8.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/46


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2023/C 48/09)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Anjou Villages”

PDO-FR-A0493-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 11.11.2022

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali

Il-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ġeografika u ż-żona fil-viċinanza immedjata ġew aġġornati f’konformità mal-Code officiel géographique [Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali].

Dan ma għandu l-ebda impatt fuq il-perimetru taż-żona ġeografika demarkata.

Il-punti 6 u 9 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

2.   Wisa’ bejn id-dwieli

Il-wisa’ minima bejn d-dwieli tnaqqset minn 1 m għal 0,90 m.

L-għan ta’ din l-emenda huwa li tippermetti żieda fid-densità tat-tħawwil tad-dwieli mingħajr ma tinbidel il-wisa’ bejn il-flanni.

Żdiedet ukoll dispożizzjoni speċjali għad-dwieli fuq inklinazzjonijiet fejn il-gradjent huwa ogħla minn 10 %, li għalihom il-wisa’ minima awtorizzata bejn id-dwieli hija ta’ 0,80 m.

L-għan ta’ din iż-żieda huwa li jittieħed kont tal-każ partikolari tad-dwieli mħawla fuq inklinazzjonijiet weqfin, li jeħtieġu arranġamenti speċifiċi fl-istadju tat-tħawwil (tħawwil parallel mal-inklinazzjoni aktar milli perpendikolari magħha).

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

3.   Żbir

Ir-regoli dwar iż-żbir armonizzati fil-livell tad-denominazzjonijiet fiż-żona Anjou Saumur fil-wied tal-Loire.

Dan sar biex jiġi żgurat li l-vitikulturi jiġu infurmati aħjar u biex jiġu ssimplifikati l-kontrolli meħtieġa. Din l-emenda tagħmilha eħfef għall-vitikulturi biex jadattaw meta jkunu qed jiffaċċjaw perjodi ta’ ġlata, li qegħdin iseħħu dejjem aktar tard fis-sena.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

4.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta ġiet emendata biex tinkludi referenza għall-2021 minflok għall-2018.

Il-punt 8 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

5.   Tikkettar

Il-qafas regolatorju għat-termini fakultattivi ġie ċċarat.

Il-punt 9 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

6.   Emendi editorjali

Saru għadd ta’ aġġornamenti fl-abozzar tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Dawn l-emendi ma jinvolvu l-ebda emenda għad-Dokument Uniku.

7.   Referenza għall-korp ta’ spezzjoni

Ir-referenza għall-korp ta’ kontroll ġiet ifformulata mill-ġdid biex tiġi allinjata mal-formulazzjoni użata fi Speċifikazzjonijiet tal-Prodott oħrajn. Din hija emenda purament editorjali.

Din l-emenda ma tinvolvi l-ebda bidla għad-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Anjou Villages

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

DESKRIZZJONI QASIRA

Dawn huma nbejjed ħomor bla gass bil-karatteristiċi analitiċi li ġejjin:

L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum ta’ 11 %.

Wara l-fermentazzjoni, l-inbejjed ikollhom kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) ta’ mhux anqas minn 3 grammi għal kull litru.

Trid issir fermentazzjoni malolattika. L-inbejjed lesti biex jitqiegħdu fis-suq bl-ingrossa jew fl-istadju tal-ippakkjar għandhom kontenut ta’ aċidu maliku ta’ mhux aktar minn 0,4 grammi għal kull litru.

Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum ma tridx tkun aktar minn 12,5 %.

L-aċidità volatili totali, l-aċidità totali u l-kontenut ta’ diossidu tal-kubrit totali huma dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

L-inbejjed jitqaddmu mill-inqas sal-15 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

L-inbid ġeneralment ikollu kulur aħmar skur u sod lewn ir-rubin. L-aroma ta’ spiss tevoka noti fini ta’ frott aħmar u ta’ fjuri (l-iris, il-vjoletta) li tevolvi f’aromi aktar kumplessi, bħal taħlitiet ta’ frott iswed, ħwawar, laħam tal-kaċċa jew veġetazzjoni ta’ taħt is-siġar. It-togħma hija mimlija u korpuża, filwaqt li tinżamm il-firxa sħiħa ta’ aromi. Hemm tannini qawwija sottostanti u finitura twila. Inbid ġeneruż li jibbenifika minn tqaddim għal ftit snin qabel jindaq.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Densità tat-tħawwil - Wisa’

Metodu tal-kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 4 000 pjanta għal kull ettaru. Il-wisa’ bejn il-flanni ta’ dawn id-dwieli ma tistax tkun akbar minn 2,5 metri, u l-wisa’ bejn il-pjanti fl-istess flann trid tkun tal-anqas 0,90 metri. L-irqajja’ tal-vinji fejn il-wisa’ bejn id-dwieli fl-istess flann tkun inqas minn 0,90 m iżda daqs 0,80 m jew aktar, u fejn il-gradjent ikun aktar minn 10 %, għandhom ikunu intitolati li jużaw id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata għall-ħsad tagħhom. Id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata tista’ tintuża għall-ħsad ta’ rqajja’ tal-vinji b’densità tat-tħawwil ta’ inqas minn 4 000 — iżda tal-anqas 3 300 — dielja għal kull ettaru, iżda jridu jikkonformaw ma’ ċerti regoli dwar it-tħarriġ tad-dwieli u l-għoli tal-faxxina stipulati f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-wisa’ bejn il-flanni ta’ dawn id-dwieli ma tistax tkun aktar minn 3 metri, u l-wisa’ bejn il-pjanti fl-istess flann trid tkun mill-inqas ta’ 1 metru.

2.   Regoli dwar iż-żbir u t-tħarriġ tad-dwieli

Metodu tal-kultivazzjoni

Id-dwieli jinżabru bil-metodu taż-żbir bil-friegħi twal jew qosra, jew taħlita tat-tnejn, b’massimu ta’ 12-il għajn għal kull dielja.

Id-dwieli jistgħu jinżabru b’żewġ għejun addizzjonali għal kull pjanta bil-kundizzjoni li, fl-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għal 11 jew 12-il werqa (blanzuni separati), ma jkunx hemm aktar minn 12-il fergħa li tagħti l-frott fis-sena għal kull pjanta.

Il-faxxina fuq il-kannizzata trid tilħaq għoli ta’ mill-inqas 0,6 darbiet id-distanza bejn il-flanni. Dan l-għoli jitkejjel bħala d-distanza bejn il-limitu l-aktar baxx tal-faxxina (li għandu jkun mill-inqas 0,40 m ’il fuq mil-livell tal-art), u l-ogħla limitu taż-żbir (li għandu jkun mill-inqas 0,20 m ’il fuq mill-ogħla fil tal-kannizzata).

Fil-każ ta’ rqajja’ tal-vinji fejn id-densità tat-tħawwil tkun mill-inqas 3 300 iżda inqas minn 4 000 pjanta għal kull ettaru, japplikaw ir-regoli addizzjonali li ġejjin dwar it-tħarriġ mal-kannizzati: l-għoli minimu tal-arbli għat-tħarriġ mal-kannizzati ’il fuq mill-art huwa ta’ 1,9 metru; il-kannizzata tinkludi 4 livelli ta’ fili; l-għoli minimu tal-ogħla fil huwa ta’ 1,85 metru ’l fuq mill-art.

3.   Irrigazzjoni

Metodu tal-kultivazzjoni

L-irrigazzjoni hija pprojbita.

4.   

 

Prattika enoloġika speċifika

It-tekniki ta’ arrikkiment bi tnaqqis huma permessi, bir-rata massima ta’ konċentrazzjoni parzjali stabbilita għal 10 % fir-rigward tal-volumi użati. L-użu ta’ biċċiet tal-injam huwa pprojbit. Wara l-arrikkiment, il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum ma tridx tkun aktar minn 12,5 %.

Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-prattiki enoloġiċi użati li jikkonċernaw dawn l-inbejjed għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE u fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.

5.2.   Rendimenti massimi

1.

 

60 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

L-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika li tħaddan il-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2021:

id-département ta’ Deux-Sèvres: Loretz-d’Argenton (il-muniċipalità delegata ta’ Bouillé-Loretz biss), Val en Vignes (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Bouillé-Saint-Paul, Cersay u Saint-Pierre-à-Champ);

id-département ta’ Maine-et-Loire: Aubigné-sur-Layon, Beaulieu-sur-Layon, Bellevigne-en-Layon, Blaison-Saint-Sulpice (il-muniċipalità delegata ta’ Blaison-Gohier biss), Bouchemaine, Brissac Loire Aubance (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Charcé-Saint-Ellier-sur-Aubance u Coutures biss), Chalonnes-sur-Loire, Champtocé-sur-Loire, Chaudefonds-sur-Layon, Chemillé-en-Anjou (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Chanzeaux, La Jumellière u Valanjou biss), Cléré-sur-Layon, Doué-en-Anjou (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Brigné, Concourson-sur-Layon, Saint-Georges-sur-Layon u Les Verchers-sur-Layon biss), Ingrandes-Le Fresne sur Loire (l-eks muniċipalità ta’ Ingrandes biss), Lys-Haut-Layon (il-muniċipalitajiet delegati ta’ La Fosse-de-Tigné, Nueil-sur-Layon, Tancoigné, Tigné u Trémont biss), Mauges-sur-Loire (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Mesnil-en-Vallée, Montjean-sur-Loire u La Pommeraye biss), Passavant-sur-Layon, La Possonnière, Rochefort-sur-Loire, Saint-Georges-sur-Loire, Saint-Germain-des-Prés, Savennières, Terranjou, Tuffalun (il-muniċipalità delegata ta’ Ambillou-Château biss), Val-du-Layon.

Mapep li juru ż-żona ġeografika jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

 

Cabernet Franc N

 

Cabernet Sauvignon N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.   

 

a)   Deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti għar-rabta

Iż-żona ġeografika tinsab fil-parti tal-Punent taż-żona ġeografika għad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata Anjou, essenzjalment fuq il-premontorji tal-era Prekambrijana u dik tal-Paleożojku mqabbdin mal-Massif Armorikan, f’postijiet miksija b’formazzjonijiet taż-żrar jew b’karatteristiċi taċ-Ċenomanjan bħal-lom bid-depożiti tal-qxur tal-gajdri li jinsabu fil-konfini tal-Lvant tagħha. Fl-2021 tinkludi ż-żoni ġeografiċi għad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Kontrollati Anjou-Coteaux de la Loire, Coteaux du Layon, Savennières u xi muniċipalitajiet li jmissu magħhom. Tkopri territorju li ġie demarkat u magħżul minħabba li l-ambjent naturali tiegħu huwa tant adattat tajjeb għall-produzzjoni ta’ nbejjed ħomor. Hija mifruxa fuq 24 muniċipalità fid-département ta’ Maine-et-Loire u fuq tnejn fid-département ta’ Deux-Sèvres, fix-Xlokk u fin-Nofsinhar tal-belt ta’ Angers. Il-pajsaġġ jikkonsisti f’għadd ta’ għoljiet żgħar b’aspetti varjabbli u altitudnijiet li jvarjaw bejn 50 u 90 metru.

Iż-żona tal-irqajja’ art demarkata speċifikament għall-ħsad tal-għeneb tikkonsisti l-aktar minn irqajja’ art b’esponiment tajjeb u ħamrija kannella li żviluppat fuq ix-shale, ħamrija kannella bit-tafal u ż-żrar jew fuq livell lokalizzat ħafna, ħamrija kannella li żviluppat fuq il-lom b’depożiti tal-qxur tal-gajdri. Din il-ħamrija spiss ma tkunx fonda u jkollha irrigazzjoni u skular tajbin, l-ebda sinjali ta’ idromorfija u riżervi ta’ ilma tipikament baxxi. Għandha prestazzjoni termali tajba u tiżgura tkabbir bikri ottimali. Il-parti tal-Punent taż-żona ġeografika hija miżgħuda bi blat subvulkaniku ffurmat minn blat ignew ta’ natura aċiduża (rijolit) jew bażaltika (spilit) li tipproduċi ħamrija ġeblija ħafna.

Iż-żona ġeografika tgawdi minn klima oċeanika moderata, b’differenzi relattivament baxxi fit-temperatura, minn naħa minħabba l-prossimità relattiva tal-Oċean Atlantiku, u min-naħa l-oħra minħabba r-rwol ta’ regolatur termiku tal-Loire u tat-tributarji tagħha. Fattur ieħor huwa l-fatt li l-vinji huma mħawla fuq l-għoljiet. L-inklinazzjonijiet li jiffaċċjaw il-Majjistral/ix-Xlokk jipproteġu lid-dwieli mill-irjieħ mill-Punent li spiss ikollhom kontenut għoli ta’ umdità. Għalhekk, iż-żona ġeografika għandha irrigazzjoni limitata u tibbenefika mill-effett ta’ fœhn, u hija protetta miċ-ċpar tal-baħar mill-inklinazzjonijiet ogħla ta’ Choletais u ta’ Mauges. Ix-xita annwali hija ta’ madwar 585 millimetru, meta mqabbla ma’ 800 millimetru f’Choletais.

b)   Deskrizzjoni tal-fatturi umani li huma rilevanti għar-rabta ġeografika

Huwa magħruf li d-dwieli ilhom jiġu kkultivati fuq bażi kontinwa f’Anjou sa mill-ewwel seklu W.K. Dan huwa pajjiż eċċellenti għat-tkabbir tad-dwieli, kif jixhdu dawn il-linji minn poeżija ta’ Apollonju (is-sitt seklu): “Mhux bogħod mill-Bretanja hemm belt li tinsab fuq blata bi pjantaġġuni estensivi ddedikati lil Ceres u Bacchus u isem, Andecavi (Angers), li huwa dderivat mill-isem tal-post bil-Grieg.” Il-vitikultura żviluppat fiż-żona ta’ Anjou matul il-Medju Evu, taħt l-awspiċi tal-monasteri li jinsabu fuq ix-xtajtiet tal-Loire u madwar Angers. Saret partikolarment rinomata mis-sekli 7 u 8 ’il quddiem. Bis-saħħa tal-influwenza ta’ Henri II u ta’ Eleanor ta’ Aquitaine, l-inbid minn Anjou wasal fuq l-imwejjed l-iktar raffinati.

Il-produzzjoni żviluppat b’mod sinifikanti mis-seklu 16 ’il quddiem bil-wasla tan-negozjanti Netherlandiżi li kienu qegħdin ifittxu l-inbid għall-pajjiż u l-kolonji tagħhom. In-Netherlandiżi bdew jaħżnu l-inbejjed u l-kummerċ tant kien mexxej fis-seklu 18 li x-xmara Layon, li taqsam iż-żona ġeografika, saret navigabbli biex it-trasport isir aktar faċli.

Ir-reġjun ta’ Anjou essenzjalment ħa l-fama tiegħu mill-produzzjoni tal-inbejjed bojod magħmula mill-varjetà Chenin B. Madankollu, it-tħawwil tal-varjetà Cabernet Franc N jew tal-“pjanta tal-Bretanja” (hekk imsejħa minħabba li kienet ġiet introdotta bid-dgħajjes mill-estwarju tal-Loire, li dak iż-żmien kien jappartjeni għar-reġjun tal-Bretanja) u tal-Cabernet Sauvignon N ftit aktar tard infirxu b’mod sinifikanti wara l-kriżi tal-Pylloxera mill-1865 ’il quddiem.

8.2.   

 

Fil-bidu tas-seklu 20, l-isforzi tal-produzzjoni tal-inbid kienu ffukati l-aktar fuq il-produzzjoni ta’ “rouget”, l-isem lokali għal inbid ħafif servut fil-kafetteriji. Dan kien jimmarka l-ewwel stadju fil-bidliet għall-vinji ta’ Anjou, fejn il-produzzjoni tal-inbejjed rożè emblematiċi saret sinifikanti. It-tieni stadju ta’ din it-trasformazzjoni kien ibbażat fuq l-esperjenza miksuba mill-produtturi fil-ġestjoni ta’ dawn l-għelejjel. Il-produzzjoni tal-inbejjed ħomor żviluppat mis-snin 60 ’il quddiem, abbażi tal-monitoraġġ u l-analiżi tal-aħjar taħlitiet ta’ varjetajiet u postijiet ta’ tħawwil, flimkien mal-valutazzjoni tal-potenzjal tal-ħsad u l-għarfien espert miksub fit-tekniki tal-produzzjoni tal-inbid.

Madankollu, il-produtturi tal-inbid tar-reġjun irrealizzaw li kellhom aċċess għal territorju u livell ta’ għarfien espert li setgħu jkomplu jtejbu l-oriġinalità tal-produzzjoni tagħhom tal-inbid aħmar. Għalhekk id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata Anjou Villages ġiet rikonoxxuta fl-14 ta’ Novembru 1991. Fl-2010 kienet tikkonsisti minn 130 kantina tal-inbid privata u 2 kantini tal-inbid kooperattivi.

2   Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott

L-inbid ġeneralment ikollu kulur aħmar skur u sod lewn ir-rubin. L-aroma ta’ spiss tevoka noti fini ta’ frott aħmar u ta’ fjuri (l-iris, il-vjoletta) li tevolvi f’aromi aktar kumplessi, bħal taħlitiet ta’ frott iswed, ħwawar, laħam tal-kaċċa jew veġetazzjoni ta’ taħt is-siġar.

It-togħma hija mimlija u korpuża, filwaqt li tinżamm il-firxa sħiħa ta’ aromi. Hemm tannini sottostanti qawwija u l-finitura hija twila. Huwa nbid ġeneruż li jibbenefika minn tqaddim għal ftit snin qabel jindaq.

3   Interazzjonijiet kawżali

It-taħlita tal-ħamrija mhux fonda fuq l-irqajja’ ta’ art li huma demarkati b’mod ċar li juru l-metodi użati u t-terren li jipprovdi espożizzjoni eċċellenti u jinkoraġġixxi provvista regolari tal-ilma ppermettiet lill-varjetajiet Cabernet Franc N u Cabernet Sauvignon N jiksbu l-espressjoni u l-oriġinalità sħiħa tagħhom. Il-post fejn jinsabu l-vinji jeħtieġ ġestjoni ottimali tad-dwieli u r-rendiment massimu tagħhom, fil-forma ta’ sistemi ta’ tħarriġ tad-dwieli u regoli stretti dwar iż-żbir.

Il-vitikulturi josservaw u janalizzaw l-imġiba tad-dwieli tagħhom sabiex jiddeterminaw il-post it-tajjeb għall-vinji, filwaqt li jqisu kemm iż-żewġ varjetajiet huma adattati għar-riżorsi pprovduti mill-ħamrija kannella li żviluppat fuq ix-shale u l-ħamrija tat-tafal u tal-ġebla tal-ġir li żviluppat fuq id-depożiti taċ-Ċenomanjan. Billi jistrieħu fuq id-demarkazzjoni speċifika tal-irqajja’ art, jadattaw it-tħarriġ tad-dwieli u l-metodi taż-żbir, jaħsdu l-għeneb fl-aħjar stat ta’ sajran, u jagħmlu titjib tekniku fir-regolazzjoni tat-temperatura u l-ħinijiet tal-maċerazzjoni, il-produtturi stabbilew regoli stretti tal-produzzjoni biex jiżguraw il-produzzjoni ta’ nbid aħmar strutturat tajjeb. L-għarfien espert tal-operaturi jiżgura li l-għeneb jinħasad b’kontenut minimu ta’ zokkor ta’ 189 gramma għal kull litru u meta jkun laħaq l-istadju ottimali ta’ sajran fenoliku.

Matul il-ġenerazzjonijiet, il-produtturi rnexxielhom jadattaw b’suċċess it-tekniki tal-produzzjoni tal-inbid tagħhom biex joħorġu l-aħjar kwalità mill-għeneb tagħhom. Malajr ġie deċiż li jiġi impost perjodu ta’ tqaddim fit-tank wara l-fermentazzjoni sabiex ikun jista’ jiġi prodott inbid b’aromi kumplessi iżda b’mod partikolari biex it-tannini jkunu jistgħu jsiru bbilanċjati u lixxi. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġie ddefinit perjodu minimu ta’ tqaddim sal-15 ta’ Ġunju ta’ wara s-sena tal-ħsad.

Id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata Anjou Villages tirrappreżenta wieħed mill-iżjed inbejjed apprezzati fir-reġjun ta’ Anjou.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

API

Qafas ġuridiku:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, iddefinita permezz tad-deroga għall-produzzjoni, għall-ipproċessar u għat-tqaddim tal-inbejjed, tinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali għall-2021:

id-département ta’ Deux-Sèvres: Brion-près-Thouet, Loretz-d’Argenton (it-territorju delegat ta’ Argenton-l’Église biss), Louzy, Plaine-et-Vallées (il-muniċipalità delegata ta’ Oiron biss), Saint-Cyr-la-Lande, Sainte-Verge, Saint-Martin-de-Mâcon, Saint-Martin-de-Sanzay, Thouars (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Mauzé-Thouarsais, Sainte-Radegonde u l-eks muniċipalità ta’ Thouars biss), Tourtenay;

id-département ta’ Indre-et-Loire: Saint-Nicolas-de-Bourgueil;

id-département ta’ Loire-Atlantique: Ancenis-Saint-Géréon (l-eks muniċipalità ta’ Ancenis biss), Le Loroux-Bottereau, Le Pallet, La Remaudière, Vair-sur-Loire (il-muniċipalità delegata ta’ Anetz biss), Vallet;

id-département ta’ Maine-et-Loire: Allonnes, Angers, Antoigné, Artannes-sur-Thouet, Bellevigne-les-Châteaux, Blaison-Saint-Sulpice (il-muniċipalità delegata ta’ Saint-Sulpice biss), Brain-sur-Allonnes, Brissac Loire Aubance (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Alleuds, Brissac-Quincé, Chemellier, Luigné, Saint-Rémy-la-Varenne, Saint-Saturnin-sur-Loire, Saulgé-l’Hôpital u Vauchrétien biss), Brossay, Cernusson, Cizay-la-Madeleine, Le Coudray-Macouard, Courchamps, Denée, Dénezé-sous-Doué, Distré, Doué-en-Anjou (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Doué-la-Fontaine, Forges, Meigné u Montfort biss), Épieds, Fontevraud-l’Abbaye, Les Garennes sur Loire, Gennes-Val-de-Loire (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Chênehutte-Trèves-Cunault, Gennes, Grézillé, Saint-Georges-des-Sept-Voies u Le Thoureil biss), Huillé-Lézigné (il-muniċipalità delegata ta’ Huillé biss), Jarzé Villages (il-muniċipalità delegata ta’ Lué-en-Baugeois biss), Louresse-Rochemenier, Lys-Haut-Layon (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Cerqueux-sous-Passavant u Vihiers biss), Mauges-sur-Loire (il-muniċipalitajiet delegati ta’ La Chapelle-Saint-Florent, Le Marillais, Saint-Florent-le-Vieil, Saint-Laurent-de-la-Plaine u Saint-Laurent-du-Mottay biss), Mazé-Milon (il-muniċipalità delegata ta’ Fontaine-Milon biss), Montilliers, Montreuil-Bellay, Montsoreau, Mozé-sur-Louet, Mûrs-Erigné, Orée d'Anjou (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Bouzillé, Champtoceaux, Drain, Landemont, Liré, Saint-Laurent-des-Autels u La Varenne biss), Parnay, Le Puy-Notre-Dame, Rives-de-Loir-en-Anjou, Rou-Marson, Sainte-Gemmes-sur-Loire, Saint-Just-sur-Dive, Saint-Macaire-du-Bois, Saint-Martin-du-Fouilloux, Saint-Melaine-sur-Aubance, Saint-Sigismond, Saumur, Soulaines-sur-Aubance, Souzay-Champigny, Tuffalun (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Louerre u Noyant-la-Plaine biss), Turquant, Les Ulmes, Varennes-sur-Loire, Varrains, Vaudelnay, Verrie, Verrières-en-Anjou;

id-département ta’ Vienne: Berrie, Curçay-sur-Dive, Glénouze, Pouançay, Ranton, Saint-Léger-de-Montbrillais, Saix, Ternay, Les Trois-Moutiers.

Tikkettar

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

It-termini fakultattivi kollha, li l-użu tagħhom, skont ir-regoli tal-UE, jista’ jiġi rregolat mill-Istati Membri, iridu jiġu stampati fuq it-tikketti b’ittri li ma jkunux akbar, fit-tul jew fil-wisa’, mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata.

L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata jista’ jkun ikkompletat bid-denominazzjoni ġeografika “Val de Loire” skont ir-regoli stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Id-daqs tal-ittri tad-denominazzjoni ġeografika “Val de Loire” ma għandux ikun akbar, kemm fl-għoli kif ukoll fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata.

L-inbejjed eliġibbli għad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata jistgħu jispeċifikaw l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar fuq it-tikketti tagħhom, dment li dan ikun post elenkat fir-reġistru tal-artijiet u jkun jidher fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad. L-isem tal-post għandu jkun stampat b’ittri li ma jkunux akbar, kemm fl-għoli kif ukoll fil-wisa’, minn nofs id-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-1e962c34-1858-44fd-b90b-d3b72b04d5b4


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.