IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.2.2023
SWD(2023) 36 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
Li jakkumpanja d-dokument
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb u l-komposti inorganiċi tiegħu u d-diisoċjanati
{COM(2023) 71 final} - {SEC(2023) 67 final} - {SWD(2023) 34 final} - {SWD(2023) 35 final}
A.Ħtieġa li tittieħed azzjoni
Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?
Din l-inizjattiva tindirizza l-mard okkupazzjonali kkawżat minn żewġ gruppi ta’ sustanzi kimiċi, iċ-ċomb u l-komposti inorganiċi tiegħu (minn hawn ’il quddiem “ċomb”), u d-diisoċjanati. Ir-regolamentazzjoni taċ-ċomb f’ambjenti tax-xogħol taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni, il-Mutaġeni u s-Sustanzi Reprotossiċi (CMRD) (id-
Direttiva 2004/37/KE
), wara ftehim f’Marzu 2022 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni 2004/37/KE (CMD) biex jiġu inklużi s-sustanzi reprotossiċi. Il-valur ta’ limitu bijoloġiku vinkolanti (BLV) u l-limitu ta’ esponiment okkupazzjonali (OEL) għaċ-ċomb skont is-CMRD ġew introdotti għall-ewwel darba fl-1982 skont
direttiva
speċifika dwar iċ-ċomb, u ma ġewx aġġornati minn dak iż-żmien. Ir-regolament dwar id-diisoċjanati jaqa’ taħt id-Direttiva dwar l-Aġenti Kimiċi (CAD) (id-
Direttiva 98/24/KE
). Bħalissa ma hemm l-ebda OEL tal-UE jew valur ta’ limitu ta' esponiment għal żmien qasir (STEL) għad-diisoċjanati.
Iċ-ċomb huwa sustanza reprotossika fuq il-post tax-xogħol ewlenija li tista’ taffettwa l-funzjoni sesswali u l-fertilità u l-iżvilupp tal-fetu jew tal-wild (tossiċità tal-iżvilupp). Jista’ jkollu wkoll effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa bħal newrotossiċità, tossiċità fill-kliewi, effetti kardjovaskulari u effetti ematoloġiċi. Iċ-ċomb jammonta għal madwar nofs l-esponimenti okkupazzjonali kollha għal sustanzi reprotossiċi u għal każijiet assoċjati ta’ mard riproduttiv. Ir-riskju ta’ esponiment għaċ-ċomb iseħħ fl-estrazzjoni u fl-ipproċessar primarju u fl-użu sussegwenti fi prodotti bħall-batteriji, u minħabba l-użi storiċi tiegħu fir-rinnovazzjonijiet, fil-ġbir tal-iskart, fir-riċiklaġġ u fir-rimedju. Peress li r-rotot primarji tal-esponiment huma l-inalazzjoni u t-trażmissjoni mill-idejn għall-ħalq u l-inġestjoni, il-konċentrazzjonijiet taċ-ċomb fid-demm huma l-aħjar metrika tal-esponiment, peress li jkopru ż-żewġ rotot ta’ esponiment. Bejn 50 000 u 150 000 ħaddiem fl-EU27 huma esposti għaċ-ċomb, u kull sena jseħħu madwar 300 każ ta’ mard minħabba esponiment okkupazzjonali fil-passat. Wieħed mill-għanijiet fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-karozzi b’55 % sal-2030 u li jiġu eliminati l-emissjonijiet minn karozzi ġodda sal-2035, filwaqt li tiġi stabbilita mira ta’ 13-il miljun vettura b’emissjonijiet baxxi u b’emissjonijiet żero sal-2025. F’dan il-kuntest, ix-xewqa li jiżdied l-użu tat-trasport elettriku u tal-batteriji fil-grilji tal-elettriku tista’ tirriżulta f’użu miżjud taċ-ċomb (tkabbir annwali stmat ta’ 25 %), u għalhekk, f’esponiment okkupazzjonali addizzjonali.
Id-diisoċjanati huma sensitizzaturi tal-ġilda u respiratorji (ażmaġeni) li jista’ jkollhom effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa respiratorja bħal ażma okkupazzjonali, sensitizzazzjoni tal-isocyanate u rispons bronkjali eċċessiv, kif ukoll mard okkupazzjonali dermali. Dan jista’ jseħħ kemm wara esponiment akut kif ukoll wara esponiment fit-tul. Il-fatturi okkupazzjonali jammontaw għal 9-15 % tal-każijiet tal-ażma fl-adulti ta’ età lavorattiva. L-għadd ta’ każijiet annwali ta’ ażma okkupazzjonali relatata md-diisoċjanati fl-UE jvarja minn 2 350 għal 7 269 każ.
L-esponiment okkupazzjonali għad-diisoċjanati jseħħ primarjament fil-manifattura tal-poliuretan bħala solidi u fowms, plastik, kisjiet, verniċ, żebgħa b’żewġ pakketti, u adeżivi. Dawn il-prodotti jintużaw ħafna fil-kostruzzjoni, fit-tiswijiet tal-vetturi, fit-tiswijiet ġenerali u fil-manifattura tat-tessuti, tal-għamara, tal-vetturi bil-mutur u ta’ mezzi oħrajn ta’ trasport, tal-apparati domestiċi, tal-makkinarju u tal-kompjuters. Madwar 42 miljun ħaddiem huma esposti għad-diisoċjanati. L-azzjonijiet meħuda bħala parti mill-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex jiżdied l-iżolament termali tal-ambjent mibni jistgħu jżidu r-riskju ta’ esponiment għad-diisoċjanati.
F’każ li ma tittieħed l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE, abbażi tad-data attwali dwar l-esponiment, kull sena huma previsti madwar 298 każ ta’ mard u 36 każ ta’ tossiċità fl-iżvilupp. Matul 40 sena, dan ikun ifisser 12 000 każ ta’ mard relatat maċ-ċomb u 1 400 każ ta’ tossiċità fl-iżvilupp għal forza tax-xogħol ta’ 98 850. Fir-rigward tad-diisoċjanati, huwa stmat li jseħħu 5 000 każ ta’ ażma u 1 300 każ ta’ irritazzjoni (eż. tal-ġilda, tal-membrani tal-mukuża, tal-għajnejn u tal-apparat respiratorju) kull sena. Il-kostijiet tas-saħħa fl-EU27 fuq perjodu ta’ 40 sena jammontaw għal EUR 612,7-il miljun (valur preżenti) għal esponiment relatat maċ-ċomb, għal EUR 7,2 biljun għall-ażma u għal EUR 10,4 miljun għall-irritazzjonijiet, bħala konsegwenza tal-esponiment għad-diisoċjanati.
X’mistennija tikseb l-inizjattiva?
L-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva huwa li tkompli ssaħħaħ id-dritt tal-ħaddiema għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tagħhom fuq il-post tax-xogħol billi tnaqqas l-esponiment okkupazzjonali għaċ-ċomb u għad-diisoċjanati. L-inizjattiva se ssegwi l-objettivi speċifiċi li ġejjin:
1.li tissaħħaħ l-effettività tal-valuri ta’ limitu tal-esponiment okkupazzjonali u bijoloġiċi għaċ-ċomb skont is-CMRD abbażi tal-għarfien xjentifiku u tekniku;
2.li tissaħħaħ l-effettività tas-CAD billi jiġu introdotti valuri ta’ limitu għad-diisoċjanati;
3.li tinkiseb protezzjoni aktar ibbilanċjata u effettiva tal-ħaddiema madwar l-UE kontra ċ-ċomb u d-diisoċjanati u b’hekk tikkontribwixxi għal tnaqqis fil-piż tal-mard okkupazzjonali.
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?
Il-valuri ta’ limitu attwali tal-UE ta’ OEL ta’ 0,150 mg/m³ u ta’ BLV ta’ 70 µg/100 ml ta’ demm ma ġewx aġġornati għal aktar minn 40 sena, li jfisser li l-ħaddiema fl-UE bħalissa huma soġġetti għal livelli differenti ta’ protezzjoni kontra l-esponiment għaċ-ċomb. L-Istati Membri naqqsu l-esponiment għal gradi li jvarjaw. Bħalissa, 15-il Stat Membru għandhom OEL daqs jew inqas mill-valur tal-UE, b’ċifri li jvarjaw minn 0,05 mg/m3 sa 0,15 mg/m3 (l-OEL attwali taħt CMRD).
Għad-diisoċjanati, tliet Stati Membri għandhom OEL ġenerali, u bosta għandhom OELs differenti għal xi wħud mid-diisoċjanati iżda mhux għad-diisoċjanati kollha. 17 għandhom STEL.
Ir-reviżjoni tas-CMRD u tas-CAD se ġġib l-istess standards minimi madwar l-Istati Membri kollha, filwaqt li l-Istati Membri se jibqgħu liberi li jistabbilixxu livelli aktar stretti. Dan se jwassal għal armonizzazzjoni akbar, u b’hekk se jikkontribwixxi għal protezzjoni aħjar tal-ħaddiema, speċjalment mid-diisoċjanati. Dan se jikkontribwixxi wkoll għal kundizzjonijiet aktar ekwi għan-negozji madwar l-UE u x’aktarx se jirriżulta f’distribuzzjoni u tnaqqis aktar ġusti tal-kostijiet tal-kura tas-saħħa għall-Istati Membri differenti. Dan jelimina wkoll il-ħtieġa li l-Istati Membri jwettqu l-analiżi xjentifika tagħhom stess, bi frankar sostanzjali probabbli fuq il-kostijiet amministrattivi. L-emendar tas-CAD u tas-CMRD jista’ jsir biss fil-livell tal-UE.
B.Għażliet ta’ politika
X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?
Ġew ivvalutati diversi xenarji b’kunsiderazzjoni tal-valutazzjoni xjentifika mwettqa mill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-opinjonijiet mill-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH), kif ukoll l-OELs, il-BLVs u l-STELs fis-seħħ fl-Istati Membri differenti. L-evalwazzjoni xjentifika tipprovdi bażi ta’ evidenza soda, filwaqt li l-opinjonijiet tal-ACSH, li jikkunsidraw ukoll aspetti soċjoekonomiċi u ta’ fattibbiltà, jipprovdu informazzjoni importanti dwar l-implimentazzjoni b’suċċess tal-valuri ta’ limitu riveduti u dawk ġodda.
Għaċ-ċomb, ġew ikkunsidrati erba’ għażliet għal BLV (µg/100 ml) matul il-valutazzjoni tal-impatt: 70 (linja bażi), 20, 15, u 4,5. Ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita korrelazzjoni numerika ċara bejn il-livelli taċ-ċomb fl-arja li jiġu esposti għalihom il-ħaddiema u l-livelli sussegwenti taċ-ċomb fid-demm tagħhom. Għalhekk, ma huwiex possibbli li jiġu identifikati l-għażliet tal-OEL u li l-impatti tagħhom jiġu vvalutati b’mod indipendenti bi kwalunkwe grad ta’ ċertezza. Madankollu, valur numeriku għal OEL rivedut huwa ppreżentat abbażi tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-opinjoni tal-ACSH.
Għad-diisoċjanati, ġew ikkunsidrati l-għażliet li ġejjin għal OEL (µg NCO/m3): l-ebda livell (linja bażi), 10, 6 u 3, flimkien ma’ STEL. Abbażi tal-evalwazzjoni xjentifika tiegħu inkluża r-relazzjoni tar-riskju ta’ esponiment, l-RAC irrakkomanda li STEL ma għandux jaqbeż is-6 µg/m3 NCO u li ma għandux ikun aktar minn darbtejn l-OEL.
Abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, intgħażlu BLV għaċ-ċomb ta’ 15 µg/100ml ta’ demm, akkumpanjat minn OEL ta’ 0,03mg/m3 bħala medja ponderata skont il-ħin (TWA) ta’ tmien sigħat bħala l-għażliet ippreferuti. Għad-diisoċjanati, OEL ta’ 6 µg/m3 bi STEL ta’ 12-il µg/m3 u b’notazzjoni tas-sensitizzazzjoni dermali u respiratorja u b’notazzjoni tal-ġilda huma l-għażliet ippreferuti. Barra minn hekk, sal-31 ta’ Diċembru 2028, għad-diisoċjanati, għandu japplika valur tranżizzjonali ta’ 10 µg/m3 bi STEL ta’ 20 µg/m3. Dawn jirrappreżentaw l-aħjar xenarji f’termini ta’ effettività, effiċjenza u koerenza.
Liema għażla u min jappoġġaha?
Il-konsultazzjoni formali f’żewġ stadji mas-sħab soċjali kkonfermat il-ħtieġa li jiġu riveduti l-BLV u l-OEL attwali għaċ-ċomb u li jiġu proposti OEL u STEL għad-diisoċjanati. Fl-opinjoni tagħhom ta’ Novembru 2021, it-tliet Gruppi ta’ Interess kollha tal-ACSH appoġġaw il-ħtieġa li jiġu riveduti ’l isfel il-valuri ta’ limitu għaċ-ċomb u li jiġu introdotti valuri ta’ limitu għad-diisoċjanati. Filwaqt li l-għażla preferuta għaċ-ċomb għandha l-appoġġ tal-Grupp ta’ Interess tal-Impjegaturi u tal-Grupp ta’ Interess tal-Gvernijiet, il-Grupp ta’ Interess tal-Ħaddiema appoġġa valuri aktar baxxi. L-għażla preferuta għad-diisoċjanati hija appoġġata bis-sħiħ mit-tliet gruppi ta’ interess kollha fl-ACSH.
C.Impatti tal-għażla ppreferuta
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażliet ippreferuti?
Għaċ-ċomb, bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva, jistgħu jiġu evitati 10 500 każ ta’ mard, b’benefiċċju tas-saħħa monetizzat li jvarja bejn EUR 160 u 250 miljun matul l-40 sena li ġejjin. Għad-diisoċjanati, nuqqas ta’ data jfisser li ma huwiex possibbli li jiġu kkwantifikati l-benefiċċji għall-ħaddiema, iżda hemm qbil qawwi bejn il-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, li STEL inaqqas l-għadd ta’ każijiet ta’ mard.
L-azzjoni proposta, fost l-oħrajn, se tnaqqas it-tbatija tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom u se twassalhom biex igawdu ħajja itwal, ta’ kwalità aħjar u aktar produttiva. Tista’ wkoll tagħmel is-setturi aktar attraenti, u b’hekk tagħmilha aktar faċli li jiġu rreklutati ħaddiema u li tiżdied il-produttività.
X’inhuma l-kostijiet tal-għażliet ippreferuti?
L-azzjonijiet biex jiġu aġġustati l-prattiki tax-xogħol (il-miżuri ta’ mmaniġġar tar-riskji, is-sorveljanza tas-saħħa, il-monitoraġġ u t-taħriġ) biex jikkonformaw mal-valuri l-ġodda se jirriżultaw f’kostijiet miżjuda għall-kumpaniji. Il-kost stmat tal-għażliet ippreferuti huwa ġeneralment tollerabbli għan-negozji. Għaċ-ċomb, il-kostijiet jammontaw għal EUR 30 000 għal kull kumpanija fuq perjodu ta’ 40 sena (inqas minn 1 % tal-fatturat tagħhom). Għad-diisoċjanati, kumpanija jkollha tonfoq EUR 6 000 fuq perjodu ta’ 40 sena, li lanqas ma jkun jirrappreżenta sehem sinifikanti mill-fatturat tagħha. Peress li dawn huma setturi b’livell għoli ta’ kompetizzjoni, l-impatti fuq il-konsumaturi huma mistennija li jkunu limitati.
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?
In-negozji se jibbenefikaw minn valuri ta’ limitu aġġornati għaċ-ċomb u mill-introduzzjoni ta’ OEL għad-diisoċjanati, peress li dan se jissimplifika d-dispożizzjonijiet għall-konformità madwar l-Istati Membri, u se jelimina l-ħtieġa li jiġu maħsuba u applikati miżuri mfassla apposta f’kull Stat Membru. Dan se jkun ta’ benefiċċju speċjali għall-kumpaniji li joperaw madwar l-Istati Membri. Tali kumpaniji se jibbenefikaw ukoll minn produttività tax-xogħol imtejba, minn kostijiet aktar baxxi ta’ liv minħabba mard u minn kostijiet oħrajn relatati mas-sostituzzjoni tal-ħaddiema. Dawn il-benefiċċji jkunu bejn EUR 5 miljun u EUR 6 miljun fl-EU27 fuq perjodu ta’ 40 sena. Peress li 99 % tal-kumpaniji li jaħdmu biċ-ċomb u bid-diisoċjanati fl-UE huma SMEs, l-impatti identifikati f’dan ir-rapport japplikaw għalihom ukoll.
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
Il-kostijiet amministrattivi u ta’ infurzar addizzjonali li jistgħu jiġġarrbu mill-awtoritajiet ta’ infurzar ma humiex mistennija li jkunu sinifikanti. It-tnaqqis ta’ każijiet ta’ mard se jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-telf finanzjarju peress li jitnaqqsu l-piżijiet fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-kura tas-saħħa. L-iffrankar stmat għall-awtoritajiet pubbliċi huwa ta’ madwar EUR 100 miljun għaċ-ċomb fuq perjodu ta’ 40 sena, li jegħleb il-kostijiet (EUR 500 000). Għad-diisoċjanati, l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE se jkollhom iġarrbu kostijiet ta’ darba ta’ madwar EUR 970 000, li huma mistennija wkoll li jiġu kkumpensati mill-benefiċċji (EUR 1 750 000).
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
L-għażliet ippreferuti se jkollhom impatt pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali, speċjalment fir-rigward tal-Artikolu 2 (id-dritt għall-ħajja) u l-Artikolu 31 (id-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa li jirrispettaw is-saħħa, is-sikurezza u d-dinjità) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, din il-proposta se tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli dwar saħħa tajba u benesseri (SDG 3) u xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku (SDG 8). Huwa mistenni wkoll impatt pożittiv fuq l-SDG 9 dwar l-industrija, l-innovazzjoni u l-infrastruttura u l-SDG 12 dwar il-produzzjoni u l-konsum responsabbli.
D.Segwitu
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
L-effettività tar-reviżjonijiet proposti tas-CMRD u tas-CAD se titkejjel bħala parti mill-evalwazzjoni tad-Direttivi tal-UE dwar is-Saħħa u Sikurezza Okkupazzjonali kif stabbilit fl-Artikolu 17a tad-
Direttiva 89/391/KEE
.