Brussell, 17.10.2023

COM(2023) 643 final

2023/0370(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1379/2013, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 u r-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rappurtar


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”( 1 ), il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta’ sistema regolatorja li tiżgura li l-objettivi jintlaħqu b’kostijiet minimi. Għalhekk hija impenjat ruħha li tagħti spinta ġdida biex tirrazzjonalizza u tissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar, bl-għan aħħari li tnaqqas dawn il-piżijiet b’25 %, mingħajr ma timmina l-objettivi ta’ politika relatati.

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ infurzar korrett u monitoraġġ xieraq tal-leġiżlazzjoni. Il-kost marbut magħhom huwa kumplessivament ikkumpensat sew mill-benefiċċju li jġibu magħhom, b’mod partikolari fil-monitoraġġ u fl-iżgurar tal-konformità ma’ miżuri ta’ politika ewlenin. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ rapportar jistgħu jimponu wkoll piżijiet sproporzjonati fuq il-partijiet ikkonċernati, li jaffettwaw b’mod partikolari lill-SMEs u lill-mikrokumpaniji, anke minħabba l-iżviluppi organizzattivi u teknoloġiċi li jitolbu li r-rekwiżiti ta’ rapportar oriġinali jiġu aġġustati. L-akkumulazzjoni tagħhom maż-żmien tista’ tirriżulta f’obbligi żejda, duplikati, jew obsoleti, frekwenza u twaqqit ineffiċjenti, jew f’metodi ta’ ġbir inadegwati.

Għalhekk, is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huma prijorità. F’dan il-kuntest, din il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-inizjattivi inklużi fl-ambizzjoni l-ewlenija “Patt Ekoloġiku Ewropew” fil-qasam ta’ politika tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u li jaffettwaw l-industrija tas-sajd. Se tissimplifika u telimina ċerti obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-approvazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u vetturi bi żewġ jew tliet roti u kwadriċikli.

Il-proposta se tirrazzjonalizza l-obbligi ta’ rapportar billi tneħħi r-rapporti li ma għadhomx iżidu l-valur biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika (ara aktar dettalji hawn taħt).

Ir-rekwiżiti tar-rapportar jikkonċernaw: l-awtoritajiet pubbliċi.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-politika

Il-proposta hija parti mill-ewwel pakkett ta’ miżuri biex jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rapportar. Dan huwa pass fi proċess li jħares b’mod komprensiv lejn ir-rekwiżiti ta’ rapportar eżistenti, bil-ħsieb li tiġi vvalutata r-rilevanza kontinwa tagħhom u biex isiru aktar effiċjenti.

Ir-razzjonalizzazzjoni introdotta minn dawn il-miżuri mhix se taffettwa l-kisba tal-objettivi fil-qasam tal-politika, għar-raġunijiet li ġejjin:

Ir-rekwiżit ta’ rapportar li huwa propost li jitneħħa fil-qasam tal-politika tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura ma baqax jipprovdi valur miżjud lill-Unjoni u ma jikkontribwixxix għall-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013( 2 ). L-obbligu ta’ rapportar fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96( 3 ) ġie introdott għall-prevenzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut taħt ċertu grad ta’ freskezza għall-konsum mill-bniedem u għall-istandardizzazzjoni tal-freskezza u tal-gradi tad-daqs użati fl-ewwel bejgħ biex jiġu stabbiliti l-livelli tal-prezzijiet għall-interventi fis-suq qabel ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013. Dawk il-miżuri ta’ intervent tneħħew fl-2013 iżda l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni baqgħu fis-seħħ. Peress li s-sikurezza tal-ikel issa hija garantita permezz tal-liġi ġenerali dwar l-ikel( 4 ), l-obbligu ta’ rapportar relatat sar ħafna inqas rilevanti.

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar li huma proposti li jitneħħew fir-Regolament (UE) Nru 167/2013( 5 ) ma baqgħux jipprovdu valur miżjud lill-Unjoni u ma jikkontribwixxux għall-objettivi tagħha. Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jistabbilixxi r-regoli dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija. L-Artikolu 74 u 75 ta’ dak ir-Regolament jirrikjedu li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u l-approvazzjonijiet tal-vetturi individwali rispettivament, u li l-Kummissjoni tissottometti rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Peress li fl-2022 il-Kummissjoni wettqet studju( 6 ) dwar il-mistoqsijiet soġġetti għal dawn l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ rapportar, u l-istudju ddetermina li l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u tal-approvazzjoni tal-vetturi individwali huma sodisfaċenti, jenħtieġ li dan ma jibqax japplika.

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar li huma proposti li jitneħħew fir-Regolament (UE) Nru 168/2013( 7 ) ma baqgħux jipprovdu valur miżjud lill-Unjoni u ma jikkontribwixxux għall-objettivi tagħha. Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 jistabbilixxi r-regoli dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u għall-kwadriċikli. L-Artikolu 78 u 80 ta’ dak ir-Regolament jirrikjedu li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u l-approvazzjonijiet tal-vetturi individwali rispettivament, u li l-Kummissjoni tissottometti rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Peress li fl-2022 il-Kummissjoni wettqet studju( 8 ) dwar il-mistoqsijiet soġġetti għal dawn l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ rapportar, u l-istudju ddetermina li l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u tal-approvazzjoni tal-vetturi individwali huma sodisfaċenti, jenħtieġ li dan ma jibqax japplika.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Fil-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni tiżgura li li l-leġiżlazzjoni tagħha taqdi tajjeb l-iskop intenzjonat, immirata lejn il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati u xxejjen il-piżijiet filwaqt li tilħaq l-objettivi tagħha. Din il-proposta hija għalhekk parti mill-programm REFIT, li jnaqqas il-kumplessità tal-piżijiet tar-rapportar li jirriżultaw mill-ambjent legali tal-UE.

Filwaqt li ċerti rekwiżiti ta’ rapportar huma essenzjali, jeħtieġ li jkunu effiċjenti kemm jista’ jkun, jevitaw id-duplikazzjonijiet, ineħħu piżijiet mhux meħtieġa u jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet diġitali u interoperabbli.

Il-proposta attwali tirrazzjonalizza r-rekwiżiti ta’ rapportar u b’hekk tikseb l-objettivi ta’ leġiżlazzjoni aktar effiċjenti u inqas ta’ piż għall-awtoritajiet pubbliċi.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 43 (2) u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li huma l-bażi ġuridika tal-atti li temenda.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar ikkonċernati huma imposti mid-dritt tal-UE. Ir-razzjonalizzazzjoni tagħhom għalhekk tista’ ssir biss fil-livell tal-UE. Dan se jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti għall-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-UE kollha, li se jkunu qed jibbenefikaw mir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar li jirriżultaw minn dawn il-proposti.

Proporzjonalità

Ir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar tissimplifika l-qafas legali billi tintroduċi bidliet minimi għar-rekwiżiti eżistenti li ma jaffettwawx is-sustanza tal-objettiv ta’ politika usa’. Il-proposta hija għalhekk limitata għal dawk il-bidliet li huma meħtieġa biex jiġi żgurat rapportar effiċjenti mingħajr ma jinbidel l-ebda wieħed mill-elementi sostanzjali tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.

Għażla tal-istrument

Minħabba li l-emenda mmirata għandha l-għan li timmodifika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, din il-proposta tieħu l-forma ta’ Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1379/2013.

Minħabba li l-emenda mmirata għandha l-għan li timmodifika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, din il-proposta tieħu l-forma ta’ Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 167/2013.

Minħabba li l-emenda mmirata għandha l-għan li timmodifika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 168/2013, din il-proposta tieħu l-forma ta’ Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 168/2013.

L-emendi mmirati jikkonċernaw biss ir-rekwiżiti ta’ rapportar u għalhekk huma xierqa biex jiġu inklużi fi proposta waħda.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Din il-proposta ġiet identifikata wara proċess ta’ skrutinju intern tal-obbligi ta’ rapportar eżistenti u bbażata fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata. Peress li dan huwa pass fil-proċess ta’ valutazzjoni kontinwa tar-rekwiżiti ta’ rapportar li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE, l-iskrutinju ta’ tali piżijiet u tal-impatt tagħhom fuq il-partijiet ikkonċernati se jkompli.

Valutazzjonijiet tal-impatt

Il-proposta tikkonċerna emenda limitata u mmirata tal-leġiżlazzjoni bil-ħsieb li jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rapportar. Il-bidla proposta hija bbażata fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. L-emenda ma għandhiex impatti sinifikanti fuq il-politika, iżda tiżgura biss implimentazzjoni aktar effiċjenti u effettiva. In-natura mmirata tagħha u n-nuqqas ta’ għażliet ta’ politika rilevanti jfissru li mhix meħtieġa valutazzjoni tal-impatt.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din hija proposta REFIT, li għandha l-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tnaqqas il-piżijiet għall-partijiet ikkonċernati.

Filwaqt li l-proposta fir-rigward tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura ma taffettwax direttament lin-negozji individwali, se tneħħi obbligu ta’ rapportar u l-kost/il-piż relatat għall-awtoritajiet pubbliċi billi telimina l-ħtieġa li jinżammu listi ta’ esperti u assoċjazzjonijiet kummerċjali maħtura għall-klassifikazzjoni tal-prodotti tas-sajd.

Fil-qasam tal-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija u vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli, il-proposta se tneħħi l-obbligi ta’ rapportar u l-piż relatat għall-awtoritajiet pubbliċi billi tħassar il-ħtieġa li l-Istati Membri jirrapportaw lura dwar informazzjoni li diġà tkun disponibbli għall-Kummissjoni permezz ta’ studju separat.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi li r-regoli li jistabbilixxu standards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill Nru 2406/96 għandhom jibqgħu japplikaw. L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 jeħtieġ li kull Stat Membru jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni lista tal-ismijiet u l-indirizzi tal-esperti u l-organizzazzjonijiet kummerċjali maħtura biex jikklassifikaw il-prodotti tas-sajd għall-freskezza u d-daqs u biex jinfurmaw dwar kwalunkwe aġġornament tal-lista. Dan l-obbligu ta’ rapportar ġie introdott għall-prevenzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut taħt ċertu grad ta’ freskezza għall-konsum mill-bniedem u għall-istandardizzazzjoni tal-freskezza u tal-gradi tad-daqs użati fl-ewwel bejgħ biex jiġu stabbiliti l-livelli tal-prezzijiet għall-interventi fis-suq qabel ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013. Dawk il-miżuri ta’ intervent tneħħew fl-2013 iżda l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni baqgħu fis-seħħ. Peress li s-sikurezza tal-ikel issa hija garantita permezz tal-liġi ġenerali dwar l-ikel( 9 ), l-obbligu ta’ rapportar relatat sar ħafna inqas rilevanti. Konsegwentement, jenħtieġ li l-obbligu ta’ rapportar ma jibqax japplika.

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jistabbilixxi r-regoli dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija. L-Artikolu 74 u 75 ta’ dak ir-Regolament jirrikjedu li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u l-approvazzjonijiet tal-vetturi individwali rispettivament, u li l-Kummissjoni tissottometti rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Peress li fl-2022 il-Kummissjoni wettqet studju( 10 ) dwar il-mistoqsijiet soġġetti għal dawn l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ rapportar, u l-istudju ddetermina li l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u tal-approvazzjoni tal-vetturi individwali huma sodisfaċenti, jenħtieġ li dan ma jibqax japplika.

Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 jistabbilixxi r-regoli dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u għall-kwadriċikli. L-Artikolu 78 u 80 ta’ dak ir-Regolament jirrikjedu li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u l-approvazzjonijiet tal-vetturi individwali rispettivament, u li l-Kummissjoni tissottometti rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Peress li fl-2022 il-Kummissjoni wettqet studju( 11 ) dwar il-mistoqsijiet soġġetti għal dawn l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ rapportar, u l-istudju ddetermina li l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u tal-approvazzjoni tal-vetturi individwali huma sodisfaċenti, jenħtieġ li dan ma jibqax japplika.

2023/0370 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1379/2013, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 u r-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rappurtar

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43(2) u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew   12 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 13 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja  

Billi:

(1)Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ monitoraġġ xieraq u infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati, sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li kienu maħsuba għalih u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv.

(2)Għalhekk, is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huma prijorità. Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 u r-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fihom numru ta’ rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq li jenħtieġ li jiġu ssimplifikati, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 14 .

(3)Dan ir-Regolament ineħħi u jissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar li ma għadhomx meqjusa meħtieġa fil-qasam tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura u li jaffettwaw l-industrija tas-sajd u fil-qasam tal-approvazzjoni tat-tip u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli.

(4)Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 15 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi li r-regoli li jistabbilixxu standards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni, b’mod partikolari dawk stabbiliti, inter alia, fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 16 għandhom jibqgħu japplikaw,

(5)L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 jeħtieġ li kull Stat Membru jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni lista tal-ismijiet u l-indirizzi tal-esperti u l-organizzazzjonijiet kummerċjali maħtura biex jikklassifikaw il-prodotti tas-sajd għall-freskezza u d-daqs qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, u biex sussegwentement jinfurmaw ukoll dwar kwalunkwe aġġornament tal-lista.

(6)Peress li dan ir-rekwiżit huwa skadut u ma għadux meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, jenħtieġ li ma jibqax japplika.

(7)Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 17 jistabbilixxi r-regoli dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija.

(8)L-Artikolu 74 u 75 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 jirrikjedu li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u l-approvazzjonijiet tal-vetturi individwali rispettivament, u li l-Kummissjoni tissottometti rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Peress li fl-2022 il-Kummissjoni wettqet studju 18 dwar il-mistoqsijiet soġġetti għal dawn l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ rapportar, u l-istudju ddetermina li l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u tal-approvazzjoni tal-vetturi individwali huma sodisfaċenti, jenħtieġ li dan ma jibqax japplika.

(9)Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 19 jistabbilixxi r-regoli dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u għall-kwadriċikli.

(10)L-Artikolu 78 u 80 tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jirrikjedu li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u l-approvazzjonijiet tal-vetturi individwali rispettivament, u li l-Kummissjoni tissottometti rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Peress li fl-2022 il-Kummissjoni wettqet studju 20 dwar il-mistoqsijiet soġġetti għal dawn l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ rapportar, u l-istudju ddetermina li l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip u tal-approvazzjoni tal-vetturi individwali huma sodisfaċenti, jenħtieġ li dan ma jibqax japplika.

(11)Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 u r-Regolament (UE) Nru 168/2013 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda

(1)Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 huwa emendat kif ġej:

Fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, ir-regoli li jistabbilixxu standards komuni għall-kummerċjalizzazzjoni, b’mod partikolari dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2136/89 21 , ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 22   u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2406/96 23 għandhom ikomplu japplikaw bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2406/96. Regoli oħra adottati għall-applikazzjoni ta’ standards komuni tal-kummerċjalizzazzjoni, bħal dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3703/85 24 għandhom ikomplu japplikaw.”

(2)Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 huwa emendat kif ġej:

(a)L-Artikolu 74 jitħassar.

(b)L-Artikolu 75 jitħassar.

(3)Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 huwa emendat kif ġej:

(a)L-Artikolu 78 jitħassar.

(b)L-Artikolu 80 jitħassar.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2023)168.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000, (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 tas-26 ta’ Novembru 1996 li jistabbilixxi standards komuni għall-marketing għal ċerti prodotti tal-industrija tas-sajd (ĠU L 334, 23.12.1996. p. 1).
(4)    B’mod partikolari, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel.
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1–51.
(6)    Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Benders, B., Guy, I., Redhead, M. et al., Study to improve certain type-approval procedures and technical requirements of Regulation (EU) No 167/2013: final report, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2873/03501
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli, ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52–128.
(8)    Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Benders, B., Guy, I., Redhead, M. et al., Study to assess the vehicle structure integrity requirements and the type-approval procedures for L-cat vehicles: final report, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2873/64010
(9)    B’mod partikolari, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.
(10)    Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Benders, B., Guy, I., Redhead, M. et al., Study to improve certain type-approval procedures and technical requirements of Regulation (EU) No 167/2013: final report, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2873/03501
(11)    Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Benders, B., Guy, I., Redhead, M. et al., Study to assess the vehicle structure integrity requirements and the type-approval procedures for L-cat vehicles: final report, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2873/64010
(12)    ĠU C , , p. .
(13)    ĠU C , , p. .
(14)    COM(2023)168.
(15)    Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000, (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1). http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1379/2020-04-25
(16)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 tas-26 ta’ Novembru 1996 li jistabbilixxi standards komuni għall-marketing għal ċerti prodotti tal-industrija tas-sajd (ĠU L 334, 23.12.1996, p. 1). http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2406/2005-06-02  
(17)    Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija, ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1. http://data.europa.eu/eli/reg/2013/167/2019-04-18
(18)    Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Benders, B., Guy, I., Redhead, M. et al., Study to improve certain type-approval procedures and technical requirements of Regulation (EU) No 167/2013: final report, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2873/03501  
(19)    Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli, ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52. http://data.europa.eu/eli/reg/2013/168/2020-11-14
(20)    Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Benders, B., Guy, I., Redhead, M. et al., Study to assess the vehicle structure integrity requirements and the type-approval procedures for L-cat vehicles: final report, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2873/64010  
(21)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2136/89 tal-21 ta’ Ġunju 1989 li jippreskrivi standards komuni ta’ marketing għal sardin ippriservat u deskrizzjonijiet kummerċjali għal sardin ippriservat u prodotti tat-tip tas-sardin (ĠU L 212, 22.7.1989, p. 79). http://data.europa.eu/eli/reg/1989/2136/2008-12-31
(22)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1536/92 tad-9 ta’ Ġunju 1992 li jippreskrivi l-istandards ta’ marketing komuni għat-tonn u għall-plamtu/tumbrell priservat (ĠU L 163, 17.6.1992, p. 1). http://data.europa.eu/eli/reg/1992/1536/oj
(23)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 tas-26 ta’ Novembru 1996 li jistabbilixxi standards komuni għall-marketing għal ċerti prodotti tal-industrija tas-sajd (ĠU L 334, 23.12.1996, p. 1). http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2406/2005-06-02
(24)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3703/85 tat- 23 ta’ Diċembru 1985 li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ livelli komuni fis-suq għal ċertu ħut frisk u mkessaħ (ĠU L 351, 28.12.1985, p. 63). http://data.europa.eu/eli/reg/1985/3703/2006-07-28