|
6.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 43/5 |
Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid
(2023/C 43/03)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Canelli”
PDO-IT-02810
Data tal-applikazzjoni: 9.11.2021
1. Isem għar-reġistrazzjoni
Canelli
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
Canelli
Kulur: ivarja minn isfar ċar lewn it-tiben sa isfar qawwi, bi sfumaturi li jvarjaw minn ħadranin għal lewn dehbi jgħajjat.
Aroma: aromi karatteristiċi tal-għeneb Muscat, ifuħu, b’noti li jistgħu jiġu deskritti b’mod differenti kif ġej: tal-fjuri: fjuri selvaġġi u akaċja; tal-frott: berquq, ħawħ, tuffieħ Reinette; ħjiel ta’ frott taċ-ċitru u għasel, kultant b’aromi erbaċej friski.
Togħma: ħelwa, b’aċidità friska u pjuttost qawwija, b’finitura delikata bl-aromi tal-għeneb Muscat; tista’ tkun vivaċi.
Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,00 %, li minnha l-qawwa alkoħolika proprja hija bejn 4,5 % u 6,50 %.
Aċidità totali minima: 4,5 g/l.
Estratt minimu mingħajr zokkor: 16,0 g/l.
Meta jiġi rilaxxat għall-konsum, id-DOP Canelli huwa nbid li, meta jinfetaħ il-kontenitur, jeħles id-diossidu tal-karbonju derivat esklużivament mill-fermentazzjoni; għandu pressjoni żejda ta’ mhux aktar minn 2,5 bar meta jinżamm f’temperatura ta’ 20 °C f’kontenituri magħluqa.
Kull meta, fit-tabella ta’ hawn taħt, il-valur jitħalla vojt, l-inbejjed jikkonformaw mal-limiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.
|
Karatteristiċi analitiċi |
|
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
|
Qawwa alkoħolika totali minima (f’% tal-volum) |
|
|
Aċidità totali minima |
4,5 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
|
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
Canelli akkumpanjat mit-terminu “Riserva”
Kulur: ivarja minn isfar lewn it-tiben għal isfar dehbi jgħajjat qawwi wara l-maturazzjoni u t-tqaddim.
Aroma: kumplessa, tipika tal-varjetà tal-għeneb aromatika Muscat, b’noti li jistgħu jiġu deskritti b’modi differenti kif ġej: ħawħ; ċitru; noti erbali aromatiċi ta’ intensità li tvarja, bħal salvja, melissa u timu.
Kultant, bit-tqaddim fil-flixkun, jista’ jkun hemm noti li jistgħu jiġu pperċepiti ta’ frott bil-konfettura, petrol u ħwawar ħelwin bħaż-żagħfran.
Togħma: ħelwa, finitura aromatika karatteristika, mimlija togħma, b’aċidità iżda bbilanċjata mal-ħlewwa; tista’ tkun vivaċi.
Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,00 %, li minnha l-qawwa alkoħolika proprja skont il-volum hija bejn 4,50 % u 6,50 %.
Aċidità totali minima: 4,5 g/l.
Estratt minimu mingħajr zokkor: 16,0 g/l.
Meta jiġi rilaxxat għall-konsum, id-DOP Canelli huwa nbid li, meta jinfetaħ il-kontenitur, jeħles id-diossidu tal-karbonju derivat esklużivament mill-fermentazzjoni; għandu pressjoni żejda ta’ mhux aktar minn 2,5 bar meta jinżamm f’temperatura ta’ 20 °C f’kontenituri magħluqa.
Kull meta, fit-tabella ta’ hawn taħt, il-valur jitħalla vojt, l-inbejjed jikkonformaw mal-limiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.
|
Karatteristiċi analitiċi |
|
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
|
Qawwa alkoħolika totali minima (f’% tal-volum) |
|
|
Aċidità totali minima |
4,5 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
|
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
|
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
|
a. |
Prattiki enoloġiċi essenzjali - |
|
b. |
Rendimenti massimi għal kull ettaru Canelli akkumpanjat ukoll mit-terminu “Riserva” 9 500 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru Canelli bil-vinja [“vigna”] speċifikata u Canelli bil-vinja speċifikata u akkumpanjat mit-terminu “riserva” 8 500 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru |
6. Żona ġeografika demarkata
Iż-żona tal-produzzjoni tal-għeneb adattata għall-produzzjoni tal-inbejjed bid-DOP Canelli tkopri t-territorju tal-muniċipalitajiet elenkati hawn taħt.
Il-Provinċja ta’ Asti: it-territorju kollu tal-muniċipalitajiet ta’ Calamandrana, Calosso, Canelli, Cassinasco, Coazzolo, u parti mit-territorju tal-muniċipalitajiet ta’ Bubbio, Castagnole Lanze, Costigliole d’Asti, Loazzolo, Moasca u San Marzano Oliveto.
Għall-muniċipalitajiet tal-aħħar, it-territorju huwa demarkat kif ġej:
Bubbio u Loazzolo: il-parti tat-territorju fuq ix-xatt tax-xellug tax-Xmara Bormida;
Castagnole Lanze: iż-żona li tinsab fuq ix-xatt tal-lemin tax-xmajra Tinella;
Costigliole d’Asti: il-parti tat-territorju li tinsab fuq ix-xatt tal-lemin tax-xmajra Tinella sal-irħajjel ta’ Boglietto, u minn hemm sal-intersezzjoni mal-SP [triq provinċjali] 23A, u t-territorju tal-irħajjel ta’ Burio u dak ta’ Bionzo demarkati mill-intersezzjoni tal-SP 23A, l-SP 23 u l-SP 59;
Moasca: żona żgħira fin-Nofsinhar tat-territorju muniċipali li tmiss ma’ Calosso, Canelli u San Marzano Oliveto. Il-konfini tgħaddi mill-Punent għal-Lvant, tul l-SP 41/A sar-Regione Cascine. Mir-Regione Cascine sar-Regione Annunziata (SP 6) permezz tar-Regione Radice. Mir-Regione Annunziata sa Moasca tul l-SP 109 u l-SP 41/A. Fir-raħal ta’ Moasca, ir-rotta tieħu r-Regione Chierina u tkompli ’l isfel tul il-wied sas-salib it-toroq għar-Regione San Colombano;
San Marzano Oliveto: iż-żona fit-Tramuntana tal-muniċipalità li tmiss ma’ Castelnuovo Calcea u Nizza Monferrato ma hijiex inkluża. Il-konfini tgħaddi mill-Punent għal-Lvant, tibqa’ sejra lejn in-Nofsinhar minn Moasca, mis-salib it-toroq mar-Regione San Colombano lejn Chierina, sal-SP 50. Fis-salib it-toroq mal-SP 50, tmur lejn il-Lvant lejn San Marzano Oliveto, tul l-SP 50 sal-punt fejn iddur għar-Regione Italiana. Mill-punt fejn iddur għar-Regione Italiana, tkompli sal-Knisja ta’ San Antonio. Mill-Knisja ta’ San Antonio tinżel f’direzzjoni lejn ix-Xlokk lejn l-SP 50. Tul l-SP 50, tipproċedi lejn il-Grigal sal-Knisja ta’ Nostra Signora Annunziata fir-Regione Corte. Mill-Knisja ta’ Nostra Signora Annunziata tkompli lejn il-Lvant lejn Calamandrana sal-punt fejn iddur għall-Istrada Piazzaro [triq] fejn tasal sal-konfini tal-muniċipalità ta’ Calamandrana.
Il-Provinċja ta’ Cuneo: it-territorju kollu tal-muniċipalitajiet ta’ Castiglione Tinella, S. Stefano Belbo, u parti mit-territorji ta’ Cossano Belbo, Neive, Neviglie u Mango.
Għall-muniċipalitajiet tal-aħħar, it-territorju huwa demarkat kif ġej:
Cossano Belbo: il-parti tat-territorju fuq ix-xatt tax-xellug tax-Xmara Belbo;
Neive: il-parti tat-territorju fuq ix-xatt tal-lemin tax-xmajra Tinella;
Neviglie: il-parti tat-territorju fuq il-lemin tax-xmajra Tinella;
Mango: il-parti tat-territorju fit-Tramuntana tal-SP 270 sas-salib it-toroq mal-SP 265, u mbagħad tkompli tul l-SP 265 sas-salib it-toroq mal-SP 200, imbagħad tkompli lejn it-Tramuntana tul l-SP 200 sal-konfini ma’ Neviglie.
7. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed
Moscato Bianco B – Moscato
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
8.1. Dettalji taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni tad-DOP Canelli tinkludi 17-il muniċipalità fil-provinċji ta’ Asti u Cuneo. Hija żona li fiha t-tkabbir tal-varjetà tal-għeneb Moscato Bianco u l-produzzjoni tal-inbid “Moscato” hija tradizzjoni storika u kulturali qadima.
Il-karatteristiċi tal-ħamrija fiż-żona tal-produzzjoni
Iż-żona tal-produzzjoni tal-inbejjed tad-DOP Canelli tinsab fis-serbut għoljiet tul l-istrixxa li tgħaddi tul naħa tal-provinċji ta’ Asti u Cuneo. Iż-żona tinsab bejn ix-Xmara Tanaro u x-Xmara Bormida, fil-wied tax-xmajra Belbo, b’altitudnijiet li jvarjaw minn 165 sa 500 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Tirrappreżenta serbut għoljiet tul il-konfini bejn Langhe u Monferrato, b’ħamrija mingħajr blat iffurmata mis-sediment tal-baħar. Depożiti ta’ lom ramli, lom u tafal, u ġebla tal-ġir, b’ammont baxx ta’ materja organika, mill-era Terzjarja fil-Piemonte.
F’din iż-żona, il-ħamrija tista’ tiġi kkaratterizzata billi ssir distinzjoni bejn żewġ żoni skont l-altitudni u l-oriġini tal-ħamrija, kif muri fuq il-mappa tal-ħamrija tar-Reġjun tal-Piemonte:
|
— |
it-territorju fil-muniċipalitajiet ta’ Neive, Coazzolo, Castiglione Tinella, Calosso, Costigliole d’Asti, Moasca, San Marzano Oliveto, u Calamandrana, f’altitudnijiet bejn 150 u 400 metru b’ħamrija tal-lom u tat-tafal fuq inklinazzjonijiet ġentili; |
|
— |
it-territorju fil-muniċipalitajiet ta’ Neviglie, Mango, Cossano, Camo, Santo Stefano Belbo, Loazzolo, Cassinasco u Canelli, f’altitudnijiet bejn 180 u 600 metru, b’ħamrija tal-lom ramli, b’saffi differenti, u partikolarment wieqaf. |
Il-karatteristiċi tal-klima fiż-żona tal-produzzjoni
Il-klima hija tipika tal-Wied tal-Po (kontinentali u moderata), bi sjuf sħan ħafna u tqal u xtiewi kesħin u mimlija borra. Ix-xita tagħmel l-iżjed fir-rebbiegħa u l-ħarifa. Hija skarsa u inqas mill-medja nazzjonali. Id-dwieli huma l-wiċċ tar-raba’ ewlieni fiż-żona. Il-varjetà tal-għeneb imkabbra l-aktar hija l-Moscato Bianco. Iż-żona tal-produzzjoni hija kkaratterizzata mis-somma tat-temperaturi attivi ta’ aktar minn 10 °C (somma tat-temperaturi ta’ 10) ekwivalenti għal 2 200 grad ġranet, b’ammont ta’ xita annwali ekwivalenti għal 900 mm mifrux fuq 120 jum ta’ xita fis-sena. Din hija meqjusa bħala klima moderata tal-Wied tal-Po. Il-pajsaġġ jitla’ u jinżel bil-qċaċet tal-għoljiet jitilgħu bejn 300 u 500 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Bħala riżultat, iż-żona hija ventilata u hemm skular tal-ilma żejjed. L-umdità relattiva hija inqas minn f’altitudnijiet aktar baxxi. It-taħlita tal-pajsaġġ u tal-klima tippermetti lill-għeneb tal-Moscato Bianco jsir kif suppost.
8.2. Il-kwalitajiet jew il-karatteristiċi tal-prodott li jistgħu jiġu attribwiti primarjament jew għalkollox għall-ambjent ġeografiku
Fiż-żona tal-produzzjoni tal-inbejjed tad-DOP Canelli, il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima jinfluwenzaw l-iżvilupp tad-dwieli, speċjalment iż-żmien meta joħorġu l-fjuri u tal-ħsad, iżda wkoll l-iżvilupp tal-mard, b’mod partikolari l-moffa tat-trab.
Speċifikament, hemm varjazzjoni notevoli fit-temperatura matul il-ġurnata, li hija meħtieġa biex tiżviluppa l-kumplessità aromatika, karatteristika fiżjoloġika tal-Moscato Bianco. Il-varjetà tal-għeneb tikber tajjeb fil-mikroklima tal-għoljiet madwar Canelli. L-Università ta’ Turin u r-Reġjun tal-Piemonte wettqu studji dwar “Characteristics, development and diversification of Moscato products in its production area”. Dawn l-istudji wrew kif l-altitudni u l-aspett jinfluwenzaw l-iżvilupp taz-zokkrijiet, il-livelli ta’ aċidità, speċjalment l-aċidu maliku, u l-aromi (linalool ħieles).
Il-ħamrija, li toriġina mill-era Terzjarja, hija ta’ karattru tas-sediment tal-baħar u fiha lom kalkarju stratifikat griż. Hija diffiċli biex tinħadem u ma għandhiex il-fertilità meħtieġa biex jitkabbru ċ-ċereali, biex b’hekk tiżgura s-saħħa xierqa tad-dwieli u, fil-perjodu qabel il-ħsad, ittejjeb il-kumplessità tal-komposti aromatiċi (terpeni) li huma karatteristiċi tal-Moscato Bianco. Dan ma kienx ikun possibbli b’ħamrija taflija, li minflok kieku tipproduċi għeneb b’inqas finezza aromatika.
L-inbejjed tad-DOP Canelli fil-Kategorija 1 (Inbid) jieħdu l-karatteristiċi li ġejjin mill-karatteristiċi deskritti hawn fuq.
|
— |
Kulur: ivarja minn isfar ċar lewn it-tiben, kultant bi sfumaturi ħadranin, għal isfar dehbi jgħajjat qawwi wara l-maturazzjoni u t-tqaddim; |
|
— |
Aroma: aromi karatteristiċi tal-għeneb Moscato, ifuħu b’noti ta’ fjuri bil-potenzjal li jiżviluppaw minn fjuri selvaġġi u akaċja għal noti ta’ frott bħall-berquq, il-ħawħ u t-tuffieħ Reinette bi ħjiel ta’ frott taċ-ċitru u għasel u kultant b’noti erbaċej friski; |
|
— |
l-istil “Riserva” jista’ jkollu wkoll noti ta’ frott tal-ħawħ u taċ-ċitru; noti erbali aromatiċi ta’ intensità li tvarja, bħal salvja, melissa u timu; kultant, bit-tqaddim, jista’ jkun hemm noti perċettibbli ta’ konfettura, petrol u ħwawar ħelwin bħaż-żagħfran. |
|
— |
Togħma: ħelwa, finitura aromatika li hija karatteristika tal-għeneb Moscato, mimlija togħma, b’aċidità iżda bbilanċjata mal-ħlewwa; tista’ tkun vivaċi; |
|
— |
qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum ta’ 12,00 %, bil-qawwa alkoħolika proprja tkun bejn 4,50 % u 6,50 %; |
|
— |
aċidità totali minima tajba, 4,5 g/l, li tgħin tibbilanċja l-kontenut taz-zokkor; |
|
— |
Estratt minimu mingħajr zokkor: 16,0 g/l |
Meta jiġi rilaxxat għall-konsum, id-DOP Canelli huwa nbid li, meta jinfetaħ il-kontenitur, jitlaq id-diossidu tal-karbonju derivat esklużivament mill-fermentazzjoni; għandu pressjoni żejda ta’ mhux aktar minn 2,5 bar meta jinżamm f’temperatura ta’ 20 °C f’kontenituri magħluqa.
8.3. Fatturi umani
Il-fatturi umani huma essenzjali fl-ambjent ġeografiku ta’ [DOP] Canelli. Fil-fatt, mill-aħħar tas-seklu 19 ’l hawn, ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ produtturi rfinaw it-tekniki speċjali involuti fil-produzzjoni ta’ nbejjed mill-għeneb Moscato Bianco.
F’termini tal-agrikoltura, fiż-żona tal-produzzjoni tal-inbejjed tad-DOP Canelli, il-varjetà tal-għeneb Moscato Bianco tipikament tkun soġġetta għaż-żbir fl-istil Guyot. Din hija sistema ta’ żbir imħallat li tinvolvi qasba ta’ sostituzzjoni b’bejn tmien u għaxar għejun u fergħa waħda. Dan it-tip ta’ żbir intgħażel bil-għan li jipproduċi kwalità għolja f’ħamrija fqira. It-tul tal-qasba huwa l-mod primarju kif jiġu rregolati l-produzzjoni u, konsegwentement, il-kwalità tal-għeneb. It-tħarriġ fuq il-kannizzati bil-pożizzjonament vertikali tan-nebbieta huwa l-uniku metodu ta’ tħarriġ. Id-distanza bejn il-wajers tat-tħarriġ tvarja minn 2,5 metri fiż-żoni fejn il-mekkanizzazzjoni hija possibbli, sa 1,8 metru fiż-żoni fejn id-dwieli jiġu mmaniġġjati bl-idejn. Id-distanza bejn id-dwieli individwali qatt ma tkun aktar minn metru. Id-dwieli huma mħarrġa l-iżjed tul il-kontorni tal-art. Ftit hemm lok għall-mekkanizzazzjoni u l-immaniġġjar tad-dwieli jeħtieġ ammont konsiderevoli ta’ xogħol bl-idejn.
Illum, bis-saħħa tal-għarfien espert fil-qasam tad-DOP Canelli, huwa possibbli li tiġi kkontrollata b’mod effettiv il-qawwa alkoħolika proprja bl-użu tal-metodu tal-interruzzjoni tal-fermentazzjoni permezz ta’ temperaturi baxxi flimkien ma’ tekniki fiżiċi. Dan għandu tliet konsegwenzi ewlenin:
|
— |
iż-żamma tal-livell taz-zokkor fil-prodott finali; |
|
— |
il-ħolqien ta’ ftit pressjoni żejda li hija responsabbli għall-vivaċità u r-ragħwa delikata tal-prodott; |
|
— |
il-preservazzjoni tal-aromi karatteristiċi tal-għeneb Moscato Bianco li, fiż-żona ta’ Canelli, huma partikolarment evidenti minħabba l-istruttura tal-ħamrija. |
Skont il-fehim attwali, huwa ċar li l-għażliet agrikoli u enoloġiċi li saru fil-passat kienu l-aktar effettivi għall-iżvilupp tal-komponenti aromatiċi tal-varjetà Moscato Bianco, imkabbra fiż-żona tal-produzzjoni ta’ Canelli.
Il-karatteristiċi speċifiċi u l-kwalità tal-inbejjed miż-żona tal-produzzjoni ta’ Canelli intwerew biċ-ċar waqt sessjonijiet ta’ dewqan tul numru ta’ snin, fejn it-togħmiet tiegħu dejjem ġew espressi, irrispettivament mis-snin tal-maturazzjoni, b’mod konsistenti mal-karatteristiċi tal-vendemmja, li tiżvela bilanċ perfett b’interazzjoni ammirevoli bejn l-aċidità u l-ħlewwa, struttura kbira u togħma qawwija li jsostnu finitura twila.
L-analiżijiet organolettiċi wrew li l-aktar karatteristika importanti tal-prodott hija l-persistenza akbar tat-togħmiet u l-aromi meta mqabbla mal-prodotti standard disponibbli fis-suq. Din hija karatteristika importanti u rikonoxxuta, li hija rikonoxxuta ulterjorament fil-klassifikazzjoni bl-użu tat-terminu “Riserva”.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli
Deroga fuq il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata
Qafas ġuridiku:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Deroga fuq il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
Il-vinifikazzjoni u t-tqaddim tal-inbejjed tad-DOP Canelli jridu jsiru fiż-żona ġeografika demarkata tal-produzzjoni. Madankollu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE u nazzjonali, l-attivitajiet imsemmija hawn fuq huma permessi li jsiru f’żona qrib iż-żona ġeografika demarkata inkwistjoni, jew f’żona li tinsab fl-istess unità amministrattiva jew f’unità amministrattiva li tmiss magħha, kif speċifikat hawn taħt:
|
— |
fi kwalunkwe post fit-territorju amministrattiv tal-muniċipalitajiet parteċipanti, anke jekk parzjalment biss, fiż-żona tal-produzzjoni; |
|
— |
fi kwalunkwe post fit-territorju tal-provinċji ta’ Alessandria, Asti u Cuneo, u fl-irħajjel ta’ Pessione, parti mill-muniċipalità ta’ Chieri, Turin. |
L-ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata
Qafas ġuridiku:
Il-leġiżlazzjoni tal-UE
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
L-ippakkjar fiż-żona ġeografika demarkata
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
F’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, l-ibbottiljar irid isir fiż-żona li fiha jkun sar u tqaddem l-inbid. Dan biex tiġi ppreservata r-reputazzjoni tal-inbejjed tad-DOP permezz ta’ monitoraġġ akbar tal-karatteristiċi partikolari tagħhom u tal-kwalità tagħhom. Dan il-monitoraġġ huwa miżura protettiva għad-denominazzjoni li hija ta’ benefiċċju għall-operaturi kollha involuti. Huwa ċar li t-trasport u l-ibbottiljar barra miż-żona tal-produzzjoni jistgħu jikkompromettu l-kwalità tal-inbid Canelli, peress li jista’ jkun espost għal reazzjonijiet ta’ ossidoriduzzjoni, bidliet f’daqqa fit-temperatura u kontaminazzjoni mikrobijoloġika. Dan jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, bħall-aċidità totali minima jew l-estratt minimu mingħajr zokkor, u fuq il-karatteristiċi organolettiċi bħall-kulur, l-aroma u t-togħma. B’mod partikolari, jista’ jaffettwa l-komponent aromatiku tipiku u delikat tal-għeneb Moscato li minnu jiġu prodotti l-inbejjed tad-DPO. Iktar kemm l-inbid jiġi ttrasportat ’il bogħod, iktar jiżdied ir-riskju. Min-naħa l-oħra, l-ibbottiljar fiż-żona tal-oriġini jgħin biex jiġu ppreservati l-karatteristiċi u l-kwalità tal-prodott, peress li l-kunsinni tal-inbid jiġu ttrasportati biss għal distanzi qosra, jekk mhux xejn. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jingħaqdu mal-esperjenza u l-għarfien tekniku u xjentifiku komprensiv tal-kwalitajiet partikolari tal-inbejjed miksuba mill-produtturi tad-DOP Canelli matul is-snin. Bħala riżultat, l-ibbottiljar jista’ jsir fiż-żona tal-oriġini bl-aħjar soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-preservazzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi kollha tal-inbejjed inklużi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-faċilitajiet tal-ibbottiljar barra miż-żona tal-produzzjoni jistgħu tabilħaqq jipprovdu l-istess kundizzjonijiet teknoloġiċi għall-ippakkjar. Madankollu, l-aħjar kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq żgur li jintlaħqu b’mod aktar effettiv jekk l-ibbottiljar isir minn stabbilimenti bbażati fiż-żona tal-produzzjoni. Dawn l-istabbilimenti, minbarra li għandhom fehim profond tal-kwalitajiet speċifiċi ta’ dan l-inbid, għandhom interess dirett fil-preservazzjoni tal-livell ta’ kwalità, l-immaġni u r-reputazzjoni tad-denominazzjoni. F’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, l-ibbottiljar fiż-żona tal-produzzjoni huwa maħsub biex jippermetti lill-korp kompetenti jagħmel il-monitoraġġ bl-akbar effikaċja, effiċjenza u ekonomija. Dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jiġu assigurati bl-istess mod barra miż-żona tal-produzzjoni. Il-korp ta’ kontroll li jwettaq il-verifika annwali tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jista’ jiskeda malajr ħafna ż-żjarat ta’ spezzjoni fl-impriżi kollha involuti fiż-żona ta’ produzzjoni meta l-inbid Canelli jkun qed jiġi bbottiljat, f’konformità mal-pjan ta’ spezzjoni rispettiv. L-għan huwa l-verifika b’mod sistematiku li jkunu jistgħu jiġu bbottiljati biss il-konsenji tal-inbid Canelli li l-ewwel ikunu ġew iċċertifikati li għaddew mit-testijiet fiżikokimiċi u organolettiċi mwettqa mill-korp ta’ spezzjoni. Dan jagħmilha possibbli li jinkisbu riżultati aħjar f’termini tal-effikaċja tal-verifiki, bi spiża limitata għall-produtturi, bl-għan li joffru lill-konsumaturi l-garanziji massimi rigward l-awtentiċità tal-inbid.
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Qafas ġuridiku:
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Deskrizzjoni tar-rekwiżit:
|
— |
L-isem Canelli huwa immedjatament segwit mit-terminu tradizzjonali “denominazione di origine controllata e garantita” jew l-akronimu tiegħu DOCG, jew mit-terminu ekwivalenti tal-UE “Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta”. Sussegwentement, fejn applikabbli, jissemmew l-għeneb Moscato u t-terminu “Riserva”. |
|
— |
Ir-referenza fakultattiva għall-għeneb Moscato għandha tidher b’ittri ta’ mhux aktar minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri użati għad-denominazzjoni Canelli. |
|
— |
It-terminu “Riserva”, fejn jintuża, irid jidher f’ittri ta’ daqs mhux akbar mill-ittri użati għad-denominazzjoni Canelli. |
|
— |
It-terminu “vigna” segwit mill-isem tal-vinja għandu jkun f’ittri mhux aktar minn nofs id-daqs tal-ittri użati għad-denominazzjoni. |
|
— |
Mhux permess li jissemma l-kulur. |
|
— |
Huwa obbligatorju li tissemma l-vendemmja. |
|
— |
Il-fliexken li fihom jiġu ppakkjati u mqiegħda fis-suq l-inbejjed tad-DOP għandhom ikunu tal-ħġieġ, u jikkorrispondu għall-istili stabbiliti fir-regoli nazzjonali u tal-UE, bil-kapaċità permessa mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ, speċifikament bejn 0,375 u 6 litri, minbarra d-daqs ta’ 2 litri. |
|
— |
Għall-għeluq tal-fliexken tal-inbejjed tad-DOP, jistgħu jintużaw il-formoli permessi skont ir-regoli fis-seħħ dwar il-materjali, eskluż il-kapsun. |
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/17484