn tat-tuffieħ (Malus domestica Borkh.) u, xi drabi, ta’ taħlitiet ta’ tuffieħ u lanġas (Pyrus communis L.), li jikbru esklużivament fuq il-gżira ta’ Madeira. Dan isir f’konformità mal-metodi ta’ produzzjoni li huma tradizzjonali jew speċifiċi għall-gżira.
Huwa sidru naturali prodott esklużivament permezz tal-fermentazzjoni tal-meraq miksub bil-qtugħ, bit-tħin, bit-tgħaffiġ u bl-ippressar ta’ tuffieħ li jikber lokalment u, xi drabi, lanġas, li jfisser li l-kontenut ta’ zokkor u ta’ diossidu tal-karbonju tiegħu huwa ta’ oriġini purament endoġena. Dan jeżisti wkoll bħala sidru naturali karbonat, li jkun kompletament jew parzjalment ifexfex biż-żieda tad-diossidu tal-karbonju.
F’termini ġenerali, għandu l-karatteristiċi li ġejjin: qawwa alkoħolika minima ta’ 5 % (b’volum ta’ 20 oC); kontenut ta’ zokkor fermentabbli ta’ inqas minn 15-il g/l; aċidità totali minima (f’aċidu maliku) ta’ 3 g/l u sa 10 g/l; aċidità volatili massima (espressa bħala aċidu aċetiku) ta’ 1,8 g/l u kontenut totali massimu ta’ diossidu tal-kubrit (espress bħala SO2) ta’ 200 mg/l.
Skont il-kombinazzjoni ta’ speċijiet u varjetajiet ta’ frott użati, is-“Sidra da Madeira” jvarja minn lewn isfar jgħajjat bħal-lumija għal isfar lewn it-tiben, bi sfumaturi li jagħtu fl-oranġjo, b’dehra ċara jekk jiġi ffiltrat jew b’xi residwi jekk ma jiġix iffiltrat.
Għandu aroma friska u awtentikata, li turi karattru ta’ frott ta’ intensità medja għal qawwija, b’noti sinifikanti ta’ tuffieħ aħdar, tuffieħ misjur, sfarġel u/jew frott taċ-ċitru, li jifforma element bilanċjat u pjaċevoli.
Normalment ikun bla gass, b’togħma ħafifa, mhux ħelwa wisq li tiżviluppa bilanċ armonjuż bejn it-togħma qawwija u morra, b’finitura xotta. Huwa distint permezz ta’ aroma u togħma qawwija ta’ tuffieħ u l-freskezza li jikseb mill-aċidità notevoli tiegħu.
Jinbiegħ bħala sidru fi flixkun jew bħala sidru ppakkjat f’kontenituri xierqa (btieti jew damiġġani) għall-bejgħ fi stabbilimenti tax-xorb u tal-ikel u għall-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur finali.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Il-varjetajiet tradizzjonali li jintużaw għall-produzzjoni tas-“Sidra da Madeira” huma t-tuffieħ “Barral”, “Cara-de-dama”, “Branco”, “Bico de melro”, “Da Festa”, “Domingos”, “Da Ponta do Pargo”, “Calhau”, “Focinho de rato” u “Vime” u, f’xi każijiet, il-lanġas “Do Santo” u “Tenra de São Jorge”.
Il-prattika antika tal-bdiewa ta’ Madiera li jkattru u jaqsmu l-materjal ġenetiku mis-siġar u mill-frott bl-aħjar karatteristiċi għall-konsum frisk u/jew għall-produzzjoni tas-sidru tfisser li xorta għadhom jitkabbru varjetajiet kultivati oħrajn ta’ tuffieħ u lanġas, b’mod partikolari t-tuffieħ “Baunesa”, “Camacha”, “Espelho”, “Parda”, “Rajada”, “Reineta Tenra da Camacha”, “Santa Isabel”, “Ázimo”, “Amarelo”, “Amargo”, “Camoesa”, “De vinho”, “Ouro”, “Pevide”, “Rajado”, “Rijo”, “Riscado” u “Serra” u l-lanġas “Santa Isabel ou de Santana”, “São João”, “Curé” u “Pardas”, li jintuża wkoll, għalkemm fi grad inqas, fil-lottijiet destinati għall-produzzjoni tas-“Sidra da Madeira”.
Minħabba li xi produtturi, sa mill-bidu nett, fittxew li jiddiversifikaw il-ġonna tagħhom b’varjetajiet eżotiċi għall-konsum frisk, bħat-tuffieħ “Golden”, “Fuji”, “Starking”, “Royal Gala” u “Reineta” u l-lanġas “Rocha”, li ħafna minnu diġà kien instab fuq il-gżira minn Vieira Natividade fl-1947, dan il-frott jista’ jintuża wkoll fil-produzzjoni tas-“Sidra da Madeira” jekk ikun disponibbli fl-azjenda jew ikun tkabbar esklużivament fuq il-gżira.
It-taħlit ta’ din il-firxa wiesgħa ta’ varjetajiet tradizzjonali ta’ tuffieħ u lanġas, u xi drabi anke varjetajiet oħrajn ta’ tuffieħ u lanġas, li jistgħu jkunu ftit jew wisq qawwija, morra jew ħelwin u jitkabbru fuq il-gżira, huwa dak li jipproduċi r-rikkezza tal-kuluri, tal-aromi u tat-togħmiet u l-aċidità rifreskanti li jiddistingwu s-“Sidra da Madeira” prodott f’diversi lokalitajiet fuq il-gżira mid-diversi produtturi differenti.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
L-istadji kollha biex isir is-sidru, mill-produzzjoni tal-materja prima, l-estrazzjoni tal-meraq naturali u l-fermentazzjoni, sat-tqaddim u l-preservazzjoni, isiru fuq il-gżira ta’ Madeira.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
L-ippakkjar tas-“Sidra da Madeira” fi fliexken jew f’kontenituri xierqa (btieti jew damiġġani) għall-bejgħ bl-imnut lill-konsumatur finali jsir fuq il-gżira ta’ Madeira sabiex jiġi żgurat li l-kuluri speċifiċi, l-aromi u t-togħmiet ta’ dan is-sidru naturali (xi drabi karbonat) jiġu ppreservati, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe ossidazzjoni jew kontaminazzjoni li tista’ tfixkel il-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, u sabiex tiġi ggarantita t-traċċabilità sħiħa tal-prodott.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
—
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Il-gżira ta’ Madeira.
5. Rabta maż-żona ġeografika
L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-“Sidra da Madeira” hija bbażata minn naħa waħda fuq ir-rabta bejn il-kulur, il-karatteristiċi tal-aroma u tat-togħma u l-aċidità sinifikanti tiegħu u il-firxa wiesgħa ta’ kombinamenti ta’ frott minn varjetajiet tradizzjonali tat-tuffieħ u tal-lanġas u varjetajiet oħrajn li jikbru esklużivament fuq il-gżira ta’ Madeira li jintużaw biex dan isir u, min-naħa l-oħra fuq il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u dawk klimatiċi fil-lokalitajiet fejn jitkabbar il-frott frisk. Ir-reputazzjoni b’saħħitha tas-“Sidra da Madeira” u l-importanza tiegħu fid-diversi lokalitajiet fuq il-gżira fejn isir ukoll jikkontribwixxu għar-rabta.
Speċifiċità tal-prodott
Dak li jiddistingwi s-“Sidra da Madeira” huwa li hu sidru naturali (xi drabi karbonat) b’firxa wiesgħa ta’ kuluri, aromi u togħmiet u aċidità vibranti, li għamlitu popolari ferm mal-konsumaturi, u li huwa r-riżultat tal-fermentazzjoni tal-meraq naturali ppressat minn “taħlitiet” differenti jew kombinamenti tal-frott frisk ta’ varjetajiet tradizzjonali u ta’ varjetajiet oħrajn tat-tuffieħ u, xi drabi, tal-lanġas li jikber u jinqata’ fil-ġonna mħawla f’diversi lokalitajiet fuq il-gżira ta’ Madeira b’mikroklimi aktar moderati u b’ħamrija aktar aċidika, li minnha l-frott jieħu l-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi tiegħu.
Huwa wkoll magħruf sew mill-produtturi u mill-konsumaturi peress li dejjem kien importanti ħafna għall-abitanti tal-lokalitajiet fuq il-gżira fejn il-kundizzjonijiet huma favorevoli għat-tkabbir tal-frott frisk li jsir minnu, fejn ġie żviluppat il-metodu l-aktar tradizzjonali tal-produzzjoni tas-sidru u fejn prattiki ġodda awtorizzati għal din it-tip ta’ xarba ġew introdotti biex tittejjeb u tiġi differenzjata l-produzzjoni tagħha. Dawk il-lokalitajiet għandhom ukoll festivals u avvenimenti folkloristiċi li jsiru kull sena biex jippromwovu s-“Sidra da Madeira” tagħhom u t-tuffieħ u l-lanġas li minnhom isir.
Speċifiċità taż-żona ġeografika
Fatturi naturali. Madeira hija gżira volkanika fir-reġjun subtropikali tal-Atlantiku tat-Tramuntana. Għandha riżalt tassew mhux livellat b’muntanji weqfin isseparati minn widien fondi, li jiffurmaw medda ta’ muntanji ċentrali mil-Lvant sal-Punent, perpendikolari għall-irjieħ prevalenti, b’altitudnijiet ta’ aktar minn 1 200 m. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, Madeira għandha klima moderata bi fluttwazzjonijiet żgħar biss fit-temperatura, ħlief fuq art ogħla, fejn it-temperaturi huma aktar baxxi. It-terren muntanjuż tal-gżira u l-esponiment għall-irjieħ aliżej ipproduċew varjetà wiesgħa ta’ mikroklimi, billi n-naħa tan-Nofsinhar hija xemxija u kennija filwaqt li n-naħa tat-Tramuntana hija dellija, aktar friska u mxarrba.
Il-karatteristiċi tal-ħamrija bażaltika dominanti jinbidlu biż-żieda tal-altitudni u l-bidla li tirriżulta fil-klima, li ssir aktar imxarrba u aktar kiesħa. Huwa għalhekk li l-frott li jintuża għall-produzzjoni tas-“Sidra da Madeira” jitkabbar prinċipalment fiż-żoni tal-gżira b’mikroklimi aktar moderati u umdi – l-aktar f’altitudnijiet ta’ aktar minn 400 m fin-naħa tan-Nofsinhar u 300 m fin-naħa tat-Tramuntana – fejn jippredominaw il-Cambisols u l-Andosols aċidiċi, b’arjazzjoni u skular tajbin.
Fatturi umani. Fost is-siġar tal-frott li ġew introdotti mill-ewwel insedjamenti mill-Portugall fis-snin 1420 kien hemm diversi varjetajiet ta’ tuffieħ u lanġas li nġiebu mill-Portugall, li sabu kundizzjonijiet ta’ tkabbir ideali fiż-żoni b’mikroklimi aktar moderati u ħamrija li fil-biċċa l-kbira tagħha kienet ramlija u taflija b’aċidità medja sa għolja.
Huwa maħsub li l-produzzjoni tas-“Sidra da Madeira” bdiet hekk kif il-ġonna bdew jipproduċu biżżejjed frott għall-konsum u għall-ipproċessar. Dan huwa kkorroborat mir-rakkonti tal-istoriku Gomes Eanes de Zurara (1410–1474) u minn rekords oħrajn li jindikaw li l-“inbid tat-tuffieħ” seta’ jinstab fost il-provvisti li kienu jiġbru l-flotot Portugiżi mill-gżira ta’ Madeira minn nofs is-seklu 15 ’il quddiem.
Huwa magħruf ukoll li, mill-bidu tas-seklu 17, l-“inbid tat-tuffieħ” kien qiegħed jiġi prodott flimkien mal-inbid ta’ Madeira, bl-użu tal-istess preses u, f’xi każijiet, kien saħansitra jintuża biex jiġi adulterat, sakemm, fil-bidu tas-seklu 20, iddaħħlet projbizzjoni fuq il-produzzjoni tal-inbid mit-tuffieħ għall-produzzjoni ta’ Madeira falz. Din il-projbizzjoni kienet tfisser li l-produtturi lokali bdew jiffermentaw il-meraq tat-tuffieħ tagħhom biex jagħmlu “xarba ġdida”, li inizjalment sejħulha “cidra” jew “sidra” u sussegwentement “Sidra da Madeira”, biex jiddistingwuha mis-sidru li jiġi prodott f’postijiet oħrajn.
L-artiklu ppubblikat fl-1906 mill-agronomu João da Mota Prego (1859–1931), li jiddeskrivi l-metodi li għandhom jintużaw biex “isir is-sidru f’Madeira” u li jistieden lill-produtturi lokali biex jibdew jipproduċu s-sidru, kien ta’ kontribut sinifikanti għall-iżvilupp tiegħu, u bosta produtturi għadhom isegwu r-rakkomandazzjonijiet tiegħu sal-lum il-ġurnata. Barra minn hekk, meta jiddeskrivi l-iżvilupp tal-frott li kien qiegħed jikber f’Madeira fl-1947, l-agronomu Vieira Natividade (1899–1968) immappja l-firxa wiesgħa ta’ varjetajiet tat-tuffieħ u tal-lanġas fuq il-gżira u identifika l-parroċċi fejn kompliet it-tradizzjoni tal-produzzjoni tas-sidru.
Il-faċilità li biha jinfirxu s-siġar tal-frott taż-żerriegħa u l-prattika tradizzjonali ta’ Madeira tat-tkattir u l-qsim tal-materja ġenetika mill-frott bl-aħjar karatteristiċi wasslu għall-ħolqien ta’ bosta varjetajiet tradizzjonali tat-tuffieħ u tal-lanġas li ntirtu minn dawk li ġew introdotti inizjalment mill-Portugiżi, u aktar tard mill-Brittaniċi li kienu jgħixu fuq il-gżira bejn is-sekli 16 u 18. Dawn intgħażlu u ġew ippreservati f’partijiet differenti tal-gżira, fejn dawk il-varjetajiet li kienu l-aktar adattati għall-kundizzjonijiet lokali tal-ħamrija u l-klima u li kienu jipproduċu l-aħjar frott għall-konsum frisk u għall-produzzjoni tas-sidru nżammu u sussegwentement ġew prodotti mill-ġdid permezz tat-tilqim u t-tħawwil f’partijiet oħrajn tal-gżira b’karatteristiċi simili.
Matul is-sekli, din il-prattika mhux biss ippermettiet l-iżvilupp tal-varjetajiet tradizzjonali ewlenin tal-frott taż-żerriegħa iżda wkoll l-introduzzjoni aktar riċenti ta’ varjetajiet eżotiċi tat-tuffieħ u tal-lanġas, li jikbru u jinqatgħu fil-ġonna ta’ Madeira. Dawn il-varjetajiet għandhom ukoll aċidità notevoli u jintużaw ukoll minn xi produtturi biex jagħmlu s-sidri tagħhom, li jinkisbu permezz ta’ metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali jew speċifiċi żviluppati f’lokalitajiet differenti fuq il-gżira.
Għal żmien twil, il-konsum tas-“Sidra da Madeira” kien ristrett għall-postijiet fejn kien jiġi prodott, u s-sidru kien jiġi kkunsmat l-aktar minn dawk li kienu jagħmluh u l-familji tagħhom. F’dawn l-aħħar deċennji, is-sitwazzjoni nbidlet, b’żieda sostanzjali fil-bejgħ fir-ristoranti u fil-bars fis-suq reġjonali, kif ukoll b’żieda fil-bejgħ dirett lill-konsumaturi finali fis-swieq lokali, fil-fieri u fil-festivals jew f’avvenimenti folkloristiċi li jsiru biex jiġi promoss is-sidru u t-tuffieħ li jsir minnu.
L-interess fit-tradizzjoni u fil-kwalità ta’ dan il-prodott wassal biex f’nofs l-2016 tiġi stabbilita l-Assoċjazzjoni tal-Produtturi tas-Sidru ta’ Madeira (APSRAM), li laqqgħet madwar 30 produttur tas-sidru, bl-għan li jippromwovu u jissalvagwardjaw il-kwalità u l-awtentiċità tas-“Sidra da Madeira”, filwaqt li jippromwovu r-riċerka u jippubbliċizzaw il-prodott.
Rabta bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiċi u r-reputazzjoni tal-prodott
Il-karatteristiċi speċifiċi tal-ħamrija u l-klima tal-lokalitajiet tal-gżira, li kienu jiffavorixxu l-adattament u t-tħawwil ta’ ġonna u siġar individwali ta’ firxa wiesgħa ta’ varjetajiet ta’ tuffieħ u lanġas, jagħtu lill-frott aċidità unika u karatteristiċi sensorjali distintivi, li, skont il-kombinamenti ta’ frott li jintuża għall-produzzjoni, xi ftit jew wisq jingħaddew ukoll lis-“Sidra da Madeira”.
Bis-saħħa tal-karatteristiċi tal-kulur, tal-aroma u tat-togħma tas-“Sidra da Madeira”, li huma ddeterminati mill-karatteristiċi speċifiċi tat-“taħlitiet” jew tal-kombinamenti ta’ frott ta’ varjetajiet tradizzjonali u ta’ varjetajiet oħrajn tat-tuffieħ u, xi drabi, tal-lanġas użat biex dan isir, kif ukoll tal-aċidità notevoli tiegħu, li hija primarjament ir-riżultat tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima tal-lokalitajiet fejn jitkabbar il-frott, is-“Sidra da Madeira” rebaħ diversi premjijiet nazzjonali, bħall-“Concurso Nacional de Cervejas e Sidras Tradicionais Portuguesas” [il-Kompetizzjoni Nazzjonali tal-Birra u s-Sidru Portugiżi Tradizzjonali] u “Great Taste – Portugal”. Madankollu, huma l-konsumaturi lokali u, b’mod dejjem akbar, it-turisti li jżuru l-gżira li jagħtuh ir-reputazzjoni eċċellenti tiegħu.
Ir-rekords storiċi li jixhdu l-importanza tal-produzzjoni tal-“inbid tat-tuffieħ”, tas-“cidra”, tas-“sidra” u tas-“Sidra da Madeira” matul l-aħħar 600 sena wasslu biex il-produtturi lokali jaffermaw li s-sidru kien ilu jsir fuq il-gżira sa mill-ewwel insedjamenti tagħha, fiż-żoni fejn il-kundizzjonijiet huma l-aktar xierqa għat-tħawwil tal-ġonna li jipprovdu l-frott. Huwa għalhekk li hemm tradizzjoni b’saħħitha ta’ produzzjoni tas-sidru u xorb tas-sidru fuq il-gżira kollha, iżda l-aktar f’São Roque do Faial – Santana, Santo António da Serra – Machico, Camacha – Santa Cruz, Jardim da Serra – Câmara de Lobos, Ponta do Pargo – Calheta u Prazeres – Calheta, fejn, minħabba r-rivalità tassew partikolari bejn il-komunitajiet tal-gżira, kull sena jsiru avvenimenti folkloristiċi u soċjokulturali biex jiġu promossi l-produzzjoni u l-konsum tas-“Sidra da Madeira”.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
https://tradicional.dgadr.gov.pt/pt/cat/bebidas-espirituosas/outras-bebidas/1084-sidra-da-madeira-igp