30.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/11


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33

(2023/C 34/08)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Bonnezeaux”

PDO-FR-A0926-AM03

Data tal-komunikazzjoni: 11.11.2022

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali

Il-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ġeografika u ż-żona fil-viċinanza immedjata ġew aġġornati skont il-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali.

Dan ma jaffettwax il-perimetru taż-żona ġeografika demarkata.

Il-punti 6 u 9 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

2.   Wisa’ bejn il-pjanti

Il-wisa’ minima bejn il-pjanti fl-istess flann tnaqqset minn 1 m għal 0,90 m.

L-għan ta’ din l-emenda huwa li tippermetti żieda fid-densità tat-tħawwil għad-dwieli mingħajr ma tinbidel il-wisa’ bejn il-flanni.

Ġiet miżjuda wkoll dispożizzjoni speċjali għad-dwieli li jinsabu fuq inklinazzjonijiet aktar weqfin minn 10 %, peress li dawk id-dwieli jista’ jkollhom wisa’ minima bejn il-pjanti ta’ 0,80 m.

L-għan ta’ din iż-żieda huwa li jitqies il-każ partikolari tad-dwieli mħawla fuq inklinazzjonijiet weqfin, fejn huma meħtieġa arranġamenti speċjali matul l-istadju tat-tħawwil (tħawwil parallel mal-inklinazzjoni aktar milli perpendikolari magħha).

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

3.   Żbir

Ir-regoli taż-żbir ġew armonizzati għad-denominazzjonijiet taż-żona ta’ Anjou Saumur fil-Wied tal-Loire.

Din l-armonizzazzjoni għandha l-għan li ttejjeb l-għarfien tal-operaturi u tissimplifika l-kontrolli. Din l-emenda tagħti lill-vitikulturi aktar flessibbiltà biex jadattaw għall-ġlata, li saret isseħħ aktar tard fis-sena.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

4.   Maturità

Il-kontenut minimu ta’ zokkor tal-għeneb żdied minn 238 għal 255 gramma għal kull litru. Din iż-żieda saret biex tittejjeb il-kwalità tal-inbejjed, li huma nbejjed b’zokkrijiet residwi.

Sabiex titqies id-diffikultà tal-fermentazzjoni tal-most bl-ogħla kontenut ta’ zokkor: il-qawwa alkoħolika proprja minima skont il-volum tnaqqset għal 11 % għall-inbejjed b’qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta’ inqas minn 18 %; il-qawwa alkoħolika proprja skont il-volum ma għadhiex soġġetta għal limitu massimu għall-inbejjed b’qawwa alkoħolika naturali skont il-volum ta’ mill-inqas 18 %;

Il-punt 4 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

5.   Qawwa alkoħolika totali skont il-volum wara l-arrikkiment

Il-qawwa alkoħolika totali massima skont il-volum wara l-arrikkiment bil-konċentrazzjoni parzjali tal-most tnaqqset minn 19 % għal 18 %.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

6.   Rabta

It-taqsima dwar ir-Rabta ġiet editjata, u r-referenza għas-sena 2018 inbidlet għall-2021.

Il-punt 8 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

7.   Miżuri tranżizzjonali

Tneħħew il-miżuri tranżizzjonali li ma għadhomx fis-seħħ.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

8.   Punti ewlenin li għandhom jiġu vverifikati

Il-ħsad bl-idejn b’diversi mogħdijiet żdied mal-punti ewlenin li għandhom jiġu vverifikati.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

9.   Emendi editorjali

Fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott sar għadd ta’ bidliet editorjali.

Dawn l-emendi ma jinvolvu l-ebda emenda għad-Dokument Uniku.

10.   Referenza għall-korp ta’ spezzjoni

Ir-referenza għall-korp ta’ spezzjoni ġiet ifformulata mill-ġdid biex tiġi allinjata mal-formulazzjoni użata fi Speċifikazzjonijiet tal-Prodotti oħrajn. Din hija emenda purament editorjali.

Din l-emenda ma tinvolvi l-ebda bidla għad-Dokument Uniku.

11.   Tikkettar

Ir-regoli dwar it-tikkettar ġew speċifikati u armonizzati fir-rigward ta’ denominazzjonijiet taż-żona ta’ Anjou Saumur fil-Wied tal-Loire. Din hija emenda purament editorjali.

Il-punt 9 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Bonnezeaux

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

DESKRIZZJONI QASIRA

Dawn huma nbejjed bojod bla gass magħmulin minn għeneb maqtugħ meta jkun misjur iżżejjed (konċentrazzjoni naturali fuq id-dielja, b’taħsir nobbli jew mingħajru). Dawn huma nbejjed qawwijin b’togħma ħelwa ħafna li hija akkumpanjata minn togħma ta’ frott kumplessa (frott niexef u eżotiku, fjuri bojod, eċċ.) u b’kulur dehbi ċar bi sfumaturi ħodor. L-inbejjed għandhom: Qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 15 %; Kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju u fruttożju) wara l-fermentazzjoni, ta’ mill-inqas 51 gramma għal kull litru. Wara l-fermentazzjoni, l-inbejjed b’qawwa alkoħolika naturali skont il-volum taħt it-18 % għandhom qawwa alkoħolika proprja minima skont il-volum ta’ 11 %. Il-kontenut totali ta’ aċidu u l-kontenut totali ta’ diossidu tal-kubrit huma kif stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

f’milliekwivalenti għal kull litru

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

25

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.

Prattika enoloġika speċifika

L-arrikkiment huwa awtorizzat skont ir-regoli stipulati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-użu ta’ biċċiet tal-injam huwa pprojbit.

L-inbejjed għandhom jitqaddmu mill-inqas sal-15 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara l-ħsad.

Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-prattiki enoloġiċi li jirrigwardaw dawn l-inbejjed iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.

2.   Densità

Metodu ta’ kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 4 000 pjanta għal kull ettaru. Il-wisa’ bejn il-flanni tad-dwieli ma tridx tkun aktar minn 2,50 metri, u l-wisa’ bejn il-pjanti fl-istess flann trid tkun mill-inqas 0,90 metri.

Id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata tista’ tintuża għall-ħsad tal-irqajja’ tal-vinji fejn il-wisa’ bejn il-pjanti fl-istess flann tkun inqas minn 0,90 metri iżda mhux inqas minn 0,80 metri u fejn l-inklinazzjoni tkun wieqfa b’angolu ta’ aktar minn 10 %.

Fil-każ tal-irqajja’ tal-vinji fejn id-densità tat-tħawwil hija tal-inqas 3 300 iżda inqas minn 4 000 pjanta għal kull ettaru, il-ħsad huwa eliġibbli għad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata sakemm jikkonforma mar-regoli dwar it-tħarriġ mal-kannizzati u l-għoli tal-faxxina stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-wisa’ bejn il-flanni tad-dwieli ma għandhiex taqbeż it-3 metri, u l-wisa’ bejn il-pjanti fl-istess flann għandha tkun mill-inqas 1 metru.

3.   Żbir

Metodu ta’ kultivazzjoni

Id-dwieli jinżabru b’massimu ta’ 12-il għajn għal kull pjanta, bil-metodu taż-żbir taz-zkuk, żbir li jħalli rimjiet qosra, jew żbir imħallat. Fl-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għal 11 jew 12-il werqa (għejun separati), in-numru ta’ friegħi li jagħtu l-frott għas-sena għal kull pjanta ma għandux jaqbeż l-10.

4.   Ħsad

Metodu ta’ kultivazzjoni

L-għeneb jinħasad bl-idejn f’diversi mogħdijiet.

5.   Tisqija

Metodu ta’ kultivazzjoni

It-tisqija ma hijiex permessa.

5.2.   Rendimenti massimi

30 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika demarkata

L-istadji kollha tal-produzzjoni jseħħu fiż-żona ġeografika li tħaddan il-muniċipalità li ġejja tad-département ta’ Maine-et-Loire, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2021: Bellevigne-en-Layon (dak li qabel kien territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Thouarcé biss).

Mapep li juru ż-żona ġeografika jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit web tal-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Chenin B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.

1-   Informazzjoni dwar iż-żona ġeografika

a)   - Deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti għar-rabta

Iż-żona ġeografika tinsab fil-qalba proprja tar-reġjun tal-vitikultura ta’ Anjou, u fl-2021 kienet limitata għall-muniċipalità delegata ta’ Thouarcé. Din il-muniċipalità tinsab fid-département ta’ Maine-et-Loire u t-territorju tagħha huwa maqsum mix-Xmara Layon. Ir-raħal żgħir ta’ Bonnezeaux jinsab fil-għoli fuq inklinazzjoni wieqfa fuq ix-xatt tal-lemin tax-xmara. L-isem “Bonnezeaux” jidher li jirreferi għall-egħjun ta’ ilma ferruġinuż.

Il-vinji jikbru fuq tliet inklinazzjonijiet li jinsabu maġenb xulxin u jħarsu lejn il-Lbiċ. Dawn jissejħu “La Montagne”, “Beauregard” u “Fesles” u jiffurmaw medda ta’ art twila 2 800 metru u wiesgħa 500 metru. L-inklinazzjoni ta’ dawn l-inklinazzjonijiet hija ta’ madwar 15 % sa 20 %. L-inklinazzjoni hija partikolarment qawwija fin-naħa tal-Punent ta’ “Beauregard” u fl-inklinazzjoni tan-nofs, li ngħatat kif xieraq l-isem “La Montagne”, li tibda qrib ir-raħal żgħir ta’ Petit Bonnezeaux. Fit-Tramuntana ta’ dawn it-tliet inklinazzjonijiet demarkati hemm medda art ċatta kemxejn immewġa b’altitudni medja ta’ 90 metru. Ix-Xmara Layon tinsab f’altitudni ta’ 29 metru.

Is-sottostrat ġeoloġiku jappartjeni għas-serje ta’ Saint-Georges-sur-Loire, li huwa kumpless magħmul minn schist u blat ramli li jmur lura għall-perjodu Ordoviċjan ta’ Fuq sal-perjodu Devonjan ta’ Taħt. Xi kultant huwa mgħotti b’formazzjonijiet ta’ xaħx u tafal jew ramel u tafal tas-Senomanjan, b’mod partikolari fl-inklinazzjoni “Fesles”. L-erożjoni esponiet il-bażi tal-lavanja, filwaqt li r-ramel u t-tafal baqgħu f’posthom ħdejn ix-xatt u fuq il-medda art ċatta. Bħala konsegwenza, l-irqajja’ li huma demarkati b’mod preċiż għall-ħsad tal-għeneb huma pjuttost baxxi u rikki ħafna fi frammenti ħoxnin. Il-kulur tagħhom huwa griż jagħti fl-aħdar u kultant jixbah il-kulur tal-karfa tal-inbid. Għandhom riżervi tal-ilma taħt il-100 mm u għandhom kapaċità ta’ skular eċċellenti.

Iż-żona ġeografika għandha klima oċeanika attenwata u irrigazzjoni limitata. Issib kenn min-nida tal-baħar mill-inklinazzjonijiet aktar fl-għoli ta’ Choletais u Mauges. L-inklinazzjonijiet huma lokalment esposti għall-irjieħ dominanti li ġejjin mil-Lbiċ u mill-Punent. L-ammont annwali ta’ xita li tinżel huwa ta’ madwar 550 mm sa 600 mm, meta mqabbel ma’ 800 mm fl-inklinazzjonijiet ta’ Choletais u ta’ Mauges. Ix-xita li tinżel fuq id-dielja matul iċ-ċiklu veġetattiv hija ta’ madwar 100 mm inqas mill-medja tad-département. Il-flora tipika tan-Nofsinhar tikber speċifikament fuq dawn l-inklinazzjonijiet minħabba n-nixfa relattiva u t-temperaturi li huma ogħla minn dawk taż-żoni tal-madwar.

b)   - Deskrizzjoni tal-fatturi umani li huma rilevanti għar-rabta ġeografika

Il-varjetà Chenin B, li probabbilment toriġina mir-reġjun ta’ Anjou, sabet pożizzjoni mill-aqwa f’Bonnezeaux. Din hija varjetà b’saħħitha li tesprimi l-potenzjal tagħha f’sitwazzjonijiet fejn il-kundizzjonijiet tal-ħamrija jkunu diffiċli.

Il-produtturi malajr għarfu l-benefiċċji tal-ħsad tardiv ta’ din il-varjetà bl-użu ta’ tekniki speċifiċi. Il-Konti Odart kiteb dan li ġej fit-trattat “Traité des cépages” tiegħu tal-1845 dwar id-dwieli: “Jenħtieġ li nżidu wkoll il-kundizzjoni li l-għeneb ma jinħasadx qabel Jum il-Qaddisin Kollha, meta l-għeneb ikun misjur iżżejjed u l-qoxra tibda tiswied wara li titrattab bix-xita.” Fi kliem ieħor, il-ħsad tardiv huwa tipiku. Fix-xogħol tiegħu tal-1816 “Topographie de tous les vignobles connus”, Jullien innota li: “Għall-vendemmji tajbin, dawk li jaqtgħu l-għeneb jgħaddu mid-dwieli bosta drabi; l-għeneb maqtugħ fl-ewwel żewġ mogħdijiet jintuża biss għall-aktar inbejjed maturi, jipprovdu l-inbejjed għall-esportazzjoni, u l-għeneb mit-tielet mogħdija jintuża għal inbejjed għall-konsum domestiku.”

Bħala riżultat tas-sejbiet u l-analiżijiet li saru minn bosta ġenerazzjonijiet ta’ produtturi, l-inbejjed ta’ “Bonnezeaux” issa jikklassifikaw fost l-ifjen ta’ Anjou. Biex nikkwotaw mit-traduzzjoni bil-Franċiż, bit-titolu “‘Nouvelle Géographie Universelle”, [of A New Geographical, Historical, and Commercial Grammar] tal-ġeografu Brittaniku William Guthrie (1708-1770), li ġiet ippubblikata fl-1802: “L-inbejjed ta’ Anjou jistgħu jinqasmu fi tliet klassijiet. Dawk tal-ewwel klassi jiġu mill-irħula ta’ Faye, Saint-Lambert, Rablé, Maligny, Chavagne u Thouarcé, fejn jinsabu l-vinji ta’ Bonnezeaux.”

Saru għadd ta’ referenzi għal dawn il-vinji ta’ prestiġju sa minn dak iż-żmien. Il-kriżi tal-filossera xekklet bil-kbir l-iżvilupp tagħhom, u suq lokali wieħed biss baqa’ jirċievi l-provvisti. Permezz tal-isforzi serji mill-għaqda tal-produtturi ta’ Bonnezeaux, li riedu jżommu r-rendimenti baxxi u jżommu l-prattika ta’ ħsad tal-għeneb f’diversi mogħdijiet, l-inbid l-ewwel għamel ritorn fis-suq Franċiż qabel ma reġa’ beda jiġi esportat barra mill-pajjiż. Id-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Bonnezeaux ġiet rikonoxxuta fis-6 ta’ Novembru 1951.

8.2.

2   - Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott

Dawn l-inbejjed huma apprezzati għall-qawwa tagħhom. Il-ħlewwa ferm bnina tagħhom, li hija relatata ma’ kontenut ta’ zokkor ferm fermentabbli, hija kkombinata’ togħma ta’ frott li ħafna drabi hija kumplessa (frott imnixxef, frott eżotiku, fjuri bojod, eċċ.) u forsi mhux mistennija meta wieħed iqis il-kulur ġeneralment dehbi ċar tal-inbejjed u l-isfumaturi ħodor tagħhom. Il-bilanċ bejn l-aċidità, l-alkoħol u l-fluwidità jippermetti li l-inbejjed isiru aktar kumplessi matul is-snin.

3   - Interazzjonijiet kawżali

Dawn il-vinji, bl-inklinazzjonijiet weqfin tagħhom li jħarsu lejn il-Lbiċ u l-ħamrija baxxa u ġeblija bi proprjetajiet termali eċċezzjonali, huma favorevoli għat-tkabbir bikri u l-maturazzjoni tal-varjetà Chenin B. Bħala riżultat tal-irjieħ prevalenti li jonfħu fuq l-inklinazzjonijiet u l-provvista ta’ ilma baxxa ħafna tad-dwieli li jikbru fuq ħamrija skeletali, l-għeneb jiġi kkonċentrat fuq id-dielja permezz tat-tidbil jew it-tnixxif tipiku ta’ dawn il-vinji. Il-produtturi rnexxielhom japprofittaw minn din il-karatteristika partikolari. Ir-rendimenti baxxi ħafna juru l-impenn tal-produtturi lejn il-kwalità tal-għeneb.

L-inbejjed Bonnezeaux igawdu minn reputazzjoni tajba minħabba l-ħsad tardiv tal-għenba Chenin B fuq dawn l-inklinazzjonijiet, li jsir f’diversi mogħdijiet sabiex jintgħażel għeneb misjur ħafna. L-istorja u l-fama tal-inbejjed Bonnezeaux huma marbuta mill-qrib ma’ dawk tal-inbejjed Anjou u Coteaux du Layon.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli: (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

API

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga li tikkonċerna l-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, iddefinita bid-deroga għall-vitikultura, il-produzzjoni u t-tqaddim, tħaddan it-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département ta’ Maine-et-Loire, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2021:

Aubigné-sur-Layon, Beaulieu-sur-Layon, Bellevigne-en-Layon (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Champ-sur-Layon, Faveraye-Mâchelles, Faye-d'Anjou u Rablay-sur-Layon biss), Blaison-Saint-Sulpice, Brissac Loire Aubance (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Alleuds, Brissac-Quincé, Charcé-Saint-Ellier-sur-Aubance, Luigné, Saint-Rémy-la-Varenne, Saint-Saturnin-sur-Loire, Saulgé-l’Hôpital u Vauchrétien biss), Brossay, Chalonnes-sur-Loire, Chaudefonds-sur-Layon, Chemillé-en-Anjou (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Chanzeaux u Valanjou biss), Denée, Doué-en-Anjou (it-territorju tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Brigné biss), Les Garennes-sur-Loire, Lys-Haut-Layon (it-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Tigné biss), Mozé-sur-Louet, Mûrs-Erigné, Rochefort-sur-Loire, Saint-Melaine-sur-Aubance, Savennières, Soulaines-sur-Aubance, Terranjou, Val-du-Layon.

Tikkettar: termini fakultattivi

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

- It-termini fakultattivi li l-użu tagħhom jista’, skont id-dispożizzjonijiet tal-UE, jiġi rregolat mill-Istati Membri, għandhom jinkitbu b’ittri li d-daqs tagħhom ma jistax ikun aktar, kemm fl-għoli, fil-wisa’ jew fil-ħxuna, mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

Tikkettar: id-denominazzjoni ġeografika Val de Loire

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Id-daqs tal-ittri tal-isem ġeografiku Val de Loire ma jistax ikun akbar, la fit-tul u lanqas fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

Tikkettar: unità ġeografika iżgħar

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata jistgħu jispeċifikaw unità ġeografika iżgħar fuq it-tikketti tagħhom, bil-kundizzjoni li: - tkun post irreġistrat; - tkun tidher fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad. L-isem tal-post irreġistrat għandu jkun stampat b’ittri li d-daqs tagħhom ma jkunx akbar, la mill-għoli u lanqas mill-wisa’, minn nofs id-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-2bee3ad4-2dc7-4d79-9977-b2e2f0980fbb


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.