Brussell, 20.12.2023

COM(2023) 799 final

2023/0469(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sottomissjoni ta’ proposti għal emenda tal-Appendiċijiet II u III tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa fid-dawl tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkonċerna l-proposta li għandha tiġi ppreżentata f’isem l-Unjoni għall-emenda tal-Appendiċi II u l-Appendiċi III tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa (il-Konvenzjoni ta’ Berna) fir-rigward tal-lupu (Canis lupus), kif ukoll il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar dik il-proposta fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa

Il-Konvenzjoni tal-1979 dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa (il-Konvenzjoni ta’ Berna) (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tikkonserva l-flora u l-fawna selvaġġa Ewropea u l-ħabitats naturali tagħhom, speċjalment dawk li l-konservazzjoni tagħhom teħtieġ il-kooperazzjoni ta’ diversi Stati. Dan huwa trattat intergovernattiv, konkluż taħt il-patroċinju tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1982. L-Unjoni Ewropea ilha Parti Kontraenti għal din il-Konvenzjoni mill-1 ta’ Settembru 1982 1 . Minn April 2024, se jkun hemm 50 2 Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE.

2.2.Il-Kumitat Permanenti

Il-Kumitat Permanenti huwa l-organu deċiżjonali tal-Konvenzjoni, li għandu s-setgħat li jivvaluta l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet 3 u, sussegwentement, li jirrieżamina l-elenkar tagħhom fl-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni. Il-funzjonijiet tiegħu huma enumerati fl-Artikoli 13-15 tal-Konvenzjoni, inkluż fir-rigward ta’ emendi potenzjali għat-test tal-Konvenzjoni jew l-Appendiċijiet tagħha.

Dan jiltaqa’ mill-anqas kull sentejn u kull meta l-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti titlob dan. Kienet il-prattika f’dawn l-aħħar 40 sena li l-Kumitat Permanenti jiltaqa’ fit-tmiem ta’ kull sena kalendarja. Il-laqgħa ordinarja li jmiss tal-Kumitat Permanenti (l-44 laqgħa) se ssir fit-2 sas-6 ta’ Diċembru 2024.

Jekk il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni proposta, l-Unjoni tista’ titlob u tikseb laqgħa eċċezzjonali tal-Kumitat Permanenti skont l-Artikolu 13(4) tal-Konvenzjoni u r-Regola 1B tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Permanenti, peress li għandha l-maġġoranza meħtieġa tal-Partijiet. Il-laqgħa tista’ ssir fi tmiem l-ewwel semestru tal-2024 u għandha titlaqqa’ mill-anqas sitt ġimgħat qabel id-data ffissata għall-ftuħ tal-laqgħa.

2.3.L-atti previsti tal-Kumitat Permanenti

L-għan tad-deċiżjoni proposta huwa li tipproponi, f’isem l-Unjoni, emenda għall-Appendiċi II u l-Appendiċi III tal-Konvenzjoni, jiġifieri t-tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tal-ispeċi tal-lupu (Canis lupus) billi din titmexxa mill-Appendiċi II (speċijiet ta’ fawna bi protezzjoni stretta) għall-Appendiċi III (speċijiet ta’ fawna protetti).

Qed jiġi propost li l-Unjoni tissottometti l-proposta ta’ emenda fid-dawl tal-44 laqgħa tal-Kumitat Permanenti, jew ta’ kwalunkwe laqgħa eċċezzjonali aktar kmieni li l-Unjoni tista’ titlob. F’konformità mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ proposti għal emenda hija mill-anqas xahrejn qabel id-data tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti.

F’konformità mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, emenda għall-Appendiċijiet teħtieġ l-adozzjoni b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti. Sakemm terz tal-Partijiet Kontraenti ma jkunux innotifikaw oġġezzjonijiet, emenda tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data tal-adozzjoni, għal dawk il-Partijiet Kontraenti li ma jkunux innotifikaw oġġezzjonijiet.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-proposta ta’ emendi għall-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni (u l-adozzjoni tagħhom fil-Kumitat Permanenti) hija stabbilita b’deċiżjoni tal-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, peress li tali emendi se jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.L-istatus legali attwali tal-lupu (Canis lupus) skont il-Konvenzjoni ta’ Berna

L-elenkar inizjali ta’ speċijiet ta’ annimali fl-Appendiċi II jew III kien ibbażat fuq id-data xjentifika disponibbli fiż-żmien tan-negozjati tal-Konvenzjoni fl-1979 u l-listi ta’ mammiferi, għasafar, anfibji, u rettili mhedda fl-Ewropa, imfassla mill-Kumitat Ewropew għall-Konservazzjoni tan-Natura u r-Riżorsi Naturali taħt il-Kunsill tal-Ewropa 4 . L-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni jistipula li “tingħata enfasi partikolari lill-ispeċijiet fil-periklu u vulnerabbli 5 .. 

L-ispeċi tal-lupu (Canis lupus) ġiet elenkata fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni (speċijiet bi protezzjoni stretta) mid-dħul fis-seħħ tagħha fl-1982. Tnax-il Parti individwali (li disgħa minnhom huma Stati Membri tal-UE) għamlu użu mill-possibbiltà li jippreżentaw riżervi skont l-Artikolu 22 fir-rigward tal-elenkar tal-ispeċi tal-lupu fiż-żmien tal-iffirmar jew tar-ratifika tat-trattat (il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja, it-Turkija u l-Ukrajna). B’mod aktar speċifiku fir-rigward tal-Istati Membri tal-UE, il-Finlandja, il-Latvja, il-Polonja, iċ-Ċekja, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Bulgarija daħħlu riżervi sħaħ kontra kwalunkwe protezzjoni għall-ispeċi tal-lupu, filwaqt li l-Litwanja u Spanja daħħlu riżerva kontra l-protezzjoni stretta tal-lupu skont l-Appendiċi II, iżda impenjaw ruħhom għall-protezzjoni skont l-Appendiċi III, li tippermetti l-ġestjoni sostenibbli tal-lupu.

Mill-2006, l-Iżvizzera pproponiet fi tliet okkażjonijiet (2006, 2018 u 2022) it-tneħħija tal-ispeċi tal-lupu u għalhekk tal-popolazzjonijiet kollha tal-lupu koperti mill-Konvenzjoni, mill-Appendiċi II u l-inklużjoni tagħha fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni. Dawn il-proposti ma ġewx adottati mill-Kumitat Permanenti, minħabba appoġġ insuffiċjenti fost il-Partijiet Kontraenti.

Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2022 dwar il-protezzjoni tat-trobbija tal-bhejjem u ta’ karnivori kbar fl-Ewropa 6 , laqa’ l-fatt li l-punt “Proposta għal emenda: Tneħħija tal-lupu (Canis lupus) mil-lista tal-Appendiċi II u l-inklużjoni tiegħu fil-lista tal-Appendiċi III tal-Konvenzjoni” kien ġie inkluż fl-aġenda tat-42 laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Berna u enfasizza li l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fil-livell pan-Ewropew jiġġustifika mitigazzjoni tal-istatus ta’ protezzjoni u konsegwentement l-adozzjoni tal-emenda proposta.

3.2.Kunsiderazzjonijiet għall-proposta biex l-ispeċi tal-lupu (Canis lupus) titmexxa mill-Appendiċi II (speċijiet ta’ fawna bi protezzjoni stretta) għall-Appendiċi III (speċijiet ta’ fawna protetti) tal-Konvenzjoni

Il-Konvenzjoni ta’ Berna ma tistabbilixxix b’mod espliċitu liema kriterji jirregolaw l-elenkar fl-Appendiċi II jew III. Ir-Rakkomandazzjoni Nru 56 (1997) 7 tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni tipprovdi linji gwida għall-elenkar taħt l-Appendiċi I u II tal-Konvenzjoni. Dawn il-linji gwida jirrakkomandaw li l-Partijiet Kontraenti jqisu dan li ġej meta jipproponu emendi tal-Appendiċi II:

1. It-theddida. Se titqies il-kategorija tat-theddida, il-vulnerabbiltà tal-ispeċi għal bidliet fil-ħabitat tagħha, ir-rabta partikolari tagħha ma’ ħabitat mhedded, ix-xejriet u l-varjazzjonijiet fil-livell tal-popolazzjoni u l-vulnerabbiltà tagħha għal użu possibbli mhux sostenibbli. Se jitqies jekk l-ispeċi tkunx qed tonqos fiż-żona ċentrali tad-distribuzzjoni tagħha, jew tkunx mhedda biss fil-fruntiera tal-firxa tagħha.

2. Ir-rwol ekoloġiku. Se jitqies ir-rwol ekoloġiku tal-ispeċijiet, bħall-pożizzjoni jew ir-rwol tagħhom fil-katina alimentari (jiġifieri tajr tal-priża, speċijiet insettivori bħall-friefet il-lejl), ir-rwol strutturali tagħhom fl-ekosistemi (jiġifieri qroll, xagħri) jew il-fatt li speċijiet fil-periklu jew ekosistemi fil-periklu jistgħu jkunu dipendenti ħafna fuqhom (jiġifieri fanerogami tal-baħar bħall-Posidonia oceanica) jew jirriskjaw li jiġu mhedda mill-isfruttament tagħhom (bħall-mollusk Lithophaga lithophaga).

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni jirreferi għall-objettiv li jintlaħaq livell ta’ popolazzjoni “li jikkorrispondi b’mod partikolari għall-ħtiġijiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ekonomiċi u rikreattivi (...)”.

Xejriet attwali fl-istatus ta’ konservazzjoni tal-lupu fl-Ewropa

Wara storja twila ta’ persekuzzjoni intenzjonata li wasslet għall-estinzjoni tagħha fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, il-kombinazzjoni ta’ għadd ta’ bidliet ekoloġiċi, soċjali u leġiżlattivi (protezzjoni legali, abbandun tal-art, riforestazzjoni naturali, żieda fil-popolazzjonijiet ta’ ungulati selvaġġi, bidliet fl-attitudnijiet pubbliċi lejn din l-ispeċi) ippermettiet li l-lupu jibqa’ ħaj u mbagħad jgħaddi minn irkupru rapidu tal-popolazzjoni fl-aħħar tas-seklu 20 u b’mod partikolari f’dawn l-aħħar għaxar sa għoxrin sena. Tqabbil bejn il-mapep tad-distribuzzjoni tal-ispeċi mill-2000 8 , l-2005 9 u l-2016 10 jixhed l-espansjoni konsiderevoli tal-firxa milħuqa mid-disa’ sottopopolazzjonijiet prinċipalment transkonfini tal-lupu fl-Ewropa. Illum, l-ispeċi hija preżenti fil-pajjiżi Ewropej kontinentali kollha, b’uħud jospitaw popolazzjonijiet kbar ta’ aktar minn 1 000 individwu.

F’Settembru 2022, aġġornament tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-lupu, żviluppat mill-Inizjattiva dwar il-Karnivori Kbar fl-Ewropa (LCIE) għall-Konvenzjoni ta’ Berna 11 , wera li l-għadd totali ta’ lpup fl-UE x’aktarx li kien ta’ madwar 19 000 (meta mqabbel ma’ madwar 14 300 fl-2016) u l-għadd ta’ lpup fl-Ewropa (minbarra l-Belarussja u l-Federazzjoni Russa) x’aktarx li kien jaqbeż il-21 500 (meta mqabbel ma’ madwar 17 000 fl-2016) 12 . Skont l-istudju tal-LCIE, 19 minn 34 pajjiż irrapportaw żieda fl-għadd tal-lupu u 3 pajjiżi biss irrapportaw tnaqqis fl-għadd, kollha fir-reġjun Dinariku/tal-Balkani 13 . Fir-rigward tal-UE, fi 17 mill-24 Stat Membru tal-UE bl-ilpup, il-popolazzjonijiet tagħhom kienu qed jiżdiedu, u għas-7 l-oħra, dawn kienu stabbli jew ivarjaw. L-LCIE għalhekk qieset li l-ilpup ma kienu qed jonqsu fl-ebda Stat Membru tal-UE.

Il-valutazzjoni tal-LCIE għall-Konvenzjoni ta’ Berna mill-2022 aġġornat ukoll il-valutazzjonijiet tal-kriterji tal-Lista Ħamra tal-IUCN li jmorru lura għall-2018 14 . L-LCIE qieset li l-lupu kien jikkwalifika bħala “L-Anqas ta’ Tħassib” kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak tal-UE 27, b’mod simili għall-valutazzjoni tal-Lista Ħamra mill-2018. Il-valutazzjoni tal-LCIE tal-2022 tikkonkludi li “id-daqs tan-numri u l-bidliet f’dawn l-aħħar deċennji jippermettu l-konklużjoni li n-numri tal-lupu fl-Ewropa żdiedu matul l-aħħar għaxar snin u x-xejriet pożittivi ġenerali jidhru li huma stabbli jew qed jiżdiedu. L-istatus ta’ konservazzjoni fuq skala Ewropea huwa bla dubju pożittiv u l-ispeċi tista’ tiġi kklassifikata bħala “L-Anqas ta’ Tħassib” fis-sistema tal-Lista Ħamra tal-IUCN meta l-valutazzjoni ssir fuq skala kontinentali.”

Fir-rigward tad-disa’ sottopopolazzjonijiet tal-lupu fl-Ewropa, l-LCIE nnotat li dawn kienu qed jiżdiedu kullimkien fil-kontinent, ħlief is-sottopopolazzjoni Iberika li kienet stabbli u s-sottopopolazzjoni Dinarika/tal-Balkani li għaliha x-xejra ma kinitx magħrufa. Il-valutazzjoni tal-LCIE tal-2022 ikkonkludiet li tliet sottopopolazzjonijiet jikkwalifikaw bħala “L-Anqas ta’ Tħassib”, ħamsa jappartjenu għall-kategorija “Kważi Mhedda” u waħda – is-sottopopolazzjoni Skandinava – tappartjeni għall-kategorija “Vulnerabbli”. Dan huwa titjib ulterjuri meta mqabbel mal-valutazzjoni tal-Lista Ħamra tal-2018, li skontha tliet sottopopolazzjonijiet – dik Skandinava, dik tal-Ewropa Ċentrali u dik tal-Alpi tal-Punent-Ċentrali – ġew ivvalutati bħala “Vulnerabbli” minħabba d-daqs limitat tal-popolazzjoni tagħhom.

Fil-livell tal-UE, l-aħħar valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-lupu 15 bbażata fuq ir-rapporti ppreżentati fl-2019 mill-Istati Membri fil-qafas tal-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats kienet tkopri l-perjodu 2013-2018. Il-lupu ġie rrapportat li kien preżenti f’21 pajjiż tal-UE, b’popolazzjoni globali fl-UE f’dak iż-żmien stmata għal madwar 11 000-17 000 (l-aħjar valur: 13 492 lupu). Ir-rapportar wera li l-ispeċi kienet fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fi 18 minn 39 parti nazzjonali tar-reġjuni bijoġeografiċi fejn kien hemm l-ispeċi. Anki fejn l-istatus ta’ konservazzjoni, f’dak il-mument, kien għadu mhux favorevoli f’diversi partijiet nazzjonali tar-reġjuni bijoġeografiċi, ir-rapporti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats ippreżentati fl-2019 indikaw ukoll li d-daqs tal-popolazzjoni, il-ħabitat tal-ispeċi u l-firxa tal-ispeċijiet kienu ġeneralment qed juru xejra stabbli jew pożittiva fir-reġjuni bijoġeografiċi kollha, li jikkonferma li l-ispeċi kienet qed tkompli tikkolonizza mill-ġdid partijiet mill-firxa naturali tagħha. L-espansjoni tad-daqs, tal-ħabitat u tal-firxa tal-popolazzjoni tal-lupu, filwaqt li hija żvilupp pożittiv, ma tissarrafx awtomatikament f’valutazzjoni favorevoli tal-istatus ta’ konservazzjoni fil-livell ġeografiku rilevanti (bijoġeografiku nazzjonali jew tal-UE) peress li elementi oħra, bħal popolazzjonijiet u firxa kbira suffiċjenti (valuri ta’ referenza), l-istruttura normali tal-popolazzjoni u prospetti futuri tajbin, jeħtieġ ukoll li jiġu kkunsidrati. Fil-livell tar-reġjuni bijoġeografiċi tal-UE, il-valutazzjoni wriet li l-ispeċi kienet fi status ta’ konservazzjoni mhux favorevoli-inadegwat f’6 reġjuni bijoġeografiċi tal-UE u fi status favorevoli f’reġjun bijoġeografiku tal-Alpi wieħed.

Fl-2023, analiżi fil-fond tal-istatus tal-lupu fl-UE 16 rrieżaminat id-data xjentifika disponibbli dwar l-ispeċi, id-data rrapportata mill-awtoritajiet nazzjonali mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll id-data rilevanti miġbura minn eżerċizzju mmirat ta’ ġbir tad-data. Ir-riżultat ta’ din l-analiżi jikkonferma x-xejra ’l fuq fid-daqs tal-popolazzjoni kif ukoll l-espansjoni kontinwa tal-firxa tal-lupu. Fl-2023 ġie stmat li hemm total ta’ madwar 20 300 lupu fl-UE 17 . Din l-istima hija ogħla mill-madwar 19 000 lupu stmati f’Settembru 2022 mil-LCIE u ogħla mill-popolazzjoni stmata għal madwar 11 000-17 000 irrapportata skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għall-perjodu 2013-2018. Hija ogħla wkoll minn stima preċedenti mill-2012 li kkonkludiet dwar il-preżenza ta’ 11 193 lupu fl-UE 18 . L-analiżi fil-fond tikkonkludi li l-popolazzjonijiet qed jiżdiedu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE. Id-data minn 10 Stati Membri tal-UE b’riżultati ta’ monitoraġġ disponibbli li jkopru dawn l-aħħar snin turi li f’dawn l-Istati Membri kollha ħlief f’wieħed, iż-żidiet fil-popolazzjoni huma sinifikanti matul l-aħħar sentejn sa tliet snin 19 . Barra minn hekk, fl-2023, instabu gruppi tat-tnissil fl-24 Stat Membru kollha tal-UE b’popolazzjonijiet tal-lupu, ħlief fil-Lussemburgu.

L-irkupru b’suċċess tal-popolazzjonijiet tal-lupu u l-firxa tal-lupu madwar il-kontinent Ewropew f’dawn l-aħħar deċennji huma xhieda wkoll tal-adattabilità qawwija tal-ispeċi. Il-kapaċità tal-ilpup li jirrikolonizzaw ir-reġjuni permezz ta’ espansjonijiet rapidi tal-popolazzjoni li jibdew b’numri baxxi hija rreġistrata b’mod ċar u hija xhieda wkoll li l-ispeċi hija reżiljenti 20 . L-LCIE nnotat li l-prospetti ġew irrapportati bħala pożittivi 21 , b’espansjoni ulterjuri mistennija għal prattikament id-disa’ sottopopolazzjonijiet kollha.

Theddid u status ta’ protezzjoni legali

It-theddid għall-ilpup huwa ta’ natura multipla u diversa. L-aktar pressjoni rrapportata ta’ spiss mill-Istati Membri tal-UE 22 għall-perjodu (2013-2018) hija “sparar/qtil illegali”. Din il-pressjoni u l-pressjoni “Avvelenament tal-annimali”, irrapportata fir-raba’ post, huma t-tnejn marbuta mal-problema tal-kaċċa illegali tal-lupu. L-“impatt tat-toroq, tal-mogħdijiet, tal-ferroviji u tal-infrastruttura relatata” jinsab fit-tieni post, u jkopri kemm il-mortalità diretta kkawżata mill-inċidenti tat-traffiku kif ukoll għall-frammentazzjoni li jistgħu jipproduċu fil-popolazzjonijiet. L-“Interazzjonijiet mal-attivitajiet agrikoli” u l-“Kaċċa” huma rrapportati wkoll bħala pressjonijiet frekwenti. It-theddid emerġenti ġdid jinkludi r-reċinti tal-fruntieri u l-ibridizzazzjoni tal-kelb u l-lupu.

Xi wħud minn dawn il-pressjonijiet huma indirizzati direttament mill-projbizzjonijiet tal-qtil u t-tfixkil intenzjonat, u tal-ħsara jew il-qerda intenzjonata ta’ siti tat-tgħammir u tal-mistrieħ ta’ speċijiet bi protezzjoni stretta skont l-Appendiċi II, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.

Filwaqt li l-ispeċijiet elenkati fl-Appendiċi III ma humiex soġġetti għal dawn il-projbizzjonijiet, huma soġġetti għall-protezzjoni tal-ispeċi skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni u għall-obbligu ġenerali tal-Artikolu 2.

L-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni jistipula li l-Partijiet Kontraenti “għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi xierqa u meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tal-ispeċijiet ta’ fawna selvaġġa elenkati fl-Appendiċi III”. Skont l-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni, “[k]walunkwe sfruttament [ta’ dawn l-ispeċijiet] għandu jkun regolat sabiex il-popolazzjonijiet jinżammu barra mill-periklu, b’kont meħud tar-rekwiżiti tal-Artikolu 2”. L-Artikolu 7(3) tal-Konvenzjoni jispeċifika li din il-protezzjoni tinkludi “(a) staġuni magħluqa u/jew proċeduri oħra li jirregolaw l-isfruttament; (ii) il-projbizzjoni temporanja jew lokali tal-isfruttament biex jiġu restawrati livelli sodisfaċenti ta’ popolazzjoni; (iii) ir-regolamentazzjoni tal-bejgħ, iż-żamma għall-bejgħ, it-trasport għall-bejgħ jew l-offerta għall-bejgħ ta’ annimali selvaġġi ħajjin u mejtin”.

Skont ir-Rapport ta’ Spjegazzjoni 23 għall-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa, l-Artikolu 7 “jobbliga lill-Partijiet Kontraenti biex jiżguraw il-protezzjoni tal-fawna elenkata fl-Appendiċi III. Madankollu, b’kont meħud li dawn l-ispeċijiet kollha jistgħu, fi gradi differenti, ikunu leġittimament soġġetti għal sfruttament fi Stat partikolari, il-Konvenzjoni ma teskludix il-possibbiltà għal kull Parti Kontraenti li tawtorizza tali sfruttament bil-kondizzjoni li dan jaffettwa biss dawk l-ispeċijiet li ma jkunux mhedda fit-territorju tagħha u li tali sfruttament ma jipperikolax il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernata. B’dan il-mod, il-Parti Kontraenti trid tissorvelja l-isfruttament u, jekk ikun meħtieġ, timponi miżuri aktar stretti. L-Artikolu ġie abbozzat b’dan il-mod sabiex jipprovdi lill-Istati bi flessibbiltà fir-rigward tal-ispeċijiet li jistgħu minn żmien għal żmien ma jkunux mhedda direttament. Fit-twettiq ta’ din id-dispożizzjoni, il-Partijiet Kontraenti jridu, f’konformità mal-Artikolu 2, iqisu s-sottospeċijiet u l-varjetajiet li jkunu f’riskju lokalment, mingħajr ma jkunu mhedda fuq livell Ewropew.

Għalhekk, il-pressjonijiet imsemmija hawn fuq dwar il-kaċċa u l-kaċċa illegali għandhom jiġu indirizzati wkoll permezz ta’ miżuri meħuda f’konformità mal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni (permezz tar-regolamentazzjoni tal-kaċċa u l-infurzar kontra l-kaċċa illegali). Id-differenza ewlenija bejn iż-żewġ reġimi fir-rigward ta’ dan it-theddid hija li r-reġim ta’ protezzjoni għall-ispeċijiet elenkati fl-Appendiċi III iżomm aktar flessibbiltà fir-rigward tal-miżuri xierqa li l-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu. Għandu jiġi enfasizzat li dawk il-miżuri xierqa xorta għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-ispeċi u jżommuha barra mill-periklu, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(1) u (2) tal-Konvenzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li sakemm ikun hemm konformità mal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni f’termini ta’ miżuri xierqa meħuda mill-Partijiet, it-theddid għal-lupu bħall-kaċċa u l-kaċċa illegali jibqa’ indirizzat b’mod suffiċjenti wara li l-ispeċi titmexxa għall-Appendiċi III tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, il-projbizzjoni ta’ ċerti metodi ta’ qbid u qtil speċifikati fl-Appendiċi IV tal-Konvenzjoni hija applikabbli għall-ispeċijiet elenkati kemm fl-Appendiċi II kif ukoll fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni.

Theddid ieħor, bħall-mortalità diretta kkawżata minn inċidenti tat-traffiku, la huwa indirizzat mill-miżuri meħtieġa skont ir-reġim ta’ protezzjoni stretta applikabbli għall-ispeċijiet elenkati fl-Appendiċi II, u lanqas mill-miżuri meħtieġa skont ir-reġim ta’ protezzjoni applikabbli għall-ispeċijiet elenkati fl-Appendiċi III.

Barra minn hekk, kif previst fir-Rakkomandazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Berna Nru 163 (2012) tal-Kumitat Permanenti, adottata fit-30 ta’ Novembru 2012, dwar il-ġestjoni tal-popolazzjonijiet li qed jespandu ta’ karnivori kbar fl-Ewropa, il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna huma mħeġġa jikkollaboraw kif xieraq ma’ Stati oħra li jikkondividu l-istess popolazzjonijiet, bl-objettiv li jżommuhom b’saħħithom u fi status ta’ konservazzjoni favorevoli. Tali kooperazzjoni, li tinvolvi miżuri ta’ koeżistenza u protezzjoni, tibqa’ meħtieġa u rilevanti jekk l-ispeċi tal-lupu tkun elenkata fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni.

3.3.Kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi

L-espansjoni kontinwa tal-firxa tal-lupu u r-rikolonizzazzjoni tiegħu ta’ territorji ġodda wasslu għal żieda fil-kunflitti mal-attivitajiet tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tad-danni lill-bhejjem ikkawżati mil-lupu. Id-depredazzjoni laħqet livelli importanti, u qiegħda taffettwa aktar u aktar reġjuni, kemm fi ħdan l-Istati Membri tal-UE kif ukoll f’Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna mhux tal-UE. Id-depredazzjoni tal-bhejjem mil-lupu hija l-ixprun ewlieni tal-kunflitti mal-bnedmin, flimkien mal-espansjoni tal-firxa u tal-popolazzjoni tal-ispeċi. Il-kostijiet finanzjarji u soċjali assoċjati mal-espansjoni tal-firxa tal-lupu u r-rikolonizzazzjoni tiegħu ta’ territorji ġodda kienu qed jiżdiedu progressivament u se jibqgħu importanti għall-prevenzjoni u l-kumpens tad-danni lill-bhejjem minħabba l-preżenza tal-lupu.

Id-data miġbura dwar id-densità tal-inċidenti fl-analiżi fil-fond tal-istatus tal-lupu mill-2023 tindika li d-danni kkawżati mil-lupu qed jiżdiedu fl-UE. B’mod partikolari, skont l-aħħar data disponibbli mill-Istati Membri 24 , l-ilpup huma stmati li joqtlu kull sena mill-anqas 65 500 bhima fl-UE, 73 % minnhom huma nagħaġ u mogħoż, 19 % bhejjem tal-ifrat u 6 % żwiemel u ħmir imrobbija għal-laħam. Ir-renni semidomestiku jinqatel ukoll fil-Finlandja (1 261 fl-2022) u fl-Iżvezja (ċifra mhux magħrufa). Dawn iċ-ċifri huma ogħla minn dawk murija fl-istudju tal-LCIE tal-2022 ta’ 53 530 bhima maqtula kull sena fl-UE 25 ; madankollu, il-bidla sinifikanti tista’ tiddependi parzjalment fuq l-għażliet differenti li saru dwar il-kumpens – u għalhekk ir-reġistrazzjoni – tat-telf għad-depredazzjoni tal-lupu fl-2022.   

Filwaqt li din id-data ma hijiex direttament komparabbli jidher li, b’mod ġenerali, id-dannu lill-bhejjem żdied hekk kif il-popolazzjoni tal-lupu kibret, u dan jikkonferma l-importanza li jsir investiment f’miżuri effettivi ta’ prevenzjoni. Iż-żieda fid-dannu lill-bhejjem irriżultat ukoll f’aċċettazzjoni mnaqqsa tal-ispeċijiet f’xi reġjuni fl-UE. Filwaqt li l-impatt tal-lupu fuq il-bhejjem huwa żgħir fil-livell tal-UE u d-dannu ġenerali lill-bhejjem jidher tollerabbli fil-livell tal-pajjiż, il-konċentrazzjoni tiegħu f’livell lokali tista’ tiżvela pressjoni qawwija fuq ċerti żoni, b’konsegwenzi emozzjonali għas-sidien tal-bhejjem u telf ekonomiku indirett li huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat. F’xi żoni, id-dannu rikorrenti lill-bhejjem jista’ jirrappreżenta sfida addizzjonali għall-pastoraliżmu, il-wirt kulturali u l-mod ta’ għajxien tal-komunitajiet rurali, li teħtieġ appoġġ iddedikat għal miżuri effettivi ta’ prevenzjoni 26 . Fil-fatt, it-trobbija estensiva tal-bhejjem hija essenzjali għaż-żamma u l-konservazzjoni ta’ ekosistemi agrikoli b’diversità għolja, bħal art bil-ħaxix permanenti. Barra minn hekk, il-pastoraliżmu huwa attività tradizzjonali, parti mill-wirt soċjali tagħna u element ewlieni għall-ekonomija taż-żoni rurali muntanjużi u marġinali.

Din il-proposta se toħloq flessibbiltà addizzjonali lill-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Berna dwar kif għandhom jittrattaw iż-żieda fid-danni u fil-kunflitti soċjoekonomiċi potenzjali assoċjati mal-lupu f’xi żoni, filwaqt li jinżamm l-objettiv li jintlaħaq status ta’ konservazzjoni favorevoli għall-popolazzjonijiet kollha tal-lupu fl-UE.

3.4.Konklużjoni

Jidher ġustifikat li tiġi proposta l-emenda tal-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna billi l-ispeċi tal-lupu (Canis lupus) titmexxa mill-Appendiċi II (speċijiet ta’ fawna bi protezzjoni stretta) għall-Appendiċi III (speċijiet ta’ fawna protetti) tal-Konvenzjoni. Mossa bħal din tidher xierqa b’mod partikolari fid-dawl tax-xejriet attwali tal-istatus tal-popolazzjoni u l-livell ta’ protezzjoni pprovdut mir-reġim ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet skont l-Appendiċi III b’rabta mal-Artikoli 2, 7 u 8 tal-Konvenzjoni.

Tali proposta tikkorrispondi fil-biċċa l-kbira għall-pożizzjoni li l-Parlament Ewropew esprima fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Novembru 2022 27 .

Ladarba tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna (iċ-ċaqliq tal-ispeċijiet tal-lupu mill-Appendiċi II għall-Appendiċi III), l-Unjoni tkun tista’ timmodifika l-Annessi korrispondenti tad-Direttiva dwar il-Ħabitats sabiex tirrifletti l-livell ta’ protezzjoni aktar baxx għall-ispeċi tal-lupu fl-ordni legali intern tagħha.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 28 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Permanenti huwa korp stabbilit permezz tal-Konvenzjoni.  

L-atti li l-Kumitat Permanenti qiegħed jintalab jadotta jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 6 u 7 tal-Konvenzjoni. L-atti previsti ma jissupplementawx jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbuta mal-ambjent.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-atti tal-Kumitat Permanenti jemendaw l-Appendiċijiet II u III tal-Konvenzjoni, ikun xieraq li dawn jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk jiġu adottati.

2023/0469 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sottomissjoni ta’ proposti għal emenda tal-Appendiċijiet II u III tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa fid-dawl tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa (il-Konvenzjoni ta’ Berna) (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE 29 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1982.

(2)Skont l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, il-Kumitat Permanenti jista’ jadotta deċiżjoni biex jiġu emendati l-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni.

(3)F’konformità mal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ proposti għal emenda hija mill-anqas xahrejn qabel il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti. L-Unjoni tista’, bħala Parti għall-Konvenzjoni, tipproponi emendi għal dawk l-Appendiċijiet.

(4)Fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni Nru 56 (1997) tal-Kumitat Permanenti dwar linji gwida li għandhom jiġu kkunsidrati waqt li jsiru proposti għall-emenda tal-Appendiċijiet I u II tal-Konvenzjoni u waqt li jiġu adottati l-emendi 30 , il-kunsiderazzjonijiet rilevanti għall-elenkar ta’ speċijiet fl-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni jinkludu fatturi ekoloġiċi u xjentifiċi, bħall-istatus ta’ konservazzjoni, ix-xejriet tal-popolazzjonijiet u t-theddid.

(5)L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-objettiv tal-Konvenzjoni li jintlaħaq livell ta’ popolazzjoni “li jikkorrispondi b’mod partikolari għall-ħtiġijiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġiet ekonomiċi u rikreattivi (...)” u jistabbilixxi l-kuntest aktar wiesa’ għall-miżuri meħuda mill-Partijiet għall-Konvenzjoni. Dan l-objettiv jista’ jitqies meta tiġi proposta emenda għall-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

(6)L-istatus ta’ konservazzjoni tal-lupu wera xejra pożittiva mill-aħħar deċennji. Il-lupu rkupra b’suċċess madwar il-Kontinent b’espansjoni sinifikanti tal-firxa tal-ispeċi u tal-popolazzjoni tagħha li laħqet livelli importanti, bil-livelli stmati tal-popolazzjoni għall-UE kważi rduppjaw f’10 snin (minn 11 193 fl-2012, fil-medda ta’ 11 000-17 000 fl-2019 għal 20 300 fl-2023). Il-popolazzjonijiet huma rrapportati wkoll bħala li qed jiżdiedu kontinwament madwar il-Kontinent 31 . Minkejja t-theddid li fadal għall-ispeċi tal-lupu, l-irkupru b’suċċess tal-popolazzjonijiet tiegħu u ż-żieda fil-firxa tiegħu madwar il-kontinent Ewropew f’dawn l-aħħar deċennji huma xhieda tal-adattabilità u tar-reżiljenza qawwija tal-ispeċi.

(7)Fl-istess ħin, l-espansjoni kontinwa tal-firxa tal-lupu fl-Ewropa u r-rikolonizzazzjoni tiegħu ta’ territorji ġodda wasslu għal żieda fl-isfidi soċjoekonomiċi fir-rigward tal-koeżistenza mal-attivitajiet tal-bniedem, b’mod partikolari minħabba d-danni lill-bhejjem li laħqu livelli importanti, u li qed jaffettwaw aktar u aktar reġjuni u Stati Membri tal-UE u lil hinn.

(8)L-aktar data reċenti dwar id-daqs tal-popolazzjoni mill-valutazzjoni tal-2022 tal-istatus tal-lupu żviluppata mill-Inizjattiva dwar il-Karnivori Kbar fl-Ewropa (LCIE) għall-Konvenzjoni ta’ Berna u mill-analiżi fil-fond tal-istatus tal-lupu fl-Unjoni Ewropea mill-2023 tipprovdi evidenza adegwata b’appoġġ għall-adattament tal-istatus ta’ protezzjoni tal-lupu (Canis lupus) skont il-Konvenzjoni.

(9)Għalhekk, huwa xieraq li l-livell ta’ protezzjoni tal-ispeċi tal-lupu jiġi adattat. L-ispeċi tal-lupu jenħtieġ li tkun soġġetta għall-protezzjoni tal-ispeċi li tirriżulta minn elenkar fl-Appendiċi III b’rabta mal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni.

(10)Dan l-adattament tal-livell ta’ protezzjoni jżid il-flessibbiltà biex tiġi indirizzata ż-żieda fl-isfidi soċjoekonomiċi relatati mal-lupu marbuta mal-espansjoni kontinwa tal-firxa tal-lupu fl-Ewropa u r-rikolonizzazzjoni tiegħu ta’ territorji ġodda.

(11)Kif previst fir-Rakkomandazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Berna Nru 163 (2012) tal-Kumitat Permanenti, adottata fit-30 ta’ Novembru 2012, dwar il-ġestjoni tal-popolazzjonijiet li qed jespandu ta’ karnivori kbar fl-Ewropa, il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna huma mħeġġa jikkollaboraw kif xieraq ma’ Stati oħra li jikkondividu l-istess popolazzjonijiet, bl-objettiv li jżommuhom b’saħħithom u fi status ta’ konservazzjoni favorevoli. Tali kooperazzjoni, li tinvolvi miżuri ta’ koeżistenza u protezzjoni, tibqa’ meħtieġa u rilevanti jekk l-ispeċi tal-lupu tkun elenkata fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni.

(12)Għalhekk, fid-dawl tal-44 laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni fl-2024, jew ta’ kwalunkwe laqgħa eċċezzjonali aktar kmieni li l-Unjoni tista’ titlob, l-Unjoni jenħtieġ li tissottometti proposta għall-emenda tal-Appendiċi II u l-Appendiċi III tal-Konvenzjoni billi tneħħi l-lupu (Canis lupus) mill-Appendiċi II u telenkah taħt l-Appendiċi III tagħha.

(13)Huwa xieraq li tiġi stabbilita wkoll il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti, peress li d-deċiżjonijiet li jemendaw l-Appendiċijiet għall-Konvenzjoni se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(14)Il-proposta jenħtieġ li tiġi kkomunikata lis-Segretarjat biex tiġi kkunsidrata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni jew ta’ kwalunkwe laqgħa eċċezzjonali preċedenti li l-Unjoni tista’ titlob.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tissottometti lill-Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni, f’isem l-Unjoni, proposta biex l-ispeċi tal-lupu (Canis lupus) titmexxa mill-Appendiċi II dwar “Speċijiet ta’ fawna bi protezzjoni stretta” għall-Appendiċi III dwar “Speċijiet ta’ fawna protetti”.

2.Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din il-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni ta’ Berna għandha tkun li tappoġġa t-tneħħija tal-lupu (Canis lupus) mill-Appendiċi II u żżidu mal-Appendiċi III tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 2, fid-dawl tal-iżviluppi fil-Kumitat Permanenti, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta’ Annimali Slavaġ u Ambjenti Naturali Ewropej, ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1.
(2)    Fil-5 ta’ Settembru 2023, il-Belarussja nnotifikat li hija tiddenunzja l-Konvenzjoni ta’ Berna. B’applikazzjoni tal-Artikolu 23.2 tal-Konvenzjoni, id-denunzja se ssir effettiva mill-1 ta’ April 2024.
(3)    L-Artikolu 14.1 tal-Konvenzjoni ta’ Berna:“ .... iżomm taħt rieżami d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, inklużi l-appendiċijiet tagħha, u jeżamina kwalunkwe modifika meħtieġa”.
(4)    Ara r-Rapport ta’ spjegazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa ( https://rm.coe.int/16800ca431 )
(5)    L-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni ta’ Berna ( https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list?module=treaty-detail&treatynum=104 )
(6)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew 2022/2952(RSP) ( https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2022-0423_MT.html )
(7)    Ir-Rakkomandazzjoni Nru 56 (1997) tal-Kumitat Permanenti għall-Konvenzjoni ( https://rm.coe.int/168074680c )
(8)    Action Plan for the conservation of the wolves (Canis lupus) in Europe (Pjan ta’ Azzjoni għall-konservazzjoni tal-ilpup (Canis lupus) fl-Ewropa), Il-Kunsill tal-Ewropa, 2000 - T-PVS(2000)23 ( https://rm.coe.int/1680746b76 )
(9)    Report on the conservation status and threats for wolf (Canis lupus) in Europe (Rapport dwar l-istatus ta’ konservazzjoni u t-theddid għall-lupu (Canis lupus) fl-Ewropa), Il-Kunsill tal-Ewropa, 2005, T-PVS/Inf (2005) 16 ( Microsoft Word - inf16e_2005 Conservation Threats Wolf.doc (coe.int) )
(10)    Assessment of the conservation status of the Wolf (Canis lupus) in Europe (Valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-lupu (Canis lupus) fl-Ewropa), Il-Kunsill tal-Ewropa, 2022, T-PVS/Inf(2022)45 ( https://rm.coe.int/inf45e-2022-wolf-assessment-bern-convention-2791-5979-4182-1-2/1680a7fa47 )
(11)    Assessment of the conservation status of the Wolf (Canis lupus) in Europe (Valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-lupu (Canis lupus) fl-Ewropa), Il-Kunsill tal-Ewropa, 2022, T-PVS/Inf(2022)45 ( https://rm.coe.int/inf45e-2022-wolf-assessment-bern-convention-2791-5979-4182-1-2/1680a7fa47 )
(12)    Assessment of the conservation status of the Wolf (Canis lupus) in Europe (Valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-lupu (Canis lupus) fl-Ewropa), Il-Kunsill tal-Ewropa, 2022, T-PVS/Inf(2022)45 ( https://rm.coe.int/inf45e-2022-wolf-assessment-bern-convention-2791-5979-4182-1-2/1680a7fa47 )
(13)    Il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro u l-Maċedonja ta’ Fuq
(14)    Il-valutazzjoni tal-Lista Ħamra tal-IUCN tal-lupu, 2018 ( Canis lupus (Gray Wolf) (iucnredlist.org) )
(15)     https://nature-art17.eionet.europa.eu/article17/species/summary/?period=5&group=Mammals&subject=Canis+lupus&region
(16)    Blanco and Sundseth (2023), The situation of the wolf (Canis lupus) in the European Union – an In-depth Analysis. A report of The N2K Group for DG Environment, Il-Kummissjoni Ewropea  http://data.europa.eu/doi/10.2779/187513
(17)    Blanco and Sundseth (2023), The situation of the wolf (Canis lupus) in the European Union – an In-depth Analysis. A report of The N2K Group for DG Environment, Il-Kummissjoni Ewropea  http://data.europa.eu/doi/10.2779/187513
(18)    Boitani et al. 2015. Key actions for Large Carnivore populations in Europe, Institute of Applied Ecology (Rome, Italy) https://circabc.europa.eu/ui/group/3f466d71-92a7-49eb-9c63-6cb0fadf29dc/library/7858bea4-148d-461d-9ad0-e8736da91b5a/details
(19)    Tabella 2.4.2. Xejriet tal-lupu f’dawn l-aħħar snin f’xi Stati Membri tal-UE, Blanco and Sundseth (2023), The situation of the wolf (Canis lupus) in the European Union – an In-depth Analysis. A report of The N2K Group for DG Environment, Il-Kummissjoni Ewropea  http://data.europa.eu/doi/10.2779/187513
(20)    Ara eżempji tal-espansjoni rapida (kemm fid-daqs tal-popolazzjoni kif ukoll fil-firxa) fi Franza ( https://www.loupfrance.fr/suivi-du-loup/situation-du-loup-en-france/ ) u fil-Ġermanja (https://www.dbb-wolf.de/wolf-occurrence/confirmed-territories/map-of-territories).
(21)    Assessment of the conservation status of the Wolf (Canis lupus) in Europe (Valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-lupu (Canis lupus) fl-Ewropa), Il-Kunsill tal-Ewropa, 2022, T-PVS/Inf(2022)45 ( https://rm.coe.int/inf45e-2022-wolf-assessment-bern-convention-2791-5979-4182-1-2/1680a7fa47 ) u r-Rapportar skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats
(22)     https://nature-art17.eionet.europa.eu/article17/species/summary/?period=5&group=Mammals&subject=Canis+lupus&region
(23)    Ir-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa https://rm.coe.int/16800ca431
(24)    Data aggregata mill-Istati Membri miġbura fl-2023, dwar snin differenti skont l-Istat Membru bejn l-2017 u l-2022.
(25)    Data aggregata mill-Istati Membri miġbura fl-2023, dwar snin differenti skont l-Istat Membru bejn l-2017 u l-2021.
(26)    Blanco and Sundseth (2023), The situation of the wolf (Canis lupus) in the European Union – an In-depth Analysis. A report of The N2K Group for DG Environment, Il-Kummissjoni Ewropea  http://data.europa.eu/doi/10.2779/187513
(27)     https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2022-0423_MT.html  
(28)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64
(29)    ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1.
(30)    Ir-Rakkomandazzjoni Nru 56 (1997) dwar linji gwida li għandhom jiġu kkunsidrati waqt li jsiru proposti għal emenda tal-Appendiċijiet I u II tal-Konvenzjoni u waqt li jiġu adottati l-emendi (disponibbli minn https://rm.coe.int/168074680c ).
(31)    Assessment of the conservation status of the Wolf (Canis lupus) in Europe (Valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-lupu (Canis lupus) fl-Ewropa), Il-Kunsill tal-Ewropa, 2022, T-PVS/Inf(2022)45 ( https://rm.coe.int/inf45e-2022-wolf-assessment-bern-convention-2791-5979-4182-1-2/1680a7fa47 ) u Blanco and Sundseth (2023), The situation of the wolf (Canis lupus) in the European Union – an In-depth Analysis. A report of The N2K Group for DG Environment, Il-Kummissjoni Ewropea  http://data.europa.eu/doi/10.2779/187513