2.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 78/31


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2023/C 78/12)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Lesachtaler Brot”

PGI-AT-02849 - 3.6.2022

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem

“Lesachtaler Brot”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Awstrija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.3 – Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-prodott protett bl-Indikazzjoni Ġeografika “Lesachtaler Brot” huwa ħobż magħmul minn taħlita ta’ 2/3 dqiq tas-segala u 1/3 dqiq tal-qamħ komuni li magħha jiżdiedu l-ilma tax-xorb, il-melħ tal-ikel (massimu ta’ 40 gramma għal kull kilogramma ta’ dqiq), ħwawar tal-ħobż (ta’ tip wieħed jew taħlita ta’ diversi) – il-karwija (massimu ta’ 10 grammi għal kull kg ta’ dqiq), il-kosbor (massimu ta’ 10 grammi għal kull kg ta’ dqiq), il-bużbież (massimu ta’ 10 grammi għal kull kg ta’ dqiq), l-aniżetta (massimu ta’ 10 grammi għal kull kg ta’ dqiq), iż-żerriegħa tal-kittien (massimu ta’ 20 gramma għal kull kg ta’ dqiq), iż-żerriegħa tal-isquash (massimu ta’ 30 gramma għal kull kg ta’ dqiq) – kif ukoll, kultura ppreparata minn qabel li tibda l-fermentazzjoni msejħa “Dampfl” (aġent b’effett ta’ ħmira għad-dqiq tas-segala) u ħmira (aġent b’effett ta’ ħmira għad-dqiq tal-qamħ komuni).

Il-ħobż għandu l-karatteristiċi partikolari deskritti hawn taħt.

Forma tal-ħobża

Il-“Lesachtaler Brot” jissajjar biss fil-forma ta’ ħobża tonda. Il-ħobż jiżen bejn 500 g u 1 200 g u jinqasam f’żewġ kategoriji: il-ħobż iż-żgħir ta’ bejn 500 g u 799 g u l-ħobż il-kbir ta’ bejn 800 g u 1 200 g. Fin-nofs tal-parti ta’ fuq tal-ħobż hemm l-“għajn t’Alla” (Auge Gottes) – skont it-tradizzjoni taż-żona ddefinita –, triangolu li għandhu ċirku ovali li jissimbolizza “għajn” fiċ-ċentru tiegħu. Dan is-simbolu, il-kurvatura irregolari kif ukoll il-qsim li jifforma fuq il-parti ta’ fuq tal-ħobż wara s-sajran tiegħu jagħtu lil-“Lesachtaler Brot” id-dehra tipika tiegħu.

Qoxra

Il-qoxra għandha ħxuna minima ta’ 0,3 cm u ma hijiex omoġenja: fl-istess ħobża, il-ħxuna tagħha tvarja bejn 0,3 cm u 0,8 cm. Il-qoxra titfarrak u tqarmeċ u għandha konsistenza iebsa u soda. Hija miksija kemxejn bid-dqiq u għandha kulur li jvarja minn kannella ċar matt sa kannella skur.

Qalba

Il-qalba hija lewn l-avorju u għandha sawra ħafifa, iddub, ratba iżda soda, u għandha togħma mħawra sa aromatika ħafna. It-toqob jiffurmaw b’mod irregolari u f’ċerti postijiet huma akbar minn millimetru.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

It-tħin taċ-ċereali, it-tħejjija tal-għaġina tal-ħobż u s-sajran iridu jsiru fiż-żona ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-ippakkjar fil-basktijiet tal-karti (boroż tal-karti) irid isir fiż-żona ġeografika ddefinita, wara li l-ħobż jitkessaħ kompletament fil-post tal-produzzjoni. Dan huwa neċessarju sabiex il-ħobż ma jinxifx malajr fil-miftuħ, biex tinżamm is-sawra ħafifa tal-qalba, kif ukoll għal raġunijiet ta’ iġjene tal-ikel.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Ir-reġjun li fih jiġi magħmul il-“Lesachtaler Brot” huwa ż-żona ġeografika ta’ Lesachtal, wied għoli fl-Alpi fil-Lbiċ tar-reġjun ta’ Carinthia. Dan imiss mal-Alpi Karniki fin-Nofsinhar u mad-Dolomiti ta’ Lienz fit-Tramuntana. Jinkludi l-postijiet li ġejjin: il-muniċipalità ta’ Lesachtal, il-muniċipalità ta’ Untertilliach, il-muniċipalità ta’ Obertilliach, il-lokalità ta’ Äußerst fil-muniċipalità ta’ Kartitsch-Ost, il-lokalitajiet ta’ Podlanig, St. Jakob, Strajach, Gentschach, Kosta, Passau, Aigen, Nischlwitz u Sittmos fil-muniċipalità ta’ Kötschach-Mauthen-West.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

It-tradizzjoni tal-kultura tal-furnara f’Lesachtal u r-reputazzjoni tajba tagħha jmorru lura sew fil-passat; l-ewwel xhieda jinsabu fil-kuntest tat-twaqqif tal-post ta’ pellegrinaġġ ta’ Maria Luggau fis-seklu 16. Ir-raħħala kienu jagħtu ħafna importanza lill-ħobż, mhux biss bħala sors prezzjuż ta’ enerġija, iżda wkoll fil-kuntest reliġjuż Kristjan. Dan il-karattru reliġjuż għadu jidher anki llum fis-simbolu tal-“għajn t’Alla” li titħalla fuq il-parti ta’ fuq ta’ kull ħobża tal-“Lesachtaler Brot” qabel is-sajran. F’Liesing, instabu l-istrutturi ta’ forn tal-ħobż antik li jmur lura għas-seklu 16 waqt skavar f’lukanda ta’ dak iż-żmien. Sabiex l-istorja tibqa’ ħajja, inbena forn tal-ħobż ġdid fl-istess post u dan iservi b’mod regolari lill-komunità għas-sajran tal-“Lesachtaler Brot” tradizzjonali.

Barra minn hekk, Lesachtal huwa karatterizzat ħafna mill-ambjent muntanjuż tiegħu minħabba l-pożizzjoni tiegħu bejn l-Alpi ta’ Gailtal, id-Dolomiti ta’ Lienz u l-Alpi Karniki. Ix-xmara Gail tgħaddi mill-wied u hemm iffurmat kanal, għall-kuntrarju ta’dak li ġara fil-wied ġar ta’ Gailtal, li f’xi partijiet jilħaq fond ta’ 200 m. Minħabba l-ammont abbundanti tar-riżorsi tal-ilma tiegħu, Lesachtal huwa wkoll magħruf bl-isem “il-wied b’100 mitħna” (Tal der 100 Mühlen). It-tradizzjoni tat-tħin taċ-ċereali fuq ir-rota tat-tħin tmur lura għas-seklu 16, fl-imtieħen ta’ Trattenbach qrib Maria Luggau. Matul is-sekli li għaddew, kien hemm mifruxa għadd ta’ mtieħen tal-ilma tul dan il-wied żgħir. Illum il-ġurnata, minn madwar 200 mitħna tal-ilma tal-injam antika li kienu jeżistu f’dak iż-żmien, ħamsa biss baqgħu ppreservati u fi stat li jaħdmu. Dawn l-imtieħen ma kinux biss jippermettu t-twettiq ta’ diversi kompiti agrikoli manwali, iżda wkoll u fuq kollox it-tħin taċ-ċereali għall-produzzjoni tal-ħobż.

Permezz tat-tħin taċ-ċereali fl-imtieħen tradizzjonali tal-ġebel, li jitħnu fuq ir-rota tat-tħin, id-dqiq tal-ħobż huwa inqas fin, u dan jagħti lill-qalba s-sawra ħafifa u elastika karatteristika tagħha. Barra minn hekk, l-imtieħen tal-ġebel jiggarantixxu li t-tħin isir bil-mod, fattur importanti biex tiġi żgurata l-kwalità speċjali tal-ħobż. Fil-fatt, waqt it-tħin, dawn l-imtieħen jilħqu veloċità aktar baxxa minn dik tal-imtieħen biċ-ċilindri. Għalhekk, id-dqiq li jinkiseb huwa espost għal inqas sħana, li hija importanti biex jilħaq biss it-temperatura neċessarja waqt it-tlugħ tal-għaġina.

Barra minn hekk, sa nofs is-seklu 20, Lesachtal kien prattikament maqtugħ mid-dinja esterna minħabba l-pożizzjoni esposta tiegħu, ikkaratterizzata minn xmajjar fondi u muntanji għoljin. In-nies li joqogħdu fil-wied kisbu aċċess għall-elettriku biss fl-1962. Dawn il-kundizzjonijiet mhux biss affettwaw l-istorja tal-abitazzjonijiet f’dan il-post, iżda wkoll il-konċentrazzjoni stretta u t-trażmissjoni tal-għarfien lokali, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-furnara. Minħabba din is-sitwazzjoni speċjali, kien assolutament neċessarju li l-wied isir kemm jista’ jkun awtosuffiċjenti. Kien hemm biss skambji u tranżazzjonijiet sporadiċi ma’ xi muniċipalitajiet ġirien. Illum-il ġurnata, il-“Lesachtaler Brot” jikkontribwixxi bil-kbir għall-awtosuffiċjenza tan-nies li joqogħdu fil-wied, b’mod speċjali meta jkun iżolat minn ammont abbundanti ta’ borra.

In-know-how lokali u l-esperjenza twila tal-furnara huma essenzjali għall-kwalità u għall-ispeċifiċità tal-“Lesachtaler Brot”. Anki jekk ix-xiri taċ-ċereali huwa awtorizzat minħabba l-kapaċitajiet ta’ kultivazzjoni ristretti u l-varjabbiltà tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni (it-temp), sadanittant il-kultivazzjoni taċ-ċereali reġgħet intensifikat f’Lesachtal, u l-għelejjel maħsuda jintużaw bħala materja prima għal-“Lesachtaler Brot” tradizzjonali. F’Lesachtal, l-għarfien tal-furnara jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, skont it-tradizzjoni. Għalhekk, ikomplu, pereżempju, jużaw aġenti b’effett ta’ ħmira naturali u jesiġu tħin mhux daqsekk fin għad-dqiq użat. Minbarra l-użu tal-imtieħen tal-ġebel tradizzjonali biex jiġi garantit tħin ġentili, b’tali mod li d-dqiq ma jkunx espost għal temperatura eċċessiva qabel it-tlugħ tal-għaġina, l-għarfien speċifiku tat-taħħana dwar il-grad tat-tħin xieraq matul dan il-proċess huwa wkoll partikolarment importanti. Il-grad tat-tħin ma jistax jiġi rregolat permezz tal-magni jew awtomatikament fl-imtieħen tal-ġebel. Għalhekk, huwa t-taħħan biss li jrid jivvaluta l-grad tat-tħin xieraq.

Minħabba li l-altitudni u t-tip ta’ ħamrija minn dejjem kienu jiffavorixxu t-tkabbir tas-segala fiż-żona ġeografika ddefinita u li l-kultivazzjoni tal-qamħ qatt ma kienet partikolarment mifruxa, il-proporzjon tradizzjonali tat-taħlita huwa ta’ żewġ terzi ta’ dqiq tas-segala u terz ta’ dqiq tal-qamħ komuni. Ir-riżultati miksuba mill-esperjenza wrew li l-“Lesachtaler Brot” iżomm aktar fit-tul minħabba l-proporzjon aktar għoli tad-dqiq tas-segala. Dan l-għarfien trażmess dwar it-taħlita tal-varjetajiet taċ-ċereali u taż-żewġ aġenti b’effett ta’ ħmira differenti, il-ħin eżatt tas-sajran, il-kwantità ta’ njam meħtieġa kif ukoll il-ħin xieraq ta’ meta jinxtegħlu l-fran tradizzjonali, li ġeneralment ma jkunux mgħammra b’termometru biex titkejjel it-temperatura t-tajba, jibqa’ dejjem essenzjali matul il-proċess tal-produzzjoni. Madwar nofs il-ħobż tal-“Lesachtaler Brot” jissajjar bil-fran tal-ħatab eżistenti.

Mill-2010, il-produzzjoni tal-“Lesachtaler Brot” saret parti mill-wirt kulturali intanġibbli tal-UNESCO. Fl-2018, huwa nħatar prodott “Presidia” tal-moviment internazzjonali Slow Food, bħala prodott li għandu valur partikolari għall-konservazzjoni tal-ekosistemi lokali u tat-tradizzjonijiet reġjonali. Kull sena mill-1983 ’l hawn, fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Settembru, issir il-festa tar-raħal u tal-ħobż f’Liesing, f’Lesachtal. Waqt dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, il-parteċipanti mhux biss jiġu mistiedna jduqu u jixtru l-“Lesachtaler Brot”: hemm ukoll programm sħiħ dwar din l-ispeċjalità reġjonali.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://www.patentamt.at/herkunftsangaben/lesachtalerbrot/

jew tista’ tiġi aċċessata wkoll direttament permezz tas-sit web tal-Uffiċċju tal-Privattivi tal-Awstrija (www.patentamt.at) billi wieħed jikklikkja: “Marken/Marken anmelden/Herkunftsangaben”. Hemmhekk, wieħed isib l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott taħt l-isem tad-denominazzjoni tal-kwalità.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.