Brussell, 20.1.2023

SWD(2023) 12 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT


[...]




Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 763/2008 u (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill



{COM(2023) 31 final} - {SEC(2023) 38 final} - {SWD(2023) 11 final} - {SWD(2023) 13 final} - {SWD(2023) 14 final} - {SWD(2023) 15 final}


Introduzzjoni u sfond

Il-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, jiżgura l-produzzjoni ta’ statistika Ewropea komparabbli u ta’ kwalità għolja skont il-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-istatistika Ewropea. L-użi ewlenin tal-istatistika Ewropea huma li taqdi t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika tal-UE, u l-utenti ewlenin tagħha huma l-istituzzjonijiet tal-UE. Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika hija n-network ta’ sħubija bejn il-Eurostat u l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika (NSIs). Ir-rwol tal-Eurostat huwa li jwitti t-triq għall-armonizzazzjoni tal-istatistika, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, li jiġbru d-data u jikkumpilaw l-istatistika għal finijiet nazzjonali u tal-UE.

Skont l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kull ċittadin ta’ Stat Membru, minbarra ċ-ċittadinanza nazzjonali, huwa wkoll ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jitfasslu u jiġu implimentati politiki u attivitajiet li jkunu ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni u għaċ-ċittadini tal-UE fl-oqsma tal-kompetenzi tal-UE, kif stabbilit mill-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġu statistika Ewropea kompluta, f’waqtha, affidabbli, dettaljata, armonizzata u komparabbli dwar il-popolazzjoni. Din l-istatistika hija wkoll is-sinsla tal-istatistika soċjali kollha u hija indispensabbli għal kwalunkwe stima tal-popolazzjoni annwali aktar dettaljata, stħarriġ ta’ kampjuni, analiżi reġjonali u għall-produzzjoni ta’ projezzjonijiet tal-popolazzjoni.

Fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva 1 , l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni (ESOP) tinkludi: (i) l-istatistika uffiċjali Ewropea dwar il-popolazzjoni, l-avvenimenti demografiċi u l-migrazzjoni 2 ; (ii) l-istatistika miċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar; u (iii) id-diversi indikaturi bbażati fuq din l-istatistika. Din l-istatistika bħalissa hija rregolata minn tliet bażijiet legali żviluppati indipendentement minn xulxin:

-Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali;

-Ir-Regolament (KE) Nru 763/2008 dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar; u

-Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 dwar statistika demografika Ewropea.

Din il-valutazzjoni tal-impatt tistabbilixxi u teżamina seba’ għażliet ta’ politika differenti fir-rigward ta’ proposta tal-Kummissjoni għal qafas legali modernizzat uniku u ġdid sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti li qegħdin jevolvu għall-istatistika dwar il-popolazzjoni. Peress li dan jinvolvi wkoll opportunitajiet potenzjali għal simplifikazzjoni amministrattiva u integrazzjoni tal-proċessi meta mqabbla mal-istatus quo taħt it-tliet bażijiet legali mhux allinjati, din l-inizjattiva hija inkluża fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-2022 bħala inizjattiva REFIT 3 . Il-valutazzjoni tal-impatt twettqet eżatt wara evalwazzjoni tal-qafas legali attwali, kif imsemmi hawn fuq. Kien hemm konsultazzjoni unika mal-partijiet ikkonċernati għall-valutazzjoni tal-impatt u l-evalwazzjoni.

Definizzjoni tal-problema

L-evalwazzjoni kkonkludiet li t-tliet Regolamenti wasslu għal titjib sinifikanti fl-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni. Madankollu, hemm diversi lakuni u punti dgħajfa fl-istatistika prodotta taħt il-qafas attwali.

L-ewwel problema bil-qafas legali eżistenti hija li l-istatistika li tirriżulta ma hijiex kompluta, koerenti u komparabbli biżżejjed, u dan jista’ jwassal għal teħid ta’ deċiżjonijiet subottimali. Dan huwa relatat ma’ definizzjonijiet tal-istatistika ewlenin (b’mod partikolari, il-bażi tal-popolazzjoni għall-istatistika) li huma ambigwi, u b’hekk jikkawżaw koerenza u komparabbiltà ħżiena.

It-tieni, id-disponibbiltà tad-data dwar il-popolazzjoni f’termini tal-frekwenza u l-iskadenzi ma hijiex biżżejjed, peress li t-trażmissjoni tad-data dwar diversi suġġetti importanti u d-diżaggregazzjonijiet baqgħu volontarji. Dan huwa ineffiċjenti fil-livell tal-UE fit-tul, peress li jonqos milli jiġġenera valur miżjud tal-UE f’termini tal-kompletezza, il-komparabbiltà u t-tempestività, minkejja l-kostijiet li l-maġġoranza tal-Istati Membri jġarrbu sabiex jipproduċu din l-istatistika.

It-tielet, l-istatistika dwar il-popolazzjoni tonqos milli tkopri l-karatteristiċi u d-dettalji ta’ suġġetti jew gruppi rilevanti politikament u soċjalment. Il-qafas legali attwali jirrifletti l-prijoritajiet ta’ politika attwali meta ġew adottati r-regolamenti, iżda ma għandux biżżejjed flessibbiltà sabiex l-istatistika tkun tista’ tadatta biex tissodisfa prijoritajiet ġodda bħall-Patt Ekoloġiku tal-UE, movimenti dejjem aktar dinamiċi tal-popolazzjoni inkluża l-mobbiltà fil-livell tal-UE u reġjonali, u politiki ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-istatistika dwar il-popolazzjoni għaddejja wkoll minn perjodu ta’ bidla kbira, b’ħafna Stati Membri jaqilbu għal użu akbar ta’ data amministrattiva u sorsi ġodda oħrajn. Dan potenzjalment jagħmilha possibbli li l-istatistika tiġi prodotta aktar ta’ spiss u b’mod aktar f’waqtu, u b’kost aktar baxx. Madankollu, skont il-qafas legali attwali, ma huwiex possibbli li jittieħed vantaġġ minn dawn l-iżviluppi.

L-evalwazzjoni sabet li mingħajr azzjoni leġiżlattiva, fil-futur dawn il-problemi se jippersistu jew jistgħu jaggravaw.

Objettivi

L-għan ġenerali ta’ din l-azzjoni tal-UE huwa li twieġeb aħjar għall-ħtiġijiet tal-utenti, u li timmodernizza u ttejjeb ir-rilevanza, l-armonizzazzjoni u l-koerenza tal-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni. Dan l-għan jista’ jinqasam f’erba’ objettivi speċifiċi allinjati mal-problemi deskritti hawn fuq, jiġifieri li:

-tiġi żgurata statistika Ewropea dwar il-popolazzjoni kompluta, koerenti u komparabbli;

-tiġi żgurata statistika f’waqtha u frekwenti sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti;

-tiġi pprovduta statistika li tkun komprensiva biżżejjed f’termini ta’ suġġetti rilevanti u dettaljata biżżejjed f’termini ta’ karatteristiċi u diżaggregazzjonijiet;

-jiġu promossi oqfsa legali u tal-ġbir tad-data li huma flessibbli biżżejjed sabiex jadattaw is-settijiet tad-data għal ħtiġijiet ta’ politika li qegħdin jevolvu u għal opportunitajiet li jirriżultaw minn sorsi ġodda.

Għażliet ta’ politika u l-impatti tagħhom

L-għażliet ta’ politika tfasslu billi ġew raggruppati miżuri ta’ politika granulari li jindirizzaw l-objettivi speċifiċi skont erba’ karatteristiċi ta’ intervent possibbli:

-l-armonizzazzjoni tal-istatistika fejn l-enfasi ewlenija hija fuq id-definizzjoni tal-bażi tal-popolazzjoni;

-l-integrazzjoni tal-proċessi tal-istatistika;

-l-outputs tal-istatistika;

-il-flessibbiltà tal-qafas.

Table 1 turi l-għażliet li jirriżultaw li jiżdiedu fl-ambizzjoni fir-rigward tal-erba’ karatteristiċi msemmija.

L-għażla A hija x-xenarju bażi, bi proċessi u leġiżlazzjoni tal-istatistika separati, armonizzazzjoni limitata tad-definizzjoni tal-popolazzjoni, u l-ebda output tal-istatistika ġdid.

Tabella 1 – Ambizzjoni komparattiva tas-seba’ għażliet ta’ politika rigward l-erba’ karatteristiċi ewlenin ta’ intervent possibbli (skala: l-ebda ambizzjoni “0”, inkella “+”, “++” jew “+++”).

Il-karatteristiċi ewlenin tal-għażliet B.1 u B.2 huma aġġornament, b’ambizzjoni dejjem akbar, tal-outputs tal-istatistika u l-flessibbiltà tal-qafas, iżda jħallu armonizzazzjoni limitata tal-bażi tal-popolazzjoni.

L-għażliet C.1 u C.2 huma l-istess bħal B.1 u B.2, iżda b’tentattiv aktar ambizzjuż sabiex tiġi armonizzata l-bażi tal-popolazzjoni. L-għażliet B.2 u C.2 jipprevedu aġġornament aktar espansiv tal-outputs tal-istatistika u tal-flessibbiltà tal-qafas meta mqabbla mal-għażliet B.1 u C.1.

Fl-aħħar nett, l-għażliet D.1 u D.2 jinvolvu armonizzazzjoni sħiħa u aġġornament kbir tal-outputs, kif ukoll flessibbiltà suffiċjenti għall-iżvilupp futur tal-istatistika sabiex jiġu ssodisfati ħtiġijiet ġodda. L-għażla D.2 tinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ reġistru tal-istatistika dwar il-popolazzjoni fl-Istati Membri kollha.

Tabella 2 – Ħarsa ġenerali lejn l-eżiti ewlenin tal-valutazzjoni għall-għażla ppreferuta D.2 u l-għażla alternattiva C.2

Il-kostijiet tal-għażliet kollha ġew ikkwantifikati kemm jista’ jkun, bl-użu ta’ dawn il-kriterji: (i) il-livell ta’ armonizzazzjoni tal-bażi tal-popolazzjoni; (ii) l-aġġornament tal-outputs tal-istatistika; u (iii) l-integrazzjoni tal-proċessi tal-istatistika permezz tar-reġistri nazzjonali tal-istatistika dwar il-popolazzjoni. Fl-aħħar nett, il-benefiċċji ġew iddettaljati, iżda l-biċċa l-kbira tagħhom ma setgħux jiġu kkwantifikati minħabba n-natura spiss indiretta jew mifruxa tagħhom u għalhekk ġew ivvalutati b’mod kwalitattiv.

Tqabbil tal-għażliet u l-għażla ppreferuta

B’nuqqas ta’ benefiċċji kkwantifikati, ma huwiex possibbli li ssir klassifikazzjoni diretta tal-għażliet. Madankollu, il-valutazzjoni tal-effiċjenza wriet b’mod kwalitattiv li l-ebda waħda mill-għażliet ma hija ovvjament aktar kosteffettiva minn kwalunkwe waħda oħra. Minflok, l-għażliet joffru benefiċċji dejjem akbar (direttament għall-utenti tal-istatistika u indirettament għas-soċjetà kollha) b’kostijiet dejjem akbar (l-aktar għall-produtturi tal-istatistika, jiġifieri s-sistemi nazzjonali tal-produzzjoni tal-istatistika). Il-qasma kbira bejn il-produtturi u l-utenti tal-istatistika tirrifletti din ix-xejra peress li l-produtturi ffokaw fuq il-kostijiet filwaqt li l-utenti taw prijorità lill-benefiċċji. Madankollu, il-valutazzjoni wriet b’mod ċar li azzjoni ambizzjuża dwar il-ħtiġijiet tad-data għall-prijoritajiet tal-politika tal-UE għandha l-prezz tagħha, fil-forma ta’ riżorsi addizzjonali meħtieġa għall-produtturi tal-istatistika li huma sostanzjali meta mqabbla mal-kostijiet bażi attwali (sa madwar 10 % għall-għażla D.2). B’mod aktar preċiż, l-aktar għażliet ambizzjużi biss, D.1 u D.2, fihom miżuri b’saħħithom sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ oqsma ta’ politika ewlenin tal-UE bħall-integrazzjoni urbana/rurali, il-Patt Ekoloġiku, u d-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, l-għażla D.2 biss tinkludi r-reġistri tal-istatistika dwar il-popolazzjoni bħala miżura b’saħħitha sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-produzzjoni u b’hekk jiġi ffaċilitat l-ilħuq tal-għanijiet ambizzjużi tal-outputs.

Għalhekk, l-għażla ppreferuta b’mod ġenerali hija D.2. Billi hija l-aktar waħda ambizzjuża f’termini ta’ outputs tal-istatistika u flessibbiltà tal-qafas, din tikseb l-aħjar riżultat bis-saħħa ta’ simplifikazzjoni u integrazzjoni ambizzjużi b’mod simili tas-sistemi tal-produzzjoni tal-istatistika u titjib sostenibbli fl-effiċjenza fit-tul. Madankollu, għad hemm inċertezzi dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, minbarra l-kostijiet sinifikanti ta’ adattament għall-introduzzjoni ta’ reġistri interoperabbli tal-istatistika dwar il-popolazzjoni fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, approċċ alternattiv (konservattiv) li jippreferi l-għażla C.2 ikun raġonevoli wkoll jekk it-tħassib dwar il-proporzjonalità u l-effiċjenza tal-għażla D.2 jingħata aktar ponderazzjoni – dan ikun ukoll aktar aċċettabbli għall-produtturi tal-istatistika bħala partijiet ikkonċernati ewlenin fl-implimentazzjoni.

L-għażliet ippreferuti D.2 jew C.2 aktarx jagħmlu lok għal xi ffrankar possibbli tal-kostijiet rilevanti għar-REFIT li jirriżulta mis-simplifikazzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni u l-integrazzjoni tal-proċessi tal-istatistika (ara Table 2 ). Huma mistennija simplifikazzjonijiet notevoli fil-kondiviżjoni tad-data bejn is-sidien tad-data tas-sors u l-NSIs, fl-adattamenti regolatorji għall-ħtiġijiet tad-data li jevolvu għall-NSIs u l-Eurostat, u fil-proċeduri tat-trażmissjoni tad-data mill-NSIs lill-Eurostat. L-utenti se jibbenefikaw minn aċċess simplifikat u ċentralizzat għall-istatistika fuq is-sit web tal-Eurostat. Fl-aħħar nett, l-introduzzjoni ta’ reġistri nazzjonali tal-istatistika dwar il-popolazzjoni fl-Istati Membri kollha hija mistennija li twassal għal kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza fuq perjodu twil ta’ żmien. Il-valutazzjoni tal-impatt stmat bejn wieħed u ieħor iffrankar rikorrenti potenzjali tal-kostijiet fil-livell tal-UE fuq iċ-ċensimenti ta’ sa nofs biljun euro għal kull ċensiment.

Fir-rigward ta’ jekk ikunx hemm xi piż ġdid fuq in-nies, l-uniku sors potenzjali ta’ tali impatti taħt l-għażla ppreferuta D.2 huwa l-miżura ta’ politika li tintroduċi modi ġodda ta’ ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza. Peress li mill-anqas uħud minn dawn il-varjabbli għandhom jinġabru permezz ta’ awtodikjarazzjoni, ġeneralment se tkun meħtieġa xi forma ta’ interazzjoni diretta inkrementali man-nies. Bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “one-in, one-out”, l-analiżi turi biss piż ta’ rispons inkrementali negliġibbli li għalhekk ma jiġġenera l-ebda “net-ins”.

Fir-rigward tal-kostijiet ġodda għan-negozji, l-uniku sors potenzjali ta’ tali impatti skont l-għażliet ippreferuti D.2 u C.2 huwa l-miżura ta’ politika li tippermetti l-kondiviżjoni tad-data min-negozji għall-gvern għall-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni. L-analiżi sabet li tali kondiviżjoni tad-data b’mod ġenerali, inkluż għall-istatistika uffiċjali, ma tiġġenerax “net-ins” għan-negozji li jkunu rilevanti skont il-prinċipju ta’ “one-in, one-out”.

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-prestazzjoni ta’ qafas ġdid tal-ESOP se tiġi mmonitorjata u evalwata bl-użu tal-objettivi operazzjonali stabbiliti taħt kull wieħed mill-objettivi speċifiċi msemmija. Għal dan il-għan, ġew iddefiniti 24 indikatur ewlieni tal-prestazzjoni inklużi l-parametri referenzjarji ta’ bażi attwali u l-miri provviżorji, l-aktar bl-użu mill-ġdid jew bl-adattament tal-indikaturi użati fl-evalwazzjoni. L-ewwel evalwazzjoni li tikkonkludi l-fażi ta’ implimentazzjoni hija ppjanata li ssir fi żmien 3 sa 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tal-qafas legali l-ġdid, iżda b’mill-anqas 3 snin sħaħ ta’ statistika disponibbli. Wara t-tranżizzjoni għall-fażi tal-applikazzjoni, il-funzjonament u l-impatt tal-leġiżlazzjoni se jiġu evalwati regolarment kull 3 sa 5 snin.

(1)   https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12958-Data-collection-European-statistics-on-population-ESOP-_mt .
(2) Ħlief għall-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni magħżula.
(3) Il-Programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni; COM(2012) 746 .