24.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/34


Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, kif imsemmi fl-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014

(2023/C 141/11)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 6b(5) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

Komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta minn Stat Membru

“Taureau de Camargue”

Nru tal-UE: PDO-FR-0041-AM05 - 3.2.2021

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem il-prodott

“Taureau de Camargue”

2.   Stat Membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Franza

3.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Ministeru għall-Agrikoltura u s-Sovranità tal-Ikel

4.   Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i

1.   Grupp applikant

Deskrizzjoni

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-grupp applikant ġew aġġornati.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

2.   Deskrizzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

It-taħlita taż-żewġ razez tneħħiet. L-isem tar-razza “de combat” ġie emendat għal “Brave” sabiex jikkonforma mal-isem uffiċjali.

Il-karatteristiċi tal-karkassi ġew ikkompletati skont l-iskema ta’ klassifikazzjoni EUROP (il-kisja tax-xaħam u l-iżvilupp tal-muskoli).

Id-deskrizzjoni tal-laħam fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni ġiet ikkompletata (laħam frisk u nej).

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

3.   Żona ġeografika

Deskrizzjoni

L-obbligu li l-impjanti tat-tqattigħ ikunu fiż-żona ġeografika tneħħa.

Id-Dokument Uniku ġie emendat fit-taqsima 3.2 “Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)”; 3.4. “Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita”; 3.5. “Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.” u 4 “Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika”.

Id-data tal-approvazzjoni tal-limiti tal-konfini taż-żona, approvati mill-Kumitat Nazzjonali tal-Prodotti Agroalimentari tal-Istitut Nazzjonali għall-Oriġini u l-Kwalità, ġiet emendata. Din l-emenda ma taffettwax iż-żona ġeografika.

Saru żewġ korrezzjonijiet fil-lista tal-muniċipalitajiet: isem wieħed inbidel (minn Mézoargues għal Saint-Pierre-de-Mézoargues); l-ieħor huwa żball ta’ input (Saint-Geniès-de-Varensal għandu jiġi sostitwit b’Saint-Geniès-des-Mourgues)

Saru korrezzjonijiet fl-ortografija ta’ ċerti muniċipalitajiet u żdiedet id-data tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali (COG) marbuta mad-delimitazzjoni tal-muniċipalitajiet imsemmija fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

4.   Prova tal-oriġini

Deskrizzjoni

Kjarifika tad-dati tat-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ identifikazzjoni għall-bdiewa u l-biċċiera.

Bidla fit-terminoloġija tad-diversi dikjarazzjonijiet u data trażmessi mill-bdiewa u l-biċċeriji.

Tħassir tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni għall-impjanti tat-tqattigħ.

Bidla fin-numru ta’ timbri fuq il-karkassa (sitt punti minflok tmienja)

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

5.   Metodu ta’ produzzjoni

Deskrizzjoni

—   Fit-taqsima “Metodu ta’ trobbija”:

Id-densità tal-bhejjem inbidlet minn 0,6 UGB/ha għal 1,4 UGB/ha

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

Barra minn hekk, il-metodu tal-kalkolu tal-UGB ġie emendat bl-introduzzjoni ta’ differenza bejn l-irġiel u n-nisa adulti: raġel wieħed li għandu aktar minn 24 xahar jikkorrispondi għal 1 UGB (il-valur għal din il-kategorija ma nbidilx) u mara waħda ta’ aktar minn 24 xahar tikkorrispondi għal 0,8 UGB. Ir-rata għall-annimali li għandhom bejn sitt xhur u sentejn baqgħet l-istess, jiġifieri 0,6 UGB, u l-istess jgħodd għall-annimali taħt is-sitt xhur, jiġifieri 0 UGB.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

Fis-sentenza “L-annimali jitrabbew ħielsa biex jimirħu esklużivament fil-beraħ u b’mod estensiv biex jibqgħu selvaġġi”, żdiedet il-kelma “esklużivament”.

Id-Dokument Uniku ġie emendat fil-punt 3.3 “Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)”

Il-perjodu li matulu l-annimali jkunu preżenti fid-data stabbilita minn April sa Novembru fiż-żona “mistagħdra” tneħħa, iżda r-rekwiżit ta’ minimu ta’ 6 xhur mingħajr għalf f’din iż-żona nżamm, biex jiggarantixxi r-rabta mal-oriġini tad-denominazzjoni.

Id-Dokument Uniku ġie emendat fil-punt 3.3 “Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)”.

L-għalf inbidel billi t-terminu “tiben” ġie ssostitwit b’“foraġġ” għas-suppliment tal-għalf. Il-kompożizzjoni tal-foraġġ hija deskritta. Żdiedet l-awtorizzazzjoni tat-tgeżwir f’balel ċilindriċi għall-foraġġ imxarrab biss. Żdiedet il-possibbiltà li 20 % tal-volum tal-foraġġ jiġi pprovdut minn barra ż-żona.

Żdiedet il-possibbiltà ta’ għalf li jikkonsisti minn żrieragż u derivati flimkien mad-deskrizzjoni tal-kompożizzjoni, li jitqassam lill-ifrat magħżula u lill-barrin għall-isport.

—   Is-subtaqsima “Tbiċċir”:

Ġie speċifikat li l-annimali jridu jiġu storduti “immedjatament” malli jiġu marbuta u mhux “f’inqas minn ħames sekondi”.

Dan ma jaffettwax id-Dokument Uniku.

Id-dispożizzjonijiet dwar it-tbiċċir tal-annimali ġew emendati u ssupplimentati: żdiedu dettalji dwar il-ħatt tal-annimali, id-daqs tal-kuritur, il-gaġġa ta’ trażżin adattata għad-daqs ta’ dawn l-annimali u l-iżvinar. Żdiedet il-projbizzjoni fuq it-tneħħija tax-xaħam.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

6.   Rabta

Deskrizzjoni

It-taqsima “Rabta maż-żona ġeografika” ġiet allinjata mar-rekwiżiti tal-Kummissjoni Ewropea (storja mqassra, riformulazzjoni ta’ ċerti partijiet biex issir aktar konsistenti) u tenfasizza b’mod aktar ċar ir-rabta bejn it-“Taureau de Camargue” u ż-żona ġeografika tiegħu, mingħajr ebda tibdil sostanzjali fir-rabta.

Is-subtaqsima “Speċifiċità tal-prodott” ġiet riveduta biex jitneħħew ir-referenzi storiċi, u ġiet issupplimentata bid-deskrizzjoni tal-laħam fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

7.   Tikkettar

Deskrizzjoni

L-identifikazzjoni tal-karkassi tmexxiet għall-parti “Prova tal-oriġini”. Tħassar l-obbligu li t-timbru ta’ identifikazzjoni jinħareġ mill-INAO.

Saret kjarifika:

In-numru tal-biċċerija jista’ jissostitwixxi n-numru tat-tbiċċir;

In-numru tal-merħla tal-azjenda jista’ jissostitwixxi l-isem tal-impriża li rabbiethom;

Il-metodu tat-tbiċċir bl-użu tal-isturdament għandu jiġi indikat fuq it-tikketta;

L-isem u l-indirizz tal-impjant tat-tqattigħ jew tal-biċċerija tħassru minħabba li tneħħa l-obbligu li l-impjanti tat-tqattigħ ikunu fiż-żona u li l-isem u l-indirizz tal-biċċerija jkunu inklużi fin-numru tal-biċċerija.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

8.   Korp ta’ kontroll

Deskrizzjoni

L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ ċertifikazzjoni tħassru. Din it-taqsima issa ssemmi d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ispezzjoni fil-livell nazzjonali: l-Istitut Nazzjonali għall-Oriġini u l-Kwalità (INAO) u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Prevenzjoni tal-Frodi (DGCCRF). L-isem u d-dettalji tal-korp ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jiġu kkonsultati fis-sit tal-INAO u fil-bażi tad-data tal-Kummissjoni Ewropea.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

9.   Rekwiżiti nazzjonali

Deskrizzjoni

Ċerti punti ġew emendati għall-konformità mal-emendi li saru fit-test tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

10.   Sommarju

Deskrizzjoni

Irtirar

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

“Taureau de Camargue”

Nru tal-UE: PDO-FR-0041-AM05 - 3.2.2021

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Taureau de Camargue”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.1. Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Id-denominazzjoni tal-oriġini “Taureau de Camargue” hija laħam frisk ta’ annimali rġiel jew nisa minn razez lokali (jiġifieri mir-razza “raço di Biou” u mir-razza “Brave”), li jkunu twieldu, trabbew, u tbiċċru fiż-żona ġeografika.

L-annimali jrid ikollhom tal-inqas 18-il xahar.

Il-maturazzjoni tal-karkassi fil-biċċerija għandha ddum mill-inqas 48 siegħa, u ma għandhiex iddum aktar minn ħamest ijiem. Il-karkassi ma għandhomx ikunu jiżnu inqas minn 100 kg għal skopijiet fiskali, ħlief għall-għoġġiela ta’ bejn 18 u 30 xahar, li għalihom il-piż huwa ffissat għal 85 kg.

Il-laħam tat-“Taureau de Camargue” huwa kkaratterizzat mill-kulur aħmar skur uniformi tiegħu; huwa jleqq, sod, bi ftit xaħam u bi ftit ħafna xaħam intramuskolari.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

L-għalf prinċipali għandu jkun dak mill-mergħa, u l-għalf jista’ jiġi mitmugħ esklużivament minn foraġġ li 80 % minnu joriġina miż-żona ġeografika, sa massimu ta’ sitt xhur fis-sena u massimu ta’ 5,5 kg ta’ ekwivalenti ta’ materja niexfa għal kull UGB kuljum. F’kull każ, l-għalf kompost, inkluż l-għalf immedikat, mhuwiex awtorizzat.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-annimali għandhom jitwieldu, jitrabbew u jitbiċċru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

L-identifikazzjoni tal-laħam bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Taureau de Camargue” ssir meta l-karkassa tkun sħiħa, x’ħin isir l-użin għal skopijiet fiskali. Imbagħad, fuq il-partijiet differenti (sitt punti), jiġi applikat timbru li jidentifika d-DOP. Dan it-timbru jiġi pprovdut mill-Istitut Nazzjonali għall-Oriġini u l-Kwalità. Sal-aħħar stadju ta’ distribuzzjoni, il-karkassa u l-biċċiet tal-laħam imqattgħin minnha għandhom ikunu akkumpanjati minn tikketta ta’ identifikazzjoni li tispeċifika tal-inqas:

l-isem tad-denominazzjoni;

in-numru tat-tbiċċir jew tal-biċċerija;

l-isem tal-impriża agrikola li rabbiethom jew in-numru tal-merħla tal-azjenda korrispondenti;

il-metodu tat-tbiċċir bl-użu tal-isturdament,

il-logo tad-DOP tal-Unjoni Ewropea fl-istess kamp viżiv bħall-isem tad-denominazzjoni.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Biex ikun intitolat għall-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini, il-laħam irid ikun ġej mill-“manades” (farms għat-trobbija tal-barrin tar-razza “raço di Biou”) jew mill-“ganaderías” (farms għat-trobbija tal-barrin tar-razza “Brave”) li jinsabu fiż-żona ġeografika ddefinita.

L-annimali għandhom jitwieldu, jitrabbew u jitbiċċru fiż-żona ġeografika li ġejja:

Id-département ta’ Bouches-du-Rhône:

Il-canton ta’ Arles: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Châteaurenard: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Eyguières: Aureilles, Eyguières, Lamanon u Mouriès.

Il-canton ta’ Istres: Fos-sur-Mer, Istres.

Il-canton ta’ Orgon: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Port-Saint-Louis-du-Rhône: Port-Saint-Louis-du-Rhône.

Il-canton ta’ Salon-de-Provence: Grans, Miramas, Salon-de-Provence.

Il-canton ta’ Saintes-Maries-de-la-Mer: Saintes-Maries-de-la-Mer.

Il-canton ta’ Saint-Rémy-de-Provence: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Tarascon-sur-Rhône: il-muniċipalitajiet kollha.

Id-département ta’ Gard:

Il-canton ta’ Aigues-Mortes: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Aramon: il-muniċipalitajiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-muniċipalitajiet ta’ Estézargues u Domazan.

Il-canton ta’ Beaucaire: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Lédignan: Mauressargues.

Il-canton ta’ Marguerittes: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Nîmes: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Quissac: il-muniċipalitajiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-muniċipalità ta’ Quissac.

Il-canton ta’ Remoulins: Argilliers, Collias, Remoulins, Vers-Pont-du-Gard.

Il-canton ta’ Rhony-Vidourle: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Saint-Chaptes: il-muniċipalitajiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-muniċipalitajiet ta’ Aubussargues, Collorgues, Baron, Foissac, Saint-Dézéry.

Il-canton ta’ Saint-Gilles: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Saint-Mamert: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Sommières: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Uzès: Arpaillargues-et-Aureillac, Blauzac, Sanilhac-Sagriès, Saint-Maximin, Uzès.

Il-canton ta’ Vauvert: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Vistrenque (La): il-muniċipalitajiet kollha.

Id-département ta’ Hérault:

Il-canton ta’ Castries: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Claret: Campagne, Fontanès, Garrigues, Sauteyrargues, Vacquières.

Il-canton ta’ Lunel: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Matelles: Prades-le-Lez, Saint-Bauzille-de-Montmel, Sainte-Croix-de-Quintillargues, Saint-Vincent-de- Barbeyrargues.

Il-canton ta’ Mauguio: il-muniċipalitajiet kollha.

Il-canton ta’ Montpellier: Castelnau-le-Lez, Clapiers, Le Crès, Lattes, Montpellier, Pérols.

F’din iż-żona ġeografika hemm immarkata żona ta’ “art mistagħdra”.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tad-DOP tikkorrispondi għaż-żona tal-mergħa xitwija tat-“Taureau de Camargue”, jiġifieri l-muniċipalitajiet li fihom l-annimali tradizzjonalment jibqgħu fix-xitwa, fix-xagħri kbar u l-meded kbar ta’ art miksija bil-ħaxix (prairie). Din iż-żona fiha art mistgħadra li ssegwi l-fruntieri ta’ Camargue u li l-annimali jibqgħu fiha għal, mill-inqas, sitt xhur matul il-perjodu tas-sajf.

Dawn il-mergħat kbar ħafna, magħmula minn pjanti alofili f’Camargue u minn meded kbar ta’ art niexfa miksija bil-ħaxix fil-partijiet li jintużaw fix-xitwa, jinfluwenzaw l-iżvilupp fiżiku u mentali tal-annimali. It-tkabbir tagħhom għandu huwa wkoll rwol ambjentali sinifikanti minħabba li jinfluwenza l-evoluzzjoni tal-veġetazzjoni fl-ambjenti naturali tagħha (sansouïres, witat salmastri, artijiet mistgħadra u meded ta’ ħaxix): il-barrin jillimitaw it-tkabbir ta’ ċerti speċi ta’ pjanti u jużaw żoni kbar ta’ veġetazzjoni magħmula minn mużajk ta’ ħabitats imqegħdin wieħed fejn l-ieħor u konnessi flimkien.

Bosta xogħlijiet għamlu referenza għan-natura ferm oriġinali tat-“Taureau de Camargue”, li min-naħa l-waħda, kienet ir-riżultat tal-iżolazzjoni tar-razza minħabba karatteristiċi partikolari tal-Camargue, u min-naħa l-oħra tnisslet mill-metodu ta’ trobbija żviluppat mir-raħħala biex jadattaw ruħhom għall-ħtiġijiet tal-ambjent.

Dawn l-annimali huma kważi selvaġġi, mhux iddomestikati, b’saħħithom u reżistenti, u huma pjuttost suspettużi fil-konfront tal-bniedem u għalhekk jistgħu jkunu aggressivi.

Għalhekk, il-laħam ta’ dawn l-annimali għandu karatteristiċi partikolari kif deskritt fl-istudju tal-INRAE (il-5 ta’ Diċembru 2007 - il-konferenza bit-titlu “Rencontres autour des Recherches sur les Ruminants”); ir-riżultati tiegħu juru li l-muskoli ta’ dawn l-annimali għandhom lewn aħmar skur u li l-laħam huwa dgħif.

Il-laħam frisk tat-“Taureau de Camargue” huwa aħmar skur, ileqq, sod u ftit imraħħam.

Il-partikolarità tal-laħam tat-“Taureau de Camargue” hija marbuta mill-qrib mal-ambjent u mal-għan tat-trobbija, jiġifieri li jiġu prodotti l-barrin għall-isport, li jeħtieġ annimali kważi selvaġġi li jkunu trabbew f’ambjent naturali ppreżervat u mħares.

Il-karattru nervuż u aggressiv ta’ dawn l-annimali huwa partikolarment adattat għall-għan aħħari, u jagħti lil-laħam il-karatteristiċi tiegħu.

It-“Taureau de Camargue” jinkiseb mir-razez lokali tradizzjonali, ir-razza “Camargue” u r-razza “Brave”, u huwa ferm adattat għall-ambjent ta’ Camargue.

Il-barrin huma mrobbija fil-beraħ u jieklu mill-mergħa taż-żona filwaqt li jqattgħu tal-inqas sitt xhur f’din l-art mistagħdra. Din iż-żona hija kkaratterizzata minn pajsaġġi ċatti minħabba ġeoloġija u pedoloġija partikolari, kif ukoll mill-preżenza ta’ ammonti differenti ta’ melħ. F’din il-ħamrija, li hija pjuttost fqira mil-lat agronomiku, jinstabu ekosistemi speċifiċi ħafna (salikorni, objon, glasswort).

Wieħed jista’ jispjega l-kwalitajiet organolettiċi u l-karatteristika partikolari tal-laħam permezz tad-diversità tal-varjetajiet tal-pjanti fil-mergħat:

pjanti alofili (salikorni, glassworth, objon...) f’ambjent b’ħafna melħ,

qasab u żwien f’ambjent bi ftit melħ,

veġetazzjoni naturali tax-xagħri matul ix-xitwa;

veġetazzjoni ta’ meded kbar ta’ art miksija bil-ħaxix fiż-żona ġeografika ddefinita.

Il-lewn aħmar skur tal-laħam huwa marbut mal-pH tiegħu, li x’aktarx huwa influwenzat min-nutrijenti alkalini tal-pjanti alofili. Il-ħabba fina tiegħu hija kkaratterizzata mit-tip ta’ fibri muskolari li żviluppaw permezz tal-movimenti regolari tal-annimal fil-mergħat bil-metodu estensiv (passaġġi ta’ mergħat). Dan iċ-ċaqliq volontarju u frekwenti ta’ dawn l-annimali jfisser li l-muskoli tagħhom “jieklu” x-xaħmijiet, u dan iwassal biex il-laħam ftit li xejn ikun xaħmi.

It-“Taureau de Camargue” għandu karatteristiċi speċifiċi għall-aħħar, imnissla mill-fatturi kkombinati tal-ħamrija, tal-ambjent u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja.

It-“Taureau de Camargue”, imsawwar skont l-ambjent li jgħix fih u li ilu żmien twil ħafna jitrabba bl-użu tal-metodu estensiv, sar wieħed mill-protagonisti fl-isforzi li qegħdin isiru favur il-ħarsien tal-bijodiversità f’Camargue.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-34669263-8fe4-49be-8b70-41cf3a389500


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.