31.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 36/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għan-networks tal-broadband

(2023/C 36/01)

Werrej

1.

INTRODUZZJONI 3

2.

AMBITU, DEFINIZZJONIJIET, TIPI TA’ NETWORKS TAL-BROADBAND 4

2.1

Ambitu 4

2.2

Definizzjonijiet 5

2.3

Tipi ta’ networks tal-broadband 6

2.3.1

Networks ta’ aċċess ultraveloċi fissi 7

2.3.2

Networks ta’ aċċess mobbli 7

2.3.3

Backhauls 8

3.

VALUTAZZJONI TAL-KOMPARABBILTÀ SKONT L-ARTIKOLU 106(2) TAT-TRATTAT 8

4.

VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ SKONT L-ARTIKOLU 107(3), IL-PUNT (C), TAT-TRATTAT 9

5.

GĦAJNUNA GĦAT-TNEDIJA TA’ NETWORKS TAL-BROADBAND 10

5.1

L-ewwel kundizzjoni: il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta’ attività ekonomika 10

5.1.1

Networks li jiffaċilitaw l-attivitajiet ekonomiċi 10

5.1.2

L-effett ta’ inċentiv 10

5.1.3

Konformità ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni 11

5.2

It-tieni kundizzjoni: l-għajnuna ma tistax taffettwa indebitament il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tmur kontra l-interess komuni 11

5.2.1

L-effetti pożittivi tal-għajnuna 11

5.2.2

In-neċessità ta’ intervent mill-Istat 11

5.2.3

L-adegwatezza tal-għajnuna bħala strument ta’ politika 18

5.2.4

Proporzjonalità tal-għajnuna 21

5.2.5

It-trasparenza, ir-rapportar, il-monitoraġġ tal-għajnuna 28

5.3

Effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ 28

5.4

Il-bilanċ tal-effetti pożittivi tal-għajnuna kontra l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ 28

6.

VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-MIŻURI TA’ DIFFUŻJONI 29

6.1

Vawċers soċjali 30

6.2

Vawċers tal-konnettività 31

6.2.1

L-ewwel kundizzjoni: il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta’ attività ekonomika 31

6.2.2

It-tieni kundizzjoni: l-għajnuna ma tistax taffettwa b’mod mhux xieraq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni 31

7.

TRASPARENZA, RAPPORTAR, MONITORAĠĠ 32

7.1

Trasparenza 32

7.2

Rapportar 33

7.3

Monitoraġġ 33

8.

PJAN TA’ EVALWAZZJONI EX POST 33

9.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI 34

ANNESS I

Immappjar tan-netwerks tal-aċċess fiss u mobbli – l-aħjar prattiki msemmija fit-taqsima 5.2.2.4.1 ta’ dawn il-linji gwida 35

ANNESS II

Informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata mill-Istati Membri skont il-paragrafu 202(b) ta’ dawn il-linji gwida 39

ANNESS III

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri skont il-paragrafu 208 ta’ dawn il-linji gwida 41

ANNESS IV

Interventi tipiċi għas-sostenn tal-broadband 42

1.   INTRODUZZJONI

1.

Il-konnettività hija element kostitwenti fundamentali tat-trasformazzjoni diġitali. Hija ta’ importanza strateġika għat-tkabbir u għall-innovazzjoni fis-setturi ekonomiċi kollha tal-Unjoni u għall-koeżjoni soċjali u territorjali.

2.

L-Unjoni stabbiliet objettivi ambizzjużi ta’ konnettività fil-Komunikazzjoni dwar il-Gigabits (1), fil-komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” (2), fil-komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali (3) u fil-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar il-Perkors għad-Deċennju Diġitali (4) (il-proposta DDPP).

3.

Fil-Komunikazzjoni dwar il-Gigabits, il-Kummissjoni stabbiliet l-objettivi ta’ konnettività li ġejjin għall-2025: (a) l-unitajiet domestiċi kollha tal-Unjoni, rurali jew urbani, għandu jkollhom konnettività tal-internet b’veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 100 Mbps, li tista’ tiżdied għal 1 Gbps; (b) il-fatturi soċjoekonomiċi, bħall-intrapriżi diġitalment intensivi, l-iskejjel, l-isptarijiet u l-amministrazzjoni pubblika għandhom jibbenefikaw minn veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u minn veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 1 Gbps; u (c) iż-żoni urbani kollha u r-rotot ewlenin kollha tat-trasport għandu jkollhom kopertura 5G mingħajr interruzzjoni (5).

4.

Il-Komunikazzjoni dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa tispjega li l-espressjoni “100 Mbps, li tista’ tiġi aġġornata għal veloċità bil-Gigabits” tirrifletti l-aspettattiva tal-Kummissjoni li, aktar ma jgħaddi żmien fid-deċennju, l-unitajiet domestiċi se jkollhom bżonn dejjem aktar ta’ veloċità ta’ 1 Gbps (6).

5.

Il-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali tiddikjara, bħala l-objettiv tal-konnettività għall-2030, li l-unitajiet domestiċi kollha tal-Unjoni għandhom ikunu koperti minn network tal-Gigabits (7), u ż-żoni popolati kollha għandhom ikunu koperti mill-5G (8). Il-proposta dwar id-DDPP tissottolinja li “Il-ħtiġijiet tas-soċjetà għall-wisa’ tal-banda tad-download u tal-upload qegħdin jiżdiedu b’mod kostanti. Sal-2030, in-networks b’veloċitajiet tal-gigabits għandhom ikunu disponibbli f’kundizzjonijiet aċċessibbli għal dawk kollha li jeħtieġu jew jixtiequ din il-kapaċità” (9).

6.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni għall-2025 u għall-2030, huwa meħtieġ investiment adegwat. Investimenti bħal dawn jiġu primarjament minn investituri privati u jistgħu jiġu kkomplementati, meta jkun neċessarju, minn fondi pubbliċi, f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

7.

Il-pandemija tal-COVID-19 issottolinjat l-importanza tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi effiċjenti għan-nies, għan-negozji u għall-istituzzjonijiet pubbliċi. Fis-27 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal pjan ta’ rkupru kbir sabiex jiġi mmitigat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija, in-NextGenerationEU (10). Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) hija parti minn dak il-pjan. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tar-RRF hija li tappoġġa t-tranżizzjoni diġitali, permezz ta’ miżuri ta’ konnettività mmirati b’mod partikolari sabiex jitnaqqas id-“distakk diġitali” bejn iż-żoni urbani u dawk rurali u sabiex jindirizzaw il-fallimenti tas-suq fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ networks performanti. Ir-Regolament (UE) 2021/241 jeħtieġ li kull Stat Membru jiddedika mill-anqas 20 % tal-finanzjament allokat għal miżuri li jrawmu t-tranżizzjoni diġitali.

8.

Barra minn hekk, in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jgħinu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà. L-objettiv tal-Unjoni għall-2050 tan-newtralità klimatika, kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (12) u fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), ma jistax jintlaħaq mingħajr trasformazzjoni diġitali fundamentali tas-soċjetà. Wieħed mill-komponenti essenzjali tat-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni huwa l-iżvilupp ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi siguri u performanti li jgħinu sabiex isir kontribut importanti għall-objettivi ambjentali ewlenin tal-Unjoni. Fl-istess ħin, in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi nfushom se jkollhom isiru aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi.

9.

Is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għadda minn proċess ta’ liberalizzazzjoni magħmul bir-reqqa u issa huwa soġġett għal regolamentazzjoni settorjali. Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) tipprovdi l-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.

10.

Il-politika tal-kompetizzjoni, u b’mod partikolari r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għandhom rwol importanti x’jaqdu fit-twettiq tal-objettivi tal-istrateġija diġitali u fl-iżvilupp ta’ strateġija ta’ investiment ikkoordinata għall-konnettività. L-iskop tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-broadband huwa li jiġi żgurat li l-għajnuna mill-Istat tirriżulta f’livell ogħla ta’ kopertura u ta’ użu tal-broadband milli jkun il-każ mingħajr intervent mill-Istat, filwaqt li tappoġġa servizzi ta’ kwalità ogħla, bi prezzijiet aktar raġonevoli u investimenti favur il-kompetizzjoni. Kwalunkwe intervent mill-Istat għandu jillimita kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ esklużjoni tal-investimenti privati, ta’ tibdil fl-inċentivi ta’ investiment kummerċjali u fl-aħħar mill-aħħar ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li tmur kontra l-interess komuni.

11.

Fl-2020, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni tal-Linji Gwida dwar il-Broadband tal-2013 (15) sabiex tivvaluta jekk kinux għadhom adatti għall-iskop tagħhom. Ir-riżultati (16) wrew li għalkemm, fil-prinċipju, ir-regoli ħadmu b’mod effettiv, kienu meħtieġa aġġustamenti mmirati sabiex jirriflettu l-iżviluppi riċenti fis-suq u fit-teknoloġija u jitqiesu l-iżviluppi leġiżlattivi u l-prijoritajiet kurrenti (17).

2.   AMBITU, DEFINIZZJONIJIET, TIPI TA’ NETWORKS TAL-BROADBAND

2.1.   Ambitu

12.

Sabiex jiġi evitat li l-għajnuna mill-Istat twassal indebitament għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u taffettwa b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) jistabbilixxi l-prinċipju li l-għajnuna mill-Istat hija pprojbita. Madankollu, f’ċerti każijiet, dik l-għajnuna tista’ tkun kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(2) u 107(3) tat-Trattat.

13.

L-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe pjanijiet biex tingħata l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, sakemm l-għajnuna ma tkunx tagħmel parti minn waħda mill-kategoriji li huma eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika skont l-Artikolu 109 tat-Trattat (18).

14.

Dawn il-Linji gwida jipprovdu gwida dwar kif il-Kummissjoni tivvaluta, fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2), l-Artikolu 107(2)(a) u l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fit-tnedija u l-d-diffużjoni ta’ networks fissi u mobbli ta’ servizzi tal-broadband.

15.

L-interventi mill-Istat li ma jissodisfawx waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, dawn ma humiex soġġetti għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà stabbiliti f’dawn il-Linji gwida.

16.

B’mod partikolari, finanzjament mill-Unjoni li huwa ġestit ċentralment mill-istituzzjonijiet, mill-aġenziji, mill-impriżi konġunti jew minn korpi oħrajn tal-Unjoni u li mhux direttament jew indirettament fil-kontroll tal-Istati Membri (19) ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

17.

L-għajnuna fit-tnedija u għad-diffużjoni ta’ networks u ta’ servizzi tal-broadband ma tistax tingħata lil impriżi f’diffikultà kif stabbilit mil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (20).

18.

Meta tkun qiegħda tiġi vvalutata għajnuna favur impriża li hija soġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tkun iddikjarat li għajnuna hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni tqis l-ammont ta’ għajnuna li jkun għadu jrid jiġi rkuprat (21).

2.2.   Definizzjonijiet

19.

Għall-iskopijiet ta’ dawn il-Linji gwida, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“network tal-broadband” tfisser network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif definit fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, li jwassal servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tal-broadband (“servizzi tal-broadband”);

(b)

“network ta’ aċċess” tfisser is-segment ta’ network tal-broadband li jgħaqqad il-backhaul mal-bini jew mal-apparati tal-utent finali;

(c)

“network ta’ aċċess fiss” tfisser network tal-broadband li jipprovdi servizzi ta’ trażmissjoni ta’ data lill-utenti finali f’post fiss bl-użu ta’ varjetà ta’ teknoloġiji, inkluż bil-kejbil, bil-linja diġitali tal-abbonat (“DSL”), bil-fibrottika, u mingħajr wajers;

(d)

“network ta’ aċċess ultraveloċi fiss” tfisser network ta’ aċċess fiss li jipprovdi servizzi tal-broadband b’veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 100 Mbps (“servizzi tal-broadband ultraveloċi fissa”);

(e)

“network ta’ aċċess mobbli” tfisser network ta’ komunikazzjonijiet mingħajr wajers li jipprovdi konnettività lill-utenti finali fi kwalunkwe post fiż-żona koperta min-network bl-użu ta’ standard wieħed jew aktar tat-Telekomunikazzjoni Mobbli Internazzjonali (“IMT”);

(f)

“backhaul” tfisser il-parti ta’ network li tgħaqqad in-network ta’ aċċess mas-sinsla tan-network. Hija l-parti tan-network fejn jingħaqad it-traffiku lejn l-utenti finali;

(g)

“is-sinsla tan-network” tfisser in-network nukleu li jgħaqqad flimkien il-backhauls minn żoni jew reġjuni ġeografiċi differenti;

(h)

“network attiv” tfisser network tal-broadband b’komponenti attivi (pereżempju transponders, routers u swiċċijiet, antenni attivi) u komponenti passivi (pereżempju tubi, lasti, arbli, fibri skuri, kabinetti u toqob tal-ispezzjonar);

(i)

“infrastruttura” tfisser network tal-broadband mingħajr ebda komponent attiv u li tipikament jinkludi infrastruttura fiżika, kif definita fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (2) tad-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), u kejbils (inklużi fibra skura u kejbils tar-ram);

(j)

“ħin bl-iktar użu intensiv” huwa l-ħin tal-ġurnata li tipikament idum siegħa li matulu t-tagħbija tan-network normalment tilħaq il-livell massimu tagħha;

(k)

“il-kundizzjonijiet tal-ħin bl-iktar użu intensiv” tfisser il-kundizzjonijiet li fihom in-network ikun mistenni li jopera fil-ħin bl-iktar użu intensiv;

(l)

“bini servut” tfisser il-bini tal-utenti finali li lilu, fuq talba mill-utenti finali u fi żmien 4 ġimgħat mid-data tat-talba, operatur jista’ jipprovdi servizzi tal-broadband (irrispettivament minn jekk dak il-bini jkunx diġà konness man-network jew le). Il-prezz mitlub mill-operatur biex jipprovdi dak is-servizzi tal-broadband fil-bini tal-utenti finali f’dan il-każ ma jistax ikun ogħla mit-tariffi normali tal-konnessjoni. Dan ifisser li ma jistax jinkludi spejjeż addizzjonali jew eċċezzjonali meta mqabbel mal-prattika kummerċjali standard u, fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun ogħla mill-prezz tas-soltu fl-Istat Membru kkonċernat. Dak il-prezz irid jiġi ddeterminat mill-awtorità nazzjonali kompetenti;

(m)

“perjodu ta’ żmien rilevanti” tfisser perjodu ta’ żmien użat sabiex jiġu vverifikati l-investimenti privati ppjanati u li jikkorrispondi għall-perjodu ta’ żmien stmat mill-Istat Membru għat-tnedija tan-network ippjanat iffinanzjat mill-Istat, li jibda mill-mument tal-pubblikazzjoni tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-intervent ippjanat mill-Istat sat-tħaddim tan-network, jiġifieri sal-bidu tal-provvista ta’ servizzi għall-operaturi jew fil-livell tal-konsumatur fuq in-network iffinanzjat mill-Istat. Il-perjodu ta’ żmien rilevanti kkunsidrat ma jistax ikun iqsar minn sentejn;

(n)

“bini eċċessiv” tfisser it-tnedija ta’ network iffinanzjat mill-Istat b’mod addizzjonali għal network wieħed jew aktar eżistenti f’ċerta żona;

(o)

“esklużjoni” tfisser effett ekonomiku ta’ intervent mill-Istat li jwassal għad-diżinċentivar, għall-prevenzjoni, għat-tnaqqis jew saħansitra għall-eliminazzjoni ta’ investimenti privati. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk l-investituri privati jaraw li l-profittabbiltà tal-investiment preċedenti jew ippjanat tagħhom tonqos minħabba għajnuna mill-Istat għal investiment alternattiv, li jista’ jwassalhom sabiex jiddeċiedu li jnaqqsu, iwaqqfu, ibiddlu l-investiment tagħhom, jirtiraw għalkollox mis-suq jew jiddeċiedu li ma jidħlux f’suq ġdid jew f’żona ġeografika;

(p)

“bidla gradwali” tfisser titjib sinifikanti miksub min-networks iffinanzjati mill-Istat, li jġib miegħu investimenti sostanzjali ġodda fin-networks tal-broadband u kapaċitajiet ġodda sinifikanti fis-suq f’termini ta’ disponibbiltà, ta’ kapaċità jew ta’ veloċità tas-servizzi tal-broadband jew f’termini ta’ karatteristiċi rilevanti oħrajn tan-network u tal-kompetizzjoni;

(q)

“distakk diġitali” tfisser id-distakk bejn iż-żoni jew ir-reġjuni li għandhom aċċess għal servizzi adegwati tal-broadband u dawk li ma għandhomx.

2.3.   Tipi ta’ networks tal-broadband

20.

Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, dawn il-linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn networks ta’ aċċess ultraveloċi fissi, networks ta’ aċċess mobbli u backhauls, kif deskritti ulterjorment fit-Taqsimiet 2.3.1, 2.3.2 u 2.3.3. “Networks ta’ aċċess ultraveloċi fissi” u “networks ta’ aċċess mobbli” jintużaw b’mod alternanti ma’ “networks fissi” u, rispettivament, ma’ “networks mobbli”. Il-veloċitajiet kollha msemmija f’dawn il-Linji gwida jirreferu għall-kundizzjonijiet tal-ħin bl-iktar użu intensiv.

2.3.1.    Networks ta’ aċċess ultraveloċi fissi

21.

Fl-istadju kurrenti tal-iżvilupp teknoloġiku, hemm tipi differenti ta’ networks ta’ aċċess ultraveloċi fissi, inklużi: (a) networks ta’ aċċess ibbażati fuq il-fibra (FTTx) (23); u (b) networks bil-kejbil aġġornati avvanzati li jużaw tal-anqas l-istandard “DOCSIS 3.0” (24). Networks mingħajr wajers bħal ċerti networks ta’ aċċess mingħajr wajers fissi (25) u networks satellitari (26) wkoll jistgħu jkunu kapaċi jipprovdu servizzi tal-broadband ultraveloċi fiss.

2.3.2.    Networks ta’ aċċess mobbli

22.

Fl-istadju kurrenti tal-iżvilupp tas-suq u dak teknoloġiku, jikkoeżistu diversi ġenerazzjonijiet ta’ teknoloġiji mobbli (27).

23.

It-tranżizzjoni lejn kull ġenerazzjoni mobbli ġdida ġeneralment tkun inkrementali (28). Fl-istadju kurrenti, in-networks 4G qed jibdew jintużaw f’xi partijiet tal-Unjoni u l-implimentazzjoni ta’ networks 5G mhux awtonomi tiddependi fuq networks eżistenti tal-Long Term Evolution (“LTE”) u LTE-Advanced tal-4G (29). Fil-futur, in-networks 5G huma mistennija jsiru progressivament awtonomi u ma jiddependux fuq in-networks 4G eżistenti. In-networks 5G awtonomi huma mistennija li jippermettu servizzi mobbli aktar performanti, inklużi latenza aktar baxxa u kapaċitajiet ta’ trażmissjoni ogħla, u se jippermettu xenarji u applikazzjonijiet avvanzati tal-użu.

24.

Sabiex jiġi żgurat użu effettiv u effiċjenti tal-ispettru tar-radju, l-Istati Membri jistgħu jimponu kundizzjonijiet għad-drittijiet individwali tal-użu għall-ispettru tar-radju, bħall-kopertura u l-kwalità tal-obbligi tas-servizz. Dawk l-obbligi jistgħu jinkludu kopertura ġeografika, tal-popolazzjoni u tal-passaġġi tat-trasport b’ċerti rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz (30).

2.3.3.    Backhauls

25.

Il-backhauls huma l-inputs neċessarji sabiex isostnu kemm in-networks ta’ aċċess fissi kif ukoll dawk mobbli. Il-backhauls jistgħu jkunu msejsa fuq soluzzjonijiet tar-ram, tal-fibrottika, tal-mikromewġ u tas-satellita (31).

3.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPARABBILTÀ SKONT L-ARTIKOLU 106(2) TAT-TRATTAT

26.

F’xi każijiet, l-Istati Membri jistgħu jikklassifikaw il-provvista ta’ servizzi tal-broadband bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (“SGEI”) skont l-Artikolu 106(2) tat-Trattat (32) u jappoġġaw it-tnedija ta’ network li jipprovdi servizzi bħal dawk. Il-kumpens għall-ispejjeż imġarrbin sabiex jiġi pprovdut dak is-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat jekk jiġu ssodisfati l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tas-sentenza Altmark (33). Il-kumpens għall-provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li jitqies bħala għajnuna jiġi evalwat f’konformità mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku (“il-pakkett ta’ SGEI”) (34).

27.

Dawn il-linji gwida juru biss id-definizzjoni ta’ SGEI, b’applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fil-pakkett ta’ SGEI għal networks tal-broadband, b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi settorjali.

28.

Dwar id-definizzjoni ta’ SGEI ġenwin, il-Kummissjoni ċċarat li l-Istati Membri ma jistgħux jorbtu obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku ma’ servizzi li diġà jkunu diġà provduti jew li jistgħu jiġu provduti b’mod sodisfaċenti u b’kundizzjonijiet, bħal prezz, karatteristiċi oġġettivi tal-kwalità, kontinwità u aċċess għas-servizz, konsistenti mal-interess pubbliku, kif definit mill-Istat Membru, minn impriżi li joperaw f’kundizzjonijiet normali tas-suq (35).

29.

Fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għas-settur tal-broadband, meta jiġi valutat in-nuqqas ta’ żball evidenti fil-klassifikazzjoni ta’ SGEI, il-Kummissjoni tqis l-elementi li ġejjin:

(a)

l-intervent tal-għajnuna mill-Istat irid jindirizza biss żoni fejn jista’ jintwera li l-investituri privati ma jkunux f’pożizzjoni li jipprovdu aċċess għal servizzi adegwati tal-broadband. F’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/1972, il-livell ta’ servizzi adegwati tal-broadband huwa stabbilit minn kull Stat Membru, fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali u tal-wisa’ tal-banda minima li jgawdu l-maġġoranza tal-konsumaturi fi Stat Membru sabiex tiġi żgurata l-wisa’ tal-banda neċessarja għal livell adegwat ta’ inklużjoni soċjali u ta’ parteċipazzjoni fl-ekonomija u fis-soċjetà diġitali fit-territorju tagħhom. Is-servizzi adegwati tal-broadband għandhom ikunu kapaċi jwasslu l-wisa’ tal-banda neċessarja għall-appoġġ ta’ mill-anqas is-sett minimu ta’ servizzi stabbilit fl-Anness V tad-Direttiva (UE) 2018/1972. Stat Membru għandu jistabbilixxi n-nuqqas ta’ servizzi adegwati tal-broadband fuq il-bażi tal-immappjar u tal-konsultazzjoni pubblika mwettqa f’konformità mat-Taqsimiet 5.2.2.4.1 u 5.2.2.4.2 (36). Il-Kummissjoni tqis li f’żoni fejn l-investituri privati diġà investew jew qegħdin jippjanaw li jinvestu f’network tal-broadband li jipprovdi aċċess għal servizzi kompetittivi tal-broadband, l-istabbiliment ta’ network tal-broadband parallel iffinanzjat mill-Istat ma jistax jiġi kklassifikat bħala SGEI skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat (37);

(b)

in-network irid joffri servizzi tal-broadband (38) universali u ekonomikament sostenibbli, fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, għal kull bini fiż-żona fil-mira. L-appoġġ biex jiġu konnessi negozji biss ma jkunx biżżejjed (39);

(c)

in-network irid ikun teknoloġikament newtrali;

(d)

il-fornitur ta’ SGEI għandu joffri aċċess bl-ingrossa miftuħ f’konformità mat-Taqsima 5.2.4.4 fuq bażi mhux diskriminatorja (40);

(e)

meta l-fornitur tal-SGEI jkun ukoll impriża integrata vertikalment, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw salvagwardji adegwati (41) sabiex jevitaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess, diskriminazzjoni bla bżonn u kwalunkwe vantaġġ indirett moħbi ieħor (42).

4.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ SKONT L-ARTIKOLU 107(3), IL-PUNT (C), TAT-TRATTAT

30.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra li l-għajnuna mill-Istat għat-tnedija jew għad-diffużjoni ta’ networks u ta’ servizzi tal-broadband tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-Trattat biss jekk l-għajnuna tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi (l-ewwel kundizzjoni), u jekk dik l-għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni (it-tieni kundizzjoni).

31.

Fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha, il-Kummissjoni teżamina ż-żewġ aspetti li ġejjin:

(a)

skont l-ewwel kundizzjoni, il-Kummissjoni teżamina jekk l-għajnuna tkunx maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi, u b’mod partikolari:

(i)

l-attività ekonomika li tiġi ffaċilitata mill-għajnuna;

(ii)

l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, b’mod partikolari l-potenzjal tal-għajnuna li tbiddel l-imġiba tal-impriżi kkonċernati b’mod li jwettqu attività addizzjonali, li kieku ma kinux iwettqu mingħajr l-għajnuna jew li kienu jwettqu b’mod jew f’post ristrett jew differenti;

(iii)

l-eżistenza ta’ ksur ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-miżura kkonċernata;

(b)

skont it-tieni kundizzjoni, il-Kummissjoni tiżen l-effetti pożittivi tal-għajnuna ppjanata u l-effetti negattivi li l-għajnuna jista’ jkollha fuq is-suq intern, f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u ta’ effetti negattivi fuq il-kummerċ, ikkawżati mill-għajnuna, u għalhekk teżamina:

(i)

l-effetti pożittivi tal-għajnuna;

(ii)

jekk l-għajnuna tkunx meħtieġa u mmirata sabiex tindirizza sitwazzjoni li fiha tista’ ġġib titjib materjali li s-suq ma jistax jikseb waħdu, pereżempju billi tirrimedja falliment tas-suq jew tindirizza tħassib dwar l-ekwità jew il-koeżjoni;

(iii)

jekk l-għajnuna tkunx strument ta’ politika xieraq sabiex tilħaq l-objettiv tagħha;

(iv)

jekk l-għajnuna tkunx proporzjonata u limitata għall-minimu neċessarju sabiex tinduċi l-investiment jew l-attività addizzjonali fiż-żona kkonċernata;

(v)

jekk l-għajnuna tkunx trasparenti, jiġifieri jekk l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati, il-pubbliku u l-Kummissjoni jkollhomx aċċess faċli għall-informazzjoni dwar l-għajnuna mogħtija;

(vi)

l-effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

32.

Bħala pass finali, il-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti negattivi identifikati tal-għajnuna fuq is-suq intern mal-effetti pożittivi tagħha fuq l-attivitajiet ekonomiċi appoġġati.

33.

Il-passi fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-għajnuna għat-tnedija u għad-diffużjoni tan-networks u tas-servizzi tal-broadband huma stabbiliti f’aktar dettall fit-Taqsimiet 5, 6, 7 u 8.

5.   GĦAJNUNA GĦAT-TNEDIJA TA’ NETWORKS TAL-BROADBAND

34.

Il-Kummissjoni tqis li s-suq għas-servizzi tal-broadband fiss huwa separat mis-suq għas-servizzi tal-broadband mobbli (43). Għalhekk, ir-regoli għall-valutazzjoni tal-għajnuna jistgħu jvarjaw, skont is-suq ikkonċernat (44).

5.1.   L-ewwel kundizzjoni: il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta’ attività ekonomika

5.1.1.    Networks li jiffaċilitaw l-attivitajiet ekonomiċi

35.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jidentifikaw l-attivitajiet ekonomiċi li jiġu ffaċilitati bħala riżultat tal-għajnuna, bħall-użu ta’ networks fissi li jipprovdu servizzi tal-broadband fissi performanti jew it-tnedija ta’ networks li jipprovdu servizzi mobbli vokali u tal-broadband bi prestazzjoni għolja. Jeħtiġilhom jispjegaw ukoll kif ikun appoġġat l-iżvilupp ta’ dawk l-attivitajiet.

36.

L-għajnuna għat-tnedija ta’ networks fissi u l-għajnuna għat-tnedija ta’ networks mobbli jistgħu jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ħafna attivitajiet ekonomiċi billi jżidu l-konnettività u l-aċċess għan-networks u għas-servizzi tal-broadband għall-pubbliku, għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi. Dik l-għajnuna tista’ tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi f’żoni fejn dawk l-attivitajiet ma jkunux preżenti jew inkella jkunu garantiti biss f’livell li ma jissodisfax b’mod adegwat il-ħtiġijiet tal-utenti finali.

5.1.2.    L-effett ta’ inċentiv

37.

L-għajnuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attività ekonomika biss jekk ikollha effett ta’ inċentiv.

38.

L-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv jekk tinċentiva lill-benefiċjarju sabiex jibdel l-imġiba tiegħu fir-rigward tal-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika appoġġata mill-għajnuna li kieku ma kienx iwettaq fl-istess perjodu ta’ żmien, jew kien iwettaqha biss b’mod jew f’post ristrett jew differenti, li kieku ma ngħatatx l-għajnuna.

39.

L-għajnuna ma tistax tiffinanzja l-ispejjeż ta’ attività li impriża xorta kieku twettaq fi kwalunkwe każ. Ma tistax tikkumpensa għar-riskju normali tan-negozju ta’ attività ekonomika (45).

40.

L-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna għat-tnedija ta’ networks fissi jew mobbli jfisser li ssir verifika, permezz ta’ mmappjar u konsultazzjoni pubblika, f’konformità mat-Taqsimiet 5.2.2.4.1 u 5.2.2.4.2, ta’ jekk il-partijiet ikkonċernati jkunux investew jew ikollhomx l-intenzjoni li jinvestu, rispettivament, f’networks fissi jew mobbli fiż-żoni fil-mira fil-perjodu ta’ żmien rilevanti. Jekk investiment ekwivalenti jkun jista’ jsir fl-istess perjodu ta’ żmien fiż-żona mingħajr l-għajnuna, l-għajnuna tista’ titqies li ma jkollhiex effett ta’ inċentiv. Pereżempju, meta impriża tkun soġġetta għal obbligi legali, bħal obbligi ta’ kopertura u tal-kwalità tas-servizz marbutin mad-drittijiet tal-użu ta’ ċertu spettru tar-radju għal implimentazzjonijiet mobbli, l-għajnuna mill-Istat ma tistax tintuża sabiex tissodisfa dawk l-obbligi minħabba li x’aktarx ma jkollhiex effett ta’ inċentiv, u għalhekk x’aktarx ma tkunx kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, l-għajnuna mill-Istat tista’ titqies kompatibbli meta u sa fejn tkun neċessarja sabiex il-kwalità tas-servizz provdut tmur lil hinn mir-rekwiżiti li jirriżultaw minn obbligi bħal dawn.

5.1.3.    Konformità ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt tal-Unjoni

41.

Jekk għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet marbuta magħha (inkluż il-metodu ta’ finanzjament tagħha meta dak il-metodu jkun jifforma parti integrali mill-għajnuna) jew l-attività li tiffinanzja jkunu jinvolvu ksur ta’ dispożizzjoni jew ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (46). Dan jista’ jkun il-każ meta l-għoti tal-għajnuna jkun dipendenti, direttament jew indirettament, fuq l-oriġini ta’ prodotti jew ta’ tagħmir, bħal rekwiżit li l-benefiċjarju jixtri prodotti manifatturati domestikament.

5.2.   It-tieni kundizzjoni: l-għajnuna ma tistax taffettwa indebitament il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li tmur kontra l-interess komuni

5.2.1.    L-effetti pożittivi tal-għajnuna

42.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jiddeskrivu jekk l-għajnuna hux se ġġib effetti pożittivi u, jekk iva, kif se ġġib effetti pożittivi.

43.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jfasslu interventi mill-Istat li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-distakk diġitali. Huma jistgħu jagħżlu li jintervjenu sabiex jikkoreġu l-inugwaljanzi soċjali jew reġjonali, jew jilħqu objettivi ta’ ekwità, jiġifieri, bħala mod kif jittejjeb l-aċċess għal mezz essenzjali ta’ komunikazzjoni u parteċipazzjoni fis-soċjetà, u b’hekk tittejjeb il-koeżjoni soċjali u territorjali. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jfasslu l-interventi mill-Istat li jikkontribwixxu wkoll għall-kisba tal-objettivi tal-politika diġitali tal-Unjoni, irawmu l-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku tal-Unjoni u investimenti ekoloġiċi sostenibbli fis-setturi kollha.

5.2.2.    In-neċessità ta’ intervent mill-Istat

44.

L-għajnuna mill-Istat trid tkun immirata lejn sitwazzjonijiet li fihom l-għajnuna tista’ twassal għal titjib materjali li s-suq waħdu ma jistax jikseb.

45.

Intervent mill-Istat jista’ jkun neċessarju jekk is-swieq, mingħajr intervent pubbliku, jonqsu milli jiffunzjonaw b’mod effiċjenti għas-soċjetà. Dan jista’ jirriżulta, pereżempju, meta ċerti investimenti ma jkunux qegħdin isiru minkejja li l-benefiċċju ekonomiku għas-soċjetà jisboq l-ispejjeż tagħhom (47). F’każijiet bħal dawn, l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jipproduċi effetti pożittivi u l-effiċjenza globali tista’ tittejjeb billi jiġu aġġustati l-inċentivi ekonomiċi għall-partijiet ikkonċernati.

46.

Fis-settur tal-broadband, forma waħda ta’ falliment tas-suq tista’ tkun relatata ma’ esternalitajiet pożittivi li ma jiġux internalizzati mill-operaturi tas-suq. Pereżempju, filwaqt li n-networks fissi u mobbli huma abilitanti importanti għall-forniment ta’ servizzi addizzjonali u għall-innovazzjoni, x’aktarx li l-benefiċċji ġenerali jkunu ogħla mill-benefiċċji ekonomiċi li jiġġeneraw għall-investituri tan-network, speċjalment f’reġjuni remoti jew f’żoni b’densità baxxa tal-popolazzjoni jew f’żoni mhux popolati. Għalhekk, is-suq jista’ jiġġenera investiment privat insuffiċjenti fin-networks fissi u mobbli, b’mod partikolari f’ċerti żoni.

47.

Minħabba l-ekonomiji ta’ densità, it-tnedija tan-networks tal-broadband huwa ġeneralment aktar profittabbli fejn id-domanda potenzjali tkun ogħla u kkonċentrata, jiġifieri, f’żoni b’popolazzjoni densa. Minħabba l-ispejjeż fissi għoljin tal-investiment, l-ispejjeż unitarji jiżdiedu b’mod sinifikanti hekk kif jonqsu d-densitajiet tal-popolazzjoni. Għalhekk, meta jiġu varati skont it-termini tas-suq, in-networks tal-broadband għandhom it-tendenza li jkopru b’mod profittabbli biss parti mill-popolazzjoni. F’ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna mill-Istat tista’ tikkoreġi fallimenti tas-suq u b’hekk ittejjeb l-effiċjenza tas-swieq.

48.

Jista’ jkun hemm falliment tas-suq wkoll jekk in-network(s) eżistenti jew ippjanat(i) ikun(u) jipprovdi/u lill-utenti finali b’taħlita subottimali ta’ kwalità tas-servizz u ta’ prezzijiet (48). Dan jista jkun il-każ meta: (a) ma jkunx jista’ jiġi pprovdut servizz sodisfaċenti lil ċerti kategoriji ta’ utenti; jew (b) speċjalment fin-nuqqas ta’ tariffi regolati ta’ aċċess bl-ingrossa, il-prezzijiet bl-imnut jistgħu jkunu ogħla minn dawk mitlubin għall-istess servizzi offruti f’żoni jew f’reġjuni aktar kompetittivi, iżda altrimenti komparabbli, tal-Istat Membru.

49.

Madankollu, jekk l-għajnuna mill-Istat għat-tnedija ta’ networks fissi u mobbli kellha tintuża f’żoni fejn l-operaturi tas-suq normalment jagħżlu li jinvestu jew diġà investew, dan jista’ jxekkel b’mod sinifikanti l-inċentivi għall-investituri privati sabiex jinvestu.

50.

Barra minn hekk, meta s-swieq jaħdmu b’mod effiċjenti iżda xorta jitqiesu mhux sodisfaċenti mil-lat tal-politika ta’ koeżjoni, l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun neċessarja sabiex tikkoreġi inugwaljanzi soċjali jew reġjonali sabiex is-suq jaħdem b’mod kif mixtieq u iktar ekwu. F’ċirkustanzi bħal dawn, intervent mill-Istat immirat sew fil-broadband jista’ jikkontribwixxi biex jitnaqqas id-distakk diġitali (49).

51.

Is-sempliċi eżistenza ta’ fallimenti tas-suq f’ċertu kuntest mhux biżżejjed sabiex jiġi ġustifikat l-intervent mill-Istat. L-għajnuna mill-Istat għandha tkun diretta biss lejn il-falliment tas-suq li jibqa’ mhux indirizzat minn politiki u minn miżuri anqas distorsivi oħrajn, pereżempju miżuri amministrattivi jew obbligi regolatorji dwar l-użu effettiv u effiċjenti tal-ispettru tar-radju, inklużi obbligi dwar il-kopertura u l-kwalità tas-servizz marbutin mad-drittijiet tal-użu tal-ispettru tar-radju.

52.

Sabiex jiġu mminimizzati aktar l-effetti tal-possibilità ta’ distorsjoni tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni, l-interventi mill-Istat jistgħu jkunu soġġetti għal perijodu ta’ protezzjoni tal-investiment privat sa 7 snin (50).

5.2.2.1.   L-eżistenza ta’ falliment tas-suq fir-rigward tan-networks ta’ aċċess fissi

53.

L-għajnuna għandha timmira lejn żoni fejn ma jkun hemm l-ebda network fiss fis-seħħ jew fejn ma jkunx hemm pjanijiet kredibbli biex jitnieda wieħed fil-perjodu ta’ żmien rilevanti u li jista’ jindirizza l-ħtiġijiet tal-utenti finali.

54.

Fl-istadju kurrenti tal-iżvilupp tas-suq u minħabba l-ħtiġijiet identifikati tal-utenti finali, jista’ jkun hemm falliment tas-suq meta s-suq ma jipprovdix u x’aktarx li ma jipprovdix lill-utenti finali b’veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps (51).

55.

Fil-valutazzjoni ta’ jekk is-suq jistax probabilment jipprovdi veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps, għandhom jiġu kkunsidrati pjanijiet kredibbli għat-tnedija ta’ networks bħal dawn fil-perjodu ta’ żmien rilevanti (f’konformità mat-Taqsima 5.2.2.4.3).

56.

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li ma hemm l-ebda falliment tas-suq f’żoni fejn ikun hemm mill-anqas network fiss wieħed li jipprovdi veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps jew ikun hemm pjanijiet kredibbli għal network bħal dak jew fejn in-network(s) preżenti jista’/jistgħu jiġi/u aġġornat(i) sabiex jipprovdi/u veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps. Network jitqies li jista’ jiġi aġġornat għal dawk il-veloċitajiet jekk ikun jista’ jipprovdi dik il-prestazzjoni fuq il-bażi ta’ investiment marġinali, bħal titjib tal-komponenti attivi.

57.

L-intervent mill-Istat sabiex jintuża network alternattiv fl-oqsma deskritti fil-paragrafu 56 jista’ jfixkel id-dinamika tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni x’aktarx li jkollha opinjoni negattiva dwar l-għajnuna mill-Istat għat-tnedija ta’ network addizzjonali f’żoni bħal dawk.

58.

F’żoni li fihom ikunu hemm jew mill-anqas żewġ networks ultraveloċi fissi indipendenti, jew ikun hemm pjanijiet kredibbli għal networks bħal dawk, is-servizzi tal-broadband tipikament jiġu pprovduti skont kundizzjonijiet kompetittivi (kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura). Għalhekk, huwa probabbli li network wieħed jew aktar bħal dawk jevolvi sabiex jipprovdi veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps, mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat.

59.

Madankollu, il-probabbiltà li n-networks fiż-żoni deskritti fil-paragrafu 58 jevolvu b’mod li jipprovdu veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps tista’ tiddependi wkoll mill-ammont ta’ investiment meħtieġ sabiex jitniedu networks li jipprovdu dawk il-veloċitajiet, meta wieħed iqis l-istadju kurrenti tal-iżvilupp teknoloġiku. Għaldaqstant, f’dawk iż-żoni:

(a)

jekk l-ebda wieħed min-networks eżistenti jew ippjanati b’mod kredibbli ma jipprovdi veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 300 Mbps (52), huwa improbabbli li jevolvu sabiex jipprovdu veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps. Għalhekk, jista’ jkun permess intervent mill-Istat, sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji kollha ta’ kompatibbiltà stabbiliti f’dawn il-Linji gwida;

(b)

jekk mill-anqas wieħed min-networks eżistenti jew ippjanati b’mod kredibbli jipprovdi veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 300 Mbps iżda ma jipprovdix veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 500 Mbps (53), il-Kummissjoni twettaq analiżi aktar dettaljata sabiex tivvaluta jekk mill-anqas wieħed min-network(s) eżistenti jew ippjanat(i) b’mod kredibbli hux se jevolvi sabiex jipprovdi veloċitajiet ta’ download ta’ 1 Gbps u ta’ 150 Mbps ta’ upload u jekk ikunx neċessarju intervent mill-Istat. Sakemm l-Istat Membru ma jurix li (i) fuq il-bażi tal-immappjar u tal-konsultazzjoni pubblika, il-falliment tas-suq fiż-żoni fil-mira identifikati jippersisti peress li l-ebda network ma hu se jevolvi biex jipprovdi veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps; u (ii) l-intervent previst mill-Istat jissodisfa l-kriterji kollha ta’ kompatibbiltà stabbiliti f’dawn il-Linji gwida, il-Kummissjoni x’aktarx ikollha opinjoni negattiva ta’ dak l-intervent mill-Istat;

(c)

jekk mill-anqas waħda min-networks eżistenti jew ippjanati b’mod kredibbli jipprovdi veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 500 Mbps, huwa probabbli li mill-anqas wieħed min-networks eżistenti jew ippjanati b’mod kredibbli jevolvi biex jipprovdi veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat ġeneralment ma tkunx neċessarja u l-Kummissjoni x’aktarx ikollha opinjoni negattiva ta’ dal l-intervent mill-Istat;

(d)

l-Istat Membru jista’ jivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni u jinnotifika intervent mill-Istat għall-approvazzjoni wara 5 snin mid-data tat-tħabbir (54) tal-interventi mill-Istat skont il-punti (b) u (c). Il-perjodu ta’ 5 snin għandu l-għan li joffri opportunità lill-investituri sabiex jibdew jużaw networks iffinanzjati privatament li jipprovdu veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps. Dik in-notifika jenħtieġ li tkun ibbażata fuq immappjar ġdid u konsultazzjoni pubblika li juru li għad hemm falliment tas-suq u li l-intervent maħsub mill-Istat jissodisfa l-kriterji ta’ kompatibilità stabbiliti fil-linji gwida.

5.2.2.2.   L-eżistenza ta’ falliment tas-suq fir-rigward tan-networks ta’ aċċess mobbli

60.

Il-Kummissjoni tqis li jkun hemm falliment tas-suq f’żoni fejn ma jkun hemm l-ebda network mobbli stabbilit jew kredibbilment ippjanat, li jitnieda fil-perjodu ta’ żmien rilevanti li jista’ jindirizza l-ħtiġijiet tal-utenti finali (55).

61.

L-applikazzjonijiet tal-komunikazzjonijiet preżenti u futuri jiddependu dejjem aktar fuq networks mobbli performanti li jkunu disponibbli fuq bażi ġeografika wiesgħa (56). L-utenti finali għandhom il-ħtieġa li jikkomunikaw u jaċċedu għall-informazzjoni waqt li jkunu qegħdin jiċċaqilqu. Maż-żmien, huwa mistenni li jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi ġodda li jkunu jeħtieġu aċċess online mingħajr xkiel għas-servizzi mobbli bi prestazzjoni għolja. Sabiex jakkumpanjaw dik il-bidla, in-networks mobbli huma mistennijin jevolvu sabiex jipprovdu konnettività li dejjem titjieb. F’ċerti ċirkostanzi, in-nuqqas ta’ konnettività mobbli, jew konnettività mobbli insuffiċjenti tista’ tkun ta’ detriment għal ċerti attivitajiet ekonomiċi, bħall-industrija, l-agrikoltura, it-turiżmu jew il-mobilità konnessa. Tista’ toħloq ukoll riskju għas-sikurezza tal-pubbliku (57). Din tista’ taffettwa b’mod partikolari reġjuni remoti jew żoni b’densità tal-popolazzjoni baxxa jew żoni mhux popolati.

62.

F’żona fejn diġà hemm tal-anqas network mobbli wieħed stabbilit jew hemm pjanijiet kredibbli biex jitnieda tali network fil-perjodu ta’ żmien rilevanti li jkun jista’ jindirizza l-ħtiġijiet tal-utenti finali, l-għajnuna mill-Istat għat-tnedija ta’ network mobbli addizzjonali tista’ tfixkel id-dinamika tas-suq mingħajr bżonn.

63.

L-għajnuna mill-Istat biex jitnieda network mobbli f’żona bħal dik deskritta fil-paragrafu 62 tista’ titqies neċessarja meta jintwera li ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin ikun ġew sodisfatti: (a) in-network mobbli eżistenti jew kredibbilment ippjanat ma jipprovdix lill-utenti finali bi kwalità suffiċjenti ta’ servizzi sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom li dejjem jevolvu; u (b) l-intervent mill-Istat jipprovdi b’mod adegwat dik il-kwalità tas-servizzi, biex b’hekk iwassal għal titjib materjali li s-suq ma jistax jipprovdi (58).

64.

Intervent mill-Istat jista’ jkun neċessarju f’ċerti ċirkustanzi biex jiġu indirizzati fallimenti speċifiċi tas-suq fir-rigward ta’ każijiet ta’ użu identifikati, anke fil-preżenza ta’ network mobbli 4G jew 5G, meta dak in-network ma jipprovdix lill-utenti finali bi kwalità suffiċjenti ta’ servizzi sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom li dejjem jevolvu, u x’aktarx li ma jipprovdix dak il-livell ta’ kwalità. Attivitajiet u servizzi ekonomiċi ġodda jistgħu jeħtieġu: (a) aċċess online mingħajr xkiel (pereżempju għall-mobilità konnessa u awtomatizzata tul il-passaġġi tat-trasport); (b) ċerti veloċitajiet u kapaċità minimi; (c) karatteristiċi speċifiċi oħrajn bħal latenza aktar baxxa, virtwalizzazzjoni tan-network jew il-kapaċità li jiġu konnessi diversi terminali għall-industrija jew għall-agrikoltura.

65.

Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, anke fejn ikun hemm falliment tas-suq, l-għajnuna mill-Istat ma tistax tingħata għal obbligi legali u ma tistax tintuża għat-twettiq ta’ obbligi bħal dawk, fosthom obbligi marbutin mad-drittijiet għall-użu tal-ispettru. Madankollu, l-għajnuna mill-Istat tista’ tingħata meta u sa fejn tkun neċessarja sabiex tiġi pprovduta kwalità aħjar tas-servizz li tkun meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ippruvati tal-utenti finali u li tmur lil hinn minn dak li jkun diġà meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati dawk l-obbligi legali. Dik l-għajnuna tista’ tingħata sa fejn tkun meħtieġa sabiex tkopri biss l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-kwalità miżjuda tas-servizz.

66.

Meta, f’żona partikolari, hemm jew se jkun hemm, fil-perjodu ta’ żmien rilevanti, mill-anqas network mobbli wieħed li jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet li dejjem jevolvu tal-utenti finali (ara l-paragrafi 61, 63 u 64), l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat għal network mobbli addizzjonali b’kapaċitajiet ekwivalenti, bi prinċipju, ikun iwassal għal distorsjoni inaċċettabbli tal-kompetizzjoni, u għall-esklużjoni ta’ investimenti privati. Il-Kummissjoni x’aktarx ikollha fehema negattiva ta’ interventi mill-Istat bħal dawn.

5.2.2.3.   L-eżistenza ta’ falliment tas-suq fir-rigward tal-backhauls

67.

Il-backhauls huma prerekwiżit għat-tnedija tan-networks ta’ aċċess. Il-backhauls għandhom il-potenzjal li jistimulaw il-kompetizzjoni fiż-żoni ta’ aċċess għall-benefiċċju tan-networks u tat-teknoloġiji kollha ta’ aċċess. Backhaul performanti jista’ jistimula investimenti privati sabiex jikkonnettjaw lill-utenti finali, sakemm jiżgura aċċess bl-ingrossa għal kundizzjonijiet miftuħin, trasparenti u mhux diskriminatorji għal dawk kollha li jfittxu aċċess u għat-teknoloġiji kollha. Fin-nuqqas ta’ investimenti privati, l-għajnuna mill-Istat għat-tnedija ta’ backhauls tista’ tkun neċessarja sabiex trawwem il-kompetizzjoni u l-investimenti fil-livell tal-aċċess peress li tippermetti lil dawk li jfittxu aċċess li jniedu networks ta’ aċċess u joffru servizzi ta’ konnettività lill-utenti finali.

68.

Peress li l-backhauls jittrasportaw it-traffiku ta’ diversi networks ta’ aċċess fissi jew mobbli, huma jeħtieġu kapaċità ta’ trażmissjoni ferm ogħla min-networks ta’ aċċess individwali. Il-backhauls jeħtieġ li jipprovdu għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità meħtieġa matul il-ħajja tagħhom. Dak huwa dovut għall-ħtiġijiet tal-utenti finali u għall-aġġornament rapidu kontinwu tan-networks ta’ aċċess fissi jew mobbli b’dejjem iktari ħtiġijiet għal trażmissjoni mtejba tad-data u għal prestazzjonijiet aħjar (inkluż għal ġenerazzjonijiet mobbli ġodda). Sabiex tiġi evitata l-konġestjoni f’backhaul, jista’ jkun neċessarju li tiżdied il-kapaċità tiegħu li jakkumpanja t-tnedija ta’ networks ta’ aċċess fissi jew mobbli performanti. Għalhekk, jista’ jkun hemm falliment tas-suq fejn il-kapaċità eżistenti jew ippjanata ta’ backhaul ma tkunx tista’ tlaħħaq mal-iżvilupp mistenni ta’ networks ta’ aċċess fissi jew mobbli korrispondenti bbażati fuq il-ħtiġijiet eżistenti u futuri tal-utenti finali. Fl-istadju kurrenti tal-iżvilupp teknoloġiku, iż-żieda fid-domanda għall-kapaċità normalment tkun tista’ tiġi indirizzata minn backhauls ibbażati fuq il-fibrottika jew fuq teknoloġiji oħrajn li jistgħu jipprovdu l-istess livell ta’ prestazzjoni u ta’ affidabbiltà bħall-backhauls ibbażati fuq il-fibra. Għalhekk, jista’ jkun hemm falliment tas-suq meta ma jkun hemm l-ebda backhaul jew meta n-network eżistenti jew kredibbilment ippjanat ma jkunx ibbażat fuq il-fibra jew fuq teknoloġiji oħrajn li jistgħu jipprovdu l-istess livell ta’ prestazzjoni u ta’ affidabbiltà bħall-fibra.

69.

Irrispettivament mit-teknoloġija sottostanti tal-backhaul eżistenti, jista’ jkun hemm wkoll falliment tas-suq jekk dak il-backhaul jipprovdi taħlita subottimali ta’ kwalità tas-servizz u ta’ prezzijiet. Pereżempju, Stat Membru jista’ juri li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess fuq il-backhaul eżistenti jistgħu jipprevjenu t-tnedija ta’ networks ta’ aċċess fiss jew mobbli ġodda jew aktar performanti minħabba li ċerti kategoriji ta’ dawk li jfittxu aċċess ma humiex moqdijin b’mod adegwat (59) jew minħabba li l-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa jistgħu jkunu ogħla minn dawk mitlubin għall-istess servizzi f’żoni aktar kompetittivi iżda altrimenti komparabbli tal-Istat Membru u l-problema ma tistax tiġi solvuta permezz tar-regolamentazzjoni tas-settur (60).

5.2.2.4.   Strumenti sabiex tiġi ddeterminata n-neċessità għal intervent mill-Istat

70.

Sabiex tiġi identifikata l-ħtieġa għal intervent mill-Istat f’żona partikolari, l-Istati Membri jeħtiġilhom jivverifikaw fuq il-bażi ta’ mmappjar dettaljat u ta’ konsultazzjoni pubblika, f’konformità mat-Taqsimiet 5.2.2.4.1 u 5.2.2.4.2, il-prestazzjonijiet tan-networks ta’ aċċess fiss, tan-networks ta’ aċċess mobbli jew tal-backhauls preżenti jew li t-tnedija tagħhom hija kredibbilment ippjanata fiż-żona fil-mira fil-perjodu ta’ żmien rilevanti.

71.

L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni sinifikanti sabiex jistabbilixxu ż-żoni fil-mira. Madankollu, huma mħeġġin iqisu l-kundizzjonijiet ekonomiċi, ġeografiċi u soċjali meta jiddeterminaw dawk iż-żoni.

5.2.2.4.1.   Immappjar u analiżi dettaljati tal-kopertura

72.

Permezz ta’ mmappjar dettaljat, l-Istati Membri jeħtiġilhom jidentifikaw iż-żoni ġeografiċi (żoni fil-mira) li se jkunu eliġibbli permezz tal-intervent ta’ għajnuna mill-Istat, fuq il-bażi ta’ rappreżentazzjoni oġġettiva tal-prestazzjonijiet tan-networks li jkunu jeżistu jew ippjanati f’ċerta żona.

73.

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat li tappoġġa t-tnedija ta’ networks ta’ aċċess fiss jew ta’ networks ta’ aċċess mobbli, l-immappjar irid ikun konformi maż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

il-prestazzjonijiet iridu jiġu espressi mill-anqas f’termini ta’ veloċitajiet ta’ download, u, fejn rilevanti, ta’ veloċitajiet ta’ upload (61) li jkunu jew se jkunu disponibbli għall-utenti finali fil-kundizzjonijiet tal-ħin bl-iktar użu intensiv (62), kwalunkwe konġestjoni li tista’ timpedixxi l-ilħuq ta’ dawk il-prestazzjonijiet trid titqies kif xieraq (rigward pereżempju l-backhaul);

(b)

l-immappjar irid jitwettaq: (i) għal networks bil-wajer fissi fil-livell tal-indirizz fuq il-bażi ta’ bini servut; u (ii) għal networks ta’ aċċess fiss mingħajr wajers u networks mobbli fil-livell tal-indirizz fuq il-bażi ta’ bini servut jew fuq il-bażi ta’ grilji mhux ikbar minn 100×100 metru (63).

74.

L-Istati Membri jistgħu jqisu l-aħjar prattiki għall-applikazzjoni tal-metodoloġiji tal-immappjar deskritti fl-Anness I.

75.

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat li tappoġġa t-tnedija ta’ backhauls, l-Istati Membri jeħtiġilhom jimmappjaw il-prestazzjonijiet tal-backhauls eżistenti jew kredibbilment ippjanati fil-perjodu ta’ żmien rilevanti. Meta t-tnedija tan-network jinkludi fl-istess ħin it-tnedija ta’ network ta’ aċċess u tal-backhaul neċessarju sabiex jippermetti l-funzjonament tan-network ta’ aċċess, ma jkunx meħtieġ immappjar separat tal-backhauls.

76.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu l-metodoloġija u l-kriterji tekniċi sottostanti (pereżempju, il-fattur tal-utilizzazzjoni u t-tagħbija taċ-ċelloli) użati sabiex jidentifikaw iż-żona fil-mira disponibbli għall-pubbliku.

77.

Fit-Taqsima 5.2.4.6 huwa rakkomandat li ssir konsultazzjoni mal-awtorità regolatorja nazzjonali (ARN).

5.2.2.4.2.   Konsultazzjoni pubblika

78.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jippubblikaw għall-konsultazzjoni l-karatteristiċi ewlenin tal-intervent ippjanat mill-Istat u l-lista ta’ żoni fil-mira identifikati permezz tal-immappjar (64). Dik l-informazzjoni trid tkun disponibbli fuq sit web (65) aċċessibbli għall-pubbliku fil-livell reġjonali u nazzjonali.

79.

Il-konsultazzjoni pubblika trid tistieden lill-partijiet interessati (a) jikkummentaw dwar l-intervent ippjanat mill-Istat, it-tfassil tiegħu u l-karatteristiċi ewlenin tiegħu; u (b) jissottomettu informazzjoni sostanzjata dwar in-networks eżistenti jew li networks li dwarhom ikun hemm pjanijiet kredibbli dwar it-tnedija tagħhom fiż-żona fil-mira fl-perjodu ta’ żmien rilevanti (66).

80.

Meta jikkunsidraw il-perjodu ta’ żmien prospettiv rilevanti, l-Istati Membri jeħtiġilhom iqisu l-aspetti kollha li raġonevolment jistgħu jkunu mistenna jħallu impatt fuq id-durata tat-tnedija tan-network il-ġdid (jiġifieri ż-żmien meħtieġ mill-proċedura ta’ selezzjoni, għall-azzjonijiet u għall-kontestazzjonijiet legali possibbli, iż-żmien sabiex jinkisbu d-drittijiet ta’ passaġġ u l-permessi, obbligi oħrajn li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-disponibbiltà tal-kapaċità ta’ xogħlijiet ċivili, eċċ.). Jekk it-tnedija ippjanata tan-network iffinanzjat mill-Istat (sad-dħul fis-seħħ tiegħu) jieħu aktar żmien milli stmat, ikunu neċessarji mmappjar u konsultazzjoni pubblika ġodda.

81.

Irrispettivament minn jekk l-Istat Membru jistax ikun diġà ġabar informazzjoni dwar pjanijiet futuri ta’ investiment permezz ta’ mmappjar, il-konsultazzjoni pubblika dejjem trid tinkludi r-riżultati tal-aktar immappjar riċenti. Dan huwa neċessarju sabiex tiġi minimizzata l-possibilità ta’ distorsjonijiet mingħajr bżonn tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-impriżi li diġà jipprovdu networks jew servizzi fiż-żoni fil-mira u dawk l-impriżi li diġà jkollhom pjanijiet ta’ investiment kredibbli għall-perjodu ta’ żmien rilevanti.

82.

Il-konsultazzjoni pubblika trid iddum mil-anqas 30 jum. Wara t-tmiem tal-konsultazzjoni pubblika, l-Istat Membru għandu jniedi l-proċedura tal-għażla kompetittiva jew jibda l-implimentazzjoni tal-proġett ikkonċernat (67) għal mudelli ta’ investiment dirett fi żmien sena. Jekk l-Istat Membru ma jnedix il-proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva jew l-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Istat f’dak il-perjodu, jeħtieġlu jwettaq konsultazzjoni pubblika ġdida qabel ma jkun jista’ jniedi l-proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva jew jimplimenta l-proġett iffinanzjat mill-Istat.

83.

Il-konsultazzjoni tal-ARN dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika hija rrakkomandata (68).

5.2.2.4.3.   L-aħjar prattiki: valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ investiment privat fil-konsultazzjoni pubblika

84.

Hemm riskju li sempliċi “espressjoni ta’ interess” fi pjanijiet ta’ investiment privat futur fiż-żona fil-mira minn parti kkonċernata f’konsultazzjoni pubblika tista’ ddewwem it-tnedija ta’ networks tal-broadband jekk dak l-investiment privat imbagħad ma jseħħx filwaqt li l-intervent mill-Istat ikun waqaf.

85.

Sabiex jitnaqqas ir-riskju li l-intervent mill-Istat jitwaqqaf fuq il-bażi ta’ pjanijiet ta’ investiment futuri li ma jimmaterjalizzawx, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jitolbu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti jipprovdu evidenza sabiex juru l-kredibbiltà tal-pjanijiet ta’ investiment tagħhom, f’perjodu ta’ żmien li jkun xieraq u proporzjonat għal-livell ta’ informazzjoni mitluba (69). Dik l-evidenza tista’ tinkludi, pereżempju, pjan dettaljat tat-tnedija bi stadji importanti (pereżempju, għal kull perjodu ta’ 6 xhur), li juri li l-investiment se jitlesta fil-medda ta’ żmien rilevanti u se jiżgura prestazzjoni simili għan-network ippjanat iffinanzjat mill-Istat.

86.

Sabiex jivvalutaw il-kredibbiltà tal-prestazzjoni u tal-kopertura ddikjarati, l-Istati Membri jistgħu jużaw l-istess kriterji użati biex jivvalutaw il-prestazzjoni tan-networks eżistenti, fejn ikun raġonevoli u adattati.

87.

Meta jivvalutaw il-kredibbiltà ta’ pjanijiet ta’ investiment futuri, l-Istati Membri jistgħu jqisu b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

(a)

jekk il-parti kkonċernata tkunx issottomettiet pjan ta’ direzzjoni tan-negozju relatat mal-proġett, li jqis kriterji xierqa li jikkonċernaw, pereżempju, l-iskeda ta’ żmien, il-baġit, il-lok tal-bini fil-mira, il-kwalità tas-servizz li għandu jiġi pprovdut, it-tip ta’ network u t-teknoloġija li għandhom jiġu mnedija, ir-rata ta’ diffużjoni;

(b)

jekk il-parti kkonċernata tkunx issottomettiet pjan ta’ proġett ta’ livell għoli kredibbli li jqis kif xieraq l-istadji importanti ewlenin tal-proġett bħall-proċeduri u l-permessi amministrattivi (inklużi d-drittijiet ta’ passaġġ, il-permessi ambjentali, id-dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza u s-sigurtà), ix-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili, it-tlestija tan-network, il-bidu tal-operazzjonijiet u l-provvista ta’ servizzi lill-utenti finali;

(c)

l-idoneità tad-daqs tal-kumpanija fid-dawl tad-daqs tal-investiment;

(d)

ir-rekord tal-partijiet ikkonċernati fi proġetti komparabbli;

(e)

jekk ikun neċessarju u xieraq, il-koordinati ġeografiċi tal-partijiet ewlenin tan-network ippjanat (stazzjonijiet bażi, punti ta’ preżenza, eċċ.).

88.

Jekk Stat Membru jqis li l-pjanijiet ta’ investiment privat ikunu kredibbli, jista’ jiddeċiedi li jistieden lill-partijiet ikkonċernati sabiex jiffirmaw ftehimiet ta’ impenn, li jistgħu jinkludu obbligi ta’ rapport dwar il-progress fl-istadji importanti ddikjarati tagħhom.

89.

Hija r-responsabbiltà tal-partijiet ikkonċernati li jipprovdu informazzjoni sinifikattiva skont ir-regoli rilevanti tal-Unjoni (70) jew dawk nazzjonali.

90.

L-Istat Membru għandu jikkonsulta lill-ARN dwar il-valutazzjoni mill-Istat Membru tal-kredibbiltà tal-pjanijiet futuri ta’ investiment (71).

91.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ir-riżultati tal-evalwazzjoni tagħhom u r-raġunijiet għaliha lil kull parti kkonċernata li tkun issottmettiet informazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ investiment privat tagħha.

5.2.2.4.4.   L-aħjar prattiki: monitoraġġ ex post tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ investiment privat

92.

Jekk l-Istat Membru jqis li l-pjanijiet ta’ investiment privat sottomessi jkunu kredibbli u konsegwentement iż-żona korrispondenti ssawret permezz tal-intervent mill-Istat, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jitlob li l-partijiet ikkonċernati li jkunu ssottomettew dawk il-pjanijiet jirrapportaw b’mod regolari dwar il-konformità mal-istadji importanti għat-tnedija tan-network u dwar il-provvista ta’ servizzi fil-perjodu ta’ żmien iddikjarat.

93.

Jekk l-Istat Membru jidentifika devjazzjonijiet mill-pjan ippreżentat li jissuġġerixxu li l-proġett mhux se jimmaterjalizza jew ikollu biżżejjed raġunijiet sabiex jiddubita li l-investiment se jitlesta kif iddikjarat, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jitlob li il-partijiet ikkonċernati jipprovdu aktar informazzjoni li turi l-kredibbiltà kontinwa tal-investiment iddikjarat.

94.

Jekk l-Istat Membru jkollu dubji sinifikanti dwar jekk l-investiment hux se jitlesta kif iddikjarat, jista’ jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin matul il-perjodu ta’ żmien rilevanti, li jinkludi ż-żoni kkonċernati mill-investiment f’konsultazzjoni pubblika ġdida, bil-ħsieb li jiġi vverifikat il-potenzjali tal-eliġibbiltà tagħhom għal intervent mill-Istat.

5.2.3.   L-adegwatezza tal-għajnuna bħala strument ta’ politika

95.

L-Istat Membru jeħtieġlu juri li l-għajnuna tkun xierqa sabiex jiġi indirizzat il-falliment tas-suq identifikat u sabiex jintlaħqu l-objettivi mfittxija mill-għajnuna. L-għajnuna mill-Istat ma tkunx xierqa jekk ikun jista’ jinkiseb l-istess riżultat permezz ta’ miżuri oħrajn li joħolqu anqas distorsjoni.

96.

L-għajnuna mill-Istat ma hijiex l-uniku strument ta’ politika disponibbli għall-Istati Membri sabiex tingħata spinta lill-investiment fil-varar tan-networks tal-broadband. L-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi oħrajn anqas distortivi, bħal miżuri amministrattivi u regolatorji jew strumenti msejsa fuq is-suq.

97.

Sabiex l-għajnuna tkun xierqa, in-networks fissi u mobbli ffinanzjati mill-Istat iridu jipprovdu karatteristiċi msaħħin b’mod sinifikanti meta mqabblin man-networks eżistenti. Għalhekk, networks fissi u mobbli ffinanzjati mill-Istat għandhom jiżguraw li l-bidla ssir b’mod gradwali. Tiġi żgurata bidla b’mod gradwali jekk, b’riżultat tal-intervent mill-Istat, jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) it-tnedija ta’ network fiss jew mobbli ffinanzjat mill-Istat jirrappreżenta investiment sinifikanti ġdid (72); u (b) in-network iffinanzjat mill-Istat iġib kapaċitajiet sinifikanti ġodda fis-suq f’termini ta’ disponibbiltà, ta’ kapaċità, ta’ veloċitajiet (73) u ta’ kompetizzjoni tas-servizzi tal-broadband.

98.

Il-prestazzjoni tan-network iffinanzjat mill-Istat trid titqabbel mal-ogħla prestazzjoni tan-network(s) eżistenti. Fil-valutazzjoni tal-bidla b’mod gradwali għandhom jitqiesu pjanijiet ta’ investiment kredibbli biss jekk, waħedhom, kieku jipprovdu prestazzjoni simili għal dik tan-network iffinanzjat mill-Istat u ppjanat fiż-żoni fil-mira fi ħdan il-perjodu ta’ żmien rilevanti.

5.2.3.1.   Bidla gradwali – Networks ta’ aċċess fissi

99.

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għal networks ta’ aċċess fissi, il-preżenza ta’ bidla gradwali hija vvalutata fuq il-bażi ta’ distinzjoni bejn it-tipi ta’ żoni fil-mira, skont il-preżenza ta’ networks ultraveloċi fissi.

5.2.3.1.1.   Żoni bojod u griżi

100.

Iż-żoni bojod huma dawk li fihom ma jkunx preżenti jew ma jkunx hemm pjanijiet kredibbli għat-tnedija ta’ network ultraveloċi fiss fil-perjodu ta’ żmien rilevanti.

101.

Iż-żoni griżi huma dawk li fihom ikun preżenti network ultraveloċi fiss wieħed biss jew ikun hemm pjanijiet kredibbli g għat-tnedija ta’ network ultraveloċi fiss wieħed biss fil-perjodu ta’ żmien rilevanti.

102.

F’żoni bojod u griżi, sabiex tinkiseb bidla gradwali, l-interventi tal-Istat iridu jissodisfaw iż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

mill-anqas jittripplaw il-veloċità ta’ download meta mqabblin man-network eżistenti;

(b)

jirrappreżentaw investiment sinifikanti ġdid fl-infrastruttura li jġib kapaċitajiet ġodda sinifikanti fis-suq (74).

5.2.3.1.2.   Żoni mħalltin (bojod u griżi)

103.

Bi prinċipju, l-intervent ippjanat għandu jitfassal b’tali mod li ż-żona fil-mira kollha tkun bajda jew griża.

104.

Madankollu, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, meta ma jkunx ġustifikat li ż-żoni bojod u griżi jiġu diżassoċjati, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu żoni fil-mira li jkunu parzjalment bojod u parzjalment griżi. F’dawk iż-żoni, meta xi utenti finali diġà jkunu moqdijin minn network ultraveloċi wieħed (jew se jkunu fil-perjodu ta’ żmien rilevanti), l-Istat Membru jeħtieġlu jiżgura li l-intervent tal-Istat ma jwassalx għal distorsjoni mingħajr bżonn tal-kompetizzjoni fir-rigward tan-network eżistenti.

105.

Jekk jiġi permess bini eċċessiv limitat tan-network ultraveloċi fiss eżistenti li jgħaqqad lill-utenti finali fiż-żona griża li tkun parti miż-żona mħallta, tista’ tkun soluzzjoni xierqa. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, iż-żona fil-mira kollha tista’ tiġi ttrattata bħala bajda għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-intervent tal-Istat, sakemm l-Istat Membru juri li ġew ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-bini eċċessiv ma joħloqx distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni, fuq il-bażi tar-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika;

(b)

il-bini eċċessiv irid ikun limitat għal massimu ta’ 10 % tal-binjiet kollha fiż-żona fil-mira;

(c)

ir-rekwiżiti ta’ bidla gradwali stabbiliti f’ din it-Taqsima għaż-żoni l-bojod ikunu ssodisfati u n-network iffinanzjat mill-Istat jipprovdi servizzi sostanzjalment aħjar minn dawk disponibbli fil-parti l-griża taż-żona mħallta. Ir-rekwiżiti ta’ bidla gradwali stabbiliti fit-Taqsima 5.2.3.1.1 għaż-żoni l-griżi ma għandhomx għalfejn jiġu ssodisfati.

106.

Il-Kummissjoni tivvaluta l-adegwatezza tal-interventi f’żoni mħalltin każ b’każ.

5.2.3.1.3.   Żoni suwed

107.

Iż-żoni suwed huma dawk li fihom ikunu preżenti mill-inqas żewġ networks ultraveloċi fissi jew ikun hemm pjanijiet kredibbli għat-tnedija ta’ żewġ networks ultraveloċi fissi fil-perjodu ta’ żmien rilevanti.

108.

Sakemm l-intervent mill-Istat jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 5.2.2.1, in-network iffinanzjat mill-Istat irid jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

mill-anqas jittrippla l-veloċità ta’ download meta mqabbel man-network eżistenti;

(b)

jipprovdi veloċità ta’ download ta’ mill-anqas 1 Gbps u veloċità ta’ upload ta’ mill-anqas 150 Mbps;

(c)

jirrappreżenta investiment sinifikanti ġdid fl-infrastruttura u jġib kapaċitajiet ġodda sinifikanti fis-suq (75).

5.2.3.2.   Bidla gradwali – Networks ta’ aċċess mobbli

109.

Network mobbli ffinanzjat mill-Istat irid jiżgura bidla gradwali f’termini ta’ disponibbiltà, ta’ kapaċità, ta’ veloċitajiet u ta’ kompetizzjoni tas-servizzi mobbli li jistgħu jrawmu d-diffużjoni ta’ servizzi innovattivi ġodda (76).

110.

Kif indikat fit-Taqsima 2.3.2, it-tranżizzjoni għal standard ġdid tal-IMT ġeneralment tkun inkrementali. Bejn żewġ standards tal-IMT konsekuttivi sħaħ, ikun hemm sistemi ibridi inkrementali, li normalment ikunu aktar performanti mill-predeċessuri tagħhom. Pereżempju, is-sistema ta’ komunikazzjoni ċellulari tal-4G LTE sebqet il-4G f’diversi aspetti u l-5G awtonoma hija aktar performanti mill-5G mhux awtonoma. Bl-istess mod, kull standard ġdid tal-IMT ipprovda kapaċitajiet ġodda (77). Filwaqt li l-istandards kollha tal-IMT jipprovdu servizzi mobbli tal-vuċi, l-iġded standards tal-IMT biss jistgħu jipprovdu servizzi tal-broadband mobbli performanti, inklużi kapaċitajiet ta’ latenza aktar baxxa u ta’ trażmissjoni ogħla.

111.

Peress li biex jiġu provduti kapaċitajiet ġodda hija meħtieġa aktar kapaċità, l-istandards il-ġodda tal-IMT jirrikjedu frekwenzi ġodda. Peress li l-frekwenzi huma riżorsa skarsa, l-assenjazzjoni tagħhom fl-Unjoni għall-provvista ta’ servizzi mobbli titwettaq fuq il-bażi ta’ rkant jew ta’ proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva oħra u hija soġġetta għal tariffi. Meta jiġi implimentat standard ġdid tal-IMT bħala riżultat tal-proċess ta’ assenjament tal-ispettru, jista’ jkun mistenni li n-networks mobbli li jużaw din it-teknoloġija x’aktarx li jipprovdu kapaċitajiet ġodda sinifikanti meta mqabblin man-networks mobbli eżistenti. Il-fornituri ta’ servizzi mobbli jkunu lesti biss li jiffaċċjaw spejjeż sinifikanti bil-quddiem sabiex jiksbu drittijiet ġodda ta’ użu tal-ispettru b’appoġġ ta’ standards ġodda tal-IMT jekk jistennew li l-istandard il-ġdid tal-IMT joffri kapaċitajiet superjuri, li jkunu jagħtuhom redditu fuq l-investiment tagħhom maż-żmien. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni aċċettat li l-karatteristiċi addizzjonali tan-networks 4G matul il-ġenerazzjonijiet preċedenti jammontaw għal bidla gradwali (78). B’mod simili, in-networks 5G, u b’mod partikolari n-networks 5G awtonomi, ġeneralment ikollhom kapaċitajiet funzjonali addizzjonali bħal latenza ultrabaxxa, affidabbiltà għolja u l-possibbiltà li tiġi rriżervata parti min-network għal użu partikolari u li tiġi ggarantita ċerta kwalità tas-servizz. Dawk il-karatteristiċi jippermettu lin-networks 5G, u b’mod partikolari lin-networks 5G awtonomi, jappoġġaw servizzi ġodda (pereżempju, servizzi ta’ monitoraġġ tas-saħħa u ta’ emerġenza, kontroll f’ħin reali tal-magni tal-fabbriki, grilji intelliġenti għall-ġestjoni tal-enerġija rinnovabbli, mobilità konnessa u awtomatizzata, detezzjoni preċiża tal-ħsarat u intervent rapidu), u b’hekk jiżguraw bidla gradwali meta mqabblin mal-ġenerazzjoni mobbli ta’ qabel. It-teknoloġiji mobbli tal-ġenerazzjoni li jmiss (bħas-6G) huma mistennija jipprovdu aktar kapaċitajiet imsaħħin fil-futur.

5.2.3.3.   Bidla gradwali – Backhauls

112.

Backhaul iffinanzjat mill-Istat irid jiżgura bidla gradwali meta mqabbel man-network(s) eżistenti. Jiġi żgurat li l-bidla ssir b’mod gradwali jekk, bħala riżultat tal-intervent mill-Istat, il-backhaul iffinanzjat jirrappreżenta investiment sinifikanti fl-infrastruttura tal-backhaul u jappoġġa b’mod adegwat il-ħtiġijiet dejjem akbar ta’ networks ta’ aċċess fissi jew mobbli. Dan jista’ jkun il-każ meta l-backhaul iffinanzjat mill-Istat, b’kuntrast ma’ dak jew dawk eżistenti, ikun ibbażat fuq il-fibra jew fuq teknoloġiji oħrajn li jistgħu jipprovdu l-istess livell ta’ prestazzjoni bħall-fibra. Meta networks eżistenti jkunu ibbażati fuq il-fibra jew fuq teknoloġiji bi prestazzjoni simili, tista’ tinkiseb bidla gradwali, pereżempju, permezz ta’ dimensjonar xieraq tal-kapaċità tal-backhaul, li tiddependi fuq is-sitwazzjoni speċifika li tevolvi fiż-żoni fil-mira.

113.

Jekk intervent mill-Istat ikopri kemm backhauls kif ukoll networks ta’ aċċess (fissi jew mobbli), id-daqs tal-backhaul irid ikun jista’ jappoġġa l-ħtiġijiet tan-networks ta’ aċċess.

114.

L-Istat Membru għandu jagħżel l-aktar teknoloġiji xierqa, f’konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, filwaqt li jqis il-karatteristiċi u l-ħtiġijiet taż-żoni fil-mira, b’mod partikolari meta networks ibbażati fuq il-fibra jew bi prestazzjoni simili ma jkunux teknikament jew ekonomikament vijabbli.

5.2.4.    Proporzjonalità tal-għajnuna

115.

L-Istati Membri jeħtiġilhom juru li l-għajnuna tkun proporzjonata għall-problema li tkun qiegħda tiġi indirizzata. Essenzjalment, iridu juru li l-istess bidla fl-imġiba (skont l-effett ta’ inċentiv) ma tkunx tista’ tinkiseb b’anqas għajnuna u b’anqas distorsjonijiet. L-għajnuna titqies proporzjonata jekk l-ammont ikun limitat għall-minimu neċessarju u d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni jiġu mminimizzati, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti f’din it-Taqsima.

5.2.4.1.   Proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva

116.

L-għajnuna mill-Istat tiġi kkunsidrata proporzjonata jekk l-ammont tagħha jkun limitat għall-minimu meħtieġ sabiex isseħħ l-attività ekonomika appoġġata.

117.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, l-għajnuna trid tingħata fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja, f’konformità mal-prinċipji tal-akkwist pubbliku (79). L-għajnuna trid tirrispetta wkoll il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, kif stabbilit fit-Taqsima 5.2.4.2.

118.

L-għajnuna mill-Istat titqies proporzjonata u limitata għall-ammont minimu neċessarju jekk tingħata permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva li tattira numru suffiċjenti ta’ parteċipanti. Jekk in-numru ta’ parteċipanti jew in-numru ta’ offerti eliġibbli ma jkunx biżżejjed, l-Istat Membru għandu jafda l-valutazzjoni tal-offerta rebbieħa (inklużi l-kalkoli tal-ispejjeż) f’idejn awditur indipendenti.

119.

Proċeduri differenti jistgħu jkunu adattati skont iċ-ċirkostanzi. Pereżempju, fir-rigward ta’ interventi b’kumplessità teknika għolja, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinvolvu rwieħhom fi proċedura ta’ djalogu kompetittiv ma’ offerenti potenzjali, bl-għan li jiġi żgurat l-aktar disinn xieraq tal-intervent.

120.

L-Istat Membru jeħtieġlu jiżgura li tintgħażel l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża (80). Għal dak l-għan, l-Istat Membru jeħtieġlu jistabbilixxi kriterji kwalitattivi oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji għall-aġġudikazzjoni u jispeċifika l-ponderazzjoni relattiva ta’ kull kriterju minn qabel.

121.

Il-kriterji kwalitattivi għall-aġġudikazzjoni jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, il-prestazzjoni tan-network (inkluża s-sigurtà tiegħu), il-kopertura ġeografika, kemm jibqa’ validu fil-futur l-approċċ teknoloġiku, l-impatt tas-soluzzjoni proposta fuq il-kompetizzjoni (inklużi t-termini, il-kundizzjonijiet u l-ipprezzar tal-aċċess bl-ingrossa) (81), u l-ispiża totali tas-sjieda (82).

122.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jagħtu punti ta’ prijorità addizzjonali għal kriterji li għandhom x’jaqsmu mal-prestazzjoni klimatika u ambjentali tan-network (83), rispettivament fir-rigward tal-karatteristiċi tan-newtralità klimatika tiegħu, inkluża l-impronta tal-karbonju tiegħu, u l-impatt tan-network fuq il-komponenti ewlenin tal-kapital naturali, jiġifieri l-arja, l-ilma, l-art u l-bijodiversità. L-Istati Membri jistgħu jinkludu wkoll obbligi fuq l-offerent magħżul biex jimplimenta miżuri ta’ mitigazzjoni proporzjonati f’każ li n-network jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-ambjent.

123.

Meta l-għajnuna tingħata mingħajr proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva lil awtorità pubblika li tniedi u timmaniġġja network tal-broadband fil-livell bl-ingrossa (84) direttament, jew permezz ta’ entità interna (mudell ta’ investiment dirett), l-Istat Membru jeħtieġlu jiġġustifika b’mod simili l-għażla tiegħu ta’ soluzzjoni teknoloġika u tan-network (85).

124.

Kwalunkwe konċessjoni jew inkarigu ieħor minn tali awtorità pubblika jew entità interna lil parti terza sabiex tfassal, tibni jew topera n-network irid jiġi allokat permezz ta’ proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Il-proċedura trid tkun konformi mal-prinċipji tal-akkwist pubbliku, ibbażata fuq l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża u trid tirrispetta l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku.

5.2.4.2.   Newtralità teknoloġika

125.

Il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika jirrikjedi li l-intervent mill-Istat ma jridx jiffavorixxi jew jeskludi xi teknoloġija partikolari, kemm fl-għażla tal-benefiċjarji kif ukoll fl-għoti ta’ aċċess bl-ingrossa. Peress li jeżistu soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti, l-offerta ma għandhiex tiffavorixxi jew teskludi xi teknoloġija jew pjattaforma tan-network partikolari. L-offerenti għandhom ikunu intitolati li jipproponu l-provvista tas-servizzi meħtieġa bl-użu jew bit-taħlit ta’ kwalunkwe teknoloġija li jqisu l-aktar xierqa. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jiddeterminaw il-prestazzjoni mixtieqa, inkluża l-effiċjenza enerġetika tan-networks qabel il-proċedura u jagħtu punti ta’ prijorità lis soluzzjoni teknoloġika jew lit-taħlita ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi l-aktar adatti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, f’konformità mat-Taqsima 5.2.4.1. Network iffinanzjat mill-Istat irid jippermetti aċċess b’kundizzjonijiet ġusti u mhux diskriminatorji lil dawk kollha li jfittxu aċċess irrispettivament mit-teknoloġija użata.

5.2.4.3.   L-użu tal-infrastruttura eżistenti

126.

L-użu tal-infrastruttura eżistenti huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jistgħu jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tnedija ta’ network tal-broadband ġdid u tiġi limitata l-ħsara lill-ambjent.

127.

L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-impriżi li jkunu lesti jipparteċipaw fi proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva sabiex jużaw kwalunkwe infrastruttura eżistenti disponibbli. L-Istati Membri għandhom iħeġġu wkoll lil dawn l-impriżi biex jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-infrastrutturi eżistenti li jkunu proprjetà tagħhom jew kontrollati minnhom (86) fiż-żona fejn ikun ippjanat l-intervent. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fi żmien xieraq sabiex tkun tista’ titqies meta jitħejjew l-offerti. Fejn ikun proporzjonat, l-Istati Membri, filwaqt li jqisu fost fatturi oħrajn id-daqs taż-żona tal-intervent, il-prontezza tal-informazzjoni u ż-żmien disponibbli, għandhom jistabbilixxu li l-għoti ta’ dik l-informazzjoni tkun kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-għażla (87). L-informazzjoni tista’ tinkludi, b’mod partikolari: (a) il-post u r-rotta tal-infrastruttura; (b) it-tip u l-użu kurrenti tal-infrastruttura; (c) punt ta’ kuntatt u (d) meta jkunu disponibbli (88), it-termini u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħha.

128.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu aċċessibbli l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħhom (89) dwar l-infrastruttura eżistenti li tista’ tintuża għall-implimentazzjoni tan-networks tal-broadband fiż-żona tal-intervent. L-Istati Membri huma mħeġġin jisfruttaw il-Punt Uniku ta’ Informazzjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/61/UE.

5.2.4.4.   Aċċess bl-ingrossa

129.

L-aċċess bl-ingrossa effettiv minn partijiet terzi għal networks iffinanzjati huwa kundizzjoni indispensabbli ta’ kwalunkwe miżura ta’ għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, l-aċċess bl-ingrossa jippermetti lill-impriżi terzi jikkompetu mal-offerent magħżul, u b’hekk tisaħħaħ l-għażla u l-kompetizzjoni fiż-żoni koperti mill-miżura. L-aċċess bl-ingrossa jevita wkoll il-ħolqien ta’ monopolji reġjonali tas-servizzi. Billi jagħti l-possibbiltà li tiżviluppa l-kompetizzjoni fiż-żona fil-mira, jiżgura wkoll l-iżvilupp tas-suq f’dik iż-żona fuq medda itwal ta’ żmien. Dak l-aċċess ma huwiex kontinġenti fuq kwalunkwe analiżi minn qabel tas-suq skont it-tifsira tal-Kapitolu III Directive (EU) 2018/1972. Madankollu, it-tip ta’ obbligi ta’ aċċess bl-ingrossa imposti fuq network iffinanzjat mill-Istat għandu jqis il-portafoll tal-obbligi ta’ aċċess stabbiliti skont ir-regolament settorjali. Madankollu, peress li l-benefiċjarji tal-għajnuna mhux biss jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom iżda l-fondi pubbliċi biex iniedu n-network, għandhom jipprovdu firxa usa’ ta’ prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa minn dawk imposti mill-ARN fuq l-impriżi li jkollhom saħħa sinjifikanti fis-suq. Tali aċċess bl-ingrossa għandu jingħata kmieni kemm jista’ jkun qabel ma jibdew jiġu pprovduti s-servizzi rilevanti u, meta l-operatur tan-network ikollu wkoll il-ħsieb li jipprovdi servizzi bl-imnut, mill-anqas 6 xhur qabel jitniedu dawk is-servizzi bl-imnut.

130.

In-network iffinanzjat mill-Istat irid joffri aċċess effettiv lill-impriżi b’kundizzjonijiet ġusti u mhux diskriminatorji. Dan jista’ jimplika l-aġġornament u ż-żieda fil-kapaċità tal-infrastruttura eżistenti, fejn neċessarji, u t-tnedija ta’ infrastruttura ġdida suffiċjenti (pereżempju, tubi kbar biżżejjed sabiex jipprovdu għal numru suffiċjenti ta’ networks, u topoloġiji differenti tan-network) (90).

131.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jindikaw it-termini, il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet għall-prodotti tal-aċċess bl-ingrossa fid-dokumenti tal-proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva u jeħtiġilhom jippubblikaw dik l-informazzjoni fuq sit web komprensiv, fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Il-pubbliku ġenerali għandu jkollu aċċess għas-sit web mingħajr ebda restrizzjoni, inkluża r-reġistrazzjoni tal-utenti minn qabel.

132.

Sabiex l-aċċess bl-ingrossa jsir effettiv u sabiex min ifittex l-aċċess ikun jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu, l-aċċess bl-ingrossa jrid jingħata wkoll lil partijiet tan-network li ma jkunux ġew iffinanzjati mill-Istat jew li ma setgħux jitniedu mill-benefiċjarju tal-għajnuna (91).

5.2.4.4.1.   Termini u kundizzjonijiet tal-aċċess bl-ingrossa

133.

L-aċċess bl-ingrossa effettiv irid jingħata għal mill-anqas 10 snin għall-prodotti attivi kollha minbarra aċċess virtwali diżaggregat (VULA).

134.

L-aċċess fuq il-bażi tal-VULA jrid jingħata għal perjodu ta’ żmien ugwali għat-tul tal-ħajja tal-infrastruttura li għaliha l-VULA huwa sostitut (92).

135.

L-aċċess għal infrastruttura ġdida (bħal tubi, arbli, kabinetti tat-toroq jew fibra skura) irid jingħata għat-tul tal-ħajja tal-element tan-network ikkonċernat (93). Jekk l-għajnuna mill-Istat tingħata għal infrastruttura ġdida, l-infrastruttura trid tkun kbira biżżejjed sabiex tissodisfa d-domanda kurrenti u li tevolvi ta’ dawk li jfittxu aċċess (94). Dan huwa komplementari u mingħajr preġudizzju għall-obbligi regolatorji li jistgħu jiġu imposti mill-ARN.

136.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonsultaw lill-ARN dwar il-prodotti, il-kundizzjonijiet u l-ipprezzar tal-aċċess bl-ingrossa. L-ARN huma mħeġġin jipprovdu gwida, kif stabbilit fit-Taqsima 5.2.4.6.

137.

L-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess iridu japplikaw għan-network kollu ffinanzjat mill-Istat, inklużi l-partijiet tan-network fejn intużat infrastruttura eżistenti. L-obbligi ta’ aċċess iridu jiġu infurzati irrispettivament minn kwalunkwe bidla fis-sjieda, fil-ġestjoni jew fl-operat tan-network iffinanzjat mill-Istat.

138.

Jekk juża r-riżorsi proprji tiegħu, il-benefiċjarju tal-għajnuna jew dawk li jfittxu aċċess u jaqbdu man-network iffinanzjat mill-Istat jistgħu jiddeċiedu li jestendu n-networks tagħhom f’żoni kontigwi barra miż-żona fil-mira. Dawk li jfittxu l-aċċess jistgħu jwettqu estensjonijiet bħal dawk fuq il-bażi tal-obbligi ta’ aċċess bl-ingrossa. Jekk ma jkunux marbutin mal-benefiċjarju tal-għajnuna, ma jkun hemm l-ebda limitazzjoni għal estensjonijiet bħal dawk f’żoni kontigwi. Persuna li tfittex l-aċċess titqies li ma tkunx marbuta mal-benefiċjarju tal-għajnuna jekk ma tkunx parti mill-istess grupp u ma jkollhiex parteċipazzjoni fl-impriżi rispettivi tiegħu. L-estensjonijiet mill-benefiċjarji tal-għajnuna jistgħu jkunu permessi soġġetti għas-salvagwardji kumulattivi li ġejjin:

(a)

meta jwettaq il-konsultazzjoni pubblika (ara t-Taqsima 5.2.2.4.2), l-Istat Membru jeħtieġlu jindika li huma permessi estens jonijiet privati fi stadju aktar tard u jipprovdi informazzjoni sinifikattiva dwar il-kopertura potenzjali ta’ estensjonijiet bħal dawk;

(b)

l-estensjonijiet f’żoni kontigwi jistgħu jitwettqu biss sentejn wara li jibda jopera n-network iffinanzjat mill-Istat, fejn isseħħ waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(i)

fil-konsultazzjoni pubblika, il-partijiet ikkonċernati juru li hemm riskju li l-estensjoni ppjanata tidħol f’żona kontigwa li diġà tkun moqdija minn tal-anqas żewġ networks indipendenti li jipprovdu veloċitajiet komparabbli ma’ dawk tan-network iffinanzjat mill-Istat;

(ii)

ikun hemm mill-anqas network wieħed fiż-żona kontigwa li jipprovdi veloċitajiet komparabbli ma’ dawk tan-network iffinanzjat mill-Istat li jkun daħal fis-seħħ anqas minn ħames snin qabel ma jibda jopera n-network iffinanzjat mill-Istat (95).

139.

Jekk ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika juru evidenza ta’ riskji ta’ distorsjonijiet sinifikanti oħrajn tal-kompetizzjoni, jeħtieġ li jiġu projbiti estensjonijiet mill-benefiċjarju tal-għajnuna.

5.2.4.4.2.   Prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa

5.2.4.4.2.1.   Networks ta’ aċċess fissi varati f’żoni bojod

140.

In-network iffinanzjat mill-Istat irid jipprovdi tal-anqas aċċess għall-bitstream, aċċess għall-fibra skura u aċċess għall-infrastruttura, inklużi kabinetti tat-toroq, lasti, arbli, torrijiet, u tubi.

141.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li n-network iffinanzjat mill-Istat jipprovdi tal-anqas diżaggregazzjoni fiżika jew VULA. Sabiex jitqies xieraq bħala prodott ta’ aċċess bl-ingrossa, kwalunkwe prodott ta’ VULA jrid jiġi approvat minn qabel mill-ARN jew minn awtorità kompetenti oħra.

5.2.4.4.2.2.   Networks ta’ aċċess fiss użati f’żoni griżi u bojod

142.

In-network iffinanzjat mill-Istat irid jipprovdi mill-inqas (a) il-prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa msemmijin fil-paragrafu 140; u (b) id-diżaggregazzjoni fiżika.

143.

L-Istati Membri jistgħu jqisu li jkun xieraq li ma jimponux l-għoti ta’ diżaggregazzjoni fiżika u, minflok, jeħtieġu l-provvista ta’ VULA. F’dak il-każ, l-Istati Membri jeħtiġilhom jindikaw l-intenzjoni tagħhom li jikkonċedu deroga mill-obbligu li jipprovdu diżaggregazzjoni fiżika u li jipprovdu r-raġunijiet għal dik l-għażla fil-konsultazzjoni pubblika. L-Istati Membri jeħtiġilhom juru li s-sostituzzjoni tal-provvista ta’ diżaggregazzjoni fiżika mal-għoti ta’ VULA ma tissograx li tfixkel il-kompetizzjoni mingħajr bżonn filwaqt li jqisu r-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika u l-karatteristiċi tas-suq u taż-żona kkonċernata (96). Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-forniment ta’ VULA, minflok diżaggregazzjoni fiżika, jiżgurax li l-għajnuna tkun proporzjonata.

5.2.4.4.2.3.   Networks ta’ aċċess mobbli

144.

In-network iffinanzjat mill-Istat irid jipprovdi sett raġonevoli ta’ prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa, meta jitqiesu l-karatteristiċi tas-suq, sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għan-network sussidjat. Dak jinkludi mill-inqas ir-roaming, u l-aċċess għal lasti, għal arbli, għal torrijiet u għal tubi. Hekk kif isiru disponibbli, in-network iffinanzjat mill-Istat ikollu jipprovdi l-prodotti ta’ aċċess neċessarji sabiex jiġu sfruttati l-karatteristiċi aktar avvanzati (97) tan-networks mobbli, bħall-5G u l-ġenerazzjonijiet futuri tan-networks mobbli (98).

5.2.4.4.2.4.   Backhauls

145.

In-network iffinanzjat mill-Istat irid jiżgura mill-inqas servizz attiv wieħed u aċċess għal lasti, għal arbli, għal torrijiet, għal tubi u għall-fibra skura.

146.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jipprevedu li jkun hemm kapaċità suffiċjenti għal infrastruttura ġdida (pereżempju, tubi kbar biżżejjed sabiex jipprovdu għall-varar tal-fibra sabiex jakkomodaw il-ħtiġijiet mistennija ta’ dawk kollha li jfittxu aċċess) jekk ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv b’kundizzjonijiet ġusti u mhux diskriminatorji.

5.2.4.4.3.   L-aċċess bl-ingrossa fuq il-bażi ta’ domanda raġonevoli

147.

Bħala eċċezzjoni għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 5.2.4.4.2, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-provvista ta’ ċerti prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa għal każijiet ta’ domanda raġonevoli minn persuna li tfittex aċċess, fejn il-provvista ta’ dawk il-prodotti jżid b’mod sproporzjonat l-ispejjeż tal-investiment mingħajr ma jrendi benefiċċji sinifikanti f’termini ta’ kompetizzjoni akbar.

148.

Sabiex il-Kummissjoni tapprova eċċezzjoni bħal din, l-Istati Membri jeħtiġilhom jipprovdu ġustifikazzjoni fuq il-bażi tal-karatteristiċi ta’ dak l-intervent speċifiku. Il-ġustifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji motivati sew u oġġettivi, bħad-densità baxxa tal-popolazzjoni taż-żoni kkonċernati, id-daqs taż-żona fil-mira jew id-daqs tal-benefiċjarji tal-għajnuna (99). L-Istati Membri jeħtiġilhom juru, għal kull prodott ta’ aċċess li mhux se jiġi pprovdut, li l-provvista ta’ dak il-prodott tkun tirriżulta f’żieda sproporzjonata fl-ispejjeż tal-intervent, fuq il-bażi ta’ kalkoli dettaljati u oġġettivi tal-ispejjeż.

149.

Id-domanda ta’ persuna li tfittex aċċess titqies raġonevoli jekk (a) il-persuna li tfittex aċċess tipprovdi pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li jiġġustifika l-iżvilupp tal-prodott fuq in-network iffinanzjat mill-Istat; u (b) l-ebda prodott ta’ aċċess komparabbli ma jkun diġà offrut fl-istess żona ġeografika minn impriża oħra bi prezzijiet ekwivalenti għal dawk f’żoni b’popolazzjoni aktar densa (100).

150.

Jekk talba għall-aċċess tkun raġonevoli, l-ispejjeż addizzjonali biex tintlaqa’ t-talba għall-aċċess għandhom jiġġarrbu mill-benefiċjarju tal-għajnuna.

5.2.4.4.4.   Ipprezzar tal-aċċess bl-ingrossa

151.

Meta jistabbilixxu l-prezzijiet għall-prodotti tal-aċċess bl-ingrossa, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-prezz tal-aċċess bl-ingrossa għal kull prodott ikun ibbażat fuq wieħed mill-parametri referenzjarji u mill-prinċipji tal-ipprezzar li ġejjin:

(a)

il-medja tal-prezzijiet bl-ingrossa ppubblikati li jipprevalu f’żoni komparabbli u aktar kompetittivi tal-Istat Membru;

(b)

il-prezzijiet regolati diġà stabbiliti jew approvati mill-ARN għas-swieq u għas-servizzi kkonċernati;

(c)

l-orjentazzjoni tal-ispejjeż jew metodoloġija awtorizzata f’konformità mal-qafas regolatorju settorjali.

152.

L-ARN jeħtiġilha tiġi kkonsultata dwar il-prodotti tal-aċċess bl-ingrossa u t-termini u l-kundizzjonijiet għall-aċċess bl-ingrossa, inklużi l-prezzijiet u t-tilwim relatat, kif stabbiliti fit-Taqsima 5.2.4.6.

5.2.4.4.5.   Rkupru

153.

L-ammont ta’ għajnuna għall-interventi mill-Istat li jappoġġaw it-tnedija ta’ network fiss u mobbli spiss jiġi stabbilit fuq bażi ex ante sabiex ikopri d-diskrepanza fil-finanzjament li tkun mistennija matul il-ħajja tal-infrastruttura li tingħata l-għajnuna.

154.

F’dak il-każ, peress li l-ispejjeż u d-dħul fil-futur ikunu ġeneralment inċerti, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ kull proġett iffinanzjat mill-Istat (101) tul il-ħajja kollha tal-infrastruttura li tingħata l-għajnuna u jipprovdu mekkaniżmu ta’ rkupru. Permezz ta’ dak il-mekkaniżmu ikun possibbli li tiġi kkunsidrata kif xieraq informazzjoni li l-benefiċjarju tal-għajnuna ma jkunx seta’ jqis fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju oriġinali meta kien applika għall-għajnuna mill-Istat. Dawn li ġejjin huma eżemnpji ta’ fatturi li jista’ jkollhom impatt fuq il-profittabbiltà tal-proġett u li jistgħu jkunu diffiċli, jew saħansitra impossibbli, li jiġu stabbiliti ex ante b’akkuratezza adegwata huma: (a) l-ispejjeżattwali għat-tnedija tan-network; (b) id-dħul attwali mis-servizzi ewlenin; (c) id-diffużjoni nnifisha; u (d) id-dħul attwali minn servizzi “mhux ewlenin” (102).

155.

Ikun jeħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw mekkaniżmu ta’ rkupru tul il-ħajja kollha tal-infrastruttura li tingħata l-għajnuna jekk l-ammont tal-għajnuna tal-proġett ikun iktar minn EUR 10 miljun. L-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu r-regoli ta’ dak il-mekkaniżmu b’mod trasparenti u ċar minn qabel, inkluż fid-dokumentazzjoni tal-proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva.

156.

Ma jkunx neċessarju mekkaniżmu ta’ rkupru meta l-proġett jitwettaq permezz tal-mudell ta’ investiment dirett li fih jinbena u jiġi operat minn awtorità pubblika biss network pubbliku u bl-ingrossa, bl-uniku għan li jingħata aċċess ġust u mhux diskriminatorju lill-impriżi kollha (103).

157.

Peress li diversi fatturi jista’ jkollhom impatt pożittiv jew negattiv fuq il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-benefiċjarju tal-għajnuna, il-mekkaniżmu ta’ rkupru għandu jitfassal b’tali mod li jqis u jibbilanċja żewġ objettivi: (a) għandu jippermetti li l-Istat Membru jirkupra ammonti ’l fuq minn profitt raġonevoli (104); (b) ma għandux jipperikola l-inċentivi tal-impriżi sabiex jipparteċipaw fi proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva (105) u sabiex jistinkaw għal kosteffiċjenzi (titjib fl-effiċjenza) meta jniedu n-network. Sabiex jinkiseb bilanċ tajjeb bejn iż-żewġ objettivi, l-Istati Membri għandhom jintroduċu kriterji biex jinċentivaw it-titjib fl-effiċjenza (106).

158.

Il-massimu tal-ammont ta’ inċentiv stabbilit ma jridx ikun iktar minn 30 % tal-profitt raġonevoli. L-Istati Membri ma għandhomx jirkupraw xi profitt żejjed daqs jew inqas minn dak il-limitu (jiġifieri, il-profitt raġonevoli miżjud bl-ammont tal-inċentiv (107)). Kwalunkwe profitt li jaqbeż il-limitu jrid jinqasam bejn il-benefiċjarju tal-għajnuna u l-Istat Membru, fuq il-bażi tal-intensità tal-għajnuna li tirriżulta mill-eżitu tal-proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva (108).

159.

Il-mekkaniżmi ta’ rkupru jridu jqisu wkoll il-profitti li jkunu saru minn tranżazzjonijiet oħrajn li jikkonċernaw in-network iffinanzjat mill-Istat. Pereżempju, meta kumpanija tiġi stabbilita speċifikament sabiex tibni jew topera n-network iffinanzjat mill-Istat, jekk azzjonist eżistenti ta’ dik il-kumpanija jbigħ l-ishma kollha tiegħu jew parti minnhom fil-kumpanija fi żmien 7 snin mit-tlestija tan-network jew fi żmien 10 snin mill-aġġudikazzjoni tal-għajnuna, l-Istat Membru jeħtieġlu jirkupra kwalunkwe ammont tar-rikavat mill-bejgħ li jkun iktar mill-prezz li bih l-azzjonist kurrenti jkun jikseb profitt raġonevoli (109).

5.2.4.5.   Separazzjoni tal-kontabilità

160.

Sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna tibqa’ proporzjonali u ma twassalx għal kumpens eċċessiv jew għal sussidjar reċiproku ta’ attivitajiet mhux megħjunin, il-benefiċjarju tal-għajnuna jeħtieġlu jiżgura separazzjoni tal-kontabilità sabiex l-ispejjeż tat-tnedija u tat-tħaddim u d-dħul mill-użu tan-network imniedi bil-finanzjament mill-Istat ikunu identifikati b’mod ċar.

5.2.4.6.   Ir-rwol tal-ARN, tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni, taċ-ċentri nazzjonali ta’ kompetenza u tal-Uffiċċji ta’ Kompetenza fil-broadband

161.

Ir-rwol tal-ARN fit-tfassil tal-aktar interventi xierqa mill-Istat b’appoġġ għan-networks tal-banda wiesgħa huwa partikolarment importanti. L-ARN kisbu għarfien tekniku u għarfien espert minħabba r-rwol kruċjali assenjat lilhom mir-regolamentazzjoni settorjali u jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jappoġġaw lill-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tat-tfassil tal-interventi mill-Istat.

162.

L-Istati Membri huma mħeġġin jinvolvu sistematikament lill-ARN fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-interventi tal-Istat, u b’mod partikolari iżda mhux limitati għal, (a) fl-identifikazzjoni tal-oqsma fil-mira (immappjar u konsultazzjoni pubblika), (b) fil-valutazzjoni tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-bidla gradwali, u (c) fil-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tal-konflitti, inkluż fil-każ ta’ tilwim fir-rigward ta’ kwalunkwe wieħed minn dawk l-aspetti.

163.

Fid-dawl tal-għarfien espert partikolari tal-ARN tas-swieq nazzjonali, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonsultaw lill-ARN, li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni, fir-rigward ta’: (a) il-prodotti, il-kundizzjonijiet u l-ipprezzar tal-aċċess bl-ingrossa (it-Taqsima 5.2.4.4); u (b) l-infrastrutturi eżistenti li huma soġġetti għal regolamentazzjoni ex ante (it-Taqsima 5.2.4.3). Meta l-ARN tkun ingħatat il-kompetenzi neċessarji għall-involviment tagħha fl-interventi mill-Istat għat-tnedija ta’ networks tal-broadband, l-Istat Membru għandu jibgħat lill-ARN deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri tal-għajnuna, mill-anqas xahrejn qabel notifika dwar l-għajnuna mill-Istat sabiex l-ARN tingħata perjodu ta’ żmien raġonevoli sabiex tipprovdi l-opinjoni tagħha.

164.

F’konformità mal-aħjar prattiki, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-ARN skont il-qafas regolatorju, l-ARN jistgħu joħorġu linji gwida għall-awtoritajiet lokali dwar, fost l-oħrajn, it-twettiq ta’ analiżi tas-suq u d-definizzjonijiet ta’ prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa u l-ipprezzar. Dawk il-linji gwida għandhom iqisu l-qafas regolatorju u r-rakkomandazzjonijiet maħruġin mill-Kummissjoni (110).

165.

Minbarra l-involviment tal-ARN, l-Istati Membri jistgħu jikkonsultaw ukoll lill-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni, pereżempju sabiex jirċievu pariri dwar kif għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi u sabiex jevitaw li sehem sproporzjonatament għoli tal-fondi mill-Istat jiġi allokat lil operatur wieħed, biex b’hekk tissaħħaħ pożizzjoni tas-suq (li possibbilment tkun diġà dominanti) (111).

166.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ċentri nazzjonali ta’ kompetenza jew Uffiċċji ta’ Kompetenza fil-broadband li jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi jfasslu intervent mill-Istat li jappoġġa t-tnedija ta’ networks tal-broadband (112).

5.2.5.    It-trasparenza, ir-rapportar, il-monitoraġġ tal-għajnuna

167.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 7 dwar it-trasparenza, ir-rappurtaġġ u l-monitoraġġ.

5.3.   Effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ

168.

L-għajnuna għat-tnedija ta’ networks fissi u mobbli jista’ jkollha effetti negattivi f’termini ta’ distorsjonijiet tas-suq u impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

169.

Il-Kummissjoni tivvaluta s-sinifikat tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ f’termini tal-impatt fuq il-kompetituri u l-possibilità ta’ esklużjoni ta’ investimenti privati. L-appoġġ pubbliku jista’ wkoll iħeġġeġ lill-fornituri ta’ servizzi lokali sabiex jirrikorru għas-servizzi offruti min-network iffinanzjat mill-Istat minflok dawk ipprovduti skont it-termini tas-suq. Barra minn hekk, meta l-benefiċjarju tal-għajnuna x’aktarx ikun impriża li diġà tkun dominanti f’suq jew li tista’ ssir dominanti minħabba l-investiment pubbliku, l-għajnuna tista’ ddgħajjef ir-restrizzjonijiet kompetittivi li l-kompetituri jistgħu jeżerċitaw. Anke meta d-distorsjonijiet jistgħu jiġu kkunsidrati limitati f’livell individwali, fuq bażi kumulattiva, l-iskemi ta’ għajnuna xorta jistgħu jwasslu għal livelli għoljin ta’ distorsjoni.

5.4.   Il-bilanċ tal-effetti pożittivi tal-għajnuna kontra l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ

170.

Il-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti pożittivi tal-għajnuna ppjanata fuq l-attivitajiet ekonomiċi appoġġati mal-effetti negattivi attwali u potenzjali fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ. Sabiex l-għajnuna mill-Istat tkun kompatibbli mas-suq intern, l-effetti pożittivi jridu jisbqu l-effetti negattivi tagħha.

171.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tivvaluta l-effetti pożittivi tal-għajnuna fuq l-attivitajiet ekonomiċi appoġġati, inkluż il-kontribut tagħha lejn l-objettivi tal-politika diġitali. L-Istat Membru jrid juri, fuq il-bażi ta’ analiżi kontrofattwali, li l-miżura għandha effetti pożittivi meta mqabbla ma’ dak li kieku kien jiġri mingħajr l-għajnuna. Kif indikat fit-Taqsima 5.2.1, l-effetti pożittivi jistgħu jinkludu l-kisba tal-objettivi tal-intervent mill-Istat, bħat-tnedija ta’ network ġdid fis-suq li jipprovdi kapaċità u veloċità addizzjonali kif ukoll prezzijiet aktar baxxi u għażla aħjar għall-utenti finali, u kwalità u innovazzjoni aħjar. Dan jirriżulta wkoll f’aċċess akbar għall-utenti finali għar-riżorsi online u x’aktarx li jistimula żieda fid-domanda. Bħala riżultat, jista’ jikkontribwixxi wkoll għat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali u jġib benefiċċji għall-ekonomija tal-Unjoni kollha kemm hi.

172.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tqis ukoll, fejn rilevanti, jekk l-għajnuna twassalx għal effetti pożittivi oħrajn, pereżempju t-titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-operazzjonijiet tan-network jew fil-politiki tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew.

173.

It-tieni, l-Istati Membri jeħtiġilhom juru li l-effetti negattivi jkunu limitati għall-minimu neċessarju. Meta jfasslu l-miżura filwaqt li jqisu l-ħtieġa, l-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-għajnuna (it-Taqsimiet 5.2.2, 5.2.3 u 5.2.4), l-Istati Membri għandhom iqisu, pereżempju, id-daqs tal-proġetti, l-ammonti ta’ għajnuna individwali u kumulattivi, il-karatteristiċi tal-benefiċjarji (pereżempju jekk ikollhomx saħħa sinjifikanti fis-suq) u l-karatteristiċi taż-żoni fil-mira (pereżempju l-għadd ta’ networks performanti eżistenti jew kredibbilment ippjanati f’żona partikolari). Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-effetti negattivi probabbli, l-Istati Membri huma mħeġġa jissottomettu kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt li jkollhom disponibbli kif ukoll evalwazzjonijiet ex post imwettqin fir-rigward ta’ skemi simili li tnedew qabel.

6.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-MIŻURI TA’ DIFFUŻJONI

174.

Id-disponibbiltà ta’ network tal-broadband hija prerekwiżit biex l-abbonament għal servizzi tal-broadband ikun possibbli. Madankollu, f’xi każijiet, dan jista’ ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti finali (imsemmijin b’mod partikolari fil-paragrafi 53 u 61) u li jimmaterjalizzaw il-benefiċċji għas-soċjetà kollha kemm hi.

175.

Ir-raġuni tista’ tkun it-tendenza relattivament baxxa tal-utenti finali li jabbonaw għas-servizzi tal-broadband. Ir-raġunijiet għal tali tendenza baxxa jistgħu jkunu diversi, inklużi: (a) l-impatt ekonomiku tal-ispiża tal-abbonament għas-servizzi tal-broadband għall-utenti finali b’mod ġenerali jew għal ċerti kategoriji ta’ utenti finali f’sitwazzjonijiet prekarji; u (b) in-nuqqas ta’ għarfien tal-benefiċċji li jġib l-abbonament għal servizzi tal-broadband.

176.

Miżuri fin-naħa tad-domanda, bħal vawċers, huma mfasslin sabiex inaqqsu l-ispejjeż għall-utenti finali u jistgħu jkunu utli sabiex jirrimedjaw falliment speċifiku tas-suq f’termini ta’ diffużjoni ta’ servizzi tal-broadband disponibbli. Aċċess mifrux u bi prezz raġonevoli għall-konnettività jiġġenera esternalitajiet pożittivi minħabba l-kapaċità tiegħu li jaċċellera t-tkabbir u l-innovazzjoni fis-setturi kollha tal-ekonomija. Meta ma jkunx possibbli li jiġi żgurat aċċess ekonomikament sostenibbli għal servizzi sodisfaċenti tal-broadband minħabba, pereżempju, prezzijiet għoljin għall-konsumatur, l-għajnuna mill-Istat tista’ tirrimedja dak il-falliment tas-suq. F’każijiet bħal dawk, l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jipproduċi effetti pożittivi.

177.

Il-vawċers ma jirrappreżentawx għajnuna lill-utenti finali, inklużi konsumaturi individwali, jekk dawk l-utenti finali ma jwettqux attività ekonomika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Madankollu, il-vawċers jistgħu jirrappreżentaw għajnuna fir-rigward tal-utenti finali jekk dawk l-utenti jwettqu attività ekonomika fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Minkejja dan, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dik l-għajnuna tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament De Minimis (113), meta jitqies il-valur limitat tal-vawċers.

178.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkonferma li meta jingħata vantaġġ lill-utenti finali bħal konsumaturi individwali li ma jwettqux attività ekonomika, xorta jista’ jirrappreżenta vantaġġ mogħti lil ċerti impriżi u, għalhekk, jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat (114).

179.

Għalhekk, il-vawċers jistgħu jikkostitwixxu għajnuna lill-impriżi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jkunu jistgħu jtejbu jew iżidu l-offerta tagħhom ta’ servizzi bl-użu tan-networks eżistenti tal-broadband u b’hekk isaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq għad-detriment ta’ impriżi oħrajn fis-settur tal-broadband. Dawk l-impriżi huma soġġetti għal kontroll tal-għajnuna mill-Istat, jekk il-vantaġġ li jirċievu ikun iktar mil-livelli de minimis.

180.

Il-miżuri ta’ vawċer ma jistgħux jiġu pprovduti f’żoni fejn ma hemm l-ebda network li jipprovdi s-servizzi eliġibbli.

6.1.   Vawċers soċjali

181.

Il-vawċers soċjali għandhom l-għan li jappoġġaw lil ċerti konsumaturi individwali sabiex jakkwistaw jew sabiex iżommu servizzi tal-broadband. Jistgħu jinstabu kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(2), il-punt (a) tat-Trattat, bħala “għajnuna ta’ karattru soċjali mogħtija lill-konsumaturi individwali, basta dik l-għajnuna tiġi mogħtija mingħajr diskriminazzjoni bażata fuq l-oriġini tal-prodotti konċernati”.

182.

Sabiex ikunu kompatibbli skont l-Artikolu 107(2), il-punt (a) tat-Trattat, il-vawċers soċjali jridu jkunu riżervati għal kategoriji partikolari ta’ konsumaturi individwali li ċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħhom jiġġustifikaw l-għoti ta’ għajnuna għal raġunijiet soċjali (pereżempju, familji b’introjtu baxx, studenti akbar fl-età, studenti żgħar, eċċ.) (115). Għal dak l-għan, l-Istati Membri jeħtiġilhom jidentifikaw, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, il-kategoriji tal-konsumaturi fil-mira tal-iskemi ta’ vawċers soċjali (116).

183.

L-ispejjeż eliġibbli jistgħu jkunu t-tariffa ta’ kull xahar, l-ispejjeż standard (117) tal-installazzjoni u t-tagħmir terminali neċessarju għall-konsumatur sabiex ikun jista’ jikseb aċċess għas-servizzi tal-broadband. L-ispejjeż għall-wajering intern u xi installazzjoni limitata fil-proprjetà privata tal-konsumatur jew fi proprjetà pubblika qrib ħafna tal-proprjetà privata tal-konsumatur jistgħu jkunu eliġibbli wkoll sal-punt li jkunu neċessarji u anċillari għall-provvista tas-servizz.

184.

Il-vawċers soċjali jistgħu jintużaw għal abbonamenti ma’ servizzi ġodda tal-broadband jew sabiex jinżammu abbonamenti eżistenti (“servizzi eliġibbli”).

185.

Ir-rekwiżit li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini tal-prodotti (ara l-paragrafu 181) huwa ssodisfat billi jiġi rispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Il-konsumaturi jridu jkunu jistgħu jużaw il-vawċers soċjali biex jakkwistaw servizzi tal-broadband eliġibbli minn kwalunkwe fornitur li jista’ jipprovdihom, irrispettivament mit-teknoloġija użata biex ikun provdut is-servizz. L-iskema tal-vawċers soċjali trid tiżgura li kull –fornitur possibbli ta’ servizzi jiġi trattat bl-istess mod u trid toffri lill-konsumaturi l-iktar għażla wiesa’ possibbli ta’ fornituri. Għal dak l-għan, l-Istat Membru jeħtieġlu jistabbilixxi reġistru online tal-fornituri ta’ servizzi eliġibbli kollha jew jimplimenta metodu alternattiv ekwivalenti sabiex jiżgura l-aċċess miftuħ, it-trasparenza u n-natura mhux diskriminatorja tal-intervent mill-Istat. Il-konsumaturi jeħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jikkonsultaw dik l-informazzjoni dwar l-impriżi kollha li jistgħu jipprovdu s-servizzi eliġibbli. L-impriżi kollha li kapaċi jipprovdu s-servizzi tal-broadband eliġibbli fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti (pereżempju, il-kapaċità li jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi għall-provvista ta’ servizzi bħal dawn), jeħtieġ li jkollhom il-possibbiltà sabiex, fuq talba, jiġu inklużi fir-reġistru online jew fi kwalunkwe metodu alternattiv magħżul mill-Istat Membru. Ir-reġistru (jew il-lok alternattiv magħżul) jista’ jipprovdi wkoll informazzjoni addizzjonali sabiex jassisti lill-konsumaturi, bħat-tip ta’ servizzi ipprovduti mill-impriżi differenti.

186.

L-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu konsultazzjoni pubblika dwar il-karatteristika ewlenija tal-iskema. Il-konsultazzjoni pubblika trid iddum mill-anqas 30 jum.

187.

L-Istati Membri jistgħu jimplimentaw salvagwardji addizzjonali sabiex jevitaw il-possibilità ta’ użu ħażin tal-vawċers soċjali mill-konsumaturi, mill-fornituri ta’ servizzi jew minn benefiċjarji oħrajn involuti. Pereżempju, f’ċerti ċirkustanzi, fejn l-abbonament għal servizzi eliġibbli ġodda biss ikun sussidjat, jistgħu jkunu neċessarji salvagwardji addizzjonali sabiex jiġi żgurat li l-vawċers ma jintużawx sabiex jiġu akkwistati servizzi tal-broadband meta membru ieħor tal-istess unità domestika diġà jkollu abbonament ma’ servizz eliġibbli.

188.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 7 dwar it-trasparenza, ir-rapportar u l-monitoraġġ.

6.2.   Vawċers tal-konnettività

189.

Il-vawċers tal-konnettività jistgħu jitfasslu għal kategoriji usa’ ta’ utenti finali (pereżempju, vawċers tal-konnettività għall-konsumaturi jew għal ċerti impriżi, bħal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) sabiex jinċentivaw id-diffużjoni ta’ servizzi tal-broadband li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ attività ekonomika. Miżuri bħal dawk jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-Trattat.

190.

Il-Kummissjoni tikkunsidra miżuri bħal dawk kompatibbli jekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ attività ekonomika (l-ewwel kundizzjoni) mingħajr ma jaffettwaw b’mod mhux xieraq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni (it-tieni kundizzjoni).

6.2.1.    L-ewwel kundizzjoni: il-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta’ attività ekonomika

191.

Il-Kummissjoni tqis li l-iskemi ta’ vawċers tal-konnettività li jikkontribwixxu b’mod effettiv favur id-diffużjoni ta’ ċerti servizzi tal-broadband jistgħu jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ firxa ta’ attivitajiet ekonomiċi billi jżidu l-konnettività u l-aċċess għas-servizzi tal-broadband fejn is-suq ikun falla fid-diffużjoni tas-servizzi rilevanti (118).

192.

L-Istati Membri jeħtiġilhom juru li l-iskemi ta’ vawċers tal-konnettività għandhom effett ta’ inċentiv.

193.

Il-vawċers tal-konnettività għandhom ikopru biss sa 50 % tal-ispejjeż eliġibbli (119). L-ispejjeż eliġibbli jistgħu jkunu t-tariffa ta’ kull xahar, l-ispejjeż standard tal-installazzjoni u t-tagħmir terminali neċessarju għall-utent aħħari sabiex jikseb aċċess għas-servizzi tal-broadband. L-ispejjeż għall-wajering intern u xi installazzjoni limitata fil-proprjetà privata tal-utenti finali jew fi proprjetà pubblika qrib ħafna tal-proprjetà privata tal-utenti finali jistgħu jkunu eliġibbli wkoll sal-punt li jkunu neċessarji u anċillari għall-provvista tas-servizz.

6.2.2.    It-tieni kundizzjoni: l-għajnuna ma tistax taffettwa b’mod mhux xieraq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni

194.

L-għajnuna mill-Istat għandha tkun immirata lejn sitwazzjonijiet li fihom l-għajnuna tista’ twassal għal titjib materjali li s-suq waħdu ma jistax jikseb, jiġifieri, fejn l-għajnuna tkun neċessarja sabiex tindirizza falliment tas-suq fid-diffużjoni tas-servizzi tal-broadband rilevanti. Pereżempju, jekk l-iskemi ta’ vawċers tal-konnettività ma jkunux immirati sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-utenti finali f’termini ta’ diffużjoni (pereżempju jekk il-vawċers jintużaw ħażin sabiex jappoġġaw it-tnedija minflok ma jinċentivaw id-domanda) jew ma jirrispettawx in-newtralità teknoloġika, dawk l-iskemi ma jkunux strument ta’ politika xieraq. F’każijiet bħal dawk, l-għajnuna fil-forma ta’ vawċers tista’ taffettwa mingħajr bżonn il-kundizzjonijiet ta’ kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni, u għalhekk ma jkunx probabbli li tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

195.

Il-vawċers tal-konnettività ma jistgħux jintużaw għall-manteniment tas-servizzi eżistenti. Il-vawċers jistgħu jintużaw sabiex jiġi akkwistat servizz ġdid jew jittejjeb dak eżistenti. Meta l-vawċers tal-konnettività jkunu jistgħu jintużaw sabiex itejbu abbonament eżistenti, l-Istati Membri jeħtiġilhom juru li l-iskema tal-vawċers ma toħloqx distorsjoni mingħajr bżonn tal-kompetizzjoni fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u tal-bejgħ bl-ingrossa, pereżempju li ma toħloqx profitti imprevisti sproporzjonati għal xi operaturi filwaqt li tkun ta’ detriment mingħajr bżonn għal operaturi oħrajn.

196.

Il-vawċers tal-konnettività jridu jkunu teknoloġikament newtrali. Iridu ikun possibbli li l-utenti finali jużaw il-vawċers tal-konnettività biex jakkwistaw servizzi eliġibbli ta’ broadband mingħand kwalunkwe fornitur li jkun kapaċi jipprovdihom, irrispettivament mit-teknoloġija użata għall-forniment tas-servizz. L-iskemi tal-vawċers tal-konnettività jridu jiżguraw li l-fornituri kollha possibbli ta’ servizzi jiġu trattati bl-istess mod u jridu joffru lill-utenti finali l-iktar għażla wiesa’ possibbli ta’ fornituri. Għal dak l-għan, l-Istat Membru jeħtieġlu jistabbilixxi reġistru online tal-fornituri ta’ servizzi eliġibbli kollha jew jimplimenta metodu alternattiv ekwivalenti sabiex jiżgura l-aċċess miftuħ, it-trasparenza u n-natura mhux diskriminatorja tal-intervent mill-Istat. L-utenti finali jeħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jikkonsultaw informazzjoni bħal din dwar l-impriżi kollha li jkunu jistgħu jipprovdu s-servizzi eliġibbli. L-impriżi kollha li kapaċi jipprovdu servizzi eliġibbli, fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti (pereżempju l-kapaċità li jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi għall-provvista ta’ dawk is-servizzi), jeħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li, fuq talba, jiġu inklużi fir-reġistru online jew fi kwalunkwe lok alternattiv magħżul mill-Istat Membru. Ir-reġistru (jew il-lok alternattiv magħżul) jista’ jipprovdi wkoll informazzjoni addizzjonali sabiex jgħin lill-utenti finali, bħat-tip ta’ servizzi provduti mill-impriżi differenti.

197.

Sabiex jimminimizzaw id-distorsjonijiet tas-suq, l-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu valutazzjoni tas-suq sabiex jidentifikaw il-fornituri eliġibbli preżenti fiż-żona u jiġbru informazzjoni biex jikkalkolaw is-sehem mis-suq tagħhom. Il-valutazzjoni tas-suq trid tiddetermina jekk l-iskema tal-vawċers tal-konnettività tistax tagħti vantaġġ sproporzjonat lil xi fornituri għad-detriment ta’ oħrajn filwaqt li possibbilment isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti (lokali). Il-valutazzjoni tas-suq trid wkoll tiddetermina l-ħtieġa reali li tiġi implimentata skema ta’ vawċers tal-konnettività billi titqabbel is-sitwazzjoni fiż-żona jew żoni ta’ intervent mas-sitwazzjoni f’żoni oħrajn tal-Istat Membru jew tal-Unjoni. Ix-xejriet tad-diffużjoni fost l-utenti finali jistgħu jiġu eżaminati wkoll sabiex issir evalwazzjoni tal-iskema ta’ vawċers u tittieħed deċiżjoni dwarha.

198.

L-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu konsultazzjoni pubblika dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-iskema. Il-konsultazzjoni pubblika trid iddum tal-anqas 30 jum.

199.

Sabiex ikun eliġibbli, meta fornitur ta’ servizzi tal-broadband jkun integrat vertikalment u jkollu sehem mis-suq bl-imnut ta’ aktar minn 25 %, jeħtieġlu joffri, fis-suq tal-aċċess bl-ingrossa korrispondenti, prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa li fuq il-bażi tagħhom kwalunkwe persuna li tfittex aċċess tkun tista’ tipprovdi s-servizzi eliġibbli b’kundizzjonijiet miftuħin, trasparenti u mhux diskriminatorji. Il-prezz tal-aċċess bl-ingrossa jrid jiġi stabbilit f’konformità mal-prinċipji fit-Taqsima 5.2.4.4.4.

200.

Biex jiġu limitati l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, skema ta’ vawċers tal-konnettività, bi prinċipju ma tridx iddum iktar minn 3 snin (120). Il-validità tal-vawċers għall-utenti finali individwali ma tistax tkun itwal minn sentejn.

201.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima 7 dwar it-trasparenza, ir-rapportar u l-monitoraġġ.

7.   TRASPARENZA, RAPPORTAR, MONITORAĠĠ

7.1.   Trasparenza

202.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jippubblikaw l-informazzjoni li ġejja fil-formula dwar l-għoti tat-trasparenza (121) tal-Kummissjoni jew fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat fil-livell nazzjonali jew reġjonali:

(a)

it-test sħiħ tad-deċiżjoni li tapprova l-iskema ta’ għajnuna jew l-għajnuna individwali, u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, jew link għaliha;

(b)

informazzjoni dwar kull għotja ta’ għajnuna individwali ta’ aktar minn EUR 100 000, f’konformità mal-Anness II.

203.

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 202(b), trid tiġi ppubblikata fi żmien sitt xhur mid-data tal-għoti tal-għajnuna, jew fil-każ ta’ għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa, fi żmien sena mid-data meta trid tintbagħat id-dikjarazzjoni tat-taxxa (122).

204.

L-Istati Membri jeħtiġilhom jorganizzaw is-siti web komprensivi tagħhom dwar l-għajnuna mill-Istat, kif imsemmi fil-paragrafu 202, b’tali mod li l-aċċess għall-iinformazzjoni jkun faċli. Fil-każ ta’ għajnuna li hija illegali iżda li sussegwentement tinstab kompatibbli, l-Istati Membri jeħtiġilhom jippubblikaw dik l-informazzjoni fi żmien sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli.

205.

Sabiex l-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat skont it-Trattat ikun possibbli, l-informazzjoni trid tibqa’ disponibbli għal mill-anqas 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. L-informazzjoni trid tiġi ppubblikata fi spreadsheet f’format ta’ data nonproprjetarju, li jippermetti li d-data titfittex, tiġi estratta u titniżżel b’mod effettiv u ppubblikata faċilment fuq l-Internet, pereżempju f’format CSV jew XML. Il-pubbliku ġenerali jrid jingħata aċċess għas-sit web mingħajr ebda restrizzjoni, inkluż reġistrazzjoni tal-utent minn qabel.

206.

Il-Kummissjoni tippubblika fuq is-sit web tagħha l-link għas-sit web dwar l-għajnuna mill-Istat nazzjonali jew reġjonali li jissemma’ fil-paragrafu 202.

7.2.   Rapportar

207.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (123) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (124), l-Istati Membri huma meħtieġa jippreżentaw rapporti annwali lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kull miżura ta’ għajnuna approvata skont dawn il-Linji gwida.

208.

Minbarra r-rapporti annwali msemmija fil-paragrafu 207, l-Istati Membri jeħtiġilhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni kull sentejn li jkun fih informazzjoni ewlenija dwar il-miżuri ta’ għajnuna approvati skont dawn il-Linji gwida, f’konformità mal-Anness III.

7.3.   Monitoraġġ

209.

L-Istati Membri jeħtiġilhom iżommu rekords dettaljati rigward il-miżuri ta’ għajnuna kollha. Dawk ir-rekords irid ikun fihom l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet kollha ta’ kompatibbiltà stabbiliti f’dawn il-Linji gwida huma ssodisfati. L-Istati Membri jeħtiġilhom iżommu dawk ir-rekords għal 10 snin mid-data tal-għoti tal-għajnuna u jeħtieġ li jipprovduhom lill-Kummissjoni meta jintalbu.

8.   PJAN TA’ EVALWAZZJONI EX POST

210.

Sabiex tkompli tiżgura li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ ikunu limitati, il-Kummissjoni tista’ teħtieġ li l-iskemi jkunu soġġetti għal evalwazzjoni ex post sabiex jiġi verifikat (a) jekk is-suppożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet li wasslu għad-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà seħħewx; (b) l-effettività tal-miżura ta’ għajnuna fid-dawl tal-objettivi definiti minn qabel tagħha; (c) l-impatt tal-miżura ta’ għajnuna fuq is-swieq u fuq il-kompetizzjoni u li ma jirriżulta l-ebda effett ta’ distorsjoni mingħajr bżonn matul it-tul ta’ żmien kollu tal-iskema ta’ għajnuna li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni (125).

211.

Tkun meħtieġa evalwazzjoni ex post għal skemi b’baġits kbar għall-għajnuna, jew li jkun fihom karatteristiċi ġodda, jew meta jkunu previsti bidliet sinifikanti fis-suq, fit-teknoloġija jew fir-regolamentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, tkun meħtieġa evalwazzjoni ex post fil-każ ta’ skemi b’baġit tal-għajnuna mill-Istat jew b’nefqa kontabilizzata ta’ aktar minn EUR 150 miljun f’sena partikolari jew aktar minn EUR 750 miljun fit-tul ta’ żmien totali tagħhom. It-tul ta’ żmien totali tal-iskemi jinkludi it-tul ta’ żmien kombinat tal-iskema u ta’ kwalunkwe skema preċedenti li tkopri objettiv u żona ġeografika simili, mill-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida ’l quddiem. Fid-dawl tal-objettivi tal-evalwazzjoni, u sabiex ma jiġix impost piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri u fuq proġetti ta’ għajnuna iżgħar, l-evalwazzjonijiet ex post huma meħtieġa biss fir-rigward ta’ skemi ta’ għajnuna li t-tul ta’ żmien totali tagħhom ikun iktar minn 3 snin, mgħadud mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

212.

Ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni ex post jista’ jiġi rtirat fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna li huma s-suċċessuri immedjati ta’ skemi li jkopru objettiv u żona ġeografika simili li kienu soġġetti għal evalwazzjoni, ressqu rapport ta’ evalwazzjoni finali f’konformità mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni u ma ġġeneraw l-ebda sejba negattiva. Kwalunkwe skema li r-rapport ta’ evalwazzjoni finali tagħha ma jkunx konformi mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat trid tiġi sospiża b’effett immedjat.

213.

L-l-evalwazzjoni għandha l-għan li jiġi vverifikat jekk intlaħqux is-suppożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet sottostanti għall-kompatibbiltà tal-iskema, b’mod partikolari n-neċessità u l-effettività tal-miżura ta’ għajnuna fid-dawl tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħha. Għandha tevalwa wkoll l-impatt tal-iskema fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ.

214.

Fir-rigward ta’ skemi ta’ għajnuna soġġetti għar-rekwiżit ta’ evalwazzjoni msemmijin fil-paragrafu 211, l-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikaw abbozz ta’ pjan ta’ evalwazzjoni, li jifforma parti integrali mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-iskema. Il-pjan irid jiġi nnotifikat:

(a)

flimkien mal-iskema ta’ għajnuna, jekk il-baġit għall-għajnuna mill-Istat tal-iskema ikkun iktar minn EUR 150 miljun f’xi sena partikolari jew iktar minn EUR 750 miljun fit-tul ta’ żmien kollu tagħha;

(b)

fi żmien 30 jum ta’ xogħol wara li ssir bidla sinifikanti li permezz tagħha l-baġit tal-iskema jiżdied u jkun għalhekk iktar minn EUR 150 miljun f’xi sena partikolari jew iktar minn EUR 750 miljun fit-tul ta’ żmien kollu tal-iskema;

(c)

fil-każ ta’ skemi li ma jaqgħux taħt il-punt (a) jew (b), fi żmien 30 jum ta’ xogħol wara li n-nefqa taħt l-iskema li tkun iktar minn EUR 150 miljun fi kwalunkwe sena, tiġi reġistrata fil-kontijiet uffiċjali.

215.

L-abbozz tal-pjan ta’ valutazzjoni għandu jkun f’konformità mal-prinċipji metodoloġiċi komuni pprovduti mill-Kummissjoni (126). L-Istati Membri jeħtiġilhom jippubblikaw il-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni.

216.

L-evalwazzjoni ex post trid titwettaq minn espert li jkun indipendenti mill-awtorità tal-għoti fuq il-bażi tal-pjan ta’ evalwazzjoni. Kull evalwazzjoni trid tinkludi mill-anqas rapport ta’ evalwazzjoni interim u rapport finali. L-Istati Membri jeħtiġilhom jippubblikaw iż-żewġ rapporti.

217.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni fi żmien xieraq, sabiex tkun tista’ tiġi evalwata kwalunkwe estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna u f’kull każ mhux aktar tard minn 9 xhur qabel l-iskadenza tagħha. Dak il-perjodu jista’ jitnaqqas fir-rigward ta’ skemi li jiskattaw ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni fl-aħħar sentejn ta’ implimentazzjoni tagħhom. L-ambitu u l-arranġamenti preċiżi ta’ kull evalwazzjoni jiġu definiti fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna. In-notifika ta’ kwalunkwe miżura ta’ għajnuna sussegwenti b’objettiv simili trid tiddeskrivi b’liema mod ikunu tqiesu r-riżultati tal-evalwazzjoni.

9.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

218.

Il-Kummissjoni tapplika l-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji gwida mill-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

219.

Il-Kummissjoni tapplika l-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji gwida għall-għajnuna notifikata li fuqha hija tintalab tieħu deċiżjoni wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-Linji gwida f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, anke meta l-għajnuna tkun ġiet innotifikata qabel dik id-data.

220.

F’konformità mal-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li ma tkunx skont il-liġi (127), il-Kummissjoni tapplika ir-regoli fis-seħħ fiż-żmien meta tkun ingħatat l-għajnuna mhux skont il-liġi. Il-Kummissjoni tapplika l-prinċipji stabbiliti f’dawn il-Linji gwida kif xieraq jekk għajnuna li ma tkunx skont il-liġi tingħata wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħhom.

221.

Il-Kummissjoni tipproponi lill-Istati Membri, fuq il-bażi tal-Artikolu 108(1) tat-Trattat, il-miżuri xierqa li ġejjin:

(a)

l-Istati Membri jeħtiġilhom jemendaw, meta jkun neċessarju, l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti tagħhom sabiex iġibuhom konformi mat-Taqsima 7.1 ta’ dawn il-Linji gwida fi żmien 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(b)

l-Istati Membri għandhom jaqblu b’mod espliċitu u inkondizzjonat mal-miżuri xierqa (inklużi l-emendi) proposti fil-punt (a) fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe tweġiba fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tassumi li l-Istat Membru inkwistjoni ma jaqbilx mal-miżuri proposti.


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta’ Settembru 2016, Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv - Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits, COM(2016)587 final.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 ta’ Frar 2020, Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa, COM(2020) 67 final.

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta’ Marzu 2021, Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali, COM(2021) 118 final.

(4)  Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali”, COM(2021) 574 final, 2021/0293(COD).

(5)  It-Taqsima 3 tal-Komunikazzjoni dwar il-Gigabits.

(6)  In-nota ta’ tmiem 3 tal-Komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”.

(7)  Fl-istadju kurrenti tal-iżvilupp, il-fibra sad-dar, il-fibra sal-bini u n-networks tal-kejbil performanti (tal-anqas DOCSIS 3.1) jistgħu jwasslu veloċitajiet ta’ download ta’ 1 Gbps.

(8)  It-Taqsima 3.2 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali.

(9)  Il-premessa (7) tal-proposta DDPP.

(10)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta’ Mejju 2020, Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss, COM(2020) 456 final.

(11)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57 18.2.2021, p. 17). Ara wkoll ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p 23).

(12)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta’ Diċembru 2019, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final.

(13)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”). (ĠU L 243 09.07.2021, p. 1).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321 17.12.2018, p. 36).

(15)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2013, “Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband” (ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1) (il-“Linji Gwida dwar il-Broadband tal-2013”).

(16)  Ara d-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni tas-7 ta’ Lulju 2021, SWD(2021) 195 final.

(17)  Ara s-sommarju eżekuttiv tad-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-broadband tas-7 ta’ Lulju 2021, SWD(2021) 194 final.

(18)  Pereżempju, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187 26.6.2014, p. 1).

(19)  Bħall-finanzjament ipprovdut fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (ĠU L 249 14.7.2021, p. 38).

(20)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà, it-Taqsima 2.2 (ĠU C 249 31.7.2014, p. 1).

(21)  Ara s-Sentenza tat-13 ta’ Settembru 1995, TWD vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda T-244/93 u T-486/93, EU:T:1995:160, il-punt 56. Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni; L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli (ĠU C 247 23.7.2019, p. 1).

(22)  Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU L 155 23.5.2014, p. 1).

(23)  FTTx tirreferi għal tipi differenti ta’ networks inklużi l-fibra sal-binja (FTTB), il-fibra sad-dar (FTTH), il-fibra sal-bini (FTTP) u l-fibra sal-kabinett (FTTC). Madankollu, in-networks tal-FTTC kapaċi jipprovdu servizzi ultraveloċi fissi biss meta jużaw il-vetturar (teknoloġija li ttejjeb il-prestazzjoni tal-VDSL (linja diġitali tal-abbonat b’veloċità għolja ħafna)) fuq ċirkwiti ta’ ċertu tul .

(24)  DOCSIS tfisser “data over cable service interface specifications” (l-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċa għas-servizzi tad-data bil-kejbil). Hija standard tat-telekomunikazzjoni rikonoxxut globalment li jiżviluppa u jipprovdi għal ġenerazzjonijiet ta’ speċifikazzjonijiet (DOCSIS 1.0, DOCSIS 1.1, DOCSIS 2.0, DOCSIS 3.0, DOCSIS 3.1, eċċ.). Fl-istat kurrenti tas-suq, ġew żviluppati speċifikazzjonijiet għad-DOCSIS 4.0.

(25)  Pereżempju, in-networks ta’ aċċess mingħajr fili fissi bbażati fuq it-teknoloġija 5G, u potenzjalment ukoll teknoloġiji oħrajn mingħajr fili li jinkludu soluzzjonijiet fissi tar-radju, speċjalment il-ġenerazzjoni li jmiss tal-Wi-Fi (Wi-Fi6).

(26)  Is-soluzzjonijiet tat-teknoloġija satellitari bħalissa jintużaw l-aktar f’żoni remoti jew f’żoni iżolati f’sitwazzjonijiet fejn jistgħu jipprovdu livell xieraq ta’ servizzi tal-broadband fissa. Satelliti aktar avvanzati li jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-kwalità tas-servizzi tal-broadband u jwasslu veloċità ultraveloċi huma mistennija li jsiru disponibbli fil-futur (inklużi satelliti bi throughput għoli ħafna). Is-satelliti għandhom ukoll rwol sinifikanti fil-forniment ta’ servizzi lill-awtoritajiet pubbliċi. Hemm diversi kostellazzjonijiet satellitari b’orbita dinjija baxxa (LEO) li qegħdin jitħejjew u li huma mistennija li jkunu jistgħu jnaqqsu l-latenza.

(27)  Is-sistemi tal-broadband mobbli kollha (2G, 3G, 4G u 5G) huma bbażati fuq l-istandards tat-Telekomunikazzjoni Mobbli Internazzjonali (IMT) tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni. L-istandards tal-IMT huma speċifikazzjonijiet u rekwiżiti għal servizz tal-banda wiesa’ mobbli b’veloċità għolja bbażati fuq il-progress teknoloġiku fil-perjodu ta’ żmien rilevanti. In-networks mobbli jinkorporaw progressivament il-karatteristiċi u l-kapaċitajiet ta’ standards ġodda. Barra minn hekk, l-ammont u t-tip ta’ spettru użat, b’karatteristiċi ta’ propagazzjoni differenti, għandhom impatt importanti fuq il-kwalità tas-servizz mogħti. Pereżempju, fost it-tliet baned pijunieri identifikati għas-servizzi 5G, bħalissa huwa stmat li l-banda ta’ frekwenzi ta’ 700 MHz hija aktar adattata għall-kopertura ta’ żona wiesgħa u fuq ġewwa; 3,6 GHz (3,4 sa 3,8 GHz) hija kkaratterizzata minn kapaċità għolja iżda kopertura aktar baxxa mill-banda ta’ 700 MHz; is-26 GHz (24,25 sa 27,5 GHz) x’aktarx li tintuża sabiex jitnieduhotspots f’żoni żgħar b’domanda għolja ħafna (pereżempju ċentri tat-trasport, postijiet tad-divertiment, siti industrijali jew tal-bejgħ bl-imnut jew tul toroq prinċipali u binarji ferrovjarji f’żoni rurali) u ma tintużax sabiex tinħoloq kopertura ta’ żona wiesgħa. Ġenerazzjonijiet mobbli ġodda jistgħu jużaw ukoll baned ta’ frekwenza użati inizjalment mill-ġenerazzjonijiet preċedenti.

(28)  Verżjonijiet sussegwenti tat-2G (l-hekk imsejħa 2G enhanced jew 2.xG) kienu superjuri għat-2G innifisha. L-aġġornamenti inkrementali fuq it-3G (l-hekk imsejħa verżjonijiet 3.xG) kellhom prestazzjonijiet aħjar meta mqabblin mat-3G. Għall-4G ukoll, is-sistema ta’ komunikazzjoni ċellulari 4,5G hija aħjar mill-4G f’diversi aspetti. Il-4.5G hija l-eżitu tal-evoluzzjoni tal-LTE li l-legat tagħha huwa l-LTE-Advanced. Il-tnedija inizjali tan-network 5G x’aktarx se tiffoka fuq servizzi tal-broadband mobbli msaħħa (wieħed mis-settijiet ta’ każijiet ta’ użu definiti għall-5G). In-networks 5G awtonomi huma mistennijin jipprovdu titjib sinifikanti fil-veloċità u fil-latenza filwaqt li jappoġġaw densità akbar ta’ apparati konnessi meta mqabblin mal-ġenerazzjonijiet preċedenti u jagħmlu disponibbli karatteristiċi ġodda bħall-partizzjoni tan-network li min-naħa tagħha tippermetti settijiet ġodda ta’ każijiet ta’ użu għall-5G.

(29)  In-networks mhux awtonomi tal-5G jistgħu jużaw tagħmir ġdid u frekwenzi 5G sabiex jipprovdu kwalità aħjar tas-servizz iżda xorta jistgħu jużaw elementi tan-network 4G.

(30)  Pereżempju, sal-lum, l-obbligi ta’ kopertura marbutin ma’ xi baned tal-ispettru jeħtieġu, skont it-tipi ta’ spettru, kopertura ta’ ċertu perċentwal tal-popolazzjoni jew tat-territorju u rekwiżiti minimi ta’ kwalità f’termini ta’ veloċità u ta’ latenza. Spiss, dawn l-obbligi ta’ kopertura jkollhom jiġu ssodisfati f’perjodu sa 5 snin mill-assenjazzjoni tal-ispettru rilevanti, u kultant sa 7 snin.

(31)  Fil-ġenerazzjonijiet bikrin tan-networks mobbli, il-backhaul, mill-istazzjon bażi tar-radju għaċ-ċentru ta’ kommutazzjoni mobbli, kien ipprovdut fil-biċċa l-kbira minn konnessjonijiet tal-mikromewġ minn punt għal punt. It-tnedija tal-LTE-Advanced u l-introduzzjoni tal-5G wasslu għal rekwiżiti ta’ backhaul ogħla u għal użu dejjem akbar tan-networks tal-fibrottika sabiex jiġu konnessi l-istazzjonijiet bażi.

(32)  Skont il-ġurisprudenza, l-impriżi fdati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jeħtiġilhom ikunu ġew assenjati dak il-kompitu permezz ta’ att ta’ awtorità pubblika. Pereżempju, SGEI jista’ jiġi fdat lil impriża permezz tal-għoti ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku; ara s-Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda T-204/97 u T-270/97, EU:T:2000:148, il-punt 126 u s-Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Fred Olsen vs Il-Kummissjoni, T-17/02, EU:T:2005:218, il-punti 186, 188-189.

(33)  Is-Sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans GmbH, C-280/00, EU:C:2003:415, il-punti (87)-(95).

(34)  Il-pakkett ta’ SGEI jinkludi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8 11.1.2012, p. 4), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7 11.1.2012, p. 3), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (ĠU C 8 11.1.2012, p. 15), u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114 26.4.2012, p. 8). F’Ġunju 2019, il-Kummissjoni bdiet tevalwa r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizzi tas-saħħa u soċjali ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012.

(35)  Il-paragrafu 13 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (ĠU C 8 11.1.2012, p. 15).

(36)  Għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ servizz universali, japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(37)  Ara l-paragrafu 49 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Ara wkoll il-punt 154 tas-Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il-Kummissjoni, T-79/10, EU:T:2013:463, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)7005 final tas-7 ta’ Novembru 2016, il-Każ SA.37183 (2015/NN) – Franza – Plan France Très Haut Débit, il-premessa 263 (ĠU C 68 3.3.2017, p. 1).

(38)  Ara l-Artikoli 84, 85 u 86 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(39)  Ara l-paragrafu 50 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006)436 final tat-8 ta’ Marzu 2006, il-Każ N284/05 – L-Irlanda – Regional broadband Programme: Metropolitan Area Networks (“MANs”), il-fażijiet II u III (ĠU C 207 30.8.2006, p. 3), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 3235 final tal-10 ta’ Lulju 2007, il-Każ N890/06 – Franza – Aide du Sicoval pour un réseau de très haut debit (ĠU C 218 18.9.2007, p. 1).

(40)  Għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ servizz universali, japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(41)  Salvagwardji bħal dawn jistgħu jinkludu, skont il-karatteristiċi ta’ kull każ, il-limitazzjoni tal-provvista ta’ servizzi bl-ingrossa biss, obbligu ta’ separazzjoni tal-kontabilità, u jistgħu jinkludu wkoll l-istabbiliment ta’ entità strutturalment u legalment separata mill-impriża integrata vertikalment. Dik l-entità għandu jkollha r-responsabbiltà unika li tikkonforma mal-missjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali assenjata lilha u li twettaqha. Tabilħaqq, ladarba jintuża network tal-banda wiesa’ li jipprovdi servizzi universali tal-banda wiesa’, l-impriżi li jipprovdu servizzi tal-banda wiesa’ bl-imnut li joperaw skont it-termini tas-suq normalment ikunu jistgħu jipprovdu dawk is-servizzi lill-utenti finali bi prezz kompetittiv. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)7005 final tas-7 ta’ Novembru 2016, il-Każ SA.37183 (2015/NN) – Franza – Plan France Très Haut Débit (ĠU C 68 3.3.2017, p. 1).

(42)  Għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ servizz universali, japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(43)  Meta l-ispejjeż tat-tnedija ta’ network fiss ikunu għoljin ħafna, network mobbli ta’ prestazzjoni għolja jista’ jipprovdi alternattiva għal network fiss sa ċertu punt, skont ċirkostanzi speċifiċi. Madankollu, għad hemm differenzi kwalitattivi sinifikanti bejn iż-żewġ teknoloġiji. B’differenza min-networks fissi, in-networks mobbli jippermettu lill-utenti finali jiċċaqilqu filwaqt li jikkomunikaw (pereżempju f’karozza). Madankollu, in-networks fissi joffru livell ogħla ta’ stabbiltà b’mod partikolari għat-trażmissjoni tad-data. Għalissa, l-utenti finali tipikament jużaw iż-żewġ teknoloġiji bħala komplementari, u mhux sostituti.

(44)  L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu miżura unika ta’ għajnuna mill-Istat li tappoġġa l-użu ta’ kombinazzjoni ta’ tipi differenti ta’ networks (networks ta’ aċċess fiss, networks ta’ aċċess mobbli u backhauls) soġġetta għall-konformità mar-regoli li japplikaw għal kull tip ta’ network.

(45)  Ara s-Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA u oħrajn vs Il-Kummissjoni, C-630/11 P sa C-633/11 P, EU:C:2013:387, il-punt 104.

(46)  Is-Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C-594/18 P, EU:C:2020:742, il-paragrafu 44.

(47)  Madankollu, il-fatt li kumpanija speċifika tista’ ma tkunx kapaċi twettaq proġett mingħajr għajnuna ma jfissirx li hemm falliment tas-suq. Pereżempju, id-deċiżjoni ta’ kumpanija li ma tinvestix fi proġett b’livell baxx ta’ profittabbiltà tista’ ma tkunx indikazzjoni ta’ falliment tas-suq, iżda pjuttost ta’ suq li jiffunzjona tajjeb.

(48)  F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni teżamina bir-reqqa jekk l-Istat Membru jistax juri b’mod ċar u b’evidenza verifikabbli li l-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jkunux issodisfati. Dan jista’ jiġi ppruvat permezz ta’ stħarriġ fost il-konsumaturi, studji indipendenti, eċċ.

(49)  Filwaqt li jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għal distakk diġitali, l-eżistenza ta’ networks adegwati tal-broadband hija prerekwiżit sabiex tiġi abilitata l-konnettività u jingħalaq id-distakk. Il-livell ta’ urbanizzazzjoni huwa fattur importanti għall-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u għall-użu tagħhom. Il-penetrazzjoni tal-internet tista’ tibqa’ aktar baxxa f’żoni skarsament popolati madwar l-Unjoni.

(50)  It-tul ta’ kwalunkwe perjodu ta’ protezzjoni ta’ investiment privat ikun jiddependi mill-ispeċifiċitajiet tan-networks protetti, eż. it-teknoloġiji tan-network sottostanti, il-perjodi meta ntemmet it-tnedija tan-network, eċċ.

(51)  Filwaqt li l-veloċitajiet bħalissa huma l-aktar parametri rilevanti tal-kwalità tas-servizz, parametri oħrajn (bħal-latenza) jistgħu jsiru rilevanti għal ċerti utenti finali. Dawk il-parametri jistgħu jitqiesu sabiex jiġi ddeterminat li hemm falliment tas-suq.

(52)  Bħala salvagwardja addizzjonali, l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw ukoll li dik il-veloċità tkun riflessa bħala l-veloċità minima ta’ download jew tkun se tkun riflessa b’dak il-mod, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) d) tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1), f’mill-anqas kuntratt wieħed disponibbli għall-konsumaturi.

(53)  Ara n-nota 48 f’qiegħ il-paġna.

(54)  L-Istati Membri jridu jħabbru l-intenzjoni li jintervjenu billi jippubblikaw il-lista ta’ żoni fil-mira, il-kwalità tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti tal-anqas f’termini ta’ veloċitajiet ta’ download u ta’ upload u l-limiti għal intervent tal-anqas f’termini ta’ veloċitajiet ta’ download u ta’ upload tas-servizzi li jistgħu jinbnew b’mod eċċessiv mill-miżura. Dik l-informazzjoni trid tkun disponibbli fuq sit web aċċessibbli għall-pubbliku fil-livell taż-żona fil-mira u fil-livell nazzjonali.

(55)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 3492 final tal-21 ta’ Mejju 2021, il-Każ SA.58099 (2021/N) – Il-Ġermanja – Mobile communications Mecklenburg-Western Pomerania (ĠU C 260, 2.7.2021, S. 1).

(56)  Pereżempju, il-Komunikazzjoni dwar il-Gigabits tirreferi għal ċerti applikazzjonijiet għas-setturi tal-karozzi, tat-trasport, tal-manifattura u tas-saħħa kif ukoll għas-servizzi ta’ sikurezza u ta’ emerġenza tal-ġenerazzjoni li jmiss (pereżempju, sewqan konness u awtomatizzat, kirurġija mill-bogħod, biedja ta’ preċiżjoni).

(57)  Pereżempju, l-Artikolu 109 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jipprevedi l-obbligu tal-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-post minn fejn toriġina t-telefonata disponibbli hekk kif it-telefonata tasal għand l-awtorità li tkun qiegħda tieħu ħsieb it-telefonata ta’ emerġenza. Huwa obbligatorju wkoll li l-informazzjoni bbażata fuq in-network u l-informazzjoni aktar akkurata dwar il-post derivata mill-handset issir disponibbli għall-aktar punt ta’ tweġib xieraq għas-sikurezza pubblika.

(58)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 8939 final tas-16 ta’ Diċembru 2020, il-Każ SA.54684 – Il-Ġermanja – High-capacity mobile infrastructure roll-out in Brandenburg (ĠU C 60 19.2.2021, p. 2); u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 1532 final tal-10 ta’ Marzu 2021, il-Każ SA.56426 — Il-Ġermanja — High-performance mobile infrastructure roll-out in Lower Saxony (ĠU C 144 23.4.2021, p. 2); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 3565 final tal-25 ta’ Mejju 2021, il-Każ SA.59574 – Il-Ġermanja – Deployment of high-performance mobile infrastructure in Germany (ĠU C 410 8.10.2021, p. 1).

(59)  Dan jista’ jkun il-każ meta l-arkitettura tal-backhaul eżistenti ma tkunx konformi mal-ħtiġijiet tal-utenti tal-backhaul f’termini ta’ kapaċità jew ta’ daqs.

(60)  Pereżempju, il-Kroazja pproponiet intervent mill-Istat fis-suq nazzjonali tagħha tal-backhaul li kien ikkaratterizzat minn restrizzjonijiet tal-kapaċità, li wasslu għal prezzijiet għoljin fis-suq downstream. L-operatur eżistenti tal-backhaul ma kienx lest li jinvesti f’żieda fil-kapaċità. Peress li l-kwistjoni ma setgħetx tiġi solvuta mir-regolatur nazzjonali, il-Kummissjoni approvat skema ta’ għajnuna mill-Istat għall-investiment fl-infrastruttura tal-backhaul tal-fibra. Il-Kummissjoni sabet li l-pożizzjoni dominanti kienet saret konġestjoni li kienet tikkostitwixxi falliment tas-suq. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 3657 final tas-6 ta’ Ġunju 2017, il-Każ SA.41065 - National Programme for broadband aggregation infrastructure – Il-Kroazja (ĠU C 237 21.7.2017, p. 1). Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 7005 final tas-7 ta’ Novembru 2016, il-Każ SA.37183 (2015/NN) – Franza – Plan France très haut debit (ĠU C 68 3.3.2017, p. 1) li fih il-Kummissjoni approvat backhaul tal-fibra f’żoni fejn ma kien hemm l-ebda backhaul u f’żoni fejn il-backhaul eżistenti ma kellux biżżejjed kapaċitajiet sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet mistennijin bi prezzijiet u b’kundizzjonijiet ta’ aċċess raġonevoli.

(61)  Meta l-preżenza tal-falliment tas-suq ma tkunx diġà tista’ tiġi dedotta mid-data dwar il-veloċità ta’ download.

(62)  L-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-intervent mill-Istat jistgħu jimmappjaw ukoll kriterji oħrajn ta’ prestazzjoni sabiex jikkaratterizzaw il-prestazzjoni tan-networks fil-kundizzjonijiet tal-ħin bl-iktar użu intensiv (bħal latenza, telfien ta’ pakketti, erruri fil-pakketti, jitter, disponibbiltà tas-servizz). L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jimmappjaw kriterji oħrajn sabiex jimmiraw aħjar l-intervent mill-Istat sabiex jindirizzaw il-fallimenti tas-suq u jiżguraw bidla sostanzjali adegwata.

(63)  Grilji iżgħar (bħal grilji ta’ 20×20 metru) jitqiesu bħala prattika tajba sabiex jiġi żgurat li ż-żoni fil-mira jiġu identifikati b’mod ċar.

(64)  Din għandha tinkludi: lista ta’ żoni fil-mira fuq il-bażi tal-immappjar, tad-durata tal-miżura, tal-baġit, tas-sorsi ta’ finanzjament pubbliku, tal-identifikazzjoni tal-perjodu ta’ żmien rilevanti, tal-kriterji ta’ eliġibbiltà inkluża l-kwalità tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti (veloċitajiet ta’ upload u ta’ download), tal-limiti għall-intervent, tar-rekwiżiti ta’ aċċess bl-ingrossa ppjanati u tal-ipprezzar jew tal-metodoloġija tal-ipprezzar. Konsultazzjoni pubblika tista’ tinkludi wkoll mistoqsijiet lill-partijiet ikkonċernati dwar il-prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa li jixtiequ jaraw offruti fuq kwalunkwe network ġdid iffinanzjat mill-Istat.

(65)  Konsultazzjoni diretta tal-fornituri jew ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ konsultazzjoni pubblika li trid tiżgura l-aċċess miftuħ u t-trasparenza fil-konfront ta’ kwalunkwe parti interessata, fl-interess taċ-ċertezza legali.

(66)  Ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika huma validi biss għall-perjodu ta’ żmien rilevanti indikat fil-konsultazzjoni pubblika. L-implimentazzjoni tal-miżura lil hinn minn dak iż-żmien teħtieġ nmill-anqas immappjar u konsultazzjoni pubblika ġodda.

(67)  Dan jinkludi għotjiet ta’ għajnuna individwali skont skema ta’ għajnuna mill-Istat.

(68)  Fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 hemm mekkaniżmu simili.

(69)  Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, l-Istati Membri jistgħu jinkludu din it-talba direttament fil-konsultazzjoni pubblika. Inkella, bħala parti mill-valutazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, l-Istati Membri jistgħu jitolbu aktar informazzjoni meta ċerti pjanijiet pprovduti mill-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkwalifikaw bħala sempliċi “espressjoni ta’ interess”.

(70)  Pereżempju f’konformità mal-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(71)  Mekkaniżmu simili huwa stabbilit fl-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(72)  Pereżempju, fil-każ ta’ networks fissi, l-investimenti marġinali relatati biss mal-aġġornament tal-komponenti attivi tan-network ma għandhomx jiġu kkunsidrati eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat. Bl-istess mod, għalkemm ċerti teknoloġiji li jtejbu r-ram (bħall-vetturar) jistgħu jżidu l-kapaċitajiet tan-networks eżistenti, dawn jistgħu ma jirrikjedux investimenti sinifikanti f’networks ġodda, għalhekk, ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat. Għan-networks mobbli, f’ċerti ċirkostanzi, l-Istati Membri jistgħu juru li l-investimenti f’tagħmir attiv jista’ jkollhom rwol importanti u li l-appoġġ pubbliku jista’ jkun ġustifikat jekk l-investiment ma jkunx jikkonsisti biss f’titjib inkrementali iżda jikkostitwixxi parti integrali minn investiment ġdid sinifikanti fin-network, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha ta’ kompatibbiltà. Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 9538 tal-10 ta’ Jannar 2022, il-Każ SA.57216 Mobile coverage in rural areas in Galicia (ĠU C 46 28.1.2022, p. 1).

(73)  In-network sussidjat irid jipprovdi servizzi bil-veloċità meħtieġa sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ bidla gradwali. Madankollu, minn barra l-veloċità meħtieġa biex issir il-bidla gradwali meħtieġa, l-operaturi ta’ network sussidjat jistgħu joffru wkoll servizzi ta’ kwalità aktar baxxa.

(74)  Dan huwa pereżempju l-każ meta n-network il-ġdid jestendi b’mod sinifikanti l-fibra mill-qalba tan-network lejn it-tarf tan-network, pereżempju: (i) it-tnedija tal-fibra fl-istazzjonijiet bażi biex jingħata appoġġ lit-tnedija ta’ networks fissi ta’ aċċess mingħajr wajers; (ii) l-implimentazzjoni tal-fibra fil-kabinetti tat-toroq fejn il-kabinetti tat-toroq ma kinux preċedentement konnessi ma’ network tal-fibra; (iii) iż-żieda (l-approfondiment) tal-fibra fin-networks tal-kejbil.

(75)  Ara n-nota 68 f’qiegħ il-paġna.

(76)  Dan jista’ jinkludi l-forniment ta’ servizzi ġodda li ma kinux ikunu possibbli mingħajr l-intervent mill-Istat, bħal mobilità konnessa u awtomatizzata.

(77)  Ara wkoll in-nota 27 f’qiegħ il-paġna.

(78)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 8939 final tas-16 ta’ Diċembru 2020, il-Każ SA.54684 – Il-Ġermanja – High-capacity mobile infrastructure roll-out in Brandenburg (ĠU C 60 19.2.2021, p. 2).

(79)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p 65), u d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94 28.3.2014, p. 1).

(80)  F’konformità mal-prinċipji dwar l-akkwist pubbliku.

(81)  Pereżempju, bi prinċipju, topoloġiji tan-networks li jippermettu diżaggregazzjoni sħiħa u effettiva għandhom jirċievu aktar punti ta’ prijorità.

(82)  L-ispiża totali tas-sjieda (TCO) jiġi kkunsidrat, pereżempju, mill-kumpaniji meta jkunu qegħdin ifittxu li jinvestu f’assi. It-TCO jinkludi l-investiment inizjali kif ukoll il-kostijiet diretti u indiretti kollha fit-tul. Filwaqt li l-ammont ta’ investiment inizjali jista’ jiġi ddeterminat faċilment, il-kumpaniji ħafna drabi jfittxu li janalizzaw l-ispejjeż potenzjali kollha li jkunu se jġarrbu biex jimmaniġġjaw u jżommu l-assi matul il-ħajja tiegħu, li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti d-deċiżjoni li jinvestu.

(83)  Pereżempju, tal-konsum tal-enerġija jew taċ-ċiklu tal-ħajja tal-investiment, u, għalhekk, tal-użu tal-kriterji La Tagħmilx Ħsara Sinifikanti kif introdotti fir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198 22.6.2020, p. 13).

(84)  Il-benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jitħalla jipprovdi servizzi bl-imnut bħala “bejjiegħ bl-imnut tal-aħħar istanza” meta s-suq ma jiżgurax il-forniment ta’ servizzi bħal dawn. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 8069 final tal-15 ta’ Novembru 2019, il-Każ SA.54472 (2019/N) – L-Irlanda – National Broadband Plan (ĠU C 7 10.1.2020, p. 1).

(85)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 6613 final tat-12 ta’ Ottubru 2018, il-Każ SA.49614 (2018/N) – Il-Litwanja – Development of Next Generation Access Infrastructure – RAIN 3 (ĠU C 424 23.11.2018, p. 8); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3931 final tat-30 ta’ Ġunju 2016, il-Każ SA.41647 – L-Italja – Strategia Banda Ultralarga (ĠU C 258 15.7.2016, p. 4); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 6098 final tal-20 ta’ Awwissu 2019, il-Każ SA.52224 – L-Awstrija – Broadband project in Carinthia (ĠU C 381 8.11.2019, p. 7).

(86)  L-infrastruttura li għandhom id-dritt li jagħtu aċċess għaliha lil partijiet terzi.

(87)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ SA. 40720 (2016/N) National Broadband Scheme for the UK for 2016-2020 (ĠU C 323 2.9.2016, p. 2) (il-premessi 115 u 116), li fiha l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu jeħtieġu li l-offerenti kollha jiffirmaw Kodiċi ta’ Kondotta. Il-Kodiċi ta’ Kondotta kien jinkludi standards għal dan li ġej: (i) il-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta; (ii) il-perijodi ta’ żmien li fihom għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni; (iii) it-termini aċċettabbli ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ divulgazzjoni; u (iv) l-obbligi li l-infrastruttura tkun disponibbli biex tintuża f’offerti oħrajn. Offerenti li ma jissodisfawx it-termini tal-Kodiċi ta’ Kondotta jiġu esklużi mill-akkwist.

(88)  Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta diġà jkunu jeżistu termini u kundizzjonijiet bħal dawn bħala riżultat tal-obbligi regolatorji imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew minn awtoritajiet kompetenti oħrajn skont id-Direttiva (UE) 2018/1972, meta l-aċċess ikun previst f’Deċiżjoni preċedenti dwar l-Għajnuna mill-Istat jew meta tkun disponibbli offerta kummerċjali bl-ingrossa.

(89)  L-aċċess għal din l-informazzjoni jista’ jkun limitat skont ir-regoli applikabbli. Pereżempju, l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-infrastruttura fiżika skont id-Direttiva 2014/61/UE jista’ jkun limitat għal raġunijiet ta’ sigurtà u integrità tan-networks, tas-sigurtà nazzjonali, tas-saħħa jew is-sikurezza pubbliċi, ta’ kunfidenzjalità jew ta’ sigrieti kummerċjali.

(90)  Dan jista’ jinkludi, skont it-tip ta’ intervent: tubi ta’ daqs adegwat, numru suffiċjenti ta’ fibri skuri, tip u aġġornament ta’ poli, arbli, torrijiet, tip u daqs tal-kabinetti tat-toroq sabiex jipprovdu separazzjoni effettiva eċċ. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3208 final tas-26 ta’ Mejju 2016, il-Każ SA.40720 (2016/N) – Ir-Renju Unit – Broadband Delivery UK (ĠU C 323 2.9.2016, p. 2) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 8069 final tal-15 ta’ Novembru 2019, il-Każ SA.54472 (2019/N) – L-Irlanda – National Broadband Plan (ĠU C 7 10.1.2020, p. 1).

(91)  Pereżempju, aċċess effettiv jimplika li jingħata aċċess bl-ingrossa adegwat għat-tagħmir attiv anke jekk tiġi ffinanzjata biss l-infrastruttura.

(92)  Peress li f’dan il-każ partikolari l-VULA huwa sostitut tad-diżaggregazzjoni fiżika għal infrastruttura ġdida, japplikaw l-istess regoli għal infrastruttura ġdida.

(93)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 8069 final tal-15 ta’ Novembru 2019, il-Każ SA.54472 (2019/N) – L-Irlanda – National Broadband Plan (ĠU C 7 10.1.2020, p. 1). Kull meta l-benefiċjarju tal-għajnuna jiddeċiedi li jaġġorna jew jissostitwixxi l-infrastruttura qabel ma tintemm il-ħajja tal-infrastruttura megħjuna, il-benefiċjarju tal-għajnuna jkollu jkompli jagħti aċċess għall-infrastruttura l-ġdida tul il-perjodu kollu previst għall-infrastruttura oriġinali.

(94)  Pereżempju, u skont l-ispeċifiċità tan-network, meta jinbnew tubi ġodda sabiex jospitaw il-fibra, għandhom jipprovdu għal mhux inqas minn tliet kejbils tal-fibra indipendenti li kull wieħed minnhom jospita diversi fibri u, għalhekk, ikunu jistgħu jaqdu lil diversi impriżi. Meta l-infrastruttura eżistenti jkollha limitazzjonijiet fil-kapaċità u ma tkunx tista’ tipprovdi aċċess għal mill-anqas tliet kejbils tal-fibra indipendenti, fuq il-bażi tal-prinċipju min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel, l-operatur tan-network iffinanzjat mill-Istat għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jfittxu l-aċċess, mill-inqas 50 % tal-kapaċità (b’mod partikolari l-fibri skuri).

(95)  Dawn ir-regoli japplikaw ukoll fil-każ ta’ konnessjonijiet ma’ backhauls iffinanzjati mill-Istat jew fil-każ ta’ network mobbli ffinanzjat mill-Istat li sussegwentement jintuża għall-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess fiss mingħajr wajers f’żoni li diġà jkunu koperti minn network fiss.

(96)  Dawn il-karatteristiċi jistgħu jappartjenu għar-regolamentazzjoni ex ante applikabbli fis-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-mudell tan-negozju tal-operaturi preżenti fis-suq (fornituri ta’ servizzi tal-broadband bl-ingrossa biss jew integrati vertikalment), għad-daqs tal-proġett ta’ intervent tal-għajnuna mill-Istat, għall-użu ta’ diżaggregazzjoni fiżika fl-Istat Membru kkonċernat, eċċ.

(97)  Bħan-Network ta’ Aċċess għal Diversi Operaturi (MORAN), in-Network Ewlieni għal Diversi Operaturi (MOCN), il-partizzjoni tan-network.

(98)  Meta jagħtu l-għajnuna, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-arbli u t-torrijiet jkunu jistgħu jiżguraw li tali aċċess jista’ jingħata meta titqies l-istruttura tas-suq kurrenti u dik li qiegħda tevolvi.

(99)  Pereżempju, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 7285 final tad-19 ta’ Ottubru 2011, il-Każ N 330/2010 — Franza – Programme national “Très Haut Débit ” - Volet B (ĠU C 364 14.12.2011, p. 2) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 8223 final tal-20 ta’ Novembru 2012, il-Każ SA.33671 (2012/N) – Ir-Renju Unit – National Broadband scheme for the UK - Broadband Delivery UK (ĠU C 16 19.1.2013, p. 2).

(100)  Il-Kummissjoni tista’ taċċetta kundizzjonijiet bħala parti mill-analiżi tal-proporzjonalità fid-dawl tal-karatteristiċi tal-każ u tal-eżerċizzju ġenerali ta’ bbilanċjar. Ara pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 7285 final tad-19 ta’ Ottubru 2011, il-Każ N 330/2010 — Franza – Programme national “Très Haut Débit” - Volet B (ĠU C 364, 14.12.2011, p 2) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 8223 final tal-20 ta’ Novembru 2012, il-Każ SA.33671(2012/N) – Ir-Renju Unit – National Broadband scheme for the UK - Broadband Delivery UK (ĠU C 16 19.1.2013, p. 2). Jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, għandu jingħata aċċess f’perjodu li huwa normali għas-suq partikolari. F’każ ta’ kunflitt, l-awtorità tal-għoti għandha titlob parir mill-ARN jew minn korp nazzjonali kompetenti ieħor.

(101)  Dan jinkludi għotjiet individwali ta’ għajnuna skont skema ta’ għajnuna mill-Istat.

(102)  Pereżempju, mekkaniżmu ta’ rkupru jista’ jgħin sabiex jiġu rkuprati profitti li jkunu ogħla minn dawk raġonevolment antiċipati, pereżempju minħabba: (i) diffużjoni iktar minn dik prevista ta’ prodotti tal-broadband li tirriżulta fi profitti addizzjonali u f’diskrepanza iżgħar fl-investiment; u (ii) dħul ogħla milli previst minn prodotti mhux tal-broadband li jirriżulta fi profitti addizzjonali u f’diskrepanza iżgħar fl-investiment (pereżempju dħul minn prodotti ġodda ta’ aċċess bl-imnut). Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3208 final tas-26 ta’ Mejju 2016, il-Każ SA.40720 (2016/N) – Ir-Renju Unit - Broadband Delivery UK (ĠU C 323 2.9.2016, p. 2).

(103)  Mekkaniżmu ta’ rkupru jista’ jkun neċessarju f’każijiet oħrajn, bħal ċerti mudelli ta’ sjieda pubblika. Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3208 final tas-26 ta’ Mejju 2016, il-Każ SA.40720 (2016/N) – Ir-Renju Unit – Broadband Delivery UK (ĠU C 323 2.9.2016, p. 2).

(104)  Profitt raġonevoli għandu jitqies li jfisser ir-rata ta’ redditu fuq il-kapital li tkun meħtieġa minn kumpanija tipika, filwaqt li jitqies il-livell ta’ riskju speċifiku għas-settur tal-broadband u t-tip ta’ servizzi pprovduti. Ir-rata ta’ redditu meħtieġa fuq il-kapital tipikament tiġi ddeterminata mill-ispiża medja ponderata tal-kapital (“WACC”).

(105)  Il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva tiddependi mill-profitt u mit-telf mistennijin. Pereżempju, it-telf jista’ jirriżulta jekk l-offerent ikun ottimist wisq fir-rigward tad-dħul futur li jkun mistenni li jirriżulta mill-forniment ta’ servizzi tal-broadband jew jekk jimmaterjalizzaw spejjeż mhux mistennija. Peress li l-awtorità tal-għoti ma tirrimborża l-ebda telf mhux mistenni, mekkaniżmu ta’ rkupru strett fuq il-profitti futuri jista’ jżid ir-riskju kumplessiv għall-investitur u jiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ selezzjoni kompetittiva.

(106)  It-titjib fl-effiċjenza ma jistax inaqqas il-kwalità tas-servizz ipprovdut.

(107)  Jekk il-profitt raġonevoli jkun ta’ 10 %, l-ammont massimu ta’ inċentiv ikun ta’ 3 %.

(108)  Pereżempju, jekk il-profitt raġonevoli jkun ta’ 10 % u jiġi applikat l-ammont massimu ta’ inċentiv ta’ 3 %, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirkupraw l-ebda profitt li ma jkunx iktar minn 13 %. Jekk il-profitt attwali jkun ta’ 20 % u l-intensità tal-għajnuna tkun ta’ 70 %, id-differenza fil-profitt minn 13 % għal 20 % tiġi kondiviża kif ġej: 70 % lill-Istat Membru u 30 % lill-investitur fil-broadband.

(109)  Pereżempju, f’każ li fih azzjonist ikollu 40 % tal-ishma tal-kumpanija benefiċjarja u l-valur preżenti nett (VPN) tal-kumpanija li tuża l-profitt raġonevoli bħala rata ta’ skont ikun X, jekk l-azzjonist ibigħ l-ishma tiegħu għal ammont totali ta’ Y, l-Istat Membru jeħtieġlu jirkupra Y-40 %*X mingħand dak l-azzjonist.

(110)  Dan iżid it-trasparenza, jiffaċilita l-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet lokali u jista’ jfisser li l-ARN ma jkollhomx janalizzaw kull każ ta’ għajnuna mill-Istat fuq bażi individwali.

(111)  Ara, pereżempju, l-Opinjoni Nru 12-A-02 tas-17 ta’ Jannar 2012 mill-Awtorità Franċiża għall-Kompetizzjoni dwar talba għal opinjoni mill-Kumitat tas-Senat dwar l-Ekonomija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ippjanar Reġjonali dwar il-qafas għall-involviment tal-awtoritajiet lokali fit-tnedija ta’ networks ta’ veloċità għolja ħafna [Avis No 12-A-02 du 17 janvier 2012 de l’Autorité de la concurrence relatif à une demande d’avis de la commission de l’économie, du développement durable et de l’aménagement du territoire du Sénat concernant le cadre d’intervention des collectivités territoriales en matière de déploiement des réseaux à très haut débit].

(112)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6705 tal-5 ta’ Novembru 2008, il-Każ N 237/08 – Il-Ġermanja – Broadband support in Niedersachsen (ĠU C 18, 24.1.2009, p. 1); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 8223 final tal-20 ta’ Novembru 2012, il-Każ SA.33671 (2012/N) – Ir-Renju Unit – National Broadband scheme for the UK - Broadband Delivery UK (ĠU C 16 19.1.2013, p. 2) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3208 final tas-26 ta’ Mejju 2016, il-Każ SA.40720 (2016/N) – Ir-Renju Unit - Broadband Delivery UK (ĠU C 323 2.9.2016, p. 2).

(113)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352 24.12.2013, p. 1).

(114)  Is-Sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-424/05, EU:C:2009:49, il-punt 108; is-Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Mediaset vs Il-Kummissjoni, C-403/10 P, EU:C:2011:533, il-punt 81.

(115)  Ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni: C(2020) 8441 final tal-4 ta’ Diċembru 2020, il-Każ SA.57357 (2020/N) – Il-Greċja – Broadband voucher scheme for students (ĠU C 41 5.2.2021, p. 4); C(2020) 5269 final tal-4 ta’ Awwissu 2020, il-Każ SA.57495 (2020/N) – L-Italja – Broadband vouchers for certain categories of families (ĠU C 326 2.10.2020, p. 9).

(116)  Ir-regoli nazzjonali jistgħu jipprevedu diversi mezzi ta’ implimentazzjoni. Pereżempju, l-iskemi ta’ vawċers soċjali jistgħu jipprovdu biex isiru pagamenti ppjanati direttament lill-konsumaturi jew direttament lill-fornitur ta’ servizz magħżul mill-konsumaturi.

(117)  L-ispejjeż standard huma dawk li japplikaw għall-konsumaturi kollha irrispettivament mis-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom.

(118)  Jistgħu jkunu previsti mezzi ta’ implimentazzjoni differenti fir-regoli nazzjonali. Pereżempju, l-iskema ta’ vawċers tal-konnettività tista’ tipprevedi pagamenti direttament lill-utenti finali jew direttament lill-fornitur ta’ servizz magħżul mill-utenti finali.

(119)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 9549 final tal-15 ta’ Diċembru 2021, il-Każ SA.57496 (2021/N) – L-Italja – Broadband vouchers for SMEs (ĠU C 33 21.1.2022, p. 1);

(120)  F’ċirkostanzi eċċezzjonali, soġġetta għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, miżura ta’ vawċers tal-konnettività tista’ tiġi estiża jekk ikun hemm ġustifikazzjoni xierqa, sakemmma taffettwax b’mod mhux xieraq il-kundizzjonijiet tan-negozjar sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

(121)  “Tiftix Pubbliku dwar it-Trasparenza tal-Għajnuna mill-Istat”, disponibbli fuq: https://webgate.ec.europa.eu/competition/transparency/public?lang=mt

(122)  Jekk ma jkunx jeżisti rekwiżit formali għal dikjarazzjoni annwali, għal finijiet ta’ enkowdjar, id-data tal-għoti għandha titqies li tkun il-31 ta’ Diċembru tas-sena li fiha tkun ingħatat l-għajnuna.

(123)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248 24.9.2015, p. 9).

(124)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140 30.4.2004, p. 1).

(125)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 8223 final tal-20 ta’ Novembru 2012, il-Każ SA.33671 (2012/N) – Ir-Renju Unit – National Broadband scheme for the UK - Broadband Delivery UK (ĠU C 16 19.1.2013, p. 2).

(126)  Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, Metodoloġija komuni għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, 28 ta’ Mejju 2014, SWD(2014) 179 final, jew kwalunkwe wieħed mis-suċċessuri tiegħu.

(127)  ĠU C 119 22.5.2002, p. 22.


ANNESS I

Immappjar tan-netwerks tal-aċċess fiss u mobbli – l-aħjar prattiki msemmija fit-taqsima 5.2.2.4.1 ta’ dawn il-linji gwida

1.   Ambitu

Dan l-Anness jiddeskrivi l-aħjar prattiki dwar kif għandu jitwettaq l-eżerċizzju ta’ mmappjar biex jingħata appoġġ lill-interventi ta’ għajnuna mill-Istat għat-tnedija ta’ networks b’aċċess fiss u mobbli.

Dan l-Anness għandu l-għan li jgħin lill-Istati Membri jfasslu metodoloġija trasparenti biex tinġabar u tiġi vvalutata l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tan-networks.

F’dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat, dan l-Anness jibni fuq il-metodoloġija żviluppata skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u l-linji gwida ta’ implimentazzjoni tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) dwar stħarriġiet ġeografiċi tat-tnedija ta’ netwerks, u jikkomplementahom (2).

Fir-rigward ta’ networks ta’ aċċess fiss u networks ta’ aċċess mobbli u fiss bla wajers, dan l-Anness jelenka l-aħjar prattiki dwar:

(a)

il-kriterji għall-immappjar tal-prestazzjoni tan-networks;

(b)

l-informazzjoni li jistgħu jiġbru l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti biex jivverifikaw l-akkuratezza tal-informazzjoni pprovduta;

(c)

l-informazzjoni addizzjonali dwar l-infrastruttura li l-operaturi jistgħu jintalbu li jipprovdu mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti f’sitwazzjonijiet speċifiċi, meta jkun hemm ġustifikazzjoni xieraqa sabiex titwettaq valutazzjoni approfondita (3).

2.   immappjar ta’ netwerks ta’ aċċess fiss

2.1.    Kriterji għall-immappjar tal-prestazzjoni ta’ networks ta’ aċċess fiss

Skont il-paragrafu 73(a) ta’ dawn il-Linji gwida, l-Istati Membri jridu jivvalutaw il-prestazzjoni tan-netwerks espressa mill-inqas f’termini ta’ veloċitajiet ta’ download u upload li huma disponibbli jew li se jkunu disponibbli għall-utenti finali fil-kundizzjonijiet tal-ħin bl-iktar użu intensiv.

Il-kundizzjonijiet fil-ħin tal-użu l-iktar intensiv kif definiti fil-paragrafu 19(i) ta’ dawn il-Linji gwida jenħtieġ li jinftiehmu bħala l-kundizzjonijiet li jeżistu kull meta mill-inqas 10 % tal-utenti (4) jkunu qed jittrażmettu fl-istess ħin bl-ogħla rata nominali (5) pprovduta mill-operatur lil kull wieħed minnhom, kemm downstream kif ukoll upstream, li jikkorrispondu għad-definizzjoni tar-rata normali ta’ abbonamenti eċċessivi (oversubscription) (6).

2.2.    Informazzjoni għal skopijiet ta’ verifika

Sabiex jiġu limitati r-riskji li l-partijiet ikkonċernati iġibu ruħhom b’mod opportunist u jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta tkun suffiċjenti, konsistenti u affidabbli, bil-ħsieb li jiġi evitat id-dewmien fit-twassil tas-servizzi fiż-żona fil-mira, l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti li jwettqu l-eżerċizzju ta’ mmappjar jistgħu jiddeċiedu li jitolbu lill-partijiet ikkonċernati jissottomettu informazzjoni addizzjonali dwar in-networks tagħhom bi skop ta’ verifika.

L-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jistgħu jitolbu lill-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu d-deskrizzjoni sħiħa tal-metodoloġija użata biex jikkalkolaw il-prestazzjoni li jistgħu jiksbu, inkluż iżda mhux limitat għal dawn li ġejjin:

(a)

it-teknoloġija tan-network ta’ aċċess użata (FTTH, FTTB, ADSL, VDSL, VDSL + vectoring, DOCSIS.x, eċċ.), bi speċifikazzjoni sħiħa tal-istandard korrispondenti;

(b)

it-topoloġija tan-network (pereżempju P2P jew P2MP), inkluża skemasimplifikata li tirrifletti t-tqassim fiżiku tal-kejbils/tal-fibri (pereżempju, topoloġija tas-siġar f’GPON);

(c)

il-bottleneck links fit-topoloġija tan-network, definiti bħala s-segmenti tan-network b’żieda statistika akbar fil-multiplexing, inkluż informazzjoni ċara dwar jew (i) il-proporzjon ta’ abbonamenti eċċessivi użat għad-dimensjonar ta’ din il-link (pereżempju fin-network backhaul) jew (ii) l-eżerċizzju tal-ippjanar tal-kapaċità mwettaq għal dawk il-bottleneck links. Fi kwalunkwe każ, l-awtorità pubblika tista’ titlob karatterizzazzjoni statistika tal-veloċità li tista’ tintlaħaq għal utent finali (pereżempju l-veloċità medja jew tipika jew il-probabbiltà li tintlaħaq il-veloċità nominali li għandha tiġi pprovduta lill-utent finali fi kwalunkwe ħin, b’indikazzjoni tas-suppożizzjonijiet tal-mudell tal-utent).

2.3.    Informazzjoni għal finijiet ta’ verifika approfondita

L-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jitolbu lill-partijiet ikkonċernati jissottomettu informazzjoni addizzjonali dwar il-komponenti tan-network u l-postijiet tagħhom bi skop ta’ verifika approfondita, pereżempju biex jeżaminaw mill-ġdid il-metodoloġija użata biex tiġi kkalkolata l-prestazzjoni sottomessa.

Għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jistgħu jitolbu lill-partijiet interessati jissottomettu informazzjoni addizzjonali dwar il-parti tal-aċċess tan-network fiss, li tinkludi l-informazzjoni li ġejja, iżda mhux limitata għaliha:

(a)

il-post tal-kabinetti u d-distanza tal-wiring mill-kabinett għall-unità domestika;

(b)

informazzjoni ċara dwar il-kalkoli tal-baġit tal-links (pereżempju. dwar kif il-livell tal-potenza tas-sinjal riċevut huwa mmappjat mal-bitrates, il-marġnijiet tal-baġit tal-links użati, eċċ.). L-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jistgħu jitolbu lill-operaturi jipprovdu l-baġits tal-links applikabbli kollha użati għat-tfassil u għad-determinazzjoni tad-daqs tas-servizzi ta’ network, bil-parametri ewlenin tagħhom, inkluż id-deskrizzjoni tal-metodoloġija segwita mill-operatur biex jiżviluppa l-baġit tal-links u r-raġunament għaliha.

3.   immappjar ta’ networks ta’ aċċess mobbli u dawk fissi bla wajers

3.1.    Kriterji għall-immappjar tal-prestazzjoni ta’ networks ta’ aċċess mobbli u dawk fissi u bla wajers

Għall-iskopijiet ta’ dan il-metodu ta’ mmappjar, jenħtieġ li l-Istati Membri jitolbu lill-partijiet ikkonċernati jikkalkulaw il-prestazzjoni tan-network tagħhom filwaqt li jqisu dawn il-prinċipji li ġejjin:

(a)

jużaw l-aħjar prattiki tal-industrija (7) filwaqt li jqisu l-effetti ewlenin kollha fuq il-propagazzjoni ta’ sinjal (8) mingħajr wajer;

(b)

jibbażaw il-kalkolu fuq probabbiltà li 95 % tat-tarf taċ-ċelloli (9) jilħqu l-prestazzjoni ddikjarata u fi kwalunkwe każ mhux inqas minn 95 % tal-probabbiltà li tintlaħaq il-prestazzjoni ddikjarata f’kull wieħed mill-punti tal-grilja, filwaqt li jitqiesu l-varjazzjonijiet possibbli tal-kundizzjonijiet ta’ propagazzjoni minħabba effetti aleatorji u varjazzjonijiet possibbli fil-punti fiż-żona li tkun qed tiġi kkunsidrata (fil-livell tal-indirizzi jew fuq il-bażi ta’ grilji ta’ massimu ta’ 100 metru×100 metru);

(c)

jassumu l-kundizzjonijiet tal-ħin bl-iktar użu intensiv, kif ġej:

(i)

għan-networks mobbli, tagħbija taċ-ċellola nominali (10) ta’ mhux inqas minn 50 % jew ogħla fil-każ fejn il- kundizzjonijiet tal-ħin bl-iktar użu intensiv tat-traffiku jkunu ogħla b’mod sinifikanti;

(ii)

għan-networks tal-aċċess fissi bla wajers, il-kundizzjonijiet realistiċi tal-ħin bl-iktar użu intensiv tat-traffikuli jkunu mistennija jintużaw biex tinkiseb it-tagħbija taċ-ċellola xierqa għall-kalkoli (11);

(d)

jipprovdu l-prestazzjoni għal kull utent finali u fuq il-bażi tal-antenni esterni. Jekk antenna riċeventi tkun kondiviża bejn utenti finali multipli, jenħtieġ li l-prestazzjoni globali titqies kondiviża b’mod ugwali fost l-utenti finali (12);

(e)

tipprovdi l-prestazzjoni għal kull teknoloġija u għal kull frekwenza operatorja fil-każ ta’ kopertura b’teknoloġiji multipli (13) u bi frekwenzi multipli (14), meta jitqies il-wisa’ tal-banda disponibbli fil-fatt għal kull frekwenza. Fil-każ ta’ użu ta’ frekwenzi mhux liċenzjati, jenħtieġ li dan jiġi dikjarat b’mod ċar.

Meta jipprovdu informazzjoni lill-korp rikjedenti, l-operaturi għandhom jikkunsidraw b’mod partikolari:

(a)

it-tip (15) ta’ backhaul u l-kapaċità tiegħu għal kull stazzjon bażi (16);

(b)

għal networks ta’ aċċess fissi bla wajers, l-għadd ta’ binjiet servuti u mgħoddija preżenti f’kull grilja kkalkulata.

3.2.    Informazzjoni Bi skop ta’ verifika

Sabiex jiġu limitati r-riskji li l-partijiet ikkonċernati iġiu ruħhom b’mod opportunist u jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta tkun suffiċjenti, konsistenti u affidabbli, bil-ħsieb li jiġi evitat dewmien fit-twassil tas-servizzi fiż-żona fil-mira, l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti li jwettqu l-eżerċizzju ta’ mmappjar jistgħu jiddeċiedu li jitolbu lill-partijiet ikkonċernati jissottomettu informazzjoni addizzjonali bi skop ta’ verifika.

Għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jistgħu jitolbu lill-partijiet interessati jipprovdu d-deskrizzjoni sħiħa tal-metodoloġija użata biex jikkalkolaw il-mapep ta’ kopertura tagħhom, inkluż il-punti li ġejjin, iżda mhux limitat għalihom:

(a)

mudelli ta’ propagazzjoni u parametri ewlenin għas-simulazzjoni tal-propagazzjoni;

(b)

informazzjoni ġenerali dwar il-komponenti tan-network u b’mod partikolari dwar l-antenni (pereżempju l-potenza tat-trażmissjoni, MIMO, il-postijiet tas-sit tal-antenna);

(c)

informazzjoni ewlenija dwar il-kalkolu tal-baġit tal-links (pereżempju, kif il-livell tal-potenza tas-sinjal riċevut huwa mmappjat mal-bitrates, il-marġnijiet tal-baġit tal-links użati, eċċ.). Jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati jipprovdu l-baġits tal-links applikabbli kollha użati għat-tfassil u għad-dimensjonar tas-servizzi ta’ network, bil-parametri ewlenin tagħhom, inkluż ukoll id-deskrizzjoni ta’ kif il-partijiet ikkonċernati żviluppaw il-baġit tal-links u r-raġunament għalih;

(d)

il-post fejn jinsabu s-siti taċ-ċelloli;

(e)

karatteristiċi tal-backhaul.

3.3.    Informazzjoni bi skop ta’ verifika approfondita

L-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jitolbu lill-partijiet ikkonċernati jissottomettu informazzjoni addizzjonali dwar il-komponenti tan-network u l-postijiet tagħhom bi skop ta’ verifika fil-fond, pereżempju biex jirrieżaminaw il-metodoloġija użata biex jikkalkolaw il-prestazzjoni sottomessa. Għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti jistgħu jitolbu lill-partijiet interessati jissottomettu informazzjoni addizzjonali dwar in-networks tagħhom, inklużi l-punti li ġejjin, iżda mhux limitat għalihom:

(a)

l-għadd ta’ trażmettituri f’kull sit;

(b)

l-elevazzjoni tal-art ta’ dawk it-trażmettituri;

(c)

l-għadd ta’ setturi f’kull sit taċ-ċelloli;

(d)

it-teknoloġija użata fit-trażmettituri inkluż dawk tal-MIMO, il-wisa’ tal-banda tal-kanal disponibbli;

(e)

il-potenza tat-trażmissjoni iżotropika effettiva użata minn kull trażmettitur.


(1)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).

(2)  BoR (20) 42 u BoR (21) 82, relatat.

(3)  Din tista’ tkun soġġetta għal trattament kunfidenzjali skont il-liġi nazzjonali, kif rilevanti.

(4)  Dan jinkludi kemm l-utenti konnessi kif ukoll dawk potenzjali.

(5)  Din hija l-ogħla rata inkluża fil-kuntratti tal-utenti finali.

(6)  L-istess infrastruttura tan-network tista’ tipprovdi livelli ta’ prestazzjoni differenti lill-utenti finali skont kemm-il utent ikun qed jesperjenza multiplexing fil-bottleneck links u x’inhuma l-veloċitajiet nominali tagħhom. Il-prestazzjoni tiddependi fuq l-għadd ta’ utenti attivi fl-istess ħin (li jiżdied fil-kundizzjonijiet tal-ħin bl-aktar użu intensiv). Din iż-“żieda statistika fil-multiplexing” (minimu 10 %, jiġifieri livell ta’ attività 1:10) tirrikjedi wkoll li l-operaturi jużaw mudelli ta’ distribuzzjoni tat-traffiku tal-utenti li jkunu preċiżi biżżejjed.

(7)  “L-aħjar prattiki tal-industrija” tfisser parametri ta’ mmudellar, għodod, ippjanar, u limiti tal-iżbaljili huma komuni fl-ippjanar ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni bla wajers u tan-negozju, u li jistgħu jitqiesu leali u korretti biżżejjed minn esperti fil-qasam, kieku kellhom jivverifikaw il-metodoloġija.

(8)  Bħat-terren, il-bini, u l-interferenzi (clutter) fit-tbassir tal-potenza tas-sinjal riċevut.

(9)  Il-“probabbiltà tat-tarf taċ-ċelloli” tfisser il-probabbiltà li l-prestazzjoni minima tintlaħaq fit-tarf nett taż-żona ta’ kopertura (distanza massima ta’ kopertura ddikjarata fiż-żona meqjusa). Il-kalkolu jrid ikun ibbażat fuq simulazzjonijiet ta’ propagazzjoni realistiċi, kalkoli tal-baġit tal-links, u marġnijiet suffiċjenti.

(10)  It-“tagħbija taċ-ċelloli” (cell loading) tfisser il-perċentwal medju tar-riżorsi ta’ stazzjon bażi li jintużaw mill-utenti finali fir-rigward ta’ ċertu servizz.

(11)  Jekk ma tintużax stima ytal-ħin bl-iktar traffiku intensiv, jenħtieġ li tintuża t-tagħbija nominali ta’ 90 % taċ-ċellola għal aċċess fiss u bla wajers. It-tagħbija taċ-ċelloli ogħla għall-aċċess fiss bla wajers (meta mqabbla man-networks mobbli) tirrifletti x-xejra tal-użu differenti mistennija li tirriżulta f’aktar kompetizzjoni għall-użu tar-riżorsi kondiviżi tal-istazzjon bażi tas-servizz.

(12)  F’aċċess fiss bla wajers, dan jista’ jkun il-każ fir-rigward ta’ antenni ta’ fuq il-bjut kondiviżi għal binja b’ħafna abitazzjonijiet.

(13)  It-teknoloġiji jinkludu: teknoloġiji 3G UMTS u HSPA; teknoloġiji 4G LTE jew LTE avvanzati; 5G jew il-Verżjoni New Radio (NR) 15 tat-3GPP mhux awtonomu (bin-network ewlieni 4G) u l-NR awtonomu (bin-network ewlieni 5G) u żviluppi ulterjuri (bħall-Verżjoni 16 tat-3GPP). Huwa rrakkomandat li l-awtorità pubblika tiġbor informazzjoni dwar it-teknoloġiji bbażati fuq it-3GPP użati (mill-inqas il-livelli ta’ rilaxx tat-3GPP).

(14)  Dan sabiex jiġu separati l-baned tal-frekwenzi b’inqas minn 6 GHz u dawk b’ondi millimetriċi peress li spiss jintużaw għal kategoriji differenti ta’ servizzi.

(15)  Fibra ottika, Ethernet tar-ram ta’ grad ta’ portatur, bla fili, eċċ.

(16)  Fil-każ ta’ konnessjoni bil-fibra ottika, normalment jista’ jiġi preżunt li dan huwa suffiċjenti.


ANNESS II

Informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata mill-Istati Membri skont il-paragrafu 202(b) ta’ dawn il-linji gwida

L-informazzjoni dwar l-għotjiet individwali msemmija fil-paragrafu 202(b) ta’ dawn il-Linji Gwida trid tinkludi dan li ġej (1):

(a)

l-identità tal-benefiċjarju tal-għajnuna individwali:

(i)

l-isem;

(ii)

l-identifikatur tal-benefiċjarju tal-għajnuna

(b)

it-tip ta’ benefiċjarju tal-għajnuna fiż-żmien tal-applikazzjoni:

(i)

SME;

(ii)

intrapriża kbira;

(c)

ir-reġjun li fih jinsab il-benefiċjarju tal-għajnuna, fil-livell II tan-NUTS jew inqas;

(d)

is-settur jew l-attività prinċipali tal-benefiċjarju tal-għajnuna għall-għajnuna partikolari, identifikata mill-grupp NACE (kodiċi numeriku bi tliet ċifri) (2);

(e)

element ta’ għajnuna espress bis-sħiħ fil-munita nazzjonali. fir-rigward ta’ skemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ benefiċċju fuq it-taxxa, l-informazzjoni dwar ammonti ta’ għajnuna individwali (3) tista’ tiġi pprovduta għall-meded li ġejjin (f’EUR miljun):

[0,1-0,5];

[0,5-1];

[1-2];

[2-5];

[5-10];

[10-30];

[30-60];

[60-100];

[100 -250]

[250 u aktar];

(f)

fejn ikun differenti mill-element ta’ għajnuna, l-ammont nominali tal-għajnuna, espress bis-sħiħ fil-munita nazzjonali (4);

(g)

strument ta’ għajnuna (5):

(i)

għotja/sussidju tar-rata tal-imgħax/tħassir tad-dejn;

(ii)

self/self bil-quddiem li jitħallas lura/għotja rimborsabbli;

(iii)

garanzija;

(iv)

vantaġġ tat-taxxa jew eżenzjoni mit-taxxa;

(v)

finanzjament ta’ riskju;

(vi)

oħrajn (speċifika);

(vii)

data tal-għoti u data tal-pubblikazzjoni;

(viii)

objettiv tal-għajnuna;

(h)

identità tal-awtorità jew tal-awtoritajiet awtorizzanti;

(i)

fejn applikabbli, l-isem tal-entità fdata, u l-ismijiet tal-intermedjarji finanzjarji magħżula;

(j)

referenza tal-miżura ta’ għajnuna, kif iddikjarata fid-deċiżjoni approvata skont dawn il-Linji Gwida.


(1)  Bl-eċċezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra f’każijiet ġustifikati kif xieraq u soġġett għall-qbil tal-Kummissjoni [il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, C(2003) 4582 (ĠU C 297, 9.12.2003, p. 6)].

(2)  Ir-Regolament (KE) Nr 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(3)  L-ammont li għandu jiġi ppubblikat huwa l-ogħla benefiċċju tat-taxxa permess u mhux l-ammont li jitnaqqas kull sena (pereżempju fil-kuntest ta’ kreditu ta’ taxxa għandu jiġi ppubblikat l-ogħla kreditu ta’ taxxa permess u mhux l-ammont effettiv li jista’ jiddependi fuq id-dħul taxxabbli u li jista’ jvarja kull sena).

(4)  Ekwivalenti ta’ għotja gross, jew fejn applikabbli, l-ammont tal-investiment. Għal għajnuna operatorja, jista’ jingħata l-ammont annwali ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju tal-għajnuna. Għal skemi fiskali dan l-ammont jista’ jingħata skont il-meded stabbiliti fil-punt (e). ta’ dan l-Anness. L-ammont li għandu jiġi ppubblikat huwa l-ogħla benefiċċju tat-taxxa permess u mhux l-ammont li jitnaqqas kull sena (pereżempju fil-kuntest ta’ kreditu ta’ taxxa għandu jiġi ppubblikat l-ogħla kreditu ta’ taxxa permess u mhux l-ammont effettiv li jista’ jiddependi fuq id-dħul taxxabbli u li jista’ jvarja kull sena).

(5)  Jekk l-għajnuna tingħata permezz ta’ diversi strumenti ta’ għajnuna, għandu jiġi speċifikat l-ammont tal-għajnuna għal kull strument.


ANNESS III

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri skont il-paragrafu 208 ta’ dawn il-linji gwida

Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 208 ta’ dawn il-Linji gwida jrid jinkludi, għall-perjodu ta’ rapportar rilevanti, u għal kull proġett individwali implimentat fl-applikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna approvata skont dawn il-Linji gwida, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

isem il-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-għajnuna;

(b)

l-ispejjeż totali (jew stima tal-ispejjeż totali) tal-proġett u l-ispiża medja għal kull bini servut;

(c)

l-ammont ta’ għajnuna mogħtija u n-nefqa tal-għajnuna;

(d)

l-intensità tal-għajnuna;

(e)

is-sorsi ta’ finanzjament pubbliku;

(f)

ir-rati ta’ kopertura u n-numru qabel u wara l-intervent mill-Istat;

(g)

għal proġetti li jagħtu appoġġ lit-tnedija ta’ networks tal-broadband:

(i)

id-data meta bdiet tintuża n-network;

(ii)

it-teknoloġija implimentata fuq in-network iffinanzjata pubblikament;

(iii)

veloċitajiet ta’ upload u download tas-servizzi pprovduti;

(iv)

il-prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa offruti, inkluż il-kundizzjonijiet għall-aċċess u tal-prezzijiet/il-metodoloġija tal-ipprezzar;

(v)

il-prodotti ta’ aċċess bl-ingrossa mitluba fuq talba raġonevoli u t-trattament ta’ dawk it-talbiet;

(vi)

l-għadd ta’ persuni li jfittxu aċċess u fornituri ta’ servizzi li jużaw aċċess għall-operaturi;

(vii)

prezzijiet bl-imnut qabel u wara l-implimentazzjoni tal-miżura;

(viii)

l-għadd ta’ bini servut mill-infrastruttura ffinanzjata pubblikament;

(ix)

ir-rati tal-użu.

(h)

għal proġett li jappoġġa l-użu ta’ servizzi tal-broadband, bħal skemi tal-vawċers:

(i)

durata tal-miżura ta’ għajnuna;

(ii)

valur(i) tal-vawċer;

(iii)

it-tip ta’ abbonamenti/servizzi eliġibbli, inkluż fil-forma ta’ apparati tal-konsumatur, u l-wiring fil-bini u / jew kejbil li jinżel f’dominju privat;

(iv)

ir-rati tal-użu qabel u wara l-implimentazzjoni tal-miżura u l-għadd ta’ utenti finali li jkunu bbenefikaw mill-miżura ta’ għajnuna (skont il-kategorija, pereżempju utenti finali individwali, SMEs u skont it-tip ta’ abbonamenti/servizzi appoġġati);

(v)

l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi tal-broadband eliġibbli;

(vi)

l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi tal-broadband li jkunu realment ibbenefikaw mill-miżura ta’ għajnuna;

(vii)

l-evoluzzjoni tal-pożizzjoni fis-suq tal-operaturi skont it-tip ta’ abbonamenti/servizzi appoġġati, filwaqt li jitqiesu l-infrastruttura u t-teknoloġiji rilevanti (FTTH, FTTC, DOCSIS, FWA, eċċ.);

(viii)

prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut qabel u wara l-implimentazzjoni tal-miżura.


ANNESS IV

Interventi tipiċi għas-sostenn tal-broadband

Fil-prattika deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni osservat ċerti mekkaniżmi ta’ finanzjament użati minn diversi Stati Membri biex irawmu t-tnedija tal-broadband, li tipikament jammontaw għal għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-lista li ġejja sservi ta’ eżempju u mhix eżawrjenti, peress li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiżviluppaw modi differenti kif jagħtu appoġġ lit-tnedija tal-broadband jew jiddevjaw mill-mudelli deskritti fil-paragrafi li ġejjin.

(1)

Mudell ta’ finanzjament tad-diskrepanza: Fil-mudell ta’ finanzjament tad-diskrepanza (1), l-Istat Membru (2) jipprovdi għotjiet jew sussidji monetarji diretti lill-investituri tal-broadband (3) biex ifasslu, jibnu, jimmaniġġjaw u jisfruttaw network b’mod kummerċjali, filwaqt li jitqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli. Fil-mudell ta’ finanzjament tad-diskrepanza, il-profitt raġonevoli huwa determinat bħala r-rata ta’ redditu fuq il-kapital li tkun meħtieġa minn investitur, filwaqt li jitqies il-livell ta’ riskju speċifiku għas-settur tal-broadband u t-tip ta’ servizzi pprovduti. Ir-rata ta’ redditu meħtieġa fuq il-kapital hija tipikament determinata mill-ispiża medja ponderata tal-kapital (weighted average cost of capital, WACC). Meta jiġi stabbilit x’jikkostitwixxi profitt raġonevoli, l-Istati Membri normalment jintroduċu kriterji ta’ inċentiv relatati, b’mod partikolari, mal-kwalità tas-servizz ipprovdut u t-titjib fl-effiċjenza produttiva. Kwalunkwe premju marbut mat-titjib fl-effiċjenza produttiva għandu jkun iffissat f’livell li jippermetti li dak it-titjib jinqasam b’mod ibbilanċjat bejn l-investitur tal-broadband u l-Istat Membru jew l-utenti finali. Fil-mudell ta’ finanzjament tad-diskrepanza, l-infrastruttura mibnija normalment tkun kompletament il-proprjetà tar-riċevitur tal-għajnuna li jġarrab ir-riskji assoċjati mal-bini ta’ infrastruttura ġdida u dawk biex jiġu attratti biżżejjed klijenti.

(2)

Mudell ta’ sostenn in natura: l-Istati Membri jagħtu appoġġ lit-tnedija tal-broadband fiss jew mobbli billi jqiegħdu infrastrutturi eżistenti jew li għadhom kif inbnew għad-dispożizzjoni tal-operaturi tan-network tal-broadband. Dak it-tip ta’sostenn jieħu ħafna forom, bl-aktar mod rikorrenti jkun meta l-Istati Membri jipprovdu infrastruttura passiva tal-broadband billi jwettqu xogħlijiet tal-inġinerija ċivili (pereżempju billi jħaffru triq), billi jqiegħdu l-kanali jew fibra skura, jew jagħtu aċċess għall-infrastruttura eżistenti (pereżempju l-kanali, l-arbli jew it-torrijiet).

(3)

Mudell ta’ investiment dirett: l-Istati Membri jibnu network fiss jew mobbli u joperawh direttament permezz ta’ fergħa tal-amministrazzjoni pubblika jew permezz ta’ operatur intern (4). In-network iffinanzjat mill-Istat spiss jiġi operat bħala network bl-ingrossa biss, disponibbli għall-fornituri ta’ servizzi tal-broadband bl-imnut fuq bażi mhux diskriminatorja.

(4)

Mudell ta’ konċessjonarju: l-Istati Membri jiffinanzjaw l-implimentazzjoni ta’ network tal-broadband fiss jew mobbli, li jibqa’ ta’ sjieda pubblika, waqt li l-operat tiegħu jiġi offrut, permezz ta’ proċedura kompetittiva tal-għażla, lil fornitur tal-komunikazzjoni elettronika biex jimmaniġġjah u jisfruttah kummerċjalment. In-network jista’ jitmexxa minn operatur tan-network tal-boradband biex jipprovdi biss servizzi bl-ingrossa jew, alternattivament, biex jipprovdi kemm servizzi bl-ingrossa kif ukoll bl-imnut.


(1)  “Finanzjament tad-diskrepanza” ġeneralment tirreferi għad-differenza bejn il-kostijiet tal-investiment u l-profitti mistennija.

(2)  Dan jinkludi kwalunkwe awtorità pubblika.

(3)  It-terminu “investituri” jindika impriżi jew operaturi tan-networks tal-broadband li jinvestu fil-bini u fit-tnedija tal-infrastruttura tal-broadband.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 7285 final tad-19 ta’ Ottubru 2011, il-kawża N 330/2010 — Franza — Programme national “Très Haut Débit ” – Volet B (ĠU C 364, 14.12.2011, p. 2), li kopriet diversi modalitajiet ta’ intervent, fost l-oħrajn waħda li fiha l-collectivités territoriales jistgħu joperaw networks tal-broadband proprji bħala operazzjoni “’régie”.