Brussell, 24.11.2023

COM(2023) 736 final

2023/0419(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna l-konklużjoni ta’ emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (“in-Norveġja”) dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“il-Ftehim”).

Il-Ftehim daħal fis-seħħ f’Settembru 2018. Il-Ftehim jippermetti li l-Istati Membri tal-UE u n-Norveġja jikkooperaw b’mod simili skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 2 u d-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE 3 biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT, u jassistu lil xulxin biex jirkupraw talbiet fil-qasam tal-VAT.

Madankollu, sadanittant saru diversi emendi għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 u ġew introdotti għodod ġodda għall-kooperazzjoni amministrattiva, jiġifieri permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 emendatorju 4 . L-għodod il-ġodda jinkludu:

- it-tisħiħ tan-network tal-Eurofisc permezz ta’ governanza msaħħa, l-hekk imsejħa azzjonijiet ta’ segwitu (l-ipproċessar u l-analiżi konġunti tad-data) u l-inkjesti amministrattivi mwettqa b’mod konġunt (l-awditi konġunti);

- il-ħidma ma’ korpi oħra tal-infurzar tal-liġi tal-UE (l-Europol, l-OLAF);

- il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni ewlenija dwar l-importazzjonijiet u dwar il-vetturi.

Ġiet introdotta wkoll il-possibbiltà li jintużaw mezzi oħra għall-iskambju ta’ informazzjoni mill-formoli standard.

L-Artikolu 41(5) tal-Ftehim jistabbilixxi l-formalitajiet jekk Parti għall-Ftehim tkun tixtieq tirrevedih. Għalhekk, din il-Parti għandha tressaq proposta lill-Kumitat Konġunt, li għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet tiegħu dwarha, b’mod partikolari sabiex jinbdew in-negozjati skont ir-regoli għan-negozjati internazzjonali tal-Partijiet.

Waqt it-tieni laqgħa tal-25 ta’ Novembru 2021 tal-Kumitat Konġunt UE-Norveġja, stabbilit skont l-Artikolu 41(1) tal-Ftehim, ir-Renju tan-Norveġja ppreżenta uffiċjalment talba biex jissupplimenta u jemenda l-Ftehim sabiex:

   jitqiesu l-għodod ta’ kooperazzjoni amministrattiva li għadhom kif ġew introdotti (l-użu ta’ mezzi oħra għall-iskambju ta’ informazzjoni apparti l-formoli standard, l-inkjesti amministrattivi mwettqa b’mod konġunt u l-azzjonijiet ta’ segwitu fil-qafas tal-Eurofisc).

   tiġi aġġornata r-referenza għad-Direttiva 95/46/KE mħassra bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data 5 u b’mod partikolari, l-introduzzjoni ta’ referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) 6 li huma eqwivalenti għar-Regolament (UE) 2016/679.

Sa issa n-Norveġja pparteċipat b’mod attiv fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ ħidma tal-Eurofisc. Matul l-2020 u l-2021, in-Norveġja wissiet lill-Istati Membri dwar il-possibbiltà ta’ frodi u ta’ telf potenzjali tal-VAT li jammontaw għal EUR 5 biljuni fil-qasam tal-krediti ta’ karbonju.

L-emenda tal-Ftehim bl-inklużjoni tal-għodod il-ġodda msemmija hawn fuq għandha tippermetti kooperazzjoni aħjar u ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, u b’hekk iġġib valur miżjud għaż-żewġ partijiet għall-Ftehim (in-Norveġja u l-Istati Membri).

Fis-17 ta’ Ġunju 2022 ġiet adottata Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tan-Norveġja għall-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud 7 .

Ir-Rakkomandazzjoni mill-Kumitat Konġunt biex jinbdew in-negozjati, f’konformità mal-Artikolu 41(5) tal-Ftehim (skambju ta’ ittri), ġiet adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub f’Ottubru 2022.

Fit-18 ta’ Novembru 2022 sar ċiklu ta’ negozjati u ntlaħaq ftehim fis-27 ta’ Ġunju 2023.

Il-Kunsill ġie infurmat b’mod konsistenti dwar il-progress fil-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet ta’ Taxxa u fil-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli.

Il-Kummissjoni tqis li ntlaħqu l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu u li t-test negozjat hu aċċettabbli għall-Unjoni.

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud sar fi XXX.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-emenda tal-Ftehim ġiet innegozjata f’konformità mad-direttivi ta’ negozjar komprensivi adottati mill-Kunsill fis-17 ta’ Ġunju 2022.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT ma’ pajjiżi terzi hija waħda mill-azzjonijiet imħabbra bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2020 għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li tappoġġa l-irkupru 8 .

Barra minn hekk, ta’ min wieħed jinnota li l-emenda għandha tkopri l-għodod ta’ kooperazzjoni diġà fis-seħħ u applikati mill-Istati Membri abbażi tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

Għalhekk, din l-inizjattiva hija konformi mal-politika attwali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-VAT u għandha tarmonizza l-kooperazzjoni tal-Istati Membri man-Norveġja mal-acquis tal-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta attwali lill-Kunsill hija ppreżentata skont l-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-Artikolu 3(2) tat-TFUE jipprevedi li, minbarra fl-oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva mniżżlin fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE, l-Unjoni “għandha wkoll kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni, jew tkun meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom”.

Skont il-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim jista’ jaffettwa regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom meta jkopri oqsma fejn hemm miżuri ta’ armonizzazzjoni 9 .

Is-suġġett tar-reviżjoni tal-Ftehim, jiġifieri li jiġu koperti l-għodod il-ġodda ta’ kooperazzjoni amministrattiva introdotti mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541, jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. L-aġġornament tar-referenzi għad-Direttiva 95/46/KE bir-Regolament (UE) 2016/679 jista’ jsir fil-qafas tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 41(2)(k) tal-Ftehim. Madankollu, dak l-aġġornament jista’ jiġi inkluż ukoll fil-ftuħ mill-ġdid tan-negozjati dwar it-test tal-Ftehim.

F’konformità mat-Trattati, il-Kummissjoni tagħmel proposta għall-konklużjoni ta’ ftehim tal-Unjoni.

Proporzjonalità

L-istrumenti ta’ kooperazzjoni li għandhom jiġu inklużi fl-emenda tal-Ftehim se jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità u mhux se jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi pprovdut qafas komuni għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja fil-qasam tal-VAT. Din l-emenda tal-Ftehim se tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT jikkooperaw mal-awtoritajiet tat-taxxa Norveġiżi bl-istess mod li jikkooperaw bejniethom fl-UE u abbażi tal-acquis tal-UE.

3.RIŻULTATI TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Valutazzjoni tal-impatt

Skont l-għodda 7 tar-Regolamentazzjoni Aħjar 10 , il-valutazzjoni tal-impatt mhijiex meħtieġa meta l-impatt ma jkunx jista’ jiġi identifikat b’mod ċar ex ante, l-impatti jkunu żgħar jew il-Kummissjoni ftit li xejn ikollha għażla fil-kwistjoni.

L-emenda għandha l-għan li tallinja kemm jista’ jkun mal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT u l-protezzjoni tad-data mal-ftehim diġà fis-seħħ bejn l-UE u n-Norveġja dwar il-kooperazzjoni tal-VAT. Fil-prattika, l-eżitu tal-proposta prevista mhux se jkun att legali ġdid, iżda biss emenda tal-Ftehim bejn l-UE u n-Norveġja.

Drittijiet fundamentali

Il-Ftehim previst se jirrispetta l-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-emendi previsti se jipprovdu lill-Istati Membri, sa fejn ikun possibbli u sa fejn ikun meħtieġ, b’għodod ġodda ta’ kooperazzjoni man-Norveġja, simili għal dawk introdotti fir-Regolament 904/2010 bir-Regolament (UE) 2018/1541, immedjatament wara l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-UE u n-Norveġja. Barra minn hekk, l-emenda taġġorna r-referenza għad-Direttiva 95/46/KE mħassra b’referenza għar-regoli nazzjonali adottati skont il-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tad-data personali. Minbarra dan, ġie ċċarat li l-Kumitat Konġunt ma jiġix ikkonsultat għal tilwim fil-qasam tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali msemmija fil-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE.

B’mod partikolari, l-emenda tkopri:

1. Inkjesti amministrattivi mwettqa b’mod konġunt (l-hekk imsejħa Awditi Konġunti):

L-Artikolu 13(2)a għandu jintroduċi l-possibbiltajiet ta’ inkjesti amministrattivi mwettqa b’mod konġunt — kif diġà previst għall-kooperazzjoni fost l-Istati Membri skont l-Artikolu 28 (2a) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010. Dan l-Artikolu għandu jippermetti li uffiċjali awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat wieħed ikunu preżenti waqt inkjesti amministrattivi mwettqa minn uffiċjali ta’ Stat ieħor u li jipparteċipaw f’inkjesti amministrattivi mwettqa b’mod konġunt.

2. Eurofisc – l-azzjonijiet ta’ segwitu (FUA)

L-Artikolu 15(1)a għandu jippermetti l-azzjonijiet ta’ segwitu – kif diġà possibbli fost l-Istati Membri skont l-Artikolu 33(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 – fil-qafas tal-Eurofisc bil-parteċipazzjoni tan-Norveġja. Fil-qafas tal-Eurofisc, l-Istati Membri u n-Norveġja jkunu jistgħu jikkoordinaw l-inkjesti amministrattivi tal-Istati parteċipanti dwar il-frodi identifikati mill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc.

3. Aġġornament tar-referenza legali għad-Direttiva 95/46/KE

Billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 ġie traspost b’aġġustament fil-Ftehim ŻEE, l-emendi proposti tal-Artikolu 6 jissostitwixxu r-referenza għad-Direttiva 95/46/KE b’referenza għar-Regolament (UE) 2016/679 u l-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE.

Fl-aħħar nett, minħabba li l-Artikolu 6 propost ikun jinkludi referenza għall-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE, ikun meħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 42 tal-Ftehim sabiex ikun ċar li l-Kumitat Konġunt mhuwiex kompetenti għal tilwim ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data.

2023/0419 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 11 ),

Billi:

(1)Il-qafas ta’ kooperazzjoni skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud 12 (“il-Ftehim”) diġà wera eżitu pożittiv ħafna;

(2)Għodod ġodda għall-kooperazzjoni ġew introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-UE bl-emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 13 ;

(3)Għalhekk il-Ftehim jeħtieġ li jiġi emendat biex l-Istati Membri jingħataw għodod ġodda ta’ kooperazzjoni man-Norveġja;

(4)It-test tal-emenda tal-Ftehim, li jirriżulta min-negozjati, jirrifletti kif xieraq id-direttivi ta’ negozjar maħruġa mill-Kunsill.

(5)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) XXXX( 14 ) , l-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fi xxxx [soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard]. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformita mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 .

(6)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-emenda tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna awtorizzata biex tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, biex tibgħat notifika, kif previst fl-Artikolu 44(4) tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, (ĠU L 195, 1.8.2018, p. 3–22)
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1)
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1)
(4)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 904/2010 u (UE) 2017/2454 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 259/1, 16.10.2018, p. 1–11)
(5)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88)
(6)    https://www.efta.int/eea/eea-agreement
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1311 tas-17 ta’ Ġunju 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju tan-Norveġja għall-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 198, 27.7.2022, p. 14–15)
(8)    Azzjoni 14, COM/2020/312 final
(9)    L-Opinjoni 3/15 tal-Qorti, ECLI:EU:C:2017:114, il-paragrafu 118 u l-ġurisprudenza kkwotata fiha.
(10)    https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/br_toolbox-nov_2021_en_0.pdf
(11)    Opinjoni ta’ XXX (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).
(12)    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, (ĠU L 195, 1.8.2018, p. 3–22)
(13)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 904/2010 u (UE) 2017/2454 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 259/1, 16.10.2018, p. 1–11)
(14)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) xxxx dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L xxxx)
(15)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39–98)

Brussell, 24.11.2023

COM(2023) 736 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-emenda tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud


L-EMENDA TAL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-RENJU TAN-NORVEĠJA DWAR IL-KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA, IL-ĠLIEDA KONTRA L-FRODI U L-IRKUPRU TAT-TALBIET FIL-QASAM TAT-TAXXA FUQ IL-VALUR MIŻJUD

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

kif ukoll

IR-RENJU TAN-NORVEĠJA, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “in-Norveġja”,

minn hawn ’il quddiem “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-qafas ta’ kooperazzjoni skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“il-Ftehim”) diġà wera eżitu pożittiv ħafna,

BILLI għodod ġodda għall-kooperazzjoni ġew introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-UE bl-emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 2 ;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Istati Membri u n-Norveġja jibbenefikaw minn estensjoni tal-għodod ta’ kooperazzjoni li jippermettu kooperazzjoni aktar effettiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-inkjesti amministrattivi mwettqa b’mod konġunt u l-azzjonijiet ta’ segwitu tal-Eurofisc,

BILLI sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv u effiċjenti tal-VAT fuq it-tranżazzjonijiet transfruntiera, il-possibilità ta’ inkjesti amministrattivi mwettqa b’mod konġunt, li jippermettu lill-uffiċjali minn żewġ stati jew aktar jiffurmaw tim wieħed u jieħdu sehem b’mod attiv f’inkjesta amministrattiva mwettqa b’mod konġunt se tgħin biex jiġi żgurat infurzar xieraq tal-VAT u jiġi evitat xogħol doppju u piż amministrattiv kemm tal-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll tan-negozji,

BILLI sabiex jiġu miġġielda l-aktar frodi transfruntiera serji, jeħtieġ li tissaħħaħ il-ħidma tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc biex jaċċessaw, jiskambjaw, jipproċessaw u janalizzaw l-informazzjoni kollha meħtieġa malajr u jikkoordinaw kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu,

BILLI r-referenzi legali għad-Direttiva 95/46/KE 3 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data jenħtieġ li jiġu aġġornati bir-referenzi meħtieġa għar-Regolament (UE) Nru 2016/679 4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data,

FILWAQT LI JINNOTAW li r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data ġie inkorporat b’adattamenti fl-Anness XI tal-Ftehim ŻEE, huwa soġġett għall-qafas istituzzjonali tal-Ftehim ŻEE 5 u n-Norveġja aġġustat il-leġiżlazzjoni tagħha biex tikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-anqas fl-oqsma koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-Ftehim ŻEE,

FILWAQT LI JINNOTAW li r-Regolament (KE) Nru 2018/1725 6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għall-fini ta’ dan il-Ftehim

QABLU KIF ĠEJ:

ARTIKOLU 1

Jenħtieġ li jiddaħħlu l-emendi li ġejjin għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud:

(1) Il-5 premessa għall-preambolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

KONXJI li l-istati jenħtieġ japplikaw regoli dwar il-kunfidenzjalità skont il-liġi nazzjonali u l-protezzjoni tad-data personali skont il-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE,

(2) L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

1. Kwalunkwe informazzjoni miksuba minn Stat skont dan il-Ftehim għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali u protetta bl-istess mod bħall-informazzjoni miksuba skont il-liġi domestika tiegħu għall-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mal-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE.

(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

2. Tali informazzjoni tista’ tiġi żvelata lill-persuni jew lill-awtoritajiet involuti fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-VAT (fosthom il-qrati u l-korpi amministrattivi jew il-korpi ta’ sorveljanza) tal-istati kkonċernati mill-applikazzjoni tal-liġijiet tal-VAT u għall-fini li ssir valutazzjoni korretta tal-VAT jew li jsir il-ġbir jew il-kontroll amministrattiv tat-taxxa għall-fini li tiġi stabbilita l-valutazzjoni, tal-VAT kif ukoll għall-fini li jiġi applikat l-infurzar b’rabta mat-talbiet tal-VAT, inkluż miżuri ta’ rkupru jew ta’ prekawzjoni.

(c) il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

6. L-informazzjoni li stat jagħti lil stat ieħor tista’ tintbagħat minn dan l-istat tal-aħħar lil stat ieħor, soġġett għall-kunsens minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-istat minn fejn tkun oriġinat l-informazzjoni. L-istat tal-oriġini tal-informazzjoni jista’ jopponi t-tali kondiviżjoni tal-informazzjoni fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi t-talba tal-istat li jkun jixtieq jikkondividi dik l-informazzjoni.

(d) jiżdied il-paragrafu 6.a:

6.a Kull ħażna, ipproċessar jew skambju ta’ informazzjoni msemmija f’dan il-Ftehim huma soġġetti għar-regoli nazzjonali adottati skont il-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE kif ukoll għar-rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar ta’ data personali stabbiliti f’dan il-Ftehim. Madankollu, għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta’ dan il-Ftehim, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligazzjonijiet u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 15, 17, 21 u 22 tar-Regolament (UE) 2016/679. Tali restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi msemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE ekwivalenti għall-punt (e) tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari li:

(a) l-awtoritajiet kompetenti tal-istati jkunu jistgħu jissodisfaw il-kompiti tagħhom b’mod tajjeb għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim; jew

(b) jiġi evitat li l-inkjesti, l-analiżi, l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri uffiċjali jew legali jiġu ostakolati għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim u jkun żgurat li l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-individwazzjoni tal-evażjoni tat-taxxa u tal-frodi tat-taxxa ma jiġux ipperikolati.

L-ipproċessar u l-ħażna ta’ informazzjoni msemmijin f’dan il-Ftehim għandhom jitwettqu biss għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 1ta’ dan il-Ftehim u l-informazzjoni m’għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment f’mod li huwa inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet.

L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta’ din id-Direttiva għal kwalunkwe fini ieħor bħal finijiet kummerċjali, għandu jkun projbit.

(e) il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

7. L-istati jistgħu jibagħtu l-informazzzjoni li jiksbu skont dan il-Ftehim lil pajjiżi terzi bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)it-trasferiment ta’ data personali huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE ekwivalenti għar-Regolament (UE) 2016/679;

(b)l-awtorità kompetenti li tkun bagħtet l-informazzjoni oriġinarjament tkun qablet mat-tali trażmissjoni;

(c)it-trażmissjoni hija permessa permezz ta’ arranġamenti ta’ assistenza legalment vinkolanti u infurzabbli bejn l-istat li jittrażmetti l-informazzjoni u dak il-pajjiż terz partikolari.

(f) il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

9. Kull stat għandu minnufih jinnotifika lill-istati l-oħra kkonċernati dwar kwalunkwe ksur tal-kunfidenzjalità, kwalunkwe ksur ta’ data personali u kwalunkwe sanzjoni u azzjoni ta’ rimedju konsegwentement imposta.

(g) il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

10. Persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta’ Akkreditazzjoni ta’ Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea jista’ jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni biss sa fejn ikun meħtieġ għall-kura, għall-manutenzjoni u għall-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi ospitati mill-Kummissjoni u użati mill-istati biex jimplimentaw dan il-Ftehim. Kwalunkwe aċċess għal data personali għandu jiġi ttrattat f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.

(3) L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

1. Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu, bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)a, ikunu preżenti fl-uffiċċji tal-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat rikjest, jew kwalunkwe post ieħor, fejn dawk l-awtoritajiet iwettqu l-ħidma tagħhom. Meta l-informazzjoni mitluba tkun tinsab fid-dokumentazzjoni li għaliha jkollhom aċċess l-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhom jingħataw kopji tagħha.

(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

2. Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu, bil-għan li jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)a, ikunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-Istat rikjest. Tali inkjesti amministrattivi għandhom jitwettqu esklużivament mill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta. L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti ma għandhomx jeżerċitaw is-setgħat ta’ spezzjoni mogħtija lill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta. Huma jistgħu, madankollu, ikollhom aċċess għall-istess bini u dokumenti bħal dawn tal-aħħar, permezz tal-intermedjazzjoni tal-uffiċjali tal-awtorità rikjesta u għall-iskop waħdieni li titwettaq l-inkjesta amministrattiva.

(c) jiżdied il-paragrafu 2.a:

2a. Bi ftehim bejn l-awtoritajiet rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, uffiċjali awtorizzati mill-awtoritajiet rikjedenti, bil-għan li jiġbru u jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)a, jistgħu jieħdu sehem fl-inkjesti amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-istat rikjest. Tali inkjesti amministrattivi għandhom jitwettqu b’mod konġunt mill-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti u tal-awtoritajiet rikjesti u għandhom jitwettqu taħt id-direzzjoni u skont il-leġiżlazzjoni tal-istat rikjest.

L-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandu jkollhom aċċess għall-istess bini u dokumenti bħall-uffiċjali tal-awtorità rikjesta u, sa fejn ikun permess mil-leġiżlazzjoni tal-istat rikjest għall-uffiċjali tagħha, għandhom ikunu jistgħu jintervistaw persuni taxxabbli.

Meta jkun permess mil-leġiżlazzjoni tal-istat rikjest, l-uffiċjali tal-istati rikjedenti għandhom jeżerċitaw l-istess setgħat ta’ spezzjoni bħal dawk mogħtija lill-uffiċjali tal-istat rikjest. Is-setgħat ta’ spezzjoni tal-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandhom jiġu eżerċitati għall-fini unika li titwettaq l-inkjesta amministrattiva.

Bi ftehim bejn l-awtoritajiet rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-awtoritajiet parteċipanti jistgħu jabbozzaw rapport ta’ inkjesta komuni.

(d) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

3. L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti preżenti fi Stat ieħor f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 2a jridu f’kull waqt ikunu jistgħu juru l-awtorizzazzjoni bil-miktub li tiddikjara l-identità u l-kariga uffiċjali tagħhom.

(4) L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

1. Sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-kooperazzjoni multilaterali fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u għall-koordinazzjoni ta’ kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu, in-Norveġja għandha tiġi mistiedna tieħu sehem fin-netwerk imsejjaħ “Eurofisc”, previst fil-Kapitolu X tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

(b) jiżdied il-paragrafu 1a:

1a. Fil-qafas tal-Eurofisc, l-istati għandhom jikkoordinaw l-inkjesti amministrattivi tal-istati parteċipanti dwar frodi identifikati mill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc kif imsemmi fl-Artikolu 16(1) mingħajr is-setgħa li jitolbu lill-istati jwettqu inkjesti amministrattivi.

(5) L-Artikolu 42 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Soluzzjoni tat-tilwim

Kwalunkwe tilwima bejn il-Partijiet relatata mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, bl-eċċezzjoni ta’ tilwim relatat mal-applikazzjoni tal-punt 5e tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE, għandha tiġi solvuta permezz ta’ konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt. Il-Partijiet għandhom jibagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha li hemm bżonn biex il-kwistjoni tiġi eżaminata bir-reqqa lill-Kumitat Konġunt bil-ħsieb li jissolva t-tilwim.

ARTIKOLU 2

Dħul fis-seħħ

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom imsemmijin fil-paragrafu 1 tal-Ftehim.

(1)

   https://eur-lex.europa.eu/resource.html?uri=cellar:ff32b4af-c53e-11ec-b6f4-01aa75ed71a1.0002.02/DOC_1&format=PDF

(2)

   Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 904/2010 u (UE) 2017/2454 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 259/1, 16.10.2018, p. 1–11)

(3)

   Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.2016, p. 31–50)

(4)

   Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1–88)

(5)

   https://www.efta.int/eea/eea-agreement

(6)

   Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39–98)