IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2023
COM(2023) 599 final
2023/0173(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.5.2023
COM(2023) 599 final
2023/0173(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjonijiet ta’ interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fi ħdan il-Kunsill. Il-Kunsill għandu jadotta linji gwida dwar l-impjiegi (l-Artikolu 148) filwaqt li jispeċifika li dawn iridu jkunu konsistenti mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika (l-Artikolu 121).
Filwaqt li l-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika jibqgħu jgħoddu għal kwalunkwe durata ta’ żmien, il-linji gwida dwar l-impjiegi jridu jitfasslu kull sena. Il-linji gwida ġew adottati flimkien għall-ewwel darba (“il-pakkett integrat”) fl-2010, u jirfdu l-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida integrati baqgħu stabbli sal-2014. Fl-2015 ġew adottati linji gwida integrati riveduti. Fl-2018, il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew allinjati mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat f’Novembru 2017 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, bl-għan li jixprunaw ir-riformi fil-livell nazzjonali u biex iservu ta’ boxxla għall-proċess imġedded ta’ konverġenza ’l fuq madwar l-Ewropa kollha lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar, u baqgħu hekk sal-2019. Fl-2020, ġew allinjati biex jintegraw elementi relatati mal-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Fl-2021 dawn ġew riportati, filwaqt li l-premessi ġew aġġustati biex jirriflettu l-eżiti tas-Summit Soċjali ta’ Porto u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Fl-2022, il-linji gwida ġew emendati biex jallinjaw it-test billi n-narrattiva ffukat mill-ġdid fuq l-ambjent ta’ wara l-COVID 19, fejn iddaħħlu aktar elementi relatati mal-ġustizzja fit-tranżizzjoni ekoloġika, ġew riflessi l-inizjattivi ta’ politika reċenti u żdiedu elementi ta’ politika ta’ rilevanza partikolari fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Fl-2023, qegħdin jerġgħu jiġu riportati, filwaqt li qegħdin jiġu aġġustati l-premessi biex jirriflettu l-miri ewlenin u nazzjonali l-ġodda tal-UE dwar l-impjiegi, it-tnaqqis tal-ħiliet u tal-faqar u inizjattivi reċenti.
Flimkien mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika, il-linji gwida dwar l-impjiegi qegħdin jiġu ppreżentati bħala Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (il-Parti II tal-Linji Gwida Integrati) u jipprovdu l-bażi għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fl-oqsma rispettivi.
Il-“Linji Gwida dwar l-Impjiegi” riveduti huma dawn li ġejjin:
Il-Linja Gwida 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol
Il-Linja Gwida 6: Insaħħu l-provvista tal-ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, l-akkwiżizzjoni ta’ ħiliet u kompetenzi tul il-ħajja
Il-Linja Gwida 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali
Il-Linja Gwida 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar
2023/0173 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew( 1 ) ,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),
Wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi ( 3 )
Billi:
(1)L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b’ħiliet, imħarrġa u adattabbli, kif ukoll swieq tax-xogħol li jkunu orjentati lejn il-ġejjieni u jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta’ livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali, tkabbir ibbilanċjat, livell għoli ta’ protezzjoni u titjib fil-kwalità tal-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dak ir-rigward fi ħdan il-Kunsill, filwaqt li jqisu l-prattiki nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet ta’ ġestjoni u tal-ħaddiema.
(2)L-Unjoni għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-TUE. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis ir-rekwiżiti relatati mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ u l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
(3)F’konformità mat-TFUE, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta’ koordinazzjoni tal-politika għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (“il-Linji Gwida”) stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2296( 4 ), flimkien mal-Linji Gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184( 5 ), jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati. Dawn għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, filwaqt li jirriflettu l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett li jirriżulta ta’ politiki u riformi Ewropej u nazzjonali kkoordinati għandhom jikkostitwixxu taħlita ta’ politika ekonomika, tal-impjiegi u soċjali sostenibbli kumplessiva xierqa, u dan jenħtieġ li jikseb effetti sekondarji pożittivi għas-swieq tax-xogħol u għas-soċjetà inġenerali, u jwieġeb b’mod effettiv għal sfidi ta’ żmien medju u itwal kif ukoll għall-impatti ta’ kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19 u aktar reċentement il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.
(4)Sabiex jissaħħaħ il-progress ekonomiku u soċjali, jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tissaħħaħ il-bażi industrijali tal-UE, u jinkisbu swieq tax-xogħol inklużivi, kompetittivi u reżiljenti fl-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet u jippromwovu edukazzjoni ta’ kwalità, taħriġ, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali orjentati lejn il-futur, u tiġdid u titjib tal-ħiliet tul il-ħajja, kif ukoll politiki attivi effettivi tas-suq tax-xogħol u opportunitajiet ta’ karriera mtejba billi jsaħħu r-rabtiet bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol u r-rikonoxximent tal-ħiliet, tal-għarfien u tal-kompetenzi miksuba permezz ta’ apprendiment mhux formali u informali.
(5)Il-linji Gwida huma konsistenti mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u ma’ diversi inizjattivi tal-Unjoni, inkluż ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021( 6 ), tad-29 ta’ Novembru 2021( 7 ), tal-5 ta’ April 2022( 8 ), tas-16 ta’ Ġunju 2022( 9 ) , tat-28 ta’ Novembru 2022( 10 ), tat-8 ta’ Diċembru 2022( 11 ) u tat-30 ta’ Jannar 2023( 12 ), mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2021( 13 ), mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2021( 14 ), mal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali( 15 ), dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027( 16 ) dwar l-Istrateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030( 17 ), dwar il-Pakkett dwar l-Impjiegi għall-Persuni b’Diżabilità( 18 ), dwar Strateġija Ewropea għall-Kura( 19 ), dwar Pjan Industrijali għal Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti( 20 ), dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea( 21 ), dwar Valutazzjoni aħjar tal-impatt distributtiv tal-politiki tal-Istati Membri( 22 ), id-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill( 23 ), id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022( 24 ), tat-23 ta’ Novembru 2022( 25 ), u ta’ Mejju 2023( 26 ), id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023( 27 ), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet qafas tal-ekonomija soċjali( 28 ) u l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-Rieżami tal-Governanza Ekonomika tas-26 ta’ April 2023.
(6)Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien l-istrumenti differenti f’qafas ġenerali għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza multilaterali integrati tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi fi ħdan l-Unjoni. Filwaqt li jsegwi s-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà makroekonomika, is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-għodda ta’ monitoraġġ tiegħu, it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, u jipprovdi impenn qawwi mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili u ma’ partijiet ikkonċernati oħra. Jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Jenħtieġ li l-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f’id mat-tranżizzjoni ġusta tal-Ewropa lejn ekonomija newtrali għall-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, filwaqt li jtejbu l-kompetittività, jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, irawmu l-innovazzjoni, jippromwovu l-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs u l-konverġenza soċjoekonomika ’l fuq, kif ukoll jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali.
(7)It-tibdil fil-klima u sfidi oħra relatati mal-ambjent, il-ħtieġa li tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika ġusta, bidla ulterjuri lejn l-indipendenza enerġetika, tisħiħ fil-kompetittività ta’ industriji b’emissjonijiet żero netti u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, iż-żieda fit-telexogħol, l-ekonomija tal-pjattaformi u t-tibdil demografiku, qed jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej bil-kbir. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b’mod effettiv u proattiv dawk l-iżviluppi strutturali u jadattaw sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dan jirrikjedi azzjoni ta’ politika kkoordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol tas-sħab soċjali, f’konformità mat-TFUE u mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika, filwaqt li jitqies il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Jenħtieġ li azzjoni politika bħal din tinkludi spinta fl-investiment sostenibbli, tiġdid fl-impenn għal riformi b’sekwenza xierqa li jtejbu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklussiv, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-produttività, il-kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, il-koeżjoni soċjali u territorjali, il-konverġenza soċjo-ekonomika ’l fuq, ir-reżiljenza u l-eżerċizzju ta’ responsabbiltà fiskali. Kif muri fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ b’mod sistematiku f’politiki oħrajn relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u mal-iżvilupp sostenibbli f’perspettiva tul il-ħajja tista’ tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dawk il-politiki. Jenħtieġ li jingħata appoġġ mill-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-Unjoni, u b’mod partikolari mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill( 29 ) u mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 30 ) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali regolat bir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill( 31 ), kif ukoll il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 32 ) . Jenħtieġ li l-azzjoni ta’ politika tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti ekonomiċi, ambjentali, tal-impjiegi u soċjali tagħhom.
(8)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f’Novembru 2017( 33 ), jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt għall-appoġġ ta’ swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol, u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni strateġika lill-Unjoni, filwaqt li jiżguraw li t-tranżizzjonijiet għan-newtralità klimatika u għas-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku jkunu soċjalment ekwi u ġusti u jippreservaw il-koeżjoni territorjali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, flimkien mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali li takkumpanjah, jikkostitwixxi qafas ta’ referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-Istati Membri biex jixpruna r-riformi u l-investimenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u jirrikonċilja l-lat “soċjali” u s-“suq” fl-ekonomija moderna tal-lum, fosthom billi jippromwovi l-ekonomija soċjali. Fl-4 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-“Pjan ta’ Azzjoni”), inkluż miri ewlenin ambizzjużi iżda realistiċi tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u submiri komplementari għall-2030, kif ukoll it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta.
(9)Kif rikonoxxut mill-Kapijiet tal-Istati jew tal-Gvernijiet fis-Summit Soċjali ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021, l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se ssaħħaħ l-ispinta tal-Unjoni lejn tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u se tikkontribwixxi għall-kisba ta’ konverġenza soċjali u ekonomika ’l fuq u se tindirizza l-isfidi demografiċi. Enfasizzaw li d-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tas-sħab soċjali huma fil-qalba ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna u laqgħu l-miri ewlenin il-ġodda tal-Unjoni. Iddikjaraw id-determinazzjoni tagħhom, kif stabbilit mill-Aġenda Strateġika tal-Kunsill Ewropew 2019-2024, li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali, bil-konsiderazzjoni dovuta għall-kompetenzi rispettivi u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Fl-aħħar, enfasizzaw l-importanza li jiġi segwit mill-qrib, inkluż fl-ogħla livell, il-progress miksub lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030.
(10)Il-miri ewlenin tal-UE għall-2030 dwar l-impjiegi (mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena jenħtieġ li jkollhom impjieg), il-ħiliet (mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jenħtieġ li jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena) u t-tnaqqis tal-faqar (mill-inqas 15-il miljun persuna inqas f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, fosthom ħames miljun tifel u tifla), intlaqgħu mill-Mexxejja tal-UE f’Porto u mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2021, se jgħinu, flimkien mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, fil-monitoraġġ tal-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala parti mill-qafas ta’ koordinazzjoni tal-politika fis-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, l-Impenn Soċjali ta’ Porto appella wkoll lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri nazzjonali ambizzjużi li, filwaqt li tiġi meqjusa l-pożizzjoni inizjali ta’ kull pajjiż, jenħtieġ li jagħtu kontribut xieraq biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030. Bejn Settembru 2021 u Ġunju 2022, l-Istati Membri ppreżentaw il-miri nazzjonali tagħhom wara li l-Kummissjoni stednithom jagħmlu dan. Fl-EPSCO ta’ Ġunju 2022, il-Ministri enfasizzaw l-importanza li l-progress li nkiseb fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u lejn il-miri ewlenin tal-UE għall-2030 jiġi segwit mill-qrib. F’dan l-isfond, il-miri nazzjonali issa huma koperti fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2023, u se jiġu integrati ulterjorment fl-għodod ta’ monitoraġġ tas-Semestru. Barra minn hekk, il-korpi konsultattivi tal-EPSCO ffinalizzaw messaġġi ewlenin biex jinformaw lid-dibattitu tas-Semestru fl-EPSCO ta’ Ġunju dwar qafas possibbli biex jissaħħu l-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskji għall-konverġenza soċjali ’l fuq fl-Unjoni.
(11)Wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill ikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja, li jippruvaw jimminaw is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali, u esprima solidarjetà mal-poplu Ukren, filwaqt li ssottolinja l-ksur tad-dritt internazzjonali u tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Fil-kuntest kurrenti, il-protezzjoni temporanja, kif mogħtija mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 ( 34 ) li tattiva d-Direttiva 2001/55/KE, toffri assistenza malajr u b’mod effettiv lill-persuni spostati fil-pajjiżi Ewropej, li jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u tippermettilhom igawdu d-drittijiet minimi madwar l-Unjoni li joffru livell xieraq ta’ protezzjoni. Billi jipparteċipaw fis-swieq tax-xogħol tal-Ewropa, il-persuni spostati mill-Ukrajna jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ekonomija tal-Unjoni u jgħinu biex jappoġġaw lil pajjiżhom u lin-nies f’pajjiżhom. Fil-futur, l-esperjenza u l-ħiliet miksuba jistgħu jikkontribwixxu biex l-Ukrajna tinbena mill-ġdid. Għat-tfal u l-adolexxenti mhux akkumpanjati, il-protezzjoni temporanja tikkonferixxi d-dritt għall-kustodja legali u aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ politika mmirati lejn l-indirizzar tal-isfidi tal-impjiegi u tal-ħiliet, inkluż ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki, li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Is-sħab soċjali għandhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tal-impatt tal-gwerra f’termini ta’ preservazzjoni tal-impjiegi u tal-produzzjoni.
(12)Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar tal-pagi, jenħtieġ li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali u l-awtonomija tas-sħab soċjali, bil-għan li jiġu pprovduti pagi ġusti li jippermettu standard tal-għajxien deċenti u tkabbir sostenibbli u konverġenza soċjoekonomika ’l fuq. Jenħtieġ li jippermettu għall-opportunità meħtieġa għal konsiderazzjoni wiesgħa tal-fatturi soċjoekonomiċi, inkluż titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fl-innovazzjoni, fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-faqar fost dawk li jaħdmu, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fil-ħiliet, fis-saħħa pubblika, fil-protezzjoni soċjali u fl-inklużjoni kif ukoll fl-introjti reali. F’dak ir-rigward, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni qed jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti li huma konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni, li jagħmlu l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej aktar sostenibbli, reżiljenti u ppreparati aħjar għat-tranżizzjoni ekoloġika u għal dik diġitali fil-kuntest li qed jinbidel ta’ wara l-pandemija tal-COVID-19. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kompliet aggravat l-isfidi soċjoekonomiċi li kienu diġà jeżistu. L-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jkomplu jiżguraw li l-impatti soċjali, fuq l-impjieg u ekonomiċi jittaffew u li t-tranżizzjonijiet ikunu soċjalment ekwi u ġusti, anke fid-dawl tal-fatt li aktar awtonomija strateġika miftuħa u tranżizzjoni ekoloġika aċċellerata jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u ta’ prodotti u teknoloġiji strateġiċi oħra, b’mod partikolari mir-Russja. It-tisħiħ tar-reżiljenza u l-insegwiment ta’ soċjetà inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies huma protetti u mogħtija s-setgħa biex jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li fiha jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà u fl-ekonomija, huma essenzjali.
Hemm bżonn ta’ sett koerenti ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, li jikkonsisti f’inċentivi temporanji u mmirati ta’ reklutaġġ u tranżizzjoni, politiki dwar il-ħiliet inkluż l-apprendiment għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli u servizzi ta’ impjieg immirati, effettivi u adattabbli, biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, anke fid-dawl tat-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif enfasizzat inter alia fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika. Jenħtieġ li jiġu żġurati kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, inkluż is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, u kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali tal-ħaddiema.
(13)Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġu appoġġati l-impjiegi taż-żgħażagħ. Jenħtieġ li jiġu żgurati aċċess u opportunitajiet indaqs għal kulħadd u jenħtieġ li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, b’mod partikolari fit-tfal, il-persuni b’diżabilità u l-persuni Rom, b’mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali adegwati u inklużivi, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva( 35 ), u billi jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni, it-taħriġ, l-apprendiment tul il-ħajja u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol inklużivi u orjentati lejn il-futur, fosthom permezz ta’ investimenti fl-edukazzjoni u fil-kura bikrija tat-tfal, f’konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal: il-miri ta’ Barċellona għall-2030, u fil-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola. Aċċess f’waqtu u ugwali għall-kura affordabbli fit-tul ta’ kwalità għolja, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-kura affordabbli fit-tul ta’ kwalità għolja, u servizzi tal-kura tas-saħħa, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tal-kura tas-saħħa, huma partikolarment rilevanti, anke fid-dawl tar-riskji potenzjali għas-saħħa fil-futur u f’kuntest ta’ soċjetajiet li qed jixjieħu. Il-potenzjal tal-persuni b’diżabilità li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp soċjali jenħtieġ li jiġi realizzat ulterjorment, f’konformità mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità( 36 ), li stiednet lill-Istati Membri jistabbilixxu miri dwar l-impjiegi u l-apprendiment għall-adulti għall-persuni b’diżabilità. Teknoloġiji ġodda u postijiet tax-xogħol li qed jevolvu madwar l-Unjoni jippermettu organizzazzjoni tax-xogħol aktar flessibbli kif ukoll titjib fil-produttività u fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li jikkontribwixxu għall-impenji ekoloġiċi tal-UE. Huma jġibu wkoll sfidi ġodda għas-swieq tax-xogħol, li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol jissarrfu f’impjiegi ta’ kwalità u f’postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu, filwaqt li jżommu d-drittijiet tax-xogħol u soċjali stabbiliti u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa.
(14)Jenħtieġ li l-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi ta’ REACT-EU tagħhom stabbiliti bir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill( 37 ), li jsaħħaħ il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) sal-2023. Minħabba l-kriżi kurrenti tal-Ukrajna, ir-Regolament (UE) 2020/2221 ġie kkomplementat ulterjorment bir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 38 ) , kif ukoll b’emenda ulterjuri għar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 39 ) dwar żieda fil-prefinanzjament għal REACT-EU, u b’kost unitarju ġdid sabiex jgħin biex titħaffef l-integrazzjoni tal-persuni li qed jitilqu mill-Ukrajna u li jidħlu fl-Unjoni kif previst fir-Regolament (UE) 2022/613 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 40 ).
Barra minn hekk, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u fondi oħra tal-Unjoni, inkluż il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta kif ukoll InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 41 ), biex irawmu impjiegi ta’ kwalità u investimenti soċjali, biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, biex jiżguraw l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni, u biex jippromwovu opportunitajiet ta’ tiġdid u ta’ titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, apprendiment tul il-ħajja u edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali sabiex jingħataw is-setgħa bl-għarfien u bil-kwalifiki meħtieġa għal ekonomija diġitali u ekoloġika. L-Istati Membri għandhom jagħmlu wkoll użu sħiħ mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 biex jappoġġaw lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b’riżultat ta’ eventi ta’ ristrutturar maġġuri, bħall-pandemija tal-COVID-19, trasformazzjonijiet soċjoekonomiċi li huma r-riżultat ta’ xejriet aktar globali, u l-bidliet teknoloġiċi u ambjentali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
(15)Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jimmonitorjaw il-mod li bih il-politiki rilevanti jiġu implimentati fid-dawl tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattat. Dawk il-Kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi u soċjali għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib. Jenħtieġ li d-djalogu politiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jibqa’ għaddej, b’mod partikolari fir-rigward tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri.
(16)Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2296, huma miżmuma għall-2023 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politiki dwar l-impjiegi u fil-programmi tar-riformi tagħhom.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President