IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.11.2023
COM(2023) 692 final
2023/0397(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.11.2023
COM(2023) 692 final
2023/0397(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Konverġenza soċjoekonomika insuffiċjenti bejn il-Balkani tal-Punent u l-UE kienet kwistjoni li ilha teżisti, aggravata mill-impatt ekonomiku tal-gwerra mhux ipprovokata u mhux ġustifikata tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u qabel dak mill-pandemija tal-COVID-19. Il-livell ta’ konverġenza ekonomika tal-Balkani tal-Punent f’termini ta’ PDG per capita skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist huwa ta’ bejn 30 % u 50 % tal-medja tal-UE u ma huwiex qed jagħmel progress mgħaġġel biżżejjed. Huwa essenzjali għall-Balkani tal-Punent, għall-Unjoni Ewropea u għall-proċess ta’ adeżjoni li din ir-rata ta’ konverġenza taċċellera. Livell ogħla ta’ konverġenza se jiffaċilita ħafna l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent fl-UE.
Il-konverġenza ekonomika tinsab fil-qalba tal-benefiċċji tas-sħubija fl-UE: l-esperjenza tal-ħames ċiklu tat-tkabbir tal-UE, fejn xi wħud mill-Istati Membri l-aktar ġodda kisbu livelli ta’ introjtu ta’ 90 % jew aktar tal-medja tal-UE, juri l-impatt li l-integrazzjoni ekonomika u l-ftuħ tas-suq li jirriżultaw mis-sħubija fis-Suq Uniku flimkien mal-Politika ta’ Koeżjoni għandhom fuq il-konverġenza ekonomika. Minħabba l-ispeċifiċitajiet tar-reġjun, l-integrazzjoni progressiva mas-Suq Uniku anke qabel l-adeżjoni tista’ tisfrutta xi wħud mill-benefiċċji aktar kmieni. Tali integrazzjoni progressiva jeħtieġ li titħejja bir-reqqa u għandha tiġi preċeduta minn kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali mill-qrib bħala miżura preparatorja.
Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni żviluppat il-Pjan ta’ Tkabbir għall-Balkani tal-Punent (stabbilit fid-dettall f’Komunikazzjoni parallela tal-Kummissjoni). Dan huwa bbażat fuq erba’ pilastri:
–Integrazzjoni ekonomika mtejba mal-Unjoni Ewropea;
–Integrazzjoni ekonomika fil-Balkani tal-Punent: is-Suq Reġjonali Komuni;
–Riformi fundamentali;
–Żieda fl-assistenza finanzjarja.
Il-Faċilità preżenti se sservi bħala l-parti ċentrali tal-Pjan għat-Tkabbir li jżid b’mod sinifikanti l-assistenza finanzjarja bbażata fuq aġenda ta’ riforma ambizzjuża li tiffoka fuq ir-riformi soċjoekonomiċi meħtieġa flimkien ma’ riformi fundamentali, inkluż l-istat tad-dritt u investimenti mmirati. Din se tintroduċi kundizzjonalità b’saħħitha billi tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ pagament ibbażat fuq il-kisbiet ta’ dawn ir-riformi. Tali approċċ jirrikjedi disinn kompletament ġdid, differenti mill-istrumenti ta’ assistenza esterna disponibbli bħalissa.
L-assistenza finanzjarja kurrenti lill-Balkani tal-Punent u lit-Turkija skont l-Istrument ta’ qabel l-Adeżjoni (IPA III), se tkompli fil-forma kurrenti tagħha u se timmira lejn l-allinjament dejjem akbar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-amministrazzjoni pubblika mal-acquis tal-UE u mal-istandards tal-UE bil-ħsieb ta’ sħubija futura fl-Unjoni.
Għalhekk, il-Faċilità l-ġdida se tikkomplementa l-approċċ tal-IPA III billi tiffoka fuq id-determinanti speċifiċi għat-tkabbir soċjali u ekonomiku.
Barra minn hekk, filwaqt li l-IPA III jiffoka fuq proċess ta’ programmazzjoni bbażat fuq il-prestazzjoni, din il-Faċilità l-ġdida se jkollha mekkaniżmu ta’ pagament ibbażat fuq kundizzjonalità ex ante, li jgħaqqad b’mod innovattiv l-għotjiet u s-self, li se jwassal għal inċentiv aktar b’saħħtu biex jiġu implimentati riformi strutturali ewlenin mill-Benefiċjarji.
Sabiex jibbenefika bis-sħiħ mill-opportunitajiet tal-Pjan tat-Tkabbir, kull Benefiċjarju se jħejji Aġenda ta’ Riforma, li se tistabbilixxi l-miżuri ewlenin li kull Benefiċjarju għandu l-ħsieb li jwettaq matul il-perjodu 2024-2027 biex jaċċellera l-konverġenza soċjoekonomika mal-UE. L-Aġenda ta’ Riforma se tiġi kkonsultata, ivvalutata u adottata mill-Kummissjoni.
L-Aġenda ta’ Riforma se tkun konsistenti mal-istrateġija ta’ tkabbir tal-Benefiċjarju allinjata mal-perkors tat-tkabbir. Se tressaq riformi fundamentali ewlenin identifikati fil-proċess ta’ adeżjoni kif ukoll għadd limitat ta’ riformi soċjoekonomiċi ċentrali identifikati fi Programmi preċedenti ta’ Riforma Ekonomika li minn issa ’l quddiem se jiġu integrati fl-Aġendi ta’ Riforma. Dan se jiġi artikolat b’aċċellerazzjoni tal-investimenti rilevanti u konnessi skont il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, riflessjoni reġjonali tal-Gateway Globali.
Dawn l-investimenti se jitwettqu permezz tal-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent (Western Balkans Investment Framework, WBIF), u s-setturi fil-mira li se jiffunzjonaw bħala multiplikaturi ewlenin għall-iżvilupp soċjoekonomiku: il-konnettività, inklużi t-trasport, l-enerġija, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet. Proġetti jew programmi relatati se jiġu implimentati f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-banek tal-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE u se jattiraw investimenti addizzjonali minnhom u mis-settur privat.
Il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent għall-perjodu 2024-2027 hija għalhekk komplementari għall-IPA III. Hija mfassla bħala strument flessibbli, adattat għall-objettiv li jiġu aċċellerati r-riformi soċjoekonomiċi fundamentali u li r-reġjun jinġieb eqreb lejn l-UE, filwaqt li jiġu żgurati l-prevedibbiltà, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-fondi.
Hemm il-possibbiltà li l-Balkani tal-Punent jimplimentaw riformi mmirati f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE taħt l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI), peress li l-kooperazzjoni mal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi tista’ tikkontribwixxi għall-adeżjoni u l-integrazzjoni aċċellerati tagħhom. Il-Kummissjoni se tivvaluta r-riżultati tal-proġett pilota kurrenti tat-TSI mal-pajjiżi kandidati u mal-kandidati potenzjali u se tesplora ulterjorment kif tiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti ta’ riforma f’bosta pajjiżi skont it-TSI.
Il-Faċilità proposta se tippermetti lill-Unjoni tlaħħaq mal-ambizzjoni politika tagħha mal-ingranaġġ finanzjarju tagħha, f’konformità mal-impenn fit-tul tagħha vis-à-vis il-Benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent fit-triq tagħhom għall-adeżjoni mal-UE.
Ir-riżorsi massimi għall-implimentazzjoni tal-Faċilità se jkunu ta’ EUR 6 biljun (fi prezzijiet kurrenti) għall-2024-2027 għat-tipi kollha ta’ appoġġ, li minnhom sa EUR 2 biljun se jkunu f’appoġġ mhux ripagabbli u EUR 4 biljun f’self konċessjonarju pprovdut mill-Unjoni. Il-proviżjonament tal-obbligazzjonijiet finanzjarji fil-Fond ta’ Proviżjonament Komuni għas-self se jiġi mill-appoġġ mhux ripagabbli ta’ EUR 2 biljun.
Fir-rigward tal-komponent ta’ appoġġ mhux ripagabbli, il-Faċilità se tiġi ffinanzjata minn riżorsi addizzjonali taħt l-intestatura 6 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) bħala parti mir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-QFP. Għaldaqstant, il-proposta għal emenda tar-Regolament dwar il-QFP 1 tistabbilixxi li EUR 2 biljun addizzjonali se jkunu disponibbli taħt l-Intestatura 6 għall-assistenza lill-Balkani tal-Punent.
Il-Faċilità l-ġdida se tiġi implimentata permezz ta’ mekkaniżmi eżekuttivi li ntgħażlu biex tiġi mmassimizzata l-kisba rapida tar-riformi u l-investimenti relatati, filwaqt li jinżammu l-kontrolli meħtieġa u jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv għall-Kummissjoni, għall-Benefiċjarji u għal sħab ta’ implimentazzjoni oħrajn.
L-appoġġ se jiġi pprovdut permezz ta’ żewġ mekkaniżmi ta’ twettiq: 1) Appoġġ dirett għall-baġits nazzjonali tal-Benefiċjarji u 2) Appoġġ għall-investimenti fl-infrastruttura permezz tad-WBIF.
Bħala minimu, nofs l-ammont globali disponibbli biex jappoġġa l-Faċilità, madwar
EUR 3 biljun, se jiġi allokat gradwalment lid-WBIF inkluż l-ammont sħiħ tal-appoġġ mhux ripagabbli nieqes l-ammonti li għandhom jiġu rriżervati għall-assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Faċilità kif ukoll għall-proviżjonament, kif deskritt aktar ’il quddiem hawn taħt.
Id-direzzjonar tal-fondi għall-investimenti kapitali permezz tad-WBIF se jipprovdi riassigurazzjoni addizzjonali kontra r-riskji fiduċjarji, minħabba li d-WBIF għandu sistemi ta’ kontroll finanzjarju stabbiliti sew li jibbażaw ukoll fuq l-istandards ta’ kontroll ivvalutati mill-pilastri tal-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ implimentazzjoni. Id-WBIF jipprovdi qafas uniku ta’ kooperazzjoni fost il-Kummissjoni Ewropea, id-donaturi bilaterali tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji. L-investimenti kollha se jkunu bbażati fuq il-prinċipji “la tagħmilx ħsara” u “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” u se jikkontribwixxu għall-objettiv usa’ li jgħinu lit-tranżizzjoni tar-reġjun lejn ekonomija ekoloġika, newtrali għall-klima, reżiljenti għall-klima, diġitali u inklużiva allinjata mar-regoli u l-istandards tal-UE.
Filwaqt li ż-żewġ mekkaniżmi msemmija hawn fuq se jassorbu l-biċċa l-kbira tal-fondi, ammont żgħir tal-baġit tal-Istrument (li jikkorrispondi għal 1,5 %) se jiġi rriżervat għall-assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Faċilità, bħall-azzjonijiet preparatorji, il-monitoraġġ, il-kontroll, l-awditjar u l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Faċilità u għall-ilħuq tal-objettivi tagħha, b’mod partikolari studji, laqgħat ta’ esperti, taħriġ, konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet Benefiċjarji, konferenzi, konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inklużi azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni inklużivi, u komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni. L-ispejjeż jistgħu jkopru wkoll il-kostijiet ta’ attivitajiet oħrajn ta’ appoġġ bħall-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ tal-proġetti jew tal-programmi fil-prattika u l-kostijiet tal-konsulenza bejn il-pari u tal-esperti għall-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti.
L-iżborżi diretti lill-baġits nazzjonali u t-tqegħid ta’ fondi disponibbli għas-sottomissjoni ta’ proposti ta’ investiment għall-opinjoni tal-Bord Operazzjonali tad-WBIF se jkunu soġġetti għall-progress u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament speċifikati fl-Aġendi ta’ Riforma tal-Benefiċjarji. Il-kundizzjonijiet ta’ pagament se jieħdu l-forma ta’ sett ta’ passi kwalitattivi u kwantitattivi u skeda ta’ żmien relatata għall-iżborżi marbuta ma’ riformi soċjoekonomiċi speċifiċi biex jiġi stimulat it-tkabbir, is-sħab jitqiegħdu fi triq ta’ konverġenza sostenibbli u jiġu orjentati lejn riformi speċifiċi relatati mal-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir inkluż l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.
L-istabbiltà makrofinanzjarja, il-ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, it-trasparenza u s-sorveljanza tal-baġit huma kundizzjonijiet ġenerali għall-pagamenti li għandhom jiġu ssodisfati għar-rilaxx tal-fondi. Il-pagamenti se jsiru skont skeda semiannwali fissa, abbażi ta’ talbiet debitament ġustifikati għar-rilaxx ta’ fondi ppreżentati mill-Benefiċjarji u wara verifika mill-Kummissjoni tal-kisba tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti. F’każ li l-kundizzjonijiet ta’ pagament ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni tissospendi jew tnaqqas ammont korrispondenti mill-pagament.
L-iżborż tal-fondi sospiżi korrispondenti jista’ jsir matul it-12-il xahar wara l-iskadenza oriġinali stabbilita fl-Aġenda ta’ Riforma, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ pagament ikunu ġew issodisfati. Din l-iskadenza għandha tiġi estiża għal 24 xahar fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni. Inkella, l-ammont korrispondenti jista’ jitnaqqas mill-allokazzjoni tal-Benefiċjarju u jitqassam mill-ġdid fost il-Benefiċjarji l-oħrajn fis-snin sussegwenti.
Għall-finanzjament ipprovdut lill-baġits nazzjonali, qiegħda tiġi proposta sistema ta’ awditjar u kontrolli f’diversi livelli: l-ewwel nett, jekk ikun meħtieġ, ir-riforma tas-sistemi tal-awditjar u l-kontroll tal-Benefiċjarji se tiġi inkluża bħala parti mir-riformi skont l-Aġendi ta’ Riforma tal-pajjiżi; it-tieni, il-Kummissjoni se tkun tista’ twettaq rieżamijiet dettaljati tas-sistemi nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-baġit fi kwalunkwe mument taċ-ċiklu tal-proġett. Meta l-implimentazzjoni ssir permezz ta’ ġestjoni indiretta jew permezz ta’ taħlit (WBIF), il-Kummissjoni tibbaża fuq is-sistemi ta’ kontroll tal-entitajiet ivvalutati mill-pilastri, li jinkludu istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew banek tal-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE minbarra s-sistemi tagħha stess.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-appoġġ fl-ambitu ta’ din il-Faċilità se jkun konsistenti ma’ forom oħrajn ta’ appoġġ bilaterali għall-Balkani tal-Punent ipprovduti permezz ta’ strumenti oħrajn tal-UE, u komplementari għalihom, b’mod partikolari l-IPA III. Dan se jibni fuq l-appoġġ kurrenti, kif ukoll isaħħu, u se jippermetti lir-reġjun jaċċellera l-implimentazzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent. Sabiex jintlaħqu l-objettivi u l-għanijiet tiegħu, għandha ssir enfasi speċjali fuq setturi li x’aktarx jiffunzjonaw bħala multiplikaturi ewlenin għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku: il-konnettività, it-trasport, l-enerġija, it-tranżizzjonijiet diġitali, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-implimentazzjoni tar-Regolament se tkun konsistenti ma’ oqsma oħrajn ta’ azzjoni esterna u politiki esterni (eż. negozjati ta’ tkabbir, assistenza ta’ qabel l-adeżjoni). Il-Faċilità se tikkomplementa dawk l-isforzi billi taċċellera l-konverġenza soċjoekonomika tar-reġjun mal-UE bi tħejjija għal sħubija futura fl-Unjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 212 u l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din se tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-Faċilità proposta hija mmirata lejn l-appoġġ għall-Benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent biex jilħqu konverġenza mal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-politika tat-tkabbir, għalhekk l-Unjoni tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tipprovdi tali assistenza. It-tħejjija tal-pajjiżi kandidati u tal-kandidati potenzjali għas-sħubija mal-Unjoni tista’ tiġi indirizzata bl-aħjar mod fil-livell tal-Unjoni.
Minħabba l-iskala tal-assistenza meħtieġa, l-UE tinsab f’pożizzjoni unika biex tipprovdi assistenza esterna lill-Balkani tal-Punent fuq terminu twil b’mod f’waqtu, koordinat u prevedibbli. L-UE tista’ tingrana l-kapaċità ta’ self tagħha biex tagħti self lill-Balkani tal-Punent b’termini vantaġġuża, kif ukoll biex tipprovdi appoġġ u garanziji mhux ripagabbli f’perspettiva pluriennali.
Bil-preżenza tagħha fil-prattika permezz tad-Delegazzjonijiet tagħha, l-UE tista’ tiżgura aċċess komprensiv għall-informazzjoni dwar l-iżviluppi li jaffettwaw lil kull Benefiċjarju. Dan jippermetti lill-UE tkun konxja b’mod kostanti ta’ ħtiġijiet u ċirkostanzi ġodda u, għalhekk, tadatta l-appoġġ skont il-ħtiġijiet li qegħdin jevolvu, tikkoordina mill-qrib ma’ donaturi bilaterali jew multilaterali oħrajn.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità fis-sens li ma tmurx lil hinn mill-minimu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati fil-livell Ewropew u li huwa meħtieġ għal dak il-fini.
Il-Faċilità hija proposta bħala azzjoni mmirata biex tappoġġa riformi aċċellerati f’reġjun li jeħtieġ li jlaħħaq mal-UE biex jiġi żgurat tkabbir bla xkiel u ta’ benefiċċju reċiproku tal-UE. L-istruttura tiegħu qiegħda tiddependi, sa fejn ikun possibbli, fuq l-istruttura ta’ appoġġ eżistenti (IPA III), jew l-istess mudelli ta’ finanzjament (eż. WBIF), jew abbażi ta’ strumenti eżistenti, iżda simplifikati (strumenti bbażati fuq il-prestazzjoni).
•Għażla tal-istrument
F’konformità mal-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja li għandha tintuża biex jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, il-proposta tieħu l-forma ta’ Regolament, li jiżgura l-applikazzjoni uniformi tiegħu, in-natura vinkolanti fl-intier tiegħu, u l-applikabbiltà diretta.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni formali mal-partijiet ikkonċernati minħabba l-urġenza tat-tħejjija tal-proposta sabiex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-koleġiżlaturi biex din issir operazzjonali fl-2024.
L-UE se tiżgura komunikazzjoni u viżibbiltà xierqa madwar l-objettivi u l-azzjonijiet imwettqa fl-ambitu ta’ din il-Faċilità, fil-Balkani tal-Punent, fl-Unjoni, u lil hinn minnha.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba l-urġenza politika tal-proposta, ma setgħet titwettaq l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Se jitħejja dokument analitiku fil-forma ta’ dokument ta’ ħidma tal-persunal li jippreżenta l-evidenza wara l-proposta fi żmien 3 xhur mill-adozzjoni tal-inizjattiva.
•Drittijiet fundamentali
Prekundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt l-istrument hija li l-Benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent ikomplu jirrispettaw il-mekkaniżmi demokratiċi effettivi u l-istituzzjonijiet tagħha, inkluża sistema parlamentari b’bosta partiti, l-istat tad-dritt, u li jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi. L-impenn għar-riformi u r-rieda politika qawwija espressa mill-awtoritajiet huma sinjali pożittivi, ikkonfermati fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-istat tat-tħejjijiet tas-sħab għall-adeżjoni mal-UE inkluż fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pakkett tat-Tkabbir 2023.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ir-riżorsi massimi li għandhom jiġu pprovduti permezz tal-Faċilità se jkunu ta’ EUR 6 biljun għall-2024-2027 għat-tipi kollha ta’ appoġġ, li minnhom EUR 2 biljun ikunu f’appoġġ mhux ripagabbli u
EUR 4 biljun f’self aġevolanti pprovdut mill-Unjoni.
Fir-rigward tal-komponent tal-għotjiet, il-Faċilità tkun iffinanzjata mir-riżorsi addizzjonali proposti taħt l-Intestatura 6 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) bħala parti mir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-QFP. L-emenda għar-Regolament dwar il-QFP tipprevedi ammont addizzjonali ta’ EUR 2 biljun disponibbli taħt l-Intestatura 6 għall-assistenza lill-Balkani tal-Punent.
Is-self se jiġi pprovdut fil-Fond ta’ Proviżjonament Komuni bir-rata ta’ proviżjonament ta’ 9 % u l-proviżjonament għandu jiġi ffinanzjat minn EUR 2 biljun proposti bħala parti mir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-QFP li se tikkostitwixxi l-pakkett ta’ din il-Faċilità.
1,5 % tal-komponent ta’ appoġġ mhux ripagabbli (EUR 30 miljun) se jiġi allokat għan-nefqa tal-assistenza teknika u amministrattiva relatata mal-ġestjoni tal-Faċilità, inklużi l-monitoraġġ, il-komunikazzjoni, l-awditjar u l-evalwazzjoni.
Il-parti li jifdal tal-appoġġ mhux ripagabbli, kif ukoll il-komponent tas-self se jiġu allokati abbażi tal-formula fl-Anness I, billi jiġi kkombinat is-sehem tal-popolazzjoni ta’ Benefiċjarju fuq il-popolazzjoni ġenerali tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent u l-PDG medju per capita għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent fuq il-PDG per capita tal-Benefiċjarju rispettiv, filwaqt li jitqiesu ż-żewġ fatturi b’60 % u 40 % rispettivament.
5.ELEMENTI OĦRA
•Implimentazzjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar
Ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati relatati mal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni.
L-implimentazzjoni fl-ambitu tal-istrument għandha ssir taħt il-forom u l-metodi ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.
Il-Kummissjoni se timmonitorja kontinwament l-implimentazzjoni tal-Faċilità. B’rispett sħiħ tat-Trattati, is-servizzi tal-Kummissjoni se jaħdmu mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Faċilità biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. Fir-rigward tas-Serbja u l-Kosovo, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, fil-kapaċità bħala Faċilitatur tad-djalogu dwar in-Normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo, se jipprovdi l-valutazzjoni tiegħu.
Għandha tiġi stabbilita sistema ta’ monitoraġġ ibbażata fuq kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni mill-Benefiċjarji u dawn se jkunu mistennija jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma tagħhom. Dan se jinkludi r-rapportar dwar l-ilħuq u l-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ddikjarati tal-Aġendi ta’ Riforma, dwar it-titjib tas-sistemi ta’ kontroll intern tagħhom, dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tagħhom, u dwar kwalunkwe ammont imħallas jew użat ħażin b’mod mhux xieraq, u eventwalment irkuprat mill-UE.
Il-Kummissjoni se tipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament valutazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità.
Il-Kummissjoni se twettaq ukoll evalwazzjoni ex post tar-Regolament.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent.
Il-Kapitolu I (Dispożizzjonijiet ġenerali) ikopri s-suġġett tal-Faċilità (l-Artikolu 1), id-definizzjonijiet (l-Artikolu 2), l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Faċilità (l-Artikolu 3), il-prinċipji ġenerali (l-Artikolu 4) u l-prekundizzjonijiet għall-appoġġ (l-Artikolu 5).
Il-Kapitolu II jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ finanzjament u implimentazzjoni tal-Faċilità. L-Artikolu 6 jistabbilixxi (i) il-pakkett finanzjarju tal-Faċilità fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u fil-forma ta’ assistenza teknika u amministrattiva; u (ii) l-appoġġ fil-forma ta’ self. L-Artikolu 7 jagħti dettalji dwar il-forom ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità, jiġifieri ġestjoni diretta u indiretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. L-Artikolu 8 jistabbilixxi r-regoli ta’ eliġibbiltà u ta’ oriġini applikabbli għall-Faċilità filwaqt li jistabbilixxi li r-regoli fil-proċeduri ta’ għoti jistgħu jiġu ristretti minħabba n-natura ta’ attività jew meta attività taffettwa s-sigurtà u l-ordni pubbliku. L-Artikolu 9 ikopri l-ftehim dwar il-Faċilità li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Benefiċjarji li jistabbilixxi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-awditjar u l-kontroll, kif ukoll l-obbligi u l-kundizzjonijiet għall-iżborż tal-pagamenti. Id-dispożizzjonijiet għar-riport, il-pagamenti parzjali annwali u, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn huma koperti fl-Artikolu 10.
Il-Kapitolu III (Aġendi ta’ Riforma) jagħti dettalji dwar ir-rekwiżiti u l-bażijiet għall-formulazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma (l-Artikolu 11) u l-prinċipji ġenerali għall-finanzjament, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ pagament għall-iżborżi (l-Artikolu 12). L-Artikolu 13 jagħti dettalji dwar l-Aġendi ta’ Riforma li għandhom jiġu ppreżentati mill-Benefiċjarji, il-proċedura biex isir dan, u l-elementi li l-Aġendi ta’ Riforma għandu jkun fihom, inklużi r-riformi u l-oqsma ta’ investiment li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità, u s-sistemi għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess, meta jintużaw il-fondi pprovduti taħt il-Faċilità.
Il-Kummissjoni se tipproċedi biex tivvaluta l-Aġendi ta’ Riforma skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14, u se tieħu deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 15 li tistabbilixxi, fost l-oħrajn, l-ammont indikattiv tal-appoġġ għas-self li għandu jitħallas skont l-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ pagament, il-limitu ta’ żmien għal tali lħuq, u l-prefinanzjament li għalih il-Benefiċjarji se jkunu eliġibbli. L-Artikolu 16 jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni jew il-Benefiċjarju jagħmlu proposta biex jemendaw l-Aġenda ta’ Riforma.
L-Artikolu 17 ikopri l-ftehimiet dwar self li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u kull Benefiċjarju, u r-regoli li jirregolaw is-self mill-Kummissjoni fis-swieq, filwaqt li l-Artikolu 18 jistabbilixxi r-rata ta’ proviżjonament u l-proċedura għar-rieżami tagħha. L-Artikolu 19 jipprevedi l-mekkaniżmu għall-finanzjament ta’ investimenti fl-ambitu tal-Faċilità permezz tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent.
Ir-regoli għall-pagament ta’ prefinanzjament lill-Benefiċjarji, soġġett għar-rispett tal-prekundizzjonijiet deskritti fl-Artikolu 5, huma stabbiliti fl-Artikolu 20. L-Artikolu 21 jagħti dettalji dwar il-proċedura għall-iżborżi mal-issodisfar taż-żewġ kundizzjonijiet ġenerali relatati mal-istabbiltà makrofinanzjarja, mal-ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, mat-trasparenza u mas-sorveljanza tal-baġit u tal-kundizzjonijiet ta’ pagament stabbiliti fl-Aġendi ta’ Riforma.
Il-pagamenti se jsiru fuq bażi semiannwali, wara s-sottomissjoni mill-Benefiċjarju ta’ talba għar-rilaxx ta’ fondi li turi l-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti fil-forma ta’ passi kwalitattivi u kwantitattivi li għandhom jitwettqu. F’każ ta’ valutazzjoni negattiva mill-Kummissjoni, se tinżamm parti mill-ammont li tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ pagament mhux issodisfati. Il-fondi miżmuma jiġu rilaxxati biss ladarba l-Benefiċjarju jkun debitament iġġustifika, bħala parti mit-talba sussegwenti għar-rilaxx ta’ fondi, li jkun ħa l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni tista’ tqassam mill-ġdid l-ammonti fost Benefiċjarji oħrajn. Dan l-Artikolu jistabbilixxi wkoll li l-ebda ammont mhu se jitħallas għal passi kwalitattivi jew kwantitattivi mhux issodisfati sal-31 ta’ Diċembru 2028 filwaqt li jawtorizza lill-Kummissjoni biex tnaqqas l-ammonti jekk l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu affettwati jew jekk il-Benefiċjarji ikunu fi ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta mill-ftehimiet konklużi fl-ambitu tal-Faċilità.
Il-Kapitolu IV (Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni u mill-Benefiċjarji biex jiġu żgurati kontrolli effettivi fuq l-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-Artikolu 22 jagħti dettalji dwar l-obbligi li għandhom jiġu riflessi fil-Ftehimiet ta’ Faċilità u ta’ Self, li se jinkludu miżuri xierqa biex jiġu evitati, identifikati u kkoreġuti l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interessi u l-irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, biex jiġi evitat il-finanzjament doppju u biex tittieħed azzjoni legali biex jiġu rkuprati fondi li jkunu ġew miżapproprjati, il-ġbir ta’ data adegwata dwar il-benefiċjarji ta’ fondi taħt il-Faċilità u d-drittijiet li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF), u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), meta dan ikun applikabbli. Dan l-Artikolu jagħti wkoll id-dritt lill-Kummissjoni li tnaqqas jew tirkupra l-ammonti jekk l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu affettwati jew jekk il-Benefiċjarji jkunu fi ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta mill-ftehimiet konklużi fl-ambitu tal-Faċilità. L-Artikolu 23 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għas-sistemi ta’ kontroll intern tal-Benefiċjarji.
Il-Kapitolu V (Monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni) ikopri d-dispożizzjonijiet għall-istabbiliment tal-indikaturi u l-oqfsa tar-riżultati użati fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni (l-Artikolu 24), u l-evalwazzjoni ex post tal-Faċilità (l-Artikolu 25).
Il-Kapitolu VI (Dispożizzjonijiet finali) jistabbilixxi l-eżerċitar tad-delega tas-setgħat fir-rigward tar-rata ta’ proviżjonament (l-Artikolu 26), il-proċedura ta’ komitoloġija (l-Artikolu 27), id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-pubbliċità (l-Artikolu 28) u mad-dħul fis-seħħ (l-Artikolu 29).
2023/0397 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 212 u l-Artikolu 322(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Huwa fl-interess komuni tal-Unjoni u tas-sħab tagħha tal-Balkani tal-Punent 2 li javvanzaw l-isforzi għar-riforma tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi ta’ dawn tal-aħħar bil-ħsieb tas-sħubija futura tagħhom fl-Unjoni. Il-possibbiltà ta’ sħubija mal-Unjoni għandha effett trasformattiv qawwi fejn il-bidla pożittiva demokratika, politika, ekonomika u soċjali rabbiet l-għeruq.
(2)Hemm bżonn li jiġu ppreżentati wħud mill-vantaġġi tas-sħubija mal-Unjoni qabel l-adeżjoni. Il-konverġenza ekonomika tinsab fil-qalba ta’ dawn il-benefiċċji. Bħalissa, il-konverġenza tal-Balkani tal-Punent f’termini ta’ PDG per capita espressa fl-istandards tal-kapaċità tal-akkwist għadha baxxa bejn 30 % u 50 % tal-medja tal-Unjoni u ma hijiex qiegħda tagħmel progress mgħaġġel biżżejjed.
(3)Biex tnaqqas din id-differenza, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Tkabbir għall-Balkani tal-Punent ibbażata fuq erba’ pilastri: (a) iż-żieda fl-integrazzjoni mas-Suq Uniku tal-UE; (b) tingħata spinta lill-integrazzjoni ekonomika reġjonali, ibbażata fuq ir-regoli u l-istandards tal-UE, billi jiġi implimentat bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni Komuni tas-Suq Reġjonali eżistenti; (c) l-approfondiment tar-riformi bl-għan li jitħaffef it-tkabbir fir-reġjun, il-promozzjoni tal-konverġenza ekonomika u t-tisħiħ tal-istabbiltà reġjonali; u (d) l-istabbiliment ta’ Strument ta’ Finanzjament ġdid: il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent.
(4)L-implimentazzjoni ta’ dak il-Pjan ta’ Tkabbir tirrikjedi finanzjament miżjud fl-ambitu ta’ Strument ta’ Finanzjament ġdid dedikat, il-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir, biex tgħin lir-reġjun fl-implimentazzjoni tar-riformi li jippromwovu t-tkabbir, l-integrazzjoni reġjonali u s-Suq Reġjonali Komuni.
(5)Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jenħtieġ li ssir enfasi speċjali fir-rigward taż-żoni ta’ investiment fuq setturi li x’aktarx jiffunzjonaw bħala multiplikaturi ewlenin għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku: il-konnettività, inklużi t-trasport, l-enerġija, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet.
(6)L-infrastruttura tat-trasport hija essenzjali biex tittejjeb il-konnettività bejn is-sħab tal-Balkani tal-Punent u mal-UE. Jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tar-reġjun fl-Unjoni. Fil-proposta tagħha li tirrevedi l-qafas trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), il-Kummissjoni inkludiet Kuritur ġdid li jaqsam ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent (kuritur tal-Mediterran tal-Punent-Ilvant). In-network TEN-T jenħtieġ li jkun ir-referenza għall-finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport fir-reġjun.
(7)Il-Faċilità jenħtieġ li tappoġġa l-investiment u r-riformi li jippromwovu t-triq tal-benefiċjarji lejn it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u s-soċjetà f’konformità mal-viżjoni tal-UE għall-2030 ippreżentata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” 3 . Jenħtieġ li tistinka biex tiffaċilita l-ilħuq tagħhom tal-objettivi ġenerali u tal-miri diġitali fir-rigward tal-Unjoni. Kif deskritt mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Ġunju 2023 4 , is-sett ta’ għodod għaċ-ċibersigurtà tal-5G jenħtieġ li jkun ir-referenza għall-finanzjament tal-UE biex jiġu żgurati s-sigurtà, ir-reżiljenza u l-protezzjoni tal-integrità tal-infrastruttura diġitali fir-reġjun.
(8)Jenħtieġ li l-appoġġ tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità ma jissostitwix l-appoġġ bilaterali u reġjonali previst fir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , li jenfasizza t-tħejjija tal-Benefiċjarji għas-sħubija mal-Unjoni, iżda jikkomplementah u jżid miegħu, filwaqt li juża l-mekkaniżmi u l-istrutturi diġà eżistenti kull meta jkun possibbli. L-approċċ jenħtieġ li jibni fuq il-metodoloġija eżistenti tat-tkabbir, b’mod partikolari l-Metodoloġija Riveduta tal-2020 6 , u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment 7 mill-istess sena.
(9)L-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jiġi pprovdut biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi, abbażi ta’ kriterji stabbiliti u b’kundizzjonijiet ċari ta’ pagament. L-objettivi ġenerali tal-Faċilità jenħtieġ li jkunu li titħaffef l-integrazzjoni ekonomika reġjonali, l-integrazzjoni progressiva mas-suq uniku tal-Unjoni, il-konverġenza soċjoekonomika tal-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent u l-allinjament mad-drittijiet, ir-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni bil-ħsieb tas-sħubija mal-Unjoni. Il-Faċilità jenħtieġ li tgħin ukoll biex jiġu aċċellerati r-riformi relatati mal-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir, inklużi l-istat tad-dritt, l-akkwist pubbliku u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dawn l-objettivi jenħtieġ li jiġu segwiti b’mod li jsaħħu lil xulxin.
(10)Jenħtieġ li l-Faċilità tippromwovi l-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp, filwaqt li tirrispetta l-addizzjonalità għall-appoġġ ipprovdut taħt programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni u tistinka biex tiġi evitata d-duplikazzjoni bejn l-assistenza fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u assistenza oħra pprovduta mill-Unjoni, mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi, minn organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali.
(11)Il-Faċilità jenħtieġ li tiżgura l-konsistenza mal-objettivi ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif ukoll tappoġġahom, kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għad-drittijiet fundamentali kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dan se jiżgura b’mod partikolari l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u l-istat tad-dritt.
(12)L-attivitajiet fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jappoġġaw il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, u jenħtieġ li ma jikkontribwux għad-degradazzjoni ambjentali jew jikkawżaw ħsara lill-ambjent jew lill-klima. Il-miżuri ffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jkunu f’konformità mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Benefiċjarji, mal-Kontribut tagħhom Stabbilit fil-Livell Nazzjonali u mal-ambizzjoni li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. Il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-azzjoni ta’ mitigazzjoni u għall-kapaċità ta’ adattament għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, u trawwem ir-reżiljenza għall-klima.
(13)L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun iggwidata mill-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, kif elaborati fl-istrateġiji tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza. Dan jenħtieġ li jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet, u jfittex li jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet f’konformità mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. L-implimentazzjoni tal-Faċilità jenħtieġ li tkun f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u tiżgura l-aċċessibbiltà fl-investimenti u fl-assistenza teknika tagħha.
(14)Dan ir-Regolament jenħtieġ li jippromwovi l-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent 8 billi jsaħħaħ il-protezzjoni ambjentali, jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u jżid ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, u jaċċellera l-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.
(15)Filwaqt li tirrifletti l-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala l-istrateġija ta’ tkabbir sostenibbli tal-Ewropa u l-importanza li jiġu indirizzati l-objettivi tal-klima u tal-bijodiversità f’konformità mal-impenji tal-Ftehim Interistituzzjonali, il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-mira ġenerali ta’ 30 % tan-nefqa baġitarja tal-Unjoni billi tappoġġa l-objettivi klimatiċi u 7,5 % fl-2024 u 10 % fl-2026 u l-2027 għall-objettivi tal-bijodiversità. Tal-inqas 37 % tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli li jgħaddi mid-WBIF jenħtieġ li jqis l-objettivi klimatiċi. Il-Faċilità jenħtieġ li tappoġġa attivitajiet li jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards u l-prijoritajiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 9 .
(16)Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Benefiċjarji, jenħtieġ li tikkontribwixxi għal trasparenza u responsabbiltà miżjudin fl-għoti tal-assistenza, inkluż bl-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll intern xierqa u politiki kontra l-frodi. L-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jsir disponibbli taħt il-prekundizzjonijiet li kull wieħed mill-Benefiċjarji jkompli jirrispetta u jħares mekkaniżmi u istituzzjonijiet demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari b’bosta partijiet, u l-istat tad-dritt, u li jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi. Prekundizzjoni oħra jenħtieġ li tkun li s-Serbja u l-Kosovo jimpenjaw ruħhom b’mod kostruttiv fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom bil-ħsieb li jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom kollha li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-Perkors għan-Normalizzazzjoni u l-Anness ta’ Implimentazzjoni tiegħu kif ukoll il-Ftehimiet ta’ Djalogu kollha tal-passat u jinvolvu ruħhom f’negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet.
(17)L-ammont massimu globali għall-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-Faċilità jenħtieġ li jkun ta’ EUR 6 biljun fi prezzijiet kurrenti għall-perjodu mill-2024 sal-2027, li minnhom sa EUR 2 biljun f’appoġġ mhux ripagabbli u EUR 4 biljun f’self ta’ assistenza finanzjarja aġevolanti pprovdut mill-Unjoni u fornut miż-EUR 2 biljun. Tal-inqas nofs l-ammont totali jenħtieġ li jiġi allokat permezz tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent (WBIF), inkluż l-ammont kollu tal-appoġġ mhux ripagabbli, inqas minn 1,5 % tal-assistenza teknika u l-ammonti meħtieġa għall-proviżjonament tas-self.
(18)Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-durata kollha ta’ dan l-Istrument, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza ewlieni, skont it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.
(19)Ir-responsabbiltà finanzjarja mis-self fl-ambitu ta’ din il-Faċilità jenħtieġ li ma tiġix appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 31(3), it-tieni sentenza tar-Regolament (UE) 2021/947. It-tip ta’ self ta’ appoġġ fl-ambitu ta’ din il-Faċilità jenħtieġ li jikkostitwixxi assistenza finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Ammont indikattiv ta’ finanzjament għal kull Benefiċjarju jenħtieġ li jiġi kkalkolat abbażi tal-formula stabbilita fl-Anness I, il-kombinazzjoni tas-sehem tal-popolazzjoni ta’ Benefiċjarju fuq il-popolazzjoni ġenerali tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent u l-PDG medju per capita għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent fuq il-PDG per capita tal-Benefiċjarju rispettiv, filwaqt li ż-żewġ fatturi jiġu ponderati b’60 % u 40 % rispettivament. Jekk il-kundizzjonijiet ta’ pagament għar-rilaxx ta’ fondi ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni tista’ tqassam mill-ġdid parti mill-ammont jew l-ammont kollu lil Benefiċjarji oħrajn.
(20)Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jenħtieġ li japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, ġestjoni indiretta, assistenza finanzjarja, operazzjonijiet ta’ taħlit u r-rimborż ta’ esperti esterni, u jipprevedu kontrolli fuq ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji.
(21)Ir-restrizzjonijiet tal-eliġibbiltà fil-proċeduri ta’ għoti fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jkunu permessi minħabba n-natura speċifika tal-attività jew meta l-attività taffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku.
(22)Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti tal-Faċilità, inkluża l-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tal-Benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent fil-ktajjen tal-valur Ewropej, il-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati u akkwistati fl-ambitu ta’ din il-Faċilità jenħtieġ li joriġinaw mill-Istati Membri, mill-Benefiċjarji, mill-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u mill-pajjiżi koperti mill-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/1529 u pajjiżi li għalihom huwa stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna fil-Benefiċjarji mill-Kummissjoni, sakemm il-provvisti u l-materjali ma jkunux jistgħu jinkisbu b’kundizzjonijiet raġonevoli fi kwalunkwe wieħed minn dawk il-pajjiżi.
(23)Filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju li l-baġit tal-Unjoni jiġi stabbilit kull sena, jenħtieġ li tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġu applikati l-flessibbiltajiet f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għal politiki oħrajn, inkluż għar-riport u r-riimpenji ta’ fondi, biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-fondi tal-Unjoni, b’hekk jiġu mmassimizzati l-fondi tal-Unjoni disponibbli fl-ambitu tal-Faċilità.
(24)L-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Balkani tal-Punent jenħtieġ li tkun sostnuta minn sett koerenti u prijoritizzat ta’ riformi mmirati u prijoritajiet ta’ investiment f’kull Benefiċjarju tal-Balkani tal-Punent (Aġenda ta’ Riforma), li jipprovdi qafas għat-tisħiħ tat-tkabbir soċjoekonomiku, artikolat b’mod ċar u allinjat mar-rekwiżiti tal-adeżjoni tal-Unjoni. L-Aġenda ta’ Riforma se sservi bħala qafas ġenerali biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din il-Faċilità.
(25)L-iżborż tal-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jkun kundizzjonali fuq il-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ pagament u fuq progress li jista’ jitkejjel fl-implimentazzjoni tar-riformi stabbiliti fl-Aġendi ta’ Riforma vvalutati u approvati formalment mill-Kummissjoni. Ir-rilaxx ta’ fondi jenħtieġ li jkun strutturat kif xieraq, li jirrifletti l-objettivi tal-Faċilità.
(26)L-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li jinkludu miżuri ta’ riforma mmirati u oqsma ta’ investiment prijoritarju, flimkien mal-kundizzjonijiet ta’ pagament fil-forma ta’ passi kwalitattivi u kwantitattivi li jindikaw progress sodisfaċenti jew tlestija ta’ dawk il-miżuri, u skeda indikattiva għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri. Dawk il-passi jenħtieġ li jiġu ppjanati għal mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2027, għalkemm it-tlestija ġenerali tal-miżuri li għalihom jirreferu tali passi tista’ testendi lil hinn mill-2027 iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028.
(27)L-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li jinkludu spjegazzjoni tas-sistema tal-Benefiċjarju biex b’mod effettiv jiġu evitati, identifikati u kkoreġuti l-irregolaritajiet, il-korruzzjoni, il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, meta jintużaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità, u l-arranġamenti li għandhom l-għan li jevitaw il-finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi oħrajn tal-Unjoni kif ukoll minn donaturi oħrajn.
(28)Il-miżuri skont l-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li, meta jkun xieraq, jikkontribwixxu għat-titjib ta’ sistema effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll tal-finanzi pubbliċi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-kriminalità organizzata, u għal sistema effettiva ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti għall-impriżi kollha. Tali miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati mill-Benefiċjarju sa data indikattiva li tista’ tiġi stabbilita, xierqa għal kull miżura, fl-istadju bikri tal-implimentazzjoni tal-Faċilità.
(29)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta kull Aġenda ta’ Riforma abbażi tal-lista ta’ kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni biex tapprova dawk l-Aġendi ta’ Riforma. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 . Il-Kummissjoni se tqis kif xieraq id-deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE u r-rwol tas-SEAE fejn xieraq, u b’mod partikolari meta timmonitorja l-issodisfar tal-prekundizzjoni għall-appoġġ tal-Unjoni.
(30)Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija f’dan ir-Regolament jenħtieġ li fl-istess ħin tikkostitwixxi programm ta’ ħidma skont it-tifsira tal-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-ammont ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli skont dan ir-Regolament.
(31)Minħabba l-ħtieġa ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, jenħtieġ li jkun possibbli li Benefiċjarju jagħmel talba motivata lill-Kummissjoni biex jemenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, meta l-Aġenda ta’ Riforma, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti, ma tkunx għadha tista’ tinkiseb, parzjalment jew totalment, minħabba ċirkostanzi oġġettivi. Benefiċjarju jenħtieġ li jkun jista’ jagħmel talba motivata biex jemenda l-Aġenda ta’ Riforma, inkluż billi jipproponi addenda fejn rilevanti.
(32)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari biex tqis bidla fl-ammonti disponibbli.
(33)F’każ ta’ ridistribuzzjoni tal-appoġġ fl-ambitu ta’ din il-Faċilità li twassal għal appoġġ addizzjonali lil Benefiċjarju, dan il-Benefiċjarju jenħtieġ li jippreżenta Aġenda ta’ Riforma riveduta b’miżuri addizzjonali li għandhom jinkisbu.
(34)Jenħtieġ li jiġi konkluż Ftehim ta’ Faċilità ma’ kull Benefiċjarju biex jiġu stabbiliti l-prinċipji tal-kooperazzjoni finanzjarja bejn l-Unjoni u l-Benefiċjarju, u biex jiġu speċifikati l-mekkaniżmi meħtieġa relatati mal-kontroll, mas-superviżjoni, mal-monitoraġġ, mal-evalwazzjoni, mar-rapportar u mal-awditjar tal-finanzjament tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità, ir-regoli dwar it-taxxi, id-dazji u l-imposti u l-miżuri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-korrezzjoni tal-irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess. Konsegwentement, jenħtieġ li jiġi konkluż ukoll ftehim dwar self ma’ kull Benefiċjarju li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-finanzjament ipprovdut fil-forom ta’ self.
(35)L-appoġġ finanzjarju għall-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li jkun possibbli fil-forma ta’ self. Fil-kuntest tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Balkani tal-Punent, huwa xieraq li tiġi organizzata l-assistenza finanzjarja skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata prevista fl-Artikolu 220a tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u stabbilita bħala metodu ta’ finanzjament uniku fih, li huwa mistenni li jtejjeb il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni u l-attraenza u l-kosteffettività tal-ħruġ tal-Unjoni.
(36)Huwa xieraq li jiġi pprovdut self lill-Benefiċjarji fuq termini konċessjonali ħafna b’durata massima ta’ 40 sena u li l-pagament lura tal-kapital ma jinbediex qabel l-2034. Huwa xieraq ukoll li ssir deroga mill-Artikolu 220(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
(37)Meta jitqies li r-riskji finanzjarji assoċjati mal-appoġġ lill-Benefiċjarji fil-forma ta’ self skont dan l-Istrument huma komparabbli mar-riskji finanzjarji assoċjati mal-operazzjonijiet ta’ self skont ir-Regolament (UE) 2021/947, il-proviżjonament għall-obbligazzjoni finanzjarja mis-self skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi kkostitwit bir-rata ta’ 9 %, f’konformità mal-Artikolu 211 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-finanzjament tal-proviżjonament jenħtieġ li jinkiseb minn pakkett ta’ EUR 2 biljun fl-ambitu ta’ din il-faċilità.
(38)Sabiex jiġi żgurat li r-rata ta’ proviżjonament tibqa’ adegwata għar-riskji finanzjarji, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar-rata ta’ proviżjonament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 13 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(39)Sabiex jiġi massimizzat l-ingranaġġ tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni biex jiġi attirat investiment addizzjonali, u biex jiġi żgurat il-kontroll tal-UE fuq in-nefqa, l-investimenti fl-infrastruttura li jappoġġaw l-Aġendi ta’ Riforma jenħtieġ li jiġu implimentati permezz tad-WBIF. Proġetti jew programmi individwali jenħtieġ li jiġu ppreżentati lill-Bord Operazzjonali tad-WBIF għall-opinjoni tiegħu biss mat-tlestija tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti definiti fl-Aġendi ta’ Riforma. F’każ li ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti għall-investimenti fi żmien sena, il-Kummissjoni tista’ tqassam mill-ġdid il-finanzjament ta’ investiment fl-ambitu tad-WBIF fost il-Benefiċjarji li jifdal.
(40)Sabiex jiġi żgurat li l-Benefiċjarji jeliminaw finanzjament inizjali għall-implimentazzjoni tal-ewwel riformi, kull Benefiċjarju jenħtieġ li jkollu aċċess sa 7 % tal-ammont totali previst taħt din l-assistenza finanzjarja tal-Faċilità fil-forma ta’ prefinanzjament, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament u għar-rispett tal-prekundizzjonijiet għall-appoġġ taħt il-Faċilità.
(41)Huwa importanti li jiġu ggarantiti kemm il-flessibbiltà kif ukoll il-kapaċità tal-programmi fl-għoti ta’ appoġġ tal-Unjoni lill-Benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent. Għal dak il-fini, il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità jenħtieġ li jiġu rilaxxati skont skeda semiannwali fissa, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament, abbażi ta’ talba għar-rilaxx ta’ fondi ppreżentata mill-Benefiċjarji u wara verifika mill-Kummissjoni tat-twettiq sodisfaċenti kemm tal-kundizzjonijiet ġenerali relatati mal-istabbiltà makrofinanzjarja, il-ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, it-trasparenza kif ukoll tas-sorveljanza tal-baġit u l-kundizzjonijiet rilevanti ta’ pagament. Meta kundizzjoni ta’ pagament ma tiġix issodisfata f’konformità mal-iskeda ta’ żmien indikattiva stabbilita fid-deċiżjoni li tapprova l-Aġenda ta’ Riforma, il-Kummissjoni tista’ żżomm parti mill-fondi jew il-fondi kollha li jikkorrispondu għal dik il-kundizzjoni. L-iżborż tal-fondi miżmuma korrispondenti jista’ jsir matul il-perjodu li jmiss għar-rilaxx tal-fondi u sa 12-il xahar wara l-iskadenza oriġinali stabbilita fl-iskeda ta’ żmien indikattiva, dment li l-kundizzjonijiet ta’ pagament ikunu ġew issodisfati. Fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni, din l-iskadenza jenħtieġ li tiġi estiża għal 24 xahar mill-valutazzjoni negattiva inizjali.
(42)B’deroga mill-Artikolu 116(2) u (5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-iskadenza tal-pagamenti għall-kontribuzzjonijiet għall-baġits tal-Istat mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż lill-Benefiċjarju u li jiġi eskluż il-ħlas tal-imgħax ta’ inadempjenza mill-Kummissjoni lill-Benefiċjarju.
(43)Fil-qafas tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, adottati abbażi tal-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u 215(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma jistgħu jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi nnominati, jew għall-benefiċċju tagħhom. Tali entitajiet nnominati, u entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, għalhekk ma jistgħux jiġu appoġġati mill-Faċilità.
(44)F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ir-Regolament (UE, Euratom) 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 15 , (Euratom, KE) Nru 2185/96 16 u (UE) 2017/1939 17 , l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inklużi miżuri relatati mal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess, finanzjament doppju, għall-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod żbaljat.
(45)B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jenħtieġ li jkun f’pożizzjoni li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
(46)F’konformità mal-Artikolu 129 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, id-drittijiet u l-aċċess meħtieġa jenħtieġ li jingħataw lill-OLAF tal-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, meta jkun applikabbli, lill-UPPE, inkluż minn partijiet terzi involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni.
(47)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti b’mod effettiv fl-ambitu tal-Faċilità. Fl-istess ħin, minħabba r-rekord fit-tul tal-assistenza finanzjarja pprovduta lill-Benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent ukoll taħt ġestjoni indiretta, u filwaqt li jitqies l-allinjament gradwali tagħhom mal-istandards u l-prattiki ta’ kontroll intern tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tiddependi ħafna fuq it-tħaddim tas-sistemi nazzjonali ta’ kontroll intern u ta’ prevenzjoni tal-frodi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni u l-OLAF jenħtieġ li jiġu informati dwar il-każijiet suspettati kollha ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitt ta’ interessi li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-fondi fl-ambitu tal-Faċilità mingħajr dewmien.
(48)Barra minn hekk, il-Benefiċjarji jenħtieġ li jirrapportaw l-irregolaritajiet inkluż il-frodi li kienu s-suġġett ta’ sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u jżommu lil din tal-aħħar infurmata dwar il-progress tal-proċediment amministrattiv u legali. Bl-objettiv ta’ allinjament ma’ prattiki tajbin fl-Istati Membri, dan ir-rapportar jenħtieġ li jsir b’mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet, stabbilita mill-Kummissjoni.
(49)Kull Benefiċjarju jenħtieġ li jistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ li tikkontribwixxi għal rapport semiannwali dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament tal-Aġenda tiegħu li jakkumpanjaw it-talba semiannwali għar-rilaxx ta’ fondi. Il-Benefiċjarji jenħtieġ li jiġbru u jipprovdu aċċess għad-data u għall-informazzjoni li jippermettu l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, fir-rigward tal-miżuri appoġġati mill-Faċilità.
(50)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni sabiex jiġu pprovduti responsabbiltà u trasparenza effettivi fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u biex tiġi żgurata valutazzjoni effettiva tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
(51)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi rapport annwali dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-Regolament u tal-Faċilità lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat imsemmi f’dan ir-Regolament.
(52)Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni tal-Faċilità mat-tlestija tagħha.
(53)Il-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Benefiċjarji jenħtieġ li jissaħħu sabiex tiġi żgurata media pluralistika b’saħħitha u ħielsa u appoġġ pubbliku għal u fehim tal-valuri tal-Unjoni u l-benefiċċji u l-obbligi ta’ sħubija potenzjali mal-Unjoni, filwaqt li jiġu indirizzati d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni. Jenħtieġ li tiġi żgurata wkoll il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni.
(54)Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(55)Minħabba l-objettivi ġenerali ambizzjużi ta’ din il-Faċilità f’perjodu qasir ta’ implimentazzjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent (il-“Faċilità”).
Dan jistabbilixxi l-objettivi tal-Faċilità, il-finanzjament tagħha, il-baġit għall-perjodu 2024-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni skontha u r-regoli għall-għoti ta’ tali finanzjament.
2.Il-Faċilità għandha tipprovdi assistenza lill-Balkani tal-Punent għat-twettiq ta’ riformi u investimenti soċjoekonomiċi biex jiġu implimentati l-Aġendi ta’ Riforma rispettivi tagħhom, kif stabbilit fil-Kapitolu III.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1.“Benefiċjarju” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo 18 *, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja.
2. “Pakkett tat-Tkabbir” tfisser il-Komunikazzjoni annwali dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjawha.
3. “Ftehim tal-Faċilità” tfisser ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Benefiċjarju li jistabbilixxi l-prinċipji tal-kooperazzjoni finanzjarja bejn il-Benefiċjarju u l-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Dan l-arranġament jikkostitwixxi ftehim ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fir-rigward tal-Fondi skont l-Artikolu 6(2) il-punt a.
4.“Ftehim ta’ self” tfisser arranġament konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Benefiċjarju li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-appoġġ tal-Faċilità.
5. “Aġendi ta’ Riforma” tfisser pakkett komprensiv ta’ sett koerenti u prijoritizzat ta’ riformi mmirati u oqsma ta’ investiment prijoritarju f’kull Benefiċjarju, inklużi kundizzjonijiet ta’ pagament li jindikaw progress sodisfaċenti jew tlestija ta’ dawk il-miżuri, u skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri.
6.“Miżuri” tfisser riformi u investimenti fl-ambitu tal-Aġendi ta’ Riforma skont il-Kapitolu III.
7.“Kundizzjonijiet ta’ Pagament” tfisser kundizzjonijiet għar-rilaxx ta’ fondi li jieħdu l-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi osservabbli u li jistgħu jitkejlu li għandhom jiġu implimentati mill-Benefiċjarji, kif stabbilit fl-Aġendi ta’ Riforma skont il-Kapitolu III bħala kundizzjonijiet għar-rilaxx ta’ fondi;
8.“Operazzjoni ta’ taħlit” tfisser operazzjoni appoġġata mill-baġit tal-Unjoni li tgħaqqad forom ta’ appoġġ mhux ripagabbli, mill-baġit tal-Unjoni ma’ forom ta’ appoġġ ripagabbli mill-iżvilupp jew minn istituzzjonijiet ta’ finanzjament pubbliku oħrajn, jew minn istituzzjonijiet ta’ finanzjament kummerċjali u investituri.
Artikolu 3
Objettivi tal-Faċilità
1.L-objettivi ġenerali tal-Faċilità għandhom ikunu li:
(a)tħaffef l-integrazzjoni ekonomika reġjonali u l-integrazzjoni progressiva mas-suq uniku tal-Unjoni;
(b)tħaffef il-konverġenza soċjoekonomika tal-ekonomiji tal-Benefiċjarji mal-Unjoni;
(c)tħaffef l-allinjament mal-valuri, il-liġijiet, ir-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni bil-ħsieb tas-sħubija mal-Unjoni
2.L-objettivi speċifiċi tal-Faċilità għandhom jinkludu li:
(a)taċċellera t-tranżizzjoni tal-Benefiċjarji għal ekonomiji sostenibbli, u inklużivi, li kapaċi jifilħu għall-pressjonijiet kompetittivi tas-suq tas-suq uniku tal-Unjoni, u għal ambjent ta’ investiment stabbli;
(b) tagħti spinta lill-integrazzjoni ekonomika reġjonali b’mod partikolari permezz tal-progress fl-istabbiliment tas-Suq Reġjonali Komuni;
(c)tagħti spinta lill-integrazzjoni ekonomika tal-Benefiċjarji mas-suq uniku tal-Unjoni;
(d)tappoġġa l-integrazzjoni ekonomika reġjonali u l-integrazzjoni mtejba mas-suq uniku tal-UE permezz ta’ konnettività mtejba fir-reġjun f’konformità man-networks Trans-Ewropej;
(e)taċċellera t-tranżizzjoni ekoloġika f’konformità mal-Aġenda Ekoloġika tal-2020 għall-Balkani tal-Punent u tkopri s-setturi ekonomiċi kollha, b’mod partikolari l-enerġija, inkluża t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, reżiljenti għall-klima u ċirkolari dekarbonizzata;
(f)tippromwovi t-trasformazzjoni diġitali bħala faċilitatur għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv;
(g) tagħti spinta lill-innovazzjoni, b’mod partikolari għall-SMEs u b’appoġġ għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;
(h)tagħti spinta lill-edukazzjoni, lit-taħriġ, lit-taħriġ mill-ġdid u lit-titjib tal-ħiliet ta’ kwalità, u lill-politiki tal-impjieg;
(i)issaħħaħ ulterjorment il-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir, inkluż l-istat tad-dritt, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, permezz tal-promozzjoni ta’ ġudikatura indipendenti, sigurtà msaħħa, il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa; il-konformità mad-dritt internazzjonali; issaħħaħ il-libertà tal-media u l-libertà akkademika u ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili; trawwem id-djalogu soċjali; tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nondiskriminazzjoni u t-tolleranza, biex tiżgura u ssaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi;
(j)issaħħaħ l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika u tappoġġa t-trasparenza, ir-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha, inkluż fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-akkwist pubbliku u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat; tappoġġa inizjattivi u korpi involuti fl-appoġġ u fl-infurzar tal-ġustizzja internazzjonali fil-Benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent.
Artikolu 4
Prinċipji ġenerali
1.Il-kooperazzjoni fl-ambitu tal-Faċilità għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp u tippromwovihom, fil-modalitajiet kollha, jiġifieri s-sjieda tal-prijoritajiet tal-iżvilupp mill-Benefiċjarji, enfasi fuq ir-riżultati, sħubijiet inklużivi, trasparenza u responsabbiltà reċiproka. Il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq allokazzjoni u użu effettivi u effiċjenti tar-riżorsi.
2.L-appoġġ mill-Faċilità għandu jkun addizzjonali għall-appoġġ ipprovdut taħt programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni. L-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament skont dan ir-Regolament jistgħu jirċievu appoġġ minn programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni dment li tali appoġġ ma jkoprix l-istess kost.
3.Sabiex jiġu promossi l-komplementarjetà u l-effiċjenza tal-azzjoni tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw u għandhom jagħmlu ħilithom biex jevitaw id-duplikazzjoni bejn l-assistenza skont dan ir-Regolament u assistenza oħra pprovduta mill-Unjoni, mill-Istati Membri, minn pajjiżi terzi, minn organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali, bħall-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti, l-aġenziji u d-donaturi mhux tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operazzjonali fil-qasam tal-assistenza esterna, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa mal-Istati Membri fil-livell lokali.
4.L-attivitajiet fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jintegraw il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità u l-protezzjoni ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u, fejn rilevanti, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, u għandhom jappoġġaw il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp sostenibbli, jippromwovu azzjonijiet integrati li jistgħu joħolqu kobenefiċċji u jilħqu diversi objettivi b’mod koerenti. Għandhom jevitaw assi mhux rekuperabbli, u għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ta’ “la tagħmilx ħsara” u ta’ “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”, kif ukoll mill-approċċ tal-integrazzjoni tas-sostenibbiltà li jsostni l-Patt Ekoloġiku Ewropew.
5.Il-Benefiċjarji u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jitqiesu u jiġu promossi matul it-tħejjija tal-Aġendi ta’ Riforma u l-implimentazzjoni tal-Faċilità. Il-Benefiċjarji u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi x-xierqa biex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar dawn il-miżuri fil-kuntest tar-rapportar regolari tagħha skont il-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi.
6.Il-Faċilità ma għandhiex tappoġġa attivitajiet jew miżuri li huma inkompatibbli mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Benefiċjarji, il-Kontribut tagħhom Stabbilit fil-Livell Nazzjonali skont il-Ftehim ta’ Pariġi, u l-ambizzjoni li sal-2050 tinkiseb in-newtralità klimatika jew li jiġu promossi investimenti fil-fjuwils fossili, jew li jikkawżaw effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent jew fuq il-klima.
7.Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Benefiċjarji, għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni biex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà fl-għoti tal-assistenza, inkluż billi tippromwovi l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tas-sistemi ta’ kontroll intern u l-politiki kontra l-frodi, u billi jagħmlu l-informazzjoni dwar il-volum u l-allokazzjoni tal-assistenza disponibbli permezz ta’ bażijiet tad-data bbażati fuq l-internet, u għandhom jiżguraw li d-data tkun komparabbli u tkun tista’ tiġi aċċessata, kondiviża u ppubblikata faċilment.
Artikolu 5
Prekundizzjonijiet għall-appoġġ tal-Unjoni
1.Il-prekundizzjonijiet għall-appoġġ taħt il-Faċilità għandhom ikunu li l-Benefiċjarji jkomplu jħarsu u jirrispettaw mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari b’bosta partiti, u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxu r-rispett għall-obbligi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi. Prekundizzjoni oħra għandha tkun li s-Serbja u l-Kosovo jimpenjaw ruħhom b’mod kostruttiv fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom bl-għan li jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom kollha li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-Perkors lejn in-Normalizzazzjoni u l-Anness ta’ Implimentazzjoni tiegħu kif ukoll il-Ftehimiet ta’ Djalogu kollha tal-passat u jinvolvu ruħhom f’negozjati dwar il-Ftehim Komprensiv dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet.
2.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-issodisfar tal-prekundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 qabel ma l-fondi jiġu rilaxxati lill-Benefiċjarji taħt il-Faċilità u matul il-perjodu tal-appoġġ ipprovdut taħt il-Faċilità filwaqt li jitqies kif xieraq l-aħħar Pakkett tat-Tkabbir. Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li tikkonkludi li wħud minn dawn il-prekundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, u b’mod partikolari, iżżomm ir-rilaxx ta’ fondi msemmi fl-Artikolu 21, irrispettivament mill-issodisfar tal-kundizzjonijiet tta’ pagament imsemmija fl-Artikolu 16(3).
KAPITOLU II
Finanzjament u implimentazzjoni
Artikolu 6
Baġit
1.Ir-riżorsi li għandhom isiru disponibbli permezz tal-Faċilità, skont il-paragrafi 2 u 3, ma għandhomx jaqbżu EUR 6 000 000 000 għall-perjodu mill-2024 sal-2027.
2.Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Faċilità għandu jkun ta’ EUR 2 000 000 000 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027, li minnhom:
(a)98,5 % ikunu fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli lill-Benefiċjarji għall-implimentazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma;
(b)1,5 % għan-nefqa skont il-paragrafu 6.
3.L-appoġġ fil-forma ta’ self, għandu jkun disponibbli għal ammont sa EUR 4 000 000 000 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027. Dak l-ammont ma għandux jikkostitwixxi parti mill-ammont tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna skont it-tifsira tal-Artikolu 31(4) tar-Regolament Nru 2021/947.
4.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont indikattiv inizjali ta’ finanzjament disponibbli għal kull Benefiċjarju, f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness I, fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni korrispondenti msemmija fl-Artikolu 15, ikkalkolat abbażi tal-aħħar data disponibbli fil-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 29. L-ammonti indikattivi jistgħu jinbidlu matul l-implimentazzjoni f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21.
5.Skont l-Artikolu 19, l-ammont ta’ fondi disponibbli skont il-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent (WBIF) imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/1529 19 għandu jkun tal-inqas 50 % tal-ammont globali fil-paragrafu 1. Dik il-kontribuzzjoni għandha tinkludi l-ammont sħiħ ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli kif imsemmi fil-paragrafu 2 il-punt (a) ta’ dan l-Artikolu wara li jitnaqqas l-ammont ta’ proviżjonament.
6.Ir-riżorsi msemmija fil-paragrafu 2 il-punt (b) jistgħu jintużaw għall-assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Faċilità, bħall-azzjonijiet preparatorji, il-monitoraġġ, il-kontroll, l-awditjar u l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni, li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Faċilità u għall-ilħuq tal-objettivi tagħha, b’mod partikolari studji, laqgħat ta’ esperti, taħriġ, konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Benefiċjarji, konferenzi, konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inklużi azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni inklużivi, u komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn huma relatati mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, l-ispejjeż marbuta man-networks tal-IT li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, l-għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, kif ukoll in-nefqa l-oħra kollha fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-appoġġ amministrattiv u ta’ koordinazzjoni meħtieġ għall-Faċilità. Fl-aħħar nett, l-ispejjeż jistgħu jkopru wkoll il-kostijiet ta’ attivitajiet oħrajn ta’ appoġġ bħall-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ tal-proġetti jew tal-programmi fil-prattika u l-kostijiet tal-konsulenza bejn il-pari u tal-esperti għall-valutazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti.
Artikolu 7
Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-Unjoni
1.Il-Faċilità għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jew f’ġestjoni diretta jew f’ġestjoni indiretta ma’ kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
2.Il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jiġi pprovdut fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, b’mod partikolari l-assistenza finanzjarja, l-għotjiet, l-akkwist u l-operazzjonijiet ta’ taħlit.
3.Skont il-kapaċità operazzjonali u finanzjarja meħtieġa, l-entità fdata li timplimenta operazzjonijiet ta’ taħlit tista’ tkun il-Bank Ewropew tal-Investiment jew il-Fond Ewropew tal-Investiment, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali multilaterali, bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, jew istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej bilaterali, bħall-banek tal-iżvilupp. Kull meta jkun possibbli, l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ taħlit fl-ambitu tal-Faċilità għandha tiġi kkomplementata minn forom addizzjonali ta’ appoġġ finanzjarju, jew minn Stati Membri jew minn partijiet terzi.
Artikolu 8
Regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ persuni u entitajiet, l-oriġini tal-provvista u tal-materjali u r-restrizzjoni skont il-Faċilità
1. Il-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ akkwist u ta’ aġġudikazzjoni ta’ għotjiet għal attivitajiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità għandha tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta’, u għal persuni ġuridiċi li huma stabbiliti b’mod effettiv fi:
(a)l-Istati Membri, il-Benefiċjarji, il-partijiet kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi koperti mill-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/947 u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/1529;
(b)il-pajjiżi li għalihom huwa stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna mill-Kummissjoni fil-Benefiċjarji.
2. L-aċċess reċiproku msemmi fil-paragrafu 1 il-punt (b), jista’ jingħata għal perjodu limitat ta’ tal-inqas sena, kull meta pajjiż jagħti eliġibbiltà fuq termini ugwali lill-entitajiet mill-Unjoni u mill-pajjiżi eliġibbli fl-ambitu tal-Faċilità.
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-aċċess reċiproku wara li tikkonsulta lill-Benefiċjarju konċernat.
3. Il-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati u akkwistati fl-ambitu ta’ din il-Faċilità għandhom joriġinaw minn kwalunkwe pajjiż imsemmi fil-paragrafu 1 il-punt (a) u fil-punt (b), sakemm il-provvisti u l-materjali ma jkunux jistgħu jinkisbu b’kundizzjonijiet raġonevoli fi kwalunkwe wieħed minn dawk il-pajjiżi. Barra minn hekk, japplikaw ir-regoli dwar ir-restrizzjonijiet fil-paragrafu 6.
4. Ir-regoli dwar l-eliġibbiltà skont dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal, u ma għandhomx joħolqu restrizzjonijiet fuq in-nazzjonalità għal, persuni fiżiċi impjegati jew ikkuntrattati legalment b’mod ieħor minn kuntrattur eliġibbli jew, meta jkun applikabbli, sottokuntrattur ħlief meta r-restrizzjonijiet fuq in-nazzjonalità jkunu bbażati fuq ir-regoli previsti fil-paragrafu 6.
5. Għal azzjonijiet kofinanzjati b’mod konġunt minn entità jew implimentati f’ġestjoni diretta jew indiretta ma’ entitajiet kif imsemmi fl-Artikolu 62(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, għandhom japplikaw ukoll ir-regoli ta’ dawk l-entitajiet. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet stabbiliti skont il-paragrafu 6, li għandhom jiġu riflessi kif xieraq fil-ftehimiet konklużi ma’ dawk l-entitajiet.
6. Ir-regoli ta’ eliġibbiltà u ta’ oriġini tal-provvisti u l-materjali msemmija fil-paragrafi 1 u 3 u n-nazzjonalità tal-persuni fiżiċi msemmija fil-paragrafu 4 jistgħu jkunu ristretti fir-rigward tan-nazzjonalità, il-post ġeografiku jew in-natura tal-entitajiet legali li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti kif ukoll fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-provvisti u l-materjali, fil-każijiet li ġejjin:
(a)meta tali restrizzjonijiet ikunu meħtieġa minħabba n-natura speċifika u/jew l-objettivi tal-attività jew tal-proċedura speċifika ta’ għoti u/jew meta dawn ir-restrizzjonijiet ikunu meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-azzjoni;
(b)meta l-azzjoni jew il-proċeduri speċifiċi ta’ għoti jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-assi strateġiċi u l-interessi tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha, jew ta’ kwalunkwe wieħed mill-Benefiċjarji, inklużi s-sigurtà, ir-reżiljenza u l-protezzjoni tal-integrità tal-infrastruttura diġitali (inkluża l-infrastruttura tan-network 5G), is-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, u l-ktajjen tal-provvista relatati.
7. L-applikanti għall-offerti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli f’każ ta’ urġenza jew meta s-servizzi ma jkunux disponibbli fis-swieq tal-pajjiżi jew tat-territorji kkonċernati, jew f’każijiet oħrajn debitament sostanzjati meta l-applikazzjoni tar-regoli ta’ eliġibbiltà tagħmel it-twettiq ta’ azzjoni impossibbli jew diffiċli ħafna.
Artikolu 9
Ftehim dwar il-Faċilità
1. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi Ftehim ta’ Faċilità ma’ kull Benefiċjarju għall-implimentazzjoni tal-Faċilità li jistabbilixxi l-obbligi u l-kundizzjonijiet ta’ pagament tal-Benefiċjarji għall-iżborż tal-finanzjament tal-Faċilità.
2. Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jiġi kkomplementat bi ftehimiet dwar self skont l-Artikolu 17, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-finanzjament ipprovdut fil-forom ta’ self.
3. Il-finanzjament għandu jingħata biss lill-Benefiċjarji wara li jkunu daħlu fis-seħħ il-Ftehimiet ta’ Faċilità rispettivi u l-ftehimiet dwar self applikabbli.
4. Il-Ftehim dwar il-Faċilità u l-ftehimiet dwar self konklużi ma’ kull wieħed mill-Benefiċjarji, u l-ftehimiet konklużi ma’ persuna jew ma’ entitajiet li jirċievu fondi tal-Unjoni, għandhom jiżguraw li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jiġu ssodisfati.
5. Il-Ftehim ta’ Faċilità għandu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dettaljati meħtieġa dwar:
(a)l-impenn tal-Benefiċjarju li jagħmel progress lejn sistemi ta’ kontroll aktar effiċjenti u effettivi, u li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-evażjoni tat-taxxa;
(b)ir-regoli dwar ir-rilaxx, iż-żamma, it-tnaqqis u r-ridistribuzzjoni tal-fondi f’konformità mal-Artikolu 21.
(c)l-attivitajiet relatati mal-ġestjoni, il-kontroll, is-superviżjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rapportar u l-awditjar fl-ambitu tal-Faċilità, kif ukoll ir-rieżamijiet tas-sistema, l-investigazzjonijiet, il-miżuri kontra l-frodi u l-kooperazzjoni;
(d)ir-regoli dwar ir-rapportar lill-Kummissjoni dwar jekk u kif il-kundizzjonijiet ta’ pagament imsemmija fl-Artikolu 12 humiex issodisfati;
(e)ir-regoli dwar it-taxxi, id-dazji u l-imposti f’konformità mal-Artikolu 27(9) u (10) tar-Regolament (UE) 2021/947;
(f)il-miżuri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, u l-obbligu li l-Kummissjoni u l-OLAF jiġu nnotifikati mingħajr dewmien dwar każijiet suspettati jew attwali ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitt ta’ interessi u s-segwitu tagħhom;
(g)l-obbligi msemmija fl-Artikoli 22 u 23, inklużi regoli preċiżi u skeda ta’ żmien dwar il-ġbir tad-data mill-Benefiċjarju u l-aċċess għall-Kummissjoni u l-OLAF;
(h)proċedura biex jiġi żgurat li t-talbiet għall-iżborż għall-appoġġ ta’ self jaqgħu taħt l-ammont ta’ self disponibbli, filwaqt li jitqies l-Artikolu 6(3);
(i)id-dritt tal-Kummissjoni li tnaqqas b’mod proporzjonali l-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tal-Faċilità u li tirkupra kwalunkwe ammont li jintefaq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità jew li titlob ripagament bikri tas-self, f’każijiet ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma ġewx ikkoreġuti mill-Benefiċjarju, jew ta’ ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta mill-Ftehim dwar Faċilità;
(j)ir-regoli u l-modalitajiet għall-Benefiċjarji biex jirrapportaw għall-fini tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Faċilità u jivvalutaw l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.
Artikolu 10
Riport, pagamenti parzjali annwali, approprjazzjonijiet ta’ impenn
1.B’deroga mill-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament mhux użati fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jiġu riportati awtomatikament u jistgħu jiġu impenjati u użati, rispettivament, sal-
31 ta’ Diċembru tas-sena finanzjarja ta’ wara. L-ammont riportat għandu jintuża l-ewwel fis-sena finanzjarja ta’ wara.
2.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-approprjazzjonijiet ta’ impenn riportati f’konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
3.B’deroga mill-Artikolu 15 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 dwar it-tqegħid tal-approprjazzjonijiet għad-dispożizzjoni mill-ġdid, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għall-ammont ta’ diżimpenn magħmula bħala riżultat tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni totali jew parzjali ta’ azzjoni fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jerġgħu jsiru disponibbli għall-benefiċċju tal-linja baġitarja tal-oriġini.
4.L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f’pagamenti parzjali annwali, f’konformità mal-Artikolu 112(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
KAPITOLU III
Aġendi ta’ Riforma
Artikolu 11
Sottomissjoni tal-Aġendi ta’ Riforma
1.Sabiex jirċievi kwalunkwe appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità, kull Benefiċjarju għandu jippreżenta lill-Kummissjoni Aġenda ta’ Riforma għad-durata tal-Faċilità, li tibni fuq il-parti tar-riformi strutturali tal-aħħar Programm ta’ Riforma Ekonomika u l-Gwida tal-Politika Konġunta relatata miftiehma fid-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju f’Mejju 2023, l-istrateġija nazzjonali tat-tkabbir tiegħu meta dan ikun applikabbli, il-metodoloġija riveduta tat-tkabbir, l-aktar Pakkett tat-Tkabbir riċenti u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent.
2.L-Aġendi ta’ Riforma għandhom jistabbilixxu r-riformi li għandhom jitwettqu mill-Benefiċjarju, kif ukoll oqsma ta’ investiment, lejn l-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3. L-Aġendi ta’ Riforma għandhom jinkludu miżuri għall-implimentazzjoni tar-riformi permezz ta’ pakkett komprensiv u koerenti. Fl-oqsma fundamentali, inkluż l-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, id-drittijiet fundamentali u l-libertà tal-espressjoni, l-Aġendi ta’ Riforma għandhom jirriflettu l-valutazzjonijiet fl-aktar Pakkett ta’ Tkabbir riċenti.
3.L-Aġenda ta’ Riforma għandha tkun konsistenti mal-aħħar qafas ta’ politika makroekonomika u fiskali ppreżentat lill-Kummissjoni fil-kuntest tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju mal-UE.
4.L-Aġendi ta’ Riforma għandhom ikunu konsistenti mal-prijoritajiet ta’ riforma identifikati fil-kuntest tal-perkors ta’ adeżjoni tal-Benefiċjarju u jappoġġawhom, u dokumenti rilevanti oħrajn, bħall-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, il-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-ambizzjoni li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050.
5.L-Aġendi ta’ Riforma għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 4.
6.Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Benefiċjarji jippreżentaw fi żmien 3 xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Aġendi ta’ Riforma rispettivi tagħhom.
7.F’każ ta’ ridistribuzzjoni tal-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità li twassal biex Benefiċjarju jirċievi appoġġ addizzjonali, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Benefiċjarju jippreżenta fi żmien 3 xhur Aġenda ta’ Riforma riveduta għad-durata li jifdal tal-Faċilità.
Artikolu 12
Prinċipji għall-finanzjament skont l-Aġendi ta’ Riforma
1.Il-Faċilità għandha tinċentiva l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma ta’ kull Benefiċjarju billi tpoġġi kundizzjonijiet ta’ pagament fuq ir-rilaxx tal-fondi. Dawn il-kundizzjonijiet ta’ pagament għandhom japplikaw għal fondi skont l-Artikolu 6(2) il-punt (a) u l-Artikolu 6(3) u għandhom jieħdu l-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi. Tali passi għandhom jirriflettu l-progress fuq riformi soċjoekonomiċi speċifiċi, inkluż fuq il-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir u tal-istat tad-dritt, marbuta mal-ilħuq tal-objettivi differenti tal-Faċilità, stabbiliti fl-Artikolu 3, konsistenti mal-aħħar Pakkett tat-Tkabbir.
L-ilħuq tal-kundizzjonijiet ta’ pagament għandu jwassal għal rilaxx sħiħ jew parzjali ta’ fondi, skont il-grad tat-tlestija tagħhom.
2.Fir-rigward tal-finanzjament implimentat permezz tal-fond imsemmi fl-Artikolu 19, l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jikkostitwixxi validazzjoni preliminari. Il-fondi għandhom jitħallsu wara li jirċievu talba għall-pagament mill-maniġers tal-fondi tal-fond konġunt stabbilit skont id-WBIF biex jirċievu l-kontribuzzjonijiet tad-donaturi.
3.L-istabbiltà makrofinanzjarja, il-ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, it-trasparenza u s-sorveljanza tal-baġit huma kundizzjonijiet ġenerali għall-pagamenti li jridu jiġu ssodisfati għal kwalunkwe rilaxx ta’ fondi.
Artikolu 13
Kontenut tal-Aġendi ta’ Riforma
1.L-Aġendi ta’ Riforma għandhom b’mod partikolari jistabbilixxu l-elementi li ġejjin, li għandhom ikunu motivati u sostanzjati:
(a)miżuri li jikkostitwixxu rispons koerenti, komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, inklużi r-riformi strutturali, l-investimenti, u miżuri biex tiġi żgurata l-konformità mal-prekundizzjonijiet jekk ikun xieraq;
(b)spjegazzjoni ta’ kif il-miżuri huma konsistenti mal-prinċipji, l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-programmi msemmija fl-Artikolu 11;
(c) spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri huma mistennija jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi u ambjentali;
(d)għar-riformi u l-investimenti, skeda ta’ żmien indikattiva, u l-kundizzjonijiet previsti ta’ pagament għar-rilaxx ta’ fondi fil-forma ta’ passi kwalitattivi u kwantitattivi li għandhom jiġu implimentati sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2027;
(e)l-arranġamenti għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni effettivi tal-Aġenda ta’ Riforma mill-Benefiċjarju, inklużi l-indikaturi rilevanti stabbiliti fil-paragrafu 2;
(f)spjegazzjoni tas-sistema tal-Benefiċjarju biex effettivament jipprevjeni, jidentifika u jikkoreġi l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess u biex jinforza r-regoli dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat;
(g)kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.
2.L-Aġendi ta’ Riforma għandhom ikunu bbażati fuq ir-riżultati u jinkludu indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fihom. Dawn l-indikaturi għandhom ikunu bbażati, meta jkun xieraq u rilevanti, fuq indikaturi miftiehma fil-livell internazzjonali u dawk li diġà huma disponibbli relatati mal-politiki tal-Benefiċjarji. L-indikaturi għandhom ikunu wkoll koerenti sa fejn ikun possibbli, mal-indikaturi korporattivi ewlenin inklużi fil-Qafas tar-Riżultati tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III), fil-Qafas ta’ Kejl tar-Riżultati tal-EFSD+ u fid-WBIF.
Artikolu 14
Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Aġendi ta’ Riforma
1.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rilevanza, il-komprensività u l-adegwatezza tal-Aġenda ta’ Riforma ta’ kull Benefiċjarju jew, fejn applikabbli, kwalunkwe emenda għal dik l-Aġenda, mingħajr dewmien żejjed. Meta twettaq il-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Benefiċjarju kkonċernat, u tista’ tagħmel osservazzjonijiet jew tfittex informazzjoni addizzjonali.
2.Meta tivvaluta l-Aġendi ta’ Riforma, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni analitika disponibbli rilevanti dwar il-Benefiċjarju, il-ġustifikazzjoni u l-elementi pprovduti mill-Benefiċjarju kif imsemmi fl-Artikolu 13, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra bħall-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 11.
3.Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin:
(a)jekk l-Aġenda ta’ Riforma tirrappreżentax rispons rilevanti, komprensiv, koerenti u bbilanċjat b’mod adegwat għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3;
(b)jekk l-Aġenda ta’ Riforma tistax tkun mistennija taċċellera l-progress lejn it-tnaqqis tad-distakk soċjoekonomiku bejn il-Benefiċjarju u l-Unjoni, u b’hekk ittejjeb l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħhom u tappoġġa l-konverġenza lejn l-istandards tal-Unjoni;
(c)jekk l-Aġenda ta’ Riforma tistax tkun mistennija taċċellera t-tranżizzjoni tal-Benefiċjarji lejn ekonomiji sostenibbli, newtrali għall-klima u reżiljenti għall-klima u inklużivi billi ttejjeb il-konnettività reġjonali, tagħmel progress fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika diġitali, inkluża l-bijodiversità, u tagħti spinta lill-innovazzjoni, lill-edukazzjoni u lill-ħiliet u lis-suq tax-xogħol usa’;
(d) jekk l-Aġenda ta’ Riforma tistax tkun mistennija li ssaħħaħ ulterjorment il-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir kif definit fl-Artikolu 3.2 il-punt (i).
(e)jekk l-Aġenda ta’ Riforma tindirizzax b’mod xieraq ir-riskji potenzjali f’konformità mal-prekundizzjonijiet u l-kundizzjonijiet ta’ pagament;
(f)jekk il-kundizzjonijiet ta’ pagament proposti mill-Benefiċjarju humiex xierqa u ambizzjużi, konsistenti mal-valutazzjoni mill-aħħar Pakkett tat-Tkabbir, kif ukoll sinifikanti u ċari biżżejjed biex jippermettu r-rilaxx korrispondenti ta’ fondi f’każ li jiġu ssodisfati u jekk l-indikaturi tar-rapportar proposti humiex xierqa u suffiċjenti biex jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar il-progress li sar lejn l-objettivi ġenerali;
(g)jekk l-arranġamenti proposti mill-Benefiċjarju humiex mistennija jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu b’mod effettiv irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, meta jużaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità, u jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi oħrajn tal-Unjoni kif ukoll minn donaturi oħrajn mill-Faċilità u minn programmi oħrajn tal-Unjoni kif ukoll minn donaturi oħrajn.
4.Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma ppreżentati mill-Benefiċjarji, il-Kummissjoni tista’ tiġi megħjuna minn esperti.
Artikolu 15
Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni
1.Fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tapprova permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni l-Aġenda ta’ Riforma ppreżentata mill-Benefiċjarju, f’konformità mal-Artikolu 14 jew, fejn applikabbli, tal-emenda tagħha ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 16. Dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).
2.Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-riformi li għandhom jiġu implimentati mill-Benefiċjarju, l-oqsma ta’ investiment li għandhom jiġu appoġġati u l-kundizzjonijiet ta’ pagament li jirriżultaw mill-Aġenda ta’ Riforma, inkluża l-iskeda ta’ żmien indikattiva.
3.Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll:
(a)L-ammont indikattiv ta’ fondi globali disponibbli għall-Benefiċjarju, u l-pagamenti parzjali skedati li għandhom jiġu rilaxxati inkluż il-prefinanzjament, strutturati f’konformità mal-Artikolu 13, ladarba l-Benefiċjarju jkun kiseb ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti fil-forma ta’ passi kwalitattivi u kwantitattivi identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma;
(b)id-diżaggregazzjoni skont il-pagament parzjali ta’ finanzjament bejn l-appoġġ għas-self u l-appoġġ mhux ripagabbli;
(c)il-limitu ta’ żmien sa meta jridu jitlestew il-kundizzjonijiet finali ta’ pagament għar-riformi;
(d)l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ, għar-rapportar u għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Riforma inklużi, fejn rilevanti, il-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 24;
(e)l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 13(2) għall-valutazzjoni tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi fl-Artikolu 3;
Artikolu 16
Emendi għall-Aġendi ta’ Riforma
1.Meta l-Aġenda ta’ Riforma, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti, ma tkunx għadha tista’ tinkiseb mill-Benefiċjarju, parzjalment jew totalment, minħabba ċirkostanzi oġġettivi, il-Benefiċjarju jista’ jipproponi Aġenda ta’ Riforma emendata. F’dak il-każ, il-Benefiċjarju jista’ jagħmel talba motivata lill-Kummissjoni biex temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tiegħu msemmija fl-Artikolu 15(1).
2.Il-Kummissjoni tista’ temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari biex tqis bidla fl-ammonti disponibbli f’konformità mal-prinċipji skont l-Artikolu 21.
3.Meta l-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet imressqa mill-Benefiċjarju jiġġustifikaw emenda għall-Aġenda ta’ Riforma, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-Aġenda emendata f’konformità mal-Artikolu 14 u tista’ temenda d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1) mingħajr dewmien żejjed.
4.F’emenda, il-Kummissjoni tista’ taċċetta skedi ta’ żmien għall-kundizzjonijiet ta’ pagament li jestendu għall-2028. Dan ma jaffettwax l-iskadenza finali stabbilita fl-Artikolu 21(8).
Artikolu 17
Ftehim ta’ self, operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self
1.Sabiex jiġi ffinanzjat l-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità fil-forma ta’ self, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 220a tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
2.B’deroga mill-Artikolu 220(4) tar-Regolament Finanzjarju, l-iżborżi tas-self jistgħu jiġu implimentati permezz tad-WBIF f’isem il-Benefiċjarju. L-ammonti rkuprati għandhom jiġu ttrasferiti lill-Benefiċjarju.
3.Il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim dwar self mal-Benefiċjarju. Il-ftehim dwar self għandu jistabbilixxi l-ammont massimu ta’ self, il-perjodu ta’ disponibbiltà u t-termini u l-kundizzjonijiet dettaljati tal-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità fil-forma ta’ self. Is-self għandu jkollu durata massima ta’ 40 sena mill-iffirmar tal-ftehim dwar self.
Minbarra u b’deroga mill-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-ftehim dwar self għandu jkun fih l-ammont ta’ prefinanzjament u regoli dwar l-ikklerjar ta’ prefinanzjament.
Fir-rigward tal-ammonti ta’ self implimentati permezz tal-WBIF, il-ftehim dwar self għandu wkoll:
(a)jipprevedi li l-Benefiċjarju jawtorizza b’mod irrevokabbli u mingħajr kundizzjonijiet lill-Kummissjoni biex tħallas żborżi lill-entità li timplimenta l-fond fuq talba minn dik l-entità u li l-Kummissjoni tiġi lliberata mill-obbligi ta’ pagament tagħha lejn il-Benefiċjarju billi tħallas lil dik l-entità;
(b)jipprevedi l-obbligu tal-Benefiċjarju li jħallas il-kostijiet tal-implimentazzjoni u kwalunkwe tariffa dovuta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-fond f’konformità mal-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-entità li timplimenta l-fond.
Artikolu 18
Proviżjonament
1.Skont l-Artikolu 211(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu jiġi kkostitwit proviżjonament għas-self skont dan ir-Regolament bir-rata ta’ 9 % meta jsir disponibbli kwalunkwe fond li jaqa’ taħt l-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-Regolament. Il-proviżjonament għandu jkun magħmul mill-pakkett imsemmi fl-Artikolu 6(2) il-punt (a).
L-impenji baġitarji għall-proviżjonament għandhom isiru sal-31 ta’ Diċembru 2027. B’deroga mill-Artikolu 211(2), l-aħħar sentenza tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-proviżjonament għandu jitħallas progressivament u kompletament ikkostitwit mhux aktar tard minn meta s-self jiġi żborżat kompletament.
2.Il-proviżjonament għandu jitħallas lill-fond ta’ proviżjonament komuni. Dan jista’ jkopri wkoll is-self għall-assistenza makrofinanzjarja f’konformità mal-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) 2021/947.Ir-rata ta’ proviżjonament għandha tiġi riveduta tal-inqas kull tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 26 biex temenda r-rata ta’ proviżjonament filwaqt li tapplika l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 211(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
Artikolu 19
Implimentazzjoni ta’ proġetti u programmi ta’ investiment taħt il-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent
1.Sabiex jibbenefikaw mill-ingranaġġ tal-appoġġ finanzjarju tal-UE biex jattiraw investiment addizzjonali, l-investimenti fl-infrastruttura li jappoġġaw l-Aġendi ta’ Riforma għandhom jiġu implimentati permezz tad-WBIF.
2.Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 15 għandhatistabbilixxi l-ammont tal-fondi li għandu jsir disponibbli għall-użu fl-ambitu tad-WBIF.
3.Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti rilevanti ta’ proġetti jew programmi ta’ investiment għall-opinjoni tal-Bord Operazzjonali tad-WBIF imsemmi fl-Artikolu 35(8) tar-Regolament (UE) 2021/947 wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 21(3).
4.Tal-inqas 37 % tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli li jgħaddi mid-WBIF għandu jqis l-objettivi klimatiċi.
5.Il-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità pprovdut mill-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 6(2) il-punt (a), wara t-tnaqqis tal-ammont ta’ proviżjonament, għandu jiġi implimentat f’ġestjoni indiretta b’kont meħud ta’ sensiela ta’ investimenti u jiġi pprovdut gradwalment permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa fil-fond konġunt stabbilit skont id-WBIF għall-kontribuzzjonijiet tad-donaturi riċeventi.
6.Dan il-finanzjament ma għandux isir disponibbli għal investimenti għall-fond konġunt sakemm tiġi adottata d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 21(3).
7.Il-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità pprovdut mis-self kif imsemmi fl-Artikolu 6(5), għandu jsir disponibbli permezz tad-WBIF taħt il-ftehim dwar self bejn il-Kummissjoni u l-Benefiċjarji f’konformità mal-Artikolu 17(2). Flimkien għall-ftehimiet kollha dwar self, għandu jkun hemm massimu ta’ 12-il talba għall-iżborżi kull sena mill-maniġers tal-fondi tal-fond konġunt imsemmi fl-Artikolu 12(2) lill-Kummissjoni. Il-proġetti u l-programmi ta’ investiment jistgħu jirċievu appoġġ minn żewġ sorsi ta’ finanzjament imsemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll minn programmi u strumenti oħrajn tal-Unjoni, soġġetti għal dak l-appoġġ minn sorsi, programmi u strumenti differenti u li jipprevedi addizzjonalità u ma jkoprix l-istess kost.
Artikolu 20
Prefinanzjament
1.Wara s-sottomissjoni tal-Aġenda ta’ Riforma lill-Kummissjoni, il-Benefiċjarju jista’ jitlob ir-rilaxx ta’ prefinanzjament sa 7 % tal-ammont totali previst fl-ambitu ta’ din il-Faċilità f’konformità mal-Artikolu 6(4).
2.Il-Kummissjoni tista’ tirrilaxxa l-prefinanzjament mitlub wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 15 u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Faċilità u tal-ftehim dwar self imsemmi. Il-fondi għandhom jiġu rilaxxati f’konformità mal-Artikolu 21(3) l-ewwel sentenza, u soġġetti għar-rispett tal-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.
3.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-perjodu ta’ żmien għall-iżborż tal-prefinanzjament, li jista’ jiġi żborżat f’segment wieħed jew aktar.
Artikolu 21
Valutazzjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament, iż-żamma, it-tnaqqis u r-ridistribuzzjoni tal-fondi, regoli dwar il-pagament
1.Darbtejn fis-sena, il-Benefiċjarju għandu jippreżenta talba debitament ġustifikata għar-rilaxx ta’ fondi fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ pagament issodisfati relatati mal-passi kwantitattivi u kwalitattivi.
2.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta mingħajr dewmien żejjed jekk il-Benefiċjarju jkunx kiseb l-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet ta’ pagament stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 15(1). L-ilħuq sodisfaċenti ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ pagament għandu jippresupponi li l-miżuri relatati mal-istess riformi li għalihom il-Benefiċjarju jkun kiseb eżekuzzjoni sodisfaċenti f’deċiżjonijiet preċedenti ma jkunux ġew imreġġgħin lura mill-Benefiċjarju. Il-Kummissjoni tista’ tiġi assistita minn esperti.
3.Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni pożittiva tat-twettiq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet kollha applikabbli, għandha tadotta mingħajr dewmien żejjed deċiżjoni li tawtorizza r-rilaxx ta’ fondi li jikkorrispondu għal dawn il-kundizzjonijiet. Dik id-deċiżjoni għandha, f’konformità mal-qsim stabbilit fl-Artikolu 6(4), tistabbilixxi l-ammont ta’ fondi li għandhom isiru disponibbli bħala assistenza finanzjarja, li jiġu mgħoddija direttament lill-baġit nazzjonali u l-ammont li għandu jsir disponibbli permezz tad-WBIF. Fir-rigward ta’ dawk l-ammonti, id-deċiżjoni għandha tikkostitwixxi l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 12 għall-ammont ta’ fondi li għandhom isiru disponibbli bħala assistenza finanzjarja li tingħadda direttament lill-baġit nazzjonali u l-validazzjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 12 għall-ammont li għandu jsir disponibbli permezz tad-WBIF.
4.Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni negattiva tal-issodisfar ta’ kwalunkwe kundizzjoni skont l-iskeda ta’ żmien indikattiva, ir-rilaxx ta’ fondi li jikkorrispondu għal tali kundizzjonijiet għandu jinżamm. L-ammonti miżmuma jistgħu jiġu rilaxxati biss meta l-Benefiċjarju jkun debitament iġġustifikat, bħala parti mit-talba sussegwenti għar-rilaxx ta’ fondi, li jkun ħa l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-ilħuq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet korrispondenti.
5.Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li l-Benefiċjarju ma jkunx ħa l-miżuri meħtieġa f’perjodu ta’ 12-il xahar mill-valutazzjoni negattiva inizjali msemmija fil-paragrafu 6, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammont tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self b’mod proporzjonali għall-parti li tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti. Matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni, għandha tapplika skadenza ta’ 24 xahar, ikkalkolata mill-valutazzjoni negattiva inizjali msemmija fil-paragrafu 6. Il-Benefiċjarju jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn mill-komunikazzjoni lilhom tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.
6.Kwalunkwe ammont li jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet ta’ pagament li ma jkunux ġew issodisfati sal-
31 ta’ Diċembru 2028 ma għandux ikun dovut lill-Benefiċjarji u għandu jiġi diżimpenjat, jew kkanċellat mill-ammont disponibbli ta’ appoġġ għas-self, kif xieraq.
7.Il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, inkluż permezz ta’ tpaċija f’konformità mal-Artikolu 102 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jew tas-self, fil-każ ta’ każijiet identifikati ta’, jew tħassib serju fir-rigward ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma ġewx ikkoreġuti mill-Benefiċjarju, jew ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta mill-Ftehimiet ta’ Faċilità jew mill-Ftehimiet ta’ Self, inkluż abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-OLAF.
8.Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tqassam mill-ġdid kwalunkwe ammont imnaqqas skont il-paragrafu 6 jew 7 fost Benefiċjarji oħrajn tal-Faċilità billi temenda d-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1).
9.Għall-parti tal-finanzjament tal-Faċilità mħallsa bħala assistenza finanzjarja, li tingħadda direttament lejn il-baġits nazzjonali tal-Benefiċjarji, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 116(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-iskadenza għall-pagament kif imsemmi fl-Artikolu 116(1) il-punt (a), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandu jibda jiddekorri mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż lill-Benefiċjarju skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
10.L-Artikolu 116(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ma għandux japplika għall-pagamenti magħmula bħala assistenza finanzjarja, mgħoddija direttament lill-baġits nazzjonali tal-Benefiċjarji skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament.
11.Il-pagament ta’ fondi fl-ambitu ta’ din il-Faċilità għandu jkun soġġett għall-finanzjament disponibbli. Il-fondi għandhom jitħallsu f’pagamenti parzjali. Pagament parzjali jista’ jitħallas f’segment wieħed jew aktar.
12.L-ammont li jsir disponibbli bħala assistenza finanzjarja, li jingħadda direttament lill-baġit nazzjonali, għandu jitħallas wara d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 f’konformità mal-ftehim dwar self.
13.Il-pagament ta’ kwalunkwe ammont tal-appoġġ fil-forma ta’ self, kemm jekk jingħadda direttament lill-baġit nazzjonali kif ukoll permezz tad-WBIF, għandu jkun soġġett għas-sottomissjoni mill-Benefiċjarju ta’ talba għall-pagament fil-forma stabbilita fil-ftehim dwar self.
14.L-ammont li jsir disponibbli permezz tad-WBIF għandu jitħallas wara d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3, wara t-talba għall-pagament imsemmija fil-paragrafu 13 u wara li tasal talba għall-pagament mill-maniġers tal-fondi tal-fond konġunt stabbilit skont id-WBIF biex jirċievi l-kontribuzzjonijiet tad-donaturi.
KAPITOLU IV
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
Artikolu 22
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1.Fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, il-Kummissjoni u l-Benefiċjarji għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità u l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom se topera l-Faċilità, il-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehimiet ta’ Faċilità speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni, tal-kunflitti ta’ interess u tal-irregolaritajiet. Kull Benefiċjarju għandu jimpenja ruħu li jagħmel progress lejn sistemi effettivi u effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll u jiżgura li l-ammonti mħallsa bi żball jew użati b’mod żbaljat ikunu jistgħu jiġu rkuprati.
2.Il-Ftehim ta’ Faċilità għandu jipprevedi l-obbligi li ġejjin tal-Benefiċjarju:
(a)jivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut intuża f’konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni, tal-kunflitti ta’ interess u tal-irregolaritajiet;
(b)jieħu miżuri xierqa biex jipprevjeni, jidentifika u jikkoreġi l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, biex jiġi evitat il-finanzjament doppju u biex jittieħdu azzjonijiet legali għall-irkupru tal-fondi li jkunu ġew miżapproprjati, inkluż fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti jew programmi ta’ investiment fl-ambitu tal-Aġendi ta’ Riforma;
(c)għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari għall-kontrolli fuq l-użu tal-fondi fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-riformi fl-Aġendi ta’ Riforma, biex jiġi żgurat il-ġbir ta’, u aċċess għal, data adegwata dwar persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-Aġenda ta’ Riforma taħt il-Kapitolu III;
(d)jawtorizza b’mod espliċitu lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, meta jkun applikabbli, lill-UPPE biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
3.Il-Ftehim dwar il-Faċilità għandu jipprevedi wkoll id-dritt li l-Kummissjoni tnaqqas b’mod proporzjonali l-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tal-Faċilità u tirkupra kwalunkwe ammont li jintefaq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità jew li titlob ripagament bikri tas-self, f’każijiet ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma ġewx ikkoreġuti mill-Benefiċjarju, jew ta’ ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta minn tali ftehimiet. Meta tiddeċiedi dwar l-ammont tal-irkupru u t-tnaqqis, jew l-ammont li għandu jitħallas lura kmieni, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u għandha tqis is-serjetà tal-irregolarità, il-frodi, il-korruzzjoni jew il-kunflitt ta’ interessi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew ta’ ksur ta’ obbligu. Il-Benefiċjarju għandu jingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma jsir it-tnaqqis jew jintalab ripagament bikri.
4.Il-persuni u l-entitajiet li jimplimentaw fondi fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jirrapportaw kwalunkwe każ suspettat ta’ frodi, korruzzjoni, kunflitt ta’ interessi u irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u lill-OLAF.
Artikolu 23
Rwol tas-sistemi interni nazzjonali u tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Awditjar
1.Għall-parti tal-finanzjament tal-Faċilità mħallas bħala assistenza finanzjarja, li jingħadda direttament lill-baġits nazzjonali tal-Benefiċjarji, il-Kummissjoni għandha tibbaża fuq sistemi ta’ kontroll intern eżistenti u mtejba tal-Benefiċjarji, inklużi l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Awditjar u, meta jkun applikabbli, is-Servizzi ta’ Koordinazzjoni kontra l-Frodi ta’ kull Benefiċjarju stabbiliti fil-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.
L-Aġendi ta’ Riforma għandhom jagħtu prijorità fl-ewwel snin tar-riformi ta’ implimentazzjoni tagħhom relatati mal-kapitolu 32 tan-negozjati, b’mod partikolari dwar il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-kontroll intern, kif ukoll dwar il-ġlieda kontra l-frodi, flimkien mal-kapitoli 23 u 24, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġustizzja, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-Kapitolu 8, b’mod partikolari dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.
2.Il-Benefiċjarji għandhom jirrapportaw kwalunkwe irregolarità, inkluża frodi, li kienet is-suġġett ta’ sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, mingħajr dewmien, lill-Kummissjoni u għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress ta’ kwalunkwe proċediment amministrattiv u legali fir-rigward ta’ tali irregolaritajiet. Tali rapportar għandu jsir b’mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet, stabbilita mill-Kummissjoni.
3.L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom iżommu djalogu regolari mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, mal-OLAF u, fejn xieraq, mal-UPPE.
4.Il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżamijiet dettaljati tas-sistemi tal-implimentazzjoni tal-baġit nazzjonali abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju u djalogu mal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Awditjar, u toħroġ rakkomandazzjonijiet għal titjib fis-sistemi.
5.Il-Kummissjoni tista’ tadotta rakkomandazzjonijiet lill-Benefiċjarju dwar il-każijiet kollha fejn fil-fehma tagħha l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux ħadu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitt ta’ interessi u l-irregolaritajiet li affettwaw jew li jirriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tan-nefqa ffinanzjata fl-ambitu tal-Faċilità u fil-każijiet kollha fejn tidentifika nuqqasijiet li jaffettwaw it-tfassil u l-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mill-awtoritajiet. Il-Benefiċjarju kkonċernat għandu jimplimenta tali rakkomandazzjonijiet jew jipprovdi ġustifikazzjoni dwar għaliex ma jkunx għamel dan.
KAPITOLU V
Monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni
Artikolu 24
Monitoraġġ u rapportar
1.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Faċilità u tivvaluta l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għandu jkun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqa fl-ambitu tal-Faċilità. L-indikaturi msemmija fl-Artikolu 13(2) huma mistennija jikkontribwixxu għall-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-Faċilità.
2.Il-Ftehim dwar il-Faċilità msemmi fl-Artikolu 9 għandu jistabbilixxi regoli u modalitajiet għall-Benefiċjarji biex jirrapportaw lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-paragrafu 1.
3.Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
4.Il-Kummissjoni għandha tipprovdi r-rapport imsemmi fil-paragrafu 3 lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27.
Artikolu 25
Evalwazzjoni tal-Faċilità
1.Wara l-31 ta’ Diċembru 2027, iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ex-post tar-Regolament. Dik l-evalwazzjoni ex post għandha tivvaluta l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.
2.Din l-evalwazzjoni ex post għandha tagħmel użu mill-prinċipji ta’ prattika tajba tal-Kumitat tal-OECD ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp, li jfittex li jiżgura jekk l-objettivi ntlaħqux u li jifformula rakkomandazzjonijiet bl-għan li jittejbu azzjonijiet futuri.
Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet u l-konklużjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni ex post akkumpanjati mill-osservazzjonijiet u s-segwitu tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri. Din l-evalwazzjoni ex post tista’ tiġi diskussa fuq talba tal-Istati Membri. Ir-riżultati għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ programmi u azzjonijiet futuri u għall-allokazzjoni tar-riżorsi. Din l-evalwazzjoni ex post u s-segwitu għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.
Il-Kummissjoni għandha, sa punt xieraq, tassoċja l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-Benefiċjarji, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni previst skont dan ir-Regolament, u tista’, meta jkun xieraq, tfittex li twettaq evalwazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri u ma’ sħab oħrajn b’involviment mill-qrib tal-Benefiċjarji.
KAPITOLU VI
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 26
Eżerċitar tad-delega
1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 18 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 18 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 18 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew xi oġġezzjoni fi żmien perjodu ta’ xahar min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li ma għandhomx oġġezzjonijiet. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahar fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 27
Proċedura ta’ Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 28
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1.Il-Kummissjoni tista’ tinvolvi ruħha f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni biex tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni għall-appoġġ finanzjarju previst fl-Aġendi ta’ Riforma, inkluż permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni konġunti mal-Benefiċjarji. Il-Kummissjoni tista’, kif xieraq, tiżgura li l-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ finanzjament.
2.Il-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, inkluż, meta jkun applikabbli, billi juru l-emblema tal-Unjoni u dikjarazzjoni ta’ finanzjament xierqa li tgħid “iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea”, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi tiġi pprovduta informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil bosta udjenzi, inklużi l-media u l-pubbliku.
3.Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Faċilità, ma’ azzjonijiet meħuda skont il-Faċilità u mar-riżultati miksuba. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Faċilità għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn dawn ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3.
Artikolu 29
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-bqija tad-dinja
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
azzjoni ġdida
azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja 20
l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.4.Objettiv(i)
1.4.1.Objettiv(i) ġenerali
L-objettivi strateġiċi tal-Faċilità huma li titħaffef il-konverġenza soċjoekonomika tal-ekonomiji tal-Balkani tal-Punent mal-UE billi jiġu appoġġati r-riformi u l-investimenti mmirati.
Il-Faċilità jenħtieġ li tappoġġa riformi u investimenti li jrawmu l-integrazzjoni ekonomika tal-Balkani tal-Punent mas-suq uniku tal-UE u ssaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika reġjonali, ir-riformi relatati mal-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir (inkluż l-istat tad-dritt, l-akkwist pubbliku, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-kriminalità organizzata), kif ukoll allinjament ulterjuri mar-regoli, mal-istandards, mal-politiki u mal-prattiki tal-UE bil-ħsieb tas-sħubija mal-Unjoni.
1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi
Il-Faċilità se tappoġġa miżuri biex:
- titħaffef it-tranżizzjoni tal-Benefiċjarji għal ekonomiji sostenibbli u inklużivi, li kapaċi jifilħu għall-pressjonijiet kompetittivi tas-suq tas-suq uniku tal-Unjoni, u għal ambjent ta’ investiment stabbli;
- tingħata spinta lill-integrazzjoni ekonomika reġjonali b’mod partikolari permezz tal-progress fl-istabbiliment tas-Suq Reġjonali Komuni;
- tingħata spinta lill-integrazzjoni ekonomika tal-Benefiċjarji mas-suq uniku tal-Unjoni;
- tappoġġa l-integrazzjoni ekonomika reġjonali u l-integrazzjoni mtejba mas-suq uniku tal-UE permezz ta’ konnettività mtejba fir-reġjun f’konformità man-Networks Trans-Ewropej;
- titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika f’konformità mal-Aġenda Ekoloġika tal-2020 għall-Balkani tal-Punent u li tkopri s-setturi ekonomiċi kollha, b’mod partikolari l-enerġija, inkluża t-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata, newtrali għall-klima, reżiljenti għall-klima u ċirkolari;
- tippromwovi t-trasformazzjoni diġitali bħala faċilitatur għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv;
- tingħata spinta lill-innovazzjoni, b’mod partikolari għall-SMEs u b’appoġġ għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;
- tingħata spinta lill-edukazzjoni, lit-taħriġ, lill-ħiliet mill-ġdid u lit-titjib tal-ħiliet ta’ kwalità, u lill-politiki tal-impjieg;
- issaħħaħ ulterjorment l-elementi fundamentali tal-proċess tat-tkabbir, inkluż l-istat tad-dritt, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, permezz tal-promozzjoni ta’ ġudikatura indipendenti, sigurtà msaħħa, il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa; il-konformità mad-dritt internazzjonali; issaħħaħ il-libertà tal-media u l-libertà akkademika u ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili; trawwem id-djalogu soċjali; tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, in-nondiskriminazzjoni u t-tolleranza, biex tiżgura u ssaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi;
- issaħħaħ l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika u tappoġġa t-trasparenza, ir-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha, inkluż fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u tal-akkwist pubbliku u tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat; tappoġġa inizjattivi u korpi involuti fl-appoġġ u fl-infurzar tal-ġustizzja internazzjonali fil-Benefiċjarji tal-Balkani tal-Punent.
1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija
Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.
L-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità huwa mistenni li jippermetti lill-Benefiċjarji jimplimentaw riformi u investimenti meħtieġa biex jagħmlu l-ekonomiji tagħhom aktar kompetittivi, iżidu l-konnettività interna tar-reġjun u l-konverġenza mal-Unjoni.
L-implimentazzjoni tal-Faċilità jenħtieġ li ssaħħaħ ukoll is-sistemi ta’ kontroll intern u ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Benefiċjarji, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir, b’mod partikolari relatati mal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi u l-kriminalità organizzata.
1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni
Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.
Indikaturi speċifiċi se jiġu ddefiniti fl-Aġenda ta’ Riforma u l-ftehimiet dwar self li għandhom jiġu konklużi ma’ kull Benefiċjarju skont l-Artikoli 12 u 17.
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Minkejja li l-Benefiċjarji jinsabu fi stadji differenti tal-perkors tal-adeżjoni fl-UE, l-output ekonomiku u l-kompetittività tagħhom għadhom lura minn dawk tal-UE. Ir-riformi u l-investimenti appoġġati minn din il-Faċilità huma mistennija jaċċelleraw il-kisba ta’ konverġenza u allinjament aħjar mal-istandards tal-UE, kif ukoll integrazzjoni ekonomika aktar mill-qrib fir-reġjun u mas-suq uniku tal-UE.
Il-prekundizzjonijiet biex jinkiseb finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità, huma li l-Benefiċjarji se jħarsu u jirrispettaw mekkaniżmi demokratiċi effettivi, l-istat tad-dritt, u biex jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi. Prekundizzjoni oħra għandha tkun li s-Serbja u l-Kosovo jimpenjaw ruħhom b’mod kostruttiv fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom bl-għan li jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi tagħhom kollha li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-Perkors għan-Normalizzazzjoni u l-Anness ta’ Implimentazzjoni tiegħu u l-Ftehimiet ta’ Djalogu kollha tal-passat u jidħlu f’negozjati dwar Ftehim Komprensiv dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet.
Il-Kummissjoni se tivverifika wkoll li l-kundizzjonijiet ġenerali jiġu ssodisfati (l-istabbiltà makrofinanzjarja, il-ġestjoni finanzjarja pubblika tajba, it-trasparenza u s-sorveljanza tal-baġit).
Sabiex jinkiseb finanzjament, il-Benefiċjarji se jkunu meħtieġa jfasslu Aġendi ta’ Riforma, abbażi tal-istrateġiji ta’ tkabbir tagħhom, Programmi ta’ Riforma Ekonomika, il-metodoloġija riveduta tat-tkabbir u rapporti tat-tkabbir, li se jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. L-aġendi se jkun fihom għadd limitat ta’ riformi u ta’ oqsma ta’ investiment b’kundizzjonijiet ta’ pagament u ammonti marbuta magħhom. Tali kundizzjonijiet għandhom jirriflettu l-progress fuq riformi soċjoekonomiċi speċifiċi, inkluż dwar il-prinċipji fundamentali tal-proċess tat-tkabbir u l-istat tad-dritt. Wara d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Aġendi ta’ Riforma u l-konklużjoni ta’ Ftehimiet xierqa, il-Benefiċjarji se jkunu eliġibbli li jirċievu prefinanzjament.
Il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità se jiġu rilaxxati kull sitt xhur mal-preżentazzjoni mill-Benefiċjarji ta’ talbiet li jiġġustifikaw l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament u li jikkonfermaw il-legalità u r-regolarità ta’ kwalunkwe tranżazzjoni sottostanti, akkumpanjati minn rapport dwar is-segwitu ta’ każijiet ta’ ġestjoni ħażina tal-finanzjament relatat. Il-Kummissjoni se tagħmel il-fondi disponibbli abbażi tal-valutazzjoni tagħha tat-talbiet. Il-fondi jistgħu jiġu rilaxxati bħala ammonti sħaħ, ammonti mnaqqsa, jew miżmuma kompletament, skont il-livell ta’ ssodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament, skont it-tip. Il-fondi miżmuma jistgħu jerġgħu jitqassmu fost il-Benefiċjarji l-oħrajn fis-snin sussegwenti.
L-investimenti previsti fl-Aġendi ta’ Riforma se jiġu appoġġati permezz tad-WBIF. Il-proġetti jew il-programmi relatati se jiġu ppreżentati biss lill-Bord Operazzjonali tad-WBIF għal opinjoni wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti u r-rilaxx sussegwenti tal-fondi u jkunu soġġetti għar-regoli tas-sejħa tad-WBIF rilevanti.
Huma mistennija erba’ ċikli annwali fil-perjodu 2024-2027.
1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa biex tinkiseb konverġenza ekonomika aċċellerata tal-Balkani tal-Punent mal-UE fit-triq tagħhom lejn sħubija potenzjali mal-Unjoni. Id-daqs tal-assistenza meħtieġa huwa tali li r-reġjun ikompli jirrikjedi appoġġ estern sostnut li l-ebda Stat Membru, jew donatur uniku, ma jista’ jipprovdi waħdu. L-Unjoni tinsab f’pożizzjoni unika li tipprovdi assistenza esterna pluriennali lir-reġjun b’mod f’waqtu, koordinat u prevedibbli. L-Unjoni tista’ wkoll tingrana l-kapaċità ta’ self tagħha biex tislef lill-Benefiċjarji fir-reġjun b’termini ta’ vantaġġ kif ukoll tipprovdi għotjiet f’perspettiva pluriennali.
1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
Il-Faċilità tibni fuq u tikkomplementa l-assistenza pprovduta lill-Balkani tal-Punent skont l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III), kif ukoll tuża wieħed mill-mekkaniżmi ta’ suċċess tagħha – il-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent. Dawn iż-żewġ strumenti wrew li l-finanzjament tal-UE jista’ joffri ingranaġġ konsiderevoli meta jintuża flimkien ma’ finanzjament minn donaturi oħrajn f’kuntesti ta’ taħlit. Madankollu, il-format ta’ din il-Faċilità huwa differenti fis-sens li fil-biċċa l-kbira jibbaża fuq self aġevolanti meħud mill-Unjoni bis-saħħa tal-klassifikazzjoni tal-kreditu eċċellenti tagħha. Il-Faċilità se tibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li ġiet stabbilita fl-2020, kif ukoll minn Faċilità tal-Ukrajna li ġiet proposta aktar reċentement.
1.5.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra
Il-Faċilità proposta għandha l-għan li tgħammar lill-Unjoni bi strument legali li se jippermettilha tappoġġa konverġenza soċjoekonomika akbar tal-Balkani tal-Punent fir-rotta tagħhom lejn is-sħubija mal-Unjoni. Il-Faċilità se tkun komplementari għall-assistenza fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, li jiffoka fuq l-allinjament tal-Benefiċjarji mal-acquis tal-UEu t-tħejjija għall-ilħuq tal-obbligi tas-sħubija.
Din il-proposta leġiżlattiva ġdida għall-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir tissupplimenta l-proposta għal Regolament tal-Kunsill COM(2023)337, li jemenda r-Regolament 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin 2021 sal-2027 (ara t-taqsimiet 1.5.5 u 3.2.4).
L-ammont globali tal-Faċilità għandu jiġi pprovdut permezz ta’ self u appoġġ mhux ripagabbli. Il-komponent tas-self se jammonta għal massimu ta’ EUR 4 biljun għall-Benefiċjarji kollha matul il-perjodu kollu 2024-2027. Is-self se jiġi ggarantit permezz tal-Fond ta’ Proviżjonament Komuni bir-rata ta’ proviżjonament ta’ 9 %. L-ammont addizzjonali ta’ għotjiet fil-forma ta’ appoġġ mhux ripagabbli previst fil-proposta għal QFP rivedut huwa ta’ EUR 2 biljun, inklużi l-proviżjonament u n-nefqa amministrattiva.
1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
Il-baġit tal-Unjoni diġà qed jipprovdi appoġġ għat-tħejjija għal adeżjoni possibbli mal-UE permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III), li jkopri l-Balkani tal-Punent u t-Turkija, u huwa bbażat fuq għotjiet, taħlit u garanziji baġitarji. Dan il-finanzjament huwa assenjat bis-sħiħ għall-attivitajiet meħtieġa relatati mal-allinjament u t-tħejjijiet relatati mat-tkabbir, u għall-implimentazzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment.
Il-Faċilità proposta timmira lejn konverġenza soċjoekonomika aċċellerata tal-Balkani tal-Punent biss, u hija bbażata fuq approċċ differenti, li jistabbilixxi rabta qawwija bejn it-twettiq tal-impenji ta’ riforma u l-aċċess għall-finanzjament. Hija bbażata wkoll fuq skema ta’ finanzjament differenti, fejn żewġ terzi mill-finanzjament jiġi minn self meħud mill-Unjoni u ttrasferit lill-Benefiċjarji.
Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel u trasparenti ta’ kwalunkwe investiment identifikat fl-ambitu tal-Aġendi ta’ Riforma tal-Benefiċjarji, il-Kummissjoni beħsiebha tuża l-metodoloġija ttestjata tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, filwaqt li żżomm il-kondizzjonalitajiet imsemmija hawn fuq.
Minħabba li dan huwa mekkaniżmu ta’ assistenza kompletament differenti, li jimmira sett speċifiku ta’ prijoritajiet fir-reġjun, u li l-objettivi tal-IPA jirrikjedu l-finanzjament kollu pprovdut għalih fil-baġit, l-użu tal-istrument eżistenti (IPA III) ma jkunx prattiku, filwaqt li r-riallokazzjoni tal-fondi fi ħdan dan l-istrument ma tkunx fattibbli.
1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
durata limitata
– fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
– Impatt finanzjarju mill-2024 sal-2027 għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u mill-2024 għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS,
–segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.7.Metodu/i tal-implimentazzjoni tal-baġit ippjanat(i) 21
Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
– mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
– mill-aġenziji eżekuttivi
Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
– lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
– lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
– lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
– lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
– lill-korpi tal-liġi pubblika;
– lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn ikollhom garanziji finanzjarji adegwati;
– lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jkollhom garanziji finanzjarji adegwati;
– lill-korpi jew lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
–Jekk jiġi indikat iżjed minn mod ta’ ġestjoni wieħed, jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji fit-taqsima "Kummenti".
Kummenti
L-Artikolu 8 jagħti dettalji dwar il-forom ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità, jiġifieri ġestjoni diretta u indiretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
Passi kwantitattivi u kwalitattivi speċifiċi se jiġu ddefiniti fl-Aġendi ta’ Riforma (approvati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni ta’ implimentazzjoni), sabiex l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament ikun jista’ jiġi mmonitorjat. Il-Benefiċjarju se jippreżenta talba semiannwali debitament iġġustifikata għar-rilaxx tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u tas-self, li tistabbilixxi kif inkiseb it-twettiq sodisfaċenti ta’ dawk il-kundizzjonijiet, abbażi ta’ indikaturi identifikati fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.
Barra minn hekk, l-Aġendi ta’ Riforma se jistabbilixxu indikaturi ta’ monitoraġġ li jenħtieġ li jippermettu l-monitoraġġ u r-rapportar tal-progress tal-Benefiċjarji fuq l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Faċilità b’mod aktar wiesa’.
Il-Kummissjoni se tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 dwar l-implimentazzjoni tal-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità kif ukoll il-progress lejn l-objettivi.
Il-Kummissjoni se twettaq ukoll evalwazzjoni ex post tar-Regolament.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
Il-Faċilità se tiġi implimentata taħt ġestjoni diretta u indiretta. Parti se tkun ġestjoni diretta bi trasferiment dirett ta’ fondi lill-baġit tal-Istat tal-Benefiċjarju, filwaqt li investimenti speċifiċi se jiġu mgħoddija permezz tad-WBIF, jiġifieri ġestjoni indiretta mal-IFIs.
L-istrateġija ta’ kontroll se tiġi adattata għall-implimentazzjoni taħt kull wieħed minn dawn il-pilastri bl-użu ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u awditjar. Se tingħata attenzjoni speċjali lill-implimentazzjoni mill-Benefiċjarji tal-fondi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom. Ir-rilaxx tal-Fondi se jsir skont skeda semiannwali fissa, abbażi tat-talbiet ippreżentati mill-Benefiċjarji u wara verifika mill-Kummissjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti.
L-istruttura b’bosta livelli tal-mekkaniżmi ta’ kontroll fis-seħħ (ara wkoll it-taqsima 2.3) tipprovdi qafas integrat biex jiġi żgurat li jkunu stabbiliti l-miżuri xierqa kollha għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Se tiggarantixxi li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom se topera l-Faċilità.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
Ir-riskju ewlieni identifikat fir-rigward tal-finanzjament huwa relatat man-nuqqas ta’ kisba ta’ kundizzjonijiet ta’ pagament assoċjati mal-iżborż tal-finanzjament.
Il-miżuri li se jiġu stabbiliti biex jittaffa dan ir-riskju huma dawn li ġejjin:
-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ pagament rilevanti qabel l-iżborż tal-fondi, bil-possibbiltà li jinżammu l-fondi;
-it-tnaqqis jew iż-żamma tal-appoġġ ipprovdut, jew l-irkupru ta’ kwalunkwe ammont li jintefaq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità, f’każijiet ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma ġewx ikkoreġuti mill-Benefiċjarju, jew ta’ ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta mill-ftehimiet konklużi mal-Benefiċjarji;
-is-sospensjoni tal-finanzjament fil-każ li l-Benefiċjarju rilevanti jonqos milli jissodisfa l-prekundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ errur (mal-ħlas u fl-għeluq)
Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi pprovduta lill-Benefiċjarji fil-forma ta’ finanzjament mhux marbut mal-kost imsemmi fl-Artikolu 125(1) il-punt (a) tar-Regolament Finanzjarju.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
Il-proposta fiha dispożizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-Faċilità se tkun mgħammra b’sistema b’saħħitha ta’ awditjar u kontrolli stabbilita f’mekkaniżmu b’bosta livelli: ir-riforma tas-sistemi tal-awditjar u l-kontroll tal-Benefiċjarji se tiġi inkluża bħala parti mir-riformi skont l-Aġendi ta’ Riforma; Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżamijiet dettaljati tas-sistemi tal-implimentazzjoni tal-baġit nazzjonali abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju u djalogu mal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Awditjar, u toħroġ rakkomandazzjonijiet għal titjib fis-sistemi. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-OLAF, il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), għandu jkollhom id-drittijiet u l-aċċess meħtieġa biex iwettqu r-rwoli rispettivi tagħhom.
Il-parti tal-investiment tal-Faċilità se tiġi implimentata permezz ta’ ġestjoni indiretta ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali abbażi tal-valutazzjonijiet tal-pilastri u l-ftehimiet qafas magħhom.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Qafas finanzjarju pluriennali - linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
–Linji baġitarji ġodda mitluba
|
Minbarra l-limiti massimi tal-QFP |
Linja baġitarja |
Tip ta’
|
Kontribuzzjoni |
|||
|
Numru
|
Diff./Mhux diff. |
mill-pajjiżi tal-EFTA |
mill-pajjiżi kandidati u mill-kandidati potenzjali |
minn pajjiżi terzi oħrajn |
dħul assenjat ieħor |
|
|
Intestatura 6 |
15.0301 – Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent – Nefqa operazzjonali |
DA |
IVA |
p.m. |
IVA |
IVA |
|
Intestatura 6 |
15.0302 – Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent – Proviżjonament tal-Fond ta’ Proviżjonament Komuni |
DA |
IVA |
p.m. |
IVA |
IVA |
|
Intestatura 6 |
15.010102 – Nefqa ta’ appoġġ għall-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent |
DA |
IVA |
p.m. |
IVA |
IVA |
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
– Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
– Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:
|
Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent - finanzjament* (miljuni ta’ EUR) |
|||||
|
Tip ta’ appoġġ |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
Total |
|
Mhux ripagabbli (Għotjiet) |
500 |
500 |
500 |
500 |
2 000 |
|
li minnhom nefqa amministrattiva |
7,5 |
7,5 |
7,5 |
7,5 |
30 |
|
Self |
1 000 |
1 000 |
1 000 |
1 000 |
4 000 |
|
TOTAL** |
1 500 |
1 500 |
1 500 |
1 500 |
6 000 |
|
* Id-distribuzzjoni annwali u ġenerali tal-appoġġ u tas-self mhux ripagabbli hija purament indikattiva u għal finijiet illustrattivi biss. Id-distribuzzjoni attwali se tiġi soġġetta għat-teħid ta’ deċiżjonijiet annwali
|
|||||
3.2.2Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali (miljuni ta’ EUR)
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL |
|
|
INTESTATURA 6
|
|||||
|
15.0301 – Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent – Nefqa operazzjonali |
402,55 |
402,55 |
402,55 |
402,55 |
1 610,2 |
|
15.0302 – Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent – Proviżjonament tal-Fond ta’ Proviżjonament Komuni |
90 |
90 |
90 |
90 |
360 |
|
Subtotal tal-INTESTATURA 6
|
492,55 |
492,55 |
492,55 |
492,55 |
1 970,2 |
3.2.3.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
– Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
TOTAL |
|
INTESTATURA 7
|
|||||
|
Riżorsi umani |
1,026 |
1,026 |
1,026 |
1,026 |
4,104 |
|
Nefqa amministrattiva oħra |
0,030 |
0,030 |
0,030 |
0,030 |
0,120 |
|
Subtotal tal-INTESTATURA 7
|
1,056 |
1,056 |
1,056 |
1,056 |
4,224 |
|
Barra mill-INTESTATURA 7
24
|
|||||
|
Riżorsi umani |
2,529 |
2,529 |
2,529 |
2,529 |
10,116 |
|
Nefqa oħra ta’
|
4,920 |
4,920 |
4,920 |
4,920 |
19,680 |
|
Subtotal barra
|
7,449 |
7,449 |
7,449 |
7,449 |
29,796 |
|
TOTAL |
8,505 |
8,505 |
8,505 |
8,505 |
34,020 |
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.3.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
– Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time
|
Sena
|
Sena
|
Sena 2026 |
Sena 2027 |
|||
|
□ Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju) |
||||||
|
20 01 02 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni) |
6 |
6 |
6 |
6 |
||
|
20 01 02 03 (Delegazzjonijiet) |
||||||
|
01 01 01 01 (Riċerka indiretta) |
||||||
|
01 01 01 11 (Riċerka diretta) |
||||||
|
Linji baġitarji oħra (speċifika) |
||||||
|
□ Persunal estern (f’unitajiet ta’ Ekwivalenti Full-Time: FTE) 25 |
||||||
|
20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”) |
||||||
|
20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-delegazzjonijiet) |
||||||
|
15.010102 – Nefqa ta’ appoġġ għall-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent |
- fil-Kwartieri Ġenerali |
9 |
9 |
9 |
9 |
|
|
(1) |
- fid-Delegazzjonijiet |
9 |
9 |
9 |
9 |
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika) |
||||||
|
TOTAL |
24 |
24 |
24 |
24 |
||
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
|
Uffiċjali u persunal temporanju |
L-FTEs mfittxija se jaħdmu fuq l-iżvilupp tal-politika, kwistjonijiet legali, b’enfasi partikolari fuq kwistjonijiet ta’ akkwist, il-ġestjoni finanzjarja, il-ġestjoni tal-kuntratti, l-awditjar, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni. |
|
Persunal estern |
L-FTEs mfittxija se jaħdmu fuq l-iżvilupp tal-politika, kwistjonijiet legali, b’enfasi partikolari fuq kwistjonijiet ta’ akkwist, il-ġestjoni finanzjarja, il-ġestjoni tal-kuntratti, l-awditjar, il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni. |
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
Il-proposta/l-inizjattiva:
– tista’ tiġi ffinanzjata kompletament permezz ta’ riallokazzjoni fl-intestatura rilevanti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).
Spjega liema riprogrammazzjoni hija meħtieġa, filwaqt li tispeċifika l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti. Ipprovdi tabella Excel f’każ ta’ riprogrammazzjoni kbira.
– teħtieġ l-użu tal-marġni mhux allokat taħt l-intestatura rilevanti tal-QFP u/jew l-użu tal-istrumenti speċjali ddefiniti fir-Regolament dwar il-QFP.
Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati, l-ammonti korrispondenti, u l-istrumenti proposti li għandhom jintużaw.
– tirrikjedi reviżjoni tal-QFP.
Din il-proposta leġiżlattiva ġdida għall-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent tiġi parallela mal-proposta għal Regolament tal-Kunsill COM(2023)337, li jemenda r-Regolament 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għas-snin 2021 sa 2027. L-emenda ta’ dak ir-Regolament hija meħtieġa biex tiżdied l-Intestatura 6 għall-2024-2027 biex jiġi pprovdut finanzjament lil din il-Faċilità bħala appoġġ u proviżjonament mhux ripagabbli għall-appoġġ fil-forma ta’ self.
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
– tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
– Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
– fuq ir-riżorsi proprji
– fuq dħul ieħor
–jekk jogħġbok indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa
miljuni ta’ EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Linja baġitarja tad-dħul: |
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali |
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva 26 |
||||||
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Sena
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6) |
||||
|
Artikolu …………. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
p.m. |
|
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.11.2023
COM(2023) 692 final
ANNESS
tal-
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-istabbiliment tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent
ANNESS
Metodoloġija dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi globali għal kull Benefiċjarju
Kull allokazzjoni tal-Benefiċjarju għandha tiġi kkalkulata skont il-passi li ġejjin abbażi tad-data tas-sena ta’ referenza:
Stadju 1: id-determinazzjoni ta’ koeffiċjent tal-allokazzjoni tal-popolazzjoni ibbażat fuq il-proporzjon tal-popolazzjoni tal-Benefiċjarju fuq is-somma totali tal-popolazzjonijiet għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent;
Stadju 2: id-determinazzjoni ta’ koeffiċjent tal-allokazzjoni tal-PDG ibbażat fuq il-proporzjon tal-PDG per capita medju għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent fuq il-PDG per capita tal-Benefiċjarju rispettiv u diviż bis-somma tas-sitt proporzjonijiet;
Stadju 3: il-kombinazzjoni tal-piżijiet perċentwali ta’ kull pajjiż għall-popolazzjoni taħt l-Istadju 1 u l-PDG per capita taħt l-Istadju 2 b’fattur ta’ ponderazzjoni ta’ 60 % tal-popolazzjoni u 40 % tal-PDG per capita.