Brussell, 17.5.2023

SWD(2023) 141 final

Riforma doganali

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

[…]

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Awtorità Doganali tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 952/2013

{COM(2023) 258 final} - {SEC(2023) 198 final} - {SWD(2023) 140 final}


Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

Is-sistema kurrenti ma hijiex sodisfaċenti. L-UE qed titlef id-dħul. Prodotti illeċiti u mhux konformi jidħlu fl-UE u jqiegħdu f’riskju s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE.

1. Id-dwana titħabat fil-missjoni tagħha biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u r-rekwiżiti mhux finanzjarji li dejjem qed jiżdiedu skont il-politiki settorjali (is-sikurezza tal-prodotti, is-sigurtà, il-protezzjoni tal-bniedem, tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti, tal-ambjent eċċ.). Il-kooperazzjoni bejn id-dwana u awtoritajiet kompetenti oħra ma hijiex biżżejjed.

2. Il-proċessi doganali kurrenti jirrikjedu li n-negozjanti jipprovdu bosta drabi informazzjoni simili dwar il-merkanzija fil-katina tal-provvista, lil awtoritajiet differenti, permezz ta’ sistemi multipli tal-IT u li mhux dejjem huma interoperabbli. Dan joħloq piż amministrattiv għall-operaturi leġittimi.

3. Il-mudell doganali ma huwiex adegwat għall-kummerċ elettroniku - iż-żieda enormi tal-kummerċ elettroniku biddlet in-natura tal-kummerċ, minn merkanzija li tradizzjonalment tiddaħħal fl-UE fi kwantitajiet kbar permezz tal-merkanzija, għal miljuni ta’ kunsinni żgħar li jiġu ttrasportati direttament lill-konsumaturi individwali. Id-dwana ma hijiex ippreparata biex tlaħħaq maż-żieda fil-volumi ta’ merkanzija u dikjarazzjonijiet.

4. Il-kwalità, l-aċċess u l-analiżi tad-data huma limitati - Għalkemm il-proċessi doganali huma diġitalizzati, id-data meħtieġa għat-twettiq tas-superviżjoni doganali, l-analiżi tar-riskju u l-kontrolli hija frammentata u duplikata f’diversi sistemi f’infrastruttura doganali deċentralizzata tal-IT. Dan jiswa ħafna flus għall-awtoritajiet tad-dwana, ma huwiex flessibbli u jfixkel l-użu effiċjenti tad-data.

5. L-implimentazzjoni operazzjonali fl-Istati Membri tvarja b’mod sinifikanti fil-prattiki u fil-metodi ta’ kontroll. Ma hemm l-ebda analiżi tar-riskju xierqa tal-UE biex jiġu mmonitorjati kif xieraq il-flussi kummerċjali u biex jiġi identifikat il-kummerċ mhux konformi. 

X’għandu jinkiseb?

Il-Kumissjoni tixtieq tieħu l-Unjoni Doganali għal-livell li jmiss. L-objettiv ġenerali huwa li l-awtoritajiet doganali fl-UE jaġixxu b’mod uniku, biex iwaqqfu prodotti mhux konformi, jiġbru aktar dazji doganali u jwettqu kontrolli adegwati mingħajr ma jqiegħdu piż eċċessiv fuq l-awtoritajiet u n-negozjanti.

L-objettivi speċifiċi huma:

-It-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riskju doganali tal-UE għal riskji finanzjarji u mhux finanzjarji, billi jkun hemm perspettiva u analiżi tal-UE tal-katina tal-provvista kollha f’ħin reali.

-It-tnaqqis tal-piż amministrattiv u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-kummerċjanti, għall-konsumaturi u għall-awtoritajiet doganali, mingħajr ma tiġi pperikolata superviżjoni doganali effettiva.

-L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi bejn il-kummerċ elettroniku u l-kummerċ tradizzjonali fir-rigward tad-dwana, f’konformità mar-regoli tal-VAT.

-It-titjib tal-aċċess u l-użu ta’ data doganali għal azzjoni strateġika, it-titjib tas-superviżjoni doganali u l-iżgurar ta’ approċċ integrat għall-ġestjoni tar-riskju.

-Li l-Unjoni Doganali tkun tista’ taġixxi bħala ħaġa waħda billi tiġi żgurata protezzjoni effettiva madwar l-UE kollha, irrispettivament minn fejn l-oġġett jaqsam il-fruntiera esterna.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

L-azzjoni trid issir fil-livell tal-UE. L-Unjoni Doganali hija kompetenza esklużiva, u komponent essenzjali għall-funzjonament xieraq tas-Suq Uniku. L-azzjoni nazzjonali ma tindirizzax il-problema b’mod effettiv.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet sabiex jintlaħqu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

Qed jitqiesu erba’ għażliet biex tiġi indirizzata l-problema identifikata:

1.Pakkett ta’ proċessi aktar sempliċi: jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet tal-atturi, jitneħħew il-passi mhux meħtieġa fil-proċeduri tal-importazzjoni, jiġu introdotti miżuri għall-kummerċ elettroniku u benefiċċji ulterjuri għal negozjanti trasparenti, skont il-mudell kurrenti tad-diġitalizzazzjoni u skont l-istruttura eżistenti tal-governanza doganali. Is-simplifikazzjoni tal-proċessi b’responsabbiltà ffukata se żżid l-effettività.

2.Awtorità Doganali tal-UE għall-koordinazzjoni: apparti l-pass wieħed ta’ hawn fuq, tinħoloq Awtorità Doganali ġdida tal-UE biex tikkoordina l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-ġestjoni tar-riskju, tiġi definita l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli, u jiġu ġestiti l-programmi doganali.

3.Spazju Ċentrali tad-Data Doganali tal-UE, ġestit mill-Kummissjoni: Proċessi doganali aktar sempliċi u responsabbiltà ffukata fuq l-atturi li jridu jiġu implimentati f’mudell ċentralizzat tal-IT. L-ispazju tad-data jiffaċilita l-ġbir ta’ informazzjoni minn atturi differenti, l-ipproċessar tagħha għall-ġestjoni tar-riskju doganali tal-UE u l-iskambju tagħha ma’ awtoritajiet kompetenti oħra.

4.Awtorità Doganali tal-UE għall-koordinazzjoni u l-operazzjonijiet, il-ġestjoni ta’ Spazju tad-Data Doganali tal-UE: Proċessi doganali aktar sempliċi implimentati permezz tal-Ispazju tad-Data Doganali tal-UE ġestit minn Awtorità Doganali tal-UE responsabbli (minbarra għażla 2) għall-ġestjoni tar-riskju operazzjonali, għall-ġestjoni tad-data u għall-konsenja ta’ proċessi simplifikati.

L-għażla ppreferuta hija n-numru 4. It-tliet elementi tagħha (proċessi doganali riformati, implimentati fi Spazju tad-Data Doganali tal-UE ċentrali ġestit minn Awtorità Doganali tal-UE) isaħħu lil xulxin biex iwasslu riżultati aħjar u joħolqu sinerġiji madwar l-UE. Din hija l-aktar għażla effiċjenti, peress li l-investiment fl-istrutturi ċentrali jnaqqas b’mod sinifikanti l-kostijiet għall-Istati Membri u għan-negozji.

X’inhuma l-fehmiet differenti tal-partijiet ikkonċernati? Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-partijiet ikkonċernati jaqblu fil-biċċa l-kbira li l-awtoritajiet doganali jaġixxu bħala entità waħda, fuq proċessi doganali aktar sempliċi b’responsabbiltajiet ċari mehmuża dwar kull pass, kooperazzjoni aktar effettiva bejn id-dwana u awtoritajiet oħra, u l-forniment issimplifikat ta’ data f’ambjent doganali tal-IT fil-livell tal-UE. Ma hemm l-ebda oppożizzjoni sinifikanti għal kwalunkwe wieħed mill-elementi potenzjali ta’ riforma doganali.

L-awtoritajiet doganali huma fil-biċċa l-kbira favorevoli biex jistabbilixxu sħubija mġedda mal-kummerċjanti bi skambju għal aċċess aħjar għad-data, iżda għandhom opinjonijiet differenti fuq nefqa ulterjuri fl-iżviluppi tal-IT u r-riforma tal-governanza.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

-Is-superviżjoni doganali hija msaħħa. L-aċċess imtejjeb għad-data u għall-ipproċessar tagħha permezz tal-Ispazju tad-Data Doganali tal-UE se jagħmlu l-ġestjoni tar-riskju tal-UE aktar effiċjenti u se jżidu l-kapaċità tad-dwana li tidentifika l-frodi billi tfassal profil ta’ operaturi riskjużi li jaġixxu fil-livell tal-UE. Se tiġġenera dħul addizzjonali għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha. Aċċess imtejjeb għad-data u koordinazzjoni aħjar fost l-awtoritajiet se jżidu l-kapaċità doganali biex jidentifikaw u jwaqqfu l-merkanzija li ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Unjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-konsumaturi.

-Il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità għall-kummerċ leġittimu jitnaqqsu. Il-proċessi riveduti huma aktar sempliċi, l-informazzjoni tinġabar darba mis-sors it-tajjeb permezz ta’ interfaċċa unika fl-Ispazju tad-Data Doganali tal-UE.

-Iċ-ċentralizzazzjoni tal-funzjonijiet (IT, data u ġestjoni tar-riskju) fl-Awtorità Doganali tal-UE tirriżulta f’iffrankar sinifikanti għan-nefqa fuq l-IT tad-dwana għall-Istati Membri. L-Awtorità Doganali tal-UE tiżgura l-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali u awtoritajiet oħra.

-Il-kundizzjonijiet ekwi fil-kummerċ elettroniku huma livellati mal-kummerċ tradizzjonali. Il-proċessi riveduti jippermettu lill-atturi tal-kummerċ elettroniku jipprovdu informazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja b’mod aktar sempliċi u jagħmluhom responsabbli għaliha; il-konsumaturi jibbenefikaw minn aktar trasparenza fil-prezzijiet u fit-tariffi, inqas tfixkil fil-ktajjen tal-provvista għall-formalitajiet fiskali, u protezzjoni aħjar kontra merkanzija dannuża.

-L-Unjoni Doganali taġixxi bħala entità waħda. Il-proċessi riveduti jitwasslu fi Spazju tad-Data Doganali tal-UE ċentrali minn Awtorità Doganali tal-UE ċentrali biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha u jiġu evitati d-diverġenzi.  

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

Il-kostijiet tal-għażla ppreferuta għall-baġit tal-Unjoni huma dovuti għal:

-L-iżvilupp ċentrali tal-Ispazju tad-Data Doganali tal-UE. Fuq 15-il sena, is-servizzi tal-UE jinvestu EUR 559 miljun aktar mil-linja bażi (investimenti ogħla ta’ darba meħtieġa fl-ewwel 7 snin) u EUR 2 biljun għaż-żamma tal-ispazju tad-data. Iċ-ċentralizzazzjoni tal-kostijiet tirriżulta f’iffrankar ekonomiku sinifikanti għan-nefqa tal-IT tal-Istati Membri.

-Il-ħolqien ta’ Awtorità Doganali tal-UE jkun jeħtieġ, matul il-perjodu ta’ 15-il sena, EUR 230 miljun addizzjonali Ekwivalenti għal Full-Time (FTE) f’kostijiet netti fil-livell tal-UE. L-Awtorità hija ffurmata progressivament fuq 8 snin u tistabbilizza fid-9 sena b’ammont ta’ persunal stmat totali ta’ madwar 250 FTE.

Il-kostijiet huma stmati bil-prezzijiet kurrenti, abbażi tat-twaqqit, it-tranżizzjoni u suppożizzjonijiet oħra indikati.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u l-kompetittività?

L-inizjattiva ma hijiex mistennija li tiġġenera kwalunkwe effett negattiv fuq l-SMEs. L-elementi ewlenin tagħha huma konformi mal-aspettattivi u mal-prijoritajiet tal-SMEs u se jagħmluha aktar faċli għall-SMEs biex jipparteċipaw fil-kummerċ barrani. L-aktar impatt sinifikanti fuq l-SMEs se jiġi mir-riforma tal-proċessi doganali, li se ġġib benefiċċji ta’ simplifikazzjoni għan-negozjanti kollha. Il-manifatturi tal-SMEs se jibbenefikaw mill-miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-kompetizzjoni inġusta minn prodotti importati li ma jikkonformawx mar-regoli u mal-istandards tal-UE.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Iċ-ċentralizzazzjoni fl-għażla 4 se tnaqqas il-kostijiet amministrattivi għall-Istati Membri, kemm tal-IT kif ukoll tal-persunal.

B’kollox, fi 15-il sena, huwa stmat li l-Istati Membri se jiffrankaw madwar EUR 21 biljun fl-IT u EUR 1 biljun addizzjonali mill-ħin tal-persunal li jiġi liberat mill-kompiti kurrenti. Dawn il-benefiċċji huma stmati bil-prezzijiet kurrenti, abbażi tat-twaqqit, it-tranżizzjoni u suppożizzjonijiet oħra indikati.

Proporzjonalità?

L-għażla ppreferuta ma taqbiżx dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati bis-sħiħ il-problemi, minħabba l-iskala u s-severità tal-isfidi li l-unjoni doganali taffaċċja.

D. Segwitu

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni huma ffaċilitati mill-ispazju tad-Data Doganali tal-UE, u huma implimentati b’kejl imsaħħaħ tal-prestazzjoni tal-Unjoni Doganali.