IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.12.2023
COM(2023) 794 final
2023/0467(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.12.2023
COM(2023) 794 final
2023/0467(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija b’rabta ma’ għadd ta’ atti, fir-rigward tal-baġit, id-Direttur u l-kwistjonijiet tal-persunal tal-Komunità tal-Enerġija.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija
It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija 1 (“ECT”) għandu l-għan li joħloq qafas regolatorju u tas-suq stabbli u spazju regolatorju uniku għall-kummerċ fl-enerġija tan-network billi jimplimenta l-partijiet maqbula tal-acquis tal-UE dwar l-enerġija fil-Partijiet mhux tal-UE. L-ECT daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006. L-Unjoni Ewropea hija parti għall-ECT 2 . L-ECT jirreferi għad-disa’ Partijiet mhux tal-UE bħala “Partijiet Kontraenti”.
2.2.Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija
Il-Kunsill Ministerjali jiżgura li l-objettivi stabbiliti fl-ECT jintlaħqu. Dan jikkonsisti f’rappreżentant wieħed ta’ kull Parti Kontraenti u f’żewġ rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 47 tal-ECT, dan jipprovdi linji gwida ġenerali ta’ politika, jieħu Miżuri (Deċiżjonijiet jew Rakkomandazzjonijiet) u jadotta Atti Proċedurali. Kull Parti għandha vot wieħed u l-Kunsill Ministerjali jaġixxi b’regoli ta’ votazzjoni differenti skont is-suġġett. L-UE hija waħda mill-għaxar Partijiet u għandha vot wieħed, skont is-suġġett ikkonċernat. Skont l-Artikolu 78 tal-ECT, il-Kunsill Ministerjali jista’ jaġixxi biss jekk ikunu rrappreżentati żewġ terzi tal-Partijiet. L-astensjonijiet f’vot ma jgħoddux bħala voti mitfugħa.
L-unanimità tal-Kunsill Ministerjali, skont l-Artikolu 88 tal-ECT, tapplika għall-att previst skont il-punti 2 u 4 tat-Taqsima 2.3. Skont l-Artikolu 83 tal-ECT, hija meħtieġa maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, inkluż vot pożittiv tal-Unjoni Ewropea, biex jiġi adottat l-att previst skont il-punti 1, 5 u 6 tat-Taqsima 2.3. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikoli 69 u 88, hija meħtieġa maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa biex jiġi adottat l-att previst stabbilit fil-punt 3 tat-Taqsima 2.3. Maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa tapplika għall-att previst skont il-punt 7 tat-Taqsima 2.3.
2.3.L-att previst tal-Kunsill Ministerjali
Din il-proposta għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tikkonċerna l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-atti previsti li ġejjin tal-Kunsill Ministerjali, stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill:
(1)L-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-emendar tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta’ Diċembru 2007 kif emendat bl-Att Proċedurali 2009/04/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2022//02/MC-EnC, u li jemenda l-Att Proċedurali 2006/02/MC-EnC dwar l-adozzjoni tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, kif emendat bl-Att Proċedurali 2016/01/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC.
(2)L-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-emendar tal-Att Proċedurali 2021/01/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit.
(3)L-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-emendar tal-Att Proċedurali 2021//02/MC-EnC dwar il-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija.
(4)L-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2024-2025 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit.
(5)L-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Organigramma tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija.
(6)L-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-emendar tal-Att Proċedurali 2006/03/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni, kif emendat bl-Att Proċedurali Nru 2014/01/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC.
(7)Id-Deċiżjoni 2023/XX/MC-EnC dwar il-Kwittanza Finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija.
L-għan tal-atti previsti tal-Kunsill Ministerjali (“l-atti previsti”) huwa li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tal-ECT u l-funzjonament tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija (EnCS) fi Vjenna li, fost l-oħrajn, jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Kunsill Ministerjali.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
3.1.Atti previsti tal-Kunsill Ministerjali
3.1.1.L-Att Proċedurali 2023/XX/MC-ENC Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta’ Diċembru 2007 kif emendat bl-Att Proċedurali Nru 2009/04/MC-EnC u l-Att Proċedurali Nru 2022/02/MC-EnC, u li jemenda l-Att Proċedurali Nru 2006/02/MC-EnC dwar l-adozzjoni tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, kif emendat bl-Att Proċedurali Nru 2016/01/MC-EnC u l-Att Proċedurali Nru 2022/02/MC-EnC
L-Att Proċedurali jipprevedi l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija billi jiċċara b’mod partikolari r-regoli applikabbli għall-kariga ta’ Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, ir-regoli applikabbli għall-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, id-dispożizzjonijiet dwar il-benefiċċji soċjali u l-proċedimenti ta’ arbitraġġ relatati mal-persunal. Ir-regoli applikabbli għar-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandhom jiġu emendati wkoll kif xieraq.
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta’ Diċembru 2007 u li jemenda l-Att Proċedurali dwar ir-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija.
3.1.2.L-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-emendar tal-Att Proċedurali Nru 2021/01/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit
L-Att Proċedurali jipprevedi l-emenda tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 sabiex jiġi aġġustat il-livell tas-salarji tad-Direttur, biex jinġieb għal livell proporzjonat mar-responsabbiltà mwettqa u l-kompiti eżegwiti taħt dan il-baġit, u jirrifletti s-salarju annwali full-time aġġustat tad-Direttur fil-linja baġitarja “Riżorsi Umani” u n-nefqa totali 2022-2023. L-aġġustamenti għas-salarji ma jżidux il-baġit globali tal-Komunità tal-Enerġija għall-2022-2023 u lanqas ma jżidu l-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għal dak il-baġit.
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-emendar tal-Att Proċedurali Nru 2021/01/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit.
3.1.3.L-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-emendar tal-Att Proċedurali Nru 2021/02/MC-EnC dwar il-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija
L-Att Proċedurali jemenda t-termini tal-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija sabiex jipprovdi ċertezza legali fir-rigward tat-tul tal-mandat tad-Direttur attwali, is-salarju applikabbli skont il-baġit attwali u dak li jmiss u l-kundizzjonijiet tal-impjieg. Il-Presidenza se tintalab toħroġ Att ta’ Ħatra emendat fuq din il-bażi.
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali li jemenda l-Att Proċedurali Nru 2021/02/MC-EnC dwar il-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija.
3.1.4.L-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2024-2025 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit
L-Att Proċedurali jipprevedi baġit ta’ EUR 6,602,731 għall-2024 u EUR 6,734,786 għall-2025. Dawn l-ammonti jikkorrispondu għal żieda ta’ 29,97 % u 31,97 % rispettivament meta mqabbla mal-2023. Dawn iż-żidiet se jiġu ffinanzjati billi jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti kollha u tal-Unjoni Ewropea kif xieraq.
Huma ġġustifikati mill-aġġustamenti tas-salarji relatati mal-inflazzjoni għall-persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija u ż-żieda fl-attivitajiet u l-isfidi li l-Komunità tal-Enerġija se jkollha tiffaċċja fil-promozzjoni u fl-ilħuq tal-objettivi u tal-għanijiet ta’ politika ewlenin tagħha. Dan jinkludi b’mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-implimentazzjoni tiegħu fil-livell tal-Komunità tal-Enerġija.
L-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-baġit bis-sehem ta’ 94,78 % tal-baġit globali, filwaqt li l-parti li jifdal hija ffinanzjata mid-disa’ Partijiet Kontraenti mhux tal-UE.
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għall-perjodu 2024-2025 u l-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit.
3.1.5.L-Att Proċedurali Nru 2023/XX/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Organigramma tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-adozzjoni tal-Organigramma tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija.
3.1.6.L-Att Proċedurali Nru 2023/XX/MC-EnC dwar l-emendar tal-Att Proċedurali Nru 2006/03/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni, kif emendat bl-Att Proċedurali Nru 2014/01/MC-EnC u l-Att Proċedurali Nru 2022/02/MC-EnC
L-Att Proċedurali għandu l-għan li jsaħħaħ il-pożizzjoni tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija li jirrappreżenta u jaġixxi f’isem il-Komunità tal-Enerġija fir-rigward tal-banek, għall-fini tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija u l-operazzjoni ta’ rutina tagħha b’mod effettiv.
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-emendar tal-Att Proċedurali Nru 2006/03/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni.
3.1.7.Id-Deċiżjoni 2023/XX/MC-EnC dwar il-Kwittanza Finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija
Id-Deċiżjoni tipprevedi l-kwittanza finanzjarja għall-2022 abbażi tar-Rapport tal-Awditjar għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2022, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-awdituri u r-Rapport tal-Kumitat tal-Baġit.
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar il-Kwittanza Finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kunsill Ministerjali huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri t-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.
L-atti li l-Kunsill Ministerjali huwa mitlub jadotta jikkostitwixxu atti b’effetti legali. L-atti previsti se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 76 tal-ECT, li skontu deċiżjoni tkun legalment vinkolanti għal dawk li lilhom tkun indirizzata.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva sabiex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw l-enerġija.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 194(1) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 194(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2023/0467 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (“it-Trattat”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/500/KE tad-29 ta’ Mejju 2006 4 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006.
(2)Skont l-Artikoli 47 u 76 tat-Trattat, il-Kunsill Ministerjali jista’ jadotta Miżuri li jieħdu l-forma ta’ Deċiżjoni jew Rakkomandazzjoni.
(3)Il-Kunsill Ministerjali jrid jadotta għadd ta’ atti elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE u li fuqhom għandhom jivvutaw ir-rappreżentanti tal-Unjoni.
(4)L-għan tal-atti previsti huwa li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-objettivi tat-Trattat u l-funzjonament tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija fi Vjenna li, fost l-oħrajn, jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-Kunsill Ministerjali.
(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali rigward l-atti elenkati fl-Anness, peress li l-atti previsti se jkollhom effetti legali għall-Unjoni.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
(1)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni hija li tapprova l-adozzjoni tal-atti stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
(2)Il-Kummissjoni tista’ taqbel ma’ bidliet żgħar fl-atti stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, fid-dawl ta’ kummenti mill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija qabel jew waqt il-Kunsill Ministerjali, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill,
Il-President,
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.12.2023
COM(2023) 794 final
ANNESS
tal-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija
ANNESS
L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-EnC LI JEMENDA R-REGOLAMENTI TAL-PERSUNAL TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA TAT-18 TA’ DIĊEMBRU 2007 KIF EMENDAT BL-ATT PROĊEDURALI 2009/04/MC-EnC U L-ATT PROĊEDURALI 2022/02/MC-EnC, U LI JEMENDA L-ATT PROĊEDURALI 2006/02/MC-EnC DWAR L-ADOZZJONI TA’ REGOLI GĦAR-REKLUTAĠĠ, IL-KUNDIZZJONIJIET TAX-XOGĦOL U L-EKWILIBRIJU ĠEOGRAFIKU TAL-PERSUNAL TAS-SEGRETARJAT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA, KIF EMENDAT BL-ATT PROĊEDURALI 2016/01/MC-EnC U L-ATT PROĊEDURALI 2022/02/MC-EnC
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta’ Diċembru 2007 u li jemenda l-Att Proċedurali dwar ir-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija f’konformità mal-Addendum 1 ta’ dan l-Anness.
L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC DWAR L-EMENDA TAL-ATT PROĊEDURALI 2021/01/MC-ENC DWAR L-ADOZZJONI TAL-BAĠIT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA GĦAS-SNIN 2022-2023 U DWAR IL-KONTRIBUZZJONIJIET MILL-PARTIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-emenda tal-Att proċedurali 2021/01/MC-ENC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-partijiet għall-baġit f’konformità mal-Addendum 2 ta’ dan l-Anness.
L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC DWAR L-EMENDA TAL-ATT PROĊEDURALI 2021/02/MC-ENC DWAR IL-ĦATRA TAD-DIRETTUR TAS-SEGRETARJAT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali li jemenda l-Att proċedurali 2021/02/MC-ENC dwar il-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija f’konformità mal-Addendum 3 ta’ dan l-Anness.
L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC DWAR L-ADOZZJONI TAL-BAĠIT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA GĦAS-SNIN 2024-2025 U DWAR IL-KONTRIBUZZJONIJIET MILL-PARTIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea hija li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-adozzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2024-2025 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit f’konformità mal-Addendum 4 ta’ dan l-Anness.
L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC DWAR L-ADOZZJONI TAL-ORGANIGRAMMA TAS-SEGRETARJAT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-adozzjoni tal-Organigramma tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija f’konformità mal-Addendum 5 ta’ dan l-Anness.
L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC DWAR L-EMENDA TAL-ATT PROĊEDURALI 2006/03/MC-ENC DWAR L-ADOZZJONI TA’ PROĊEDURI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA GĦALL-ISTABBILIMENT U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT, L-AWDITJAR U L-ISPEZZJONI, KIF EMENDAT BL-ATT PROĊEDURALI 2014/01/MC-ENC U L-ATT PROĊEDURALI 2022/02/MC-ENC
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ministerjali għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tal-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali dwar l-emenda tal-Att Proċedurali 2006/03/MC-ENC dwar l-adozzjoni ta’ Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar, u l-Ispezzjoni f’konformità mal-Addendum 6 ta’ dan l-Anness.
ID-DEĊIŻJONI 2023/XX/MC-EnC DWAR IL-KWITTANZA FINANZJARJA TAD-DIRETTUR TAS-SEGRETARJAT TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea għandha tkun li jiġi approvat l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar il-Kwittanza Finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija f’konformità mal-Addendum 7 ta’ dan l-Anness.
ADDENDUM 1 TAL-ANNESS
L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC
TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta’ Diċembru 2007 kif emendati bl-Att Proċedurali 2009/04/MC-ENC u bl-Att Proċedurali 2022/02/MC-ENC, u li jemenda l-Att Proċedurali 2006/02/MC-ENC dwar l-adozzjoni tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, kif emendat bl-Att Proċedurali 2016/01/MC-ENC u l-Att Proċedurali 2022/02/MC-ENC
IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, u b’mod partikolari l-Artikoli 69, 82, 83, 86 u 87 tiegħu,
Billi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija jenħtieġ li jiġu emendati biex jipprovdu aktar ċarezza fir-rigward tar-regoli tal-ħatra u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni, dwar is-salarji u l-benefiċċji soċjali, dwar l-arbitraġġ tat-tilwim li jikkonċerna l-persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija u dwar l-applikabbiltà ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija,
Billi r-Regoli tal-Komunità tal-Enerġija għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija jenħtieġ li jiġu emendati biex jiġi żgurat l-allinjament mal-emendi msemmija hawn fuq għar-Regolamenti tal-Persunal,
Billi huwa meħtieġ li jiġu pprovduti arranġamenti tranżizzjonali biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali dwar l-applikabbiltà ta’ dawn l-emendi għad-Direttur attwali tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija matul il-mandat attwali tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
ADOTTA DAN L-ATT PROĊEDURALI:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta’ Diċembru 2007 kif emendati bl-Att Proċedurali 2009/04/MC-ENC u l-Att Proċedurali 2022/02/MC-ENC
(1)Fit-Taqsima 2.1. (“Definizzjonijiet”):
–Fl-ewwel subparagrafu għandha tiżdied sentenza fl-aħħar: “Id-Direttur huwa membru tal-persunal.”;
–It-tielet subparagrafu għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Persunal Sekondat”: membri tal-persunal sekondati mill-gvernijiet tagħhom jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali għal inkarigu fi ħdan is-Segretarjat”;
–Is-sitt subparagrafu għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Impjegatur”: Il-Komunità tal-Enerġija, irrappreżentata mid-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija jew mill-Kunsill Ministerjali fir-rigward tad-Direttur”;
(2)Taqsima 3.1. (“In-natura internazzjonali tas-servizz”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:
–“Il-membri tal-persunal huma impjegati taċ-ċivil internazzjonali li l-obbligi tagħhom huma esklussivament internazzjonali. Billi jaċċettaw il-ħatra, huma jimpenjaw ruħhom li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u li jirregolaw l-imġiba tagħhom bil-ħsieb biss tal-interessi tal-Komunità tal-Enerġija. Dawn għandhom ikunu soġġetti għall-awtorità tad-Direttur u għandhom ikunu responsabbli quddiemu/quddiemha fl-eżerċitar tal-funzjonijiet tagħhom. Id-Direttur għandu jkun soġġett għall-awtorità tal-Kunsill Ministerjali. Il-membri tal-persunal ma għandhom ifittxu jew jaċċettaw struzzjonijiet fit-twettiq ta’ dmirijiethom minn ebda gvern jew awtorità oħra esterna għall-Komunità tal-Enerġija.”
(3)Fit-Taqsima 3.3. (“Attivitajiet esterni”):
–Is-subparagrafu a) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-membri tal-persunal ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda attività barra mill-Komunità tal-Enerġija li tkun inkompatibbli mat-twettiq xieraq ta’ dmirijiethom, li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess, jew li tista’ tikkawża ħsara lir-reputazzjoni tal-Komunità tal-Enerġija.”;
–Is-subparagrafu b) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-membri tal-persunal ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda okkupazzjoni ta’ impjieg bi ħlas barra mill-Komunità tal-Enerġija mingħajr l-approvazzjoni bil-miktub minn qabel tad-Direttur. Kwalunkwe membru tal-persunal li għandu sehem dirett jew indirett f’kumpanija, involuta fis-settur tal-enerġija, li jista’ jippermettilu jinfluwenza l-ġestjoni tal-kumpanija, għandu jinnotifika bil-miktub lid-Direttur dwar dan il-fatt. F’każ simili, id-Direttur għandu jinnotifika bil-miktub lill-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali. Id-Direttur ma għandu jinvolvi ruħu fl-ebda okkupazzjoni ta’ impjieg bi ħlas barra mill-Komunità tal-Enerġija mingħajr l-approvazzjoni bil-miktub minn qabel tal-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali. Il-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali tista’ tagħti l-approvazzjoni tagħha bil-miktub għal firxa ta’ attivitajiet.”
–Is-subparagrafu c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “Qabel ma jibda l-kariga fis-Segretarjat, id-Direttur għandu jippreżenta lill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dikjarazzjoni ta’ integrità li tistabbilixxi kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tiegħu. Id-Direttur għandu jaġġorna tali dikjarazzjoni meta jinbidlu ċ-ċirkostanzi. Jekk fi kwalunkwe ħin matul il-qadi ta’ dmirijietu d-Direttur isir konxju ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali li jista’ jiġi pperċepit bħala li possibbilment jipperikola l-indipendenza u l-integrità tiegħu, huwa għandu jinforma lill-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali mingħajr dewmien żejjed.”
–Is-subparagrafu d) għandu jiddaħħal u jinqara kif ġej: “Id-Direttur għandu jirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kull sena lill-Kunsill Ministerjali.”
(4)It-Taqsima 3.5.a) (“Użu u rilaxx tal-informazzjoni”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:
–“L-Uffiċjali tas-Segretarjat għandhom jeżerċitaw id-diskrezzjoni meħtieġa fil-kwistjonijiet kollha ta’ ħidma uffiċjali. Huma ma għandhomx, ħlief fit-twettiq ta’ dmirijiethom jew b’awtorizzazzjoni tad-Direttur, jew mill-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali fir-rigward tad-Direttur, jikkomunikaw lil kwalunkwe persuna informazzjoni mhux ippubblikata li jkunu jafu biha minħabba l-pożizzjoni uffiċjali tagħhom, u lanqas ma għandhom fi kwalunkwe ħin jużaw tali informazzjoni għal vantaġġ personali inklużi vantaġġi finanzjarji. Dan l-obbligu għandu jkompli jorbot lill-Uffiċjali tas-Segretarjat wara s-separazzjoni tagħhom mis-servizz.”
(5)It-Taqsima 3.7.a) (“Unuri u Rigali”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:
–“B’rabta mad-dmirijiet tagħhom, membri tal-persunal ma għandhomx jaċċettaw, jew joffru, kwalunkwe unur, dekorazzjoni, favur, rigal jew tariffa minn/lil kwalunkwe gvern jew kwalunkwe sors ieħor estern għas-Segretarjat, li huwa inkompatibbli mal-istatus tagħhom bħala impjegati taċ-ċivil internazzjonali. Membru tal-persunal li jiġi offrut jew li jirċievi kwalunkwe unur, dekorazzjoni, favur, rigal jew tariffa għandu jirrapporta dan il-fatt minnufih lid-Direttur. Id-Direttur għandu jirrapporta tali fatti lill-Kunsill Ministerjali. Ir-rigali li jirċievu l-membri tal-persunal f’kapaċità uffiċjali jsiru proprjetà tal-Komunità tal-Enerġija, għandhom jinżammu fil-bini tas-Segretarjat u għandhom jiġu elenkati f’indiċi mfassal għal dan l-għan.”
(6)Fit-Taqsima 4.1. (“Ħatra tad-Direttur”) taħt 4. (“Ħatriet”) għandha tiżdied sentenza fl-aħħar:
–“Il-ħatra tad-Direttur għandha tidħol fis-seħħ mid-data li fiha d-Direttur jiffirma l-Ftehim dwar l-Impjieg tiegħu kif stabbilit fit-Taqsima 4.4.”
(7)It-Taqsima 4.1.bis (“Viċi Direttur”) għandha tiġi emendata biex taqra kif ġej:
–Id-Direttur jista’ jassenja l-funzjoni ta’ Viċi Direttur lil wieħed mill-kapijiet ta’ unità eżistenti fis-Segretarjat. Id-Direttur għandu jiddefinixxi l-kompiti tal-Viċi Direttur.”
(8)Fit-Taqsima 4.4. (“Ftehim dwar l-Impjieg”):
–Is-subparagrafu a) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “It-termini ta’ impjieg ta’ membru tal-persunal għandhom ikunu regolati minn Ftehim dwar l-Impjieg li għandu jiġi ffirmat mid-Direttur u mill-membru tal-persunal. Qabel ma jassumi l-funzjonijiet tiegħu, id-Direttur u l-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali għandhom jiffirmaw Ftehim dwar l-Impjieg, li jkun ġie approvat mill-Kunsill Ministerjali f’konformità mar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat.”;
–Is-subparagrafu b) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-Ftehim dwar l-Impjieg għandu jiddikjara bħala minimu:
(a)L-isem u l-indirizz legali tal-impjegatur;
(b)L-isem u l-indirizz legali tal-impjegat;
(c)Id-data effettiva tal-ħatra;
(d)Id-durata tal-ħatra;
(e)L-istazzjon ordinarju tax-xogħol;
(f)It-titolu tal-impjieg;
(g)Ir-remunerazzjoni totali li tappartjeni għall-ħatra;
(h)Il-kundizzjonijiet għall-prova;
(i)It-total tal-intitolament annwali għal-liv;
(j)In-numru ta’ sigħat tax-xogħol kull ġimgħa;
(k)Lista espliċita ta’ dokumenti, li huma mehmuża mal-Ftehim, inklużi dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, u li jirreferu għar-regolamentazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg.”.
(9)Fit-Taqsima 4.5.b) (“Deskrizzjonijiet tal-impjiegi”) għandha tiżdied sentenza fl-aħħar:
–Id-deskrizzjoni tal-impjieg għall-kariga ta’ Direttur għandha tiġi stabbilita fil-Ftehim dwar l-Impjieg tiegħu.
(10)Fit-Taqsima 4.7. (“Rekwiżiti Ġenerali ta’ Prestazzjoni”):
–Is-subparagrafu a) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-membri tal-persunal għandhom iwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom b’kuxjenza u għandhom isegwu strettament l-istruzzjonijiet u l-linji gwida kollha pprovduti mid-Direttur u minn superjuri u/jew superviżuri oħrajn. Il-membri tal-persunal għandhom jirrapportaw lid-Direttur dwar l-attivitajiet tagħhom fuq bażi regolari.”;
–Is-subparagrafu b) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Id-Direttur jista’ jassenja, b’mod temporanju jew permanenti, dmirijiet u responsabbiltajiet lil Membru tal-persunal li jikkorrispondu għall-edukazzjoni u t-taħriġ u l-kapaċitajiet tal-Membru tal-persunal, u li huma raġonevoli f’termini tad-deskrizzjoni tal-impjieg rilevanti.”;
–Is-subparagrafu c) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-membri tal-persunal jistgħu jippreżentaw bil-miktub in-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ kwalunkwe inkarigu jekk ikunu tal-fehma li dan ma jkunx f’konformità mar-rekwiżiti taħt il-punt (b) ta’ din it-Taqsima.”;
–Is-subparagrafu d) għandu jiddaħħal u jinqara kif ġej: “Id-Direttur għandu jistabbilixxi strateġija ta’ ġestjoni tal-prestazzjoni tar-riżorsi umani li tinkludi proċedura ta’ promozzjoni marbuta mal-kriterji tal-prestazzjoni, soġġetta għal restrizzjonijiet baġitarji.”.
(11)Fit-Taqsima 4.8. (“Evalwazzjoni tal-Prestazzjoni/Djalogi tal-Persunal”):
–Is-subparagrafu b) għandu jiġi emendat kif ġej: “Ir-rapporti dwar il-prestazzjoni, inklużi l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet, għandhom isiru bil-miktub mis-superjuri diretti. Ir-rapport annwali għandu jiġi diskuss mal-membru tal-persunal ikkonċernat u jintwera lill-istess membru tal-persunal, li jista’ jehmeż miegħu tali kummenti li hu jew hi jista’ jikkunsidra/tista’ tikkunsidra rilevanti, u għandu jiffirmah u jiddatah/għandha tiffirmah u tiddatah.”.
–Is-subparagrafu c) għandu jiddaħħal u jinqara kif ġej: “Fl-ewwel kwart ta’ kull sena kalendarja, id-Direttur għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni annwali tal-prestazzjoni. L-objettiv tal-valutazzjoni annwali huwa li tivvaluta l-kompetenza, l-effiċjenza, u l-imġiba fis-servizz tad-Direttur u li taġġusta d-Deskrizzjoni tal-Impjieg, kif meħtieġ. Rappreżentant tal-Parti Kontraenti li jkollha l-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali fis-sena ta’ qabel il-valutazzjoni, kif ukoll rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, għandhom jaġixxu bħala relaturi. Id-Direttur għandu jistabbilixxi awtovalutazzjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara, li sussegwentement tiġi diskussa maż-żewġ evalwaturi. Fi żmien 4 ġimgħat, l-evalwaturi jfasslu rapport li jiġi nnotifikat bil-miktub lid-Direttur u ċċirkolat għall-informazzjoni lill-Kunsill Ministerjali. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil mar-rapport, id-Direttur jista’ jitlob lill-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali biex terġa’ tikkunsidrah. Il-Presidenza għandha debitament timmotiva l-opinjoni tagħha bil-miktub u tinforma lill-Kunsill Ministerjali”.
(12)It-Taqsima 4.9.c) (“Perjodi ta’ Ħatra/Estensjoni”) għandha tiżdied u tinqara kif ġej:
–“Il-ħatra tad-Direttur tista’ tiġġedded darba għal terminu fiss ta’ 5 snin. Dan għandu jiġi indikat fil-Ftehim dwar l-Impjieg tiegħu.”.
(13)Fit-Taqsima 4.10. (“Perjodu ta’ prova”):
–Is-subparagrafu a) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-ħatriet tal-membri tal-persunal għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ prova ta’ 6 xhur skont ir-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku għall-Persunal tas-Segretarjat u għall-kundizzjonijiet li għandhom jiġu speċifikati fil-Ftehim dwar l-Impjieg.”;
–Għandu jiżdied subparagrafu ġdid wara s-subparagrafu a) u jinqara kif ġej: “Id-Direttur għandu jservi perjodu ta’ prova ta’ 6 xhur. Wara valutazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur fi tmiem il-perjodu ta’ prova f’konformità mar-regoli stabbiliti fit-Taqsima 4.8.c), il-Kunsill Ministerjali għandu jiddeċiedi li jikkonferma jew itemm il-Ftehim dwar l-Impjieg għad-Direttur f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 88 tat-Trattat. Kwalunkwe Membru tal-Kunsill Ministerjali jista’ jinforma lill-Kunsill Ministerjali bil-fehmiet tiegħu bil-miktub mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ prova ta’ sitt xhur. B’deroga mit-Taqsima V 23—25 (sentenzi 1 u 2) tal-Att Proċedurali 2006/01/MC-EnC dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura interni tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija, kif emendati, id-Direttur jista’ jagħti bidu għal deċiżjoni permezz ta’ korrispondenza fi żmien 10 ijiem kalendarji qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ prova ta’ 6 xhur abbażi tal-evalwazzjoni. It-Taqsima 4.10h) ma tapplikax”.
(14)It-Taqsima 9.1.a) (“Salarji”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:
–“Id-Direttur, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, għandu jistabbilixxi skala ta’ salarji kompetittiva li tikkorrispondi għall-klassifikazzjoni ta’ karigi fis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija. L-iskala tas-salarji għandha tinkludi l-possibbiltà ta’ promozzjonijiet. Dan għandu jiġi propost mill-Kummissjoni Ewropea u għandu jiġi approvat mill-Kunsill Ministerjali bħala parti mill-proposta tal-baġit rilevanti, skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 88 tat-Trattat.”.
(15)Għandha tiddaħħal Taqsima ġdida (“Liv tal-Ġenituri”) wara t-Taqsima 10.4. u tinqara kif ġej:
–“Kwalunkwe membru tal-persunal għandu jkun intitolat għal massimu ta’ 6 xhur liv tal-ġenituri mingħajr salarju bażiku għal kull wild, li għandhom jittieħdu matul l-ewwel 12-il sena wara t-twelid jew l-adozzjoni tal-wild. It-tul tal-liv jista’ jiġi rduppjat għal ġenituri waħedhom. Il-liv minimu meħud fi kwalunkwe ħin ma għandux ikun inqas minn xahar.”.
(16)It-Taqsima 10.7 (“Liv speċjali mhux imħallas”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:
–Il-membri tal-persunal jistgħu jingħataw liv speċjali mingħajr ħlas. Id-Direttur, u l-Presidenza tal-Kunsill Ministerjali, fir-rigward tad-Direttur, għandhom jiddeċiedu dwar il-kondizzjonijiet u l-perjodu ta’ liv speċjali mhux imħallas f’kull każ individwali abbażi tal-applikazzjoni rilevanti.”.
(17)Fit-Taqsima 12.1 (“Parteċipazzjoni/Skemi Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali”):
–Is-subparagrafu a) għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Il-membri tal-persunal huma responsabbli għal li jagħmlu arranġamenti, bi spejjeż tagħhom stess, għal assigurazzjoni tas-saħħa u tal-pensjoni xierqa mill-ewwel jum tal-ħatra, soġġett għall-punt c) hawn taħt. Il-membri tal-persunal għandhom jinfurmaw lid-Direttur, u lill-Presidenza, fir-rigward tad-Direttur, bil-miktub dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa tagħhom fi żmien xahar mid-data tal-ħatra.”;
–Is-subparagrafu c) għandu jiżdied u jinqara kif ġej: “L-Impjegatur jista’ jikkumpensa lill-membri tal-persunal għal sehem fiss tal-kostijiet tal-assigurazzjoni tas-saħħa tagħhom. Tali kumpens għandu jiġi approvat bħala parti mill-proposta tal-baġit rilevanti.”.
(18)It-Taqsima 13 (“Appell tal-Persunal”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:
–“Il-membri tal-persunal jistgħu jinnotifikaw bil-miktub lid-Direttur, jew lill-President u lill-Viċi President tal-PHLG fl-eventwalità li lment jikkonċerna lid-Direttur, kull meta l-Membru tal-persunal iqis li jkun ġie ttrattat b’mod li ma jkunx konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, mar-regoli dwar ir-reklutaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ekwilibriju ġeografiku jew regoli rilevanti oħra jew li jkun ġie soġġett għal trattament inġustifikabbli jew inġust minn superjur.”
(19)It-Taqsima 14 (“Kumitat tal-Arbitraġġ”) għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:
–“Kwalunkwe tilwima bejn l-Impjegatur u Membru tal-Persunal dwar dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tista’, l-ewwel nett, tiġi sottomessa mid-Direttur jew mill-Membru tal-Persunal lil Kumitat tal-Arbitraġġ. Il-Kumitat tal-Arbitraġġ għandu jkun magħmul minn:
– Espert fil-liġi tax-xogħol indipendenti u ta’ esperjenza nominat mill-Parti Kontraenti li jkollha l-Presidenza meta jiltaqa’ l-Kumitat tal-Arbitraġġ;
– Espert fil-liġi tax-xogħol indipendenti u ta’ esperjenza maħtur mill-Parti Kontraenti li se jkollha l-Presidenza għat-terminu li jmiss;
– Espert fil-liġi tax-xogħol indipendenti u ta’ esperjenza maħtur mill-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi bħala l-President tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ.
Il-lista ta’ esperti nominati għandha tiġi adottata mill-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli b’maġġoranza sempliċi għal perjodu ta’ 5 snin. Qabel ma jieħu d-deċiżjoni tiegħu, il-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli jista’ jirrifjuta esperti abbażi tan-nuqqas ta’ indipendenza jew ta’ għarfien espert u jitlob nomina mill-ġdid mill-parti li tinnomina.
Il-Kumitat tal-Arbitraġġ għandu jiddeċiedi b’maġġoranza. Il-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli għandu jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-Kumitat tal-Arbitraġġ permezz ta’ Att Proċedurali. Il-Kumitat tal-Arbitraġġ għandu jipproteġi d-data personali tal-Membri tal-Persunal kollha kkonċernati.”
(20)It-Taqsima 15 (“Soluzzjoni tat-Tilwim”) għandha tingħata isem ġdid u tiġi sostitwita b’dan li ġej:
–“Proċedura ta’ Appell:
Wara deċiżjoni mogħtija mill-Kumitat tal-Arbitraġġ stabbilit taħt it-Taqsima 14, il-Membru tal-Persunal jista’ jressaq it-tilwima għall-attenzjoni tal-Kunsill Ministerjali. Il-Kunsill Ministerjali għandu jiddeċiedi b’maġġoranza sempliċi wara li jisma’ lid-Direttur u lill-Membru tal-Persunal. Id-Deċiżjoni għandha tkun motivata u għandha tipproteġi d-data personali tal-Membri tal-Persunal kollha kkonċernati.
Il-Kunsill Ministerjali għandu jiddeċiedi dwar it-tilwima f’konformità ma’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jew regoli rilevanti oħra.
Il-Proċedura tal-Appell għandha ssir fi Vjenna jew online, u l-lingwa ta’ dawn il-proċedimenti għandha tkun l-Ingliż.
Il-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli jista’ jistabbilixxi regoli ulterjuri dwar il-Proċedura tal-Appell.”
Artikolu 2
Emendi għall-Att Proċedurali 2006/02/MC-EnC dwar l-adozzjoni tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, kif emendat bl-Att Proċedurali 2016/01/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC
(1)Taqsima II. 9 għandu jitħassar.
(1)It-Taqsima II.10. għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:
–“Fi żmien 7 ijiem wara l-laqgħa tal-Kunsill Ministerjali, abbażi tad-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill Ministerjali rrappreżentat mill-Presidenza għandu joħroġ Att ta’ Ħatra li jkun fih Ftehim dwar l-Impjieg, li għandu jiġi ffirmat mid-Direttur. L-abbozz tal-Att tal-Ħatra għandu jiġi inkluż fl-anness għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ministerjali dwar il-ħatra tad-Direttur. Il-Ftehim dwar l-Impjieg għandu jinkludi l-elementi elenkati fil-punt 4.4(b) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija kif ukoll id-deskrizzjoni tal-impjieg tad-Direttur u referenza għar-regoli dwar il-perjodu ta’ prova stabbiliti fil-punt 4.10b) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija. Il-ħatra tad-Direttur għandha tidħol fis-seħħ mid-data li fiha d-Direttur jiffirma l-Ftehim dwar l-Impjieg tiegħu.”
(2)It-Taqsima II.1 għandha tiġi emendata biex tinqara kif ġej:
–“Id-Direttur jista’ jassenja l-funzjoni ta’ Viċi Direttur lil wieħed mill-kapijiet ta’ unità eżistenti fis-Segretarjat. Id-Direttur għandu jiddefinixxi l-kompiti tal-Viċi Direttur.”
(3)Fit-Taqsima III. 9:
–Is-subparagrafu 9.2 għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Matul is-6 xahar ta’ kwalunkwe perjodu ta’ prova, is-superjur dirett tal-membru tal-persunal għandu jfassal rapport dwar il-kompetenza, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu. Ir-rapport għandu jirrakkomanda:
(a)li tiġi kkonfermata l-ħatra tal-uffiċjal;
(b)li l-perjodu ta’ prova tiegħu jiġi estiż għal massimu ta’ 6 xhur oħra;
(c)li l-ħatra tiegħu tintemm.”.
–Is-subparagrafu 9.3 għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: “Ir-rapport għandu jiġi trażmess qabel l-aħħar tas-6 xahar lid-Direttur għal deċiżjoni.”.
(4)Għandha tiżdied Taqsima ġdida wara t-Taqsima III.11. u għandha taqra kif ġej:
–“Id-Direttur għandu jservi perjodu ta’ prova ta’ 6 xhur. Għandha tapplika l-proċedura stabbilita fit-Taqsima 4.10.b) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija.”.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikabbiltà
(1)Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ mal-adozzjoni.
(2)Id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendati b’dan l-Att Proċedurali, li jikkonċernaw lid-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandhom japplikaw għad-Direttur attwali mad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att Proċedurali ħlief għat-Taqsima 4.1. dwar il-ħatra tad-Direttur, l-aħħar sentenza tat-Taqsima 4.5.b) dwar id-definizzjoni tad-deskrizzjoni tal-impjieg fil-Ftehim dwar l-Impjieg u t-Taqsima 4.10.b) dwar il-perjodu ta’ prova tad-Direttur.
It-tieni sentenza tat-Taqsima 4.4.a) dwar il-Ftehim dwar l-Impjieg għandha tapplika għad-Direttur attwali mad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att Proċedurali billi jiġu inklużi l-kundizzjonijiet għall-impjieg fl-Att tal-Ħatra maħruġ mill-Presidenza li tirrappreżenta lill-Kunsill Ministerjali.
Skont it-Taqsima 3.3. tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija, id-Direttur għandu, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2024, jissottometti lill-Kunsill Ministerjali l-ewwel dikjarazzjoni ta’ integrità li tistabbilixxi kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.
Id-Direttur għandu, sa tmiem l-2024, jipprovdi l-ewwel rapport lill-Kunsill Ministerjali dwar l-attivitajiet tiegħu li jsiru barra mill-Komunità tal-Enerġija. Ir-rapport jista’ jiġi pprovdut bil-fomm jew bil-miktub.
(3)Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, kif emendati b’dan l-Att Proċedurali, li jikkonċernaw lid-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandhom japplikaw għad-Direttur attwali mad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att Proċedurali ħlief għar-Regola II.9 dwar ir-reklutaġġ tad-Direttur u r-Regola III.12 dwar il-perjodu ta’ prova għad-Direttur.
Artikolu 4
Is-Segretarjat għandu jagħmel dan l-Att Proċedurali disponibbli għall-Partijiet u għall-istituzzjonijiet kollha skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fi żmien 7 ijiem wara l-adozzjoni tiegħu.
Magħmul fi Vjenna, fil-
Għall-Kunsill Ministerjali
………………
Il-Presidenza
ADDENDUM 2 TAL-ANNESS
L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-ENC
TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
dwar l-emenda tal-Att Proċedurali 2021/01/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit
IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, u b’mod partikolari l-Artikoli 73, 74, 86 u 88 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tal-XX.12.2023,
Wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 25 tal-proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni, kif emendati bl-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC,
Billi l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 għandu jiġi emendat biex jiġi aġġustat il-livell tas-salarju tad-Direttur, sabiex jinġieb f’livell proporzjonat mar-responsabbiltà mwettqa u l-kompiti eżegwiti taħt dan il-baġit,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
(1)B’effett mill-1 ta’ Jannar 2022, il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija li jkopri s-snin finanzjarji 2022 u 2023, kif stabbilit fl-Anness tal-Att Proċedurali 2021/01/MC-EnC, għandu jiġi emendat kif ġej:
–l-iskali tas-salarji 2022-2023 stabbiliti fil-punt 12 (Pjan ta’ Stabbiliment 2022-2023) tal-Anness għall-Att Proċedurali 2021/01/MC-EnC għandhom jipprovdu salarju full-time kull xahar tad-Direttur iffissat għal EUR 13 567 fl-2022 u EUR 14 381 fl-2023;
–il-punt 8 (Dikjarazzjoni tan-nefqa 2022-2023) u l-punt 9 (Dettalji tad-dikjarazzjoni tan-nefqa 2022-2023) tal-Anness tal-Att Proċedurali 2021/01/MC-EnC għandhom jiġu emendati bix-xieraq biex jirriflettu s-salarju annwali full-time tad-Direttur, kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu, fil-linja tal-baġit “Riżorsi Umani” u n-nefqa totali 2022-2023.
(2)Ir-rimborż tad-differenza bejn l-ammonti mħallsa qabel u r-rati aġġornati elenkati fl-ewwel subparagrafu għall-2022 u l-2023 għandu jitlesta fi żmien 30 jum wara l-adozzjoni ta’ dan l-Att Proċedurali.
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Partijiet u lill-istituzzjonijiet kollha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija.
Artikolu 3
(1)Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ mal-adozzjoni.
(2)Id-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandu jagħmel dan l-Att Proċedurali disponibbli għall-Partijiet u għall-istituzzjonijiet kollha skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija fi żmien 7 ijiem wara l-adozzjoni tiegħu.
Magħmul fi Vjenna, fil-
Għall-Kunsill Ministerjali
………………
Il-Presidenza
ADDENDUM 3 TAL-ANNESS
L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-EnC
TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
dwar l-emendar tal-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC dwar il-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija
IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija u b’mod partikolari l-Artikoli 69 u 88 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tal-XX.12.2023,
Wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC li ħatar lis-Sur Artur Lorkowski bħala d-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għal perjodu ta’ 3 snin, li jibda fl-1 ta’ Diċembru 2021,
Wara li kkunsidra l-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC li estenda t-tul tal-mandat tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għal 5 snin, li ma jistax jiġġedded aktar minn darba, u applika dan il-mandat estiż għall-ewwel mandat tad-Direttur attwali,
Wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC dwar il-ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, li ffissa r-remunerazzjoni grossa annwali tad-Direttur li għadu kif inħatar għal EUR 116 532,
Billi l-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC emenda l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 biex jaġġusta l-livell tas-salarju tad-Direttur, sabiex jinġieb f’livell proporzjonat mar-responsabbiltà mwettqa u l-kompiti eżegwiti taħt dan il-baġit,
Billi għandha sseħħ żieda progressiva fis-salarju għad-Direttur taħt il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija 2024-2025, adottat skont l-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC, soġġett għal evalwazzjoni annwali pożittiva tal-prestazzjoni,
Billi huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC biex jiġi żgurat li jkun allinjat mal-Baġit emendat tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 u mal-Baġit il-ġdid għas-snin 2024-2025,
Wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija tat-18 ta’ Diċembru 2007 u l-Att Proċedurali 2006/02/MC-EnC dwar l-adozzjoni tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali fir-rigward tal-applikabbiltà tiegħu għall-ewwel mandat tad-Direttur attwali tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija,
Billi l-Att tal-Ħatra tad-Direttur attwali tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, maħruġ mill-Presidenza fid-29 ta’ Diċembru 2021, jenħtieġ li jiġi emendat ukoll kif stabbilit fl-Anness biex jirrifletti t-tul ta’ żmien emendat tal-mandat tad-Direttur u s-salarju aġġustat, u biex jinkludi l-kundizzjonijiet tal-impjieg li japplikaw sal-iskadenza tal-ewwel mandat tad-Direttur attwali,
Billi l-Att emendat tal-Ħatra għandu jinħareġ mill-Kunsill Ministerjali rappreżentat mill-Presidenza fid-data tal-adozzjoni ta’ dan l-Att Proċedurali,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
(1)L-Artikolu 1 tal-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
–“Il-Kunsill Ministerjali jaħtar lis-Sur Artur Lorkowski bħala Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għal perjodu ta’ 5 snin, li ma jistax jiġġedded aktar minn darba, li jibda fl-1 ta’ Diċembru 2021.”
(2)L-Artikolu 2 tal-Att Proċedurali 2021/02/MC-EnC għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
–“Il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol tad-Direttur għandhom jiġu ddeterminati mir-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni l-aktar reċenti tagħhom u l-Att tal-Ħatra li jinkludi l-kundizzjonijiet tal-impjieg applikabbli sa tmiem il-mandat. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2022, is-salarju full-time tad-Direttur għal kull xahar għandu jiġi ddeterminat f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija u l-ammont tiegħu għandu jiġi ffissat kif stabbilit fil-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 skont l-Att Proċedurali 2021/1/MC-EnC kif emendat bl-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC, għas-snin 2024-2025 skont l-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2024-2025 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit, u għas-sena 2026 kif determinat mill-Att Proċedurali futur li jistabbilixxi l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2026-2027 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit.”
Artikolu 2
L-Att dwar il-Ħatra tad-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, li jemenda l-Att tal-Ħatra tad-29 ta’ Diċembru 2021 u li fih il-kundizzjonijiet tal-impjieg, kif stabbiliti fl-Anness għal dan l-Att Proċedurali, għandu jinħareġ mill-Presidenza li tirrappreżenta lill-Kunsill Ministerjali fil-jum tal-adozzjoni ta’ dan l-Att Proċedurali.
Artikolu 3
Is-Segretarjat għandu jagħmel dan l-Att Proċedurali disponibbli għall-Partijiet u għall-istituzzjonijiet kollha skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija fi żmien 7 ijiem wara l-adozzjoni tiegħu.
Artikolu 4
Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ mal-adozzjoni.
Magħmul fi Vjenna, fil-
Għall-Kunsill Ministerjali
…………..
Il-Presidenza
Anness
Att tal-Ħatra
li jemenda l-Att tal-Ħatra tad-29 ta’ Diċembru 2021
Skont ir-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat adottati mill-Kunsill Ministerjali permezz tal-Att Proċedurali 2006/02/MC-EnC, kif emendat bl-Att Proċedurali 2016/01/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC, kif annessi hawnhekk
(1)L-isem tal-impjegatur: Energy Community, Am Hof 4, 1010 Vjenna, L-Awstrija
(2)L-isem tal-impjegat: Artur Lorkowski
(3)Id-Data tal-Ħatra: 1 ta’ Diċembru 2021
(4)L-Iskadenza tal-Ħatra: 30 ta’ Novembru 2026
(5)Titolu: Direttur
(6)L-istazzjon tax-xogħol: Vjenna, L-Awstrija
(7)Kundizzjonijiet tax-xogħol:
Kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal u r-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat, kif emendati.
(8)Salarju:
F’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunità tal-Enerġija u kif stabbilit fil-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2022-2023 skont l-Att Proċedurali 2021/1/MC-EnC kif emendat mill-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC, għas-snin 2024-2025 skont l-Att Proċedurali 2023/XX/MC-EnC, u għas-sena 2026 kif determinat mill-Att Proċedurali li jistabbilixxi l-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2026-2027.
(9)Deskrizzjoni tal-impjieg:
(a)L-evalwazzjoni annwali tal-prestazzjoni tad-direttur se titwettaq f’konformità mal-Artikolu 4.8 tar-Regolamenti tal-Persunal, abbażi tad-deskrizzjoni tal-impjieg ta’ hawn taħt li tkopri mill-inqas il-kompiti li ġejjin:
(a)L-iżvilupp u l-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tal-attivitajiet tas-Segretarjat fuq medda qasira u twila ta’ żmien skont il-mandat tiegħu, kif stabbilit fl-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija,
(b)L-iżgurar tal-ippjanar u l-ġestjoni effettivi tar-riżorsi umani, inklużi l-allokazzjoni u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, il-motivazzjoni tal-persunal, it-trawwim ta’ spirtu ta’ tim tajjeb kif ukoll il-ħolqien u ż-żamma ta’ ambjent tax-xogħol bilanċjat u produttiv,
(c)L-iżgurar tal-ippjanar, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni effettivi tal-baġit skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u r-regoli baġitarji,
(d)L-iżgurar tar-rappreżentanza tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tal-Enerġija, kif ukoll f’ambjent estern.
(b)Din id-deskrizzjoni tal-impjieg għandha tiġi diskussa mad-Direttur matul l-evalwazzjoni annwali tal-prestazzjoni u, abbażi tal-eżitu tagħha, tiġi aġġustata jekk ikun meħtieġ.
Presidenza tal-Komunità tal-Enerġija
Magħmul fi Vjenna, fil-
ADDENDUM 4 TAL-ANNESS
ATT PROĊEDURALI TAL-
KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
2023/XX/MC-EnC: Dwar l-adozzjoni tal-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għas-snin 2024-2025 u dwar il-kontribuzzjonijiet mill-Partijiet għall-baġit
Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija, u b’mod partikolari l-Artikoli 73, 74, 86 u 88 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea ta’ XX.12.2023 lill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija għall-perjodu 2024-2025,
Wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 25 tal-proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni,
Billi l-Kunsill Ministerjali għandu jadotta baġit biannwali li jkopri l-ispejjeż operazzjonali tal-Komunità tal-Enerġija meħtieġa għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet tiegħu,
Billi kull Parti għandha tikkontribwixxi għall-baġit tal-Komunità tal-Enerġija kif stipulat fl-Anness IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Baġit tal-Komunità tal-Enerġija li jkopri s-snin finanzjarji 2024 u 2025 kif stabbilit fl-Anness huwa b’dan adottat.
Artikolu 2
B’effett mill-1 ta’ Jannar 2024, il-kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-Komunità tal-Enerġija mill-Partijiet huma stabbiliti fl-Anness tal-Att Proċedurali attwali.
Artikolu 3
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Partijiet u lill-istituzzjonijiet kollha taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija.
Artikolu 4
Id-Direttur tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija għandu jagħmel dan l-Att Proċedurali u l-Anness tiegħu disponibbli għall-Partijiet u għall-istituzzjonijiet kollha skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija fi żmien 7 ijiem wara l-adozzjoni tiegħu.
Magħmul fi Vjenna fil-
Għall-Kunsill Ministerjali
……………
Il-Presidenza
ADDENDUM 5 TAL-ANNESS
ATT PROĊEDURALI 2023/xx/MC-EnC TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
dwar l-adozzjoni tal-Organigramma tas-Segretarjat
Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (it-Trattat), u b’mod partikolari l-Artikoli 67 u 68 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Att Proċedurali 2006/02/MC-EnC tas-17 ta’ Novembru 2006 dwar l-adozzjoni tar-Regoli għar-Reklutaġġ, il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u l-Ekwilibriju Ġeografiku tal-Persunal tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija,
kif emendat mill-Att Proċedurali 2016/01/MC-EnC tal-14 ta’ Ottubru 2016,
kif emendat mill-Att Proċedurali tal-Kunsill Ministerjali 2022/02/MC-EnC tal-15 ta’ Diċembru 2022, u b’mod partikolari l-Punt III.2 tiegħu,
Billi:
(1)Il-Kunsill Ministerjali għandu jadotta l-Organigramma tas-Segretarjat, abbażi ta’ proposta tad-Direttur tas-Segretarjat;
(2)L-Organigramma tas-Segretarjat applikabbli bħalissa tmur lura għall-15 ta’ Diċembru 2022 u għandha tiġi aġġornata.
Wara li kkunsidra l-proposta magħmula mid-Direttur tas-Segretarjat,
ADOTTA DAN L-ATT PROĊEDURALI:
Artikolu Uniku
(1)L-Organigramma tas-Segretarjat annessa ma’ dan l-Att Proċedurali hija b’dan adottata u applikabbli mill-1 ta’ Jannar, 2024.
(2)Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tiegħu.
Magħmul fi Vjenna fi
Għall-Kunsill Ministerjali
Il-Presidenza
Anness: Organigramma tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija mill-1 ta’ Jannar, 2024
ADDENDUM 6 TAL-ANNESS
L-ATT PROĊEDURALI 2023/XX/MC-EnC
TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
dwar l-emendar tal-Att Proċedurali 2006/03/MC-EnC dwar l-adozzjoni tal-Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni, kif emendat bl-Att Proċedurali 2014/01/MC-EnC u l-Att Proċedurali 2022/02/MC-EnC
IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija (“it-Trattat”), u b’mod partikolari l-Artikolu 74 l-Artikolu 88 tiegħu,
Billi r-Regoli Baġitarji tal-Komunità tal-Enerġija jirrikjedu li d-Direttur jingħata s-setgħa li jirrappreżenta u jaġixxi f’isem il-Komunità tal-Enerġija għall-fini tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija u l-operazzjoni ta’ rutina tiegħu, b’mod partikolari fl-interazzjoni tiegħu mal-banek,
Wara li kkunsidra l-proposta mis-Segretarjat,
ADOTTA DAN L-ATT PROĊEDURALI:
Artikolu 1
L-Artikolu 31 għandu jiġi mmodifikat u għandu jinqara kif ġej:
“Id-Direttur għandu jwettaq id-dmirijiet ta’ uffiċjal awtorizzanti matul il-mandat tiegħu. Huwa għandu jimplimenta l-baġit f’konformità mar-regoli applikabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija skont l-Artikolu 74 tat-Trattat, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati. B’mod partikolari, id-Direttur huwa awtorizzat biex jiftaħ u jagħlaq kontijiet tal-Komunità tal-Enerġija fi kwalunkwe bank fl-Unjoni Ewropea, biex jopera tali kontijiet, inkluż billi jagħti bidu għal ordnijiet tal-ħlas, trasferimenti tal-kapital u kwalunkwe tranżazzjoni bankarja meħtieġa oħra u biex jeżegwixxi kwalunkwe riżoluzzjoni bankarja fir-rigward ta’ dawn il-kontijiet li tista’ tkun meħtieġa, inkluż l-iffirmar ta’ dokumenti, strumenti u dikjarazzjonijiet finanzjarji fil-qafas tat-tħaddim ta’ tali kontijiet għall-fini tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Komunità tal-Enerġija u l-operazzjoni ta’ rutina tiegħu.
Id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat tal-Baġit dwar il-ftuħ u l-għeluq tal-kontijiet.”
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan l-Att Proċedurali għandu jidħol fis-seħħ mal-adozzjoni.
Magħmul fi Vjenna, fil-
Għall-Kunsill Ministerjali
………………
Il-Presidenza
ADDENDUM 7 TAL-ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
D/2023XX/MC-EnC: Dwar il-Kwittanza finanzjarja tad-Direttur tas-Segretarjat
Il-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija,
Wara li kkunsidra l-Att Proċedurali li jistabbilixxi Proċeduri tal-Komunità tal-Enerġija għall-Istabbiliment u l-Implimentazzjoni tal-Baġit, l-Awditjar u l-Ispezzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 83 tiegħu,
Wara li eżamina r-Rapport dwar l-Awditjar tar-Rapporti Finanzjarji tal-Komunità tal-Enerġija għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2022 kif ukoll id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-awdituri,
B’kont meħud tal-osservazzjonijiet tal-Kumitat tal-Baġit u r-rapport rilevanti,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI,
Artikolu 1
Id-Direttur kurrenti tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, is-Sur Artur Lorkowski, huwa rilaxxat mir-responsabbiltà ta’ ġestjoni u amministrattiva tiegħu fir-rigward tal-baġit għall-perjodu tal-1 ta’ Jannar – 31 ta’ Diċembru 2022.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmula fi Vjenna fil-
Għall-Kunsill Ministerjali
………………
Il-Presidenza