Brussell, 28.11.2023

COM(2023) 763 final

2023/0445(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2577 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fl-2022, it-tensjonijiet internazzjonali wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-kuntest ġeopolitiku ġenerali u l-prezzijiet għoljin ħafna tal-enerġija aggravaw il-ħtieġa li jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni bl-objettiv li titneħħa gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi.

B’mod partikolari fit-tieni nofs tal-2022, is-sitwazzjoni tal-kriżi tal-enerġija twiegħret, u talbet azzjoni urġenti. Żidiet rekord tal-prezz tal-gass naturali fis-sajf, interruzzjoni ulterjuri tal-provvisti permezz tal-pipeline North Stream I, żieda fl-inflazzjoni u fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-elettriku kkawżaw tbatija ekonomika u soċjali, u poġġew piż kbir fuq iċ-ċittadini u l-ekonomija. Iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija twassal għal kapaċità tal-akkwist imnaqqsa għaċ-ċittadini u telf ta’ kompetittività għall-kumpaniji. In-nuqqas fil-provvista tal-gass u tal-enerġija u d-domanda għall-enerġija relattivament inelastika wasslu għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet u l-volatilità tal-prezzijiet tal-gass u l-elettriku fl-UE.

L-użu aktar rapidu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tqies meħtieġ biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni u jitraħħsu l-prezzijiet tal-enerġija peress li dan inaqqas immedjatament u strutturalment id-domanda għall-fjuwils fossili fis-setturi tal-enerġija, tat-tisħin u tat-tkessiħ, tal-industrija u tat-trasport. Barra minn hekk, minħabba l-kostijiet operazzjonali baxxi tagħhom, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq il-prezzijiet tal-enerġija fl-UE.

F’dan il-kuntest, fit-22 ta’ Diċembru 2022 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/2577 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli. Dan ir-Regolament kellu l-għan li jqassar u jaċċellera l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll għall-proġetti tal-grilja u tal-infrastruttura li huma meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku. Jekk ma jiġix estiż, ir-Regolament ma jibqax japplika mit-30 ta’ Ġunju 2024. Din il-proposta tara kif testendi l-applikazzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2578 fid-dawl tar-riskji persistenti għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija fl-Unjoni kif ukoll ir-rwol importanti tal-użu aktar rapidu tal-enerġija rinnovabbli fl-indirizzar tagħhom.

1.1.1.Raġunijiet għall-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament fis-sitwazzjoni attwali

Fid-data tal-adozzjoni ta’ din il-proposta, għad hemm riskji sinifikanti assoċjati mal-volatilità tal-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku u mas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni. Dawn jirriżultaw mis-sitwazzjoni diffiċli fis-swieq tal-enerġija, aggravata minn ambjent ġeopolitiku mqanqal.

Minħabba t-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet Russi tal-gass mill-pipelines matul l-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass lejn l-Unjoni hija konsiderevolment anqas meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ qabel il-kriżi. Bil-livell attwali ta’ importazzjonijiet tal-gass, l-Unjoni mistennija tirċievi madwar 20 bcm ta’ importazzjonijiet mill-pipelines Russi fl-2023, madwar 110 bcm inqas mill-2021.

Is-swieq globali tal-gass għadhom ristretti ħafna u mistennija jibqgħu hekk għal xi żmien. Kif innotat mill-AIE, 1 il-provvista globali tal-LNG kibret biss b’mod modest fl-2022 (4 %) u fl-2023 (3 %) minħabba “żidiet limitati fil-kapaċità ta’ likwefazzjoni, qtugħ f’faċilitajiet ewlenin ta’ esportazzjoni u tnaqqis fil-provvista ta’ feedgas f’impjanti tal-LNG alimentati minn żoni ta’ tiqdim”. Kapaċità ġdida sinifikanti ta’ likwefazzjoni tal-LNG globalment (speċjalment fl-Istati Uniti u l-Qatar) mistennija tiġi attivata mill-2025 iżda “l-bilanċi tas-suq se jibqgħu prekarji fil-futur immedjat”. 2  Din is-sitwazzjoni qed ikollha konsegwenzi negattivi fuq il-prezzijiet tal-gass li, minkejja li huma ħafna aktar baxxi mill-ogħla livell esperjenzat fis-sajf tal-2022 (meta l-prezzijiet għolew aktar minn EUR 300/MWh)) għadhom aktar mid-doppju tal-livelli ta’ qabel il-kriżi (ivarjaw bejn EUR 40/MWh u EUR 50/MWh fil-bidu tal-ħarifa tal-2023) b’riperkussjonijiet inevitabbli fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini tal-UE u l-kompetittività tan-negozji Ewropej. Il-volatilità tas-suq hija wkoll konsegwenza tal-issikkar tas-suq u tirrappreżenta riskju addizzjonali għall-ekonomija tal-UE. Fis-sajf u fil-ħarifa tal-2023 seħħew għadd ta’ episodji ta’ volatilità sinifikanti li juru li s-swieq tal-gass għadhom fraġli u jistgħu jirreaġixxu żżejjed għal kwalunkwe xokk mhux mistenni u f’salt għall-provvista u d-domanda, kif kien il-każ wara l-istrajk fil-faċilitajiet Awstraljani tal-LNG, il-kriżi tal-Lvant Nofsani u l-interruzzjonijiet fil-Balticconnector. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-biża’ ta’ skarsezza tista’ twassal għal reazzjonijiet kbar b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet madwar l-UE.

Dawn id-diffikultajiet serji huma aggravati minn għadd ta’ riskji addizzjonali li, jekk jimmaterjalizzaw, jaggravaw is-sitwazzjoni b’mod konsiderevoli. Dawn ir-riskji jinkludu: irpiljar fid-domanda Asjatika għal-LNG li tnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass, 3 4 kundizzjonijiet estremi tat-temp li potenzjalment jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika jew il-produzzjoni nukleari li jkunu jeħtieġu rikors akbar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mħaddma bil-gass, u aktar interruzzjonijiet possibbli fil-provvista tal-gass, inkluż waqfien totali tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja, jew interruzzjoni tal-infrastruttura kritika eżistenti tal-gass. Barra minn hekk, il-kunflitti armati jaffettwaw diversi reġjuni rilevanti għall-provvista tal-enerġija tal-UE, bħall-Ukrajna, l-Ażerbajġan, jew il-Lvant Nofsani.

Eżempji reċenti juru l-probabbiltà u r-rilevanza tar-riskji relatati mat-tfixkil tal-infrastruttura tal-enerġija. F’Settembru 2022, il-pipeline NordStream 1 saritlu ħsara minn atti ta’ sabotaġġ sa tali punt li attwalment ma jistax jittrasporta gass u mhux se jkun jista’ jagħmel dan fil-futur prevedibbli. F’Ottubru 2023, il-Balticconnector, pipeline importanti li jgħaqqad il-Finlandja mal-Estonja, ġie mfixkel. Wara l-inċident, l-awtoritajiet Finlandiżi ddikjaraw livell ta’ twissija li jindika deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni tal-provvista tal-gass 5 .

Ta’ min jinnota wkoll li t-tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-gass naturali (-18 % bejn Awwissu 2022 u Awwissu 2023) qed jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-bilanċ tal-gass fl-UE. Dan it-tnaqqis huwa riżultat ta’ fatturi ekonomiċi (eż. prezzijiet għoljin) u miżuri amministrattivi adottati mill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2022/1369 u l-estensjoni tiegħu fir-Regolament (UE) 2023/706 dwar tnaqqis ikkoordinat fid-domanda għall-gass. Żieda possibbli fid-domanda, minħabba rkupru fl-użu tal-gass fis-setturi residenzjali, kummerċjali u industrijali jew f’każ li l-miżuri amministrattivi mmirati lejn it-tnaqqis tad-domanda ma jiġux estiżi aktar, tirrappreżenta riskju addizzjonali li jista’ jimmina s-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE.

Fi tliet rapporti sussegwenti ta’ Diċembru 2022, Frar u Lulju 2023, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) enfasizzat b’mod konsistenti r-riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE u wissiet kontra l-kompjaċenza fid-dawl tat-titjib tas-sitwazzjoni meta mqabbla mal-quċċata tal-kriżi fis-sajf tal-2022. Skont ir-rapport ta’ Frar 2023, “il-provvista globali tal-gass hija mistennija li tibqa’ ristretta fl-2023 u l-bilanċ globali huwa soġġett għal firxa mhux tas-soltu ta’ inċertezzi u fatturi ta’ riskju eżoġeni. Dan jinkludi l-possibbiltà ta’ waqfien sħiħ tal-konsenji tal-gass mill-pajpijiet Russi lejn l-Unjoni Ewropea, kif ukoll irkupru tal-importazzjonijiet tal-LNG taċ-Ċina f’konformità mal-kuntratti tal-LNG fit-tul tal-pajjiż u disponibbiltà potenzjali aktar baxxa tal-provvista tal-LNG”. L-AIE wissiet li “l-perspettiva mtejba ma għandhiex tkun distrazzjoni mill-miżuri meħtieġa (...) biex jittaffa l-esponiment tal-Unjoni Ewropea għar-riskji eżoġeni”. 6 Hija żviluppat xenarji ta’ stress b’waqfien tal-provvisti tal-gass Russi, bil-provvisti tal-LNG li jkunu għadhom ristretti u b’żidiet fid-domanda relatati mat-temp, li jistgħu jirriżultaw f’distakk potenzjali bejn il-provvista u d-domanda ta’ 40 bcm fl-UE. Fir-rapport tagħha ta’ Lulju 2023, l-AIE enfasizzat li “r-riskji u l-inċertezzi għadhom jeżistu qabel ix-xitwa tal-Emisfera tat-Tramuntana 2023/24” u “siti sħaħ tal-ħżin mhumiex garanzija kontra l-volatilità tax-xitwa u r-riskju ta’ tensjonijiet tas-suq imġedda”. 7

Barra minn hekk, in-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (ENTSOG) ippubblika l-Prospetti tal-Provvista tax-Xitwa annwali tiegħu b’ħarsa ġenerali lejn is-sajf, f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. L-ENTSOG ikkonkluda li għalkemm is-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tal-provvista fl-UE tjiebet b’mod sinifikanti, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali jekk iseħħ ir-riskju ta’ interruzzjoni totali fil-provvista Russa. Barra minn hekk, hija meħtieġa ġestjoni bir-reqqa tal-ħażniet matul ix-xitwa tal-2023–2024, peress li x’aktarx ikun meħtieġ livell ta’ mili ta’ 46 % fil-bidu tal-istaġun tal-mili tal-ħażniet biex tintlaħaq il-mira tal-ħżin ta’ 90 % stabbilita mir-Regolament (UE) 2022/1032,

Ir-rispons tal-Unjoni fl-ambitu tar-REPowerEU u l-inizjattivi li jsegwu, inkluż il-miżuri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2577 fir-rigward tal-użu mħaffef ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ikkontribwixxa biex tittejjeb is-sitwazzjoni fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u l-prezzijiet tal-enerġija. Fid-dawl tal-interkonnettività tas-sistemi tal-enerġija bejn l-Istati Membri, is-sehem akbar tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fi Stat Membru wieħed jista’ jgħin biex jittaffa nuqqas fi Stat Membru ieħor, u b’hekk titrawwem is-solidarjetà fil-konfront ta’ din il-kriżi. L-użu mħaffef tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli kellu u se jkompli jkollu rwol essenzjali fl-istrateġija tal-Unjoni biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija u kien strumentali biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista u biex il-konsumaturi jiġu protetti mill-volatilità tal-prezzijiet billi titnaqqas id-domanda ġenerali tal-Unjoni għall-gass. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija stmat li l-prezzijiet medji tal-elettriku bl-ingrossa kienu jkunu 8 % ogħla fis-swieq Ewropej kollha fl-2022 mingħajr il-kapaċità installata addizzjonali. 8 Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-effetti tar-Regolament se jkunu viżibbli fix-xhur li ġejjin, id-data inizjali disponibbli dwar il-produzzjoni, il-varar u l-għoti ta’ permessi għall-enerġija rinnovabbli u proġetti ta’ infrastruttura relatati għall-perjodu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tissuġġerixxi li tali proġetti jitħaffu, tal-anqas f’xi Stati Membri. Skont l-Eurostat, fl-ewwel nofs tal-2023, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-UE laħqet livell rekord, li huwa kruċjali biex ikomplu jiġu sostitwiti volumi addizzjonali ta’ gass. 9 Ir-rapport tal-Kummissjoni jenfasizza wkoll l-iżviluppi pożittivi f’termini ta’ żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli fix-xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2022/2577. Skont id-data inizjali tal-industrija, l-UE installat fi tliet kwarti tal-2023 aktar kapaċitajiet fotovoltajċi solari milli fl-2022 kollha. Il-kapaċità eolika żdiedet ukoll b’mod sinifikanti f’diversi Stati Membri. Id-data disponibbli tindika wkoll li diversi Stati Membri esperjenzaw żidiet b’żewġ ċifri fil-volum ta’ permessi maħruġa għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Barra minn hekk, mill-inqas fi Stat Membru wieħed, il-proġetti tal-grilja importanti għal penetrazzjoni akbar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li jammontaw għal aktar minn 2 000 km b’kollox qed jibbenefikaw ukoll minn għoti ta’ permessi aċċellerat.

Jekk ir-Regolament (UE) 2022/2577 jieqaf japplika, filwaqt li r-riskji sinifikanti jippersistu, dan jimmina t-titjib miksub, kif ukoll ir-reżiljenza tal-UE kontra żviluppi potenzjali bħal waqfien totali tal-importazzjonijiet Russi. 

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2022/2577, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dak ir-Regolament fid-dawl tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-provvista u tal-prezzijiet tal-enerġija u l-ħtieġa li jiġi aċċellerat aktar l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Abbażi ta’ tali rieżami, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li testendi l-validità ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni wettqet tali rieżami u, fit-28 ta’ Novembru 2023, adottat ir-Rapport li jippreżenta r-riżultati tiegħu 10 . Ir-rapport ikkonkluda li l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2577 kellha impatt pożittiv fuq l-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni u konsegwentement għenet biex jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-enerġija. Filwaqt li jitqiesu l-fatturi msemmija hawn fuq u l-fatt li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2577 huma simili ħafna għal dawk fid-Direttiva (UE) 2023/2413 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar l-Enerġija Rinnovabbli, ir-Rapport ikkonkluda wkoll li l-kundizzjonijiet għal estensjoni tar-Regolament huma ssodisfati.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-estensjoni, ir-Rapport iqis ir-relazzjoni bejn ir-Regolament (UE) 2022/2577, li huwa miżura temporanja ta’ emerġenza, u d-Direttiva (UE) 2023/2413 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, li hija att leġiżlattiv ordinarju permanenti. B’mod partikolari, hemm valutazzjoni biex jiġi delimitat liema miżuri mir-Regolament (UE) 2022/2577 ma kinux riflessi fil-qafas legali permanenti dwar l-enerġija rinnovabbli stabbilit fid-Direttiva (UE) 2018/2001, sabiex l-estensjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ma tidduplikax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-Rapport, meta jitqiesu d-diffikultajiet u r-riskji serji persistenti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE u għall-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll l-effetti pożittivi li l-varar mħaffef tal-enerġija rinnovabbli mistenni jkollu fuq l-indirizzar tagħhom, huwa meħtieġ u urġenti li jiġu estiżi dawk il-partijiet tar-Regolament (UE) 2022/2577 li huma differenti minn dawk inkorporati fid-Direttiva (UE) 2023/2413 u li wrew li huma effettivi jew li għandhom il-potenzjal li jaċċelleraw b’mod sinifikanti l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Għalhekk, din il-Proposta tfittex li testendi parzjalment l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 2(1), 3(2), 5(1) u 6 u 8 tar-Regolament (UE) 2022/2577 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, fid-dawl tal-isfidi mqajma minn xi Stati Membri rigward l-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 3, u peress li dawn l-isfidi joħolqu ostaklu kbir għall-aċċellerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, kif imsemmi fir-Rapport, din il-proposta żżid dispożizzjoni ġdida biex tissimplifika l-valutazzjoni dwar jekk proġett jistax jingħata derogi ambjentali.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-istrument propost jistabbilixxi miżuri temporanji, proporzjonati u straordinarji. Dan jikkomplementa l-inizjattivi u l-leġiżlazzjoni rilevanti eżistenti tal-UE li jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-użu aċċellerat tal-enerġija rinnovabbli u s-sostituzzjoni tad-domanda għall-fjuwils fossili b’enerġija nadifa. Il-proposta hija komplementari għall-inizjattivi li diġà ttieħdu mill-Kummissjoni biex twieġeb għall-kriżi attwali fis-swieq tal-enerġija. Dan huwa konsistenti mal-Pjan “REPowerEU” tat-18 ta’ Mejju 2022 li jpoġġi t-tħaffif u l-espansjoni massivi fl-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, fl-industrija, fil-bini u fit-trasport fil-qalba tal-istrateġija biex titħaffef l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili Russi.

Barra minn hekk, il-proposta tikkomplementa d-Direttiva (UE) 2023/2413 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar l-Enerġija Rinnovabbli li ġiet adottata fid-9 ta’ Ottubru 2023 biex tipprevedi regoli emendati għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fuq bażi permanenti. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2023. Dan jinkludi dispożizzjonijiet estensivi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi applikabbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli b’mod komprensiv permezz tal-ippjanar spazjali, is-simplifikazzjoni u t-tqassir tal-proċeduri. Ir-regoli kollha għall-għoti ta’ permessi tad-Direttiva (UE) 2023/2413, ħlief dawk relatati maż-żoni ta’ “aċċellerazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli”, iridu jiġu trasposti sal-1 ta’ Lulju 2024, immedjatament wara l-iskadenza tal-validità tar-Regolament tal-Kunsill. Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tinkludi dispożizzjonijiet li jkopru l-istess suġġetti bħar-Regolament 2022/2577. Madankollu, għal xi wħud mid-dispożizzjonijiet hemm differenza sostantiva meta mqabbla mat-test tar-Regolament 2022/2577. Dan jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill, li jirregola l-preżunzjoni prevalenti ta’ interess pubbliku iżda, għall-kuntrarju tad-Direttiva (UE) 2023/2413, fih subparagrafu ieħor li jirrikjedi li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-proġetti li huma rikonoxxuti bħala ta’ interess pubbliku prevalenti kull meta jkun meħtieġ ibbilanċjar tal-interessi legali fil-każ individwali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli, l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill fih skadenza qasira ta’ 6 xhur għall-permessi kollha applikabbli għar-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li d-Direttiva (UE) 2023/2413 fiha skadenza ta’ sena għar-repowering ta’ proġetti barra miż-żoni ta’ aċċellerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u skadenza ta’ 6 xhur għall-proġetti li jinsabu f’żoni ta’ aċċellerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 tar-Regolament jipprevedi kundizzjonijiet differenti biex jintużaw xi eżenzjonijiet mil-leġiżlazzjoni ambjentali minflok dawk stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2023/2413.

Ir-Regolament (UE) 2022/2577 u l-proposta attwali huma konsistenti mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ settur tal-enerġija bbażat l-aktar fuq sorsi rinnovabbli, l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema tal-enerġija, u l-introduzzjoni aktar rapida ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli bħala għodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE fid-dawl tal-istrateġija fit-tul li tinkiseb in-newtralità karbonika sal-2050.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-Regolament (UE) 2022/2577 u din il-proposta huma konsistenti ma’ sett usa’ ta’ inizjattivi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-enerġija tal-Unjoni u biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u t-tfixkil potenzjali tal-provvisti tal-enerġija. Il-proposta ma tikkompromettix il-funzjonament tas-suq intern u ma taffettwax il-miżuri biex jiġu indirizzati l-provvisti tal-enerġija interrotti. Il-proposta hija konformi mal-objettivi ambjentali, peress li l-użu aċċellerat tal-enerġija rinnovabbli huwa kruċjali biex jittaffew l-impatti kemm tat-tibdil fil-klima kif ukoll tat-tniġġis, li qed jixprunaw it-telf tal-bijodiversità u jheddu s-saħħa u s-sikurezza pubblika. Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-objettivi tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima (ir-Regolament (UE) 2021/1119).

Il-proposta hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet li saru lill-Istati Membri fil-kuntest tal-qafas tas-Semestru Ewropew tal-2022 biex jiġi simplifikat l-għoti tal-permessi lill-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Huwa mistenni wkoll li taċċellera l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, inklużi l-kapitoli tar-REPowerEU li għandhom jiġu inklużi taħt il-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija l-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jeħtieġu li l-miżura tkun “xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika”, li huwa b’mod partikolari l-każ jekk jeżistu “diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti”. Il-miżuri jridu jittieħdu wkoll fi “spirtu ta’ solidarjetà”, u, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, iridu jkunu temporanji u proporzjonati.

In-nuqqas attwali u kontinwu fil-provvisti tal-gass tikkostitwixxi diffikultà serja fil-provvista ta’ prodott tal-enerġija skont l-Artikolu 122 tat-TFUE. Kif spjegat hawn fuq fit-Taqsima 1 (“Raġunijiet u objettivi tal-proposta”), għadhom qed jippersistu diffikultajiet u riskji serji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE u l-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija.  

L-aċċellerazzjoni fl-użu tal-kapaċità rinnovabbli kellha rwol importanti fl-istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriżi tal-enerġija u kienet strumentali biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista u biex il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu taħt kontroll. Ir-raġuni ewlenija hawnhekk kienet is-sostituzzjoni tal-gass naturali minn sorsi rinnovabbli, speċjalment fis-settur tal-enerġija, li mbagħad kellha impatt fuq id-domanda ġenerali għall-gass.

Jekk ċerti miżuri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2577, li għandhom l-akbar potenzjal għall-aċċellerazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li jkunu differenti minn dawk inkorporati fid-Direttiva (UE) 2023/2413, ma jibqgħux japplikaw, għodda ewlenija biex jitħaffef l-użu tal-kapaċità rinnovabbli ma tibqax disponibbli għall-Istati Membri, fi żmien meta s-sitwazzjoni tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni tkun għadha diffiċli.

Għalhekk huma meħtieġa dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament lil hinn minn Ġunju 2024, minbarra l-indirizzar tad-diffikultajiet serji u r-riskji potenzjali għall-prezzijiet li jistgħu jfeġġu minħabba l-bilanċ fraġli attwali fis-sistema tal-gass tal-UE. L-introduzzjoni aċċellerata tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli wriet il-kapaċità tagħha li tnaqqas ir-riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, speċjalment għall-gass u l-elettriku, u kkontribwiet biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija għaċ-ċittadini u għan-negozji tal-UE. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jkomplu japplikaw, għal perjodu limitat ta’ żmien lil hinn minn Ġunju 2024, uħud mid-dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2022/2577 sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli fi spirtu ta’ solidarjetà, fuq il-bażi li f’suq integrat tal-enerġija, kwalunkwe żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli fi Stat Membru tista’ tkun ta’ benefiċċju wkoll għal Stati Membri oħra.

Il-proċedura ta’ emerġenza prevista fl-Artikolu 122(1) TFUE tapplika mingħajr preġudizzju għal proċeduri oħra previsti skont it-Trattati. Ir-referenza għal proċeduri oħra previsti fit-Trattati tenfasizza n-natura eċċezzjonali u temporanja tal-miżuri li jistgħu jiġu adottati skont l-Artikolu 122(1) TFUE. Is-sitwazzjoni urġenti u li għadha instabbli fis-suq tal-enerġija u l-ħtieġa urġenti li jitħaffef minnufih l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħala strument biex jittaffew ir-riskji eżistenti għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu tali miżuri ta’ emerġenza u temporanji. Barra minn hekk, it-tmiem li jmiss tal-mandat tal-Parlament Ewropew u ż-żmien normalment meħtieġ biex tiġi adottata leġiżlazzjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja wasslu biex tali proċedura ma tkunx għażla xierqa biex il-miżuri temporanji jkunu fis-seħħ f’waqthom, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa għall-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali għall-Istati Membri u l-iżviluppaturi tal-proġetti fir-rigward tal-qafas legali applikabbli. Għalhekk hu ġġustifikat li l-istrument propost jiġi bbażat fuq l-Artikolu 122(1) tat-TFUE.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Din il-proposta hija konformi bis-sħiħ mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.  

L-użu rapidu u fuq skala kbira tal-enerġija rinnovabbli ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri waħedhom. Filwaqt li jitqiesu l-politiki differenti dwar l-enerġija fost l-Istati Membri, l-azzjoni fil-livell tal-UE, aktar milli l-azzjoni nazzjonali jew lokali waħedha, hija aktar probabbli li telimina gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi u tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll tilħaq il-miri tal-UE għall-klima u l-enerġija għall-2030, l-objettivi fit-tul tal-UE ta’ newtralità klimatika u tniġġis żero.

Huwa meħtieġ approċċ Ewropew ikkoordinat għat-tqassir u għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri u tal-proċessi amministrattivi tal-għoti tal-permessi sabiex jitħaffef il-varar meħtieġ tal-enerġiji rinnovabbli. Filwaqt li jitqiesu l-proċeduri differenti tal-enerġija tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-urġenza li jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri kollha, hu aktar probabbli li azzjoni fil-livell tal-UE tilħaq l-objettivi meħtieġa minn azzjoni nazzjonali jew lokali waħedha.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament propost jintroduċi emendi mmirati għal biċċiet eżistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dan l-intervent, li se jkompli jissimplifika ċerti proċeduri tal-għoti tal-permessi, jiġġustifika l-ħtieġa għal azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

•Proporzjonalità

Din il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-miżura hi proporzjonali għad-dimensjoni u n-natura tal-problemi definiti u għall-ksib tal-objettivi stabbiliti.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika bla preċedent maħluqa mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-prezzijiet kontinwi tal-enerġija volatili ħafna u l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa għall-istaġun tax-xitwa li jmiss u matul is-sena d-dieħla, hemm ħtieġa ċara għal azzjoni kkoordinata u urġenti.

Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta jfittxu li jiżguraw proċeduri iqsar u aktar rapidi għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli billi jistabbilixxu skadenzi qosra u jissimplifikaw il-valutazzjoni li dawk il-proġetti jridu jgħaddu minnha skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, filwaqt li jinżamm livell proporzjonat ta’ salvagwardji ambjentali relatati mal-protezzjoni tal-ispeċijiet.

•Għażla tal-istrument

Filwaqt li jitqiesu d-dimensjoni tal-kriżi tal-enerġija u l-iskala tal-impatt soċjali, ekonomiku u finanzjarju tagħha, id-dispożizzjonijiet li l-proposta attwali għandha l-għan li testendi jinsabu f’regolament, li għandu kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huwa applikabbli direttament u immedjatament. L-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandha, għalhekk, issir ukoll permezz tal-adozzjoni ta’ regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza li titħejja l-proposta għall-estensjoni tar-Regolament (UE) 2022/2576, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

•Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura temporanja u urġenti tal-miżuri b’rispons għal sitwazzjoni ta’ emerġenza, ma setgħetx titwettaq valutazzjoni tal-impatt.

•Drittijiet fundamentali

Ma ġie identifikat l-ebda impatt negattiv fuq id-drittijiet fundamentali. L-għan ġenerali ta’ din il-proposta huwa li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, li huwa konformi mal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li skontha livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent iridu jiġu integrati fil-politiki tal-Unjoni u żgurati f’konformità mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din l-inizjattiva ma teħtieġx riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-bidliet proposti huma mmirati u limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni biex jestendu b’12-il xahar il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 1, 2(1), l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2), 5(1), u 6 u 8 relatati mal-proċess tal-għoti tal-permessi.

Fir-rigward tal-Artikolu 3(2), it-tieni sentenza tiegħu tirreferi għall-protezzjoni tal-ispeċijiet li hija marbuta mal-Artikolu 3(1). Il-proposta ma testendix l-Artikolu 3(1) peress li l-istess preżunzjoni tinsab fid-Direttiva (UE) 2023/2413. Għal din ir-raġuni, qed jiġi propost li tiġi estiża biss l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2).

Hemm ukoll emendi għall-Artikoli 1, 5 u 8. Fir-rigward tal-Artikolu 5, l-emenda tfittex li mill-1 ta’ Lulju 2024, il-limitu ta’ żmien ta’ 6 xhur għall-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-proġetti se japplika biss għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli li jinsabu f’żona ddedikata għall-enerġija rinnovabbli kif imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament. Fir-rigward tal-Artikoli 1 u 8, l-emenda tfittex li timmira l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għall-Artikolu 5(1).

Ġie introdott Artikolu 3a ġdid biex jispeċifika li l-valutazzjoni tal-alternattivi fil-kuntest tal-valutazzjonijiet ambjentali rilevanti għandha tqis dawk l-alternattivi li jiżguraw il-kisba tal-istess objettivi bħall-proġett inkwistjoni f’termini tal-użu tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli bl-użu tal-istess teknoloġija rinnovabbli, l-istess perjodu ta’ żmien jew simili u mingħajr kost ogħla b’mod sinifikanti. Rigward iż-żmien tal-bidliet proposti, l-artikoli tar-Regolament (UE) 2022/2577 se jibqgħu fis-seħħ fil-forma attwali tagħhom sal-aħħar ta’ Ġunju 2024. L-Artikoli 1, 2(1), 3(2) l-ewwel sentenza, 5(1), 6 u 8 se jkomplu japplikaw għal 12-il xahar addizzjonali, sal-aħħar ta’ Ġunju 2025. Fil-każ tal-Artikoli 3(2) ta’ 5(1), dan għandu japplika f’forma riveduta matul dan il-perjodu addizzjonali. L-Artikolu 3a l-ġdid japplika mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sat-30 ta’ Ġunju 2025.



2023/0445 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2577 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 jintroduċi miżuri urġenti u mmirati biex iħaffef il-pass tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-enerġija, billi tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, titnaqqas il-volatilità fis-suq u jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija. Peress li l-proċeduri twal u kumplessi għall-għoti ta’ permessi ffurmaw ostaklu ewlieni li jfixkel il-veloċità u l-iskala tal-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fl-infrastruttura relatata, ir-Regolament (UE) 2022/2577 kellu l-għan li jintroduċi miżuri mmirati biex tinkiseb aċċellerazzjoni immedjata ta’ xi wħud mill-proċeduri tal-għoti tal-permessi applikabbli għal teknoloġiji speċifiċi tal-enerġija rinnovabbli u tipi ta’ proġetti bl-ogħla potenzjal għal varar rapidu sabiex jittaffew l-effetti tal-kriżi tal-enerġija. Ir-Regolament (UE) 2022/2577 japplika sat-30 ta’ Ġunju 2024.

(2)Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2023, introduċiet bidliet fil-qafas leġiżlattiv li jirregola l-enerġija rinnovabbli sal-2030 u lil hinn, inklużi dispożizzjonijiet biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi applikabbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Uħud mill-miżuri introdotti mir-Regolament (UE) 2022/2577 ġew inklużi mid-Direttiva (UE) 2023/2413 fid-Direttiva (UE) 2018/2001. Madankollu, id-Direttiva ma tirriflettix uħud mill-miżuri l-aktar eċċezzjonali li jinsabu fir-Regolament (UE) 2022/2577, u b’hekk iddelimitat in-natura eċċezzjonali u temporanja tagħhom. Minflok, id-Direttiva introduċiet reġim permanenti stabbli u fit-tul biex tħaffef il-proċeduri tal-għoti tal-permessi li tistabbilixxi passi u proċeduri apposta li jeħtieġu żmien itwal għall-implimentazzjoni. L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrasponuha sal-21 ta’ Mejju 2025, bl-eċċezzjoni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri tal-għoti tal-permessi, li għandhom data ta’ traspożizzjoni aktar bikrija fl-1 ta’ Lulju 2024, immedjatament wara l-iskadenza tal-validità tar-Regolament 2022/2577. Wara t-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli se jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet introdotti minn din id-Direttiva biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-għoti tal-permessi.

(3)Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2022/2577, il-Kummissjoni kellha twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023, fid-dawl tal-iżvilupp tas-sigurtà tal-provvista u tal-prezzijiet tal-enerġija u l-ħtieġa li jiġi aċċellerat aktar il-varar tal-enerġija rinnovabbli, u tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dak ir-rieżami. L-istess artikolu jipprevedi wkoll li, abbażi ta’ dak ir-rieżami, il-Kummissjoni tista’ tipproponi l-estensjoni tar-Regolament (UE) 2022/2577.

(4)Fir-rapport tagħha [żid nota tal-qiegħ mar-rapport], il-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet għal estensjoni ġew issodisfati u pproponiet l-estensjoni tal-miżuri magħżula li għandhom l-akbar potenzjal għal aċċellerazzjoni tas-sorsi rinnovabbli u li huma differenti minn dawk inklużi fid-Direttiva (UE) 2023/2413 fid-Direttiva (UE) 2018/2001 u jidhru li jwasslu għal aċċellerazzjoni importanti għall-għoti ta’ permessi għall-enerġija rinnovabbli u għall-proġetti tal-grilja relatati jew li għandhom potenzjal sinifikanti li jagħmlu dan. Tqies il-fatt li d-Direttiva (UE) 2023/2413 tintroduċi fid-Direttiva (UE) 2018/2001 xi dispożizzjonijiet biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi applikabbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, inklużi regoli dwar l-istess suġġetti jew suġġetti simili bħal dawk koperti mir-Regolament (UE) 2022 (2577). Dawk ir-regoli għall-għoti ta’ permessi introdotti mid-Direttiva (UE) 2023/2413, ħlief dawk relatati maż-żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli skont l-Artikoli 15c u 16a ta’ dik id-Direttiva, iridu jiġu trasposti sal-1 ta’ Lulju 2024, immedjatament wara li tkun ġiet ikkunsidrata l-iskadenza tal-validità tar-Regolament (UE) 2022/2577.

(5)Mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2022/2577, il-livell ta’ tħejjija fis-suq tal-elettriku u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni tjiebu. Madankollu, għad hemm riskji serji għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni globali fis-suq tal-gass għadha ristretta ħafna. Il-prezzijiet tal-gass għadhom konsiderevolment ogħla minn qabel il-kriżi b’konsegwenzi inevitabbli fuq il-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-kompetittività tan-negozji Ewropej. Dan ikompli jitgħawwar mill-volatilità għolja tas-suq li nibtet, minn fost ħwejjeġ oħra, minħabba l-ambjent ġeopolitiku mqanqal.  Episodji reċenti ta’ volatilità sinifikanti tal-prezzijiet fis-sajf u fil-ħarifa tal-2023, meta l-prezzijiet żdiedu b’aktar minn 50 % fi ftit ġimgħat, ikkawżati minn avvenimenti bħall-istrajk fil-faċilitajiet tal-LNG Awstraljani, il-kriżi tal-Lvant Nofsani u t-tfixkil fil-Balticconnector, juru li s-swieq għadhom fraġli u vulnerabbli għal xokkijiet relattivament żgħar fuq id-domanda u l-provvista. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-biża’ ta’ skarsezza li tirriżulta saħansitra minn avveniment iżolat tista’ twassal għal reazzjonijiet sistemiċi negattivi madwar l-UE b’riperkussjonijiet serji fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Barra minn hekk, minħabba t-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet Russi tal-gass mill-pipelines matul l-aħħar sena, id-disponibbiltà tal-provvisti tal-gass lejn l-Unjoni hija konsiderevolment anqas meta mqabbla ma’ qabel il-kriżi. Bil-livell attwali ta’ importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines, l-Unjoni mistennija tirċievi madwar 20 bcm ta’ gass Russu — madwar 110 bcm inqas mill-2021. Għalhekk, għad hemm riskju serju li fl-Unjoni jfeġġu skarsezzi tal-gass.

(6)Is-swieq globali tal-gass għadhom ristretti ħafna u mistennija jibqgħu ristretti għal ċertu żmien. Kif innotat mill-AIE 11 , il-provvista globali tal-LNG kibret biss modestament fl-2022 (4 %) u fl-2023 (3 %). Għalkemm, kapaċitajiet ġodda tal-LNG mistennija jibdew jiġu distribwiti mill-2025, l-AIE tistenna li l-bilanċi tas-suq se jibqgħu prekarji fil-futur immedjat 12 .

(7)Dawn id-diffikultajiet serji huma aggravati minn għadd ta’ riskji addizzjonali, inkluż irkupru fid-domanda Asjatika għal-LNG li jnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass, xitwa kiesħa li tista’ twassal għal żieda fid-domanda għall-gass sa 30 bcm, avvenimenti estremi tat-temp li potenzjalment jaffettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika u l-produzzjoni nukleari minħabba livelli baxxi tal-ilma, u ż-żieda sussegwenti fid-domanda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass. Riskji addizzjonali jirriżultaw minn aktar tfixkil tal-infrastrutturi kritiċi, bħal atti ta’ sabotaġġ kontra l-pipelines Nord Stream f’Settembru 2022 u t-tfixkil tal-pipeline tal-konnettur Baltiku f’Ottubru 2023, id-deterjorament tal-ambjent ġeopolitiku, b’mod partikolari f’reġjuni rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, bħall-Ukrajna, l-Ażerbajġan, u l-Lvant Nofsani.

(8)Minħabba l-bilanċ strett attwali bejn il-provvista u d-domanda, anke interruzzjoni moderata fil-provvista tal-enerġija jista’ jkollha impatti estensivi fuq il-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku u tikkawża ħsara serja u dejjiema lill-ekonomija Ewropea, li taffettwa l-kompetittività tagħha, u liċ-ċittadini tal-Unjoni. Is-sitwazzjoni attwali għaldaqstant qed tesponi lill-Unjoni kollha għal riskji ta’ skarsezza tal-enerġija u għal prezzijiet għoljin tal-enerġija.

(9)L-użu aċċellerat tal-enerġija rinnovabbli kellu rwol essenzjali fl-istrateġija tal-Unjoni biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija u kien strumentali biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista u biex il-konsumaturi jiġu protetti mill-volatilità tal-prezzijiet billi titnaqqas id-domanda ġenerali tal-Unjoni għall-gass. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija stmat li l-prezzijiet medji tal-elettriku bl-ingrossa kienu jkunu 8 % ogħla fis-swieq Ewropej kollha fl-2022 mingħajr il-kapaċitajiet rinnovabbli installati addizzjonalment. 13 Fl-2022, produzzjoni ogħla tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ssostitwiet madwar 107 TWh ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-fossili — ekwivalenti għal madwar 10 bcm ta’ gass, li wassal għal iffrankar stmat ta’ aktar minn EUR 10 biljun.

(10)Filwaqt li r-Regolament (UE) 2022/2577 ilu fis-seħħ għal perjodu limitat ta’ applikazzjoni, ir-rapport tal-Kummissjoni wera li kkontribwixxa b’mod pożittiv biex jitħaffef il-pass tal-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni, b’mod partikolari billi ssimplifika l-proċeduri applikabbli għal proċessi speċifiċi tal-għoti tal-permessi, u billi qajjem kuxjenza politika dwar l-importanza li jitħaffef l-għoti ta’ permessi għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-effetti tar-Regolament se jkunu viżibbli fix-xhur li ġejjin, id-data inizjali disponibbli dwar il-produzzjoni, il-varar u l-għoti ta’ permessi għall-enerġija rinnovabbli u proġetti ta’ infrastruttura relatati għall-perjodu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tissuġġerixxi aċċellerazzjoni, tal-anqas f’xi Stati Membri. Skont l-Eurostat, fl-ewwel nofs tal-2023, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fl-Unjoni laħqet livell rekord fis-sostituzzjoni ta’ volumi ta’ gass ulterjuri. 14 Ir-rapport tal-Kummissjoni jenfasizza wkoll l-iżviluppi pożittivi f’termini ta’ żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli fix-xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2022/2577. Skont id-data inizjali tal-industrija, l-UE installat fi tliet kwarti tal-2023 aktar kapaċitajiet fotovoltajċi solari milli fl-2022 kollha. Il-kapaċità eolika żdiedet ukoll b’mod sinifikanti f’diversi Stati Membri. Id-data disponibbli miġbura fir-rapport tal-Kummissjoni tindika wkoll li diversi Stati Membri esperjenzaw żidiet b’żewġ ċifri fil-volum ta’ permessi maħruġa għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament. Barra minn hekk, mill-inqas fi Stat Membru wieħed, il-proġetti tal-grilja importanti għal penetrazzjoni akbar għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li b’kollox jammontaw għal aktar minn 2 000 km qed jibbenefikaw ukoll minn għoti ta’ permessi aċċellerat.

(11)Minħabba li r-riskji għall-provvisti u l-prezzijiet tal-enerġija jippersistu, se jkun meħtieġ pass aktar mgħaġġel tal-użu tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli għal ċertu perjodu wara tmiem Ġunju 2024, biex jitneħħew gradwalment il-bqija tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja. Ma hemm l-ebda dubju li ishma ogħla ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli jsaħħu saħansitra aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni. Barra minn hekk, aktar ma titħaffef l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, aktar ikun għoli l-impatt pożittiv fuq ir-reżiljenza tal-Unjoni, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, il-prezzijiet tal-enerġija u l-indipendenza mill-fjuwils fossili Russi.

(12)Minħabba s-sitwazzjoni urġenti u li għadha instabbli tal-enerġija li qed tiffaċċja l-Unjoni, jeħtieġ li jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (UE) 2022/2577, jiġifieri dawk li wrew l-akbar potenzjal għal aċċellerazzjoni immedjata tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u li huma differenti mill-miżuri inklużi fid-Direttiva (UE) 2018/2001, u b’hekk jiġi żgurat li l-estensjoni tar-Regolament (UE) 2022/2577 ma tkunx qed tidduplika dik id-Direttiva. Barra minn hekk, dawk il-miżuri jinkludu salvagwardji xierqa biex tiġi żgurata l-protezzjoni ambjentali fil-forma ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni tagħhom. Dawn il-miżuri għandhom japplikaw b’mod parallel ma’ din id-Direttiva, u jikkomplementawha b’miżuri ta’ emerġenza addizzjonali għal perjodu limitat ta’ żmien. In-nuqqas ta’ estensjoni tar-Regolament joħloq riskju li jitnaqqas il-pass tal-għoti ta’ permessi u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastruttura relatata, b’mod partikolari fl-Istati Membri li għamlu użu estensiv minn dan ir-Regolament. Pereżempju, skont il-Ġermanja, l-installazzjoni ta’ madwar 41 GW ta’ enerġija mir-riħ fuq l-art tista’ tiddewwem u tieħu madwar sentejn aktar jew f’xi każijiet titwaqqaf għalkollox mingħajr estensjoni tar-Regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu. Il-veloċità tal-għoti ta’ permessi ta’ għadd ta’ proġetti kbar ippjanati tal-grilja ta’ trażmissjoni li jammontaw għal eluf ta’ kilometri fit-tul tonqos bl-istess mod, b’madwar sena sa 3 snin.

(13)Waħda mill-miżuri temporanji introdotti mir-Regolament (UE) 2022/2577 li wriet effetti pożittivi u li għandha potenzjal sinifikanti ta’ aċċellerazzjoni fil-futur hija l-introduzzjoni fl-Artikolu 3(1) ta’ preżunzjoni konfutabbli li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huma ta’ interess pubbliku prevalenti u jaqdu s-saħħa u s-sikurezza pubblika għall-finijiet ta’ derogi speċifiċi previsti fil-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti tal-Unjoni, ħlief meta jkun hemm evidenza ċara li dawk il-proġetti għandhom effetti negattivi kbar fuq l-ambjent li ma jistgħux jittaffew jew jiġu kkumpensati. Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi fl-Artikolu 16f tagħha preżunzjoni konfutabbli li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli ikunu ta’ interess pubbliku prevalenti u jaqdu s-saħħa u s-sikurezza pubblika, b’formulazzjoni kważi identika għall-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu tar-Regolament (UE) 2022/2577. Għalhekk, mhuwiex meħtieġ li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu peress li tali preżunzjoni se tapplika bis-saħħa tal-Artikolu 16f tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(14)Madankollu, l-Artikolu 3 fih paragrafu ieħor li jitlob li tingħata prijorità lill-proġetti li huma rikonoxxuti bħala ta’ interess pubbliku prevalenti kull meta jkun meħtieġ ibbilanċjar tal-interessi legali fil-każ individwali u jintroduċi rekwiżiti ta’ kumpens addizzjonali għall-protezzjoni tal-ispeċijiet. Dan il-paragrafu mhuwiex inkluż fid-Direttiva (UE) 2018/2001. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 3, it-tieni paragrafu tar-Regolament (UE) 2022/2577 għandha l-potenzjal li tħaffef aktar il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli peress li tirrikjedi li l-Istati Membri jippromwovuhom billi jipprijoritizzawhom meta jittrattaw oġġetti konfliġġenti differenti lil hinn minn kwistjonijiet ambjentali. Ir-rapport tal-Kummissjoni wera l-valur ta’ din id-dispożizzjoni li tirrikonoxxi l-importanza relattiva tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fil-kuntest diffiċli attwali tal-enerġija lil hinn mill-objettivi speċifiċi tad-derogi previsti fid-Direttivi ambjentali msemmija fl-Artikolu 3(1). Għalhekk, jixraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tagħha sabiex jiġi rikonoxxut b’mod xieraq ir-rwol kruċjali tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tniġġis, jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija, titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili u tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi legali mwettaq mill-awtoritajiet tal-permessi jew mill-qrati nazzjonali.

(15)Kif muri fir-rapport tal-Kummissjoni, jeżistu sfidi fl-applikazzjoni ta’ kundizzjoni oħra biex jiġu applikati derogi speċifiċi previsti fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni li jirrikjedu n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ derogi speċifiċi. Tali sfidi jillimitaw l-utilità prattika tal-preżunzjoni li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huma ta’ interess pubbliku prevalenti, minħabba li huwa ostaklu konsiderevoli li jiġi ppruvat li proġett ma jistax iseħħ xi mkien ieħor, jekk irid jiġi kkunsidrat it-territorju ta’ pajjiż sħiħ, u saħansitra aktar jekk iridu jiġu kkunsidrati teknoloġiji oħra tal-enerġija rinnovabbli. Għalhekk, sabiex jitħaffef l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jixraq li l-Istati Membri jitħallew jillimitaw temporanjament il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonijiet alternattivi rilevanti li jridu jiġu kkunsidrati. Għall-finijiet tal-liġi ambjentali rilevanti tal-Unjoni, fil-valutazzjonijiet meħtieġa każ b’każ biex jiġi aċċertat jekk hemmx soluzzjonijiet alternattivi sodisfaċenti għall-proġett speċifiku tal-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw il-valutazzjoni għal dawk l-alternattivi li jiżguraw il-kisba tal-istess objettivi bħall-proġett inkwistjoni f’termini tal-użu tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli tal-istess teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli, fl-istess perjodu ta’ żmien u mingħajr ma jirriżulta f’kost addizzjonali. Meta jqabblu l-perjodu ta’ żmien u l-kost tas-soluzzjonijiet alternattivi sodisfaċenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-ħtieġa li jużaw l-enerġija rinnovabbli b’mod aċċellerat u kosteffettiv f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima ppreżentati skont l-Artikoli 3 u 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u l-veloċità mistennija biex dawn jinkisbu.

(16)Dispożizzjoni oħra b’potenzjal għal aċċellerazzjoni sinifikanti tal-pass tal-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli tinsab fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2022/2577, li jimponi skadenza massima ta’ 6 xhur għar-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli. Ir-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli għandu potenzjal sinifikanti biex iżid b’mod rapidu l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u b’hekk jippermetti li jitnaqqas il-konsum tal-gass. Dan jippermetti l-użu kontinwu tas-siti b’potenzjal sinifikanti ta’ enerġija rinnovabbli, u dan inaqqas il-ħtieġa li jiġu ddeżinjati siti ġodda għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Ir-repowering ta’ impjant tal-enerġija mir-riħ b’turbini aktar effiċjenti s-soltu jippermetti li tinżamm il-kapaċità eżistenti jew li din tinżdied imma b’inqas turbini li jkunu akbar u aktar effiċjenti. Ir-repowering jibbenefika wkoll mill-konnessjoni eżistenti mal-grilja, grad probabbilment ogħla ta’ aċċettazzjoni pubblika, u għarfien tal-impatti ambjentali.

(17)Fir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni sabet li hemm lok għal aktar simplifikazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi applikabbli għar-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri b’potenzjal akbar ta’ repowering. Id-Direttiva (UE) 2023/2413 iddaħħal diversi dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fid-Direttiva (UE) 2018/2001, inklużi l-iskadenzi massimi għall-għoti ta’ permessi. L-Artikolu 16b tad-Direttiva (UE) 2018/2001 idaħħal skadenza massima ta’ sena għar-repowering ta’ proġetti li jinsabu barra miż-żoni ta’ aċċellerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li l-Artikolu 16a ta’ dik id-Direttiva jinkludi skadenza ta’ 6 xhur għall-proġetti li jinsabu fiż-żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli. Minħabba li l-iskadenza għall-implimentazzjoni għad-deżinjazzjoni taż-żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli hija ta’ 27 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (jiġifieri dawn iż-żoni jkollhom jiġu deżinjati sal-20 ta’ Frar 2026), u anke jekk dawk iż-żoni jistgħu jiġu deżinjati qabel, jixraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2022/2577. Din l-estensjoni tinkludi emenda mmirata rigward il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex l-applikazzjoni tagħha tiġi limitata għaż-żoni identifikati skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577. L-estensjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-Regolament, flimkien mal-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tiegħu, tiżgura li tapplika immedjatament skadenza ambizzjuża għall-għoti ta’ permessi għar-repowering ta’ proġetti li jinsabu fiż-żoni speċifiċi identifikati mill-Istati Membri b’mod volontarju skont dan ir-Regolament, filwaqt li l-iskadenzi massimi għar-repowering tal-proġetti li jinsabu fid-Direttiva (UE) 2018/2001 japplikaw għall-bqija tat-territorju. Barra minn hekk, dan huwa konsistenti mad-differenzjazzjoni introdotta bid-Direttiva (UE) 2023/2413 bejn iż-żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli u ż-żoni li ma għandhomx tali status.

(18)L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577 jippermetti lill-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet biex jiżguraw il-protezzjoni ambjentali, li jintroduċu eżenzjonijiet minn ċerti obbligi ta’ valutazzjoni ambjentali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u għal proġetti ta’ ħżin tal-enerġija u proġetti tal-grilja tal-elettriku li huma meħtieġa għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija fakultattiva għall-Istati Membri u tipprovdilhom għodda effettiva biex jaċċelleraw il-varar tal-enerġija rinnovabbli u l-proġetti infrastrutturali relatati billi jiżguraw bilanċ bir-reqqa bejn il-ħtieġa li jintużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’veloċità ħafna aktar rapida u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ żoni ambjentalment sensittivi. Kif spjegat fir-rapport tal-Kummissjoni, dan l-Artikolu wassal għal riżultati pożittivi tanġibbli kemm f’termini tal-għadd ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli u tal-grilja ta’ suċċess li qed jiġu implimentati, kif ukoll tal-potenzjal ta’ aċċellerazzjoni u t-tqassir taż-żmien għall-għoti ta’ permessi fl-Istati Membri li għamlu użu minnu. Skont is-sejbiet tar-rapport tal-Kummissjoni bbażat fuq stimi pprovduti mill-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, tali aċċellerazzjoni tista’ tvarja minn diversi xhur sa saħansitra 3 snin fil-każ ta’ proġetti offshore.

(19)Abbażi tal-evidenza miġbura fir-rapport tal-Kummissjoni, l-estensjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577 tidher meħtieġa biex tiġi żgurata aċċellerazzjoni qawwija immedjata tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Tali Artikolu jista’ u jenħtieġ li jeżisti flimkien, għal perjodu limitat, mad-dispożizzjonijiet inklużi fid-Direttiva 2018/2001 rigward id-deżinjazzjoni taż-żoni għat-tħaffif tal-enerġija rinnovabbli (l-Artikolu 15c) u ż-żoni għall-infrastruttura tal-grilja u tal-ħżin meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku (l-Artikolu 15e).

(20)L-Artikolu 15c tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiddeżinjaw żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli għal teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli waħda jew aktar fi żmien 27 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2023/2413. Anki jekk l-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw żoni ta’ aċċelerazzjoni għall-enerġija rinnovabbli mill-mument li tidħol fis-seħħ id-Direttiva (UE) 2023/2413, mingħajr ma jistennew l-iskadenza tat-traspożizzjoni tagħha, din id-deżinjazzjoni teħtieġ xi żmien, li mistenni jkun itwal miż-żmien meħtieġ biex jiġu ddeżinjati ż-żoni ddedikati msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577. Dan għaliex din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li jiġu stabbiliti minn qabel bħala parti mill-pjan li jiddeżinja ż-żoni għall-aċċellerazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli regoli xierqa għal dawn iż-żoni dwar miżuri ta’ mitigazzjoni effettivi li għandhom jiġu adottati għall-installazzjoni ta’ impjanti tal-enerġija rinnovabbli u għall-ħżin tal-enerġija kolokalizzati f’dawk iż-żoni u ma tintroduċix proċeduri speċifiċi li għandhom jiġu segwiti f’dawk iż-żoni. Għalhekk, sabiex tiġi ffaċilitata aktar il-kostruzzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli matul perjodu temporanju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 jenħtieġ li tiġi estiża, sabiex ikun possibbli għall-Istati Membri li jiddeżinjaw żoni speċifiċi b’mod simplifikat, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiddeżinjaw b’mod parallel żoni ta’ aċċellerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli skont l-Artikolu 15c tad-Direttiva (UE) 2018/2001 sabiex jiġi żgurat li tali żoni jiġu stabbiliti sal-iskadenza stipulata fid-Direttiva.

(21)L-Artikolu 15e tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jinkludi dispożizzjoni li tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddeżinjaw żoni għall-infrastruttura tal-grilja u tal-ħżin meħtieġa biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata fis-sistema tal-elettriku taħt ċerti kundizzjonijiet. Fid-dawl tan-natura fakultattiva tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577 u l-Artikolu 15e tad-Direttiva (UE) 2018/2001, ma hemm l-ebda riskju legali ta’ kontradizzjoni peress li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu liema dispożizzjoni għandhom japplikaw jew saħansitra japplikaw it-tnejn li huma matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament sabiex jidentifikaw żoni differenti tal-grilja b’mod parallel, skont il-kundizzjonijiet differenti stabbiliti f’dawk l-atti legali, rispettivament.

(22)Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (“il-Konvenzjoni ta’ Aarhus”) rigward l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u b’mod partikolari, l-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-parteċipazzjoni pubblika u mal-aċċess għall-ġustizzja, jibqgħu applikabbli.

(23)Il-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika huwa prinċipju ġenerali skont id-dritt tal-Unjoni u japplika għall-Istati Membri kollha. Fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-solidarjetà enerġetika, il-miżuri proposti jippermettu d-distribuzzjoni transfruntiera tal-effetti ta’ varar aktar rapidu tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Il-miżuri japplikaw għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fl-Istati Membri kollha u jkopru kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-proġetti. Minħabba l-grad ta’ integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-Unjoni, kwalunkwe żieda fil-varar tal-enerġija rinnovabbli fi Stat Membru jenħtieġ li tkun ta’ benefiċċju wkoll għal Stati Membri oħra f’termini ta’ sigurtà tal-provvista u prezzijiet aktar baxxi. Jenħtieġ li tgħin biex l-elettriku rinnovabbli jimxi bejn il-fruntieri għal fejn huwa l-aktar meħtieġ u tiżgura li l-elettriku rinnovabbli prodott b’mod irħis jiġi esportat lejn l-Istati Membri fejn il-produzzjoni tal-elettriku hija aktar għalja. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet tal-enerġija rinnovabbli li għadhom kif ġew installati fl-Istati Membri se jkollhom impatt fuq it-tnaqqis ġenerali fid-domanda għall-gass fl-Unjoni kollha.

(24)L-Artikolu 122(1) TFUE jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedura oħra prevista fit-Trattati, fuq proposta mill-Kummissjoni u fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-miżuri adatti għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk jinqalgħu diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija. Fid-dawl ta’ dawk il-kunsiderazzjonijiet, is-sitwazzjoni urġenti u li għadha instabbli tal-enerġija u l-ħtieġa urġenti li jiġu aċċellerati minnufih is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli bħala strument biex jittaffew ir-riskji fuq il-provvista tal-enerġija u l-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija li għadhom jeżistu, jikkostitwixxu tali sitwazzjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitqies it-tmiem li qed joqrob tal-mandat tal-Parlament Ewropew, iż-żmien meħtieġ biex tiġi adottata leġiżlazzjoni skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kif ukoll il-ħtieġa li l-Istati Membri u l-investituri jkollhom prevedibbiltà u ċertezza legali dwar il-qafas legali. Estensjoni b’sena ta’ xi dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/2577 u ż-żieda ta’ dispożizzjoni ġdida huma meħtieġa biex jirrispondu għas-sitwazzjoni attwali u għalhekk huwa ġġustifikat li l-Artikolu 122(1) tat-TFUE jkun il-bażi ġuridika għal dan ir-Regolament.

(25)Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni hija urġenti peress li r-Regolament (UE) 2022/2577 se jieqaf japplika fit-30 ta’ Ġunju 2024 u l-investituri u l-awtoritajiet jeħtieġ li jkollhom ċarezza malajr kemm jista’ jkun fir-rigward tal-qafas legali li japplika minn hemm ’il quddiem biex jiżguraw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom u jippjanaw il-proġetti tagħhom skont dan. Għaldaqstant, jixraq li tiġi adottata l-estensjoni ta’ dak ir-Regolament xi xhur qabel tintemm l-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, minħabba l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni ġdida, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea..

(26)L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati jenħtieġ li tiġi estiża temporanjament u jeħtiġilha, flimkien mad-dispożizzjoni l-ġdida miżjuda, tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2025.

(27)Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(28)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2577 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2022/2577

Ir-Regolament (UE) 2022/2577 huwa emendat kif ġej:

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Dan ir-Regolament japplika għall-proċessi kollha tal-għoti ta’ permessi li d-data tal-bidu tagħhom tkun fil-perjodu tal-applikazzjoni tiegħu u huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu skadenzi aktar qosra minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 5(1).”;

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, għall-proġetti li huma rikonoxxuti bħala ta’ interess pubbliku prevalenti, li fil-proċess tal-ippjanar u tal-għoti tal-permessi, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ impjanti u installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-grilja relatata jingħataw prijorità meta jiġu bbilanċjati l-interessi legali fil-każ individwali. Sat-30 ta’ Ġunju 2024, fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispeċijiet, is-sentenza preċedenti għandha tapplika biss jekk u sal-punt li jittieħdu miżuri xierqa ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet li jikkontribwixxu għaż-żamma jew għar-restawr tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet għal stat ta’ konservazzjoni favorevoli u jsiru disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji kif ukoll żoni għal dak l-iskop.”;

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

Artikolu 3a

Nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi jew sodisfaċenti

“Meta jiġi vvalutat jekk ma hemmx soluzzjonijiet alternattivi sodisfaċenti għal proġett għal impjant jew installazzjoni għall-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli għall-finijiet tal-Artikoli 6(4) u 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/147/KE, din il-kundizzjoni tista’ titqies issodisfata jekk ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti li kapaċi tikseb l-istess objettiv tal-proġett inkwistjoni, b’mod partikolari f’termini tal-iżvilupp tal-istess kapaċità ta’ enerġija rinnovabbli permezz tal-istess teknoloġija tal-enerġija fl-istess perjodu ta’ żmien jew f’perjodu ta’ żmien simili u mingħajr ma tirriżulta f’kostijiet ferm ogħla.”;

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-proġetti tal-enerġija rinovabbli li jinsabu fiż-żona apposta msemmija fl-Artikolu 6, inkluż il-permessi relatati mal-aġġornament tal-assi neċessarji għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja fejn ir-repowering jirriżulta f’żieda fil-kapaċità, ma għandux jaqbeż 6 xhur inkluż il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fejn meħtieġ mil-leġiżlazzjoni rilevanti.”;

Fl-Artikolu 8, it-titolu u s-sentenza introduttorja huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Skedi ta’ żmien għall-proċess tal-għoti tal-permessi għar-repowering tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli f’żoni ddedikati skont l-Artikolu 6

Meta jiġu applikati l-iskadenzi msemmija fl-Artikoli 5(1), iż-żmien li ġej ma għandux jingħadd ma’ dawk l-iskadenzi ħlief meta jikkoinċidi ma’ stadji amministrattivi oħra tal-proċess tal-għoti ta’ permessi:”

fl-Artikolu 10, wara t-tieni paragrafu jiżdied il-paragrafu li ġej:

Madankollu, l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 6 u l-Artikolu 8 għandhom japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2025.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2024. Madankollu, l-Artikolu 1(3) għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   AIE: Ir-Rapport dwar il-Gass fuq Terminu Medju 2023.

(2)

   AIE: World Energy Outlook 2023

(3)

   L-AIE nnotat li “d-domanda globali għall-gass mistennija terġa’ lura għal tkabbir moderat fl-2024, primarjament xprunata mill-Asja tal-Paċifiku u l-Lvant Nofsani” u li d-domanda bejn l-Asja u l-Paċifiku mistennija “li tespandi b’20 % sal-2026 meta mqabbla mal-2022”, ara r-Rapport dwar il-Gass fuq Terminu Medju tal-2023.

(4)

   Id-defiċits domestiċi fl-enerġija idroelettrika u nukleari, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u fatturi oħra ta’ disponibbiltà, aggravaw l-istress fuq is-suq tal-gass li kompla jgħolli l-prezzijiet fis-sajf tal-2022. Id-distakk fil-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika u nukleari fl-2022 kien ta’ madwar 60 TWh u 120 TWh, rispettivament, meta mqabbel mal-2021.

(5)

   https://www.huoltovarmuuskeskus.fi/en/a/nesa-raising-its-risk-assessment-concerning-the-security-of-gas-supply

(6)

   Skont l-AIE, id-domanda Ewropea għall-gass hija mbassra li tikber b’2 % fl-2024. Ara r-Rapport dwar il-Gass fuq Terminu Medju 2023.

(7)

   https://iea.blob.core.windows.net/assets/f45a2340-8479-4585-b26e-ec5e9b14feca/GlobalGasSecurityReview2023IncludingtheGasMarketReportQ32023.pdf. Fil-bidu ta’ Novembru 2023, l-inventarji tal-gass tal-UE laħqu livell rekord ta’ kapaċità ogħla minn 99 %.

(8)     How much money are European consumers saving thanks to renewables? – Renewable Energy Market Update - June 2023 – Analysis - IEA .
(9)     https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/product/view/nrg_cb_pem .
(10)    COM(2023) 764 final.
(11)

   AIE: Medium-Term Gas Report 2023.

(12)

   AIE: World Energy Outlook 2023.

(13)     How much money are European consumers saving thanks to renewables? – Renewable Energy Market Update - June 2023 – Analysis - IEA .
(14)     https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/product/view/nrg_cb_pem .