Brussell, 30.10.2023

COM(2023) 678 final

2023/0385(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE

(ETS tal-Avjazzjoni)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ŻEE

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fl-ambitu tas-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Huwa jipprevedi l-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħrajn bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, kollettivament magħrufin bħala l-politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha hija parti fil-Ftehim ŻEE.

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet b’rabta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’konsensus u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet taż-ŻEE min-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. 

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE.

L-għan tal-att previst huwa li jinkorpora d-Direttiva (UE) 2023/958 fil-Ftehim ŻEE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ETS tal-Avjazzjoni) 1 flimkien mad-Deċiżjoni (UE) 2023/136 fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni 2 .

L-att previst isir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-pożizzjoni, ladarba tiġi adottata, tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità.

L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE anness jipprevedi li l-kwoti jitnaqqsu mill-għadd ta’ kwoti li kieku l-Iżlanda kienet tirkanta, sabiex dawk il-kwoti jiġu allokati b’mod kondizzjonali fl-2025 u fl-2026 lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru biss fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fl-Iżlanda u li jaslu f’ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit, jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE u jaslu fl-Iżlanda. Kwalunkwe allokazzjoni kundizzjonali ta’ dan it-tip issir b’mod li jiżgura r-rispett sħiħ u l-konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-linji tal-ajru fuq l-istess rotta u tal-objettivi, il-prinċipji u dispożizzjonijiet oħrajn tal-Ftehim ŻEE.

Kwalunkwe kwota addizzjonali allokata lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha tkun bil-kundizzjoni ta’ azzjonijiet aċċellerati lejn in-newtralità klimatika.

Fl-2026, jenħtieġ li r-rapport adottat mill-Kummissjoni jevalwa wkoll il-konnettività bl-ajru tal-Iżlanda, inkluż il-kunsiderazzjoni tal-kompetittività, ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-impatti ambjentali u klimatiċi, u tal-adattamenti stabbiliti f’dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni. Jenħtieġ li r-riżultati tal-evalwazzjoni, meta jkun xieraq, jitqiesu għar-reviżjoni futura tad-Direttiva 2003/87/KE lil hinn mill-2024 sal-2026.

Dan l-adattament imur lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 3 . Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu ‘‘l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst isir vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq il-bażi ġuridika sostantiva tal-att legali tal-UE li għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tinkorpora d-Direttiva (UE) 2023/958 flimkien mad-Deċiżjoni (UE) 2023/136 fil-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi ġuridika sostantiva bħall-atti inkorporati. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li wara l-adozzjoni tiegħu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2023/0385 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE

(ETS tal-Avjazzjoni)


(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 5 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 6 (‘‘il-Ftehim ŻEE’’) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li, fost l-oħrajn, jemenda l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE.

(3)Jenħtieġ li d-Direttiva (UE) Nru 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 u d-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.

(4)Għalhekk jenħtieġ li l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.

(5)Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq, ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115.
(2)    Id-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni, ĠU L 19, 20.1.2023, p. 1.
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(5)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(6)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(7)    Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115).
(8)    Id-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni (ĠU L 19, 20.1.2023, p. 1).

Brussell, 30.10.2023

COM(2023) 678 final

ANNESS

ta' [...]

Propostal għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE

(ETS tal-Avjazzjoni)


ANNESS

ABBOZZ TA’ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru […]

ta’ […]

li temenda l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq 1 trid tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(2)Id-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tan-notifika ta’ kumpens fir-rigward ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fl-Unjoni 2 trid tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(3)Id-Direttiva (UE) 2023/958 tistabbilixxi mekkaniżmu speċjali biex titnaqqas id-differenza fil-kost bejn il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli u l-fjuwils fossili, li għandu livell ogħla ta’ appoġġ għal ċerti gżejjer fl-Unjoni. Jenħtieġ li dan il-livell ogħla ta’ appoġġ japplika wkoll għall-Iżlanda.

(4)Id-Direttiva (UE) 2023/958 testendi, għall-aħħar darba, eżenzjoni marbuta biż-żmien għat-titjiriet operati lejn pajjiżi terzi rilevanti u minnhom. L-Iżlanda tinsab f’sitwazzjoni ġeografika speċifika li hija tivvaluta bħala li twassal għal impatti negattivi speċjali fuq il-konnettività bl-ajru u għal riskji ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Sabiex dan jiġi indirizzat, għall-perjodu interim ta’ dik l-eżenzjoni marbuta biż-żmien, u b’mod li jiżgura r-rispett sħiħ u l-konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-linji tal-ajru fuq l-istess rotta u l-objettivi, il-prinċipji u dispożizzjonijiet oħrajn tal-Ftehim ŻEE, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-allokazzjoni kundizzjonali ta’ kwoti addizzjonali lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab l-Iżlanda u li jaslu f’ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit, jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE u jaslu l-Iżlanda. Il-kwoti allokati taħt dan il-mekkaniżmu jridu jitnaqqsu mill-għadd ta’ kwoti li kieku jiġu allokati għall-irkantar mill-Iżlanda. Kwalunkwe kwota addizzjonali allokata lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont mekkaniżmu ta’ dan it-tip għandha tkun bil-kundizzjoni ta’ azzjonijiet aċċellerati minn dawk l-operaturi lejn l-ilħuq tal-objettiv tan-newtralità klimatika.

(5)Fl-2026, jenħtieġ li jkun hemm rapport li jevalwa l-konnettività bl-ajru tal-Iżlanda, inkluż il-kunsiderazzjoni tal-kompetittività u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll l-impatti ambjentali u klimatiċi, u l-adattamenti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni, meta jkun xieraq, jitqiesu għar-reviżjoni futura tad-Direttiva 2003/87/KE għal wara l-perjodu ta’ mill-2024 sal-2026.

(6)Jenħtieġ għalhekk, li l-Anness XX tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-punt 21al (id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XX tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.Jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“-32023 D 0136: Id-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2023 (ĠU L 19, 20.1.2023, p. 1.),

-32023 L 0958: Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115).”

2.L-adattamenti (b) sa (d) huma sostitwiti bl-adattamenti li ġejjin:

(b)Fil-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3c(6), il-kliem ‘, u f’ajruporti li jinsabu l-Iżlanda’ għandhom jiddaħħlu wara l-kliem ‘għat-trasport bl-ajru sostenibbli’.

(c)    Fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3d, għandu jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

   ‘Mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2026, kull sena, l-Iżlanda għandha, talloka kwoti bla ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru, f’konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali applikabbli skont il-Ftehim ŻEE, inkluż trattament ugwali bejn il-linji tal-ajru fl-istess rotta, sal-livell tal-għadd ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Iżlanda skont l-Artikolu 3d(3), fir-rigward ta’ titjiriet li jitilqu minn ajrudrom li jinsab l-Iżlanda u li jaslu f’ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE, fl-Iżvizzera jew fir-Renju Unit, jew li jitilqu minn ajrudrom li jinsab fiż-ŻEE u jaslu l-Iżlanda. L-allokazzjoni bla ħlas addizzjonali għall-2025 u l-2026 ma għandhiex taqbeż il-livell ta’ allokazzjoni bla ħlas fl-2024, u għandha tkun soġġetta għall-applikazzjoni tal-fattur lineari ta’ tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 9. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed kwoti, għandu jiġi applikat aġġustament uniformi fir-rigward tal-allokazzjonijiet kollha. L-għadd ta’ kwoti ugwali għall-allokazzjoni bla ħlas addizzjonali skont dan is-subparagrafu għandu jitnaqqas mill-għadd ta’ kwoti li jridu jiġu rkantati mill-Iżlanda skont l-Artikolu 3d(3). L-allokazzjonijiet bla ħlas kollha skont dan is-subparagrafu għandhom jiġu amministrati mill-Iżlanda fir-Reġistru tal-Unjoni. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom japplikaw mal-awtorità kompetenti Iżlandiża, li għandha talloka l-kwoti f’konformità ma’ dan is-subparagrafu, soġġett għall-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ pjan għan-newtralità klimatika mill-operatur tal-inġenji tal-ajru. Pjan għan-newtralità klimatika għandu jkun konsistenti mal-objettivi tan-newtralità klimatika tal-Iżlanda, u tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha, skont il-Ftehim ta’ Pariġi u għandu jispeċifika:

-    id-dettalji deskritti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10b(4);

-    miżuri ulterjuri, meħuda u ppjanati, tal-operatur tal-inġenji tal-ajru biex jintlaħaq l-objettiv ta’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2026; u,

-    kif l-attivitajiet ta’ promozzjoni pubblika tal-linja tal-ajru huma allinjati mal-objettiv tan-newtralità klimatika.

Il-pjan għandu jiġi ppreżentat flimkien mal-konferma minn verifikatur indipendenti f’konformità mal-proċeduri ta’ verifika u akkreditazzjoni previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/87/KE.

L-allokazzjoni msemmija iktar ’il fuq mill-awtorità kompetenti Iżlandiża għall-allokazzjoni addizzjonali tal-kwoti għandha ssir wara l-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-pjan għan-newtralità klimatika mill-operatur tal-inġenji tal-ajru. Kull sena, il-verifikatur indipendenti għandu jeżamina jekk l-operatur tal-inġenji tal-ajru ssodisfax effettivament l-miżuri ppjanati u li sar impenn dwarhom fil-pjan tan-newtralità klimatika, . F’każ li l-verifikatur indipendenti jirrapporta li operatur tal-inġenji tal-ajru ma ssodisfax il-pjan tiegħu stess, l-awtorità kompetenti Iżlandiża għandha titlob lura l-kwoti allokati bla ħlas.’

(d)L-Artikolu 3d(4) ma għandux japplika għall-Istati tal-EFTA.”

3.L-adattamenti (e) u (f) huma mħassrin. L-adattamenti (g) sa (t) huma nnumerati mill-ġdid bħala l-adattamenti (e) sa (r).

4.L-adattamenti li ġejjin jiddaħħlu wara l-addattament (r):

“(s)Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-punt (d) tal-paragrafu 8 tal-Artikolu 30:

‘(e)evalwazzjoni tal-konnettività bl-ajru tal-Iżlanda, inkluż il-kunsiderazzjoni tal-kompetittività u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll l-impatti ambjentali u klimatiċi, u tal-adattamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru XX/2023 ta’ [din id-deċiżjoni].’

(ea)Matul il-proċess stabbilit fl-Artikolu 102 tal-Ftehim ŻEE għal kwalunkwe reviżjoni futura ta’ din id-Direttiva, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jżomm f’moħħu r-riżultati u l-elementi tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 tal-Artikolu 30.”.

5.L-adattamenti (u) u (v) jiġu nnumerati mill-ġdid bħala l-adattamenti (t) u (u).

Artikolu 2

It-testi tad-Direttiva (UE) 2023/958 u d-Deċiżjoni (UE) 2023/136 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], jew fil-jum li jiġi wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE, skont liema minnhom jiġi l-aħħar 3*.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, […].

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President

   […]

   Is-Segretarji

   Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   […]



Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti

tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/… li tinkorpora d-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni (UE) 2023/136 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 tinkludi l-implimentazzjoni xierqa tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Il-Partijiet Kontraenti jikkondividu l-fehma li l-inkorporazzjoni tad-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE.

(1)    ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115.
(2)    ĠU L 19, 20.1.2023, p. 1.
(3) *    [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Ir-rekwiżiti kostituzzjonali huma indikati.]