4.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 2/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Sanzjonijiet finanzjarji fi proċedimenti ta’ ksur

(2023/C 2/01)

1.   INTRODUZZJONI – L-IŻVILUPP TA’ APPROĊĊ PROPORZJONAT U DISSWAŻIV

Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), li fih il-Kummissjoni tirreferi Stat Membru lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti”) talli jkun naqas milli jissodisfa obbligu skont it-Trattati, hija tista’ tipproponi lill-Qorti timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq dak l-Istat Membru f’żewġ sitwazzjonijiet:

meta l-Istat Membru ma jkunx ħa l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti li tkun sabet ksur tad-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 260(2) TFUE) (1),

meta Stat Membru jkun naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu li jinnotifika l-miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva (l-Artikolu 260(3) TFUE).

Fiż-żewġ każijiet, is-sanzjoni imposta mill-Qorti tista’ tkun magħmula minn ħlas ta’ somma f’daqqa, bħala konsegwenza tal-kontinwazzjoni tal-ksur sal-għoti tas-sentenza tagħha jew il-konformità sħiħa, jekk tintlaħaq qabel, u ħlas ta’ penali ta’ kuljum, biex l-Istat Membru kkonċernat jiġi mħeġġeġ itemm il-ksur mill-aktar fis possibbli wara l-għoti tas-sentenza. Il-Kummissjoni tipproponi l-ammonti għas-sanzjonijiet finanzjarji lill-Qorti, iżda huwa f’idejn il-Qorti, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha (2), li tiddetermina l-ammonti li hija tqis xierqa għaċ-ċirkostanzi u proporzjonati kemm għall-ksur li jkun ġie stabbilit kif ukoll għall-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (3).

Il-possibbiltà li l-Qorti timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq l-Istati Membri – u li l-Kummissjoni titlob l-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet – tmur lura għat-Trattat ta’ Maastricht tal-1992. Biex tiżgura t-trasparenza u t-trattament ugwali, il-Kummissjoni, mill-1996, ippubblikat għadd ta’ komunikazzjonijiet u noti li jistabbilixxu l-politika tagħha u l-metodoloġija li tapplika għall-kalkolu tas-sanzjonijiet finanzjarji (4).

Din il-Komunikazzjoni tirrieżamina l-Komunikazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni dwar is-sanzjonijiet finanzjarji adottati mill-1996 sal-2021 (ara l-Anness II tal-lista). Hija tissostitwixxi u tinkludi l-kontenut tagħhom, filwaqt li taġġornahom fejn meħtieġ fid-dawl tal-ġurisprudenza l-aktar reċenti tal-Qorti. Dan huwa partikolarment il-każ għat-tneħħija ta’ kull referenza għall-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fil-kalkolu tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti (ara t-Taqsima 3.4).

Din il-Komunikazzjoni tapplika wkoll fir-rigward tat-Trattat Euratom, sa fejn l-Artikolu 106a tagħha jagħmel l-Artikolu 260 TFUE applikabbli għall-kwistjonijiet koperti minn dak it-Trattat.

2.   PRINĊIPJI ĠENERALI

Minkejja li d-deċiżjoni finali dwar l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 260 TFUE hija tal-Qorti, il-Kummissjoni għandha rwol ċentrali, billi ġġib il-każ quddiem il-Qorti bi proposta għall-ammont tas-sanzjonijiet finanzjarji. Fl-interess tat-trasparenza u tat-trattament ugwali, il-Kummissjoni ppubblikat b’mod konsistenti l-kriterji li tapplika meta tipproponi sanzjonijiet finanzjarji.

Il-Kummissjoni tqis li s-sanzjonijiet finanzjarji imposti jenħtieġ li jkunu bbażati fuq tliet kriterji fundamentali (5):

is-serjetà tal-ksur,

Iż-żmien li dam,

il-ħtieġa li jiġi żgurat li s-sanzjoni finanzjarja nnifisha tkun ta’ deterrent għal aktar ksur.

Biex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, huwa importanti li jiġu stabbiliti ammonti li jkunu għoljin biżżejjed biex jipproduċu effett ta’ deterrent. L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet purament simboliċi ċċaħħad il-mekkaniżmu tas-sanzjonar tal-Artikolu 260 TFUE, li huwa anċillari għall-proċedura ta’ ksur, mill-effett utli tiegħu u ttellef l-objettiv aħħari tiegħu, li huwa li tiġi żgurata konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni.

Is-sanzjonijiet proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti jenħtieġ li jkunu konsistenti u prevedibbli għall-Istati Membri u ddeterminati bl-użu ta’ metodu li jirrispetta kemm il-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ trattament ugwali fost l-Istati Membri. Metodu ċar u uniformi jiżgura wkoll li l-Kummissjoni tiġġustifika kif xieraq il-kalkolu tal-ammont tas-sanzjonijiet li tipproponi lill-Qorti (6).

Il-Kummissjoni tipproponi b’mod sistematiku lill-Qorti biex timponi kemm somma f’daqqa kif ukoll pagament ta’ penali fuq l-Istat Membru kkonċernat. Dan huwa l-każ għal azzjonijiet ipprfeżentati skont l-Artikolu 260(2) TFUE (nuqqas ta’ konformità ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti) kif ukoll skont l-Artikolu 260(3) TFUE (nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni għal direttiva leġiżlattiva).

Għaldaqstant, meta Stat Membru jirrettifika l-ksur matul il-proċedimenti tal-Qorti, il-Kummissjoni ma tirtirax l-azzjoni tagħha iżda ssostni t-talba tagħha li timponi somma f’daqqa, u b’hekk tkopri ż-żmien li jdum il-ksur sakemm il-ksur ikun ġie rettifikat. Il-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tinforma lill-Qorti mingħajr dewmien kull meta Stat Membru jtemm il-ksur, fi kwalunkwe stadju tal-proċess ġudizzjarju. Tagħmel hekk ukoll meta, wara sentenza maqtugħa skont l-Artikoli 260(2) jew 260(3) TFUE, Stat Membru jirrettifika s-sitwazzjoni u għaldaqstant, jintemm l-obbligu li titħallas il-penali.

Is-sanzjonijiet finanzjarji mħallsa mill-Istati Membri kif ordnati mill-Qorti, kemm jekk fil-forma ta’ somma f’daqqa kif ukoll jekk f’pagament ta’ penali, jikkostitwixxu “dħul ieħor” tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 311 TFUE u d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom (7).

2.1.   Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-Qorti konsistentement sostniet (8) li s-sanzjonijiet finanzjarji jenħtieġ li jkunu xierqa għaċ-ċirkostanzi u proporzjonati kemm għall-ksur li jkun instab kif ukoll għall-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas. Il-Kummissjoni teżamina bir-reqqa f’kull każ individwali kif l-aħjar tqis dawn il-prinċipji meta tapplika l-kriterji differenti użati fil-kalkolu tas-sanzjonijiet li tipproponi lill-Qorti. B’mod partikolari, is-sanzjonijiet, meta xieraq, jenħtieġ li jakkomodaw minn qabel il-possibbiltà ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi (9).

Jistgħu jirriżultaw diversi konsegwenzi mill-prinċipju tal-proporzjonalità u, b’mod aktar speċifiku, mill-prinċipju li jiġu proposti sanzjonijiet xierqa għaċ-ċirkostanzi:

Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom ikun xieraq li jiġu proposti penali bbażati fuq formula digressiva matematika biex jitqies il-progress ta’ Stat Membru lejn il-konformità mal-obbligi tiegħu tal-Unjoni. Eżempju possibbli huwa wieħed li fih Stat Membru jkun kiser id-dritt tal-Unjoni minħabba li jħaddem għadd ta’ landfills illegali, minħabba li xi wħud mill-ibliet tiegħu ma jikkonformawx mal-istandards tal-kwalità tal-ilma mormi urban jew minħabba żoni tal-kwalità tal-arja mhux konformi. Meta jkun possibbli li jiġi vvalutat matematikament il-progress tal-Istat Membru lejn il-konformità (pereżempju bħala perċentwal tal-landfills totali, l-ibliet jew iż-żoni tal-kwalità tal-arja jsiru konformi) ta’ dak il-ksur ikkaratterizzat minn obbligu purament “ibbażat fuq ir-riżultati”, il-Kummissjoni tista’ tipproponi formula digressiva lill-Qorti (10).

Jista’ jkun hemm ukoll sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tipproponi li l-penali dovuti jitħallsu biss wara intervalli perjodiċi regolari, pereżempju sitt xhur jew sena wara sentenza tal-Qorti mogħtija skont l-Artikolu 260(2) TFUE (11). Dan jista’ jkun xieraq meta l-konformità tkun tista’ tiġi vvalutata biss f’intervalli perjodiċi, jew meta l-metodu għall-valutazzjoni tal-konformità jiddependi mid-disponibbiltà tar-riżultati tal-monitoraġġ. Dan jista’ jiġi pprovdut mil-leġiżlazzjoni rilevanti. Dan biex jiġi żgurat li l-penali proposta mill-Kummissjoni tikkorrispondi man-numru ta’ jiem li matulhom il-ksur kompla – li xi drabi jista’ jiġi aċċertat biss wara li jkun għadda ċertu perjodu ta’ żmien u meta ssir disponibbli biżżejjed informazzjoni dwar il-konformità.

2.2.   Prinċipji relatati mal-Artikolu 260(3) TFUE

L-għan tal-Artikolu 260(3) TFUE (12) huwa li jinċentiva lill-Istati Membri jittrasponu d-direttivi adottati skont proċedura leġiżlattiva (13) sal-iskadenzi stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u b’hekk jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ġenwinament effettiva. Din ma hijiex biss kwistjoni ta’ salvagwardja tal-interessi ġenerali mfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda wkoll u fuq kollox ta’ protezzjoni tal-interessi taċ-ċittadini Ewropej li jgawdu d-drittijiet u l-benefiċċji li jirriżultaw minn tali leġiżlazzjoni. Id-dewmien ma huwiex aċċettabbli fiż-żewġ aspetti. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kredibbiltà tad-dritt tal-Unjoni kollu kemm hu tiddgħajjef meta Stat Membru jittrasponi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-liġi nazzjonali aktar tard milli suppost.

Dan ifisser li, għal ksur kopert mill-Artikolu 260(3) TFUE, jiġifieri n-nuqqas ta’ notifika ta’ miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva, ir-referenzi lill-Qorti huma direttament akkumpanjati minn talba lill-Qorti biex timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq l-Istat Membru kkonċernat. Għall-kuntrarju ta’ ksur li jaqa’ biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE, ma hemm l-ebda ħtieġa ta’ tieni proċedura separata għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji fil-każ ta’ tali ksur.

L-Artikolu 260(3) TFUE jistabbilixxi b’mod espliċitu li s-sanzjoni finanzjarja imposta mill-Qorti ma tridx taqbeż l-ammont propost mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni qieset b’mod konsistenti li l-mekkaniżmu ta’ sanzjoni previst fl-Artikolu 260(3) TFUE għandu jintuża bħala kwistjoni ta’ prinċipju fil-każijiet kollha li fihom Stat Membru jonqos milli jissodisfa obbligu kopert minn dik id-dispożizzjoni. L-importanza li tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-direttivi leġiżlattivi mill-Istati Membri fl-iskadenzi stabbiliti minn dawk id-direttivi tapplika għad-direttivi leġiżlattivi kollha bl-istess mod. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni stabbiliet mira ta’ 12-il xahar biex tippreżenta każijiet ta’ ksur quddiem il-Qorti jekk in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva jippersisti.

L-Artikolu 260(3) TFUE ma japplikax għan-nuqqas ta’ Stat Membru li jinnotifika miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttivi li ma humiex adottati skont proċedura leġiżlattiva. Meta l-Istat Membru jikser l-obbligu tiegħu li jinnotifika miżuri fir-rigward ta’ tali direttivi mhux leġiżlattivi, il-Kummissjoni tirreferi tali ksur lill-Qorti, l-ewwel, permezz tal-proċedura ta’ ksur prevista mill-Artikolu 258 TFUE u, meta l-Istat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ sentenza li ssib ksur, permezz tat-tieni riferiment lill-Qorti skont l-Artikolu 260(2) TFUE. Bl-istess mod, l-Artikolu 260(3) TFUE ma jistax jintuża meta Stat Membru jonqos milli jinnotifika miżuri li jittrasponu d-direttivi adottati skont l-Artikoli 31 u 32 tat-Trattat EURATOM. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tadotta l-istess proċedura ta’ riferiment doppju bħal dik użata għal direttivi mhux leġiżlattivi adottati skont it-TFUE.

L-Artikolu 260(3) TFUE jkopri kemm in-nuqqas totali kif ukoll dak parzjali ta’ notifika ta’ miżuri għat-traspożizzjoni ta’ direttiva leġiżlattiva. Każ ta’ nuqqas parzjali jista’ jseħħ meta l-miżuri ta’ traspożizzjoni nnotifikati ma jkoprux it-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat jew meta n-notifika ma tkunx kompluta billi ma tinkludix il-miżuri ta’ traspożizzjoni kollha li jikkorrispondu għal parti mid-direttiva.

L-obbligu tal-Istat Membru li jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni msemmija fl-Artikolu 260(3) TFUE jinkludi obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni ċara u preċiża biżżejjed (14) dwar liema dispożizzjonijiet nazzjonali jittrasponu d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ direttiva. In-nuqqas li tiġi pprovduta tali informazzjoni ċara u preċiża jista’ jiġi sanzjonat skont l-Artikolu 260(3) TFUE.

Il-Kummissjoni tqis li n-notifiki ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni li ma jindikawx b’mod mhux ambigwu għal kull dispożizzjoni ta’ direttiva liema dispożizzjoni nazzjonali tiżgura t-traspożizzjoni tagħha jiġġustifikaw riferiment skont l-Artikolu 260(3) TFUE. Mingħajr tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tivverifika jekk l-Istat Membru jkunx effettivament u kompletament ittraspona d-direttiva inkwistjoni. Madankollu, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, meta notifika ma jkollhiex bżonn ta’ spjegazzjoni, il-Kummissjoni ma tagħmilx rikors għal riferiment skont l-Artikolu 260(3) TFUE anki jekk dik in-notifika ma tispeċifikax, għal kull dispożizzjoni ta’ direttiva leġiżlattiva, il-miżura nazzjonali korrispondenti ta’ traspożizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrikorri biss għar-riferimenti skont l-Artikolu 260(3) TFUE fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ċari li jispeċifikaw liema dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali jittrasponu liema dispożizzjonijiet ta’ direttiva. Tali indikazzjonijiet għandhom jiġu pprovduti fil-forma ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni, li magħhom tista’ tiżdied tabella ta’ korrelazzjoni, li tqabbel id-dispożizzjonijiet tad-direttiva mal-liġi nazzjonali b’mod sistematiku.

Id-direttivi tipikament jinkludu klawżola li tobbliga lill-Istati Membri jirreferu għad-direttiva direttament fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottata għat-traspożizzjoni tad-direttiva jew fil-pubblikazzjoni tagħhom (“klawżola ta’ interkonnessjoni”). Dan l-obbligu jippermetti lil dawk ikkonċernati jaċċertaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom fil-qasam partikolari rregolat mid-dritt tal-Unjoni.

Il-Qorti ripetutament iddeċidiet li, bi klawżola ta’ interkonnessjoni, hija meħtieġa miżura speċifika ta’ traspożizzjoni (15). Is-sempliċi referenza minn Stat Membru, meta jinnotifika l-miżuri ta’ traspożizzjoni lill-Kummissjoni, għal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti minn qabel ma tistax tiġi kkwalifikata bħala miżura ta’ traspożizzjoni speċifika. L-atti tal-liġi nazzjonali ta’ qabel id-direttiva jistgħu jikkwalifikaw bħala miżura ta’ traspożizzjoni speċifika diment li l-Istat Membru jirreferi għalihom f’pubblikazzjoni uffiċjali li tindika b’mod inekwivoku l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi li kienu jeżistu minn qabel li permezz tagħhom iqis li jissodisfa l-obbligi imposti minn direttiva. Tali pubblikazzjoni uffiċjali għandha tiġi inkluża fin-notifika lill-Kummissjoni.

Kwalunkwe tilwima dwar l-adegwatezza tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nnotifikati, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk dawn il-miżuri jikkostitwixxux traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ direttiva, tiġi ttrattata skont il-proċedura prevista mill-Artikolu 258 TFUE.

3.   PAGAMENT TA’ PENALI

Il-penali li għandha titħallas mill-Istati Membri hija ammont, ikkalkolat fil-prinċipju għal kull jum ta’ dewmien – mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe perjodu ta’ referenza differenti f’każijiet speċifiċi – li jibda mid-data meta l-Qorti tagħti s-sentenza tagħha skont l-Artikolu 260(2) jew (3) TFUE, sad-data li fiha l-Istat Membru jtemm il-ksur. Il-pagament ta’ penali jfittex li jwassal lill-Istat Membru kkonċernat biex itemm il-ksur tal-obbligi tiegħu mill-aktar fis possibbli wara li l-Qorti tagħti s-sentenza tagħha.

L-ammont tal-pagament ta’ penali ta’ kuljum huwa kkalkolat kif ġej:

multiplikazzjoni ta’ ammont b’rata fissa b’koeffiċjent għas-serjetà u koeffiċjent għal kemm idum,

multiplikazzjoni tar-riżultat miksub b’ammont stabbilit mill-Istat Membru (il-fattur n) li jirrifletti l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat.

Il-formula li ġejja tiġbor fil-qosor il-metodu ta’ kalkolu li jirriżulta għall-pagament ta’ penali:

Dp = (F-Rap × Cs × Cd) × n

fejn: Dp = penali ta’ kuljum; F-Rap = ammont b’rata fissa “pagament ta’ penali”; CS = koeffiċjent għas-serjetà; Cd = koeffiċjent għal kemm idum; n = fattur “n” li jirrifletti l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat.

3.1.   Ammont b’rata fissa

L-ammont b’rata fissa huwa ddefinit bħala l-ammont fiss li għalih jiġu applikati l-koeffiċjenti multiplikaturi. Dan jindirizza l-ksur tal-prinċipju tal-legalità, li japplika għall-kawżi kollha skont l-Artikolu 260 TFUE. Ġie stabbilit f’livell li jiżgura li:

il-Kummissjoni żżomm marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni meta tapplika l-koeffiċjent għas-serjetà,

l-ammont huwa raġonevoli għall-Istati Membri kollha,

l-ammont, immultiplikat bil-koeffiċjent għas-serjetà, huwa għoli biżżejjed biex tinżamm biżżejjed pressjoni fuq l-Istat Membru kkonċernat.

L-ammont b’rata fissa applikabbli għall-pagamenti ta’ penali huwa stabbilit fil-punt 1 tal-Anness I.

3.2.   Applikazzjoni tal-koeffiċjent għas-serjetà (fattur bejn 1 u 20)

Ksur li jikkonċerna n-nuqqas ta’ konformità ta’ Stat Membru ma’ sentenza jew in-nuqqas tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont proċedura leġiżlattiva dejjem jitqies bħala serju. Biex tadatta l-ammont tal-penali għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-Kummissjoni tiddetermina l-koeffiċjent għas-serjetà fuq il-bażi ta’ żewġ parametri: l-importanza tar-regoli tal-Unjoni li nkisru jew li ma ġewx trasposti u l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati hawn taħt, is-serjetà tal-ksur hija ddeterminata minn koeffiċjent stabbilit mill-Kummissjoni ta’ bejn minimu ta’ 1 u massimu ta’ 20.

3.2.1.    Nuqqas ta’ konformità ma’ sentenza (l-Artikolu 260(2) TFUE)

3.2.1.1.   L-importanza tad-dispożizzjonijiet li nkisru

Biex tiddetermina l-importanza tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jippersisti, il-Kummissjoni tqis in-natura u l-firxa tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati minflok il-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija tan-normi legali. Pereżempju, ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għandu dejjem jitqies bħala serju ħafna, kemm jekk il-ksur jirriżulta minn ksur tal-prinċipju stabbilit mit-Trattat kif ukoll minn ksur tal-prinċipju kif stabbilit f’regolament jew f’direttiva. Il-ksur li jaffettwa d-drittijiet fundamentali jew l-erba’ libertajiet fundamentali protetti mit-Trattat għandu ġeneralment jitqies bħala partikolarment serju u għandu jirriżulta f’penali xierqa.

Meta l-Kummissjoni tippreżenta azzjoni skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-fatt li l-Istat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ sentenza li tifforma parti mill-ġurisprudenza stabbilita (pereżempju, meta dik is-sentenza ssegwi sentenzi simili mogħtija fi proċedimenti ta’ ksur jew bi tweġiba għal referenza għal deċiżjoni preliminari) għandu jitqies bħala fattur aggravanti. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-Qorti preċedentement tkun sabet li l-Istat Membru kkonċernat ikun kiser dispożizzjonijiet simili tad-dritt tal-Unjoni.

Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ Stat Membru li jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni matul il-proċedura li twassal għal riferiment lill-Qorti skont l-Artikolu 260(2) TFUE, l-ewwel subparagrafu, jikkostitwixxi fattur aggravanti.

Il-fatt li Stat Membru jkun adotta miżuri li jqis suffiċjenti biex jirrimedja l-ksur li jkun ġie allegat bih, iżda l-Kummissjoni tqis li ma humiex suffiċjenti, għandu jiġi ttrattat b’mod differenti mis-sitwazzjoni li fiha l-Istat Membru jonqos milli jieħu xi azzjoni biex jirrimedja dak il-ksur (meta b’mod ċar l-Istat Membru jkun qed jikser l-Artikolu 260(1) TFUE).

Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jitqiesu tali fatturi mitiganti bħall-fatt li s-sentenza li għandha tiġi implimentata tagħti lok għal mistoqsijiet reali ta’ interpretazzjoni, jew diffikultajiet intrinsiċi partikolari ta’ konformità fuq terminu qasir (pereżempju, il-ħtieġa li tiġi ppjanata, approvata, iffinanzjata u mibnija l-infrastruttura biex tinkiseb il-konformità).

3.2.1.2.   L-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari

L-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali jew partikolari jenħtieġ li jitkejlu fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu, pereżempju:

it-telf tar-riżorsi proprji tal-Unjoni,

ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-UE,

l-impatt tal-ksur fuq il-mod kif taħdem l-Unjoni (bħal ksur li jikkonċerna s-setgħat esklużivi tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) TFUE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 TFUE, kif ukoll ksur li jaffettwa l-kapaċità tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali li jikkontribwixxu għall-infurzar effettiv tad-dritt tal-UE),

ħsara serja jew irreparabbli lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent,

dannu ekonomiku jew dannu ieħor imġarrab minn individwi u operaturi ekonomiċi,

is-somom finanzjarji involuti fil-ksur,

kwalunkwe vantaġġ finanzjarju possibbli li l-Istat Membru jikseb min-nuqqas ta’ konformità mas-sentenza tal-Qorti,

l-importanza relattiva tal-ksur filwaqt li jitqies il-fatturat jew il-valur miżjud tas-settur ekonomiku kkonċernat,

id-daqs tal-popolazzjoni affettwata mill-ksur,

ir-responsabbiltà tal-Unjoni fir-rigward ta’ pajjiżi terzi,

in-natura tal-ksur, jiġifieri l-karattru sistemiku jew strutturali tal-ksur jew in-nuqqas persistenti minn Stat Membru li japplika d-dritt tal-UE b’mod korrett.

Kunsiderazzjonijiet oħra jistgħu jinkludu jekk il-ksur huwiex ta’ darba jew ripetizzjoni ta’ ksur preċedenti.

Meta jitqiesu l-interessi tal-individwi għall-fini tal-kalkolu tal-ammont ta’ penali, il-Kummissjoni ma tfittix li tikseb rimedju għad-dannu u t-telf imġarrab bħala riżultat ta’ ksur, billi tali rimedju jista’ jinkiseb permezz ta’ proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali. L-għan tal-Kummissjoni huwa pjuttost li tqis l-effetti ta’ ksur mill-perspettiva tal-individwi jew tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Għalhekk, pereżempju, l-effetti ma humiex l-istess jekk ksur jikkonċerna każ speċifiku ta’ applikazzjoni mhux korretta (nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ kwalifika), jew nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, li jdgħajjef l-interessi ta’ professjoni sħiħa.

3.2.2.   Nuqqas ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni (l-Artikolu 260(3) TFUE)

Għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni tapplika sistematikament koeffiċjent għas-serjetà ta’ 10 f’każ ta’ nuqqas sħiħ ta’ notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. F’Unjoni bbażata fuq ir-rispett tal-istat tad-dritt, id-direttivi leġiżlattivi kollha għandhom jitqiesu ta’ importanza ugwali u jirrikjedu traspożizzjoni sħiħa mill-Istati Membri fl-iskadenzi li jistabbilixxu.

Fil-każ ta’ nuqqas parzjali ta’ notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, għandha titqies l-importanza tad-diskrepanza fit-traspożizzjoni meta jiġi stabbilit il-koeffiċjent għas-serjetà li jkun anqas minn 10. Barra minn hekk, jistgħu jitqiesu l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali u partikolari (ara l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3.2.1.2 hawn fuq).

3.3.   Applikazzjoni tal-koeffiċjent għal kemm idum

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pagament ta’ penali li jirrifletti ż-żmien li jdum il-ksur:

għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-perjodu meqjus huwa l-perjodu li jibda mid-data tal-ewwel sentenza tal-Qorti sad-data li fiha l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti,

għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-perjodu meqjus huwa l-perjodu li jibda mill-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti.

Il-koeffiċjent għal kemm idum huwa espress bħala multiplikatur ta’ bejn 1 u 3. Dan jiġi kkalkolat b’rata ta’ 0,10 fix-xahar mid-data tal-ewwel sentenza jew mill-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni.

Il-Qorti (16) kkonfermat li ż-żmien li jdum il-ksur irid titqies kemm għall-pagament ta’ penali kif ukoll għall-pagament ta’ somma f’daqqa, minħabba l-iskop speċifiku ta’ kull sanzjoni.

3.4.   Il-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas

L-ammont tal-pagament ta’ penali għandu jiżgura li s-sanzjoni tkun kemm proporzjonata kif ukoll dissważiva. L-effett ta’ deterrent tal-pagament ta’ penali għandu żewġ aspetti. Is-sanzjoni trid tkun għolja biżżejjed biex tiżgura li:

l-Istat Membru jtemm il-ksur (għalhekk trid tkun ogħla mill-benefiċċju li l-Istat Membru jikseb mill-ksur),

l-Istat Membru ma jirrepetix il-ksur.

Il-livell ta’ sanzjoni meħtieġ biex iservi bħala deterrent se jvarja skont il-kapaċità tal-Istati Membri li jħallsu. Dan l-effett ta’ deterrent huwa rifless fil-fattur n. Huwa ddefinit bħala medja ġeometrika ponderata tal-prodott domestiku gross (PDG) (17) tal-Istat Membru kkonċernat meta mqabbla mal-medja tal-PDG tal-Istati Membri, b’piż ta’ tnejn, u tal-popolazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, meta mqabbla mal-medja tal-popolazzjonijiet tal-Istati Membri, b’piż ta’ wieħed. Dan jirrappreżenta l-kapaċità li l-Istat Membru kkonċernat iħallas meta mqabbel mal-kapaċità tal-Istati Membri l-oħra li jħallsu:

Formula

Il-mod li bih il-fattur n jiġi kkalkolat skont din il-Komunikazzjoni jirrappreżenta modifika tal-mod kif il-fattur n ġie kkalkolat qabel. Il-komunikazzjonijiet preċedenti qiesu kemm il-PDG tal-Istati Membri kif ukoll il-piż istituzzjonali tagħhom. Dan tal-aħħar ġie espress permezz tal-użu ta’ indikatur, l-aktar reċenti n-numru ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew allokati lil kull Stat Membru.

Permezz tas-Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (18), il-Qorti eżaminat l-elementi meqjusa rilevanti għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ Stat Membru li jħallas għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji fuq il-bażi tal-Artikolu 260 TFUE. F’dik is-sentenza, il-Qorti ddeċidiet li “(…) bla ħsara għall-possibbiltà għall-Kummissjoni li tipproponi sanzjonijiet finanzjarji bbażati fuq diversi kriterji, sabiex tippermetti, b’mod partikolari, li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri, hemm lok li wieħed jibbaża ruħu fuq il-PDG tar-Repubblika Ellenika bħala fattur predominanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż istituzzjonali tar-Repubblika Ellenika […]” (19). Skont il-Qorti, “l-għan li jikkonsisti fl-iffissar tas-sanzjonijiet li jkunu dissważivi biżżejjed ma jeżiġix neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali fl-Unjoni tal-Istat Membru kkonċernat” u “it-teħid inkunsiderazzjoni tal-piż istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma jidhirx li huwa indispensabbli sabiex tiġi żgurata dissważjoni suffiċjenti u sabiex dan l-Istat Membru jbiddel l-aġir attwali jew futur tiegħu” (20).

Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-metodu tagħha għall-kalkolu tal-fattur n, li issa jibbaża l-aktar fuq il-PDG tal-Istati Membri u t-tieni fuq il-popolazzjoni tagħhom bħala kriterju demografiku li jippermetti li tinżamm devjazzjoni raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri. Meta titqies il-popolazzjoni tal-Istati Membri għal terz tal-kalkolu tal-fattur n, il-varjazzjoni tal-fatturi n tal-Istati Membri titnaqqas b’mod raġonevoli, meta mqabbla ma’ kalkolu bbażat biss fuq il-PDG tal-Istati Membri. Dan iżid ukoll element ta’ stabbiltà fil-kalkolu tal-fattur n, billi l-popolazzjoni x’aktarx li ma hijiex se tvarja b’mod sinifikanti fuq bażi annwali. B’kuntrast għal dan, il-PDG ta’ Stat Membru jista’ jesperjenza varjazzjonijiet annwali ogħla, b’mod partikolari f’perjodi ta’ kriżi ekonomika. Fl-istess ħin, billi l-PDG tal-Istat Membru għadu jammonta għal żewġ terzi tal-kalkolu, jibqa’ l-fattur predominanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jħallas.

Il-fatturi n għal kull Stat Membru huma stabbiliti fil-punt 3 tal-Anness I.

4.   ĦLAS TA’ SOMMA F’DAQQA

Biex jitqies bis-sħiħ l-effett ta’ deterrent tal-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trattament ugwali, il-proposta tal-Kummissjoni lill-Qorti tinkludi:

l-iffissar ta’ somma f’daqqa minima fissa, u

metodu ta’ kalkolu bbażat fuq ammont ta’ kuljum immultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti; dan il-metodu jiġi applikat meta r-riżultat tal-kalkolu jaqbeż is-somma f’daqqa minima fissa.

4.1.   Somom f’daqqa minimi

Kull darba li l-Kummissjoni tippreżenta każ quddiem il-Qorti skont l-Artikolu 260 TFUE, hija tipproponi mill-anqas somma f’daqqa minima fissa, stabbilita għal kull Stat Membru skont il-fattur n tagħhom, irrispettivament mir-riżultat tal-kalkolu fit-Taqsima 4.2.

Dik is-somma f’daqqa minima fissa tirrifletti l-prinċipju li kwalunkwe każ ta’ nuqqas persistenti ta’ konformità minn Stat Membru ma’ sentenza tal-Qorti, jew kwalunkwe nuqqas minn Stat Membru li jittrasponi direttiva leġiżlattiva, irrispettivament minn kwalunkwe ċirkostanza aggravanti, jimmina l-prinċipju tal-legalità f’komunità rregolata mill-istat tad-dritt, u jirrikjedi sanzjoni effettiva. Is-somma f’daqqa minima tevita wkoll il-proposta ta’ ammonti purament simboliċi li ma jkollhom l-ebda effett ta’ deterrent u li jistgħu jimminaw, aktar milli jsaħħu, l-awtorità tas-sentenzi tal-Qorti.

Is-somma f’daqqa minima għal kull Stat Membru hija stabbilita fil-punt 5 tal-Anness.

4.2.   Metodu ta’ kalkolu għas-somma f’daqqa

Is-somma f’daqqa tiġi kkalkolata b’mod ġeneralment simili għall-metodu għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali, jiġifieri:

il-multiplikazzjoni ta’ ammont b’rata fissa b’koeffiċjent għas-serjetà,

il-multiplikazzjoni tar-riżultat bil-fattur n,

il-multiplikazzjoni tar-riżultat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti (ara l-punt 4.2.1).

Il-formula li ġejja tiġbor fil-qosor il-metodu ta’ kalkolu għas-somma f’daqqa:

LS = F-Rals × Cs × n × dy

fejn:

LS = somma f’daqqa; F-Rals = ammont b’rata fissa “ħlas ta’ somma f’daqqa”; CS = koeffiċjent għas-serjetà; n = fattur li jirrifletti l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat; dy = in-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti.

Meta r-riżultat ta’ dan il-kalkolu jaqbeż is-somma f’daqqa minima għall-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tipproponi somma f’daqqa lill-Qorti ddeterminata bl-użu ta’ din il-formula.

4.2.1.    Numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti

Biex tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa, l-ammont ta’ kuljum għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti. Dan tal-aħħar huwa ddefinit kif ġej:

għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(2) TFUE, dan huwa n-numru ta’ jiem bejn id-data li fiha tingħata l-ewwel sentenza u d-data li fiha jintemm il-ksur, jew, fin-nuqqas ta’ konformità, id-data li fiha tingħata s-sentenza skont l-Artikolu 260 TFUE,

għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, dan huwa n-numru ta’ jiem bejn il-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni stabbilita fid-direttiva inkwistjoni u d-data li fiha jintemm il-ksur, jew, fin-nuqqas ta’ konformità, id-data li fiha tingħata s-sentenza skont l-Artikolu 260 TFUE.

Għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-jum minn meta jibda jiddekorri l-perjodu li għandu jitqies meta tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa huwa ddefinit bħala d-data tas-sentenza li tistabbilixxi li l-Istat Membru kkonċernat ikun kiser id-dritt tal-Unjoni (21).

Skont il-Qorti, Stat Membru jeħtieġlu jikkonforma ma’ tali sentenza “f’daqqa” u l-konformità trid “titlesta mill-aktar fis possibbli” (22). Ovvjament, qabel ma tippreżenta azzjoni skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-Kummissjoni trid tħalli biżżejjed żmien, stabbilit fid-dawl tal-ksur inkwistjoni, biex l-Istat Membru jikkonforma ma’ tali sentenza. Madankollu, meta jkun ingħata perjodu ta’ żmien raġonevoli lill-Istat Membru u ma tkunx inkisbet konformità sħiħa mas-sentenza, l-Istat Membru jrid jitqies li jkun naqas, mid-data tas-sentenza li ssib il-ksur, li jissodisfa l-obbligu tiegħu li jibda l-proċess ta’ konformità minnufih u li jlestih mill-aktar fis possibbli.

Għal azzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-jum minn meta jibda l-perjodu rilevanti huwa l-jum wara l-iskadenza għat-traspożizzjoni stabbilita fid-direttiva inkwistjoni.

4.2.2.    Elementi oħra tal-metodu ta’ kalkolu għas-somma f’daqqa

Għall-kalkolu tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tapplika l-istess koeffiċjent għas-serjetà u l-istess fattur n fiss bħal għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali (ara t-Taqsimiet 3.2. u 3.4.). Meta tiddetermina l-ammont tas-somma f’daqqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE, il-Kummissjoni tqis il-firxa tat-traspożizzjoni meta tiddetermina s-serjetà tan-nuqqas tat-traspożizzjoni.

L-ammont b’rata fissa għas-somma f’daqqa huwa anqas minn dak għall-pagamenti ta’ penali. Huwa ġust li l-ammont ta’ kuljum tal-pagament ta’ penali għandu jkun ogħla mill-pagament ta’ somma f’daqqa, minħabba li l-imġiba tal-Istat Membru kkonċernat tkun aktar ta’ ħsara ladarba tingħata sentenza skont l-Artikolu 260 TFUE, billi dan jinvolvi persistenza tal-ksur wara tali sentenza.

L-ammont b’rata fissa applikabbli għas-somma f’daqqa huwa stabbilit fil-punt 2 tal-Anness I.

B’kuntrast għall-kalkolu tal-pagament ta’ penali, il-koeffiċjent għal kemm idum ma jiġix applikat meta tiġi kkalkolata s-somma f’daqqa, minħabba li ż-żmien kemm idum il-ksur jitqies billi l-ammont ta’ kuljum jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li l-ksur jippersisti.

5.   REGOLI TRANŻIZZJONALI GĦAR-RENJU UNIT

Fil-31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni. Madankollu, kien għadu marbut li japplika u jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni (li skada fil-31 ta’ Diċembru 2020) bis-saħħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq u l-Artikolu 12 tal-Protokoll dwar iż-Żoni ta’ Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq f’Ċipru, il-Kummissjoni u l-Qorti jżommu s-setgħat mogħtija lilhom mit-Trattati b’rabta mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli minn dawk il-Protokolli għar-Renju Unit u fih, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq u ż-Żoni ta’ Bażi Sovrana. Skont l-Artikolu 160 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Qorti żżomm il-ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 258, 260 u 267 TFUE fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ħames Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa possibbli għall-Kummissjoni li titlob lill-Qorti timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq ir-Renju Unit wara l-31 ta’ Diċembru 2020. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni se tipproponi sanzjonijiet finanzjarji li huma proporzjonati għas-serjetà tal-ksur inkwistjoni, għal kemm idum dak il-ksur u għall-kapaċità ta’ ħlas tar-Renju Unit. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni se tibbaża fuq l-istess formula bħal dik stabbilita f’din il-Komunikazzjoni għall-Istati Membri (23).

6.   ID-DATA LI FIHA JIDĦOL FIS-SEĦĦ L-OBBLIGU LI TITĦALLAS IS-SANZJONI

Meta l-Qorti timponi sanzjoni fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(2) TFUE, id-data tal-obbligu li titħallas dik is-sanzjoni normalment jidħol fis-seħħ tikkorrispondi għad-data li fiha l-Qorti tagħti s-sentenza tagħha.

Meta l-Qorti timponi sanzjoni fuq Stat Membru skont l-Artikolu 260(3) TFUE, dik id-dispożizzjoni speċifikat li l-obbligu ta’ ħlas “għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti fis-sentenza tagħha”. Dan jippermetti lill-Qorti tistabbilixxi d-data li fiha l-obbligu jidħol fis-seħħ jew bħala d-data li fiha tagħti s-sentenza tagħha jew f’data sussegwenti. Il-Qorti għad trid tagħmel użu mill-possibbiltà li tistabbilixxi data sussegwenti għad-data tas-sentenza tagħha.

7.   DATA TAL-APPLIKAZZJONI

Il-Kummissjoni se tapplika r-regoli u l-kriterji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni għad-deċiżjonijiet kollha li tieħu biex tirreferi kwistjonijiet lill-Qorti skont l-Artikolu 260 TFUE wara l-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali.


(1)  Jew meta l-Istat Membru ma jkunux ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ sentenza li ssib ksur ta’ deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

(2)  Din id-diskrezzjoni hija limitata fil-każ tal-kawżi tal-Artikolu 260(3) TFUE, fejn il-Qorti ma tistax tmur lil hinn mill-ammont speċifikat mill-Kummissjoni.

(3)  Ara s-Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-304/02, EU:C:2005:444, il-paragrafu 103); tal-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C-177/04, EU:C:2006:173, il-paragrafu 61); u tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-70/06, EU:C:2008:3, il-paragrafu 38).

(4)  Ara l-Anness II “Lista ta’ komunikazzjonijiet preċedenti dwar sanzjonijiet finanzjarji”.

(5)  Il-Qorti approvat is-sustanza ta’ dawn il-kriterji f’ġurisprudenza konsistenti. Ara, fost l-oħrajn, is-Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika (C-387/97, EU:C:2000:356, il-paragrafu 92); is-Sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-658/19, EU:C:2021:138, il-paragrafu 63); is-Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-550/18, EU:C:2020:564, il-paragrafu 81), is-Sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-658/19, EU:C:2021:138, il-paragrafu 73).

(6)  Ara s-Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs ir-Rumanija (C-549/18, EU:C:2005:563, il-paragrafu 51).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).

(8)  Il-Kawża C-658/19, Il-Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2021:138, il-pararafu 63); Il-Kawża C-550/18, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (EU:C:2020:564, il-paragrafu 81); il-Kawża C-658/19, Il-Kummissjoni vs Spanja (EU:C:2021:138, il-paragrafu 73).

(9)  Ara s-Sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-278/01, EU:C:2005:635)

(10)  Ara l-Kawża C-278/01 Il-Kummissjoni vs Spanja dwar l-istandards ta’ kwalità għall-ilma tal-għawm stabbiliti mid-Direttiva 76/160/KEE, fejn, kif innotat il-Qorti, “huwa partikolarment diffiċli għall-Istati Membri li jimplementaw kompletament id-Direttiva”, u fejn “huwa konċepibbli li l-Istat Membru konvenut jasal li jżid sostanzjalment il-livell ta’ twettiq tad-Direttiva mingħajr ma jasal għat-twettiq sħiħ f’perjodu ta’ żmien qasir”. F’dawk iċ-ċirkostanzi, kif iddeċidiet il-Qorti, “penali li ma tiħux f’kunsiderazzjoni l-progress imwettaq eventwalment mill-Istat Membru fit-twettiq tal-obbligi tiegħu, la tkun adattata għaċ-ċirkostanzi u lanqas proporzjonata għall-ksur li jkun ikkonstatat”.

(11)  Ara l-paragrafi minn 43 sa 46 tas-Sentenza fil-Kawża C-278/01 Il-Kummissjoni vs Spanja, u l-paragrafi 111 u 112 tas-Sentenza fil-Kawża C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza

(12)  Ara s-Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-543/17, EU:C:2019:573), li fiha l-Qorti applikat għall-ewwel darba l-iskema ta’ sanzjonijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE.

(13)  Dawn huma direttivi adottati skont il-proċeduri leġiżlattivi ordinarji jew speċjali previsti fit-Trattati. Dan jeskludi b’mod partikolari d-direttivi delegati u ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 290 u 291 TFUE, kif ukoll id-direttivi adottati skont it-Trattat EURATOM.

(14)  Ara l-Kawża C-543/17, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, il-paragrafu 51 u 59.

(15)  Is-Sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs il-Polonja (C-551/08, EU:C:2009:683, il-paragrafu 23); tal-11 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs il-Polonja (C-29/14, EU:C:2009:379, il-paragrafu 49); tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-599/17, EU:C:2018:813, il-paragrafu 21); u tas-16 ta’ Lulju 2020, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (C-550/18, EU:C:2020:564, il-paragrafu 31).

(16)  Ara l-paragrafu 84 tas-Sentenza fil-Kawża C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza.

(17)  Sors: PDG nominali - Eurostat. Il-Eurostat jippubblika regolarment id-data dwar il-PDG għall-Istati Membri (nama_10_pdg).

(18)  Is-Sentenza tal-20 ta’ Jannar 2022, Il-Kummissjoni vs il-Greċja (C-51/20, EU:C:2009:36).

(19)  Il-Kawża C-51/20, Il-Kummissjoni vs il-Greċja, il-paragrafu 116.

(20)  Il-Kawża C-51/20, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (, il-paragrafi 113 u 115.

(21)  Ara l-Kawża C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza

(22)  Ara s-Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (C-261/18, EU:C:2019:955, il-paragrafu 123);

(23)  

Formula


ANNESS I

Data użata għad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji proposti lill-Qorti

id-data f’dan l-Anness għandha tiġi rieżaminata u aġġornata mill-Kummissjoni fuq bażi annwali, fid-dawl tal-varjazzjonijiet fl-inflazzjoni, il-PDG tal-Istati Membri u l-popolazzjoni tagħhom, fuq il-bażi tad-data uffiċjali ppubblikata mill-Eurostat.

1.   Ammont b’rata fissa għall-pagament ta’ penali

L-ammont b’rata fissa għall-pagament ta’ penali msemmi fit-Taqsima 3.1. ta’ din il-Komunikazzjoni huwa stabbilit għal EUR 3 000 kuljum.

2.   Ammont b’rata fissa għall-pagament ta’ somma f’daqqa

L-ammont b’rata fissa għall-pagament ta’ somma f’daqqa msemmi fit-Taqsima 4.2.2. ta’ din il-Komunikazzjoni huwa stabbilit għal EUR 1 000 kuljum, jiġifieri terz tar-rata fissa għall-pagamenti ta’ penali.

3.   Fatturi “n”

Il-fatturi “n” imsemmija fit-Taqsimiet 3.4 u 4.2.2 ta’ din il-Komunikazzjoni huma:

 

Fattur N (1)

Il-Belġju

0,84

Il-Bulgarija

0,18

Iċ-Ċekja

0,49

Id-Danimarka

0,52

Il-Ġermanja

6,16

L-Estonja

0,06

L-Irlanda

0,55

Il-Greċja

0,41

Spanja

2,44

Franza

4,45

Il-Kroazja

0,14

L-Italja

3,41

Ċipru

0,05

Il-Latvja

0,07

Il-Litwanja

0,12

Il-Lussemburgu

0,09

L-Ungerija

0,35

Malta

0,03

In-Netherlands

1,39

L-Awstrija

0,68

Il-Polonja

1,37

Il-Portugall

0,46

Ir-Rumanija

0,61

Is-Slovenja

0,10

Is-Slovakkja

0,22

Il-Finlandja

0,42

L-Iżvezja

0,83

4.   Somma f’daqqa ta’ referenza

Is-somma f’daqqa ta’ referenza użata għall-kalkolu tas-somom f’daqqa minimi għal kull Stat Membru hija stabbilita għal EUR 2 800 000 (2).

5.   Somom f’daqqa minimi għal kull stat membru

Is-somom f’daqqa minimi jikkorrispondu għas-somma f’daqqa ta’ referenza mmultiplikata bil-fatturi “n”.

Is-somom f’daqqa minimi (3) msemmija fit-Taqsima 4.1. ta’ din il-Komunikazzjoni huma stabbiliti bħala:

 

Somom f’daqqa minimi (EUR)

Il-Belġju

2 352 000

Il-Bulgarija

504 000

Iċ-Ċekja

1 372 000

Id-Danimarka

1 456 000

Il-Ġermanja

17 248 000

L-Estonja

168 000

L-Irlanda

1 540 000

Il-Greċja

1 148 000

Spanja

6 832 000

Franza

12 460 000

Il-Kroazja

392 000

L-Italja

9 548 000

Ċipru

140 000

Il-Latvja

196 000

Il-Litwanja

336 000

Il-Lussemburgu

252 000

L-Ungerija

980 000

Malta

84 000

In-Netherlands

3 892 000

L-Awstrija

1 904 000

Il-Polonja

3 836 000

Il-Portugall

1 288 000

Ir-Rumanija

1 708 000

Is-Slovenja

280 000

Is-Slovakkja

616 000

Il-Finlandja

1 176 000

L-Iżvezja

2 324 000


(1)  Fuq il-bażi tal-PDG u tal-popolazzjoni tal-2020 (is-sena n-2) estratti fis-7 ta’ Settembru 2022, u mqarrba għal żewġ deċimali.

(2)  Fl-2005, fil-Komunikazzjoni tagħha “Implimentazzjoni tal-Artikolu 228 tat-Trattat KE”, il-Kummissjoni użat EUR 500 000 bħala somma f’daqqa ta’ referenza. Is-somma f’daqqa ta’ referenza żdiedet matul is-snin wara reviżjonijiet suċċessivi minħabba l-inflazzjoni u għad-diversi bidliet fil-metodi. Fl-aħħar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-aġġornament tad-” (C(2022) data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-penali li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi proċedimenti ta’ ksur568), is-somma f’daqqa ta’ referenza użata għall-kalkolu tas-somom f’daqqa minimi kienet ta’ EUR 2 255 000. Issa hija stabbilita għal EUR 2 800 000 biex jiġi żgurat li s-somom f’daqqa minimi jibqgħu dissważivi biżżejjed, filwaqt li jitqiesu l-livelli preċedenti tagħhom u l-bidla fil-metodu stabbilit f’din il-Komunikazzjoni rigward il-fattur n.

(3)  Fuq il-bażi tal-PDG u tal-popolazzjoni tal-2020 (is-sena n-2) estratti fis-7 ta’ Settembru 2022, u mqarrba sal-eqreb elf.


ANNESS II

Lista ta’ komunikazzjonijiet preċedenti dwar sanzjonijiet finanzjarji

Din il-Komunikazzjoni hija rieżami ta’ dawn il-Komunikazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni dwar sanzjonijiet finanzjarji mill-1996 sal-2021:

Fl-1996, il-Kummissjoni ħarġet “Memorandum dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE” (1). Dan kien approċċ inizjali maħsub biex jiġi rfinat ulterjorment, iżda stabbilixxa l-pedamenti tal-politika tal-lum dwar is-sanzjonijiet finanzjarji, billi ddikjara li l-ammont tal-penali jrid jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ tliet kriterji fundamentali, jiġifieri s-serjetà tal-ksur, iż-żmien kemm idum, u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-penali nnifisha tkun ta’ deterrent għal aktar ksur.

Fl-1997, il-Kummissjoni ppubblikat għall-ewwel darba “Metodu għall-kalkolu ta’ pagamenti tal-penali stabbilit skont l-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE” (2). Dak iż-żmien, ma kien hemm l-ebda metodu stabbilit għall-kalkolu tas-somma f’daqqa. Skont il-metodu stabbilit, il-pagament ta’ penali ta’ kuljum kellu jiġi kkalkolat bħala ammont uniformi b’rata fissa, immultiplikat b’koeffiċjent għas-serjetà u b’koeffiċjent għal kemm idum, li r-riżultat tiegħu għandu jiġi mmultiplikat b’fattur speċjali (magħruf bħala l-“fattur n”) li jirrifletti l-kapaċità li l-Istat Membru kkonċernat iħallas u n-numru ta’ voti li għandu fil-Kunsill. Dan il-fattur n, li f’dak iż-żmien kien jirrifletti kemm il-piż ekonomiku kif ukoll dak istituzzjonali, ġie maħsub bħala mod biex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet ikunu ġusti, proporzjonati, iżda wkoll dissważivi biżżejjed biex l-Istati Membri jtemmu l-ksur u ma jirrepetux il-ksur. Id-dokument spjega wkoll kif il-koeffiċjenti għas-serjetà u għal kemm idum kellhom jiġu ddeterminati u stabbilixxa l-ewwel valuri għall-fattur n (3).

Fl-2001, deċiżjoni interna (4) tal-Kummissjoni speċifikat li l-koeffiċjent għal kemm idum għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ 0,1 fix-xahar (b’massimu ta’ 3), mis-seba’ xahar wara s-sentenza tal-Qorti.

Fl-2005, il-Kummissjoni ħarġet “Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 228 tat-Trattat KE” (5), billi kien meħtieġ aġġornament b’mod partikolari fir-rigward tal-ġurisprudenza l-ġdida tal-Qorti, l-Istati Membri l-ġodda li ngħaqdu mal-UE, u l-evoluzzjonijiet tar-rati tat-tkabbir u tal-inflazzjoni. Din stabbiliet il-prinċipji ġenerali li għandhom jiġu rrispettati meta jintalbu sanzjonijiet finanzjarji, li għadhom validi llum. Stabbiliet ukoll għall-ewwel darba metodu għall-kalkolu tal-ħlas ta’ somma f’daqqa, inklużi s-somom f’daqqa minimi għal kull Stat Membru, aġġornat il-kalkolu tal-fattur n (6), u stabbiliet l-ammonti b’rata fissa għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penali u ta’ somma f’daqqa (7).

Fl-2010, wara l-introduzzjoni fit-Trattat ta’ Liżbona tal-possibbiltà li jintalbu sanzjonijiet finanzjarji f’każijiet ta’ nuqqas ta’ notifika ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni għal direttivi leġiżlattivi, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni bit-titolu “Implementazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE” (8). F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni spjegat kif se tapplika l-metodi ta’ kalkolu eżistenti għall-pagamenti ta’ somma f’daqqa u ta’ penali għall-każijiet koperti mill-Artikolu 260(3).

Fl-2019, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni ġdida “Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummissjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” (9). Din il-Komunikazzjoni segwiet sentenza tal-Qorti (10) li fiha kienet qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tibqa’ tibbaża fuq in-numru ta’ voti fil-Kunsill għal kull Stat Membru biex tirrifletti l-piż istituzzjonali, billi l-metodu tal-votazzjoni kien inbidel mill-1 ta’ April 2017. Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat din l-opportunità biex taġġorna l-valur ta’ referenza tal-PDG (li kien il-PDG tal-Lussemburgu) u dan ġie sostitwit bil-medja tal-PDG tal-Istati Membri, meta jiġi kkalkolat il-fattur n (11). Fl-aħħar nett, biex jiġi żgurat li s-sanzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw jibqgħu ġeneralment konsistenti mal-livelli preċedenti, il-Kummissjoni introduċiet fattur ta’ aġġustament ta’ 4,5.

L-aktar reċenti, fl-2021, il-Kummissjoni aġġustat il-kalkolu għas-somom f’daqqa u għall-pagamenti ta’ penali (12) minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Minħabba li l-fattur n qies il-medja tal-PDG tal-Istati Membri kollha, il-ħruġ tar-Renju Unit irriżulta f’żieda tal-fattur n, li jirriżulta f’sanzjonijiet finanzjarji ogħla proposti mill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni applikat fattur ta’ aġġustament ta’ 0,836 biex tiżgura li ż-żieda tkun limitata għall-inflazzjoni.


(1)  Informazzjoni tal-Kummissjoni — Memorandum dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE (ĠU C 242, 21.8.1996, p. 6).

(2)  Information tal-Kummissjoni — Metodu għall-kalkolu ta’ pagamaneit tal-penali stabbilit skont l-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE (ĠU C 063, 28.2.1997, p. 2).

(3)  

Formula

(4)  Ara PV(2001)1517/2 tat-2 ta’ April 2001

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Implimentazzjoni tal-Artikolu 228 tat-Trattat KE (SEC(2005) 1658).

(6)  

Formula

(7)  Stabbilit għal EUR 600 kuljum għall-pagamenti ta’ penali u għal EUR 200 għall-pagamenti ta’ somma f’daqqa.

(8)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE (SEC(2010) 1371 final).

(9)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Modifika tal-metodu ta’ kalkolu għal ħlasijiet ta’ somom f’daqqa u ħlasijiet ta’ penali ta’ kuljum proposta mill-Kummissjoni f’proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 70, 25.2.2019, p. 1).

(10)  Is-Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs il-Greċja (C-93/17, EU:C:2018:903).

(11)  

Formula

(12)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Aġġustament tal-kalkolu għall-pagamenti ta’ somma f’daqqa u ta’ penali proposti mill-Kummissjoni fi proċedimenti ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, wara l-ħruġ tar-Renju Unit (ĠU C 129, 13.4.2021, p. 1).