Brussell, 30.11.2023

COM(2023) 777 final

2023/0452(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament (UE) 2021/1232 (“ir-Regolament interim”) 1 jistabbilixxi regoli temporanji u strettament limitati li jidderogaw minn ċerti obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2002/58/KE (“id-Direttiva dwar l-ePrivatezza”), bl-objettiv uniku li jippermetti lill-fornituri ta’ ċerti servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jużaw teknoloġiji speċifiċi għall-ipproċessar tad-data personali u data oħra sal-punt strettament meħtieġ biex jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom u jirrappurtawh u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal online mis-servizzi tagħhom.

Kif spjegat fil-Premessa 10 tiegħu, ir-Regolament Interim huwa intenzjonat biex jipprovdi soluzzjoni temporanja sakemm jiġi adottat qafas legali fit-tul biex jiġi indirizzat l-abbuż sesswali tat-tfal fil-livell tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 10, it-tieni subparagrafu tiegħu, ir-Regolament Interim se jiskadi fit-3 ta’ Awwissu 2024.

Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal 2 , li l-Kummissjoni adottat fl-11 ta’ Mejju 2022, għandha l-għan li tipprovdi dak il-qafas legali fit-tul.

In-negozjati interistituzzjonali dwar ir-Regolament propost fit-tul għadhom ma ġewx konklużi u mhuwiex ċert li se jiġu konklużi b’mod li r-Regolament fit-tul jkun jista’ jidħol fis-seħħ u jkun japplika qabel ma jiskadi r-Regolament Interim. Għalhekk, huwa meħtieġ li permezz ta’ din il-proposta tiġi introdotta estensjoni ta’ żmien limitat għar-Regolament Interim, biex tippermetti l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet volontarji msemmija hawn fuq matul perjodu ta’ żmien ta’ tul suffiċjenti biex in-negozjati interistituzzjonali tar-Regolament fit-tul ikunu jistgħu jiġu konklużi. Dan se jiżgura li l-abbuż sesswali tat-tfal online jista’ jiġi miġġieled b’mod effettiv u legali mingħajr interruzzjonijiet sakemm jintlaħaq qbil dwar ir-reġim fit-tul maħluq mir-Regolament propost.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta twettaq l-impenji li saru fl-Istrateġija tal-UE għal Ġlieda Aktar Effettiva Kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal, b’mod partikolari bil-proposta ta’ leġiżlazzjoni li tindirizza l-abbuż sesswali tat-tfal online b’mod effettiv. Il-qafas legali kurrenti tal-UE f’dan il-qasam jikkonsisti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-abbuż sesswali tat-tfal, bħad-Direttiva dwar l-Abbuż Sesswali tat-Tfal, u r-Regolament Interim, li japplika sat-3 ta’ Awwissu 2024.

Il-leġiżlazzjoni proposta tikkomplementa l-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal 3 , li għandha l-għan li toħloq esperjenzi diġitali sikuri għat-tfal u li tippromwovi l-emanċipazzjoni diġitali.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament Interim, għal perjodu limitat ta’ żmien, mingħajr ma temenda b’xi mod ieħor dak ir-Regolament.

Konsegwentement, kif inhu l-każ tar-Regolament Interim kif inhu qabel l-emenda proposta issa, l-approċċ inkorporat fih jibni fuq ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 4 (GDPR). Kif spjegat fil-Premessi 12 u 15 kif ukoll fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Interim, il-GDPR japplika u ma jiġix affettwat mir-Regolament Interim. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti fil-GDPR iridu jkomplu jiġu rrispettati, inklużi dawk dwar il-legalità tal-ipproċessar (l-Artikolu 6). Fil-prattika, il-fornituri għandhom it-tendenza li jinvokaw diversi raġunijiet għall-proċessar previsti fil-GDPR sabiex iwettqu l-proċessar ta’ data personali inerenti fl-identifikazzjoni u fir-rapportar volontarji ta’ abbuż sesswali tat-tfal online.

Il-proposta, kif inhu l-każ għar-Regolament Interim kif inhu, tkopri fornituri li joffru servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri u għalhekk huma soġġetti għal dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva dwar l-ePrivatezza 5 u r-reviżjoni proposta tagħha li bħalissa qed tiġi negozjata 6 , li magħhom it-tnejn il-proposta hija koerenti.

Il-proposta hija koerenti wkoll mal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) 7 . Ir-Regolament Interim, kif għandu jiġi estiż, jikkomplementa l-qafas orizzontali tad-DSA, li jistabbilixxi regoli speċifiċi fejn meħtieġ għall-każ partikolari tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta huma l-Artikolu 16 u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Dawn id-dispożizzjonijiet huma wkoll il-bażiji legali tar-Regolament Interim.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-UE tista’ tieħu azzjoni biss jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jintlaħqu mill-Istati Membri waħedhom. L-intervent tal-UE huwa meħtieġ biex tinżamm il-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri biex b’mod volontarju jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll biex ikomplu jiżguraw qafas legali uniformi u koerenti għall-attivitajiet inkwistjoni fis-suq intern kollu, kif previst mir-Regolament Interim. L-estensjoni limitata taż-żmien tar-Regolament Interim tista’ tiġi adottata biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea billi l-proposta mhix se tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti. Din tintroduċi estensjoni limitata taż-żmien għad-deroga mmirata u temporanja fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-bidliet fil-qafas attwali sabiex jiġi żgurat li ċerti miżuri jibqgħu permissibbli sal-punt li attwalment jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.

It-tul tal-estensjoni huwa limitat għal dak il-perjodu ta’ żmien strettament meħtieġ biex tiġi adottata l-leġiżlazzjoni fit-tul, kif jista’ jiġi vvalutat b’mod raġonevoli fil-preżent b’kont meħud b’mod partikolari tal-istat attwali tan-negozjati u l-elezzjonijiet li ġejjin tal-Parlament Ewropew.

Għażla tal-istrument

L-għanijiet ta’ din il-proposta jistgħu jiġu segwiti l-aħjar permezz ta’ Regolament, peress li l-att li huwa emendat, jiġifieri r-Regolament Interim, huwa wkoll Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Fid-dawl tal-objettiv tal-politika u n-natura tal-kwistjoni li hija sensittiva għall-fattur taż-żmien, ma hemm disponibbli l-ebda alternattiva oħra ta’ politika materjalment differenti, u għalhekk ma hija meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt. B’mod partikolari, din il-miżura għandha l-intenzjoni li tintroduċi estensjoni limitata taż-żmien għad-deroga interim u strettament limitata mill-applikabbiltà tal-Artikolu 5(1) u 6 tad-Direttiva dwar l-ePrivatezza biex tiżgura li l-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jkunu jistgħu jkomplu jużaw b’mod volontarju teknoloġiji speċifiċi biex jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom, u biex ikunu jistgħu jneħħu tali materjal dwar abbuż sesswali tat-tfal minn fuq is-servizzi tagħhom wara t-3 ta’ Awwissu 2024, sakemm tiġi adottata l-leġiżlazzjoni li tibqa’ valida fit-tul.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tqis bis-sħiħ id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”).

Il-miżuri proposti huma konformi mal-Artikolu 7 tal-Karta, li jipproteġi d-dritt fundamentali ta’ kulħadd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet tiegħu jew tagħha, u jinkludi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. Barra minn hekk, sa fejn l-ipproċessar tal-komunikazzjonijiet elettroniċi mis-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-iskop uniku tal-identifikazzjoni u r-rapportar tal-abbuż sesswali tat-tfal online u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga maħluqa minn din il-proposta, il-GDPR, li jimplimenta l-Artikolu 8(1) tal-Karta fil-leġiżlazzjoni sekondarja, li jipprevedi li kulħadd igawdu d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, jibqa’ japplika għal tali pproċessar.

Flimkien ma’ dan, il-proposta hija konformi mal-Artikolu 24(2) tal-Karta li jipprevedi li, fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja. Tikkonforma wkoll mal-Artikoli 1, 3 u 4 tal-Karta, dwar id-drittijiet għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-integrità tal-persuna u l-projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti, rispettivament, meta jitqies li l-abbuż sesswali tat-tfal jista’ jinterferixxi (b’mod gravi) ma’ dawn id-drittijiet fundamentali tat-tfal involuti.

Fl-aħħar nett, billi tagħmilha possibbli, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet xierqa, għall-fornituri li jieħdu miżuri volontarji biex jindirizzaw l-użu ħażin possibbli tas-servizzi tagħhom, il-proposta tqis ukoll il-libertà ta’ intrapriża tagħhom, garantita skont l-Artikolu 16 tal-Karta.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-emenda għar-Regolament Interim li ġab miegħu r-Regolament preżenti, li tikkonsisti f’estensjoni limitata tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament Interim. Dik hija l-unika emenda li saret għar-Regolament Interim.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament preżenti.

2023/0452 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE għall-fini tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), flimkien mal-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 8 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9  jipprevedi reġim temporanju fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn ċerti fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali disponibbli pubblikament għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online, sakemm jitħejja u jiġi adottat qafas legali validu għat-tul. Dan ir-Regolament japplika sat-3 ta’ Awwissu 2024.

(2)Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal 10 , għandha l-għan li tipprovdi dak il-qafas legali fit-tul. Madankollu, in-negozjati interistituzzjonali dwar dik il-proposta għadhom ma ġewx konklużi u mhuwiex ċert jekk humiex se jiġu konklużi fil-ħin fejn jidħol il-qafas legali fit-tul, inkluż kwalunkwe emenda għar-Regolament (UE) 2021/1232 li jista’ jkun fiha, li għandu jiġi adottat, biex jidħol fis-seħħ u japplika qabel it-3 ta’ Awwissu 2024.

(3)Huwa importanti li l-abbuż sesswali tat-tfal online jkun jista’ jiġi miġġieled b’mod effettiv, f’konformità mar-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, inklużi l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1232, mingħajr interruzzjonijiet sakemm jiġu konklużi dawk in-negozjati interistituzzjonali u l-adozzjoni, id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tal-qafas legali fit-tul.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/1232 jiġi emendat biex jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu għal perjodu addizzjonali ta’ żmien strettament meħtieġ biex tiġi adottata l-leġiżlazzjoni fit-tul.

(5)Meta titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata, fil-mument f’waqtu, iċ-ċertezza legali, kif ukoll in-natura limitata tal-emenda, jiġifieri l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-reġim eżistenti, huwa xieraq li jiġi previst li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2021/1232, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika sat-3 ta’ Awwissu 2026”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     Ir-Regolament 2021/1232/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (Test b’relevanza għaż-ŻEE).
(2)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u għall-ġlieda kontra dan, COM/2022/209 final.
(3)    COM(2022) 212, il-11 ta’ Mejju 2022.
(4)     Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).
(5)     Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern.
(6)     Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika).
(7)     Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali).
(8)    ĠU C , , p. .
(9)    Ir-Regolament (UE) 2021/1232 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 41, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1232/oj ).
(10)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u għall-ġlieda kontra dan, COM/2022/209 final.