3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/1


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Gwida dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-kuntest tar-REPowerEU

(2023/C 80/01)

Mill-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“RRF”) (1), il-kuntest ġeopolitiku nbidel b’mod konsiderevoli. L-aggressjoni militari mhux provokata tar-Russja fuq l-Ukrajna ħolqot sfidi kbar għall-unjoni tal-enerġija tal-UE, u b’hekk aggravat il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19. Biex tindirizza dawn l-isfidi, u fuq talba tal-Kunsill Ewropew, fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ il-potenza tal-RRF fil-qafas tal-pjan REPowerEU.

Ir-Regolament RRF, kif emendat bir-Regolament dwar il-kapitoli tar-REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, li se jidħol fis-seħħ dalwaqt (“ir-Regolament REPowerEU”), se jtejjeb il-kapaċità tal-RRF li tindirizza b’mod effettiv l-objettivi tal-pjan REPowerEU u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija, għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, għaż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika, għaż-żieda fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u għat-tnaqqis meħtieġ tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili qabel l-2030. Ir-Regolament REPowerEU jipprovdi l-qafas meħtieġ biex jiġi żgurat li l-investimenti u r-riformi li jsaħħu r-reżiljenza tal-enerġija tal-UE jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun. Jiddefinixxi objettivi speċifiċi tar-REPowerEU li għandhom jiġu indirizzati mill-investimenti u mir-riformi li jridu jiġu inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (“RRPs”) eżistenti bħala parti mill-kapitoli ddedikati tar-REPowerEU. Barra minn hekk, ir-Regolament jipprovdi sorsi ta’ finanzjament iddedikati għall-finanzjament tal-miżuri rilevanti.

Il-RRF u l-komponent il-ġdid tagħha REPowerEU se jkunu strumentali wkoll fit-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija tal-UE. Toffri opportunitajiet ta’ finanzjament addizzjonali sinifikanti biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-industrija tal-UE lejn teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, jew bla emissjonijiet, fil-perkors lejn żero emissjonijiet netti u biex tingħata spinta lill-investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ manifattura għal teknoloġija nadifa. L-objettivi ta’ politika minquxa fir-Regolament REPowerEU jinkludu b’mod espliċitu għanijiet li huma direttament rilevanti għat-tranżizzjoni industrijali aċċellerata u ġusta lejn in-newtralità klimatika, inklużi d-dekarbonizzazzjoni industrijali, il-ħiliet ekoloġiċi u l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur f’teknoloġiji strateġiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika. Minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati dawk l-isfidi u b’kont meħud tal-ibbilanċjar kumplessiv tal-prijoritajiet tar-REPowerEU, l-Istati Membri huma mistiedna jintegraw miżuri li jappoġġaw il-kompetittività preżenti u futura tal-industriji tat-teknoloġija nadifa fil-pjanijiet immodifikati tagħhom. Kif deskritt fil-Komunikazzjoni adottata mill-Kummissjoni (2), dan għandu jikkonsisti primarjament f’miżuri regolatorji biex jiġu aċċellerati l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għal proġetti b’teknoloġija nadifa, ħelsien mit-taxxa jew forom oħra ta’ appoġġ finanzjarju biex jiġi inċentivat l-użu ta’ proġetti b’teknoloġija nadifa u sforz imġedded biex il-ħiliet tat-teknoloġiji nodfa tal-forza tax-xogħol jitjiebu.

Ir-Regolament REPowerEU se jipprovdi wkoll flessibbiltajiet addizzjonali lill-Istati Membri fil-qafas tal-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ koeżjoni 2014-2020 permezz tal-miżuri SAFE (b’Appoġġ għall-Enerġija Affordabbli). Għalhekk l-Istati Membri se jkunu jistgħu jużaw fondi mhux minfuqa biex jipprovdu appoġġ dirett lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli u lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju biex jgħinuhom jiffaċċjaw iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija. Dawn il-miżuri mhumiex koperti minn din il-Gwida.

Din il-Gwida tispjega l-proċess ta’ modifika tal-pjanijiet eżistenti u l-modalitajiet għat-tħejjija tal-kapitoli tar-REPowerEU. L-Ewwel Parti ta’ din il-gwida tispjega r-raġunijiet legali għall-modifika tal-RRPs adottati, filwaqt li t-Tieni Parti tkopri t-tħejjija u l-kontenut tal-kapitolu tar-REPowerEU. Tispeċifika wkoll l-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rigward ir-raġunijiet, l-objettivi u n-natura tal-bidliet fl-RRPs tagħhom. Din il-Gwida tissostitwixxi dik ippubblikata mill-Kummissjoni f’Mejju 2022, filwaqt li l-Gwida ta’ Jannar 2021 (3) għat-tħejjija tal-RRPs b’mod ġenerali tibqa’ valida.

Meta jkunu qegħdin iħejju l-bidliet fl-RRPs tagħhom sabiex idaħħlu l-Kapitoli tar-REPowerEU, huwa importanti li jenfasizzaw il-prinċipji li ġejjin:

L-ewwel prijorità tibqa’ l-implimentazzjoni rapida tal-RRPs. L-Istati Membri għandhom ikomplu jwettqu l-isforzi kollha possibbli biex jippreżentaw it-talbiet għall-pagamenti fil-ħin u jiżguraw progress fir-riformi u l-investimenti, ħalli l-iżborż tal-fondi jsir bla telf ta’ żmien.

Sabiex tiġi żgurata l-introduzzjoni rapida tal-miżuri tar-REPowerEU, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-RRPs immodifikati tagħhom bil-kapitoli tar-REPowerEU sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2023. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw kull reviżjoni tal-RRP tagħhom bħala parti minn addendum wieħed. Il-Kapitoli tar-REPowerEU għandhom jindirizzaw b’mod komprensiv l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri.

Sabiex jiġi żgurat progress rapidu lejn il-miri tar-REPowerEU, l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw miżuri li l-implimentazzjoni tagħhom diġà bdiet u li tista’ titwettaq sal-2026. L-Istati Membri għandhom ikunu konxji wkoll tal-impatt possibbli fuq il-profil tal-iżborż tal-bidliet fl-RRP eżistenti tagħhom. B’mod ġenerali, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw ukoll l-iskeda ta’ implimentazzjoni tal-miżuri eżistenti biex jiżguraw li dawn jitlestew skont il-perjodu ta’ żmien miftiehem.

Is-self li jifdal mill-RRF jipprovdi finanzjament addizzjonali għar-riformi u għall-investimenti fil-kapitoli tar-REPowerEU. Sabiex tiġi żgurata l-allokazzjoni ottimali ta’ dan is-self, l-Istati Membri għandhom jindikaw l-interess tagħhom li jieħdu self mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 30 jum wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament REPowerEU.

Il-bidliet li jsiru fl-RRPs skont l-Artikoli 18 u 21 ma għandhomx inaqqsu l-ambizzjoni ġenerali tal-RRPs, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (“CSRs”) u li jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ekoloġiċi u diġitali. L-investimenti u r-riformi addizzjonali inklużi fl-RRPs riveduti għandhom jiffukaw fuq l-objettivi tar-REPowerEU.

L-Istati Membri huma mistiedna wkoll iqisu u jiddiskutu mal-Kummissjoni l-esperjenza tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Faċilità s’issa, biex jiddeterminaw jekk xi tibdil fl-oqfsa ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom jistax jgħin fit-twettiq tar-riformi u l-investimenti.

Werrej

PART I

ADDITIONAL FUNDING AND MODIFICATION OF RECOVERY AND RESILIENCE PLANS 4

I.

Introduction 4

II.

Additional funding 4

III.

Pre-financing 9

IV.

An amendment of the plan to take into account the update of the new maximum financial contribution 9

V.

An amendment or replacement of the plan due to the plan or part of it being no longer achievable because of objective circumstances. 10

PART II

GUIDANCE ON THE DEVELOPMENT AND PRESENTATION OF ADDENDA 11

I.

The REPowerEU chapter 13

II.

General guidance for the modification of RRPs 24

ANNESS I

STRUMENTI FINANZJARJI 35

ANNESS II

MUDELL GĦAD-DIKJARAZZJONI TAL-INTENZJONIJIET RIGWARD IS-SELF MILL-RRF 37

ANNESS III

MUDELL GĦAD-DIKJARAZZJONI TAL-INTENZJONI RIGWARD IT-TRASFERIMENTI MIR-RIŻERVA TA’ AĠĠUSTAMENT GĦALL-BREXIT 38

ANNESS IV

MUDELL GĦALL-ADDENDUM TAL-PJAN GĦALL-IRKUPRU U R-REŻILJENZA 39

ANNESS V

MUDELL GĦALL-KAPITOLU REPOWERUE 44

L-EWWEL PARTI

FINANZJAMENT ADDIZZJONALI U MODIFIKA TAL-PJANIJIET GĦALL-IRKUPRU U R-REŻILJENZA

I.   Introduzzjoni

Meta jimmodifikaw l-RRPs tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu dan fir-rigward ta’ verżjoni konsolidata tal-pjan inizjali tagħhom, li għandha tirrifletti l-bidliet introdotti matul il-fażi ta’ valutazzjoni u tkun kompletament konsistenti mad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni rispettivi tal-Kunsill (“CIDs”). L-Istati Membri li ma jkunux ikkonsolidaw il-pjan inizjali tagħhom huma mistiedna jagħmlu dan qabel ma jimmodifikaw il-pjan tagħhom. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw pjanijiet immodifikati fil-forma ta’ addendum tal-pjanijiet konsolidati tagħhom. L-Anness IV ta’ din il-Gwida fih mudell iddedikat għal tali addendum.

Kwalunkwe modifika tal-pjanijiet tkun tinvolvi valutazzjoni ġdida mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament RRF. Se tkun meħtieġa CID li tapprova valutazzjoni pożittiva tal-pjan fuq proposta tal-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament RRF. Dan għandu jiġi segwit, meta meħtieġ, bl-iffirmar ta’ ftehim ta’ finanzjament u/jew self, ġdid jew emendat, bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat u, qabel kwalunkwe ħlas għandhom jiġu ffirmati arranġamenti operazzjonali.

Qabel ma jissottomettu l-RRPs immodifikati, l-Istati Membri huma mistidnin biex l-ewwel jidħlu fi djalogu informali mas-servizzi tal-Kummissjoni. Dan id-djalogu, bħal dak li sar qabel is-sottomissjoni tal-RRPs inizjali, għandu l-għan li jgħin lill-Istati Membri jħejju l-modifiki tal-RRP.

L-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa jissottomettu l-RRPs immodifikati sa mhux aktar tard minn April 2023, qabel l-iskadenza legali tal-31 ta’ Awwissu 2023 għas-sottomissjoni tal-RRPs immodifikati b’talba għal self. Irrispettivament minn jekk Stat Membru jitlobx self jew le, minħabba li l-iskadenza biex jiġu impenjati l-ammonti disponibbli taħt it-30 % li jifdal tal-allokazzjoni tal-għotja hija tmiem l-2023, l-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa biex ma jippreżentawx RRPs immodifikati wara Awwissu 2023, peress li mhux se jkun hemm garanzija li l-proċess ta’ valutazzjoni u adozzjoni jitlesta fil-ħin għall-iffirmar tal-ftehimiet ta’ finanzjament u/jew ta’ self fl-2023 stess. F’dan il-każ, l-Istat Membru jirriskja li jitlef 30 % tal-allokazzjoni tal-għotjiet tiegħu u l-aċċess tiegħu għas-self.

II.   Finanzjament addizzjonali

Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament REPowerEU, kwalunkwe RRP immodifikat li jkun jinvolvi appoġġ finanzjarju addizzjonali fil-forma ta’ self, riżorsi mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (“ETS”) skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u/jew trasferimenti mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (“BAR”) stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/1755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ikun jeħtieġ li jinkludi kapitolu REPowerEU, f’konformità mal-Artikolu 21c tar-Regolament RRF. L-appoġġ finanzjarju addizzjonali relatat mal-kapitolu tar-REPowerEU se jiġi żborżat flimkien mal-bqija tal-kontribuzzjoni finanzjarja għall-RRF u, fejn applikabbli, mal-appoġġ fil-forma ta’ self skont skeda komuni ta’ pagamenti parzjali.

Riżorsi tal-ETS għal REPowerEU

Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli. Dawn ir-riżorsi jistgħu jintużaw biss biex jiffinanzjaw riformi u investimenti inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU msemmi fl-Artikolu 21c(1) tar-Regolament RRF (ara t-taqsima ddedikata fit-Tieni Parti) — ħlief għall-miżuri soġġetti għad-deroga “la tagħmilx ħsara sinifikanti” (“DNSH”). L-aċċess għal dan l-appoġġ finanzjarju addizzjonali li ma jitħallasx lura jeħtieġ objettivi intermedji u miri addizzjonali, li għandhom jiġu integrati fl-iskeda tal-pagamenti parzjali ta’ kull CID. Mhux se jkun hemm distinzjoni bejn is-sorsi ta’ finanzjament skont il-profil tal-iżborż.

Kif diġà sar għall-RRPs inizjali, il-Kummissjoni se tnaqqas sehem mill-appoġġ finanzjarju addizzjonali mhux ripagabbli li jirriżulta mir-riżorsi tal-ETS biex tkopri n-nefqiet amministrattivi, f’konformità mal-Artikolu 21a(3) tar-Regolament RRF.

Tabella 1

Għotjiet addizzjonali REPowerEU għal kull Stat Membru

Stat Membru

Sehem (% tat-total)

Ammont (f’EUR, prezzijiet attwali)

Il-Belġju

1,41  %

282 138 922

Il-Bulgarija

2,40  %

480 047 020

Iċ-Ċekja

3,41  %

681 564 712

Id-Danimarka

0,65  %

130 911 150

Il-Ġermanja

10,45  %

2 089 555 318

L-Estonja

0,42  %

83 422 597

L-Irlanda

0,45  %

89 598 110

Il-Greċja

3,85  %

769 221 929

Spanja

12,93  %

2 586 147 350

Franza

11,60  %

2 320 955 407

Il-Kroazja

1,35  %

269 441 467

L-Italja

13,80  %

2 760 000 000

Ċipru

0,26  %

52 487 457

Il-Latvja

0,62  %

123 982 817

Il-Litwanja

0,97  %

194 020 453

Il-Lussemburgu

0,15  %

30 000 000

L-Ungerija

3,51  %

701 565 457

Malta

0,15  %

30 000 000

In-Netherlands

2,28  %

455 041 644

L-Awstrija

1,05  %

210 620 057

Il-Polonja

13,80  %

2 760 000 000

Il-Portugall

3,52  %

704 419 725

Ir-Rumanija

7,00  %

1 399 326 315

Is-Slovenja

0,58  %

116 909 535

Is-Slovakkja

1,83  %

366 959 257

Il-Finlandja

0,56  %

112 935 884

L-Iżvezja

0,99  %

198 727 417

Trasferimenti u opportunitajiet oħra ta’ finanzjament relatati mal-fondi tal-UE

Fondi b’ġestjoni kondiviża koperti mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021–2027

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament RRF jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jittrasferixxu sa 5 % tal-allokazzjoni inizjali tagħhom minn kull Fond — ħlief il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta — kopert mir-Regolament (UE) 2021/1060 (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021–2027, RDK) għall-RRF, f’konformità mal-kundizzjonijiet tar-RDK. Skont l-Artikolu 26 tar-RDK, sa 5 % tal-fondi tar-RDK għall-perjodu baġitarju 2021–2027 jistgħu jiġu ttrasferiti lejn kwalunkwe strument ieħor tal-UE ġestit direttament jew indirettament, għall-benefiċċju esklużiv tal-Istat Membru kkonċernat. Ir-regoli tal-istrument tal-UE li lejh jiġu trasferiti r-riżorsi għandhom japplikaw b’mod sħiħ. Din id-dispożizzjoni tippermetti lil Stat Membru jżid ir-riżorsi disponibbli tiegħu taħt l-RRF.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu trasferimenti bħal dawn bħala parti minn emenda ta’ programm. Skont l-Artikolu 26(3) tal-RDK 2021–2027, it-talbiet għal trasferiment bħal dan permezz ta’ emenda ta’ programm għandhom ikunu ġustifikati kif xieraq fir-rigward tal-komplementarjetajiet u l-impatt li jridu jinkisbu.

Din il-possibbiltà li jiġu ttrasferiti sa 5 % tal-fondi skont l-Artikolu 26 tar-RDK 2021-2027 tista’ tintuża biex tikkumpensa tnaqqis fl-allokazzjoni finanzjarja tal-RRF fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura inkluża fl-RRP eżistenti. Tista’ tintuża wkoll għar-riformi u l-investimenti inklużi fil-kapitolu REPowerEU (4).

Barra minn hekk, l-Istati Membri, skont l-Artikolu 26a tar-RDK, kif emendat bir-Regolament REPowerEU, jistgħu jużaw sa 7,5 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali tagħhom taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond ta’ Koeżjoni biex jappoġġaw l-objettivi tar-REPowerEU, f’konformità mar-regoli speċifiċi għall-Fond, permezz ta’ emenda f’xi programm skont l-Artikolu 24 tar-RDK.

Tabella 2

Ammonti disponibbli għal trasferimenti skont l-Artikolu 26 tal-RDK

F’EUR miljuni, arrotondati

Ammonti potenzjali disponibbli għal trasferimenti skont l-Artikolu 26 tal-RDK 2021-2027 (minn Diċembru 2022)  (*1)

BE

134,7

BG

363,4

CZ

910,2

DK

25,9

DE

865,9

EE

153,7

IE

59,9

EL

412,8

ES

1 769,4

FR

842,6

HR

435,4

IT

2 104,9

CY

45,2

LV

214,6

LT

305,1

LU

2,9

HU

1 086,4

MT

24,9

NL

64,9

FI

57,5

PL

3 609,0

PT

1 112,6

RO

1 461,0

SI

152,9

SK

617,9

FI

65,1

SE

96,3

Riżerva ta' Aġġustament għall-Brexit

Stat Membru jista’ wkoll jittrasferixxi lejn l-RRF l-allokazzjoni proviżorja tiegħu kollha jew parti minnha taħt il-BAR, biex jiffinanzja l-investimenti u r-riformi tal-kapitolu REPowerEU tiegħu, għall-benefiċċju esklużiv tal-Istat Membru kkonċernat. Skont ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, 80 % ta’ din l-allokazzjoni proviżorja titħallas lill-Istati Membri bħala prefinanzjament, maqsuma fi tliet porzjonijiet ta’ 40 % (fl-2021), 30 % (fl-2022), u 30 % (fl-2023); l-ammont li jifdal tal-allokazzjoni proviżorja jitħallas fl-2025 skont id-dokumentazzjoni ta’ nefqa eliġibbli suffiċjenti.

Il-prefinanzjament annwali tal-BAR għas-snin 2022 u 2023 jitħallas sal-aħħar ta’ April. Sabiex tkun tista’ titqies kwalunkwe intenzjoni ta’ trasferiment qabel l-iżborż tal-porzjon ta’ prefinanzjament tal-BAR tal-2023, l-Istati Membri għandhom sal-1 ta’ Marzu 2023 biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe intenzjoni li jittrasferixxu fondi tal-BAR lill-RRF. Dan għandu jieħu l-forma ta’ email skont il-mudell ipprovdut fl-Anness III. Din it-talba għandha tinkludi spjegazzjoni ġenerali tal-objettivi komuni kemm tal-BAR kif ukoll tal-kapitolu REPowerEU, liema spjegazzjoni turi li t-tnejn li huma jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. L-Istati Membri mhumiex mistennija jipprovdu ġustifikazzjoni miżura b’miżura. Ladarba l-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni, il-pagament tal-porzjon tal-prefinanzjament tal-2023 jiġi sospiż.

Skont l-ammont li l-Istat Membru jagħżel li jittrasferixxi lejn l-RRF, tapplika waħda mill-proċeduri li ġejjin:

Meta l-ammont trasferit ikun inqas mill-ammont li jifdal tal-allokazzjoni proviżorja li jkun għadu ma tħallasx skont il-BAR (bħala prefinanzjament), it-trasferiment isir mill-ammonti taħt il-BAR li inkella kienu jitħallsu fl-2023 u fl-2025.

Meta l-ammont trasferit ikun ogħla mill-parti tal-allokazzjoni proviżorja skont il-BAR li ma tkunx tħallset, l-ammonti li jkunu għadhom ma tħallsux skont il-BAR l-ewwel jiġu ttrasferiti. Id-differenza mbagħad tiġi ffinanzjata (parzjalment jew kompletament) mill-ammonti diġà mħallsa fl-2021 u l-2022 bħala l-prefinanzjament tal-BAR, li l-ewwel ikun meħtieġ li jiġi rkuprat mill-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri se jkollhom il-possibbiltà jesprimu preferenza li tali rkupru, sa fejn ikun possibbli, jiġi paċut mill-Kummissjoni permezz ta’ tnaqqis ta’ kwalunkwe pagament futur adattat, inkluż taħt l-RRF.

Tabella 3

Allokazzjoni taħt il-BAR u l-prefinanzjament tal-BAR imħallas

F’EUR miljuni, arrotondati

Allokazzjoni taħt il-BAR

Prefinanzjament tal-BAR imħallas

BE

386,6

211,8

BG

15,4

8,4

CZ

54,9

 

DK

275,0

150,7

DE

646,6

354,2

EE

6,6

3,6

IE

1 165,2

638,3

EL

38,6

21,2

ES

272,4

149,3

FR

735,6

403,0

HR

7,2

3,9

IT

146,8

80,4

CY

52,1

28,5

LV

10,9

6,0

LT

12,2

6,7

LU

128,5

70,4

HU

57,2

31,3

MT

44,3

24,3

NL

886,3

485,5

FI

27,7

15,2

PL

173,6

95,1

PT

81,4

44,6

RO

43,2

23,6

SI

5,3

 

SK

36,3

19,9

FI

23,2

 

SE

137,4

75,3

EU27

5 470,4

 

Talba għal self mill-RRF

Sabiex jappoġġaw riformi u investimenti ġodda mressqin fil-pjanijiet immodifikati, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament b’kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli ħafna tas-self tal-RRF. L-Istati Membri huma mħeġġa b’mod partikolari li jużaw dan is-sors ta’ finanzjament, li l-Kummissjoni tista’ tagħti sa tmiem l-2023, sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti addizzjonali. Tali self huwa partikolarment xieraq biex ikopri l-ħtiġijiet finanzjarji ogħla marbuta mal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti meħtieġa biex jiġu indirizzati l-objettivi tar-REPowerEU.

L-iskadenza finali għall-Istati Membri biex jissottomettu talbiet għal self, inklużi dawk allokati skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament RRF, hija l-31 ta’ Awwissu 2023, kif stabbilit fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament RRF. Fi żmien 30 jum wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament REPowerEU, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-intenzjoni li jitolbu self permezz ta’ ittra skont il-mudell ipprovdut fl-Anness II. Dan l-obbligu japplika wkoll għal dawk l-Istati Membri li diġà ħadu self sal-massimu indikat fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament RRF (6,8 % tal-ING tagħhom) (5). Jenħtieġ li tali komunikazzjoni, fejn possibbli, tiġi ppreżentata qabel u tinkludi indikazzjoni tal-ammont ta’ appoġġ fil-forma ta’ self li se jintalab kif ukoll lista inizjali ta’ investimenti u riformi li se jiġu appoġġati b’tali self. Dan għandu l-għan li jipprovdi prevedibbiltà baġitarja aħjar u aktar inċentivi għall-Istati Membri biex jitolbu tali appoġġ fil-forma ta’ self, filwaqt li jiġi applikat il-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza, mingħajr preġudizzju għall-iskadenza tal-31 ta’ Awwissu 2023, stabbilita fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament RRF.

Abbażi tal-informazzjoni mingħand l-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill, mingħajr dewmien żejjed, ħarsa ġenerali tal-intenzjonijiet espressi u tipproponi kif l-aħjar issir id-distribuzzjoni tar-riżorsi disponibbli, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, il-ħtiġijiet tal-Istati Membri rikjedenti u t-talbiet għal appoġġ fil-forma ta’ self diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra. F’każ li t-talbiet għal self jaqbżu l-ammonti disponibbli, il-Kummissjoni tqis, f’konformità mal-ħtieġa li jiġi żgurat li l-RRPs jirrappreżentaw rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-Istati Membri, jekk il-finanzjament addizzjonali mitlub lil hinn mil-limitu massimu ta’ 6,8 % jikkontribwix għall-kapitoli tar-REPowerEU jew le.

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament RRF, l-appoġġ b’self jista’ jingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023. Għaldaqstant, il-ftehimiet kollha ta’ self għandhom jidħlu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2023. Għalhekk, qabel dik id-data, il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiffirmaw il-ftehimiet ta’ self u l-Kummissjoni għandha tirċievi l-opinjonijiet legali li jiċċertifikaw li jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti kostituzzjonali u legali kollha relatati mad-dħul fis-seħħ ta’ dawn il-ftehimiet.

Talba għal appoġġ b’self għandha tkun motivata bir-reqqa u għandha tinkludi, b’mod partikolari:

ġustifikazzjoni tal-ħtiġijiet finanzjarji ogħla;

lista tar-riformi u tal-investimenti addizzjonali, bl-objettivi intermedji u bil-miri korrispondenti;

stimi tal-kostijiet tal-RRP rivedut.

Ħtiġijiet finanzjarji ogħla jistgħu jirriżultaw minn:

riformi u investimenti addizzjonali, b’mod partikolari biex jiġu indirizzati s-CSRs u l-isfidi tar-REPowerEU;

il-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Istat Membru kkonċernat tkun naqset u b’hekk l-appoġġ għal xi miżuri jinbidel minn appoġġ mhux ripagabbli għal self, ħalli l-ambizzjoni ġenerali tal-pjan tiegħu ma tonqosx; ma jkunux meħtieġa riformi jew investimenti addizzjonali biex jiġġustifikaw tali talbiet għal self;

talba għal self biex jiġu ffinanzjati miżuri fil-kapitolu REPowerEU.

III.   Prefinanzjament

Biex jiġi żgurat li l-appoġġ finanzjarju jiġi fornut minn qabel u jintuża biex iwieġeb aktar malajr għall-kriżi tal-enerġija attwali, l-Istati Membri jistgħu jitolbu prefinanzjament massimu sa 20 % tal-finanzjament addizzjonali meħtieġ biex jiffinanzjaw il-miżuri fil-kapitoli tar-REPowerEU tagħhom. Dan il-finanzjament addizzjonali meħtieġ jista’ jinkludi s-sorsi li ġejjin:

Dħul ġdid mill-ETS, f’konformità mal-Artikolu 21a;

Riżorsi trasferiti mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit, f’konformità mal-Artikolu 21b;

Riżorsi trasferiti mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 7;

Self mill-RRF, f’konformità mal-Artikolu 14;

Appoġġ addizzjonali mhux ripagabbli, wara l-aġġornament ta’ Ġunju 2022 f’konformità mal-Artikolu 18.

Il-prefinanzjament se jitħallas f’massimu ta’ żewġ porzjonijiet; l-ewwel pagament fi żmien xahrejn wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-impenn legali msemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament RRF u t-tieni fi żmien tnax-il xahar mid-dħul fis-seħħ tas-CID li tapprova l-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza inkluż kapitolu REPowerEU.

Il-pagamenti li jikkorrispondu għall-prefinanzjament se jkunu soġġetti għar-riżorsi disponibbli, b’mod partikolari għad-disponibbiltà ta’ fondi mill-kont tan-NextGenerationEU, għat-trasferiment effettiv minn qabel ta’ riżorsi minn programmi ta’ ġestjoni kondiviża u għall-approprjazzjonijiet approvati fil-baġit annwali tal-UE, kif ukoll għad-dħul skont l-Artikolu 21a. Kull wieħed miż-żewġ porzjonijiet tal-pagamenti ta’ prefinanzjament għal riżorsi trasferiti skont l-Artikolu 26 tas-RDK ma għandux jaqbeż total ta’ EUR 1 biljun, għall-Istati Membri kollha. Il-pagament tal-prefinanzjament se jsir wara l-valutazzjoni tat-talbiet kollha ppreżentati mill-Istati Membri u, jekk meħtieġ, fuq bażi prorata biex jiġi rrispettat il-limitu massimu kumplessiv ta’ EUR 1 biljun. Il-kontribuzzjoni finanzjarja u, fejn applikabbli, l-ammont ta’ self ta’ appoġġ li se jitħallas, se jiġu aġġustati proporzjonalment biex iqisu dan il-prefinanzjament addizzjonali għall-kapitoli tar-REPowerEU.

IV.   Emenda tal-pjan biex jitqies l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima l-ġdida

Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament RRF, l-Istati Membri jistgħu jaġġornaw l-RRPs tagħhom biex iqisu l-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata, wara l-kalkolu msemmi fl-Artikolu 11(2). Il-Kummissjoni ppubblikat l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima għall-Istati Membri kollha fit-30 ta’ Ġunju 2022 (6).

Huwa importanti li jiġi nnotat li l-RRPs emendati għandhom jibqgħu ambizzjużi daqs il-pjanijiet inizjali (jew iżidu l-ambizzjoni) u jkomplu jissodisfaw il-kriterji ta’ valutazzjoni kollha fir-Regolament RRF. B’mod partikolari, l-Istati Membri jridu jkomplu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fis-CSRs rilevanti kif ukoll il-prijoritajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament RRF, l-Istati Membri jistgħu jipproponu li jaġġustaw il-miżuri u l-objettivi intermedji u l-miri tagħhom biex iqisu r-reviżjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima. Meta tivvaluta dawn il-bidliet (flimkien, meta rilevanti, mal-Artikolu 14, għal miżuri addizzjonali marbuta mal-appoġġ fil-forma ta’ self), il-Kummissjoni se tikkunsidra:

jekk l-Istat Membru jkunx wera rabta bejn il-modifiki proposti u l-bidla fil-kontribuzzjoni finanzjarja massima;

l-effetti kumplessivi tal-modifiki proposti kollha fl-RRP rivedut, inklużi miżuri ġodda u awmentati fil-kapitoli tar-REPowerEU, fid-dawl tal-kriterji ta’ valutazzjoni kollha li jrid jikkonforma magħhom il-pjan.

L-aġġornament tal-RRPs biex tiddaħħal il-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament RRF jista’ jsir darba biss u qabel tmiem l-2023. Sabiex jiġi rifless l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima u jiġi impenjat legalment l-ammont li jikkorrispondi għal 30 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkalkolata f’konformità mal-Anness III tar-Regolament RRF, il-ftehim ta’ finanzjament għandu jiġi emendat fl-2023. Sabiex jiġi ottimizzat il-proċess, l-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa jippreżentaw pjan immodifikat uniku li jinkludi kemm il-bidliet fl-Artikolu 18(2) kif ukoll l-introduzzjoni tal-kapitolu REPowerEU sat-30 ta’ April 2023.

Eżempji tat-tipi ta’ bidliet li jistgħu jiġu proposti skont l-Artikolu 18(2), fil-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, jinkludu:

żieda fl-ammont tas-self ta’ appoġġ jew tat-trasferimenti biex jiġi kkumpensat it-tnaqqis fil-kontribuzzjoni finanzjarja;

żieda jew tnaqqis fil-miri, jew f’sett koerenti ta’ miri, flimkien ma’ bidla proporzjonata tal-kost stmat tal-miżura/i kkonċernata/i;

żieda jew tneħħija ta’ miżuri b’rabta mal-bidla fil-kontribuzzjoni finanzjarja;.

tibdil fl-iskeda ta’ żmien tal-objettivi intermedji u tal-miri jew adattament tad-deskrizzjonijiet tal-miżura u tal-objettiv intermedju/tal-mira affettwati mill-bidla fil-kontribuzzjoni finanzjarja.

L-Istati Membri jistgħu jipproponu wkoll bidliet fl-objettivi intermedji u fil-miri ta’ diversi miżuri marbuta biex iqisu l-bidla fil-kontribuzzjoni finanzjarja, pereżempju billi jallinjaw flimkien diversi miżuri żgħar relatati f’miżura waħda. F’każ bħal dan, l-Istat Membru jkollu bżonn jissostitwixxi objettivi intermedji u miri speċifiċi u b’mod korrispondenti jżid jew ikabbar l-ambizzjoni ta’ objettivi intermedji u miri oħra, dment li l-kostijiet kumplessivi stmati tal-pjan ikunu jaqblu mal-kontribuzzjoni finanzjarja aġġornata jew jaqbżuha, u l-Istat Membru juri r-rabta bejn il-bidla tal-allokazzjoni u l-emendi proposti għall-pjan. Tnaqqis jew bidla fil-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ titqies meta jiġi ġġustifikat it-tnaqqis tal-ambizzjoni u tal-kost stmat ta’ xi wħud mill-miżuri f’komponent, filwaqt li jiżdiedu l-kostijiet stmati u l-ambizzjoni ta’ oħrajn.

Reviżjoni ’l isfel

Anki jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja massima finali tagħhom tkun naqset, l-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu jimplimentaw l-RRPs tagħhom, billi jużaw sorsi alternattivi ta’ finanzjament. Fi ħdan il-qafas tal-RRF, is-self mill-RRF skont l-Artikolu 14 huwa alternattiva sinifikanti, kif inhuma t-trasferimenti minn fondi oħra tal-UE jew l-użu ta’ sorsi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jikkumpensaw ukoll, f’konformità mal-Artikolu 21c(2), it-tnaqqis fil-kontribuzzjoni finanzjarja massima b’finanzjament addizzjonali għall-kapitolu REPowerEU billi jinkludu miżuri eliġibbli eżistenti fil-kapitoli tagħhom tar-REPowerEU, sa ammont tal-kostijiet stmati ugwali għat-tnaqqis fil-kontribuzzjoni finanzjarja massima, f’konformità mal-Artikolu 11(2). Dan it-tnaqqis se jiġi kkalkulat billi titqabbel id-differenza bejn il-kontribuzzjoni finanzjarja massima bbażata fuq il-previżjoni għall-PDG għall-2020 u l-2021 (bit-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi) u l-kontribuzzjoni finanzjarja massima finali kif ippubblikata mill-Kummissjoni wara r-rilaxx tad-data finali dwar il-PDG (bit-tnaqqis tal-kost amministrattiv). Fil-prattika, biex tikkalkula l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni se tuża l-kostijiet stmati ta’ partijiet ta’ miżuri diġà inklużi fis-CIDs adottati li jiġu ttrasferiti għall-kapitolu REPowerEU (ħlief għal miżuri ġodda, f’liema każ ikunu meħtieġa stimi ġodda tal-kostijiet).

Reviżjoni ’l fuq

L-Istati Membri li, wara l-aġġornament, ikollhom kontribuzzjoni finanzjarja massima ogħla jistgħu jagħmlu użu mill-fondi addizzjonali disponibbli billi jipproponu riformi u investimenti rilevanti jew iżidu dawk diġà previsti. Huma mħeġġa bil-qawwa jallokaw bis-sħiħ id-dħul addizzjonali lejn l-objettivi tar-REPowerEU, filwaqt li jqisu s-CSRs tal-2022 u, jekk applikabbli, tal-2023. Sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-kontribuzzjoni finanzjarja massima miżjuda, il-kostijiet stmati tal-pjanijiet immodifikati tagħhom għandhom jikkorrispondu mill-inqas mal-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata.

L-Istati Membri b’kontribuzzjoni finanzjarja massima ogħla jistgħu jużaw l-Artikolu 18 tar-Regolament RRF biex jitolbu li jimmodifikaw il-miżuri eżistenti, dment li l-bidliet ġustifikati jkunu meħtieġa biex jippermettu l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda jew imsaħħa, b’mod partikolari dawk fil-kapitoli tar-REPowerEU.

V.   Emenda jew sostituzzjoni tal-pjan minħabba li l-pjan jew parti minnu ma għadhiex tista’ tinkiseb minħabba ċirkostanzi oġġettivi

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament RRF, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jitolbu emenda tal-pjan tagħhom jekk xi objettiv intermedju jew mira waħda jew aktar fl-RRP tagħhom ma jkunux jistgħu jinkisbu aktar minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Madankollu, il-pjan emendat xorta jkollu jindirizza s-CSRs rilevanti kollha jew subsett sinifikanti minnhom kif ukoll il-kriterji ta’ valutazzjoni l-oħra kollha previsti mir-Regolament RRF.

L-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna affettwat drastikament il-prezzijiet tal-enerġija u tal-materjali tal-kostruzzjoni. Dan ipoġġi wkoll aktar pressjoni fuq il-ktajjen tal-provvista globali. Is-severità ta’ dawn l-iżviluppi ma setgħetx tiġi antiċipata fiż-żmien meta ġiet stabbilita l-Faċilità, kif ukoll fiż-żmien meta l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. Dawn l-iżviluppi jista’ jkollhom impatt dirett fuq it-twettiq ta’ xi investimenti inklużi fil-pjanijiet u jistgħu jiġu invokati bħala ċirkostanzi oġġettivi, li jirfdu talba skont l-Artikolu 21.

Ċirkostanzi oġġettivi jistgħu jwasslu biex miżura ma tibqax tista’ tinkiseb fil-livell stmat ta’ kost jew effiċjenza jew iwasslu biex tinstab alternattiva aħjar li tkun aktar favorevoli biex jintlaħqu l-istess objettivi tar-Regolament RRF jew tal-11-il kriterju ta’ valutazzjoni. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru jkollu jressaq l-elementi oġġettivi li jirfdu l-ineffiċjenzi mhux mistennija li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-miżura oriġinali kif ippjanat inizjalment u juri li l-alternattiva proposta hija aktar adatta biex jintlaħqu l-objettivi maħsuba ta’ dik il-miżura. Pereżempju, l-Istat Membru jista’ jressaq evidenza li l-miżura alternattiva hija aktar kosteffiċjenti jew aktar favorevoli għall-kisba tal-objettivi ta’ politika tar-riforma jew tal-investiment.

Minħabba l-importanza tal-objettivi tar-REPowerEU fl-indirizzar tal-isfidi attwali, ir-Regolament RRF emendat isemmi b’mod espliċitu li anki kunflitt potenzjali bejn miżura eżistenti stabbilita fis-CID u l-objettivi tar-REPowerEU jista’ jiġi invokat bħala ċirkostanza oġġettiva skont l-Artikolu 21. Il-Kummissjoni se tivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk Stat Membru jkunx wera fatti verifikabbli b’mod oġġettiv f’dak ir-rigward.

Meta jinvokaw l-Artikolu 21 biex jemendaw il-pjan tagħhom, l-Istati Membri huma responsabbli jipprovdu ġustifikazzjoni adegwata biex jappoġġaw il-bidliet proposti u jistgħu jagħżlu t-tip ta’ evidenza u informazzjoni li jixtiequ jressqu biex jappoġġaw ir-raġunament tagħhom. It-tip u n-natura tal-bidliet, u ċ-ċirkostanzi oġġettivi invokati se jiddeterminaw il-firxa tal-informazzjoni li jkun hemm bżonn tingħata. Pereżempju, l-Istati Membri ma għandhomx bżonn jipprovdu evidenza għall-okkorrenza ta’ ċirkostanzi magħrufa sew (pereż., nuqqasijiet fil-ktajjen tal-provvista) iżda jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni speċifika dwar l-impatt ta’ dawk l-avvenimenti fuq il-miżuri u fuq l-objettivi intermedji u l-miri konkreti.

Ix-xenarji li ġejjin jistgħu jservu bħala eżempji ta’ x’tipi ta’ bidliet jistgħu jsiru skont l-Artikolu 21 u tat-tip ta’ informazzjoni li l-Istati Membri jkollhom bżonn jissottomettu (7):

Stat Membru jissuġġerixxi li tiġi modifikata mira relatata mal-kwantità ta’ bini jew mal-erja tal-art li għandha tiġi rinnovata, minħabba żieda kbira fil-prezzijiet tal-materjal tal-kostruzzjoni. Biex jappoġġa t-talba tiegħu, l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni dwar l-inflazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni fl-ekonomija tiegħu u, jew jadatta l-mira tiegħu b’mod proporzjonali għall-kostijiet miżjuda, jew ineħħi l-miżura, jew jitlob finanzjament addizzjonali biex ikopri l-kostijiet stmati miżjuda (f’kull każ, jipprovdi evidenza meħtieġa tal-ikkostjar).

Stat Membru jipproponi li jneħħi investiment li jikkonċerna l-akkwist ta’ superkompjuter minħabba nuqqasijiet fil-katina tal-provvista għas-semikondutturi. It-talba tkun akkumpanjata b’ħarsa ġenerali konċiża tat-tentattivi magħmula mill-awtoritajiet biex jakkwistaw il-prodott rilevanti u, fejn disponibbli, evidenza tal-proċedura tal-offerti li falliet.

Stat Membru jipproponi li jibdel it-termini ta’ objettiv intermedju importanti relatat mas-sostituzzjoni tal-bojlers fl-unitajiet domestiċi, bil-ħsieb li jiġu esklużi l-bojlers tal-gass mill-ambitu tal-appoġġ, peress li l-akkwist tagħhom imur kontra l-objettivi tar-REPowerEU, xi ħaġa li tikkostitwixxi ċirkostanzi oġġettivi skont ir-Regolament REPowerEU.

Stat Membru jidentifika mod ferm aktar kosteffiċjenti biex jinbena ċentru tat-trasport u jixtieq jibdel l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti fl-objettiv intermedju korrispondenti. Din it-talba hija akkumpanjata b’nota li tispjega t-tip ta’ analiżi li saret biex ġie ddeterminat li l-metodu l-ġdid huwa aktar kosteffiċjenti filwaqt li jwassal għall-istess riżultati kumplessivi.

Stat Membru jixtieq jibdel il-karatteristiċi ta’ impjant idroelettriku, peress li dan jista’ jipprovdi output tal-enerġija ferm aħjar, minkejja kostijiet kemxejn ogħla. L-Istat Membru jipprovdi analiżi qasira dwar kif il-karatteristiċi l-ġodda tal-impjant idroelettriku jtejbu l-prestazzjoni kumplessiva tiegħu, kif ukoll stima aġġornata tal-kost tal-miżura.

Il-bidliet proposti ma għandhomx inaqqsu l-ambizzjoni kumplessiva tal-RRPs, għandhom jiżguraw li l-pjanijiet ikomplu jissodisfaw is-CSRs u ma għandhomx iwasslu biex l-implimentazzjoni tiġi posposta lejn l-aħħar snin tal-RRF. Barra minn hekk, il-miżuri li jieħdu post il-miżuri li jitqiesu li ma jistgħux jinkisbu, għandhom jikkontribwixxu, sa fejn ikun possibbli, għall-objettivi tar-REPowerEU (pereż. bidla minn bojlers tal-gass għal pompi tas-sħana).

Xenarju

Bażi ġuridika

Żieda fl-RRP ta’ kapitolu tar-REPowerEU

Artikolu 21c

Aġġustament tal-miżuri fl-RRP wara l-aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima

Artikolu 18(2)

Emenda tal-miżuri fl-RRP minħabba ċirkostanzi oġġettivi li jrendu dawk il-miżuri mhux aktar fattibbli

Artikolu 21

Żieda ta’ miżuri fl-RRP biex jittieħed self addizzjonali mill-RRF

Artikolu 14

Kwalunkwe taħlita tax-xenarji ta’ hawn fuq

Artikoli 14, 18(2), 21 jew 21c

IT-TIENI PARTI

GWIDA DWAR L-IŻVILUPP U L-PREŻENTAZZJONI TA’ ADDENDA

Din it-taqsima tipprovdi gwida ġenerali dwar l-iżvilupp u l-preżentazzjoni ta’ addendum mal-RRP, inkluża t-tħejjija tal-kapitolu REPowerEU. F’din il-Parti, it-terminu “modifika” jintuża sabiex ikopri l-bidliet kollha fl-RRP, indipendentement mill-bażi ġuridika. Meta jimmodifikaw il-pjanijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprovdu evidenza relatata mal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fir-Regolament RRF kif ukoll informazzjoni aġġornata msemmija fl-Artikoli 18 u 21c tar-Regolament RRF.

Il-firxa tal-informazzjoni l-ġdida pprovduta għandha tkun proporzjonata mal-bidliet proposti fl-addendum. Jekk il-bidliet proposti ma jkollhomx impatt fuq taqsima partikolari, ma hemmx bżonn li timtela l-parti relatata tal-mudell. Is-sottomissjoni tal-kapitolu REPowerEU għandha tieħu l-forma ta’ preżentazzjoni ta’ komponent addizzjonali għal dawn ir-riformi u l-investimenti ddedikati. M’hemmx bżonn li jiġi ristrutturat pjan diġà adottat u r-ripetizzjonijiet għandhom jiġu evitati.

It-tieni parti hija maqsuma f’żewġ taqsimiet ewlenin: l-ewwel, gwida dwar it-tħejjija tal-kapitoli tar-REPowerEU u, it-tieni, gwida dwar l-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa bħala parti mill-modifika ġenerali tal-RRPs.

I.   Kapitolu tar-REPowerEU

1.    Riformi u investimenti

Il-miżuri fil-kapitoli tar-REPowerEU għandhom ikunu jew riformi u investimenti ġodda mibdija mill-1 ta’ Frar 2022 ’il quddiem jew il-parti li ġiet awmentata tar-riformi u tal-investimenti inklużi fis-CIDs diġà adottati (b’data tal-bidu mill-1 ta’ Frar 2020). Fil-każ tal-aħħar, il-parti awmentata tal-miżura eżistenti biss tiġi inkluża fil-kapitolu tar-REPowerEU. L-Istati Membri li huma soġġetti għal tnaqqis tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima, f’konformità mal-Artikolu 11(2), jistgħu jinkludu wkoll miżuri fis-CIDs diġà adottati mingħajr ma jawmentawhom, sa ammont tal-kostijiet stmati ugwali għat-tnaqqis tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima. Fil-prattika, dan ifisser li l-kapitolu tar-REPowerEU, f’dawn il-każijiet, ikun fih partijiet mill-miżuri inklużi fis-CIDs diġà adottati, li l-kostijiet totali tagħhom huma inqas jew daqs it-tnaqqis tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima.

Miżura awmentata għandha tintroduċi titjib sostantiv fil-livell ta’ ambizzjoni tal-miżura inizjali. Dan għandu jiġi rifless fit-tfassil jew fil-livell tal-objettivi intermedji u tal-miri korrispondenti. Pereżempju, Stat Membru jista’ jżomm miżura f’komponent eżistenti fl-RRP, iżda jżid b’mod sinifikanti l-mira fil-kapitolu tar-REPowerEU sabiex jibbenefika mill-finanzjament ġdid disponibbli. Pereżempju, żieda fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli minn 1 000 MW għal 1 300 MW tiġi ppreżentata bħala awmentazzjoni ta’ 300 MW; żieda fl-għadd ta’ binjiet rinnovati (u li jinkiseb iffrankar tal-enerġija ogħla minn 30 %) minn 20 000 għal 30 000 abitazzjoni titqies bħala awmentazzjoni tal-miżura b’10 000 abitazzjoni.

Għandu jiġi mfakkar li r-riformi u l-investimenti għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha identifikati fis-CSRs rilevanti jew subsett sinifikanti minnhom, inklużi s-CSRs adottati mill-Kunsill fiċ-ċikli tal-2022, tal-2023 u tas-Semestru sussegwenti, qabel ma Stat Membru jippreżenta l-RRP rivedut tiegħu. Is-CSRs tal-2022 jirreferu, fost l-oħrajn, għall-isfidi tal-enerġija li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri. Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, inklużi dawk b’kapitolu REPowerEU, li ma jindirizzawx b’mod sodisfaċenti l-kriterji ta’ valutazzjoni ma jistgħux jiġu vvalutati b’mod pożittiv u ma jistax isir disponibbli finanzjament addizzjonali.

Minħabba l-urġenza tal-isfidi li qed tiffaċċja l-UE u l-iskeda ta’ żmien marsusa għat-tlestija tal-miżuri skont l-RRF (bl-aħħar objettivi intermedji/miri li jridu jitlestew sa Awwissu 2026), l-Istati Membri huma mħeġġa jibnu kemm jista’ jkun fuq il-miżuri diġà inklużi fis-CIDs adottati, sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi tar-REPowerEU fil-ħin.

2.    Eżempji ta’ miżuri li jistgħu jiġu inklużi fil-kapitoli tar-REPowerEU

(a)   titjib tal-infrastruttura u tal-faċilitajiet tal-enerġija biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista tal-gass, inkluż l-LNG, b’mod partikolari biex tkun tista’ ssir diversifikazzjoni tal-provvista fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi

Dan l-objettiv japplika għall-infrastruttura u għall-faċilitajiet tal-enerġija li jippermettu d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass tal-Istati Membri ħalli jintlaħqu l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista, mingħajr ma jiġu kompromessi l-miri fit-tul tal-UE dwar l-enerġija u l-klima. Dan jinkludi terminals tal-LNG bħal unitajiet tal-ħżin u r-rigassifikazzjoni tal-LNG li jżommu f’wiċċ l-ilma, pipelines tal-gass, kif ukoll komponenti oħra tan-network tal-gass bħal stazzjonijiet tal-kejl, stazzjonijiet tal-kompressuri jew ħżin tal-gass.

Barra minn hekk, il-miżuri relatati mal-infrastruttura u mal-faċilitajiet taż-żejt li huma meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista jistgħu jiġu inklużi biss fil-kapitolu REPowerEU tal-Istati Membri li għandhom dipendenza speċifika fuq żejt mhux maħdum Russu minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom u li rċevew deroga temporanja eċċezzjonali mill-projbizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3m tar-Regolament (UE) Nru 833/2014.

L-investimenti fl-infrastruttura tal-gass, kif ukoll fl-infrastruttura taż-żejt għall-Istati Membri kkonċernati, jenħtieġ li jiġu allinjati, sa fejn ikun possibbli, mar-riżultati tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet addizzjonali tal-infrastruttura tal-enerġija kif deskritt fil-Komunikazzjoni REPowerEU tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2022 u d-diskussjonijiet mal-Istati Membri fil-Gruppi ta’ Livell Għoli reġjonali li joperaw fil-kuntest tal-politika tat-TEN-E, li r-riżultat tagħha ġie rifless fl-Anness III tal-Pjan REPowerEU tat-18 ta’ Mejju 2022.

Minħabba l-enfasi fuq is-sigurtà immedjata tal-ħtiġijiet tal-provvista, u soġġett għal valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni, il-miżuri li jtejbu l-infrastruttura u l-faċilitajiet tal-enerġija li huma essenzjali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn deroga mill-prinċipju DNSH. Għal dan l-għan, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni rilevanti biex jiġġustifikaw l-eliġibbiltà għal din id-deroga (ara l-punt hawnB) taħt).

Għal miżuri li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-Istati Membri huma mistiedna wkoll jagħtu attenzjoni lid-dimensjoni taċ-ċibersigurtà tal-proġetti, biex jimminimizzaw, kemm jista’ jkun, ir-riskji potenzjali ta’ interruzzjonijiet fl-enerġija.

(b)   it-tisħiħ tal-effiċjenza enerġetika fil-bini u fl-infrastruttura kritika tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, iż-żieda fil-produzzjoni u l-użu tal-bijometan sostenibbli, l-idroġenu rinnovabbli jew ħieles mill-fjuwils fossili u ż-żieda tas-sehem u l-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli

1)

dan jinkludi miżuri bħar-rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika tal-bini, inklużi miżuri għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika jew l-integrazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, jew id-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ, jew miżuri ta’ effiċjenza enerġetika f’sistemi effiċjenti ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali, jew titjib kosteffettiv tal-effiċjenza enerġetika għall-intrapriżi, jiġifieri dawk li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi tal-enerġija. Tali miżuri jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u jappoġġaw l-użu tal-enerġija rinnovabbli. L-objettiv, pereżempju, jintlaħaq billi:

jingħata appoġġ għar-rinnovazzjoni u għat-teknoloġiji li jtejbu r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija bi, pereżempju, mill-inqas 30 % bħala medja (b’aċċess preferenzjali għall-bini bl-agħar rendiment u l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx);

id-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ biex isiru effiċjenti, bħall-pompi tas-sħana (inklużi pompi tas-sħana ibridi), tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u rinnovabbli, fotovoltajċi (PV), ħżin tal-enerġija għall-enerġija rinnovabbli fuq il-post, termostati intelliġenti, eċċ.

l-użu ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi jew il-kontribuzzjoni għall-garanzija InvestEU biex jiġu appoġġati investimenti fir-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini (bħal modifiki retroattivi ta’ bini residenzjali u mhux residenzjali bl-agħar prestazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u l-installazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq il-post);

l-istabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ assistenza teknika nazzjonali jew reġjonali li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ pipeline kbir b’effiċjenza enerġetika finanzjarjament soda u proġetti ta’ rinnovazzjoni tal-bini li jattiraw investituri privati;

l-istabbiliment ta’ Fondi Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika, jew it-tisħiħ tiegħu jekk diġà jeżisti, bi strumenti finanzjarji ddedikati għall-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjoni tal-bini;

aġġornament tal-leġiżlazzjoni relatata mal-kostruzzjoni u mal-bini biex ikun meħtieġ li l-kostruzzjonijiet u r-rinnovazzjonijiet ġodda jkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

miżuri leġiżlattivi li jirrikjedu installazzjoni obbligatorja ta’ miters intelliġenti tal-enerġija fil-bini;

2)

L-objettiv tad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija huwa kopert b’mod aktar speċifiku fil-kaxxa ta’ hawn taħt.

3)

L-objettiv li jiġi appoġġat l-użu tal-bijometan u tal-idroġenu sostenibbli huwa relatat ma’ investimenti biex jiżdiedu l-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-bijometan sostenibbli, (inklużi konnessjonijiet li jippermettu t-taħlit tiegħu fl-infrastruttura tal-gass) u biex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli (8) (inkluża ż-żieda fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli korrispondenti meħtieġa għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli). L-objettivi huma relatati wkoll mal-investiment fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-idroġenu (9) mingħajr użu ta’ fjuwils fossili u fl-infrastruttura ddedikata tal-idroġenu, inklużi l-pipelines, il-ħżin u t-terminals fil-portijiet.

Ir-riformi korrispondenti jistgħu jikkonsistu f’inċentivi għal investimenti fil-produzzjoni jew l-użu ta’ bijometan u bijogass sostenibbli (kwoti, kuntratt għad-differenzi) jew riformi li jfasslu qafas leġiżlattiv u reġimi regolatorji xierqa għall-produzzjoni, l-użu, it-trasport u l-ħżin tal-idroġenu rinnovabbli jew mingħajr fjuwils fossili, b’enfasi fuq setturi diffiċli biex jiġu dekarbonizzati, f’konformità mal-istrateġija tal-UE għall-idroġenu.

4)

L-objettiv li jiżdied is-sehem u jiġi aċċellerat l-użu tal-enerġija rinnovabbli jinkludi miżuri biex tiżdied il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, it-tisħiħ jew l-aġġornament tal-grilja meħtieġa biex jiġu integrati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-ħżin rispettiv, kif ukoll riformi li jħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli, inkluża l-konnessjoni tagħhom mal-grilja.

Ir-riformi jenħtieġ li jkollhom l-għan li jissimplifikaw u jaċċelleraw l-għoti tal-permessi għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli, inkluż pereżempju d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri jew l-introduzzjoni ta’ punt uniku ta’ servizz għall-permessi ambjentali, jew għat-titjib tal-ippjanar (spazjali), inkluża d-deżinjazzjoni ta’ żoni partikolarment adatti għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. Ir-riformi għandhom ikunu akkumpanjati mit-titjib tal-ħiliet u t-tisħiħ meħtieġa tal-persunal amministrattiv biex jindirizza l-aċċellerazzjoni u l-għadd akbar ta’ talbiet għal permessi, u miżuri oħra li jtejbu l-kapaċitajiet amministrattivi, bħal għodod aħjar u flussi tax-xogħol simplifikati.

Fir-rigward tas-settur tat-tisħin b’mod speċifiku, l-objettiv jista’ jintlaħaq bi:

strumenti finanzjarji speċifiċi jew appoġġ ieħor, inċentivi bbażati fuq is-sussidji jew fuq it-taxxa għal investimenti fit-tisħin u t-tisħin distrettwali rinnovabbli effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija, inklużi inċentivi għall-konsumaturi biex jinstallaw pompi tas-sħana u unitajiet termali solari, jew jikkonnettjaw ma’ tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti, rinnovabbli u bl-użu tal-sħana mitlufa;

skemi ppjanati biex is-sistemi tat-tisħin bl-użu ta’ fjuwils fossili jiġu ssostitwiti b’teknoloġiji rinnovabbli (sħana rinnovabbli, tisħin distrettwali bbażat fuq sorsi rinnovabbli, użu ta’ networks tas-sħana u t-tkessiħ industrijali mitlufa);

l-immodernizzar tas-sistemi tat-tisħin distrettwali biex jissostitwixxu l-fjuwils fossili b’pompi tas-sħana jew sorsi rinnovabbli, l-ottimizzazzjoni tat-temperaturi operazzjonali, it-tnaqqis tat-telf ta’ sħana fin-network distrettwali, l-irrinovar tas-substazzjonijiet, l-applikazzjoni ta’ kontroll intelliġenti, iż-żieda fl-għażliet tal-ħżin tas-sħana.

(ba)   l-indirizzar tal-faqar enerġetiku

F’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-kapitoli tar-REPowerEU jistgħu jinkludu wkoll miżuri biex jindirizzaw strutturalment il-kawżi ewlenin tal-faqar enerġetiku permezz ta’ investimenti dejjiema, fost l-oħrajn fl-effiċjenza enerġetika, fil-miżuri ta’ rinnovazzjoni tal-bini u fil-protezzjoni tal-konsumaturi u fil-miżuri ta’ emanċipazzjoni u permezz tar-riformi tagħhom. Tali riformi u investimenti għandhom jipprovdu livell suffiċjenti ta’ appoġġ finanzjarju biex titnaqqas strutturalment id-domanda għall-enerġija tal-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx (sa 100 % tal-kostijiet) u tal-kumpaniji vulnerabbli, inklużi intrapriżi mikro, żgħar u medji (SMEs), u tal-kumpaniji f’industriji intensivi fl-enerġija, li jiffaċċjaw diffikultajiet serji minħabba kontijiet għoljin tal-enerġija.

Il-miżuri li jistgħu jilħqu dawn l-objettivi jinkludu (10):

Appoġġ finanzjarju għall-iskemi tal-effiċjenza enerġetika, inkluż permezz ta’ strumenti finanzjarji ddedikati;

Skemi biex titnaqqas id-domanda għall-elettriku tal-unitajiet domestiċi u tal-kumpaniji inklużi l-SMEs li jiffaċċjaw diffikultajiet minħabba kontijiet għoljin tal-elettriku;

żidiet finanzjarji għal skemi oħra fl-RRPs biex tiżdied l-intensità tal-assistenza lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli, eż., għal rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika;

skemi li jissussidjaw ir-rinnovazzjoni tal-enerġija jew l-installazzjoni ta’ soluzzjonijiet tat-tisħin;

appoġġ u promozzjoni tal-komunitajiet tal-enerġija;

programmi ta’ edukazzjoni dwar l-enerġija għall-pubbliku biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar il-konservazzjoni tal-enerġija, li jimmiraw b’mod speċjali lejn il-mudelli u l-konsumaturi li jikkunsmaw ħafna enerġija;

l-użu ta’ punti uniċi ta’ servizz li jipprovdu pariri u assistenza reali (mhux limitati għal informazzjoni) dwar l-opportunitajiet ta’ rinnovazzjoni tal-bini, iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar tal-enerġija;

riformi li jqisu l-livell tal-prestazzjoni tal-effiċjenza enerġetika fil-kuntest tal-iffissar tal-kera għall-abitazzjonijiet u għall-proprjetà kummerċjali.

(bb)   inċentivar tat-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija

L-objettiv li jiġi inċentivat it-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija japplika għal miżuri mmirati lejn il-proċessi tal-produzzjoni/il-forniment tas-servizzi mill-kumpaniji u huwa marbut mal-kwistjonijiet deskritti fit-taqsima ddedikata hawn taħt (Tisħiħ tal-Bażi Industrijali tal-Ewropa). Eżempju li jikkombina l-kostijiet tal-enerġija rilevanti ma’ miżuri strutturali jista’ jkun kumpens finanzjarju temporanju għat-telf fil-produzzjoni li jirriżulta minn tnaqqis fid-domanda għall-elettriku fuq terminu qasir akkumpanjat mir-rekwiżit għal investiment(i) b’effetti fit-tul li jissodisfaw l-objettivi tar-REPowerEU (pereż., it-tnaqqis tal-intensità tal-gassijiet serra mill-produzzjoni tad-ditta (11) sa nofs l-2026, pereżempju billi ssir bidla għall-enerġija rinnovabbli, jew b’miżuri għall-iffrankar tal-enerġija).

L-investimenti fit-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija jistgħu jiġu kkomplementati wkoll minn riformi li jipprovdu inċentivi regolatorji għal titjib fit-tul fl-effiċjenza enerġetika, jiġifieri:

l-użu ta’ punti uniċi ta’ servizz li jipprovdu pariri u assistenza (mhux limitati għal informazzjoni) dwar l-opportunitajiet ta’ rinnovazzjoni tal-bini, iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar tal-enerġija;

skemi li jinċentivaw ir-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini, jew l-installazzjoni ta’ soluzzjonijiet tat-tisħin kif deskritt f’b) il-punt 1.

(c)   L-indirizzar tal-konġestjonijiet interni u transfruntiera tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-enerġija, l-appoġġ għall-ħżin tal-elettriku, u l-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u l-appoġġ għat-trasport b’emissjonijiet żero u l-infrastruttura tiegħu, inkluż il-ferroviji.

Eżempji ta’ miżuri marbuta mat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin tal-enerġija jinkludu:

faċilitajiet għall-ħżin tal-elettriku b’mod partikolari biex jappoġġaw l-użu ta’ riżorsi rinnovabbli u/jew biex jimminimizzaw il-konġestjonijiet;

l-iżvilupp ta’ netwerks nazzjonali tad-distribuzzjoni u tat-trażmissjoni tal-elettriku, speċjalment biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet u tiġi promossa aktar integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

il-kostruzzjoni ta’ interkonnetturi tal-elettriku;

ir-riformi tat-tariffi u l-faċilitazzjoni tal-proġetti tal-konnettività mal-grilja;

ir-riformi biex tissaħħaħ il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija

l-istabbiliment ta’ skedi trasparenti għall-aġġornamenti tal-grilji tad-distribuzzjoni u tat-trażmissjoni u tal-irkanti tal-enerġija rinnovabbli.

Eżempji ta’ miżuri marbuta ma’ trasport b’emissjonijiet żero jinkludu investimenti jew riformi għall-użu ta’:

vetturi b’emissjonijiet żero mill-pajp tal-egżost bħal vetturi 100 % elettriċi jew b’ċelloli tal-fjuwil ibbażati fuq l-idroġenu u bastimenti/inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero;

tiġdid u modifika retroattiva tal-assi tat-trasport b’emissjonijiet żero għal assi u infrastruttura tat-trasport b’emissjonijiet żero għal vetturi b’emissjonijiet żero mill-pajp tal-egżost u għal bastimenti/inġenji tal-ajru;

vetturi ferrovjarji b’emissjonijiet żero għall-ferroviji kif ukoll l-infrastruttura ferrovjarja u s-subsistemi relatati għal vetturi ferrovjarji b’emissjonijiet żero; punti tal-iċċarġjar elettriku, titjib tal-konnessjoni mal-grilja tal-elettriku, stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu jew sistemi tat-toroq elettriċi;

riformi tal-qafas regolatorju biex karozzi żgħar b’kombustjoni interna jkunu mħeġġa jiġu mmodifikati retroattivament f’vetturi elettriċi billi titħaffef il-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip ta’ modifika retroattiva; għoti ta’ inċentivi lill-industrija tal-modifiki retroattivi u lill-konsumaturi (inċentivi fiskali, self ta’ kreditu favorevoli jew sussidji għal investimenti bil-quddiem); u l-iżvilupp ta’ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni.

Investimenti fil-produzzjoni tal-fjuwils tal-avjazzjoni mill-idroġenu rinnovabbli u riformi biex tiġi inċentivata l-produzzjoni

(d)   Appoġġ tal-objettivi fil-punti (a), (b), (ba), (bb) u (c) permezz ta’ rikwalifikazzjoni aċċellerata tal-forza tax-xogħol lejn ħiliet ekoloġiċi u l-ħiliet diġitali relatati, kif ukoll appoġġ għall-ktajjen tal-valur tal-materja prima kritika u għat-teknoloġiji marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika.

Fir-rigward tal-ħiliet ekoloġiċi u l-ħiliet diġitali relatati, dan l-objettiv jikkontribwixxi biex il-forza tax-xogħol tiġi mgħammra bil-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-enerġija u tal-klima, u b’mod partikolari għal setturi industrijali ewlenin għat-tranżizzjoni lejn in-nett ta’ żero. Il-miżuri jistgħu pereżempju jinkludu dawn li ġejjin:

it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol permezz ta’ taħriġ, għodod ta’ prospettiva, inkluż billi tingħata attenzjoni partikolari lil gruppi sottorappreżentati;

apprendistati, traineeships u skemi ta’ job shadowing, inkluż bi sħubija man-negozji rilevanti;

l-adattament tal-kurrikuli tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u tal-għoti tal-edukazzjoni u gwida għall-karriera kif xieraq;

inċentivi għat-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti u għat-taħriġ ta’ professjonisti tas-sengħa fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u fis-setturi tal-kostruzzjoni.

Fir-rigward tal-appoġġ tal-ktajjen tal-valur f’materja prima kritika u teknoloġiji marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari t-teknoloġiji tal-Industrija b’emissjonijiet Żero Netti, dan l-objettiv jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ miżuri li jsaħħu l-kapaċità tal-bażi teknoloġika u tal-manifattura tal-Unjoni għal materjali u komponenti ta’ teknoloġija nadifa biex jiżdiedu r-reżiljenza u s-sovranità tal-ktajjen tal-valur strateġiċi tal-UE, inkluż billi tissaħħaħ l-ekonomija ċirkolari (ara l-kaxxa dwar dan hawn taħt).

Tisħiħ tal-bażi industrijali tal-Ewropa fil-kuntest tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija

Il-Kunsill Ewropew fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 enfasizza l-importanza li tiġi salvagwardjata l-bażi ekonomika, industrijali u teknoloġika tal-Ewropa fil-kuntest tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u li tiġi intensifikata l-kompetizzjoni globali. Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u jissaħħu r-reżiljenza ekonomika u l-kompetittività tal-Ewropa, il-Kunsill Ewropew appella għal rispons ikkoordinat li jinvolvi l-mobilizzazzjoni tal-għodod nazzjonali u tal-UE rilevanti kollha.

Ir-Regolament REPowerEU jirrikonoxxi r-rwol li l-industrija għandha biex tmexxi t-tranżizzjoni tal-UE lil hinn mid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u lejn provvista tal-enerġija aktar diversifikata u rinnovabbli. L-ewwel nett, l-industrija tal-manifattura tirrappreżenta l-ogħla sehem tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE (22 %), u għalhekk, id-dekarbonizzazzjoni rapida tal-proċessi industrijali tirrappreżenta fattur essenzjali biex jintlaħqu kemm l-objettivi klimatiċi kif ukoll dawk tar-REPowerEU. It-tieni, bażi tal-manifattura, industrijali u teknoloġika tal-UE b’saħħitha u innovattiva fil-ktajjen tal-valur ewlenin tat-teknoloġija nadifa hija importanti biex jiġi żgurat li, hekk kif titbiegħed mill-fjuwils fossili lejn l-enerġija rinnovabbli, l-UE ma ssirx dipendenti żżejjed fuq pajjiżi terzi għal tagħmir, komponenti u materjali li huma essenzjali għal ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet żero netti.

F’dan il-kuntest, fi ħdan l-ibbilanċjar kumplessiv tagħhom tal-prijoritajiet tar-REPowerEU, l-Istati Membri huma mħeġġa jipproponu miżuri u investimenti fil-kapitoli tagħhom tar-REPowerEU li jappoġġaw it-tranżizzjoni tal-industrija tal-UE lejn teknoloġiji b’livell żero jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-triq lejn żero netti, filwaqt li jippreservaw il-kompetittività preżenti u futura tal-industriji ewlenin tat-teknoloġija nadifa tal-UE, jappoġġaw l-espansjoni tal-kapaċità produttiva u tal-innovazzjoni tagħhom, inkluż fis-segment ewlieni tal-ktajjen tal-provvista tagħhom u, b’mod aktar ġenerali, jippreservaw l-attraenza globali tal-UE bħala post ta’ investiment f’industriji strateġiċi tat-teknoloġija nadifa. Tali appoġġ għall-investiment (pereż. ħelsien mit-taxxa jew forom oħra ta’ appoġġ) jenħtieġ li jiġi kkombinat ma’ riformi addizzjonali li jamplifikaw l-impatt tal-appoġġ finanzjarju.

Ta’ min ifakkar ukoll li l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw l-investimenti f’assi fit-tul u f’kundizzjonijiet speċifiċi xi wħud min-nefqiet operazzjonali temporanji assoċjati ma’ dawk il-proġetti (kemm fil-kapitoli tal-RRPs eżistenti kif ukoll f’dawk tar-REPowerEU). Biex ikunu eliġibbli għall-appoġġ tal-RRF, dawn il-kostijiet operatorji jenħtieġ li jkunu parti integrali mir-riforma/investiment li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-kriterji ta’ valutazzjoni tal-RRF u jkunu limitati u proporzjonati mal-kisba tar-riżultati fit-tul maħsuba tal-investiment (pereż., ara l-eżempji prattiċi hawn taħt li jistgħu jkunu xierqa biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati mill-Istati Membri). Hawn taħt hawn xi eżempji illustrattivi dwar it-tipi ta’ miżuri li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jinkludu fil-kapitoli tar-REPowerEU, assoċjati mal-objettivi tar-REPowerEU.

Artikolu 21c 3(b) - dekarbonizzazzjoni tal-industrija, u żieda fis-sehem u fl-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli

Investimenti fid-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni tal-azzar, pereżempju s-sostituzzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni bbażati fuq il-fornijiet tal-blast bi proċessi ta’ produzzjoni b’emissjonijiet żero jew baxxi bbażati fuq l-elettrifikazzjoni jew l-idroġenu. Dan il-proġett jista’ jinkludi wkoll il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli u jkopri l-kostijiet operatorji relatati ma’ dan l-investiment. Riforma oħra li tmur ma’ dan tista’ tikkonsisti f’ħelsien mit-taxxa għar-R&I f’teknoloġiji rivoluzzjonarji ġodda b’emissjonijiet żero.

Appoġġ għall-manifattura ta’ komponenti tat-turbini tar-riħ (pali, twapet, turbini, kejbils). Dan jista’ jiġi kkombinat ma’ riforma li tistabbilixxi mira nazzjonali vinkolanti għall-provvista tal-enerġija mir-riħ u ppjanar aktar prevedibbli tal-iżvilupp tar-riħ u tal-irkanti.

Appoġġ għall-manifattura ta’ komponenti għal sistemi fotovoltajċi solari (polisiliċju, ingotti u wejfer, ċellola, modulu, inventur) inkluż in-nefqiet kapitali. Dan jista’ jiġi kkombinat ma’ riforma li tistabbilixxi l-użu obbligatorju ta’ pannelli solari fuq soqfa ta’ bini kbir b’aktar minn ċerta superfiċje (pereż. uffiċċji, supermarkets, imħażen, postijiet ta’ parkeġġ) jew użu obbligatorju ta’ pannelli solari vertikali b’wiċċ doppju fuq l-awtostradi.

Artikolu 21c (3) (d) — inċentivar tat-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija

Programmi li jissussidjaw ix-xiri u l-installazzjoni ta’ pompi tas-sħana, inklużi pompi tas-sħana industrijali. Il-finanzjament jista’ jkopri wkoll elementi marbuta mal-promozzjoni ta’ sussidji u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għall-SMEs dwar l-awditi tal-enerġija. Riforma li tikkomplementa dan l-investiment tista’ tinvolvi l-istabbiliment ta’ data ta’ eliminazzjoni gradwali għat-tisħin bil-fjuwils fossili f’faċilitajiet industrijali jew pjanijiet vinkolanti ta’ dekarbonizzazzjoni fil-livell ta’ kull settur jew impjant industrijali.

Investimenti li jappoġġaw l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji bl-aħjar prestazzjoni fl-użu tas-sħana mitlufa fl-industriji intensivi fl-enerġija. L-appoġġ jista’ jinkludi wkoll appoġġ anċillari marbut mal-installazzjoni (tfassil tal-proġett, liċenzji tal-privattivi, taħriġ tal-persunal). L-appoġġ jista’ jieħu wkoll il-forma ta’ ħelsien mit-taxxa. L-Istati Membri jistgħu jikkombinaw dan l-appoġġ ma’ inċentivi regolatorji, bħal obbligi għal ċertu tip ta’ faċilitajiet li jkunu mgħammra b’tagħmir tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jitlef sħana b’temperatura baxxa.

L-Artikolu 21c (3)(e) — appoġġ għall-ħżin tal-elettriku, u aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli

Ċentru tal-enerġija li jgħaqqad il-produzzjoni tal-enerġija solari ma’ kapaċità kbira ta’ ħżin tal-enerġija fuq il-post bħala parti minn impjant industrijali. L-appoġġ jista’ jkopri wkoll ċerti kostijiet relatati mal-investiment, bħall-provvista ta’ spare parts, il-kostijiet lavorattivi marbuta mal-kostruzzjoni tal-faċilitajiet u l-kostijiet amministrattivi. Ir-riformi marbuta ma’ dan jistgħu jinvolvu simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti tal-permessi għall-kostruzzjoni tal-faċilitajiet u l-konnessjoni tagħhom mal-grilja.

Sistema ta’ ħżin tal-enerġija li tagħti t-tieni ħajja lill-batteriji (pereżempju minn vetturi elettriċi). L-investiment jista’ jkopri l-kostijiet relatati mal-akkwist tal-batteriji użati mill-ġdid jew riċiklati. Dan l-investiment jista’ jiġi kkomplementat b’riforma li ssaħħaħ l-obbligi tar-riċiklaġġ fuq il-manifatturi tal-karozzi elettriċi.

Artikolu 21c (3)(f) — appoġġ għall-ktajjen tal-valur f’materja prima kritika u teknoloġiji marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika

Faċilità għall-produzzjoni tal-litju mingħajr fossili mis-salmura ġeotermali (bl-użu tal-proċess tal-estrazzjoni diretta tal-litju), inklużi l-kostijiet tal-fażi tal-istabbiliment (pereż. il-liċenzji tal-privattivi rilevanti). Dan jista’ jiġi kkombinat ma’ riforma li tinċentiva l-użu tal-litju ħieles mill-fjuwils fossili, inkluż fis-setturi tal-karozzi u tal-enerġija rinnovabbli.

Faċilitajiet tal-produzzjoni tal-katodu u tal-anodu għall-batteriji, inklużi faċilitajiet ta’ użu mill-ġdid u riċiklaġġ tal-batteriji u l-produzzjoni ta’ tagħmir tal-manifattura għall-gigafactories. Dan jista’ jintrabat mas-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-kostruzzjoni ta’ fabbriki u miri ambizzjużi għall-użu ta’ batteriji riċiklati u standards tal-effiċjenza fir-riżorsi.

Titjib teknoloġiku tar-raffineriji tar-ram li jippermetti r-riċiklaġġ ta’ ruttam elettroniku trattat minn qabel (jew materjal elettroniku) għall-irkupru primarjament tar-ram, il-landa, in-nikil, u metalli prezzjużi li huma marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika. Dan jista’ jinkludi spejjeż tranżitorji li jkopru t-taħriġ biex il-persunal eżistenti jiġi kkwalifikat mill-ġdid u l-kostijiet marbuta mal-ġbir u mat-trasport tal-iskart elettroniku. Riforma komplementari possibbli tista’ tinkludi l-istabbiliment ta’ miri ogħla għall-ġbir separat u għall-użu mill-ġdid/ir-riċiklaġġ tal-iskart elettroniku.

X’mudell ta’ appoġġ jistgħu jikkunsidraw l-Istati Membri?

It-tfassil ta’ strument ta’ appoġġ finanzjarju rilevanti għandu jiżgura li l-finanzjament ikun jista’ jiġi assorbit malajr mill-industriji fil-bżonn. F’dan il-kuntest tista’ titqies l-awmentazzjoni tal-iskemi u tal-proġetti ta’ appoġġ eżistenti qabel ma jinħolqu mezzi finanzjarji ġodda. L-alleanzi industrijali eżistenti tal-UE (b’mod partikolari fejn jidħlu l-batteriji, il-fotovoltajċi solari, il-materja prima kritika, u l-idroġenu) spiss jinkludu riżervi ta’ abbozzi ta’ proġetti li jistgħu jiġu kkunsidrati għall-finanzjament minn tali skemi ta’ appoġġ, meta meħtieġ u proporzjonat. Bl-istess mod, proġetti li ġew evalwati pożittivament mill-Fond għall-Innovazzjoni iżda li kienu taħt il-livell limitu ta’ finanzjament jistgħu jiġu appoġġati wkoll.

Barra minn hekk, is-self mill-RRF joffri kundizzjonijiet ta’ finanzjament kompetittivi. Hemm diversi soluzzjonijiet li jistgħu jintużaw biex dawn il-kostijiet vantaġġużi tal-kapital jgħaddu fuq in-negozji, pereżempju:

it-tqassim tas-self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza permezz ta’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, banek multilaterali tal-iżvilupp u banek kummerċjali biex tiġi żgurata adozzjoni rapida; mingħajr ma jiddependu fuq ir-riżorsi tal-amministrazzjoni pubblika;

l-użu ta’ garanziji tas-self biex jitnaqqas ir-riskju għas-selliefa u jsir aktar attraenti għalihom li jipprovdu finanzjament għal proġetti b’teknoloġija nadifa;

l-iżvilupp ta’ fond li joffri soluzzjonijiet ta’ finanzjament tranżitorju biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jnaqqsu d-distakk bejn iż-żmien li jġarrbu l-ispejjeż u ż-żmien li jirċievu dħul mill-investimenti fuq terminu itwal.

3.    Prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” (DNSH)

Applikazzjoni tal-prinċipju DNSH skont ir-REPowerEU

Il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” jibqa’ japplika għar-riformi u għall-investimenti appoġġati mill-Faċilità, f’konformità mar-Regolament RRF, b’deroga waħda speċifika biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà immedjata tal-enerġija tal-UE.

Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi tar-REPowerEU li diġà ġew inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza adottati diġà ġew ivvalutati skont il-prinċipju tad-DNSH. Għalhekk, mhux se tkun meħtieġa valutazzjoni ġdida tal-partijiet awmentati ta’ dawn il-miżuri. Valutazzjoni riveduta tista’ tkun meħtieġa biss jekk in-natura tal-bidliet fil-miżuri jkollha mnejn taffettwa l-valutazzjoni tad-DNSH. Għal miżuri ġodda, l-Istati Membri għandhom jissottomettu informazzjoni dwar kif il-miżuri jikkonformaw mal-prinċipju DNSH.

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw jew jemendaw l-awtovalutazzjoni tad-DNSH għall-miżuri tar-REPowerEU f’konformità mat-taqsima II 1 D) ta’ din il-gwida.

Huwa preferibbli li fil-kapitolu tar-REPowerEU jiġu inklużi biss dawk il-miżuri li huma konformi mad-DNSH min-natura tagħhom u liema natura tista’ tintwera fl-awtovalutazzjoni tad-DNSH. Għal dawn il-miżuri, mhux se jkun meħtieġ li tiġi inkluża salvagwardja speċifika tad-DNSH fid-deskrizzjoni tal-miżuri u/jew fl-objettivi intermedji u l-miri korrispondenti.

Fi kliem ieħor, in-natura tal-miżuri se tiddetermina jekk hux se jkunu meħtieġa salvagwardji speċifiċi tad-DNSH, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Deroga mill-prinċipju DNSH skont ir-REPowerEU

Soġġett għal valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni, il-prinċipju tad-DNSH mhux se japplika għal miżuri li jkunu mistennija jikkontribwixxu biex jitjiebu l-infrastruttura u l-faċilitajiet tal-enerġija biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati tal-provvista tal-enerġija.

Meta tivvaluta l-eliġibbiltà tal-miżuri għal deroga mill-prinċipju DNSH, il-Kummissjoni se tikkunsidra erba’ rekwiżiti. Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri biex issostni l-valutazzjoni tagħha.

Jekk il-miżura hijiex meħtieġa u proporzjonata biex tissodisfa l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista f’konformità mal-Artikolu 21c(3)(a), filwaqt li jitqiesu alternattivi fattibbli aktar nodfa u r-riskji ta’ effetti ta’ intrappolament.

Għall-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżura, il-Kummissjoni se tqis il-projezzjonijiet stmati tad-domanda għall-gass jew għaż-żejt fl-Istat Membru kkonċernat, il-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni u l-iskambji mal-ġirien tiegħu, filwaqt li tqis il-miri tal-klima u tal-enerġija għall-2030 kif ukoll l-impatt tat-tfixkil tal-importazzjonijiet mir-Russja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-kapaċità u l-volum tal-enerġija addizzjonali miġjuba mill-miżura, il-maturità, l-iskeda ta’ żmien, u l-eżistenza ta’ proġetti komplementari, inkluż fl-Istati Membri ġirien.

L-Istati Membri huma mitluba jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti kollha biex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħmel il-valutazzjoni tagħha. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru, il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll jekk alternattivi aktar nodfa, bl-istess kapaċità, perjodu ta’ żmien simili u kostijiet komparabbli, jistgħux ikunu teknoloġikament u ekonomikament fattibbli. Pereżempju, il-Kummissjoni tista’ tfittex informazzjoni dwar soluzzjonijiet alternattivi li ġew ikkunsidrati mill-Istat Membru, bħall-kostruzzjoni ta’ proġetti ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira ekwivalenti fil-kapaċità tal-enerġija. Barra minn hekk, infrastruttura addizzjonali tal-gass jenħtieġ li tkun valida għall-futur, fejn possibbli, sabiex tiġi ffaċilitata s-sostenibbiltà fit-tul tagħha permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. Pereżempju, l-Istati Membri għandhom jispjegaw jekk l-infrastruttura tkunx tista’ topera 100 % bl-idroġenu pur jew id-derivattivi tiegħu, u jekk dan ma jkunx possibbli, jispjegaw ir-raġunijiet rilevanti.

L-Istat Membru kkonċernat ikun wettaq sforzi sodisfaċenti biex jillimita l-ħsara potenzjali għall-objettivi ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852, meta fattibbli, u biex itaffi l-ħsara permezz ta’ miżuri oħra, inklużi l-miżuri fil-kapitolu REPowerEU.

Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqis l-isforzi kumplessivi li l-Istat Membru jieħu biex jillimita l-ħsara tal-miżura għas-sitt objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852, inkluż permezz ta’ miżuri sottomessi fil-kapitolu REPowerEU.

Il-miżuri fil-kapitolu tar-REPowerEU għandhom jittieħdu f’konformità mal-qafas ġuridiku ambjentali tal-UE u nazzjonali applikabbli. Dan se jgħin biex itaffi l-ħsara b’mod partikolari billi jikkontrolla u jipprevjeni t-tniġġis u jipproteġi l-bijodiversità u l-korpi tal-ilma, b’mod partikolari permezz ta’ valutazzjonijiet ambjentali. Madankollu, l-isforzi mwettqa mill-Istati Membri jenħtieġ li, fejn possibbli, jinkludu elementi li jillimitaw il-ħsara potenzjali għall-objettivi ambjentali. Pereżempju, fir-rigward tal-objettiv tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu informazzjoni dwar il-kapaċità ppjanata u l-użu projettat tal-proġett, sabiex juru li d-daqs tiegħu mhuwiex akbar milli meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE fuq żmien qasir. Fir-rigward tal-adattament, tista’ titwettaq valutazzjoni xierqa tar-riskju klimatiku biex jiġi limitat ir-riskju tal-perikli klimatiċi fuq l-operat tal-proġett. L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jevitaw ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali l-oħra.

Il-miżura ma tipperikolax l-ilħuq tal-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet kwalitattivi.

Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqis il-kapaċità tal-proġett u jekk huwiex imfassal b’tali mod li jissodisfa l-ħtiġijiet tas-sigurtà immedjati meħtieġa tal-provvista tal-enerġija, fid-dawl tal-objettiv kumplessiv li titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili mir-Russja u li jiġu diversifikati s-sorsi tal-provvista tal-enerġija. Se jiġi kkunsidrat ukoll jekk il-miżura hijiex allinjata mal-politika usa’ dwar l-enerġija u l-klima stabbilita mill-Istat Membru fil-Pjan Nazzjonali tiegħu dwar l-Enerġija u l-Klima. Barra minn hekk, is-sett usa’ ta’ miżuri fil-kapitolu tar-REPowerEU u l-RRP se jitqies fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-kisba tal-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050.

Il-miżura hija ppjanata li tibda topera sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-iskeda ta’ żmien ta’ kwalunkwe proġett ippreżentat biex tiżgura li l-miżura tkun tista’ tibda topera sal-31 ta’ Diċembru 2026. Għal dan l-għan, l-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu informazzjoni relatata mal-istatus ta’ implimentazzjoni tal-proġett u pjan direzzjonali, li juri li d-dħul fis-seħħ ikun jista’ jsir sal-2026.

Kif meħtieġ mill-Artikolu 21c(8), id-dħul li jsir disponibbli f’konformità mal-Artikolu 10e(1) tad-Direttiva 2003/87/KE ma għandux jikkontribwixxi għal riformi u investimenti soġġetti għad-deroga mid-DNSH. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tiżgura li l-kostijiet stmati tar-riformi u tal-investimenti li mhumiex soġġetti għad-deroga mid-DNSH jikkorrispondu mill-inqas mal-allokazzjoni tal-Istat Membru tal-appoġġ finanzjarju addizzjonali mhux ripagabbli għar-REPowerEU abbażi tal-Artikolu 21a tar-Regolament RRF (id-dħul tal-ETS).

Barra minn hekk, il-kostijiet totali stmati tal-miżuri soġġetti għad-deroga tad-DNSH ma jistgħux jaqbżu t-30 % tal-kostijiet totali stmati tal-miżuri inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU. Dan il-livell limitu jista’ jiġi kkalkulat billi s-somma tal-kostijiet stmati ta’ dawk il-miżuri tiġi diviża bis-somma tal-kostijiet stmati tal-miżuri kollha li jinsabu fil-kapitolu tar-REPowerEU.

Eżempji illustrattivi tat-tip ta’ informazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu:

X’se tivvaluta l-Kummissjoni?

X’jistgħu juru l-Istati Membri biex jappoġġaw il-valutazzjoni?

Jekk il-miżura hijiex meħtieġa u proporzjonata biex tissodisfa l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista

Deskrizzjoni tal-impatt tat-tfixkil fl-importazzjonijiet tal-gass/żejt mir-Russja u stima tal-kapaċità tal-miżura u tal-użu tagħha biex dawn jiġu ssostitwiti;

Projezzjonijiet tad-domanda għall-gass/żejt, pereżempju abbażi tal-ħidma għall-aġġornament tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima;

Il-kunsiderazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi aktar nodfa, komparabbli fl-iskeda ta’ żmien, il-kostijiet, u l-kapaċità (eż. proġetti fattibbli tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira, il-kompatibbiltà tal-pipelines jew tal-faċilitajiet biex joperaw b’100 % bl-idroġenu pur biex jiġu evitati effetti ta’ intrappolament, karatteristiċi tad-disinn li jippermettu l-adattament għal skop differenti);

Spjegazzjoni tal-kontribut għas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni kollha kemm hi jew għal dik ta’ diversi Stati Membri. Spjegazzjoni għaliex id-daqs tal-miżura mhuwiex akbar milli meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-miżura.

L-isforzi kumplessivi li għamel l-Istat Membru biex jillimita l-ħsara potenzjali għall-objettivi ambjentali

Evidenza rilevanti tal-isforzi li jillimitaw il-ħsara potenzjali tal-miżura lill-ambjent (pereż. konklużjonijiet minn valutazzjoni xierqa tar-riskju għall-klima, riżultati minn valutazzjonijiet ambjentali).

Spjegazzjoni dwar kif miżuri oħra, inklużi dawk fil-kapitolu tar-REPowerEU u l-RRP, jipprevjenu l-ħsara fl-objettivi ambjentali.

Il-miżura la tipperikola l-ilħuq tal-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u lanqas l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050

Il-kontribut ta’ miżuri oħra, inklużi dawk fil-kapitolu tar-REPowerEU u l-RRP, lejn il-miri u l-objettivi klimatiċi;

L-allinjament mal-miri klimatiċi “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u l-integrazzjoni potenzjali tal-miżura fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima inizjali jew aġġornati, u b’hekk jintwera li l-miżura ma tipperikolax l-ilħuq tal-miri klimatiċi u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050.

Il-miżura hija ppjanata li tibda topera sal-31 ta’ Diċembru 2026

L-iskeda ta’ żmien tal-proġett u l-pjan direzzjonali, inkluż l-istatus operazzjonali mistenni fl-31 ta’ Diċembru 2026 (l-istatus tal-proċeduri ta’ kuntrattar u l-awtorizzazzjonijiet tal-proġetti ppreżentati, l-approvazzjonijiet u l-permessi).

4.    Dimensjoni u effett transfruntiera u multinazzjonali

L-infrastruttura transfruntiera u l-proġetti multinazzjonali huma importanti biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU fuq terminu medju u huma mħeġġa taħt ir-REPowerEU. Il-miżuri jitqiesu li għandhom dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali jekk jikkontribwixxu għall-iżgurar tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni kollha kemm hi jew jekk inaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u/jew id-domanda għall-enerġija.

Ir-Regolament REPowerEU jinkludi rekwiżit addizzjonali fl-Artikolu 18(4), il-punt h, dwar il-proġetti transfruntiera jew multinazzjonali. Fil-Kapitoli tar-REPowerEU tagħhom, l-Istati Membri jridu jindikaw liema miżuri fil-kapitolu, inkluż fost l-oħrajn dawk il-miżuri li jindirizzaw l-isfidi identifikati fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet l-aktar reċenti tal-Kummissjoni, jitqiesu li għandhom dimensjoni u effett transfruntiera jew multinazzjonali. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jipprovdu indikazzjoni dwar jekk il-kostijiet totali stmati ta’ dawn il-miżuri jirrappreżentawx mill-inqas 30 % tal-kostijiet totali stmati tal-miżuri li jinsabu fil-kapitoli tar-REPowerEU. Jekk il-kostijiet stmati ta’ dawk il-miżuri jammontaw għal ammont li jirrappreżenta inqas minn 30 %, l-Istati Membri għandhom jipprovdu spjegazzjoni.

Proġetti ta’ infrastruttura transfruntiera (skont l-Artikolu 21c(1) tar-Regolament RRF)

Il-proġetti transfruntiera jinkludu proġetti ta’ infrastruttura (trażmissjoni, netwerks ta’ distribuzzjoni u infrastruttura tal-ħżin) li għandhom l-għan li jiżguraw il-provvista tal-enerġija, bil-ħsieb li jindirizzaw il-konġestjonijiet eżistenti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tqis l-aktar valutazzjoni reċenti tagħha tal-ħtiġijiet ta’ Mejju 2022.

Meta twettaq il-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll proġetti b’dimensjoni multipla pereż., proġetti mwettqa fl-istess ħin fi Stati Membri differenti, proġetti li huma parti minn kuritur akbar f’diversi Stati Membri jew proġetti mwettqa fil-livell nazzjonali b’impatt sinifikanti fuq l-Istati Membri ġirien.

Sabiex jintlaħqu bl-aħjar mod l-objettivi tar-REPowerEU fil-perjodu ta’ żmien limitat tal-RRF, il-Kummissjoni se tapplika approċċ proporzjonat u tqis is-sitwazzjoni ġeografika kif ukoll l-isfidi immedjati u fit-tul tal-enerġija ta’ kull Stat Membru.

Miżuri li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u d-domanda għall-enerġija

L-effett transfruntier jew multinazzjonali tal-miżuri fil-kapitolu REPowerEU ma għandux jinftiehem f’sens dejjaq bħala limitat għal proġetti li jinvolvu infrastruttura transfruntiera.

Meta titqies l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija bejn l-Istati Membri kif ukoll l-interkonnessjoni ulterjuri bejn it-taħlitiet tal-enerġija tal-Istati Membri, proġetti li jkollhom impatt sinifikanti fuq id-domanda u l-provvista tal-enerġija (b’mod partikolari l-gass u l-elettriku) jistgħu jitqiesu li għandhom impatt fuq il-bilanċ bejn id-domanda u l-provvista f’diversi pajjiżi u fuq il-flussi transfruntiera.

Il-miżuri li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u/jew id-domanda għalihom, it-tneħħija tal-konġestjonijiet fil-flussi interni tal-enerġija jew l-iffaċilitar tal-użu u l-integrazzjoni tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli (bħat-trażmissjoni tal-elettriku, il-grilji tad-distribuzzjoni u l-assi tal-ħżin) tipikament ikollhom effett transfruntier u jenħtieġ li jingħaddu għall-mira ta’ 30 %.

Għalhekk għall-fini tal-valutazzjoni tal-effetti transfruntiera jew multinazzjonali, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-miżuri relatati mal-effiċjenza enerġetika, l-użu tal-enerġija rinnovabbli, l-użu tal-pompa tas-sħana, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, il-grilji ta’ distribuzzjoni, u l-idroġenu rinnovabbli/mill-fjuwils fossili, iżda mhux biss.

Għal kull miżura, l-Istat Membru se jkollu jipprovdi spjegazzjoni qasira dwar id-dimensjoni transfruntiera tal-investiment, inkluż l-effett mistenni fuq il-flussi transfruntiera tal-enerġija.

5.    Valutazzjoni tal-kapitolu REPowerEU

Ir-riformi u l-investiment inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU u ffinanzjati mill-RRF jikkostitwixxu parti integrali mill-RRPs. Għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 18 u huma soġġetti għall-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19 u fl-Anness V, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, b’mod partikolari fir-rigward tal-ittaggjar diġitali skont l-Artikolu 19(3)(f) u t-Taqsima 2.6 tal-Anness V tar-Regolament RRF.

Kriterju ta’ valutazzjoni relatat mal-objettivi tar-REPowerEU

Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-kapitoli tar-REPowerEU se jiġu vvalutati skont kriterju ta’ valutazzjoni addizzjonali, stabbilit fit-Taqsima 2.12 tal-Anness V tar-Regolament RRF, relatat mal-kontribut effettiv tagħhom għall-objettivi tar-REPowerEU. Skont l-Anness V tar-Regolament RRF, matul il-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi li ġejjin u tivvaluta jekk il-miżuri:

itejbux l-infrastruttura u l-faċilitajiet tal-enerġija biex jissodisfaw il-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista għaż-żejt u tal-gass, b’mod partikolari biex jippermettu d-diversifikazzjoni tal-provvista fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi; meta tapplika d-deroga fl-Artikolu 21c(3), il-punt (a), itejbux l-infrastruttura u l-faċilitajiet taż-żejt biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet immedjati tas-sigurtà tal-provvista; jew

isaħħux l-effiċjenza enerġetika fil-bini u l-infrastruttura kritika tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija, iż-żieda fil-produzzjoni u fl-użu tal-bijometan sostenibbli u tal-idroġenu rinnovabbli jew ħieles mill-fjuwils fossili u ż-żieda tas-sehem tal-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-aċċellerazzjoni tagħha; jew

jikkontribwux għall-indirizzar tal-faqar enerġetiku u, fejn rilevanti, jagħtux prijorità adegwata lill-ħtiġijiet ta’ dawk affettwati mill-faqar enerġetiku kif ukoll lit-tnaqqis tal-vulnerabbiltajiet matul l-istaġuni tax-xitwa li ġejjin; jew

jinċentivawx it-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija; jew

jindirizzawx il-konġestjonijiet interni u transfruntiera tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-enerġija, l-appoġġ għall-ħżin tal-elettriku, u l-aċċellerazzjoni tal-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u l-appoġġ għat-trasport b’emissjonijiet żero u l-infrastruttura tiegħu, inkluż il-ferroviji; jew

jappoġġawx l-objettivi ta’ hawn fuq permezz ta’ rikwalifikazzjoni aċċellerata tal-forza tax-xogħol lejn ħiliet ekoloġiċi u appoġġ lill-ktajjen tal-valur f’materjali importanti u lit-teknoloġiji marbutin mat-tranżizzjoni ekoloġika.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom juru wkoll li l-kapitoli tar-REPowerEU huma koerenti mal-isforzi l-oħra tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar dan il-punt għandha tinkludi deskrizzjoni qasira tar-riformi u l-investimenti ewlenin mhux iffinanzjati taħt l-RRF li jindirizzaw l-objettivi tar-REPowerEU fil-qafas ta’ żmien tal-RRF kif ukoll spjegazzjoni dwar kif dawk l-isforzi jikkorrelataw mal-objettivi tar-REPowerEU.

Valutazzjoni tad-dimensjoni jew l-effett transfruntier u multinazzjonali

F’konformità mal-Artikolu 19 emendat, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ RRP immodifikat se tinkludi kriterju ta’ valutazzjoni addizzjonali dwar id-dimensjoni jew l-effett transfruntier jew multinazzjonali tar-riformi u l-investimenti fil-kapitolu tar-REPowerEU. Il-Kummissjoni, f’konformità mal-Anness V, se tqis l-elementi li ġejjin għall-valutazzjoni tagħha:

1)

jekk il-miżura tikkontribwix għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni billi tindirizza l-isfidi identifikati fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet l-aktar reċenti tal-Kummissjoni, hijiex konformi mal-objettivi tar-REPowerEU, filwaqt li titqies il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat u l-pożizzjoni ġeografika tiegħu.

JEW

2)

jekk l-implimentazzjoni tal-miżura prevista hijiex mistennija tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili (f’termini ta’ provvista u domanda) u għat-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija (kemm jekk tkun tal-elettriku, gass, fjuwils fossili eċċ...).

F’konformità mal-Artikolu 20(5) emendat, il-Kummissjoni se tinkludi fil-valutazzjoni tagħha ta’ RRP immodifikat li jinkludi kapitolu tar-REPowerEU sommarju tal-miżuri proposti tal-kapitolu tar-REPowerEU li jkollu dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali. Dan is-sommarju se jiġi stabbilit fis-CID.

Jekk il-kostijiet stmati ta’ dawn il-miżuri jammontaw għal inqas minn 30 % tal-kostijiet stmati tal-miżuri kollha li jinsabu fil-kapitolu tar-REPowerEU, is-sommarju se jispjega għaliex din il-mira indikattiva ma ntlaħqitx, pereżempju billi jintwera li miżuri oħra inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU tal-Istat Membru jindirizzaw aħjar l-objettivi tar-REPowerEU jew li ma hemmx biżżejjed proġetti realistiċi disponibbli li jkollhom dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali, b’mod partikolari meta titqies il-ħajja tal-Faċilità.

Aġġornament tal-kriterju ta’ valutazzjoni relatat mal-mira klimatika ta’ 37 %

Minbarra l-mira klimatika ta’ mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, il-kapitolu REPowerEU nnifsu jenħtieġ li jilħaq ukoll mira klimatika ta’ mill-inqas 37 % abbażi tal-kostijiet totali stmati tal-miżuri inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU.

Il-livell limitu jista’ jiġi kkalkulat billi s-somma tal-kostijiet stmati tal-miżuri tiġi diviża bis-somma tal-kostijiet stmati tal-miżuri kollha b’kontribut klimatiku inklużi fil-kapitolu REPowerEU.

Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-mira diġitali ta’ 20 %

F’konformità mal-Artikolu 21c(5) tar-Regolament RRF, ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-kapitoli tar-REPowerEU li se jiġu ffinanzjati taħt l-RRF se jkunu soġġetti għall-metodoloġija tal-ittaggjar diġitali stabbilita fl-Artikolu 19(3)(f) u fl-Anness VII tar-Regolament RRF. Madankollu, l-appoġġ għall-miżuri skont il-kapitolu tar-REPowerEU mhux se jitqies fil-kalkolu ta’ jekk intlaħqitx il-mira diġitali ta’ 20 %.

Għalkemm ir-riformi u l-investimenti mressqa fil-kapitoli tar-REPowerEU huma eżentati mill-kalkolu tal-mira diġitali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu spjegazzjoni kwalitattiva ta’ kif il-miżuri fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, inklużi dawk fil-kapitoli tar-REPowerEU, huma mistennija jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni diġitali u l-isfidi li jirriżultaw minnha. L-Istati Membri huma mistiedna jressqu investimenti diġitali rilevanti għall-objettivi tar-REPowerEU. Investimenti bħal dawn jistgħu jinkludu, pereżempju:

Id-diġitalizzazzjoni tan-netwerks tal-enerġija, inkluż il-grilja intelliġenti;

L-użu ta’ miters intelliġenti, ta’ ċċarġjar intelliġenti u ta’ sistemi u ta’ sensuri ta’ ġestjoni intelliġenti flimkien ma’ xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fl-effiċjenza enerġetika;

In-newtralità klimatika taċ-ċentri tad-data u n-networks u l-użu mill-ġdid tas-sħana mitlufa tagħhom;

Iċ-ċibersigurtà għas-sistema tal-enerġija, li hija vitali mill-perspettiva tas-sigurtà tal-provvista;

Infrastrutturi tad-data li jippermettu żvilupp mifrux tar-rispons għad-domanda (pereż. bl-Ispazju Komuni Ewropew tad-Data dwar l-Enerġija) u l-ħżin tal-enerġija;

Miżuri għad-diġitalizzazzjoni tat-trasport li huma parzjalment dedikati għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;

Miżuri għad-diġitalizzazzjoni tal-ipproċessar tal-għotjiet għar-rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika;

Miżuri għad-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali li jippermettu l-identifikazzjoni korretta tal-unitajiet domestiċi f’riskju ta’ faqar u l-modulazzjoni tal-intensità tal-għajnuna finanzjarja;

Ħiliet jew applikazzjonijiet diġitali l-konsumaturi tal-enerġija jingħataw is-setgħa.

Fl-aħħar nett, biex tinżamm l-ambizzjoni diġitali tal-RRF, l-ittaggjar diġitali se jibqa’ applikabbli għall-miżuri kollha mressqa fir-reviżjonijiet tal-RRPs li jaqgħu barra l-ambitu tal-Artikolu 21c(1) tar-Regolament REPowerEU.

II.   Gwida ġenerali għall-modifika tal-RRPs

It-taqsimiet ta’ hawn taħt jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-elementi li l-Istati Membri jenħtieġ li jirriflettu fl-RRPs modifikat tagħhom. Din il-Gwida tindirizza l-mistoqsijiet li tqajmu l-aktar ta’ spiss mill-Istati Membri u tipprovdi gwida prattika dwar kif għandu jiġi strutturat l-addendum għall-RRPs f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18 tar-Regolament RRF. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-preżentazzjoni tal-addendum u tal-RRP, l-istruttura ta’ hawn taħt issegwi l-Gwida tal-RRP ta’ Jannar 2021. L-Istati Membri huma mħeġġin ikomplu jużaw l-istess struttura għall-RRPs tagħhom u jillimitaw il-bidliet fit-taqsimiet tal-RRPs.

1.    Objettivi tal-modifiki

Rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali / kontribuzzjoni għas-sitt pilastri

L-RRP modifikat għandu jkompli jirrappreżenta rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali u jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha fl-Artikolu 3 tar-Regolament RRF. Il-bidliet fil-pjan inizjali għandhom jżommu dan il-bilanċ, jew jekk jimmodifikawh, il-modifika għandha tiġi ġġustifikata billi jintwera li dan huwa konformi mal-isfidi l-ġodda ffaċċjati u/jew mal-allokazzjoni finanzjarja ġdida tal-Istat Membru. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu kif l-RRP modifikat għadu jirrappreżenta rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tal-Istat Membru kkonċernat. Jekk il-bidliet fil-pjan ikunu marġinali, l-Istati Membri jistgħu sempliċiment jassumu li l-kontribuzzjoni għas-sitt pilastri tibqa’ tkun ibbilanċjata mingħajr il-ħtieġa li jipprovdu spjegazzjonijiet addizzjonali dettaljati.

L-Istati Membri għandhom jorbtu l-miżuri l-ġodda mal-pilastri rilevanti, billi jispjegaw il-kontribuzzjoni xierqa. Jekk il-pjan immodifikat ineħħi jew inaqqas ċerti miżuri, għandu jispjega kif il-kontribuzzjoni ġenerali tal-pjan lejn il-pilastri affettwati tibqa’ biżżejjed. Fejn rilevanti, din l-ispjegazzjoni għandha tagħmel rabta bejn il-miżuri mneħħijin u kwalunkwe miżura ġdida proposta bħala sostituzzjoni għal tal-ewwel, b’referenza għall-pilastri affettwati.

L-ispjegazzjonijiet ipprovduti għandhom iqisu kif xieraq kwalunkwe żvilupp ġdid fl-Istat Membru jew fil-politiki tal-UE li jaffettwa s-sitt pilastri. L-Istati Membri huma mħeġġa b’mod speċjali jikkunsidraw kif l-impatt tal-aħħar żviluppi ġeopolitiċi jissarraf f’kontribut addizzjonali mill-pjan għall-pilastru tat-tranżizzjoni ekoloġika, fid-dawl tal-objettivi tar-REPowerEU. F’dan il-kuntest, addenda b’miżuri addizzjonali li jkopru biss wieħed jew tnejn mill-pilastri huma aċċettabbli, sakemm dan ikun ġustifikat mill-isfidi l-ġodda li jiffaċċjaw l-Istati Membri.

Rabta mas-CSRs u mas-Semestru Ewropew

Il-RRPs immodifikati, inklużi r-riformi u l-investimenti addizzjonali u t-talbiet għal aktar fondi għandhom iqisu l-isfidi kollha identifikati fis-CSRs rilevanti, inklużi dawk adottati mill-Kunsill fiċ-ċikli tas-Semestru Ewropew tal-2019 u l-2020 kif ukoll fiċ-ċikli tas-Semestru li jiġu wara, sad-data tal-valutazzjoni tal-RRPs immodifikati (12). Is-CSRs maħruġa fiċ-ċiklu tal-2022 u fiċ-ċiklu tal-2023, ladarba jiġu adottati mill-Kunsill, se jkunu partikolarment rilevanti, b’mod partikolari biex jitħejjew il-kapitoli tar-REPowerEU. Ir-rapporti annwali tal-pajjiżi jqisu l-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fl-RRPs, filwaqt li jenfasizzaw eżempji ta’ riformi u investimenti importanti relatati ma’ objettivi intermedji ssodisfati f’konformità mas-CSRs tal-passat, u jidentifikaw sfidi ewlenin pendenti jew emerġenti ġodda li mhumiex koperti biżżejjed fl-RRPs, li huma l-bażi għal CSRs ġodda.

Meta jirrevedu l-pjanijiet tagħhom, l-Istati Membri jridu jkomplu jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) rilevanti, inklużi s-CSRs adottati mill-Kunsill fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2022 u (meta rilevanti) tal-2023 u fiċ-ċikli tas-Semestru aktar tard sad-data tal-valutazzjoni tal-RRP immodifikat.

Ir-reviżjonijiet ’l isfel tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima ma jaffettwawx il-ħtieġa li jiġu indirizzati s-CSRs rilevanti kollha jew subsett sinifikanti minnhom peress li r-riformi ġeneralment ma jkunux għaljin. Għalhekk, RRP immodifikat li ma jeħtieġx finanzjament addizzjonali jkun jeħtieġ li jżomm l-istess livell ta’ ambizzjoni bħal fil-pjan adottat qabel, b’mod partikolari fir-rigward tar-riformi li jindirizzaw is-CSRs.

Għal dawk l-Istati Membri li l-kontribuzzjoni finanzjarja massima tagħhom tal-RRF żdiedet (sostanzjalment), jeħtieġ li jitqies is-sett sħiħ tas-CSRs tal-2019, tal-2020 u tal-2022, meta jsiru żidiet fil-pjanijiet inizjali. Dan japplika, b’mod partikolari għall-ħtiġijiet addizzjonali ta’ riforma u investiment identifikati fl-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew 2022, inklużi dawk relatati mal-ħtieġa li jitnaqqsu d-dipendenzi fuq l-enerġija.

Għall-Istati Membri li jużaw is-self tagħhom esklużivament għall-finijiet tar-REPowerEU u li ma jibbenefikawx minn żieda sostanzjali fl-għotjiet tal-RRF, il-Kummissjoni se tqis b’mod partikolari s-CSRs relatati mal-enerġija. F’każ li jiġu ppreżentati żidiet fil-pjan wara l-adozzjoni tas-CSRs tal-2023 mill-Kunsill, dawn jeħtieġ li jitqiesu wkoll. Is-sottomissjoni tal-addenda hija wkoll opportunità biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fiċ-ċikli preċedenti tas-Semestru Ewropew li ma ġewx indirizzati fl-RRPs adottati qabel jew li ġew indirizzati parzjalment biss.

Meta jkunu qed iħejju l-addenda tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impatt tal-bidliet proposti fuq is-sostenibbiltà fiskali jkun konsistenti mal-aktar CSR reċenti relatata mal-kwistjonijiet fiskali u fiskalistrutturali, kif approvata mill-Kunsill. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri miż-żona tal-euro jiżguraw li l-miżuri aġġornati jkunu konsistenti mal-prijoritajiet identifikati fl-aktar rakkomandazzjoni reċenti dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, b’mod partikolari l-elementi relatati mal-enerġija, kif adottati mill-Kunsill.

Impatt ġenerali tal-RRP

F’konformità mal-Gwida tal-2021 dwar l-RRPs, l-Istati Membri għandhom jispjegaw sa liema punt il-bidliet proposti jkunu mistennijin ibiddlu l-impatt ġenerali tal-RRPs tagħhom. Din l-ispjegazzjoni għandha tippreżenta l-impatt mistenni tal-RRP immodifikat b’mod ġenerali, filwaqt li jitqiesu l-miżuri miżjudin jew imneħħijin. Għandhom jiġu riflessi l-elementi li ġejjin:

Il-prospetti makroekonomiċi u soċjali;

Spjegazzjoni tal-impatt makroekonomiku u soċjali tal-RRP, f’konformità mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament RRF;

Is-sostenibbiltà;

Il-koeżjoni.

L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu ċifri aġġornati dwar l-impatt tal-RRPs immodifikati tagħhom, sal-punt li l-modifiki għall-RRPs ikunu sinifikanti fis-sustanza u/jew fid-daqs. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw fuq l-informazzjoni pprovduta fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom u jistgħu jużaw kontroreferenzi, jekk ikunu meħtieġa. Il-firxa tal-informazzjoni l-ġdida pprovduta għandha tkun proporzjonata mal-bidliet proposti fl-addenda.

Koerenza

L-impatt tal-bidliet proposti fuq il-koerenza tal-RRP immodifikat għandu jiġi ppreżentat billi jiġu spjegati l-interazzjonijiet bejn miżuri ġodda jew immodifikati u dawk inklużi fl-RRP adottat qabel, billi ssir referenza kemm għall-miżuri miżmumin fil-pjan immodifikat kif ukoll għall-miżuri rtirati. L-Istati Membri huma mistidnin jispjegaw ukoll kif se jinżamm il-bilanċ kumplessiv bejn ir-riformi u l-investimenti. Miżuri ġodda jew immodifikati ma għandhomx joħolqu inkonsistenzi u ma għandhomx jaggravaw il-koerenza ġenerali tal-RRP.

Il-konsistenza mal-ftehimiet u mal-programmi ta’ sħubija tal-politika ta’ koeżjoni approvati għandha tiġi deskritta wkoll, f’konformità mal-Artikoli 17(3), 18(4n) u mal-premessa 62 tar-Regolament RRF (ara wkoll hawn taħt).

Ugwaljanza bejn il-ġeneri u opportunitajiet indaqs għal kulħadd

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu kif il-bidliet jaffettwaw il-kontribuzzjoni, tal-RRPs immodifikati tagħhom, għall-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Fil-kuntest tal-iżviluppi reċenti il-mitigazzjoni tar-riskji tal-faqar enerġetiku hija ta’ importanza vitali, b’mod partikolari għall-gruppi żvantaġġati.

L-Istati Membri għandhom isegwu l-Gwida tal-2021 dwar l-RRPs għal dan l-għan filwaqt li jirriflettu wkoll l-iżviluppi reċenti billi, pereżempju:

iqisu kif l-aħjar jikkunsidraw l-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd fil-proċess ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ, filwaqt li jqisu l-esperjenza miksuba s’issa fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet tagħhom;

Jipprovdu għall-involviment ta’ korpi tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni fl-implimentazzjoni tal-RRPs, pereżempju bħala parti mill-korpi ta’ monitoraġġ rilevanti;

Jirriflettu aħjar dawn l-objettivi fl-objettivi intermedji u fil-miri riveduti, pereżempju billi jiddiżaggregawhom skont il-ġeneru, l-età, id-diżabilità, u l-oriġini razzjali jew etnika, meta possibbli.

Il-firxa tal-informazzjoni l-ġdida pprovduta għandha tkun proporzjonata mal-bidliet proposti fl-addenda.

Għajnuna mill-Istat

Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw bis-sħiħ għar-riformi u għall-investimenti addizzjonali jew riveduti. Hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jiżgura li dawn ir-riformi u l-investimenti jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-proporzjonalità, u jsegwu l-proċeduri applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat.

F’dan il-kuntest, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2022 dwar l-Għajnuna għall-Klima, l-Enerġija u l-Ambjent (“CEEAG”) (13) jipprovdu gwida dwar kif il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà tal-protezzjoni ambjentali, inkluż il-protezzjoni tal-klima u l-miżuri ta’ għajnuna għall-enerġija li huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ notifika skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. Barra minn hekk, ir-Regolament Ġenerali ta' Eżenzjoni ta' Kategorija (“GBER”), li bħalissa qed jiġi rieżaminat, jiddikjara xi kategoriji speċifiċi ta’ għajnuna mill-Istat kompatibbli mat-Trattat, dment li dawn jissodisfaw kundizzjonijiet ċari, u jeżenta lil dawn il-kategoriji mir-rekwiżit ta’ notifika minn qabel u mill-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Pereżempju, fir-rigward ta’ miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi tar-REPowerEU, l-Istati Membri huma mħeġġin jikkunsidraw id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-GBER dwar l-għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp u għall-innovazzjoni u t-Taqsima 7 dwar l-għajnuna għall-ħarsien tal-ambjent.

Il-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-Kriżijiet adottat mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Marzu 2022 sabiex jappoġġa l-ekonomija tal-UE fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja jista’ jkun rilevanti wkoll għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-miżuri tal-RRF f’każijiet individwali, meta l-għajnuna tirrimedja l-effetti ekonomiċi minħabba l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta aġġornamenti possibbli għall-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet għall-Għajnuna mill-Istat u l-GBER, bħat-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u ż-żieda tal-limiti ta’ notifika, li bħala riżultat għandhom jiffaċilitaw l-approvazzjoni tal-miżuri RRF/REPowerEU. Barra minn hekk, peress li għadd kbir ta’ Stati Membri inkludew investimenti relatati ma’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEIs) fl-RRPs tagħhom, l-approvazzjoni tal-proġetti relatati mal-IPCEI se tiġi standardizzata aktar u ssimplifikata aktar. Dan huwa importanti biex tiġi żgurata implimentazzjoni f’waqtha ta’ dawn l-investimenti u t-tlestija tagħhom sal-iskadenza stabbilita mir-Regolament li jistabbilixxi l-RRF, jiġifieri, il-31 ta’ Awwissu 2026. Implimentazzjoni f’waqtha u b’suċċess ta’ dawk il-proġetti ewlenin se tkun kruċjali għall-kontribut tal-RRF għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-suċċess kumplessiv tagħha.

Skont il-Gwida u l-mudell tal-RRP tal-2021, l-Istati Membri huma mistidnin jispeċifikaw fl-RRPs aġġornati tagħhom għal kull riforma u investiment ġodda jew riveduti jekk iqisux li l-miżura teħtieġ notifika fl-għajnuna mill-Istat, u jekk iva jipprovdu indikazzjoni tat-tajming tan-notifika minn qabel u tan-notifika. Jekk l-Istat Membru jqis li l-miżura ma teħtieġx notifika, l-Istat Membru għandu jinkludi referenza għad-deċiżjoni jew għad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-awtorizzazzjoni għall-għajnuna mill-Istat fil-GBER jew fir-regolamenti l-oħrajn ta’ eżenzjoni ta’ kategorija kkunsidrati applikabbli għall-miżura, bil-ġustifikazzjonijiet sottostanti, jew deskrizzjoni tar-raġunijiet għaliex il-miżura ma tikkwalifikax bħala għajnuna mill-Istat. Meta jantiċipaw l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tal-objettivi intermedji u tal-miri rilevanti, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw żmien suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tapprova kwalunkwe għajnuna mill-Istat li tista’ tkun preżenti fil-miżuri ta’ investiment rilevanti u li teħtieġ notifika tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tinsab lesta tipprovdi gwida preliminari lill-Istati Membri dwar il-konformità ta’ kull investiment previst fl-RRPs modifikati tagħhom mal-qafas regolatorju tal-għajnuna mill-Istat. L-Istati Membri huma mħeġġin jaqsmu l-iskeda ta’ notifika (jew ta’ qabel in-notifika) tagħhom mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw antiċipazzjoni suffiċjenti.

Fuq il-bażi tal-esperjenza preċedenti bil-miżuri inklużi fl-RRPs u rieżaminati mill-perspettiva tal-għajnuna mill-Istat, il-komunikazzjoni bikrija mas-servizzi tal-Kummissjoni fit-tħejjija tal-RRPs hija fundamentali għal valutazzjoni rapida tal-għajnuna mill-Istat tal-miżuri nnotifikati. L-Istati Membri huma mistidnin jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet mas-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet mogħtijin mill-oqfsa differenti tal-għajnuna mill-Istat sabiex ifasslu miżuri f’konformità mar-regoli applikabbli.

Għajnuna li tnaqqas l-ispejjeż ta’ kuljum tal-kumpaniji hija permessa biss f’sett limitat ta’ sitwazzjonijiet u taħt kundizzjonijiet stretti. L-Istati Membri li jkunu qed jikkunsidraw miżura li tinvolvi din it-tip ta’ għajnuna għandhom jiżguraw li din tissodisfa l-kundizzjonijiet applikabbli stabbiliti fil-qafas rilevanti tal-għajnuna mill-Istat.

Filwaqt li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jistgħu jevolvu sal-2026, ta’ min ifakkar li skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-mument rilevanti għall-valutazzjoni ta’ miżura huwa meta tingħata l-għajnuna mill-Istat, jiġifieri, il-mument meta l-benefiċjarju jingħata dritt legalment infurzabbli li jirċievi l-għajnuna. Sakemm il-qafas rilevanti tal-għajnuna mill-Istat jipprevedi bażi ta’ kompatibbiltà ta’ miżura f’dak il-mument, din tista’ tiġi implimentata (l-għajnuna mill-Istat tista’ titħallas u jistgħu jitwettqu investimenti), anki jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jinbidlu wara.

2.    Deskrizzjoni tal-bidliet

Skont il-Gwida u l-mudell tal-RRPs tal-2021, din it-taqsima għandha tkun strutturata għal kull komponent. It-taqsima għandha tiġi pprovduta biss għal dawk il-komponenti li jsiru bidliet fihom. Ma għandhiex tirrepeti l-informazzjoni pprovduta f’taqsimiet oħrajn iżda tindika x’bidliet saru meta mqabbla mal-RRP adottat qabel (b’referenzi preċiżi għat-taqsimiet u għall-miżuri rilevanti). L-Istati Membri jistgħu jibbażaw fuq il-komponenti eżistenti sabiex iżidu xi ftit riformi u investimenti fl-istess suġġett (pereż. miżura ġdida ta’ rinnovazzjoni tal-bini tista’ tiżdied ma’ komponent eżistenti dwar ir-rinnovazzjoni tal-enerġija). L-Istati Membri jistgħu jżidu wkoll komponenti ġodda għal kollox fil-każ ta’ investimenti u ta’ riformi ġodda bi prijoritajiet differenti.

Deskrizzjoni tar-riformi u tal-investimenti

Għal kull komponent fejn ikun hemm bidliet fil-miżuri sottostanti, l-Istati Membri jenħtieġ jindikaw liema investimenti jew riformi huma “miżjuda”, “imneħħija” jew “immodifikati”, meta mqabbla mal-RRPs preċedenti.

Użu ta’ strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji

Miżuri fil-forma ta’ strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji jistgħu jkunu soluzzjoni attraenti biex jitwettqu l-investimenti previsti fl-RRPs għal diversi raġunijiet:

L-istrumenti finanzjarji jistgħu jinkorporaw ir-ripagament tal-kapital riċevut mill-benefiċjarji lill-Istat Membru, u b’hekk jillimitaw il-ħolqien ta’ dejn pubbliku fit-tul.

Jeħtieġ li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-flussi, inkluż ir-ripagament tal-kapital fejn xieraq (bħal għal fondi ta’ self u skemi ta’ ekwità), għall-istess objettivi ta’ politika inkluż wara l-2026 u/jew biex jitħallas lura s-self mill-RRF.

Dawn jistgħu jservu biex jiffinanzjaw ħafna investimenti żgħar fi ħdan qafas koerenti, bħal garanziji pubbliċi u self favorevoli għall-effiċjenza enerġetika fil-bini u jagħmluha eħfef biex jintlaħqu benefiċjarji potenzjali permezz ta’ strutturi ta’ sħab deċentralizzati.

Jistgħu jgħinu sabiex jiġu sfruttati riżorsi finanzjarji jew koinvestiment addizzjonali, b’mod partikolari minn kumpaniji privati u minn istituzzjonijiet finanzjarji privati.

B’tagħlim mill-esperjenza miksuba mill-RRPs eżistenti, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw it-tipi ta’ strumenti finanzjarji li ġejjin:

Strumenti ta’ garanzija u self preferenzjali biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-kapital misluf għal skemi ta’ rinnovazzjoni tal-effiċjenza enerġetika;

Ftehimiet Pubbliċi Privati għal investimenti f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

Ir-rifinanzjament tal-ESCOs biex jiġi sfruttat it-titjib fl-effiċjenza enerġetika fil-proċessi tal-manifattura, fil-bini mhux residenzjali, u fil-bini b’aktar minn appartament wieħed;

Investimenti fl-ekwità f’kumpaniji jew f’fondi ta’ ekwità li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika. (14)

L-Anness I jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-użu ta’ strumenti finanzjarji taħt l-RRF u l-possibbiltà li jingħata kontribut għall-garanzija tal-InvestEU permezz ta’ kompartiment ta’ Stat Membru abbażi tal-esperjenza miksuba matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-RRPs inizjali.

Dimensjonijiet ekoloġiċi u diġitali

L-Istati Membri għandhom jispjegaw sa liema punt l-RRPs modifikati tagħhom jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika u għat-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika tal-UE, kif ukoll għal tranżizzjoni diġitali valida għall-futur u għal Suq Uniku Diġitali robust, jew jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw minnu. Dan jista’ jinkludi miżuri ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni bi skeda ta’ żmien rilevanti. Iż-żewġ tranżizzjonijiet għandhom jitqiesu li jsaħħu lil xulxin, f’konformità mal-kunċett ta’ tranżizzjonijiet doppji, u jiġu eżaminati b’mod konġunt mill-Kummissjoni.

Id-dimensjoni ekoloġika tal-miżuri tal-RRP se tkompli tiġi vvalutata kemm skont approċċ kwalitattiv (ir-rabta bejn dawk il-miżuri u l-isfidi tal-enerġija, klimatiċi u ambjentali ta’ kull Stat Membru) kif ukoll skont approċċ kwantitattiv (il-kontribut totali għall-objettivi klimatiċi tal-RRP modifikat — inkluż il-kapitolu REPowerEU — u l-kapitolu REPowerEU individwalment iridu jammontaw għal mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan).

L-Istati Membri huma mistiedna jispjegaw kif l-RRP modifikat tagħhom se jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE minquxa fil-Liġi dwar il-Klima u jqisu l-miri klimatiċi miftiehma fil-livell politiku f’Diċembru 2022 u l-partijiet l-oħra tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” propost f’Lulju u f’Diċembru 2021. Il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” jistabbilixxi azzjonijiet leġiżlattivi biex il-politiki dwar il-klima, l-enerġija, l-użu tal-art, it-trasport u t-tassazzjoni jsiru adatti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030, u biex tinkiseb in-newtralità klimatika li hija minquxa fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

Id-dimensjoni diġitali tal-miżuri tal-RRP se tkompli tiġi vvalutata wkoll kemm skont approċċ kwalitattiv kif ukoll skont approċċ kwantitattiv. Fid-9 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: L-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, imsejjes erba’ punti kardinali: il-ħiliet, l-infrastrutturi diġitali siguri u sostenibbli, it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji, u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. Huwa jiddefinixxi miri ambizzjużi fil-livell tal-UE għal kull wieħed minn dawn il-punti, b’orizzont għall-2030. Dan kien segwit minn proposta għal Deċiżjoni dwar Programm ta’ Politika tal-2030 “Perkors għad-Deċennju Diġitali”, li daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Jannar 2023. Il-Programm jistabbilixxi struttura ta’ governanza li biha l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw b’mod strutturat biex jilħqu l-miri u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ proġetti multinazzjonali. L-Istati Membri huma mistidnin jindikaw kif kwalunkwe miżura addizzjonali jew modifikata li tindirizza t-tranżizzjoni diġitali, jew sfidi li jirriżultaw minnha, jikkontribwixxu għall-erba’ punti kardinali u għall-ilħuq tal-miri tal-2030.

Fir-rigward tal-approċċ kwantitattiv, il-kontribuzzjoni totali tal-RRP modifikat għall-objettivi diġitali trid tammonta għal mill-inqas 20 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, esklużi l-miżuri inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU.

Trekkjar klimatiku u ttaggjar diġitali

Il-mira klimatika ta’ 37 % u l-mira diġitali ta’ 20 % stabbiliti fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament RRF jibqgħu obbligatorji f’każ ta’ bidliet fl-RRP, irrispettivament mir-raġunijiet li jwasslu għal dawk il-bidliet (esklużi l-kostijiet tal-miżuri inklużi fil-kapitolu REPowerEU fir-rigward tal-ittaggjar diġitali; il-miżuri inklużi fil-kapitoli tar-REPowerEU ma jitqisux fil-kalkolu tal-mira diġitali). Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Membri jqisu l-allokazzjoni totali tal-RRPs meta jintroduċu reviżjonijiet għall-RRPs tagħhom, inkluż kull meta l-kontribuzzjoni finanzjarja riveduta tkun żdiedet jew naqset.

Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jispjegaw, għal kull miżura ġdida jew modifikata, il-kontribut għall-miri klimatiċi u diġitali, skont il-gwida tal-RRP tal-2021. Se tkun neċessarja valutazzjoni ġdida tal-ittaggjar sabiex tiġi vverifikata l-kisba kontinwa taż-żewġ miri f’każ li jinbidel il-kost totali stmat tal-RRP, jew il-kost ta’ kwalunkwe miżura b’tikketta klimatika jew diġitali. Se jkollha ssir valutazzjoni tal-ittaggjar ukoll f’każ ta’ kwalunkwe bidla fl-ambitu, fin-natura jew fid-disinn inizjali ta’ miżura eżistenti.

Ta’ min jinnota li ż-żewġ miri huma kkalkolati għall-RRP modifikat kollu kemm hu, li jikkonsisti kemm mill-RRP adottat qabel kif ukoll mill-addendum, esklużi l-kostijiet tal-miżuri inklużi fil-kapitolu REPowerEU fir-rigward tal-ittaggjar diġitali. Il-kontribuzzjonijiet klimatiċi u diġitali jiġu kkalkolati mill-ġdid għall-RRP modifikat filwaqt li jitqiesu l-bidliet li saru fil-miżuri fl-RRP u l-kost totali stmat modifikat. Il-kontribuzzjoni klimatika se titqabbel mal-allokazzjoni totali tal-RRP, inkluż il-kapitolu tar-REPowerEU. Il-mira klimatika se tiġi kkalkulata wkoll b’mod separat għall-kapitolu tar-REPowerEU. Il-kontribuzzjoni diġitali se titqabbel mal-allokazzjoni totali tal-RRP, bl-esklużjoni tal-ammonti għar-riformi u għall-investimenti fil-kapitolu tar-REPowerEU.

Abbażi tal-esperjenza bis-27 pjan adottat, għal miżuri li jkopru diversi oqsma bħal fil-każ ta’ miżuri orizzontali, hemm bżonn li jiġu applikati l-ittraċċar klimatiku u l-ittaggjar diġitali meta rilevanti fil-livell tas-submiżura (parti distinta ta’ miżura relatata ma’ qasam ta’ intervent speċifiku) bl-użu ta’ oqsma ta’ intervent differenti (fl-Annessi VI u VII tar-Regolament RRF).

Barra minn hekk, ta’ min ifakkar li l-punti (e) u (f) tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament RRF u l-Annessi VI u VII jistabbilixxu l-koeffiċjenti applikabbli għall-kalkolu tal-appoġġ għall-miri klimatiċi u diġitali. Skont dawk id-dispożizzjonijiet, il-koeffiċjenti għall-appoġġ għall-objettivi klimatiċi jistgħu jiżdiedu (sa ammont totali ta’ 3 % għall-ittaggjar klimatiku), dment li jkunu akkumpanjati minn miżuri li jżidu l-impatt tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiġġustifikaw biżżejjed l-użu ta’ tali dispożizzjonijiet, meta rilevanti.

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-approċċ speċifiku li jipproponu għall-ittaggjar ta’ tali miżuri. Il-Kummissjoni tista’ tgħin lill-Istati Membri jirkupraw eżempji ta’ kif miżuri simili ġew ittaggjati fl-RRPs li qabel kienu adottati mill-Kunsill.

La tagħmilx ħsara sinifikanti (DNSH)

Il-Gwida Teknika dwar id-DNSH (ĠU C 58, 18.2.2021, p. 1.) li tistabbilixxi l-prinċipji ta’ gwida u l-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju DNSH fil-kuntest tal-RRF se tkompli tapplika għal kollox, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tagħha. Tipprovdi wkoll “lista ta’ kontroll” li għandha tiġi segwita fl-awtovalutazzjoni tal-prinċipju ta’ DNSH li għandha tiġi inkluża fl-RRP modifikat għal kull miżura. Din it-taqsima tiġbor fil-qosor l-elementi ewlenin tal-Gwida u tispjega l-applikazzjoni tagħhom għal miżuri ġodda jew riveduti. Tipprovdi wkoll kjarifiki ulterjuri bbażati fuq l-esperjenza mill-RRPs adottati qabel.

Kif għandu jiġi applikat il-prinċipju DNSH fil-kuntest tar-reviżjonijiet tal-RRPs?

L-Istati Membri jeħtieġ li jipprovdu awtovalutazzjoni tal-prinċipju DNSH għal kull miżura ġdida jew modifikata inkluż fl-RRP modifikat, għajr fil-każijiet fejn id-DNSH ma japplikax (ara wkoll it-Taqsima 2.1 u l-Anness I tal-Gwida Teknika dwar id-DNSH). L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jipprovdu, bħala parti mill-awtovalutazzjoni tad-DNSH, kull meta jkun rilevanti u possibbli, valutazzjoni kwantitattiva tal-impatt ambjentali tar-riforma jew tal-investiment. Għandhom jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet trażversali li ġejjin (ara wkoll l-Anness b’informazzjoni addizzjonali dwar kif tista’ tinżamm il-konformità mal-prinċipju ta’ DNSH):

Alternattivi disponibbli ġodda b’impatt baxx: Il-prinċipji fit-Taqsima 2.4, inkluża n-Nota 25 f’qiegħ il-paġna tal-Gwida Teknika dwar id-DNSH jibqgħu applikabbli għall-valutazzjoni ta’ miżuri ġodda jew riveduti. Il-valutazzjoni tal-prinċipju ta’ DNSH għal dawk il-miżuri għandha tirrifletti l-informazzjoni dwar alternattivi b’impatt baxx disponibbli fil-mument tas-sottomissjoni tal-RRP modifikat.

L-ebda żieda fl-impatt ambjentali meta mqabbel mal-miżura inizjali: Fil-każ ta’ modifika għal miżura eżistenti, il-modifika ma għandhiex iżżid l-impatt ambjentali relattiv tagħha meta mqabbel mal-impatt tal-miżura inizjali. Dan għandu jintwera mill-Istat Membru. Meta jkun hemm impatt akbar, l-Istat Membru għandu juri li l-miżura għadha konformi mal-prinċipju DNSH minkejja l-impatt ambjentali akbar tagħha.

L-Istati Membri kif għandhom juru fl-RRPs tagħhom li l-miżuri jikkonformaw mal-prinċipju ta’ DNSH?

Fil-każ ta’ bidliet, jistgħu jiġu previsti żewġ xenarji ewlenin b’impatt differenti fuq il-proċess ta’ valutazzjoni tal-prinċipju ta’ DNSH:

Introduzzjoni ta’ miżura ġdida: Jekk Stat Membru jagħżel li jżid miżura ġdida mal-RRP tiegħu, għandu jiġi segwit l-istess proċess bħal dak għas-sottomissjoni inizjali tal-RRP. L-Istat Membru għandu jimla l-lista ta’ kontroll fl-Anness I tal-Gwida Teknika dwar id-DNSH sabiex jappoġġa l-analiżi tiegħu dwar jekk u sa liema punt il-miżura l-ġdida tħalli impatt fuq l-objettivi ambjentali.

Bidla ta’ miżura eżistenti: L-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jbiddlu d-disinn, in-natura jew l-ambitu ta’ miżura eżistenti. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-valutazzjoni tal-prinċipju ta’ DNSH korrispondenti, filwaqt li jemendawha kif ikun neċessarju sabiex jirriflettu l-bidliet fil-miżura. L-Istat Membru għandu jindika r-referenza għat-taqsima tal-RRP adottat qabel, f’liema taqsima tkun tidher il-valutazzjoni tal-prinċipju ta’ DNSH inizjali

3.    Objettivi intermedji, miri, skeda ta’ żmien

Meta jimmodifikaw l-RRPs tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull miżura ġdida jew modifikata appoġġata skont l-RRF tkun akkumpanjata minn sett korrispondenti ta’ objettivi intermedji u ta’ miri. Meta jiddefinixxu objettivi intermedji u miri ġodda, jew meta jipproponu kwalunkwe modifika għal dawk eżistenti, l-Istati Membri għandhom isegwu l-prinċipji deskritti fil-gwida tal-2021 dwar l-RRPs, inkluż fir-rigward tal-ispeċifiċità u tar-robustezza tagħhom.

Il-proposta ta’ objettivi intermedji jew miri ġodda jew modifikati mill-Istat Membru ssegwi strettament mill-inklużjoni ta’ miżuri ġodda jew modifikati fl-RRP modifikat.

Peress li l-Istati Membri huma mħeġġin jipparteċipaw fi proġetti transfruntiera jew multinazzjonali li jappoġġaw l-objettivi tar-REPowerEU, għandha tingħata attenzjoni speċifika sabiex jiġi żgurat tfassil tajjeb tal-objettivi intermedji u tal-miri relatati. Minn naħa, dawn għandhom jinqasmu b’mod ċar bejn l-Istati Membri differenti li jipparteċipaw f’tali proġetti sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni u d-dewmien fil-valutazzjoni u fl-implimentazzjoni. It-tlestija b’suċċess ta’ pjan wieħed għall-irkupru u r-reżiljenza għandha tkun indipendenti minn dik ta’ Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, l-objettivi intermedji u l-miri għandhom jitfasslu b’mod koordinat sew, sabiex jiġi żgurat li jiġu stabbiliti interdipendenzi inevitabbli bejn l-Istati Membri u li jiġu stabbiliti skedi ta’ żmien ta’ implimentazzjoni prudenti. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tgħin lill-gruppi ta’ Stati Membri involuti fi proġetti transfruntiera jew multinazzjonali sabiex tiżgura li l-objettivi intermedji u l-miri tagħhom jitfasslu b’mod adegwat.

Il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ xi investimenti nazzjonali li jsegwu l-objettivi tar-REPowerEU jista’ jmur lil hinn mill-2026. F’każijiet bħal dawn, l-objettivi intermedji u l-miri relatati inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU jenħtieġ li jitfasslu b’tali mod li jinkludu biss azzjonijiet appoġġati mill-RRF matul il-ħajja tal-Faċilità, filwaqt li t-tfassil tal-miżuri jenħtieġ li jidentifika b’mod ċar liema passi ta’ implimentazzjoni se jiġu appoġġati minn fondi nazzjonali jew minn fondi oħra tal-UE wara l-2026.

F’każ li Stat Membru jipproponi li jemenda l-RRP tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 21, il-bidliet fl-objettivi intermedji u fil-miri eżistenti jistgħu jitwettqu biss sal-punt li dawn ikunu marbutin maċ-ċirkostanzi oġġettivi mressqin sabiex jiġġustifikaw l-emenda. Kif spjegat fil-Parti 1 ta’ din il-Gwida, għandu jkun hemm kawżalità bejn iċ-ċirkostanzi oġġettivi u l-bidliet proposti.

Tista’ tinġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar żbalji klerikali identifikati fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill fi kwalunkwe żmien matul l-implimentazzjoni tal-RRPs. Dawn jitqiesu fil-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill ġdida/emendata jew inkella f’rettifika dedikata.

4.    Finanzjament u kostijiet

Miżuri ġodda: L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-kostijiet totali stmati tar-riformi u tal-investimenti l-ġodda mressqin f’addendum. Dan l-obbligu jirrigwarda wkoll ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-kapitoli tar-REPowerEU.

Miżuri riveduti: Għal kull miżura riveduta, li fiha l-bidliet jaffettwaw l-istimi tal-ikkostjar, l-Istat Membru għandu jipprovdi stimi aġġornati tal-kost. Jekk il-bidla tkun relatata biss mal-iskala tal-miżura, ir-reviżjoni tal-kostijiet stmati għandha ssir fuq bażi proporzjonali.

Metodoloġija: Meta jħejju dawn l-istimi tal-kostijiet, l-Istati Membri għandhom isegwu l-istruzzjonijiet speċifiċi pprovduti fil-gwida tal-2021 dwar l-RRPs. Bħala regola, l-Istati Membri ma humiex mistennijin jipprovdu stimi tal-kostijiet riveduti għal miżuri li la huma ġodda u lanqas modifikati. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu validazzjoni tal-istimi tal-kostijiet minn korp pubbliku indipendenti, li tista’ tikkontribwixxi sabiex tissaħħaħ il-plawżibbiltà tal-istimi.

5.    Komplementarjetà u implimentazzjoni tal-RRPs

Konsistenza ma’ inizjattivi oħrajn

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament RRF, il-RRPs kollha, inklużi l-addenda, għandhom ikunu konsistenti mas-CSRs rilevanti kif ukoll mal-informazzjoni inkluża fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) u l-aġġornamenti tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, il-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta previsti skont ir-Regolament dwar il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operazzjonali.

Għall-konsistenza mas-CSRs u mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma rilevanti, jekk jogħġbok ara t-taqsima ta’ din il-Gwida dwar is-Semestru Ewropew.

L-addenda jkollhom bżonn ikunu konsistenti wkoll mal-attivitajiet favur ekonomija newtrali għall-klima li jkunu tfasslu fil-pjanijiet territorjali għat-tranżizzjoni ġusta.

Fl-aħħar nett, l-addenda jeħtieġ li tkun konsistenti mal-ftehimiet ta’ sħubija u mal-programmi operazzjonali li jkunu ġew adottati skont is-CPR 2021-2027 sa mill-adozzjoni tal-RRPs inizjali. Minħabba li l-Istati Membri kollha adottaw il-ftehimiet ta’ sħubija tagħhom u kważi l-programmi kollha tal-politika ta’ koeżjoni, l-Istati Membri għandhom jispjegaw kif il-miżuri ġodda jew immodifikati tal-RRP huma komplementari mal-implimentazzjoni tal-programmi skont is-CPR 2021–2027 (15).

Komplementarjetà tal-finanzjament u l-evitar ta’ finanzjament doppju

L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw fl-RRP immodifikat tagħhom jekk inbidlux il-modalitajiet stabbiliti sabiex jiżguraw il-komplementarjetà tal-finanzjament u l-konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament RRF. F’dak ir-rigward, il-gwida tal-2021 dwar l-RRP tibqa’ applikabbli għal kollox ukoll.

Implimentazzjoni

Il-qafas ta’ implimentazzjoni ġie vvalutat bħala parti mill-RRPs inizjali u s-suppożizzjoni hija li l-Istati Membri jkomplu jiddependu fuq l-istess arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-RRP immodifikat tagħhom. Madankollu, għandha tiġi spjegata kwalunkwe bidla proposta fil-qafas ta’ implimentazzjoni.

F’każ li s’issa l-Istati Membri sabu diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-RRPs tagħhom (pereżempju b’rabta ma’ nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva, sistema tal-IT mhux żviluppata jew mandat mhux ċar biżżejjed għall-awtoritajiet responsabbli), huma mħeġġin jikkunsidraw mill-ġdid b’mod proattiv l-arranġamenti eżistenti tagħhom sabiex jagħmluhom aktar effiċjenti. L-Istati Membri huma mistidnin ukoll jiddiskutu mal-Kummissjoni l-esperjenza tagħhom s’issa sabiex jiddeterminaw jekk xi bidla fil-qafas ta’ implimentazzjoni tistax tgħin sabiex jittejjeb it-twettiq tar-riformi u tal-investimenti.

Meta Stat Membru jimmodifika l-RRP tiegħu sabiex jibbenefika minn kontribuzzjoni finanzjarja akbar jew minn self akbar, għandu juri li l-awtoritajiet inkarigati mill-koordinazzjoni u mill-implimentazzjoni tal-pjan ikollhom kapaċità amministrattiva suffiċjenti u l-mandat xieraq. B’mod aktar ġenerali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jkollhom kapaċità amministrattiva suffiċjenti biex jimplimentaw l-investimenti fl-RRP u bħala tali jkollhom il-possibbiltà li jinkludu fl-ikkostjar tal-investimenti rispettivi tagħhom, jew fir-riformi, kostijiet amministrattivi limitati ta’ natura temporanja sakemm tali kostijiet ikunu relatati mal-implimentazzjoni ta’ dak l-investiment jew dik ir-riforma speċifika.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu wkoll mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) għall-implimentazzjoni ta’ investimenti u riformi fil-kapitolu tar-REPowerEU, kif spjegat fil-gwida tal-RRP tal-2021. L-Istati Membri huma mistednin jindikaw kull ħsieb li jagħmlu użu mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament RRF bħala parti mir-riforma speċifika jew mill-investiment speċifiku li magħhom ikun marbut l-appoġġ tekniku. Meta l-Istat Membru jkun talab, jew ikun biħsiebu jitlob, appoġġ orizzontali għat-TSI, b’rabta mal-implimentazzjoni tal-RRP, pereżempju dwar miżuri ta’ komunikazzjoni, huwa mistieden jindika dan f’din it-taqsima.

Proċess ta’ konsultazzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu sommarju tal-proċess ta’ konsultazzjoni mwettaq f’konformità mal-oqfsa ġuridiċi nazzjonali tagħhom, li wassal għas-sottomissjoni tal-RRP immodifikat jew tal-addendum. Il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jkun proporzjonat mad-daqs tal-bidliet introdotti fl-RRPs. Pereżempju, modifiki żgħar li jirriflettu allokazzjoni finanzjarja kemxejn emendata ma jkunux jeħtieġu l-istess tip ta’ proċess ta’ konsultazzjoni bħal talba għal modifiki f’ammont sinifikanti ta’ self. Peress li l-firxa tal-konsultazzjonijiet fit-tħejjija tal-RRPs inizjali varjat, b’mod partikolari minħabba l-feġġ tal-COVID-19, l-Istati Membri huma mħeġġin itejbu b’mod ġenerali dan il-proċess jekk jimmodifikaw l-RRPs tagħhom. Jenħtieġ li jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u, fejn rilevanti, il-partijiet ikkonċernati mis-settur agrikolu jkunu involuti fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ ta’ kwalunkwe miżura ġdida jew riveduta, f’konformità mal-oqfsa ġuridiċi nazzjonali tagħhom, b’mod puntwali u sinifikattiv.

Għall-implimentazzjoni ta’ miżuri rilevanti, jista’ jkun xieraq li l-Istati Membri jinkludu kundizzjonijiet marbutin ma’ kunsiderazzjonijiet reġjonali jew lokali f’objettivi intermedji jew f’miri li jinvolvu dimensjoni ġeografika (pereżempju billi jżidu kundizzjonijiet speċifiċi marbutin mal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali). Jistgħu jinkludu wkoll kundizzjonijiet simili għall-konsultazzjoni mas-sħab soċjali u, fejn rilevanti, il-partijiet ikkonċernati mis-settur agrikolu b’rabta mal-implimentazzjoni tar-riformi jew tal-investimenti rilevanti.

Barra minn hekk, is-Semestru Ewropew se jkun qafas importanti sabiex jiġi diskuss il-progress tal-implimentazzjoni tal-RRPs mal-partijiet ikkonċernati, f’konformità mal-prattiki u mat-tradizzjonijiet ta’ kull Stat Membru. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom sabiex jiddeskrivu l-konsultazzjonijiet li saru s’issa u jiddeskrivu l-konsultazzjonijiet previsti għall-futur. L-implimentazzjoni tal-RRPs se tirnexxi biss b’sjieda reġjonali u lokali b’saħħitha, kif ukoll b’appoġġ mis-sħab soċjali u mis-soċjetà ċivili.

Ir-rekwiżiti normali ta’ konsultazzjoni, inkluża l-ħtieġa li jiġi pprovdut sommarju li jiddeskrivi kif ġie rifless il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati, ikunu japplikaw ukoll għat-tħejjija tal-kapitolu REPowerEU. Jenħtieġ li l-Istati Membri jispjegaw fis-sommarji tagħhom kif l-eżitu tal-konsultazzjoni ġie rifless fil-kapitoli tar-REPowerEU tagħhom. Għandu jkun hemm deskrizzjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni, inklużi l-karatteristiċi ewlenin tiegħu, it-tipi ta’ partijiet ikkonċernati, u l-kontribut ewlieni riċevut. Imbagħad jenħtieġ li jkun hemm deskrizzjoni ta’ kif id-disinn tal-miżuri tar-REPowerEU qies il-feedback riċevut, u indikazzjoni ta’ kif se jkompli jitqies matul l-implimentazzjoni.

Se jkun importanti li ssir ħidma ta’ outreach wiesgħa ta’ konsultazzjoni, b’mod partikolari mal-partijiet ikkonċernati bl-għarfien espert rilevanti dwar kwistjonijiet tar-REPowerEU. It-tul ta’ żmien tal-proċess ta’ konsultazzjoni jenħtieġ li jkun proporzjonat mal-urġenza li jiġu ppreżentati l-kapitoli tar-REPowerEU.

Mhux se jkun hemm bżonn li ssir konsultazzjoni pubblika addizzjonali f’każijiet fejn l-Istati Membri jżidu l-miżuri u s-sustanza tal-miżuri tibqa’ l-istess, jew meta jċaqilqu l-miżuri eżistenti lejn il-kapitolu tar-REPowerEU minħabba l-kontribuzzjoni finanzjarja massima mnaqqsa tagħhom.

Kontrolli u awditjar

Is-sistemi ta’ kontroll intern huma essenzjali sabiex jiżguraw li l-RRPs jikkonformaw bis-sħiħ mal-Artikolu 22 tar-Regolament RRF. F’dan il-kuntest u fid-dawl tal-bidliet li jirriżultaw mir-reviżjoni ta’ RRP, huwa essenzjali li l-Istati Membri jiġġustifikaw b’mod preċiż kif l-istrutturi ta’ kontroll stabbiliti għadhom adattati u, fejn applikabbli, kif se jissaħħu sabiex jiġu żgurati riżorsi u strutturi xierqa. Ir-rekwiżiti ewlenin tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istat Membru huma inklużi fl-Anness I tal-Ftehim ta’ Finanzjament u Self iffirmat bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru. B’mod partikolari, f’każ li l-RRP immodifikat ikun fih miżuri ġodda jew riveduti, l-Istat Membru għandu jispjega u juri li l-istrutturi ta’ kontroll għadhom adegwati jew meta rilevanti, kif il-kapaċità tagħhom, inklużi l-persunal u l-proċessi, se tissaħħaħ b’mod proporzjonali għaż-żieda fid-daqs tal-RRP.

Meta l-addendum ma jżidx sostanzjalment il-kontribuzzjoni finanzjarja iżda xorta jagħmel bidliet meta mqabbel mal-RRP inizjali, l-Istati Membri huma mitlubin jipprovdu spjegazzjoni aġġornata tal-arranġamenti u tas-sistemi ta’ kontroll, inkluża s-sistema tar-repożitorju tad-data tar-riċevitur finali.

Komunikazzjoni

L-Istati Membri għandhom ikomplu jimplimentaw l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tagħhom, u jaġġornawha, jekk ikun neċessarju, sabiex jiġu inklużi r-riformi u l-investimenti miżjudin ġodda, sabiex tiġi żgurata s-sensibilizzazzjoni pubblika tal-finanzjament tal-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament RRF u mal-Artikolu 10 tal-Ftehimiet ta’ Finanzjament. Meta jissottomettu RRPs immodifikati, l-Istati Membri huma mistidnin jiddeskrivu l-azzjonijiet li jkunu ħadu sabiex jimplimentaw dawn l-obbligi, bl-għan li jiffaċilitaw il-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmijin.

Il-kampanji ta’ komunikazzjoni għandhom jiffukaw fuq is-sensibilizzazzjoni dwar ir-riformi u l-investimenti ewlenin bħala parti minn rispons Ewropew, b’mod partikolari fil-kuntest tar-REPowerEU; u fuq it-titjib tal-għarfien tal-pubbliku ġenerali dwar l-RRPs u l-iskop tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġin jiffokaw l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-RRF tagħhom fuq l-oqsma li ġejjin:

Jispjegaw u jfakkru l-għanijiet tal-RRP tagħhom u l-benefiċċji tiegħu għall-Istat Membru.

Juru għaliex ir-riformi u l-investimenti huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà, għall-irkupru tal-Ewropa, għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija b’evidenza prattika.

Jiżguraw li l-approvazzjoni politika ta’ livell għoli tal-RRP tkun viżibbli biżżejjed.

Jikkomunikaw dwar proġetti importanti u jattribwixxu r-realizzazzjoni tagħhom għall-RRF.

Iħeġġu lill-benefiċjarji potenzjali japplikaw għall-finanzjament fil-qafas tal-RRP.

Juru l-progress kumplessiv fl-implimentazzjoni kemm tar-riformi kif ukoll tal-investimenti, b’mod partikolari fil-kuntest tar-REPowerEU, inkluż fi skambji regolari mas-sħab soċjali, il-komunitajiet affettwati u s-soċjetà ċivili inġenerali.

Il-Kummissjoni hija disponibbli wkoll fuq in-network Inform EU biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ komunikazzjoni nazzjonali tagħhom, inkluż tal-RRPs immodifikati tagħhom.

Trasparenza dwar ir-riċevituri finali

It-trasparenza dwar l-użu tal-fondi tal-RRF żdiedet permezz tal-inklużjoni ta’ obbligu ġdid ta’ trasparenza fir-Regolament REPowerEU. L-Istati Membri se jkollhom jistabbilixxu portal disponibbli għall-pubbliku u faċli biex jintuża fejn jippubblikaw data dwar il-100 riċevitur finali li jirċievu l-ogħla ammont ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-miżuri taħt l-RRF.

Ir-riċevituri finali jenħtieġ li jinftiehmu bħala l-entità finali li ma tkunx kuntrattur jew sottokuntrattur li tirċievi fondi. Din għandha tiġi distinta mill-benefiċjarji, li skont l-istruttura tal-ġestjoni diretta tal-Faċilità huma l-Istati Membri.

Din id-data għandha tinkludi l-isem ġuridiku tar-riċevitur finali, inklużi l-isem u l-kunjom jekk ir-riċevitur finali jkun persuna fiżika, l-ammont ta’ fondi li rċeviet kif ukoll il-miżura/i assoċjata/i skont l-RRF li għaliha jkun ingħata l-finanzjament. Għall-fini tad-determinazzjoni tal-akbar 100 riċevitur, għandhom jitqiesu biss il-fondi mill-RRF peress li xi investimenti jistgħu jiġu ffinanzjati wkoll parzjalment permezz ta’ finanzjament pubbliku ieħor.

Sabiex jiġu żgurati l-proporzjonalità u r-rispett tal-privatezza, meta r-riċevituri finali jkunu persuni fiżiċi, kwalunkwe data personali għandha titħassar sentejn wara tmiem is-sena finanzjarja li fiha jkun tħallas l-aħħar finanzjament mill-RRF lil dak ir-riċevitur finali. Bl-istess mod, b’analoġija, xi eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni tad-data, previsti fl-Artikolu 38(3) tar-Regolament Finanzjarju, huma applikabbli għall-RRF ukoll. Dawn jikkonċernaw il-każijiet li ġejjin:

sostenn għall-edukazzjoni mħallas lil persuni fiżiċi u kwalunkwe appoġġ dirett ieħor imħallas lil persuni fiżiċi l-aktar fil-bżonn bħal persuni qiegħda u refuġjati (l-Artikolu 191(4)(b) tar-Regolament Finanzjarju).

kuntratti b’valur baxx ħafna mogħtija lil esperti magħżula abbażi tal-kapaċità professjonali tagħhom (l-Artikolu 237(2) tar-Regolament Finanzjarju) kif ukoll kuntratti b’valur baxx ħafna taħt EUR 15 000 (l-ammont imsemmi fil-punt 14.4 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju).

appoġġ finanzjarju pprovdut permezz ta’ strumenti finanzjarji b’ammont inqas minn EUR 500 000

każijiet fejn id-divulgazzjoni toħloq riskju li jiġu mhedda d-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni jew tal-entitajiet ikkonċernati kif protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jew jekk tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tar-riċevituri.

Minħabba l-ammonti involuti taħt l-RRF, huwa improbabbli li l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-ewwel tliet paragrafi japplikaw għall-akbar 100 riċevitur. Lanqas ir-raba’ eċċezzjoni mhi mistennija tapplika b’mod wiesa’. Peress li l-pubblikazzjoni tad-data tikkonċerna biss riċevituri kbar, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma mistennija li jkunu entitajiet ġuridiċi, kwalunkwe tħassib dwar il-privatezza fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jenħtieġ li jiġi bbilanċjat mal-ħtieġa għal trasparenza dwar l-infiq tal-fondi tal-UE. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-referenza għall-Artikolu 38(3) tar-Regolament Finanzjarju tkun tirrifletti kwalunkwe emenda futura f’dik id-dispożizzjoni.

Minbarra li din id-data tiġi ppubblikata fil-portali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiċċentralizza dik id-data flimkien mal-ħoloq għall-portali tal-Istati Membri fit-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Din id-data għandha tiġi aġġornata darbtejn fis-sena, u l-Kummissjoni se tfittex li tallinja t-tajming tal-aġġornamenti mar-rapportar biannwali eżistenti ta’ April u Ottubru. L-ewwel eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni se jsir b’mod parallel mar-rapportar biannwali ta’ April 2023. Il-Kummissjoni se tippubblika wkoll mappa interattiva li turi d-diversi miżuri u fejn jinsabu fl-Istati Membri.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(2)  Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti tal-1 ta’ Frar 2023, (COM (2023) 62). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52023DC0062

(3)  https://commission.europa.eu/system/files/2021-01/document_travail_service_part1_v2_en.pdf

(4)  F’konformità mal-Artikolu 26a(1) tar-RDK, l-Istati Membri li jissottomettu kapitolu tar-REPowerEU jistgħu jitolbu li sa 7,5 % tal-allokazzjoni nazzjonali inizjali tagħhom taħt il-FEŻR, il-FSE + u l-Fond ta’ Koeżjoni jiġu inklużi fi prijoritajiet li jikkontribwixxu għall-objettivi tar-REPowerEU, kif stabbilit fl-Artikolu 21c tar-Regolament RRF, dment li tali appoġġ jikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi tal-Fond ikkonċernat, kif stabbilit fir-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi. Madankollu, is-7,5 % tal-allokazzjoni nazzjonali taħt ir-RDK użati għal investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi tar-REPowerEU la hija parti mill-kapitoli tar-REPowerEU, u lanqas mill-RRPs.

(*1)  Abbażi tal-allokazzjonijiet għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew Plus, wara t-trasferimenti li saru fil-kuntest tal-adozzjonijiet tal-Ftehimiet ta’ Sħubija.

(5)  ING tal-2019 skont id-data ta’ skadenza Mejju 2020 f’konformità mal-premessa [48] u mal-Anness 1 tar-Regolament RRF.

(6)  Nota tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Ġunju 2022“RRF:Aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima”’

(7)  Dawn l-eżempji huma purament għal skopijiet illustrattivi u bl-ebda mod ma jippreġudikaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-ġustifikazzjoni sottomessa mill-Istat Membru.

(8)  Idroġenu rinnovabbli tfisser idroġenu prodott minn enerġija rinnovabbli f’konformità mal-metodoloġiji stabbiliti għall-fjuwils rinnovabbli tat-trasport li jkunu wkoll likwidi u gassużi u ta’ oriġini mhux bijoloġika, fid-Direttiva (UE) 2018/2001 u atti ta’ implimentazzjoni u delegati relatati.

(9)  Għall-idroġenu ħieles mill-fjuwils fossili, jekk jogħġbok irreferi għall-Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat għall-Kriżijiet biex tiġi appoġġata l-ekonomija wara l-aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna (2022/C 426/01) bħala punt ta’ referenza. Skont l-objettiv għall-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu rinnovabbli u mingħajr użu ta’ fjuwil fossili, l-idroġenu prodott permezz tal-piroliżi tal-gass jew permezz tar-riformar tal-metan bl-istim bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju ma jistax jiġi appoġġat.

(10)  Għal aktar eżempji ta’ miżuri, jekk jogħġbok iċċekkja L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ COM(2021) 660 final

(11)  Għall-appoġġ għall-installazzjonijiet koperti mis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE, se japplikaw il-kriterji stabbiliti fil-Gwida Teknika tad-DNSH u fl-Annessi tas-CID.

(12)  Bħala parti miċ-ċiklu regolari tas-Semestru Ewropew, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż normalment jiġu proposti mill-Kummissjoni lejn l-aħħar ta’ Mejju/il-bidu ta’ Ġunju, approvati mill-Kunsill Ewropew u finalment adottati mill-Kunsill fil-bidu ta’ Lulju.

(13)  SEC(2022) 70 final - SWD(2022) 19 final - SWD(2022) 20 final

(14)  B’mod partikolari għall-SMEs

(15)  Jekk jogħġbok irreferi għall-Ewwel Parti rigward il-modalitajiet għat-talba ta’ trasferimenti bejn l-RRF u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni


ANNESS I

STRUMENTI FINANZJARJI

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar it-tip ta’ strument finanzjarju, il-forma tiegħu u l-għażla ta’ entitajiet ta’ implimentazzjoni/fdati u huma mħeġġa jiddiskutu mas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-aħjar metodu ta’ twassil għall-użu maħsub tal-istrumenti finanzjarji, filwaqt li jqisu l-objettivi tal-miżuri, l-istrutturi eżistenti, u r-rabtiet mal-ħidma tas-sħab.

F’termini ġenerali, l-Istati Membri għandhom żewġ għażliet ewlenin biex jużaw l-istrumenti finanzjarji, jew billi jittrasferixxu flus mill-RRF għall-kompartiment tal-Istati Membri tal-InvestEU jew billi jużaw strutturi oħrajn, pereżempju strutturi nazzjonali. Il-kundizzjonijiet marbutin maż-żewġ għażliet huma deskritti fil-Gwida tal-RRP (recovery and resilience plan) ta’ Jannar 2021 u elaborati aktar hawn taħt.

Il-kontribuzzjoni lill-kompartiment tal-Istat Membru taħt InvestEU se teħtieġ l-iffirmar ta’ Ftehim ta’ Kontribuzzjoni bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni. L-implimentazzjoni tal-garanzija InvestEU ssir mill-Kummissjoni permezz ta’ sħab magħżula inkarigati mill-implimentazzjoni.

Fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji nazzjonali, tista’ ssir distinzjoni bejn il-fażijiet li ġejjin:

L-ewwel fażi: tħejjija tal-miżura: L-iżgurar li l-istrumenti finanzjarji jikkontribwixxu għall-objettivi tal-RRP, jiġifieri billi:

Jiddeskrivu l-politika ta’ investiment li se tiġi appoġġata (pereż. l-effiċjenza enerġetika, il-broadband, id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs), li tiddetermina kif il-fondi tal-RRF (recovery and resilience facility) se jintużaw fl-istrument finanzjarju u kif dan huwa konformi mal-kamp ta’ applikazzjoni u mal-kriterji ta’ valutazzjoni tal-RRF, inkluża d-deskrizzjoni tal-falliment sottostanti tas-suq li joħloq il-bżonn li jintużaw fondi pubbliċi għal investimenti privati.

Id-definizzjoni tal-istrument finanzjarju (u b’mod partikolari d-definizzjoni, fost l-oħrajn, tal-politika tar-riskju/redditu bejn l-RRF u sorsi oħrajn ta’ fondi fi strument finanzjarju) u kif dan se jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-RRP.

Awtovalutazzjoni dettaljata tal-prinċipju DNSH (do no significant harm) u tas-salvagwardji neċessarji biex jiġi żgurat li l-konformità mal-prinċipju DNSH tiġi rrispettata matul l-implimentazzjoni tal-miżura.

L-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat u l-applikazzjoni possibbli tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija u tal-kriterji relatati li għandhom jiġu ssodisfati mill-prodotti ta’ finanzjament.

Id-definizzjoni ta’ objettivi intermedji (marbutin mal-istabbiliment u mal-implimentazzjoni tal-istrument) u ta’ miri ċari (marbutin mal-outputs/mal-eżiti tal-proġetti sottostanti ffinanzjati mill-istrument).

Id-definizzjoni tat-tip ta’ appoġġ li għandu jintuża (pereż. self, garanziji, ekwità), il-benefiċjarji fil-mira (pereż. SMEs, korporattivi akbar, PPPs) u investimenti (pereż., innovazzjoni, broadband, infrastruttura) biex jiġu ddeterminati l-assi investibbli.

L-istabbiliment tal-iskeda ta’ żmien għall-varar tal-istrument finanzjarju (bħala medja, l-istabbiliment ta’ strument finanzjarju jista’ jieħu sa sentejn), inklużi investimenti fl-ekonomija reali u l-impatt relatat.

Id-deskrizzjoni tas-sistema ta’ monitoraġġ sabiex jiġi rrapportat dwar il-miri u l-objettivi intermedji f’konformità mal-RRP.

It-tieni fażi: Ftehim ta’ implimentazzjoni mal-entità fdata inkarigata mill-istrument finanzjarju

Sabiex jiġi implimentat l-istrument finanzjarju, jeħtieġ li jiġi konkluż ftehim mas-sieħeb/mal-entità fdata ta’ implimentazzjoni (fil-każ ta’ fondi, dan ikun il-maniġer tal-fondi f’isem is-sħab) li jittraduċi l-obbligi mill-RRP. Il-Ftehim qafas bejn l-Istat Membru u l-entitajiet ta’ implimentazzjoni/fdati għandu jittraduċi l-obbligi kollha skont ir-Regolament RRF u tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill tal-RRP tal-Istat Membru - b’attenzjoni partikolari għall-obbligi dwar l-għajnuna mill-Istat, il-prinċipju ta’ DNSH, u l-awditjar u l-kontroll, u l-limitazzjonijiet possibbli fuq il-benefiċjarji.

Jeħtieġ li jiġu rispettati r-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat u l-akkwist pubbliku.

Wieħed mill-ewwel objettivi intermedji fl-RRP jista’ jkun marbut mal-konklużjoni tal-ftehim ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-istrument finanzjarju jew l-aġġustament ta’ strument eżistenti (f’konformità mal-politika ta’ investiment miftiehma fl-RRP) bejn l-Istat Membru u l-entità fdata.

Bħala parti mill-ewwel objettiv intermedju fl-RRP, meta jippreżenta l-ewwel talba għall-iżborż, l-Istat Membru jipprovdi lill-Kummissjoni r-regoli u l-politika ta’ investiment tal-istrument finanzjarju sabiex il-konformità tiegħu mal-RRP tkun tista’ tiġi vverifikata.

L-użu ta’ investimenti fl-ekonomija reali mill-entità fdata jew l-intermedjarji finanzjarji (pereż. banek kummerċjali, fondi ta’ investiment):

L-objettivi intermedji importanti sussegwenti kollha se jkunu marbuta mal-użu ta’ investimenti fl-ekonomija reali mill-entità fdata jew mill-intermedjarji finanzjarji.

Mat-tlestija tal-istrument finanzjarju, il-provvedimenti u r-rimborżi li ma jkunux ġew ikkonsmati għat-telf jirritornaw għand l-Istat Membru f’konformità mat-termini u mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-politika ta’ investiment u fl-istrateġija ta’ ħruġ tal-istrument. Obbligu jaħseb għall-fatt li r-rikavati u r-rimborżi għandhom jintużaw għal skopijiet ekwivalenti.


ANNESS II

MUDELL GĦAD-DIKJARAZZJONI TAL-INTENZJONIJIET RIGWARD IS-SELF MILL-RRF

Lin-: Negozjaturi ewlenin fis-SĠ RECOVER u fid-DĠ ECFIN

CC: EC-RECOVER@ec.europa.eu

Suġġett: Self mill-RRF - notifika dwar l-interess

Għażiż Sinjur/Għażiża Sinjura,

Nirreferu għar-Regolament (UE) 2021/241, b’mod partikolari għall-Artikolu 14(6), li jgħid li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien 30 jum wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendat fir-rigward tal-kapitoli tar-REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jekk hux beħsiebhom jitolbu appoġġ ta’ self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) jew le.

Għalhekk, u mingħajr preġudizzju għall-possibblità li jintalab appoġġ fil-forma ta’ self sal-31 ta’ Awwissu 2023, nixtiequ nesprimu dan l-interess:

[Agħżel dak li japplika]

Mhux biħsiebna nitolbu appoġġ ta’ self mill-RRF f’dan l-istadju.

Biħsiebna nitolbu appoġġ fil-forma ta’ self mill-RRF għal ammont ta’ EUR XXX [dan jista’ jkun firxa ta’ ammonti] u biħsiebna nużaw dan l-appoġġ fil-forma ta’ self għal din il-lista ta’ investimenti u riformi:

Lista ta’ investimenti u riformi

Nikkonfermaw li l-informazzjoni mniżżla stabbilita f’din in-notifika ta’ interess hija preċiża kemm jista’ jkun u mogħtija skont l-aħjar għarfien tagħna.


ANNESS III

MUDELL GĦAD-DIKJARAZZJONI TAL-INTENZJONI RIGWARD IT-TRASFERIMENTI MIR-RIŻERVA TA’ AĠĠUSTAMENT GĦALL-BREXIT

Lin-: Negozjaturi ewlenin fis-SĠ RECOVER u fid-DĠ ECFIN

CC: EC-RECOVER@ec.europa.eu

Suġġett: Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit – notifika ta’ talba għal trasferiment lill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Għażiż Sinjur/Għażiża Sinjura,

F’konformità mal-Artikolu 4a tar-Regolament (UE) 2021/1755, li jippermetti lill-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni talba motivata biex jittrasferixxu lill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF) l-ammonti kollha jew parti minnhom tal-allokazzjoni proviżorja tagħhom taħt ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (Brexit Adjustment Reserve, BAR), nixtiequ nitolbu trasferiment ta’ EUR XXX mill-BAR għall-RRF, għall-fini tal-finanzjament tal-investimenti u r-riformi tal-kapitolu REPowerEU, f’konformità mal-approċċ deskritt fl-Avviż tal-Kummissjoni “Gwida dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-kuntest tar-REPowerEU”.

Ir-raġuni għal dan it-trasferiment hija li kemm l-RRF kif ukoll il-BAR isegwu għan komuni li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif stabbilit b’mod ċar mill-bażi ġuridika kondiviża tagħhom fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri fil-kapitolu REPowerEU, li se jtaffu l-konsegwenzi tat-tfixkil globali fis-suq tal-enerġija kkawżat mill-iżviluppi ġeopolitiċi reċenti, se jgħinu biex isir progress lejn l-għan ta’ koeżjoni ġenerali, li l-BAR kellu l-għan li jikseb billi jindirizza r-riperkussjonijiet negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq l-Istati Membri, inkluż b’mod partikolari fuq ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali tagħhom. Dan l-objettiv komuni, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali tar-Regolamenti 2021/1755, jikkostitwixxi r-raġunament li jiġġustifika tali talba għal trasferiment bejn iż-żewġ strumenti.

[Billi l-ammont tat-trasferiment mitlub huwa ogħla mill-parti tal-allokazzjoni proviżorja taħt il-BAR li għadha ma tħallsitx, aħna nifhmu li d-differenza trid tiġi rkuprata mill-Kummissjoni. Nixtiequ [li nħallsu lura l-ammont li għandu jiġi rkuprat fil-kont tal-Kummissjoni Ewropea kif se jiġi indikat mill-Kummissjoni Ewropea fin-nota ta’ debitu] / [il-Kummissjoni Ewropea tipproċedi bit-tpaċija ta’ dak l-ammont permezz ta’ tnaqqis minn kwalunkwe pagament [bl-RRF] wara li tkun infurmat lill-[awtorità responsabbli fl-Istat Membru]].


Anness IV

Mudell għall-Istati Membri

ADDENDUM TAL-PJAN GĦALL-IRKUPRU U R-REŻILJENZA

Werrej

L-EWWEL PARTI:

INTRODUZZJONI GĦALL-ADDENDUM 40

1.

Objettiv ġenerali 40

2.

Ġustifikazzjoni għall-addendum 40

IT-TIENI PARTI:

DESKRIZZJONI TAR-RIFORMI U L-INVESTIMENTI ADDIZZJONALI U MMODIFIKATI 40

1.

Komponenti kompletament ġodda 41

2.

Kapitolu tar-REPowerEU 41

3.

Komponenti mmodifikati 41

IT-TIELET PARTI:

KOMPLEMENTARJETÀ U IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN 42

1.

Konsistenza ma’ inizjattivi oħrajn 42

2.

Komplementarjetà tal-finanzjament 42

3.

Implimentazzjoni effettiva 42

4.

Proċess ta’ konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati 43

5.

Kontroll u awditu 43

6.

Komunikazzjoni 43

IR-RABA’ PARTI:

KOERENZA ĠENERALI U IMPATT TAL-PJAN 43

1.

Koerenza 43

2.

Ugwaljanza bejn il-ġeneri u opportunitajiet indaqs għal kulħadd 43

3.

Tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali 43

4.

Tqabbil mal-linja bażi tal-investiment 43

ĊAĦDA

Dan il-mudell għandu jintuża mill-Istati Membri biex jabbozzaw l-addenda tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu biss informazzjoni rilevanti dwar il-bidliet proposti meta mqabbla mal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza adottati tagħhom. Il-mudell ma jistax jinqara mifrud mill-gwida aġġornata dwar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza fil-kuntest tar-REPowerEU. Dan id-dokument qed jipprovdi biss mudell dwar kif għandha tiġi ppreżentata l-informazzjoni fl-addendum filwaqt li d-dokumenti ta’ gwida jipprovdu l-indikazzjonijiet meħtieġa dwar kif għandha timtela kull taqsima. Kif previst fid-dokument ta’ gwida, l-Istati Membri huma mħeġġa jimmodifikaw il-pjan tagħhom abbażi ta’ verżjoni konsolidata tal-pjan inizjali tagħhom, li għandu jirrifletti l-bidliet introdotti matul il-valutazzjoni u jkun kompletament konsistenti mad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni rispettivi tal-Kunsill. Bħala tali, l-użu ta’ dan il-mudell għall-addendum jippresupponi li l-Istati Membri jkunu diġà allinjaw l-RRP tagħhom mad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill.

L-Istati Membri huma mistiedna jikkuntattjaw lis-Servizzi tal-Kummissjoni f’każ ta’ mistoqsijiet ulterjuri

L-EWWEL PARTI:

INTRODUZZJONI GĦALL-ADDENDUM

1.   Objettiv ġenerali

F’din it-taqsima l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-bidliet notevoli fl-isfidi ewlenin li bdew jiffaċċjaw minn mindu ssottomettew il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) inizjali tagħhom. B’mod partikolari, jenħtieġ li jispjegaw fil-qosor kif l-RRP immodifikat ikompli jirrappreżenta rispons komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali u kif jikkontribwixxi b’mod xieraq għas-sitt pilastri kollha. Għandu jiġi enfasizzat ukoll kif l-RRP immodifikat iżid ir-reżiljenza, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni permezz tat-tnaqqis meħtieġ mid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u permezz tad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom jispjegaw ukoll f’din it-taqsima kif l-RRP immodifikat iqis l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti.

2.   Ġustifikazzjoni għall-addendum

L-Istati Membri għandhom jindikaw il-bażi(jiet) ġuridika/ġuridiċi għall-bidliet proposti fil-pjan tagħhom, u għandhom jindikaw ukoll il-ġustifikazzjoni dettaljata għall-invokazzjoni tal-bażi/ijiet ġuridika/ġuridiċi rilevanti kif meħtieġ mill-artikolu/i korrispondenti tar-Regolament RRF (1) . Il-bażi(jiet) ġuridika/ġuridiċi u l-ġustifikazzjoni għal kull miżura addizzjonali, immodifikata jew imneħħija għandhom jingħataw mil-lista ta’ hawn taħt. Il-ġustifikazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq aktar minn bażi ġuridika waħda minn dawn t’hawn taħt.

F’konformità mar-Regolament RRF u mal-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament RRF, l-Istati Membri jistgħu jipproponu bidliet fl-RRP adottat preċedentement għall-finijiet li ġejjin:

L-Artikoli [21a u 21b] relatati mal-kapitolu tar-REPowerEU (2) : Għall-kapitolu REPowerEU, jekk jogħġbok irreferi għall-mudell iddedikat,

Artikolu [14(2)]: reviżjoni tal-pjan li jakkumpanja talba għal self ġdid jew addizzjonali,

Artikolu [7]: reviżjoni tal-pjan li jakkumpanja trasferiment ġdid jew addizzjonali ta’ 5 % tar-riżorsi minn programmi ta’ ġestjoni kondiviża

Artikolu [18(2)]: aġġornament tal-pjan biex titqies il-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata wara l-kalkolu msemmi fl-Artikolu 11(2).

Artikolu [21]: emenda jew sottomissjoni ta’ pjan ġdid minħabba li l-pjan, inklużi l-objettivi intermedji u l-miri rilevanti, ma jkunux jistgħu jinkisbu aktar, parzjalment jew totalment, minħabba ċirkostanzi oġġettivi.

IT-TIENI PARTI:

DESKRIZZJONI TAR-RIFORMI U L-INVESTIMENTI ADDIZZJONALI U MMODIFIKATI

Din it-taqsima tkopri l-bidliet fil-komponenti li jiżdiedu jew jiġu mmodifikati meta mqabbla mal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill attwali fis-seħħ. Fi ħdan dawk il-komponenti, hemm bżonn li jiġu indirizzati biss ir-riformi u l-investimenti li jiżdiedu, jitneħħew jew jiġu mmodifikati. Il-komponenti kollha tal-pjan inizjali li mhumiex inklużi f’din it-taqsima jitqiesu li baqgħu l-istess.

1.

Komponenti kompletament ġodda: Għal kull komponent kompletament ġdid, jekk jogħġbok segwi l-istruttura stabbilita fit-Tieni Parti tal-mudell ipprovdut mill-Kummissjoni f’Jannar 2021 (3) u qis il-Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-kuntest tar-REPowerEU

2.

Kapitolu tar-REPowerEU: Għall-kapitolu REPowerEU, jekk jogħġbok irreferi għall-mudell iddedikat u daħħlu hawn li darba jkun lest.

3.

Komponenti mmodifikati: Għal kull komponent immodifikat, jekk jogħġbok ipprovdi biss informazzjoni dwar dawk is-subtaqsimiet tal-mudell imsemmi hawn fuq fejn l-informazzjoni ġiet tiġi mmodifikata, imneħħija jew miżjuda meta mqabbla mal-pjan approvat mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (CID). Inkella jiġi mifhum li s-subtaqsimiet l-oħra kollha baqgħu l-istess. Jekk jogħġbok daħħal ukoll ir-referenza FENIX għal kull komponent immodifikat elenkat f’dan l-addendum. Jekk jogħġbok indika b’mod ċar jekk id-deskrizzjoni tal-komponent ġietx immodifikata.

Tabella 1

L-Istati Membri huma mistiedna jimlew it-tabella sommarja ta’ hawn taħt għal kull komponent immodifikat

Isem il-komponent immodifikat

Referenza tas-CID tal-investiment/tar-riforma

 

Isem l-investiment/ir-riforma

 

Tip ta’ bidla meta mqabbel mas-CID

[Miżjud/imneħħi/immodifikat]

Bażi ġuridika tal-bidla (agħżel mill-inqas waħda)

L-Artikolu 14(2) — talba għal self

L-Artikolu 18(2) — aġġornament tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima

L-Artikolu 21 — emenda minħabba ċirkostanzi oġġettivi

L-Artikolu 21a — Appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli tar-REPowerEU (dħul mill-ETS)

L-Artikolu 21b(2) — Trasferimenti mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit

L-ebda waħda minn dawn ta’ hawn fuq, korrezzjoni ta’ żball klerikali

Elementi mmodifikati (għal miżuri mmodifikati biss)

Deskrizzjoni tal-Komponent/tal-Miżura

Objettivi intermedji u miri

Stima tal-kost

Tikkettar ekoloġiku u diġitali (potenzjalment rilevanti, minħabba li hemm bidla sostantiva fil-miżura sottostanti)

Awtovalutazzjoni tad-DNSH

Bidliet proposti:

Għal kull riforma u investiment ġdid jekk jogħġbok segwi l-istruzzjonijiet fil-mudell inizjali tal-RRP ta’ Jannar 2021.

Għal kull riforma u investiment imneħħija, jekk jogħġbok iġġustifika b’rabta diretta mal-bażi ġuridika għall-bidla, kif ukoll spjegazzjonijiet dwar kif se jinżammu l-impatt u l-koerenza kumplessivi tal-komponent.

Għal kull riforma u investiment immodifikati, jekk jogħġbok indika billi timla t-Tabella 2 hawn taħt:

deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tal-bidla/bidliet fil-miżura, speċjalment b’rabta man-natura, l-objettiv, id-daqs, u l-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħha, kif ukoll l-impatt mistenni tal-bidla/bidliet fuq l-iskop, il-grupp fil-mira, l-iskeda ta’ żmien u r-riżultati ewlenin tal-miżura.

Verżjoni emendata tad-deskrizzjonijiet tal-komponent (jekk applikabbli) u tal-miżura meta mqabbla ma’ dawk ipprovduti fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Il-bidla/bidliet proposta/i għall-objettivi intermedji u/jew il-miri u l-ġustifikazzjoni tagħhom, meta mqabbla mal-informazzjoni pprovduta fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Il-bidliet proposti fil-kost stmat, meta rilevanti, f’konformità mal-istruzzjonijiet ipprovduti fil-mudell tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2021 (4) . Għal miżuri riveduti meta l-bidliet ikunu relatati biss mad-daqs tal-miżura, ir-reviżjoni tal-kostijiet stmati għandha ssir fuq bażi proporzjonali.

Il-bidliet proposti fl-ittaggjar ekoloġiku u/jew diġitali meta rilevanti, f’konformità mal-istruzzjonijiet ipprovduti fil-gwida tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2021 (5).

Il-bidliet proposti fl-awtovalutazzjoni tad-DNSH f’konformità mal-istruzzjonijiet ipprovduti fl-avviż tal-Kummissjoni ta’ Frar 2023 u inkluż, kull meta jkun rilevanti, stima kwantitattiva tal-impatt ambjentali tal-miżuri (6).

Għal kwalunkwe bidla proposta fl-objettivi intermedji u/jew fil-miri, fil-kostijiet stmati tagħhom u fl-ittaggjar ekoloġiku u/jew diġitali, l-Istati Membri għandhom jimlew ukoll it-tabelli excel ipprovduti mal-mudell.

L-Istati Membri għandhom jindirizzaw ukoll fit-Tabella 2 l-elementi li ġejjin sal-punt li huma affettwati mill-bidliet fil-miżura:

Proġetti transfruntiera u multinazzjonali

Għajnuna mill-Istat

Awtonomija strateġika miftuħa

Tabella 2

L-Istati Membri huma mistiedna jużaw din it-tabella biex jistrutturaw id-deskrizzjoni tal-miżuri mmodifikati f’din it-taqsima skont l-istruzzjonijiet imsemmija hawn fuq. Għal modifiki aktar sostanzjali u għal miżuri ġodda, l-Istati Membri huma mistiedna jsegwu l-format tal-mudell inizjali tal-2021  (7)

Isem u numru ta’ referenza tas-CID tal-miżura

Deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tal-bidla

Elementi mmodifikati

Verżjoni attwali

Verżjoni emendata

Deskrizzjoni tal-komponent u/jew tal-miżura

 

 

Objettivi intermedji u miri

 

 

Stima tal-kost

 

 

Ittaggjar ekoloġiku u diġitali

 

 

Awtovalutazzjoni tad-DNSH

 

 

IT-TIELET PARTI:

KOMPLEMENTARJETÀ U IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN

L-Istati Membri għandhom jispjegaw kif l-addendum jiżgura l-elementi li ġejjin, f’konformità mal-istess taqsimiet previsti fil-mudell inizjali tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (8) :

1.

Konsistenza ma’ inizjattivi oħrajn

2.

Komplementarjetà tal-finanzjament

3.

Implimentazzjoni effettiva

4.

Proċess ta’ konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati

5.

Kontroll u awditu

6.

Komunikazzjoni

Meta ma jkunx hemm tibdil meta mqabbel mal-pjan inizjali, l-Istati Membri jistgħu sempliċiment jindikaw li l-indikazzjonijiet preċedenti baqgħu l-istess.

IR-RABA’ PARTI:

KOERENZA ĠENERALI U IMPATT TAL-PJAN

L-Istati Membri għandhom jispjegaw kif l-addendum jiżgura l-elementi li ġejjin, f’konformità mal-istess taqsimiet previsti fil-mudell inizjali tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (9) . Meta ma jkunx hemm tibdil meta mqabbel mal-pjan inizjali, l-Istati Membri jistgħu sempliċiment jindikaw li l-indikazzjonijiet preċedenti baqgħu l-istess.

1.

Koerenza: L-Istati Membri għandhom juru kif il-bidliet iżommu jew iżidu l-koerenza u r-rabtiet fil-komponenti tal-pjan u bejniethom, il-koerenza tal-pjan kumplessiv, u b’mod partikolari l-koerenza bejn id-dimensjonijiet tar-riforma u tal-investiment.

2.

Ugwaljanza bejn il-ġeneri u opportunitajiet indaqs għal kulħadd: L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu kif il-bidliet fil-pjan tagħhom jikkontribwixxu biex jingħelbu l-isfidi nazzjonali eżistenti f’termini ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri u opportunitajiet indaqs għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, f’konformità mal-prinċipji 2 u 3 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u abbażi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali.

Jekk il-bidliet mhumiex mistennija jaffettwaw din it-taqsima, jekk jogħġbok ħalliha l-istess u rreferi għat-taqsima rilevanti fil-pjan inizjali.

3.

Tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali: F’konformità mal-istess taqsima prevista fil-mudell għas-sottomissjoni inizjali, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-impatt makroekonomiku, soċjali u istituzzjonali tal-pjan immodifikat, sal-punt li l-modifiki fl-RRP ikunu sinifikanti fis-sustanza u/jew fid-daqs meta mqabbla mal-RRP adottat qabel(Perspettiva u impatt makroekonomiċi u soċjali, metodoloġija, sostenibbiltà, koeżjoni soċjali u territorjali). L-Istati Membri għandhom jimlew it-tabella excel korrispondenti pprovduta mill-Kummissjoni.

4.

Tqabbil mal-linja bażi tal-investiment: L-Istati Membri ġew mistiedna jipprovdu din l-informazzjoni bħala parti mill-ewwel sottomissjoni tal-pjan tagħhom. Aġġornament ta’ tali taqsima jkun ġustifikat biss sal-punt li l-addendum ikun ta’ daqs sinifikanti, pereżempju fil-każ tal-inklużjoni ta’ kapitolu REPowerEU, reviżjoni kbira tal-appoġġ mhux ripagabbli jew talba għal segment ġdid imdaqqas ta’ self.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.L_.2021.057.01.0017,01.ENG&toc=OJ%3AL%3A2021%3A057%3ATOC

(2)  Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni (COM (2022) 231 final)

(3)  Il-Gwida lill-Istati Membri dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza Parti 2/2, SWD (2021) 12 final, Brussell 22.1.2021 https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/document_travail_service_part2_v3_mt.pdf

(4)  It-Tieni Parti t-Taqsima 10 pp. 8–9 https://ec.europa.eu/info/files/commission-staff-working-document-draft-template-recovery-and-resilience-plans_mt

(5)  It-Tieni Parti t-Taqsima 7 pp. 28–32https://ec.europa.eu/info/files/guidance-member-states-recovery-and-resilience-plans_mt

(6)  It-Tieni Parti t-Taqsima 2.D pp. 36–37 https://ec.europa.eu/info/files/commission-notice-guidance-recovery-and-resilience-plans-context-repowereu_mt

(7)  https://ec.europa.eu/info/files/commission-staff-working-document-draft-template-recovery-and-resilience-plans_mt

(8)  It-Tielet Parti t-Taqsimiet 2-7, pp. 10–11 https://ec.europa.eu/info/files/commission-staff-working-document-draft-template-recovery-and-resilience-plans_mt

(9)  Għall-koerenza u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, irreferi għall-Ewwel Parti, it-taqsimiet 3-4, p. 4; Għall-impatt, irreferi għar-Raba’ Parti, p. 12 https://ec.europa.eu/info/files/commission-staff-working-document-draft-template-recovery-and-resilience-plans_mt


ANNESS V

Mudell għall-Istati Membri

KAPITOLU REPOWERUE

Werrej

PARTI 1.2

Ġustifikazzjoni tal-addendum 45

PARTI 2.1

KAPITOLU TAR-REPOWEREU 45

1.

Objettiv ġenerali tal-Kapitolu 45

2.

Deskrizzjoni tar-riformi u tal-investimenti fil-Kapitolu 45

a)

Kaxxa tas-sommarju 45

b)

Objettivi tar-REPowerEU 46

c)

Deskrizzjoni tar-riformi u tal-investimenti 46

d)

Proġetti b’dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali 46

e)

Konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra 47

f)

Dimensjoni diġitali 47

g)

Ittaggjar klimatiku u ambjentali 47

h)

“La tagħmilx ħsara sinifikanti” 47

i)

Finanzjament u kostijiet 47

ĊAĦDA

Dan il-mudell jikkomplementa l-mudell tal-addendum tal-RRPs (b’mod partikolari t-taqsimiet 1, 3 u 4 għadhom rilevanti wkoll għall-kapitolu REPowerEU) u għandu jinqara f’konformità mal-gwida aġġornata dwar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza fil-kuntest tar-REPowerEU, li fiha struzzjonijiet ulterjuri li wkoll għadhom rilevanti għall-kapitolu REPowerEU. L-Istati Membri huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni f’każ ta’ mistoqsijiet ulterjuri.

PARTI 1.2:

ĠUSTIFIKAZZJONI TAL-ADDENDUM

F’każ li l-modifika tal-pjan tkun ibbażata fuq l-introduzzjoni ta’ kapitolu tar-REPowerEU, għandha ssir referenza għall-bażijiet ġuridiċi li ġejjin f’din it-taqsima:

L-Artikolu [21a] biex jintuża l-appoġġ finanzjarju addizzjonali mhux ripagabbli biex jikkontribwixxi għall-objettivi tar-REPowerEU u/jew l-Artikolu [21b(2)] biex isiru trasferimenti volontarji mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (BAR);

L-Artikoli 14 u 18(2) (1) kif elenkati fit-taqsima korrispondenti tal-mudell tal-addendum tal-RRP jistgħu jkunu wkoll bażijiet ġuridiċi għall-kapitoli tar-REPowerEU u għandhom jiġu referenzjati fejn rilevanti

PARTI 2.1:

KAPITOLU TAR-REPOWEREU

Il-Kapitolu tar-REPowerEU huwa meħtieġ għal kwalunkwe RRP ippreżentat wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament, jekk il-pjan ikun jirrikjedi finanzjament addizzjonali skont l-Artikolu 14 (self), 21a (dħul mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE) jew 21b (2) (trasferimenti mill-BAR). Il-Kapitolu tar-REPowerEU se jkopri l-kontribuzzjoni tal-Istat Membru għall-objettivi tar-REPowerEU u l-użu tal-RRF għal dan l-għan.

1.   Objettiv ġenerali tal-Kapitolu

L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw relatati mar-REPowerEU. Għandhom jiġbru fil-qosor kif l-indirizzar tagħhom permezz tal-miżuri proposti fil-kapitolu tar-REPowerEU se jikkontribwixxi għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru inkluż għat-tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom. Għandhom jispjegaw kif il-miżuri proposti fil-kapitolu se jindirizzaw l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti, inklużi ċ-ċikli tas-Semestru tal-2022 u kwalunkwe ċiklu tas-Semestru sussegwenti.

2.   Deskrizzjoni tar-riformi u tal-investimenti fil-Kapitolu

Il-Kapitolu tar-REPowerEU huwa ekwivalenti għal komponent tal-RRP. Jekk ikun meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jaqsmuha f’diversi subkomponenti. Bħala tali, se ssegwi l-gwida u l-istruttura tal-komponenti tal-RRP, kif stabbilit fit-Tieni Parti tal-mudell ipprovdut mill-Kummissjoni f’Jannar 2021 (2) , inklużi l-elementi preeżistenti kollha u tqis iż-żidiet u l-modifiki li ġejjin fl-istruttura oriġinali:

a)   Kaxxa tas-sommarju

Miżuri miżjuda/awmentati b’għotjiet (l-Artikolu 21a, 21b (2), 18 (2))

Isem il-miżura

Fejn rilevanti: numru ta’ referenza tas-CID eżistenti  (3)

Stima tal-kost

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Miżuri miżjuda/awmentati b’self (l-Artikolu 14)

Isem il-miżura

Fejn rilevanti: numru ta’ referenza tas-CID eżistenti  (4)

Stima tal-kost

 

 

 

 

 

 

b)   Objettivi tar-REPowerEU

Għall-kombinazzjoni ta’ miżuri fil-kapitolu tar-REPowerEU, l-Istati Membri għandhom jindikaw liema objettiv(i) tar-REPowerEU jindirizzaw u kif.

Meta jitqiesu l-miżuri kollha f’dan il-kapitolu, jenħtieġ li l-Istati Membri jispjegaw kif il-miżuri fil-kapitolu tar-REPowerEU huma koerenti ma’ sforzi oħra tal-Istat Membru kkonċernat biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU, filwaqt li jitqiesu l-miżuri fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill diġà adottata u sforzi oħra li jikkontribwixxu għall-objettivi tar-REPowerEU ffinanzjati minn sorsi oħra apparti l-RRF.

Biex juru “koerenza”, l-Istati Membri għandhom jispjegaw ir-raġunament tagħhom għaż-żieda tal-miżuri inklużi fil-Kapitolu REPowerEU ma’ dawk diġà eżistenti jew ippjanati. Għandhom jispjegaw kif dawn il-miżuri jimlew il-lakuni li jkun fadal fil-livell nazzjonali u/jew tal-UE u li l-miżuri preċedenti jkunu għadhom ma indirizzawx.

Biex juru l-impatt tal-kapitolu fuq it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jindikaw it-tnaqqis mistenni tagħhom fl-importazzjonijiet tal-gass naturali mir-Russja fl-2027 meta mqabbla mal-2019 (f’biljuni ta’ metri kubi). Din l-informazzjoni tista’ tkun utli ħafna biex jinftiehem l-isforz sħiħ tal-Istat Membru biex jilħaq l-objettivi tar-REPowerEU.

c)   Deskrizzjoni tar-riformi u tal-investimenti

F’konformità mas-subtaqsima 3 tal-mudell ipprovdut mill-Kummissjoni f’Jannar 2021 (5) , l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fid-dettall ir-riformi u l-investimenti speċifiċi li se jiġu ffinanzjati (parzjalment) mill-RRF, kif ukoll l-interkonnessjonijiet u s-sinerġiji tagħhom.

F’din it-taqsima l-Istati Membri jistgħu jinkludu (a) miżuri kompletament ġodda jew (b) miżuri msemmija fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill diġà adottati, li se jiġu awmentati (6) . Fil-każ tal-aħħar, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kontroreferenza għall-evidenza u għall-analiżijiet diġà pprovduti u jillimitaw l-informazzjoni addizzjonali għal dawk l-elementi li huma mmodifikati, b’mod partikolari l-ikkostjar aġġornat u l-objettivi intermedji u l-miri addizzjonali. L-Istati Membri b’kontribuzzjoni finanzjarja massima mnaqqsa jistgħu wkoll (c) iċaqalqu l-miżuri msemmija fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill diġà adottati lejn il-kapitolu REPowerEU, meta dawn ikunu jappoġġaw l-objettivi rilevanti. Dawn il-miżuri ma għandhomx għalfejn jiġu awmentati u jistgħu jammontaw għal kostijiet stmati ugwali għat-tnaqqis fil-kontribuzzjoni finanzjarja massima.

d)   Proġetti b’dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali

F’dan il-kapitolu l-Istati Membri għandhom jindikaw il-miżuri li għandhom dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali, u jindikaw għal kull miżura l-kostijiet stmati u s-sehem mill-kostijiet totali stmati tal-miżuri kollha inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU.

Dan jinkludi informazzjoni dwar Stati Membri oħra involuti fil-proġetti u kwalunkwe mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni biex tiġi żgurata t-tlestija f’waqtha ta’ dawn il-proġetti transfruntiera.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu spjegazzjoni qasira għal kull miżura li għandha dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali:

dwar jekk il-miżura tindirizzax l-isfidi identifikati fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Kummissjoni tal-Pjan REPowerEU tat-18 ta’ Mejju 2022

dwar il-kontribut għat-tnaqqis mid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u d-domanda għall-enerġija u l-effett mistenni fuq il-flussi tal-enerġija transfruntiera JEW

rigward il-kontribut għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni.

Meta Stat Membru jindika li l-miżuri fil-kapitolu tar-REPowerEU ma jilħqux il-mira ta’ 30 % imsemmija hawn fuq, din it-taqsima għandha tinkludi spjegazzjoni tar-raġunijiet għal dan.

e)   Konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra

F’din it-taqsima l-Istati Membri għandhom jippreżentaw fil-qosor il-proċess tal-konsultazzjoni fir-rigward tal-inklużjoni ta’ kapitolu REPowerEU mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Dawn is-sommarji għandhom jgħidu min kienu l-partijiet ikkonċernati kkonsultati, jinkludu l-eżitu tal-konsultazzjonijiet u jiddeskrivu kif l-input minnhom ġie rifless fil-kapitoli tar-REPowerEU.

f)   Dimensjoni diġitali

L-Istati Membri għandhom jittaggjaw ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-kapitoli tar-REPowerEU li se jiġu ffinanzjati taħt l-RRF bl-użu tal-metodoloġija tal-ittaggjar diġitali stabbilita fl-Artikolu 19(3)(f) u fl-Anness VII tar-Regolament RRF.

g)   Ittaggjar klimatiku u ambjentali

L-Istati Membri għandhom isegwu l-istruzzjonijiet fil-mudell ta’ Jannar 2021 ipprovdut għall-RRP inizjali (7) . Għandu jiġi nnotat li, minbarra l-mira klimatika kumplessiva ta’ 37 % għall-RRP kollu kemm hu, il-miżuri li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha, il-kapitolu tar-REPowerEU nnifsu jrid jilħaq mira klimatika ta’ mill-inqas 37 % abbażi tal-kostijiet totali stmati tal-miżuri inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU.

h)   “La tagħmilx ħsara sinifikanti”

L-Istati Membri għandhom jipprovdu awtovalutazzjoni tad-DNSH, bl-użu tal-mudell kif stabbilit fl-Anness I tal-Gwida Teknika tad-DNSH (2021/C58/01), għal kull miżura inkluża fil-kapitolu tar-REPowerEU li mhijiex soġġetta għad-deroga mill-prinċipju tad-DNSH, bid-dettalji dwar kif se tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tad-DNSH. Meta possibbli u rilevanti, l-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu wkoll, bħala parti mill-awtovalutazzjoni, stima kwantitattiva tal-impatt ambjentali tal-miżuri.

Għal miżuri li l-Istati Membri jkunu jixtiequ jipproponu b’deroga mill-prinċipju DNSH, il-Kummissjoni tista’ tagħmel osservazzjonijiet jew titlob informazzjoni addizzjonali dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-użu tad-deroga stabbiliti fir-Regolament RRF humiex issodisfati u l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdiha.

i)   Finanzjament u kostijiet

L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-kost totali stmat tal-miżuri fil-kapitolu tar-REPowerEU, sostnuta b’ġustifikazzjoni xierqa. Dan għandu jinkludi, għal kull riforma u investiment ġdid, l-elementi kollha stabbiliti fit-taqsima 10 tal-mudell tal-2021 (8) . Għal miżuri awmentati meta l-bidla tkun relatata biss mad-daqs tal-miżura, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-kost totali stmat immodifikat; meta ma jkunx hemm tibdil fil-ġustifikazzjoni tal-kostijiet imqabbla mal-pjan inizjali, l-Istati Membri jistgħu sempliċiment jindikaw li l-indikazzjonijiet preċedenti baqgħu l-istess.


(1)  Abbażi tal-Artikolu 21c(2), l-Istati Membri b’kontribuzzjoni finanzjarja massima mnaqqsa f’konformità mal-Artikolu 11(2) jistgħu jċaqilqu l-miżuri eżistenti lejn il-kapitolu REPowerEU mingħajr ma jawmentawhom. Ara wkoll il-parti 2.1, it-taqsima 2.

(2)  Il-Gwida lill-Istati Membri dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza l-Parti 2/2, SWD (2021) 12 final, Brussell 22.1.2021, pp. 5-6 [https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/document_travail_service_part2_v3_mt.pdf]

(3)  F’konformità mal-Artikolu 21c(1), l-Istati Membri jistgħu jċaqilqu l-awmentazzjonijiet ta’ miżuri eżistenti lejn il-kapitolu REPowerEU. Abbażi tal-Artikolu 21c(2), l-Istati Membri b’kontribuzzjoni finanzjarja massima mnaqqsa wara l-aġġornament ta’ Ġunju 2022 jistgħu jċaqilqu l-miżuri eżistenti lejn il-kapitolu REPowerEU mingħajr ma jawmentawhom.

(4)  F’konformità mal-Artikolu 21c(1), l-Istati Membri jistgħu jċaqilqu l-awmentazzjonijiet ta’ miżuri eżistenti lejn il-kapitolu REPowerEU. Abbażi tal-Artikolu 21c(2), l-Istati Membri b’kontribuzzjoni finanzjarja massima mnaqqsa wara l-aġġornament ta’ Ġunju 2022 jistgħu jċaqilqu l-miżuri eżistenti lejn il-kapitolu REPowerEU mingħajr ma jawmentawhom.

(5)  Il-Gwida lill-Istati Membri dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza l-Parti 2/2, SWD (2021) 12 final, Brussell 22.1.2021, pp. 5-6 [https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/document_travail_service_part2_v3_mt.pdf]

(6)  Aktar informazzjoni dwar il-miżuri awmentati tinstab fil-Gwida għall-Istati Membri dwar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza fil-kuntest tar-REPowerEU, l-Avviż tal-Kummissjoni (2022), Brussell, 12.5.2022, p. 21 https://ec.europa.eu/info/files/commission-notice-guidance-recovery-and-resilience-plans-context-repowereu_en

(7)  https://ec.europa.eu/info/files/commission-staff-working-document-draft-template-recovery-and-resilience-plans_mt

(8)  Il-Gwida lill-Istati Membri dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza Parti 1/2, SWD (2021) 12 final, Brussell 22.1.2021