Brussell, 17.10.2023

COM(2023) 639 final

2023/0369(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 1999/2/KE, 2000/14/KE, 2011/24/UE u 2014/53/UE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tal-ikel u tal-ingredjenti tal-ikel, tal-istorbju ta’ barra, tad-drittijiet tal-pazjenti, u tat-tagħmir tar-radju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 1 , il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta’ sistema regolatorja li tiżgura li l-objettivi jintlaħqu b’kostijiet minimi. Għaldaqstant intrabtet li tagħmel sforz speċifikament biex tirrazzjonalizza u tissimplifika r-rekwiżiti ta’ rapportar, bl-għan aħħari li tnaqqas dawn ir-rekwiżiti b’25 %, mingħajr ma timmina l-objettivi tal-politika relatati.

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ infurzar korrett u ta’ monitoraġġ kif suppost tal-leġiżlazzjoni. B’mod ġenerali, il-kost tagħhom jiġi fil-biċċa l-kbira kkumpensat mill-benefiċċju li jġibu magħhom, b’mod partikolari fil-monitoraġġ u fl-iżgurar tal-konformità ma’ miżuri ta’ politika ewlenin. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ rapportar jistgħu jimponu wkoll piż sproporzjonat fuq il-partijiet ikkonċernati, li jaffettwa b’mod partikolari lill-SMEs u lill-mikrokumpaniji. Maż-żmien, l-akkumulazzjoni tagħhom tista’ tirriżulta f’obbligi żejda, doppji, jew obsoleti, fi frekwenza u twaqqit ineffiċjenti, jew f’metodi tal-ġbir inadegwati.

Għaldaqstant, is-simplifikazzjoni tal-obbligi tar-rapportar u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv huma ta’ prijorità. F’dan il-kuntest, din il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-inizjattivi inklużi fl-ambizzjoni ewlenija “Ekonomija għas-servizz tan-nies”, il-“Patt Ekoloġiku Ewropew” u l-“Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna” fil-qasam tal-politika tas-Suq Intern, is-Sikurezza tal-Ikel u s-Saħħa, u li jkollha impatt, rispettivament, fuq l-industrija/is-setturi tat-tagħmir ta’ barra u tat-tagħmir tar-radju kif ukoll is-setturi relatati mal-ikel ittrattat bir-radjazzjoni jonizzanti u fuq il-kura tas-saħħa transfruntiera.

Il-proposta għandha l-għan li tirrazzjonalizza l-obbligi ta’ rapportar permezz ta’ taħlita ta’ miżuri:

–għad-Direttiva 1999/2/KE dwar ikel u ingredjenti tal-ikel trattati b’radjazzjoni li tionizza 2 , u għad-Direttiva 2000/14/KE dwar l-emissjoni tal-ħoss minn tagħmir għall-użu ta’ barra 3 , din il-proposta għandha l-għan li tneħħi l-obbligi ta’ rapportar li ma humiex meħtieġa;

–għad-Direttiva 2014/53/UE dwar it-tagħmir tar-radju 4 , din il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-frekwenza tal-obbligu ta’ rapportar tal-Istati Membri;

–għad-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali 5 , din il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-frekwenza tal-obbligu ta’ rapportar.

Fir-rigward tad-Direttiva 1999/2/KE, l-obbligu ta’ rapportar jikkonċerna kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni. L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 1999/2/KE jipprevedi li l-Istati Membri jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali li jkunu wettqu fil-faċilitajiet tal-irradjazzjoni tal-ikel u fuq l-ikel irradjat imqiegħed fis-suq. L-Artikolu 7(4) ta’ dik id-Direttiva jipprevedi li l-Kummissjoni tippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, rapport ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta kull sena mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali.

Dawn l-obbligi ta’ rapportar saru superfluwi, peress li l-obbligi ta’ rapportar annwali għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u għall-Kummissjoni huma rispettivament stabbiliti wkoll fl-Artikoli 113 u 114 tar-Regolament (UE) 2017/625 6 . Dawk l-obbligi huma biżżejjed biex jiżguraw l-infurzar u jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-effettività tal-leġiżlazzjoni. Għalhekk, il-proposta tipprevedi t-tħassir tal-obbligi ta’ rapportar simili attwalment stabbiliti fl-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 1999/2/KE.

Fir-rigward tad-Direttiva 2000/14/KE, dawk ir-rekwiżiti ta’ rapportar jikkonċernaw kemm il-kumpaniji kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi. Tabilħaqq, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/14/KE jipprevedi li l-manifatturi, jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, għandhom jibagħtu kemm lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE għat-tagħmir kopert minn dik id-Direttiva. Il-Kummissjoni mbagħad għandha l-obbligu li tiġbor id-data u tippubblika l-informazzjoni rilevanti perjodikament. Skont il-Premessa 14 tad-Direttiva 2000/14/KE, waħda mill-ġustifikazzjonijiet ewlenin għal dan l-obbligu ta’ rapportar kienet li tiġi prevista “bażi għal għażla ta’ konsumatur informat”. Madankollu, jidher li dan l-obbligu ta’ rapportar joħloq piż amministrattiv mhux meħtieġ f’dan ir-rigward, peress li l-konsumaturi diġà huma infurmati dwar il-livell ta’ emissjoni tal-ħoss permezz tal-immarkar obbligatorju tal-ħoss imwaħħal fuq it-tagħmir kollu kopert minn dik id-Direttiva.

Il-konsumaturi huma infurmati wkoll dwar l-emissjoni tal-ħoss tat-tagħmir speċifiku permezz tal-istruzzjonijiet għall-użu għall-magni li jaqgħu fl-ambitu kemm tad-Direttiva 2006/42/KE 7 dwar il-makkinarju kif ukoll tar-Regolament suċċessur tagħha (UE) 2023/1230 8 , peress li dawk il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni jkopru 55 mis-57 kategorija ta’ tagħmir li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2000/14/KE.

Konsegwentement, qiegħed jiġi propost li jitħassar l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/14/KE.

Fir-rigward tad-Direttiva 2011/24/UE, l-obbligu ta’ rapportar jikkonċerna lill-Kummissjoni. Madankollu, indirettament dan jikkonċerna wkoll lill-Istati Membri, peress li r-rapportar tal-Kummissjoni jibbaża ħafna fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri dwar kif id-Direttiva qed tiġi applikata fil-livell nazzjonali.

L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2011/24/UE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha sal-25 ta’ Ottubru 2015 u sussegwentement kull 3 snin wara dan, tfassal rapport dwar l-operat tad-Direttiva u tgħaddih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. In-Networks Ewropej ta’ Referenza stabbiliti skont id-Direttiva 2011/24/UE għandhom jiġu evalwati kull 5 snin skont l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Networks Ewropej ta’ Referenza 9 .

L-evalwazzjoni tal-funzjonament u tal-operazzjonijiet tan-Networks Ewropej ta’ Referenza kollha hija parti ewlenija mill-kontenut tar-rapporti dwar it-tħaddim tad-Direttiva 2011/24/UE. Konsegwentement, il-frekwenza kurrenti tar-rapportar hija sproporzjonata u ma għandhiex valur miżjud fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni parallela tan-Networks Ewropej ta’ Referenza. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ rapportar attwali ta’ 3 snin, fil-prattika, mhuwiex biżżejjed biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw l-azzjonijiet ta’ segwitu kollha mistennija. Barra minn hekk, jekk iż-żewġ proċessi (ir-rapportar dwar it-tħaddim tad-Direttiva u l-evalwazzjoni tan-Networks Ewropej ta’ Referenza) jiġu allinjati, jistgħu jiġu żgurati sinerġiji bejn ir-rapport u l-evalwazzjoni. Għalhekk, huwa propost li jiġi previst li r-rapportar dwar l-operat tad-Direttiva 2011/24/UE għandu jitwettaq kull 5 snin.

Fir-rigward tad-Direttiva 2014/53/UE, l-obbligu ta’ rapportar inkwistjoni jikkonċerna lill-Istati Membri.

Tabilħaqq, l-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2014/53/UE jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, kull sentejn, rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva li għandu jkun fih preżentazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq imwettqa mill-Istati Membri u jekk ikunux inkisbu r-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva. Il-frekwenza kurrenti ta’ dak l-obbligu ma taqbilx mal-obbligu ta’ rapportar mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jseħħ kull 5 snin.

F’dak l-ispirtu, huwa propost li l-frekwenza tal-obbligu ta’ rapportar tal-Istati Membri titnaqqas għal kull 5 snin.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija parti mill-ewwel pakkett ta’ miżuri biex jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rapportar. Dan huwa pass fi proċess kontinwu li jħares b’mod komprensiv lejn ir-rekwiżiti ta’ rapportar eżistenti, bil-ħsieb li tiġi vvalutata r-rilevanza kontinwa tagħhom u biex jagħmilhom aktar effiċjenti.

Ir-razzjonalizzazzjoni introdotta minn dawn il-miżuri ma hijiex se taffettwa l-ilħuq tal-objettivi fil-qasam tal-politika, għar-raġunijiet li ġejjin.

Fir-rigward tad-Direttivi 1999/2/KE u 2000/14/KE, ir-rekwiżiti ta’ rapportar li huma proposti li jitneħħew mid-Direttivi rispettivi ma għadhomx jipprovdu valur miżjud għall-Unjoni u għall-funzjonament tas-suq uniku.

L-obbligu li jsir rapport dwar it-tħaddim tad-Direttiva 2011/24/UE se jinżamm, iżda l-frekwenza tar-rapportar se tiġi allinjata mal-evalwazzjoni perjodika tan-Networks Ewropej ta’ Referenza, li hija kruċjali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/24/UE.

Fir-rigward tad-Direttiva 2014/53/UE, din il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-frekwenza tal-obbligu ta’ rapportar tal-Istati Membri, sabiex tikkorrispondi għall-frekwenza tal-obbligu ta’ rapportar tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Fil-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha hija adattata għall-użu tagħha, immirata għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati u timminimizza l-piżijiet filwaqt li tilħaq l-objettivi tagħha. Għaldaqstant, din il-proposta hija parti mill-programm REFIT, li jnaqqas il-piżijiet tar-rapportar li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Filwaqt li ċerti rekwiżiti ta’ rapportar huma essenzjali, dawn jeħtieġ li jkunu effiċjenti kemm jista’ jkun, jevitaw id-duplikazzjonijiet, ineħħu piż mhux meħtieġ u jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet diġitali u interoperabbli.

Il-proposti kurrenti jirrazzjonalizzaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar u b’hekk jagħmlu l-kisba tal-objettivi tal-leġiżlazzjoni aktar effiċjenti u anqas ta’ piż għall-kumpaniji u għall-awtoritajiet pubbliċi.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-bażijiet ġuridiċi oriġinali għall-adozzjoni tal-oqfsa settorjali, li din il-proposta għandha l-għan li temenda. Dawn l-oqfsa settorjali huma d-Direttiva 1999/2/KE dwar ikel u ingredjenti tal-ikel trattati b’radjazzjoni li tionizza, id-Direttiva 2000/14/KE dwar l-emissjoni tal-ħoss minn tagħmir għall-użu ta’ barra, id-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali u d-Direttiva 2014/53/UE dwar it-tagħmir tar-radju.

Id-Direttiva 1999/2/KE dwar ikel u ingredjenti tal-ikel trattati b’radjazzjoni li tionizza għandha l-għan li twassal sabiex is-suq intern jaħdem bla xkiel billi tnaqqas id-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali relatati mat-trattament ta’ oġġetti tal-ikel b’radjazzjoni jonizzanti. Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni, l-importazzjoni u t-tikkettar obbligatorju tal-ikel ittrattat bir-radjazzjoni jonizzanti, proċess użat biex jitnaqqas l-għadd ta’ mikroorganiżmi patoġeniċi fl-ikel u biex tiżdied il-ħajja tiegħu fuq l-ixkaffa.

L-oqfsa settorjali tal-Unjoni stabbiliti mid-Direttivi 2000/14/KE u 2014/53/UE huma l-hekk imsejħa “leġiżlazzjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-prodotti”. Iż-żewġ Direttivi jistabbilixxu regoli armonizzati dwar id-disinn, il-manifattura, il-valutazzjoni tal-konformità u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti. Essenzjalment, dawn l-oqfsa settorjali jintroduċu r-rekwiżiti ta’ sikurezza essenzjali għal kull settur/kategorija ta’ prodotti rispettivi li l-prodotti għandhom jissodisfaw u l-proċeduri kif tiġi vvalutata l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti.

Karatteristika komuni oħra ta’ dawn l-oqfsa hija li huma allinjati ftit jew wisq mill-qrib mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fid-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti 10 , li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ referenza għat-tfassil ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti.

Id-Direttiva 2011/24/UE dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali hija l-ewwel biċċa leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Din tikkomplementa r-Regolament li jintuża b’mod aktar wiesa’ dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali billi tikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tistabbilixxi regoli aktar dettaljati u sistemiċi biex il-pazjenti jingħataw il-libertà li jagħżlu kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor u li jiġu rimborżati (parzjalment) għall-kostijiet mediċi. Barra minn hekk, id-Direttiva 2011/24/UE, fost l-oħrajn, tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ Networks Ewropej ta’ Referenza għall-mard rari.

Il-biċċiet kollha tal-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq affettwati minn din il-proposta fihom dispożizzjonijiet ta’ tip simili, li jimponu obbligi li ma għadhomx meħtieġa maż-żmien. L-emendar tad-Direttivi msemmija bil-mod propost se jirriżulta fir-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar fl-oqfsa legali kollha affettwati.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar ikkonċernati huma imposti mid-dritt tal-Unjoni u għalhekk jistgħu jiġu emendati biss fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri, il-kumpaniji u l-Kummissjoni se jibbenefikaw mir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar li hija s-suġġett ta’ din il-proposta.

•Proporzjonalità

Ir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar tissimplifika l-qafas legali billi tintroduċi bidliet minimi għar-rekwiżiti eżistenti li ma jaffettwawx is-sustanza tal-objettiv usa’ tal-politika. Għaldaqstant, il-proposta hija limitata għal dawk il-bidliet li huma meħtieġa biex jiġi żgurat rapportar effiċjenti mingħajr ma jinbidel l-ebda wieħed mill-elementi sostanzjali tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.

•Għażla tal-istrument

Id-Direttivi 2000/14/KE u 2014/53/UE huma t-tnejn leġiżlazzjonijiet armonizzati dwar il-prodotti skont ir-regoli tas-Suq Uniku. Flimkien mad-Direttivi 1999/2/KE u 2011/24/UE, dawn il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni fihom obbligi ta’ rapportar żejda jew ineffettivi. Għalhekk, fl-interess tal-effiċjenza, proposta konġunta għar-razzjonalizzazzjoni tal-obbligu ta’ rapportar fil-forma ta’ din il-proposta omnibus tidher li hija l-aktar soluzzjoni xierqa.

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/24/UE, b’mod partikolari l-Artikolu 12(4), il-punti (b) u (c), ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/287/UE 11 li tistabbilixxi l-kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Networks Ewropej ta’ Referenza. Iż-żewġ strumenti jipprevedu rapportar u evalwazzjonijiet perjodiċi li għandhom jitħejjew mill-Kummissjoni.

Għalhekk, meta jitqies li r-riżultati tal-evalwazzjoni tan-Networks Ewropej ta’ Referenza huma rilevanti biex jiġi ddeterminat kif qed tiffunzjona d-Direttiva, fl-interess li jinħolqu sinerġiji bejn ir-rapporti u li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri, l-allinjament tal-perjodu ta’ rapportar għar-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar bħala parti minn din il-proposta omnibus jitqies xieraq u effiċjenti.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni proposti ġew identifikati wara proċess ta’ skrutinju intern tal-obbligi ta’ rapportar eżistenti u abbażi tal-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata. Peress li dan huwa pass fil-proċess ta’ valutazzjoni kontinwa tar-rekwiżiti ta’ rapportar li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-iskrutinju ta’ dan il-piż u tal-impatt tiegħu fuq il-partijiet ikkonċernati se jkompli għaddej.

•Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta tikkonċerna bidliet limitati u mmirati tal-leġiżlazzjoni bil-ħsieb li jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rapportar. Dawn huma bbażati fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-bidliet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq il-politika, iżda jiżguraw biss implimentazzjoni aktar effiċjenti u effettiva. Minħabba n-natura mmirata tagħhom u n-nuqqas ta’ għażliet ta’ politika rilevanti, valutazzjoni tal-impatt ma hijiex meħtieġa.

•    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din hija proposta REFIT, li għandha l-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni u li tnaqqas il-piżijiet għall-partijiet ikkonċernati.

•Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli

5.ELEMENTI OĦRA

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Meta jitqies l-ambitu tal-proposta, il-ħtieġa li jintalbu dokumenti ta’ spjegazzjoni mhix ġustifikata u lanqas proporzjonali.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Fir-rigward tad-Direttiva 1999/2/KE:

L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 1999/2/KE jipprevedi li l-Istati Membri jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali li jkunu wettqu fil-faċilitajiet tal-irradjazzjoni tal-ikel u fuq l-ikel irradjat imqiegħed fis-suq. L-Artikolu 7(4) ta’ dik id-Direttiva jipprevedi li l-Kummissjoni tippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, rapport ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta kull sena mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali.

Dawn l-obbligi ta’ rapportar huma żejda, peress li l-obbligi ta’ rapportar annwali dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf u applikabbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u għall-Kummissjoni huma stabbiliti wkoll fl-Artikoli 113 u 114 tar-Regolament (UE) 2017/625. Dawn l-obbligi tal-aħħar huma biżżejjed biex jiżguraw l-infurzar u jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-effettività tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-irradjazzjoni tal-ikel. Għalhekk, il-proposta tipprevedi t-tħassir tal-obbligi ta’ rapportar attwalment stabbiliti fl-Artikolu 7(3) u (4) tad-Direttiva 1999/2/KE dwar ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa f’faċilitajiet tal-irradjazzjoni tal-ikel jew fuq ikel irradjat imqiegħed fis-suq.

Fir-rigward tad-Direttiva 2000/14/KE:

L-Artikolu 16 tad-Direttiva jipprevedi obbligu għall-manifatturi, jew għar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, li jibagħtu kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE tal-prodotti tagħhom kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha l-obbligu li mbagħad tiġbor id-data li tirċievi u li tippubblika l-informazzjoni rilevanti perjodikament.

Kif indikat fl-evalwazzjoni tad-Direttiva, dak l-obbligu ta’ rapportar jidher ineffettiv peress li skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-manifatturi għandhom l-obbligu li jwaħħlu marka tal-ħoss fuq it-tagħmir kopert minn dik id-Direttiva. Din il-marka tal-ħoss hija meqjusa suffiċjenti biex tipprovdi informazzjoni fir-rigward tal-livell ta’ ħoss tat-tagħmir lill-konsumaturi.

F’dan l-ispirtu, jidher li huwa xieraq li jitħassar l-Artikolu 16, peress li ma għad hemm l-ebda ħtieġa għal dan l-obbligu ta’ rapportar.

Billi l-Artikolu 20 ta’ dik id-Direttiva jsemmi l-Artikolu 16, huwa għalhekk xieraq li dak l-Artikolu jiġi emendat kif xieraq.

Fir-rigward tad-Direttiva 2011/24/KE:

L-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2011/24/UE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha sal-25 ta’ Ottubru 2015 u sussegwentement kull 3 snin wara dan, għandha tfassal rapport dwar l-operat tad-Direttiva u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-aħħar rapport dwar it-tħaddim tad-Direttiva ġie ppubblikat fit-12 ta’ Mejju 2022. Skont ir-regoli kurrenti, ir-rapport li jmiss tad-Direttiva għandu jkun lest sal-2025.

In-Networks Ewropej ta’ Referenza stabbiliti skont id-Direttiva 2011/24/UE jiġu evalwati kull 5 snin kif previst fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/287/UE. Peress li n-Networks Ewropej ta’ Referenza ġew stabbiliti fl-2017, il-Kummissjoni qed tevalwa n-Networks Ewropej ta’ Referenza għall-ewwel darba fl-2022-2023 u l-evalwazzjoni li jmiss tan-Networks Ewropej ta’ Referenza, f’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/287/UE, se sseħħ fl-2027.

Permezz tal-allinjament ta’ dawn iż-żewġ proċessi (ir-rapportar dwar it-tħaddim tad-Direttiva u l-evalwazzjoni tan-Networks Ewropej ta’ Referenza), jistgħu jiġu żgurati sinerġiji. Għalhekk, il-proposta se tipprevedi r-rapportar dwar l-operat tad-Direttiva 2011/24/UE li għandu jitwettaq kull 5 snin, mill-2027 ’il quddiem.

Fir-rigward tad-Direttiva 2014/53/KE:

L-Artikolu 47(1) tad-Direttiva jipprevedi obbligu għall-Istati Membri li jirrapportaw kull sentejn lill-Kummissjoni.

Ir-rapport għandu jkun fih preżentazzjoni tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq imwettqa mill-Istati Membri u għandu jipprovdi informazzjoni dwar jekk inkisbitx il-konformità, u sa liema punt, mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva.

Il-frekwenza ta’ dak l-obbligu ta’ rapportar tidher li hija ogħla milli meħtieġ. F’konformità mal-Artikolu 47(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull 5 snin. Il-proposta għandha l-għan li timmodifika l-frekwenza tal-obbligu ta’ rapportar għall-Istati Membri għal kull 5 snin. B’dan il-mod, l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri tista’ tintuża mill-Kummissjoni bħala abbozz ta’ referenza għar-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Dan se jipprovdi wkoll lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni li għandha twettaq meta tadotta atti delegati skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/53/UE li jispeċifikaw liema kategoriji ta’ tagħmir tar-radju huma kkonċernati mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni u jippermetti lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni mir-rapporti tal-Istati Membri b’mod aktar effiċjenti.

2023/0369 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 1999/2/KE, 2000/14/KE, 2011/24/UE u 2014/53/UE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tal-ikel u tal-ingredjenti tal-ikel, tal-istorbju ta’ barra, tad-drittijiet tal-pazjenti, u tat-tagħmir tar-radju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 12 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ monitoraġġ kif suppost u infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati, sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop tagħhom li jillimitaw il-piż amministrattiv.

(2)Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 13 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrazzjonalizza u tissimplifikar-rekwiżiti ta’ rapportar, bl-għan aħħari li tnaqqas dawn il-piżijiet b’25 %, mingħajr ma timmina l-objettivi ta’ politika relatati.

(3)Id-Direttiva 1999/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 , id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 , id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 u d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 fihom għadd ta’ rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel, l-istorbju ta’ barra, id-drittijiet tal-pazjenti, u t-tagħmir tar-radju.

(4)F’konformità mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 1999/2/KE, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni r-riżultati tal-kontrolli uffiċjali li jkunu wettqu fil-faċilitajiet tal-irradjazzjoni jonizzanti u l-kontrolli mwettqa fl-istadju tat-tqegħid fis-suq tal-prodott. L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 1999/2/KE jistipula li l-Kummissjoni għandha tippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, rapport ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta kull sena mill-Istati Membri. L-Artikoli 113 u 114 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 jipprevedu li kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, rapport li jistabbilixxi l-eżitu tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fis-sena preċedenti skont il-pjan ta’ kontroll pluriennali nazzjonali (“MANCP”) tiegħu. Il-MANCP ikopri, fost l-oħrajn, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/2/KE. Barra minn hekk, l-Artikolu 114 tar-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li kull sena, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku rapport annwali dwar l-operat tal-kontrolli uffiċjali fl-Istati Membri filwaqt li tqis ir-rapporti annwali ppreżentati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 113 ta’ dak ir-Regolament. Peress li l-obbligi ta’ rapportar annwali stabbiliti fl-Artikoli 113 u 114 tar-Regolament (UE) 2017/625 diġà jiżguraw l-infurzar u l-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni dwar l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel irradjati, l-obbligu ta’ rapportar annwali simili attwalment stabbilit fid-Direttiva 1999/2/KE jenħtieġ li jitħassar sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti u għall-Kummissjoni.

(5)Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/14/KE, il-manifatturi, jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, għandhom jibagħtu kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE għat-tagħmir għall-użu ta’ barra li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiġbor id-data u tippubblika l-informazzjoni rilevanti perjodikament.

(6)Il-konsumaturi jistgħu jsibu l-informazzjoni rilevanti dwar l-emissjonijiet ta’ storbju tat-tagħmir kopert mid-Direttiva 2000/14/KE direttament fuq it-tagħmir, peress li l-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva jipprovdi għal immarkar obbligatorju tal-ħoss fuq it-tagħmir. Għalhekk, l-obbligi fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/14/KE li jipprovdu dokumentazzjoni u li jiġbru u jippubblikaw data huma superfluwi u jenħtieġ li, fl-interess tar-razzjonalità u sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv tal-kumpaniji u tal-awtoritajiet, jitħassru.

(7)F’konformità mal-Artikolu 20(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2000/14/KE, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rieżami tad-data miġbura dwar il-ħoss f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva. Peress li tali data dwar il-ħoss mhux se tibqa’ tinġabar, dak l-obbligu jenħtieġ li jitħassar ukoll.

(8)F’konformità mal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2011/24/UE, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar it-tħaddim ta’ dik id-Direttiva kull 3 snin. Dak ir-rapport huwa bbażat ħafna fuq ir-rapportar u l-kontribuzzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. In-Networks Ewropej ta’ Referenza stabbiliti skont id-Direttiva 2011/24/UE għandhom jiġu evalwati kull 5 snin kif stabbilit fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/287/UE 19 . Sabiex jiġu allinjati r-rekwiżiti ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li huma mitluba jipprovdu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/24/UE, il-frekwenza tar-rapportar mill-Kummissjoni jenħtieġ li tinbidel għal kull 5 snin. Meta jitqies li l-aktar rapport reċenti dwar it-tħaddim tad-Direttiva 2011/24/UE ġie ppubblikat fl-2022, ir-rapport li jmiss jenħtieġ li jiġi ppubblikat fl-2027.

(9)F’konformità mal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2014/53/UE, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapporti regolari dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva mill-inqas kull sentejn. Il-frekwenza ta’ dak ir-rapportar obbligatorju hija ogħla milli meħtieġ. Fl-interess tar-razzjonalità u sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv tal-Istati Membri, il-frekwenza tar-rapportar obbligatorju mill-Istati Membri jenħtieġ li tinbidel għal kull 5 snin, sabiex tikkorrispondi mal-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2014/53/UE li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta’ dik id-Direttiva. Dan se jipprovdi wkoll lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni li għandha twettaq meta tadotta atti delegati skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/53/UE li jispeċifikaw liema kategoriji ta’ tagħmir tar-radju huma kkonċernati mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni u jippermetti lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni mir-rapporti tal-Istati Membri b’mod aktar effiċjenti.

(10)Għaldaqstant, id-Direttivi 1999/2/KE, 2000/14/KE, 2011/24/UE u 2014/53/UE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 
Emendi għad-Direttiva 1999/2/KE

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 1999/2/KE huwa emendat kif ġej:

(1)il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-ismijiet, l-indirizzi u n-numri ta’ referenza tal-faċilitajiet tal-irradjazzjoni li jkun approva, it-test tad-dokument ta' approvazzjoni, u kull deċiżjoni li tissospendi jew li tirtira l-approvazzjoni.”;

(2)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Abbażi tad-data pprovduta skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dettalji tal-faċilitajiet kif ukoll kwalunkwe bidla fl-istatus tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”.

Artikolu 2
Emendi għad-Direttiva 2000/14/KE

Id-Direttiva 2000/14/UE hija emendata kif ġej:

(1)l-Artikolu 16 huwa mħassar;

(2)fl-Artikolu 20(1), il-punt (a) huwa mħassar.

Artikolu 3 
Emenda għad-Direttiva 2011/24/UE

Fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/24/UE, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-Kummissjoni għandha sal-25 ta’ Ottubru 2027 u sussegwentement kull 5 snin wara dan, tfassal rapport dwar l-operat ta’ din id-Direttiva u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”.

Artikolu 4 
Emenda għad-Direttiva 2014/53/UE

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2014/53/UE hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom iressqu lill-Kummissjoni rapporti dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva sat-12 ta’ Diċembru 2027, li jkopru l-perjodu mit-13 ta’ Ġunju 2023, u kull 5 snin minn hemm ’il quddiem.”.

Artikolu 5 
Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa [Nota lill-OP: daħħal id-data eżatta – […] 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 2, il-punt (1), ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [Nota lill-OP: daħħal id-data eżatta – […] 12-il xahar u jum wara li tidħol fis-seħħ din id-Direttiva].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 6
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7
Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2023)168.
(2)    Id-Direttiva 1999/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw ikel u ingredjenti tal-ikel trattati b’radjazzjoni li tionizza (ĠU L 66, 13.3.1999, p. 16).
(3)    Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra (ĠU L 162, 3.7.2000, p. 1).
(4)    Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).
(5)    Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).
(7)    Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).
(8)    Ir-Regolament (UE) 2023/1230 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar il-makkinarju u li jħassar id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 73/361/KEE (ĠU L 165, 29.6.2023, p. 1).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/287/UE tal-10 ta’ Marzu 2014 li tistipula kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Networks Ewropej ta’ Referenza u l-Membri tagħhom u biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni ta’ Networks bħal dawn (ĠU L 147, 17.5.2014, p. 79).
(10)    Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/287/UE tal-10 ta’ Marzu 2014 li tistipula kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Networks Ewropej ta’ Referenza u l-Membri tagħhom u biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni ta’ Networks bħal dawn (ĠU L 147, 17.5.2014, p. 79).
(12)    ĠU C […], […], p. […].
(13)    COM(2023)168.
(14)    Id-Direttiva 1999/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw ikel u ingredjenti tal-ikel trattati b’radjazzjoni li tionizza (ĠU L 66, 13.3.1999, p. 16).
(15)    Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra (ĠU L 162, 3.7.2000, p. 1).
(16)    Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).
(17)    Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).
(18)    Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).
(19)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/287/UE tal-10 ta’ Marzu 2014 li tistipula kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Networks Ewropej ta’ Referenza u l-Membri tagħhom u biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni ta’ Networks bħal dawn (ĠU L 147, 17.5.2014, p. 79).